24.8.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 341/100


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni — Evalwazzjoni tal-White Paper ‘Pjan Direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport — Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b’mod effiċjenti’”

[SWD(2020) 410 final]

(2021/C 341/14)

Relatur:

Pierre Jean COULON

Korelatur:

Lidija PAVIĆ-ROGOŠIĆ

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 14.1.2021

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

Adottata fis-sezzjoni

27.5.2021

Adottata fil-plenarja

9.6.2021

Sessjoni plenarja Nru

561

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

241/1/4

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jilqa’ din l-inizjattiva biex tiġi evalwata l-implimentazzjoni tal-White Paper tal-2011, iżda jiddispjaċih li din l-evalwazzjoni tnediet tard u ntbagħtet lilu biss wara talba min-naħa tiegħu.

1.2.

Fil-futur, il-KESE jixtieq li jkun jista’ jibbenefika minn rapporti ta’ progress regolari fl-implimentazzjoni tal-istrateġiji tal-Kummissjoni u li jkun jista’ jagħti l-kontribut tiegħu fil-qasam tat-trasport. Barra minn hekk, il-KESE jirrakkomanda li d-dokumenti strateġiċi futuri jkollhom pjan ta’ monitoraġġ ċar imħejji mill-bidu nett.

1.3.

Il-KESE jittama li dawn l-evalwazzjonijiet għandhom jikkonsistu f’rapporti ta’ progress regolari u tematiċi, skont il-perjodi li jippermettu valutazzjoni reali tal-progress, id-dewmien u l-kawżi tagħhom u, fejn meħtieġ, miżuri korrettivi possibbli. Huwa importanti li jiġi vvalutat b’mod f’waqtu dak li nkiseb u dak li ma nkisibx u għaliex (eż. il-komodalità, sitwazzjoni aħjar fir-rigward tal-ferroviji, il-konġestjoni, il-kwistjonijiet soċjali, l-għanijiet ambjentali, eċċ) u tittieħed azzjoni f’dan ir-rigward.

1.4.

Il-Kumitat jappoġġja approċċ aktar ekoloġiku fir-rigward tat-trasport, iżda jenfasizza li t-tranżizzjoni tal-enerġija għandha tkun ġusta u toffri, mingħajr ma tiċħad l-objettivi tagħha, alternattivi vijabbli jew realistiċi, filwaqt li tqis il-karatteristiċi territorjali speċifiċi ekonomiċi u soċjali u l-ħtiġijiet tar-reġjuni kollha tal-Ewropa, inklużi ż-żoni rurali.

1.5.

Il-Kumitat itenni wkoll il-fehmiet tiegħu dwar il-White Paper, fis-sens li t-trażżin tal-modalità mhuwiex għażla, li l-komodalità u mhux il-bidla modali għandha tkun l-objettiv, li tranżizzjoni ekoloġika trid tkun kemm soċjalment ġusta kif ukoll tħares il-kompetittività tat-trasport Ewropew, inkluż permezz tal-implimentazzjoni sħiħa taż-Żona Ewropea tat-Trasport, bl-implimentazzjoni sħiħa tas-Suq Uniku. F’dan il-kuntest, il-KESE jiddispjaċih ukoll għad-dewmien fl-implimentazzjoni tat-TEN-T.

1.6.

Il-KESE, kif diġà stqarr fl-Opinjoni tiegħu tal-2012, jixtieq iħeġġeġ skambju ta’ fehmiet miftuħ, kontinwu u trasparenti dwar l-implimentazzjoni tal-White Paper bejn is-soċjetà ċivili (negozji, impjegaturi, impjegati, utenti, NGOs u akkademiċi, eċċ), il-Kummissjoni u atturi rilevanti oħra bħall-awtoritajiet nazzjonali f’livelli differenti. B’dan il-mod, l-aċċettazzjoni u l-fehim mis-soċjetà ċivili se jitjiebu kif ukoll il-feedback utli lil dawk li jfasslu l-politika u dawk li jimplimentawha.

1.7.

Il-KESE jtenni d-dikjarazzjoni li għamel fl-Opinjoni tiegħu tal-2011 dwar L-aspetti soċjali tal-politika tal-UE dwar it-trasport. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tistabbilixxi l-miżuri neċessarji sabiex ikun hemm armonizzazzjoni tal-istandards soċjali għat-traffiku fl-UE, filwaqt li titqies ukoll il-ħtieġa għal sitwazzjoni ta’ kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni f’dan ir-rigward fil-kamp internazzjonali.

1.8.

L-istrateġija l-ġdida intitolata “Strateġija għal Mobbiltà Sostenibbli u Intelliġenti – inqiegħdu t-trasport Ewropew fit-triq it-tajba għall-futur” kienet is-suġġett ta’ Opinjoni tal-KESE (TEN/729 (1)), adottata fit-28 ta’ April 2021. Il-KESE jtenni l-appell qawwi tiegħu għall-implimentazzjoni tal-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet kollha tiegħu.

1.9.

Il-KESE ser jagħti l-attenzjoni kollha tiegħu u jaħdem fuq diversi Opinjonijiet dwar l-istrateġija futura “Fit for 55”, li l-Kummissjoni għandha tippubblika fl-14 ta’ Lulju li ġej.

2.   Introduzzjoni

2.1.

Fl-10 ta’ Diċembru 2020, ġie ċċirkolat dokument ta’ ħidma intitolat “Evaluation of the White Paper Roadmap to a Single European Transport Area – – Towards a competitive and resource efficient transport system” [SWD(2020) 410 final]. Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ġie kkonsultat fl-2011 meta tfassal il-pjan direzzjonali. Huwaadotta l-Opinjoni TEN/454 (2) fis-26 ta’ Ottubru 2011. Wara l-pubblikazzjoni tad-dokument ta’ evalwazzjoni SWD(2020) 410 final, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ħa d-deċiżjoni li jikkunsidra din il-ħidma ta’ evalwazzjoni b’relazzjoni għall-objettivi stabbiliti fil-Pjan Direzzjonali, l-Opinjoni tiegħu TEN/454 u l-iżviluppi mill-pubblikazzjoni tal-evalwazzjoni ’l hawn.

2.2.

Mill-adozzjoni tal-White Paper ’l hawn, twettqu bosta inizjattivi tal-Kummissjoni li jkopru t-tipi kollha ta’ trasport (ir-raba’ pakkett ferrovjarju, l-Istrateġija Ewropea tal-2016 għal mobbiltà b’emissjonijiet baxxi, id-Direttiva dwar l-infrastruttura tal-fjuwils alternattivi, tliet pakketti ta’ miżuri dwar il-mobbiltà għal diversi aspetti tat-trasport bit-triq, ir-Regolament dwar is-servizzi tal-portijiet, iċ-ċinturin blu, ir-Regolament dwar it-trasport, l-istrateġija tal-avjazzjoni, il-programm NAIADES, l-Att Ewropew dwar l-Aċċessibbiltà, ir-Regolament dwar in-Networks Trans-Ewropej tat-Trasport u r-Regolament dwar il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, eċċ). L-evalwazzjoni toffri opportunità biex jiġi enfasizzat il-progress tekniku, politiku u soċjali, u b’mod partikolari l-parti tal-pakkett tal-mobbiltà adottata fl-2020 dwar ir-regolamentazzjoni tat-trasport bit-triq, filwaqt li tfakkar l-objettivi li ma ntlaħqux.

2.3.

Il-kisbiet għandhom jitqiesu b’rabta mal-objettivi oriġinali tal-2011, li ma setgħux iqisu l-avvenimenti li seħħew wara, kemm ġeopolitiċi (il-Brexit, żieda fil-poter taċ-Ċina) kif ukoll dawk ambjentali (l-ebda sinjal ta’ tnaqqis fit-tisħin globali jew l-abbiltà kollettiva li jintlaħqu l-għanijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi) jew tas-saħħa (il-kriżi tal-COVID-19). Il-kriżi tas-saħħa enfasizzat id-dipendenza tal-Ewropa mill-importazzjonijiet ta’ pro, dotti strateġiċi essenzjali għas-sovranità u tat bidu għal intervenzjoniżmu Ewropew storiku (pjan ta’ rkupru ta’ EUR 750 biljun) wara l-bidla profonda fl-ambizzjonijiet tal-politika ambjentali Ewropea b’mira ta’ newtralità karbonika sal-2050 u tnaqqis ta’ 90 % fl-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra fis-settur tat-trasport bħala parti mill-Patt Ekoloġiku Ewropew.

2.4.

Il-KESE jieħu nota tad-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-2016 li jevalwa l-implimentazzjoni tal-pjan direzzjonali (3), u li jikkonkludi li fir-rigward tal-għanijiet stabbiliti fil-White Paper, iż-żmien li għadda mill-adozzjoni tiegħu fil-biċċa l-kbira tal-każijiet għadu qasir wisq biex jiġi vvalutat kif xieraq il-progress miksub. L-evalwazzjoni tindika li qed isiru sforzi biex jittejbu l-indikaturi rilevanti u tirreferi għall-aspettattivi tal-partijiet ikkonċernati ta’ fokus aħjar fuq l-implimentazzjoni, aktar investimenti fl-infrastruttura tat-trasport, kunsiderazzjoni aħjar tal-ħtiġijiet tal-utenti tat-trasport u tal-ħaddiema, Żona Unika Ewropea tat-Trasport aktar b’saħħitha u żviluppi teknoloġiċi.

2.5.

Din l-Opinjoni, li tipprova tillimita ruħha għall-kamp ta’ applikazzjoni tad-dokument ta’ evalwazzjoni, ma tistax tinjora kompletament l-iżviluppi fl-ambjent globali. Huwa għalhekk li l-qarrej tal-Opinjoni huwa mħeġġeġ li fuq kull punt jistaqsi dwar l-impatti potenzjali, jew prevedibbli jew li jistgħu jiġu previsti fuq perjodu qasir, medju u twil ta’ dawn l-avvenimenti, li dwarhom għad m’għandniex perspettiva retrospettiva ċara biżżejjed.

2.6.

Il-KESE jikkonferma l-fehma tiegħu espressa fl-Opinjoni tiegħu dwar il-Pjan Direzzjonali, dwar l-importanza li s-soċjetà ċivili tiġi involuta fl-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-Pjan Direzzjonali. Fl-2015, il-KESE adotta Opinjoni dwar il-progress u l-isfidi tal-Pjan Direzzjonali fuq talba tal-Parlament Ewropew, li f’Settembru 2015 adotta Riżoluzzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-pjan direzzjonali. Fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-2016, ġew ippreżentati diversi fehmiet tal-korpi tal-UE, li l-KESE jqis bħala prattika tajba.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Il-KESE jilqa’ din l-inizjattiva ta’ evalwazzjoni, li tippermettilu jesprimi l-fehmiet tiegħu u, fuq kollox, għandha sservi biex tagħti prijorità lill-iżviluppi, il-progress u d-dewmien irrapportati fid-dokument. Għall-futur, il-KESE jixtieq ikun infurmat regolarment dwar il-progress tal-istrateġiji implimentati permezz ta’ tali ħidma ta’ evalwazzjoni mwettqa f’intervalli adatti għal kull proġett. Il-KESE jittama li dawn l-evalwazzjonijiet, naturalment, iqisu l-progress u d-dewmien, iżda jippreżentaw ukoll l-elementi ewlenin li jispjegaw il-progress u d-dewmien, kif ukoll l-iżviluppi u l-inizjattivi internazzjonali li għandhom jew jista’ jkollhom impatt fuq il-pjani direzzjonali inizjali.

3.2.

Fl-Opinjoni tiegħu ta’ Ottubru 2011, il-KESE ddispjaċih li fil-lista tal-miżuri proposti ġew indikati ftit wisq skadenzi u li l-pjan direzzjonali ma rabatx b’mod ċar miżuri strateġiċi (sal-2050) ma’ miżuri tattiċi (li jistgħu jittieħdu minn issa). L-Opinjoni talbet li l-pjan direzzjonali, b’mod partikolari, jistabbilixxi pjan ta’ ħidma aktar preċiż għall-perjodu 2013-2020. Fl-Opinjoni tiegħu tal-2015, il-KESE ssuġġerixxa rivalutazzjoni ġenerali tal-pjan ta’ azzjoni fl-anness I tal-Pjan Direzzjonali f’termini tal-fattibbiltà politika attwali tiegħu. Huwa ċar li, fl-2018, tkejjel il-progress fuq it-tliet objettivi speċifiċi (l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra – l-objettiv ta’ tnaqqis ta’ 60 % fl-2050 meta mqabbel mal-1990 u l-objettiv ta’ tnaqqis ta’ 20 % sal-2030 meta mqabbel mal-2008 – id-dipendenza mill-fjuwils fossili, il-limitazzjoni taż-żieda fil-konġestjoni). L-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra huma 32 % ogħla mill-1990 u żdiedu matul il-perjodu 2013-2018. Il-fjuwils fossili għadhom jirrappreżentaw il-biċċa l-kbira tal-ħtiġijiet tal-enerġija tas-settur tat-trasport. Is-sehem tagħhom ilu jonqos f’dawn l-aħħar snin iżda r-rata ta’ tnaqqis, marbuta mill-qrib mal-implimentazzjoni tar-regolamenti ambjentali tad-diversi pajjiżi, hija insuffiċjenti. Madankollu, fir-rigward tal-indikaturi tal-konġestjoni, l-objettiv mhux kwantifikat u xejn ambizzjuż jidher li għadu ma ntlaħaqx. Il-KESE jinnota, madankollu, li l-modi ġodda ta’ kif jiġi organizzat ix-xogħol iġġenerati mill-kriżi tas-saħħa jiftħu opportunitajiet sistemiċi ġodda.

3.3.

Fl-Opinjoni tal-2011, il-KESE kien appoġġja l-istrateġija tal-pjan direzzjonali li kienet tikkonsisti f’użu akbar tal-miżuri mmexxija mis-suq. Fl-Opinjoni tiegħu tal-2015, il-KESE indika l-ħtieġa li tingħata attenzjoni inter alia lill-aspetti tal-koeżjoni tal-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas u l-ħtieġa li jiġu kkunsidrati r-riskji tal-esklużjoni soċjali u l-ħtieġa li tiġi żgurata l-koerenza mat-taxxi u l-imposti b’mod ġenerali. Madankollu, minħabba li ma kienx hemm tnaqqis fit-tisħin globali, it-tagħlimiet meħuda mill-kriżi tas-saħħa u r-rwol ewlieni li jaqdu l-awtoritajiet politiċi matul din il-kriżi u bla dubju wara, il-KESE jistieden lill-Ewropa u lill-awtoritajiet pubbliċi fl-Istati Membri biex jieħdu sehem sħiħ fit-tmexxija tat-trasformazzjonijiet meħtieġa għal futur sostenibbli, b’mod partikolari billi jħaffu l-programmi ta’ investiment.

3.4.

Il-biċċa l-kbira tal-inizjattivi previsti fil-White Paper huma maħsuba għall-implimentazzjoni ta’ sistema tat-trasport komodali fi ħdan iż-Żona Unika Ewropea tat-Trasport. Il-KESE jtenni l-appoġġ tiegħu għall-komodalità. Il-KESE, f’dan il-kuntest, jiġbed l-attenzjoni wkoll għall-ħtieġa li jiġi implimentat bis-sħiħ u fil-prattika l-ftuħ formali tas-suq miksub bir-raba’ pakkett ferrovjarju sabiex il-ferroviji jsiru msieħba attraenti f’termini ta’ multimodalità, filwaqt li jitqiesu wkoll il-kwistjonijiet ambjentali u soċjali.

3.5.

Fl-2011 u l-2015, il-KESE indika n-nuqqas ta’ realiżmu dwar kif jistgħu jinkisbu l-objettivi tal-ekoloġizzazzjoni tas-sistema u l-ispiża. Minħabba d-dewmien irrappurtat, il-kriżi tas-saħħa u l-konsegwenzi ekonomiċi tagħha, il-KESE jinsab imħasseb ħafna dwar il-kapaċità tal-atturi li jiffinanzjaw it-trasformazzjonijiet meħtieġa.

3.6.

L-objettiv inizjali ta’ tnaqqis ta’ 60 % fl-emissjonijiet tas-CO2 fis-settur tat-trasport sal-2050 kien ambizzjuż ħafna, b’mod partikolari fid-dawl taċ-ċifri għal tmiem l-2018 u l-prospetti għall-evalwazzjoni, li jindikaw li fin-nuqqas ta’ politiki addizzjonali jew it-tisħiħ ta’ miżuri eżistenti, dan mhux se jintlaħaq. Il-KESE jittama li l-impetu l-ġdid tal-Patt Ekoloġiku Ewropew ser ikun is-suġġett ta’ politika Ewropea ta’ riċerka u żvilupp li tkun proporzjonata mal-isfidi, tidderieġi u tissikka l-iskeda ta’ żmien għall-implimentazzjoni.

3.7.

Il-Kumitat jissuġġerixxi li l-issikkar tal-iskeda taż-żmien u l-iffissar tal-objettivi fuq perjodu medju m’għandhomx ikunu limitati għall-emissjonijiet tas-CO2 u għandhom jinkludu miri speċifiċi u kwantifikati għat-tnaqqis tad-dipendenza miż-żejt, l-emissjonijiet tal-istorbju u t-tniġġis tal-arja. Il-Kumitat jenfasizza li t-tranżizzjoni tal-enerġija m’għandhiex twassal għal deterjorament fil-kundizzjonijiet tal-għajxien ta’ ċerti partijiet tal-Ewropa. It-tranżizzjoni trid tkun ġusta u tqis l-ispeċifiċitajiet ekonomiċi, soċjali u territorjali, mingħajr ma tabbanduna l-objettivi tagħha.

3.8.

F’konformità mal-Opinjonijiet preċedenti tiegħu (2011 u 2015), il-KESE jfakkar dwar l-importanza tal-istqarrija li tinsab fil-punt 18 tal-pjan direzzjonali, jiġifieri “It-trażżin tal-mobilità mhuwiex alternattiva”. Huwa importanti li l-KESE jfakkar li din id-dikjarazzjoni m’għandhiex tiġi interpretata bħala li tmur kontra kwalunkwe miżura li għandha l-għan li tagħmel it-trasport aktar effiċjenti fl-enerġija u li tnaqqas l-emissjonijiet. L-Ewropa għaddejja minn perjodu fejn qed ikollha titħabat ma’ forzi kontrarji, biex ngħidu hekk. Madankollu, dan m’għandux iwassal għal bidliet fid-direzzjoni. Fost l-objettivi tal-pjan direzzjonali, dawk relatati mal-organizzazzjoni tas-suq intern Ewropew għamlu progress tajjeb. Ikun ta’ ħsara kbira li l-aspettattivi soċjali u ambjentali tad-diversi inizjattivi Ewropej jaqgħu lura fis-snin li ġejjin.

3.9.

Il-pjan direzzjonali jqis il-bżonn li tissaħħaħ il-kompetittività ta’ modi tat-trasport bit-triq alternattivi. Il-Kumitat ikompli jappoġġja dan il-għan, bil-kundizzjoni li jitwettaq permezz tal-promozzjoni ta’ kapaċità u kwalità ogħla tal-ferroviji, tal-passaġġi fuq l-ilmijiet interni u tat-trasport marittimu fuq distanzi qosra kif ukoll servizzi intermodali effiċjenti, u mhux billi jixxekkel l-iżvilupp ta’ servizzi sostenibbli marbuta mat-toroq fi ħdan l-UE.

3.10.

Il-KESE jilqa’ l-progress li sar fil-qasam soċjali (il-ħolqien tal-Awtorità Ewropea tax-Xogħol, l-inkorporazzjoni fil-liġi Ewropea tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu tal-ILO, l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ sorveljanza previsti fil-pakkett tat-trasport bit-triq ta’ Diċembru 2011, eċċ). Madankollu, il-KESE jibqa’ mħasseb dwar it-tensjonijiet li kien hemm minħabba sigurtà soċjali u livelli ta’ salarju differenti fis-suq tat-trasport tal-merkanzija bit-triq, kif ukoll in-natura indeċenti ta’ ċerti kundizzjonijiet tax-xogħol. Kif għamel fl-2011 u l-2015, il-KESE jappella għat-tisħiħ tas-sikurezza fit-toroq, l-istandards soċjali u r-riżorsi umani u finanzjarji għall-monitoraġġ tal-konformità mat-testi u mal-leġiżlazzjoni. Fl-aħħar nett, il-KESE jixtieq ukoll li l-Kummissjoni tindirizza l-kwistjoni tal-“impjegati/ħaddiema għal rashom” tal-pjattaformi ta’ konsenja fid-djar. Bħal fl-Opinjoni TEN/697 (4) tiegħu, il-Kumitat jappella għall-promozzjoni tal-impjiegi u l-ġlieda kontra d-dumping soċjali.

3.11.

Fl-Opinjonijiet preċedenti (2011 u 2015), il-KESE esprima dubji kbar dwar kemm huwa adatt l-għan speċifiku marbut mal-bidla modali tal-pjan direzzjonali, jiġifieri 30 % tal-merkanzija bit-triq fuq medda ta’ ’l fuq minn 300 km jgħaddu għal modi oħra bħall-ferrovija jew it-trasport fuq l-ilma sal-2030 u ’l fuq minn 50 % sal-2050. L-evalwazzjoni turi b’mod ċar li sal-lum ma sarux bidliet fid-distribuzzjoni tal-modi tat-trasport. Il-KESE, f’dan ir-rigward, jaqbel mad-dikjarazzjoni fir-riżoluzzjoni tal-2015 tal-Parlament Ewropew dwar l-implimentazzjoni tal-pjan direzzjonali li l-istrateġija tal-bidla modali tal-pjan direzzjonali ma rnexxietx u li għalhekk is-sostenibbiltà tal-modi kollha għandha tittejjeb u għandhom jinstabu soluzzjonijiet ta’ komodalità. Il-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-objettiv tiegħu li jnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra b’90 % sal-2050, jibdel il-kuntest mingħajr ma jindirizza l-mistoqsijiet prattiċi mqajma minn din l-ambizzjoni l-ġdida.

3.12.

Il-KESE jtenni t-tħassib tiegħu dwar il-kompetittività tal-Ewropa u tal-kumpaniji tagħha. Il-KESE huwa tal-fehma soda li l-miżuri globali huma preferuti. Il-miżuri reġjonali jew kontinentali – bħad-drittijiet Ewropej tal-konsumatur, l-istandards soċjali u l-miżuri ta’ sostenibbiltà – għandhom japplikaw ukoll għall-kumpaniji tat-trasport li ġejjin minn pajjiżi mhux tal-UE, li joperaw lejn, minn u fis-suq intern, li jwasslu għal kundizzjonijiet ekwi globali u jevitaw ir-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju u t-telf tal-impjiegi.

3.13.

Il-KESE jinnota li ż-żewġ evalwazzjonijiet preċedenti fil-biċċa l-kbira jsostnu li għadu kmieni wisq biex jiġi evalwat bis-sħiħ l-eżitu tal-implimentazzjoni tal-pjan direzzjonali. Il-KESE jqis li mhuwiex sodisfaċenti li kriterji ta’ evalwazzjoni insuffiċjenti jidhru li huma disponibbli biex jinkiseb rendikont kredibbli fi kwalunkwe punt tal-evalwazzjoni tal-istrateġija. B’mod partikolari, dikjarazzjoni bħal din ma tidhirx sodisfaċenti meta l-attivitajiet ta’ implimentazzjoni kienu għaddejjin għal ħames (2016) u disa’ (2020) snin rispettivament. Il-KESE, f’dan il-kuntest, jirreferi għar-rakkomandazzjoni fl-Opinjoni tiegħu tal-2011 għal pjan ta’ ħidma aktar preċiż għall-perjodu 2013-2020 li jagħmel l-evalwazzjoni aktar faċli.

3.14.

Kemm l-evalwazzjonijiet tal-2016 kif ukoll tal-2020 jagħtu importanza konsiderevoli lill-implimentazzjoni sħiħa taż-Żona Unika Ewropea tat-Trasport, u l-evalwazzjoni tal-2020 tindika b’mod partikolari s-suq uniku tal-UE bħala mutur b’saħħtu għal bidla kosteffiċjenti, inkluż b’mod partikolari l-aċċettazzjoni mifruxa tal-bidla teknoloġika, u tindika l-importanza ta’ dan għat-trawwim ta’ investimenti pubbliċi u privati fiha. Fl-isfond ta’ dik id-dikjarazzjoni, il-KESE jsibha sorpriża li ma tingħatax aktar attenzjoni lir-rabta bejn l-objettivi tas-sostenibbiltà u d-diġitalizzazzjoni u s-suq uniku fl-Istrateġija tal-Kummissjoni għal Mobilità Sostenibbli u Intelliġenti tal-2020, inklużi l-aspetti soċjali u ta’ koeżjoni. Għal raġunijiet bħal dawn, il-KESE jiddispjaċih li l-evalwazzjoni tal-2020 ma ntemmitx qabel ma ġiet deċiża l-istrateġija l-ġdida. Dan kieku kien jagħmilha possibbli li wieħed japprofitta mill-konklużjonijiet tal-evalwazzjoni meta tiġi stabbilita l-istrateġija.

3.15.

Il-KESE jiddispjaċih li l-evalwazzjoni ma tindikax b’mod adegwat il-problemi u d-dewmien fl-implimentazzjoni tat-TEN-T, u b’mod partikolari l-kurituri tan-network ewlieni.

3.16.

Il-KESE jiġbed l-attenzjoni għall-importanza li jinkiseb l-appoġġ tas-soċjetà ċivili u tal-partijiet interessati, inkluż permezz ta’ djalogu parteċipattiv kif issuġġerit fl-Opinjoni tal-KESE tal-2012. Fehim wiesa’ u aċċettazzjoni tal-objettivi ta’ politika se jkunu ta’ għajnuna kbira biex jinkisbu r-riżultati.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.

Il-KESE jkompli jappoġġja l-programm tan-networks trans-Ewropej tat-trasport. Fil-kuntest tal-Patt Ekoloġiku, il-KESE talab, qed jitlob u ser ikompli jitlob għal politiki ta’ investiment f’infrastruttura moderna adattata għall-isfidi futuri (5). Il-KESE jkompli jappoġġja l-programm tan-networks trans-Ewropej tat-trasport. Barra minn hekk, il-Kumitat jirrakkomanda li tingħata prijorità lill-konnessjonijiet diretti bejn iċ-ċentri tal-ajruporti u n-network ferrovjarju ta’ veloċità għolja, li l-eżistenza tagħhom għandha tkun prerekwiżit qabel ma tiġi diskussa l-possibbiltà ta’ projbizzjoni fuq titjiriet qosra.

4.2.

Il-KESE jtenni l-appoġġ tiegħu għall-ħolqien u l-implimentazzjoni ta’ Ajru Uniku Ewropew. B’segwitu għall-Opinjoni tiegħu TEN/697 u fid-dawl tal-kriżi, il-Kumitat jistieden lill-Istati Membri u lill-partijiet interessati kollha fil-qasam tal-avjazzjoni biex jiffaċilitaw l-implimentazzjoni sħiħa u rapida tal-objettivi ambizzjużi tal-UE dwar is-sikurezza, il-kosteffettività, il-kapaċità u s-sostenibbiltà tas-settur Ewropew tat-trasport bl-ajru.

4.3.

Bħala parti mill-politika tagħha dwar it-trasport ferrovjarju, il-Kummissjoni sa issa ffokat prinċipalment fuq il-kompetizzjoni fis-settur ferrovjarju minflok ma segwiet b’mod konsistenti l-objettivi tal-politika ambjentali tal-White Paper dwar it-Trasport. Il-KESE jenfasizza li s-sistemi ferrovjarji integrati jistgħu jiggarantixxu allokazzjoni ġusta daqs sistemi mhux integrati. Is-separazzjoni kellha konsegwenzi differenti fost l-Istati Membri, skont l-istat tal-infrastruttura, il-kwalità u d-daqs tal-flotta tal-vetturi ferrovjarji, kif ukoll il-mudell tas-separazzjoni. Il-kompetittività ta’ trasportaturi privati ġodda spiss tkun ibbażata fuq kundizzjonijiet tax-xogħol baxxi. “Mudell wieħed tajjeb għal kulħadd” fis-settur ferrovjarju mhuwiex sodisfaċenti: għalhekk ikun tajjeb li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet ġeografiċi, l-ambitu, il-firxa tal-linji, kif ukoll il-modi ta’ operazzjoni tal-merkanzija u t-trasport tal-passiġġieri.

4.4.

L-ammonti sinifikanti li mistennija jiġu mobilizzati fil-kuntest tan-newtralità karbonika sal-2050 u t-tnaqqis tal-gassijiet b’effett ta’ serra b’mill-inqas 50 % sal-2030 x’aktarx li ser ikunu ta’ sfida għas-settur tat-trasport. Il-KESE jappella għall-ħolqien ta’ “Fond għal Tranżizzjoni Ġusta għat-Trasport” sabiex jiġu appoġġjati b’mod speċifiku l-ħaddiema u l-kumpaniji fis-settur, li mhumiex biss entitajiet kbar.

4.5.

Mill-2011 ’l hawn, sar progress mil-lat soċjali, b’mod partikolari bl-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu tal-ILO tal-2006. Madankollu, dawn ir-regoli minimi ma jistgħux jipprovdu lill-ħaddiema kkonċernati b’kundizzjonijiet tax-xogħol konformi mal-proġett Ewropew. Wara l-abbandun tal-proġett tal-bandiera Ewropea, il-KESE jixtieq li l-Kummissjoni Ewropea tkompli bl-isforzi tagħha biex tarmonizza l-istandards soċjali fir-rigward tat-traffiku fi ħdan l-UE, filwaqt li tqis ukoll il-ħtieġa għal kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fil-livell internazzjonali f’dan il-qasam.

4.6.

Fir-rigward tal-ħolqien ta’ reġistru Ewropew u bandiera Ewropea, il-KESE jinnota li l-evalwazzjoni tinjora r-raġunijiet multipli u kumplessi għalfejn dan l-objettiv ma ntlaħaqx.

4.7.

Fir-rigward tal-“Istrateġija Ewropea għat-Trasport: riċerka, innovazzjoni u tħaddim”, l-objettivi l-ġodda tal-Patt Ekoloġiku Ewropew jirrikjedu modi effiċjenti ta’ mobilizzazzjoni tar-riżorsi u ta’ rabta aħjar bejn id-diversi partijiet ikkonċernati fis-settur.

4.8.

Il-KESE jtenni d-dikjarazzjoni tiegħu fl-Opinjoni tiegħu tal-2011 dwar l-aspetti soċjali tal-politika Ewropea tat-trasport, fejn jgħid li “in-nisa u l-ħaddiema żgħażagħ għandhom jinġibdu lejn l-opportunitajiet tax-xogħol fis-settur tat-trasport permezz ta’ miżuri li jtejbu l-kwalità tal-impjiegi fil-modi kollha tat-trasport, il-kundizzjonijiet tax-xogħol, it-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja, l-opportunitajiet tal-karriera u s-saħħa u s-sigurtà fit-tħaddim u fuq il-post tax-xogħol u li jikkontribwixxu għal bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata” (6).

4.9.

Il-KESE jtenni l-bżonn li jinħoloq osservatorju tal-kwistjonijiet soċjali, tal-impjieg u tat-taħriġ għas-settur tat-trasport. Jeħtieġ li jiġu introdotti inċentivi li jappoġġjaw l-adozzjoni ta’ standards ta’ kwalità fis-settur tat-trasport kollu.

4.10.

Fl-Opinjoni tiegħu tal-2011, il-KESE indika li “b’mod ġenerali, id-dimensjoni soċjali tal-pjan direzzjonali hija dgħajfa”. Il-KESE jagħmel l-istess kumment rigward id-dokument ta’ evalwazzjoni. Fil-fehma tal-KESE, il-ħtieġa għal evalwazzjoni soċjali, li għandha tkun marbuta mat-talba biex jitwaqqaf l-Osservatorju tal-Affarijiet Soċjali fil-paragrafu preċedenti, hija prijorità. Il-bidliet u l-pass tal-bidla meħtieġa mis-settur neċessarjament se jagħmlu pressjoni fuq l-organizzazzjonijiet u l-irġiel u n-nisa li jagħtuhom il-ħajja.

4.11.

Il-kriżi tas-saħħa u l-iżvilupp tal-bejgħ online b’konsenja fid-dar jew qrib id-dar żiedu t-trasport “individwalizzat” ta’ oġġetti fiż-żoni urbani b’mod partikolari. Din l-aċċellerazzjoni ta’ dawn il-metodi ta’ distribuzzjoni hija fattur ta’ konġestjoni u tniġġis fl-ambjent urban, u tqajjem il-kwistjoni taċ-ċirkwit lokali fis-settur tal-enerġija. L-isfidi ppreżentati minn dan it-tip ta’ konsum qed jiżdiedu fid-direzzjoni ta’ implimentazzjoni saħansitra aktar mgħaġġla ta’ miżuri biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2, speċjalment f’ambjent b’densità għolja ta’ popolazzjoni.

4.12.

Il-KESE jinnota l-progress li sar fil-flotta tal-vetturi elettriċi u s-sitwazzjonijiet differenti ħafna fil-pajjiżi tal-UE. Dawn l-avvanzi, li huma essenzjalment ir-riżultat tal-liġijiet ta’ kull Stat Membru, jeħtieġu infrastruttura u jirreferu għal kwistjonijiet ta’ standardizzazzjoni. Fl-Opinjoni preċedenti tiegħu dwar din il-kwistjoni (7), il-Kumitat diġà esprima l-appoġġ qawwi tiegħu għall-miżuri bil-għan li jkun hemm użu iżjed mifrux tal-vetturi elettriċi. Huwa jilqa’, b’mod favorevoli iżda b’kawtela, l-użu ta’ enerġija dekarbonizzata.

4.13.

Il-KESE jinnota li l-White Paper tiffoka prinċipalment fuq l-innovazzjoni teknoloġika u tinjora aspetti importanti oħra tal-politiki ta’ mobbiltà sostenibbli li jistgħu jkunu innovattivi wkoll (eż. miżuri mhux vinkolanti u l-innovazzjoni soċjali, bħal approċċi ġodda ta’ ppjanar, parteċipazzjoni taċ-ċittadini, modi innovattivi ta’ sensibilizzazzjoni, eċċ). Għalhekk, hija meħtieġa definizzjoni usa’ tal-innovazzjoni.

4.14.

Għalkemm it-trasport mhux motorizzat ġie rikonoxxut fl-2011, il-promozzjoni tiegħu għadha nieqsa mill-attenzjoni u mill-koerenza. Ħafna bliet jinvestu fl-infrastruttura għall-mixi u għaċ-ċikliżmu (eż. taħt il-programmi tal-FEŻR). Madankollu, sal-lum, l-Unjoni Ewropea la għandha strateġija u lanqas kapaċità amministrattiva u ta’ ġestjoni biex tindirizza dan il-qasam b’mod komprensiv, transsettorjali u integrat. Il-KESE jixtieq jirreferi għall-Opinjoni tiegħu dwar il-benefiċċji potenzjali għas-saħħa ta’ modi attivi ta’ vjaġġar bħaċ-ċikliżmu u l-mixi fl-Ewropa, li fiha jipproponi deliberatament “azzjonijiet żgħar” biex jiġi sfruttat il-potenzjal taċ-ċikliżmu u l-mixi f’termini ta’ benefiċċji għas-saħħa u l-aċċessibbiltà għaċ-ċittadini Ewropej. Għalhekk, il-KESE jissuġġerixxi li għandha tiġi żviluppata strateġija tal-UE għat-trasport mhux motorizzat, li twassal għal azzjonijiet konkreti Ewropej f’termini ta’ ppjanar strateġiku, tfassil u investiment fiċ-ċikliżmu u l-mixi.

4.15.

Fir-rigward tal-pjani ta’ mobbiltà urbana, sa mill-pubblikazzjoni tal-linji gwida tal-Pjan ta’ Mobilità Urbana Sostenibbli (SUMP) fl-2013, il-Kummissjoni ffinanzjat mijiet ta’ bliet madwar l-Ewropa b’fondi Ewropej (eż. l-inizjattiva Civitas) biex tiżgura l-iżvilupp bilanċjat u integrat ta’ modi sostenibbli ta’ trasport urban. Dan jidher mill-konsegwenzi impressjonanti u prolifiċi tal-adozzjoni tas-SUMPs fl-Ewropa. Huwa importanti li wieħed jinnota li dan huwa approċċ parteċipattiv li jiffoka fuq il-ħtiġijiet ta’ dawk li huma fil-qalba tal-proċess. L-ippjanar komprensiv u sostenibbli tal-mobbiltà urbana wera l-kapaċità tiegħu li jsir mezz effettiv biex jiġu indirizzati l-isfidi klimatiċi, tal-enerġija u ambjentali. Il-KESE jixtieq iħeġġeġ inizjattiva Ewropea li tidher meħtieġa biex fil-pajjiżi tal-UE jiġu stabbiliti oqfsa nazzjonali għat-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ pjani ta’ mobbiltà urbana sostenibbli, li huma l-għodod strateġiċi ewlenin għall-ippjanar tal-mobbiltà urbana.

4.16.

Fir-rigward tal-komunikazzjoni u t-trasferiment tal-għarfien dwar il-mobbiltà urbana, il-KESE jinnota l-ħidma eċċellenti li saret bil-ħolqien, fl-2014, tal-portal ELTIS bħala osservatorju dwar il-mobbiltà urbana, li jikkontribwixxi għall-viżibbiltà tal-iżviluppi u l-aħjar prattiki.

4.17.

Il-miżuri relatati mal-pedaġġi stradali u s-sistemi ta’ kontroll tal-aċċess għall-vetturi fiż-żoni urbani għadhom mhumiex aċċettati b’mod wiesa’ fl-Ewropa. Il-White Paper tindika li l-ispejjeż tal-konġestjoni se jiżdiedu b’madwar 50 % sal-2050, u li huwa meħtieġ li jiġu vvalutati s-sistemi eżistenti ta’ pedaġġi stradali billi jiġu pprovduti inċentivi għall-Istati Membri li jniedu proġetti pilota biex jimplimentaw sistemi f’konformità ma’ dawn il-linji gwida. Il-promozzjoni u t-tħeġġiġ tat-trasport pubbliku u l-mobbiltà mhux motorizzata jistgħu jkunu soluzzjoni.

4.18.

Il-White Paper ipprevediet l-iżvilupp dejjem jikber ta’ fjuwils alternattivi (bħall-propulsjoni elettrika jew l-idroġenu) bħala kontribut għall-ekoloġizzazzjoni tat-trasport. Għalkemm il-produzzjoni tal-fjuwils alternattivi tjiebet u żdiedet fl-aħħar għaxar snin, fl-2018, 33 % biss tal-elettriku Ewropew ġew minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Għalhekk, il-KESE jemmen li l-emissjonijiet tal-vetturi u l-marka tal-karbonju tagħhom għandhom jitkejlu matul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja tagħhom. Barra minn hekk, is-sostituzzjoni tal-magni b’kombustjoni interna b’vetturi elettriċi mhux se tbiddel ix-xejriet tal-konġestjoni tat-traffiku fil-bliet tagħna.

Brussell, id-9 ta’ Ġunju 2021.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  ĠU C 286, 16.7.2021, p. 158.

(2)  ĠU C 24, 28.1.2012, p. 146.

(3)  SWD(2016) 226 (mhux disponibbli bil-Malti).

(4)  ĠU C 14, 15.1.2020, p. 112.

(5)  Opinjoni tal-KESE dwar “L-iżvilupp sostenibbli tal-politika tat-trasport tal-UE u t-TEN-T” (Opinjoni esploratorja) (ĠU C 248, 25.8.2011, p. 31) (TEN/446).

(6)  Opinjoni tal-KESE dwar “Kif il-politiki tal-UE affettwaw l-opportunitajiet ta’ xogħol, il-ħtiġijiet ta’ taħriġ u l-kondizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema tat-trasport” (Opinjoni esploratorja) (ĠU C 248, 25.8.2011, p. 22) (CESE 1006/2011).

(7)  Opinjoni tal-KESE dwar “Lejn użu aktar mifrux tal-vetturi elettriċi” (Opinjoni esploratorja) (ĠU C 44, 11.2.2011, p. 47) (CESE 989/2010).