26.6.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CI 212/9


Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra l-kriżi tal-COVID-19 fl-edukazzjoni u t-taħriġ

(2020/C 212 I/03)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

WAQT LI JENFASIZZA LI:

1.

Il-pandemija tal-COVID-19 affettwat u poġġiet pressjoni bla preċedent fuq is-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ madwar id-dinja u madwar l-Unjoni. Din ġabet magħha bidliet kbar fil-mod kif nitgħallmu, ngħallmu, nikkomunikaw u nikkollaboraw fi ħdan il-komunitajiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ tagħna u bejniethom. Dan kellu impatt fuq l-istudenti (1), il-familji tagħhom, l-għalliema, il-ħarrieġa, il-familji, il-mexxejja tal-istituzzjonijiet kif ukoll fuq is-soċjetà inġenerali.

2.

Mill-bidu tal-pandemija, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ għamlu sforzi sinifikanti biex jiżguraw is-sikurezza u l-benessri tal-istudenti u l-persunal u l-kontinwazzjoni tal-apprendiment u t-tagħlim, sabiex jiġi mħares id-dritt għall-edukazzjoni.

3.

Bħala rispons ta’ emerġenza, il-maġġoranza tal-Istati Membri ddeċidew dwar l-għeluq fiżiku mifrux tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ, filwaqt li mmobilizzaw b’mod rapidu għażliet alternattivi u appoġġ għall-apprendiment u t-tagħlim mill-bogħod, b’mod partikolari soluzzjonijiet diġitali. Din il-bidla ġabet magħha sfidi differenti għas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ u l-partijiet ikkonċernati fl-Istati Membri, b’mod partikolari għall-istudenti u l-familji, l-għalliema u l-ħarrieġa tagħhom, iżda tathom ukoll esperjenza ta’ tagħlim siewja u aċċelerat aktar it-trasformazzjoni diġitali tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ.

4.

F’dawn iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali, kien hemm kollaborazzjoni notevoli bejn l-Istati Membri, li wrew solidarjetà u appoġġ reċiproku fi żmien ta’ kriżi billi skambjaw regolarment informazzjoni dwar is-sitwazzjonijiet nazzjonali tagħhom, l-isfidi, il-miżuri u l-pjanijiet previsti jew diġà implimentati, kif ukoll, fejn possibbli, ikkondividew b’mod miftuħ riżorsi edukattivi.

KONXJU LI:

5.

Fil-bidu tal-kriżi, meta l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ fil-maġġoranza tal-Istati Membri kienu għadhom qed joperaw regolarment, l-enfasi kienet fuq kif tiġi żgurata s-sikurezza tal-istudenti u l-persunal, inkluż billi jiġu stabbiliti miżuri protettivi u iġjeniċi u billi jiġu pprovduti informazzjoni u gwida, f’kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-edukazzjoni u tas-saħħa.

6.

Hekk kif is-sitwazzjoni mxiet ’il quddiem, b’żieda fl-għeluq fiżiku tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ fil-maġġoranza tal-Istati Membri, sabiex tiġi żgurata l-kontinwazzjoni tal-proċess tat-tagħlim l-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ u l-partijiet ikkonċernati rilevanti għamlu sforzi sinifikanti biex jadattaw u jħejju l-kontenut edukattiv u biex jiżguraw l-użu tiegħu fit-tagħlim mill-bogħod. Dan ġie appoġġat minn linji gwida xierqa, flimkien ma’ ġestjoni aġli, monitoraġġ kontinwu, titjib kostanti u aġġustamenti leġislattivi, f’konformità maċ-ċirkustanzi nazzjonali. F’dan ir-rigward, jista’ jkun li kien hemm pożizzjonijiet inizjali differenti fost l-Istati Membri, kif ukoll fost l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ, f’termini ta’ prontezza diġitali tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ, inkluż id-disponibbiltà ta’ għodod u materjali ta’ tagħlim diġitali u t-tħejjija tal-għalliema u l-ħarrieġa biex jipprovdu tagħlim mill-bogħod.

7.

Waħda mill-isfidi ewlenin kienet il-kwistjoni li jiġu żgurati l-inklużjoni u l-aċċess indaqs għal opportunitajiet ta’ tagħlim mill-bogħod ta’ kwalità. Xi studenti, kif ukoll għalliema, ħarrieġa u familji, jista’ jkun li ma jkollhomx ħiliet diġitali, aċċess għat-teknoloġija jew l-Internet, li jistgħu jippreżentaw ostaklu serju, speċjalment għal studenti li ġejjin minn ambjenti żvantaġġati u minn żoni rurali u remoti kif ukoll dawk urbanizzati ħafna. Barra minn hekk, hemm studenti bi bżonnijiet edukattivi speċjali, li jeħtieġu gwida u appoġġ addizzjonali fit-tagħlim tagħhom. L-għeluq tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ kien partikolarment ta’ sfida għal studenti soċjoekonomikament żvantaġġati li huma aktar probabbli li jgħixu f’unità domestika li mhix adattata għall-istudju mid-dar jew li huma normalment intitolati għal ikliet b’xejn fl-iskejjel, kif ukoll għal studenti f’riskju ta’ tluq bikri mill-iskola.

8.

L-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ huma aktar minn sempliċiment postijiet fejn in-nies jitgħallmu, jgħallmu u jitħarrġu – huma wkoll ambjenti sikuri, u jipprovdu sens ta’ struttura u ta’ komunità u opportunitajiet ta’ soċjalizzazzjoni. Bl-ansjetà u l-istress ikkawżati mill-biża’ tal-pandemija u l-iżolazzjoni soċjali, li hija partikolarment diffiċli għal dawk f’riskju ta’ vjolenza domestika, kien essenzjali li jsir kuntatt, u li jingħata appoġġ psikoloġiku u emozzjonali biex jiġu żgurati l-benesseri u s-saħħa fiżika u mentali tal-istudenti u l-familji, l-għalliema u l-ħarrieġa tagħhom.

9.

L-għalliema u l-ħarrieġa kellhom jaġġustaw ruħhom malajr minn tagħlim wiċċ imb wiċċ għal tagħlim mill-bogħod. Peress li mhux l-għalliema u l-ħarrieġa kollha (2) kellhom l-esperjenza, il-kunfidenza, l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi meħtieġa biex jorganizzaw u jwettqu t-tagħlim mill-bogħod b’mod effettiv, kien hemm bżonn ta’ taħriġ addizzjonali mmirat. L-impenn tagħhom ħafna drabi ġie estiż lil hinn mil-lezzjonijiet u inkluda sforzi addizzjonali biex jiġi żgurat il-progress u l-benesseri tal-istudenti. Il-ħtieġa li wieħed jadatta malajr għall-ambjent tax-xogħol il-ġdid setgħet ġabet aktar xogħol, u b’hekk affettwat il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata tagħhom. F’dawn iċ-ċirkostanzi, l-għalliema u l-ħarrieġa u l-persunal ta’ appoġġ urew impenn u kreattività ta’ min jammirahom, kif ukoll attitudni miftuħa lejn il-kollaborazzjoni, il-ħolqien konġunt u t-tagħlim bejn il-pari.

10.

Għalkemm il-bidla għat-tagħlim u l-apprendiment diġitali kellha rwol ewlieni biex tkun possibbli l-kontinwazzjoni tal-proċess ta’ tagħlim, l-edukazzjoni diġitali ma tistax tissostitwixxi għalkollox tagħlim u apprendiment wiċċ imb wiċċ ta’ kwalità. Barra minn hekk, il-bidla f’daqqa lejn it-tagħlim u l-apprendiment diġitali kienet f’bosta każijiet rispons ta’ emerġenza aktar milli t-twassil ottimali ppjanat ta’ edukazzjoni mill-bogħod diġitali u mifruxa. Xi għalliema u ħarrieġa kienu qed jgħallmu online għall-ewwel darba u, filwaqt li r-reżiljenza u l-adattabbiltà tagħhom huma ta’ min ifaħħarhom, it-tagħlim u l-apprendiment diġitali mill-bogħod esperjenzat fil-kuntest tal-COVID-19, għalkemm siewi, ma għandux neċessarjament jitqies bħala l-istandard ġenerali għall-edukazzjoni diġitali mill-bogħod.

11.

Kien hemm ħtieġa għal aktar kooperazzjoni bejn il-familji tal-istudenti u l-għalliema u l-ħarrieġa u għal impenn aktar b’saħħtu biex it-tagħlim mill-bogħod ikun possibbli. Għall-ġenituri u l-persuni li jindukraw li jaħdmu mid-dar, ma kienx faċli li jikkombinaw l-kompiti tax-xogħol tagħhom mal-appoġġ tat-tagħlim għat-tfal u l-kompiti tal-indukrar tat-tfal. Għall-ġenituri u l-persuni li jindukraw li ma setgħux jaħdmu mid-dar, li jsibu kura ta’ matul il-jum għal tfal iżgħar wasslet għal sfida addizzjonali.

12.

It-twettiq ta’ partijiet prattiċi tal-kurrikuli huwa partikolarment ta’ sfida fil-kuntest tat-tagħlim mill-bogħod. Dan huwa partikolarment rilevanti fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, fejn l-apprendiment jirrappreżenta parti kbira tal-kurrikuli. L-istudenti fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali setgħu kienu fi żvantaġġ addizzjonali peress li l-kriżi affettwat bosta minn dawk li jħaddmu involuti f’tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol u apprendistati. Billi l-apprendisti, f’xi każijiet, jiddependu fuq il-ħlas u l-kumpens minn min iħaddem, dan kellu impatt fuq l-għajxien tagħhom.

13.

L-istudenti adulti, speċjalment dawk b’livell baxx ta’ ħiliet, xi drabi ma jkollhomx il-ħiliet diġitali meħtieġa biex jieħdu sehem fit-tagħlim diġitali, li jista’ jaffettwa l-opportunitajiet tagħhom għat-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid.

14.

Waħda mill-akbar sfidi kienet kif għandhom jiġu ġestiti l-valutazzjoni u l-klassifikazzjoni, b’xi Stati Membri jħeġġu enfasi fuq il-valutazzjoni formattiva u l-kunsiderazzjoni ta’ kundizzjonijiet differenti ta’ tagħlim. Dan huwa marbut mal-isfida li tiġi organizzata tlestija effiċjenti tas-sena skolastika u akkademika, li hija partikolarment importanti fil-kuntest tal-eżamijiet ta’ tmiem l-istudji sekondarji u l-lawrji finali, peress li għandha effett fuq ir-reġistrazzjoni f’livelli differenti ta’ edukazzjoni u taħriġ. F’dan ir-rigward, l-iskambju ta’ informazzjoni, il-kooperazzjoni u d-djalogu bejn il-partijiet ikkonċernati rilevanti fl-edukazzjoni u t-taħriġ, inkluż l-awtoritajiet tal-assigurazzjoni tal-kwalità u tar-rikonoxximent u s-sħab soċjali, jistgħu jipprovdu bażi għal approċċ koordinat utli. Dan jista’ jkun partikolarment utli meta jiġu deċiżi r-rekwiżiti għar-reġistrazzjoni ma’ istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja, b’rispett dovut għall-awtonomija u ċ-ċirkostanzi nazzjonali tagħhom.

15.

Il-pandemija affettwat ukoll l-opportunitajiet ta’ mobilità għat-tagħlim Ewropej u internazzjonali. Peress li ħafna istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ ingħalqu, l-istudenti fi programmi ta’ mobilità ħabbtu wiċċhom ma’ diversi diffikultajiet rigward il-kontinwazzjoni tal-perijodu ta’ mobilità tagħhom, l-aċċess għall-akkomodazzjoni u l-kura tas-saħħa, l-intitolament għal għotjiet u boroż ta’ studju, jew ir-ritorn lejn pajjiżhom. L-istudenti fi programmi ta’ mobilità jistgħu jiffaċċaw ukoll tbatijiet soċjoekonomiċi relatati mat-telf tal-introjtu tal-familja bħala konsegwenza tal-kriżi tas-suq tax-xogħol ikkawżata mill-pandemija tal-COVID-19.

16.

Bosta attivitajiet tal-proġetti Erasmus+ u tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà ġew posposti jew ikkanċellati, u f’każijiet fejn il-mobilità kienet ippjanata, ġiet imħeġġa l-kooperazzjoni virtwali.

17.

Lil hinn mill-investiment meħtieġ biex jiġi indirizzat l-impatt fuq is-saħħa u dak soċjoekonomiku tal-kriżi, huwa importanti li l-prijoritajiet attwali ta’ investiment jiġu ffukati fuq l-edukazzjoni u t-taħriġ. F’dan ir-rigward, huwa kruċjali li jiġi rikonoxxut li edukazzjoni u taħriġ ta’ kwalità għolja jikkontribwixxu b’mod deċiżiv għall-benesseri u l-iżvilupp personali u professjonali taċ-ċittadini, kif ukoll ir-reżiljenza tas-soċjetà u l-ekonomija, bi rwol importanti x’jaqdu fl-irkupru. Jeħtieġ li jittieħed kont ta’ dan waqt li jiġi żviluppat il-pjan Ewropew ta’ rkupru.

WAQT LI JIRRIKONOXXI LI:

18.

Sabiex jingħelbu dawn l-isfidi, u skont iċ-ċirkostanzi nazzjonali, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ tagħhom malajr daħħlu fis-seħħ għadd ta’ miżuri, bħal:

l-iżvilupp u l-kondiviżjoni ta’ kontenut, materjali u prattiki edukattivi ta’ kwalità adattati għall-kuntest tat-tagħlim mill-bogħod fil-livell nazzjonali u/jew dak tal-istituzzjoni;

l-appoġġ għal ambjenti ta’ tagħlim virtwali, li jippermettu l-użu ta’ pjattaformi ta’ tagħlim online eżistenti (jew l-iżvilupp ta’ oħrajn ġodda) u l-użu ta’ għodod ta’ kollaborazzjoni f’tim;

l-użu tax-xandir televiżiv u b’media oħra biex jitwassal kontenut edukattiv;

it-tħejjija ta’ varjetà ta’ linji gwida u struzzjonijiet dwar kif wieħed jieħu sehem fit-tagħlim mill-bogħod u jgħallem mill-bogħod, pereżempju, dwar l-użu sikur tal-għodod diġitali u l-valutazzjoni online;

il-forniment ta’ opportunitajiet ta’ żvilupp professjonali mmirati għall-għalliema u l-ħarrieġa u persunal pedagoġiku ieħor;

l-identifikazzjoni ta’ studenti li ma jistgħux jipparteċipaw f’tagħlim mill-bogħod u jiġu megħjuna permezz tal-forniment tat-tagħmir meħtieġ u l-aċċess għall-Internet, b’mod partikolari lil dawk li ġejjin minn żoni u ambjenti ġeografikament iżolati jew soċjoekonomikament żvantaġġati, kif ukoll id-distribuzzjoni ta’ materjali edukattivi stampati, fejn meħtieġ;

il-forniment ta’ appoġġ immirat għal studenti bi bżonnijiet edukattivi speċjali;

l-iffaċilitar tal-aċċess għal kontenut diġitali fil-libreriji;

il-forniment ta’ ikliet għal studenti minn ambjenti soċjoekonomikament żvantaġġati;

l-offerta ta’ diversi forom ta’ appoġġ psikoloġiku għall-istudenti, il-familji, l-għalliema u l-ħarrieġa;

l-iżgurar ta’ kura ta’ matul il-jum għal tfal iżgħar li l-ġenituri tagħhom u l-persuni li jindukrawhom ma jkunux jistgħu jaħdmu mid-dar, speċjalment ħaddiema li jaħdmu f’setturi kritiċi, bħas-servizzi tas-saħħa;

il-forniment ta’ diversi tipi ta’ appoġġ għall-istudenti fi programmi ta’ mobilità dieħla kif ukoll ħierġa;

il-forniment regolari ta’ informazzjoni lil studenti, għalliema u ħarrieġa, istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ, familji, kif ukoll partijiet ikkonċernati rilevanti oħra;

l-iżvilupp ta’ kooperazzjoni ma’ awtoritajiet lokali u reġjonali u organizzazzjonijiet nongovernattivi, kif ukoll ma’ negozji, inkluż kumpanniji tat-telekomunikazzjoni, fornituri tal-Internet u pubblikaturi, li f’xi każijiet ipprovdew materjali u għodod mingħajr ħlas;

L-appoġġ għal u l-istimular ta’, fejn possibbli, edukazzjoni u attività fiżika, skont miżuri ta’ prekawzjoni għas-sikurezza.

19.

Bi tweġiba għall-kriżi tal-COVID-19, il-Kummissjoni pprovdiet possibbiltajiet għal flessibbiltà addizzjonali fl-implimentazzjoni tal-programm Erasmus+, ikkomplementata minn pariri prattiċi għal parteċipanti ta’ Erasmus+ u aġenziji nazzjonali. Barra minn hekk, flimkien mal-isforzi li saru fil-Kunsill, il-Kummissjoni ffaċilitat possibbiltajiet ulterjuri għal kooperazzjoni u skambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri.

20.

Hekk kif is-sitwazzjoni tiżviluppa, bit-tneħħija possibbli ta’ miżuri ta’ konteniment fuq ir-rakkomandazzjoni tal-awtoritajiet tas-saħħa, iqumu aktar mistoqsijiet dwar il-ftuħ mill-ġdid tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ, kif ukoll ta’ kumpanniji li jipprovdu tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol, inkluż miżuri ta’ organizzazzjoni u sikurezza, b’mod partikolari dawk li għandhom x’jaqsmu mat-tbegħid soċjali, is-sanitazzjoni u l-iġjene. F’dan ir-rigward, uħud mill-isfidi huma marbuta ma’ riżorsi umani suffiċjenti, kif ukoll il-livell ta’ tħejjija u s-sostenibbiltà tal-faċilitajiet ta’ edukazzjoni u taħriġ, b’mod partikolari l-adegwatezza tagħhom għall-implimentazzjoni tal-miżuri meħtieġa.

JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI, BIL-KUNSIDERAZZJONI DOVUTA GĦAS-SUSSIDJARJETÀ U F’KONFORMITA MAĊ-ĊIRKOSTANZI NAZZJONALI, BIEX:

21.

Ikomplu jikkondividu l-informazzjoni, l-esperjenza u l-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri dwar kif l-edukazzjoni u t-taħriġ jistgħu jadattaw l-aħjar għas-sitwazzjoni, skont aktar żviluppi relatati mal-kriżi tal-COVID-19, inkluż dwar miżuri differenti relatati mal-ftuħ mill-ġdid tal-istituzzjonijiet edukattivi u ta’ taħriġ, filwaqt li tiġi żgurata l-ekwità, jitrawwem il-benesseri tal-istudenti u l-persunal u jiġi pprovdut appoġġ psikoloġiku. F’dan ir-rigward, jinkoraġġixxu fluss ta’ informazzjoni razzjonalizzat u koerenti u jagħmlu użu ottimali min-netwerks eżistenti.

22.

Fir-rigward tal-ftuħ mill-ġdid tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ, f’konformità maċ-ċirkustanzi lokali, reġjonali u nazzjonali, jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw is-sikurezza tal-istudenti u l-persunal, inkluż kundizzjonijiet sanitarji u iġjeniċi adattati, u jerġgħu jibdew attivitajiet ta’ tagħlim u apprendiment wiċċ imb wiċċ, filwaqt li jiżguraw opportunitajiet indaqs.

23.

Abbażi tat-tagħlimiet li diġà ttieħdu fil-kuntest tal-kriżi tal-COVID-19, u b’ħarsa lejn l-impatti fit-tul potenzjali tal-kriżi fuq il-futur tal-edukazzjoni u t-taħriġ, jeżaminaw il-possibbiltajiet għall-innovazzjoni u jagħmlu aktar sforzi biex jaċċelleraw it-trasformazzjoni diġitali tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ, u fejn rilevanti, jagħtu spinta lill-kapaċità diġitali tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ u jnaqqsu d-distakk diġitali.

24.

B’kont meħud tat-tagħlimiet meħuda fil-kuntest tal-kriżi tal-COVID-19, jappoġġaw aktar żvilupp tal-ħiliet u l-kompetenzi diġitali tal-għalliema u l-ħarrieġa, sabiex jiġu ffaċilitati t-tagħlim u l-valutazzjoni f’ambjenti ta’ tagħlim diġitali.

25.

B’kont debitu għall-awtonomija istituzzjonali, jeżaminaw il-possibbiltà tal-integrazzjoni ta’ tagħlim diġitali ta’ kwalità għolja bħala parti mill-offerta ta’ edukazzjoni u taħriġ fil-livelli kollha u f’kull tip ta’ edukazzjoni u taħriġ. Meta jagħmlu dan, joqgħodu attenti għall-adegwatezza tal-għodod diġitali għall-età u l-bżonnijiet speċifiċi tal-istudenti, kif ukoll għall-konformità mar-regoli tal-protezzjoni tad-data, il-privatezza, il-kunsiderazzjonijiet etiċi, is-sikurezza u r-rekwiżiti taċ-ċibersigurtà.

26.

Jesploraw possibbiltajiet għat-titjib tat-tagħlim u l-apprendiment permezz ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni bbażati fuq l-estrazzjoni ta’ data edukattiva ffukata fuq data eżistenti, l-analitika tat-tagħlim u l-użu tal-intelliġenza artifiċjali, b’attenzjoni dovuta għall-konformità mar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (UE) 2016/679.

27.

Filwaqt li jipprovdu possibbiltajiet għal tagħlim mill-bogħod, diġitali u mħallat, jagħtu attenzjoni addizzjonali biex jiżguraw opportunitajiet indaqs u aċċess kontinwu għal edukazzjoni u taħriġ ta’ kwalità għolja għal studenti ta’ kull età, jiżguraw il-kwalità u jinkoraġġixxu l-validazzjoni u r-rikonoxximent tar-riżultati tat-tagħlim miksuba. Fir-riaffermazzjoni tad-dritt għall-edukazzjoni, jagħtu attenzjoni partikolari lill-prevenzjoni ta’ żieda potenzjali fit-tluq bikri mill-iskola, ikkawżat mill-COVID-19.

28.

Biex jiġi mitigat l-effett negattiv tal-kriżi tal-COVID-19 fuq il-mobilità u l-kooperazzjoni transkonfinali fiżika, iħeġġu l-użu ta’ possibbiltajiet virtwali għall-mobilità u l-kooperazzjoni.

29.

Jikkooperaw fit-tneħħija tal-ostakli relatati mal-COVID-19 għall-mobilità transkonfinali għat-tagħlim, filwaqt li jqisu l-konsegwenzi possibbli ta’ approċċi differenti għall-valutazzjoni, eżamijiet possibbilment imdewma jew imħassra u reġistrazzjoni possibbilment mdewma, li jista’ jkollhom effett negattiv fuq l-opportunitajiet ta’ mobilità għat-tagħlim fis-snin ta’ wara.

30.

Jikkooperaw biex jiżguraw possibbiltajiet ta’ edukazzjoni għall-istudenti li jivvjaġġaw kuljum bejn Stati Membri ġirien, speċjalment f’każ ta’ għeluq fit-tul tal-fruntieri.

31.

Jappoġġaw l-iżvilupp ulterjuri tal-infrastruttura diġitali kif ukoll tal-ħiliet u l-kompetenzi diġitali billi jagħmlu użu mill-finanzjament disponibbli fi ħdan il-programmi u l-fondi tal-Unjoni, b’mod partikolari l-programm Erasmus+, il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà u l-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, il-Programm ta’ Appoġġ għal Riformi Strutturali u s-suċċessuri tagħhom, kif ukoll il-Programm Ewropa Diġitali l-ġdid.

JISTIEDEN LILL-KUMMISSJONI, F’KONFORMITÀ MAL-KOMPETENZI RISPETTIVI TAGĦHA U B’KONT DEBITU GĦAS-SUSSIDJARJETÀ, BIEX:

32.

Twettaq riċerka u xxerred ir-riżultati dwar l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 u tat-tagħlimiet miksuba fil-livelli differenti tal-edukazzjoni u t-taħriġ, b’enfasi fuq it-tagħlim u l-apprendiment mill-bogħod u l-kapaċitajiet diġitali tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ fl-Istati Membri, bħala riżorsa għat-tisħiħ ta’ tfassil tal-politika nazzjonali u kooperazzjoni fil-livell tal-Unjoni mnebbħa mill-evidenza biex tinbena r-reżiljenza u t-tħejjija għal risposti ta’ emerġenza futuri f’waqthom, effikaċi u adatti.

33.

Meta tiżviluppa proposta għall-pjan Ewropew ta’ rkupru, tirrikonoxxi l-potenzjal trasformattiv tal-edukazzjoni u t-taħriġ bħala forza ta’ xprunar abilitanti għal rkupru ta’ suċċess u l-ħtieġa ta’ investimenti fl-edukazzjoni u t-taħriġ, partikolarment fir-rigward tal-edukazzjoni diġitali, inkluż l-infrastruttura u l-ħiliet diġitali.

34.

Tappoġġa lill-Istati Membri fl-għoti ta’ opportunitajiet għal investiment f’infrastruttura edukattiva u ta’ taħriġ sostenibbli, f’konformità mal-Patt Ekoloġiku Ewropew, filwaqt li tqis ukoll il-kapaċitajiet meħtieġa biex jiġu żgurati miżuri ta’ sikurezza u dawk organizzativi neċessarji b’rispons għall-kriżi tal-COVID-19.

35.

Meta tiżviluppa ż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni, flimkien mal-qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ għal wara l-2020, il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali l-ġdid u l-Aġenda għall-Ħiliet aġġornata, tqis it-tagħlimiet li ttieħdu mill-kriżi tal-COVID-19 fir-rigward tat-trasformazzjoni diġitali tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ, b’attenzjoni speċjali għall-isfidi tal-kwalità u tas-soċjetà bħall-iżgurar tal-inklużjoni, l-għoti ta’ opportunitajiet indaqs, il-promozzjoni tal-koeżjoni u l-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni.

36.

Tkompli tiffaċilita l-iskambji dwar l-isfidi u l-miżuri meħuda mill-Istati Membri, inkluż billi jiġu konnessi u jitjieb l-aċċess għal u d-disponibbiltà ta’ bażijiet tad-data tar-riżorsi edukattivi miftuħa, sabiex tiġi ffaċilitata l-kondiviżjoni ta’ metodoloġiji, għodod u materjali differenti ta’ tagħlim mill-bogħod. F’dan il-kuntest, tibni fuq l-opportunitajiet eżistenti, bħal dawk disponibbli permezz tal-eTwinning, l-iSchool Education Gateway u l-Pjattaforma Elettronika għat-Tagħlim tal-Adulti fl-Ewropa (EPALE). Tippromwovi l-użu ta’ għodod ta’ awtovalutazzjoni bħal SELFIE u HEInnovate biex tappoġġa l-kapaċità u t-trasformazzjoni diġitali ta’ skejjel u istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni għolja.

37.

Tippreżenta u xxerred informazzjoni prattika ulterjuri lill-Istati Membri dwar il-possibbiltà ta’ finanzjament tal-ħtiġijiet tas-sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ sabiex jittaffew il-konsegwenzi tal-pandemija tal-COVID-19 fi ħdan l-Inizjattivi ta’ Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus (CRII u CRII+) u mekkaniżmi ta’ finanzjament xierqa oħra.

38.

Tkompli b’mod regolari tikkondividi informazzjoni mal-partijiet ikkonċernati u l-korpi ta’ implimentazzjoni tal-Erasmus+ u tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà dwar possibbiltajiet għal arranġamenti flessibbli rigward l-implimentazzjoni tal-mobilità għat-tagħlim u proġetti fil-kuntest tal-kriżi tal-COVID-19.

39.

Flimkien mal-Istati Membri, tesplora modi biex tindirizza l-ħtiġijiet l-aktar urġenti waqt iż-żminijiet fejn il-mobilità fiżika hija ristretta billi tippermetti, fejn adattat, flessibbiltà għall-allokazzjoni mill-ġdid ta’ fondi mhux użati bejn azzjonijiet tal-Erasmus+.

40.

Tappoġġa lill-Istati Membri fl-iżvilupp ulterjuri ta’ prattiki u opportunitajiet tal-edukazzjoni diġitali għall-edukazzjoni u t-taħriġ diġitali, u fl-indirizzar tal-effetti tal-kriżi tal-COVID-19 fuq il- gruppi ta’ studenti l-aktar vulnerabbli, billi tuża l-opportunitajiet disponibbli tal-Erasmus+.

41.

Ixxerred u tippromwovi l-użu ta’ materjali u għodod rilevanti, inkluż esperjenza ta’ kooperazzjoni virtwali, li jirriżultaw minn proġetti tal-Erasmus+ u l-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà u attivitajiet tal-Koalizzjonijiet Ewropej għall-Ħiliet u għall-Impjiegi Diġitali, li jistgħu, fl-ispirtu ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri, jipprovdu appoġġ addizzjonali utli b’reazzjoni għall-kriżi tal-COVID-19.

42.

F’kooperazzjoni mal-Istati Membri u bir-rispett dovut għall-awtonomija istituzzjonali u l-kuntesti nazzjonali, tibda taħdem fuq miżuri biex jitneħħew l-ostakli relatati mal-COVID-19 u terġa’ tinbeda l-adozzjoni ta’ opportunitajiet ta’ mobilità transkonfinali għat-tagħlim wara l-kriżi tal-COVID-19, inkluż billi tingħata gwida ċara dwar kif jiġu ffaċilitati l-opportunitajiet ta’ mobilità għat-tagħlim taħt l-Erasmus+.

43.

Tippromwovi l-mobilità u l-kooperazzjoni virtwali ta’ kwalità u tappoġġa l-iżvilupp tal-mobilità mħallta fil-qafas tal-programm Erasmus+, b’kunsiderazzjoni tal-fatt li, għalkemm ma tistax tieħu post il-mobilità fiżika, il-mobilità virtwali għandha rwol kumplimentari importanti.

44.

Taħdem mill-qrib ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-Kunsill tal-Ewropa, Unesco u l-OECD fl-għoti u t-tixrid ta’ informazzjoni relatata mal-implikazzjonijiet tal-COVID-19 fuq l-edukazzjoni u t-taħriġ.

(1)  Għal fini ta’ dan id-dokument, it-terminu student għandu jinftiehem f’sens usa’, li jirreferi għall-istudenti fit-tipi u l-livelli kollha ta’ edukazzjoni u taħriġ, inkluż l-edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal, l-edukazzjoni ġenerali, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, l-edukazzjoni għall-adulti u l-edukazzjoni għolja.

(2)  Skont l-istħarriġ TALIS tal-OECD (2018), inqas minn 40 % tal-għalliema jħossuhom imħejjija sew biex jużaw l-ICT fit-tagħlim.