2.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 417/59


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 17(6) tar-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, l-ittikkettar, u l-protezzjoni ta' indikazzjonijiet ġeografiċi, ta' xorb spirituż u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1576/89

(2020/C 417/10)

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2019/787 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1)

SPEĊIFIKAZZJONIJIET EWLENIN TAL-FAJL TEKNIKU

“VASI VADKÖRTE PÁLINKA”

Numru tal-fajl: PGI-HU-02408 – 22.12.2017

1.   L-indikazzjoni ġeografika li se tiġi rreġistrata

“Vasi vadkörte pálinka”

2.   Kategorija tax-xorb spirituż

Spirtu tal-frott (il-kategorija 9 fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 110/2008)

3.   Deskrizzjoni tax-xorb spirituż

3.1.   Karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u/jew organolettiċi

Karatteristiċi kimiċi u fiżiċi:

Kontentut ta’ aċidu ċjanidriku: massimu ta’ 5 g/hl ta’ 100 % vol. alkoħol

Kontenut ta’ ram: massimu ta’ 9 mg/l ta’ prodott lest

Karatteristiċi organolettiċi:

Ċar, bla kulur.

L-aroma tiegħu hija kkaratterizzata minn riħa u aċidità diskreti, flimkien ma’ noti qawwija ta’ lanġas, ċitru u ħwawar.

Għandu togħma niexfa, friska b’mod diskret u pikkanti, b’noti ħfief ta’ għasel u ta’ affumikar, u b’persistenza qawwija; jista’ jkollu wkoll aromi ta’ ċitru, aċidità diskreta u karattru rustiku.

Meta jitħalla joqgħod, dan iżomm it-togħma u l-aroma karatteristiċi tal-frott użat.

3.2.   Karatteristiċi speċifiċi (imqabbla max-xorb spirituż tal-istess kategorija)

Il-karatteristiċi organolettiċi tal-“Vasi vadkörte pálinka” jirrappreżentaw l-uniċità tiegħu: il-palat u t-togħma friski, distintivi, kemxejn qarsa, ta’ ċitru, in-noti pikkanti ta’ għasel, u konsistenza aktar rustika milli lixxa bis-saħħa tal-lanġas selvaġġ użat fl-immaxxjar tal-“Vasi vadkörte pálinka”.

Il-“Vasi vadkörte pálinka” jiġi prodott mill-frott ta’ varjetajiet ta’ lanġas indiġeni u rikonoxxuti mill-Istat imkabbra fiż-żona amministrattiva tal-kontej elenkati fil-punt 4. L-ingredjent bażiku tal-“Vasi vadkörte pálinka” jikkonsisti f’tal-anqas 75 % ta’ lanġas selvaġġ, il-bqija (mhux aktar minn 25 %) jikkonsisti f’varjetajiet ta’ lanġas indiġeni u rikonoxxuti mill-Istat (Bosc kobak, Conference, Clapp kedveltje, Hardenpont téli vajkörte, Tüskés körte, Sózó körte). L-aċidità pikkanti u l-freskezza tal-“Vasi vadkörte pálinka” jiżviluppaw grazzi għall-kontenut baxx ta’ zokkor u l-aċidità tal-lanġas selvaġġ, li jammonta għal tal-anqas 75 % tal-maxx u huwa diffiċli li jinħasad.

4.   Żona ġeografika kkonċernata

Il-“Vasi vadkörte pálinka” jiġi prodott fil-limiti amministrattivi tal-Kontei ta’ Vas u Zala. Dan jista’ jiġi mmaxxjat, iffermentat, distillat u jitħalla joqgħod f’distilleriji kummerċjali tal-pálinka li jinsabu f’din iż-żona ġeografika biss.

5.   Il-metodu kif isir ix-xorb spirituż

L-istadji ewlenin fil-produzzjoni tal-pálinka huma dawn li ġejjin:

a)

L-għażla u l-aċċettazzjoni tal-frott

b)

Immaxxjar u fermentazzjoni

c)

Distillazzjoni

d)

Il-pálinka jitħalla joqgħod u jinħażen

e)

Il-pálinka jiġi prodott, trattat u jitħallat

a.   L-għażla u l-aċċettazzjoni tal-frott

F’termini ta’ varjetà, tal-anqas 75 % tal-lanġas aċċettat għandu jkun lanġas selvaġġ (il-lanġas selvaġġ komuni Pyruspyraster subsp. pyraster); il-bqija, mhux aktar minn 25 %, irid jikkonsisti minn varjetajiet ta’ lanġas indiġeni u rikonoxxuti.

Il-varjetajiet indiġeni ta’ lanġas rikonoxxuti mill-Istat huma Bosc kobak, Conference, Clapp kedveltje, Hardenpont téli vajkörte, Tüskés körte u Sózó körte.

Il-pálinka hija magħmula minn frott misjur b’mod adegwat, jiġifieri frott b’kontenut ta’ materja niexfa ta’ mill-anqas 14 ref. %, ta’ kwalità tajba jew eċċellenti. L-aċċettazzjoni kwantitattiva tal-frott hija bbażata fuq il-piż. Waqt l-aċċettazzjoni, il-kwalità tal-frott tiġi evalwata abbażi tal-kampjunar. L-evalwazzjoni organolettika (sajran – minn misjur għal misjur iżżejjed – b’saħħtu, nadif, ħieles minn materjal estranju – ħamrija, weraq, friegħi, ġebel, metall jew materjal ieħor – u minn moffa jew taħsir, eċċ.) u l-eżami tal-kontenut ta’ materja niexfa jifformaw il-bażi tal-kontroll tal-kwalità u tal-aċċettazzjoni (il-kontenut taz-zokkor u l-kejl tal-pH). Barra minn hekk, il-frott irid ikollu miegħu dokumenti li jiċċertifikaw l-oriġini tiegħu. Il-fornitur huwa meħtieġ jiddikjara l-oriġini tal-frott u l-konformità mal-perjodu tal-irtirar.

b.   Immaxxjar u fermentazzjoni

Maxx:

Il-karatteristika unika fl-immaxxjar tal-“Vasi vadkörte pálinka” hija l-kontenut taz-zokkor, li huwa ta’ 3-5 %, grazzi għall-kontenut baxx ta’ zokkor tal-lanġas selvaġġ użat fil-produzzjoni.

Fermentazzjoni:

Matul il-fermentazzjoni, it-temperatura għandha tinżamm għal 16-23 °C, u għandu jinkiseb l-aħjar valur tal-pH ta’ 2,8-3,2. L-aħjar tul ta’ żmien tal-fermentazzjoni, skont il-kwalitajiet interni tal-lanġas użat, huwa ta’ għaxart ijiem.

Il-maxx iffermentat għandu jiġi ddistillat malajr kemm jista’ jkun, jew għandhom jiġu żgurati l-kundizzjonijiet bażiċi għall-ħżin xieraq sakemm tibda d-distillazzjoni (it-temperatura trid tkun baxxa kemm jista’ jkun (0-10 °C), għandhom jintużaw siġilli tal-ilma, u l-kontenituri jridu jimtlew sax-xifer).

c.   Distillazzjoni

Il-“Vasi vadkörte pálinka” jista’ jiġi ppreparat bl-użu ta’ sistema ta’ distillazzjoni b’kolonna waħda jew b’sistema ta’ distillazzjoni tradizzjonali, tat-tip pot-still. Il-qawwa alkoħolika tal-prodott distillat hija ta’ 55-85 % V/V.

d.   Il-pálinka jitħalla joqgħod u jinħażen

Wara r-raffinar, il-pálinka jrid jitħalla joqgħod f’kontenituri tal-azzar inossidabbli u jinħażen fi stat mhux dilwit.

e.   Il-pálinka jiġi prodott, trattat u jitħallat

Il-pálinka għandu jitkessaħ f’temperatura ta’ bejn -5 u -3 °C, u impuritajiet oħra għandhom imbagħad jitneħħew billi jiġu ffiltrati permezz ta’ filtru tal-folja. Wara l-filtrazzjoni, il-pálinka jinħażen sakemm jissaħħan sa 18-20 °C. Il-pálinka jista’ jitħallat biss sabiex jiġi żgurat li tal-anqas 75 % taz-zokkor tal-maxx fornut bħala materja prima jiġi mil-lanġas selvaġġ u mhux aktar minn 25 % mill-varjetajiet l-oħra tal-lanġas imsemmija hawn fuq.

Qabel l-ibbottiljar, il-qawwa alkoħolika tal-pálinka trid tiġi aġġustata għal livell xieraq għall-konsum billi jiżdied l-ilma tajjeb għax-xorb, filwaqt li titqies it-tolleranza speċifikata għall-prodott ibbottiljat (± 0,3 % V/V).

6.   Rabta mal-ambjent ġeografiku jew mal-oriġini

6.1.   Id-dettalji taż-żona ġeografika jew l-oriġini, rilevanti għar-rabta

Il-lanġas selvaġġ – magħruf fil-lingwaġġ ta’ kuljum bħala l-lanġas tal-għelieqi – huwa speċi ta’ lanġas indiġena għall-Kontei ta’ Vas u Zala. Dan jinsab l-aktar f’żoni ta’ foresti naturali.

Il-parti tal-Punent tal-Kontei ta’ Vas u Zala tinsab f’qiegħ l-Alpi, u l-pajsaġġ isir aktar immewweġ mill-Punent għal-Lvant. Il-biċċa l-kbira taż-żona hija koperta mill-foresti. Il-ħamrija li tinsab hawnhekk hija prinċipalment kannella, tat-tip chernozema, b’konsistenza medja u kemxejn aċiduża. Minħabba l-pożizzjoni tagħhom, dawn il-kontei jiffurmaw uħud mir-reġjuni l-aktar imxarrbin tal-Ungerija: l-Alpokalja (l-Alpi t’Isfel), għalkemm ix-xita annwali tonqos mill-Punent għal-Lvant. Il-klima ta’ dawn il-kontei turi xi varjazzjoni: din hija aktar xotta u aktar kontinentali hekk kif wieħed jimxi miż-żoni tal-Punent lejn il-Lvant aktar ċatt tar-reġjun, għalkemm it-temperatura madwar iż-żoni forestali estensivi tar-reġjun hija aktar baxxa minn dik taż-żoni mhux koperti mill-foresti. Is-superfiċji kemxejn imżerżqa tal-għoljiet il-baxxi u taż-żoni ta’ maġenbhom jiffurmaw iż-żona tat-tkabbir tal-lanġas selvaġġ, li tara xita medja annwali ta’ 600-800 mm, għalkemm ikun hemm ftit xita matul il-perjodu ta’ maturazzjoni ta’ Settembru u Ottubru. Iż-żona tirċievi ħafna dawl tax-xemx għal 1 700–1 800 siegħa fis-sena. Minħabba l-prossimità tagħha għall-Alpi, iż-żona hija kemxejn aktar kiesħa mill-kontei ġirien.

Il-lanġas selvaġġ jippreferi żoni li jħarsu lejn in-Nofsinhar, xotti u xemxin li huma ħielsa mill-istagħdir u sħan matul il-perjodu tal-maturazzjoni, ħamrija kannella aktar kompatta, tat-tip chernozema, u foresti b’kopertura ta’ qċaċet aktar baxxa. Bil-ħamrija u bil-mikroklima x-xierqa, bħal dawk taż-żona ġeografika, is-siġra tal-lanġas selvaġġ tista’ tibqa’ ħajja għal għexieren ta’ snin jekk mhux għal sekli. Kundizzjonijiet tat-temp li jvarjaw minn sena għal oħra jistgħu jaffettwaw ir-rendimenti.

6.2.   Karatteristiċi speċifiċi tax-xorb spirituż li għandhom rabta maż-żona ġeografika

Ir-rabta bejn il-“Vasi vadkörte pálinka” u ż-żona ġeografika hija bbażata fuq il-kwalità u r-reputazzjoni tal-prodott.

Il-fatt li tal-anqas 75 % tal-lanġas selvaġġ użat għall-immaxxjar joriġina mill-kontej ta’ Vas u Zala jirrappreżenta l-karatteristiċi organolettiċi uniċi tal-“Vasi vadkörte pálinka”.

Dan il-lanġas selvaġġ jimmatura sew minħabba l-għadd kbir ta’ sigħat ta’ dawl tax-xemx u x-xejra tax-xita. Il-ħsad tal-frott tal-lanġas selvaġġ jeħtieġ il-ħila: is-sajran jista’ jiġi ddeterminat mill-kulur u l-mess. L-għan huwa li l-frott li jinħasad ikun kemm jista' jkun misjur kompletament.

Il-ħamrija kannella, chernozem, b’pH kemxejn aċidiku u l-klima relattivament kiesħa taż-żona jispjegaw il-kontenut ogħla ta’ aċidu fil-frott tal-lanġas selvaġġ, li huwa rifless fil-komponenti tat-togħma tad-distillat: dan jagħti lid-distillat il-freskezza u t-togħma taċ-ċitru u sa ċertu punt l-aċidità tiegħu.

Peress li l-lanġas selvaġġ għandu kontenut ta’ zokkor ħafna aktar baxx minn frott ieħor, hija meħtieġa kwantità akbar ta’ lanġas selvaġġ biex tiġi prodotta unità ta’ pálinka milli għall-pálinkas mil-lanġas ordinarju. Il-proporzjon għoli ta’ frott selvaġġ użat għall-produzzjoni tal-“Vasi vadkörte pálinka” jirriżulta mill-komponenti tat-togħma tiegħu. Il-lanġas selvaġġ jagħti lill-“Vasi vadkörte pálinka” mhux biss il-qrusija karatteristika tiegħu, iżda wkoll l-intensità, il-konsistenza rustika aktar milli lixxa, u n-noti pikkanti ta’ għasel.

Peress li l-“Vasi vadkörte pálinka” għandu togħma kemxejn qarsa, minħabba l-proporzjon għoli ta’ lanġas selvaġġ użat, hija meħtieġa ħila kbira biex jiġi ddeterminat meta d-distillat għandu jiġi sseparat mid-distillat tar-ras, sabiex l-ebda aroma li tista’ tirrovina t-togħma ma tkun tista’ tidħol fid-distillat.

Ir-reputazzjoni tal-“Vasi vadkörte pálinka” hija attestata mill-premjijiet li ġejjin li rebħet:

midalja tad-deheb fit-Tieni Konkors Miftuħ tal-Pálinka u l-Ispirti tal-Kontea ta’ Vas fl-2011;

midalja tal-fidda fir-Raba’ Konkors Miftuħ tal-Pálinka u l-Ispirti tal-Kontea ta’ Vas fl-2013;

midalja tal-fidda fis-Sitt Konkors Miftuħ tal-Pálinka u l-Ispirti tal-Kontea ta’ Vas fl-2015;

midalja tad-deheb fil-Konkors tal-Pálinka u l-Ispirti mill-Frott taż-Żerriegħa tal-Kontea ta’ Vas fl-2015;

midalja tal-fidda fis-Seba’ Konkors Miftuħ tal-Pálinka u l-Ispirti tal-Kontea ta’ Vas fl-2016;

midalja tal-bronż fil-Konkors tal-Pálinka u l-Ispirti mill-Frott taż-Żerriegħa tal-Kontea ta’ Vas fl-2017.

Il-“Vasi vadkörte pálinka” ilu jidher f’diversi avvenimenti nazzjonali ta’ preżentazzjoni u ta’ dewqan fuq skala kbira mill-2006. Dawn l-avvenimenti jinkludu l-Festival annwali tal-Pálinka fi Gyula, il-Festival tal-Pálinka f’Budapest, il-Festival tal-Birra u l-Għaksa tal-Majjal f’Békéscsaba, il-Karnival ta’ Savária f’Szombathely, il-Festival tal-Gastronomija f’Sopron (Ízutazás) u, f’Budapest, il-fieri internazzjonali Sirha, FeHoVa u OMÉK, l-Esibizzjoni Nazzjonali tal-Agrikoltura u l-Ikel.

7.   Dispożizzjonijiet nazzjonali/reġjonali jew tal-Unjoni Ewropea

L-att XI tal-1997 dwar il-protezzjoni ta’ trademarks u indikazzjonijiet ġeografiċi

L-att LXXIII tal-2008 dwar il-pálinka, il-pálinka mill-karfa tal-għeneb u l-Kunsill Nazzjonali tal-Pálinka

Id-Digriet tal-Gvern Nru 158/2009 tat-30 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel u dwar il-verifika tal-prodotti

Id-Digriet tal-Gvern Nru 22/2012 tad-29 ta’ Frar 2012 dwar l-Uffiċċju Nazzjonali tas-Sikurezza tal-Katina Alimentari

Id-Digriet Nru 49/2013 tad-29 ta’ April 2013 tal-Ministru tal-Iżvilupp Rurali dwar il-valuri tal-limitu għal ċerti kontaminanti u materjali ta’ ħsara ta’ oriġini naturali fl-ikel u dwar ir-rekwiżiti għal ċerti materjali u oġġetti maħsuba biex jiġu f’kuntatt mal-ikel

8.   Applikant

8.1.   Stat Membru, Pajjiż Terz jew persuna legali/naturali:

Isem: Birkás Pálinka Kft.

8.2.   L-indirizz sħiħ (in-numru u l-isem tat-triq, il-belt/ir-raħal u l-kodiċi postali, il-pajjiż)

Indirizz: Győrvár, 9821 Győrvár, Hrsz. 435, 9821 Hungary

Posta elettronika: birkas@birkaspalinka.hu

Tel.: +36 302563066

9.   Suppliment mal-isem tal-indikazzjoni ġeografika

10.   Regoli speċifiċi għat-tikkettar

Minbarra l-elementi speċifikati fil-leġiżlazzjoni, id-denominazzjoni tinkludi wkoll dan li ġej:

“földrajzi árujelzġ” [indikazzjoni ġeografika] (separata mill-isem)

L-isem “Vasi vadkörte pálinka” jrid jiġi inkluż fuq it-tikketti ta’ quddiem u ta’ wara.


(1)  ĠU L 130, 17.5.2019, p. 1.