20.10.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 349/1


Avviż tal-Kummissjoni

Linji gwida dwar l-infurzar tal-obbligi skont ir-Regolament tal-UE dwar ir-Riċiklaġġ tal-Bastimenti b’rabta mal-Inventarju ta’ Materjali Perikolużi tal-bastimenti li jbaħħru fl-ibħra Ewropej

(2020/C 349/01)

Daħla

Mill-31 ta’ Diċembru 2020, ir-Regolament tal-UE dwar ir-Riċiklaġġ tal-Bastimenti (1) jeħtieġ li l-bastimenti kollha eżistenti li jtajru l-bandiera tal-UE u l-bastimenti kollha li jtajru bandiera mhux tal-UE li jidħlu f’port jew f’ankraġġ tal-UE jġorru abbord Inventarju ta’ Materjali Perikolużi (IHM) b’ċertifikat jew b’dikjarazzjoni ta’ konformità kif xieraq.

Il-Kummissjoni rċeviet rapporti mill-partijiet ikkonċernati tal-industrija li r-restrizzjonijiet tal-Covid-19 wasslu għal diffikultajiet sinifikanti fl-istħarriġ tal-bastimenti u fil-produzzjoni ta’ IHMs iċċertifikati. Il-miżuri ta’ lockdown u r-restrizzjonijiet wesgħin fuq l-ivvjaġġar li ġew introdotti biex jikkontrollaw il-Covid-19 allegatament impedew lil ħafna sidien tal-bastimenti (jew lill-aġenti tagħhom) milli jipproduċu l-IHM fl-ewwel istanza, iżda impedew ukoll lis-surveyors tal-Istat tal-bandiera u lill-organizzazzjonijiet rikonoxxuti milli jivverifikaw u milli jiċċertifikaw l-IHMs.

B’konsegwenza ta’ dan, il-partijiet ikkonċernati tal-industrija jistmaw li bosta eluf ta’ bastimenti x’aktarx ma jkunux jistgħu jikkonformaw mal-obbligi tal-IHM u jista’ ma jkollhomx iċ-ċertifikazzjoni meħtieġa sal-iskadenza tal-31 ta’ Diċembru 2020.

Għalhekk, meta wieħed iqis it-tfixkil ikkawżat mill-Covid-19, huwa mixtieq li jiġu stabbiliti xi linji gwida komuni sabiex jiġi żgurat approċċ armonizzat lejn l-infurzar mill-awtoritajiet tal-Istati tal-port tal-UE matul l-ispezzjonijiet fuq il-bastimenti mill-1 ta’ Jannar 2021.

Prinċipji ta’ gwida ġenerali

Bħala prinċipju bażiku, ir-responsabbiltà primarja dwar il-konformità mal-obbligi relatati mal-IHM tibqa’ tas-sid tal-bastiment, u l-monitoraġġ tal-konformità ma’ dawn l-obbligi legali hija r-responsabbiltà tal-awtoritajiet tal-Istati tal-port tal-UE.

Madankollu, jista’ jkun meħtieġ li jitqiesu ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali relatati mal-kriżi tal-Covid-19 fl-infurzar ta’ dawk l-obbligi mill-Istati Membri, meta dawk iċ-ċirkostanzi joħolqu sitwazzjonijiet fejn il-konformità ma’ dawn l-obbligi temporanjament ma tkunx possibbli, jew tkun eċċessivament diffiċli.

Minħabba r-rabtiet tagħha mal-prinċipju tal-proporzjonalità (2), il-force majeure tista’ titqies bħala prinċipju ġenerali tal-liġi tal-UE, li jista’ jiġi invokat anke fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet espliċiti. (3) Fir-rigward tal-kontenut tal-kunċett ta’ force majeure, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ddefiniet il-kunċett kif ġej:

"Issa, minn ġurisprudenza stabbilita, stabbilita f’oqsma tad-dritt tal-Unjoni differenti, jirriżulta li l-kunċett ta’ forza maġġuri għandu jinftiehem fis-sens ta’ ċirkustanzi esterni għal min jinvokahom, anormali u imprevedibbli, li l-konsegwenzi tagħhom ma setgħux jiġu evitati minkejja d-diliġenza kollha użata". (4)

Fil-każ partikolari tal-infurzar tal-obbligi li jirriżultaw mir-Regolament tal-UE dwar ir-Riċiklaġġ tal-Bastimenti, madankollu, ma jista’ jsir l-ebda rikors awtomatiku għall-kunċett ta’ force majeure.

F’dan il-kuntest, l-Istati Membri huma mistiedna jivvalutaw bir-reqqa ċ-ċirkostanzi speċifiċi ta’ kull sid tal-bastiment u l-grad safejn din il-ġurisprudenza tista’ tapplika.

Fil-valutazzjoni tagħhom, l-Istati Membri huma mistiedna wkoll iqisu t-tul tal-perjodu bejn id-dħul fis-seħħ tar-Regolament dwar ir-Riċiklaġġ tal-Bastimenti u d-data tal-applikabbiltà tal-iskadenza tal-IHM u huma mistiedna jikkunsidraw jekk u sa liema punt dak il-perjodu kien użat mis-sid tal-bastiment partikolari biex iħejji għall-konformità ma’ dawk l-obbligi.

Irid jiġi mfakkar ukoll li f’Ottubru 2019 l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA) ippubblikat gwida dwar l-ispezzjonijiet imwettqa mill-Istati tal-portijiet tal-UE biex jinfurzaw id-dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar ir-Riċiklaġġ tal-Bastimenti (5). L-għan ta’ din il-gwida tal-EMSA huwa li tassisti lill-Istati Membri u lill-ispetturi maħtura tagħhom fl-isforzi tagħhom biex jissodisfaw ir-rekwiżiti tar-Regolament dwar ir-Riċiklaġġ tal-Bastimenti u d-Direttiva dwar il-kontroll tal-Istat tal-port (6), fir-rigward tal-ispezzjonijiet li jkopru r-rekwiżiti rispettivi ta’ dawn iż-żewġ strumenti. Huwa dokument ta’ referenza mhux vinkolanti li jipprovdi kemm informazzjoni teknika kif ukoll gwida proċedurali, u b’hekk jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni u għall-infurzar armonizzati tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar ir-Riċiklaġġ tal-Bastimenti u tad-Direttiva dwar il-kontroll mill-Istat tal-port. Għalhekk, matul l-ispezzjonijiet mill-Istati tal-port tal-UE, huwa ġeneralment rakkomandat li din il-gwida tal-EMSA tiġi segwita.

F’dan il-kuntest, issir referenza speċifika għall-kunsiderazzjonijiet ġenerali li hemm referenza għalihom fil-gwida tal-EMSA (taħt it-Taqsima 6.3.2) fir-rigward tal-azzjonijiet ta’ infurzar li jridu jittieħdu f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità. Il-gwida tgħid hekk: “jekk jinstabu nuqqasijiet ta’ konformità fir-rigward ta’ SR [relatat mar-riċiklaġġ tal-bastimenti], l-ispettur għandu jiddeċiedi dwar l-azzjoni xierqa li għandha tittieħed. L-ispettur għandu jkun issodisfat li kwalunkwe nuqqas ta’ konformità relatat mar-riċiklaġġ tal-bastimenti, ikkonfermat jew żvelat mill-ispezzjoni huwa, jew se jkun, rettifikat skont l-SRR [ir-Regolament dwar ir-Riċiklaġġ tal-Bastimenti]". Barra minn hekk, il-gwida tal-EMSA tenfasizza li "l-ispettur jenħtieġ juża ġudizzju professjonali sabiex jiddeċiedi dwar l-azzjoni(jiet) xierqa li għandha tittieħed/għandhom jittieħdu għal kwalunkwe nuqqas ta’ konformità identifikat ta’ SR [relatat mar-riċiklaġġ tal-bastimenti].” Dawn il-prinċipji ta’ gwida ġenerali jenħtieġ li jiġu segwiti wkoll fir-rigward ta’ kwalunkwe nuqqas ta’ konformità identifikat fir-rigward tal-obbligi tal-IHM li jistgħu jirriżultaw mill-kriżi tal-Covid-19.

Xenarji speċifiċi marbuta mal-Covid-19

Fir-rigward tal-infurzar tar-Regolament dwar ir-Riċiklaġġ tal-Bastimenti, l-awtoritajiet tal-Istati tal-port tal-UE x’aktarx li jiġu kkonfrontati b’żewġ xenarji speċifiċi relatati mal-Covid-19 li jistgħu jkunu jeħtieġu approċċ aktar armonizzat waqt l-ispezzjonijiet li jibni fuq il-prinċipji ta’ gwida ġenerali msemmija hawn fuq. Huwa ssuġġerit li dan l-approċċ armonizzat jiġi applikat temporanjament għal perjodu limitat ta’ 6 xhur wara d-dħul fis-seħħ tal-obbligi relatati mal-IHM għal bastimenti eżistenti li jtajru l-bandiera tal-UE u bastimenti li jtajru l-bandiera mhux tal-UE li jidħlu f’portijiet tal-UE (jiġifieri sat-30 ta’ Ġunju 2021).

1)   Bastimenti mingħajr ċertifikat validu tal-IHM u/jew ta’ sostenn

F’dan il-każ, il-bastiment jista’ jasal f’port tal-UE wara l-31 ta’ Diċembru 2020 mingħajr ma jkollu abbord ċertifikat validu tal-IHM u/jew ta’ sostenn (Ċertifikat tal-Inventarju jew Ċertifikat ta’ Lest għar-Riċiklaġġ għal bastiment bil-bandiera tal-UE jew Dikjarazzjoni ta’ Konformità għal bastiment bil-bandiera mhux tal-UE) u sid il-bastiment/il-kaptan jisħaq li dan in-nuqqas ta’ konformità huwa dovut għas-sitwazzjoni tal-Covid-19.

Fil-każijiet kollha meta ma jiġix ippreżentat IHM validu u/jew iċ-ċertifikat meħtieġ, hemm oneru tal-provi fuq is-sid/il-kaptan, li jrid jipprovdi evidenza li ttieħdu l-miżuri kollha possibbli biex isir ix-xogħol u biex tinkiseb iċ-ċertifikazzjoni meħtieġa. Tali evidenza ta’ sforzi ta’ konformità tista’ tinkludi pereżempju kuntratt ta’ servizz għall-kampjunar jew stħarriġ. Tista’ tinkludi wkoll ġustifikazzjoni għaliex ma kienx possibbli li jinkiseb IHM nofsu mimli u ċertifikat assoċjat kif imsemmi fit-Taqsima 2, inkluż evidenza ta’ impossibbiltà li jkun hemm konformità ma’ elementi oħrajn taċ-ċertifikazzjoni minbarra l-ispezzjoni abbord. Imbagħad huwa l-ispettur li jiddeċiedi jekk dan huwiex aċċettabbli fuq bażi ta’ każ b’każ skont iċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-bastiment ikkonċernat u bl-użu tal-ġudizzju professjonali tiegħu.

Jekk l-ispettur jiddeċiedi li jaċċetta l-evidenza pprovduta mis-sid/mill-kaptan, allura għaċ-ċertifikat tal-inventarju jew għad-dikjarazzjoni ta’ konformità l-ispettur irid jispeċifika li d-dokumenti jridu jimtlew u jiġu approvati fi żmien 4 xhur wara l-ispezzjoni. Barra minn hekk, trid tingħata twissija lill-bastiment u r-riżultat tal-ispezzjoni u t-twissija jridu jiġu rreġistrati fil-modulu tar-riċiklaġġ tal-bastiment tat-THETIS – UE.

Jekk dawn il-pjanijiet ikollhom jiġu emendati ulterjorment wara l-ispezzjoni, minħabba ssuktar tar-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar jew l-aċċess, is-sid/il-kaptan irid jipprovdi biżżejjed evidenza bil-miktub mill-ispetturi tal-IHM li ma kienx fattibbli li jintlaħqu l-pjanijiet inizjali. Għal darb’oħra, huwa f’idejn l-ispettur li jkun qed iwettaq l-ispezzjoni li jmiss li jiddeċiedi jekk din l-evidenza hijiex aċċettabbli fuq il-bażi ta’ każ b’każ skont iċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-bastiment ikkonċernat u bl-użu tal-ġudizzju professjonali tiegħu.

Għaċ-Ċertifikat ta’ Bastiment Lest għar-Riċiklaġġ, jekk l-ispettur jaċċetta l-evidenza wara evalwazzjoni fuq bażi ta’ każ b’każ, is-sid/il-kaptan tal-bastiment jenħtieġ li jiġu mwissija li huma meħtieġa jiksbu ċ-Ċertifikat ta’ Bastiment Lest għar-Riċiklaġġ qabel ma jidħlu fil-faċilità għar-riċiklaġġ tal-bastimenti. Peress li ċ-Ċertifikat ta’ Bastiment Lest għar-Riċiklaġġ huwa validu biss għal tliet xhur, dan jenħtieġ li jimtela u jiġi approvat mill-aktar fis possibbli qabel mal-bastiment ikun għamel l-aħħar vjaġġ tiegħu. Ir-riżultat tal-ispezzjoni u t-twissija jenħtieġ li jiġu rreġistrati fil-modulu tar-riċiklaġġ tal-bastimenti ta’ THETIS – UE.

2)   Bastimenti b’IHM parzjalment mimli b’Ċertifikat tal-Inventarju approvat assoċjat jew b’Ċertifikat ta’ Bastiment Lest għar-Riċiklaġġ (għal bastimenti li jtajru l-bandiera tal-UE) jew Dikjarazzjoni ta’ Konformità (għal bastimenti li ma jtajrux il-bandiera tal-UE), li ma jkunx fihom kampjunar (immirat jew aleatorju) abbord

F’dan il-każ, il-bastiment jista’ jidħol f’port jew f’ankraġġ tal-UE wara l-31 ta’ Diċembru 2020 b’IHM u b’ċertifikat assoċjat abbord, iżda l-IHM tħejja mill-bogħod mingħajr ebda kampjunar abbord. Din is-sitwazzjoni tista’ tirriżulta minħabba li l-istħarriġ abbord li kien jenħtieġ li jitwettaq biex jappoġġa l-IHM ma setax isir minħabba r-restrizzjonijiet fuq l-ispezzjoni ta’ bastiment matul il-pandemija tal-Covid-19.

Fil-każijiet kollha fejn ċertifikat huwa bbażat fuq l-IHM mingħajr l-element ta’ kampjunar abbord, l-IHM fil-prinċipju jenħtieġ li ma jkunx aċċettabbli billi mhuwiex komplut (7). Madankollu, meta wieħed iqis li minn Marzu 2020 ’l hawn kien hemm ftit jew l-ebda opportunità għas-surveyors biex imorru abbord il-bastimenti u biex iwettqu dan l-istħarriġ, dan l-istħarriġ/kampjunar mill-bogħod jista’ jkun aċċettat b’mod eċċezzjonali, jekk ikun hemm evidenza li l-Istat tal-bandiera jkun qabel ma’ dan (8). Barra minn hekk, f’dan il-każ, irid ikun hemm ukoll pjanijiet u arranġamenti dokumentati miżmuma abbord il-bastiment li jindikaw meta se jkun possibbli għal dawk li jieħdu l-kampjuni kwalifikati li jimlew l-IHM fir-rigward tal-limitazzjonijiet ikkawżati mill-pandemija tal-Covid-19. Imbagħad huwa f’idejn l-ispettur li jiddeċiedi jekk din l-evidenza hijiex aċċettabbli fuq il-bażi ta’ każ b’każ skont iċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-bastiment ikkonċernat u bl-użu tal-ġudizzju professjonali tiegħu.

Jekk l-ispettur jaċċetta l-evidenza pprovduta mis-sid/mill-kaptan, allura għaċ-Ċertifikat tal-Inventarju jew għad-Dikjarazzjoni ta’ Konformità, l-ispettur jenħtieġ li jispeċifika li l-IHM jenħtieġ li jimtela u jiġi approvat fi żmien erba’ xhur wara l-ispezzjoni. Barra minn hekk, jenħtieġ li tingħata twissija lill-bastiment u r-riżultat tal-ispezzjoni u t-twissija jenħtieġ li jiġu rreġistrati fil-modulu tar-riċiklaġġ tal-bastimenti tat-THETIS – UE.

Jekk dawn il-pjanijiet ikollhom jiġu emendati ulterjorment wara l-ispezzjoni, minħabba ssuktar tar-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar jew l-aċċess, is-sid/il-kaptan irid jipprovdi biżżejjed evidenza bil-miktub mill-ispetturi tal-IHM li ma kienx fattibbli li jintlaħqu l-pjanijiet inizjali. Għal darb’oħra, huwa f’idejn l-ispettur li jkun qed iwettaq l-ispezzjoni li jmiss li jiddeċiedi jekk din l-evidenza hijiex aċċettabbli fuq il-bażi ta’ każ b’każ skont iċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-bastiment ikkonċernat u bl-użu tal-ġudizzju professjonali tiegħu.

Għaċ-Ċertifikat ta’ Bastiment Lest għar-Riċiklaġġ, jekk l-ispettur jaċċetta din l-evidenza wara evalwazzjoni fuq bażi ta’ każ b’każ, is-sid/il-kaptan tal-bastiment jenħtieġ li jiġu mwissija li huma meħtieġa jimlew l-IHM u li jiksbu ċ-Ċertifikat ta’ Bastiment Lest għar-Riċiklaġġ qabel ma jidħlu fil-faċilità għar-riċiklaġġ tal-bastimenti. Ir-riżultat tal-ispezzjoni u t-twissija jenħtieġ li jiġu rreġistrati fil-modulu tar-riċiklaġġ tal-bastimenti ta’ THETIS – UE.


(1)  Ir-Regolament (UE) Nru 1257/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Novembru 2013 dwar ir-riċiklaġġ tal-bastimenti u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1013/2006 u d-Direttiva 2009/16/KE (ĠU L 330, 10.12.2013, p. 1).

(2)  Ara diġà, għal dan il-għan, l-Avviż tal-Kummissjoni tal-1988 dwar il-force majeure fil-liġi agrikola Ewropea, C(88) 1696 (ĠU C 259, 6.10.1988, p. 10).

(3)  Ara l-Kawża 71/87, Inter-Kom, EU:C:1988:186, paragrafi 10 sa 17 u l-Kawża C-12/92, Huygen u Oħrajn, EU:C:1993:914, il-paragrafu 31, segwiti ripetutament mill-Qorti Ġenerali partikolarment fil-Kawża T-220/04, Spanja vs il-Kummissjoni, EU:T:2007:97, il-paragrafi 165 sa 172. Ara wkoll l-Opinjoni ta’ AG Trstenjak, fil-Kawża C-101/08, Audilux, EU:C:2009:410, il-paragrafu 71.

(4)  Il-Kawża C-640/15, Vilkas, EU:C:2017:39, il-paragrafu 53.

(5)  http://www.emsa.europa.eu/news-a-press-centre/external-news/item/3721-guidance-on-inspections-of-shipsby-the-port-states-in-accordance-with-regulation-eu-1257-2013-on-ship-recycling.html

(6)  Id-Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-kontroll tal-Istat tal-port (ĠU L 131, 28.5.2009, p. 57).

(7)  Skont l-Artikolu 5(3)(c) tar-Regolament, l-IHM għandu jiġi kkompilat filwaqt li jitqiesu l-linji gwida rilevanti tal-IMO. Jekk l-element tal-kampjunar ma jkunx tlesta, allura l-IHM ma jkunx konformi mal-linji gwida msemmija.

(8)  Huwa mifhum li din hija wkoll is-soluzzjoni li l-Assoċjazzjoni Internazzjonali tas-Soċjetajiet ta’ Klassifikazzjoni (IACS) qiegħda tirrakkomanda lill-membri tagħhom, filwaqt li żżid li l-bqija tal-kampjunar irid isir f’data aktar tard.