29.6.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 214/8


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda, li mhijiex minuri, għal fazzjoni tal-Prodott skont l-Artikolu 50(2)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

(2020/C 214/08)

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni ta’ emenda skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 (1) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fi żmien tliet xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.

APPLIKAZZJONI GĦALL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA GĦALL-ISPEĊIFIKAZZJONI TAL-PRODOTT TA’ SPEĊJALITAJIET TRADIZZJONALI GARANTITI LI MHIJIEX MINURI

Applikazzjoni għall-approvazzjoni ta’ emenda skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012

CZWÓRNIAK STAROPOLSKI TRADYCYJN Y

Nru tal-UE: TSG-PL-0035-AM02 — 11.1.2019

1.   Grupp applikant u interess leġittimu

Isem il-grupp: Związek Pracodawców Polska Rada Winiarstwa

Indirizz:

ul. Świętokrzyska 20

00-002 Warszawa

POLSKA/POLAND

Tel.

+ 48 222434176

Indirizz elettroniku:

office@zpprw.pl

Związek Pracodawców Polska Rada Winiarstwa hija l-akbar organizzazzjoni li tirrappreżenta s-settur tal-inbid fil-Polonja. Il-membri tagħha jinkludu produtturi ta’ prodotti ffermentati, inklużi l-idromeli. Hija entità indipendenti mwaqqfa mill-membri tal-Krajowa Rada Winiarstwa i Miodosytnictwa przy Stowarzyszeniu Naukowo-Technicznym Inżynierów i Techników Przemysłu Spożywczego, li kienet l-applikant għar-reġistrazzjoni ta’ dan l-isem bħala STG.

2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz

Il-Polonja

3.   Intestatura fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott affettwata mill-emendi

Isem il-prodott

Deskrizzjoni tal-prodott

Metodu ta’ produzzjoni

Oħrajn Deskrizzjoni tal-elementi ewlenin li jistabbilixxu l-karattru tradizzjonali tal-prodott

4.   Tip ta’ emenda/i

Emenda għall-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott ta’ STG irreġistrata li ma għandhiex tiġi kkwalifikata bħala minuri skont ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 53(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

5.   Emendi

Fil-punt 3.2, is-sentenza

“L-isem czwórniak ġej min-numru “4” (PL: cztery) u huwa relatat direttament mal-kompożizzjoni u l-metodu ta’ produzzjoni stabbiliti storikament tal-czwórniak – il-proporzjonijiet ta’ għasel u ilma fl-estratt tax-xgħir tal-idromel huma parti waħda għasel ma’ tliet partijiet ilma.”

ġiet sostitwita bi:

“Il-kelma czwórniak ġejja min-numru “4” (PL: cztery) u hija relatata direttament mal-kompożizzjoni u l-metodu tal-produzzjoni stabbiliti storikament tal-czwórniak – il-proporzjonijiet ta’ għasel u ilma fl-idromel huma parti waħda għasel ma’ tliet partijiet ilma.”

Għalhekk, l-informazzjoni li l-kelma czwórniak għandha x’taqsam mal-proporzjonijiet tal-ilma u l-għasel fl-estratt tax-xgħir tal-idromel ġiet ikkoreġuta. Ġie introdott kliem li jindika li huwa l-proporzjon ta’ ilma għall-għasel fl-idromel, jiġifieri l-prodott finali, li huwa l-aktar importanti. Din hija emenda formali u ma għandha l-ebda effett fuq il-karattru speċifiku tal-prodott. Hija neċessarja minħabba li, mill-1948, skont ir-regoli nazzjonali, “Jista’ jissejjaħ czwórniak biss l-idromel prodott minn parti waħda għasel naturali u tliet partijiet ilma”. Matul il-proċess tal-produzzjoni l-għasel ma jiżdiedx biss fl-istadju tal-preparazzjoni tl-estratt tax-xgħir, u minħabba f’hekk għandu jitqies il-proporzjon ta’ għasel mal-ilma u/jew il-meraq fl-idromel lest.

Deskrizzjoni tal-prodott

Is-sentenza

“It-togħma tal-‘czwórniak staropolski tradycyjny’ tista’ tiġi arrikkita bit-togħma tal-ħwawar li jintużaw.”

ġiet sostitwita b’dan li ġej:

“It-togħma tal-“czwórniak staropolski tradycyjny” tista’ tiġi arrikkita bit-togħma tal-ħwawar, il-ħops u l-meraq tal-frott li jintużaw.”

Din hija emenda formali. L-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott oriġinali tippermetti ż-żieda ta’ meraq tal-frott fil-produzzjoni tal-“czwórniak staropolski tradycyjny”. Għalhekk għandu jitqies l-effett li dan il-meraq ikollu fuq it-togħma tal-prodott. Qed jiġi propost li l-ħops jiġi inkluż fit-taqsima tal-“Materja prima”. Għalhekk għandu jiġi kkunsidrat ukoll l-effett tal-ħops fuq it-togħma tal-“czwórniak staropolski tradycyjny”.

Ġiet miżjuda s-sentenza li ġejja:

“Hemm żewġ tipi ta’ ‘czwórniak staropolski tradycyjny’: estratt tax-xgħir mgħolli u estratt tax-xgħir kiesaħ, skont il-metodu użat għall-preparazzjoni tal-estratt tax-xgħir.”

Hemm żewġ varjetajiet ta’ “czwórniak staropolski tradycyjny”: estratt tax-xgħir mgħolli u estratt tax-xgħir kiesaħ. L-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott oriġinali ssemmi biss il-varjetà tal-estratt tax-xgħir mgħolli. L-għan tal-emenda proposta huwa li tinkludi l-varjetà tal-estratt tax-xgħir kiesaħ fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott. Il-ġustifikazzjoni għal din l-emenda tinstab ukoll f’sorsi storiċi. Informazzjoni kontenuta f’sorsi bil-miktub li jmorru lura għas-seklu 19 (pereżempju Najdokładniejszy sposób sycenia różnych gatunków miodów, Józef Ambrożewicz, 1891; Miodosytnictwo – czyli nauka przerabiania miodu i owoców na napoje, Teofil Ciesielski, 1892) turi li kienu jsiru xarbiet mill-idromel b’żewġ metodi: bit-togħlija jew mingħajr tisħin. Barra minn hekk, fil-Mała encyklopedia rolnicza (1964), l-idromeli huma maqsumin ukoll f’idromeli tal-estratt tax-xgħir mgħolli u idromeli tal-estratt tax-xgħir kiesaħ.

Il-produzzjoni ta’ idromeli tal-estratt tax-xgħir kiesaħ hija tradizzjoni li tmur lura diversi sekli, iżda hija proċess teknoloġikament diffiċli, billi l-estratt tax-xgħir jiġi ppreparat mingħajr ma jissaħħan. Ir-riskju għoli ta’ kontaminazzjoni tal-estratt tax-xgħir miżjud bil-ħmira, speċjalment matul il-fermentazzjoni u l-istabbilizzazzjoni, kien ir-raġuni għaliex dan il-metodu ġie abbandunat. Madankollu, dan reġa’ ngħata l-ħajja f’dawn l-aħħar snin u għalhekk irid jiġi kkunsidrat fl-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott bħala li għandu status ugwali mal-produzzjoni tal-idromel tal-estratt tax-xgħir mgħolli.

Id-differenza fil-metodu tal-produzzjoni għaż-żewġ tipi ta’ idromel tirriżulta biss mill-metodu differenti ta’ preparazzjoni tal-estratt tax-xgħir. Għall-idromeli tal-estratt tax-xgħir kiesaħ, il-metodu ma jinvolvix l-użu ta’ temperaturi għoljin, filwaqt li l-estratt tax-xgħir għall-produzzjoni tal-idromeli tal-estratt tax-xgħir mgħolli jiġi mgħolli. L-istadji sussegwenti tal-proċess tal-produzzjoni huma l-istess għaż-żewġ tipi.

Metodu tal-produzzjoni

Fit-taqsima “Materja prima”, l-inċiż

“Ħxejjex aromatiċi u ħwawar: imsiemer tal-qronfol, kannella, noċemuskata jew ġinġer”

ġiet sostitwita bi

“Ħxejjex aromatiċi u ħwawar, jew ħops”

L-għan tal-emenda proposta huwa li tespandi l-firxa tal-ħxejjex aromatiċi u l-ħwawar (lil hinn mill-erbgħa msemmija fl-Ispeċifikazzjoni oriġinali) u li tippermetti ż-żieda tal-ħops. Dan huwa storikament ġustifikat, billi l-ħops u bosta ħxejjex aromatiċi u ħwawar huma msemmija f’pubblikazzjonijiet settorjali mis-seklu 19 ’il quddiem. Ir-regoli nazzjonali mill-1948 ippermettew iż-żieda ta’ firxa ta’ ingredjenti li hija konformi mal-emenda proposta.

Ġie miżjud ukoll l-inċiż li ġej: “Aċidu tartariku jew aċidu ċitriku.”

L-użu tal-aċidu tartariku jew tal-aċidu ċitriku għandu jissemma għal raġunijiet teknoloġiċi. L-użu tagħhom huwa storikament ġustifikat, billi kien diġà permess fir-regoli nazzjonali tal-1948.

Taħt “Stadju 1” fit-taqsima “Metodu tal-produzzjoni”, ġie inkluż passaġġ rigward iż-żewġ metodi tal-preparazzjoni tal-estratt tax-xgħir għall-produzzjoni tal-idromeli tal-estratt tax-xgħir kiesaħ u l-idromeli tal-estratt tax-xgħir mgħolli.

Il-kliem

“Togħlija (sajran) tal-idromel f’temperatura ta’ 95–105 °C.”

ġie sostitwit bi

“Preparazzjoni tal-estratt tax-xgħir tal-idromel:

Għall-idromeli ta’ estratt tax-xgħir kiesaħ, l-għasel jiġi maħlul f’ilma fietel f’temperatura ta’ 20–0 °C.

Għall-idromeli ta’ estratt tax-xgħir mgħolli, l-estratt tax-xgħir jissaħħan (jissajjar) f’temperatura ta’ 95–105 °C.”

L-emenda proposta tqis id-differenzi fil-mod li bih l-estratt tax-xgħir tal-idromel jiġi ppreparat għall-produzzjoni ta’ idromeli ta’ estratt tax-xgħir mgħolli u idromeli ta’ estratt tax-xgħir kiesaħ. Dan isegwi mill-inklużjoni tal-metodu ta’ produzzjoni tal-idromel ta’ estratt tax-xgħir kiesaħ fl-Ispeċifikazzjoni, fejn il-bażi ta’ dan il-metodu hija l-preparazzjoni tal-estratt tax-xgħir tal-idromel billi jinħall l-għasel f’ilma fietel.

Taħt “Stadju 1” fit-taqsima “Metodu ta’ produzzjoni”, is-sentenza:

“Il-proporzjonijiet meħtieġa ta’ għasel u ilma għall-czwórniak huma: parti waħda ta’ għasel ma’ tliet partijiet ta’ ilma (jew ilma mħallat mal-meraq tal-frott), li magħhom jistgħu jiżdiedu ħxejjex aromatiċi u ħwawar.”

ġiet sostitwita bi:

“Il-proporzjonijiet meħtieġa ta’ għasel u ilma għall-czwórniak huma parti waħda għasel ma’ tliet partijiet ilma (jew ilma mħallat mal-meraq tal-frott), li magħhom jistgħu jiżdiedu ħxejjex aromatiċi u ħwawar jew ħops.”

Għalhekk hija inkluża l-possibbiltà li jiżdiedu l-ħops kif ukoll il-ħxejjex aromatiċi u l-ħwawar. Din l-emenda saret minħabba ż-żieda ta’ materji prima permessi mal-lista.

Is-sentenzi:

“Tintuża kitla tal-estratt tax-xgħir mgħammra b’ġakketta tal-fwar sabiex tiġi żgurata ż-żamma stretta mal-proporzjonijiet ta’ ilma u għasel u jinkiseb l-estratt meħtieġ. Dan il-metodu ta’ sajran jipprevjeni l-karamellizzazzjoni taz-zokkor.”

huma sostitwiti bi:

“Fil-każ tal-idromeli ta’ estratt tax-xgħir mgħolli, tintuża kitla tal-estratt tax-xgħir mgħammra b’ġakketta tal-fwar biex tiġi żgurata ż-żamma stretta mal-proporzjonijiet ta’ ilma u għasel u jinkiseb l-estratt meħtieġ. Dan il-metodu ta’ sajran jipprevjeni l-karamellizzazzjoni taz-zokkor.”

Ġiet miżjuda informazzjoni sabiex tagħmilha ċara li dan jikkonċerna l-idromeli ta’ estratt tax-xgħir mgħolli. M’hemmx għalfejn jintużaw ktieli tal-estratt tax-xgħir mgħammra bi ġkieket tal-fwar meta jkunu qegħdin isiru idromeli ta’ estratt tax-xgħir kiesaħ, billi z-zokkor ma jiġix karamellizzat meta l-estratt tax-xgħir tal-idromel jiġi ppreparat f’temperaturi baxxi.

Taħt “Stadju 5” fit-taqsima “Metodu ta’ produzzjoni”, il-kliem:

“Odciąg odfermentowanego nastawu znad osadu drożdżowego.”(Tiswib minn reċipjent għall-ieħor tal-estratt tax-xgħir miżjud bil-ħmira attenwat.)

ġie kkoreġut bil-Pollakk biex jinqara kif ġej:

“Obciąg odfermentowanego nastawu znad osadu drożdżowego.”

Il-kelma odciąg ġiet sostitwita bil-kelma korretta għall-proċess inkwistjoni: obciąg (tiswib minn reċipjent għall-ieħor).

Taħt “Stadju 7” fit-taqsima “Metodu ta’ produzzjoni”, il-formulazzjoni ġiet emendata biex tinkludi l-ħops u l-aċidu tartariku jew l-aċidu ċitriku, f’konformità maż-żidiet fil-lista ta’ materji prima permessi.

L-inċiż

“żieda ta’ estratti ta’ ħxejjex aromatiċi u ħwawar”

ġie sostitwit bi

“żieda ta’ estratti ta’ ħxejjex aromatiċi u ħwawar, jew ħops”.

Ġie miżjud l-inċiż li ġej:

“żieda ta’ aċidu tartariku jew aċidu ċitriku”.

Deskrizzjoni tal-elementi ewlenin li jistabbilixxu l-karattru tradizzjonali tal-prodott

Fit-taqsima “Karattru speċifiku tal-prodott”, is-sentenza:

“Il-karattru speċifiku tal-‘czwórniak’ jirriżulta b’mod partikolari mill-użu, u ż-żamma stretta mal-proporzjonijiet stabbiliti ta’ għasel u ilma — parti waħda għasel ma’ tliet partijiet ilma – fl-estratt tax-xgħir tal-idromel.”

ġiet sostitwita b’dan li ġej:

“Il-karattru speċifiku tal-‘czwórniak staropolski tradycyjny’ jirriżulta b’mod partikolari mill-użu, u ż-żamma stretta mal-proporzjonijiet stabbiliti ta’ għasel u ilma — parti waħda għasel ma’ tliet partijiet ilma — fl-idromel.”

Ġie introdott kliem li jindika li huwa l-proporzjon ta’ ilma għall-għasel fl-idromel, jiġifieri l-prodott finali, li huwa l-aktar importanti. Dan jikkorrispondi mal-emendi li saru fil-punt 3.2.

Mad-deskrizzjoni tal-elementi li jiddeterminaw il-karattru tradizzjonali tal-prodott ġew miżjuda kwotazzjonijiet li jikkonfermaw il-karattru tradizzjonali taż-żewġ metodi ta’ preparazzjoni tal-estratt tax-xgħir li huma l-bażi għall-idromeli tal-estratt tax-xgħir mgħolli u għall-idromeli tal-estratt tax-xgħir kiesaħ.

Saru wkoll korrezzjonijiet fl-isem: fejn kien xieraq, il-kelma czwórniak ġiet sostitwita bl-isem tal-prodott, jiġifieri “czwórniak staropolski tradycyjny”.

SPEĊIFIKAZZJONI TAL-PRODOTT TA’ SPEĊJALITÀ TRADIZZJONALI GARANTITA

CZWÓRNIAK STAROPOLSKI TRADYCYJN Y

Nru tal-UE: TSG-PL-0035-AM02 — 11.1.2019

Il-Polonja

1.   Isem/ismijiet

“Czwórniak staropolski tradycyjny”

2.   Tip ta’ prodott

Klassi 1.8. Prodotti oħra tal-Anness I għat-Trattat (ħwawar, eċċ.)

3.   Raġunijiet għar-reġistrazzjoni

3.1.   Indika jekk il-prodott:

jirriżultax minn metodu ta’ produzzjoni, ipproċessar jew kompożizzjoni li jikkorrispondu għall-prattika tradizzjonali għal dak il-prodott jew l-oġġett tal-ikel;

jiġix prodott minn materja prima jew ingredjenti li huma dawk li jintużaw tradizzjonalment.

L-idromel ilu jiġi prodott fil-Polonja aktar minn 1 000 sena, kif ikkonfermat minn bosta sorsi storiċi. L-ewwel rekords bil-miktub imorru lura għas-seklu 10, u pubblikazzjonijiet mis-sekli 17 u 18 fihom informazzjoni dwar varjetajiet differenti ta’ idromel. It-teknika ta’ produzzjoni qadima sekli għaddiet biss minn bidliet żgħar. “Czwórniak staropolski tradycyjny” huwa wieħed minn erba’ tipi ta’ idromel. Dan isir skont riċetti tradizzjonali, li jżommu strettament mal-proporzjonijiet speċifikati ta’ għasel u ilma.

3.2.   Indika jekk l-isem:

intużax tradizzjonalment biex jirreferi għall-prodott speċifiku;

jidentifikax il-karattru tradizzjonali jew il-karattru speċifiku tal-prodott.

Il-kelma czwórniak ġejja min-numru “4” (PL: cztery) u hija relatata direttament mal-kompożizzjoni u l-metodu ta’ produzzjoni stabbiliti storikament tal-czwórniak – il-proporzjonijiet ta’ għasel u ilma fl-idromel huma parti waħda għasel ma’ tliet partijiet ilma. L-isem għalhekk jesprimi l-karattru speċifiku tal-prodott. Minħabba li czwórniak hija kelma li tintuża biss biex tindika varjetà speċifika ta’ idromel, l-isem għandu jitqies bħala speċifiku fih innifsu.

4.   Deskrizzjoni

4.1.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem fil-punt 1, inklużi l-karatteristiċi fiżiċi, kimiċi, mikrobijoloġiċi jew organolettiċi ewlenin tiegħu li juru l-karattru speċifiku tal-prodott (l-Artikolu 7(2) tar-Regolament)

“Czwórniak staropolski tradycyjny” huwa idromel, xarba ċara ffermentata mill-estratt tax-xgħir tal-idromel, li tingħaraf mill-aroma karatteristika tagħha tal-għasel u mit-togħma tal-materja prima użata.

It-togħma tal-“czwórniak staropolski tradycyjny” tista’ tiġi arrikkita bit-togħma tal-ħwawar, il-ħops u l-meraq tal-frott li jintużaw. Il-lewn tal-“czwórniak staropolski tradycyjny” ivarja minn kulur id-deheb għal ambra skura u jiddependi mit-tip ta’ għasel li jintuża fil-produzzjoni tiegħu.

Hemm żewġ tipi ta’ “czwórniak staropolski tradycyjny”: estratt tax-xgħir mgħolli u estratt tax-xgħir kiesaħ, skont il-metodu li jintuża għall-preparazzjoni tal-estratt tax-xgħir.

L-indikaturi fiżikokimiċi tipiċi għall-“czwórniak staropolski tradycyjny” huma:

qawwa alkoħolika: 9–12 % vol.,

zokkor riduċenti wara l-inverżjoni: 35–90 g/l,

aċidità totali espressa bħala aċidu maliku: 3,5–8 g/l,

aċidità volatili espressa bħala aċidu aċetiku: massimu 1,4 g/l,

zokkor totali fi grammi: iċ-ċifra li, meta tiżdied mal-qawwa alkoħolika proprja (% vol.) immultiplikata bi 18, tagħti minimu ta’ 240,

estratt mhux taz-zokkor: mhux anqas minn

15 g/l,

20 g/l fil-każ tal-idromel tal-frott (melomel);

irmied: — minimu 1,3 g/l - fil-każ tal-idromel tal-frott.

L-użu ta’ preżervattivi, stabbilizzaturi u sustanzi artifiċjali li jagħtu l-kulur u t-togħma huwa pprojbit fil-produzzjoni tal-“czwórniak staropolski tradycyjny”.

4.2.   Deskrizzjoni tal-metodu ta’ produzzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem imsemmi fil-punt 1 li jridu jsegwu l-produtturi, inkluż, fejn xieraq, in-natura u l-karatteristiċi tal-materja prima jew tal-ingredjenti li jintużaw, kif ukoll il-metodu li permezz tiegħu jiġi ppreparat il-prodott (l-Artikolu 7(2) tar-Regolament)

Materja prima:

Għasel naturali bil-parametri li ġejjin:

kontenut ta’ ilma: massimu 20 % (m/m),

kontenut ta’ zokkor riduċenti: minimu 70 % (m/m),

kontenut ikkombinat ta’ sukrożju u meleżitożju: massimu 5 % (m/m),

aċidità totali — soluzzjoni ta’ 1 mol/l NaOH għal kull 100 g ta’ għasel: fil-medda ta’ 1-5 ml,

kontenut ta’ 5-idrossimetilfurfural (HMF): massimu 4,0 mg għal kull 100 g ta’ għasel;

Ħmira tal-idromel ta’ attenwazzjoni għolja — adatta għat-taffija ta’ estratti għoljin f’estratt tax-xgħir miżjud bil-ħmira;

Ħxejjex aromatiċi naturali u ħwawar, jew ħops;

Meraq tal-frott naturali jew frott frisk;

Aċidu tartariku jew aċidu ċitriku.

Metodu ta’ produzzjoni:

Stadju 1

Preparazzjoni tal-estratt tax-xgħir tal-idromel:

Għall-idromeli ta’ estratt tax-xgħir kiesaħ, l-għasel jiġi maħlul f’ilma fietel f’temperatura ta’ 20–30 °C.

Għall-idromeli ta’ estratt tax-xgħir mgħolli, l-estratt tax-xgħir jissaħħan (jissajjar) f’temperatura ta’ 95–105 °C.

Il-proporzjonijiet meħtieġa ta’ għasel u ilma għall-czwórniak huma parti waħda għasel ma’ tliet partijiet ilma (jew ilma mħallat mal-meraq tal-frott), li magħhom jistgħu jiżdiedu ħxejjex aromatiċi u ħwawar jew ħops. Fil-każ tal-idromeli tal-frott, mill-inqas 30 % tal-ilma jiġi sostitwit b’meraq tal-frott.

Fil-każ tal-idromeli ta’ estratt tax-xgħir mgħolli, tintuża kitla tal-estratt tax-xgħir mgħammra b’ġakketta tal-fwar biex tiġi żgurata ż-żamma stretta mal-proporzjonijiet ta’ ilma u għasel u jinkiseb l-estratt meħtieġ. Dan il-metodu ta’ sajran jipprevjeni l-karamellizzazzjoni taz-zokkor.

Stadju 2

Għall-idromeli tal-estratt tax-xgħir mgħolli, l-estratt tax-xgħir jitkessaħ għal temperatura ta’ 20–22 °C, it-temperatura ottimali għall-propagazzjoni tal-ħmira. L-estratt tax-xgħir irid jitkessaħ fil-jum tal-produzzjoni, il-ħin tat-tkessiħ jiddependi mill-effiċjenza tal-apparat li jkessaħ. It-tkessiħ jiggarantixxi s-sigurtà mikrobijoloġika tal-estratt tax-xgħir.

Stadju 3

Żieda tal-ħmira, iż-żieda ta’ soluzzjoni tal-ħmira mal-estratt tax-xgħir f’tank tal-fermentazzjoni.

Stadju 4

A. Fermentazzjoni vjolenti — 6–10 ijiem. Iż-żamma tat-temperatura f’livell massimu ta’ 28 °C tiżgura li l-proċess tal-fermentazzjoni jseħħ b’mod korrett.

B. Fermentazzjoni bil-mod — 3–6 ġimgħat. Il-perjodu ta’ fermentazzjoni bil-mod jiżgura li jintlaħqu l-parametri fiżikokimiċi xierqa.

Stadju 5

Tiswib tal-estratt tax-xgħir miżjud bil-ħmira attenwat.

Wara li tinkiseb qawwa alkoħolika ta’ mill-anqas 9 % vol., għandu jsir tiswib minn reċipjent għall-ieħor qabel it-tqaddim. Dan jiggarantixxi li l-idromel ikollu l-karatteristiċi fiżikokimiċi u organolettiċi xierqa. Jekk l-estratt tax-xgħir miżjud bil-ħmira jitħalla fuq is-sediment lil hinn mill-perjodu ta’ fermentazzjoni bil-mod, dan jaffettwa b’mod negattiv il-karatteristiċi organolettiċi, minħabba l-awtoliżi tal-ħmira.

Stadju 6

Tqaddim (maturazzjoni) u sifonaġġ (dekantazzjoni) — dan jiġi ripetut kif meħtieġ sabiex jiġi evitat li jseħħu proċessi mhux mixtieqa fis-sediment (awtoliżi tal-ħmira). Matul it-tqaddim, jistgħu jitwettqu operazzjonijiet bħall-pastorizzazzjoni u l-filtrazzjoni. Dan l-istadju huwa essenzjali biex jiġi żgurat li l-prodott ikollu l-karatteristiċi organolettiċi korretti.

Iż-żmien minimu ta’ tqaddim għal “czwórniak staropolski tradycyjny” huwa ta’ disa’ xhur.

Stadju 7

Aġġustament tat-togħma (kompożizzjoni) — dan l-istadju jikkonċerna l-preparazzjoni ta’ prodott finali li jkollu karatteristiċi organolettiċi u fiżikokimiċi xierqa għall-“czwórniak staropolski tradycyjny”. Sabiex jiġi żgurat li jinkisbu l-parametri meħtieġa, huwa possibbli li jiġu kkoreġuti l-karatteristiċi organolettiċi u fiżikokimiċi billi:

jiġi miżjud l-għasel biex l-idromel isir aktar ħelu,

jiġu miżjuda ħxejjex aromatiċi u ħwawar, jew ħops,

jiġi miżjud l-aċidu tartariku jew l-aċidu ċitriku.

L-għan ta’ dan l-istadju huwa li jinkiseb prodott bil-bouquet karatteristiku tal-“czwórniak staropolski tradycyjny”.

Stadju 8

Tferrigħ f’kontenituri individwali f’temperatura ta’ 55-60 °C. Huwa rakkomandat li l-“czwórniak staropolski tradycyjny” jiġi ppreżentat f’imballaġġ tradizzjonali, bħal damiġġjani, kontenituri taċ-ċeramika jew btieti tal-ballut.

4.3.   Deskrizzjoni tal-elementi ewlenin li jistabbilixxu l-karattru tradizzjonali tal-prodott (l-Artikolu 7(2) tar-Regolament)

Karattru speċifiku tal-prodott:

Il-karattru speċifiku tal-“czwórniak staropolski tradycyjny” jirriżulta minn:

il-preparazzjoni tal-estratt tax-xgħir (il-kompożizzjoni u l-proporzjon tal-materja prima),

it-tqaddim u l-maturazzjoni,

il-karatteristiċi fiżikokimiċi u organolettiċi tiegħu.

Preparazzjoni tal-estratt tax-xgħir (kompożizzjoni u proporzjon tal-materja prima):

Il-karattru speċifiku tal-“czwórniak staropolski tradycyjny” jirriżulta b’mod partikolari mill-użu, u ż-żamma stretta mal-proporzjonijiet stabbiliti ta’ għasel u ilma — parti waħda għasel ma’ tliet partijiet ilma – fl-idromel. Dan il-proporzjon huwa l-fattur determinanti fl-istadji ulterjuri kollha tal-produzzjoni tal-“czwórniak staropolski tradycyjny” li jagħti l-karatteristiċi uniċi tiegħu.

Tqaddim u maturazzjoni:

Skont ir-riċetta antika tradizzjonali Pollakka, il-karattru tal-prodott jiddependi milli jiġi mqaddem u maturat għal perjodu ta’ żmien speċifikat. Fil-każ tal-“czwórniak staropolski tradycyjny”, dan il-perjodu huwa ta’ mill-anqas disa’ xhur.

Karatteristiċi fiżikokimiċi u organolettiċi:

L-osservanza tal-istadji kollha tal-produzzjoni inklużi fl-Ispeċifikazzjoni tiżgura li jinkiseb prodott b’togħma u aroma uniċi. It-togħma u r-riħa uniċi tal- “czwórniak staropolski tradycyjny” huma r-riżultat ta’ kontenut xieraq ta’ zokkor u alkoħol:

zokkor riduċenti wara l-inverżjoni: > 35–90 g/l;

zokkor totali fi grammi: iċ-ċifra li, meta tiżdied mal-qawwa alkoħolika reali (% vol.) immultiplikata bi 18, tagħti minimu ta’ 240;

qawwa alkoħolika: 9–12 % vol.

Minħabba l-proporzjonijiet strettament definiti tal-ingredjenti użati fil-produzzjoni tiegħu, il-“czwórniak staropolski tradycyjny” għandu konsistenza tipikament viskuża u likwida li tiddistingwih minn tipi oħra ta’ idromel.

Metodu ta’ produzzjoni tradizzjonali:

Il-produzzjoni tal-idromel fil-Polonja hija tradizzjoni li tmur lura aktar minn elf sena u hija diversa ħafna. L-iżvilupp u t-titjib tal-metodu ta’ produzzjoni matul is-sekli wassal għal ħafna varjetajiet ta’ idromel. L-istorja tal-produzzjoni tal-idromel tmur lura għall-bidu tas-sovranità tal-Polonja. Fis-sena 966, id-diplomatiku, negozjant u vjaġġatur Spanjol, Ibrahim ibn Yaqub, kiteb: “Minbarra l-ikel, il-laħam u l-art għall-ħrit, il-pajjiż ta’ Mieszko I huwa abbundanti fl-idromel, kif jissejħu l-inbejjed u x-xorb li jsakkar Slavi” (Mieszko I kien l-ewwel ħakkiem storiku tal-Polonja). Il-Kronaki ta’ Gallus Anonymus, li rreġistraw l-istorja Pollakka bejn l-aħħar snin tas-seklu 11 u l-ewwel snin tas-seklu 12, fihom ukoll bosta referenzi għall-produzzjoni tal-idromel.

Il-poeżija epika nazzjonali Pollakka Pan Tadeusz ta’ Adam Mickiewicz, li tirrakkonta l-istorja tan-nobbiltà fl-1811 u l-1812, fiha ħafna informazzjoni dwar il-produzzjoni, il-konsum u l-varjetajiet differenti ta’ idromel. Referenzi għall-idromel jistgħu jinstabu wkoll fil-poeżiji ta’ Tomasz Zan (1796–1855) u fit-triloġija ta’ Henryk Sienkiewicz li tiddeskrivi avvenimenti fil-Polonja fis-seklu 17 (Ogniem i mieczem, ippubblikat fl-1884; Potop, ippubblikat fl-1886 u Pan Wołodyjowski, ippubblikat fl-1887 u fl-1888).

Il-materjali ta’ bażi li jiddeskrivu t-tradizzjonijiet kulinarji Pollakki tas-sekli 17 u 18 jinkludu mhux biss referenzi ġenerali għall-idromel, iżda wkoll referenzi għal varjetajiet differenti ta’ idromel. Jiddependi mill-metodu ta’ produzzjoni, dawn kienu jissejħu półtorak, dwójniak, trójniak jew czwórniak. Kull wieħed minn dawn l-ismijiet huwa relatat ma’ tip differenti ta’ idromel, prodott abbażi ta’ proporzjonijiet differenti ta’ għasel u ilma jew meraq, u żminijiet differenti ta’ tqaddim. It-teknika tal-produzzjoni tal-czwórniak ilha tintuża, b’modifiki żgħar, għal sekli sħaħ.

Kompożizzjoni tradizzjonali:

Il-klassifikazzjoni tradizzjonali tal-idromeli bħala półtorak, dwójniak, trójniak u czwórniak ilha teżisti fil-Polonja għal sekli sħaħ u għadha teżisti fil-kuxjenza tal-konsumaturi sal-lum. Wara t-Tieni Gwerra Dinjija, saru tentattivi sabiex jiġi regolat it-tqassim tradizzjonali tal-idromeli f’erba’ kategoriji. Din il-klassifikazzjoni finalment ġiet imnaqqxa fil-liġi Pollakka fl-1948 permezz tal-Att dwar il-produzzjoni tal-inbejjed, il-mosti tal-inbejjed u l-idromeli u l-kummerċ ta’ dawn il-prodotti (Ġurnal tal-Liġijiet tar-Repubblika tal-Polonja tat-18 ta’ Novembru 1948). Dan l-Att jinkludi regoli dwar il-produzzjoni tal-idromeli, li jispeċifikaw il-proporzjonijiet eżatti ta’ għasel u ilma u r-rekwiżiti teknoloġiċi. Il-proporzjon ta’ ilma u għasel għall-czwórniak huwa mogħti kif ġej: “Jista’ jissejjaħ czwórniak biss l-idromel prodott minn parti waħda għasel naturali u tliet partijiet ilma”.

Żewġ metodi ta’ preparazzjoni tal-estratt tax-xgħir:

L-estratt tax-xgħir għall-produzzjoni tal-idromeli tradizzjonali jista’ jiġi ppreparat b’żewġ modi: permezz ta’ sajran (tisħin) jew billi jitħalla barra dan l-istadju. Saret distinzjoni bejn iż-żewġ metodi ta’ produzzjoni f’bosta sorsi bil-miktub, pereżempju

Najdokładniejszy sposób sycenia różnych gatunków miodów, Fr. Józef Ambrożewicz, Varsavja, 1891. Dan ix-xogħol jiddeskrivi żewġ metodi ta’ kif isir l-idromel.

Hemm żewġ modi li bihom nistgħu nagħmlu l-idromel mill-għasel:

1)

bl-għajnuna tan-nar, fi kliem ieħor permezz tas-sajran jew tat-togħlija;

2)

mingħajr l-għajnuna tan-nar, jiġifieri mingħajr togħlija.

Miodosytnictwoczyli nauka przerabiania miodu i owoców na napoje minn Teofil Ciesielski, ippubblikat f’Lviv fl-1892, li jikklassifika l-idromeli skont il-mod li bih l-estratt tax-xgħir jiġi ppreparat għall-fermentazzjoni:

Hemm żewġ modi li bihom nistgħu nagħmlu xarba mill-għasel, jiġifieri:

(a)

bl-għajnuna tan-nar, fi kliem ieħor permezz tas-sajran jew tat-togħlija;

(b)

bil-metodu kiesaħ.

Mała encyklopedia rolnicza, ippubblikata minn Państwowe Wydawnictwa Rolnicze i Leśne, Varsavja, fl-1964, li tiddeskrivi, f’paġna 410, it-tqassim tal-idromeli f’kategoriji:

Jiddependi mill-metodu ta’ preparazzjoni tal-estratt tax-xgħir tal-idromel, hemm idromeli ta’ estratt tax-xgħir kiesaħ, miksuba minn estratt tax-xgħir li ma jkunx ġie msaħħan, u idromel ta’ estratt tax-xgħir mgħolli (imsajjar), miksub minn most li jkun ġie msaħħan (mgħolli, imsajjar ).”


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.