24.6.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 210/1


NOTIFIKA TAL-KUMMISSJONI

Linji gwida għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2019/1148 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ prekursuri tal-isplussivi

(2020/C 210/01)

Dikjarazzjoni ta’ ċaħda ta’ responsabbiltà

Dawn il-linji gwida huma maħsuba biex jgħinu lill-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri, lill-operaturi ekonomiċi u lis-swieq online fl-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2019/1148. Hija biss il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li għandha l-kompetenza tinterpreta d-dritt tal-Unjoni b’mod awtorevoli.

Werrej

INTRODUZZJONI 2

L-EWEEL PARTI:

GWIDA GĦALL-ISTATI MEMBRI 3

TAQSIMA I:

REĠIM TA’ LIĊENZJAR 3

TAQSIMA II:

TWETTIQ TA’ SPEZZJONIJIET U KONTROLLI 3

TAQSIMA III:

SKAMBJU TAL-INFORMAZZJONI 3

IT-TIENI PARTI:

GWIDA GĦALL-OPERATURI EKONOMIĊI U POSTIJIET TAS-SUQ ONLINE 3

TAQSIMA IV:

VERIFIKA WAQT IL-BEJGĦ 3

TAQSIMA V:

L-GĦARFIEN U R-RAPPORTAR TA’ TRANŻAZZJONIJIET SUSPETTUŻI, U TA’ GĦAJBIEN U SERQ SINIFIKANTI 7

TAQSIMA VI:

INFORMAZZJONI LILL-KATINA TAL-PROVVISTA 12

TAQSIMA VII:

SIGURTÀ TAL-ĦŻIN 14

Appendiċi 1:

Perjodi ta’ tranżizzjoni 16

Appendiċi 2:

Il-lista ta’ kontroll tal-ispezzjoni għall-awtoritajiet nazzjonali ta’ spezzjoni 18

Appendiċi 3:

Lista ta’ kontroll tal-konformitàgħall-operaturi ekonomiċi, għas-swieq online, għall-utenti professjonali u għall-membri tal-pubbliku ġenerali 19

Appendiċi 4:

Mudell ta’ komunikazzjoni transfruntiera 21

Appendiċi 5:

Gwida ulterjuri u ismijiet oħra għas-sustanzi fl-annessi tar-regolament 22

INTRODUZZJONI

Fis-soċjetà tal-lum il-ġurnata hemm bosta sustanzi kimiċi użati kuljum f’varjetà wiesgħa ta’ proċessi industrijali, funzjonijiet professjonali kif ukoll fis-settur kbir u varjat tal-konsumatur. Is-sustanzi kimiċi jintużaw, fost oħrajn, bħala intermedji biex jipproduċu sustanzi kimiċi oħrajn, bħala solventi biex iħollu materjali, biex jipproduċu prodotti bħaż-żebgħa, bħala ingredjenti tal-ikel u fi prodotti finali bħal soluzzjonijiet għat-tindif. Il-biċċa l-kbira ta’ dawn is-sustanzi kimiċi huma kkumerċjalizzati bejn in-negozji għal skopijiet leġittimi. Barra minn hekk, persuni fiżiċi jew ġuridiċi jista’ jkollhom ukoll interess leġittimu li jakkwistaw jew jużaw dawn il-kimiki barra mill-kuntest professjonali, pereżempju għal skopijiet ta’ passatemp.

Madankollu, xi sustanzi kimiċi għandhom il-potenzjal li jintużaw ħażin għall-manifattura illeċita ta’ splussivi magħmulin id-dar. It-terroristi u kriminali oħra jistgħu jfittxu li jixtru l-ingredjenti prekursuri neċessarji biex jipproduċu splussivi magħmulin id-dar mis-suq miftuħ jew jiddevjawhom minn użi leġittimi.

Mill-2014 ’l hawn, kien hemm fis-seħħ regoli fl-UE dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ prekursuri tal-isplussivi skont ir-Regolament (UE) Nru 98/2013. Madankollu, it-theddida minn splussivi magħmulin id-dar għadha għolja u qed tkompli tevolvi. Għaldaqstant kien meħtieġ li s-sistema għall-prevenzjoni tal-manifattura illeċita ta’ splussivi magħmulin id-dar tissaħħaħ u tiġi armonizzata. Ir-Regolament (UE) 2019/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ prekursuri tal-isplussivi (minn hawn ’il quddiem “ir-Regolament”) (1) ġie b’hekk adottat, u jħassar ir-Regolament (UE) Nru 98/2013 b’effett mill-1 ta’ Frar 2021.

Ir-Regolament jistabbilixxi regoli armonizzati li jikkonċernaw it-tqegħid għad-dispożizzjoni, l-introduzzjoni, il-pussess u l-użu ta’ sustanzi jew taħlitiet li jistgħu jiġu użati ħażin għall-manifattura illeċita tal-isplussivi, bil-għan li tiġi limitata d-disponibbiltà ta’ dawk is-sustanzi jew taħlitiet għall-membri tal-pubbliku ġenerali, u bil-ħsieb li jiġi żgurat ir-rapportar adegwat ta’ tranżazzjonijiet suspettużi tul il-katina tal-provvista.

Skont l-Artikolu 12 tar-Regolament, dan id-dokument ta’ linji gwida huwa maħsub biex jgħin lill-atturi fil-katina tal-provvista tas-sustanza kimika u lill-awtoritajiet kompetenti fl-implimentazzjoni tal-obbligi tagħhom skont ir-Regolament u biex jiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-operaturi ekonomiċi. Il-Kumitat Permanenti għall-Prekursuri ġie kkonsultat dwar l-abbozz tal-linji gwida fid-9 sal-10 ta’ Diċembru 2019. Hija biss il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li għandha l-kompetenza tinterpreta d-dritt tal-Unjoni b’mod awtorevoli.

It-Taqsimiet I-III tal-linji gwida huma indirizzati lill-Istati Membri, filwaqt li t-Taqsimiet IV-VII huma indirizzati lill-operaturi ekonomiċi u lis-swieq online.

Ġeneralment, il-kliem “jenħtieġ li”, “għandu”, u “huma meħtieġa li” jindikaw obbligu skont ir-Regolament, filwaqt li “jistgħu” u “huma rakkomandati li” jindikaw rakkomandazzjonijiet u prassi tajba.

Kamp ta’ applikazzjoni

Ir-Regolament japplika għat-tqegħid għad-dispożizzjoni, l-introduzzjoni, il-pussess u l-użu ta’ sustanzi kif ukoll ta’ taħlitiet li fihom dawn is-sustanzi elenkati fl-Annessi I u II tiegħu, irrispettivament mill-konċentrazzjoni tagħhom, bl-eċċezzjoni tal-oġġetti li ġejjin:

Artikolu 2(2): Dan ir-Regolament ma japplikax għal:

(a)

oġġetti kif definit fil-punt (3) tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006;

(b)

oġġetti pirotekniċi kif definit fil-punt (1) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2013/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;

(c)

oġġetti pirotekniċi intiżi għal użu mhux kummerċjali f’konformità mal-liġi nazzjonali mill-forzi armati, l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jew is-servizzi tat-tifi tan-nar;

(d)

tagħmir pirotekniku li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/90/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;

(e)

oġġetti pirotekniċi intenzjonati għall-użu fl-industrija tal-ajruspazju;

(f)

kapsuli ta’ perkussjoni intenzjonati għall-ġugarelli;

(g)

prodotti mediċinali li kienu saru disponibbli b’mod leġittimu għal xi membru tal-pubbliku ġenerali abbażi ta’ preskrizzjoni medika skont il-liġi nazzjonali applikabbli.

Esklużi mid-definizzjoni ta’ “prekursuri tal-isplussivi regolati” huma “taħlitiet omoġenji ta’ aktar minn 5 ingredjenti, li fihom il-konċentrazzjoni ta’ kull sustanza elenkata fl-Anness I jew II tkun inqas minn 1 % piż b’piż” (l-Artikolu 3(13)). B’paragun, prodotti li fihom ħames (5) ingredjenti jew inqas jew b’konċentrazzjoni ogħla ta’ prekursuri tal-isplussivi huma koperti mir-Regolament.

L-Artikolu 5 tar-Regolament jistipula li “prekursuri tal-isplussivi ristretti ma għandhomx jitqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’, jew jiġu introdotti, ikunu fil-pussess ta’ jew użati minn, membri tal-pubbliku ġenerali” fl-UE. Mid-definizzjoni ta’ “operatur ekonomiku” fl-Artikolu 3(10) tar-Regolament jirriżulta wkoll li dan ir-Regolament japplika għat-tqegħid għad-dispożizzjoni tas-sustanzi koperti mill-Annessi I u II tiegħu minn “kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika jew entità pubblika jew grupp ta’ tali persuni jew entitajiet li jagħmlu prekursuri tal-isplussivi regolati disponibbli fis-suq, sew jekk offline jew online, u inkluż fi swieq online” fl-UE. Għalhekk tapplika irrispettivament mill-post fejn operatur ekonomiku li jagħmel prekursuri tal-isplussivi regolati disponibbli fl-Unjoni jista’ jkun stabbilit. Dan għalhekk jinkludi operaturi ekonomiċi stabbiliti barra, iżda li jagħmlu prekursuri tal-isplussivi regolati disponibbli fl-UE.

L-EWEEL PARTI

GWIDA GĦALL-ISTATI MEMBRI

TAQSIMA I

REĠIM TA’ LIĊENZJAR

[Disponibbli biss għall-Kumitat Permanenti dwar il-Prekursuri]

TAQSIMA II

TWETTIQ TA’ SPEZZJONIJIET U KONTROLLI

[Disponibbli biss għall-Kumitat Permanenti dwar il-Prekursuri]

TAQSIMA III

SKAMBJU TAL-INFORMAZZJONI

[Disponibbli biss għall-Kumitat Permanenti dwar il-Prekursuri]

IT-TIENI PARTI

GWIDA GĦALL-OPERATURI EKONOMIĊI U POSTIJIET TAS-SUQ ONLINE

TAQSIMA IV

VERIFIKA WAQT IL-BEJGĦ

L-operaturi ekonomiċi huma meħtieġa li jivverifikaw qabel ma jagħmlu prekursur tal-isplussivi ristrett disponibbli għal klijent prospettiv, li din il-persuna hija intitolata li takkwista tali prekursur (l-Artikolu 8).

Jekk Stat Membru jistabbilixxi reġim ta’ liċenzjar skont l-Artikolu 5(3), l-operaturi ekonomiċi jistgħu jagħmlu disponibbli prekursur tal-isplussivi ristrett għal membru tal-pubbliku ġenerali, jekk u wara li tkun ġiet ivverifikata l-liċenzja.

Prekursur tal-isplussivi ristrett jista’ jsir disponibbli għal utent professjonali jew operatur ekonomiku jekk l-operatur ekonomiku jkun ivverifika li l-klijent prospettiv huwa fil-fatt utent professjonali jew operatur ekonomiku ieħor.

Għall-bejgħ lil kwalunkwe persuna, professjonist jew le, l-operatur ekonomiku huwa meħtieġ li jivverifika l-prova tal-identità tal-klijent prospettiv. Fil-każ ta’ persuni ġuridiċi, din il-verifika tikkonċerna lill-individwu intitolat li jirrappreżenta lill-klijent prospettiv.

Bil-ħsieb li jiġu ffaċilitati l-investigazzjonijiet u l-ispezzjonijiet, l-operaturi ekonomiċi huma meħtieġa jirreġistraw kull tranżazzjoni u jżommu dik l-informazzjoni għal 18-il xahar mid-data tat-tranżazzjoni (l-Artikolu 8(4)). Matul il-perjodu ta’ 18-il xahar, l-informazzjoni għandha ssir disponibbli għal spezzjoni fuq talba tal-awtoritajiet nazzjonali ta’ spezzjoni jew tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, mingħajr dewmien żejjed. Għaldaqstant huwa rrakkomandat li l-operaturi ekonomiċi jżommu r-rekords tagħhom ordnati u aċċessibbli.

Ir-regoli dwar il-verifika mal-bejgħ japplikaw għall-bejgħ kollu, irrispettivament minn jekk il-bejjiegħ u l-klijent humiex fiżikament preżenti jew le. Għal dan l-aħħar każ (“bejgħ mill-bogħod”), il-proċess ta’ verifika tal-identità u l-liċenzji huwa indirizzat separatament hawn taħt.

Operaturi ekonomiċi u s-swieq online huma mfakkra li hemm dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tad-data li japplikaw għall-ipproċessar u l-moviment liberu tad-data personali ta’ persuni fiżiċi (il-Premessa 22). Għaldaqstant, jenħtieġ li l-ipproċessar ta’ data personali involuta, fost affarijiet oħra, f’liċenzjar titwettaq skont ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (Ir-Regolament (UE) 2016/679 (2)) (ara wkoll il-Premessa 22).

IV.1   Bejgħ lil membri tal-pubbliku ġenerali – għall-operaturi ekonomiċi li joperaw reġim ta’ liċenzjar

Jekk Stat Membru jistabbilixxi reġim ta’ liċenzjar skont l-Artikolu 5(3), prekursur tal-isplussivi ristrett jista’ jitqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ membru tal-pubbliku ġenerali biss jekk tkun ġiet ivverifikata l-liċenzja meħtieġa (l-Artikolu 8(1)). Xi Stati Membri biss joffru l-possibbiltà li jagħmlu disponibbli prekursuri tal-isplussivi ristretti għall-pubbliku ġenerali b’liċenzja, jew li jirrikonoxxu liċenzji maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri oħra. F’każijiet oħra, jenħtieġ li t-tranżazzjoni tiġi rifjutata.

L-operatur ekonomiku huwa meħtieġ jivverifika li nħarġet liċenzja li tkopri t-tranżazzjoni intiża, u jivvaluta jekk il-liċenzja u l-prova tal-identità jidhrux awtentiċi. Huwa rrakkomandat li l-Istati Membri jużaw il-format għal liċenzja inkluża fl-Anness III tar-Regolament. L-operaturi ekonomiċi jistgħu jivverifikaw il-liċenzja billi jikkuntattjaw lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li jkun ħareġ il-liċenzja.

Barra minn hekk, l-operatur ekonomiku huwa obbligat li jżomm l-informazzjoni dwar il-prova tal-identità u tal-liċenzja ta’ dan il-membru tal-pubbliku ġenerali, għal 18-il xahar mid-data tat-tranżazzjoni. Bħala minimu, jenħtieġ li l-operaturi ekonomiċi jirreġistraw l-isem fuq il-prova tal-identità u l-liċenzja, u n-numri tad-dokumenti taż-żewġ dokumenti. L-operaturi ekonomiċi mhumiex meħtieġa jżommu kopja tal-liċenzja, iżda jistgħu jagħmlu dan skont il-leġiżlazzjoni applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data. Hemm paġna webtal-Kummissjoni Ewropea apposta li fiha n-negozji u l-organizzazzjonijiet jistgħu jsiru jafu x’għandhom jagħmlu biex jimxu mar-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data (3).

Fl-aħħar nett, l-operatur ekonomiku huwa meħtieġ jirreġistra l-ammont tal-prekursur tal-isplussivi ristrett fuq il-liċenzja. L-iskop tar-reġistrazzjoni ta’ xiri ta’ prekursur tal-isplussivi ristrett fuq il-liċenzja huwa li l-operaturi ekonomiċi jistgħu jindunaw jekk detentur ta’ liċenzja jkunx potenzjalment qed jaqbeż l-ammont massimu ta’ prekursuri tal-isplussivi ristretti fil-pussess, jew jekk ikunx hemm xi ħaġa suspettuża dwar il-kombinazzjoni ta’ affarijiet mixtrija. Pereżempju, jekk detentur ta’ liċenzja f’perjodu ta’ żmien relattivament qasir ikun għamel xirjiet li flimkien jaqbżu l-ammont massimu ta’ prekursuri tal-isplussivi ristretti li jista’ jkollu fil-pussess tiegħu, dan jista’ jkun indikatur ta’ mġiba suspettuża. F’dan il-każ, huwa rrakkomandat li l-operatur ekonomiku jikkuntattja lill-punt ta’ kuntatt nazzjonali (l-Artikolu 9(4)).

IV.1.1   Rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal bejgħ mill-bogħod

L-operaturi ekonomiċi huma rakkomandati li jitolbu kopja skenjata tal-liċenzja tal-klijent u prova ta’ ID, sabiex ikunu jistgħu jivverifikaw din l-informazzjoni kmieni kemm jista’ jkun (eż. qabel jiffinalizzaw it-tranżazzjoni), iżda mhux aktar tard minn qabel iż-żmien tal-wasla tal-prekursuri tal-isplussivi ristretti (ara l-Premessa 14). L-operaturi ekonomiċi mhumiex meħtieġa jżommu kopja tal-liċenzja, iżda jistgħu jagħmlu dan skont il-leġiżlazzjoni applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data. Hemm paġna webtall-Kummissjoni Ewropea apposta li fiha n-negozji u l-organizzazzjonijiet jistgħu jsiru jafu x’għandhom jagħmlu biex jimxu mar-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data (4).

Il-prova tal-identità tista’ tiġi verifikata wkoll personalment mal-konsenja jew permezz ta’ mezzi oħra, pereżempju permezz ta’ mekkaniżmi previsti fir-Regolament (UE) Nru 910/2014 (5). Huwa importanti li wieħed jinnota li r-responsabbiltà tal-verifika tibqa’ mal-operatur ekonomiku, anki jekk is-servizzi ta’ konsenja jingħataw istruzzjonijiet biex jivverifikaw id-dokumenti.

Il-fatt li l-liċenzja u l-prova tal-ID ġew ivverifikati, u l-mod kif dan sar, jeħtieġ li jiġi rreġistrat.

It-tranżazzjoni tista’ tiġi rreġistrata fuq il-liċenzja mal-konsenja, f’liema każ jenħtieġ li l-operatur ekonomiku jagħti struzzjonijiet lill-konsenjatur għal dan il-għan.

Passi li għandhom jittieħdu mill-operatur ekonomiku:

Jitlob lill-klijent biex jipprovdi kopja skenjata tal-liċenzja tiegħu u prova tal-ID tiegħu (jew jivverifika l-ID tiegħu b’mod elettroniku). Jivverifika li l-persuna li għandha l-liċenzja hija l-istess bħal dik tal-persuna fuq il-prova ta’ ID.

Jivverifika li l-prodott li qed jinxtara jaqbel mal-kundizzjonijiet tal-liċenzja: i) Is-sustanza; ii) Il-konċentrazzjoni; iii) Il-kwantità.

Jekk teħtieġ li l-klijenti jirreġistraw għal kont ta’ klijent, tista’ tippermettilhom itellgħu kopja skenjata tal-liċenzja tagħhom fir-reġistru tal-kontijiet tagħhom.

Passi li għandhom jittieħdu mill-konsenjatur qabel ma jgħaddi l-prekursur tal-isplussivi ristrett lill-klijent:

Tiċċekkja li r-ritratt tal-ID jaqbel mal-persuna, u li r-referenza tal-ID tkun taqbel mar-referenza tal-ID fuq il-paġna ta’ quddiem tal-liċenzja. Jenħtieġ li l-prekursur tal-isplussivi ristrett jingħata biss lid-detentur tal-liċenzja. Ma jistax jitħalla ma’ individwu ieħor.

IV.2   Bejgħ lil utenti professjonali jew operaturi ekonomiċi oħra

Jenħtieġ li membru tal-pubbliku ġenerali ma jkunx jista’ jakkwista prekursuri tal-isplussivi ristretti billi jiddikjara li huwa utent professjonali jew operatur ekonomiku. Jekk klijent prospettiv jiddikjara li huwa utent professjonali jew operatur ekonomiku ieħor, ir-Regolament jirrikjedi li l-operaturi ekonomiċi jivverifikaw għal kull tranżazzjoni li l-klijent prospettiv huwa utent professjonali jew operatur ekonomiku ieħor. Din il-verifika hija meħtieġa sakemm tali verifika għal dak il-klijent prospettiv tkun diġà seħħet fi żmien perjodu ta’ sena qabel id-data ta’ dik it-tranżazzjoni u t-tranżazzjoni ma tiddevjax b’mod sinifikanti minn tranżazzjonijiet preċedenti (l-Artikolu 8(2) u 8 (3)).

L-operatur ekonomiku huwa mitlub jistaqsi lill-klijent prospettiv dwar il-kummerċ, in-negozju jew il-professjoni tiegħu u l-użu intenzjonat tal-prekursuri tal-isplussivi ristretti mill-klijent prospettiv. Sabiex jiġi vverifikat l-użu intenzjonat tal-prekursur tal-isplussivi ristrett, l-operatur ekonomiku huwa meħtieġ li jivvaluta jekk l-użu intenzjonat huwiex konsistenti mal-kummerċ, man-negozju jew mal-professjoni tal-klijent prospettiv. L-operaturi ekonomiċi jistgħu jikkuntattjaw lill-awtorità kompetenti tagħhom jekk ikollhom xi mistoqsijiet dwar l-użi komuni tal-prekursuri tal-isplussivi ristretti u l-prodotti tipiċi li jkun fihom.

Jekk ikun hemm raġunijiet validi biex wieħed jiddubita l-leġittimità tal-użu maħsub jew l-intenzjoni tal-klijent prospettiv li juża l-prekursur tal-isplussivi ristrett għal skop leġittimu, l-operatur ekonomiku jista’ jirrifjuta t-tranżazzjoni. Jenħtieġ li t-tranżazzjoni tiġi rrappurtata lill-punt ta’ kuntatt nazzjonali jekk ikun hemm raġunijiet validi biex wieħed jissuspetta li s-sustanza jew it-taħlita hija maħsuba għall-manifattura illeċita tal-isplussivi (ara wkoll it-Taqsima V dwar ir-rappurtar ta’ tranżazzjonijiet suspettużi).

Jenħtieġ li l-operaturi ekonomiċi jivverifikaw ukoll jekk il-klijent prospettiv huwiex awtorizzat jaġixxi f’isem il-kumpanija jew l-istituzzjoni tiegħu. Jenħtieġ li l-persuna li tirrappreżenta l-klijent prospettiv tkun tista’ tippreżenta konferma mill-impjegatur tagħha li hija awtorizzata li tixtri jew tirċievi prekursuri tal-isplussivi ristretti f’isem l-impjegatur. Pereżempju, student universitarju mhux probabbli li jkun awtorizzat jixtri prodotti f’isem l-università tiegħu, anki meta l-istudent jista’ jkun jaf l-informazzjoni kollha tal-università (l-indirizz, in-numru tal-VAT eċċ) u jista’ jidher li huwa utent professjonali minħabba li l-istudent jaf sew l-użi komuni tal-prodotti.

Għal 18-il xahar mid-data tat-tranżazzjoni, l-operatur ekonomiku huwa meħtieġ li jżomm l-informazzjoni dwar:

il-prova tal-identità tal-individwu intitolat li jirrappreżenta lill-klijent prospettiv;

il-kummerċ, in-negozju, jew il-professjoni tiegħu flimkien mal-isem tal-kumpannija, l-indirizz u n-numru tal-identifikazzjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud jew kwalunkwe numru ta’ reġistrazzjoni tal-kumpannija rilevanti ieħor, jekk ikun hemm, tal-klijent prospettiv;

l-użu intiż tal-prekursur tal-isplussivi ristrett.

Sabiex jiġi żgurat li tiġi pprovduta l-informazzjoni kollha, huwa rrakkomandat li l-operatur ekonomiku jitlob lill-klijent prospettiv jimla d-“dikjarazzjoni ta’ klijent”, fl-Anness IV tar-Regolament. Biex tinżamm l-informazzjoni dwar il-prova tal-identità, jenħtieġ li l-operaturi ekonomiċi, bħala minimu, jirreġistraw l-isem fuq id-dokument tal-prova tal-identità u n-numru tiegħu. Hemm paġna webtall-Kummissjoni Ewropea apposta li fiha n-negozji u l-organizzazzjonijiet jistgħu jsiru jafu x’għandhom jagħmlu biex jimxu mar-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data (6).

L-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta fil-kuntest tal-verifika jenħtieġ li tiġi pprovduta ma’ kull tranżazzjoni, sakemm tali verifika tal-klijent prospettiv inkwistjoni ma tkunx diġà saret fi żmien sena qabel id-data tat-tranżazzjoni inkwistjoni u li t-tranżazzjoni ma tkunx tiddevja b’mod sinifikanti mit-tranżazzjonijiet preċedenti. Bħala eżempji ta’ indikazzjonijiet ta’ devjazzjoni sinifikanti nsibu:

Jekk il-klijent prospettiv irid jixtri kwantità ħafna akbar tal-prekursur tal-isplussivi ristrett mingħajr spjegazzjoni loġika;

Jekk jinbidel l-indirizz tal-klijent prospettiv;

Jekk jinbidel l-indirizz jew il-metodu tal-konsenja;

Jekk jinbidel il-metodu tal-konsenja;

Jekk jinbidlu d-dettalji ta’ kuntatt tal-klijent prospettiv.

IV.2.1   Rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-bejgħ mill-bogħod

Huwa rrakkomandat li l-operaturi ekonomiċi jużaw id-dikjarazzjoni tal-klijent fl-Anness IV tar-Regolament biex jitolbu l-informazzjoni neċessarja minn utenti professjonali jew operaturi ekonomiċi oħrajn biex jivverifikaw li l-klijent prospettiv huwa utent professjonali jew operatur ekonomiku ieħor.

Huwa rrakkomandat li l-operaturi ekonomiċi jitolbu kopja skennjata tal-prova tal-identità tal-klijent sabiex ikunu jistgħu jivverifikaw din l-informazzjoni malajr kemm jista’ jkun (pereżempju qabel tiġi ffinalizzata t-tranżazzjoni), iżda mhux aktar tard minn qabel il-konsenja tal-prekursuri tal-isplussivi ristretti (il-Premessa 14). Hemm paġna web tal-Kummissjoni Ewropea apposta li fiha n-negozji u l-organizzazzjonijiet jistgħu jsiru jafu x’għandhom jagħmlu biex jimxu mar-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data (7).

Il-prova tal-identità tista’ tiġi verifikata wkoll personalment mal-konsenja jew permezz ta’ mezzi oħra, pereżempju permezz ta’ mekkaniżmi previsti fir-Regolament (UE) Nru 910/2014 (8). Huwa importanti li jiġi nnutat li r-responsabbiltà tal-verifika tibqa’ f’idejn l-operatur ekonomiku, saħansitra jekk is-servizzi tal-konsenja jingħataw struzzjonijiet li jivverifikaw id-dokumenti. Il-fatt li l-prova tal-identità tkun ġiet ivverifikata, u l-mod li bih dan ikun sar, jenħtieġ li jiġi rreġistrat.

Ir-Regolament jirrikjedi li l-operaturi ekonomiċi, meta jagħmlu bejgħ lil utent professjonali jew lil operatur ekonomiku ieħor, jitolbu l-prova tal-identità tal-individwu intitolat li jirrappreżenta lill-klijent prospettiv (l-Artikolu 8(2)). Ir-Regolament jispjega wkoll li l-identifikazzjoni tal-atturi kollha fil-katina tal-provvista u tal-klijenti kollha hija essenzjali, sew jekk ikunux membri tal-pubbliku, utenti professjonali, jew operaturi ekonomiċi (il-Premessa 13). Il-prekursuri tal-isplussivi ristretti jistgħu jikkawżaw ħsara sinifikanti jekk jiġu ddevjati u jintużaw għall-manifattura tal-isplussivi artiġjanali, u għaldaqstant jenħtieġ li jiġi aċċertat li individwu li jkun qed jixtri jew jirċievi prekursuri tal-isplussivi ristretti f’isem l-impjegatur tiegħu jkun tabilħaqq awtorizzat li jirrappreżenta lill-impjegatur tiegħu għal dawn l-azzjonijiet speċifiċi. Huwa rrakkomandat ukoll li tintalab prova tal-kunsinna tal-prekursur tal-isplussivi ristrett u firma identifikabbli tal-persuna li tkun qed taġixxi f’isem il-klijent biex ikunu jistgħu jiġu identifikati l-atturi kollha fil-katina tal-provvista.

Passi li għandu jieħu l-operatur ekonomiku:

Jitlob lill-klijent jimla d-dikjarazzjoni tal-klijent u li jipprovdi kopja skennjata tal-prova tal-identità tiegħu (jew jivverifika l-identità tiegħu elettronikament).

Jiċċekkja jekk il-persuna li tkun qed tixtri l-merkanzija hijiex awtorizzata li tixtri prekursuri tal-isplussivi ristretti f’isem il-kumpanija jew l-istituzzjoni tagħha.

Jiċċekkja jekk il-prodott li jkun qed jinxtara jaqbilx mal-informazzjoni li jkun hemm fid-dikjarazzjoni tal-klijent: i. Sustanza ii. Konċentrazzjoni iii. Kwantità.

Jivvaluta jekk l-użu intenzjonat huwiex konsistenti mas-sengħa, in-negozju jew il-professjoni tal-klijent prospettiv. Jekk ma jkunx konsistenti, jenħtieġ li jsir rapport dwar it-(tentattiv ta’) tranżazzjoni bħala tranżazzjoni suspettuża (ara t-Taqsima V), u tista’ tiġi miċħuda.

Jiċċekkja jekk il-persuna li tkun qed tirċievi l-merkanzija hijiex awtorizzata li tirċievi prekursuri tal-isplussivi ristretti f’isem il-kumpanija jew l-istituzzjoni tagħha.

IV.3   Miżuri possibbli minn swieq online

Is-swieq online huma meħtieġa jieħdu miżuri biex jiżguraw li l-utenti tagħhom, meta jagħmlu disponibbli prekursuri tal-isplussivi ristretti permezz tas-servizzi tas-swieq online, jimxu mal-obbligi ta’ verifika u ta’ reġistrazzjoni (l-Artikolu 8(5)).

Dan ir-rekwiżit għas-swieq online japplika flimkien mar-rekwiżit tal-Artikolu 7(3) li s-swieq online jridu jiżguraw li l-utenti rilevanti jkunu infurmati bl-obbligi tagħhom skont ir-Regolament (ara t-taqsima VI.3 aktar ’l isfel). Madankollu, filwaqt li l-Artikolu 7(3) ikun relatat ma’ utenti li jagħmlu disponibbli prekursuri tal-isplussivi regolati, l-Artikolu 8(5) huwa relatat ma’ utenti li jagħmlu disponibbli prekursuri tal-isplussivi ristretti permezz tas-servizzi tas-swieq online.

Għall-bejgħ lill-membri tal-pubbliku, jenħtieġ li l-operaturi ekonomiċi jivverifikaw il-prova tal-identità u l-liċenzja (l-Artikolu 8(1)). Għall-bejgħ lil utent professjonali jew operatur ekonomiku ieħor, jenħtieġ li l-operaturi ekonomiċi jivverifikaw jekk il-klijent prospettiv huwiex utent professjonali jew operatur ekonomiku ieħor, billi jitolbu ċerta informazzjoni, inkluż il-prova tal-identità tal-klijent prospettiv (l-Artikolu 8(2)). Bħala l-ewwel miżura, jenħtieġ li s-swieq online jinfurmaw lill-operatur ekonomiku dwar dawn l-obbligi ta’ verifika, pereżempju billi jinfurmaw lill-operatur ekonomiku meta jinkiteb fis-servizz tas-suq online, bl-użu ta’ messaġġi ta’ allerti, eċċ.

Kif tindika l-Premessa 15 tar-Regolament, apparti mill-ewwel miżura, jenħtieġ li s-swieq online, skont l-Artikolu 8(5), jieħdu wkoll miżuri oħrajn biex jgħinu lill-utenti jimxu mal-obbligi msemmija hawn fuq. Pereżempju, is-swieq online jistgħu joffru għodod li jew jippermettu lill-utenti rilevanti li jagħmlu disponibbli prekursuri tal-isplussivi ristretti fis-swieq online biex jiċċekkjaw l-awtentiċità ta’ liċenzja (għal tranżazzjonijiet min-negozi għall-konsumaturi) jew id-dikjarazzjoni tal-klijent tal-Anness IV tar-Regolament (għal tranżazzjonijiet bejn in-negozji), jew jagħtu lill-utenti relevanti aċċess faċli għal tali dokumenti.

Mill-Premessa 16 tar-Regolament isegwi li l-Artikolu 8(5) ma jeħtieġx li s-swieq online jagħmlu monitoraġġ ġenerali tas-servizzi tagħhom biex jiżguraw li l-utenti relevanti jimxu mal-obbligi tagħhom skont l-Artikolu 8 (jew kwalunkwe dispożizzjoni oħra) tar-Regolament. Tabilħaqq, l-għażla tal-kliem tal-Artikolu 8(5) tagħmilha ċara li s-swieq online jridu jgħinu biex jiżguraw li l-utenti relevanti jimxu mal-obbligi ta’ verifika tal-Artikolu 8. Fi kliem ieħor, minkejja l-obbligi għas-swieq online skont l-Artikolu 8(5), ir-responsabbiltà għall-verifika tibqa’ f’idejn l-utenti li jagħmlu disponibbli l-prekursuri tal-isplussivi regolati permezz tas-servizzi pprovduti mis-swieq online.

TAQSIMA V

L-GĦARFIEN U R-RAPPORTAR TA’ TRANŻAZZJONIJIET SUSPETTUŻI, U TA’ GĦAJBIEN U SERQ SINIFIKANTI

L-operaturi ekonomiċi u s-swieq online huma meħtieġa jirrapportaw tranżazzjonijiet suspettużi (it-tentattiv tagħhom jew konklużi), u għajbien u serq sinifikanti ta’ prekursuri tal-isplussivi regolati lill-punti ta’ kuntatt nazzjonali tal-Istati Membri (l-Artikolu 9(4) u 9(5)). Il-Membri tal-pubbliku li jkunu akkwistaw prekursuri tal-isplussivi ristretti huma meħtieġa li jirrapportaw għajbien u serq sinifikanti ta’ prekursuri tal-isplussivi ristretti lill-punti ta’ kuntatt nazzjonali tal-Istati Membri (l-Artikolu 9(6)).

Id-dettalji ta’ kuntatt tal-punti ta’ kuntatt nazzjonali jistgħu jinsabu fis-sit web tal-Kummissjoni Ewropea (9). Jenħtieġ li t-tranżazzjonijiet suspettużi jiġu rrapportati lill-punt ta’ kuntatt nazzjonali tal-Istat Membru li fih it-tranżazzjoni tkun ġiet konkluża jew ippruvat issir.

Huwa rrakkomandat li l-Istati Membri jiżguraw li l-persuna li tirrapporta tranżazzjoni suspettuża, jew għajbien jew serq sinifikanti tkun protetta sew (jiġifieri li ma jiżvelawx dettalji dwar il-persuna li tagħmel ir-rapport għalxejn, pereżempju lill-post tax-xogħol tagħhom).

Artikolu 3(7): “tranżazzjoni suspettuża” tfisser kwalunkwe tranżazzjoni li tikkonċerna prekursuri tal-isplussivi regolati li għaliha, wara li jkunu tqiesu l-fatturi rilevanti kollha, ikun hemm raġunijiet tajbin biex wieħed jissuspetta li s-sustanza jew it-taħlita kkonċernata hija intenzjonata għall-manifattura illeċita ta’ splussivi.

Tranżazzjoni suspettuża tinkludi kwalunkwe xiri (jew tentattiv ta’ xiri) ta’ prekursur tal-isplussivi regolat wieħed jew aktar, jew taħlita li jkun fiha tali prekursuri, li tiddevja minn aspettattivi jew interazzjonijiet ordinarji, irrispettivament mill-konċentrazzjoni tal-prekursuri tal-isplussivi regolati, dment li ma jkunux esklużi mid-definizzjoni ta’ “prekursuri tal-isplussivi regolati” skont l-Artikolu 3(13).

Esklużi mid-definizzjoni ta’ “prekursuri tal-isplussivi regolati” huma “taħlitiet omoġenji ta’ aktar minn 5 ingredjenti li fihom il-konċentrazzjoni ta’ kull sustanza elenkata fl-Anness I jew II tkun inqas minn 1 % piż b’piż” (l-Artikolu 3(13)). B’kuntrast, prodotti li fihom 5 ingredjenti jew anqas b’konċentrazzjoni ogħla ta’ prekursuri tal-isplussivi regolati huma koperti mir-Regolament.

Barra minn hekk, hemm każi li fihom prodotti li jkun fihom prekursuri jsiru tant diffiċli li jintużaw biex isiru l-isplussivi artiġjanali li ma jkunx probabbli li jikkostitwixxu theddida. Dan jiddependi fuq bosta fatturi, inkluża l-konċentrazzjoni tal-prekursur fil-prodott, l-ammont tal-prodott u l-kumplessità tal-prodott.

Prodott ikun attraenti bħala prekursur tal-isplussivi jekk jissodisfa wieħed minn dawn ir-rekwiżiti li ġejjin:

(i)

is-sustanza prekursur hija disponibbli pura jew f’taħlita sempliċi, irrispettivament mill-konċentrazzjoni, jew

(ii)

is-sustanza prekursur tkun disponibbli f’taħlita kumplessa iżda f’konċentrazzjoni relattivament għolja.

Eżempji ta’ (i) huma prekursuri puri u taħlitiet/soluzzjonijiet ta’ prekursur f’sustanza/solvent wieħed jew ftit biss. Irrispettivament mill-konċentrazzjoni, f’ħafna każi jista’ jkun relattivament sempliċi li l-prekursur jiġi estratt u arrikkit minn tali prodott. Għal prodotti li jidħlu f’din id-deskrizzjoni, kull tranżazzjoni suspettuża, serq u għajbien jenħtieġ li jiġi rrappurtat, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet tajba biex dan ma jsirx.

Eżempji ta’ (ii) jinkludu taħlitiet li jkun fihom bosta ingredjenti iżda li fihom il-prekursur ikun disponibbli f’konċentrazzjoni tant kbira li saħansitra bi proċedura kkumplikata li trendi ftit, il-prekursur ikun jista’ jiġi estratt f’ammont li jista’ jintuża biex isir splussiv artiġjanali. Il-prodotti li jaqgħu taħt din id-deskrizzjoni normalment jenħtieġ li jiġu rrapportati biss jekk l-ammonti tat-tranżazzjoni (tat-tentattiv ta’ tranżazzjoni) jeċċedu kwantitajiet domestiċi normali.

Il-fertilizzanti nitroġenużi fejn il-konċentrazzjoni tan-nitroġenu (N) b’relazzjoni man-nitrat tal-ammonju jew melħ tan-nitrati elenkat fl-Anness III tkun taħt it-3 % N piż skont il-piż inġenerali, mhumiex ta’ tħassib.

V.1   Kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligu

L-obbligu tar-rapportar ikopri l-bejgħ lil kwalunkwe persuna, sew jekk tkun membru tal-pubbliku ġenerali, utent professjonali jew operatur ekonomiku.

L-operaturi ekonomiċi u s-swieq online għandhom id-dritt ta’ rifjut ta’ tranżazzjoni suspettuża. Id-dritt ta’ rifjut ta’ tranżazzjoni jenħtieġ li ma jpoġġix f’riskju lill-persunal tal-bejgħ. Mhumiex obbligati li jirrifjutaw it-tranżazzjoni, partikolarment jekk ikollhom tħassib dwar is-sikurezza personali tagħhom (jiġifieri jekk iqisu li l-klijent potenzjali jista’ jkun perikoluż). Jekk tranżazzjoni tiġi rrifjutata minħabba tħassib għas-sikurezza personali tal-persunal, jenħtieġ li tiġi rrapportata bħala tentattiv ta’ tranżazzjoni suspettuża. Jekk tranżazzjoni ma tiġix irrifjutata minħabba tħassib għas-sikurezza personali tal-persunal tal-bejgħ, jenħtieġ li t-tranżazzjoni tiġi rrapportata bħala tranżazzjoni suspettuża wara li tiġi konkluża.

Minħabba li ż-żmien huwa essenzjali biex jiġu evitati attakki terroristiċi possibbli, jenħtieġ li r-rapportar isir fi żmien 24 siegħa wara li jiġi ddeterminat li t-tranżazzjoni kienet suspettuża (l-Artikolu 9(4)). Huwa rrakkomandat li t-tranżazzjoni suspettuża tiġi rrapportata malajr kemm jista’ jkun.

Sabiex jidentifikaw it-tranżazzjonijiet suspettużi, jenħtieġ li l-operaturi ekonomiċi u s-swieq online jkollhom fis-seħħ proċeduri adatti, raġonevoli u proporzjonati għall-identifikazzjoni ta’ tranżazzjonijiet suspettużi, adattati għall-ambjent speċifiku li fih jitqiegħdu għad-dispożizzjoni l-prekursuri tal-isplussivi regolati (ara t-taqsima V.4).

L-obbligu ta’ rapportar japplika għas-sustanzi kollha elenkati fl-Annessi I u II tar-Reoglament, irrispettivament mill-konċentrazzjoni tagħhom. Madankollu, taħlitiet omoġenji ta’ aktar minn 5 ingredjenti, li fihom il-konċentrazzjoni ta’ kull sustanza elenkata fl-Anness I jew II tkun inqas minn 1 % piż b’piż, huma esklużi mid-definizzjoni ta’ “prekursur tal-isplussivi regolat”. Dan ifisser li ma hemm l-ebda obbligu li jiġu rrapportati tranżazzjonijiet suspettużi, u għajbien u serq sinifikanti ta’ tali taħlitiet omoġenji.

V.2   X’inhu suspettuż?

Artikolu 3(7): “tranżazzjoni suspettuża” tfisser kwalunkwe tranżazzjoni li tikkonċerna prekursuri tal-isplussivi regolati li għaliha, wara li jkunu tqiesu l-fatturi rilevanti kollha, ikun hemm raġunijiet tajbin biex wieħed jissuspetta li s-sustanza jew it-taħlita kkonċernata hija intenzjonata għall-manifattura illeċita ta’ splussivi.

Tranżazzjoni suspettuża tinkludi kwalunkwe xiri (jew tentattiv ta’ xiri) ta’ prekursur tal-isplussivi regolat wieħed jew aktar, jew taħlita li jkun fiha tali prekursuri, li tiddevja mill-aspettattivi jew interazzjonijiet ordinarji.

Jekk tranżazzjoni tkunx suspettuża jrid jiġi ġġudikat każ b’każ. Il-preżenza ta’ indikatur wieħed jew aktar għandha tgħolli l-livell ta’ attenzjoni tal-operatur ekonomiku jew tas-suq online, iżda mhux bilfors tiskatta l-obbligu li t-tranżazzjoni tiġi rrapportata bħala suspettuża. Fl-istess ħin, f’xi każi, il-preżenza ta’ indikatur wieħed tista’ tiġi perċepita mill-operatur ekonomiku jew mis-suq online bħala suspettuża, f’liema każ it-tranżazzjoni jenħtieġ li tiġi rrapportata malajr kemm jista’ jkun u fi żmien 24 siegħa.

Din it-taqsima tipprovdi lista ta’ indikaturi ta’ mġiba suspettuża, u tibni fuq l-indikaturi pprovdut mir-Regolament (l-Artikolu 9(1)). L-indikaturi ġew żviluppati f’konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-Istati Membri u tal-industrija tal-kimika, abbażi ta’ esperjenzi ta’ tranżazzjonijiet suspettużi.

Mhux kull indikatur japplika għal kull kuntest jew sitwazzjoni (pereżempju l-bejgħ online vs l-bejgħ offline); is-swieq online u l-operaturi ekonomiċi jistgħu jużaw il-lista biex jidentifikaw x’inhu relevanti għall-kuntest tan-negozju tagħhom. Il-lista mhijiex eżawrijenti iżda maħsuba bħala għodda ta’ referenza biex jiġu identifikati tranżazzjonijiet suspettużi potenzjali. Kun af li l-applikazzjoni ta’ dawn l-indikaturi ma għandux ikollha effetti diskriminatorji, u jenħtieġ li tkun konsistenti għalkollox mad-dispożizzjonijiet tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll mar-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data u l-privatezza.

Indikaturi possibbli ta’ mġiba suspettuża jinkludu, pereżempju, meta klijent:

Jidher nervuż jew jevita l-mistoqsijiet, jew mhuwiex tip ta’ klijent regolari.

Jipprova jixtri ammont mhux tas-soltu ta’ prodott, kombinazzjonijiet mhux tas-soltu, jew konċentrazzjonijiet mhux tas-soltu ta’ prodotti.

Ma jkunx familjari mal-użu regolari tal-prodott(i), u lanqas mal-istruzzjonijiet tat-trattament.

Ma jkunx dispost li jaqsam għal xiex beħsiebu juża l-prodott(i).

Jirrifjuta prodotti alternattivi jew prodotti b’konċentrazzjoni aktar baxxa (iżda li tkun biżżejjed għall-użu propost).

Jinsisti li juża metodi ta’ ħlas mhux tas-soltu, inklużi ammonti kbar ta’ flus kontanti.

Ma jkunx irid jagħti prova tal-identità, tal-post ta’ residenza jew, fejn xieraq, tal-istatus bħala utent professjonali jew operatur ekonomiku meta mitlub.

Jitlob metodi ta’ imballaġġ jew konsenja li jiddevjaw minn dak li jkun ordinarju, irrakkomandat, jew mistenni.

V.2   X’inhu suspettuż? (ikompli)

[Disponibbli biss għall-Kumitat Permanenti dwar il-Prekursuri]

V.3.   X’għandu jiġi rrappurtat?

Malli ssir tranżazzjoni suspettuża (jew tentattiv), jew għajbien jew serqa sinifikanti (għall-indikaturi, ara t-Taqsima V.2), huwa rrakkomandat li d-dettalji li jistgħu jkunu ta’ importanza għall-prevenzjoni tal-użu ħażin ta’ prekursuri tal-isplussivi regolati jiġu rrappurtati lill-punt ta’ kuntatt nazzjonali, sa fejn dawn id-dettalji jkunu magħrufa għall-operatur ekonomiku, is-suq online, l-utent professjonali jew membru tal-pubbliku ġenerali.

Dettalji relevanti jistgħu jinkludu:

Dettalji personali, bħal isem il-persuna

Dettalji tat-tranżazzjoni bħan-numru tat-tranżazzjoni, il-ħin tal-akkwist, il-prodotti u l-ammonti

Tul, binja, kulur u stil tax-xagħar, leħja (għal bejgħ offline)

Kwalunkwe karatteristika distintiva, pereżempju: tpinġijiet, titqib, ċikatriċijiet (għal bejgħ offline)

Filmati tat-televiżjoni b’ċirkwit magħluq (CCTV) (għall-bejgħ offline)

In-numru ta’ reġistrazzjoni, il-marka u l-mudell tal-vettura użata mill-klijent (għall-bejgħ offline)

L-operaturi ekonomiċi, kif ukoll l-utenti professjonali, jenħtieġ li jirrapportaw (it-tentattivi ta’) tranżazzjonijiet suspettużi lill-punt ta’ kuntatt nazzjonali tagħhom fi żmien 24 li jkunu qisuha suspettuża (l-Artikolu 9(4)). L-operaturi ekonomiċi, l-utenti professjonali u l-membri tal-pubbliku jenħtieġ li jirrapportaw għajbien u serq sinifikanti fi żmien 24 siegħa mill-identifikazzjoni tagħhom(l-Artikolu 9(5) u 9(6)).

L-ipproċessar ta’ data personali involut fir-rapportar ta’ tranżazzjonijiet suspettużi jenħtieġ li jsir f’konformità mar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data u d-Direttiva (UE) 2016/680 (ara wkoll il-Premessa 22).

V.4   Proċeduri biex jiġu identifikati tranżazzjonijiet suspettużi

V.4.1   Introduzzjoni

Artikolu 9(2): L-operaturi ekonomiċi u s-swieq online għandu jkollhom fis-seħħ proċeduri adatti, raġonevoli u proporzjonati għall-identifikazzjoni ta’ tranżazzjonijiet suspettużi, adattati għall-ambjent speċifiku li fih jitqiegħdu għad-dispożizzjoni l-prekursuri tal-isplussivi regolati.

Jenħtieġ li l-operaturi ekonomiċi u s-swieq online kollha jintegraw miżuri, verifiki u/jew mekkaniżmi fil-metodi ta’ ħidma tagħhom li jippermettu l-identifikazzjoni ta’ attività suspettuża, għal liema skop jistgħu jieħdu mil-lista ta’ indikaturi possibbli tat-Taqsima V.2. Dawn il-miżuri, verifiki u/jew mekkaniżmi jenħtieġ li jiġu adattati għall-ambjent speċifiku li fih il-prekursuri tal-isplussivi regolati jsiru disponibbli. Il-proċeduri ta’ identifikazzjoni indikati hawn taħt, għaldaqstant, mhux dejjem japplikaw għall-ambjenti tan-negozju kollha.

Liema proċeduri ta’ identifikazzjoni huma xierqa, raġonevoli u proporzjonati jiddependi fuq fatturi differenti bħad-daqs u l-kapaċità ekonomika tal-operatur ekonomiku jew is-suq online. Jenħtieġ li l-proċeduri ta’ identifikazzjoni jiġu adattati għall-ambjent speċifiku li fih isiru disponibbli l-prekursuri tal-isplussivi regolati, il-proċeduri ta’ identifikazzjoni, pereżempju, jistgħu jvarjaw bejn l-operaturi ekonomiċi li joperaw offline u dawk li joperaw online. Fattur ieħor ta’ min jitqies huwa l-effett ta’ tali proċeduri fuq id-drittijiet fundamentali tal-membri tal-pubbliku ġenerali, tal-utenti professjonali, u tal-operaturi ekonomiċi kkonċernati (ara wkoll it-taqsima V.4.3 aktar ’l isfel).

Għas-swieq online, kif innutat fil-Premessi 15 u 16 rispettivament, jenħtieġ li l-proċeduri rilevanti jiġu adattati kif xieraq għall-ambjent online speċifiku, u l-obbligi inkwistjoni ma għandhomx jammontaw għal obbligu ġenerali ta’ monitoraġġ. Barra minn hekk, jenħtieġ li s-swieq online ma jinżammux responsabbli għal tranżazzjonijiet li ma kinux identifikati minkejja li s-suq online kellu fis-seħħ proċeduri xierqa, raġonevoli u proporzjonati biex jiġu identifikati tali tranżazzjonijiet suspettużi.

V.4.2   Proċeduri

Huwa kruċjali li t-tranżazzjonijiet suspettużi jiġu identifikati malajr kemm jista’ jkun, minħabba li ż-żmien bejn it-tranżazzjoni suspettuża u l-użu ta’ splussiv artiġjanali jista’ jkun limitat. Biex tiġi identifikata l-attività suspettuża abbażi tal-indikaturi tat-Taqsima V.2, hija essenzjali l-kuxjenza fost il-persunal. Biex ikun hemm tali kuxjenza u biex ikunu jistgħu jiġu identifikati l-indikaturi possibbli tat-Taqsima V.2, l-operaturi ekonomiċi jistgħu jieħdu għadd ta’ miżuri:

Tella’ fuljetti jew posters li jniżżlu l-indikaturi ta’ mġiba suspettuża għall-persunal li jittratta mat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ prekursuri tal-isplussivi regolati (fejn il-klijenti ma jkunux jistgħu jarawhom);

Fil-ħwienet fiżiċi, prodotti li jkun fihom prekursuri tal-isplussivi regolati jistgħu jitqiegħdu f’korsiji apposta li jagħmlu l-prodotti u l-klijenti potenzjali aktar viżibbli għall-persunal.

Fi tranżazzjonijiet li jsiru wiċċ imb wiċċ, il-bejjiegħa jistgħu jsaqsu domandi lill-klijent abbażi tal-indikaturi msemmija hawn fuq, bħal dwar l-użu maħsub tal-prodott.

B’mod aktar ġenerali u biex ikunu konformi mal-obbligu li jkollhom proċeduri xierqa, raġonevoli u proporzjonati fis-seħħ, għall-operaturi ekonomiċi kif ukoll għas-swieq online, il-proċeduri msemmija fl-Artikolu 9(2) jistgħu jinvolvu proċeduri awtomatizzati, pereżempju t-tiftix ta’ tranżazzjonijiet potenzjalment suspettużi bl-użu ta’ keywords relatati mal-ismijiet tal-prekursuri tal-isplussivi regolati. Tali proċeduri awtomatizzati jistgħu jqisu akkwisti li jikkonċernaw kombinazzjoni ta’ prekursuri tal-isplussivi regolati, u sustanzi li flimkien jistgħu jintużaw biex jimmanifatturaw ċerti splussivi tipiċi, fejn fattibbli. Tali proċeduri awtomatizzati jistgħu wkoll iqisu akkwisti multipli mill-istess klijent (pereżempju għadd ta’ akkwisti iżgħar li meta jitqiesu flimkien jistgħu jkunu suspettużi), pereżempju billi jqabblu ċerta informazzjoni dwar il-klijent.

L-operaturi ekonomiċi u s-swieq online huma mħeġġa jiddiskutu mal-punti ta’ kuntatt nazzjonali jew l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li joperaw fihom dwar liema tip ta’ keywords jistgħu jintużaw għal algoritmi possibbli, u biex jistabbilixxu feedback loop rigward rapporti dwar tranżazzjonijiet suspettużi, biex b’hekk l-operaturi ekonomiċi u s-swieq online jkunu jistgħu jkomplu jirfinaw il-proċeduri ta’ identifikazzjoni tagħhom. Lista (10) tal-punti ta’ kuntatt nazzjonali u tal-awtoritajiet kompetenti tista’ tinsab fis-sit tal-Kummissjoni Ewropea.

L-operaturi ekonomiċi u s-swieq online jistgħu wkoll jużaw miżuri retroattivi biex jidentifikaw it-tranżazzjonijiet suspettużi. Miżura minn dawn hija t-tfittxija retroattiva għad-data, jiġifieri li ssir ħarsa ġenerali tat-tranżazzjonijiet mgħoddija tal-prekursuri tal-isplussivi regolati, sew dawk fil-ħwienet fiżiċi jew fuq sit web. L-operaturi ekonomiċi u s-swieq online huma rrakkomandati li jagħmlu tali ħarsa ġenerali f’intervalli regolari, pereżempju darba fil-ġimgħa jew darba fix-xahar (skont l-għadd ta’ tranżazzjonijiet pereżempju), b’enfasi fuq l-għadd ta’ prekursuri tal-isplussivi regolati mibjugħa, il-kwantitajiet tagħhom, u l-lokazzjoni ġeografika tat-tranżazzjonijiet. F’każ ta’ anomalija, l-operaturi ekonomiċi u s-swieq online huma rrakkomandati li jikkuntattjaw lill-punt ta’ kuntatt nazzjonali tal-Istat Membru.

Finalment, is-swieq online jista’ jkollhom buttuna “irrapporta” sabiex l-operaturi ekonomiċi jkunu jistgħu jiġbdu l-attenzjoni għat-tranżazzjonijiet suspettużi. F’kull każ, jenħtieġ li l-operaturi ekonomiċi u s-swieq online jirrapportaw it-tranżazzjonijiet suspettużi lill-punt ta’ kuntatt nazzjonali tagħhom fi żmien 24 siegħa minn meta jqisu li jkunu suspettużi. Buttuna għall-irrapportar tista’ toffri saff addizzjonali ta’ sigurtà, biex b’hekk is-swieq online jiġu mwissija direttament mill-operaturi ekonomiċi dwar tranżazzjonijiet suspettużi li jkunu qed isiru fuq il-pjattaforma tagħhom. Is-swieq online jista’ jkollhom ukoll buttuna għall-irrapportar sabiex il-klijenti jkunu jistgħu jiġbdu l-attenzjoni għall-oġġetti pprojbiti jew ristretti li jkunu qegħdin għall-bejgħ.

V.4.3   Rispett għad-drittijiet u l-leġiżlazzjoni applikabbli

Meta jkunu qed ifasslu u joperaw il-proċeduri ta’ identifikazzjoni diskussi qabel, jenħtieġ li l-operaturi ekonomiċi u s-swieq online jiżguraw dejjem li d-drittijiet (fundamentali) tal-persuni kkonċernati u li l-leġiżlazzjoni applikabbli jiġu rrispettati kif xieraq.

B’mod partikolari, meta l-proċeduri jinvolvu l-ipproċessar ta’ data personali, jenħtieġ li r-regoli tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data jiġu rrispettati. Sabiex tgħin lin-negozji jimplimentaw dawn ir-regoli, hemm paġna web tal-Kummissjoni Ewropea ddedikata li fiha n-negozji u l-organizzazzjonijiet jistgħu jsiru jafu x’għandhom jagħmlu biex jimxu mar-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data (11). Barra minn hekk, partikolarment meta jintużaw algoritmi jew mezzi awtomatizzati oħrajn, jenħtieġ li jkunu previsti salvagwardji adegwati, pereżempju li jsir eżami uman minn persunal imħarreġ kif xieraq, sabiex jiġu evitati l-iżbalji.

Meta jfasslu proċeduri awtomatizzati, l-operaturi ekonomiċi u s-swieq online jentħieġ li dejjem jiżguraw li d-drittijiet fundamentali jiġu mħarsa kif xieraq.

V.5   L-identifikazzjoni u r-rapportar ta’ għajbien u serq sinifikanti

L-operaturi ekonomiċi u l-utenti professjonali huma meħtieġa jirrapportaw lill-punt ta’ kuntatt nazzjonali tagħhom għajbien u serq sinifikanti li jinvolvu prekursuri tal-isplussivi regolati fi żmien 24 siegħa minn meta jiġu identifikati (l-Artikolu 9(5)). Il-membri tal-pubbliku li jkunu akkwistaw prekursuri tal-isplussivi ristretti b’liċenzja huma meħtieġa li jirrapportaw għajbien u serq sinifikanti ta’ prekursuri tal-isplussivi ristretti lill-punti ta’ kuntatt nazzjonali tagħhom fi żmien 24 siegħa minn meta jiġu identifikati (l-Artikolu 9(6)). Jenħtieġ li l-operaturi ekonomiċi, l-utenti professjonali u l-membri tal-pubbliku jivvalutaw fuq bażi ta’ każ b’każ jekk l-għajbien jew is-serq ikunx sinifikanti.

Jekk serq jew għajbien ikunx “sinifikanti” jiddependi fuq jekk l-ammont huwiex insolitu meta jitqiesu ċ-ċirkostanzi kollha tal-każ (pereżempju ċirkostanzi li jindikaw okkorrenza normali ta’ serq mill-ħwienet jistgħu ma jkunux suspettużi). Huwa importanti li jiġi nnotat li splussivi b’potenzjal letali jistgħu jiġu mmanifatturati minn ammonti relattivament żgħar ta’ prekursuri. F’każ ta’ dubju dwar jekk serq jew għajbien ikunux sinifikanti, l-operaturi ekonomiċi, l-utenti professjonali u l-membri tal-pubbliku huma meħtieġa li jikkuntattjaw lill-punt ta’ kuntatt nazzjonali tal-Istati Membri.

Hemm għadd ta’ miżuri ssuġġeriti biex jiġu identifikati l-għajbien u s-serq:

Żomm reġistru ddettaljat dwar ix-xiri, il-bejgħ, u l-ħżin ta’ prekursuri tal-isplussivi regolati u taħlitiet;

Iċċekkja l-istokk perjodikament biex jiġi identifikat għajbien.

Il-leġiżlazzjoni (12) marbuta mas-sikurezza teħtieġ li jinżamm inventarju ta’ ċerti sustanzi perikolużi. Meta l-operaturi ekonomiċi diġà jkunu qed iżommu tali inventarji, huwa rrakkomandat li kemm jista’ jkun jintużaw l-inventarji minflok jinħolqu inventarji separati ġodda, biex jiġu identifikati l-għajbien u s-serq tal-prekursuri tal-isplussivi regolati.

Biex jiġu pprevenuti l-għajbien u s-serq sinifikanti, huwa importanti li l-ħażna tkun sigura. Ara t-taqsima VII għal aktar informazzjoni dwar miżuri li l-operaturi ekonomiċi, l-utenti professjonali u l-membri tal-pubbliku jistgħu jieħdu biex jagħmlu ż-żona tal-ħażna tagħhom aktar sigura.

TAQSIMA VI

INFORMAZZJONI LILL-KATINA TAL-PROVVISTA

VI.1   Bejgħ lil operaturi ekonomiċi oħra

Sabiex japplikaw ir-restrizzjonijiet u l-kontrolli ta’ dan ir-Regolament, l-operaturi ekonomiċi li jbigħu lill-utenti professjonali jew lill-membri tal-pubbliku ġenerali li għandhom liċenzja, jenħtieġ li jkunu jistgħu joqogħdu fuq informazzjoni li tkun disponibbli iktar ’il fuq fil-katina tal-provvista.

Artikolu 7(1): Operatur ekonomiku li jqiegħed prekursur tal-isplussivi ristrett għad-dispożizzjoni ta’ operatur ekonomiku ieħor għandu jinforma lil dak l-operatur ekonomiku li l-akkwist, l-introduzzjoni, il-pussess jew l-użu ta’ dak il-prekursur tal-isplussivi ristrett minn membri tal-pubbliku ġenerali huwa soġġett għal restrizzjoni kif stabbilit fl-Artikolu 5(1) u (3).

Operatur ekonomiku li jqiegħed prekursuri tal-isplussivi regolati għad-dispożizzjoni ta’ operatur ekonomiku ieħor għandu jinforma lil dak l-operatur ekonomiku li l-akkwist, l-introduzzjoni, il-pussess jew l-użu ta’ dak il-prekursur tal-isplussivi regolat minn membri tal-pubbliku ġenerali huwa soġġett għal obbligi ta’ rapportar kif stabbilit fl-Artikolu 9.

Kif spjegat fit-Taqsima V, il-prekursuri tal-isplussivi regolati jirrigwardaw is-sustanzi kollha elenkati fl-Annessi I u II tar-Regolament, esklużi t-taħlitiet omoġenji ta’ iktar minn ħames ingredjenti li fihom il-konċentrazzjoni ta’ kull sustanza elenkata fl-Anness I jew II tkun inqas minn 1 % bħala perċentwal piż b’piż (l-Artikolu 3(13)).

Ir-Regolament iħalli f’idejn l-operatur ekonomiku l-għażla tal-forma b’rabta mal-obbligu li tiġi informata l-katina tal-provvista. Huwa rrakkomandat li l-informazzjoni tingħata bil-miktub, ħalli jiġi ddokumentat li l-katina tal-provvista ġiet informata. L-awtoritajiet tal-ispezzjoni jistgħu jitolbu dokumentazzjoni dwar jekk il-katina tal-provvista ġietx informata waqt l-ispezzjoni u b’liema mod. Barra minn hekk, l-informazzjoni bil-miktub tagħmilha eħfef għall-atturi kollha fil-katina tal-provvista biex juru li kkonformaw mal-obbligi tagħhom skont ir-Regolament.

L-operatur ekonomiku jista’ jinkludi l-informazzjoni fl-iskeda tad-data tas-sikurezza kkompilata f’konformità mal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (13) (ir-Regolament REACH), fit-Taqsima 15 dwar l-informazzjoni regolatorja. Il-vantaġġ tal-iskeda tad-data tas-sikurezza huwa li tintuża spiss fl-industrija tal-kimika, u għalhekk ħafna operaturi ekonomiċi huma mdorrijin jirċievu l-informazzjoni l-iktar aġġornata permezz tal-iskeda tad-data tas-sikurezza. Skont l-Artikolu 31(9) u l-Artikolu 32 tar-Regolament REACH, l-operaturi ekonomiċi (14) li jfornu sustanza jew taħlita lil operaturi ekonomiċi oħra (15) huma obbligati jaġġornaw l-informazzjoni fl-iskeda tad-data tas-sikurezza mingħajr dewmien, fosthom meta tkun disponibbli informazzjoni ġdida li tista’ taffettwa l-miżuri ta’ ġestjoni tar-riskju jew li tirrigwarda l-perikli, jew meta tiġi imposta restrizzjoni. L-inklużjoni tal-informazzjoni fuq il-fattura, fil-kuntratti jew fin-nota tal-konsenja hija mod ieħor ta’ kif jista’ jiġi informat l-operatur ekonomiku li jmiss.

Suġġerimenti testwali biex tiġi infurmata l-katina ta’ provvista

Għal prekursuri tal-isplussivi ristrett:

“L-akkwist, l-introduzzjoni, il-pussess jew l-użu ta’ dan il-prodott mill-pubbliku ġenerali huwa ristrett skont ir-Regolament (UE) 2019/1148. Jenħtieġ li t-tranżazzjonijiet suspettużi kollha kif ukoll l-għajbien u s-serq sinifikanti jiġu rrapportati lill-punt ta’ kuntatt nazzjonali rilevanti. Jekk jogħġbok ara https://ec.europa.eu/home-affairs/sites/homeaffairs/files/what-we-do/policies/crisis-and-terrorism/explosives/explosives-precursors/docs/list_of_competent_authorities_and_national_contact_points_en.pdf.”

Għall-prekursuri tal-isplussivi regolati li mhumiex ristretti:

“Dan il-prodott huwa rregolat skont ir-Regolament (UE) 2019/1148: jenħtieġ li t-tranżazzjonijiet suspettużi kollha kif ukoll l-għajbien u s-serq sinifikanti jiġu rrapportati lill-punt ta’ kuntatt nazzjonali rilevanti. Jekk jogħġbok ara https://ec.europa.eu/home-affairs/sites/homeaffairs/files/what-we-do/policies/crisis-and-terrorism/explosives/explosives-precursors/docs/list_of_competent_authorities_and_national_contact_points_en.pdf.”

VI.2   Bejgħ lil utenti professjonali jew lil membri tal-pubbliku ġenerali

l-Artikolu 7(2): Operatur ekonomiku li jqiegħed prekursuri tal-isplussivi regolati għad-dispożizzjoni ta’ utent professjonali jew ta’ membru tal-pubbliku ġenerali għandu jiżgura u għandu jkun jista’ juri lill-awtoritajiet nazzjonali ta’ spezzjoni msemmija fl-Artikolu 11 li l-persunal tiegħu involut fil-bejgħ ta’ prekursuri tal-isplussivi regolati:

a)

jaf liema mill- prodotti li jqiegħed għad-dispożizzjoni fihom prekursuri tal-isplussivi regolati;

b)

huwa mħarreġ dwar l-obbligi skont l-Artikolu 5 u 9.

Sabiex jiżguraw li l-persunal ikun jaf liema prodotti fihom prekursuri tal-isplussivi regolati, l-operaturi ekonomiċi jistgħu jinkludu l-informazzjoni li prodott fih prekursur tal-isplussivi fil-barcode ta’ dak il-prodott. Barra minn hekk, l-operaturi ekonomiċi jistgħu joħolqu posters għall-persunal tagħhom (mingħajr ma jagħmlu l-posters disponibbli għall-pubbliku), li jelenkaw il-prodotti li jbigħu u li fihom dawn il-prekursuri tal-isplussivi regolati. Metodu ieħor huwa li fuq l-ixkafef ikun hemm prodotti finta għal dawk il-prodotti li fihom prekursuri tal-isplussivi regolati. Malli jsir il-bejgħ, il-persunal ikollu jmur sal-maħżen biex iġib il-prodott reali, għax hekk isir konxju li għal dak il-prodott japplikaw obbligi speċifiċi. Inkella, l-prodotti li fihom prekursuri tal-isplussivi regolati jistgħu jinżammu wara l-counter, jiġifieri ma jkunux aċċessibbli b’mod liberu, u għalhekk bilfors ikun hemm interazzjoni mal-persunal f’każ ta’ akkwist. Diversi biċċiet ta’ leġiżlazzjoni wkoll jirrikjedu struzzjonijiet regolari. Pereżempju, f’ċerti każijiet il-leġiżlazzjoni relatata mas-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali (16) titlob li l-impjegati jingħataw struzzjonijiet dwar xi prekawzjonijiet u miżuri għandhom jieħdu biex jipproteġu lilhom infushom meta jittrattaw aġenti kimiċi perikolużi fuq il-post tax-xogħol. L-istruzzjonijiet mitluba skont l-Artikolu 7(2) jistgħu jiġu kkombinati ma’ dawn l-istruzzjonijiet relatati mas-saħħa u s-sikurezza.

VI.3   Miżuri min-naħa tas-swieq online biex jinformaw lill-utenti tagħhom

l-Artikolu 7(3): Suq online għandu jieħu miżuri biex jiżgura li l-utenti tiegħu, meta jkunu qed iqiegħdu għad-dispożizzjoni xi prekursuri tal-isplussivi regolati permezz tas-servizzi tiegħu, ikunu infurmati dwar l-obbligi tagħhom skont dan ir-Regolament.

Sabiex jikkonformaw mal-Artikolu 7(3), jenħtieġ li s-swieq online jipprovdu informazzjoni dwar l-obbligi tar-Regolament b’mod li jkun ċar kif ukoll effettiv (ara l-Premessa 15). B’mod partikolari, ir-rekwiżit taċ-ċarezza jimplika li l-informazzjoni inkwistjoni jenħtieġ li tkun speċifika u tinftiehem faċilment. Ir-rekwiżit tal-effettività jimplika, b’mod partikolari, li l-informazzjoni jenħtieġ li tingħata b’mod proattiv, f’waqtha u b’mod faċilment aċċessibbli. Għaldaqstant, fejn ikun possibbli, is-swieq online jistgħu jinformaw lill-utenti l-ġodda bl-obbligi tagħhom fil-fażi tar-reġistrazzjoni fuq il-pjattaforma jew meta jkunu qed itellgħu l-elenku tal-prodotti tagħhom, jiġifieri qabel il-prekursuri tal-isplussivi regolati jkunu fil-fatt magħmula disponibbli. Fit-termini u l-kundizzjonijiet tagħhom u fil-mistoqsijiet frekwenti (jew dokumenti simili), is-swieq online jistgħu jinkludu informazzjoni dwar l-obbligi tal-utenti rilevanti fil-qafas tar-Regolament, inkluż informazzjoni dwar kif wieħed jista’ jirrapporta tranżazzjonijiet suspettużi kif ukoll għajbien u serq sinifikanti.

TAQSIMA VII

SIGURTÀ TAL-ĦŻIN

Ir-Regolament (l-Artikolu 12) jitlob li l-Kummissjoni tipprovdi informazzjoni dwar l-arranġamenti tal-ħżin li jiżguraw li prekursur tal-isplussivi regolat ikun maħżun b’mod sigur. Din it-taqsima tipprovdi t-tali gwida għall-membri tal-pubbliku ġenerali, għall-utenti professjonali, u għall-operaturi ekonomiċi.

VII.1   Rakkomandazzjonijiet għall-membri tal-pubbliku ġenerali

L-awtoritajiet kompetenti jridu jqisu jekk jeżistux arranġamenti tal-ħżin sigur meta jivvalutaw applikazzjoni għal liċenzja minn membru tal-pubbliku ġenerali biex jakkwista prekursur tal-isplussivi ristrett skont l-Artikolu 6(1)(d) tar-Regolament. L-awtoritajiet kompetenti huma mħeġġa jqisu jekk jeżistux ħafna mill-arranġamenti li ġejjin jew kollha kemm huma biex ikun żgurat ħżin sigur:

Se jkun hemm kontroll fuq min jista’ jaċċessa l-faċilità tal-ħżin, pereż. jekk il-prekursur tal-isplussivi ristrett huwiex se jinżamm f’kamra jew armarju msakkar.

L-aċċess għall-proprjetà jkun ristrett, bl-installazzjoni ta’ xtiebi madwar il-proprjetà.

Żoni ta’ vulnerabbiltà madwar il-proprjetà huma mdawla.

Se jiġu installati serraturi mal-bibien, mat-twieqi fil-pjan terran u ma’ kwalunkwe tieqa oħra li tkun faċilment aċċessibbli.

Jiġi installat allarm kontra l-intrużjoni.

Se tintuża sorveljanza bil-video.

Il-miżuri li l-membri tal-pubbliku ġenerali jistgħu jieħdu biex il-faċilità tal-ħżin tagħhom tkun iktar sigura jiddependu fuq numru ta’ fatturi, pereż. l-ammont ta’ prekursuri tal-isplussivi ristretti li jkollhom, il-konċentrazzjoni skont il-piż tal-prekursuri tal-isplussivi ristretti li jkollhom, il-kombinazzjonijiet potenzjali tal-prekursuri tal-isplussivi ristretti li jkollhom eċċ.

VII.2   Rakkomandazzjonijiet għall-utenti professjonali u għall-operaturi ekonomiċi

Il-miżuri li jistgħu jieħdu l-operaturi ekonomiċi u l-utenti professjonali biex iż-żona ta’ ħażna tagħhom tkun aktar sigura jiddependi minn għadd ta’ fatturi, eż. id-daqs tal-kumpanija tagħhom, l-ammont ta’ prekursuri tal-isplussivi regolati li għandhom, il-konċentrazzjoni skont il-piż tal-prekursuri tal-isplussivi regolati li għandhom, il-kombinazzjonijiet potenzjali ta’ prekursuri tal-isplussivi regolati li jippossedu, eċċ.

Il-kumpaniji involuti f’attivitajiet li jinvolvu l-prekursuri tal-isplussivi regolati huma mħeġġa jikkontrollaw l-aċċess għall-binjiet tagħhom.

Huwa rrakkomandat li l-aċċess minn persuni oħra (viżitaturi u kuntratturi) għall-binjiet tal-kumpanija jkun ristrett u ssorveljat b’rabta ma’ dawk il-binjiet fejn jiġu mmanifatturati jew maħżuna prekursuri tal-isplussivi regolati. Il-kumpaniji huma mħeġġa jkollhom politika miktuba dwar il-ħżin sigur u l-proċeduri fis-seħħ b’rilevanza għall-prekursuri tal-isplussivi regolati.

Il-kumpaniji jistgħu pereżempju jwettqu verifiki fir-rigward tal-persuni u l-kumpaniji li jżuru l-binjiet tagħhom. Il-kumpaniji jistgħu jżommu rekords tal-viżitaturi fil-bini tal-kumpanija fejn jiġu mmanifatturati jew maħżuna prekursuri tal-isplussivi regolati.

Għalkemm id-devjazzjoni tas-sustanzi kimiċi ġeneralment isseħħ wara l-bejgħ, il-kumpaniji jridu jkunu konxji tal-potenzjal ta’ devjazzjoni jew serq mis-siti tagħhom stess, u jridu jieħdu l-miżuri xierqa biex jipproteġu l-bini tan-negozju kontra s-serq. Il-kumpaniji milquta minn dan ir-riskju joperaw fil-katina tal-provvista sħiħa:

Manifatturi

Distributuri

Fornituri ta’ servizzi loġistiċi

Klijenti

Huwa rrakkomandat li jiżdied il-livell ta’ sigurtà fiż-żoni fejn jinħażnu l-prekursuri tal-isplussivi regolati, kif ikun xieraq u prattiku. Hemm diversi miżuri li l-operaturi ekonomiċi u l-utenti professjonali jistgħu jieħdu biex il-faċilità tal-ħżin tagħhom tkun iktar sigura:

Il-protezzjoni tal-kmamar jew tal-gaġeġ tal-ħżin kontra s-serq.

Ir-restrizzjoni tal-aċċess għal żoni fejn jinħażnu l-prekursuri tal-isplussivi regolati (jiġifieri l-ebda aċċess għall-assistenti tal-ħanut, għall-interns, għall-klijenti, għall-viżitaturi eċċ.).

Ir-restrizzjoni tal-aċċess madwar il-proprjetà, pereżempju bl-installazzjoni ta’ xtiebi madwar il-proprjetà.

L-illuminazzjoni ta’ żoni vulnerabbli madwar il-proprjetà.

Il-bibien, it-twieqi tas-sular t’isfel u kwalunkwe tieqa oħra faċilment aċċessibbli jissakkru kemm jista’ jkun.

L-installazzjoni ta’ allarm kontra l-intrużjoni.

L-użu ta’ sorveljanza bil-video.

L-iċċekkjar perjodiku tal-istokk biex jiġi identifikat għajbien jew serq.

Għandu jiġi nnotat li xi leġiżlazzjoni relatata mas-sikurezza (17) teżiġi li ċerti operaturi ekonomiċi jippreżentaw rapport tas-sikurezza jekk fl-istabbiliment tagħhom ikollhom ċerti sustanzi perikolużi. Għall-operaturi ekonomiċi li huma milquta mir-Regolament (UE) 2019/1148 dwar il-prekursuri tal-isplussivi kif ukoll mil-leġiżlazzjoni dwar is-sikurezza, huwa rrakkomandat li jiġbru l-miżuri tas-sigurtà u tas-sikurezza fi pjan integrat wieħed. Il-miżuri tas-sigurtà u tas-sikurezza x’aktarx jirrinforzaw lil xulxin.

Appendiċi 1

Perjodi ta’ tranżizzjoni

1.1   Perjodu ta’ tranżizzjoni għal-liċenzji

Ir-Regolament (UE) 2019/1148 jħassar u jissostitwixxi r-Regolament (UE) 98/2013 b’effett mill-1 ta’ Frar 2021. Fid-dispożizzjoni tranżizzjonali tiegħu (l-Artikolu 23), ir-Regolament jistipula perjodu ta’ tranżizzjoni għal-liċenzji fejn diġà jkun ġie stabbilit reġim ta’ liċenzjar fil-qafas tar-Regolament l-antik.

Għal dawk l-Istati Membri li diġà stabbilew reġim ta’ liċenzjar fil-qafas tar-Regolament (UE) Nru 98/2013, ir-Regolament il-ġdid jipprevedi perjodu ta’ tranżizzjoni mir-Regolament (UE) Nru 98/2013.

Artikolu 23(3): Minkejja l-paragrafu 2, il-liċenzji li nħarġu b’mod validu skont ir-Regolament (UE) Nru 98/2013 għandhom jibqgħu validi sad-data ddikjarata oriġinarjament fuq dawk il-liċenzji, jew sat-2 ta’ Frar 2022, skont liema minnhom tiġi l-ewwel.

Artikolu 23(4): Kwalunkwe applikazzjoni għat-tiġdid tal-liċenzji msemmija fil-paragrafu 3 li tkun saret fl-1 ta’ Frar 2021 jew wara dik id-data għandha ssir f’konformità ma’ dan ir-Regolament.

Liċenzji maħruġa qabel l-1 ta’ Frar 2021 jibqgħu validi sat-2 ta’ Frar 2022, sakemm id-data tal-validità tal-liċenzja tkun qabel it-2 ta’ Frar 2022. Fit-2 ta’ Frar 2022 u wara, il-liċenzji maħruġa skont ir-Regolament (UE) Nru 98/2013 ma jibqgħux validi, anke jekk id-data tal-validità tagħhom tkun wara t-2 ta’ Frar 2022.

Il-liċenzji maħruġa fl-1 ta’ Frar 2021 jew wara jibqgħu validi għall-perjodu ddeterminat mill-Istat Membru, imma mhux iktar minn tliet snin (l-Artikolu 6(3)).

Jekk wara l-1 ta’ Frar 2021 xi membru tal-pubbliku ġenerali jrid iġedded liċenzja maħruġa qabel l-1 ta’ Frar 2021, dan isir f’konformità mar-Regolament il-ġdid (b’mod partikolari f’konformità mal-Artikolu 6).

L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri huma mħeġġa jiżguraw li l-awtoritajiet nazzjonali ta’ spezzjoni huma konxji tal-perjodu ta’ tranżizzjoni għal-liċenzji, biex ikunu jistgħu jqajmu għarfien dwar il-perjodu ta’ tranżizzjoni waqt l-ispezzjonijiet. Barra minn hekk, l-Istati Membri huma mħeġġa jqajmu għarfien dwar il-validità tal-liċenzji fil-konfront tal-operaturi ekonomiċi rilevanti u tas-swieq online, u fil-konfront tal-membri tal-pubbliku ġenerali fejn possibbli.

L-operaturi ekonomiċi huma mħeġġa jikkuntattjaw l-awtoritajiet kompetenti tagħhom f’każ ta’ dubji dwar il-validità ta’ liċenzja maħruġa skont ir-Regolament (UE) Nru 98/2013.

1.2   Il-perjodu ta’ tranżizzjoni għall-pussess, l-introduzzjoni u l-użu mill-membri tal-pubbliku ġenerali ta’ prekursuri tal-isplussivi ristretti

Ir-Regolament jistipula, fid-dispożizzjoni tranżizzjonali tiegħu (l-Artikolu 23), perjodu ta’ tranżizzjoni għall-pussess, l-introduzzjoni u l-użu minn membri tal-pubbliku ġenerali ta’ prekursuri tal-isplussivi ristretti li kienu akkwistati legalment skont ir-Regolament (UE) Nru 98/2013.

Artikolu 23(5): Minkejja l-Artikolu 5(1), il-pussess, l-introduzzjoni u l-użu minn membri tal-pubbliku ġenerali ta’ prekursuri tal-isplussivi ristretti li kienu akkwistati legalment qabel l-1 ta’ Frar 2021 għandhom ikunu permessi sat-2 ta’ Frar 2022.

Il-perjodu ta’ tranżizzjoni mhuwiex estiż għat-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ prekursuri tal-isplussivi ristretti. Għaldaqstant mhuwiex perjodu ta’ tranżizzjoni għall-operaturi ekonomiċi, iżda għall-pussess, l-introduzzjoni u l-użu minn membri tal-pubbliku ġenerali biss.

Il-pussess, l-introduzzjoni u l-użu minn membri tal-pubbliku ġenerali ta’ prekursuri tal-isplussivi ristretti li kienu akkwistati legalment qabel l-1 ta’ Frar 2021, li fl-1 ta’ Frar 2021 u wara ma jistgħux jiġu akkwistati iktar legalment, huma awtorizzati sat-2 ta’ Frar 2022.

L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri huma mħeġġa jiżguraw li l-awtoritajiet nazzjonali ta’ spezzjoni huma konxji tal-perjodu ta’ tranżizzjoni għall-pussess, l-introduzzjoni u l-użu minn membri tal-pubbliku ġenerali ta’ prekursuri tal-isplussivi ristretti. Barra minn hekk, l-Istati Membri huma mħeġġa biex fejn possibbli jinformaw lill-membri tal-pubbliku ġenerali dwar il-perjodu ta’ tranżizzjoni li japplika għall-pussess, l-introduzzjoni u l-użu.

Eżempju

Membru tal-pubbliku ġenerali xtara n-nitrometan b’konċentrazzjoni ta’ 25 % piż b’piż fil-15 ta’ Jannar 2021, kif kien permess skont ir-Regolament (UE) Nru 98/2013.

Dan il-membru tal-pubbliku ġenerali għandu l-permess li jippossjedi, jintroduċi u juża dak in-nitrometan sat-2 ta’ Frar 2022. Fit-2 ta’ Frar 2022 u wara din id-data, it-tqegħid għad-dispożizzjoni, il-pussess, l-introduzzjoni u l-użu minn membru tal-pubbliku ġenerali ta’ dak in-nitrometan b’konċentrazzjoni ta’ 25 % piż b’piż huma permessi biss b’liċenzja, dment li l-Istat Membru jkun stabbilixxa reġim ta’ liċenzjar għan-nitrometan.

Jekk l-individwu jkun irid iwettaq l-istess akkwist xahar wara, fil-15 ta’ Frar 2021, jenħtieġ li l-operatur ekonomiku jirrifjuta t-tranżazzjoni — ħlief jekk il-membru tal-pubbliku ġenerali jkollu liċenzja

Appendiċi 2

Il-lista ta’ kontroll tal-ispezzjoni għall-awtoritajiet nazzjonali ta’ spezzjoni

[Disponibbli biss għall-Kumitat Permanenti dwar il-Prekursuri]

Appendiċi 3

Lista ta’ kontroll tal-konformitàgħall-operaturi ekonomiċi, għas-swieq online, għall-utenti professjonali u għall-membri tal-pubbliku ġenerali

L-Istati Membri huma meħtieġa jiżguraw li ġew stabbiliti awtoritajiet kompetenti (“awtoritajiet nazzjonali ta’ spezzjoni”) biex jikkontrollaw u jispezzjonaw l-applikazzjoni korretta tal-Artikoli minn 5 sa 9 tar-Regolament (l-Artikolu 11) (ara wkoll it-Taqsima II u l-Appendiċi Tnejn).

Il-lista ta’ kontroll tal-konformità f’dan l-appendiċi tista’ tintuża bħala għodda mill-operaturi ekonomiċi, mis-swieq online, mill-utenti professjonali u mill-membri tal-pubbliku ġenerali biex jivvalutaw jekk humiex kapaċi jkunu konformi mal-Artikoli minn 5 sa 9. Jekk jogħġbok innota li l-awtoritajiet nazzjonali ta’ spezzjoni jistgħu jispezzjonaw ukoll affarijiet oħra; b’hekk il-lista ta’ kontroll mhix eżawrjenti.

3.1   Lista ta’ kontroll għall-operaturi ekonomiċi

Inti tinforma lill-operatur ekonomiku li jmiss fil-katina tal-provvista dwar l-applikazzjoni tar-Regolament għall-prodott li jipprovdi (l-Artikolu 7(1) u t-Taqsima VI)? Kapaċi turi kif tagħmel dan?

Il-persunal tiegħek li jbigħ prekursuri tal-isplussivi regolati jaf liema prodotti fihom prekursuri tal-isplussivi, u l-persunal irċieva struzzjonijiet dwar l-obbligi skont ir-Regolament (l-Artikolu 7(2) u t-Taqsima VI)? Għandek provi ta’ dan?

Tħares l-obbligi tiegħek b’rabta mal-verifika f’każ ta’ bejgħ, inkluż l-obbligu li żżomm rekord tat-tranżazzjonijiet, u żżomm dawn ir-rekords għal 18-il xahar mid-data tat-tranżazzjoni (l-Artikolu 8 u t-Taqsima IV) (18)? Għandek provi ta’ dan?

Għandek proċeduri fis-seħħ għall-identifikazzjoni ta’ tranżazzjonijiet suspettużi (l-Artikolu 9(2) u t-Taqsima V)? Għandek provi ta’ dan?

Inti tirrapporta tranżazzjonijiet suspettużi fi żmien 24 siegħa mill-identifikazzjoni (l-Artikolu 9(4) u t-Taqsima V)? Kapaċi turi li taf kif tirrapporta tranżazzjonijiet suspettużi?

Inti tirrapporta għajbien u serq sinifikanti ta’ prekursuri tal-isplussivi regolati fi żmien 24 siegħa mill-identifikazzjoni (l-Artikolu 9(5) u t-Taqsima V)?Kapaċi turi li taf kif tirrapporta għajbien u serq sinifikanti?

3.2   Lista ta’ kontroll għas-swieq online

Tieħu miżuri biex tiżgura li l-utenti tiegħek, meta jkunu qed iqiegħdu għad-dispożizzjoni xi prekursuri tal-isplussivi regolati permezz tas-servizzi tiegħek, ikunu infurmati dwar l-obbligu tagħhom skont ir-Regolament (l-Artikolu 7(3) u t-Taqsima VI)? Għandek provi ta’ dan?

Tieħu miżuri biex tiżgura li l-utenti tiegħek, meta jkunu qed iqiegħdu għad-dispożizzjoni xi prekursuri tal-isplussivi ristretti permezz tas-servizzi tiegħek, jikkonformaw mal-obbligi tagħhom skont l-Artikolu 8 (l-Artikolu 8(5) u t-Taqsima IV)? Għandek provi ta’ dan?

Għandek proċeduri xierqa, raġonevoli u proporzjonati fis-seħħ għall-identifikazzjoni ta’ tranżazzjonijiet suspettużi (l-Artikolu 9(2) u t-Taqsima V)? Għandek provi ta’ dan?

Inti tirrapporta tranżazzjonijiet suspettużi fi żmien 24 siegħa minn meta tqis li t-tranżazzjoni hija suspettuża (l-Artikolu 9(4) u t-Taqsima V)? Kapaċi turi li taf kif tirrapporta tranżazzjonijiet suspettużi?

3.3   Lista ta’ kontroll għall-utenti professjonali

Inti tirrapporta għajbien u serq sinifikanti ta’ prekursuri tal-isplussivi regolati fi żmien 24 siegħa mill-identifikazzjoni (l-Artikolu 9(5) u t-Taqsima V)? Kapaċi turi li taf kif tirrapporta għajbien u serq sinifikanti?

3.4   Lista ta’ kontroll għall-membri tal-pubbliku ġenerali

Tintroduċi, tippossjedi jew tuża prekursuri tal-isplussivi ristretti, u jekk iva għandek liċenzja biex tagħmel dan (l-Artikolu 5)? Għandek provi ta’ dan?

Inti tirrapporta għajbien u serq sinifikanti ta’ prekursuri tal-isplussivi ristretti li akkwistajt fi żmien 24 siegħa mill-identifikazzjoni (l-Artikolu 9(6) u t-Taqsima V)? Kapaċi turi li taf kif tirrapporta għajbien u serq sinifikanti?

Appendiċi 4

Mudell ta’ komunikazzjoni transfruntiera

[disponibbli biss għall-Kumitat Permanenti dwar il-Prekursuri]

Appendiċi 5

Gwida ulterjuri u ismijiet oħra għas-sustanzi fl-annessi tar-regolament

5.1   Gwida ulterjuri għal sustanzi speċifiċi

Nitrat tal-ammonju

Il-kontenut tan-nitrat tal-ammonju huwa espress bħala kontenut tan-nitroġenu (N), għax in-nitrat tal-ammonju huwa komponent fil-fertilizzanti fejn il-kontenut tan-nitroġenu huwa l-parametru rilevanti. Madankollu, għall-prodotti l-oħra dan il-mod tal-espressjoni tal-kontenut tan-nitrat tal-ammonju mhuwiex rilevanti. Kif indikat fl-Anness I tar-Regolament, 16 % piż b’piż ta’ nitroġenu fir-rigward tan-nitrat tal-ammonju jikkorrispondu għal 45,7 % ta’ nitrat tal-ammonju.

Bl-introduzzjoni tar-Regolament 2019/1148, in-nitrat tal-ammonju huwa inkluż bħala prekursur tal-isplussivi ristrett fl-Anness I. Għaldaqstant, il-paragrafi korrispondenti tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (REACH) dwar ir-restrizzjoni tat-tqegħid fis-suq tan-nitrat tal-ammonju tneħħew (19).

In-nitrat tal-ammonju tal-kalċju

Filwaqt li fl-Anness II issir referenza għan-nitrat tal-ammonju tal-kalċju (bin-numru tas-CAS: 15245-12-2), l-entrata tirreferi għall-“ammonium calcium nitrate” (nitrat tal-ammonju u tal-kalċju) jew “nitric acid, ammonium calcium salt” (aċidu nitriku, melħ tal-ammonju u tal-kalċju); dawn huma ismijiet alternattivi pprovduti fid-dossier tar-reġistrazzjoni REACH u inklużi fil-bażi ta’ data tal-ECHA għal din is-sustanza (20) (bil-formula kimika 5Ca(NO3)2·NH4NO3·10H2O).

Trab tal-manjalju

Il-manjalju huwa taħlita (liga) tal-aluminju (CAS RN 7429-90-5) u tal-manjeżju (RN 7439-95-4), it-tnejn li huma elenkati fl-Anness II tar-Regolament. Għaldaqstant, it-trabijiet tal-manjalju (daqs tal-partikoli < 200 μm), kif ukoll il-prodotti li fihom ≥ 70 % minn dawn it-trabijiet, huma soġġetti għall-obbligi ta’ rapportar tar-Regolament.

Fertilizzanti nitroġenużi

Fl-Anness II, ir-Regolament (UE) 2019/1148 jelenka l-imlieħ komuni tan-nitrat li jintużaw fil-fertilizzanti nitroġenużi, li jfisser li dawn il-fertilizzanti huma soġġetti għall-obbligi ta’ rapportar inklużi fl-Artikolu 9 tar-Regolament. Il-fertilizzanti li fihom ammonti għoljin ta’ dawn in-nitrati huma l-iktar ta’ tħassib. Is-serq u l-għajbien jistgħu jiġu evitati jekk il-fertilizzanti jinżammu f’postijiet fejn ma jistgħux jiġu faċilment aċċessati minn persuni mhux awtorizzati, sa fejn dan ikun possibbli bħala parti mill-ġestjoni normali. Jekk jinżamm reġistru u l-istokk jiġi regolarment ikkontrollat, is-serq u l-għajbien jistgħu jiġu identifikati iktar faċilment.

F’xi Stati Membri jista’ jkun hemm regoli li japplikaw għall-ħżin tal-fertilizzanti. Barra minn hekk, l-industrija tal-fertilizzanti kif ukoll ħafna awtoritajiet ħarġu materjal ta’ gwida għall-ħżin sigur tal-fertilizzanti. Tista’ tistaqsi lill-fornitur tiegħek għall-pariri dwar dan u/jew tikkuntattja l-awtorità applikabbli fil-pajjiż jew fir-reġjun tiegħek.

Nitrometan

Il-kontenut tan-nitrometan f’taħlitiet bil-metanol u żejt/żjut intenzjonati għall-użu bħala fjuwils għall-vetturi mudell huwa ħafna drabi indikat f’volum skont il-volum. Fil-prattika huwa diffiċli li l-kontenut korrispondenti ta’ nitrometan jiġi dderivat f’perċentwal skont il-piż, peress li fil-biċċa l-kbira tal-każijiet il-parametri neċessarji għall-konverżjoni mhumiex magħrufa. Għaldaqstant, għall-finijiet tar-Regolament (UE) 2019/1148, it-taħlitiet tal-fjuwil li fihom il-metanol, in-nitrometan u ż-żejt/iż-żjut, intenzjonati għall-użu f’mudelli ta’ vetturi u b’mhux iktar minn 12 fil-mija nitrometan skont il-volum, jistgħu jitqiesu li ma fihomx iktar minn 16 fil-mija nitrometan skont il-piż.

5.2   Ismijiet oħra għal sustanzi speċifiċi

L-ismijiet ta’ hawn taħt jistgħu jintużaw ukoll biex issir referenza għas-sustanzi elenkati fl-Annessi tar-Regolament. Il-listi mhumiex eżawrjenti u huma intenzjonati għal skopijiet ta’ referenza biss. Informazzjoni addizzjonali, inklużi sinonimi addizzjonali, tista’ tinkiseb online fl-Inventarju tal-Klassifikazzjoni u t-Tikkettar tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (21).

Ismijiet oħra għas-sustanzi fl-Anness I

Ismijiet oħra għas-sustanzi fl-Anness II

Perossidu tal-idroġenu:

Perossidu

Diossidanju

Diossidu tal-idroġenu

Nitrometan

Nitrokarbol

Aċidu nitriku

Aqua fortis

Aċidu nitriku fumanti

Perklorati:

Klorat(VII)

Iperklorat

Klorati:

Klorat(V)

Eżammina

Metenammina

Eżametilentetrammina

Urotropina

Aċeton

Propanon

Propan-2-on

2-propanon


(1)  Ir-Regolament (UE) 2019/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ prekursuri tal-isplussivi, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 98/2013 (ĠU L 186, 11.7.2019, p. 1).

(2)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(3)  https://ec.europa.eu/info/law/law-topic/data-protection/reform/rules-business-and-organisations_mt

(4)  https://ec.europa.eu/info/law/law-topic/data-protection/reform/rules-business-and-organisations_mt

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 73).

(6)  https://ec.europa.eu/info/law/law-topic/data-protection/reform/rules-business-and-organisations_mt

(7)  https://ec.europa.eu/info/law/law-topic/data-protection/reform/rules-business-and-organisations_mt

(8)  Ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 73).

(9)  https://ec.europa.eu/home-affairs/sites/homeaffairs/files/what-we-do/policies/crisis-and-terrorism/explosives/explosives-precursors/docs/list_of_competent_authorities_and_national_contact_points_en.pdf

(10)  https://ec.europa.eu/home-affairs/sites/homeaffairs/files/what-we-do/policies/crisis-and-terrorism/explosives/explosives-precursors/docs/list_of_competent_authorities_and_national_contact_points_en.pdf

(11)  https://ec.europa.eu/info/law/law-topic/data-protection/reform/rules-business-and-organisations_mt

(12)  Ara, pereżempju, l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2012/18/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar il-kontroll ta’ perikli ta’ inċidenti kbar li jinvolvu sustanzi u taħlitiet perikolużi (ĠU L 197, 24.7.2012, p. 1).

(13)  Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1).

(14)  Dawn l-operaturi ekonomiċi huma inklużi fid-definizzjoni ta’ “fornitur”, skont l-Artikolu 3(32) tar-Regolament REACH.

(15)  Dawn l-operaturi ekonomiċi huma inklużi fid-definizzjoni ta’ “riċevitur”, skont l-Artikolu 3(34) tar-Regolament REACH.

(16)  Ara, pereżempju, l-Artikolu 8 tad-Direttiva tal-Kunsill 98/24/KE tas-7 ta’ April 1998 dwar il-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema mir-riskji li għandhom x’jaqsmu mal-aġenti kimiċi fuq il-post tax-xogħol (ĠU L 131, 5.5.1998, p. 11).

(17)  Pereżempju, ara l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2012/18/UE dwar il-kontroll ta’ perikli ta’ inċidenti kbar li jinvolvu sustanzi u taħlitiet perikolużi.

(18)  Jenħtieġ li dan isir f’konformità mar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data; jekk jogħġbok ara t-Taqsima IV.

(19)  Jekk jogħġbok ara l-Artikolu 18 tar-Regolament 2019/1148. Il-paragrafu 1 tal-kolonna 2 tal-entrata 58 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (REACH) se jinżamm u jistipula li n-nitrat tal-ammonju “ma għandux jitqiegħed fis-suq għall-ewwel darba wara s-27 ta’ Ġunju 2010 bħala sustanza, jew f’taħlitiet li jkollhom iktar minn 28 % skont il-piż ta’ nitroġenu fir-rigward tan-nitrat tal-ammonju, biex jintuża bħala fertilizzant solidu, waħdu jew kompost, sakemm il-fertilizzant ma jkunx konformi mad-dispożizzjonijiet tekniċi għall-fertilizzanti tan-nitrat tal-ammonju b’kontenut ta’ nitroġenu għoli stabbilit fl-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 2003/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill”. In-nitrat tal-ammonju jissemma b’mod espliċitu mid-Direttiva 2012/18/UE dwar il-kontroll ta’ perikli ta’ inċidenti kbar li jinvolvu sustanzi u taħlitiet perikolużi (l-entrati minn 1 sa 4 tal-Parti 2 tal-Anness I).

(20)  https://echa.europa.eu/mt/substance-information/-/substanceinfo/100.035.702

(21)  Wieħed jista’ jsibu hawn: https://echa.europa.eu/mt/information-on-chemicals/cl-inventory-database.