15.6.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 200/12


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ isem skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

(2020/C 200/07)

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) fi żmien tliet xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni

DOKUMENT UNIKU

“ΡΟΔΙ ΕΡΜΙΟΝΗΣ” (RODI ERMIONIS)

Nru tal-UE: PDO-GR-02389 — 12.1.2018

DOP (X) IĠP ( )

1.   Isem/Ismijiet

“Ρόδι Ερμιόνης” (Rodi Ermionis)

2.   Stat Membru jew pajjiż terz

Il-Greċja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Klassi 1.6 Frott, ħaxix u ċereali, friski jew ipproċessati

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

Ir-“Rodi Ermionis” hija l-frotta tas-siġra tar-rummien “Ermioni”, varjetà lokali tal-ispeċi Punica granatum L., parti mill-familja tal-Punicaceae, u tikber fir-reġjun ta’ Ermionida, li għalih hija msemmija. Hija ekotip lokali li, biż-żmien u bis-saħħa tas-selezzjoni naturali, adattat ruħha għall-kundizzjonijiet klimatiċi lokali u għall-metodi ta’ tkabbar imħaddmin mill-produtturi lokali. Dawn il-pjanti jagħtu wkoll il-materjal ta’ tixrid għat-tħawwil ġdid fiż-żona.

Meta jitqiegħed fis-suq, il-frott misjur ikollu l-karatteristiċi li ġejjin:

1.

Karatteristiċi fiżiċi:

Forma: tonda. Fuq barra hemm il-qoxra, li hija rqiqa, bellusija, elastika u tleqq. Fuq ġewwa hemm iż-żrieragħ, li fihom qalba ratba li għandha mill-injam, ta’ daqs medju, u li titfarrak faċilment meta tomgħodha.

Lewn: il-qoxra hija bejn safra fir-roża u ħamra, skont l-esponiment tal-wiċċ lejn ix-xemx. Iż-żrieragħ huma bejn roża u ħomor.

2.

Karatteristiċi organolettiċi:

Il-frotta jkollha togħma ħelwa li ġejja mill-proporzjon ibbilanċajt bejn iz-zokkor u l-aċidu. Iż-żrieragħ huma ħelwin u rotob, u l-qalba ta’ ġewwa titfakkar faċilment meta wieħed jomgħodha.

3.

Karatteristiċi fiżikokimiċi:

Gradi Brix: minimu ta’ 15°

Aċidità (% aċidu ċitriku): massimu ta’ 0,4

Il-prodott jiġi kkummerċjalizzat bħala frott frisk, kif ukoll bħala żrieragħ tar-rummien lesi għall-ikel.

3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

3.4.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

Il-passi kollha fil-produzzjoni għandhom jitwettqu fiż-żona ġeografika ddefinita.

3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Ir-“Rodi Ermionis” tiġi prodotta fil-muniċipalità ta’ Ermionida, li hija unità reġjonali ta’ Argolida, fil-Peniżola tal-Peleponneżu. Il-muniċipalità ta’ Ermionida tinsab fil-parti tal-Lvant tal-prefettura ta’ Argolis, u tinkludi l-unitajiet muniċipali ta’ Kranidi, Ermioni u Portocheli, u l-komunitajiet lokali ta’ Koilada, Didyma, Fournoi, Thermisia u Iliokastro. Tmiss mal-Golf Argoliku fil-Punent, u mal-Baħar ta’ Mirto fin-Nofsinhar.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

Iż-żona ddefinita hija peniżola, fejn l-art hija pjuttost dritta. Il-mikroklima lokali hija influwenzata mill-Muntanja Didymo, li tifforma l-fruntiera tat-Tramuntana taż-żona, u b’altitudni ta’ 1 121 m (it-tieni l-ikbar muntanja f’Argolida); mill-Muntanji Aderes, li jiġġebbdu tul ix-xifer ta’ Grieg il-Lvant; u mill-baħar, li jmiss mal-muniċipalità ta’ Ermionida fin-Nofsinhar u fil-Punent.

Il-karatteristiċi speċifiċ tal-klima ta’ Ermionida matul is-sena huma:

in-nuqqas ta’ temperaturi estremi, bi ftit li xejn ġlata fix-xitwa, u bi sjuf moderati u twal

id-differenza żgħira bejn it-temperaturi ta’ binhar u billejl

perjodi twal ta’ xemx sħiħa

xita minima u umdità relattiva baxxa fir-rebbiegħa u fil-ħarifa (Settembru - Ottubru)

Ir-“Rodi Ermionis” hija tipika u unika, u hija direttament marbuta maż-żona li fiha titkabbar, billi fatturi klimatiċi speċifiċi, flimkien mal-metodi ta’ tkabbir, jiddeterminaw il-karatteristiċi tal-prodott aħħari.

Ir-“Rodi Ermionis” ilha titkabbar f’Ermioni għexieren ta’ snin. Għalhekk tissejjaħ “Ermioni” (isem il-komunità lokali u l-muniċipalità ta’ qabel), iż-żona fejn ġiet żviluppata u adattata b’suċċess.

Ir-“Rodi Ermionis” hija ekotip lokali li, peress li adattat tajjeb għaż-żona, hija msemmija l-“varjetà ta’ Ermioni” fuq l-internet, f’rivisti u mezzi tax-xandir oħra. Hija varjetà lokali li żviluppat maż-żmien, bil-kultivaturi l-ħin kollu jagħżlu l-pjanti bil-karatteristiċi mixtieqa, biex imbagħad ixerrduhom fiż-żona. Fattur speċifiku tal-varjetà lokali huwa l-qalba ratba. Studju mwettaq mid-Dipartiment tas-Siġar tal-Frott Ħorfija f’Naousa, li ħares lejn għadd ta’ ġenotipi importanti tar-rummien li nġabru minn diversi partijiet tal-Greċja u huma rrakkomandati għat-tkabbir, inkluż ir-“Rodi Ermionis”, isemmi fost l-oħrajn li r-“Rodi Ermionis” għandha qalba ratba, differenti mill-oħrajn, li għandhom qalba iebsa jew semi-iebsa.

It-togħma ħelwa u l-qoxra elastika huma wkoll karatteristiċi distintivi tar-“Rodi Ermionis”, li huma ddeterminati minn fatturi naturali u mill-metodi ta’ tkabbir imħaddma.

B’mod speċifiku, rigward it-togħma ħelwa, l-ifformar tal-pjanti f’siġar, li huwa vijabbli biss għaliex ma hemmx ġlata, jiżgura li l-pjanta jkollha erja tal-weraq akbar, u aktar attività fotosintetika. Jiżgura wkoll li s-siġar jieħdu biżżejjed arja, u li l-frott ikun iktar espost għax-xemx. Dawn il-kundizzjonijiet jiffavorixxu l-produzzjoni taz-zokkor u d-degradazzjoni tal-aċidi, u għaldaqstant ħlewwa aktar ibbilanċjata. Il-kontenut ta’ zokkor (solidi solubbli) irid ikun tal-anqas 15 ° Brix, u l-aċidità inqas minn 0,4 (espressa bħala % ta’ aċidu ċitriku).

Il-valur Brix u l-aċidità tal-kampjuni tar-“Rodi Ermionis” u rummien ieħor tkejlu mid-Dipartiment tas-Siġar tal-Frott Ħorfija f’Naousa. Ir-“Rodi Ermionis” kellha l-oħla meraq, billi tikkombina valur Brix għoli ma’ aċidità baxxa.

Fir-rigward tal-qoxra elastika, anki jekk kapaċi tinqasam, dan ma jsirx fiż-żona ġeografika ddefinita, bis-saħħa ta’ fatturi naturali u l-metodu speċifiku ta’ tkabbir. L-esperjenza twila tal-produtturi fit-tkabbir tar-“Rodi Ermionis” wasslithom biex żviluppaw teknika speċifika tas-saqi, li wara snin ta’ tkabbir u osservazzjoni tal-pjanti, dehret li ttejjeb is-sett ta’ frotta u tgħin fil-prevenzjoni tal-qsim tal-frott. Matul il-perjodu meta s-siġar jiżahru u l-frott joqgħod (Mejju), is-saqi jieqaf, u b’hekk jiġi żgurat dakkir b’aktar suċċess, sett ta’ frott aħjar, u stabbilizzazzjoni tal-frott ġdid. Bis-saħħa tal-kundizzjonijiet nixfin u sħan fiż-żona ġeografika definita, u bis-saħħa tal-metodu ta’ tkabbir, il-qoxra elastika tal-frotta ma tinqasamx faċilment. B’mod speċifiku, fis-sajf u fil-bidu tal-ħarifa meta jkun qed joqrob żmien il-ħsad, il-pjanti jissaqqew biex jiġi żgurat li hemm biżżejjed indewwa fil-ħamrija. Dan jgħin biex il-qoxra tinżamm elastika, kif ukoll biex jiġi evitat il-qsim, billi qoxra elastika tiżgura tkabbir saħansitra aktar ugwali u uniformi tat-tessut estern, li jipproteġi l-frotta minn bidliet għal għarrieda li jwasslu għall-qsim. Dan huwa megħjun mid-differenza ċkejkna bejn it-temperaturi binhar u billejl matul is-sena, u mix-xita baxxa fiż-żona ġeografika matul il-perjodu meta l-frott ikun qed isir fil-ħarifa.

Il-frott jinqata’ bil-galbu ferm, u dejjem bl-idejn, jew bl-għajnuna ta’ mqass speċjali jew bl-idejn, billi r-“Rodi Ermionis” għandha qoxra ratba u rqiqa li titbenġel faċilment. Dan inaqqas ir-riskju ta’ ħsara u ta’ infestazzjoni wara l-qtugħ, u jiżgura frott ta’ kwalità ogħla.

Il-kundizzjonijiet ambjentali f’Ermionida taw lir-“Rodi Ermionis” il-karatteristiċi speċifiċi tiegħu, li jiddistingwuha minn rummien ieħor, u ppermettew li tikseb reputazzjoni ta’ barra minn hawn fis-suq, bħala prodott li jilħaq il-bżonnijiet u l-preferenzi tal-konsumaturi. Mill-2011 ’il quddiem, il-Muniċipalità ta’ Ermionida, f’kollaborazzjoni mal-kultivaturi tar-rummien u ma’ entitajiet lokali, organizzat l-Ermioni Pomegranate Festival, li jinkludi avvenimenti bħat-tiżjin tar-raħal, it-tqassim tal-prodott fil-port u fil-ħwienet f’Ermioni, it-tħejjija ta’ speċjalitajiet varji abbażi tar-rummien (ikel, ħelu, likur), u l-offerta tagħhom lill-pubbliku, kif ukoll avvenimenti kulturali u xjentifiċi.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott

(it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament)

http://www.minagric.gr/images/stories/docs/agrotis/POP-PGE/2020/prodiagrafes_rodi_ermioni290120.pdf


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.