12.6.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CI 197/1


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

Gwida biex jissuktaw l-operazzjonijiet tal-viża b’mod gradwali u kkoordinat

(2020/C 197 I/01)

I.   INTRODUZZJONI

Iċ-ċittadini ta’ 105 pajjiż huma obbligati li jiksbu viża qabel ma jivvjaġġaw lejn iż-żona tal-UE+ (1). L-applikazzjonijiet għal viża normalment ikunu jistgħu jiġu ppreżentati fil-konsulati tal-Istati Membri fi kważi l-pajjiżi terzi kollha madwar id-dinja. Il-politika armonizzata tal-UE dwar il-viżi għal żjarat qosra hija applikata b’mod sħiħ minn 26 Stat Membru ta’ Schengen (2) u, fi żminijiet normali, twassal biex jinħarġu 15-il miljun viża kull sena.

Bħala parti mill-miżuri biex jitrażżan it-tixrid tal-pandemija tal-COVID-19, il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri għażlu li jissospendu l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għal viża għal vjaġġi mhux essenzjali, f’ħafna każijiet għal perjodu indefinit. Xi Stati Membri ddeċidew ukoll li ma japplikawx aktar il-ftehimiet ta’ rappreżentanza għall-ħruġ ta’ viżi f’isem Stati Membri oħra. Peress li ċerti kategoriji (3) ta’ vjaġġaturi essenzjali kienu eżenti mir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar madwar l-UE kollha, il-Kummissjoni stiednet lill-Istati Membri biex ikomplu għaddejjin b’“servizzi minimi” għall-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet għal viża għal dawn il-kategoriji ta’ persuni, inkluż f’rappreżentanza (4). L-Istati Membri ggarantixxu dan sal-livell possibbli, iżda l-miżuri ta’ trażżin lokali spiss kienu ta’ tfixkil għall-kontinwazzjoni tas-servizzi u l-aċċess għas-servizzi tal-viża tal-Istati Membri sar diffiċli jekk mhux impossibbli f’ħafna partijiet tad-dinja. Bħala riżultat tar-restrizzjonijiet globali fuq l-ivvjaġġar, f’Mejju 2020, l-Istati Membri ħarġu inqas minn 2 % tan-numru ta’ viżi li normalment joħorġu bħla medja f’xahar.

Hekk kif ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar fil-fruntieri esterni tal-UE jibdew ftit ftit jitneħħew, l-issuktar tal-operazzjonijiet tal-viża għandu jiġu sinkronizzat ma’ dawn l-iżviluppi. Il-prinċipji ta’ gwida għal dan il-proċess huma stabbiliti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-tielet valutazzjoni tal-applikazzjoni ta’ restrizzjonijiet temporanji fuq l-ivvjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE (5).

Bit-tnaqqis gradwali tar-restrizzjonijiet fil-fruntieri esterni, l-issuktar progressiv ta’ konnessjonijiet internazzjonali tal-ivvjaġġar u t-tħaffif ta’ miżuri ta’ trażżin f’pajjiżi terzi, il-vjaġġaturi għal darb’oħra għandhom bżonn ikunu jistgħu jaċċessaw is-servizzi tal-viża f’pajjiżi terzi. Biex dan il-proċess jirnexxi bl-aħjar mod possibbli, huwa ta’ importanza liema bħalha li l-Istati Membri jissuktaw l-operazzjonijiet b’mod koordinat u armonizzat f’pajjiżi terzi individwali bi trasparenza sħiħa. Id-dispożizzjonijiet legali ġenerali għall-politika armonizzata dwar il-viżi, kif stabbiliti fil-Kodiċi dwar il-Viżi, se jibqgħu japplikaw. Barra minn hekk, fil-livell lokali, jenħtieġ li l-proċeduri jkomplu jiġu aktar armonizzati u jkomplu jiġu skambjati l-aħjar prattiki b’mod kontinwu fir-rigward tal-protokolli tal-iġjene u l-metodi ġodda ta’ ħidma. L-iskambji regolari fost l-Istati Membri permezz tal-laqgħat ta’ kooperazzjoni lokali ta’ Schengen taħt il-koordinazzjoni tad-Delegazzjonijiet tal-UE ser ikollhom rwol ewlieni f’dan ir-rigward.

Fl-istadji inizjali, il-miżuri ta’ trażżin lokali ser ikollhom impatt fuq il-kapaċità tal-fornituri esterni tas-servizzi u tat-taqsimiet tal-viża li jirċievu lill-applikanti u jittrattaw l-applikazzjonijiet għal viża. Madankollu, jekk tali miżuri ta’ trażżin jibqgħu fis-seħħ f’ċerti postijiet, se jkun hemm ukoll ftit domanda għall-viżi u l-ivvjaġġar lejn l-UE. Bl-istess mod, ma jistax jiġi eskluż li l-issuktar tal-ivvjaġġar internazzjonali ser iseħħ bil-mod, filwaqt li l-preokkupazzjonijiet possibbli dwar l-ivvjaġġar internazzjonali fil-kuntest tal-pandemija globali li għaddejja tkun tfisser li l-volum ġenerali ta’ applikazzjonijiet għall-viża jista’ jiżdied b’rata kajmana ħafna fix-xhur li ġejjin. Id-domanda għall-viżi x’aktarx se tibqa’ b’mod sinifikanti anqas mil-livelli tas-soltu sal-aħħar tas-sena, anke f’pajjiżi terzi fejn il-volumi huma tradizzjonalment għoljin (6).

F’Mejju, il-Kummissjoni organizzat żewġ skambji informali ma’ esperti dwar il-viżi tal-Istati Membri bil-ħsieb li tħejji l-bidu mill-ġdid tal-operazzjonijiet tal-viża. F’dawk il-laqgħat, l-Istati Membri kollha qablu li l-issuktar tal-operazzjonijiet tal-viża jenħtieġ ikun kompletament sinkronizzat mat-tneħħija tar-restrizzjonijiet fil-fruntieri esterni u jkun ikkoordinat fost il-konsulati f’kull post.

Abbażi ta’ dawn l-iskambji, l-objettiv ta’ din il-gwida huwa li tappoġġa lill-Istati Membri fit-twettiq ta’ dan il-proċess b’mod armonizzat.

II.   IL-BIDU MILL-ĠDID TAL-OPERAZZJONIJIET TAL-VIŻA

Hekk kif ikun hemm deċiżjoni dwar it-tneħħija tar-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE, l-Istati Membri kollha jenħtieġ li jerġgħu jibdew l-operazzjonijiet tal-viża kemm jista’ jkun malajr fir-rigward tal-pajjiżi terzi kkonċernati. Fil-każijiet kollha, is-servizzi minimi tal-viża jenħtieġ li jibqgħu jinżammu għal persuni kklassifikati bħala “vjaġġaturi essenzjali” kullimkien, anki jekk jibqgħu fis-seħħ xi restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar ġenerali fil-każ ta’ xi pajjiż terz partikolari.

Sakemm il-kapaċità għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-viża tibqa’ limitata, jenħtieġ li tingħata prijorità lil applikazzjonijiet minn vjaġġaturi essenzjali u minn ħaddiema f’pożizzjonijiet kruċjali. Jekk il-kapaċità konsulari fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom tibqa’ insuffiċjenti, jenħtieġ li l-Istati Membri jkomplu jagħtu viżi lil din il-katerogija ta’ vjaġġaturi, b’mod partikolari lill-baħħara fil-fruntieri esterni.

Madankollu, ladarba l-ivvjaġġar mhux essenzjali jsir possibbli minn xi pajjiż terz partikolari, jidher li mhux neċessarju, u jkun kontroproduttiv, jekk xi kategoriji addizzjonali jiġu definiti bħala “vjaġġaturi ta’ prijorità”. Il-fatt li ssir differenzjazzjoni akbar fost l-iskopijiet tal-ivvjaġġar jista’ jitqies bħala sproporzjonat u diskriminatorju, peress li din id-differenzjazzjoni ma tkunx tista’ tintrabat ma’ xi theddid għas-saħħa pubblika fl-istadju tal-applikazzjoni għal viża. Barra minn hekk, jekk ma jkunx hemm ftehim dwar liema għan ta’ vjaġġar jenħtieġ li jkun jikkostitwixxi prijorità, jiġi mminat l-objettiv ta’ tkomplija armonizzata tal-operazzjonijiet tal-viża.

Kull fejn ikun possibbli, jenħtieġ li l-Istati Membri jimpenjaw ruħhom li jissuktaw l-operazzjonijiet simultanjament f’kull post u jkomplu r-rappreżentanza sħiħa ta’ Stati Membri oħra fi kwistjonijiet ta’ viża, fejn applikabbli. Bl-istess mod, l-Istati Membri jridu jkomplu japplikaw ir-regoli ġenerali tal-Kodiċi dwar il-Viżi meta jipproċessaw l-applikazzjonijiet u jagħtu l-viżi. Dan jippreżenta wkoll messaġġ uniformi lill-pubbliku u jipprevjeni l-possibbiltà li dak li jkun jipprova jfittex l-aktar viża konvenjenti, jew xi abbużi oħra li jistgħu jsiru.

Meta wieħed iqis li bħala medja 90 % tal-applikazzjonijiet għall-viża jiġu ppreżentati permezz ta’ fornituri ta’ servizzi esterni, l-issuktar tal-operazzjonijiet tinvolvi bilfors koordinazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri u dawn l-operaturi privati. Għalkemm il-fornituri tas-servizzi esterni se jkunu responsabbli li jużaw miżuri ta’ iġjene xierqa f’konformità mal-prattiki lokali, jenħtieġ li l-Istati Membri jżommu għajnejhom sew fuq l-aspetti kollha tat-tħaddim mill-ġdid tal-operazzjonijiet tal-fornituri ta’ servizzi.

Filwaqt li valutazzjoni tat-theddid għas-saħħa pubblika hija element tal-proċedura tal-viża, il-politika tal-viża mhijiex primarjament għodda tal-politika tas-saħħa. Jenħtieġ li ma jkunx hemm l-obbligu ta’ kontrolli tas-saħħa fil-mument tal-applikazzjoni għal viża, li sseħħ mill-inqas 15-il jum qabel il-vjaġġ intenzjonat, u tista’ tkun sa sitt (6) xhur qabel (disa’ (9) xhur fil-każ tal-baħħara).

1.   It-tħejjija għall-issuktar armonizzat tal-operazzjonijiet u l-implimentazzjoni tiegħu

L-Istati Membri huma mħeġġa jibdew it-tħejjijiet immedjatament għall-iżvilupp ta’ protokolli ta’ aċċess ġodda għall-akkoljenza tal-applikanti u l-applikazzjonijiet, li jkopru kemm lill-fornituri esterni tas-servizzi kif ukoll lill-konsulati. Il-miżuri jistgħu jinkludu:

L-istabbiliment ta’ protokolli dwar miżuri ta’ iġjene:

għall-persunal: tbegħid fiżiku, ix-xogħol f’xiftijiet, it-tagħmir ta’ protezzjoni (ingwanti, maskri tal-wiċċ, separazzjoni bil-perspeks fil-postazzjonijiet, eċċ);

għall-applikanti: ir-rispett tat-tbegħid fiżiku, l-użu obbligatorju ta’ maskri tal-wiċċ, l-istallazzjoni ta’ stazzjonijiet diżinfettanti, eċċ;

Appuntament obbligatorju minn qabel biex jingħata aċċess għall-bini;

L-interazzjoni fiżika tiġi limitata kemm jista’ jkun:

l-espansjoni tal-metodi għall-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet li ma jkunux jinvolvu preżenza personali: eż. il-preżentazzjoni, is-sottomissjoni online tal-formoli ta’ applikazzjoni u d-dokumenti ta’ sostenn;

ir-rispett strett tar-regola li l-marki tas-swaba’ tal-applikanti għandhom jinġabru biss darba kull 59 xahar (jekk isiru kontrolli sistematiċi ta’ jekk il-bijometrija tal-applikant tkunx diġà preżenti fis-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża dan inaqqas b’mod sinifikanti l-ħtieġa ta’ preżenza fiżika);

ikunu jistgħu jsiru ħlasijiet ta’ tariffi permezz ta’ sistemi mingħajr kuntatt bħal pagament online jew pagament remot.

2.   L-ipproċessar tal-applikazzjonijiet

L-implimentazzjoni tal-politika komuni dwar il-viżi għandha tibqa’ uniformi. Fis-sitwazzjoni attwali, id-devjazzjoni mir-regoli ġenerali tista’ twassal għal impatti negattivi. Pereżempju, ir-restrizzjonijiet fuq il-validità territorjali jew it-tul tal-validità tal-viża se jillimitaw il-kapaċità tad-detenturi tal-viża li jadattaw għall-bidliet mhux mistennija fir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar. Il-limitazzjoni b’mod sistematiku tal-validità territorjali tal-viżi tista’ tkun ta’ detriment għall-Istati Membri li ma għandhomx ajruporti ċentrali fit-territorju tagħhom u għal vjaġġaturi frekwenti. Barra minn hekk, ikun hemm ir-riskju li tinħoloq konġestjoni tat-trasport ġdida fil-futur, għaliex il-vjaġġaturi essenzjali (eż. sewwieqa tat-trakkijiet u tal-ferrovija, l-ekwipaġġi tal-ajru u tal-baħar) ma jkunux jistgħu jiċċirkolaw b’mod liberu. Hija tista’ wkoll tpoġġi pressjoni ġdida fuq il-kapaċità limitata ta’ ħruġ ta’ viżi tal-Istati Membri fl-ewwel mument meta jkunu qegħdin jissuktaw l-operazzjonijiet.

Meta jerġgħu jibdew l-operazzjonijiet, jenħtieġ li l-Istati Membri jsegwu l-prinċipji li ġejjin:

a)

Applikazzjoni tal-Kodiċi tal-Viża:

Jibqgħu japplikaw id-dispożizzjonijiet ġenerali tal-Kodiċi dwar il-Viżi. B’mod partikolari:

Jenħtieġ li l-viżi uniformi (validi għaż-żona Schengen kollha) jingħataw skont id-dispożizzjonijiet ġenerali. Ma hemm l-ebda bażi legali biex jinħarġu viżi b’mod sistematiku b’validità territorjali limitata;

Jenħtieġ li l-Istati Membri jżommu lura milli jirrestrinġu l-perjodu ta’ validità tal-viżi peress li din mhijiex għodda effettiva biex jitwaqqaf it-tixrid tal-COVID-19. Barra minn hekk, il-pussess ta’ viża ma jagħtix lid-detentur dritt assolut li jaqsam il-fruntiera esterna, minħabba li l-kundizzjonijiet tad-dħul skont il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen jerġgħu jiġu vverifikati fil-ħin tal-ivvjaġġar;

Jenħtieġ li jingħataw viżi bi dħul multiplu skont ir-regoli ġenerali. Il-viżi b’perjodi ta’ validità twila inaqqsu l-ammont ta’ xogħol għall-konsulati tal-Istati Membri, b’mod partikolari meta jerġgħu jibdew l-operazzjonijiet b’persunal imnaqqas, peress li l-vjaġġaturi regolari jkollhom bżonn li japplikaw għal viża ġdida b’mod inqas frekwenti.

b)

Informazzjoni għall-pubbliku:

Jenħtieġ li l-Istati Membri (u l-fornituri esterni tas-servizzi) jaraw li tingħata informazzjoni f’waqtha dwar il-miżuri l-ġodda ta’ iġjene u l-protokolli tal-aċċess meta jintlaqgħu l-applikanti u l-applikazzjonijiet;

Jenħtieġ li d-detenturi tal-viża jiġu infurmati individwalment (għandha tingħata karta bl-informazzjoni li titqassam meta jiġi rritornat il-passaport) li l-pussess ta’ viża uniformi ma jeżentax lill-vjaġġatur minn kwalunkwe restrizzjoni addizzjonali fuq l-ivvjaġġar li tista’ tkun fis-seħħ fl-UE u li tkun tapplika indipendentement min-nazzjonalità ta’ persuna, bħal ma hu xi rekwiżiti ta’ kwarantina.

c)

Arranġamenti dwar rappreżentanza:

Jenħtieġ li jissuktaw l-arranġamenti ta’ rappreżentanza eżistenti biex l-applikanti jkunu jistgħu japplikaw fil-pajjiż ta’ residenza tagħhom, inkluż għal viżi għal Stati Membri li la jkunu preżenti u lanqas rappreżentati f’xi lokalità partikolari;

Fil-każ ta’ problemi ta’ kapaċità temporanja f’ċerti konsulati, l-Istati Membri għandhom jinvolvu ruħhom malajr f’arranġamenti ta’ rappreżentanza ad hoc fi spirtu ta’ solidarjetà. Se jkun ta’ importanza partikolari li jiġi żgurat li l-ħaddiema kruċjali tat-trasport, bħas-sewwieqa tat-trakkijiet u l-ferroviji, l-ekwipaġġ tal-ajru u tal-baħar, ikunu jistgħu jippreżentaw l-applikazzjonijiet.

d)

Il-koordinazzjoni u l-iskambju tal-informazzjoni fil-livell lokali:

F’ħafna pajjiżi terzi, il-miżuri ta’ lockdown u ta’ trażżin ġew implimentati bi ftit li xejn twissija minn qabel. Dan wassal għall-għeluq immedjat tal-konsulati u tal-fornituri esterni tas-servizzi u għar-ripatrijazzjoni tal-persunal espatrijat. F’tali każi, ħafna drabi ftit kien hemm żmien biex l-Istati Membri l-oħra jiġu infurmati b’mod xieraq. Biex ikunu jistgħu jissuktaw l-operazzjonijiet, min-naħa l-oħra, jenħtieġ li l-Istati Membri jirsistu għall-aħjar koordinazzjoni u fluss ta’ informazzjoni possibbli u jiskambjaw l-aħjar prattiki dwar metodi ta’ ħidma adattati, inklużi dawk tal-fornituri tas-servizzi esterni li jikkooperaw magħhom. Il-koordinazzjoni u l-informazzjoni reċiproka huma essenzjali wkoll f’każ li jkollhom jiġu stabbiliti mill-ġdid ċerti restrizzjonijiet tal-ivvjaġġar fil-futur.

3.   Ir-rwol tal-kooperazzjoni lokali ta’ Schengen

Il-Kooperazzjoni Lokali ta’ Schengen għandha rwol kruċjali fl-iżgurar ta’ implimentazzjoni dejjem armonizzata tal-politika komuni dwar il-viżi. Fl-iskambji li saru dan l-aħħar l-Istati Membri enfasizzaw ripetutament il-funzjoni kruċjali tal-Kooperazzjoni Lokali ta’ Schengen kif ikkoordinata mid-Delegazzjonijiet tal-UE fir-rigward tal-kondiviżjoni tal-għarfien tas-sitwazzjonijiet lokali (bħas-sitwazzjoni epidemjoloġika, il-miżuri lokali ta’ trażżin u ta’ kwarantina), kif ukoll l-iżgurar tal-armonizzazzjoni tal-prattiki u l-informazzjoni lill-pubbliku. Il-Kummissjoni tfakkar li Kooperazzjoni Lokali ta’ Schengen li tiffunzjona tajjeb hija responsabbiltà kondiviża tal-Istati Membri u d-Delegazzjonijiet tal-UE. Jenħtieġ li l-awtoritajiet ċentrali tal-Istati Membri jippermettu lill-konsulati tagħhom il-flessibbiltà meħtieġa biex jadattaw għall-approċċ maqbul fil-Kooperazzjoni Lokali ta’ Schengen dwar il-bidu armonizzat mill-ġdid tal-operazzjonijiet.

III.   KONKLUŻJONI

L-issuktar koordinat tal-operazzjonijiet tal-viża madwar id-dinja kollha b’mod gradwali huwa sfida li l-Istati Membri jistgħu jilqgħu b’mod effettiv billi jaħdmu f’koordinazzjoni flimkien. Huwa ta’ importanza liema bħalha għall-koeżjoni taż-żona Schengen u l-funzjonament tal-politika komuni dwar il-viżi li jiġu evitati azzjonijiet unilaterali u li l-Kooperazzjoni Lokali ta’ Schengen taqdi bis-sħiħ ir-rwol tagħha ta’ koordinazzjoni. Il-Kummissjoni hija lesta tappoġġa lill-Istati Membri f’din l-impriża, li, jekk tiġi ġġestita b’mod xieraq, se tkun tippermetti li jissuktaw bla skossi l-kuntatti internazzjonali tal-ivvjaġġar, tan-negozju, tat-turiżmu u fost il-persuni li huma essenzjali għall-istil ta’ ħajja Ewropew, filwaqt li tikkontrolla fl-ogħla livell possibbli r-riskji għas-saħħa.

Ma jistax jiġi eskluż li jkun hemm it-tieni mewġa tal-pandemija tal-COVID-19, jew inkella li tinqala’ xi emerġenza tas-saħħa globali oħra, li minħabba f’hekk ikun neċessarju li fil-futur jerġgħu jiġu imposti restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar. Fuq perjodu qasir, l-applikazzjoni tar-regoli ġenerali għall-ħruġ ta’ viżi bi dħul multiplu b’validità twila għall-applikanti kollha eliġibbli, u b’mod partikolari għall-ħaddiema kruċjali fit-trasport, bħas-sewwieqa tat-trakkijiet u tal-ferroviji u l-ekwipaġġi tal-ajru u tal-baħar, se sservi wkoll bħala miżura ta’ kontinġenza. Dan se jgħin biex tiġi evitata repetizzjoni tal-konġestjoni amministrattiva għal ħafna vjaġġaturi essenzjali, li ġew esperjenzati matul dawn l-aħħar ġimgħat. L-għan għandu jkun li l-politika komuni dwar il-viżi tkun tiflaħ aktar għat-tfixkil fuq skala kbira bħal dik esperjenzata f’dawn l-aħħar xhur.


(1)  Iż-“żona UE+” tinkludi l-Istati Membri kollha ta’ Schengen (inklużi l-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru u r-Rumanija), kif ukoll l-erba’ Pajjiżi Assoċjati ma’ Schengen. Din tkun tinkludi wkoll l-Irlanda u r-Renju Unit jekk jiddeċiedu li jallinjaw ruħhom.

(2)  22 Stat Membru tal-UE u erba’ (4) Stati Assoċjati ta’ Schengen.

(3)  COM(2020) 115 final.

(4)  ara l-Linji Gwida tal-Kummissjoni tal-18 ta’ Marzu 2020.

(5)  COM(2020) 399.

(6)  Bħal fil-każ tar-Russja, iċ-Ċina jew l-Indja.