4.6.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 185/5


Notifika ta’ bidu ta’ rieżami ta’ skadenza tal-miżuri anti-dumping applikabbli għal importazzjonijiet ta’ ċerti wajers u swiegel tal-wajer tal-azzar mhux illigat (wajers u swiegel PSC) użati biex japplikaw tensjoni preċedenti jew tensjoni sussegwenti li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina

(2020/C 185/05)

Wara l-pubblikazzjoni tan-Notifika ta’ skadenza imminenti (1) tal-miżuri anti-dumping fis-seħħ fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti wajers u swiegel tal-wajer tal-azzar mhux illigat (wajers u swiegel PSC) użati biex japplikaw tensjoni preċedenti jew tensjoni sussegwenti li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“ir-RPĊ”, “il-pajjiż ikkonċernat”), il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) irċeviet talbiet għal rieżami skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (2) (“ir-Regolament bażiku”).

1.   Talba għal rieżami

It-talba saret fit-2 ta’ Marzu 2020 mill-European Stress Information Service (“ESIS”) (“l-applikant”) li jirrappreżenta aktar minn 25 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni tal-wajers u swiegli PSC.

Verżjoni miftuħa tat-talba u l-analiżi tal-grad ta’ sostenn għat-talba mill-produtturi tal-Unjoni huma disponibbli fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati. It-Taqsima 5.5 ta’ din in-Notifika tipprovdi informazzjoni dwar l-aċċess għall-fajl għall-partijiet interessati.

2.   Il-prodott rieżaminat

Il-prodott soġġett għal dan ir-rieżami huwa wajer tal-azzar mingħajr liga, wajer tal-azzar mingħajr liga bbanjat jew miksi, wajer tal-azzar mingħajr liga bbanjat jew miksi biż-żingu u wajer bis-swiegel tal-azzar mingħajr liga kemm jekk ibbanjat jew miksi kemm jekk le b’mhux aktar minn 18-il wajer, li fih bil-piż 0,6 % jew aktar ta’ karbonju, b’dimensjoni trasversali massima ta’ aktar minn 3 mm, li bħalissa jaqa’ taħt il-kodiċi NM ex 7217 10 90, ex 7217 20 90, ex 7312 10 61, ex 7312 10 65 u ex 7312 10 69 (kodiċi TARIC 7217109010, 7217209010, 7312106191, 7312106591 u 7312106991). Is-swiegel galvanizzati (iżda mingħajr l-ebda kisja b’materjal ieħor) b’seba’ wajers li fihom id-dijametru tal-wajer ċentrali jkun identiku għal jew inqas minn 3 % akbar mid-dijametru ta’ kull wieħed mis-sitt wajers l-oħra, mhux koperti mill-miżuri li huma fis-seħħ u mhumiex soġġetti għal dan ir-rieżami (3).

3.   Miżuri eżistenti

Il-miżuri fis-seħħ bħalissa huma dazji anti-dumping definittivi imposti bis-saħħa tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/865 (4), kif emendat l-aħħar bir-Regolament ta’ Imlimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2019/1382 (5).

4.   Raġunijiet għar-rieżami

It-talba hija msejsa fuq ir-raġunijiet li l-iskadenza tal-miżuri x’aktarx twassal għat-tkomplija jew ir-rikorrenza ta’ dumping u għat-tkomplija jew ir-rikorrenza ta’ dannu għall-industrija tal-Unjoni.

4.1.    Allegazzjoni dwar il-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza tad-dumping

L-applikanti sostnew li mhux xieraq li jintużaw prezzijiet u kostijiet domestiċi fir-RPĊ minħabba l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti fit-tifsira tal-punt (b) tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku.

Biex jissostanzja l-allegazzjonijiet ta’ distorsjonijiet sinifikanti, l-applikant qagħad fuq l-informazzjoni fir-rapport tal-pajjiż prodott mis-servizzi tal-Kummissjoni tal-20 ta’ Diċembru 2017 li jiddeskrivi ċ-ċirkustanzi speċifiċi tas-suq fir-RPĊ (6). B’mod partikolari, l-applikant irrefera għal distorsjonijiet li jaffettwaw is-settur tal-azzar, peress li l-azzar huwa l-materja prima ewlenija biex jiġu prodotti l-vireg tal-wajer, u għal kapitoli dwar id-distorsjonijiet ġenerali tal-enerġija, tal-art u tax-xogħol. Barra minn hekk, l-applikant ibbaża ruħu fuq informazzjoni disponibbli pubblikament li turi li l-prezzijiet tal-vireg tal-wajer fir-RPĊ huma distorti b’mod sinifikanti permezz ta’ intervent tal-gvern; it-13-il Pjan ta’ Ħames Snin, b’mod aktar speċifiku l-“Pjan ta’ Aġġustament u Aġġornament tal-Industrija tal-Azzar għall-perjodu 2016–2020” għas-settur tal-azzar, li għandu l-għan li jippromwovi u jiżviluppa l-industrija tal-azzar bħala settur favorit tal-ekonomija Ċiniża u għad-Deċiżjoni Nru 40 tal-Kunsill tal-Istat dwar il-promulgazzjoni u l-implimentazzjoni tad-“Dispożizzjonijiet Temporanji li Jippromwovu l-Aġġustament tal-Istruttura Industrijali” li tidentifika l-industrija tal-azzar bħala industrija strateġika, prijoritizzata u mħeġġa.

B’hekk, fir-rigward tal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku, l-allegazzjoni ta’ kontinwazzjoni u rikorrenza ta’ dumping hija bbażata fuq tqabbil ta’ valur normali maħdum fuq il-bażi tal-ispejjeż tal-produzzjoni u tal-bejgħ li jirriflettu prezzijiet jew punti ta’ riferiment mingħajr distorsjoni f’pajjiż rappreżentattiv xieraq, mal-prezz tal-esportazzjoni (fil-livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika) tal-prodott taħt rieżami mir-RPĊ meta mibjugħ għall-esportazzjoni lejn numru ta’ pajjiżi terzi, b’ħarsa lejn in-nuqqas preżenti ta’ volumi ta’ importazzjonijiet sinifikanti mir-RPĊ lejn l-Unjoni. Fuq din il-bażi, il-marġnijiet ta’ dumping ikkalkulati huma sinifikanti għar-RPĊ.

Fid-dawl tal-informazzjoni disponibbli, il-Kummissjoni tqis li jeżistu biżżejjed evidenza, skont l-Artikolu 5(9) tar-Regolament bażiku, li turi li, minħabba li hemm distorsjonijiet sinifikanti li jaffettwaw il-prezzijiet u l-kostijiet, l-użu ta’ prezzijiet u kostijiet domestiċi fir-RPĊ mhuwiex xieraq, u dan jirrikjedi li jingħata bidu għal investigazzjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku.

Ir-rapport dwar il-pajjiż huwa disponibbli fil-fajl għall-ispezzjoni minn partijiet interessati u fis-sit web ta’ DĠ Kummerċ (7).

4.2.    Allegazzjoni ta’ probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza ta’ dannu

L-applikant ipprovda evidenza li turi li jekk il-miżuri jitħallew jiskadu, il-livell attwali ta’ importazzjoni tal-prodott taħt rieżami mill-pajjiż ikkonċernat lejn l-Unjoni probabbilment jiżdied minħabba l-eżistenza ta’ kapaċità mhux użata fir-RPĊ u l-attraenza tas-suq tal-Unjoni. Minbarra dan, fin-nuqqas ta’ miżuri, il-prezzijiet tal-esportazzjoni Ċiniżi jkunu f’livell baxx biżżejjed biex jikkawżaw dannu ulterjuri lill-industrija tal-Unjoni. L-applikant jallega li kwalunkwe żieda sostanzjali fl-importazzjonijiet bi prezzijiet li huma oġġett ta’ dumping mir-RPĊ x’aktarx jiddeterjora s-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni, jekk dawn il-miżuri jitħallew jiskadu. Is-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni tjiebet, iżda għadha diffiċli.

Finalment, l-applikant jallega li t-titjib tas-sitwazzjoni tad-dannu seħħ l-aktar minħabba l-eżistenza tal-miżuri u li kull żieda sostanzjali ta’ importazzjonijiet bi prezzijiet oġġett ta’ dumping mir-RPĊ aktarx twassal għal dannu ulterjuri lill-industrija tal-Unjoni jekk il-miżuri jitħallew jiskadu. L-effett magħqud ta’ prezzijiet baxxi u kwantitajiet kbar ikollhom effett negattiv sinifikanti fuq is-sitwazzjoni ekonomika ġenerali tal-industrija tal-Unjoni, b’mod partikolari fuq volumi ta’ bejgħ, prezzijiet u profitt.

5.   Proċedura

Wara li ġie ddeterminat, b’segwitu għal konsultazzjoni tal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku, li teżisti biżżejjed evidenza ta’ probabbiltà ta’ dumping u dannu biex jiġi ġġustifikat il-bidu ta’ rieżami ta’ skadenza, il-Kummissjoni b’dan tagħti bidu għal rieżami skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku.

Ir-rieżami tal-iskadenza se jiddetermina jekk huwiex probabbli li l-iskadenza tal-miżuri twassal għall-kontinwazzjoni jew għar-rikorrenza tad-dumping tal-prodott taħt rieżami li joriġina mill-pajjiż ikkonċernat, kif ukoll għall-kontinwazzjoni jew għar-rikorrenza ta’ dannu lill-industrija tal-Unjoni.

Ir-Regolament (UE) 2018/825 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), li daħal fis-seħħ fit-8 ta’ Ġunju 2018, (il-pakkett tal-Modernizzazzjoni tat-TDI) daħħal tibdiliet sinifikanti fl-iskeda ta’ żmien u fl-iskadenzi li kienu applikabbli qabel fil-proċedimenti anti-dumping. Il-limiti ta’ żmien biex il-partijiet interessati jippreżentaw ruħhom, b’mod partikolari fl-istadju bikri tal-investigazzjonijiet, huma mqassra.

Il-Kummissjoni tiġbed ukoll l-attenzjoni tal-partijiet li wara li faqqgħet il-COVID-19, ġiet ippubblikata Notifika (9) dwar il-konsegwenzi tat-tifqigħa tal-COVID-19 fuq investigazzjonijiet anti-dumping u anti-sussidji li jistgħu jkunu applikabbli għal dan il-proċediment.

5.1.    Il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami u l-perjodu kkunsidrat

L-investigazzjoni ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ dumping se tkopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2019 sal-31 ta’ Diċembru 2019 (‘il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami’). L-istħarriġ dwar ix-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tal-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza ta’ dannu jkopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2016 sa tmiem il-perjodu tal-investigazzjoni ta’ rieżami (“il-perjodu kkunsidrat”).

5.2.    Kummenti dwar it-talba u l-bidu tal-investigazzjoni

Il-partijiet interessati kollha huma mistiedna jippreżentaw il-fehmiet tagħhom dwar l-inputs u l-kodiċijiet tas-Sistema Armonizzata (SA) ipprovduti fit-talbiet (10) fi żmien 15-il jum mid-data ta’ pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (11).

Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jikkummentaw dwar it-talbiet (inklużi l-kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ dannu u ma’ kawżalità) jew dwar kull aspett li jirrigwarda l-bidu tal-investigazzjoni (inkluż il-livell ta’ sostenn għat-talbiet) iridu jagħmlu dan fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.

Kull talba għal seduta ta’ smigħ fir-rigward tal-bidu tal-investigazzjoni trid tiġi ppreżentata fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.

5.3.    Proċedura għad-determinazzjoni ta’ probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ dumping

F’rieżami ta’ skadenza, il-Kummissjoni teżamina l-esportazzjonijiet li saru lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami u, irrispettivament mill-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni, tqis jekk is-sitwazzjoni tal-kumpaniji li jipproduċu u li jbigħu l-prodott taħt rieżami fil-pajjiż ikkonċernat hijiex tali li l-esportazzjonijiet bi prezzijiet oġġett ta’ dumping lejn l-Unjoni x’aktarx li jitkomplew jew jirrikorru jekk il-miżuri jiskadu.

Għaldaqstant, il-produtturi kollha (12) tal-prodott taħt rieżami mill-pajjiż ikkonċernat, irrispettivament minn jekk esportawx il-prodott taħt rieżami lejn l-Unjoni tul il-perjodu tal-investigazzjoni ta’ rieżami jew le, huma mistiedna jieħdu sehem fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

5.3.1.   Investigazzjoni tal-produtturi fil-pajjiż ikkonċernat

Minħabba l-għadd potenzjalment kbir ta’ produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat li huma involuti f’dan ir-rieżami ta’ skadenza, u sabiex il-Kummissjoni tlesti l-investigazzjoni sal-limiti ta’ żmien statutorji, hija tista’ tillimita l-produtturi li għandhom jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar se jsir f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk huwiex meħtieġ kampjunar, u jekk dan ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, il-produtturi kollha, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu għan-nom tagħhom, inklużi dawk li ma kkooperawx fl-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri soġġetti għal dan ir-rieżami, huma hawnhekk mitluba biex jipprovdu lill-Kummissjoni b’informazzjoni dwar il-kumpaniji tagħhom fi żmien sebat (7) ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. Din l-informazzjoni trid tingħata permezz ta’ TRON.tdi fl-indirizz li ġej: https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/tdi/form/20e1e7f7-fe7f-df42-c8e6-4195e2a29392 L-informazzjoni dwar l-aċċess għal TRON.tdi tinstab fit-Taqsimiet 5.6 u 5.9 ta’ hawn taħt.

Il-Kummissjoni, sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis li hija meħtieġa għall-għażla tal-kampjun ta’ produtturi fil-pajjiż ikkonċernat, se tikkuntattja wkoll lill-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat, u tista’ tikkuntattja lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi fil-pajjiż ikkonċernat.

Jekk ikun meħtieġ kampjun, il-produtturi jintgħażlu abbażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ produzzjoni, bejgħ jew esportazzjonijiet li jista’ raġonevolment jiġi investigat fiż-żmien disponibbli. Il-produtturi kollha magħrufa fil-pajjiż ikkonċernat, l-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat u l-assoċjazzjonijiet ta’ produtturi fil-pajjiż ikkonċernat se jiġu nnotifikati mill-Kummissjoni, permezz tal-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat jekk ikun xieraq, dwar il-kumpaniji magħżula biex ikunu fil-kampjun.

Ladarba l-Kummissjoni tkun irċeviet l-informazzjoni meħtieġa biex tagħżel kampjun ta’ produtturi, hija tinforma lill-partijiet ikkonċernati bid-deċiżjoni tagħha dwar jekk dawn humiex inklużi fil-kampjun. Il-produtturi fil-kampjun ikollhom jippreżentaw kwestjonarju komplut fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni tal-inklużjoni tagħhom fil-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Il-Kummissjoni żżid nota fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati li tirrifletti l-għażla tal-kampjun. Kwalunkwe kumment dwar l-għażla tal-kampjun irid jasal fi żmien tlett (3) ijiem mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni dwar il-kampjun.

Kopja ta’ dan il-kwestjonarju għall-produtturi fil-pajjiż ikkonċernat hija disponibbli fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati u fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ: https://trade.ec.europa.eu/tdi/case_details.cfm?id=2457

Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni possibbli tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, il-kumpaniji li jkunu qablu mal-inklużjoni possibbli tagħhom fil-kampjun iżda li ma jintgħażlux biex ikunu fil-kampjun se jitqiesu li jkunu kkooperaw (“il-produtturi li kkooperaw iżda mhumiex inklużi fil-kampjun”).

5.3.2.   Proċedura addizzjonali fir-rigward tar-RPĊ

Soġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ din in-Notifika, il-partijiet interessati kollha huma b’dan mistiedna jwasslu l-fehmiet tagħhom, jippreżentaw l-informazzjoni u jipprovdu evidenza ta’ sostenn dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku. Dment li ma jkunx speċifikat mod ieħor, din l-informazzjoni u l-evidenza ta’ sostenn iridu jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.

Skont il-punt (e) tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni, ftit wara l-bidu tal-investigazzjoni, permezz ta’ nota għall-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati, tinforma lill-partijiet fl-investigazzjoni dwar is-sorsi rilevanti li beħsiebha tuża għad-determinazzjoni tal-valur normali fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina skont l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku. Dan ikun ikopri s-sorsi kollha, inkluża l-għażla ta’ pajjiż terz rappreżentattiv xieraq fejn ikun xieraq. Il-partijiet fl-investigazzjoni għandhom jingħataw 10 ijiem mid-data li fiha dik in-nota tiżdied fil-fajl, sabiex iressqu l-kummenti.

Skont l-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni, pajjiż terz rappreżentattiv possibbli għar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina f’dan il-każ huwa l-Indja. Bl-għan li finalment tagħżel pajjiż terz rappreżentattiv xieraq, il-Kummissjoni se teżamina jekk hemmx pajjiżi b’livell simili ta’ żvilupp ekonomiku bħar-RPĊ, li fihom isiru l-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott taħt rieżami u li fihom hemm data rilevanti disponibbli minnufih. F’każ li jkun hemm aktar minn pajjiż wieħed bħal dan, se tingħata preferenza, meta jkun il-każ, lill-pajjiżi b’livell adegwat ta’ protezzjoni soċjali u ambjentali.

Fir-rigward tas-sorsi rilevanti, il-Kummissjoni tistieden lill-produtturi kollha fir-RPĊ biex jipprovdu informazzjoni dwar il-materjali (dawk mhux maħduma u dawk ipproċessati) u l-enerġija użati fil-produzzjoni tal-prodott taħt rieżami fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. Din l-informazzjoni trid tingħata permezz ta’ TRON.tdi fl-indirizz li ġej: https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/tdi/form/90b11d9d-766d-e146-fd19-5ff81970023d L-informazzjoni dwar l-aċċess għal TRON.tdi tinstab fit-Taqsimiet 5.6 u 5.9 ta’ hawn taħt.

Barra minn hekk, kull preżentazzjoni ta’ informazzjoni fattwali biex jiġu vvalutati l-ispejjeż u l-prezzijiet skont il-punt (a) tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku trid issir fi żmien 65 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. Tali informazzjoni fattwali jenħtieġ li tittieħed esklużivament minn sorsi disponibbli għall-pubbliku.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis li għandha bżonn għall-investigazzjoni fir-rigward tal-allegati distorsjonijiet sinifikanti fis-sens tal-punt (b) tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni se tagħmel disponibbli wkoll kwestjonarju lill-gvern tar-RPĊ.

5.3.3.   L-investigazzjoni ta’ importaturi mhux relatati (13) (14)

Importaturi mhux relatati tal-prodott li qed jiġi rieżaminat mill-pajjiż ikkonċernat lejn l-Unjoni, inklużi dawk li ma kkooperawx fl-investigazzjoni(jiet) li wasslu għall-miżuri fis-seħħ, huma mistiedna jipparteċipaw f’din l-investigazzjoni.

Minħabba l-għadd kbir potenzjali ta’ importaturi li mhumiex relatati involuti f’dan ir-rieżami ta’ skadenza, u sabiex l-investigazzjoni titlesta fil-limiti ta’ żmien statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita l-għadd ta’ importaturi li mhumiex relatati u li se jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar se jsir f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk huwiex meħtieġ il-kampjunar, u jekk dan ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, l-importaturi mhux relatati kollha, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu għan-nom tagħhom, inklużi dawk li ma kkooperawx fl-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri soġġetti għal dan ir-rieżami, qegħdin b’dan jintalbu jippreżentaw lilhom infushom lill-Kummissjoni. Dawn il-partijiet iridu jagħmlu dan fi żmien sebat (7) ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika billi jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni dwar il-kumpanija/i tagħhom, kif mitlub fl-Anness II għal din in-Notifika.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li jidhrilha meħtieġa għall-għażla tal-kampjun ta’ importaturi mhux relatati, il-Kummissjoni tista’ tikkuntattja wkoll lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa ta’ importaturi.

Jekk ikun hemm bżonn ta’ kampjun, l-importaturi jistgħu jintgħażlu abbażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ bejgħ tal-prodott taħt rieżami mill-pajjiż ikkonċernat fl-Unjoni li jista’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. Il-Kummissjoni se tgħarraf lill-importaturi mhux relatati magħrufa kollha u lill-assoċjazzjonijiet magħrufa ta’ importaturi kollha dwar il-kumpaniji li jkunu ntgħażlu bħala parti mill-kampjun.

Il-Kummissjoni se żżid ukoll nota fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati li tirrifletti l-għażla tal-kampjun. Kwalunkwe kumment dwar l-għażla tal-kampjun irid jasal fi żmien tlett (3) ijiem mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni dwar il-kampjun.

Sabiex tikseb informazzjoni li tqis bħala meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-importaturi mhux relatati fil-kampjun. Dawn il-partijiet iridu jibagħtu l-kwestjonarju mimli fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Kopja tal-kwestjonarju għall-importaturi mhux relatati hija disponibbli fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati u fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ:https://trade.ec.europa.eu/tdi/case_details.cfm?id=2457.

5.4.    Proċedura biex tiġi ddeterminata l-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza tad-dannu

Sabiex jiġi stabbilit jekk hemmx probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew ta’ rikorrenza tad-dannu għall-industrija tal-Unjoni, il-produtturi tal-Unjoni tal-prodott taħt rieżami huma mistiedna jipparteċipaw fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

5.4.1.   Investigazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni

Minħabba li hemm għadd kbir ta’ produtturi tal-Unjoni involuti f’dan ir-rieżami ta’ skadenza, u sabiex ittemm l-investigazzjoni fil-limitu tal-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni ddeċidiet li tillimita għal għadd raġonevoli l-produtturi tal-Unjoni li se jiġu investigati billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). It-teħid ta’ kampjun isir f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

Il-Kummissjoni għażlet kampjun proviżorju ta’ produtturi tal-Unjoni. Id-dettalji jinsabu fil-fajl li jistgħu jikkonsultawh il-partijiet interessati. B’hekk, il-partijiet interessati huma mistiedna jikkummentaw dwar il-kampjun proviżorju. Barra minn hekk, produtturi oħra tal-Unjoni, jew rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, li jqisu li hemm raġunijiet għalfejn jenħtieġ li jiġu inklużi fil-kampjun, iridu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fi żmien sebat (7) ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika. Il-kummenti kollha dwar il-kampjun proviżorju jridu jaslu fi żmien sebat (7) ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Il-Kummissjoni se tgħarraf lill-produtturi magħrufa kollha tal-Unjoni u/jew lill-assoċjazzjonijiet magħrufa kollha tal-produtturi tal-Unjoni dwar il-kumpaniji li finalment ikunu ntgħażlu bħala parti mill-kampjun.

Il-produtturi tal-Unjoni li jkunu parti mill-kampjun se jkollhom jippreżentaw kwestjonarju komplut fi żmien 30 jum mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni tal-inklużjoni tagħhom fil-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Kopja tal-kwestjonarju għall-produtturi tal-Unjoni hija disponibbli fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati u fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ:

https://trade.ec.europa.eu/tdi/case_details.cfm?id=2457.

5.5.    Proċedura għall-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni

Jekk tiġi kkonfermata l-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ dumping u ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza tad-dannu, tittieħed deċiżjoni, skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, dwar jekk iż-żamma tal-miżuri anti-dumping tmurx kontra l-interess tal-Unjoni.

Il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, it-trade unions u l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur rappreżentattivi huma mistiedna jipprovdu lill-Kummissjoni informazzjoni dwar l-interessi tal-Unjoni. Sabiex jieħdu sehem fl-investigazzjoni, l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur rappreżentattivi jridu juru li hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott taħt rieżami.

L-informazzjoni dwar il-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni trid tiġi pprovduta fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Din l-informazzjoni tista’ tingħata jew fil-format ta’ test liberu jew inkella billi jimtela kwestjonarju mħejji mill-Kummissjoni.

Kopja tal-kwestjonarji, inkluż il-kwestjonarju għall-utenti tal-prodott taħt rieżami, hija disponibbli fil-fajl għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati u fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ: https://trade.ec.europa.eu/tdi/case_details.cfm?id=2457

Fi kwalunkwe każ, l-informazzjoni ppreżentata skont l-Artikolu 21 se titqies biss jekk, meta tiġi ppreżentata, tkun sostnuta b’evidenza fattwali.

5.6.    Il-partijiet interessati

Sabiex jieħdu sehem fl-investigazzjoni, il-partijiet interessati, bħall-produtturi fil-pajjiż ikkonċernat, il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, it-trejdjunjins u l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur rappreżentattivi, l-ewwel iridu juru li hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott taħt rieżami.

Il-produtturi fil-pajjiż ikkonċernat, il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi li rendew disponibbli informazzjoni b’konformità mal-proċeduri deskritti fit-Taqsimiet 5.2, 5,3 u 5.4 jiġu kkunsidrati bħala partijiet interessati jekk ikun hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott taħt rieżami.

Partijiet oħra jkunu jistgħu jipparteċipaw biss fl-investigazzjoni bħala parti interessata mill-mument meta jippreżentaw lilhom infushom, u dment li jkun hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott taħt rieżami. Il-fatt li wieħed jiġi kkunsidrat bħala parti interessata huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

L-aċċess għall-fajl disponibbli għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati jsir permezz ta’ TRON.tdi f’dan l-indirizz: https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/TDI. Segwi l-istruzzjonijiet fuq dik il-paġna biex tikseb aċċess.

5.7.    Preżentazzjonijiet oħrajn bil-miktub

Soġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ din in-Notifika, il-partijiet interessati kollha huma b’dan mistiedna jesprimu l-opinjonijiet tagħhom, jippreżentaw l-informazzjoni u jipprovdu evidenza ta’ sostenn. Dment li ma jkunx speċifikat mod ieħor, din l-informazzjoni u l-evidenza ta’ sostenn iridu jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika.

5.8.    Il-possibbiltà ta’ smigħ mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni

Il-partijiet interessati kollha jistgħu jitolbu li jinstemgħu mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. Kwalunkwe talba għal seduta ta’ smigħ trid issir bil-miktub u trid tispeċifika r-raġunijiet għat-talba kif ukoll sommarju ta’ dak li l-parti interessata tixtieq tiddiskuti matul is-seduta ta’ smigħ. Is-seduta ta’ smigħ tkun limitata għall-kwistjonijiet stabbiliti minn qabel mill-partijiet interessati bil-miktub.

Fil-prinċipju, is-seduti ta’ smigħ ma jintużawx biex tiġi ppreżentata informazzjoni fattwali li tkun għadha mhijiex fil-fajl. Madankollu, fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba u sabiex is-servizzi tal-Kummissjoni jkunu jistgħu jimxu ’l quddiem bl-investigazzjoni, wara seduta ta’ smigħ il-partijiet interessati jistgħu jintalbu jipprovdu informazzjoni fattwali ġdida.

5.9.    L-istruzzjonijiet għat-tfassil ta’ preżentazzjonijiet bil-miktub u biex jintbagħtu l-kwestjonarji kompluti u l-korrispondenza

L-informazzjoni ppreżentata lill-Kummissjoni għall-fini tal-investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ għandha tkun ħielsa mid-drittijiet tal-awtur. Il-partijiet interessati, qabel ma jippreżentaw lill-Kummissjoni informazzjoni u/jew data li jkunu soġġetti għad-drittijiet tal-awtur ta’ terzi persuni, iridu jitolbu permess speċifiku lid-detentur tad-drittijiet li jippermetti b’mod espliċitu li l-Kummissjoni a) tuża l-informazzjoni u d-data għall-iskop ta’ dan il-proċediment ta’ difiża tal-kummerċ u b) tipprovdi l-informazzjoni u/jew id-data lill-partijiet interessati f’din l-investigazzjoni f’għamla li tippermettilhom iħaddmu d-drittijiet tad-difiża tagħhom.

Il-preżentazzjonijiet kollha bil-miktub, inkluża l-informazzjoni mitluba f’din in-Notifika, il-kwestjonarji kompluti u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati li għalihom jintalab trattament kunfidenzjali għandhom jiġu mmarkati “Sensitive (15)” (“Sensittiv”). Il-partijiet li jippreżentaw informazzjoni matul din l-investigazzjoni huma mistiedna jagħtu raġuni għat-talba tagħhom għal trattament kunfidenzjali.

Il-partijiet interessati li jipprovdu informazzjoni “Sensitive” huma mitlubin jfasslu sommarji mhux kunfidenzjali tagħha skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, filwaqt li jimmarkawha “For inspection by interested parties” (“Għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati”). Dawn is-sommarji jridu jkunu ddettaljati tant li jippermettu li l-qofol tat-tagħrif imressaq b’mod kunfidenzjali jinftiehem raġonevolment. Jekk parti li tipprovdi informazzjoni kunfidenzjali tonqos milli tagħti raġuni valida għal talba ta’ trattament kunfidenzjali jew ma tipprovdix sommarju mhux kunfidenzjali tagħha fil-format u bil-kwalità mitluba, il-Kummissjoni tista’ tinjora tali informazzjoni sakemm ma jkunx jista’ jintwera b’mod sodisfaċenti minn sorsi xierqa li l-informazzjoni hija korretta.

Il-partijiet interessati huma mistiedna jressqu l-preżentazzjonijiet u t-talbiet kollha permezz ta’ TRON.tdi (https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/TDI) inklużi dokumenti skennjati ta’ prokuri u ta’ ċertifikazzjoni. Il-partijiet interessati meta jużaw TRON.tdi jew il-posta elettronika jkunu qed jesprimu l-qbil tagħhom mar-regoli applikabbli għas-sottomissjonijiet elettroniċi li jinsabu fid-dokument “CORRESPONDENCE WITH THE EUROPEAN COMMISSION IN TRADE DEFENCE CASES” (IL-KORRISPONDENZA MAL-KUMMISSJONI EWROPEA F’KAŻIJIET TA’ DIFIŻA TAL-KUMMERĊ) ippubblikat fuq is-sit web tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2011/june/tradoc_148003.pdf. Il-partijiet interessati jridu jindikaw isimhom, l-indirizz, in-numru tat-telefon u indirizz tal-posta elettronika validu u jridu jiżguraw li l-indirizz elettroniku pprovdut ikun indirizz elettroniku tax-xogħol uffiċjali li jaħdem u li jiġi ċċekkjat kuljum. Ladarba jiġu pprovduti d-dettalji ta’ kuntatt, il-Kummissjoni tikkomunika mal-partijiet interessati permezz ta’ TRON.tdi jew tal-posta elettronika biss, dment li ma jitolbux espliċitament li jirċievu d-dokumenti kollha mingħand il-Kummissjoni b’mezz ieħor ta’ komunikazzjoni jew sakemm in-natura tad-dokument li jrid jintbagħat ma tkunx tirrikjedi l-użu tal-posta rreġistrata. Għal regoli u informazzjoni ulterjuri dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni, inklużi l-prinċipji li japplikaw għall-preżentazzjonijiet permezz ta’ TRON.tdi u bil-posta elettronika, il-partijiet interessati għandhom jikkonsultaw l-istruzzjonijiet ta’ komunikazzjoni mal-partijiet interessati msemmija hawn fuq.

L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

European Commission

Directorate-General for Trade

Directorate H

Uffiċċju: CHAR 04/039

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

TRON.tdi: https://tron.trade.ec.europa.eu/tron/tdi

Indirizzi elettroniċi:

Id-dumping TRADE-R721-PSC-DUMPING@ec.europa.eu

Dannu: TRADE-R721-PSC-INJURY@ec.europa.eu

6.   L-iskeda tal-investigazzjoni

L-investigazzjoni għandha normalment tiġi konkluża fi żmien 12-il xahar, u fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn 15-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika, skont l-Artikolu 11(5) tar-Regolament bażiku.

7.   Sottomissjoni tal-informazzjoni

Bħala regola, il-partijiet interessati jistgħu jippreżentaw biss l-informazzjoni fil-perjodi ta’ żmien speċifikati fit-Taqsima 5 ta’ din in-Notifika.

Sabiex l-investigazzjoni titlesta fl-iskadenzi obbligatorji, il-Kummissjoni mhijiex se taċċetta iktar preżentazzjonijiet mingħand il-partijiet interessati wara l-iskadenza għal kummenti dwar id-divulgazzjoni finali jew, jekk ikun applikabbli, wara l-iskadenza għal kummenti dwar id-divulgazzjoni finali addizzjonali.

8.   Possibbiltà għal kummenti dwar is-sottomissjonijiet ta’ partijiet oħra

Sabiex jiġu ggarantiti d-drittijiet tad-difiża, jenħtieġ li l-partijiet interessati jkollhom il-possibbiltà li jikkummentaw dwar l-informazzjoni ppreżentata minn partijiet interessati oħra. Meta jagħmlu dan, il-partijiet interessati jistgħu jindirizzaw kwistjonijiet imqajma fis-sottomissjonijiet ta’ partijiet interessati oħra biss u ma jistgħux iqajmu kwistjonijiet ġodda.

Jenħtieġ li l-kummenti dwar l-informazzjoni pprovduta minn partijiet interessati oħra b’reazzjoni għall-iżvelar tas-sejbiet definittivi, jiġu ppreżentati fi żmien ħamest (5) ijiem mill-iskadenza għal kummenti dwar is-sejbiet definittivi, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Jekk ikun hemm żvelar finali addizzjonali, jenħtieġ li l-kummenti mressqa minn partijiet interessati oħra b’reazzjoni għal dan l-iżvelar ulterjuri jsiru fi żmien ġurnata (1) mill-iskadenza għall-kummenti dwar dan l-iżvelar ulterjuri, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

L-iskeda ta’ żmien indikata hija mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Kummissjoni li titlob informazzjoni addizzjonali mingħand il-partijiet interessati f’każijiet debitament ġustifikati.

9.   Estensjoni tal-iskadenzi speċifikati f’din in-Notifika

L-estensjonijiet tal-limiti ta’ żmien previsti f’din in-Notifika jistgħu jingħataw fuq talba min-naħa tal-partijiet interessati li jkollhom raġuni valida.

Jenħtieġ li kull estensjoni għal-limiti ta’ żmien previsti f’din in-Notifika jiġu rikjesti f’ċirkustanzi ta’ eċċezzjoni u se jingħataw biss jekk ikunu debitament ġustifikati. Fi kwalunkwe każ, kull estensjoni għall-iskadenza tar-risposta għall-kwestjonarji se tkun limitata għal tlett (3) ijiem u bħala regola ma taqbiżx sebat (7) ijiem. Rigward il-limiti ta’ żmien għall-preżentazzjoni ta’ informazzjoni oħra speċifikata fin-Notifika ta’ Bidu, l-estensjonijiet se jkunu limitati għal tlett (3) ijiem sakemm ma jintwerewx ċirkustanzi ta’ eċċezzjoni.

10.   Nonkooperazzjoni

F’każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess għall-informazzjoni meħtieġa jew ma tipprovdihiex fit-termini preskrittivi stipulati, jew tfixkel b’mod sinifikanti l-investigazzjoni, il-konklużjonijiet, sew jekk pożittivi kif ukoll jekk negattivi, jistgħu jsiru abbażi tal-fatti disponibbli, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

Jekk jinstab li xi parti interessata tkun tat informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni tista’ tiġi injorata, u jistgħu jintużaw il-fatti disponibbli.

Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera parzjalment biss u għalhekk il-konstatazzjonijiet ikunu bbażati fuq il-fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku tkun ikkooperat.

In-nuqqas ta’ tweġiba kompjuterizzata ma għandux jiġi kkunsidrat bħala nuqqas ta’ kooperazzjoni, dment li l-parti interessata turi li l-preżentazzjoni tat-tweġiba kif mitlub tkun tirriżulta f’piż żejjed mhux raġonevoli jew f’kost addizzjonali mhux raġonevoli. Jenħtieġ li l-parti interessata tikkuntattja lill-Kummissjoni minnufih.

11.   Uffiċjal tas-Seduta

Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta għal proċedimenti tal-kummerċ. L-Uffiċjal tas-Seduta jirrieżamina t-talbiet għall-aċċess għall-fajl, it-tilwim dwar il-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għal estensjoni tal-limiti ta’ żmien u kwalunkwe talba oħra dwar id-drittijiet tad-difiża ta’ partijiet interessati u partijiet terzi kif dawn jinqalgħu dwar il-proċediment.

L-Uffiċjal tas-Seduta jista’ jorganizza seduti ta’ smigħ u jagħmilha ta’ medjatur bejn il-parti(jiet) interessata/i u s-servizzi tal-Kummissjoni sabiex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati jkunu qed jiġu eżerċitati bis-sħiħ. Jenħtieġ li t-talba għal seduta ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta ssir bil-miktub u jenħtieġ li tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. L-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina r-raġunijiet għat-talbiet. Dawn is-seduti ta’ smigħ jenħtieġ li jsiru biss jekk il-kwistjonijiet ma jkunux ġew solvuti mas-servizzi tal-Kummissjoni fi żmien debitu.

Kull talba trid tiġi ppreżentata fi żmien raġonevoli u bla dewmien sabiex ma xxekkilx l-andament tajjeb tal-proċedimenti. Għal dan il-għan, jenħtieġ li l-partijiet interessati jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta minn kmieni kemm jista’ jkun wara li jseħħ il-każ li jiġġustifika tali intervent. Meta t-talbiet għal seduti ta’ smigħ jiġu ppreżentati barra mill-iskedi ta’ żmien rilevanti, l-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina wkoll ir-raġunijiet għalfejn tali talbiet saru daqshekk tard, in-natura tal-kwistjonijiet imqajma u l-impatt ta’ dawn il-kwistjonijiet fuq id-drittijiet tad-difiża, filwaqt li jqis kif dovut l-interessi ta’ amministrazzjoni tajba u t-tlestija tal-investigazzjoni fil-ħin.

Għal iktar informazzjoni u għad-dettalji ta’ kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni web tal-Uffiċjal tas-Seduta fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/trade-policy-and-you/contacts/hearing-officer/.

12.   Possibbiltà li jintalab rieżami skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku

Billi dan ir-rieżami ta’ skadenza qed jinbeda skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, il-konklużjonijiet tiegħu mhux se jwasslu biex il-miżuri eżistenti jiġu emendati iżda biex dawn il-miżuri jiġu revokati jew jinżammu f’konformità mal-Artikolu 11(6) tar-Regolament bażiku.

Jekk xi parti interessata tqis li jkun ġustifikat li jsir rieżami tal-miżuri, sabiex ikun possibbli li l-miżuri jiġu emendati, din il-parti tista’ titlob li jsir rieżami skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku.

Il-partijiet li jixtiequ jitolbu għal rieżami ta’ dan it-tip, li jsir indipendentement mir-rieżami ta’ skadenza msemmi f’din in-Notifika, jistgħu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fl-indirizz mogħti hawn fuq.

13.   Ipproċessar ta’ data personali

Kwalunkwe data personali li tinġabar f’din l-investigazzjoni se tiġi ttrattata f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (16).

Notifika dwar il-protezzjoni tad-data li tinforma lill-individwi kollha dwar l-ipproċessar tad-data personali fil-qafas tal-attivitajiet tad-difiża tal-kummerċ tal-Kummissjoni hija disponibbli fuq is-sit web tad-DĠ Kummerċ: http://ec.europa.eu/trade/policy/accessing-markets/trade-defence/.


(1)  Notifika dwar l-iskadenza imminenti tal-miżuri anti-dumping (ĠU C 322, 26.9.2019, p. 5).

(2)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 986/2012 tat-22 ta’ Ottubru 2012 li jikkjarifika l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dazji anti-dumping definittivi imposti bir-Regolament (KE) Nru 383/2009 fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti wajers u swiegel PSC li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 297, 26.10.2012, p. 1).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/865 tal-4 ta’ Ġunju 2015 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti wajers u swiegli tal-wajer tal-azzar mhux illigat (wajers u swiegli PSC) li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara reviżjoni ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 139, 5.6.2015, p. 12).

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1382 tat-2 ta’ Settembru 2019 li jemenda ċerti Regolamenti li jimponu miżuri anti-dumping jew anti-sussidji fuq ċerti prodotti tal-azzar soġġetti għal miżuri ta’ salvagwardja (ĠU L 227, 3.9.2019, p. 1).

(6)  Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar Distorsjonijiet Sinifikanti fl-Ekonomija tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għall-Finijiet tal-Investigazzjonijiet għad-Difiża tal-Kummerċ, 20.12.2017, SWD (2017) 483 final/2, disponibbli hawnhekk: http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2017/december/tradoc_156474.pdf.

(7)  Id-dokumenti msemmija fir-rapport tal-pajjiż jistgħu jinkisbu wkoll fuq talba debitament motivata.

(8)  Ir-Regolament (UE) 2018/825 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1036 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea u r-Regolament (UE) 2016/1037 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 143, 7.6.2018, p. 1).

(9)  https://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/?uri=CELEX%3A52020XC0316%2802%29.

(10)  Informazzjoni dwar il-kodiċijiet SA tingħata wkoll fis-sommarju eżekuttiv tat-talba għal rieżami, disponibbli fis-sit web tad-DĠ Kummerċ (http://trade.ec.europa.eu/tdi/?).

(11)  Ir-referenzi kollha għall-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika se jkunu referenzi għall-pubblikazzjoni ta’ din in-Notifika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

(12)  Produttur huwa kwalunkwe kumpanija fil-pajjiżi kkonċernati li tipproduċi l-prodott taħt rieżami, inkluża kwalunkwe kumpanija relatata magħha involuta fil-produzzjoni, fil-bejgħ domestiku jew fl-esportazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami

(13)  Għall-kampjun jistgħu jintgħażlu biss importaturi li mhumiex relatati ma’ produtturi fil-pajjiż ikkonċernat. L-importaturi li huma relatati mal-produtturi jridu jimlew l-Anness I tal-kwestjonarju għal dawn il-produtturi esportaturi. F’konformità mal-Artikolu 127 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, żewġ persuni għandhom jitqiesu li jkunu relatati jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju tal-persuna l-oħra; (b) ikunu msieħba rikonoxxuti legalment fin-negozju; (c) ikunu min iħaddem u l-impjegat; (d) parti terza tippossjedi jew tikkontrolla jew iżżomm direttament jew indirettament 5 % jew aktar tal-azzjoni bid-dritt tal-vot jew l-ishma pendenti tat-tnejn li huma; (e) waħda minnhom tikkontrolla direttament jew indirettament lill-persuna l-oħra; (f) it-tnejn li huma jkunu direttament jew indirettament ikkontrollati minn persuna terza; (g) flimkien jikkontrollaw persuna terza direttament jew indirettament; jew (h) ikunu membri tal-istess familja (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558). Il-persuni għandhom jitqiesu li jkunu membri tal-istess familja jekk ikollhom kwalunkwe waħda mir-relazzjonijiet segwenti ma’ xulxin biss: (i) konjuġi, (ii) ġenitur u wild, (iii) aħwa (sew jekk mill-istess ġenituri jew aħwa minn ġenitur wieħed), (iv) nannu jew nanna u neputi jew neputija, (v) ziju jew zija u neputi jew neputija, (vi) ġenitur tar-rispett u wild tar-rispett, (vii) aħwa tar-rispett. Skont l-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, “persuna” tfisser persuna fiżika, persuna ġuridika u kwalunkwe assoċjazzjoni ta’ persuni li mhijiex persuna ġuridika iżda li hija rikonoxxuta taħt il-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali bħala li jkollha l-kapaċità biex tagħmel atti legali (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).

(14)  Id-data pprovduta minn importaturi mhux relatati tista’ tintuża wkoll b’rabta ma’ aspetti oħra ta’ din l-investigazzjoni, apparti milli biex jiġi stabbilit id-dumping.

(15)  Dokument “Sensitive” huwa dokument li jitqies li hu kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament bażiku u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (il-Ftehim dwar l-Anti-Dumping). Dan hu wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

(16)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).


ANNESS

Verżjoni “Sensittiva”

Verżjoni “Għall-ispezzjoni minn partijiet interessati”

(immarka l-kaxxa rilevanti)

PROĊEDIMENT ANTI-DUMPING DWAR L-IMPORTAZZJONIJIET TA’ ĊERTI WAJERS U SWIEGEL TAL-WAJER TAL-AZZAR MHUX ILLIGAT (WAJERS U SWIEGEL PSC) UŻATI BIEX JAPPLIKAW TENSJONI PREĊEDENTI JEW TENSJONI SUSSEGWENTI LI JORIĠINAW FIR-REPUBBLIKA TAL-POPLU TAĊ-ĊINA

INFORMAZZJONI GĦALL-GĦAŻLA TAL-KAMPJUN TA’ IMPORTATURI MHUX RELATATI

Din il-formola hija mfassla biex tgħin lill-importaturi mhux relatati jwieġbu għat-talba għal informazzjoni rigward il-kampjunar li saret fil-punt 5.3.3 tan-Notifika ta’ bidu.

Kemm il-verżjoni “Sensittiva” kif ukoll il-verżjoni “Għall-ispezzjoni minn partijiet interessati” jenħtieġ li jintbagħtu lura lill-Kummissjoni kif stipulat fin-Notifika ta’ bidu.

1.   IDENTITÀ U DETTALJI TAL-KUNTATT

Agħti dawn id-dettalji li ġejjin dwar il-kumpanija tiegħek:

Isem tal-kumpanija

 

Indirizz

 

Persuna ta’ kuntatt

 

Indirizz tal-email

 

Telefown

 

Websajt

 

2.   FATTURAT U VOLUM TA’ BEJGĦ

Indika l-fatturat totali f’EUR (EUR) tal-kumpanija, u l-fatturat u l-piż għall-importazzjonijiet fl-Unjoni u l-bejgħ mill-ġdid fis-suq tal-Unjoni wara l-importazzjoni mir-RPĊ, matul il-perjodu ta’ investigazzjoni ta’ rieżami, l-1 ta’ Jannar 2019 sal-31 ta’ Diċembru 2019 tal-wajers u swiegel PSC kif definit fin-Notifika ta’ Bidu u l-piz korrispondenti. Iddikjara l-unità tal-piż li ntużat.

 

Tunnellati

Valur f’euros (EUR)

Fatturat totali tal-kumpanija tiegħek f’euros (EUR)

 

 

Importazzjonijiet fl-Unjoni tal-prodott suġġett għal rieżami

 

 

Bejgħ mill-ġdid fis-suq tal-Unjoni wara l-importazzjoni mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina tal-prodott taħt rieżami

 

 

3.   ATTIVITAJIET TAL-KUMPANIJA TIEGĦEK U TAL-KUMPANIJI RELATATI (1)

Agħti d-dettalji tal-attivitajiet preċiżi tal-kumpanija u tal-kumpaniji relatati kollha (elenkahom u ddikjara r-relazzjoni tagħhom mal-kumpanija tiegħek) involuti fil-produzzjoni u/jew fil-bejgħ (f’esportazzjonijiet u/jew domestiku) tal-prodott taħt rieżami. Attivitajiet bħal dawn jistgħu jinkludu iżda mhumiex limiti għax-xiri tal-prodott li qed jiġi rivedut jew il-produzzjoni tiegħu skont arranġamenti ta’ sottokuntrattar, jew l-ipproċessar jew in-negozjar tal-prodott li qed jiġi rivedut.

Isem u lokalità tal-kumpanija

Attivitajiet

Relazzjoni

 

 

 

 

 

 

 

 

 

4.   INFORMAZZJONI OĦRA

Agħti kull informazzjoni rilevanti oħra li l-kumpanija tqis utli biex tgħin lill-Kummissjoni fl-għażla tal-kampjun.

5.   ĊERTIFIKAZZJONI

Meta tipprovdi t-tagħrif ta’ hawn fuq, il-kumpanija tkun qed taqbel li possibbilment tiġi inkluża fil-kampjun. Jekk il-kumpanija tintgħażel biex tkun parti mill-kampjun, dan ifisser li trid timla kwestjonarju u li taċċetta żjara fil-post fejn tinsab sabiex jiġi vverifikat ir-rispons tagħha. Jekk il-kumpanija tindika li ma taqbilx mal-inklużjoni possibbli tagħha fil-kampjun, din se titqies li ma kkoperatx fl-investigazzjoni. Il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni għall-importaturi li ma jikkooperawx jiġu bbażati fuq il-fatti disponibbli u r-riżultat jista’ jkun inqas favorevoli għal dik il-kumpanija milli kieku tkun ikkooperat.

Firma tal-uffiċjal awtorizzat:

Isem u titlu tal-uffiċjal awtorizzat:

Data:


(1)  B’konformità mal-Artikolu 127 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447 tal-24 ta’ Novembru 2015 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, żewġ persuni għandhom jitqiesu li jkunu relalati jekk: (a) ikunu uffiċjali jew diretturi tan-negozju tal-persuna l-oħra; (b) ikunu msieħba rikonoxxuti legalment fin-negozju; (c) ikunu min iħaddem u l-impjegat; (D) parti terza tippossjedi jew tikkontrolla jew iżżomm direttament jew indirettament 5 % jew aktar tal-ishma maħruġa bi dritt tal-vot tat-tnejn li huma; (e) waħda minnhom tikkontrolla direttament jew indirettament lill-persuna l-oħra; (f) it-tnejn li huma jkunu direttament jew indirettament ikkontrollati minn persuna terza; (g) flimkien jikkontrollaw persuna terza direttament jew indirettament; jew (h) ikunu membri tal-istess familja (ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558). Il-persuni għandhom jitqiesu li jkunu membri tal-istess familja jekk ikollhom biss xi waħda mir-relazzjonijiet segwenti ma’ xulxin: (i) konjuġi, (ii) ġenitur u wild, (iii) aħwa (sew jekk mill-istess ġenituri jew aħwa minn ġenitur wieħed), (iv) nannu jew nanna u neputi jew neputija, (v) ziju jew zija u neputi jew neputija, (vi) ġenitur tar-rispett u wild tar-rispett, (vii) aħwa tar-rispett. Skont l-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, “persuna” tfisser persuna fiżika, persuna ġuridika u kwalunkwe assoċjazzjoni ta’ persuni li mhijiex persuna ġuridika iżda li hija rikonoxxuta taħt il-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali bħala li jkollha l-kapaċità biex tagħmel atti legali (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).