15.5.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 169/30


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

Lejn approċċ gradwali u kkoordinat għar-ritorn tal-libertà ta’ moviment u t-tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri interni — COVID-19

(2020/C 169/03)

I.   INTRODUZZJONI

Il-pandemija tal-COVID-19 ikkawżat emerġenza tas-saħħa bla preċedent fil-pajjiżi Ewropej kollha. In-nuqqas ta’ trattament effettiv jew vaċċin flimkien ma’ tkabbir esponenzjali fl-infezzjonijiet fl-Ewropa minn Frar 2020 wasslu lil ħafna Stati Membri tal-UE u Pajjiżi Assoċjati ma’ Schengen (1) (minn hawn ’il quddiem “l-Istati Membri”) biex jimplimentaw miżuri komunitarji estensivi, inkluż il-konfinament u t-tbegħid fiżiku. Għal kważi l-Istati Membri kollha, ir-restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu bl-għan li tiġi protetta s-saħħa pubblika — inkluż il-kontrolli temporanji fil-fruntieri interni (2) — kienu parti minn dawn il-miżuri. Barra minn hekk, ġew applikati restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar mhux essenzjali fil-fruntieri esterni tal-Unjoni minn meta saru r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Marzu (3), tat-8 ta’ April (4) u tat-8 ta’ Mejju (5), appoġġati minn gwida tat-30 ta’ Marzu (6).

Matul dawn l-aħħar ġimgħat, il-Kummissjoni u l-Istati Membri żiedu l-koordinazzjoni, l-azzjoni komuni u l-iskambju ta’ informazzjoni. Dan għen biex jittaffa l-impatt ta’ dawn ir-restrizzjonijiet, u b’hekk ikun jista’ jsir ir-ritorn ta’ xi aspetti tal-funzjonament tas-Suq Uniku inkluż it-twassil ta’ prodotti u servizzi essenzjali madwar l-Ewropa u l-moviment liberu għall-ivvjaġġar transfruntiera essenzjali. Dawn l-ewwel miżuri kellhom l-għan li jsibu bilanċ bejn, minn naħa l-għan li jitrażżan it-tixrid tal-epidemija u jitnaqqas ir-riskju tal-pressjoni eċċessiva fuq is-sistemi tal-kura tas-saħħa, u min-naħa l-oħra, il-ħtieġa li jiġu limitati l-effetti negattivi fuq il-moviment liberu tal-persuni, tal-merkanzija u tas-servizzi.

Hekk kif is-sitwazzjoni tas-saħħa titjieb gradwalment, jenħtieġ li dan il-bilanċ jinbidel lejn ritorn għall-moviment liberu tal-persuni mingħajr restrizzjonijiet u r-ritorn tal-integrità taż-żona Schengen, waħda mill-akbar kisbiet tal-integrazzjoni Ewropea. It-tneħħija tar-restrizzjonijiet hija kruċjali għall-irkupru ekonomiku. Ir-restrizzjoni fuq il-moviment liberu u r-riintroduzzjoni tal-fruntieri interni huma dannużi għas-Suq Uniku u għall-operat bla xkiel tal-ktajjen tal-provvista. Aktar minn hekk, jagħmlu ħsara lill-istil tal-ħajja Ewropew tagħna f’Unjoni fejn iċ-ċittadini jistgħu jivvjaġġaw liberament bejn il-fruntieri, kemm jekk huma ħaddiema, studenti, membri tal-familja, jew turisti. Irridu naħdmu biex nirritornaw din il-kisba ewlenija tal-integrazzjoni Ewropea.

L-għan ta’ din il-Komunikazzjoni huwa li tistieden lill-Istati Membri jinvolvu ruħhom fi proċess ta’ ftuħ mill-ġdid tal-moviment transfruntiera mingħajr restrizzjonijiet ġol-Unjoni. Ir-ritorn tal-moviment liberu tal-persuni u t-tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri interni jrid ikun proċess gradwali, bil-kunsiderazzjoni ewlenija tkun ħajjet u saħħet iċ-ċittadini. Għalhekk, il-kundizzjoni primarja biex jirritorna l-ivvjaġġar se tkun is-sitwazzjoni epidemjoloġika, ikkomplementata minn miżuri, bħar-rekwiżiti tas-sigurtà tas-saħħa fuq modi differenti ta’ vvjaġġar u akkomodazzjoni, biex jitnaqqsu r-riskji għas-saħħa. Il-ftuħ mill-ġdid tal-moviment transfruntiera huwa wieħed mill-prekundizzjonijiet biex jerġa’ jkun hemm it-turiżmu u t-trasport.

Flimkien ma’ din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni qed tressaq pakkett ta’ miżuri biex l-ekosistema tat-turiżmu terġa’ taqbad it-triq it-tajba, meta wieħed iqis li din hija waħda mill-muturi ekonomiċi, soċjali u kulturali Ewropej. Din il-Komunikazzjoni tistabbilixxi kif it-tneħħija progressiva tar-restrizzjonijiet domestiċi u transfruntiera f’konformità mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni jenħtieġ li tkun akkumpanjata mill-istabbiliment progressiv mill-ġdid tal-moviment liberu għall-Ewropej u t-tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri interni.

II.   PJAN DIREZZJONALI EWROPEW KONĠUNT

Fil-15 ta’ April 2020, il-President tal-Kummissjoni Ewropea flimkien mal-President tal-Kunsill Ewropew, stabbilew “Pjan Direzzjonali Ewropew konġunt għat-tneħħija tal-miżuri ta’ konteniment tal-COVID-19” (minn hawn ’il quddiem “il-Pjan Direzzjonali Konġunt”). Dan jipprovdi sett ta’ rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri għal inverżjoni gradwali tal-miżuri meħuda u jappella għal approċċ gradwali biex jiġi rritornat il-moviment liberu mingħajr restrizzjonijiet u jitneħħew il-kontrolli temporanji fil-fruntieri interni applikati mill-biċċa l-kbira tal-Istati Membri. Huwa jipprevedi wkoll, bħala t-tieni stadju, it-tmiem ta’ restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE mill-fruntiera esterni, li hija s-suġġett ta’ valutazzjoni kontinwa mill-Kummissjoni.

Il-Pjan Direzzjonali Konġunt jappella lill-Kummissjoni biex tkompli (1) tanalizza l-proporzjonalità tal-miżuri meħuda mill-Istati Membri biex jaffaċċaw il-pandemija tal-COVID-19 hekk kif is-sitwazzjoni tevolvi u (2) titlob it-tneħħija tal-miżuri meqjusa bħala sproporzjonati, speċjalment meta jkollhom impatt fuq is-Suq Uniku. Huwa jenfasizza wkoll l-interess Ewropew komuni biex ikun hemm dieskalazzjoni tal-miżuri tal-COVID-19 b’mod ikkoordinat. Lil hinn mill-urġenza tal-ġlieda kontra l-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi immedjati tagħha, is-soċjetajiet u l-ekonomiji tal-Ewropa jridu jmorru lura għal stat normali ta’ funzjonament. Jenħtieġ li t-tneħħija tar-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u l-kontrolli fil-fruntieri interni tiġi riveduta flimkien mal-proċess ta’ tneħħija tar-restrizzjonijiet ġot-territorji tal-Istati Membri. Kull pass irid jittieħed b’għarfien sħiħ tar-riskji li tinħoloq it-tieni mewġa fit-trażmissjoni komunitarja li tkun teħtieġ l-introduzzjoni mill-ġdid ta’ miżuri ta’ konteniment iktar rigorużi. Il-Pjan Direzzjonali Konġunt jindika wkoll li se jkun hemm bżonn li tingħata attenzjoni għas-sitwazzjoni tal-pajjiżi fil-viċinat tal-UE. F’konformità mal-Komunikazzjoni tagħha dwar “Support to the Western Balkans in tackling COVID-19 and the post-pandemic recovery” (7), il-Kummissjoni hija lesta tassoċja r-reġjun mill-qrib mal-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali Konġunt tagħha.

Il-Pjan Direzzjonali Konġunt jirreferi għal tliet kwistjonijiet li jridu jitqiesu meta jiġi vvalutat jekk ikunx iż-żmien li jitneħħew gradwalment ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u l-kontrolli fil-fruntieri interni: (1) il-kriterji epidemjoloġiċi; (2) il-kapaċità tas-sistema tas-saħħa u (3) kapaċità ta’ monitoraġġ xierqa. F’dan l-isfond, huwa jiċċara li jenħtieġ li l-kontrolli fil-fruntieri interni u r-restrizzjonijiet sottostanti tal-ivvjaġġar li qed jiġu applikati bħalissa jitneħħew ladarba s-sitwazzjoni epidemjoloġika tikkonverġi biżżejjed u r-regoli ta’ tbegħid fiżiku jiġu largament applikati b’mod responsabbli. (8) Fil-Pjan Direzzjonali Konġunt, huwa imtenni li jenħtieġ li t-tneħħija gradwali tar-restrizzjonijiet għall-moviment liberu u l-ftuħ mill-ġdid tal-fruntieri jagħtu prijorità lill-ħaddiema transfruntiera u lill-ħaddiema staġjonali u jenħtieġ li kull diskriminazzjoni kontra l-ħaddiema mobbli tal-UE tiġi evitata (9).

III.   IT-TNEĦĦIJA TAL-MIŻURI TA’ KONTENIMENT COVID-19 FIL-FRUNTIERI INTERNI: KRITERJI U FAŻIJIET

Il-proċess għat-tneħħija tar-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u l-kontrolli fil-fruntieri interni se jirrikjedi l-ippeżar u l-ibbilanċjar ta’ kriterji differenti, b’kont meħud tas-sitwazzjonijiet epidemjoloġiċi speċifiċi f’kull Stat Membru, li jistgħu min-naħa tagħhom ivarjaw bejn żoni u reġjuni. Din il-bażi oġġettiva hija essenzjali biex jiġi żgurat li r-restrizzjonijiet jitneħħew b’mod mhux diskriminatorju. Jenħtieġ li l-fażijiet proposti f’din il-Komunikazzjoni jiġu implimentati b’mod ikkoordinat. Jenħtieġ ukoll li tkun flessibbli, inkluż il-possibbiltà li jiġu introdotti mill-ġdid ċerti miżuri jekk is-sitwazzjoni epidemjoloġika tkun teħtieġ li jsir hekk, jew anke biex ikun jista’ jkun hemm tneħħija iktar mgħaġġla tal-miżuri jekk is-sitwazzjoni tkun tippermetti. Iż-żmien tal-proċess se jiġi influwenzat ukoll minn kemm iċ-ċittadini jobdu l-miżuri ta’ tbegħid fiżiku. Jenħtieġ li l-fażijiet kollha jkunu bbażati fuq il-valutazzjoni ta’ sitwazzjoni li tevolvi u fuq il-monitoraġġ kostanti tal-kriterji. Għal dan il-għan, il-mekkaniżmu ta’ koordinazzjoni stabbilit fit-Taqsima IV se jkun strumentali biex jiġu żgurati kemm il-fiduċja reċiproka kif ukoll il-konsistenza operattiva.

III.1.   Kriterji

It-tneħħija tar-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u l-kontrolli fil-fruntieri interni jridu jkunu bbażati fuq il-kunsiderazzjoni bir-reqqa tas-sitwazzjoni epidemjoloġika madwar l-Ewropa u fl-Istati Membri individwali. Jenħtieġ li l-miżuri li jridu jittieħdu fil-livell nazzjonali biex ir-restrizzjonijiet tal-ivvjaġġar jitneħħew gradwalment iqisu (a) il-valutazzjoni tal-approssimazzjoni tas-sitwazzjonijiet epidemjoloġiċi fl-Istati Membri flimkien (b) mal-ħtieġa li jiġu applikati miżuri ta’ konteniment, inkluż tbegħid fiżiku filwaqt li tinbena u tinżamm il-fiduċja fis-soċjetajiet, u (c) il-proporzjonalità, jiġifieri, it-tqabbil tal-benefiċċji taż-żamma ta’ restrizzjonijiet ġenerali mal-kunsiderazzjonijiet ekonomiċi u soċjali, inkluż l-impatt fuq il-mobbiltà tax-xogħol u l-kummerċ transfruntiera tal-UE (10). Dawn il-kriterji se jippermettu approċċ gradwali, flessibbli u kkoordinat lejn it-tneħħija tal-kontrolli u r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar.

Abbażi tal-konsultazzjonijiet tal- “Grupp ta’ Informazzjoni tal-COVID-19 — Affarijiet Interni” u b’kont meħud tal-parir xjentifiku mogħti miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC), il-Kummissjoni tirrakkomanda lill-Istati Membri jqisu l-elementi u l-konsiderazzjonijiet politiċi li ġejjin għat-tneħħija tar-restrizzjonijiet għall-moviment liberu u tal-kontrolli fil-fruntieri interni.

a)   Is-sitwazzjoni epidemjoloġika

Ġol-UE, jenħtieġ li r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar l-ewwel jitneħħew f’żoni b’sitwazzjoni epidemjoloġika komparabbli abbażi ta’ gwida maħruġa mill-ECDC, u meta jkun hemm kapaċitajiet suffiċjenti fis-seħħ f’termini ta’ kapaċità tal-isptarijiet, kapaċità tal-ittestjar, kapaċità ta’ sorveljanza u kapaċità ta’ traċċar tal-kuntatti. Dan huwa meħtieġ biex jiġu evitati miżuri diskriminatorji u biex jiġi żgurat li tittieħed azzjoni b’mod ikkoordinat madwar l-UE. Barra minn hekk, l-ECDC, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, qed jiżviluppa u se jżomm kontinwament mappa (11) tal-livell ta’ trażmissjoni tal-COVID-19, inkluż fil-livell sottonazzjonali (livell NUTS3). Din il-mappa hija maħsuba biex tipprovdi informazzjoni fil-livell tal-UE biex tintuża mill-awtoritajiet, l-operaturi tat-trasport u l-fornituri tas-servizzi. Huwa essenzjali li l-Istati Membri jipprovdu l-informazzjoni ta’ sorveljanza meħtieġa lill-ECDC biex il-mappa tiġi aġġornata kontinwament, u tintuża bħala sors affidabbli ta’ referenza miċ-ċittadini wkoll. Jenħtieġ li l-Istati Membri jirrapportaw id-data meħtieġa lill-ECDC jew permezz tal-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa sabiex jiżguraw monitoraġġ reġjonali kemm jista’ jkun preċiż, komparabbli u effiċjenti tal-livelli ta’ trażmissjoni, inkluż ir-rati ta’ trażmissjoni u ta’ infezzjoni, ir-rati ta’ ammissjoni fl-ICU, u r-rati tat-testijiet.

Is-sitwazzjoni preżenti fi kwalunkwe ħin fi Stati Membri individwali jew reġjuni jew żoni subnazzjonali trid tkun parti minn kampanji ta’ komunikazzjoni intensivi u aġġornati kontinwament. Dan hu meħtieġ biex jiġi żgurat li n-nies li jaqsmu l-fruntieri jkunu jistgħu jippjanaw u jaġixxu fuq il-bażi ta’ informazzjoni trasparenti u ta’ għarfien sħiħ tas-sitwazzjoni, biex ikunu jistgħu jassumu r-responsabbiltà individwali tagħhom billi jsegwu r-rakkomandazzjonijiet dwar is-saħħa meta jivvjaġġaw. Il-Kummissjoni se tappoġġa dan l-isforz ta’ komunikazzjoni billi tkompli turi pubblikament fis-sit tagħha, fost affarijiet oħra, il-lista tal-kontrolli fil-fruntieri interni fis-seħħ fi kwalunkwe mument partikolari (12).

b)   Miżuri ta’ konteniment, inkluż tbegħid fiżiku

Prekundizzjoni għat-tneħħija tar-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar, inkluż bejn il-fruntieri, hija l-kapaċità li jiġi żgurat li l-miżuri ta’ konteniment, bħat-tbegħid fiżiku, ikunu jistgħu jiġu segwiti matul il-vjaġġ kollu, mill-oriġini sad-destinazzjoni, inkluż fil-qsim tal-fruntiera. Meta jkun aktar diffiċli li jkun żgurat it-tbegħid fiżiku, jenħtieġ li jiġu stabbiliti salvagwardji u miżuri addizzjonali li jwasslu għal livelli ekwivalenti ta’ protezzjoni, f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet maħruġa għas-settur tat-trasport u tal-ospitalità (13). F’dan il-kuntest, l-applikazzjonijiet għat-traċċar tal-kuntatti huma utli u konformi mal-gwida taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) (14) u l-Gwida dwar l-Applikazzjonijiet li jappoġġaw il-ġlieda kontra l-pandemija tal-COVID-19 fir-rigward tal-protezzjoni tad-data (15); il-Kummissjoni u l-Istati Membri ppubblikaw protokoll dwar il-prinċipji tal-interoperabbiltà biex ikun żgurat li applikazzjonijiet għat-traċċar tal-kuntatti approvati volontarji jkunu jistgħu jaħdmu b’mod transfruntiera u jkunu affidabbli jkunu fejn ikunu fl-Ewropa l-utenti tagħhom (16).

Filwaqt li l-miżuri ta’ konteniment mistennija jittaffew bħala parti minn strateġija ta’ dieskalazzjoni kumplessiva, il-ħtieġa li xi miżuri, inklużi miżuri ta’ tbegħid fiżiku individwali u miżuri ta’ tbegħid organizzattiv, se jibqgħu.

Jenħtieġ li l-Istati Membri kollha jżommu fis-seħħ miżuri mmirati b’mod individwali biex inaqqsu r-riskju tat-trażmissjoni tal-virus (17). L-ittestjar u ż-żieda fil-kapaċità tal-ittestjar, it-traċċar tal-kuntatti, u l-użu tal-iżolament u l-kwarantina f’każ li jinstabu każijiet suspettati ta’ COVID-19 huma ta’ importanza vitali. L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw ukoll li jużaw ittestjar — kemm jekk sistematiku, każwali jew ibbażat fuq ir-riskju — bħala mezz ta’ monitoraġġ tar-riskji tat-tixrid mill-ġdid tal-virus fir-rigward tal-vjaġġaturi ladarba jirritornaw pajjiżhom.

L-ECDC, appoġġat mill-Kummissjoni u l-Istati Membri se jkompli jiġbor l-informazzjoni rilevanti mingħand l-Istati Membri biex jikseb ħarsa ġenerali tal-miżuri ta’ konteniment, inkluż il-miżuri tbegħid fiżiku fis-seħħ fl-Istati Membri.

Iċ-ċittadini għandu jkollhom is-setgħa jipproteġu ruħhom u lill-oħrajn permezz ta’ mġiba responsabbli. Dan jirrikjedi approċċ ikkoordinat għall-miżuri ta’ tbegħid fiżiku bejn l-Istati Membri li bdew ineħħu r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar. Trid tiġi evitata kemm jista’ jkun sitwazzjoni fejn informazzjoni kontradittorja tirriżulta f’konfużjoni u f’nuqqas ta’ aderenza mat-tbegħid fiżiku. Għal dan l-għan, l-Istati Membri jistgħu pereżempju jiżguraw li jkun hemm sit web aċċessibbli wieħed għall-konsultazzjoni minn qabel mill-vjaġġaturi u jiżguraw li mad-dħul fit-territorju tagħhom, iċ-ċittadini jirċievu SMS awtomatiku, li jkun fih l-informazzjoni dwar il-punt ta’ informazzjoni nazzjonali jew reġjonali rigward il-miżuri u r-restrizzjonijiet speċjali applikati waqt il-pandemija tal-COVID-19, kif ukoll informazzjoni dwar lil min irid jiġi kkuntattjat jekk dak l-individwu jibda juri sintomi relatati mal-COVID-19.

c)   Kunsiderazzjonijiet ekonomiċi u soċjali

Is-Suq Uniku huwa spazju kondiviż. Il-ktajjen tal-provvista u l-fornituri tas-servizzi, ma joperawx tul ħitan inviżibbli, b’mod partikolari fir-reġjuni tal-fruntiera. Il-miżuri implimentati għall-protezzjoni tas-saħħa pubblika huma kjarament meħtieġa, iżda jirriżultaw f’kost ekonomiku u soċjali għoli u għalhekk jenħtieġ li jinkludu kunsiderazzjoni qawwija dwar l-impatt fis-Suq Uniku. B’mod partikolari fid-dawl tal-isforz konġunt Ewropew mingħajr preċedent biex l-ekonomija terġa’ tqum fuq saqajha, ir-restrizzjonijiet iridu jkunu effettivi u proporzjonati u jenħtieġ li ma jmorrux lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex titrażżan il-pandemija u tiġi protetta s-saħħa pubblika.

B’mod ġenerali, ir-restrizzjonijiet fis-seħħ biex tiġi protetta s-saħħa pubblika biex tiġi miġġielda l-kriżi tal-COVID-19 wasslu għal impatti ekonomiċi u soċjali serji, inkluż il-waqgħa fid-domanda għall-prodotti u s-servizzi li wasslu għal waqfien virtwali ta’ ċerti setturi, bħal, partikolarment, l-ekosistema usa’ tat-turiżmu kif ukoll għal xkiel fil-ktajjen tal-provvista u l-moviment liberu tal-ħaddiema u s-servizzi bejn il-fruntieri.

Hekk kif l-Istati Membri jirnexxilhom inaqqsu ċ-ċirkolazzjoni tal-virus, jenħtieġ li r-restrizzjonijiet ġenerali għall-moviment liberu lejn u minn reġjuni jew żoni oħrajn fl-Istati Membri bi profil tar-riskju kumplessiv simili jiġu sostitwiti b’miżuri aktar immirati, b’mod komplementari għall-miżuri ta’ tbegħid fiżiku u traċċar effettiv u ttestjar ta’ kwalunkwe każ suspettat. Jenħtieġ li t-taffija tar-restrizzjonijiet li jkun fadal fuq il-moviment transfruntiera f’oqsma ewlenin ta’ saħħa, attività soċjali u ekonomika tkompli tingħata prijorità sakemm tiġi rritornata kompletament iċ-ċirkolazzjoni libera.

Dan huwa importanti mhux biss biex l-ekonomija terġa’ lura fit-triq lejn l-irkupru sħiħ, iżda wkoll għal kunsiderazzjonijiet soċjali u familjari. Ħafna familji ġarrbu perjodi twal ta’ separazzjoni biex jgħinu biex titrażżan il-mewġa tal-virus. Ħafna drabi, iċ-ċittadini qagħdu lura milli jmorru lura darhom għand il-familji tagħhom sabiex jagħtu sehemhom f’din il-kriżi, sew jekk fl-isptarijiet, fid-djar tal-kura, fis-settur agrikolu jew fl-industrija tas-servizzi. Hekk kif is-sitwazzjoni epidemjoloġika tkun tippermetti, hemm bżonn li n-nies ikunu jistgħu jivvjaġġaw b’mod sikur biex jerġgħu jingħaqdu ma’ familthom.

Dawn il-kwistjonijiet ġew diskussi mar-rappreżentanti tal-Istati Membri u d-dijagramma li ġejja tiġbor fil-qosor il-kriterji u l-prinċipji għal approċċ ikkoordinat.

Image 1

III.2.   Approċċ gradwali

Fil-valutazzjoni tar-riskju tiegħu, l-ECDC jikkonkludi li t-tneħħija tal-miżuri malajr wisq jew b’mod mhux ikkoordinat, mingħajr monitoraġġ xieraq u mingħajr kapaċitajiet tas-sistema tas-saħħa fis-seħħ, jistgħu jikkawżaw żieda f’daqqa ta’ trażmissjoni komunitarja sostnuta (18). Din hija r-raġuni għala — bl-istess mod li r-restrizzjonijiet domestiċi qed jiġu soġġetti għal rilassament gradwali — jenħtieġ li jiġi previst approċċ gradwali għat-tneħħija tar-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u l-kontrolli fil-fruntieri. Il-proċess jista’ jkun strutturat fi tliet fażijiet filwaqt li jitqiesu l-kriterji msemmija fit-Taqsima III.1. Il-passaġġ mill-Fażi 0 li hija s-sitwazzjoni attwali bħalissa għall-istadji ta’ wara jenħtieġ li jsir b’mod flessibbli, u jekk ikun meħtieġ jittieħed pass lura f’każ li s-sitwazzjoni epidemjoloġika tiħżien. F’dan ir-rigward, jenħtieġ li jiġu stabbiliti pjanijiet adegwati ta’ tħejjija biex il-miżuri jkunu jistgħu jiġu introdotti mill-ġdid malajr jew jitneħħew qabel mistenni fid-dawl tas-sitwazzjoni epidemjoloġika li qed tevolvi.

Meta r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar jitneħħew gradwalment, jista’ jiġi previst li jittieħed kont tal-progress prattiku biex jiġu żgurati t-tbegħid fiżiku jew miżuri ta’ konteniment ekwivalenti fl-aktar oqsma rilevanti għall-ivvjaġġar, b’mod partikolari f’modi ta’ trasport u f’tipi ta’ akkomodazzjoni differenti. Il-Linji Gwida dwar ir-ritorn progressiv tas-servizzi tat-trasport u l-konnettività u dawk għall-protokolli tas-saħħa fl-istabbilimenti tal-ospitalità, adottati mill-Kummissjoni flimkien ma’ din il-Komunikazzjoni (19), jipprovdu elementi konkreti għall-awtoritajiet kompetenti jew għall-korpi industrijali biex jispeċifikaw ulterjorment il-miżuri li jippermettu livelli ekwivalenti ta’ protezzjoni, b’mod partikolari, fis-setturi tat-trasport u tat-turiżmu, u għall-operaturi ekonomiċi biex jistabbiluhom. Jenħtieġ li l-implimentazzjoni prattika ta’ dawn il-linji gwida u l-prinċipji jitqiesu fil-proċess ta’ deċiżjoni lejn it-tneħħija tar-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u l-kontrolli fil-fruntieri interni.

Speċifikament fir-rigward tat-turiżmu u tat-trasport, jenħtieġ li t-tneħħija gradwali tar-restrizzjonijiet u l-kontrolli tal-ivvjaġġar tqis ukoll l-impatt ekonomiku u soċjali tal-pandemija u l-miżuri preventivi relatati. Linji gwida (20), protokolli u standards ġodda tal-COVID-19 jistgħu jirrassiguraw li jkun hemm fis-seħħ miżuri azzjonabbli, affordabbli u proporzjonati biex jitnaqqsu r-riskji tal-ivvjaġġar: għal diversi modi ta’ trasport tal-passiġġieri, kiri ta’ karozzi, tbaħħir rikreattiv, diversi tipi ta’ akkomodazzjoni, ospitalità, attrazzjonijiet, wirjiet, eċċ. Ladarba dawn il-protokolli jiġu applikati b’mod effettiv, ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar jistgħu jitneħħew għal dawk il-modi ta’ trasport u xi tipi ta’ attivitajiet turistiċi, bil-ħsieb li jiġi ppjanat vjaġġar għall-btajjel, kif imsemmi fil-Pjan Direzzjonali Konġunt.

—    Il-Fażi 0: Is-sitwazzjoni attwali

Il-pandemija tal-COVID-19 wasslet biex ħafna Stati Membri jimplimentaw miżuri komunitarji estensivi, inkluż il-konfinament u t-tbegħid fiżiku, b’implikazzjonijiet drammatiċi fuq il-movimenti kemm ġol-pajjiż u kemm bejn il-fruntieri. Kważi l-Istati Membri kollha introduċew kontrolli temporanji fil-fruntieri interni bl-għan li jipproteġu s-saħħa pubblika. Barra minn hekk, ġew applikati restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar mhux essenzjali fil-fruntieri esterni tal-Unjoni mill-gwida tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Marzu.

Sabiex jiġu indirizzati l-problemi serji kkawżati mill-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni u r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar, u biex jiġu limitati l-impatti fuq il-funzjonament tas-suq intern, il-Kummissjoni mmobilizzat ir-riżorsi kollha meħtieġa u pprovdiet koordinazzjoni fil-livell tal-UE. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ppreżentat gwida prattika biex tiżgura l-fluss kontinwu ta’ merkanzija vitali madwar l-UE permezz ta’ korsiji ħodor, biex tiffaċilita l-merkanzija bl-ajru u biex tiggarantixxi l-eżerċizzju tal-moviment liberu tal-ħaddiema (21).

F’ħafna partijiet tal-UE, l-okkupazzjonijiet kritiċi jiġu eżerċitati minn persuni li jgħixu fi Stat Membru, iżda jaħdmu f’ieħor. Ir-restrizzjonijiet introdotti mill-Istati Membri b’rabta mal-qsim tal-fruntieri tagħhom għalhekk iwasslu għal diffikultajiet addizzjonali jistgħu jfixklu l-isforzi fil-ġlieda kontra l-kriżi tal-COVID-19. Filwaqt li s-sitwazzjoni fuq il-post tjiebet mill-adozzjoni tal-Linji Gwida dwar l-eżerċizzju tal-moviment liberu tal-ħaddiema, għad hemm problemi sinifikanti għall-qsim ta’ ċerti fruntieri interni. Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jippermettu lill-ħaddiema, b’mod partikolari lill-ħaddiema tat-trasport, tal-fruntiera, il-ħaddiema stazzjonati u staġjonali, u lill-fornituri tas-servizzi biex jaqsmu l-fruntieri u jkollhom aċċess mingħajr xkiel għall-post tax-xogħol tagħhom (22). Jenħtieġ li dan japplika wkoll meta dawn il-ħaddiema u l-fornituri tas-servizzi jgħaddu minn Stat Membru għat-tranżitu biss. Jenħtieġ li l-Istati Membri jikkomunikaw ukoll il-ħtieġa li l-impjegaturi jipprevedu protezzjoni adegwata tas-saħħa u tas-sikurezza.

Il-Kummissjoni qed taħdem mill-qrib mal-Parlament Ewropew u l-Kunsill biex jiffinalizzaw kemm jista’ jkun malajr ir-reviżjoni li għaddejja tar-regoli dwar il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali (ir-Regolamenti KE (Nru) 883/2004 u 987/2009), li jridu jkunu konklużi malajr biex jiġi żgurat li l-ħaddiema mobbli affettwati mill-kriżi u b’mod partikolari mill-għeluq tal-fruntieri jkunu jistgħu jiddependu fuq sistema ta’ koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali li taħdem sew, b’regoli modernizzati li jkomplu jiggarantixxu d-drittijiet tagħhom.

Il-linji gwida tal-Kummissjoni msemmija hawn fuq ipprovdew mitigazzjoni importanti tal-impatt tar-restrizzjonijiet fuq is-Suq Uniku u l-moviment liberu u jenħtieġ li jiġu applikati sakemm jitneħħew il-kontrolli fil-fruntieri interni u r-restrizzjonijiet ġenerali fuq l-ivvjaġġar.

—    Il-Fażi 1: Lejn ir-ritorn tal-libertà tal-moviment bit-tneħħija parzjali tar-restrizzjonijiet u l-kontrolli fil-fruntieri interni

Jenħtieġ li r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u l-kontrolli fuq il-fruntieri jitneħħew gradwalment madwar l-UE kollha jekk l-iżviluppi epidemjoloġiċi madwar l-Ewropa jkomplu x-xejra pożittiva attwali tagħhom, b’mod partikolari meta tintlaħaq rata ta’ trażmissjoni ta’ livell baxx biżżejjed. Jekk dan ma jkunx immedjatament possibbli, jenħtieġ li r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u l-kontrolli fuq il-fruntieri jitneħħew għar-reġjuni, żoni u Stati Membri b’sitwazzjoni epidemjoloġika suffiċjentement simili u li qed tevolvi b’mod pożittiv. F’każ meta s-sitwazzjoni epidemjoloġika tkun inqas simili, jistgħu jiġu applikati salvagwardji u miżuri addizzjonali kif ukoll monitoraġġ.

L-ewwel pass biex dan ikun possibbli jkun li s-sitwazzjoni epidemjoloġika domestika tippermetti r-rilassament tar-restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu domestiku. Għat-trasport transfruntiera, il-gwida li tistipula r-rekwiżiti tas-sikurezza għal modi differenti ta’ trasport xorta tkun iridu ikunu ġew issodisfati kif stabbilit fil-Linji Gwida dwar ir-ritorn progressiv tas-servizzi tat-trasport u l-konnettività u l-monitoraġġ jistgħu jiġu żgurati meta s-sitwazzjoni epidemjoloġika tkun inqas simili. Meta Stat Membru jiddeċiedi li jippermetti l-ivvjaġġar fit-territorju tiegħu jew għal reġjuni u żoni speċifiċi fit-territorju tiegħu, dan jenħtieġ li tagħmlu b’mod mhux diskriminatorju — li jippermetti l-ivvjaġġar mir-reġjuni jew il-pajjiżi kollha fl-UE b’sitwazzjonijiet epidemjoloġiċi simili.

Jekk ikun għadu ma ddeċidiex li jneħħi kompletament il-kontrolli fil-fruntieri interni, hemm ukoll passi li jistgħu jittieħdu biex jinbeda l-proċess tat-tneħħija tar-restrizzjonijiet, bħas-sostituzzjoni tal-kontrolli sistematiċi fil-fruntieri permezz ta’ kontrolli fil-fruntieri abbażi ta’ valutazzjoni tar-riskju jew permezz ta’ miżuri lokali tal-pulizija.

It-tneħħija tar-restrizzjonijiet għall-moviment liberu u l-kontrolli fuq il-fruntiera se jkunu jeħtieġu, fost l-oħrajn, koordinazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri. L-Istati Membri kollha jridu jkunu infurmati qabel kull arranġament ġdid u dejjem irid ikun ċar li kull deċiżjoni selettiva li tillimita l-ivvjaġġar lejn reġjuni speċifiċi jew minnhom fi Stat Membru ssir fuq bażi kompletament oġġettiva: kull restrizzjoni prevista li jifdal jenħtieġ li tkun ibbażata biss fuq kunsiderazzjonijiet ta’ saħħa pubblika u tkun imfassla b’mod proporzjonat u mhux diskriminatorju. B’mod partikolari, meta Stat Membru jiddeċiedi li jneħħi r-restrizzjonijiet tiegħu għall-moviment lejn Stat Membru ieħor u minnu, jew fir-rigward ta’ reġjuni jew żoni ta’ dak l-Istat Membru, dan irid japplika, mingħajr diskriminazzjoni, għaċ-ċittadini kollha tal-UE u għar-residenti kollha ta’ dak l-Istat Membru irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom, u jenħtieġ li dan japplika għall-partijiet kollha tal-Unjoni f’sitwazzjoni epidemjoloġika simili. Jenħtieġ li t-tneħħija tal-kontrolli ma tkunx limitata għall-qrubija ġeografika ta’ Stati Membri ġirien iżda bbażata fuq sitwazzjonijiet epidemjoloġiċi komparabbli u l-implimentazzjoni ta’ gwida relatata mas-saħħa, fir-reġjuni, irrispettivament mill-qrubija tagħhom. Jenħtieġ li jiġi ffaċilitat it-tranżitu bla xkiel kemm għal raġunijiet professjonali kif ukoll għal raġunijiet personali.

Jenħtieġ li jkun possibbli l-ivvjaġġar sikur u bla xkiel għal raġunijiet professjonali, imma dan hu importanti wkoll għal raġunijiet personali, bħal żjarat lill-familja. Il-kriżi għamlet perjodi twal ta’ separazzjoni meħtieġa bejn il-membri tal-familja fi Stati Membri differenti, li ħafna minnhom taw kontributi importanti fil-ġlieda kontra l-virus. Li titħalla issir ir-riunifikazzjoni sikura tal-familji madwar l-Istati Membri b’sitwazzjoni epidemjoloġika simili se jkun importanti biex jiġi onorat dan il-kontribut.

—    Il-Fażi 2: It-tneħħija ġenerali tar-restrizzjonijiet u l-kontrolli fil-fruntieri interni

Din l-aħħar fażi, meta s-sitwazzjoni epidemjoloġika madwar l-UE tkun pożittiva u konverġenti biżżejjed, se tkun tikkonsisti fit-tneħħija tar-restrizzjonijiet u l-kontrolli kollha relatati mal-COVID-19 fil-fruntieri interni, filwaqt li jibqgħu fis-seħħ il-miżuri tas-saħħa meħtieġa (iġjene personali, tbegħid fiżiku, eċċ.) ġot-territorji tal-Istati Membri (jew partijiet minnhom) u ż-żamma ta’ kampanji estensivi ta’ informazzjoni. Jibqa’ l-każ li biex jiġi rritornat kompletament il-moviment liberu tal-persuni, tal-merkanzija u tas-servizzi trid tiġi ssodisfata l-gwida li tistipula r-rekwiżiti tas-sikurezza għall-modi differenti tat-trasport u l-akkomodazzjoni.

IV.   MEKKANIŻMI TA’ KOORDINAZZJONI

Filwaqt li l-Kummissjoni jista’ jkollha rwol ta’ appoġġ u ta’ koordinazzjoni fit-tħejjija tad-deċiżjonijiet biex jitneħħew ir-restrizzjonijiet għall-moviment liberu u l-kontrolli fil-fruntieri interni, l-Istati Membri jivvalutaw is-sitwazzjoni f’pajjiżhom abbażi tal-kriterji indikati hawn fuq u jieħdu d-deċiżjoni dwar it-tneħħija tar-restrizzjonijiet. B’mod simili għad-deċiżjonijiet dwar ir-riintroduzzjoni tal-kontrolli temporanji fil-fruntieri interni, jenħtieġ li d-deċiżjonijiet dwar it-tneħħija tal-kontrolli jittieħdu f’konsultazzjoni mal-Istati Membri l-oħra, b’mod partikolari dawk affettwati direttament.

Sa mill-bidu tat-tifqigħa l-Kummissjoni u l-Istati Membri kienu involuti fi skambju regolari ta’ informazzjoni u prattiki tajba f’varjetà ta’ fora, inkluż fil-livell tekniku permezz tal- “Grupp ta’ Informazzjoni dwar il-COVID-19 — Affarijiet Interni” u fil-livell politiku permezz ta’ laqgħat regolari permezz ta’ vidjokonferenzi msejħa mill-Kummissjoni. Iż-żamma ta’ koordinazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri, ibbażata fuq fiduċja reċiproka u ħidma lejn objettivi komuni, hija tal-akbar importanza u jenħtieġ li tkompli tkun parti mill-approċċ gradwali. Għalhekk, il-Kummissjoni se tkompli tipprovdi dawn il-fora għal skambji bħal dawn bl-għan li tiffaċilita u tħejji t-teħid ta’ deċiżjonijiet rigward it-tneħħija kkoordinata u gradwali tar-restrizzjonijiet tal-moviment liberu u tal-kontrolli fil-fruntieri interni.

Jenħtieġ li, fi strateġija ta' ħruġ, fi skambju ta’ informazzjoni u f’segwitu tax-xogħol tal-Grupp ta’ Informazzjoni dwar il-COVID-19, il-koordinazzjoni tiżdied biex ikun żgurat approċċ immirat u konsistenti għat-tneħħija tar-restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu u l-kontroll tal-fruntieri interni f’konformità mar-regoli u l-prinċipji tal-UE, filwaqt li tkun żgurata l-flessibilità neċessarja għall-pajjiżi involuti.

Sabiex jiġi evitat il-ħolqien ta’ mekkaniżmu jew pjattaforma ta’ koordinazzjoni ġdida, il-Kummissjoni tissuġġerixxi li t-tħejjija ta’ rakkomandazzjonijiet konkreti ssir f’oqfsa eżistenti u li jiffunzjonaw sew. Dan jista’ pereżempju jsir fil-qafas tal-mekkaniżmu ta’ reazzjoni integrata għall-kriżijiet politiċi tal-UE (IPCR), li issa qiegħed kompletament attivat. Il-Kunsill jista’ jintensifika l-koordinazzjoni informali bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni, inkluż għat-tħejjija ta’ rakkomandazzjonijiet immirati. Naturalment, il-Kummissjoni se tkompli taqdi r-rwol istituzzjonali tagħha, inkluż billi tiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni u tal-aħjar prattiki fil-livell tekniku.

V.   KONKLUŻJONI

Din il-Komunikazzjoni tipprovdi triq biex l-Istati Membri jkunu appoġġati fl-isforzi tagħhom biex ineħħu r-restrizzjonijiet għall-moviment liberu u l-kontroll tal-fruntieri interni. Fid-dawl tas-sitwazzjoni dinamika u dejjem tevolvi tal-kriżi pandemika tal-COVID-19, l-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri se jitkompla fil-livell tekniku u se jiġi segwit, meta jkun utli, fil-livell politiku wkoll. Kif ġie enfasizzat fil-Pjan Direzzjonali Konġunt, se jiġi applikat approċċ ikkalibrat bir-reqqa, ikkoordinat u gradwali. Il-Kummissjoni se tkompli tanalizza wkoll il-proporzjonalità tal-miżuri meħuda mill-Istati Membri biex jittrattaw il-pandemija tal-COVID-19 fir-rigward tal-fruntieri interni u esterni u r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u tintervjeni biex titlob it-tneħħija tal-miżuri li jitqiesu sproporzjonati.

Filwaqt li huwa ċar li d-deċiżjoni li tiġi rritornata l-libertà ta’ moviment billi jitneħħew il-kontrolli fil-fruntieri u r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar hija waħda sensittiva ħafna, hija parti essenzjali mit-tneħħija gradwali tar-restrizzjonijiet li qed iħabbtu wiċċhom magħha ċ-ċittadini u n-negozji llum. Il-posponiment ta’ dan il-proċess lil hinn minn dak li hu meħtieġ għal raġunijiet ta’ saħħa pubblika jpoġġi piż kbir mhux biss fuq il-funzjonament tas-Suq Uniku imma wkoll fuq il-ħajja ta’ miljuni ta’ ċittadini tal-UE mċaħħda mill-benefiċċji tal-libertà ta’ moviment li hija kisba ewlenija tal-Unjoni Ewropea. Ir-ritorn tal-funzjonament bla xkiel tas-Suq Uniku huwa rekwiżit ewlieni għall-irkupru tal-ekonomiji tal-UE u b’mod partikolari l-ekosistema importanti tat-turiżmu u t-trasport.

Il-Kummissjoni tinsab lesta biex taħdem flimkien mal-Istati Membri fil-Grupp tal-Affarijiet Interni tal-COVID-19 u r-Reazzjoni Integrata għall-Kriżijiet Politiċi bl-għan li twitti t-triq għal progress fil-fażijiet 1 u 2 hekk kif il-kundizzjonijiet jippermettu, bl-objettiv ġenerali li tiġi rritornata l-integrità taż-żona Schengen u li jerġa’ jkun hemm moviment liberu mingħajr restrizzjonijiet u mingħajr fruntieri ta’ persuni, ħaddiema, merkanzija u servizzi fl-UE.


(1)  Il-Pajjiżi Assoċjati ma’ Schengen huma l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja, u l-Iżvizzera.

(2)  Kif iddikjarat fil-punt 18 tal-Linji Gwida tal-Kummissjoni C(2020) 1753 tas-16 ta’ Marzu 2020, l-Istati Membri jistgħu jintroduċu mill-ġdid kontrolli temporanji fil-fruntieri interni jekk ikunu ġġustifikati għal raġunijiet ta’ politika pubblika jew sigurtà interna. F’sitwazzjoni estremament kritika, Stat Membru jista’ jidentifika ħtieġa għall-introduzzjoni mill-ġdid ta’ kontrolli fil-fruntieri bħala reazzjoni għar-riskju li jirriżulta minn marda kuntaġġuża. L-Istati Membri jridu jinnotifikaw l-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntiera skont il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen.

(3)  COM(2020) 115 final.

(4)  COM(2020 148 final.

(5)  COM(2020) 222.

(6)  Gwida dwar l-implimentazzjoni tar-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE, dwar il-faċilitazzjoni tal-arranġamenti ta’ tranżitu għar-ripatrijazzjoni taċ-ċittadini tal-UE, u dwar l-effetti fuq il-politika dwar il-viżi, C(2020) 2050, it-30 ta’ Marzu 2020.

(7)  COM(2020) 315 final.

(8)  Iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC), f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, se jżomm mappa bid-data epidemjoloġika aġġornata regolarment fil-livell reġjonali.

(9)  Linji Gwida rigward l-eżerċitar tal-moviment liberu tal-ħaddiema, adottati mill-Kummissjoni fit-30 ta’ Marzu 2020: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/?uri=CELEX:52020XC0330(03)

(10)  Pereżempju ħaddiema tal-fruntiera u staġjonali.

(11)  https://qap.ecdc.europa.eu/public/extensions/COVID-19/COVID-19.html

(12)  Ara https://ec.europa.eu/home-affairs/what-we-do/policies/borders-and-visas/schengen/reintroduction-border-control_en

(13)  C(2020) 3139 u C(2020) 3251.

(14)  https://www.ecdc.europa.eu/en/covid-19-contact-tracing-public-health-management.

(15)  C(2020) 2523 final 16.4.2020.

(16)  Il-Protokoll dwar il-prinċipji tal-interoperabbiltà għall-apps għat-traċċar tal-kuntatti volontarji, it-13 ta’ Mejju 2020.

(17)  Dawn jenħtieġ li jinkludu: informazzjoni ripetuta u kontinwa lill-pubbliku, pariri lill-persuni bis-sintomi rigward l-iżolament u kuntatt mas-servizzi tas-saħħa; l-iġjene tal-idejn; etiquette respiratorja; tbegħid fiżiku bejn in-nies; l-ilbies tal-maskri, li jista’ jitqies bħala mezz ta’ kontroll tas-sors (jiġifieri biex jiġi evitat it-tixrid ta’ qtar minn nies infettati bis-sintomi jew mingħajrhom).

(18)  Valutazzjoni tar-Riskju tal-ECDC.

(19)  C(2020) 3139 u C(2020) 3251.

(20)  C(2020) 3139.

(21)  Għal ħarsa ġenerali lejn il-linji gwida kollha, ara https://ec.europa.eu/info/live-work-travel-eu/health/coronavirus-response/travel-and-transportation-during-coronavirus-pandemic_mt

(22)  Għal lista mhux eżawrjenti ta’ liema okkupazzjonijiet jistgħu jkunu kritiċi, ara l-Premessa 2 tal- Linji Gwida rigward l-eżerċitar tal-moviment liberu tal-ħaddiema”, adottati mill-Kummissjoni fit-30 ta’ Marzu 2020: https://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/?uri=CELEX:52020XC0330(03)