15.5.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 169/17


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

Linji gwida dwar ir-restawr progressiv tas-servizzi tat-trasport u tal-konnettività — COVID-19

(2020/C 169/02)

I.   Introduzzjoni

1.

It-tifqigħa tal-COVID-19 qed ikollha impatt kbir fuq it-trasport u fuq il-konnettività fl-UE. Il-miżuri għall-konteniment tat-tifqigħa rriżultaw fi tnaqqis drastiku fl-attività tat-trasport, speċjalment fit-trasport tal-passiġġieri (1). Il-flussi tal-merkanzija ntlaqtu inqas, parzjalment minħabba l-isforzi kollettivi tal-UE biex jiġi żgurat li l-merkanzija tibqa’ miexja, minkejja li kien hemm servizz ridott minħabba tnaqqis fl-attività ekonomika u interruzzjonijiet fil-ktajjen tal-provvista.

2.

Il-Kummissjoni ħarġet linji gwida dwar ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar mhux essenzjali (2) u pproponiet miżuri speċifikament għat-trasport, inklużi linji gwida għal miżuri ta’ ġestjoni tal-fruntieri (3), dwar l-implimentazzjoni tal-Korsiji Ħodor għat-trasport tal-merkanzija (4), dwar il-faċilitazzjoni ta’ operazzjonijiet tat-trasport bl-ajru tal-merkanzija (5), kif ukoll dwar il-baħħara, il-passiġġieri u persuni oħra abbord il-bastimenti (6). Il-Kummissjoni offriet gwida dwar kif jistgħu jiġu protetti bl-aħjar mod il-ħaddiema tat-trasport u l-passiġġieri, filwaqt li l-merkanzija tibqa’ miexja.

3.

Sakemm jibqgħu fis-seħħ ir-restrizzjonijiet fuq il-moviment tal-persuni u l-flussi tal-merkanzija jistgħu jibqgħu jintlaqtu, dawn il-miżuri u r-rakkomandazzjonijiet dwar il-moviment tal-merkanzija, dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema f’okkupazzjonijiet kritiċi (7), it-tranżitu u r-ripatrijazzjoni tal-passiġġieri u tal-ekwipaġġi jenħtieġ li jibqgħu jiġu applikati b’mod konsistenti u kkoordinat mill-Istati Membri kollha. Jenħtieġ li l-Istati Membri jibqgħu jużaw network ta’ punti ta’ kuntatt nazzjonali għat-trasport għar-rispons tal-COVID-19 ikkoordinat mill-Kummissjoni.

4.

Hekk kif is-sitwazzjoni tas-saħħa pubblika tibda titjieb, se jkun importanti li s-servizzi tat-trasport u l-konnettività jiġu rrestawrati progressivament fil-limiti permessi mill-kundizzjonijiet epidemjoloġiċi, peress li huma faċilitaturi ċentrali tal-UE u tal-ekonomija globali, u partijiet fundamentali tal-ħajjiet ta’ kuljum taċ-ċittadini tal-UE.

5.

Fil-15 ta’ April 2020, il-Kummissjoni Ewropea, f’kooperazzjoni mal-President tal-Kunsill Ewropew, ippreżentat Pjan Direzzjonali Ewropew Konġunt (8) li jistabbilixxi rakkomandazzjonijiet dwar it-tneħħija tal-miżuri ta' konteniment tal-COVID-19. Il-Pjan Direzzjonali Ewropew Konġunt ħabbar li l-Kummissjoni kienet se “tressaq ukoll gwida aktar dettaljata dwar kif jistgħu jiġu rrestawrati progressivament is-servizzi tat-trasport, il-konnettività u l-moviment liberu malajr kemm jista’ jkun, skont kemm tkun tippermetti s-sitwazzjoni tas-saħħa, anke fid-dawl tal-ippjanar tal-ivvjaġġar għall-vaganzi tas-sajf”.

6.

Is-saħħa taċ-ċittadini, inklużi l-ħaddiema tat-trasport u l-passiġġieri, tibqa’ l-prijorità ewlenija. Jenħtieġ li jitqiesu b’mod partikolari il-popolazzjonijiet vulnerabbli, bħalma huma l-anzjani u dawk b’kundizzjonijiet mediċi sottostanti, b’rispett sħiħ għall-privatezza tagħhom. Jenħtieġ għalhekk li t-tnaqqis tar-restrizzjonijiet tal-ivvjaġġar u dawk operazzjonali jkun gradwali biex tiġi mħarsa s-saħħa u biex jiġi żgurat li s-sistemi u s-servizzi tat-trasport, u sistemi oħra relatati (eż. il-kontrolli fuq il-fruntieri esterni), ikunu jistgħu jaġġustaw mill-ġdid għall-volumi akbar ta’ merkanzija u ta’ passiġġieri. Dan jenħtieġ li jiġi akkumpanjat minn kampanji ta’ komunikazzjoni aġġornati kontinwament biex jiġi żgurat li l-persuni li jivvjaġġaw ikunu jistgħu jippjanaw u jaġixxu fuq il-bażi ta’ għarfien sħiħ dwar is-sitwazzjoni, u għalhekk dwar ir-responsabbiltà individwali tagħhom biex isegwu r-rakkomandazzjonijiet dwar is-saħħa meta jkunu qed jivvjaġġaw.

7.

Ir-restawr progressiv tas-servizzi tat-trasport u l-konnettività se jiddependi kompletament fuq l-approċċ għar-restrizzjonijiet tal-ivvjaġġar, fuq il-valutazzjonijiet epidemjoloġiċi, kif ukoll fuq il-parir mediku espert fir-rigward tal-protezzjoni u tal-prekawzjonijiet neċessarji tas-saħħa u dawk sanitarji. Dawn il-linji gwida tal-UE għar-restawr tas-servizzi tat-trasport u tal-konnettività għalhekk huma mingħajr preġudizzju għal dawn il-politiki u jenħtieġ li jibqgħu kompletament allinjati u konsistenti magħhom filwaqt li jiġu implimentati fil-qafas tal-Pjan Direzzjonali Ewropew Konġunt.

8.

Huma jipprovdu qafas komuni ta’ appoġġ għall-awtoritajiet, għall-partijiet ikkonċernati, għas-sħab soċjali u għan-negozji li joperaw fis-settur tat-trasport matul l-istabbiliment mill-ġdid gradwali tal-konnettività. Il-linji gwida jikkonsistu fi prinċipji ġenerali applikabbli għas-servizzi kollha tat-trasport kif ukoll f’rakkomandazzjonijiet speċifiċi ddisinjati biex jindirizzaw il-karatteristiċi ta’ kull mod tat-trasport filwaqt li jkunu realistiċi u prattiċi. Jimmiraw li jipprovdu aktar gwida dwar kif jistgħu jiġu rrestawrati progressivament is-servizzi tat-trasport, il-konnettività u l-moviment liberu malajr kemm tippermetti s-sitwazzjoni tas-saħħa, filwaqt li tiġi mħarsa s-saħħa tal-ħaddiema tat-trasport u l-passiġġieri. Jenħtieġ li jiġu applikati għat-trasport kemm fl-Istati Membri kif ukoll bejniethom. Madankollu, jekk inqisu n-natura transfruntiera tat-trasport, dawn il-linji gwida jenħtieġ li jiġu applikati b’mod adegwat għas-servizzi tat-trasport mhux biss bejn l-Istati Membri iżda wkoll għall-pajjiżi mhux tal-UE, malli s-sitwazzjoni epidemjoloġika tippermetti.

9.

It-tifqigħa tal-COVID-19 laqtet lill-UE kollha kemm hi, iżda l-impatti nħassu b’mod differenti fi Stati Membri, reġjuni u żoni differenti. Biex tiġi rrestawrata l-konnettività madwar l-UE b’mod sikur għall-persuni kollha involuti, u biex tiġi rrestawrata l-kunfidenza tal-pubbliku fis-servizzi tat-trasport, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-UE wkoll se jeħtiġilhom jikkooperaw. Ambjent tal-ivvjaġġar kompletament ħieles mir-riskji mhuwiex fattibbli, kif inhu l-każ għal kwalunkwe attività oħra, iżda r-riskji jenħtieġ li jkunu minimizzati kemm jista’ jkun, sakemm tintemm it-tifqigħa. Sakemm jiġi żviluppat vaċċin u dan isir disponibbli b’mod ġenerali, tibqa’ teżisti l-possibbiltà tat-tieni mewġa ta’ infezzjonijiet jew ta’ konċentrazzjonijiet tat-tifqigħa. Għaldaqstant, jenħtieġ li jiġu stabbiliti pjanijiet xierqa għall-introduzzjoni mill-ġdid eventwali ta’ miżuri, f’każ li dawn ikunu meħtieġa.

10.

Minħabba n-natura globali tat-tifqigħa tal-COVID-19 u n-natura internazzjonali tas-servizzi tat-trasport, qafas għall-aċċettazzjoni reċiproka tas-sitwazzjoni tas-saħħa pubblika u tal-miżuri fis-seħħ bejn il-pajjiżi, ir-reġjuni u ż-żoni, inkluż bejn l-Istati Membri u bejn l-UE u pajjiżi terzi, huwa indispensabbli għar-restawr gradwali, f’waqtu u sikur tas-sistemi tat-trasport Ewropej u wkoll dawk globali. F’dan il-kuntest, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti fl-UE jikkooperaw kemm jista’ jkun ma’ pajjiżi terzi u mal-organizzazzjonijiet internazzjonali settorjali (9). Il-miżuri għalhekk se jkun jeħtiġilhom, kemm jista’ jkun, ikunu allinjati fir-rigward tal-objettivi u tal-effetti tagħhom, u jiġu aċċettati bħala ekwivalenti.

11.

Kif issemma fil-Pjan Direzzjonali Ewropew Konġunt, dawn il-linji gwida huma rilevanti wkoll fid-dawl tal-istaġun tal-vaganzi tas-sajf u tal-ippjanar ta’ arranġamenti tal-ivvjaġġar assoċjati magħhom. It-turiżmu huwa settur importanti fl-ekonomija tal-UE, huwa marbut b’mod inerenti mat-trasport u mal-ivvjaġġar u jistrieħ fuq id-disponibbiltà ta’ servizzi tat-trasport tal-passiġġieri bħala prekundizzjoni u faċilitatur fundamentali tat-turiżmu. Għaldaqstant, ir-restawr f’waqtu ta’ konnettività adegwata se jkun kruċjali għar-restawr gradwali tat-turiżmu.

II.   Prinċipji għar-restawr sikur u gradwali tat-trasport tal-passiġġieri

a)   Prinċipji ġenerali għar-restawr tal-konnettività

12.

Il-modi kollha tas-servizzi tat-trasport jenħtieġ li jerġgħu jibdew b’mod progressiv u bħala kwistjoni ta’ prijorità, soġġett għall-implimentazzjoni effettiva ta’ miżuri proporzjonati u effikaċi biex titħares is-saħħa tal-ħaddiema tat-trasport u tal-passiġġieri. Jenħtieġ li dawn il-miżuri jkunu allinjati mal-kriterji, mal-prinċipji u mar-rakkomandazzjonijiet ġenerali stabbiliti fil-Pjan Direzzjonali Ewropew, b’mod partikolari fir-rigward tas-sitwazzjoni epidemjoloġika u tal-politiki dwar il-kontrolli fil-fruntieri u r-restrizzjonijiet fuq il-moviment u fuq l-ivvjaġġar.

13.

Għaldaqstant, il-miżuri li jistgħu jirrestrinġu l-operazzjonijiet tat-trasport, kif ukoll il-miżuri ta’ protezzjoni u ta’ prevenzjoni marbuta mas-saħħa, jenħtieġ li jibqgħu limitati, fil-kamp ta’ applikazzjoni u fid-durata tagħhom, għal dak li huwa meħtieġ biex tiġi mħarsa s-saħħa pubblika. Minbarra li jkunu proporzjonati, il-miżuri kollha jenħtieġ li jkunu wkoll debitament motivati, trasparenti, rilevanti u speċifiċi għall-mod tat-trasport, nondiskriminatorji u jżommu kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni fis-Suq Uniku. L-Istati Membri se jkollhom jiżguraw il-konformità ta’ dawn il-miżuri mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat u mal-elementi l-oħra kollha tad-dritt tal-UE.

14.

Jenħtieġ li l-miżuri jiġu mmonitorjati kontinwament biex ikunu jistgħu, jekk xieraq, jiġu evalwati mill-ġdid u aġġustati, fid-dawl tal-għarfien espert u tal-konsiderazzjonijiet kollha rilevanti, biex jibqgħu proporzjonati għal-livell attwali tal-ħtiġijiet tas-saħħa pubblika. Hekk kif isiru disponibbli soluzzjonijiet ġodda u aktar effiċjenti, l-implimentazzjoni tagħhom jenħtieġ li tiġi prijoritizzata biex miżuri inqas effiċjenti jew aktar onerużi jkunu jistgħu jitwarrbu. Il-prinċipju tal-kosteffettività jenħtieġ li jiġi rispettat. Dan jimplika li jekk ikun hemm diversi għażliet disponibbli biex jinkisbu effetti komparabbli f’termini tal-ħarsien tas-saħħa tal-ħaddiema tat-trasport u tal-passiġġieri, jenħtieġ li tiġi ppreferuta l-għażla li tinvolvi l-inqas kostijiet.

15.

Biex jiġu mħarsa u rrestawrati l-funzjonament sħiħ tas-Suq Uniku, il-forniment transfruntier tas-servizzi tat-trasport, l-effettività sħiħa tal-miżuri marbuta mas-saħħa u l-kunfidenza tal-pubbliku, jenħtieġ li l-Istati Membri jieħdu azzjoni b’mod koordinat u kooperattiv. Jenħtieġ li l-Istati Membri jibbażaw id-deċiżjonijiet dwar it-tneħħija tar-restrizzjonijiet marbuta mal-COVID-19 fuq il-linji gwida tal-Kummissjoni dwar il-fruntieri interni tat-13 ta’ Mejju 2020 (10). Jenħtieġ li l-Kummissjoni u l-Istati Membri kollha jiġu nnotifikati dwarhom. Il-Kummissjoni hija lesta tikkoordina t-tneħħija tar-restrizzjonijiet u r-restawr tas-servizzi tat-trasport permezz tan-netwerk ta’ punti ta’ kuntatt nazzjonali.

16.

Dan jeżiġi wkoll approċċ ikkoordinat mal-pajjiżi ġirien tal-UE u anke dawk lil hinn minnhom. Il-kanali għall-koordinazzjoni diġà ġew estiżi, pereżempju fil-Balkani tal-Punent, għall-awtoritajiet nazzjonali li qegħdin jaħdmu mill-qrib man-network ta’ punti ta’ kuntatt nazzjonali għat-trasport tal-UE. L-objettiv komuni huwa li tiġi żgurata l-provvista tas-servizzi tat-trasport u tal-konnettività.

17.

F’konformità mal-prinċipji msemmija hawn fuq li l-miżuri jenħtieġ li jkunu proporzjonati u speċifiċi għall-mod, jenħtieġ li jiġu identifikati alternattivi sikuri tal-mobilità minflok miżuri projbittivi ġenerali li jwasslu għall-paraliżi tas-servizzi tat-trasport fl-UE. Eżempju jista’ jkun it-tindif u d-diżinfezzjoni intensifikati u regolari kif ukoll il-ventilazzjoni xierqa tal-hubs tat-trasport u tal-vetturi (11), minflok projbizzjonijiet totali fuq is-servizzi rilevanti tat-trasport. Dan l-approċċ mistenni jippermetti l-immirar tal-isforzi fuq sorsi ta’ riskju filwaqt li jippermetti r-ritorn gradwali tal-attivitajiet ekonomiċi u kwotidjani regolari. Il-kooperazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet tas-saħħa u tat-trasport kif ukoll mal-partijiet ikkonċernati ewlenin se tkun kruċjali f'dan ir-rigward.

18.

It-trasport tal-merkanzija jenħtieġ li jibqa’ jiġi ssalvagwardjat biex niżguraw li l-ktajjen tal-provvista jkunu funzjonali. Il-Pjan Direzzjonali Ewropew Konġunt indika li “fil-fażi tranżitorja, jenħtieġ li jissaħħu l-isforzi biex jinżamm fluss ta’ merkanzija mhux ostakolat u biex jiġu żgurati l-ktajjen ta’ provvista”. Huma u jibdew mill-massimu attwali ta’ 15-il minuta għall-qsim tal-fruntieri b’“korsiji ħodor”, il-kontrolli mwettqa jenħtieġ li jitnaqqsu gradwalment b’mod koordinat, permezz ta’ kanali ta’ koordinazzjoni stabbiliti bħalma huma l-punti ta’ kuntatt nazzjonali għat-trasport għall-COVID-19 u l-Arranġamenti Integrati tal-UE għal Rispons Politiku f'Sitwazzjonijiet ta' Kriżi (IPCR), biex sa fl-aħħar il-qsim tal-fruntieri interni jitħalla jerġa’ lura għal li kien qabel ma ddaħħlu r-restrizzjonijiet marbuta mal-COVID-19 għall-vetturi kollha tal-merkanzija u wkoll għall-merkanzija stess. Hekk kif it-traffiku jerġa’ jiżdied, ir-rwol tal-hubs multimodali, bħalma huma l-portijiet jew it-terminals tal-containers, fl-appoġġ għall-korsiji ħodor, jistħoqqlu attenzjoni speċjali. Biex niggarantixxu l-funzjonament tal-ktajjen tal-provvista, jenħtieġ li jsir l-aħjar użu possibbli tal-modi kollha tat-trasport, inklużi l-passaġġi fuq l-ilma interni u t-trasport tal-merkanzija bil-ferrovija. Jeħtieġ li jiġi żgurat il-moviment liberu u mhux ostakolat tal-ħaddiema essenzjali tat-trasport, u għal dak l-għan, jenħtieġ li jitqies l-aċċess għall-korsiji rapidi fil-hubs tat-trasport. Matul it-tranżizzjoni gradwali, u skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-awtoritajiet tas-saħħa pubblika, jenħtieġ li jitnaqqsu gradwalment l-kontrolli tas-saħħa, jitneħħew il-kwarantini sistematiċi (jiġifieri applikati irrispettivament mis-sintomi murija jew kwalunkwe riżultati tat-testijiet), jitwaqqfu l-konvoys, il-projbizzjonijiet fuq is-sewqan jistgħu jerġgħu jiddaħħlu jekk il-fluwidità tat-traffiku tippermetti, u derogi oħra mir-regoli dwar il-ħinijiet tas-sewqan u tal-mistrieħ wara tmiem Mejju 2020 jenħtieġ li jsiru aktar armonizzati u limitati għal dak li huwa strettament neċessarju biex gradwalment jerġgħu jiddaħħlu r-regoli tal-UE uniformi u faċilment infurzabbli.

19.

Malli s-sitwazzjoni tas-saħħa pubblika tippermetti, jenħtieġ li r-restrizzjonijiet fuq it-trasport individwali (eż. karozzi, muturi jew roti) jitneħħew. L-illaxkar tar-restrizzjonijiet jippermetti t-tkomplija bikrija tal-mobilità, speċjalment fil-livell lokali u dak reġjonali (eż. in-nies jitħallew jivvjaġġaw aktar ’il bogħod u aktar malajr fil-livell lokali jew ġewwa Stat Membru). It-tneħħija ta’ dawn ir-restrizzjonijiet biex jiġi ffaċilitat it-trasport individwalizzat jenħtieġ li tibqa’ allinjata mal-miżuri ġenerali għat-tbegħid u mal-miżuri tal-prevenzjoni meħtieġa jew rakkomandati minn kull Stat Membru.

20.

Fl-istess ħin, id-disponibbiltà ta’ alternattivi ta’ trasport kollettiv sikur jenħtieġ li tiżdied, f’konformità mad-dekonfinament gradwali biex iċ-ċittadini kollha jiġu pprovduti b’alternattivi tal-mobilità. Dan jenħtieġ li jitwettaq u jiġi kkomunikat b’mod li jgħin ir-restawr tal-fiduċja u tal-kunfidenza tal-passiġġieri fl-użu sikur tat-trasport kollettiv.

21.

Jenħtieġ li niżguraw li l-operaturi tat-trasport u l-provdituri tas-servizzi li jipprovdu servizzi ekwivalenti għall-istess rotta jkunu soġġetti għal miżuri ekwivalenti. L-objettiv jenħtieġ li jiġi pprovdut l-istess livell ta’ sikurezza, ta’ ċarezza u ta’ prevedibbiltà lill-passiġġieri, li tiġi evitata d-diskriminazzjoni u li jiġu ppreservati kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni.

22.

Biex jiġi żgurat li l-miżuri fit-tluq u dawk fil-wasla bi kwalunkwe mod tat-trasport ikunu komparabbli, u b’hekk jiġi evitat li l-ivvjaġġar la jsir diffiċli wisq jew tabilħaqq impossibbli, huwa kruċjali li jiġi żgurat li miżuri ekwivalenti, li jkunu bbażati fuq prinċipji kondiviżi u li kollha jimmitigaw b’mod adegwat ir-riskji rilevanti tas-saħħa, jkunu aċċettati b’mod reċiproku fil-punt tat-tluq u fil-punt tal-wasla. Il-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri u ma’ pajjiżi mhux tal-UE mistennija tiffaċilita dan.

23.

Biex jiġi ffaċilitat l-ippjanar tal-ivvjaġġar b’mod aktar infurmat, l-operaturi tat-trasport u l-fornituri tas-servizzi jistgħu iqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku informazzjoni dwar ir-rati medji ta’ okkupanza għal konnessjonijiet jew orarji partikolari. Dan se jkun partikolarment importanti għal servizzi mingħajr riżervazzjonijiet tas-sits u għat-trasport pubbliku lokali. Tali informazzjoni tista’ ssir disponibbli online jew permezz ta’ applikazzjonijiet mobbli ddedikati.

24.

Il-mobilità urbana diġà qed terġa’ tiġi mfassla f’diversi Stati Membri, reġjuni u bliet, bħal pereżempju l-estensjoni tal-bankini u tal-mogħdijiet għaċ-ċiklisti, l-adattament tal-iskedi u l-iżvilupp ta’ teknoloġiji innovattivi għall-ġestjoni tal-flussi tal-passiġġieri u l-evitar tal-folol. Il-Kummissjoni tħeġġeġ u tappoġġa l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet u miżuri ġodda għall-mobilità urbana biex tiġi ffaċilitata mobilità attiva, kollettiva u kondiviża b’mod sikur u wkoll biex il-fiduċja fost iċ-ċittadini tiġi żgurata.

25.

Fejn meħtieġ, jenħtieġ li japplikaw regoli ċari dwar id-drittijiet u d-dmirijiet tal-operaturi tat-trasport u tal-provdituri tas-servizzi, eż. jekk l-operaturi jkunu responsabbli biex jiżguraw it-tbegħid jew ir-rifjut tal-aċċess għal hub tat-trasport jew għal vettura lil min ma jkunx liebes maskra jew jekk ċertu għadd ta’ passiġġieri jkun inqabeż, il-qafas legali li jagħtihom l-awtorità biex idaħħlu fis-seħħ dawn il-miżuri jenħtieġ li jiġu definiti b’mod ċar.

b)   Protezzjoni tal-ħaddiema tat-trasport

26.

Matul il-kriżi, il-ħaddiema tat-trasport fil-modi kollha kellhom rwol kritiku fit-twassil tal-merkanzija, fl-appoġġar tal-funzjonament tal-ktajjen tal-provvista, fir-ripatrijazzjoni taċ-ċittadini tal-UE u fit-trasport tal-ħaddiema essenzjali lejn il-postijiet tax-xogħol tagħhom, anke f’kundizzjonijiet ta’ riskju ogħla għal saħħithom u għall-benesseri tagħhom. Il-hubs tat-trasport, il-provdituri tas-servizzi u l-operaturi jenħtieġ li japplikaw il-prinċipji tal-kontinwità tal-operat biex jiżguraw operazzjonijiet sikuri kontinwi f’konsultazzjoni mas-sħab soċjali. Dan ifisser ukoll li l-ħaddiema tat-trasport jenħtieġ li jiġu kkonsultati, attrezzati, imħarrġa u mogħtija struzzjonijiet b’mod adegwat dwar kif iwettqu dmirijiethom filwaqt li jimminimizzaw ir-riskji għal saħħithom, dik tal-familji u l-kollegi tagħhom kif ukoll saħħet il-passiġġieri. Jenħtieġ li dan jinkludi, pereżempju, informazzjoni dwar kif jintuża b’mod adegwat it-tagħmir protettiv, tinżamm l-iġjene, jitnaqqas kemm jista’ jkun il-kuntatt bla bżonn mal-oħrajn, u wkoll, kemm jista’ jkun, kif jiġu identifikati infezzjonijiet potenzjali.

27.

Il-ħaddiema tat-trasport li jeħtiġilhom ukoll, minħabba n-natura ta’ xogħolhom, li jkollhom livell għoli ta’ interazzjoni mal-oħrajn (eż. ekwipaġġi tal-ajru, persunal tal-ispezzjonijiet tas-sigurtà u tas-sikurezza fl-ajruporti u fil-portijiet, kontrolluri tal-biljetti, xufiera tal-karozzi tal-linja u tal-vannijiet, ekwipaġġi tal-vapuri tal-passiġġieri, bdoti marittimi, persunal li jipprovdi l-għajnuna lill-passiġġieri, inklużi persuni b’diżabilità u b’mobilità mnaqqsa) jenħtieġ li jkunu attrezzati b’livell xieraq ta’ tagħmir protettiv personali (PPE) mill-impjegaturi tagħhom kif ikompli jiġi dettaljat hawn taħt. Jenħtieġ li jiġi żgurat it-tibdil regolari, kif ukoll ir-rimi sikur, ta’ dan it-tagħmir, kif meħtieġ. Il-gwida ġenerali għal min iħaddem dwar ir-ritorn lejn il-postijiet tax-xogħol wara l-COVID-19 ġiet ippubblikata mill-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol u tinkludi informazzjoni utli dwar setturi speċifiċi, fosthom is-settur tat-trasport (12).

c)   Protezzjoni tal-passiġġieri

28.

Għall-forom kollha ta’ trasport kollettiv tal-passiġġieri, jenħtieġ li jittieħdu miżuri raġonevoli biex jiġi limitat il-kuntatt bejn il-ħaddiema tat-trasport u l-passiġġieri, kif ukoll bejn il-passiġġieri. Fejn ikun fattibbli, jenħtieġ li jiġu applikati l-prattiki tat-tbegħid bejn il-passiġġieri sakemm is-sitwazzjoni globali tas-saħħa tkun tesiġi dan. Jenħtieġ li jiġu applikati wkoll miżuri oħra li jnaqqsu r-riskju tal-infezzjonijiet, bħalma huma:

a.

L-użu tat-tagħmir protettiv personali (maskri, ingwanti, eċċ) mill-ħaddiema tat-trasport.

b.

It-tnaqqis, fejn ikun fattibbli, tad-densità tal-passiġġieri f’mezzi tat-trasport kollettiv u fiż-żoni ta’ stennija (l-operar ta’ servizzi bħal dawn b’kapaċità mnaqqsa jista’ jiġi appoġġat b’mod adegwat biex tinżamm il-vijabbiltà, eż. permezz ta’ obbligi temporanji ta’ servizz pubbliku f’konformità mar-regoli tal-UE applikabbli (13)).

c.

Iż-żamma jew iż-żieda ta’ barrieri protettivi fil-hubs u fil-vetturi (eż. madwar ix-xufiera, fl-istands tal-biljetti jew il-kontrolli).

d.

L-istabbiliment ta’ korsiji apposta jew is-separazzjoni b’xi mod ieħor tal-flussi ta’ passiġġieri differenti fil-hubs tat-trasport (jiġifieri portijiet, ajruporti, stazzjonijiet ferrovjarji, waqfiet tal-karozzi tal-linja, terminals tad-dgħajjes, hubs tat-trasport pubbliku urban, eċċ).

e.

Jenħtieġ li l-hubs ineħħu l-faċilitajiet li jinkoraġġixxu l-iffullar (eż. bankijiet u mwejjed) jew, tal-anqas, jispazjawhom b’tali mod li jiżguraw tbegħid adegwat.

f.

It-turija b’mod ċar ta’ informazzjoni aċċessibbli dwar l-imġiba rakkomandata (eż. ħasil jew sanitazzjoni frekwenti tal-idejn, żamma ta’ distanza adegwata) u dwar il-miżuri speċifiċi fis-seħħ f’dak il-hub tat-trasport jew mod tat-trasport partikolari.

g.

Miżuri adegwati għall-imbarkazzjoni u fil-kontrolli tas-sigurtà (eż. il-passiġġieri ma jitħallewx jitilgħu jew jinżlu mill-karozzi tal-linja mill-bieb ta’ quddiem, ftuħ tal-bibien ma’ kull waqfa, disinfezzjoni tat-trejs) u miżuri oħra li jgħinu biex jiġi minimizzat il-kuntatt (eż. fuq rotot qosra tal-ferries, il-passiġġieri jibqgħu fil-karozza jew fit-trakk, jekk is-sikurezza ġenerali tista’ tiġi żgurata tajjeb biżżejjed).

h.

It-trasport ta’ persuni b’diżabilità u b’mobilità mnaqqsa, kif ukoll ta’ persuni anzjani jenħtieġ li jingħata prijorità. Il-ħaddiema tat-trasport li, f’konformità mar-regoli tal-UE dwar id-drittijiet tal-passiġġieri, jipprovdu assistenza lil persuni b’diżabilità u b’mobilità mnaqqsa kif ukoll lil persuni anzjani, jenħtieġ li jiġu pprovduti bit-tagħmir protettiv personali neċessarju.

29.

Jenħtieġ li l-passiġġieri jilbsu l-maskri tal-wiċċ fil-hubs tat-trasport u fil-vetturi użati għat-trasport kollettiv, speċjalment meta l-miżuri tat-tbegħid fiżiku ma jistgħu jiġu osservati f’kull ħin (14). Jenħtieġ li materjal ta’ informazzjoni dwar l-imġiba sikura (iż-żamma tad-distanza, it-tindif tal-idejn, eċċ.) jintwera b’mod prominenti u jkun aċċessibbli għall-passiġġieri. Il-protokolli għall-ġestjoni tal-infezzjonijiet potenzjali f’dawn il-faċilitajiet jenħtieġ li jiġu stabbiliti u kkomunikati b’mod ċar lill-ħaddiema tat-trasport u jkunu faċilment disponibbli għall-passiġġieri.

30.

Meta jkun aktar diffiċli li jiġi żgurat it-tbegħid soċjali, jenħtieġ li jiddaħħlu salvagwardji u miżuri addizzjonali li jwasslu għal livelli ekwivalenti ta’ protezzjoni. Barra minn hekk, fil-każ li jeżistu alternattivi differenti biex tintlaħaq destinazzjoni, jenħtieġ li tingħata preferenza lil dawk l-alternattivi fejn it-tbegħid fiżiku jista’ jiġi żgurat b’mod adegwat, f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-awtoritajiet tas-saħħa pubblika.

31.

Jenħtieġ li tingħata prijorità lit-tnaqqis tar-riskju tal-infezzjonijiet fil-hubs tat-trasport u l-vetturi fil-modi kollha. Jenħtieġ li jiġu implimentati t-tindif u d-diżinfezzjoni regolari u intensifikati tal-hubs kollha tat-trasport kif ukoll tal-vetturi għall-modi kollha tat-trasport. Jenħtieġ li tiġi żgurata d-disponibbiltà tal-ġell tas-sanitazzjoni/diżinfettant fil-hubs tat-trasport u fil-vetturi.

32.

Jenħtieġ li fil-hubs tat-trasport jiġu pprovduti l-faċilitajiet u jkunu implimentati l-protokolli biex il-persuni suspettati li huma infettati bil-COVID-19 jiġu iżolati immedjatament sakemm ikunu jistgħu jittieħdu miżuri xierqa ulterjuri. Għal dan l-għan, jenħtieġ li jiġu stabbiliti żoni sikuri apposta, u jenħtieġ li jiġi żgurat persunal imħarreġ dedikat b’tagħmir protettiv adegwat. Il-faċilitajiet mediċi eżistenti kif ukoll l-istaff mediku (eż. fl-ajruporti, fil-portijiet jew abbord il-vapuri) jenħtieġ li jiġu rinfurzati biex ikunu jistgħu jlaħħqu ma’ volumi akbar tat-traffiku hekk kif ir-restrizzjonijiet jitneħħew.

33.

Jenħtieġ li jiġu pprijoritizzati l-bejgħ elettroniku tal-biljetti kif ukoll ir-riżervazzjonijiet bil-quddiem tas-sits biex jitnaqqsu ġemgħat ta’ gruppi ta’ vjaġġaturi f’żoni speċifiċi (eż. viċin il-magni tal-biljetti u l-punti tal-bejgħ) u biex l-għadd ta’ passiġġieri permess ikun jista’ jiġi kkontrollat b’mod aħjar, filwaqt li tiġi żgurata l-aċċessibbiltà għall-bejgħ tal-biljetti għan-nies li ma għandhomx aċċess għal mezzi elettroniċi jew li ma jistgħux jużaw dawn il-mezzi elettroniċi. Jenħtieġ li jiġi aġevolat kemm jista’ jkun ambjent mingħajr kuntatti.

34.

Il-bejgħ ta’ oġġetti oħra, inkluż l-ikel u x-xorb jista’ jiġi limitat fil-vetturi. Biex jitnaqqas ir-riskju tal-infezzjonijiet, l-operaturi ta’ postijiet tal-bejgħ integrati tal-ivvjaġġar, bħalma huma l-ħwienet tal-oġġetti mingħajr dazju, jenħtieġ li jieħdu miżuri adegwati, fosthom: l-immaniġġjar tal-flussi tal-passiġġieri biex jiġi żgurat it-tbegħid (inkluż bl-użu ta’ markaturi mal-art, ottimizzazzjoni tat-tqassim u jekk meħtieġ, restrizzjonijiet fuq l-għadd ta’ klijenti); tindif u diżinfezzjoni regolari tal-postijiet, tal-apparat u tal-merkanzija; l-installazzjoni ta’ barrieri bejn il-klijenti u l-persunal tal-bejgħ fil-punti tal-bejgħ; il-forniment ta’ għadd kbir biżżejjed ta’ stazzjonijiet tas-sanitazzjoni tal-idejn fil-post tal-bejgħ kollu u r-rekwiżiti li dawn jintużaw, b’mod partikolari fil-punti ta’ dħul u ħruġ; il-forniment ta’ informazzjoni ċarament viżibbli għall-klijenti dwar imġiba sikura xierqa; l-iżgurar li l-persunal tal-bejgħ ikun imħarreġ u attrezzat tajjeb biżżejjed biex jaqdi l-klijenti u jimmaniġġa l-merkanzija f’konformità mal-gwida pprovduta mill-awtoritajiet tas-saħħa dwar l-imġiba sikura matul it-tifqigħa tal-COVID-19.

35.

Minbarra miżuri oħra mmirati biex jillimitaw ir-riskju tal-infezzjoni, it-traċċar tal-kuntatti u miżuri ta’ twissija, pereżempju, bl-użu ta’ apps għall-apparati mobbli, jistgħu jintużaw fuq bażi volontarja mill-passiġġieri għad-detezzjoni u l-interruzzjoni tal-ktajjen tal-infezzjoni u t-tnaqqis tar-riskju ta’ trażmissjoni ulterjuri sakemm jippersistu r-riskji tat-trażmissjoni. Jenħtieġ li l-aċċess għas-servizzi tat-trasport ma jsirx suġġett għall-użu ta’ apps għat-traċċar tal-kuntatti. Minħabba n-natura transfruntiera tat-trasport, huwa importanti li niżguraw l-interoperabbiltà u l-aċċettazzjoni reċiproka ta’ miżuri bħal dawn. Jekk jiġu implimentati, il-miżuri tat-traċċar tal-kuntatti jenħtieġ li jkunu limitati strettament għall-finijiet tal-indirizzar tat-tifqigħa tal-COVID-19 u li jkunu kkonfigurati f’konformità mas-sett ta' għodod Komuni tal-UE tan-Netwerk tas-Saħħa elettronika dwar l-applikazzjonijiet mobbli b’appoġġ għat-traċċar tal-kuntatti fil-ġlieda tal-UE kontra l-COVID-19 (15), il-Gwida tal-Kummissjoni dwar l-apps (16) u l-Linji Gwida tal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (17), filwaqt li jiżguraw l-ogħla livell ta’ privatezza tad-data.

36.

L-operaturi tat-trasport u l-provdituri tas-servizzi jenħtieġ li jkollhom fis-seħħ protokolli speċifiċi fil-każ li passiġġier iħossu ħażin jew juri sintomi tal-COVID-19 matul jew immedjatament wara l-ivvjaġġar jew waqt li jkun jinsab f’hub tat-trasport. Protokolli bħal dawn jenħtieġ li jinkludu żoni sikuri identifikati b’mod ċar għall-passiġġieri sintomatiċi, u jkollhom passi definiti dwar kif jiġi minimizzat l-esponiment ta’ passiġġieri oħra u ta’ ħaddiema tat-trasport, kif tinġabar u tiġi analizzata l-informazzjoni kollha rilevanti dwar il-kuntatti ma’ passiġġieri oħra u ħaddiema tat-trasport, eċċ. Għall-ivvjaġġar b’riżervazzjoni, dan jenħtieġ li jinkludi l-possibbiltà li l-passiġġieri l-oħra li kienu qrib tagħhom ikunu jistgħu jiġu identifikati u mwissija.

d)   Nimxu 'l quddiem

37.

Biex jiġu rrestawrati l-livelli regolari tas-servizzi tat-trasport u tal-konnettività, fin-nuqqas ta’ vaċċin, se jkun meħtieġ kombinament flessibbli ta’ użu miżjud ta’ tagħmir protettiv personali xieraq, ventilazzjoni xierqa u sikura, jekk jista’ jkun bl-użu tal-arja ta’ barra u bl-evitar tas-sempliċi ċirkolazzjoni tal-arja ta’ ġewwa, kapaċitajiet miżjuda tat-traċċar tal-kuntatti fuq bażi volontarja u tad-dekontaminazzjoni.

38.

Fit-terminu medju/twil, huwa rakkomandat li l-miżuri straordinarji kollha stabbiliti matul it-tifqigħa tal-COVID-19 jenħtieġ li jiġu ssorveljati, ivvalutati u meqjusa mill-ġdid fuq bażi regolari sakemm is-sitwazzjoni epidemjoloġika ma tirrikjedix l-estensjoni tagħhom, jew jekk dawn il-miżuri kienu ta’ benefiċċju f’termini tat-titjib tas-sistemi tat-trasport u tal-effiċjenza.

39.

L-applikazzjoni kurrenti tal-miżuri ta’ konteniment, kif ukoll l-illaxkar tagħhom u r-restawr progressiv tas-servizzi tat-trasport u tal-konnettività jenħtieġ li ma jwasslux għal tnaqqis, anke jekk biss temporanju, tal-livelli għolja ta’ standards tas-sikurezza u tas-sigurtà, inklużi s-sikurezza u s-sigurtà tal-ħaddiema tat-trasport, li għandha l-UE fil-qasam tat-trasport. Huwa neċessarju li nevitaw iż-żieda ta’ kwistjonijiet ta’ sikurezza jew sigurtà tat-trasport mal-kwistjonijiet li diġà qed inħabbtu wiċċna magħhom minħabba t-tifqigħa tal-COVID-19.

III.   Gwida prattika dwar miżuri speċifiċi biex jiġi żgurat it-trasport sikur tal-passiġġieri għall-modi kollha tat-trasport fil-kuntest tat-tifqigħa tal-COVID-19

a)   Rakkomandazzjonijiet trażversali

40.

Il-prinċipji msemmija hawn fuq jenħtieġ li jiggwidaw il-bidu mill-ġdid u ż-żieda fit-trasport tal-passiġġieri b’mod kumplessiv u progressiv madwar l-UE għall-modi kollha tat-trasport matul il-ħruġ mir-restrizzjonijiet tal-COVID-19 u l-irkupru sussegwenti. Dawn il-prinċipji komuni mistennija jiffaċilitaw l-aċċettazzjoni reċiproka tal-miżuri implimentati fl-UE u wkoll fil-konfront ta’ pajjiżi mhux tal-UE, għall-faċilitazzjoni tat-tkomplija effettiva tas-servizzi tat-trasport. Kif intqal fit-taqsima preċedenti, ċerti prinċipji u miżuri jenħtieġ li jiddaħħlu għall-hubs tat-trasport u l-vetturi għall-modi kollha tat-trasport, b’aġġustamenti speċifiċi li jqisu ċ-ċirkostanzi, il-ħtiġijiet u l-fattibbiltà speċifiċi għall-modi partikolari.

41.

Miżuri trażversali bħal dawn jinkludu:

a.

Tal-inqas matul l-illaxkar inizjali tar-restrizzjonijiet, l-għadd ta’ passiġġieri fil-vetturi f’ċerti modi tat-trasport jaf ikun jeħtieġ jitnaqqas biex jiġi żgurat li r-rekwiżiti applikabbli tat-tbegħid jiġu osservati b’mod adegwat.

b.

L-użu volontarju tal-apps għat-traċċar tal-kuntatti jenħtieġ li jitqies bħala saff addizzjonali ta’ mitigazzjoni tar-riskju.

c.

Il-ħaddiema tat-trasport jenħtieġ li jiġu attrezzati bil-PPE u, fejn possibbli, miżmuma separati mill-passiġġieri permezz ta’ barrieri.

d.

It-tindif u d-diżinfezzjoni frekwenti tal-hubs u tal-vetturi kif ukoll żieda fil-frekwenza tal-ġbir tal-iskart.

e.

L-installazzjoni sistematika ta’ stazzjonijiet għas-sanitazzjoni tal-idejn u l-introduzzjoni ta’ rekwiżiti biex dawn jintużaw, kull meta jkun fattibbli.

f.

It-titjib tal-ventilazzjoni, tal-filtrazzjoni tal-arja u fejn ikun xieraq, il-prijoritizzazzjoni tal-użu tal-arja naturali.

g.

L-użu tal-maskri mill-passiġġieri, speċjalment fejn il-miżuri tat-tbegħid soċjali ma jistgħux jiġu rispettati f’kull ħin.

h.

Il-biljetti u l-informazzjoni jenħtieġ li jiġu pprovduti b’mod elettroniku u awtomatiku. Il-bejgħ minn qabel tal-biljetti, kif ukoll il-proċeduri taċ-check-in bil-quddiem, tar-riżervazzjonijiet u tar-reġistrazzjoni jenħtieġ li jkunu mħeġġa u mogħtija prijorità kbira.

i.

Iċ-check-in, it-tagħbija u l-ħatt tal-bagalji jenħtieġ li jiġu organizzati b’tali mod li jevita l-iffullar tal-passiġġieri.

j.

L-ordnijiet minn qabel tas-servizzi u tal-ikliet abbord jenħtieġ li, fejn dan ikun possibbli, jiġu ffaċilitati fil-mument tar-riżervazzjoni, biex jitnaqqas il-kuntatt bejn il-persunal u l-passiġġieri.

k.

Jenħtieġ li fil-hubs u fil-vetturi, tintwera b’mod prominenti informazzjoni aċċessibbli dwar il-proċeduri ta’ mġiba sikura fis-seħħ, kif ukoll it-tagħmir protettiv meħtieġ għall-passiġġieri. Din l-informazzjoni jenħtieġ li tkun disponibbli qabel l-ivvjaġġar.

42.

L-organizzazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati, l-operaturi u l-provdituri tas-servizzi attivi fil-modi tat-trasport differenti jenħtieġ li jiżviluppaw u jimplimentaw miżuri adegwati li jindirizzaw iċ-ċirkostanzi speċifiċi ta’ kull mod tat-trasport. Jenħtieġ li jkunu allinjati mal-prinċipji u mar-rakkomandazzjonijiet ġenerali kif ukoll dawk speċifiċi għall-mod tat-trasport partikolari stipulati f’dawn il-linji gwida. Dawk il-miżuri jenħtieġ li jiġu studjati kontinwament u, fejn meħtieġ, adattati biex tiġi żgurata l-effettività tagħhom fil-protezzjoni tas-saħħa tal-ħaddiema tat-trasport u tal-passiġġieri.

43.

Barra minn hekk, fid-dawl tal-karatteristiċi u l-ħtiġijiet speċifiċi ta’ kull mod tat-trasport, jenħtieġ li jiġu implimentati u applikati l-miżuri li ġejjin:

b)   Avjazzjoni

44.

L-avjazzjoni għandha esperjenza twila fil-qasam tal-ġestjoni tar-riskji għas-sikurezza u s-sigurtà, u diġà mdorrija topera f’ambjent ikkontrollat ħafna. Biex l-avjazzjoni toħroġ minn din il-kriżi se jkun kruċjali li tirbaħ lura l-kunfidenza tal-passiġġieri bħala mod tat-trasport sikur. Għalhekk, se jkun essenzjali li l-partijiet ikkonċernati fl-avjazzjoni u fis-saħħa jikkomunikaw bl-aktar mod wiesa’ dwar il-miżuri fis-seħħ, kif ukoll dwar kif dawn il-miżuri jimmitigaw ir-riskji. Is-settur tal-avjazzjoni jenħtieġ li jiżgura li l-miżuri jkunu viżibbli ferm u kkoordinati, u li dawn jiġu kkomunikati lill-passiġġieri f’kull ħin.

45.

Il-mitigazzjoni tar-riskju tat-tixrid tal-COVID-19 jenħtieġ li ssegwi l-istess prinċipji li jintużaw għall-ġestjoni tar-riskju tas-sikurezza u tas-sigurtà, fosthom il-monitoraġġ tal-konformità, l-analizzar tal-effettività tal-miżuri f’intervalli regolari, u l-adattament ta’ miżuri għall-ħtiġijiet li jinbidlu kif ukoll għall-metodi u għat-teknoloġiji mtejba - filwaqt li jitqies, madankollu, li l-ajruporti u l-linji tal-ajru mhumiex ikkwalifikati biex jipprovdu s-servizzi tas-saħħa, bħalma huwa t-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar l-iskrinjar tas-saħħa tal-passiġġieri, li jenħtieġ li jiġu implimentati mill-awtoritajiet kompetenti.

46.

Biex jiġi żgurat li l-miżuri fit-tluq u dawk fil-wasla jkunu komparabbli, u b’hekk jiġi evitat li l-ivvjaġġar la jsir diffiċli wisq jew tabilħaqq impossibbli, huwa kruċjali li jiġi żgurat li miżuri ekwivalenti, li jkunu bbażati fuq prinċipji kondiviżi u li kollha jimmitigaw b’mod adegwat ir-riskji rilevanti tas-saħħa, jkunu aċċettati b’mod reċiproku fil-punt tat-tluq u fil-punt tal-wasla. Biex dan jiġi ffaċilitat, se jkun utli li niżviluppaw kriterji konkreti li jenħtieġ li jkunu tradotti f’approċċ rikonoxxut internazzjonalment. L-użu ta’ standards ekwivalenti u l-applikazzjoni tar-reċiproċità fir-rigward tal-miżuri u l-aċċettazzjoni tagħhom jistgħu jkunu faċilitaturi fundamentali tal-avjazzjoni fl-UE u fil-kuntest globali. Għalhekk, il-kooperazzjoni mill-qrib ma’ pajjiżi mhux tal-UE u ma’ sħab internazzjonali, fosthom l- Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO), se tkun essenzjali.

47.

F’kollaborazzjoni mal-Kummissjoni, iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC )u l-awtoritajiet kompetenti, l-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea (EASA) fil-ġimgħat li ġejjin se tippreżenta linji gwida operazzjonali tekniċi biex jiġi ffaċilitat approċċ ikkoordinat u tiġi pprovduta assistenza lill-awtoritajiet nazzjonali tal-avjazzjoni, lil-linji tal-ajru, lill-ajruporti u lill-partijiet ikkonċernati oħra tal-avjazzjoni. Dawn il-linji gwida operazzjonali tekniċi se jqisu l-prinċipji tal-ġestjoni tas-sikurezza żviluppati biex tiġi żgurata s-sikurezza tas-sistema tal-avjazzjoni Ewropea u se jistabbilixxu protokoll ta’ bażi għas-sikurezza tas-saħħa fl-avjazzjoni, propost għall-applikazzjoni madwar l-UE.

48.

Jenħtieġ li l-protokoll jinkludi l-miżuri li ġejjin:

a.

It-titjib tal-ventilazzjoni, il-filtrazzjoni tal-arja bi standards tal-isptarijiet u l-fluss ta’ arja vertikali.

b.

Il-limitazzjoni tar-riskji tal-kontaminazzjoni tul il-proċess tal-ivvjaġġar (eż. l-evitar ta’ konċentrazzjonijiet ta’ passiġġieri, il-limitazzjoni tal-interazzjoni abbord, analizzar tal-aktar allokazzjoni xierqa tas-sits abbażi tal-limitazzjonijiet tekniċi, u l-prijoritizzazzjoni ta’ dokumenti u ta’ mezzi tal-ħlas elettroniċi).

c.

It-tnaqqis tal-moviment fil-kabina (eż. inqas bagalji tal-kabina, inqas interazzjonijiet mal-ekwipaġġ).

d.

Ġestjoni adegwata tal-flussi tal-passiġġieri (eż. l-għoti ta’ rakkomandazzjonijiet dwar il-wasla minn kmieni fl-ajruport; prijoritizzazzjoni taċ-check-in elettroniku/self-check-in; l-iżgurar tat-tbegħid u t-tnaqqis kemm jista’ jkun tal-kuntatti fil-punti ta’ depożitu tal-bagalji, fil-punti ta’ kontroll tas-sigurtà u fil-fruntieri, matul l-imbarkazzjoni u matul il-ġbir tal-bagalji); informazzjoni aċċessibbli dwar il-proċessi tal-ajruport jenħtieġ li tiġi pprovduta lill-passiġġieri qabel jivvjaġġaw.

49.

Il-linji gwida operazzjonali tekniċi tal-EASA/ECDC li se jinħarġu dalwaqt se jispeċifikaw miżuri ta’ mitigazzjoni addizzjonali, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, bil-għan li dawn il-miżuri jiġu implimentati għall-operat tat-titjiriet b’mod koerenti fl-UE kollha.

c)   Trasport bit-triq

50.

Jenħtieġ li jiġu żgurati livelli għoljin tal-iġjene fil-partijiet kollha tat-terminals, taż-żoni ta’ mistrieħ (eż. ma’ tul l-awtostradi), tal-faċilitajiet ta’ parkeġġ mgħottija kif ukoll fl-istazzjonijiet tal-fjuwil u tal-iċċarġjar, inkluż permezz tat-tindif u d-diżinfezzjoni regolari biex jiġi limitat ir-riskju tal-kontaġju ta’ utenti tat-triq. Jenħtieġ li fl-istazzjonijiet tiġi implimentata l-ġestjoni tal-flussi tal-passiġġieri. Fejn ma jkunux jistgħu jiġu żgurati livelli adegwati tas-saħħa pubblika, jenħtieġ li jiġi kkunsidrat l-għeluq ta’ ċerti ħwienet jew stazzjonijiet.

51.

It-trasport bil-karozzi tal-linja u bil-kowċijiet: Biex l-ivvjaġġar bil-karozzi tal-linja u bil-kowċijiet jerġa’ jibda gradwalment, se jkun meħtieġ li ssir distinzjoni bejn is-servizzi reġjonali u dawk fuq distanzi twal. Speċjalment għas-servizzi internazzjonali tal-karozzi tal-linja/tal-kowċijiet, jenħtieġ li biex ikunu effettivi, l-approċċi jiġu kkoordinati bejn l-Istati Membri u l-operaturi. Jenħtieġ li jiddaħħlu prattiki ta’ operar sikur, inkluż, pereżempju, it-tlugħ abbord mill-bibien ta’ wara u l-użu kbir kemm jista’ jkun tat-twieqi għall-ventilazzjoni, minflok l-arja kkundizzjonata. Barra minn hekk, il-postijiet bilqiegħda jenħtieġ li jiġu ottimizzati skont kemm ikun fattibbli (eż. il-familji jistgħu jpoġġu flimkien, filwaqt li l-persuni li ma jkunux qed jivvjaġġaw flimkien jenħtieġ li jinżammu separati). Fil-minibuses, il-passiġġieri jenħtieġ li ma jitħallewx ipoġġu maġenb ix-xufier sakemm ma tkunx possibbli s-separazzjoni fiżika. L-operaturi tas-servizzi tal-linji regolari jridu jitħallew jibnu n-netwerk mill-ġdid, skont ir-restrizzjonijiet nazzjonali. Biex dan jiġi ffaċilitat, l-Istati Membri jenħtieġ li jistabbilixxu proċeduri simplifikati u rapidi biex l-operaturi jkunu jistgħu jadattaw is-servizzi tagħhom malajr, mingħajr ma jikkompromettu s-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema tat-trasport. Jekk ikun possibbli, il-kuntatt tal-istaff mal-bagalji tal-passiġġieri jenħtieġ li jkun limitat u l-passiġġieri jenħtieġ li jieħdu ħsieb it-tagħbija u l-ħatt tal-bagalji tagħhom stess.

52.

Trasport b’karozza/vann on demand (taxi, PHV): Is-servizzi tat-taxi u tal-PHV komplew b’mod ġenerali b’miżuri protettivi speċifiċi għas-sewwieq u limitazzjonijiet għal passiġġier wieħed inkella diversi persuni li jgħixu flimkien. Dawn is-servizzi jenħtieġ li jkomplu joperaw b’miżuri speċifiċi tal-iġjene u tal-mitigazzjoni tar-riskji. Il-kumpaniji jenħtieġ li jipprovdu l-maskri u d-diżinfettanti lis-sewwieqa. Il-partijiet ta’ ġewwa tal-karozzi jenħtieġ li jiġi diżinfettat bi frekwenza għolja kemm jista’ jkun. Is-sewwieqa tat-taxi u tal-PHV jenħtieġ li jevitaw il-kuntatt fiżiku mal-passiġġieri, u jenħtieġ li dejjem tingħata prijorità lill-ħlas elettroniku. Il-kumpaniji jenħtieġ li jipprovdu lix-xufiera b’separaturi fiżiċi (eż. purtieri tal-plastik jew barrieri) għall-vetturi biex jiġi limitat il-kuntatt mal-passiġġieri. Il-passiġġieri jenħtieġ li ma jitħallewx ipoġġu maġenb ix-xufier sakemm ma tkunx possibbli s-separazzjoni fiżika. Il-kumpaniji jenħtieġ li jaqsmu l-informazzjoni rilevanti mal-passiġġieri qabel il-vjaġġ.

d)   Trasport bil-ferrovija

53.

Biex it-trasport tal-passiġġieri jerġa’ jaqbad, se jkun importanti li nserrħu moħħ il-passiġġieri li t-trasport kollettiv huwa sikur. Il-miżuri se jenħtieġ li jkunu kkomunikati tajjeb, viżibbli u effettivi. Speċjalment għas-servizzi internazzjonali tal-ferrovija, jenħtieġ li biex ikunu effettivi, il-miżuri jiġu kkoordinati bejn l-Istati Membri u l-operaturi. L-assoċjazzjonijiet tas-settur ferrovjarju u l-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema fis-settur qegħdin jaħdmu fuq l-istabbiliment ta’ regoli komuni.

54.

Minħabba l-għadd kbir ta’ passiġġieri li jiġu ttrasportati kuljum u l-għadd ta’ stazzjonijiet moqdija, il-konformità mar-regoli ġenerali għall-imġiba sikura biex tiġi mħarsa s-saħħa pubblika, b’mod partikolari t-tbegħid adegwat, tiddependi wkoll fuq id-diliġenza u s-sens ta’ responsabbiltà ta’ kull passiġġier. Huwa mistenni li l-kontrolli aleatorji jiżguraw livell tajjeb ta’ konformità.

55.

Peress li s-servizzi ferrovjarji baqgħu jiffunzjonaw matul it-tifqigħa tal-COVID-19, diġà hemm għadd ta’ miżuri fis-seħħ li jistgħu jinżammu u jiġu adattati fejn meħtieġ:

a.

L-obbligi ta’ tbegħid jenħtieġ li jiġu applikati fuq il-ferroviji fejn meħtieġ, b’mod partikolari sakemm l-għadd ta’ passiġġieri jkun relattivament żgħir. Biex jiġi ffaċilitat it-tbegħid, il-frekwenza u l-kapaċità tal-ferroviji jenħtieġ li jiżdiedu fejn meħtieġ biex titnaqqas id-densità tal-passiġġieri.

b.

L-operaturi ferrovjarji jenħtieġ li jimplimentaw ir-riżervazzjoni mandatorja tas-sits fuq il-vjaġġi fuq distanza twila u dawk reġjonali, bl-identifikazzjoni tal-isem, tal-oriġini u tad-destinazzjoni tal-passiġġieri. Alternattivament, u speċjalment għall-vjaġġi fuq distanzi qosra, jenħtieġ li l-passiġġieri jkunu obbligati jħallu sit vojt bejniethom, ħlief għall-passiġġieri li jgħixu flimkien.

c.

L-operaturi ferrovjarji jenħtieġ li jagħmlu użu mis-sistemi għall-għadd tal-passiġġieri abbord, speċjalment disponibbli għall-ferroviji suburbani u dawk li jaqdu l-aktar lill-vjaġġaturi sejrin lejn u ġejjin mix-xogħol (abbażi tal-piż, tal-passi fiż-żoni tal-bibien, kif ukoll algoritmi tal-għadd bis-CCTV li ma jippermettux l-identifikazzjoni tal-individwi), għall-ġestjoni tal-kapaċità. It-tħejjija tal-orarji u l-allokazzjoni tar-rotot jistgħu jkunu jeħtieġu aġġustamenti flessibbli, li jinkludu l-ottimizzazzjoni tal-kapaċità b’mod koordinat biex jiġu riflessi d-domanda u l-ħtieġa li titnaqqas id-densità tal-passiġġieri.

d.

Jenħtieġ li fl-istazzjonijiet tiġi implimentata l-ġestjoni tal-flussi tal-passiġġieri. Fejn ma jkunux jistgħu jiġu żgurati livelli tajbin biżżejjed tas-saħħa pubblika, jenħtieġ li jiġi kkunsidrat l-għeluq ta’ ċerti ħwienet jew stazzjonijiet.

e.

Jenħtieġ li jiġi mħeġġeġ l-ivvjaġġar fil-ħinijiet kwieti permezz ta’ inċentivi, bħalma huma l-ipprezzar aġġustat jew is-sigħat tax-xogħol flessibbli fil-każ ta’ ferroviji li jaqdu l-aktar lill-ħaddiema sejrin lejn u ġejjin lura mix-xogħol, biex jiġi evitat l-iffullar.

f.

Biex jiġi evitat li l-passiġġieri jkollhom imissu l-pumi jew il-buttuni tal-bibien, il-bibien jenħtieġ li jinfetħu f’kull waqfa - jew awtomatikament inkella b’mod remot mis-sewwieq.

56.

L-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea (l-ERA), li għandha l-għarfien espert rilevanti bl-operazzjonijiet ferrovjarji u bil-Metodi tas-Sikurezza Komuni, kif ukoll netwerk estensiv ta’ kanali tal-komunikazzjoni (mal-awtoritajiet, l-operaturi u l-manifatturi), hija lesta tieħu fuqha rwol ewlieni biex tiżgura l-kondiviżjoni tal-aqwa prattiċi. L-Impriża Konġunta Shift2Rail diġà qiegħda tesplora l-possibbiltajiet li tappoġġa l-iżvilupp ta’ apps, abbażi ta’ data anonimizzata u aggregata (18), biex jinkiseb għarfien dwar l-iffullar fl-istazzjonijiet, li jistgħu jkunu ta’ benefiċċju wkoll għat-trasport pubbliku.

e)   Trasport fuq l-ilma

57.

It-trasport tal-passiġġieri fuq l-ilma tnaqqas b’mod sinifikanti. Il-miżuri biex tiġi żgurata s-saħħa pubblika se jkunu meħtieġa biex jiġu rrestawrati l-fiduċja u l-kunfidenza kemm tal-passiġġieri kif ukoll tal-ekwipaġġi. Jenħtieġ li l-miżuri jiġu mfassla b’mod speċifiku skont it-tip ta’ bastiment kif ukoll il-karattru u t-tul tal-vjaġġ, li jistgħu jvarjaw b’mod sinifikanti fis-settur tat-trasport fuq l-ilma. Jista’ jkun hemm bżonn li l-għadd ta’ bastimenti u ta’ vjaġġi jiżdied, speċjalment meta t-trasport bil-ferries ikun essenzjali għal raġunijiet ta’ konnettività ma’ żoni remoti u ma’ gżejjer.

58.

Il-miżuri għall-ħaddiema tat-trasport marittimu huma deskritti fid-dettall fil-Linji gwida dwar il-ħarsien tas-saħħa tal-persuni abbord il-bastimenti (19). Il-ħaddiema, inklużi dawk abbord il-vapuri u fil-portijiet, jenħtieġ li jkollhom aċċess għat-tagħmir protettiv personali (20) u għall-kura medika adegwata f’kull ħin waqt li jkunu x-xogħol. L-interazzjonijiet diretti bejn il-persuni abbord jenħtieġ li jitnaqqsu kemm jista’ jkun biex jiġi evitat ir-riskju tat-trażmissjoni.

59.

L-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA) hija lesta tiffaċilita l-qsim tal-aħjar prattiki u tal-informazzjoni li tista’ tkun utli għall-awtoritajiet kompetenti u għall-partijiet ikkonċernati (eż. dwar it-trekkjar tal-bastimenti, ir-rapportar dwar is-saħħa, eċċ.). Barra minn hekk, fid-dawl tan-natura internazzjonali tat-tbaħħir, il-kooperazzjoni mal-pajjiżi mhux tal-UE u mal-organizzazzjonijiet internazzjonali, fosthom l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO), se tkun importanti biex jiġu ffaċilitati l-kooperazzjoni globali flimkien mal-ekwivalenza u r-reċiproċità bejn il-miżuri marbuta mal-COVID-19.

60.

Huma u jibnu fuq l-esperjenzi u l-miżuri diġà applikati mill-Istati Membri, l-operaturi u l-entitajiet l-oħra kollha involuti fit-trasport fuq l-ilma (portijiet, terminals tal-ferries, awtoritajiet nazzjonali rilevanti), jenħtieġ li japplikaw il-miżuri li ġejjin:

a.

Jiżguraw li r-rekwiżiti tat-tbegħid ikunu jistgħu jiġu osservati fuq il-bastimenti, inkluż billi jitnaqqas l-għadd ta’ passiġġieri permessi.

b.

Jillimitaw l-aċċess għall-mollijiet tal-imbarkazzjoni u tal-iżbark għall-passiġġieri b’biljett; jassenjaw is-sits lill-passiġġieri.

c.

Il-portijiet jenħtieġ li jikkunsidraw l-istabbiliment ta’ korsiji ddedikati għad-dħul u għall-ħruġ separat tal-passiġġieri.

d.

Meta l-kundizzjonijiet jippermettu dan, iċaqilqu għadd kbir kemm jista’ jkun ta’ passiġġieri lejn l-ispazji miftuħa tal-bastiment.

e.

Fil-każ li jkun rakkomandat lill-passiġġieri, jew li l-passiġġieri jintalbu jibqgħu fil-vetturi tagħhom abbord il-ferries waqt vjaġġi qosra (eż. inqas minn siegħa), din il-miżura jenħtieġ li tapplika biss fuq il-gverti miftuħa biss, sakemm ma jittiħdux prekawzjonijiet tas-sikurezza addizzjonali f’konformità mar-regoli applikabbli tal-UE. Fejn ikun meħtieġ, il-kapaċità tal-gverti jenħtieġ li tiġi aġġustata biex jiġi żgurat li jkun hemm preżenti persunal tas-sikurezza u persunal imħarreġ fit-tifi tan-nar.

f.

It-tindif u d-diżinfezzjoni tal-bastimenti u tal-faċilitajiet fuq l-art jenħtieġ li jsegwu s-“Suggested procedures” (21) (il-proċeduri rakkomandati) tal-Azzjoni Konġunta EU HEALTHY GATEWAYS.

g.

Il-vapuri tal-kruċieri u, meta rilevanti, il-ferries, jenħtieġ li jiżviluppaw protokolli apposta għat-tindif u għall-iġjene li jimminimizzaw ir-riskju tal-kontaminazzjoni inkroċjata bejn il-kabini tal-passiġġieri.

h.

Jenħtieġ li jiġu żviluppati protokolli bejn l-operaturi tal-vapuri u l-faċilitajiet tax-xatt għall-persuni suspettati jew ikkonfermati li ġew infettati bil-COVID-19, inkluż miżuri qabel, matul u wara l-vjaġġ. Għal dan l-għan, jenħtieġ li jkunu disponibbli proċeduri tal-iskrinjar tas-saħħa, jiġu pprovduti kmamar għall-kwarantina u li tiġi organizzata interazzjoni adegwata mal-persuni fil-kwarantina.

i.

Il-vapuri tal-kruċieri jenħtieġ li jkollhom kapaċità adegwata ta’ ttestjar għall-COVID-19 abbord, li tintuża meta passiġġier jew membru tal-ekwipaġġ ikun suspettat li ġie infettat.

61.

Tifqigħat preċedenti tal-COVID-19 abbord il-bastimenti tal-kruċieri wrew il-vulnerabbiltà partikolari tal-ambjenti magħluqa matul vjaġġi twal. Qabel ma jerġgħu jibdew joperaw il-vapuri tal-kruċieri, l-operaturi tal-vapuri jenħtieġ li jdaħħlu fis-seħħ proċeduri stretti biex jitnaqqas ir-riskju tat-trażmissjoni abbord u biex jipprovdu kura medika adegwata fil-każ ta’ infezzjoni. Ir-restawr gradwali tas-servizzi tal-kruċieri jenħtieġ li jiġi kkoordinat fuq il-livell tal-UE u dak internazzjonali, biex titqies is-sitwazzjoni tas-saħħa pubblika fil-pajjiżi kkonċernati. Qabel ma jibdew il-vjaġġi, l-operaturi tal-bastimenti tal-kruċieri jenħtieġ li jiżguraw mal-portijiet tul ir-rotta li, jekk meħtieġ, ikunu jistgħu jagħmlu l-arranġamenti meħtieġa għall-passiġġieri u għall-membri tal-ekwipaġġ biex dawn jirċievu t-trattament mediku u li jkunu jistgħu jiġu organizzati r-ripatrijazzjonijiet u l-bidliet tal-ekwipaġġ. Sabiex jiġu żgurati l-kontinwità u s-sikurezza tat-trasport marittimu, il-Kummissjoni se tkompli tieħu passi biex tiffaċilita u tikkoordina l-isforzi tal-Istati Membri biex jippermettu t-tibdil tal-membri tal-ekwipaġġ fil-portijiet tagħhom.

f)   Mobilità urbana

62.

F’diversi bliet u reġjuni, it-trasport pubbliku (il-karozzi tal-linja, il-metros, it-trammijiet, il-ferroviji urbani u suburbani eċċ.) baqa’ jopera matul it-tifqigħa tal-COVID-19. Bħala tħejjija għaż-żmien meta l-għadd tal-passiġġieri jerġa’ jiżdied, jenħtieġ li jiddaħħlu miżuri, kif xieraq, biex jiġi żgurat l-ogħla livell ta’ sikurezza għall-passiġġieri, bħal pereżempju:

a.

L-introduzzjoni ta’ rekwiżiti dwar it-tbegħid minimu sikur, pereżempju, bl-użu ta’ stikers jew marki mal-art biex jiggwidaw il-passiġġieri fil-vetturi ħalli jżommu distanza sikura.

b.

Il-kuntatt bejn ix-xufiera u l-passiġġieri jenħtieġ li jiġi minimizzat (eż. permezz ta’ barrieri, l-għeluq tal-punti tad-dħul fuq quddiem kif ukoll il-promozzjoni tal-biljetti u tal-mezzi ta’ ħlas elettroniċi).

c.

Iż-żieda u l-adattament tal-frekwenza operazzjonali, kif ukoll l-aġġustament mill-ġdid tal-linji, biex jiġi ffaċilitat it-tbegħid minimu sikur meta jiżdiedu n-numri tal-passiġġieri u biex jinqdew aħjar ċerti destinazzjonijiet (eż, fejn id-domanda tkun partikolarment għolja).

d.

Biex jiġi evitat li l-passiġġieri jkollhom imissu l-pumi jew il-buttuni tal-bibien, il-bibien jenħtieġ li jinfetħu f’kull waqfa - jew awtomatikament inkella b’mod remot mis-sewwieq.

e.

L-ottimizzazzjoni tal-flussi tal-passiġġieri fl-istazzjonijiet u fil-hubs tat-trasport biex jiġu evitati l-iffullar u s-sigħat l-iktar intensivi, kif ukoll biex jiġi minimizzat il-kuntatt, bl-użu ta’ teknoloġiji innovattivi u ta’ applikazzjonijiet mobbli (eż. il-previżjonijiet tad-densità u tal-folol, l-installazzjoni ta’ kontjaturi tal-passiġġieri mal-bibien b’limitu massimu, l-organizzazzjoni tal-intervalli tal-ħinijiet tal-ivvjaġġar b’appuntament, eċċ.), u l-faċilitazzjoni tal-flessibbiltà fil-ħinijiet tax-xogħol.

63.

Huwa essenzjali li l-miżuri kollha meħuda jiġu kkomunikati b’mod ċar, li l-implimentazzjoni bla intoppi tagħhom tiġi ffaċilitata, li ċ-ċittadini jiġu rassigurati u li l-kunfidenza fit-trasport pubbliku tinżamm. Kampanji ta’ komunikazzjoni (eż. “oqgħod fuq l-istikers”) ukoll intwera li huma effettivi. Ħafna mill-miżuri li jistgħu jkunu meħtieġa (eż. l-ġestjoni tal-folol, l-aċċess għall-hubs tat-trasport u l-vetturi, iż-żamma ta’ distanza fiżika, eċċ.) għandhom effetti li jmorru lil hinn mill-ambitu tat-trasport pubbliku u jenħtieġ li jiġu żviluppati f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet tas-saħħa u partijiet ikkonċernati oħra, b’definizzjoni ċara tad-drittijiet u l-obbligi ta’ kull attur. Il-kostijiet addizzjonali li jirriżultaw jistgħu jiġu inkorporati fil-kuntratti pubbliċi ta' servizz.

64.

Soluzzjonijiet ta’ mobilità kondiviża: Il-kumpaniji tal-mobilità kondiviża jenħtieġ li jieħdu diversi miżuri biex jipproteġu lis-sewwieqa u lill-passiġġieri mill-infezzjoni. Il-vetturi tal-kiri jenħtieġ li jiġu diżinfettati tajjeb kemm jista’ jkun wara kull użu, u l-vetturi li jintużaw għall-car-sharing jenħtieġ li jiġu diżinfettati tal-anqas darba f’kull jum li jintużaw. Jenħtieġ li jkun hemm diżinfezzjoni aħjar u aktar frekwenti tas-servizzi bbażati fl-istazzjonijiet (eż. roti b’użu kondiviż). Il-kumpaniji tal-kiri tal-E-scooters u tar-roti elettriċi jenħtieġ li jiddiżinfettaw dawn il-vetturi tal-anqas ma’ kull darba li jiġu ċċarġjati l-batteriji.

65.

Mobilità attiva: Ħafna bliet Ewropej qed jieħdu passi biex il-mobilità attiva (eż. il-mixi u t-trasport bir-rota) ssir alternattiva tal-mobilità aktar sikura u attraenti matul it-tifqigħa tal-COVID-19. Fiż-żoni urbani jistgħu jiġu kkunsidrati t-tkabbir temporanju tal-bankini u ż-żieda tal-ispazju fit-triq għall-alternattivi tal-mobilità attiva biex jiġu ffaċilitati l-ħtiġijiet tal-popolazzjoni li tiċċaqlaq b’mod sikur u effiċjenti, filwaqt li jitnaqqsu l-limiti tal-veloċità tal-vetturi f’żoni b’mobilità attiva ogħla.

66.

Il-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki, tal-ideat u tal-innovazzjonijiet għall-mobilità sikura f’żoni urbani u suburbani matul it-tifqigħa tal-COVID-19 bdiet permezz ta’ pjattaformi u netwerks iddedikati, u hija kruċjali li tali kooperazzjoni u qsim tal-għarfien jiġu żviluppati aktar. Il-Kummissjoni se tiġbor ukoll flimkien lill-Istati Membri, lill-awtoritajiet lokali u lill-partijiet ikkonċernati attivi fil-qasam tal-mobilità urbana biex jiġi analizzat l-impatt tat-tifqigħa, jinsiltu t-tagħlimiet u jinġabru l-esperjenzi miksuba sa issa, kif ukoll biex jiġu identifikati l-opportunitajiet għall-mobilità futura u aktar sostenibbli fl-UE, f’konformità mal-Patt Ekoloġiku Ewropew.

IV.   Konklużjoni

67.

Il-Kummissjoni se tibqa’ taħdem ml-istituzzjonijiet, l-aġenziji u l-korpi oħra tal-UE, mal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati fit-trasport kif ukoll mas-sħab internazzjonali biex tikkoordina l-azzjonijiet u biex tiffaċilita l-implimentazzjoni ta’ dawn il-linji gwida b’mod trasparenti u oġġettiv. B’mod partikolari, il-Kummissjoni se timmonitorja li l-miżuri ta' konteniment u t-tneħħija progressiva tagħhom ma jipperikolawx is-Suq Uniku jew joħolqu effetti diskriminatorj, li jmorru kontra t-Trattati, bejn l-operaturi tat-trasport tal-UE u l-provdituri tas-servizzi, u li dawn ma jiddiskriminawx bejn iċ-ċittadini jew ħaddiema tal-UE abbażi tan-nazzjonalità.

68.

Is-sitwazzjoni għadha dinamika u l-Kummissjoni se tibqa’ taħdem mal-awtoritajiet kompetenti, mal-organizzazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati, mal-operaturi tat-trasport u mal-provdituri tas-servizzi biex taġġusta u taġġorna l-approċċi u l-miżuri tagħna, filwaqt li jitqiesu l-aktar żviluppi epidemjoloġiċi reċenti, il-feedback dwar l-effettività tal-miżuri eżistenti u l-ħtiġijiet taċ-ċittadini tal-UE u tal-ekonomija tagħna. Sakemm iddum it-tifqigħa tal-COVID-19, l-awtoritajiet pubbliċi, il-partijiet ikkonċernati u ċ-ċittadini jeħtieġ li jibqgħu viġilanti u jżommu livell għoli ta’ tħejjija għal żieda potenzjali fl-infezzjonijiet. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni se tissorvelja kontinwament l-applikazzjoni ta’ dawn il-linji gwida u taġġornahom jekk meħtieġ biex tiżgura l-effettività tagħhom fiċ-ċirkostanzi fluwidi.

69.

Filwaqt li niffokaw fuq ir-restawr tas-servizzi tat-trasport u tal-konnettività, huwa meħtieġ li nħarsu lejn l-irkupru sostenibbli u intelliġenti tas-settur tat-trasport tal-UE biex ikun jista’ jerġa’ lura għas-saħħa li kellu qabel il-kriżi, jibqa’ globalment kompetittiv u jkompli jkun parti fundamentali tal-ekonomija tal-UE u ta’ ħajjet iċ-ċittadini. It-tagħlimiet miksuba mill-kriżi tal-COVID-19 se jkunu riflessi fl-istrateġija li ġejja dwar il-Mobilita Sostenibbli u Intelliġenti fl-2020.

(1)  Pereżempju, bejn wieħed u ieħor -90 % fit-traffiku tal-ajru meta mqabbel ma’ sena ilu (Sors: Eurocontrol), -85 % fis-servizzi ferrovjarji tat-trasport tal-passiġġieri fuq distanzi twal, -80 % fis-servizzi ferrovjarji tat-trasport reġjonali tal-passiġġieri (inkluż it-trasport suburban), waqfien kważi totali tas-servizzi ferrovjarji internazzjonali (Sors: CER); aktar minn -90 % għall-vapuri tal-kruċieri u tal-passiġġieri f’nofs April meta mqabbel ma’ sena ilu (Sors: EMSA).

(2)  COM(2020) 115 final, COM(2020) 148 final, u C(2020) 2050 final (ĠU C 102I , 30.3.2020, p. 12).

(3)  C(2020) 1753 final (ĠU C 86I, 16.3.2020, p.1).

(4)  C(2020) 1897 final (ĠU C 96I, 24.3.2020, p.1).

(5)  C(2020) 2010 final (ĠU C 100I, 27.3.2020, p.1).

(6)  C(2020) 3100 finali (ĠU C 119, 14.4.2020, p. 1).

(7)  C(2020) 2051 final (ĠU C 102I, 30.3.2020, p. 12).

(8)  Pjan Direzzjonali Ewropew Konġunt għat-tneħħija tal-miżuri ta’ konteniment tal-COVID-19 (ĠU C 126, 17.4.2020, p. 1).

(9)  Bħalma huma l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali, l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, is-Segretarjat Permanenti tal-Komunità tat-Trasport, eċċ.

(10)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Lejn approċċ gradwali u kkoordinat għar-ritorn tal-libertà ta' moviment u t-tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri interni — COVID-19 tat-13 ta’ Mejju 2020.

(11)  F’din il-Komunikazzjoni, it-terminu “vettura” jirreferi, b’rilevanza għal dan il-kuntest partikolari, għat-tipi kollha ta’ vetturi, fosthom il-karozzi, it-trakkijiet, il-karozzi tal-linja, il-kowċijiet, il-ferroviji, l-inġenji tal-ajru, il-vapuri, il-bastimenti, il-ferries, eċċ.

(12)  “COVID-19: guidance for the workplace” (COVID-19: gwida għall-post tax-xogħol) u “COVID-19: Back to the workplace - Adapting workplaces and protecting workers” (COVID-19: Lura fil-post tax-xogħol - Nadattaw il-postijiet tax-xogħol u nipproteġu l-ħaddiema) https://oshwiki.eu/wiki/COVID-19:_guidance_for_the_workplace#See.

(13)  Ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 1191/69 u 1107/70 (ĠU L 315, 3.12.2007, p. 1); Ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi bl-ajru fil-Komunità (ĠU L 293, 31.10.2008, p. 3); Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3577/92 tas-7 ta’ Diċembru 1992 li japplika l-prinċipju ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi għat-trasport marittimu fi ħdan l-Istati Membri (kabotaġġ marittimu) (ĠU L 364, 12.12.1992, p. 7).

(14)  “Maskri tal-wiċċ” huwa terminu ġeneriku li jkopri kemm maskri mediċi kif ukoll maskri mhux mediċi. L-ECDC jindika li “L-użu ta’ maskri tal-wiċċ mhux mediċi magħmula minn diversi tessuti jista’ jiġi kkunsidrat, speċjalment jekk – minħabba problemi ta’ forniment – il-maskri mediċi tal-wiċċ iridu jiġu prijoritizzati għall-użu bħala tagħmir protettiv personali mill-ħaddiema tas-saħħa” (https://www.ecdc.europa.eu/sites/default/files/documents/COVID-19-use-face-masks-community.pdf). Se jkun f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali tas-saħħa/tas-sikurezza biex jispeċifikaw aktar dettalji matul id-diskussjonijiet tagħhom mal-partijiet ikkonċernati għal kull mod tat-trasport, abbażi tar-riskju epidemjoloġiku f'dak il-pajjiż, tad-disponibbiltà u ta’ konsiderazzjonijiet oħra. Ċerti ħaddiema tat-trasport u ċerti passiġġieri, rispettivament, jistgħu jkunu esposti għal livelli ta’ riskju differenti.

(15)  https://ec.europa.eu/health/sites/health/files/ehealth/docs/covid-19_apps_en.pdf.

(16)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Gwida dwar l-Apps li jgħinu fil-ġlieda kontra l-pandemija tal-COVID-19 fir-rigward tal-protezzjoni tad-data (ĠU C 124I , 17.4.2020, p. 1).

(17)  https://edpb.europa.eu/our-work-tools/our-documents/guidelines/guidelines-042020-use-location-data-and-contact-tracing_en

(18)  Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/518 tat-8 ta’ April 2020 dwar sett tal-għodod komuni tal-Unjoni għall-użu tat-teknoloġija u tad-data biex niġġieldu u noħorġu mill-kriżi tal-COVID-19, b’mod partikolari dwar l-applikazzjonijiet mobbli u l-użu ta’ data anonimizzata dwar il-mobbiltà (ĠU L 114, 14.4.2020, p. 7).

(19)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni - Linji gwida dwar il-ħarsien tas-saħħa tal-baħħara, tal-passiġġieri u ta’ persuni oħrajn li jkunu jinsabu abbord il-bastimenti u dwar ir-ripatrijazzjoni u l-arranġamenti tal-ivvjaġġar tagħhom (ĠU C 119, 14.4.2020, p. 1).

(20)  Azzjoni Konġunta EU HEALTHY GATEWAYS, Overview of Personal Protective Equipment (PPE) recommended for staff at Points of Entry and crew on board conveyances in the context of COVID-19 (Ħarsa lejn it-Tagħmir Protettiv Personali (PPE) rakkomandat għall-persunal fil-Punti tad-Dħul u l-ekwipaġġi abbord l-inġenji fil-kuntest tal-COVID-19).

(21)  Proċeduri rakkomandati għat-tindif u d-diżinfezzjoni tal-bastimenti matul il-pandemija jew meta jkun ġie identifikat abbord każ tal-COVID-19; https://www.healthygateways.eu/Portals/0/plcdocs/EU_HEALTHY_GATEWAYS_COVID-19_Cleaning_Disinfection_ships_09_4_2020_F.pdf?ver=2020-04-09-124859-237