14.4.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 119/1


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

Linji gwida dwar il-ħarsien tas-saħħa tal-baħħara, tal-passiġġieri u ta’ persuni oħrajn li jkunu jinsabu abbord il-bastimenti u dwar ir-ripatrijazzjoni u l-arranġamenti tal-ivvjaġġar tagħhom

(2020/C 119/01)

Sommarju

Il-pandemija tal-COVID-19 tolqot bil-kbir lit-trasport marittimu u lill-persuni li jinsabu abbord il-bastimenti. Skont il-Linji gwida għal miżuri ta’ ġestjoni tal-fruntieri biex tiġi protetta s-saħħa u tiġi żgurata d-disponibbiltà tal-oġġetti u tas-servizzi essenzjali (1), l-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw it-tranżitu ta’ ċittadini tal-UE u ta’ pajjiżi terzi oħrajn li jkunu residenti fl-UE biex dawn jirritornaw lejn djarhom. Tkun xi tkun in-nazzjonalità tagħhom, il-ħaddiema li jwettqu xogħol essenzjali (2) jridu jkunu jistgħu jivvjaġġaw u jaqsmu minn pajjiż għall-ieħor biex ikun żgurat li tkompli titwettaq l-attività professjonali tagħhom.

Il-persuni abbord il-bastimenti għandhom ikunu jistgħu jivvjaġġaw għal raġunijiet essenzjali. Iċ-ċittadini tal-UE li jispiċċaw jinqabdu fi Stati Membri li ma jkunux dawk li tagħhom ikunu ċittadini jew li fihom ikunu residenti, jew f’pajjiżi terzi jew inkella fl-ibħra internazzjonali, għandhom ikunu jistgħu jmorru lura lejn djarhom jekk l-istat tas-saħħa tagħhom ikun jippermetti dan (3). L-operaturi tal-bastimenti tal-kruċieri u s-sidien tal-bastimenti għandhom ir-responsabbiltà ewlenija biex jorganizzaw ir-ritorn tal-persuni abbord, kemm jekk dawn jiżbarkaw fl-UE u kemm jekk jiżbarkaw ’il barra minnha.

Ħafna baħħara li jaħdmu fuq il-bastimenti tal-merkanzija li jbaħħru fl-ibħra Ewropej huma ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Tkun xi tkun in-nazzjonalità tagħhom, huma għandhom ikunu jistgħu jivvjaġġaw lejn il-portijiet minn fejn ikollhom jitilgħu fuq il-bastiment u għandhom jitħallew jinżlu minn fuq il-bastiment u jmorru lura lejn djarhom, u dan se jgħin ukoll biex jiġi żgurat li s-settur jibqa’ jaħdem fuq perjodu medju taż-żmien u fit-tul, kif ikkonfermat mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Korsiji Ħodor (4). It-trasport marittimu jista’ jibqa’ għaddej bla waqfien biss jekk ikunu jistgħu jinbidlu l-membri tal-ekwipaġġ, li b’hekk jissalvagwardja s-suq intern billi l-prodotti jkunu jistgħu jitqassmu madwar l-UE u l-merkanzija tkun tista’ tiġi esportata mill-portijiet tal-UE u importata fihom. Għalhekk, l-Istati Membri għandhom jagħżlu portijiet fejn ikunu jistgħu jinbidlu b’mod faċli l-membri tal-ekwipaġġ.

Abbord il-bastimenti li fihom għandha interessi l-UE mad-dinja kollha jaħdmu madwar 600 000 baħħar ta’ diversi nazzjonalitajiet. L-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali tirrakkomanda li l-membri tal-ekwipaġġ ikunu jistgħu jinbidlu mad-dinja kollha (5). Sabiex ikun żgurat li t-trasport marittimu jkompli għaddej u li dan ikun sikur, il-Kummissjoni qed tieħu passi biex tiffaċilita u tikkoordina l-isforzi tal-Istati Membri biex jippermettu l-bidliet fil-membri tal-ekwipaġġ fil-portijiet tagħhom.

I.   Gwida ġenerali

1.

Is-servizzi kontinwi tat-trasport marittimu huma ta’ importanza strateġika ewlenija għall-UE, minħabba li 75 % mill-oġġetti li jaslu fl-UE u li joħorġu minnha u 30 % mill-oġġetti li jiċċirkolaw fis-Suq Intern jinġarru bil-baħar. Il-miżuri restrittivi li ġew adotatti biex tiġi miġġielda l-pandemija tal-COVID-19 għandu jkollhom l-inqas impatt possibbli fuq iċ-ċirkolazzjoni libera tal-oġġetti biex tinżamm l-attività ekonomika. Ir-restrizzjonijiet ma għandhomx iwasslu għal tfixkil serju fil-ktajjen tal-provvista, fis-servizzi essenzjali u fl-ekonomiji tal-Istati Membri jew tal-UE kollha kemm hi.

2.

F’konformità mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Korsiji Ħodor, il-baħħara għandhom jitħallew jaqsmu l-fruntieri u jaqsmu minn pajjiż għall-ieħor biex ikunu jistgħu jibdew xogħolhom abbord il-bastimenti tal-merkanzija u biex ikunu jistgħu jmorru lura lejn djarhom ladarba jispiċċawlhom il-kuntratti tagħhom. Meta l-Istati Membri jwettqu l-iskrinjar tas-saħħa, ma għandhomx idewmu b’mod sinifikanti lill-baħħar milli jitla’ abbord il-bastiment jew milli jmur lura f’pajjiżu.

3.

Fil-portijiet tal-UE għandhom jittieħdu miżuri biex jitħarsu dawk li jaħdmu fil-qasam tat-trasport marittimu u l-ħaddiema tal-portijiet, kif ukoll biex jitħarsu l-baħħara u l-persuni l-oħrajn li jkunu abbord il-bastiment waqt li dawn ikunu qed jitilgħu fuq il-bastiment u jinżlu minn fuqu (6). Biex jiġu żgurati s-saħħa u s-sikurezza tagħhom, għandhom jiġu vvalutati r-riskji kollha u jiġu stabbiliti l-miżuri x-xierqa ta’ prevenzjoni u ta’ protezzjoni skont id-dritt tal-Unjoni (7). L-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol tat informazzjoni speċifika dwar is-sikurezza u s-saħħa tal-ħaddiema b’rabta mal-ħarsien tagħhom mill-esponiment għall-COVID-19 (8). Għandhom jitqiesu wkoll il-Pariri għall-operaturi tal-vapuri għat-tħejjija u r-rispons għat-tifqigħa tal-COVID-19 (9) li ħarġet l-Azzjoni Konġunta msejħa “EU Healthy Gateways”. Meta persuna abbord bastiment tiġi identifikata bħala persuna li jaf tkun ta’ riskju għas-saħħa pubblika, għandhom jittieħdu l-miżuri x-xierqa biex tiġi evitata t-trażmissjoni, u dik il-persuna għandha tingħata aċċess malajr għall-kura medika adegwata, tkun xi tkun in-nazzjonalità tagħha. Dawk li kienu f’kuntatt ma’ dik il-persuna wkoll għandhom jingħataw il-kura tas-saħħa. Il-membri tal-ekwipaġġ li dwarhom ikun hemm suspett li jkunu infettati għandhom jiżolaw lilhom infushom meta dan ikun possibbli u għandhom ifittxu li jiżbarkaw malajr kemm jista’ jkun biex jiġu ttestjati. Huma għandhom jilbsu maskra medika u għandhom jevitaw kull kuntatt ieħor ma’ persuni oħrajn li ma jkunux lebsin tagħmir protettiv personali waqt li jkunu abbord il-bastiment u meta jkunu neżlin minn fuq il-bastiment.

4.

L-Istati Membri għandhom jikkonsultaw lill-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lill-ħaddiema u lill-impjegaturi fis-setturi tat-tbaħħir u tal-portijiet meta jkunu qed jimplimentaw il-miżuri mogħtija f’dawn il-linji gwida.

II.   Ir-ripatrijazzjoni tal-persuni li jkunu jinsabu abbord il-bastimenti tal-kruċieri u abbord il-bastimenti l-oħrajn kollha

Rakkomandazzjonijiet għall-bastimenti tal-kruċieri

5.

B’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19, l-operaturi tal-bastimenti tal-kruċieri waqqfu l-attivitajiet tagħhom b’mod temporanju. Il-waqfien tal-attivitajiet għandu jgħin biex jiġu limitati t-trażmissjonijiet il-ġodda fuq il-bastimenti tal-kruċieri. L-operatur tal-bastiment tal-kruċieri għandu r-responsabbiltà ewlenija biex jorganizza r-ritorn tal-passiġġieri u tal-membri tal-ekwipaġġ tal-bastimenti tal-kruċieri li jkunu se jsorġu (10). Dan jista’ jinkludi r-ripatrijazzjoni minn portijiet li jkunu jinsabu barra l-UE u, b’mod partikulari, l-organizzazzjoni tat-titjiriet ċarter kollha meħtieġa jew tal-mezzi l-oħrajn kollha tat-trasport meħtieġa.

6.

Fil-każ tal-vapuri li jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru tal-UE, l-Istat tal-bandiera għandu jħalli lill-passiġġieri u lill-membri tal-ekwipaġġ jinżlu minn fuq il-bastiment f’wieħed mill-portijiet tiegħu. L-Istati Membri għandhom jgħinu lill-operatur tal-bastiment tal-kruċieri jagħmel l-arranġamenti meħtieġa biex dawn jiġu rripatrijati u biex dawn ikollhom aċċess għall-kura medika x-xierqa.

7.

Jekk l-Istat tal-bandiera ma jkunx jista’ jilqa’ lill-bastiment, dak l-Istat għandu joffri l-għajnuna tiegħu lill-operaturi tal-bastimenti tal-kruċieri biex dawn jagħmlu l-arranġamenti x-xierqa ma’ Stati Membri oħrajn tal-UE jew ma’ pajjiżi terzi. L-arranġamenti għandhom inaqqsu kemm jista’ jkun il-ħin li l-bastiment jibqa’ fuq il-baħar, filwaqt li jipprevedu infrastruttura medika tajba u konnessjonijiet tat-trasport għar-ripatrijazzjonijiet. Dawn l-arranġamenti għandhom jinkludu l-fatt li jiġi ffaċilitat it-trakkar tal-bastiment mal-moll, l-iżbark tal-passiġġieri minn fuq il-bastiment, l-iskrinjar mediku u t-trattament mediku. Għandhom jinkludu wkoll ir-ripatrijazzjoni tal-passiġġieri u tal-membri tal-ekwipaġġ mill-port tal-Istat Membru l-ieħor tal-UE jew tal-pajjiż terz. Għandha tingħata attenzjoni speċifika għall-ħtiġijiet tal-passiġġieri vulnerabbli.

8.

Jekk il-bastiment ikun qed itajjar il-bandiera ta’ pajjiż terz, l-Istati Membri għandhom jilqgħuh għal raġunijiet umanitarji. F’dawn il-każijiet, għandhom jitolbu lill-operatur tal-bastimenti tal-kruċieri jagħmel l-arranġamenti finanzjarji u loġistiċi x-xierqa, skont l-obbligi tiegħu (pereżempju b’rabta mat-tagħmir protettiv personali meħtieġ, mal-faċilitajiet ta’ kwarantina, mal-kiri ta’ karozzi tal-linja u mat-titjiriet ċarter) qabel ma l-bastiment jitrakka mal-moll. F’każ li dan ma jirnexxilux jagħmel it-tali arranġamenti, għandu jitqies il-fatt li l-persuni abbord jitniżżlu b’mod sikur u malajr minn fuq il-bastiment u li jiġi ffaċilitat it-tranżitu tagħhom lejn djarhom.

9.

Jekk abbord il-bastiment ikun hemm persuni infettati bil-COVID-19, l-Istat tal-port tal-waqfa għandu jikkunsidra l-iżbark meta l-isptarijiet permanenti jew temporanji fil-viċinanza jkollhom biżżejjed kapaċità biex jipprovdu l-kura medika adegwata. Ladarba l-passiġġieri u l-membri tal-ekwipaġġ li ma jkollhomx l-infezzjoni jew li ma jkollhomx sintomi tagħha jinżlu minn fuq il-bastiment, dawn għandhom jittieħdu f’faċilitajiet ta’ kwarantina, jekk ikun hemm bżonn li jsiru kontrolli mediċi ta’ segwitu, jew inkella jiġu rripatrijati mill-ewwel.

10.

Sabiex jippermettu l-iżbark taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi għal raġunijiet umanitarji u jiffaċilitaw ir-ripatrijazzjoni tagħhom meta dawn ikunu ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’rekwiżiti ta’ viża u għal raġunijiet ta’ urġenza ma jkunux setgħu japplikaw għal viża minn qabel, l-Istati Membri għandhom jagħtuhom il-viżi meħtieġa mal-fruntiera.

11.

Jekk il-bastimenti tal-kruċieri li fuqhom ikun hemm ċittadini tal-UE jkollhom jittrakkaw f’pajjiżi terzi, l-Istati Membri jistgħu jattivaw il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili bħala l-aħħar għażla, pereżempju jekk ma jkun hemm l-ebda titjira kummerċjali disponibbli. Jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet, il-Kummissjoni, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u d-Delegazzjoni tal-UE fil-pajjiż terz ikunu jistgħu jipprovdu l-għajnuna għar-ripatrijazzjoni.

Rakkomandazzjonijiet għall-bastimenti kollha dwar it-tranżitu tal-passiġġieri u tal-membri tal-ekwipaġġ u l-iżbark tagħhom

12.

F’dak li għandu x’jaqsam mat-tranżitu tal-passiġġieri u tal-membri tal-ekwipaġġ, l-Istati Membri għandhom isegwu l-Gwida dwar l-implimentazzjoni tar-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE, dwar il-faċilitazzjoni tal-arranġamenti ta’ tranżitu għar-ripatrijazzjoni taċ-ċittadini tal-UE, u dwar l-effetti fuq il-politika dwar il-viżi (11) .

13.

B’mod partikulari, l-Istati Membri jridu jiffaċilitaw it-tranżitu ta’ ċittadini tal-UE u ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkollhom permess ta’ residenza jew viża għal soġġorn twil li jkunu sejrin lura lejn l-Istat Membru li tiegħu jkunu ċittadini jew li fih ikunu residenti (12). L-Istati Membri għandhom japplikaw il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COVID-19 Linji Gwida rigward l-eżerċitar tal-moviment liberu tal-ħaddiema (13) .

14.

Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jidentifikaw portijiet xierqa li jkunu jistgħu jiġu kkollegati mal-kurituri tat-tranżitu ta’ passaġġ sikur stabbiliti skont il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Korsiji Ħodor (14) .

15.

Dan japplika wkoll meta t-tali persuni jinżlu minn fuq il-bastimenti tal-kruċieri u minn fuq bastimenti oħrajn f’portijiet tal-UE u jkunu jixtiequ jmorru lura lejn l-Istat Membru li tiegħu jkunu ċittadini jew li fih ikunu residenti. L-operaturi tal-bastimenti tal-kruċieri jew is-sidien tal-bastimenti għandhom jikkoordinaw it-tranżitu ta’ għadd ikbar ta’ persuni mal-awtoritajiet nazzjonali tal-Istat Membru fejn ikun jinsab il-port, kif ukoll mal-awtoritajiet konsulari lokali tal-pajjiżi li tagħhom ikunu ċittadini jew li fihom ikunu residenti dawk il-persuni.

16.

Għal dan il-għan, l-operaturi tal-bastimenti tal-kruċieri u s-sidien tal-bastimenti għandhom jistabbilixxu fejn ikun beħsiebhom imorru l-persuni li jkunu se jinżlu minn fuq il-bastiment. L-operaturi tal-bastimenti tal-kruċieri jew is-sidien tal-bastimenti għandhom jibagħtu din l-informazzjoni lill-awtoritajiet imsemmijin fil-paragrafu ta’ qabel, flimkien mal-mezz ta’ trasport li jkun beħsiebhom jorganizzaw biex dawn il-persuni jkomplu l-vjaġġ tagħhom.

17.

Meta, minħabba perjodu estiż abbord, ikunu skadew id-dokumenti tal-ivvjaġġar tal-persuni abbord, l-Istati Membri għandhom iħallu liċ-ċittadini tal-UE u lill-membri tal-familja tagħhom li jkollhom passaport skadut u/jew viża skaduta jidħlu fit-territorju tagħhom, f’konformità mad-Direttiva 2004/38/KE (15).

18.

Meta jkun hemm diffikultajiet temporanji li jipprevjenu r-ripatrijazzjoni immedjata taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz minħabba r-restrizzjonijiet li jkun stabbilixxa l-pajjiż li tiegħu jkunu ċittadini, f’konformità mal-obbligi tagħhom, l-operaturi tal-bastimenti tal-kruċieri jew is-sidien tal-bastimenti għandhom jiftehmu mal-Istat tal-port tal-waqfa dwar l-arranġamenti biex jiżguraw li l-persuni kkonċernati jibqgħu hemm fis-sikurezza. Dan għandu jinkludi l-aċċess għal kura medika adegwata u għal akkomodazzjoni adegwata, u l-awtoritajiet ta’ dak l-Istat jistgħu jkunu intitolati jitolbu kumpens mingħand l-operatur tal-bastiment għal dan (16).

19.

Għall-finijiet tar-ripatrijazzjoni tal-persuni abbord li jistgħu jkunu infettati bil-COVID-19, l-Istati Membri għandhom iqisu l-Pariri għall-awtoritajiet tas-saħħa u għall-operaturi tal-bastimenti li jkunu ddeċidew li jissospendu t-tbaħħir u għat-trakkar fit-tul tal-bastimenti mal-mollijiet fil-portijiet tal-Istati Membri tal-UE jew taż-ŻEE matul il-pandemija tal-COVID-19 (17).

20.

F’dak li għandu x’jaqsam mar-ripatrijazzjoni taċ-ċittadini tal-UE mill-portijiet ta’ pajjiżi terzi, l-operatur tal-bastiment tal-kruċieri jew sid il-bastiment għandhom jgħarrfu lill-awtoritajiet konsulari tal-Istati Membri li jkunu rrappreżentati f’dak il-pajjiż terz u lid-Delegazzjoni tal-UE, meta jkun hemm, dwar il-mezzi li jkun beħsiebhom jorganizzaw għar-ripatrijazzjoni ta’ dawk iċ-ċittadini lejn l-UE. L-awtoritajiet tal-Istati Membri jistgħu jiksbu l-informazzjoni dwar fejn ikunu jinsabu l-bastimenti tal-kruċieri li jkunu fi triqithom lejn l-Ewropa mis-Sistema tal-Unjoni għall-iskambju tal-informazzjoni marittima (18) li tospitaha l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima.

Rakkomandazzjonijiet b’rabta ma’ bastimenti oħrajn li jkunu se jsorġu

21.

Sid il-bastiment għandu r-responsabbiltà ewlenija għar-ripatrijazzjoni tal-baħħara li jkunu jaħdmu fuq il-bastimenti li jkunu se jsorġu (19). L-Istat tal-bandiera għandu jiffaċilita r-ripatrijazzjoni tal-baħħara li jkunu jinsabu abbord it-tali bastimenti, l-iktar meta ma jkun hemm l-ebda konnessjoni tat-trasport lejn l-Istat Membru jew il-pajjiż terz tal-baħħar. Jekk membru tal-ekwipaġġ ikollu kundizzjoni akuta li tkun teħtieġ l-attenzjoni medika jew ikun ikkonfermat li jkun infettat bil-COVID-19 jew ikun hemm suspett li jkun infettat b’din il-marda, għandhom jittieħdu l-miżuri spjegati fid-dettall fil-paragrafi 4, 19 u 28.

III.   Bidliet fil-membri tal-ekwipaġġ

22.

Sabiex is-servizzi marittimi jibqgħu jaħdmu, l-Istati Membri għandhom jippermettu li l-membri tal-ekwipaġġ jinbidlu fil-portijiet tagħhom.

23.

Minħabba li l-baħħara jitqiesu bħala persunal essenzjali, ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar ma għandhomx japplikaw għalihom meta dawn ikunu sejrin lejn il-port minn fejn ikunu se jibdew xogħolhom (20). Dan jikkonforma mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-Restrizzjoni Temporanja fuq Vjaġġar Mhux Essenzjali lejn l-UE (21) . F’dan ir-rigward, l-Istati Membri għandhom japplikaw il-miżuri deskritti fil-Linji Gwida rigward l-eżerċitar tal-moviment liberu tal-ħaddiema (22) .

24.

Anke fejn huma permessi l-bidliet fl-ekwipaġġ, sar diffiċli għall-baħħara li jivvjaġġaw lejn il-pajjiż minn fejn suppost ikunu se jitilgħu abbord il-bastimenti, minħabba li l-konnessjonijiet tat-trasport issa huma limitati ħafna. Għandhom jitqiesu arranġamenti speċifiċi tal-ivvjaġġar biex jiffaċilitaw il-vjaġġi tal-baħħara mill-portijiet marittimi u lejhom, kif preskritt fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Korsiji Ħodor.

25.

Il-baħħara li jkunu ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’rekwiżiti ta’ viża u li għal raġunijiet ta’ urġenza ma setgħux japplikaw għal viża minn qabel għandhom jingħataw il-viża meħtieġa mal-fruntiera.

26.

Ħafna mill-Istati Membri ħadu miżuri biex jippermettu wkoll l-estensjoni tal-Ftehimiet dwar l-Impjiegi tal-Baħhara (23) b’ċerti kundizzjonijiet. Dawn jiġu ssodisfati meta ma tkunx tista’ ssir ir-ripatrijazzjoni jew meta ma jkunux jistgħu jinbidlu l-membri tal-ekwipaġġ. L-Istati Membri qed jippermettu wkoll li tiġi estiża l-validità tad-Dokumenti ta’ Konformità tax-Xogħol Marittimu li jkunu skadew. Bl-istess mod, l-Istati Membri li joħorġu u li japprovaw iċ-ċertifikati essenzjali qed jestenduhom b’mod temporanju sa tmiem il-perjodu ta’ emerġenza. L-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (l-OMI) (24) u l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (l-ILO) (25) ħarġu gwida dwar l-estensjoni taċ-ċertifikati u tal-Ftehimiet dwar l-Impjiegi tal-Baħħara (26).

27.

L-estensjoni tal-perjodu normali tal-Ftehim dwar l-Impjiegi tal-Baħħara, li s-soltu jkun ta’ 11-il xahar, tista’ żżid l-għeja u tkun ta’ ħsara għas-saħħa mentali tal-baħħara u għas-sikurezza marittima. Għalhekk il-Ftehimiet dwar l-Impjiegi tal-Baħhara ma għandhomx jiġu estiżi iktar milli jkun hemm bżonn. Il-baħħara għandhom ikunu jistgħu jibqgħu abbord għal perjodu raġonevoli li jaqbeż il-perjodu ta’ servizz skedat tagħhom, jekk dan ikun meħtieġ (27). F’każ li l-passaporti tal-baħħara jiskadu u dawn ma jkollhomx aċċess għas-servizzi konsulari, l-estensjoni tal-Ftehimiet dwar l-Impjiegi tal-Baħhara għandha tiġi skuraġġuta u għandha tiġi ffaċilitata r-ripatrijazzjoni tagħhom. Jekk ma tkunx tista’ ssir ir-ripatrijazzjoni, l-operatur u l-Istat tal-bandiera għandhom jieħdu l-miżuri biex jestendu l-Ftehim dwar l-Impjiegi tal-Baħhara bi qbil mal-baħħar u għandhom jistabbilixxu l-arranġamenti biex jiżguraw li dan jiġi rripatrijat mill-aktar fis possibbli.

28.

Sabiex jitnaqqsu r-riskji ta’ trażmissjoni tal-COVID-19, sidien il-bastimenti għandhom jistabbilixxu proċeduri adegwati tas-sikurezza abbord meta jibdew jaħdmu l-membri l-ġodda tal-ekwipaġġ. Għandhom jiġu vvalutati r-riskji kollha u jiġu stabbiliti l-miżuri x-xierqa ta’ prevenzjoni u ta’ protezzjoni skont id-dritt tal-Unjoni (28). Filwaqt li għandhom jitwettqu l-eżamijiet mediċi, dawn ma għandhomx idewmu bla bżonn lill-baħħara milli jibdew xogħolhom abbord. Għandhom jitqiesu l-informazzjoni li tat l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol u l-pariri tal-Azzjoni Konġunta msejħa “EU Healthy Gateways” imsemmijin fil-paragrafu 3.

29.

F’konformità mal-pariri msemmijin fil-paragrafu 3, l-għażla ewlenija biex ikun żgurat li l-baħħara li jkunu jinsabu f’riskju li jinfettaw ruħhom bil-COVID-19 (29) ikunu jistgħu jibdew xogħolhom għandha tkun li jiġu ttestajti qabel ma jitilgħu abbord. Meta ma jkunx jista’ jsir l-ittestjar minħabba kapaċità limitata, għandha titteħdilhom it-temperatura u għandhom jiġu ċċekkjati s-sintomi respiratorji reċenti tagħhom jew il-kuntatt li dawn seta’ kellhom ma’ xi ħadd infettat bil-COVID-19 minflok.

IV.   Portijiet magħżulin għall-bidliet fl-ekwipaġġ

30.

L-Istati Membri għandhom jikkonsultaw mal-Kummissjoni u, b’koordinazzjoni bejniethom, jagħżlu diversi portijiet fl-Unjoni fejn ikunu jistgħu jinbidlu malajr il-membri tal-ekwipaġġ. Dawn il-portijiet għandhom ikunu ġeografikament mifruxin biex ikopru l-Unjoni u għandhom ikunu kkollegati ma’ ajruporti u stazzjonijiet tal-ferrovija li jkunu qed jaħdmu. L-Istati Membri għandhom jipprevedu l-possibbiltà ta’ titjiriet u vjaġġi bil-ferrovija speċifiċi jew regolari biex jiżguraw il-konnessjonijiet tat-trasport għall-bidliet meħtieġa fl-ekwipaġġ u jippermettu l-ivvjaġġar u r-ripatrijazzjoni ta’ malajr tal-baħħara.

31.

Għandu jkun hemm akkomodazzjoni qrib dawn il-portijiet magħżula fejn il-baħħara jkunu jistgħu jistennew li jasal il-bastiment li suppost ikunu se jitilgħu fuqu jew fejn ikunu jistgħu jistennew it-titjira, il-ferrovija jew il-bastiment li jkollhom jaqbdu jekk dawn ma jkunux jitilqu fl-istess ġurnata. Din l-akkomodazzjoni għandu jkollha faċilitajiet adegwati biex huma jkunu jistgħu jistkennu fiha. Hija għandha tkun tali li huma jkunu jistgħu jqattgħu 14-il ġurnata kwarantina (30) fiha qabel ma jitilgħu abbord il-bastiment u wara li jiżbarkaw jekk l-Istat Membru kkkonċernat jitlob dan u jekk ma jkunux jistgħu jiġu ttestjati.

32.

Il-portijiet għandu jkollhom servizzi mediċi aċċessibbli u adegwati li jkunu għad-dispożizzjoni tal-baħħara meta dawn jitilgħu abbord il-bastiment, meta jinżlu minn fuqu u matul il-perjodi ta’ kwarantina tagħhom. Dawn għandhom ikunu mgħammra wkoll b’servizzi soċjali aċċessibbli (31).

33.

Minħabba li s-settur tat-tbaħħir huwa ta’ natura internazzjonali, id-diffikultajiet marbutin mal-bidliet fl-ekwipaġġ mhumiex limitati għall-attivitajiet fl-Unjoni Ewropea biss. Bħala medja, kull xahar, mad-dinja kollha madwar 100 000 baħħar jintemmlu l-kuntratt tal-impjieg tiegħu. Għalhekk il-prattika li jingħażlu portijiet fejn ikunu jistgħu jinbidlu b’mod sikur u mingħajr xkiel il-membri tal-ekwipaġġ tista’ tinqasam ma’ pajjiżi terzi biex tiġi implimentata mad-dinja kollha.

V.   Rakkomandazzjonijiet sanitarji u provvisti tal-bastimenti

34.

Il-baħħara għandu jkollhom aċċess għal kura medika adegwata li tkun tixbah kemm jista’ jkun lil dik li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom il-ħaddiema fuq l-art. Huma għandu jkollhom aċċess fil-pront għall-mediċini, għall-informazzjoni u għat-trattament ta’ kull kundizzjoni tas-saħħa li tkun teħtieġ dan (32).

35.

Il-kuntatt bejn il-membri tal-ekwipaġġ u l-ħaddiema tal-portijiet, fosthom il-kaptani, għandu jitnaqqas kemm jista’ jkun biex kollha kemm huma jitħarsu mir-riskju ta’ trażmissjoni tal-COVID-19 (33). Għandu jintlibes it-tagħmir protettiv personali u għandhom jiġu stabbiliti miżuri ta’ tbegħid soċjali fil-każ ta’ kull kuntatt li jkun meħtieġ. Sakemm il-membri kollha tal-ekwipaġġ ikunu b’saħħithom, ir-riskju abbord il-bastiment huwa inqas milli fuq l-art. Għalhekk għandu jitqies bir-reqqa l-għoti ta’ permess għall-btajjel fuq l-art, filwaqt li jitqies il-benesseri ġenerali tal-membri tal-ekwipaġġ fiċ-ċirkustanzi attwali (34). Meta l-membri kollha tal-ekwipaġġ ta’ bastiment ikunu b’saħħithom u l-bastiment ikun daħal l-aħħar f’port iktar minn ġimagħtejn qabel, dawn il-membri tal-ekwipaġġ ma għandhomx jitpoġġew fi kwarantina meta jinżlu minn fuq il-bastiment biex imorru lura f’pajjiżhom.

36.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kaptan tal-bastiment ifittex parir mediku mill-aktar fis possibbli kull meta jissuspetta li xi membru tal-ekwipaġġ tiegħu jaf ikun infettat bil-COVID-19 (35). Dan huwa importanti għas-sikurezza tal-membri tal-ekwipaġġ, għall-passiġġieri u għas-saħħa pubblika fl-Istat tal-port (ara t-Taqsima VII ta’ hawn taħt).

37.

F’każ li bastiment jiġi identifikat bħala bastiment li fuqu jkun hemm persuni kkonfermati li huma infettati bil-COVID-19 jew li dwarhom ikun hemm suspett li jkunu infettati b’din il-marda, il-port tal-waqfa li jkun imiss, jew port eqreb minnu, jekk ikun hemm wieħed, għandu jiżgura li jkun jista’ jilqgħu. Il-bastiment inkwistjoni ma għandux tinbidillu r-rotta mingħajr ġustifikazzjoni. F’każ li l-prijoritizzazzjoni ta’ profili ta’ każijiet differenti fis-sistema nazzjonali tal-kura tas-saħħa fir-reġjun tal-port magħżul ma tkunx tippermetti li l-baħħara affettwati jingħataw il-kura medika adegwata, il-bastiment għandu jintlaqa’ fl-eqreb port disponibbli li jkun jista’ jipprovdi l-kura u l-faċilitajiet meħtieġa.

38.

Il-baħħara li jkollhom sintomi ħfief u li dwarhom ikun hemm suspett li jkunu infettati bil-marda għandhom jiġu ttestjati fil-port tal-waqfa li jkun imiss, u l-membri kollha tal-ekwipaġġ għandu jkollhom aċċess għall-kura medika adegwata. Bħala parti minn dan, il-persuna jew il-persuni kkonċernati għandhom jiġu evakwati u għandhom jirċievu l-kura medika adegwata. Jekk ikun hemm suspett li persuna waħda abbord tkun infettata bil-COVID-19, il-membri kollha tal-ekwipaġġ għandhom joqogħdu fi kwarantina għal 14-il jum (36), jew abbord jew fuq l-art (37). Dan l-obbligu ta’ kwarantina għandu jitneħħa jekk it-test tal-membru tal-ekwipaġġ li dwaru jkun hemm suspett li jkun infettat bil-COVID-19 juri li dan mhuwiex infettat bil-marda, jew jekk it-testijiet tal-membri tal-ekwipaġġ li jkunu fi kwarantina wkoll juru li huma mhumiex infettati b’din il-marda.

39.

Il-bastimenti għad għandhom l-obbligu legali li jkollhom abbord il-provvisti tal-bastimenti (38), u għandu jintuża t-tagħmir protettiv personali biex il-membri tal-ekwipaġġ jitħarsu mill-esponiment għall-COVID-19. Ir-reġim tal-Unjoni marbut mal-esportazzjoni tat-tagħmir protettiv personali ma jwaqqafx dan l-obbligu. Il-konsenja ta’ dan it-tagħmir bħala provvisti tal-bastimenti ma tirrikjedix l-awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni ddefinita fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/402 (39). Dan ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni għandu x’jaqsam b’mod speċifiku mal-proċedura doganali tal-esportazzjoni iżda, abbażi tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (40), din il-proċedura doganali ma tapplikax għall-provvisti tal-bastimenti.

40.

L-ammont ta’ tagħmir protettiv personali abbord għandu jiżdied biex ikun żgurat li jkun hemm biżżejjed provvisti għat-tliet sitwazzjonijiet li ġejjin:

għall-interazzjoni tal-għadd meħtieġ ta’ membri tal-ekwipaġġ mal-kaptani;

għall-interazzjoni tal-persuni l-oħrajn abbord il-bastiment ma’ membru tal-ekwipaġġ f’każ li dan jimrad;

għall-btajjel fuq l-art (għalkemm dawn għandhom jitnaqqsu kemm jista’ jkun).

41.

Iridu jiġu segwiti r-rekwiżiti minimi tas-sikurezza u tas-saħħa għal trattament mediku mtejjeb abbord il-bastimenti (41). Fuq il-bastiment għandhom jinżammu l-mediċini skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-aħħar verżjoni tal-gwida medika internazzjonali għall-bastimenti tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa msejħa “International Medical Guide for Ships” u tal-Anness C tal-gwida tal-OMI għall-operaturi tal-bastimenti għall-protezzjoni tas-saħħa tal-baħħara msejħa “Guidance for ship operators for the protection of the health of seafarers” (42).

VII.   Rakkomandazzjoni għal rappurtar addizzjonali aġġornat marbut mal-COVID-19 min-naħa tal-bastimenti li jkunu deħlin fil-portijiet tal-UE

42.

Skont id-dritt tal-Unjoni (43), diġà hemm bżonn tad-Dikjarazzjoni Marittima tas-Saħħa. Il-kaptan jew kull persuna oħra li l-operatur tal-bastiment ikun awtorizza kif xieraq għandu jirraporta lill-awtorità kompetenti li dak l-Istat Membru jkun għażel. Din għandha tintbagħat permezz tas-“single window” nazzjonali qabel ma l-bastiment jasal f’port li jkun jinsab fi Stat Membru tal-UE:

a.

tal-inqas 24 siegħa qabel; jew

b.

mhux aktar tard minn meta dak il-bastiment jitlaq mill-port ta’ qabel, jekk il-vjaġġ lejn il-port tal-wasla jkun ta’ inqas minn 24 siegħa; jew

c.

jekk il-port fejn ikun sejjer ma jkunx magħruf jew jekk dan ikun inbidel matul il-vjaġġ, malli din l-informazzjoni tkun disponibbli.

43.

Id-Dikjarazzjoni Marittima tas-Saħħa għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni fis-“single window” nazzjonali. Permezz tagħha, l-awtoritajiet rilevanti jistgħu jiċċekkjaw l-istat tas-saħħa tal-persuni abbord bastiment qabel ma dan jidħol fil-portijiet tagħhom.

44.

Il-COVID-19 tinfirex malajr ħafna u għandha perjodu ta’ inkubazzjoni li jaf ikun twil sa 14-il jum. Huwa rakkomandat li l-Istati Membri jitolbu lill-kaptan tal-bastiment jikkomunika l-informazzjoni li ġejja mal-awtorità relevanti erba’ sigħat qabel ma l-bastiment huwa stmat li jasal fil-port tal-waqfa:

a.

l-għadd ta’ persuni abbord il-bastiment b’kollox (kemm membri tal-ekwipaġġ kif ukoll passiġġieri);

b.

l-għadd ta’ persuni infettati bil-COVID-19;

c.

l-għadd ta’ persuni li dwarhom hemm suspett li huma infettati bil-COVID-19 (44).

Din l-informazzjoni tista’ tintbagħat permezz tar-radju VHF tal-bastiment jew permezz ta’ Dikjarazzjoni Marittima tas-Saħħa aġġornata.


(1)  Il-Linji gwida għal miżuri ta’ ġestjoni tal-fruntieri biex tiġi protetta s-saħħa u tiġi żgurata d-disponibbiltà tal-oġġetti u tas-servizzi essenzjali (C(2020) 1753 final) (ĠU C 86 I, 16.3.2020, p. 1).

(2)  Dawn jinkludu, fost l-oħrajn, lill-baħħara, lil dawk li jaħdmu fil-qasam tat-trasport marittimu u lis-sajjieda.

(3)  Il-persuni abbord il-bastimenti għandhom ikunu jistgħu jivvjaġġaw jekk ma jkollhom l-ebda sintomu, jekk ma kinux esposti b’mod partikulari għal xi riskju ta’ infezzjoni u jekk ma jitqisux li huma ta’ theddida għas-saħħa pubblika.

(4)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Korsiji Ħodor skont il-Linji Gwida għall-miżuri ta’ ġestjoni tal-fruntieri biex tiġi protetta s-saħħa u tiġi żgurata d-disponibbiltà tal-oġġetti u tas-servizzi essenzjali (C(2020) 1897 final) (ĠU C 96 I, 24.3.2020, p. 1).

(5)  Iċ-Ċirkulari Nru 4204/Add. 6 tal-OMI tas-27 ta’ Marzu 2020.

(6)  Dawk li jaħdmu fil-qasam tat-trasport marittimu jinkludu n-nies li jaħdmu abbord il-bastimenti kummerċjali domestiċi u internazzjonali, il-bastimenti tal-merkanzija, il-bastimenti tal-irmonk u tat-tħammil, il-bastimenti involuti fl-oqsma taż-żejt u tal-gass u l-bastimenti ta’ servizz fuq il-baħar, il-bastimenti ta’ appoġġ u l-bastimenti ta’ riżerva li jkunu qed jaħdmu fl-oqsma tal-provvista tal-enerġija, kif ukoll il-persunal operattiv, tas-sikurezza u tekniku li xogħlu jkun li jappoġġa l-attivitajiet tal-bastimenti u l-attivitajiet ta’ fuq il-baħar minn fuq l-art.

(7)  Id-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12 ta’ Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol (ĠU L 183, 29.6.1989, p. 1).

(8)  Ara l-gwida tagħha msejħa “COVID-19: guidance for the workplace”, li tinsab fis-sit web li ġej: https://osha.europa.eu/mt/highlights/covid-19-guidance-workplace.

(9)  https://www.healthygateways.eu/Portals/0/plcdocs/EU_HEALTHY_GATEWAYS_COVID-19_MARITIME_20_2_2020_FINAL.pdf?ver=2020-02-21-123842-480.

(10)  Is-soltu kruċiera tissodisfa d-definizzjoni ta’ “pakkett” u għalhekk tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2015/2302 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar pakketti tal-ivvjaġġar u arranġamenti tal-ivvjaġġar marbuta. Dik id-Direttiva tistabbilixxi l-obbligi tal-organizzatur, fosthom li dan jipprovdi l-għajnuna lill-vjaġġaturi li jkunu f’diffikultà. L-operatur tal-kruċieri għandu jwassal lill-vjaġġaturi lejn il-port tal-iżbark li jkun imniżżel fil-kuntratt tal-pakkett tal-ivvjaġġar. Jekk il-pakkett ikun jinkludi wkoll it-trasport tal-vjaġġatur mill-port tal-imbark jew tal-iżbark u lejh (pereżempju t-titjira), l-organizzatur għandu jwassal lill-vjaġġatur lejn il-punt tal-oriġini tiegħu. L-organizzaturi tal-pakketti jridu jieħdu protezzjoni mill-insolvenza li għandha tkun tkopri r-ripatrijazzjoni tal-vjaġġaturi jekk il-kuntratt tal-pakkett tal-ivvjaġġar ikun jinkludi t-trasport tal-passiġġieri.

(11)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COVID-19 Gwida dwar l-implimentazzjoni tar-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE, dwar il-faċilitazzjoni tal-arranġamenti ta’ tranżitu għar-ripatrijazzjoni taċ-ċittadini tal-UE, u dwar l-effetti fuq il-politika dwar il-viżi (C(2020) 2050 final) (ĠU C 102 I, 30.3.2020, p. 3).

(12)  Ibid.

(13)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COVID-19 Linji Gwida rigward l-eżerċitar tal-moviment liberu tal-ħaddiema (C/2020/2051) (ĠU C 102 I, 30.3.2020, p. 12).

(14)  Fil-Komunikazzjoni C(2020) 1897 final (ĠU C 96 I, 24.3.2020, p. 1), l-Istati Membri huma mitluba jagħżlu l-punti ta’ qsim tal-fruntieri interni rilevanti kollha tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport (it-TEN-T) u oħrajn addizzjonali sal-punt li jitqies li jkun meħtieġ, bħala punti ta’ qsim tal-fruntieri fejn ikun hemm“korsiji ħodor”, għat-trasport fuq l-art, bil-baħar u bl-ajru.

(15)  Id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri (ĠU L 158, 30.4.2004. p. 77).

(16)  Fil-każ tal-baħħara japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu tal-2006.

(17)  Ara d-dokument hawn: https://www.healthygateways.eu/Portals/0/plcdocs/EU_HEALTHY_GATEWAYS_COVID-19_Stationed_ships_18_3_2020_F.pdf?ver=2020-03-20-183254-500.

(18)  Is-sistema msejħa “SafeSeaNet”, li tinsab fis-sit web li ġej: http://www.emsa.europa.eu/ssn-main.html.

(19)  Ara b’mod partikulari l-istandards A2.1 u A2.5.1 tal-Anness tad-Direttiva tal-Kunsill 2009/13/KE u d-dispożizzjonijiet relatati tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu tal-2006.

(20)  Il-Linji gwida għal miżuri ta’ ġestjoni tal-fruntieri biex tiġi protetta s-saħħa u tiġi żgurata d-disponibbiltà tal-oġġetti u tas-servizzi essenzjali (C(2020) 1753 final) (ĠU C 86 I, 16.3.2020, p. 1).

(21)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COVID-19: Restrizzjoni Temporanja fuq Vjaġġar Mhux Essenzjali lejn l-UE (COM(2020) 115 final).

(22)  Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COVID-19 Linji Gwida rigward l-eżerċitar tal-moviment liberu tal-ħaddiema (C/2020/2051) (ĠU C 102 I, 30.3.2020, p. 12).

(23)  Kull baħħar impjegat fuq bastiment li għalih japplikaw ir-Regolamenti tal-2014 għall-bastimenti tal-merkanzija (il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu, ir-Rekwiżiti Minimi għall-Baħħara, eċċ.) irid ikollu Ftehim dwar l-Impjiegi tal-Baħħara li jkun ġuridikament eżegwibbli.

(24)  Iċ-Ċirkulari Nru 4204/Add. 5 tal-OMI tas-17 ta’ Marzu 2020.

(25)  Id-Dikjarazzjoni msejħa “Statement of the Officers of the Special Tripartite Committee on the coronavirus disease (COVID-19)” tal-31 ta’ Marzu 2020.

(26)  Qed issir referenza wkoll għan-nota tas-servizzi tal-Kummissjoni dwar ir-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni dwar iċ-ċertifikati rregolati mid-dritt tal-Unjoni u, b’mod iktar speċifiku, dwar ir-rekwiżiti li huma ta’ diffikultà minħabba l-miżuri li ttieħdu fil-kuntest tal-kriżi tal-COVID-19, li tinsab fis-sit web li ġej: https://ec.europa.eu/transport/sites/transport/files/2020-04-06-issue_of_expiry_of_licences_and_certificates.pdf. Il-lista taċ-ċertifikati msemmija se tiġi aġġornata f’dak li għandu x’jaqsam maċ-ċertifikati tal-baħħara.

(27)  Japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu tal-2006.

(28)  Id-Direttiva tal-Kunsill 89/391/KEE tat-12 ta’ Ġunju 1989 dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri sabiex jinkoraġġixxu titjib fis-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema fuq ix-xogħol (ĠU L 183, 29.6.1989, p. 1).

(29)  Ara t-taqsima msejħa “Case definition and European surveillance for COVID-19” li tinsab fis-sit web li ġej: https://www.ecdc.europa.eu/en/case-definition-and-european-surveillance-human-infection-novel-coronavirus-2019-ncov

(30)  Il-perjodu rrakkomandat ta’ kwarantina jista’ jinbidel malli jkun hemm iktar informazzjoni dwar il-COVID-19. Għandhom jiġu segwiti l-perjodi rrakkomandati miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard u mill-awtoritajiet tas-saħħa tal-Istati Membri.

(31)  Japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu tal-2006.

(32)  Japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu tal-2006.

(33)  L-eżempji jinkludu l-istabbiliment ta’ timijiet apposta għall-attivitajiet mal-portijiet bħall-kaptani, l-irmiġġ, it-terminals tal-kontroll, id-diżinfezzjoni wara kull xift, l-iskambjar tad-dokumenti preferibbilment permezz ta’ mezzi elettroniċi, eċċ.

(34)  Il-btajjel fuq l-art huma koperti bid-Direttiva tal-Kunsill 2009/13/KE tas-16 ta’ Frar 2009 li timplimenta l-Ftehim konkluż mill-Assoċjazzjonijiet tas-Sidien tal-Bastimenti tal-Komunità Ewropea (ECSA) u l-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF) dwar il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu, 2006, u li temenda d-Direttiva 1999/63/KE (ĠU L 124, 20.5.2009, p. 30).

(35)  Skont l-Istandard A4.1 tal-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu, l-awtorità kompetenti għandha tiżgura, permezz ta’ sistema stabbilita minn qabel, li kull persuna abbord tkun tista’ tingħata l-pariri mediċi li jaf ikollha bżonn, fosthom pariri speċjalizzati, il-ħin kollu, permezz tat-trażmissjonijiet bir-radju jew bis-satellita lill-bastimenti li jkunu fuq il-baħar; dawn il-pariri mediċi, fosthom it-trażmissjoni suċċessiva tal-messaġġi mediċi permezz tat-trażmissjonijiet bir-radju jew bis-satellita bejn il-bastiment u dawk fuq l-art li jkunu qed jagħtu l-pariri, għandhom jingħataw bla ħlas lill-bastimenti kollha, irrispettivament mill-bandiera li jkunu jtajru.

(36)  Il-perjodu rrakkomandat ta’ kwarantina jista’ jinbidel malli jkun hemm iktar informazzjoni dwar il-COVID-19. Għandhom jiġu segwiti l-perjodi rrakkomandati miċ-Ċentri Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard u mill-awtoritajiet tas-saħħa tal-Istati Membri.

(37)  Dawn ir-rakkomandazzjonijiet ta’ kwarantina jikkonformaw mar-rakkomandazzjonijiet li l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa għamlet fid-19 ta’ Marzu 2020 fid-dokument ta’ gwida tagħha msejjaħ “Considerations for quarantine of individuals in the context of containment for coronavirus disease (COVID-19), Interim guidance, 19 March 2020”.

(38)  Id-Direttiva tal-Kunsill 92/29/KEE tal-31 ta’ Marzu 1992 dwar ħtiġiet minimi ta’ sigurtà u ta’ saħħa għal trattament mediku mtejjeb abbord bastimenti (ĠU L 113, 30.4.1992, p. 19).

(39)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/402 tal-14 ta’ Marzu 2020 li jagħmel l-esportazzjoni ta’ ċerti prodotti soġġetta għall-produzzjoni ta’ awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni (ĠU L 77 I, 15.3.2020, p. 1).

(40)  Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).

(41)  Id-Direttiva tal-Kunsill 92/29/KEE tal-31 ta’ Marzu 1992 dwar ħtiġiet minimi ta’ sigurtà u ta’ saħħa għal trattament mediku mtejjeb abbord bastimenti (ĠU L 113, 30.4.1992, p. 19).

(42)  Iċ-Ċirkulari Nru 4204/Add. 4 tal-OMI tal-5 ta’ Marzu 2020.

(43)  Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2010/65/UE tal-20 ta’ Ottubru 2010 dwar il-formalitajiet ta’ rappurtar għal bastimenti li jaslu fi u/jew jitilqu minn portijiet tal-Istati Membri u li tħassar id-Direttiva 2002/6/KE (ĠU L 283, 29.10.2010, p. 1).

(44)  Kif iddefinit miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard fis-sit web li ġej: https://www.ecdc.europa.eu/en/news-events/covid-19-ecdc-updates-case-definition-eu-surveillance.