30.3.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 102/13


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

(2020/C 102/09)

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1)

DOKUMENT UNIKU

“ΕΛΑΙΟΛΑΔΟ ΜΑΚΡΗΣ” (ELAIOLADO MAKRIS)

Nru tal-UE: PDO-GR-02388-AM01 – 11.1.2018

DOP (X) IĠP ()

1.   Isem/ismijiet

“Ελαιόλαδο Μάκρης” (Elaiolado Makris)

2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz

Il-Greċja

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Klassi 1.5. Żjut u xaħmijiet (butir, marġerina, żejt, eċċ.)

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

L-“Elaiolado Makris” huwa żejt taż-żebbuġa extra verġni prodott miż-żebbuġ tal-varjetà indiġena “Elia Makris”, li jirrappreżenta madwar 99 % taż-żebbuġ imkabbar fiż-żona definita.

L-“Elaiolado Makris” għandu l-karatteristiċi li ġejjin:

Kulur

:

safrani fl-aħdar jgħajjat, li jsir isfar dehbi hekk kif jimmatura;

Aroma

:

medja ta’ frott, b’medjan ta’ Mf > 4, b’riħa ta’ ħxejjex aromatiċi, margeriti u qronfol meta ż-żejt taż-żebbuġa jiġi prodott minn żebbuġ nofsu misjur, u riħa dominanti ta’ kamumella meta ż-żebbuġ ikun sar. Noti ta’ tuffieħ u lewż jikkumplimentaw b’mod armonjuż l-aroma ta’ frott tal-“Elaiolado Makris”;

Togħma

:

ibbilanċjata sew, b’togħma kemxejn morra li tibqa’ fil-ħalq (b’imrar medjan ta’ bejn 2 u3), kemxejn pikkanti (b’punġenza medjana ta’ bejn 2 u 3), u b’difett medjan ta’ 0,0;

Aċidità

:

aċidità baxxa < 0,6;

Valur tal-perossidu: < 10,9 meq O2/kg;

Assorbenza tar-raġġi ultravjola: Κ270: < 0,18, u Κ232: < 2,20;

Xama’: < 127,8 mg/kg;

Aċidu olejku: ≥ 75,00 tat-total ta’ aċidi xaħmin;

Kontenut baxx sa medju ta’ kampesterol (≤ 2,90) u steroli residwi, u steroli totali > 1 000 mg/kg;

Varjazzjoni fil-koeffiċjent ta’ assorbiment (Delta-K = 0,000-0,002).

3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

L-“Elaiolado Makris” huwa prodott mill-varjetà indiġena taż-żebbuġ “Elia Makris” imkabbra fiż-żona, li tipproduċi żebbuġ sferiku, ta’ daqs medju u iswed meta jkun misjur.

3.4.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

Il-kultivazzjoni ta’ msaġar taż-żebbuġ qodma u ġodda mħawla bil-varjetà indiġena “Elia Makris”, il-ħsad taż-żebbuġ u l-istadji kollha fil-produzzjoni u l-ipproċessar taż-żejt taż-żebbuġa.

3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

It-tikkettar għandu jinkludi l-isem tal-prodott u l-logo tad-DOP tal-UE. Għandu jinkludi wkoll dan li ġej:

Logo bl-isem tal-prodott b’karattri Griegi jew Latini, b’ritratt tal-villaġġ ta’ Makri fl-isfond u taħtu stampa ta’ siġra taż-żebbuġ bi qtar taż-żejt taż-żebbuġa li jqattar u jifforma għadira taż-żejt taż-żebbuġa biż-żebbuġ fiċ-ċentru.

Image 1

4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Iż-żona ġeografika definita tkopri l-konfini amministrattivi tad-distrett komunali ta’ Makri, li jinkludi l-insedjamenti ta’ Makri, Dikella, Mesimvria u Plaka, u l-insedjament ta’ Chili fid-distrett muniċipali ta’ Alexandroupoli.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

L-“Elaiolado Makris” għandu karatteristiċi organolettiċi u fiżikokimiċi distinti. Dawn huma minħabba għadd ta’ fatturi, jiġifieri l-varjetà indiġena speċifika taż-żebbuġ “Elia Makris”, li tikber fiż-żona definita, il-ħamrija u l-kundizzjonijiet klimatiċi taż-żona, u l-metodi użati mill-produtturi lokali.

Il-karatteristiċi organolettiċi speċifiċi ta’ “Elaiolado Makris” huma:

l-aroma medja ta’ frott b’riħa ta’ ħxejjex aromatiċi, margeriti u qronfol meta jibda l-ħsad, u riħa dominanti ta’ kamumella meta ż-żebbuġ ikun sar, flimkien ma’ noti ta’ tuffieħ u lewż. Din it-taħlita hija tipika ta’ “Elaiolado Makris”, li huwa prodott fiż-żona definita mill-varjetà indiġena “Elia Makris”.

it-togħma kemxejn morra u pikkanti, armonjuża u bbilanċjata, li hija wkoll taħlita tipika tal-varjetà indiġena “Elia Makris”.

Il-karatteristiċi fiżikokimiċi speċifiċi ta’ “Elaiolado Makris” huma:

aċidità baxxa < 0,6;

valur baxx ta’ perossidu (< 10,9) u b’hekk żieda fir-reżistenza għall-ossidazzjoni u l-adegwatezza għall-ħżin, li tagħti liż-żejt il-freskezza tipika tiegħu;

koeffiċjenti baxxi ta’ assorbiment (Κ270: < 0,18 u Κ232: < 2,2), li huma sinjal ta’ freskezza, l-ipproċessar rapidu ta’ wara l-ħsad u l-ħżin fil-kundizzjonijiet it-tajba;

varjazzjoni baxxa fil-koeffiċjent ta’ assorbiment (Delta-K: = 0,000-0,002);

il-kwalità taż-żamma tiegħu, li hija l-aktar minħabba l-livell għoli ta’ aċidu olejku monoinsaturat, li huwa minimament suxxettibbli għall-awtoossidazzjoni.

Iż-żona definita hija l-punt l-aktar fit-Tramuntana fil-Greċja fejn jitkabbar iż-żebbuġ u tikkonsisti minn pjanura bl-għoljiet, b’altitudni medja ta’ 200 m. Il-ħamrija hija trab ġulġlieni ramli ta’ konsistenza medja. Hija fqira u kalkarja fil-muntanji u ta’ oriġini mill-ġebla tal-ġir, ta’ konsistenza medja u fertili fil-pjanuri, b’kontenut ta’ CaCO3 ta’ 3 % sa 31,6 %. Il-kontenut tal-materja organika huwa baxx sa sodisfaċenti fi ftit żoni (1,8 % sa 6,5 %). Il-pH (7-8) huwa ġeneralment newtrali għal kemxejn alkalin. L-oriġini mill-ġebla tal-ġir tal-ħamrija, flimkien mal-esponiment kontinwu taż-żebbuġ għax-xemx minħabba l-konfigurazzjoni tal-art, jgħinu biex tiżdied il-konċentrazzjoni ta’ komponenti volatili, li jagħtu lill-“Elaiolado Makris” l-aroma ta’ frott tiegħu.

Iż-żona definita fejn jiġi prodott l-“Elaioloado Makris” għandha mikroklima Mediterranja kostali bi xtiewi moderati u sjuf friski. Il-ġlati perikolużi huma rari. Fil-ftit okkażjonijiet meta kien hemm il-ġlati, iż-żebbuġ “Elia Makris” kien reżistenti ħafna, bi ħsara minima għas-siġar. Fiż-żona definita, li għandha 15-il kilometru ta’ kosta tul il-Baħar Thracian u l-qċaċet tal-muntanji – il-friegħi tal-katina ta’ muntanji ta’ Rodopi lejn il-Majjistral, it-Tramuntana u l-Grigal – il-kundizzjonijiet għat-tkabbir taż-żebbuġ indiġenu “Elia Makris” huma eċċezzjonalment tajbin. Is-sigħat twal ta’ xemx, in-nuqqas ta’ varjazzjonijiet kbar fit-temperatura u l-fatt li l-ġlati u l-irjieħ kesħin huma rari, minħabba l-ostaklu naturali li joħolqu l-muntanji fit-Tramuntana taż-żona definita, jikkontribwixxu għall-progress bla xkiel tal-istadji kollha fl-iżvilupp tas-siġar taż-żebbuġ (meta jagħmlu l-fjuri, tkabbir) u jtejbu l-karatteristiċi organolettiċi tal-frott. Il-mikroklima distinta ħafna taż-żona hija tali li d-dubbien tal-frott taż-żebbuġ rari jkun problema, u għalhekk ftit hemm żebbuġ imħassar u l-ftit li jiġrilhom dan ma jaffettwawx ħażin l-aċidità taż-żejt taż-żebbuġa.

Il-varjetà indiġena distinta “Elia Makris”, li ilha titkabbar għal mijiet ta’ snin fiż-żona definita biss u li hija adattata għall-ħamrija u l-kundizzjonijiet klimatiċi prevalenti, tagħti żejt taż-żebbuġa bil-karatteristiċi speċifiċi tal-kwalità ta’ “Elaioloado Makris”. L-“Elaioloado Makris” huwa wieħed mill-ewwel żjut taż-żebbuġa li jiġu prodotti matul is-sena fil-Greċja, anke jekk iż-żona hija l-aktar parti fit-Tramuntana tal-pajjiż u waħda mill-aktar żoni fit-Tramuntana li jipproduċu ż-żejt taż-żebbuġa fl-UE. Dan huwa kemm minħabba l-varjetà indiġena kif ukoll minħabba l-mikroklima lokali. Il-fatt li l-varjetà tinħasad kmieni jfisser li l-perjodi ta’ tkabbir u ta’ maturazzjoni tal-frott jikkoinċidu mal-esponiment massimu għad-dawl tax-xemx. Dan iżid il-livelli tal-komponenti aromatiċi taż-żejt u jagħtih il-kulur safrani fl-aħdar jew isfar dehbi jgħajjat tipiku ta’ “Elaioloado Makris”.

Il-fatturi umani l-aktar importanti li jinfluwenzaw l-ispeċifiċità tal-prodott huma:

Il-metodu tal-ħsad. Il-ħsad f’imsaġar żgħar taż-żebbuġ isir bl-idejn mill-produtturi nfushom jew mill-ħaddiema sabiex iż-żebbuġ miġbur ma ssirlux ħsara. F’imsaġar kbar taż-żebbuġ fejn hemm ħafna siġar, iż-żebbuġ jinġabar permezz ta’ ħassada tal-elettriku li jaħdmu individwalment. Iż-żebbuġ jinġabar f’ċestuni jew fi xbieki u, ladarba jitneħħew il-friegħi u l-weraq sabiex ma jitgħaffġux, dawn jiġu trasferiti f’ċestuni tal-plastik b’toqob fil-qiegħ u fil-ġnub għal ventilazzjoni aħjar.

It-trasport taż-żebbuġ lejn il-mitħna u t-tħin taż-żebbuġ, li jsir fil-jum tal-ħsad jew fi żmien 24 siegħa. Jekk it-tħin ma jsirx fl-istess jum, iż-żebbuġ jinżamm protett minn kundizzjonijiet li jiffavorixxu l-iżvilupp ta’ mikroorganiżmi u jikkawżaw deterjorament fil-kwalità tal-“Elaiolado Makris”. Il-metodu tal-ħsad u t-trasport immedjat lejn il-mitħna u t-tħin jiżguraw li ż-żebbuġ ma ssirlux ħsara, sabiex iż-żejt prodott ikollu koeffiċjenti baxxi ta’ assorbiment ta’ Κ270 - Κ232, Delta-K baxx (varjazzjoni fil-koeffiċjent ta’ assorbiment) u aċidità baxxa.

Il-ħin tal-ħażna, li huwa qasir ħafna, hekk kif iż-żejt jibda jinbiegħ ftit wara li jinħażen, il-kundizzjonijiet tal-ħżin, fejn iż-żejt jinżamm f’temperatura adattata, f’post frisk u mudlam, f’kontenituri magħluqa adattati li jipproteġuh mill-kuntatt mal-ossiġenu u mid-dawl u l-fatt li l-għadd ta’ drabi li dan jiġi ddikantat jinżamm għal minimu, huma fatturi li jikkontribwixxu għall-valur baxx tal-perossidu, il-koeffiċjenti baxxi ta’ assorbiment (Κ270 - Κ232) u d-Delta-K baxx tal-“Elaiolado Makris”.

Il-kundizzjonijiet ġentili tal-produzzjoni. Wara li ż-żebbuġ jitgħaffeġ, il-malassazzjoni sseħħ bil-mod (17-19-il dawra kull minuta) għal żmien qasir (40 sa 45 minuta) u t-temperatura tal-pejst taż-żebbuġ tinżamm f’madwar 27 sa 32 °C. Din it-temperatura tgħin biex jiġi żgurat li l-komponenti volatili taż-żejt taż-żebbuġa ma jinqerdux, il-kulur ma jinbidilx u l-aċidità ma tiżdiedx. Il-veloċità baxxa tal-malassazzjoni u l-ħin qasir tal-malassazzjoni jgħinu lill-qtar żgħir jingħaqad biex jifforma qtar akbar u huma kruċjali biex jillimitaw il-formazzjoni ta’ emulsjonijiet, li jagħmluha aktar diffiċli biex iż-żejt jiġi sseparat mill-pejst taż-żebbuġ u mill-ilma veġetali.

Fil-qosor, il-ħsad taż-żebbuġ fl-istadju korrett ta’ maturità, il-prattiki tajbin applikati mill-produtturi waqt il-ħsad u waqt it-trasportazzjoni taż-żebbuġ għall-mitħna, il-fatt li t-tħin taż-żebbuġ isir fi żmien qasir wara li jasal, il-prattiki tajba ta’ malassazzjoni u ta’ estrazzjoni, il-kundizzjonijiet li fihom jinħażen iż-żejt, flimkien mal-varjetà taż-żebbuġ innifisha u mal-kundizzjonijiet tal-ħamrija u tal-klima, jiżguraw li l-karatteristiċi organolettiċi u fiżikokimiċi speċifiċi taż-żejt (togħma ta’ frott, sensazzjoni friska, indikaturi baxxi ta’ assorbiment, aċidità baxxa, valur baxx ta’ perossidu, kwalità taż-żamma tajba) jiġu ppreservati u li l-kulur tiegħu ma jinbidilx.

In-nies ta’ Makri u ż-żona tal-madwar ilhom marbuta mat-tkabbir taż-żebbuġ u mal-“Elaiolado Makris” sa minn dejjem. Il-preżenza stabbilita fit-tul ta’ siġar taż-żebbuġ fiż-żona hija marbuta mal-istorja, it-tradizzjonijiet u l-kultura tagħha u sorsi storiċi u referenzi biblijografiċi jixhdu dan. Fl-“Ancient Makri Olive Grove”, illum wieħed jista’ jsib siġar taż-żebbuġ li d-daqs, il-forma u z-zkuk mgħawġin tagħhom juru l-età kbira tagħhom. Il-preżenza ta’ magħsra antiki taż-żebbuġ imħaddma manwalment u ta’ magħsra tal-injam mis-seklu 19 juru wkoll l-esperjenza twila tan-nies tal-lokal fil-produzzjoni taż-żejt taż-żebbuġa.

L-“Elaioloado Makris” iddaħħal f’ħafna kompetizzjonijiet internazzjonali, fejn rebaħ premijiet ewlenin. Fl-2012, rebaħ il-premju tad-deheb fit-2ο Concurso internacional de azeites virgem extra - Premio Ovibeja fil-Portugall. Fl-2013, rebaħ girlanda tad-deheb fil-kompetizzjoni ta’ kwalità ta’ Kotinos għaż-żjut taż-żebbuġa extra verġni ppakkjati u bil-marka fil-Greċja. Fl-2015, rebaħ il-premju tad-deheb fil-Concurso Internacional de aceite de oliva en el Mediterraneo - Terraolivo f’Ġerusalemm, l-Iżrael. Fl-2016, rebaħ il-premju tad-deheb fil-London International Olive Oil Competitions.. Fl-2018, rebaħ il-premju tad-deheb fil-Concurso Internacional de Aceites di Oliva Virgin Extra “OLIVINU S” fl-Arġentina u reġa’ rebaħ il-premju tad-deheb fin-New York International Olive Oil Competition fl-Istati Uniti. Fl-2019, fis-16-il Concorso Oleario Internazionale AIPO d’Argento, kiseb punteġġ ta’ “tre gocc e” (tliet qatriet). Fl-2019, fil-klassifika tad-dinja EVOO ġie fit-18-il post minn 12 000 parteċipant. Għal sena oħra jidher ukoll fost l-aqwa 500 żejt fid-dinja tal-gwida Flos Olei tal-2020.

Kull sena, fis-sajf, jiġi organizzat Festival taż-Żebbuġ fl-aħħar għaxart ijiem ta’ Awwissu. Dan jiġi organizzat mill-assoċjazzjoni tan-nisa ta’ Makri, bl-għajnuna tal-kooperattiva tal-produtturi taż-żebbuġ u tal-Unità Reġjonali ta’ Evros. Dan il-festival jiġbor flimkien ħafna viżitaturi miż-żona u lil hinn minnha, u jiġu organizzati seminars u taħditiet dwar prattiki tajba fit-tkabbir taż-żebbuġ, flimkien ma’ klassijiet ta’ dewqan minn esperti taż-żejt taż-żebbuġa. Isiru wkoll żjarat fi plottijiet tat-tkabbir taż-żebbuġ għall-partijiet ikkonċernati sabiex jitgħallmu dwar iż-żebbuġ ta’ Makri, u diversi avvenimenti oħra. Fil-lejla tal-għeluq tal-festival, kulħadd jiġi biex iduq l-ikel u l-ispeċjalitajiet differenti magħmula bl-“Elaiolado Makris”.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott

(it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament)

http://www.minagric.gr/images/stories/docs/agrotis/POP-PGE/prodiagrafes_elaiolado_makris111219.pdf


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.