20.3.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CI 91/10


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

Nota ta’ gwida għall-Istati Membri b’rabta mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/402 li jagħmel l-esportazzjoni ta’ ċerti prodotti soġġetti għall-produzzjoni ta’ awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni, kif l-aħħar emendat mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/426

(2020/C 91 I/02)

Fil-15 ta’ Marzu 2020, bħala parti mir-reazzjoni għall-konsegwenzi tat-tifqigħa tal-kriżi epidemjoloġika kkawżata mill-coronavirus, il-Kummissjoni ppubblikat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/402 (1) (ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni) li jagħmel l-esportazzjoni ta’ ċertu tagħmir ta’ protezzjoni personali (PPE) soġġett għall-produzzjoni ta’ awtorizzazzjoni ta’ esportazzjoni.

Fid-19 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni adottat emenda għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni.

Peress li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni jimplika obbligi ġodda fuq l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kif ukoll fuq l-operaturi ekonomiċi, li huma applikabbli mill-jum tal-pubblikazzjoni, din il-Gwida qed tinħareġ biex tassistihom fil-proċess ta’ implimentazzjoni.

Din il-Gwida mhijiex legalment vinkolanti u hija għal skopijiet ta’ informazzjoni biss. Ma tissostitwixxix ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni kif emendat. Hija mingħajr preġudizzju għall-interpretazzjoni tar-Regolament mill-Qorti tal-Ġustizzja.

1.   Proċedura

Il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ implimentazzjoni u l-emenda tiegħu skont proċedura ta’ urġenza, skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2015/479 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar regoli komuni għall-esportazzjoni (2).

Ir-Regolament huwa validu għal perjodu ta’ sitt ġimgħat, li matulu l-Istati Membri se jiġu kkonsultati fil-Kumitat ta’ Salvagwardja biex (i) jikkonfermaw l-approċċ u (ii) jiddeċiedu dwar il-ħtieġa li jittieħdu miżuri xierqa għal perjodu sussegwenti.

2.   Objettiv tal-miżuri

Dawn il-miżuri ġew adottati fid-dawl tal-ħtieġa akbar għall-PPE u l-aspettattiva li d-domanda għal dawn il-prodotti se tkompli tiżdied b’mod sinifikanti fil-futur, flimkien mal-iżvilupp ta’ skarsezzi f’diversi Stati Membri tal-UE.

Minkejja l-fatt li żdiedet il-produzzjoni, il-livell attwali tal-produzzjoni tal-Unjoni u tal-istokkijiet eżistenti mhux se jkun biżżejjed biex tiġi ssodisfata d-domanda fl-Unjoni. Dan huwa partikolarment il-każ peress li l-PPE li jista’ jiġi esportat mingħajr restrizzjoni għal partijiet oħra tad-dinja, filwaqt li xi pajjiżi terzi ddeċidew, uffiċjalment jew informalment, li jirrestrinġu l-esportazzjonijiet tal-PPE. Xi wħud minn dawn il-pajjiżi huma wkoll fornituri tradizzjonali għas-suq tal-Unjoni u dan qed ikompli jagħmel pressjoni fuq is-suq tal-Unjoni.

Il-PPE huwa prodott essenzjali biex jiġi evitat it-tixrid ulterjuri tal-marda, u biex tiġi ssalvagwardjata s-saħħa tal-persunal mediku li jittratta pazjenti infettati.

Għalhekk, l-għan ta’ dawn il-miżuri eċċezzjonali huwa li tiġi rimedjata u evitata sitwazzjoni kritika.

Fl-istess ħin, mhijiex l-intenzjoni tal-Unjoni li tirrestrinġi l-esportazzjoni aktar milli meħtieġ b’mod assolut, u l-Unjoni tixtieq ukoll li tirrispetta l-prinċipju tas-solidarjetà internazzjonali f’din is-sitwazzjoni ta’ pandemija globali. Din hija r-raġuni għaliex l-Istati Membri jistgħu u għandhom jagħtu awtorizzazzjonijiet ta’ esportazzjoni inter alia fil-każijiet elenkati fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni, iżda wkoll fejn il-vjeġġ inkwistjoni ma joħloq l-ebda theddida għall-ħtieġa attwali għal PPE fl-Unjoni u jservi biex jissodisfa ħtieġa leġittima għal użu mediku uffiċjali jew professjonali f’pajjiż terz.

Għal kwalunkwe mistoqsija dwar il-provvista tal-PPE fl-UE, l-Istati Membri jistgħu jirreferu għaċ-Ċentru ta’ Koordinazzjoni għal Rispons ta’ Emerġenza (ERCC) eżistenti (3).

3.   Rabta mal-miżuri tal-Istati Membri (4)

In-nuqqas fil-provvista tal-PPE f’dawn l-aħħar jiem wassal lil xi Stati Membri biex jieħdu ċerti miżuri fuq livell nazzjonali. Fl-istess ħin, il-preservazzjoni tal-integrità tas-suq uniku hija waħda mill-objettivi segwiti mill-Kummissjoni matul il-kriżi attwali biex ittejjeb b’mod konġunt ir-rispons għall-isfida tal-protezzjoni tas-saħħa fil-kuntest ta’ provvisti limitati tal-PPE.

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni ġie adottat bil-fehim li l-Istati Membri għandhom jirrevokaw kwalunkwe azzjoni nazzjonali restrittiva meħuda, formalment jew informalment, dwar jew l-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi jew il-kummerċ bejn l-Istati Membri fi ħdan is-Suq Uniku, li jmorru lil hinn minn azzjonijiet imfassla biex jiżguraw aċċess prijoritarju għal materjal bħal dan minn dawk li l-aktar għandhom bżonnha (eż. sptarijiet, pazjenti, ħaddiema tal-kura tas-saħħa, awtoritajiet tal-protezzjoni ċivili) (5).

4.   Gwida prattika

4.1.   Prodotti kkonċernati

Ir-rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni jikkonċerna prodotti elenkati fid-“Deskrizzjoni” fl-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni.

Dan l-Anness jagħti dettalji dwar it-tagħmir personali protettiv li għalih hemm ħtiġijiet vitali fl-Unjoni fir-rigward tal-isptarijiet, il-pazjenti, il-ħaddiema fuq il-post, l-awtoritajiet tal-protezzjoni ċivili.

Il-Kummissjoni tista’ tirrieżamina l-lista fid-dawl tal-iżviluppi kemm f’termini ta’ evidenza ġdida dwar l-iskarsezza tal-provvisti kif ukoll ta’ kapaċitajiet akbar ta’ manifattura li jippermettu li jittaffa l-inkwiet minħabba l-iskarsezza. F’dak il-każ, hija se temenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni jew tadotta Regolament ġdid.

L-informazzjoni dwar l-aħħar sitwazzjoni attwali tar-reazzjoni tal-Kummissjoni għall-coronavirus hija pprovduta fuq website apposta: https://ec.europa.eu/info/live-work-travel-eu/health/coronavirus-response_mt#latest. L-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri u l-operaturi ekonomiċi huma għalhekk mistiedna jikkonsultawha kuljum.

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni japplika irrispettivament minn jekk il-prodott ikkonċernat joriġinax fl-Unjoni jew le.

4.2.   Attività kkonċernata

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni japplika għall-esportazzjonijiet kollha barra mill-Unjoni.

Dan jinkludi l-pajjiżi kollha li mhumiex fl-UE, inklużi s-sħab preferenzjali.

Madankollu, fid-dawl tal-integrazzjoni profonda tas-suq intern mal-erba’ Stati Membri kollha tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA) , kif ukoll l-integrazzjoni tal-ktajjen tal-valur tal-produzzjoni u n-netwerks ta’ distribuzzjoni mal-istess pajjiżi, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni ma japplikax għall-esportazzjonijiet lejn dawk l-erba’ pajjiżi, li għalhekk jibqgħu mingħajr restrizzjonijiet. Minħabba d-dipendenza partikolari tal-pajjiżi u territorji extra-Ewropej elenkati fl-Anness II tat-Trattat, kif ukoll il-Gżejjer Faeroe dwar il-ktajjen ta’ provvista metropolitani tal-Istati Membri, u ta’ Andorra, San Marino u l-Belt tal-Vatikan fuq il-ktajjen tal-provvista ta’ Stati Membri ġirien l-istess japplika għalihom.

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni ma japplikax għall-kummerċ bejn l-Istati Membri tal-UE. Skont l-Artikolu 127(3) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għandu jitqies bħala Stat Membru, u mhux bħala pajjiż terz.

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni ma japplikax għal importazzjonijiet tal-PPE identifikati fl-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni fl-Unjoni. Fil-kuntest tal-iffaċilitar tal-importazzjonijiet u l-evitar tad-dewmien, il-Kummissjoni ressqet Rakkomandazzjoni 2020/403 dwar il-valutazzjoni tal-konformità u l-proċeduri ta’ sorveljanza tas-suq fil-kuntest tal-COVID-19 (6).

4.3.   Obbligu ta’ applikazzjoni

L-esportatur jagħmel applikazzjoni għal awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni.

L-Istati Membri jiddefinixxu l-kontenut tal-formola tal-applikazzjoni. L-informazzjoni meħtieġa fil-formola għandha tippermetti lill-Istat Membru jistabbilixxu awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni skont l-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni. Bil-għan li jiżdied approċċ koordinat, qed jiġi pprovdut mudell possibbli ta’ formola ta’ applikazzjoni bħala eżempju fl-Anness I ta’ din il-Gwida.

Sa fejn ikun possibbli, l-Istati Membri għandhom jippermettu s-sottomissjoni ta’ applikazzjoni permezz ta’ mezzi elettroniċi.

5.   Awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri

L-applikazzjoni ssir lill-awtorità kompetenti fl-Istat Membru fejn huwa stabbilit l-esportatur.

Jekk jinstab tagħmir protettiv fi Stat Membru wieħed jew aktar minbarra dak fejn tkun saret l-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni, dak il-fatt għandu jiġi indikat fl-applikazzjoni. F’każ ta’ aktar minn post wieħed, il-postijiet kollha għandhom jiġu indikati.

L-Istati Membri huma mistiedna jinnotifikaw lid-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ tal-Kummissjoni Ewropea , sa mhux aktar tard minn nofsillejl tal-20 ta’ Marzu 2020, l-ismijiet u d-dettalji ta’ kuntatt tal-awtoritajiet kompetenti inkarigati bil-ħruġ tal-awtorizzazzjonijiet tal-esportazzjoni. Din l-informazzjoni ser tiġi ppubblikata permezz tal-website ta’ Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ (7). In-notifika trid issir b’mod elettroniku bl-użu tal-kaxxa postali funzjonali indikata fil-paragrafu 6.

5.1.   Valutazzjoni tal-applikazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti

Is-sistema mhijiex projbizzjoni fuq l-esportazzjoni. Madankollu, l-esportazzjonijiet kollha fi ħdan il-kamp tal-applikazzjoni tar-Regolament huma soġġetti għall-produzzjoni ta’ awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni.

Biex jiddeċiedu jekk jagħtux awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni, l-Istati Membri jridu jissodisfaw l-għan tal-att ta’ implimentazzjoni, jiġifieri jiżguraw l-adegwatezza tal-provvista fl-Unjoni sabiex tintlaħaq id-domanda vitali għall-PPE.

Fi kliem ieħor, l-awtorizzazzjonijiet tal-esportazzjoni jistgħu jingħataw biss meta l-vjeġġ inkwistjoni ma jkunx ta’ theddida għad-disponibbiltà tal-PPE fis-suq tal-Istat Membru inkwistjoni jew xi mkien ieħor fl-Unjoni sabiex jintlaħaq l-għan tar-Regolament.

Fi ħdan dan l-objettiv globali, l-awtoritajiet kompetenti jgawdu minn marġini ta’ diskrezzjoni u esportazzjonijiet ta’ ċerti kwantitajiet ta’ PPE speċifiċi, jistgħu jiġu awtorizzati taħt ċirkostanzi speċifiċi skont il-ħtiġijiet tal-Istati Membri.

L-Artikolu 2(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni jinkludi lista illustrattiva ta’ kunsiderazzjonijiet li għandhom jitqiesu, jekk ikun il-każ, sabiex jiġi deċiż jekk tistax tinħareġ awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni.

Dawn il-kunsiderazzjonijiet jikkonċernaw, fost l-oħrajn, it-twettiq ta’ obbligu ta’ provvista taħt akkwist konġunt mill-Unjoni u l-Istati Membri, l-appoġġ tal-attivitajiet tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), l-appoġġ ta’ reazzjonijiet ikkoordinati fil-livell tal-UE għal sitwazzjonijiet ta’ kriżi jew it-talba għal assistenza minn pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali, inkluża l-ħtieġa għal provvisti ta’ emerġenza meħtieġa minn organizzazzjonijiet umanitarji mhux governattivi jew minn organizzazzjonijiet internazzjonali għall-operazzjonijiet tagħhom stess biex jagħtu assistenza umanitarja f’pajjiżi terzi.

L-għan ta’ dan tal-aħħar huwa li, sa fejn ikun possibbli, tiġi żgurata d-disponibbiltà tal-PPE barra mill-Unjoni f’pajjiżi terzi li jistgħu jiffaċċjaw ħtieġa kbira għal PPE f’mument partikolari. Dawn huma espressjonijiet tal-prinċipju tas-solidarjetà internazzjonali kemm b’mod ġenerali kif ukoll f’sitwazzjoni ta’ pandemija globali b’impatti madwar id-dinja u tal-fatt li l-kummerċ internazzjonali jista’ jikkontribwixxi għad-disponibbiltà ta’ prodotti fejn meħtieġ u meta jkun meħtieġ.

Il-lista fl-Artikolu 2(3) mhijiex eżawrjenti u l-Istati Membri jistgħu jqisu elementi oħra. Madankollu, huma għandhom jikkonformaw mal-għan ġenerali tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni kif imfakkar hawn fuq.

B’mod partikolari, l-Istati Membri għandhom iqisu l-grad ta’ integrazzjoni tas-suq għall-prodotti kkonċernati miksub skont ftehim jew arranġament li jistabbilixxi żona ta’ kummerċ ħieles mal-pajjiż maħsub għall-esportazzjoni. Ikun kontroproduttiv li tfixkel katini ta’ valur u netwerks ta’ distribuzzjoni integrati mill-qrib diġà abbażi ta’ dawk il-ftehimiet jew arranġamenti, b’mod partikolari fil-każ ta’ pajjiżi u ekonomiji ġirien. Il-Kummissjoni għalhekk tħeġġeġ bil-qawwa lill-Istati Membri biex jagħtu awtorizzazzjonijiet sal-punt meħtieġ biex jiġi evitat kwalunkwe tfixkil bħal dan.

Fost elementi oħra li l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jikkunsidraw huma jekk il-vjeġġ in kwistjoni kienx iservi biex jissodisfa l-obbligi kuntrattwali li jkun daħal għalihom qabel perjodu ta’ referenza. Biex jissaħħaħ approċċ koordinat madwar l-UE, l-Istati Membri jistgħu jużaw bħala referenza s-sena kalendarja preċedenti (jiġifieri l-2019). L-Istati Membri għandhom ir-responsabbiltà li jiżguraw li dawn l-elementi addizzjonali jkunu soġġetti għal konsiderazzjoni prevalenti tal-ħtiġijiet tal-UE jekk dawk ma jistgħux jintlaħqu mod ieħor.

5.2.   Skadenzi rilevanti

L-Istati Membri għandhom jipproċessaw it-talbiet għall-awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni fi żmien ħamest ijiem ta’ xogħol mid-data li fiha l-informazzjoni kollha meħtieġa tkun ġiet ipprovduta lill-awtoritajiet kompetenti.

L-iskadenza tista’ tiġi estiża għal ħamest ijiem ta’ xogħol oħra f’ċirkostanzi debitament ġustifikati.

Jekk il-prodott ikun jinsab fi Stat Membru wieħed jew aktar minn wieħed, minbarra dak fejn tkun saret l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni, l-Istat Membru li lilu tkun saret l-applikazzjoni għandu jikkonsulta immedjatament mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru jew l-Istati Membri inkwistjoni u jipprovdi l-informazzjoni rilevanti.

L-awtoritajiet ikkonsultati għandhom jgħarrfu bil-miktub fi żmien għaxart ijiem ta’ xogħol bi kwalunkwe oġġezzjoni li jista’ jkollhom għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni bħal din. Dawn l-oġġezzjonijiet jorbtu lill-Istat Membru fejn issir l-applikazzjoni.

Fl-istess ħin, minħabba l-ħtiġijiet urġenti li jirriżultaw mit-tifqigħa tal-coronavirus, l-Istati Membri huma mistiedna jipproċessaw l-applikazzjonijiet malajr kemm jista’ jkun u qabel l-iskadenzi indikati ta’ ħamest ijiem jew għaxart ijiem ta’ xogħol rispettivament.

5.3.   Awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni

Mingħajr produzzjoni ta’ awtorizzazzjoni ta’ esportazzjoni, l-esportazzjoni hija pprojbita.

Biex jiżdied approċċ koordinat madwar l-UE, il-mudell għall-awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni huwa pprovdut fl-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni.

6.   Notifika

L-għan ta’ dawn il-miżuri eċċezzjonali huwa li jiġi żgurat livell adegwat ta’ provvista fl-Istati Membri kollha, skont il-ħtiġijiet tagħhom tal-PPE.

Sabiex jiġi żgurat proċess trasparenti, l-Istati Membri huma mitluba jinnotifikaw elettronikament lill-Kummissjoni bl-awtorizzazzjonijiet mogħtija u mhux mogħtija, abbażi tal-mudell fl-Anness II. Din in-notifika għandha ssir mingħajr dewmien hekk kif tittieħed id-deċiżjoni dwar l-awtorizzazzjoni.

Din l-informazzjoni għandha tintbagħat b’mod elettroniku, fl-indirizz tal-posta elettronika funzjonali ta’ hawn taħt:

TRADE-EXPORTAUTHORISATIONPPE@ec.europa.eu

Il-kaxxa postali funzjonali għandha tintuża wkoll għal kwalunkwe mistoqsija dwar l-applikazzjoni ta’ din is-sistema.

Din il-Gwida hija dokument dinamiku u tista’ tiġi aġġornata hekk kif il-kwistjonijiet u l-kwistjonijiet il-ġodda jiġu mmarkati lill-Kummissjoni.


(1)  ĠU L 77 I, 15.3.2020, p. 1.

(2)  ĠU L 83, 27.3.2015, p. 34.

(3)  ECHO-ERCC@ec.europa.eu

(4)  Fis-16 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni ħarġet linji gwida għall-Istati Membri li jistabbilixxu għadd ta’ prinċipji ewlenin għal approċċ integrat għal ġestjoni effettiva tal-fruntieri biex tiġi protetta s-saħħa, filwaqt li tinżamm l-integrità tas-Suq Uniku, huma stabbiliti fil-linji gwida tal-Kummissjoni, il-Linji Gwida għall-miżuri ta’ ġestjoni tal-fruntieri biex tiġi mħarsa s-saħħa u tiġi żgurata d-disponibbiltà ta’ oġġetti u servizzi essenzjali, COM(2020) 1753.

(5)  Ara wkoll il-Gwida dwar il-miżuri nazzjonali pprovduta fl-Anness 2 tal-Komunikazzjoni tat-13 ta’ Marzu 2020 dwar reazzjoni ekonomika koordinata għat-tifqigħa COVID-19, COM (2020) 112 final.

(6)  ĠUEU L 79 I, 16.3.2020, p. 1.

(7)  https://ec.europa.eu/trade/


ANNESS I

Mudell għall-applikazzjoni ta’ awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni

UNJONI EWROPEA

Esportazzjoni ta’ tagħmir ta’ protezzjoni personali (ir-Regolament (UE) 2020/402)

1.

Esportatur (numru EORI jekk applikabbli)

 

5.

Pajjiż tad-destinazzjoni

6.

Riċeventi finali

7.

Kodiċi tal-prodott bażiku

8.

Kwantità

9.

Unità

10.

Deskrizzjoni tal-oġġetti

11.

Post

12.

Data tal-esportazzjoni ppjanata

 

 

13.

Firma, post u data, timbru

Noti ta’ spjegazzjoni għall-formola tal-awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni:

Kaxxa numru 1 Esportatur: L-isem sħiħ u l-indirizz tal-esportatur li għalih tinħareġ l-awtorizzazzjoni + in-numru EORI jekk applikabbli.

Kaxxa numru 4 L-awtorità tal-ħruġ: L-isem sħiħ u l-indirizz tal-awtorità tal-Istat Membru li tkun ħarġet l-awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni.

Kaxxa numru 5 Pajjiż tad-destinazzjoni: Il-kodiċi tal-ġeonomenklatura b’żewġ ittri tal-pajjiż tad-destinazzjoni tal-merkanzija li għaliha tkun inħarġet l-awtorizzazzjoni.

Kaxxa numru 6 Riċeventi finali: L-isem sħiħ u l-indirizz tar-riċeventi finali tal-merkanzija, jekk ikun magħruf fil-mument tal-ħruġ + in-numru EORI jekk applikabbli. Jekk ir-riċeventi finali ma jkunx magħruf fil-mument tal-ħruġ, il-kaxxa titħalla vojta.

Parti 7 Kodiċi tal-komodità: Il-kodiċi numeriku mis-Sistema Armonizzata jew min-Nomenklatura Magħquda (2) li taħtu l-merkanzija għall-esportazzjoni tkun ikklassifikata meta tinħareġ l-awtorizzazzjoni.

Kaxxa numru 8 Kwantità: Il-kwantità tal-merkanzija mkejla fl-unità ddikjarata fil-kaxxa 9.

Kaxxa numru 9 Unità: L-unità tal-kejl li fiha tiġi espressa l-kwantità ddikjarata fil-kaxxa 8. L-unitajiet li jridu jintużaw huma “P/ST” għal merkanzija magħduda skont in-numru ta’ biċċiet (eż. maskri), u “PA” għal merkanzija magħduda skont il-pari (eż. ingwanti).

Kaxxa numru 10 Deskrizzjoni tal-merkanzija: Deskrizzjoni b’lingwa sempliċi u preċiża biżżejjed biex tippermetti l-identifikazzjoni tal-merkanzija.

Kaxxa numru 11 Post: Il-kodiċi tal-ġeonomenklatura tal-Istat Membru fejn tinsab il-merkanzija. Jekk il-merkanzija tkun tinsab fl-Istat Membru tal-awtorità tal-ħruġ, din il-kaxxa trid titħalla vojta.

Kaxxa numru 12 Data meta l-merkanzija li għaliha ntalbet l-awtorizzazzjoni għandha tiġi esportata

Kaxxa numru 13 Il-firma, it-timbru, il-post u d-data: Il-firma u t-timbru tal-awtorità tal-ħruġ. Il-post u d-data tal-ħruġ tal-awtorizzazzjoni.


ANNESS II

Mudell għan-notifiki mill-Istati Membri

UNJONI EWROPEA

Esportazzjoni ta’ tagħmir ta’ protezzjoni personali (ir-Regolament (UE) 2020/402)

0.

Isem u dettalji ta’ kuntatt tal-awtorità kompetenti

1.

Esportatur (numru EORI jekk applikabbli)

 

2.

Pajjiż tad-destinazzjoni

3.

Riċeventi finali

4.

Kodiċi tal-prodott bażiku

5.

Kwantità

6.

Unità

7.

Deskrizzjoni tal-oġġetti

8.

Post

 

 

 

Awtorizzazzjoni għall-esportazzjoni mogħtija? (Iva/Le)

Raġunijiet għall-aċċettazzjoni/rifjut:

Kwalunkwe informazzjoni pertinenti li tikkonċerna l-konsultazzjoni ma’ Stati Membri oħra skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament implimentattiv:

Kaxxa numru 0: L-isem sħiħ u l-indirizz tal-awtorità tal-Istat Membru li tkun ħarġet l-awtorizzazzjoni tal-esportazzjoni.

Kaxxa numru 1 Esportatur: L-isem sħiħ u l-indirizz tal-esportatur li għalih tinħareġ l-awtorizzazzjoni + in-numru EORI jekk applikabbli.

Kaxxa numru 2 Pajjiż tad-destinazzjoni: Il-kodiċi tal-ġeonomenklatura b’żewġ ittri tal-pajjiż tad-destinazzjoni tal-merkanzija li għaliha tkun inħarġet l-awtorizzazzjoni.

Kaxxa numru 3 Riċeventi finali: L-isem sħiħ u l-indirizz tar-riċeventi finali tal-merkanzija, jekk ikun magħruf fil-mument tal-ħruġ + in-numru EORI jekk applikabbli. Jekk ir-riċeventi finali ma jkunx magħruf fil-mument tal-ħruġ, il-kaxxa titħalla vojta.

Parti 4 Kodiċi tal-komodità: Il-kodiċi numeriku mis-Sistema Armonizzata jew min-Nomenklatura Magħquda li taħtu l-merkanzija għall-esportazzjoni tkun ikklassifikata meta tinħareġ l-awtorizzazzjoni.

Kaxxa numru 5 Kwantità: Il-kwantità tal-merkanzija mkejla fl-unità ddikjarata fil-kaxxa 6.

Kaxxa numru 6 Unità: L-unità tal-kejl li fiha tiġi espressa l-kwantità ddikjarata fil-kaxxa 5. L-unitajiet li jridu jintużaw huma “P/ST” għal merkanzija magħduda skont in-numru ta’ biċċiet (eż. maskri), u “PA” għal merkanzija magħduda skont il-pari (eż. ingwanti).

Kaxxa numru 7 Deskrizzjoni tal-merkanzija: Deskrizzjoni b’lingwa sempliċi u preċiża biżżejjed biex tippermetti l-identifikazzjoni tal-merkanzija.

Kaxxa numru 8 Post: Il-kodiċi tal-ġeonomenklatura tal-Istat Membru fejn tinsab il-merkanzija. Jekk il-merkanzija tkun tinsab fl-Istat Membru tal-awtorità tal-ħruġ, din il-kaxxa trid titħalla vojta.