16.3.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 86/6


Avviż Dwar il-konsegwenzi tat-tifqigħa ta’ COVID-19 fuq investigazzjonijiet antidumping u antisussidji

(2020/C 86/06)

1.   Kuntest

Il-miżuri ta’ sikurezza applikati minħabba t-theddida ta’ trażmissjoni tal-COVID-19 jistgħu jħallu impatt fuq l-investigazzjonijiet għad-difiża tal-kummerċ b’żewġ modi ewlenin: (1) verifiki fuq il-post, u (2) skadenzi li fihom il-partijiet interessati jridu jwieġbu għat-talbiet ta’ informazzjoni tal-Kummissjoni.

It-tifqigħa tal-COVID-19 li oriġinarjament kienet taffettwa l-aktar ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, infirxet għal ħafna postijiet oħra madwar id-dinja. Il-miżuri ta’ sikurezza mmirati biex jillimitaw il-firxa tal-COVID-19 għandhom impatt fuq il-partijiet involuti f’investigazzjonijiet ta’ difiża tal-kummerċ li jinsabu jew li huma interkonnessi mill-qrib maż-żoni affettwati mill-virus. Dan l-avviż għalhekk japplika għal dawk il-partijiet kollha.

2.   L-impatt tal-COVID-19 fuq l-investigazzjonijiet tal-antidumping u kontra s-sussidji

a)   Verifiki fuq il-post

L-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-8 ta’ Ġunju 2016, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) u l-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-8 ta’ Ġunju 2016, dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea (2) (“ir-Regolamenti bażiċi”), jiddikjara li “il-Kummissjoni għandha, fejn tqis xieraq, tagħmel żjarat biex teżamina r-rekords ta’ l-importaturi, l-esportaturi, in-negozjanti, l-aġenti, il-produtturi, l-assoċjazzjonijiet u l-organizzazzjonijiet tal-kummerċ u biex tivverifika l-informazzjoni mogħtija”.

B’riżultat tat-tifqigħa tal-COVID-19, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tissospendi l-ivvjaġġar mhux essenzjali kollu lejn l-inħawi milquta u li tipposponi l-laqgħat kollha wiċċ imb’ wiċċ ma’ viżitaturi minn dawn l-inħawi.

F’każ li l-informazzjoni pprovduta minn produtturi esportaturi li jinsabu fl-inħawi milquta mill-COVID-19 ma tkunx soġġetta għall-verifika fuq il-post minħabba restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar jew miżuri oħra ta’ sigurtà, il-Kummissjoni se tagħmel ħilitha biex tikkunsidra l-informazzjoni sottomessa mill-partijiet u biex tagħmel kontroverifika ta’ din l-informazzjoni ma’ informazzjoni oħra disponibbli jekk fattibbli. Jekk il-Kummissjoni ma tkunx sodisfatta bil-preċiżjoni jew il-kompletezza tal-informazzjoni ppreżentata, hija jkollha tibbaża s-sejbiet tagħha biss fuq il-fatti vverifikati jew fatti oħrajn ippruvati fuq ir-rekord tal-investigazzjoni.

Għal dan il-għan, il-Kummissjoni ser teżamina bir-reqqa, inter alia, l-informazzjoni li ġejja meta tagħmel is-sejba tagħha fir-rigward ta’ l-importazzjonijiet taħt investigazzjoni:

l-ilment u l-informazzjoni vverifikata li tinsab fihom f’isem l-industrija tal-Unjoni skont l-Artikoli 5 jew 10 tar-Regolamenti bażiċi rispettivi,

l-informazzjoni ppreżentata skont l-Artikoli 6(2) jew 11(2) tar-Regolamenti bażiċi rispettivi minn partijiet interessati oħra, b’mod partikolari l-produtturi esportaturi, li jistgħu jiġu vverifikati b’mod xieraq mis-servizzi tal-Kummissjoni fi Brussell.

F’dan ir-rigward, tkun meħtieġa l-koperazzjoni massima mill-partijiet interessati, b’mod partikolari billi tipprovdi informazzjoni li tkun dettaljata biżżejjed, tista’ tiġi kontroverifikata minn sorsi indipendenti u verifikabbli u tkun kompletament u adegwatament iċċertifikata.

Fir-rigward tat-tweġibiet għall-kwestjonarji sottomessi mill-produtturi esportaturi soġġetti għall-metodoloġija li taqa’ taħt l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament antidumping bażiku, il-produtturi esportaturi huma mitluba jagħtu attenzjoni partikolari biex jiżguraw li jikkonformaw mal-Istruzzjonijiet Ġenerali tal-kwestjonarju, b’mod partikolari l-Punt (1):“Biex tkun tista’ tivverifika r-rispons tiegħek u torbtu mar-rekords tal-kontabbiltà u tal-ġestjoni tiegħek, tissottometti l-worksheets kollha (normalment fajls Excel u/jew estrazzjonijiet oħra mill-bażijiet tad-dejta tal-kumpanija tiegħek) użati għat-tħejjija tad-dejta għal dan il-kwestjonarju flimkien mat-tweġiba tiegħek għall-kwestjonarju u tipprovdi spjegazzjoni dettaljata dwar kif ġew ikkumpilati l-worksheets u kif jiġu rikonċiljati l-figuri u d-dejta fil-worksheets bil-figuri u d-dejta ppreżentata fil-kwestjonarju u t-tabelli annessi”.

Jekk tali informazzjoni meħtieġa ma tkunx tista’ tiġi pprovduta mill-partijiet interessati, il-Kummissjoni tista’ tagħmel is-sejbiet tagħha fuq il-bażi tal-fatti disponibbli skont l-Artikoli 18 u 28 tar-Regolamenti bażiċi rispettivi.

F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni se tieħu ħsieb partikolari li jiġu osservati r-rekwiżiti ta’ proċess xieraq u ta’ trasparenza.

b)   L-impatt fuq il-limiti ta’ żmien

Il-produtturi esportaturi u partijiet oħra li jinsabu fi nħawi milquta mill-COVID-19 jistgħu jkunu soġġetti għal miżuri ta’ sikurezza li jipprevjenu jew jillimitaw il-kapaċità tagħhom li jwettqu attivitajiet tan-negozju għal perjodi ta’ żmien estiżi. Dan jista’ jkollu impatt fuq il-kapaċità tal-partijiet li jwieġbu fil-ħin għal kwestjonarji u talbiet oħra għal informazzjoni mibgħuta matul investigazzjonijiet ta’ difiża kummerċjali. L-Artikoli 6(2) u 11(2) tar-Regolamenti bażiċi rispettivi jispeċifikaw il-limitu ta’ żmien għat-tweġibiet għall-kwestjonarji. It-taqsimiet 5 sa 9 tal-Avviżi ta’ Bidu jistabbilixxu dispożizzjonijiet addizzjonali għas-sottomissjoni ta’ informazzjoni u għall-iskeda ta’ żmien tal-investigazzjoni.

It-Taqsima 9 tal-Avviżi ta’ Bidu tipprovdi l-possibbiltà li tingħata estensjoni ta’ 7t ijiem f’każ ta’ ċirkostanzi eċċezzjonali. Billi t-tifqigħa tal-COVID-19 hija avveniment mhux previst li jikkostitwixxi force majeure li probabbli tista’ tfixkel lill-entitajiet ekonomiċi affettwati milli jikkonformaw mal-iskadenzi rilevanti għas-sottomissjoni tal-informazzjoni, tista’ tingħata estensjoni ta’ 7t ijiem. Għal dak il-għan, il-partijiet li jagħmlu t-talba għandhom jispjegaw fid-dettall kif il-miżuri marbuta mal-COVID-19 jaffettwaw il-kapaċità tagħhom li jipprovdu l-informazzjoni mitluba.

Barra minn hekk, operaturi ekonomiċi li jinsabu fiċ-Ċina f’reġjuni partikolarment affettwati mit-tifqigħa tal-COVID-19 jistgħu jkunu soġġetti għal miżuri ta’ sigurtà sostanzjali addizzjonali li jimpedixxu l-kapaċità tagħhom li jikkonformaw mat-talbiet tal-Kummissjoni, bħal perjodi ta’ kwarantina u/jew għeluq obbligatorju ta’ fabbriki. F’każijiet straordinarji bħal dawn, il-Kummissjoni tista’ eċċezzjonalment tiddeċiedi li testendi l-iskadenza lil hinn mill-perjodu ta’ 7t ijiem. Il-parti li tagħmel it-talba trid tissostanzja kif xieraq kif miżuri sostanzjali ta’ sigurtà addizzjonali jaffettwaw il-kapaċità tagħhom li jipprovdu l-informazzjoni speċifika mitluba. F’dawk is-sitwazzjonijiet eċċezzjonali, il-partijiet rikjedenti għandhom jindikaw ukoll kif il-ħin addizzjonali jippermettilhom iħejju tweġiba sinifikanti għall-kwestjonarju tal-Kummissjoni jew talbiet oħra għal informazzjoni. Il-Kummissjoni mbagħad tiddeċiedi fuq bażi ta’ każ b’każ jekk għandhiex tingħata estensjoni ulterjuri.

Ta’ min jinnota li, jekk dawn l-estensjonijiet itwal għal force majeure jew miżuri ta’ sikurezza addizzjonali jirriskjaw li jipperikolaw il-konklużjoni f’waqtha tal-investigazzjoni, il-Kummissjoni tista’ tirrifjuta t-talbiet għal estensjoni jew tqassar iż-żmien mogħti.

c)   It-twettiq ta’ investigazzjonijiet affettwati u t-teħid ta’ deċiżjonijiet

L-approċċ deskritt f’dan l-avviż li jikkonċerna ż-żjarat ta’ verifika u l-estensjonijiet tal-kalendarju ser japplika sakemm l-inħawi milquta mill-COVID-19 ikunu tqiesu sikuri għall-ivvjaġġar jew sakemm ma jkunx hemm miżuri ta’ prevenzjoni restrittivi li japplikaw għal partijiet li jinsabu f’dawk l-inħawi jew li huma affettwati b’xi mod ieħor mill-miżuri marbuta mal-COVID-19. Għalkemm il-Kummissjoni se timmonitorja l-iżviluppi f’din is-sitwazzjoni mill-qrib, il-partijiet interessati huma mitluba wkoll li jgħarrfu lill-Kummissjoni bi kwalunkwe bidla li tista’ ttejjeb il-proċess ta’ verifika kif ukoll is-sottomissjoni tal-informazzjoni.

Jekk waqt investigazzjoni, ċerti żoni milquta mill-COVID-19 barra ma jibqgħux jitqiesu bħala mhux sikuri għall-ivvjaġġar, jerġgħu jsiru żjarat ta’ verifika sakemm dan ikun għadu fattibbli fid-dawl tal-iskadenzi applikabbli għall-investigazzjonijiet.

Fil-każ fejn investigazzjoni tkun ġiet konkluża u ġew imposti miżuri definittivi fuq il-bażi tal-fatti disponibbli, il-Kummissjoni tista’, hekk kif xi nħawi fejn jinsabu l-produtturi esportaturi ma jibqgħux jitqiesu bħala mhux sikuri għall-ivvjaġġar, jibda rieżami ex officio skont l-Artikolu 11(3) jew l-Artikolu 19(1) tar-Regolamenti bażiċi.

Il-partijiet ikkonċernati jistgħu jkunu jixtiequ jikkummentaw dwar l-approċċ imsemmi hawn fuq. Dawn il-kummenti għandhom jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien għaxart ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.


(1)  Ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21).

(2)  Ir-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 176, 30.6.2016, p. 55).