Brussell, 15.12.2020

COM(2020) 825 final

2020/0361(COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar Suq Intern għas-Servizzi Diġitali (l-Att dwar is-Servizzi Diġitali) u li jemenda d-Direttiva 2000/31/KE

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

{SEC(2020) 432 final} - {SWD(2020) 348 final} - {SWD(2020) 349 final}


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Minn meta ġiet adottata d-Direttiva 2000/31/KE 1 (id-“Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku”), tfaċċaw servizzi (diġitali) tas-soċjetà tal-informazzjoni ġodda u innovattivi, li biddlu l-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini tal-Unjoni u li sawru u ttrasformaw il-mod kif jikkomunikaw, jikkollegaw, jikkunsmaw u jagħmlu n-negozju. Dawk is-servizzi kkontribwew ħafna għal trasformazzjonijiet soċjetali u ekonomiċi fl-Unjoni u fid-dinja kollha. Fl-istess ħin, l-użu ta’ dawk is-servizzi sar ukoll is-sors ta’ riskji u sfidi ġodda, kemm għas-soċjetà inġenerali kif ukoll għall-individwi li jużaw it-tali servizzi. Is-servizzi diġitali jistgħu jappoġġaw il-kisba tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli billi jikkontribwixxu għas-sostenibbiltà ekonomika, soċjali u ambjentali. Il-kriżi tal-coronavirus uriet kemm huma importanti t-teknoloġiji diġitali fl-aspetti kollha tal-ħajja moderna. Uriet b’mod ċar kemm l-ekonomija u s-soċjetà tagħna jiddependu fuq is-servizzi diġitali u enfasizzat kemm il-benefiċċji kif ukoll ir-riskji li jirriżultaw mill-qafas attwali għall-funzjonament tas-servizzi diġitali.

Fil-Komunikazzjoni “Insawru l-futur diġitali tal-Ewropa” 2 , il-Kummissjoni impenjat ruħha li taġġorna r-regoli orizzontali li jiddefinixxu r-responsabbiltajiet u l-obbligi tal-fornituri tas-servizzi diġitali, u tal-pjattaformi online b’mod partikolari.

B’hekk, il-Kummissjoni qieset il-kwistjonijiet identifikati fir-rapport b’inizjattiva proprja tal-Parlament Ewropew u analizzat il-proposti fihom. Il-Parlament Ewropew adotta żewġ riżoluzzjonijiet abbażi tal-Artikolu 225 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) dwar “l-Att dwar is-Servizzi Diġitali – Titjib tal-funzjonament tas-Suq Uniku” 3 u dwar “l-Att dwar is-Servizzi Diġitali: adattament tar-regoli tad-dritt kummerċjali u ċivili għall-entitajiet kummerċjali li joperaw online” 4 . Il-Parlament Ewropew adotta wkoll riżoluzzjoni skont il-proċedura mhux leġiżlattiva dwar “l-Att dwar is-Servizzi Diġitali u l-kwistjonijiet li jinħolqu rigward id-drittijiet fundamentali” 5 . Essenzjalment, ir-riżoluzzjonijiet huma kumplimentari f’bosta aspetti. Jinkludu appell qawwi biex jinżammu l-prinċipji ewlenin tad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku u biex jiġu protetti d-drittijiet fundamentali fl-ambjent online, kif ukoll l-anonimità online kull fejn ikun teknikament possibbli. Jappellaw għat-trasparenza, għall-obbligi ta’ informazzjoni u għall-akkontabbiltà għall-fornituri tas-servizzi diġitali u jippromwovu obbligi effettivi biex jiġi indirizzat il-kontenut illegali online. Jippromwovu wkoll is-sorveljanza pubblika fil-livell tal-UE u fil-livell nazzjonali, u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti fil-ġurisdizzjonijiet kollha biex jinfurzaw il-liġi, speċjalment meta jkunu qed jindirizzaw kwistjonijiet transfruntieri.

Ir-Riżoluzzjoni dwar “l-Att dwar is-Servizzi Diġitali – Titjib tal-funzjonament tas-Suq Uniku” titlob riforma ambizzjuża tal-qafas legali eżistenti tal-UE għall-kummerċ elettroniku filwaqt li jinżammu l-prinċipji ewlenin tar-reġim tiegħu tar-responsabbiltà, il-projbizzjoni tal-monitoraġġ ġenerali u l-klawżola dwar is-suq intern, li tqis li għadhom validi llum. Filwaqt li tikkonferma l-objettivi tad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku, ir-Riżoluzzjoni titlob li jittieħdu miżuri li jkollhom il-protezzjoni tal-konsumatur fil-qalba tagħhom, billi tiġi inkluża taqsima dettaljata dwar il-postijiet tas-suq online, u li jiżguraw il-fiduċja tal-konsumatur fl-ekonomija diġitali, filwaqt li jiġu rispettati d-drittijiet fundamentali. Ir-Riżoluzzjoni tippromwovi wkoll regoli li jirfdu ambjent diġitali kompetittiv fl-Ewropa, u tipprevedi l-Att dwar is-Servizzi Diġitali bħala mudell standard fil-livell dinji.

Ir-Riżoluzzjoni dwar “l-Att dwar is-Servizzi Diġitali: adattament tar-regoli tad-dritt kummerċjali u ċivili għall-entitajiet kummerċjali li joperaw online” tappella għal aktar korrettezza, trasparenza u akkontabbiltà għall-proċessi ta’ moderazzjoni tal-kontenut tas-servizzi diġitali, filwaqt li jiġi żgurat li jiġu rispettati d-drittijiet fundamentali, u jiġi garantit ir-rikors indipendenti għar-rimedju ġudizzjarju. Ir-Riżoluzzjoni tinkludi wkoll it-talba għal mekkaniżmu dettaljat ta’ “avviż u azzjoni” li jindirizza l-kontenut illegali, regoli komprensivi dwar ir-reklamar online, inkluż ir-reklamar immirat, u titlob li jkunu jistgħu jiġu żviluppati u jintużaw il-kuntratti intelliġenti.

Ir-Riżoluzzjoni nonleġiżlattiva dwar “l-Att dwar is-Servizzi Diġitali u l-kwistjonijiet li jinħolqu rigward id-drittijiet fundamentali” tenfasizza l-ħtieġa għal ċarezza ġuridika għall-pjattaformi u għall-utenti, u l-ħtieġa li jiġu rispettati d-drittijiet fundamentali meta wieħed iqis l-iżvilupp rapidu tat-teknoloġija. Tappella għal regoli armonizzati għall-indirizzar tal-kontenut illegali online u għal eżenzjonijiet tar-responsabbiltà u moderazzjoni tal-kontenut. Ir-Riżoluzzjoni tinkludi wkoll responsabbiltajiet ċari ta’ rappurtar u trasparenza għall-pjattaformi u għall-awtoritajiet. Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill 6 laqgħu wkoll it-tħabbira tal-Kummissjoni ta’ Att dwar is-Servizzi Diġitali, filwaqt li enfasizzaw “il-ħtieġa għal regoli ċari u armonizzati bbażati fuq l-evidenza dwar ir-responsabbiltajiet u l-obbligi ta’ rendikont għal servizzi diġitali li jiggarantixxu lill-intermedjarji tal-internet livell xieraq ta’ ċertezza tad-dritt” u jisħqu dwar “il-ħtieġa li jissaħħu l-kapaċitajiet Ewropej u l-kooperazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali, li jippreservaw u jsaħħu l-prinċipji fundamentali tas-Suq Uniku u l-ħtieġa li tittejjeb is-sikurezza taċ-ċittadini u li jiġu protetti d-drittijiet tagħhom fl-isfera diġitali fis-Suq Uniku kollu kemm hu.” Din is-sejħa għal azzjoni ġiet imtennija fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-2 ta’ Ottubru 2020 7 .

Filwaqt li tibni fuq il-prinċipji ewlenin stipulati fid-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku, li għadhom validi llum, din il-proposta tipprova tiżgura l-aħjar kundizzjonijiet għall-forniment ta’ servizzi diġitali innovattivi fis-suq intern, biex tikkontribwixxi għas-sikurezza online u għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, u biex tistabbilixxi struttura ta’ governanza robusta u dejjiema għas-superviżjoni effettiva tal-fornituri tas-servizzi intermedjarji.

Din il-proposta tiddefinixxi responsabbiltajiet u akkontabbiltà ċari għall-fornituri tas-servizzi intermedjarji, u b’mod partikolari għall-pjattaformi online, bħal pereżempju l-midja soċjali u l-postijiet tas-suq. Billi tistabbilixxi obbligi ċari ta’ diliġenza dovuta għal ċerti servizzi intermedjarji, inkluż proċeduri ta’ avviż u azzjoni għall-kontenut illegali u l-possibbiltà li jiġu kkontestati d-deċiżjonijiet tal-moderazzjoni tal-kontenut tal-pjattaformi, il-proposta tipprova ttejjeb is-sikurezza tal-utenti online fl-Unjoni kollha kemm hi u ttejjeb il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tagħhom. Barra minn hekk, obbligu għal ċerti pjattaformi online biex jirċievu, jaħżnu u jivverifikaw u jippubblikaw parzjalment informazzjoni dwar il-kummerċjanti li jkunu qed jużaw is-servizzi tagħhom se jiżgura ambjent online aktar sikur u aktar trasparenti għall-konsumaturi. Filwaqt li tirrikonoxxi l-impatt partikolari tal-pjattaformi online kbar ħafna fuq l-ekonomija u s-soċjetà tagħna, il-proposta tistabbilixxi standard ogħla ta’ trasparenza u akkontabbiltà dwar kif il-fornituri ta’ pjattaformi bħal dawn jimmoderaw il-kontenut, dwar ir-reklamar u dwar il-proċessi algoritmiċi. Tistabbilixxi obbligi għall-valutazzjoni tar-riskji li joħolqu s-sistemi tagħhom biex jiżviluppaw għodod xierqa għall-ġestjoni tar-riskji biex tiġi protetta l-integrità tas-servizzi tagħhom kontra l-użu ta’ tekniki manipulattivi. Il-livell limitu operattiv għall-fornituri tas-servizzi fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn l-obbligi jinkludi dawk il-pjattaformi online bi lħuq sinifikanti fl-Unjoni, li bħalissa huwa stmat li jammontaw għal aktar minn 45 miljun riċevitur tas-servizz. Dan il-livell limitu huwa proporzjonat għar-riskji li joħloq l-ilħuq tal-pjattaformi fl-Unjoni; meta l-popolazzjoni tal-Unjoni tinbidel b’ċertu perċentwal, il-Kummissjoni se taġġusta l-għadd ta’ riċevituri meqjusa għal-livell limitu, biex ikun jikkorrispondi b’mod konsistenti għal 10 % tal-popolazzjoni tal-Unjoni. Barra minn hekk, l-Att dwar is-Servizzi Diġitali se jistabbilixxi soluzzjoni ta’ kontinġenza koregolatorja, inkluż abbażi ta’ inizjattivi volontarji eżistenti.

Il-proposta żżomm ir-regoli dwar ir-responsabbiltà għall-fornituri tas-servizzi intermedjarji stabbiliti fid-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku – li s’issa hija stabbilita bħala l-pedament tal-ekonomija diġitali u hija strumentali għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali online. Dawk ir-regoli ġew interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li pprovdiet kjarifiki u gwida prezzjużi. Madankollu, biex tiġi żgurata armonizzazzjoni effettiva fl-Unjoni kollha u biex tiġi evitata l-frammentazzjoni ġuridika, huwa meħtieġ li dawk ir-regoli jiġu inklużi f’Regolament. Huwa wkoll xieraq li jiġu ċċarati xi aspetti ta’ dawk ir-regoli biex jiġu eliminati d-diżinċentivi eżistenti lejn investigazzjonijiet volontarji b’inizjattiva proprja mwettqa minn fornituri tas-servizzi intermedjarji biex jiżguraw is-sikurezza tal-utenti tagħhom u biex jiċċaraw ir-rwol tagħhom mill-perspettiva tal-konsumaturi f’ċerti ċirkostanzi. Dawk il-kjarifiki għandhom jgħinu lil fornituri iżgħar u innovattivi jespandu u jikbru billi jibbenefikaw minn aktar ċertezza tad-dritt.

Suq uniku aktar profond u mingħajr fruntieri għas-servizzi diġitali jirrekjedi kooperazzjoni msaħħa fost l-Istati Membri biex jiġu żgurati sorveljanza u infurzar effettivi tar-regoli l-ġodda stipulati fir-Regolament propost. Il-proposta tistabbilixxi responsabbiltajiet ċari għall-Istat Membru li jkun qed jissorvelja l-konformità tal-fornituri tas-servizzi stabbiliti fit-territorju tiegħu mal-obbligi stipulati fir-Regolament propost. Dan jiżgura l-aktar infurzar rapidu u effettiv tar-regoli u jipproteġi liċ-ċittadin tal-UE kollha. Għandha l-għan li tipprovdi l-proċessi sempliċi u ċari kemm għaċ-ċittadini kif ukoll għall-fornituri tas-servizzi biex isibu għajnuna fl-interazzjonijiet tagħhom mal-awtoritajiet superviżorji. Meta jitfaċċaw riskji sistemiċi madwar l-Unjoni, ir-Regolament propost jipprevedi s-superviżjoni u l-infurzar fil-livell tal-Unjoni.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Il-qafas ġuridiku attwali tal-UE li jirregola s-servizzi diġitali huwa mirfud, l-ewwel nett, mid-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku. Dan ir-Regolament propost huwa mingħajr preġudizzju għad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku, u jibni fuq id-dispożizzjonijiet stabbiliti fiha, b’mod partikolari fuq il-prinċipju tas-suq intern stipulat fl-Artikolu 3. Ir-Regolament propost jipprevedi mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni u koordinazzjoni għas-superviżjoni tal-obbligi li jimponi. Fir-rigward tal-qafas orizzontali tal-eżenzjoni tar-responsabbiltà għall-fornituri tas-servizzi intermedjarji, dan ir-Regolament iħassar l-Artikoli 12-15 fid-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku u jirriproduċihom fir-Regolament, filwaqt li jżomm l-eżenzjonijiet tar-responsabbiltà tat-tali fornituri, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Skont is-sistema legali ta’ kull Stat Membru u l-qasam tal-liġi inkwistjoni, l-awtoritajiet nazzjonali ġudizzjarji jew amministrattivi jistgħu jordnaw lill-fornituri tas-servizzi intermedjarji biex jaġixxu kontra ċerti elementi speċifiċi tal-kontenut illegali. Tali ordnijiet, b’mod partikolari fejn jitolbu lill-fornituri biex jevitaw li jerġa’ jitfaċċa l-kontenut illegali, iridu jinħarġu f’konformità mal-liġi tal-Unjoni, b’mod partikolari bil-projbizzjoni ta’ obbligi ta’ monitoraġġ ġenerali, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea 8 . Din il-proposta, b’mod partikolari l-Artikolu 8 tagħha, ma taffettwax din il-każistika. Din il-proposta għandha tikkostitwixxi l-bażi xierqa għall-iżvilupp ta’ teknoloġiji robusti biex jiġi evitat li terġa’ titfaċċa l-informazzjoni illegali, akkumpanjata mill-aktar salvagwardji għoljin biex jiġi evitat li l-kontenut legali jitħassar bi żball; għodod bħal dawn jistgħu jkunu żviluppati abbażi ta’ ftehimiet volontarji bejn il-partijiet ikkonċernati kollha u għandhom ikunu inkoraġġiti mill-Istati Membri; huwa fl-interess tal-partijiet kollha involuti fil-forniment tas-servizzi intermedjarji li jadottaw u jimplimentaw tali proċeduri; id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament relatati mar-responsabbiltà jenħtieġ li ma jipprekludux l-iżvilupp u t-tħaddim effettiv, mill-partijiet interessati diversi, tas-sistemi tekniċi ta’ protezzjoni u identifikazzjoni u ta’ rikonoxximent awtomatiku magħmula possibbli mit-teknoloġija diġitali fil-limiti stabbiliti fir-Regolament 2016/679.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Ir-Regolament propost jintroduċi qafas orizzontali għall-kategoriji kollha ta’ kontenut, prodotti, servizzi u attivitajiet fuq is-servizzi intermedjarji. In-natura illegali ta’ tali kontenut, prodotti jew servizzi mhijiex definita f’dan ir-Regolament iżda tirriżulta mil-liġi tal-Unjoni jew mil-liġi nazzjonali f’konformità mal-liġi tal-Unjoni.

L-istrumenti speċifiċi għas-settur ma jkoprux il-lakuni regolatorji kollha evidenzjati fir-rapport dwar il-valutazzjoni tal-impatt: ma jipprevedux regoli kompluti dwar l-obbligi proċedurali relatati mal-kontenut illegali u jinkludu biss regoli bażiċi dwar it-trasparenza u l-akkontabbiltà tal-fornituri tas-servizzi u mekkaniżmi limitati għas-sorveljanza. Barra minn hekk, il-liġijiet speċifiċi għas-settur ikopru sitwazzjonijiet fejn huma meħtieġa approċċi adattati. F’termini ta’ kamp ta’ applikazzjoni, huma limitati minn żewġ perspettivi. L-ewwel nett, l-interventi speċifiċi għas-settur jindirizzaw subsett żgħir ta’ kwistjonijiet (eż. ksur tad-dritt tal-awtur, kontenut terroristiku, materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal jew diskors ta’ mibegħda illegali, xi prodotti illegali). It-tieni nett, ikopru biss id-disseminazzjoni ta’ tali kontenut fuq ċerti tipi ta’ servizzi (eż. subsett ta’ pjattaformi online għall-ksur tad-dritt tal-awtur, pjattaformi ta’ video-sharing biss, u biss fir-rigward tal-kontenut terroristiku jew diskors ta’ mibegħda awdjoviżivi). Madankollu, huwa importanti li tiġi ċċarata r-relazzjoni bejn ir-Regolament il-ġdid propost u l-istrumenti speċifiċi għas-settur.

Ir-Regolament propost jikkumplimenta l-leġiżlazzjoni eżistenti speċifika għas-settur u ma jaffettwax l-applikazzjoni tal-liġijiet eżistenti tal-UE li jirregolaw ċerti aspetti tal-forniment tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni li japplikaw bħala lex specialis. Bħala eżempju, l-obbligi stipulati fid-Direttiva 2010/13/KE, kif emendata bid-Direttiva (UE) 2018/1808, dwar il-fornituri tal-pjattaformi ta’ video-sharing (“AVSMD”) fir-rigward tal-kontenut awdjoviżiv u l-komunikazzjonijiet kummerċjali awdjoviżivi se jibqgħu japplikaw. Madankollu, dan ir-Regolament japplika għal dawk il-fornituri sakemm l-AVSMD jew atti legali oħra tal-Unjoni, bħal pereżempju l-proposta għal Regolament dwar l-indirizzar tad-disseminazzjoni ta’ kontenut terroristiku online, ma jkunx fihom dispożizzjonijiet aktar speċifiċi li japplikaw għalihom.

Il-qafas stabbilit fir-Regolament (UE) 2019/1150 dwar il-promozzjoni tal-korrettezza u tat-trasparenza għall-utenti kummerċjali tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online biex jiġi żgurat li l-utenti kummerċjali ta’ tali servizzi u l-utenti ta’ sit web korporattiv fir-rigward tal-magni tat-tiftix online jingħataw possibbiltajiet xierqa ta’ trasparenza, korrettezza u rimedju effettiv, se japplika bħala lex specialis.

Barra minn hekk, ir-regoli stabbiliti f’din il-proposta se jkunu kumplimentari għall-acquis tal-protezzjoni tal-konsumatur u b’mod speċifiku fir-rigward tad-Direttiva (UE) 2019/2161 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttivi 98/6/KE, 2005/29/KE u 2011/83/UE li jistabbilixxu regoli speċifiċi għaż-żieda fit-trasparenza fir-rigward ta’ ċerti elementi offruti minn ċerti servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni.

Din il-proposta hija mingħajr preġudizzju għar-Regolament (UE) 2016/679 (ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) u regoli oħra tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali u tal-privatezza tal-komunikazzjonijiet. Pereżempju, il-miżuri li jikkonċernaw ir-reklamar fuq il-pjattaformi online jikkumplimentaw iżda ma jemendawx ir-regoli eżistenti dwar il-kunsens u d-dritt ta’ oġġezzjoni għall-ipproċessar tad-data personali. Jimponu obbligi ta’ trasparenza għall-utenti tal-pjattaformi online, u din l-informazzjoni se tippermettilhom ukoll jużaw id-drittijiet tagħhom bħala suġġetti tad-data. Jippermettu wkoll l-iskrutinju mill-awtoritajiet u mir-riċerkaturi verifikati dwar kif jintwerew ir-reklami u kif jiġu mmirati.

Din il-proposta se tiġi kkumplimentata minn azzjonijiet ulterjuri skont il-Pjan ta’ Azzjoni għad-Demokrazija Ewropea COM(2020) 790 final, bl-objettiv li tingħata s-setgħa liċ-ċittadini u li jinbnew demokraziji aktar reżiljenti fl-Unjoni kollha. B’mod partikolari, ir-regoli dwar il-kodiċijiet ta’ kondotta stabbiliti f’dan ir-Regolament jistgħu jservu bħala bażi u jiġu kkumplimentati minn Kodiċi ta’ Prattika dwar id-Diżinformazzjoni rivedut u msaħħaħ, filwaqt li jibnu fuq il-gwida tal-Kummissjoni.

Il-proposta hija wkoll konsistenti għalkollox u tappoġġa ulterjorment l-istrateġiji dwar l-ugwaljanza adottati mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-Unjoni ta’ Ugwaljanza. Il-proposta hija mingħajr preġudizzju għall-inizjattiva tal-Kummissjoni maħsuba biex ttejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol tan-nies li jaħdmu permezz tal-pjattaformi diġitali.

Fl-aħħar nett, ir-Regolament propost jibni fuq ir-Rakkomandazzjoni dwar il-kontenut illegali tal-2018 9 . Iqis l-esperjenzi miksuba bl-isforzi awtoregolatorji appoġġati mill-Kummissjoni bħal pereżempju l-Wegħda dwar is-Sikurezza tal-Prodott 10 , il-Memorandum ta’ Qbil kontra l-oġġetti kontrafatti 11 , il-Kodiċi ta’ Kondotta kontra d-diskors ta’ mibegħda illegali 12 , u l-Forum tal-UE dwar l-Internet fir-rigward tal-kontenut terroristiku.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-bażi ġuridika għall-proposta hija l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jipprevedi l-istabbiliment ta’ miżuri biex jiġi żgurat il-funzjonament tas-Suq Intern.

L-objettiv primarju ta’ din il-proposta huwa li jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern, b’mod partikolari b’rabta mad-dispożizzjoni dwar is-servizzi diġitali transfruntieri (b’mod aktar speċifiku, is-servizzi intermedjarji). F’konformità ma’ dan l-objettiv, il-proposta għandha l-għan li tiżgura kundizzjonijiet armonizzati fejn jistgħu jiżviluppaw servizzi innovattivi transfruntieri fl-Unjoni, billi tindirizza u tipprevjeni l-emerġenza ta’ ostakli għal tali attività ekonomika li jirriżultaw mid-differenzi fil-mod kif jiżviluppaw il-liġijiet nazzjonali, filwaqt li tqis li bosta Stati Membri lleġiżlaw jew beħsiebhom jilleġiżlaw dwar kwistjonijiet bħal pereżempju t-tneħħija tal-kontenut illegali online, id-diliġenza, il-proċeduri ta’ avviż u azzjoni u t-trasparenza. Fl-istess ħin, il-proposta tipprevedi s-superviżjoni xierqa tas-servizzi diġitali u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet fil-livell tal-Unjoni, u b’hekk tappoġġa l-fiduċja, l-innovazzjoni u t-tkabbir fis-suq intern.

Sussidjarjetà

Filwaqt li titqies in-natura transfruntiera tal-Internet, l-isforzi leġiżlattivi fil-livell nazzjonali msemmijin hawn fuq jostakolaw il-forniment u r-riċeviment tas-servizzi fl-Unjoni kollha u mhumiex effettivi fl-iżgurar tas-sikurezza u tal-protezzjoni uniformi tad-drittijiet taċ-ċittadini u tan-negozji tal-UE online. L-armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet biex ikunu jistgħu jiġu żviluppati servizzi diġitali innovattivi transfruntieri fl-Unjoni, filwaqt li jinżamm ambjent online sikur, tista’ biss issir fil-livell tal-Unjoni.

L-azzjoni fil-livell tal-Unjoni tipprovdi l-prevedibbiltà u ċ-ċertezza tad-dritt, u tnaqqas il-kostijiet tal-konformità madwar l-Unjoni. Fl-istess ħin, trawwem il-protezzjoni ugwali taċ-ċittadini kollha tal-Unjoni, billi tiżgura li l-azzjoni kontra l-kontenut illegali online mill-fornituri tas-servizzi intermedjarji tkun konsistenti, ikun xi jkun il-post ta’ stabbiliment tagħhom. Sistema ta’ superviżjoni kkoordinata sew, infurzata fil-livell tal-Unjoni, tiżgura wkoll approċċ koerenti applikabbli għall-fornituri kollha tas-servizzi intermedjarji li joperaw fl-Istati Membri kollha.

Biex l-utenti jiġu protetti b’mod effettiv online, u biex jiġi evitat li l-fornituri tas-servizzi diġitali bbażati fl-Unjoni jkunu soġġetti għal żvantaġġ kompetittiv, jeħtieġ li jiġu koperti wkoll il-fornituri rilevanti tas-servizzi stabbiliti ’l barra mill-Unjoni li joperaw fis-suq intern.

Proporzjonalità

Il-proposta għandha l-għan li trawwem imġiba responsabbli u diliġenti mill-fornituri tas-servizzi intermedjarji biex jiġi żgurat ambjent sikur, li jippermetti liċ-ċittadini tal-Unjoni u partijiet oħra jeżerċitaw liberament id-drittijiet fundamentali tagħhom, b’mod partikolari l-libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni. L-elementi ewlenin tal-proposta jillimitaw ir-Regolament għal dak li huwa strettament meħtieġ biex jintlaħqu dawk l-objettivi.

B’mod partikolari, il-proposta tistabbilixxi obbligi asimmetriċi ta’ diliġenza dovuta fuq tipi differenti ta’ fornituri tas-servizzi diġitali skont in-natura tas-servizzi tagħhom u d-daqs tagħhom, biex jiġi żgurat li s-servizzi tagħhom ma jintużawx ħażin għal attivitajiet illegali u li l-fornituri joperaw b’mod responsabbli. Dan l-approċċ jindirizza ċerti problemi identifikati biss fejn dawn jimmaterjalizzaw, filwaqt li ma jgħabbix piż żejjed fuq il-fornituri li mhumiex ikkonċernati minn dawk il-problemi. Ċerti obbligi sostantivi huma limitati biss għall-pjattaformi online kbar ħafna, li minħabba l-ilħuq tagħhom kisbu rwol ċentrali u sistemiku fl-iffaċilitar tad-dibattitu pubbliku u tat-tranżazzjonijiet ekonomiċi. Il-fornituri żgħar ħafna huma eżentati għalkollox mill-obbligi.

Fir-rigward tal-fornituri tas-servizzi diġitali stabbiliti barra mill-Unjoni li joffru servizzi fl-Unjoni, ir-Regolament jirrekjedi l-ħatra ta’ rappreżentant legali fl-Unjoni biex jiġu żgurati sorveljanza effettiva u, fejn meħtieġ, infurzar.

B’mod proporzjonat għall-obbligi, u filwaqt li titqies in-natura transfruntiera tas-servizzi diġitali, il-proposta se tintroduċi mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni fl-Istati Membri kollha, b’sorveljanza msaħħa fil-livell tal-Unjoni tal-pjattaformi online kbar ħafna. Barra minn hekk, il-proposta ma temendax il-leġiżlazzjoni speċifika għas-settur jew il-mekkaniżmi ta’ infurzar u governanza stabbiliti fiha, iżda tipprevedi qafas orizzontali li wieħed jista’ jiddependi fuqu, għall-aspetti lil hinn mill-kontenut speċifiku jew mis-subkategoriji ta’ servizzi rregolati f’atti speċifiċi għas-settur.

Bl-istabbiliment ta’ qafas ċar, akkumpanjat mill-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u magħhom, kif ukoll mill-awtoregolamentazzjoni, din il-proposta għandha l-għan li ssaħħaħ iċ-ċertezza tad-dritt u tgħolli l-livelli ta’ fiduċja, filwaqt li tkompli tkun rilevanti u effettiva fit-tul minħabba l-flessibbiltà tal-qafas ta’ kooperazzjoni.

Għażla tal-istrument

L-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jagħti l-possibbiltà lil-leġiżlatur li jadotta regolamenti u direttivi.

Il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq proposta għal Regolament biex tiżgura livell konsistenti ta’ protezzjoni fl-Unjoni kollha u biex tevita d-diverġenzi li jostakolaw il-forniment liberu tas-servizzi rilevanti fis-suq intern, kif ukoll biex tiggarantixxi l-protezzjoni uniformi tad-drittijiet u obbligi uniformi għan-negozji u għall-konsumaturi fis-suq intern kollu. Dan huwa meħtieġ biex jiġu pprovduti ċ-ċertezza tad-dritt u t-trasparenza lill-operaturi ekonomiċi u lill-konsumaturi. Ir-Regolament propost jiżgura wkoll il-monitoraġġ konsistenti tad-drittijiet u tal-obbligi, u sanzjonijiet ekwivalenti fl-Istati Membri kollha, kif ukoll kooperazzjoni effettiva bejn l-awtoritajiet superviżorji tal-Istati Membri differenti u fil-livell tal-Unjoni.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Din il-proposta tibni fuq l-evalwazzjoni tad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku, imwettqa immedjatament wara l-Valutazzjoni tal-Impatt li takkumpanja l-proposta. L-objettivi speċifiċi tad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku kienu li jiġu żgurati (i) suq intern għas-servizzi diġitali li jiffunzjona tajjeb, (ii) it-tneħħija effettiva tal-kontenut illegali online b’rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali, u (iii) livell xieraq ta’ informazzjoni u trasparenza għall-konsumaturi.

Fir-rigward tal-effettività tad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku, l-evalwazzjoni turi li filwaqt li d-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku pprovdiet inċentiv importanti għat-tkabbir tas-suq intern għas-servizzi diġitali, u ppermettiet id-dħul u l-espansjoni ta’ fornituri ġodda ta’ tali servizzi, l-objettivi inizjali għadhom ma ntlaħqux għalkollox.

B’mod partikolari, it-tkabbir dinamiku tal-ekonomija diġitali u l-emerġenza ta’ tipi ġodda ta’ fornituri tas-servizzi jqajmu sfidi ġodda, li ġew indirizzati b’mod differenti mill-Istati Membri, fejn is-sett inizjali ta’ objettivi jridu jiġu ċċarati. Barra minn hekk, dawn l-iżviluppi jitfgħu aktar pressjoni fuq il-kisba tal-objettivi diġà eżistenti kif turi ż-żieda fil-frammentazzjoni legali.

L-evalwazzjoni wriet ukoll li filwaqt li bosta strumenti regolatorji ġodda jikkontribwixxu b’mod siewi għall-kisba ta’ wħud mill-objettivi politiċi stipulati fid-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku, dawn jipprevedu biss soluzzjonijiet speċifiċi għas-settur għal uħud mill-problemi sottostanti (eż. fl-indirizzar tal-proliferazzjoni ta’ tipi speċifiċi ta’ attività illegali). Għalhekk ma jindirizzawx it-tali kwistjonijiet b’mod konsistenti għall-ekosistema diġitali kollha, peress li huma limitati għal ċerti tipi ta’ servizzi jew ċerti tipi ta’ kontenut illegali. Barra minn hekk, filwaqt li l-inizjattivi awtoregolatorji ġeneralment taw riżultati pożittivi, dawn la jistgħu jiġu infurzati legalment u lanqas ma jkopru lill-parteċipanti kollha fl-ekonomija diġitali. Fir-rigward tal-effiċjenza tad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku, id-Direttiva imponiet biss kostijiet addizzjonali limitati għall-amministrazzjonijiet u għall-fornituri tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni tal-Istati Membri. L-evalwazzjoni ma żvelatx kostijiet partikolarment għoljin jew sproporzjonati u ma tqajjem l-ebda tħassib sostanzjali fir-rigward tal-impatti fuq l-intrapriżi żgħar u medji. It-tħassib ewlieni f’dan ir-rigward huwa relatat man-nuqqas ta’ ċarezza fil-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni madwar l-Istati Membri, li joħloq piżijiet u irduppjar tal-kostijiet, minkejja l-objettiv oppost tad-Direttiva, b’mod partikolari f’dak li għandu x’jaqsam mas-superviżjoni tal-pjattaformi online. Dan naqqas b’mod essenzjali l-effiċjenza tagħha fiż-żamma tal-funzjonament tas-suq intern.

Fir-rigward tal-kwistjonijiet dwar ir-rilevanza kontinwa tal-objettivi tad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku, l-evalwazzjoni turi li l-objettivi tad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku għadhom validi, filwaqt li fl-istess ħin hemm bosta żviluppi ġodda li mhumiex riflessi sew fl-objettivi eżistenti ta’ politika pubblika.

L-ewwel nett, il-konsultazzjoni pubblika miftuħa, is-sottomissjonijiet immirati mill-partijiet ikkonċernati, ir-rapporti maħruġa mill-Parlament Ewropew 13 kif ukoll il-Konklużjonijiet tal-Kunsill 14 jikkonfermaw li l-prinċipji u l-objettivi eżistenti tad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku għadhom validi llum. Madankollu, tfaċċaw asimmetriji u riskji ġodda tal-informazzjoni minn meta daħlet fis-seħħ id-Direttiva, l-aktar relatati mal-emerġenza tal-pjattaformi online, b’mod partikolari l-pjattaformi kbar ħafna, u mal-iskala tat-trasformazzjoni diġitali. Dan huwa pereżempju l-każ fl-oqsma tat-teħid algoritmiku tad-deċiżjonijiet (b’impatt fuq kif il-flussi tal-informazzjoni jiġu intermedjati online), jew fis-sistemi tar-reklamar online.

L-evalwazzjoni wriet li d-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku hija koerenti ma’ interventi oħra tal-UE li seħħew minn meta ġiet adottata. Barra minn hekk, l-evalwazzjoni ma identifikatx xi inkoerenza interna tad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku.

Fl-aħħar nett, mill-inqas hemm partijiet tal-benefiċċji reali tad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku li identifikat l-evalwazzjoni, li jistgħu jitqiesu bħala valur miżjud tal-UE. Aktarx li l-Istati Membri kienu jkomplu japplikaw is-sistemi regolatorji tagħhom stess mingħajr l-ebda sett ta’ prinċipji komuni u li xi Stati Membri ma kien ikollhom l-ebda regola orizzontali fis-seħħ. Madankollu, fin-nuqqas ta’ evidenza robusta, mhuwiex possibbli li jinsiltu konklużjonijiet sodi dwar il-kobor ta’ dan il-valur miżjud tal-UE.

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Fil-ħames snin li għaddew, il-Kummissjoni kkonsultat ma’ firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati differenti, inkluż fornituri tas-servizzi diġitali bħal pereżempju pjattaformi online u servizzi intermedjarji oħra, negozji li jinnegozjaw online, pubblikaturi tal-midja, sidien tad-ditti u negozji oħra, sħab soċjali, utenti tas-servizzi diġitali, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, awtoritajiet nazzjonali, l-akkademja, il-komunità teknika, organizzazzjonijiet internazzjonali u l-pubbliku ġenerali. Tul dawn l-aħħar snin, firxa wiesgħa ta’ passi ta’ konsultazzjoni mmirata ġabru bir-reqqa l-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati relatati mas-servizzi u mal-pjattaformi diġitali.

Il-konsultazzjoni pubblika miftuħa dwar l-Att dwar is-Servizzi Diġitali saret fuq 14-il ġimgħa, bejn it-2 ta’ Ġunju u t-8 ta’ Settembru, u rċeviet 2 863 tweġiba u madwar 300 dokument ta’ pożizzjoni mingħand grupp divers ta’ partijiet ikkonċernati. Il-maġġoranza tar-rispons ingħata mill-pubbliku ġenerali (66 % minn ċittadini tal-Unjoni, 8 % minn ċittadini mhux tal-UE), minn kumpaniji/organizzazzjonijiet tan-negozji (7,4 %), minn assoċjazzjonijiet tan-negozju (6 %) u minn NGOs (5,6 %). Wara dawn kien hemm l-awtoritajiet pubbliċi (2,2 %), l-istituzzjonijiet akkademiċi/tar-riċerka (1,2 %), it-trade unions (0,9 %), u l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u dawk ambjentali (0,4 %).

B’mod globali, hemm qbil ġenerali fost il-partijiet ikkonċernati għal ħtieġa li tittieħed azzjoni, kemm fl-indirizzar tas-sikurezza online u fl-iżvilupp tas-suq intern għas-servizzi diġitali.

Il-partijiet ikkonċernati jaqblu dwar ir-rilevanza kontinwa tal-prinċipji ewlenin tad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku u jaqblu wkoll li dawn għandhom jinżammu, inkluż il-prinċipju dwar is-suq intern għas-superviżjoni tas-servizzi diġitali, ir-reġim tar-responsabbiltà u l-projbizzjoni ta’ obbligi ta’ monitoraġġ ġenerali.

Il-partijiet ikkonċernati jaqblu wkoll b’mod wiesa’ dwar il-ħtieġa li jitjieb il-qafas fid-dawl tal-isfidi tal-lum billi jiġu stabbiliti obbligi ċari għall-fornituri tas-servizzi, li jkunu armonizzati fl-UE kollha. Maġġoranza tar-rispondenti, il-kategoriji kollha inklużi, indikaw li ltaqgħu ma’ kontenut, oġġetti jew servizzi dannużi u illegali, u nnotaw speċifikament żieda allarmanti matul il-pandemija tal-COVID-19. Sehem kbir tar-rispondenti li qalu li nnotifikaw kontenut jew oġġetti illegali lill-fornituri tas-servizzi diġitali esprimew in-nuqqas ta’ sodisfazzjon tagħhom bit-tweġiba u bin-nuqqas ta’ effettività tal-mekkaniżmi ta’ rappurtar wara li seħħ l-esponiment. Barra minn hekk, l-utenti jipperċepixxu spariġġ bejn il-politiki tal-fornituri kif iddikjarati u l-azzjonijiet konkreti tagħhom.

Hemm kunsens wiesa’, inkluż fost il-fornituri tas-servizzi li wieġbu għall-konsultazzjoni, dwar il-ħtieġa għal obbligi sempliċi, standardizzati u trasparenti ta’ avviż u azzjoni, li jkunu armonizzati fis-suq intern kollu. Dan jitqies bħala essenzjali biex ikun hemm risponsi rapidi għall-kontenut illegali u biex tissaħħaħ iċ-ċarezza ġuridika għall-utenti tal-pjattaformi u għall-pjattaformi ż-żgħar li qed jippruvaw jespandu fis-suq intern. Ir-rispondenti jaqblu wkoll dwar l-importanza ta’ mekkaniżmu ta’ rimedju.

Fir-rigward tal-postijiet tas-suq online, bosta partijiet ikkonċernati indikaw il-ħtieġa għal aktar miżuri mmirati bħal pereżempju l-identifikazzjoni tal-bejjiegħa.

Ir-rispondenti jaqblu wkoll b’mod ġenerali li l-kamp ta’ applikazzjoni territorjali għal dawk l-obbligi għandu jinkludi l-atturi kollha li joffru oġġetti, informazzjoni jew servizzi fl-Unjoni, ikun xi jkun il-post ta’ stabbiliment tagħhom. Sehem kbir tar-rispondenti enfasizzaw ukoll l-importanza ta’ dawn il-kwistjonijiet b’mod partikolari fejn għandhom x’jaqsmu l-pjattaformi l-kbar.

Hemm qbil ġenerali fost il-partijiet ikkonċernati li l-kontenut “dannuż” (iżda mhux illegali, jew tal-inqas mhux neċessarjament illegali) jenħtieġ li ma jiġix definit fl-Att dwar is-Servizzi Diġitali u jenħtieġ li ma jkunx soġġett għall-obbligi ta’ tneħħija, peress li dan huwa qasam delikat b’implikazzjonijiet serji għall-protezzjoni tal-libertà ta’ espressjoni.

Madankollu, il-mod kif is-sistemi algoritmiċi jiffurmaw il-flussi tal-informazzjoni online huwa qasam ta’ tħassib fost kategorija wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati. Bosta partijiet ikkonċernati, b’mod partikolari is-soċjetà ċivili u l-akkademiċi, indikaw il-ħtieġa ta’ awditi tal-akkontabbiltà u tat-trasparenza algoritmiċi, speċjalment fir-rigward ta’ kif l-informazzjoni tiġi prijoritizzata u mmirata. B’mod simili, fir-rigward tar-reklamar online, il-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati qablu mat-tħassib wiesa’ dwar in-nuqqas ta’ responsabbilizzazzjoni tal-utenti u n-nuqqas ta’ sorveljanza u infurzar sinifikattivi.

F’dak li għandu x’jaqsam mal-infurzar, hemm fehim ġenerali fost il-partijiet ikkonċernati li l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet jenħtieġ li titjieb kemm bejn il-fruntieri kif ukoll f’kull Stat Membru. Is-sorveljanza tal-UE hija meqjusa kruċjali u l-maġġoranza tar-rispondenti jidhru favur entità unifikata ta’ sorveljanza.

Ġbir u użu tal-għarfien espert

Il-miżuri preparatorji għall-proposta huma bbażati fuq firxa ta’ studji u pariri esperti, inkluż fuq għadd ta’ studji legali kkummissjonati li jiffukaw fuq l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku u l-istat tal-frammentazzjoni legali 15 , studji dwar it-trasparenza u l-akkontabbiltà algoritmiċi 16 , kif ukoll studji interni dwar il-kostijiet tal-moderazzjoni tal-kontenut, tar-reġimi tar-responsabbiltà għall-intermedjarji u l-kost ta’ non-Ewropa, bl-appoġġ taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea. Għall-ġbir tal-fehmiet u tal-perċezzjonijiet tal-pubbliku ġenerali, fl-2018 il-Kummissjoni wettqet stħarriġ tal-Ewrobarometru b’kampjun rappreżentattiv ta’ aktar minn 33 000 rispondent mill-Istati Membri kollha 17 .

L-analiżi legali hija bbażata wkoll fuq ġabra kbira ta’ każistika, b’mod partikolari mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ta’ bosta dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku u atti relatati, bħal pereżempju d-dispożizzjonijiet dwar l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni” 18 jew id-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw ir-responsabbiltà tal-fornituri tas-servizzi intermedjarji 19 . Il-Kummissjoni ġabret ukoll għarfien espert u fehmiet permezz ta’ konsultazzjonijiet immirati u attivitajiet ta’ involviment, inkluż sensiela ta’ workshops, konferenzi, intervisti mal-esperti u mal-imħallfin, konsultazzjonijiet tal-Grupp Espert dwar il-kummerċ elettroniku, kif ukoll bosta laqgħat bilaterali u analiżi ta’ dokumenti ta’ pożizzjoni u ta’ riċerka ad hoc minn organizzazzjonijiet, minn rappreżentanti tal-industrija, mis-soċjetà ċivili u mill-akkademja.

Fl-aħħar nett, l-analiżi hija bbażata fuq rieżami addizzjonali tal-letteratura, studji u kitbiet ta’ riċerka sottomessi mill-akkademiċi fil-konsultazzjoni pubblika miftuħa u studji indipendenti oħra, inkluż il-ġabra ta’ studji mwettqa għall-Parlament Ewropew 20 .

Valutazzjoni tal-impatt

Il-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju ħareġ opinjoni pożittiva b’riżervi dwar il-valutazzjoni tal-impatt, inkluż suġġerimenti għal titjib 21 . Ir-rapport dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt ġie rivedut ulterjorment skont dawn is-suġġerimenti, b’mod partikolari fil-kjarifiki tal-interkonnessjonijiet bejn l-Att dwar is-Servizzi Diġitali u l-qafas regolatorju usa’, filwaqt li ġew ipprovduti deskrizzjonijiet aktar dettaljati tal-għażliet politiċi, u analiżi aktar dettaljata tal-evidenza sottostanti indirizzati fir-rapport rivedut dwar il-valutazzjoni tal-impatt.

Bħalma se tkompli tiżdied l-importanza tas-servizzi diġitali għall-ekonomija u għas-soċjetà tagħna, maż-żmien se jkomplu jiżdiedu u jikbru wkoll ir-riskji li dawn joħolqu. Fix-xenarju bażi, il-Kummissjoni se tkompli tinforza r-regoli eżistenti, inkluż dwar kwistjonijiet speċifiċi għas-settur, u se tappoġġa l-isforzi awtoregolatorji fis-seħħ. Madankollu, meta jiltaqgħu mal-problemi li qed jevolvu, l-Istati Membri se jkomplu jilleġiżlaw b’mod indipendenti. Il-frammentazzjoni legali bit-taħlita li tirriżulta ta’ miżuri nazzjonali mhux biss se tonqos milli tindirizza b’mod effettiv l-attivitajiet illegali u tipproteġi d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini fl-UE kollha, iżda se tostakola wkoll lis-servizzi ġodda u innovattivi fl-espansjoni tagħhom fis-suq intern, filwaqt li tissoda l-pożizzjoni tal-ftit atturi li jifilħu jġarrbu l-kostijiet addizzjonali tal-konformità. Dan ifisser li l-istabbiliment tar-regoli u l-infurzar tagħhom ikun l-aktar f’idejn il-kumpaniji privati kbar ħafna, b’asimmetrija tal-informazzjoni dejjem tikber bejn is-servizzi online, l-utenti tagħhom u l-awtoritajiet pubbliċi.

Ġew ivvalutati tliet għażliet politiċi ewlenin, minbarra x-xenarju bażi. L-Għażla 1 tikkodifika r-Rakkomandazzjoni tal-2018: tistabbilixxi firxa ta’ obbligi proċedurali għall-pjattaformi online biex jindirizzaw l-attivitajiet illegali mwettqa mill-utenti tagħhom. L-obbligi jinkludu wkoll is-salvagwardji meħtieġa biex jiġu protetti d-drittijiet fundamentali tal-utenti u biex tiġi żgurata t-trasparenza. Din l-għażla ssaħħaħ ukoll il-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni amministrattiva għall-awtoritajiet biex isolvu l-kwistjonijiet transfruntieri permezz ta’ punt ċentrali ta’ koordinament diġitali, u b’hekk jiġu ffaċilitati l-flussi tal-informazzjoni. Minbarra l-miżuri fl-Għażla 1, l-Għażla 2 tneħħi d-diżinċentivi għall-fornituri tas-servizzi biex jieħdu miżuri volontarji kontra l-kontenut illegali, u tintroduċi miżuri li jsaħħu t-trasparenza fis-sistemi ta’ rakkomandazzjoni u fir-reklamar. Il-mekkaniżmu ta’ infurzar u ta’ kooperazzjoni jissaħħaħ bil-ħatra ta’ koordinatur ċentrali f’kull Stat Membru. L-Għażla 3 tibni fuq il-miżuri deskritti fl-għażliet preċedenti u tinkludi wkoll miżuri mmirati u asimmetriċi b’obbligi aktar b’saħħithom għall-pjattaformi online kbar ħafna li huma suxxettibbli għall-ogħla livelli ta’ riskji għas-soċjetà u l-ekonomija tal-UE, kif ukoll ċerti kjarifiki limitati tar-reġim tar-responsabbiltà għall-fornituri tas-servizzi intermedjarji u sistema ta’ governanza tal-UE b’sorveljanza infurzata u setgħat ta’ infurzar.

Il-valutazzjoni tal-impatti ekonomiċi u soċjali identifikati, u t-tqabbil tal-effettività, tal-effiċjenza, tal-koerenza u tal-proporzjonalità tagħha wriet li l-Għażla 3 hija dik li tilħaq bl-aktar mod effettiv l-objettivi tal-intervent billi tistabbilixxi l-qafas proporzjonat li huwa xieraq biex wieħed jadatta għall-isfidi emerġenti fid-dinja diġitali dinamika. Il-komponenti inklużi fl-Għażla 3 huma wkoll appoġġati b’mod wiesa’ mill-partijiet ikkonċernati, inkluż pożizzjonijiet mill-Parlament Ewropew u mill-Istati Membri.

L-għażla preferuta tappoġġa l-aċċess għas-suq intern għall-fornituri tas-servizzi intermedjarji tal-Unjoni Ewropea u l-kapaċità tagħhom li jespandu billi tnaqqas il-kostijiet relatati mal-frammentazzjoni legali. Filwaqt li huma mistennija kostijiet għall-konformità mal-obbligi tad-diliġenza dovuta, huwa stmat li dan jiġi kkumpensat billi titnaqqas il-frammentazzjoni attwali permezz tal-armonizzazzjoni. Din l-għażla mistennija tħalli impatt pożittiv fuq il-kompetittività, l-innovazzjoni u l-investiment fis-servizzi diġitali, b’mod partikolari n-negozji ġodda u n-negozji li qed jespandu tal-Unjoni Ewropea li joffru mudelli kummerċjali tal-pjattaformi iżda wkoll, fi gradi differenti, fuq is-setturi mirfuda u amplifikati mill-kummerċ diġitali.

L-għażla preferuta għandha l-għan li tiddefinixxi d-diviżjoni xierqa tar-responsabbiltajiet bejn is-servizzi intermedjarji, ir-riċevituri tagħhom u l-awtoritajiet fil-ġlieda kontra l-kontenut illegali online. Biex tagħmel dan, tintroduċi approċċ asimmetriku għall-obbligi asimmetriċi ta’ diliġenza dovuta imposti fuq il-pjattaformi online kbar ħafna: dan huwa approċċ għal ġestjoni sorveljata tar-riskji, bi rwol importanti tas-sistema ta’ governanza għall-infurzar. L-obbligi asimmetriċi huma imposti biss fuq il-pjattaformi online kbar ħafna li, abbażi tad-data attwali, mhux biss għandhom l-aktar ilħuq wiesa’ iżda huma wkoll il-kumpaniji l-kbar b’fatturat kbir. Konsegwentement, filwaqt li l-miżuri mmirati huma aktar restrittivi għal dawn milli huma għal kumpaniji oħra, dawn huma proporzjonati għal kemm il-kumpaniji jkunu kapaċi jikkonformaw.

Għall-awtoritajiet pubbliċi, l-għażla proposta tnaqqas il-kostijiet tal-ineffiċjenzi u tal-irduppjar li qed jinħolqu fil-qafas attwali ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet. Filwaqt li l-Istati Membri se jġarrbu l-kostijiet tal-ħatra ta’ awtorità kompetenti, ġdida jew diġà stabbilita, it-titjib fl-effiċjenza mistenni jpatti għalihom: għall-awtoritajiet individwali permezz tal-mutwalizzazzjoni tar-riżorsi, flussi tal-informazzjoni mtejba u proċessi sempliċi biex jinteraġixxu mal-kontropartijiet tagħhom fis-suq intern kollu, kif ukoll mal-fornituri tas-servizzi.

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Il-Valutazzjoni tal-Impatt mehmuża ma’ din il-proposta tidentifika l-uniku valur miżjud tal-intervent tal-Unjoni li jindirizza r-riskju ta’ frammentazzjoni legali kkawżat minn approċċi regolatorji u superviżorji diverġenti (u għalhekk mingħajr ma titqies iż-żieda fis-sikurezza u fil-fiduċja fis-servizzi diġitali) f’żieda possibbli fil-kummerċ diġitali transfruntier ta’ 1 sa 1,8 %, jiġifieri l-ekwivalenti ta’ żieda fil-fatturat iġġenerat b’mod transfruntier ta’ EUR 8,6 biljun u sa EUR 15,5 biljun.

Fir-rigward tal-valur miżjud fl-infurzar tal-miżuri, l-inizjattiva toħloq titjib importanti fl-effiċjenza fejn tidħol il-kooperazzjoni fl-Istati Membri kollha u fil-mutwalizzazzjoni ta’ xi riżorsi għall-assistenza teknika fil-livell tal-UE, għall-ispezzjoni u l-awditjar tas-sistemi tal-moderazzjoni tal-kontenut, tas-sistemi ta’ rakkomandazzjoni, u tar-reklamar online fuq il-pjattaformi online kbar ħafna. Dan, min-naħa tiegħu, iwassal għal żieda fl-effettività tal-miżuri ta’ infurzar u ta’ superviżjoni, filwaqt li s-sistema attwali tiddependi ħafna fuq il-kapaċità limitata fis-superviżjoni f’għadd żgħir ta’ Stati Membri.

Drittijiet fundamentali

Iċ-ċittadini tal-Unjoni u oħrajn huma esposti għal riskji u danni dejjem akbar online – mid-disseminazzjoni ta’ kontenut u attivitajiet illegali, sa limitazzjonijiet biex jesprimu ruħhom u danni soċjetali oħra. Il-miżuri politiċi previsti f’din il-proposta leġiżlattiva se jtejbu b’mod sostanzjali din is-sitwazzjoni billi jipprovdu qafas ta’ governanza modern u li jibqa’ validu fil-futur, filwaqt li jissalvagwardjaw b’mod effettiv id-drittijiet u l-interessi leġittimi tal-partijiet kollha involuti, l-aktar iċ-ċittadini tal-Unjoni. Il-proposta tintroduċi salvagwardji importanti biex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jesprimu ruħhom, filwaqt li ssaħħaħ l-aġenzija tal-utenti fl-ambjent online, kif ukoll l-eżerċizzju ta’ drittijiet fundamentali oħra bħal pereżempju d-dritt għal rimedju effettiv, in-nondiskriminazzjoni, id-drittijiet tat-tfal kif ukoll il-protezzjoni tad-data personali u tal-privatezza online.

Ir-Regolament propost se jimmitiga r-riskji li xi diskors jiġi mblukkat bi żball jew bla ġustifikazzjoni, jindirizza l-effetti dissważivi fuq id-diskors, jistimola l-libertà li wieħed jirċievi informazzjoni u jkollu opinjonijiet, kif ukoll isaħħaħ il-possibbiltajiet ta’ rimedju għall-utenti. Gruppi jew persuni speċifiċi jistgħu jkunu vulnerabbli jew żvantaġġati fl-użu tagħhom tas-servizzi online minħabba l-ġeneru, ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali tagħhom. Jistgħu jiġu affettwati b’mod sproporzjonat mill-miżuri ta’ restrizzjoni u ta’ tneħħija li jirriżultaw minn preġudizzji (inkonsapevoli jew konsapevoli) li potenzjalment jiġu inkorporati fis-sistemi ta’ notifika mill-utenti u mill-partijiet terzi, kif ukoll replikati fl-għodod awtomatiċi tal-moderazzjoni tal-kontenut użati mill-pjattaformi. Il-proposta se timmitiga r-riskji diskriminatorji, b’mod partikolari għal dawk il-gruppi jew il-persuni, u se tikkontribwixxi għall-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal u tad-dritt għad-dinjità tal-bniedem online. Il-proposta se teżiġi biss it-tneħħija tal-kontenut illegali u se timponi salvagwardji obbligatorji meta titneħħa l-informazzjoni tal-utenti, inkluż l-għoti ta’ informazzjoni ta’ spjegazzjoni lill-utent, mekkaniżmi ta’ ilment appoġġati mill-fornituri tas-servizzi kif ukoll mekkaniżmu estern ta’ soluzzjoni alternattiva għat-tilwim. Barra minn hekk, se tiżgura li ċ-ċittadini tal-UE jkunu protetti wkoll meta jużaw is-servizzi pprovduti mill-fornituri mhux stabbiliti fl-Unjoni iżda attivi fis-suq intern, peress li dawk il-fornituri huma koperti wkoll.

Fir-rigward tal-libertà tal-fornituri tas-servizzi biex imexxu negozju, il-kostijiet imġarrba min-negozji huma kkumpensati billi titnaqqas il-frammentazzjoni fis-suq intern kollu. Il-proposta tintroduċi salvagwardji biex jitnaqqas il-piż fuq il-fornituri tas-servizzi, inkluż miżuri kontra avviżi ripetuti mhux ġustifikati u l-verifika minn qabel ta’ sinjalaturi fdati mill-awtoritajiet pubbliċi. Barra minn hekk, ċerti obbligi huma mmirati għall-pjattaformi online kbar ħafna, fejn ta’ spiss iseħħu l-aktar riskji serji u li għandhom il-kapaċità li jassorbu l-piż addizzjonali.

Il-leġiżlazzjoni proposta se żżomm il-projbizzjoni tal-obbligi ta’ monitoraġġ ġenerali tad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku, li fiha nnifisha hija kruċjali għall-bilanċ ġust meħtieġ tad-drittijiet fundamentali fid-dinja online. Ir-Regolament il-ġdid jipprojbixxi l-obbligi ta’ monitoraġġ ġenerali, peress li jistgħu jillimitaw b’mod sproporzjonat il-libertà ta’ espressjoni tal-utenti u l-libertà li jirċievu informazzjoni, u jistgħu jitfgħu piż eċċessiv fuq il-fornituri tas-servizzi u b’hekk jinterferixxu bla bżonn fil-libertà tagħhom li jmexxu negozju. Il-projbizzjoni tillimita wkoll l-inċentivi għas-sorveljanza online u għandha implikazzjonijiet pożittivi għall-protezzjoni tad-data personali u tal-privatezza.

Il-miżuri kollha fil-proposta huma konformi u allinjati bis-sħiħ mal-istandard għoli tal-protezzjoni tad-data personali u tal-protezzjoni tal-privatezza tal-komunikazzjonijiet u tal-ħajja privata, stipulati fil-leġiżlazzjoni tal-UE.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

L-impatt baġitarju tal-proposta se jkun kopert mill-allokazzjonijiet previsti fil-QFP 2021-27 permezz tal-pakketti finanzjarji tal-Programm Ewropa Diġitali u tal-Programm tas-Suq Uniku kif deskritt fid-dettall fid-dikjarazzjoni finanzjarja leġiżlattiva li takkumpanja din il-proposta għal Regolament. Dawn l-implikazzjonijiet jirrikjedu wkoll ir-riprogrammazzjoni tal-Intestatura 7 tal-Perspettiva Finanzjarja.

Id-dikjarazzjoni finanzjarja leġiżlattiva li takkumpanja din il-proposta għal Regolament tkopri l-impatti baġitarji għar-Regolament innifsu.

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar

Il-Kummissjoni se tistabbilixxi qafas komprensiv għal monitoraġġ kontinwu tal-output, tar-riżultati u tal-impatt ta’ dan l-istrument leġiżlattiv fid-data tal-applikazzjoni tiegħu. Hija prevista evalwazzjoni tal-istrument, abbażi tal-programm ta’ monitoraġġ stabbilit, fi żmien ħames snin mid-dħul fis-seħħ tiegħu.

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Il-Kapitolu I jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali, inkluż is-suġġett u l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (l-Artikolu 1) u d-definizzjonijiet ta’ termini ewlenin użati fir-Regolament (l-Artikolu 2).

Il-Kapitolu II fih dispożizzjonijiet dwar l-eżenzjoni tar-responsabbiltà tal-fornituri tas-servizzi intermedjarji. B’mod aktar speċifiku, jinkludi l-kundizzjonijiet li skonthom il-fornituri ta’ sempliċi conduit (l-Artikolu 3), ta’ caching (l-Artikolu 4) u ta’ servizzi ta’ hosting (l-Artikolu 5) ikunu eżentati mir-responsabbiltà għall-informazzjoni tal-partijiet terzi li jittrażmettu u li jaħżnu. Jipprevedi wkoll li l-eżenzjonijiet tar-responsabbiltà jenħtieġ ma jiġux diżapplikati meta l-fornituri tas-servizzi intermedjarji jwettqu investigazzjonijiet volontarji b’inizjattiva tagħhom stess jew jikkonformaw mal-liġi (l-Artikolu 6) u jistipula projbizzjoni ta’ obbligi ta’ monitoraġġ ġenerali jew ta’ tiftix attiv tal-fatti għal dawn il-fornituri (l-Artikolu 7). Fl-aħħar nett, jimponi obbligu fuq il-fornituri tas-servizzi intermedjarji fir-rigward tal-ordnijiet tal-awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi nazzjonali biex jaġixxu kontra kontenut illegali (l-Artikolu 8) u biex jipprovdu informazzjoni (l-Artikolu 9).

Il-Kapitolu III jistabbilixxi l-obbligi ta’ diliġenza dovuta għal ambjent online trasparenti u sikur, f’ħames taqsimiet differenti.

It-Taqsima 1 tistipula l-obbligi applikabbli għall-fornituri kollha tas-servizzi intermedjarji, b’mod partikolari: l-obbligu li jistabbilixxu punt uniku ta’ kuntatt biex tiġi ffaċilitata l-komunikazzjoni diretta mal-awtoritajiet tal-Istati Membri, mal-Kummissjoni u mal-Bord (l-Artikolu 10); l-obbligu li jiddeżinjaw rappreżentant legali fl-Unjoni għall-fornituri li mhumiex stabbiliti fi Stat Membru, iżda li joffru s-servizzi tagħhom fl-Unjoni (l-Artikolu 11); l-obbligu li fit-termini u l-kundizzjonijiet tagħhom jindikaw kwalunkwe restrizzjonijiet li jistgħu jimponu fuq l-użu tas-servizzi tagħhom u biex jaġixxu b’mod responsabbli fl-applikazzjoni u fl-infurzar ta’ dawk ir-restrizzjonijiet (l-Artikolu 12); u obbligi ta’ rappurtar tat-trasparenza fir-rigward tat-tneħħija u tad-diżattivazzjoni tal-informazzjoni meqjusa bħala kontenut illegali jew kontrarja għat-termini u l-kundizzjonijiet tal-fornituri (l-Artikolu 13).

It-Taqsima 2 tistabbilixxi obbligi, minbarra dawk tat-Taqsima 1, applikabbli għall-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting. B’mod partikolari, dik it-Taqsima tobbliga lil dawk il-fornituri biex jistabbilixxu mekkaniżmi li jippermettu lill-partijiet terzi jinnotifikaw il-preżenza ta’ kontenut illegali allegat (l-Artikolu 14). Barra minn hekk, jekk tali fornitur jiddeċiedi li jneħħi jew jiddiżattiva l-aċċess għal informazzjoni speċifika pprovduta minn riċevitur tas-servizz, il-fornitur huwa obbligat jipprovdi dikjarazzjoni tar-raġunijiet lil dak ir-riċevitur (l-Artikolu 15).

It-Taqsima 3 tistabbilixxi obbligi li japplikaw għall-pjattaformi online kollha, minbarra dawk tat-Taqsimiet 1 u 2. It-Taqsima tispeċifika li ma tapplikax għall-pjattaformi online li jikkwalifikaw bħala intrapriżi mikro jew żgħar skont it-tifsira fl-Anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE (l-Artikolu 16). It-Taqsima tistabbilixxi l-obbligu għall-pjattaformi online biex jipprovdu sistema interna għall-immaniġġjar tal-ilmenti fir-rigward tad-deċiżjonijiet meħuda b’rabta ma’ kontenut illegali allegat jew informazzjoni inkompatibbli mat-termini u l-kundizzjonijiet tagħhom (l-Artikolu 17). Tobbliga wkoll lill-pjattaformi online biex jinvolvu ruħhom ma’ korpi ċertifikati ta’ soluzzjoni alternattiva għat-tilwim biex isolvu kwalunkwe tilwima mal-utenti tas-servizzi tagħhom (l-Artikolu 18). Tobbliga ulterjorment lill-pjattaformi online biex jiżguraw li l-avviżi sottomessi mill-entitajiet li ngħataw l-istatus ta’ sinjalaturi fdati jkunu trattati bi prijorità (l-Artikolu 19) u tistabbilixxi l-miżuri li jridu jadottaw il-pjattaformi online kontra l-użu ħażin (l-Artikolu 20). Barra minn hekk, din it-Taqsima tinkludi rekwiżit biex il-pjattaformi online jinfurmaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar jekk isiru jafu bi kwalunkwe informazzjoni li ġġegħelhom jissuspettaw f’reat kriminali serju li jinvolvi theddida għall-ħajja jew għas-sikurezza tal-persuni (l-Artikolu 21). It-Taqsima tobbliga wkoll lill-pjattaformi online biex jirċievu, jaħżnu, jagħmlu sforzi raġonevoli biex jivvalutaw l-affidabbiltà u jippubblikaw informazzjoni speċifika dwar il-kummerċjanti li jkunu qed jużaw is-servizzi tagħhom meta dawk il-pjattaformi online jippermettu lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma’ dawk il-kummerċjanti (l-Artikolu 22). Dawn il-pjattaformi online huma obbligati wkoll li jorganizzaw l-interfaċċa tagħhom b’mod li tippermetti lill-kummerċjanti jirrispettaw il-liġi tal-Unjoni dwar is-sikurezza tal-konsumaturi u tal-prodotti (l-Artikolu 22a). Il-pjattaformi online huma obbligati wkoll li jippubblikaw rapporti dwar l-attivitajiet tagħhom b’rabta mat-tneħħija u mad-diżattivazzjoni tal-informazzjoni meqjusa bħala kontenut illegali jew kontrarja għat-termini u l-kundizzjonijiet tagħhom (l-Artikolu 23). It-Taqsima tinkludi wkoll obbligi ta’ trasparenza għall-pjattaformi online fir-rigward tar-reklamar online (l-Artikolu 24).

It-Taqsima 4 tistabbilixxi obbligi, minbarra l-obbligi stipulati fit-Taqsimiet 1 sa 3, għall-pjattaformi online kbar ħafna (kif definiti fl-Artikolu 25) biex jimmaniġġjaw ir-riskji sistemiċi. Il-pjattaformi online kbar ħafna huma obbligati jwettqu valutazzjonijiet tar-riskji fuq ir-riskji sistemiċi li jinħolqu mill-funzjonament u mill-użu tas-servizzi tagħhom jew li huma relatati magħhom (l-Artikolu 26) u li jieħdu miżuri raġonevoli u effettivi bil-ħsieb li jimmitigaw dawk ir-riskji (l-Artikolu 27). Għandhom ukoll jissottomettu ruħhom għal awditi esterni u indipendenti (l-Artikolu 28). It-Taqsima tinkludi wkoll obbligu speċifiku fil-każ li l-pjattaformi online kbar ħafna jużaw sistemi ta’ rakkomandazzjoni (l-Artikolu 29) jew juru reklamar online fuq l-interfaċċa online tagħhom (l-Artikolu 30). Barra minn hekk, it-Taqsima tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li skonthom il-pjattaformi online kbar ħafna jipprovdu l-aċċess għad-data lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment jew lill-Kummissjoni u lir-riċerkaturi verifikati (l-Artikolu 31), l-obbligu li jaħtru uffiċjal għall-konformità wieħed jew aktar biex jiżguraw il-konformità mal-obbligi stabbiliti fir-Regolament (l-Artikolu 32) u obbligi speċifiċi addizzjonali dwar ir-rappurtar tat-trasparenza (l-Artikolu 33).

It-Taqsima 5 fiha dispożizzjonijiet trasversali dwar l-obbligi ta’ diliġenza dovuta, jiġifieri l-proċessi li għalihom il-Kummissjoni se tappoġġa u tippromwovi l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ standards Ewropej armonizzati (l-Artikolu 34); il-qafas għall-iżvilupp ta’ kodiċijiet ta’ kondotta (l-Artikolu 35); u l-qafas għall-iżvilupp ta’ kodiċijiet ta’ kondotta speċifiċi għar-reklamar online (l-Artikolu 36). Hemm ukoll dispożizzjoni dwar il-protokolli għall-kriżijiet biex jiġu indirizzati ċ-ċirkostanzi straordinarji li jaffettwaw is-sigurtà pubblika jew is-saħħa pubblika (l-Artikolu 37).

Il-Kapitolu IV fih id-dispożizzjonijiet dwar l-implimentazzjoni u l-infurzar ta’ dan ir-Regolament.

It-Taqsima 1 tistabbilixxi dispożizzjonijiet dwar l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, inkluż il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali, li huma l-awtoritajiet nazzjonali primarji deżinjati mill-Istati Membri għall-applikazzjoni konsistenti ta’ dan ir-Regolament (l-Artikolu 38). Il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali, bħal awtoritajiet kompetenti deżinjati oħrajn, huma indipendenti u jwettqu l-kompiti tagħhom b’mod imparzjali, trasparenti u fi żmien raġonevoli (l-Artikolu 39). L-Istati Membri fejn jinsab l-istabbiliment ewlieni tal-fornitur għandhom ġurisdizzjoni biex jinfurzaw dan ir-Regolament (l-Artikolu 40). Il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali jingħataw setgħat speċifiċi (l-Artikolu 41). L-Istati Membri jridu jistabbilixxu regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur tal-obbligi mill-fornituri tas-servizzi intermedjarji skont dan ir-Regolament (l-Artikolu 42). Il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali jistgħu jirċievu lmenti kontra fornituri tas-servizzi intermedjarji għall-ksur tal-obbligi stipulati f’dan ir-Regolament (l-Artikolu 43). Il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali huma meħtieġa jippubblikaw rapporti annwali dwar l-attivitajiet tagħhom (l-Artikolu 44) u jikkooperaw mal-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali ta’ Stati Membri oħra (l-Artikolu 45). Il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali jistgħu wkoll jipparteċipaw f’investigazzjonijiet konġunti fir-rigward ta’ kwistjonijiet koperti mir-Regolament (l-Artikolu 46).

It-Taqsima 2 tistabbilixxi dispożizzjonijiet rigward il-Bord Ewropew għas-Servizzi Diġitali, grupp indipendenti ta’ konsulenza ta’ Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali (l-Artikolu 47). Tistabbilixxi wkoll l-istruttura ta’ dak il-Bord (l-Artikolu 48) u l-kompiti tiegħu (l-Artikolu 49).

It-Taqsima 3 tikkonċerna s-superviżjoni, l-investigazzjoni, l-infurzar u l-monitoraġġ tal-pjattaformi online kbar ħafna. Tipprevedi superviżjoni msaħħa fil-każ li tali pjattaformi jiksru d-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III, it-Taqsima 4 (l-Artikolu 50). Tipprevedi wkoll il-possibbiltà li l-Kummissjoni tintervjeni fir-rigward tal-pjattaformi online kbar ħafna fil-każ li jippersisti l-ksur (l-Artikolu 51). F’dawn il-każijiet, il-Kummissjoni tista’ twettaq investigazzjonijiet, inkluż permezz ta’ talbiet għal informazzjoni (l-Artikolu 52), intervisti (l-Artikolu 53) u verifiki fuq il-post (l-Artikolu 54), tista’ tadotta miżuri interim (l-Artikolu 55) u tagħmel l-impenji meħuda minn pjattaformi online kbar ħafna vinkolanti (l-Artikolu 56), kif ukoll timmonitorja l-konformità tagħhom mar-Regolament (l-Artikolu 57). Fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità, il-Kummissjoni tista’ tadotta deċiżjonijiet dwar in-nuqqas tal-konformità (l-Artikolu 58), kif ukoll multi (l-Artikolu 59) u pagamenti perjodiċi ta’ penali (l-Artikolu 60) għall-ksur tar-Regolament mill-pjattaformi online kbar ħafna kif ukoll għall-għoti ta’ informazzjoni skorretta, mhux kompluta jew qarrieqa fil-kuntest tal-investigazzjoni. Ir-Regolament jistabbilixxi wkoll perjodu ta’ limitazzjoni għall-impożizzjoni ta’ penali (l-Artikolu 61) u għall-infurzar tagħhom (l-Artikolu 62). Fl-aħħar nett, ir-Regolament jistabbilixxi l-garanziji proċedurali quddiem il-Kummissjoni, b’mod partikolari d-dritt ta’ smigħ u ta’ aċċess għall-fajl (l-Artikolu 63) u l-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet (l-Artikolu 64). It-Taqsima tipprevedi wkoll il-kooperazzjoni tal-Kummissjoni mal-qrati nazzjonali (l-Artikolu 65) u l-adozzjoni ta’ atti ta’ implimentazzjoni dwar l-arranġamenti prattiċi tal-proċedimenti (l-Artikolu 66).

It-Taqsima 4 tinkludi d-dispożizzjonijiet komuni dwar l-infurzar. L-ewwel tistabbilixxi regoli dwar sistema ta’ kondiviżjoni ta’ informazzjoni li tappoġġa l-komunikazzjonijiet bejn il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali, il-Kummissjoni u l-Bord (l-Artikolu 67). Tinkludi wkoll id-dritt tar-riċevituri tas-servizzi intermedjarji li jawtorizzaw lil korp, organizzazzjoni u assoċjazzjoni biex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom f’isimhom (l-Artikolu 68).

It-Taqsima 5 hija relatata mal-adozzjoni ta’ atti delegati u ta’ implimentazzjoni f’konformità mal-Artikoli 290 u 291 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, rispettivament (l-Artikoli 69 u 70).

Fl-aħħar nett, il-Kapitolu V fih id-dispożizzjonijiet finali ta’ dan ir-Regolament, li jikkonċernaw it-tħassir tal-Artikoli 12 sa 15 tad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku minħabba li dawn ġew inkorporati fir-Regolament (l-Artikolu 71), l-emendi għad-Direttiva 2020/XX/KE (l-Artikolu 72), l-evalwazzjoni tar-Regolament (l-Artikolu 73), u d-dħul fis-seħħ u l-applikazzjoni tiegħu (l-Artikolu 74).

2020/0361 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar Suq Intern għas-Servizzi Diġitali (l-Att dwar is-Servizzi Diġitali) u li jemenda d-Direttiva 2000/31/KE

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 22 ,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni 23 ,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data 24 ,

Filwaqt li jaġixxu f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)Is-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni u speċjalment is-servizzi intermedjarji saru parti importanti tal-ekonomija tal-Unjoni u tal-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini tal-Unjoni. Għoxrin sena wara l-adozzjoni tal-qafas legali eżistenti applikabbli għal tali servizzi stabbilit fid-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 25 , permezz ta’ mudelli u servizzi kummerċjali ġodda u innovattivi, bħal pereżempju networks soċjali u postijiet tas-suq online, l-utenti kummerċjali u l-konsumaturi setgħu jipprovdu u jaċċessaw informazzjoni u jinvolvu ruħhom fi tranżazzjonijiet b’modi ġodda. Il-biċċa l-kbira taċ-ċittadini tal-Unjoni issa jużaw dawk is-servizzi kuljum. Madankollu, it-trasformazzjoni diġitali u ż-żieda fl-użu ta’ dawk is-servizzi taw lok ukoll għal riskji u sfidi ġodda, kemm għall-utenti individwali kif ukoll għas-soċjetà kollha kemm hi.

(2)L-Istati Membri qed jintroduċu aktar u aktar, jew qed jikkunsidraw li jintroduċu, liġijiet nazzjonali dwar il-kwistjonijiet koperti minn dan ir-Regolament, li jimponu, b’mod partikolari, rekwiżiti ta’ diliġenza għall-fornituri tas-servizzi intermedjarji. Dawk il-liġijiet nazzjonali diverġenti jaffettwaw b’mod negattiv is-suq intern, li, skont l-Artikolu 26 tat-Trattat, huwa żona mingħajr fruntieri interni li tiżgura l-moviment liberu tal-oġġetti u tas-servizzi u l-libertà tal-istabbiliment, filwaqt li tqis in-natura intrinsikament transfruntiera tal-internet, li ġeneralment jintuża biex jiġu fornuti dawk is-servizzi. Il-kundizzjonijiet għall-forniment tas-servizzi intermedjarji fis-suq intern jenħtieġ li jiġu armonizzati biex in-negozji jkollhom aċċess għal swieq u opportunitajiet ġodda biex jisfruttaw il-benefiċċji tas-suq intern, filwaqt li l-konsumaturi u riċevituri oħra tas-servizzi jkollhom għażla akbar.

(3)Imġiba responsabbli u diliġenti mill-fornituri tas-servizzi intermedjarji hija essenzjali għal ambjent online sikur, prevedibbli u affidabbli u biex iċ-ċittadini tal-Unjoni u persuni oħra jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet fundamentali tagħhom garantiti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (“il-Karta”), b’mod partikolari l-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni u l-libertà li wieħed imexxi negozju, u d-dritt ta’ nondiskriminazzjoni.

(4)Għalhekk, biex jiġi salvagwardjat u jittejjeb il-funzjonament tas-suq intern, jenħtieġ li jiġi stabbilit sett immirat ta’ regoli obbligatorji fil-livell tal-Unjoni li jkunu uniformi, effettivi u proporzjonati. Dan ir-Regolament jipprevedi l-kundizzjonijiet li skonthom ikunu jistgħu jitfaċċaw u jespandu servizzi diġitali innovattivi fis-suq intern. L-approssimazzjoni tal-miżuri regolatorji nazzjonali fil-livell tal-Unjoni dwar ir-rekwiżiti għall-fornituri tas-servizzi intermedjarji hija meħtieġa biex tiġi evitata u tintemm il-frammentazzjoni tas-suq intern u biex tiġi żgurata ċ-ċertezza tad-dritt, u b’hekk tonqos l-inċertezza għall-iżviluppaturi u titrawwem l-interoperabbiltà. Meta jintużaw rekwiżiti li huma newtrali fir-rigward tat-teknoloġija, jenħtieġ li ma tiġix ostakolata l-innovazzjoni iżda minflok tiġi stimulata.

(5)Jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika għall-fornituri ta’ ċerti servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni kif definit fid-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 26 , jiġifieri kwalunkwe servizz normalment fornut għal rimunerazzjoni, mill-bogħod, b’mezzi elettroniċi u fuq talba individwali ta’ riċevitur. B’mod speċifiku, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika għall-fornituri tas-servizzi intermedjarji, b’mod partikolari s-servizzi intermedjarji li jikkonsistu f’servizzi magħrufa bħala servizzi ta’ “sempliċi conduit”, “caching” u “hosting”, minħabba li t-tkabbir esponenzjali tal-użu li jsir minn dawk is-servizzi, l-aktar għal kwalunkwe skop leġittimu u soċjalment ta’ benefiċċju, żied ukoll ir-rwol tagħhom fl-intermedjazzjoni u fid-disseminazzjoni ta’ informazzjoni u attivitajiet illegali jew dannużi b’xi mod ieħor.

(6)Fil-prattika, ċerti fornituri tas-servizzi intermedjarji jintermedjaw fir-rigward ta’ servizzi li jistgħu jew ma jistgħux jiġu fornuti b’mezzi elettroniċi, bħal pereżempju servizzi tat-teknoloġija tal-informazzjoni mill-bogħod, servizzi ta’ trasport, ta’ akkomodazzjoni jew ta’ konsenja. Jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika biss għas-servizzi intermedjarji u li ma jaffettwax ir-rekwiżiti stabbiliti fil-liġi tal-Unjoni jew fil-liġi nazzjonali relatata mal-prodotti jew mas-servizzi intermedjati permezz tas-servizzi intermedjarji, inkluż f’sitwazzjonijiet fejn is-servizz intermedjarju jikkostitwixxi parti integrali ta’ servizzi ieħor li mhuwiex servizz intermedjarju kif speċifikat fil-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

(7)Biex tiġi żgurata l-effettività tar-regoli stipulati f’dan ir-Regolament u kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fis-suq intern, jenħtieġ li dawk ir-regoli japplikaw għall-fornituri tas-servizzi intermedjarji irrispettivament mill-post ta’ stabbiliment jew ta’ residenza tagħhom, diment li jipprovdu servizzi fl-Unjoni, kif evidenzjat minn konnessjoni sostanzjali mal-Unjoni.

(8)Tali konnessjoni sostanzjali mal-Unjoni jenħtieġ li titqies eżistenti meta l-fornitur tas-servizzi jkollu stabbiliment fl-Unjoni jew, fin-nuqqas tiegħu, abbażi tal-eżistenza ta’ għadd sinifikanti ta’ utenti fi Stat Membru wieħed jew aktar, jew l-immirar tal-attivitajiet lejn Stat Membru wieħed jew aktar. L-immirar tal-attivitajiet lejn Stat Membru wieħed jew aktar jista’ jiġi determinat abbażi taċ-ċirkostanzi rilevanti kollha, inkluż fatturi bħal pereżempju l-użu ta’ lingwa jew munita li ġeneralment jintużaw f’dak l-Istat Membru, jew il-possibbiltà li jiġu ordnati prodotti jew servizzi, jew l-użu ta’ dominju nazzjonali tal-ogħla livell. L-immirar tal-attivitajiet lejn Stat Membru jista’ jiġi determinat ukoll mid-disponibbiltà ta’ applikazzjoni fil-ħanut tal-applikazzjonijiet nazzjonali rilevanti, mill-forniment ta’ reklamar lokali jew reklamar bil-lingwa li tintuża f’dak l-Istat Membru, jew mill-immaniġġjar tar-relazzjonijiet mal-klijenti bħal pereżempju billi jiġi pprovdut servizz tal-klijent bil-lingwa li ġeneralment tintuża f’dak l-Istat Membru. Jenħtieġ li tiġi preżunta konnessjoni sostanzjali wkoll meta fornitur tas-servizzi jidderieġi l-attivitajiet tiegħu lejn Stat Membru wieħed jew aktar kif stabbilit fl-Artikolu 17(1)(c) tar-Regolament (UE) 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 27 . Min-naħa l-oħra, sempliċi aċċessibbiltà teknika ta’ sit web mill-Unjoni ma tistax, għal dik ir-raġuni biss, titqies bħala stabbiliment ta’ konnessjoni sostanzjali mal-Unjoni.

(9)Jenħtieġ li dan ir-Regolament jikkumplimenta, iżda ma jaffettwax l-applikazzjoni tar-regoli li jirriżultaw minn atti oħra tal-liġi tal-Unjoni li jirregolaw ċerti aspetti tal-forniment tas-servizzi intermedjarji, b’mod partikolari d-Direttiva 2000/31/KE, bl-eċċezzjoni ta’ dawk il-bidliet introdotti b’dan ir-Regolament, id-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill kif emendata 28 , u r-Regolament (UE) …/.. tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 29 – ir-Regolament propost dwar il-Kontenut Terroristiku Online. Għalhekk, dan ir-Regolament ma jaffettwax lil dawk l-atti l-oħra, li jridu jitqiesu bħala lex specialis b’rabta mal-qafas ġeneralment applikabbli stabbilit f’dan ir-Regolament. Madankollu, ir-regoli ta’ dan ir-Regolament japplikaw fir-rigward ta’ kwistjonijiet li mhumiex indirizzati jew li mhumiex indirizzati kompletament minn dawk l-atti l-oħra kif ukoll kwistjonijiet li għalihom dawk l-atti l-oħra jħallu l-possibbiltà lill-Istati Membri li jadottaw ċerti miżuri fil-livell nazzjonali.

(10)Għal raġunijiet ta’ ċarezza, jenħtieġ li jiġi speċifikat ukoll li dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għar-Regolament (UE) 2019/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 30 u għar-Regolament (UE) 2019/1150 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 31 , għad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 32 u għar-Regolament […/…] dwar deroga temporanja minn ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/58/KE 33 kif ukoll għal-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur, b’mod partikolari id-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 34 , id-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 35 u d-Direttiva 93/13/KEE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 36 , kif emendata mid-Direttiva (UE) 2019/2161 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 37 , u dwar il-protezzjoni tad-data personali, b’mod partikolari r-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 38 . Il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali hija regolata biss mir-regoli tal-liġi tal-Unjoni dwar dak is-suġġett, b’mod partikolari r-Regolament (UE) 2016/679 u d-Direttiva 2002/58/KE. Dan ir-Regolament huwa wkoll mingħajr preġudizzju għar-regoli tal-liġi tal-Unjoni dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol.

(11)Jenħtieġ li jiġi ċċarat li dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għar-regoli tal-liġi tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati, li jistabbilixxu regoli u proċeduri speċifiċi li jenħtieġ li ma jiġux affettwati.

(12)Biex jintlaħaq l-objettiv li jiġi żgurat ambjent online sikur, prevedibbli u affidabbli, għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, il-kunċett ta’ “kontenut illegali” jenħtieġ li jiġi definit b’mod wiesa’ u jkopri wkoll l-informazzjoni relatata ma’ kontenut, prodotti, servizzi u attivitajiet illegali. B’mod partikolari, jenħtieġ li dak il-kunċett jinftiehem li jirreferi għal informazzjoni, irrispettivament mill-forma tagħha, li skont il-liġi applikabbli tkun minnha nnifisha illegali, bħal pereżempju diskors ta’ mibegħda illegali jew kontenut terroristiku u kontenut diskriminatorju illegali, jew li tkun relatata ma’ attivitajiet li huma illegali, bħal pereżempju l-kondiviżjoni ta’ stampi li juru abbuż sesswali tat-tfal, il-kondiviżjoni mhux kunsenswali u illegali ta’ stampi privati, l-online stalking, il-bejgħ ta’ prodotti mhux konformi jew kontrafatti, l-użu mhux awtorizzat ta’ materjal protett bid-drittijiet tal-awtur jew attivitajiet li jinvolvu ksur tal-liġi dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi. F’dan ir-rigward, huwa immaterjali jekk l-illegalità tal-informazzjoni jew tal-attività tirriżultax mil-liġi tal-Unjoni jew mil-liġi nazzjonali li hija konsistenti mal-liġi tal-Unjoni u xi jkunu n-natura jew is-suġġett preċiżi tal-liġi inkwistjoni.

(13)Meta wieħed iqis il-karatteristiċi partikolari tas-servizzi kkonċernati u l-ħtieġa korrispondenti biex il-fornituri tagħhom ikunu soġġetti għal ċerti obbligi speċifiċi, jeħtieġ issir distinzjoni, fi ħdan il-kategorija usa’ tal-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting kif definiti f’dan ir-Regolament, bejn is-subkategoriji tal-pjattaformi online. Il-pjattaformi online, bħal pereżempju n-networks soċjali jew il-postijiet tas-suq online, jenħtieġ li jiġu definiti bħala fornituri ta’ servizzi ta’ hosting li mhux biss jaħżnu l-informazzjoni pprovduta mir-riċevituri tas-servizz fuq talba tagħhom, iżda li jxerrdu wkoll dik l-informazzjoni lill-pubbliku, fuq talba tagħhom ukoll. Madankollu, biex tiġi evitata l-impożizzjoni ta’ obbligi wesgħin wisq, il-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting jenħtieġ li ma jitqisux bħala pjattaformi online meta d-disseminazzjoni lill-pubbliku tkun sempliċiment karatteristika minuri u purament anċillari ta’ servizz ieħor u li, għal raġunijiet tekniċi oġġettivi, dik il-karatteristika ma tkunx tista’ tintuża mingħajr dak is-servizz ewlieni l-ieħor, u l-integrazzjoni ta’ dik il-karatteristika ma tkunx mezz biex tiġi evitata l-applikabbiltà tar-regoli ta’ dan ir-Regolament applikabbli għall-pjattaformi online. Pereżempju, it-taqsima tal-kummenti f’gazzetta online tista’ tikkostitwixxi karatteristika bħal din, fejn huwa ċar li hija anċillari għas-servizz ewlieni li qed jiġi rrappreżentat mill-pubblikazzjoni tal-aħbarijiet li huma fir-responsabbiltà editorjali tal-pubblikatur.

(14)Il-kunċett ta’ “disseminazzjoni lill-pubbliku”, kif użat f’dan ir-Regolament, jenħtieġ li jinkludi t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ informazzjoni lil għadd potenzjalment illimitat ta’ persuni, jiġifieri, li l-informazzjoni ssir aċċessibbli faċilment għall-utenti inġenerali mingħajr azzjoni ulterjuri mir-riċevitur tas-servizz li jkun qed jipprovdi l-informazzjoni rikjesta, irrispettivament minn jekk dawk il-persuni jaċċessawx effettivament l-informazzjoni inkwistjoni. Is-sempliċi possibbiltà li jinħolqu gruppi ta’ utenti ta’ servizzi partikolari jenħtieġ li ma tinftihemx, minnha nnifisha, li tfisser li l-informazzjoni disseminata b’dak il-mod ma tkunx disseminata lill-pubbliku. Madankollu, il-kunċett jenħtieġ li jeskludi d-disseminazzjoni ta’ informazzjoni fi ħdan gruppi magħluqin li jikkonsistu minn għadd limitat ta’ persuni predeterminati. Is-servizz ta’ komunikazzjonijiet interpersonali, kif definit fid-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 39 , bħal pereżempju emails jew servizzi ta’ trażmissjoni ta’ messaġġi privati, jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Jenħtieġ li l-informazzjoni titqies disseminata lill-pubbliku skont it-tifsira ta’ dan ir-Regolament biss meta dik d-disseminazzjoni sseħħ fuq talba diretta mir-riċevitur tas-servizz li jkun ipprovda l-informazzjoni.

(15)Meta xi wħud mis-servizzi fornuti minn fornitur ikunu koperti minn dan ir-Regolament u oħrajn ma jkunux, jew meta s-servizzi fornuti minn fornituri jkunu koperti minn taqsimiet differenti ta’ dan ir-Regolament, id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li japplikaw biss fir-rigward ta’ dawk is-servizzi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom.

(16)Iċ-ċertezza tad-dritt prevista mill-qafas orizzontali tal-eżenzjonijiet kundizzjonali mir-responsabbiltà għall-fornituri tas-servizzi intermedjarji, stabbiliti fid-Direttiva 2000/31/KE, ippermettiet li fis-suq intern jitfaċċaw u jespandu bosta servizzi ġodda. Għalhekk jenħtieġ li dak il-qafas jiġi preservat. Madankollu, fid-dawl tad-diverġenzi fit-traspożizzjoni u fl-applikazzjoni tar-regoli rilevanti fil-livell nazzjonali, u għal raġunijiet ta’ ċarezza u ta’ koerenza, jenħtieġ li dak il-qafas jiġi inkorporat f’dan ir-Regolament. Huwa wkoll meħtieġ li jiġu ċċarati ċerti elementi ta’ dak il-qafas, filwaqt li tiġi kkunsidrata l-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

(17)Jenħtieġ li r-regoli rilevanti tal-Kapitolu II jistabbilixxu biss meta l-fornitur tas-servizzi intermedjarji kkonċernat ma jkunx jista’ jitqies responsabbli fir-rigward ta’ kontenut illegali pprovdut mir-riċevituri tas-servizz. Jenħtieġ li dawk ir-regoli ma jinftehmux li jipprovdu bażi pożittiva biex jiġi stabbilit meta fornitur jista’ jitqies responsabbli, għax dan irid jiġi determinat mir-regoli applikabbli tal-liġi tal-Unjoni jew tal-liġi nazzjonali. Barra minn hekk, l-eżenzjonijiet mir-responsabbiltà stabbiliti f’dan ir-Regolament jenħtieġ li japplikaw fir-rigward ta’ kwalunkwe tip ta’ responsabbiltà ta’ kontenut illegali, irrispettivament mis-suġġett jew min-natura preċiżi ta’ dawk il-liġijiet.

(18)L-eżenzjonijiet mir-responsabbiltà stabbiliti f’dan ir-Regolament jenħtieġ li ma japplikawx meta l-fornitur tas-servizzi intermedjarji, minflok ma jillimita ruħu li jipprovdi is-servizzi b’mod newtrali, sempliċiment permezz ta’ pproċessar tekniku u awtomatiku tal-informazzjoni pprovduta mir-riċevitur tas-servizz, dan ikollu rwol attiv tali li jgħarrfu b’dik l-informazzjoni jew jagħtih kontroll fuq dik l-informazzjoni. Għaldaqstant dawk l-eżenzjonijiet jenħtieġ li ma jkunux disponibbli fir-rigward tar-responsabbiltà relatata mal-informazzjoni pprovduta mhux mir-riċevitur tas-servizz iżda mill-fornitur tas-servizzi intermedjarju nnifsu, inkluż meta l-informazzjoni tkun ġiet żviluppata fir-responsabbiltà editorjali ta’ dak il-fornitur.

(19)Fid-dawl tan-natura differenti tal-attivitajiet ta’ “sempliċi conduit”, “caching” u “hosting” u l-pożizzjoni u l-kapaċitajiet differenti tal-fornituri tas-servizzi inkwistjoni, jeħtieġ issir distinzjoni bejn ir-regoli applikabbli għal dawk l-attivitajiet, minħabba li skont dan ir-Regolament huma soġġetti għal rekwiżiti u kundizzjonijiet differenti u l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom huwa differenti, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

(20)Fornitur tas-servizzi intermedjarji li jikkollabora deliberatament ma’ riċevitur tas-servizzi biex iwettaq attivitajiet illegali, ma jfornix is-servizz tiegħu b’mod newtrali u għalhekk jenħtieġ li ma jkunx jista’ jibbenefika mill-eżenzjonijiet mir-responsabbiltà previsti f’dan ir-Regolament.

(21)Fornitur jenħtieġ li jkun jista’ jibbenefika mill-eżenzjonijiet mir-responsabbiltà għal servizzi ta’ “sempliċi conduit” u ta’ “caching” meta dan ma jkun involut bl-ebda mod mal-informazzjoni trażmessa. Dan jeħtieġ, fost affarijiet oħra, li l-fornitur ma jimmodifikax l-informazzjoni li jittrażmetti. Madankollu, dan ir-rekwiżit jenħtieġ li ma jinftihemx li jkopri l-manipulazzjonijiet ta’ natura teknika li jsiru matul it-trażmissjoni, peress li tali manipulazzjonijiet ma jbiddlux l-integrità tal-informazzjoni trażmessa.

(22)Biex jibbenefika mill-eżenzjoni mir-responsabbiltà għal servizzi ta’ hosting, jenħtieġ li l-fornitur, malli effettivament isir jaf jew isir konxju b’xi kontenut illegali, jaġixxi mingħajr dewmien biex ineħħi jew jiddiżattiva l-aċċess għal dak il-kontenut. It-tneħħija jew id-diżattivazzjoni tal-aċċess jenħtieġ li jitwettqu b’rispett tal-prinċipju tal-libertà tal-espressjoni. Il-fornitur jista’ jikseb tali għarfien jew konoxxenza effettivi, b’mod partikolari permezz tal-inizjattivi proprji tiegħu jew tal-avviżi sottomessi lilu minn individwi jew entitajiet f’konformità ma’ dan ir-Regolament diment li dawk l-avviżi jkunu preċiżi biżżejjed u sostanzjati b’mod xieraq biex jippermettu li operatur ekonomiku diliġenti jidentifika b’mod raġonevoli, jaċċessa u fejn xieraq jaġixxi kontra l-kontenut allegatament illegali.

(23)Biex tiġi żgurata l-protezzjoni effettiva tal-konsumaturi meta jinvolvu ruħhom fi tranżazzjonijiet kummerċjali intermedjati online, ċerti fornituri ta’ servizzi ta’ hosting, jiġifieri, il-pjattaformi online li jippermettu lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod mal-kummerċjanti, jenħtieġ li ma jkunux jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni mir-responsabbiltà għall-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting stabbilita f’dan ir-Regolament, sakemm dawk il-pjattaformi online jippreżentaw l-informazzjoni rilevanti relatata mat-tranżazzjonijiet inkwistjoni b’tali mod li din twassal lill-konsumaturi jemmnu li l-informazzjoni ġiet ipprovduta minn dawk il-pjattaformi online nnifishom jew mir-riċevituri tas-servizzi li jaġixxu bl-awtorità jew bil-kontroll tagħhom, u dawk il-pjattaformi online b’hekk ikollhom għarfien tal-informazzjoni jew kontroll fuqha, anki jekk fir-realtà dan jista’ ma jkunx il-każ. F’dak ir-rigward, jenħtieġ li jiġi determinat oġġettivament, abbażi taċ-ċirkostanzi rilevanti kollha, jekk il-preżentazzjoni tistax twassal għal tali twemmin min-naħa ta’ konsumatur medju u informat raġonevolment sew.

(24)L-eżenzjonijiet mir-responsabbiltà stabbiliti f’dan ir-Regolament jenħtieġ li ma jaffettwawx il-possibbiltà ta’ inġunzjonijiet ta’ tipi differenti kontra l-fornituri tas-servizzi intermedjarji, anki meta jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti bħala parti minn dawk l-eżenzjonijiet. Tali inġunzjonijiet jistgħu, b’mod partikolari, jikkonsistu f’ordnijiet mill-qrati jew mill-awtoritajiet amministrattivi li jkunu jeżiġu t-terminazzjoni jew il-prevenzjoni ta’ xi ksur, inkluż it-tneħħija tal-kontenut illegali speċifikat fit-tali ordnijiet, maħruġa f’konformità mal-liġi tal-Unjoni, jew id-diżattivazzjoni tal-aċċess għalih.

(25)Biex tinħoloq ċertezza tad-dritt u biex ma jiġux skoraġġuti l-attivitajiet maħsuba biex jiddetettaw, jidentifikaw u jaġixxu kontra l-kontenut illegali li l-fornituri tas-servizzi intermedjarji jistgħu jwettqu b’mod volontarju, jenħtieġ li jiġi ċċarat li s-sempliċi fatt li l-fornituri jwettqu tali attivitajiet ma jwassalx għan-nuqqas ta’ disponibbiltà tal-eżenzjonijiet mir-responsabbiltà stabbiliti f’dan ir-Regolament, diment li dawk l-attivitajiet jitwettqu in bona fide u b’mod diliġenti. Barra minn hekk, huwa xieraq li jiġi ċċarat li s-sempliċi fatt li dawk il-fornituri jieħdu miżuri, in bona fide, biex jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-liġi tal-Unjoni, inkluż dawk stabbiliti f’dan ir-Regolament fir-rigward l-implimentazzjoni tat-termini u l-kundizzjonijiet tagħhom, jenħtieġ li ma jwassalx għan-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ dawk l-eżenzjonijiet mir-responsabbiltà. Għalhekk, kwalunkwe attivitajiet u miżuri bħal dawn li fornitur speċifiku jaf ikun ħa, jenħtieġ li ma jitqisux meta jiġi determinat jekk il-fornitur jistax jiddependi fuq eżenzjoni mir-responsabbiltà, b’mod partikolari fir-rigward ta’ jekk il-fornitur ifornix is-servizzi tiegħu b’mod newtrali u għalhekk jistax jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjoni rilevanti, iżda mingħajr ma din ir-regola timplika li l-fornitur jista’ neċessarjament jiddependi fuqha.

(26)Filwaqt li r-regoli tal-Kapitolu II ta’ dan ir-Regolament jikkonċentraw fuq l-eżenzjoni mir-responsabbiltà tal-fornituri tas-servizzi intermedjarji, huwa importanti li wieħed ifakkar li, minkejja r-rwol ġeneralment importanti li jaqdu dawk il-fornituri, il-problema tal-kontenut u tal-attivitajiet illegali online jenħtieġ li ma tiġix indirizzata billi tingħata attenzjoni biss lir-responsabbiltajiet tagħhom. Fejn ikun possibbli, il-partijiet terzi affettwati mill-kontenut illegali trażmess jew maħżun online jenħtieġ li jippruvaw isolvu l-kunflitti relatati ma’ tali kontenut mingħajr ma jinvolvu lill-fornituri tas-servizzi intermedjarji inkwistjoni. Jenħtieġ li r-riċevituri tas-servizzi jinżammu responsabbli, meta jipprevedu hekk ir-regoli applikabbli tal-liġi tal-Unjoni u tal-liġi nazzjonali li jiddeterminaw tali responsabbiltà, għall-kontenut illegali li jipprovdu u li jistgħu jxerrdu permezz tas-servizzi intermedjarji. Fejn xieraq, atturi oħrajn, bħal pereżempju l-moderaturi tal-gruppi f’ambjenti online magħluqa, b’mod partikolari fil-każ ta’ gruppi kbar, jenħtieġ li jgħinu wkoll biex tiġi evitata d-disseminazzjoni ta’ kontenut illegali online, f’konformità mal-liġi applikabbli. Barra minn hekk, fejn ikun meħtieġ li jiġu involuti l-fornituri tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, inkluż il-fornituri tas-servizzi intermedjarji, kwalunkwe talbiet jew ordnijiet għal tali involviment jenħtieġ li, bħala regola ġenerali, jiġu diretti lejn l-attur li jkollu l-abbiltà teknika u operattiva li jaġixxi kontra elementi speċifiċi tal-kontenut illegali, biex jiġu evitati u minimizzati kwalunkwe effetti negattivi possibbli għad-disponibbiltà u l-aċċessibbiltà tal-informazzjoni li mhijiex kontenut illegali.

(27)Mis-sena 2000 ’l hawn, tfaċċaw teknoloġiji ġodda li jtejbu d-disponibbiltà, l-effiċjenza, il-veloċità, l-affidabbiltà, il-kapaċità u s-sigurtà tas-sistemi għat-trażmissjoni u għall-ħżin tad-data online, u dan wassal għal ekosistema diġitali dejjem aktar kumplessa. F’dan ir-rigward, jenħtieġ li wieħed ifakkar li l-fornituri tas-servizzi li jistabbilixxu u jiffaċilitaw l-arkitettura loġika sottostanti u l-funzjonament tajjeb tal-internet, inkluż il-funzjonijiet awżiljarji tekniċi, jistgħu wkoll jibbenefikaw mill-eżenzjonijiet mir-responsabbiltà stabbiliti f’dan ir-Regolament, diment li s-servizzi tagħhom jikkwalifikaw bħala servizzi ta’ “sempliċi conduits”, “caching” jew “hosting”. Tali servizzi jinkludu, skont il-każ, in-networks ta’ żona lokali mingħajr fili, is-servizzi tas-sistema tal-ismijiet ta’ dominji (DNS), ir-reġistri ta’ ismijiet ta’ dominji tal-ogħla livell, l-awtoritajiet ta’ ċertifikazzjoni li joħorġu ċertifikati diġitali jew networks tat-twassil tal-kontenut, li jiffaċilitaw jew itejbu l-funzjonijiet ta’ fornituri oħra tas-servizzi intermedjarji. B’mod simili, is-servizzi li jintużaw għal skopijiet ta’ komunikazzjoni, u l-mezzi tekniċi għat-twassil tagħhom, evolvew b’mod konsiderevoli wkoll, u dan irriżulta f’servizzi online bħal pereżempju l-Vuċi fuq IP, is-servizzi ta’ trażmissjoni ta’ messaġġi u s-servizzi ta’ email ibbażati fuq il-web, fejn il-komunikazzjoni titwassal b’servizzi ta’ aċċess għall-internet. Dawk is-servizzi wkoll jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjonijiet mir-responsabbiltà, diment li jikkwalifikaw bħala servizzi ta’ “sempliċi conduit”, “caching” jew “hosting”.

(28)Il-fornituri tas-servizzi intermedjarji jenħtieġ li ma jkunux soġġetti għal obbligu ta’ monitoraġġ fir-rigward tal-obbligi ta’ natura ġenerali. Dan ma jikkonċernax l-obbligi ta’ monitoraġġ f’każ speċifiku u, b’mod partikolari, ma jaffettwax l-ordnijiet mill-awtoritajiet nazzjonali f’konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali, f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament. Jenħtieġ li l-ebda ħaġa f’dan ir-Regolament ma tiġi interpretata bħala impożizzjoni ta’ obbligu ta’ monitoraġġ ġenerali jew ta’ tiftix attiv tal-fatti, jew bħala obbligu ġenerali biex il-fornituri jieħdu miżuri proattivi fir-rigward tal-kontenut illegali.

(29)Skont is-sistema legali ta’ kull Stat Membru u l-qasam tal-liġi inkwistjoni, l-awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi nazzjonali jistgħu jordnaw lill-fornituri tas-servizzi intermedjarji biex jaġixxu kontra ċerti elementi speċifiċi tal-kontenut illegali jew biex jipprovdu ċerti elementi speċifiċi ta’ informazzjoni. Il-liġijiet nazzjonali li abbażi tagħhom jinħarġu tali ordnijiet ivarjaw b’mod konsiderevoli u l-ordnijiet huma indirizzati aktar u aktar f’sitwazzjonijiet transfruntieri. Biex jiġi żgurat li dawk l-ordnijiet jkunu jistgħu jiġu rispettati b’mod effettiv u effiċjenti, biex l-awtoritajiet pubbliċi kkonċernati jkunu jistgħu jwettqu l-kompiti tagħhom u l-fornituri ma jkunux soġġetti għal piżijiet sproporzjonati, mingħajr ma jiġu affettwati bla bżonn id-drittijiet u l-interessi leġittimi ta’ kwalunkwe partijiet terzi, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti ċerti kundizzjonijiet li jenħtieġ li jissodisfaw dawk l-ordnijiet u ċerti rekwiżiti kumplimentari relatati mal-ipproċessar ta’ dawn l-ordnijiet.

(30)L-ordnijiet għall-azzjoni kontra l-kontenut illegali jew għall-provvista ta’ informazzjoni jenħtieġ li jinħarġu f’konformità mal-liġi tal-Unjoni, b’mod partikolari r-Regolament (UE) 2016/679 u l-projbizzjoni ta’ obbligi ta’ monitoraġġ ġenerali tal-informazzjoni jew biex isir tiftix attiv tal-fatti jew taċ-ċirkostanzi li jindikaw attività illegali stabbilita f’dan ir-Regolament. Il-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament li japplikaw għall-ordnijiet għall-azzjoni kontra l-kontenut illegali huma mingħajr preġudizzju għal atti oħrajn tal-Unjoni li jipprevedu sistemi simili għall-azzjoni kontra tipi speċifiċi ta’ kontenut illegali, bħal pereżempju r-Regolament (UE) …/…. [ir-Regolament propost dwar l-indirizzar tad-disseminazzjoni ta’ kontenut terroristiku online], jew ir-Regolament (UE) 2017/2394 li jikkonferixxi setgħat speċifiċi biex tiġi ordnata l-provvista ta’ informazzjoni dwar l-awtoritajiet ta’ infurzar tal-liġi dwar il-konsumaturi tal-Istati Membri, filwaqt li l-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti li japplikaw għall-ordnijiet biex tiġi pprovduta informazzjoni huma mingħajr preġudizzju għal atti oħra tal-Unjoni li jipprevedu regoli rilevanti simili għal setturi speċifiċi. Dawn il-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti jenħtieġ li jkunu mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar ir-ritenzjoni u l-preservazzjoni skont il-liġi nazzjonali applikabbli, f’konformità mal-liġi tal-Unjoni u mat-talbiet għall-kunfidenzjalità mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi relatati man-nondivulgazzjoni ta’ informazzjoni.

(31)Il-kamp ta’ applikazzjoni territorjali ta’ tali ordnijiet għall-azzjoni kontra l-kontenut illegali jenħtieġ li jiġi stabbilit b’mod ċar abbażi tal-liġi tal-Unjoni jew tal-liġi nazzjonali applikabbli li tippermetti l-ħruġ tal-ordni u jenħtieġ li ma jaqbiżx dak li huwa strettament meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi tiegħu. F’dak ir-rigward, l-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva nazzjonali li tkun qed toħroġ l-ordni jenħtieġ li tibbilanċja l-objettiv li l-ordni tipprova tilħaq, f’konformità mal-bażi ġuridika li tippermetti l-ħruġ tagħha, mad-drittijiet u l-interessi leġittimi tal-partijiet terzi kollha li jistgħu jiġu affettwati mill-ordni, b’mod partikolari d-drittijiet fundamentali tagħhom skont il-Karta. Barra minn hekk, meta l-ordni li tirreferi għall-informazzjoni speċifika jista’ jkollha effetti lil hinn mit-territorju tal-Istat Membru tal-awtorità kkonċernata, jenħtieġ li l-awtorità tivvaluta jekk huwiex probabbli li l-informazzjoni inkwistjoni tikkostitwixxi kontenut illegali fi Stati Membri oħra kkonċernati u, fejn rilevanti, tqis ir-regoli rilevanti tal-liġi tal-Unjoni jew tal-liġi internazzjonali u l-interessi tal-korteżija internazzjonali.

(32)L-ordnijiet biex tiġi pprovduta informazzjoni li huma regolati minn dan ir-Regolament jikkonċernaw il-produzzjoni ta’ informazzjoni speċifika dwar riċevituri individwali tas-servizz intermedjarju kkonċernat, u li huma identifikati f’dawk l-ordnijiet bl-iskop li tiġi determinata l-konformità mir-riċevituri tas-servizzi mar-regoli tal-Unjoni jew mar-regoli nazzjonali applikabbli. Għalhekk, l-ordnijiet dwar l-informazzjoni fuq grupp ta’ riċevituri tas-servizz li mhumiex identifikati b’mod speċifiku, inkluż l-ordnijiet biex tiġi pprovduta informazzjoni aggregata meħtieġa għal skopijiet statistiċi jew għat-tfassil tal-politika abbażi ta’ evidenza, jenħtieġ li jibqgħu mhux affettwati mir-regoli ta’ dan ir-Regolament dwar l-għoti tal-informazzjoni.

(33)L-ordnijiet għall-azzjoni kontra l-kontenut illegali u biex tiġi pprovduta l-informazzjoni huma soġġetti għar-regoli li jissalvagwardjaw il-kompetenza tal-Istat Membru fejn ikun stabbilit il-fornitur tas-servizz indirizzat u li jistabbilixxu derogi possibbli minn dik il-kompetenza f’ċerti każijiet, stabbiliti fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/31/KE, biss jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjoni ta’ dak l-Artikolu. Peress li l-ordnijiet inkwistjoni huma relatati ma’ elementi speċifiċi tal-kontenut u tal-informazzjoni illegali, rispettivament, meta dawn ikunu indirizzati lill-fornituri tas-servizzi intermedjarji stabbiliti fi Stat Membru ieħor, fil-prinċipju, dawn ma jirrestrinġux il-libertà ta’ dawk il-fornituri fil-forniment tas-servizzi tagħhom bejn il-fruntieri. Għalhekk, ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/31/KE, inkluż dawk li jirrigwardaw il-ħtieġa li jiġu ġustifikati l-miżuri li jidderogaw mill-kompetenza tal-Istat Membru fejn ikun stabbilit il-fornitur tas-servizz, għal ċerti raġunijiet speċifiċi u rigward in-notifika ta’ tali miżuri, ma japplikawx fir-rigward ta’ dawk l-ordnijiet.

(34)Biex jintlaħqu l-objettivi ta’ dan ir-Regolament, u b’mod partikolari biex jittejjeb il-funzjonament tas-suq intern u biex jiġi żgurat ambjent online sikur u trasparenti, huwa meħtieġ li jiġi stabbilit sett ċar u bilanċjat ta’ obbligi armonizzati ta’ diliġenza dovuta għall-fornituri tas-servizzi intermedjarji. Dawk l-obbligi jenħtieġ li jimmiraw b’mod partikolari l-garanzija ta’ objettivi differenti tal-politika pubblika bħal pereżempju s-sikurezza u l-fiduċja tar-riċevituri tas-servizz, inkluż il-minuri u l-utenti vulnerabbli, il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali rilevanti minquxa fil-Karta, l-iżgurar ta’ akkontabbiltà sinifikattiva ta’ dawk il-fornituri u l-għoti tas-setgħa lir-riċevituri u lil partijiet affettwati oħrajn, filwaqt li tiġi ffaċilitata s-superviżjoni meħtieġa mill-awtoritajiet kompetenti.

(35)F’dak ir-rigward, huwa importanti li l-obbligi ta’ diliġenza dovuta jiġu adattati għat-tip u għan-natura tas-servizz intermedjarju kkonċernat. Għalhekk dan ir-Regolament jistabbilixxi obbligi bażiċi applikabbli għall-fornituri kollha tas-servizzi intermedjarji, kif ukoll obbligi addizzjonali għall-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting u, b’mod aktar speċifiku, għall-pjattaformi online u għall-pjattaformi online kbar ħafna. Sal-punt li l-fornituri tas-servizzi intermedjarji jistgħu jaqgħu f’dawk il-kategoriji differenti fid-dawl tan-natura u tad-daqs tas-servizzi tagħhom, jenħtieġ li dawn jikkonformaw mal-obbligi korrispondenti kollha ta’ dan ir-Regolament. Dawk l-obbligi armonizzati ta’ diliġenza dovuta, li jenħtieġ li jkunu raġonevoli u mhux arbitrarji, huma meħtieġa biex jiġi indirizzat it-tħassib identifikat ta’ politika pubblika, bħal pereżempju s-salvagwardja tal-interessi leġittimi tar-riċevituri tas-servizz, l-indirizzar tal-prattiki illegali u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali online.

(36)Biex tiġi ffaċilitata l-komunikazzjoni bla xkiel u effiċjenti rigward kwistjonijiet koperti minn dan ir-Regolament, il-fornituri tas-servizzi intermedjarji jenħtieġ li jkunu meħtieġa jistabbilixxu punt uniku ta’ kuntatt u jippubblikaw l-informazzjoni rilevanti relatata mal-punt ta’ kuntatt tagħhom, inkluż il-lingwi li jridu jintużaw f’tali komunikazzjonijiet. Il-punt ta’ kuntatt jista’ jintuża wkoll minn sinjalaturi fdati u minn entitajiet professjonali li għandhom relazzjoni speċifika mal-fornitur tas-servizzi intermedjarji. B’kuntrast għar-rappreżentant legali, il-punt ta’ kuntatt jenħtieġ li jservi skopijiet operattivi u mhux neċessarjament jenħtieġ li jkun jinsab f’post fiżiku.

(37)Il-fornituri tas-servizzi intermedjarji li huma stabbiliti f’pajjiż terz li joffru servizzi fl-Unjoni jenħtieġ jiddeżinjaw rappreżentant legali li jkollu mandat suffiċjenti fl-Unjoni u jipprovdu informazzjoni relatata mar-rappreżentanti tagħhom, biex jippermettu li jkun hemm sorveljanza effettiva u, fejn meħtieġ, infurzar ta’ dan ir-Regolament b’rabta ma’ dawk il-fornituri. Jenħtieġ li jkun possibbli għar-rappreżentant legali biex jiffunzjona wkoll bħala punt ta’ kuntatt, diment li r-rekwiżiti rilevanti ta’ dan ir-Regolament jiġu rispettati.

(38)Filwaqt li l-libertà kuntrattwali tal-fornituri tas-servizzi intermedjarji jenħtieġ li tiġi rispettata fil-prinċipju, huwa xieraq li jiġu stabbiliti ċerti regoli dwar il-kontenut, l-applikazzjoni u l-infurzar tat-termini u l-kundizzjonijiet ta’ dawk il-fornituri fl-interessi tat-trasparenza, tal-protezzjoni tar-riċevituri tas-servizz u tal-evitar ta’ eżiti inġusti jew arbitrarji.

(39)Biex jiġi żgurat livell xieraq ta’ trasparenza u akkontabbiltà, il-fornituri tas-servizzi intermedjarji jenħtieġ li jirrappurtaw annwalment, f’konformità mar-rekwiżiti armonizzati ta’ dan ir-Regolament, dwar il-moderazzjoni tal-kontenut li jinvolvu ruħhom fiha, inkluż il-miżuri meħuda bħala riżultat tal-applikazzjoni u tal-infurzar tat-termini u l-kundizzjonijiet tagħhom. Madankollu, biex jiġu evitati piżijiet sproporzjonati, jenħtieġ li dawk l-obbligi ta’ rappurtar dwar it-trasparenza ma japplikawx għall-fornituri li huma intrapriżi mikro jew żgħar kif definit fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE 40 .

(40)Il-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting jaqdu rwol partikolarment importanti fl-indirizzar tal-kontenut illegali online, minħabba li jaħżnu l-informazzjoni pprovduta mir-riċevituri tas-servizzi u fuq talba tagħhom u tipikament jagħtu aċċess għaliha lil riċevituri oħra, xi kultant fuq skala kbira. Huwa importanti li l-fornituri kollha ta’ servizzi ta’ hosting, irrispettivament mid-daqs tagħhom, jistabbilixxu mekkaniżmi ta’ avviż u azzjoni faċli għall-utent li jiffaċilitaw in-notifika ta’ elementi speċifiċi ta’ informazzjoni, li l-parti notifikanti tqis li huma kontenut illegali, lill-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting ikkonċernat (“avviż”), skont liema dak il-fornitur ikun jista’ jiddeċiedi jekk jaqbilx ma’ dik il-valutazzjoni u jixtieqx ineħħi jew jiddiżattiva l-aċċess għal dak il-kontenut (“azzjoni”). Diment li r-rekwiżiti jew l-avviżi jiġu ssodisfati, jenħtieġ li jkun possibbli li l-individwi jew l-entitajiet jinnotifikaw bosta elementi speċifiċi ta’ kontenut allegatament illegali permezz ta’ avviż wieħed. L-obbligu li jiġu stabbiliti mekkaniżmi ta’ avviż u azzjoni jenħtieġ li japplika, pereżempju, għas-servizzi tal-ħżin u tal-kondiviżjoni ta’ fajls, għas-servizzi ta’ web hosting, għas-servers tar-reklamar u l-pastebins, diment li jikkwalifikaw bħala fornituri ta’ servizzi ta’ hosting koperti minn dan ir-Regolament.

(41)Ir-regoli dwar dawn il-mekkaniżmi ta’ avviż u azzjoni jenħtieġ li jiġu armonizzati fil-livell tal-Unjoni, biex jipprevedu l-ipproċessar fil-ħin, diliġenti u oġġettiv tal-avviżi abbażi ta’ regoli li huma uniformi, trasparenti u ċari u li jipprevedu salvagwardji robusti biex jipproteġu d-drittijiet u l-interessi leġittimi tal-partijiet kollha affettwati, b’mod partikolari d-drittijiet fundamentali tagħhom garantiti mill-Karta, irrispettivament mill-Istat Membru li fih ikunu stabbiliti jew li fih jirrisjedu dawk il-partijiet u mill-qasam tal-liġi inkwistjoni. Id-drittijiet fundamentali jinkludu, skont il-każ, id-dritt għal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, id-dritt għar-rispett għall-ħajja privata u għall-ħajja tal-familja, id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, id-dritt ta’ nondiskriminazzjoni u d-dritt għal rimedju effettiv tar-riċevituri tas-servizz; il-libertà li wieħed imexxi negozju, inkluż il-libertà kuntrattwali, tal-fornituri tas-servizzi; kif ukoll id-dritt għad-dinjità tal-bniedem, id-drittijiet tat-tfal, id-dritt għall-protezzjoni tal-proprjetà, inkluż il-proprjetà intellettwali u d-dritt ta’ nondiskriminazzjoni tal-partijiet affettwati mill-kontenut illegali.

(42)Meta fornitur ta’ servizzi ta’ hosting jiddeċiedi li jneħħi jew li jiddiżattiva l-informazzjoni pprovduta minn riċevitur tas-servizz, pereżempju wara li jkun wasallu avviż jew meta jaġixxi b’inizjattiva proprja, inkluż permezz tal-użu ta’ mezzi awtomatiċi, dak il-fornitur jenħtieġ li jinforma lir-riċevitur bid-deċiżjoni tiegħu, ir-raġunijiet għad-deċiżjoni tiegħu u l-possibbiltajiet ta’ rimedju disponibbli biex ir-riċevitur ikun jista’ jikkontesta d-deċiżjoni, fid-dawl tal-konsegwenzi negattivi li tali deċiżjonijiet jista’ jkollhom għar-riċevitur, inkluż fir-rigward tal-eżerċizzju tad-dritt fundamentali tiegħu għal-libertà tal-espressjoni. Dak l-obbligu jenħtieġ li japplika irrispettivament mir-raġunijiet għad-deċiżjoni, b’mod partikolari jekk l-azzjoni tkunx ittieħdet minħabba li l-informazzjoni nnotifikata titqies bħala kontenut illegali jew inkompatibbli mat-termini u l-kundizzjonijiet applikabbli. Ir-riżorsi disponibbli biex tiġi kkontestata d-deċiżjoni tal-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting jenħtieġ li jinkludu dejjem ir-rimedju ġudizzjarju.

(43)Biex jiġu evitati piżijiet sproporzjonati, l-obbligi addizzjonali imposti fuq il-pjattaformi online skont dan ir-Regolament jenħtieġ li ma japplikawx għall-intrapriżi mikro u żgħar kif definit fir-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE tal-Kummissjoni 41 , sakemm l-ilħuq u l-impatt tagħhom ma jkunx tali li jissodisfaw il-kriterji biex jikkwalifikaw bħala pjattaformi online kbar ħafna skont dan ir-Regolament. Ir-regoli dwar il-konsolidazzjoni stipulati f’dik ir-Rakkomandazzjoni jgħinu biex jiġi żgurat li tiġi evitata kwalunkwe evażjoni ta’ dawk l-obbligi addizzjonali. L-eżenzjoni tal-intrapriżi mikro u żgħar minn dawn l-obbligi addizzjonali jenħtieġ li ma tinftihemx li taffettwa l-kapaċità tagħhom li jistabbilixxu, b’mod volontarju, sistema li tikkonforma ma’ wieħed minn dawk l-obbligi jew aktar minn wieħed.

(44)Ir-riċevituri tas-servizzi jenħtieġ li jkunu jistgħu jikkontestaw b’mod faċli u effettiv ċerti deċiżjonijiet tal-pjattaformi online li jaffettwawhom b’mod negattiv. Għalhekk, il-pjattaformi online jenħtieġ li jiġu rikjesti li jipprevedu sistemi interni għall-immaniġġjar tal-ilmenti, li jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet biex jiġi żgurat li s-sistemi jkunu aċċessibbli faċilment u jwasslu għal eżiti rapidi u ġusti. Barra minn hekk, jenħtieġ li tiġi prevista l-possibbiltà ta’ soluzzjoni alternattiva għat-tilwim, inkluż dak it-tilwim li ma jistax jissolva b’mod sodisfaċenti permezz tas-sistemi interni għall-immaniġġjar tal-ilmenti, minn korpi ċċertifikati li għandhom l-indipendenza meħtieġa, il-mezzi u l-għarfien espert biex iwettqu l-attivitajiet tagħhom b’mod ġust, rapidu u kosteffettiv. Il-possibbiltajiet b’hekk maħluq biex jiġu kkontestati d-deċiżjonijiet tal-pjattaformi online jenħtieġ li jikkumplimentaw, iżda ma jaffettwaw bl-ebda mod, il-possibbiltà li wieħed ifittex rimedju ġudizzjarju f’konformità mal-liġijiet tal-Istat Membru kkonċernat.

(45)Għat-tilwim kuntrattwali bejn il-konsumaturi u n-negozji fuq ix-xiri ta’ oġġetti jew servizzi, id-Direttiva 2013/11/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 42 tiżgura li l-konsumaturi u n-negozji tal-Unjoni jkollhom aċċess għal entitajiet ta’ soluzzjoni alternattiva għat-tilwim iċċertifikati għall-kwalità. F’dan ir-rigward, jenħtieġ li jiġi ċċarat li r-regoli ta’ dan ir-Regolament dwar is-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim huma mingħajr preġudizzju għal dik id-Direttiva, inkluż id-dritt tal-konsumaturi skont dik id-Direttiva li jirtiraw mill-proċedura fi kwalunkwe stadju jekk ma jkunux sodisfatti bil-prestazzjoni jew bit-tħaddim tal-proċedura.

(46)Tista’ tittieħed azzjoni aktar rapida u b’mod aktar affidabbli kontra l-kontenut illegali meta l-pjattaformi online jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-avviżi sottomessi minn sinjalaturi fdati permezz tal-mekkaniżmi ta’ avviż u azzjoni rikjesti minn dan ir-Regolament ikunu trattati bi prijorità, mingħajr preġudizzju għar-rekwiżit li jiġu pproċessati l-avviżi kollha sottomessi permezz ta’ dawk il-mekkaniżmi u tittieħed deċiżjoni dwarhom fil-ħin u b’mod diliġenti u oġġettiv. Tali status ta’ sinjalatur fdat jenħtieġ li jingħata biss lill-entitajiet, u mhux lill-individwi, li juru, fost affarijiet oħrajn, li għandhom għarfien espert u kompetenza partikolari fl-indirizzar tal-kontenut illegali, li jirrappreżentaw l-interessi kollettivi u li jaħdmu b’mod diliġenti u oġġettiv. Tali entitajiet jistgħu jkunu pubbliċi fin-natura tagħhom, bħal pereżempju, għall-kontenut terroristiku, l-unitajiet ta’ indikazzjoni ta’ kontenut fuq l-internet tal-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar tal-liġi jew tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (“Europol”) jew jistgħu jkunu organizzazzjonijiet mhux governattivi u korpi semi-pubbliċi, bħal pereżempju l-parti tal-organizzazzjonijiet tan-network ta’ hotlines INHOPE għar-rappurtar tal-materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal u l-organizzazzjonijiet impenjati biex jinnotifikaw espressjonijiet razzisti u ksenofobiċi online. Għad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, l-organizzazzjonijiet tal-industrija u tad-detentur tad-dritt jistgħu jingħataw l-istatus ta’ sinjalaturi fdati, meta jkunu wrew li jissodisfaw il-kundizzjonijiet applikabbli. Ir-regoli ta’ dan ir-Regolament dwar is-sinjalaturi fdati jenħtieġ li ma jinftehmux li jipprevjenu lill-pjattaformi online milli jagħtu trattament simili għall-avviżi sottomessi minn entitajiet jew individwi li ma jkunux ingħataw status ta’ sinjalaturi fdati skont dan ir-Regolament, milli jikkooperaw b’mod ieħor ma’ entitajiet oħrajn, f’konformità mal-liġi applikabbli, inkluż dan ir-Regolament u r-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 43 .

(47)L-użu ħażin tas-servizzi tal-pjattaformi online billi jiġi pprovdut b’mod frekwenti kontenut manifestament illegali jew billi jiġu sottomessi b’mod frekwenti avviżi jew ilmenti manifestament infondati permezz tal-mekkaniżmi u tas-sistemi, rispettivament, stabbiliti skont dan ir-Regolament jimmina l-fiduċja u jagħmel ħsara lid-drittijiet u lill-interessi leġittimi tal-partijiet ikkonċernati. Għalhekk, hemm il-ħtieġa li jiġu stabbiliti salvagwardji xierqa u proporzjonati kontra tali użu ħażin. L-informazzjoni jenħtieġ li titqies bħala kontenut manifestament illegali u l-avviżi u l-ilmenti jenħtieġ li jitqiesu manifestament infondati meta jkun evidenti għal persuna mhux esperta, mingħajr l-ebda analiżi sostantiva, li l-kontenut huwa illegali jew li l-avviżi jew l-ilmenti huma infondati. F’ċerti kundizzjonijiet, il-pjattaformi online jenħtieġ li jissospendu temporanjament l-attivitajiet rilevanti tagħhom fir-rigward tal-persuna involuta fi mġiba abbużiva. Dan huwa mingħajr preġudizzju għal-libertà mill-pjattaformi online biex jiddeterminaw it-termini u l-kundizzjonijiet tagħhom u jistabbilixxu miżuri aktar stretti fil-każ ta’ kontenut manifestament illegali relatat ma’ reati serji. Għal raġunijiet ta’ trasparenza, jenħtieġ li din il-possibbiltà tiġi stabbilita, b’mod ċar u b’dettall suffiċjenti, fit-termini u l-kundizzjonijiet tal-pjattaformi online. Jenħtieġ li r-rimedju ikun dejjem miftuħ għad-deċiżjonijiet meħuda f’dan ir-rigward mill-pjattaformi online u jenħtieġ li dawn ikunu soġġetti għal sorveljanza mill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali kompetenti. Jenħtieġ li r-regoli ta’ dan ir-Regolament dwar l-użu ħażin ma jipprevjenux lill-pjattaformi online milli jieħdu miżuri oħra biex jindirizzaw il-provvista ta’ kontenut illegali mir-riċevituri tas-servizz tagħhom jew użu ħażin ieħor tas-servizzi tagħhom, f’konformità mal-liġi tal-Unjoni u mal-liġi nazzjonali applikabbli. Dawk ir-regoli huma mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe possibbiltà li l-persuni involuti fl-użu ħażin jinżammu responsabbli, inkluż għad-danni, prevista fil-liġi tal-Unjoni jew fil-liġi nazzjonali.

(48)F’ċerti każijiet, pjattaforma online tista’ ssir konxja, pereżempju permezz ta’ avviż minn parti notifikanti jew permezz tal-miżuri volontarji tagħha stess, ta’ informazzjoni relatata ma’ ċerta attività ta’ riċevituri tas-servizz, bħal pereżempju l-provvista ta’ ċerti tipi ta’ kontenut illegali, li tiġġustifika b’mod raġonevoli, meta jiġu kkunsidrati ċ-ċirkostanzi rilevanti kollha li hija konxja tagħhom il-pjattaforma, is-suspett li r-riċevitur seta’ wettaq, jista’ jkun li qed iwettaq jew aktarx se jwettaq reat kriminali serju li jinvolvi theddida għall-ħajja jew għas-sikurezza ta’ persuna, bħal pereżempju r-reati speċifikati fid-Direttiva 2011/93/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 44 . F’tali każijiet, jenħtieġ li l-pjattaforma online tinforma mingħajr dewmien lill-awtoritajiet kompetenti tal-infurzar tal-liġi bit-tali suspett, filwaqt li tipprovdi l-informazzjoni kollha rilevanti li jkollha disponibbli, inkluż, fejn rilevanti, il-kontenut inkwistjoni u spjegazzjoni tas-suspett tagħha. Dan ir-Regolament ma jipprevedix il-bażi ġuridika għat-tfassil ta’ profili tar-riċevituri tas-servizzi bil-ħsieb li l-pjattaformi online jkunu jistgħu jidentifikaw r-reati kriminali. Jenħtieġ li l-pjattaformi online jirrispettaw ukoll regoli applikabbli oħra tal-liġi tal-Unjoni jew tal-liġi nazzjonali għall-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet tal-individwi meta jinfurmaw lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi.

(49)Biex jikkontribwixxu għal ambjent online sikur, affidabbli u trasparenti għall-konsumaturi, kif ukoll għal partijiet interessati oħra bħal pereżempju il-kummerċjanti kompetituri u d-detenturi tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, u biex jiskoraġġixxu lill-kummerċjanti milli jbigħu prodotti jew servizzi bi ksur tar-regoli applikabbli, jenħtieġ li l-pjattaformi online li jippermettu lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod mal-kummerċjanti jiżguraw li tali kummerċjanti jkunu traċċabbli. Għalhekk jenħtieġ li l-kummerċjant jiġi rikjest li jipprovdi ċerta informazzjoni essenzjali lill-pjattaforma online, inkluż biex jippromwovu messaġġi dwar prodotti jew biex joffru prodotti. Jenħtieġ li dak ir-rekwiżit ikun applikabbli għall-kummerċjanti li jippromwovu messaġġi dwar prodotti jew servizzi f’isem id-ditti, abbażi ta’ ftehimiet sottostanti. Jenħtieġ li dawk il-pjattaformi online jaħżnu l-informazzjoni kollha b’mod sigur għal perjodu raġonevoli ta’ żmien li ma jaqbiżx dak li huwa meħtieġ, biex tkun tista’ tiġi aċċessata, f’konformità mal-liġi applikabbli, inkluż dwar il-protezzjoni tad-data personali, mill-awtoritajiet pubbliċi u mill-partijiet privati b’interess leġittimu, inkluż permezz tal-ordnijiet li tiġi pprovduta informazzjoni msemmijin f’dan ir-Regolament.

(50)Biex tiġi żgurata applikazzjoni effiċjenti u xierqa ta’ dak l-obbligu, mingħajr ma jiġu imposti piżijiet sproporzjonati, jenħtieġ li l-pjattaformi online jagħmlu sforzi raġonevoli biex jivverifikaw l-affidabbiltà tal-informazzjoni pprovduta mill-kummerċjanti kkonċernati, b’mod partikolari billi jużaw bażijiet tad-data online u interfaċċi online uffiċjali disponibbli b’mod liberu, bħal pereżempju r-reġistri kummerċjali nazzjonali u s-Sistema ta’ Skambju ta’ Informazzjoni dwar il-VAT 45 , jew billi jitolbu lill-kummerċjanti kkonċernati jipprovdu dokumenti ta’ identità, rendikonti bankarji ċċertifikati, ċertifikati tal-kumpanija u ċertifikati tar-reġistru kummerċjali. Jistgħu wkoll jużaw sorsi oħra, disponibbli għall-użu mill-bogħod, li joffru livell simili ta’ affidabbiltà bl-iskop li jikkonformaw ma’ dan l-obbligu. Madankollu, jenħtieġ li l-pjattaformi online koperti ma jiġux rikjesti li jinvolvu ruħhom f’eżerċizzji online ta’ tiftix tal-fatti eċċessivi jew għaljin jew li jwettqu verifiki fuq il-post. Lanqas ma jenħtieġ li l-pjattaformi online, li jkunu għamlu l-isforzi raġonevoli rikjesti minn dan ir-Regolament, jinftiehmu li qed jiggarantixxu l-affidabbiltà tal-informazzjoni lejn il-konsumaturi jew lejn partijiet interessati oħra. Jenħtieġ ukoll li tali pjattaformi online jfasslu u jorganizzaw l-interfaċċa online tagħhom b’mod li jippermetti lill-kummerċjanti jikkonformaw mal-obbligi tagħhom skont il-liġi tal-Unjoni, b’mod partikolari r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 6 u 8 tad-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 46 , fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 47 u fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 98/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 48 .

(51)Fid-dawl tar-responsabbiltajiet u tal-obbligi partikolari tal-pjattaformi online, jenħtieġ li dawn ikunu soġġetti għal obbligi ta’ rappurtar dwar it-trasparenza, li japplikaw minbarra l-obbligi ta’ rappurtar dwar it-trasparenza applikabbli għall-fornituri kollha tas-servizzi intermedjarji skont dan ir-Regolament. Għall-finijiet li jiġi determinat jekk il-pjattaformi online jistgħux ikunu pjattaformi online kbar ħafna li huma soġġetti għal ċerti obbligi addizzjonali skont dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-obbligi ta’ rappurtar dwar it-trasparenza għall-pjattaformi online jinkludu ċerti obbligi relatati mal-pubblikazzjoni u mal-komunikazzjoni tal-informazzjoni dwar il-medja ta’ kull xahar ta’ riċevituri tas-servizz attivi fl-Unjoni.

(52)Ir-reklamar online għandu rwol importanti fl-ambjent online, inkluż b’rabta mal-forniment tas-servizzi tal-pjattaformi online. Madankollu, ir-reklamar online jista’ jikkontribwixxi għal riskji sinifikanti, li jvarjaw minn reklamar li huwa kontenut illegali fih innifsu, għal reklamar li jikkontribwixxi għal inċentivi finanzjarji għall-pubblikazzjoni jew għall-amplifikazzjoni ta’ kontenut u attivitajiet online illegali jew dannużi b’mod ieħor, jew it-turija diskriminatorja ta’ reklamar b’impatt fuq it-trattament u l-opportunitajiet indaqs taċ-ċittadini. Minbarra r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-Artikolu 6 tad-Direttiva 2000/31/KE, jenħtieġ li l-pjattaformi online jiġu rikjesti li jiżguraw li r-riċevituri tas-servizz ikollhom ċerta informazzjoni individwalizzata meħtieġa biex jifhmu meta u f’isem min qed jintwera r-reklam. Barra minn hekk, ir-riċevituri tas-servizz jenħtieġ li jkollhom informazzjoni dwar il-parametri ewlenin użati biex jiġi determinat ir-reklamar speċifiku li jrid jintwera lilhom, filwaqt li jiġu pprovduti spjegazzjonijiet sinifikattivi tal-loġika użata għal dak il-għan, inkluż meta din tkun ibbażata fuq it-tfassil tal-profili. Ir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament dwar il-provvista ta’ informazzjoni relatata mar-reklamar huma mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (UE) 2016/679, b’mod partikolari dawk li jirrigwardaw id-dritt ta’ oġġezzjoni, it-teħid individwali awtomatizzat ta’ deċiżjonijiet, inkluż it-tfassil ta’ profili u speċifikament il-ħtieġa li jinkiseb kunsens tas-soġġett tad-data qabel l-ipproċessar tad-data personali għar-reklamar immirat. B’mod simili, dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva 2002/58/KE b’mod partikolari dawk li jirrigwardaw il-ħżin tal-informazzjoni fit-tagħmir terminali u l-aċċess għall-informazzjoni maħżuna hemmhekk.

(53)Minħabba l-importanza tal-pjattaformi online kbar ħafna, dovuta għall-ilħuq tagħhom, b’mod partikolari espress f’għadd ta’ riċevituri tas-servizz, fil-faċilitazzjoni tad-dibattitu pubbliku, tat-tranżazzjonijiet ekonomiċi u tad-disseminazzjoni ta’ informazzjoni, opinjonijiet u ideat u minħabba li jinfluwenzaw il-mod ta’ kif ir-riċevituri jiksbu u jikkomunikaw l-informazzjoni online, huwa meħtieġ li jiġu imposti obbligi speċifiċi fuq dawk il-pjattaformi, minbarra l-obbligi applikabbli għall-pjattaformi online kollha. Dawk l-obbligi addizzjonali fuq il-pjattaformi online kbar ħafna huma meħtieġa biex jiġi indirizzat dak it-tħassib tal-politika pubblika, peress li ma jeżistu l-ebda miżuri alternattivi u inqas restrittivi li jistgħu jiksbu l-istess riżultat b’mod effettiv.

(54)Il-pjattaformi online kbar ħafna jistgħu jikkawżaw riskji soċjetali, differenti fl-ambitu u fl-impatt tagħhom minn dawk ikkawżati minn pjattaformi iżgħar. Ladarba l-għadd ta’ riċevituri ta’ pjattaformi jilħaq sehem sinifikanti tal-popolazzjoni tal-Unjoni, ir-riskji sistemiċi li toħloq il-pjattaforma jkollhom impatt sproporzjonatament negattiv fl-Unjoni. Tali ilħuq sinifikanti jenħtieġ li jitqies li jeżisti meta l-għadd ta’ riċevituri jaqbeż livell limitu operattiv stabbilit għal 45 miljun, jiġifieri, numru ekwivalenti għal 10 % tal-popolazzjoni tal-Unjoni. Il-livell limitu operattiv jenħtieġ li jinżamm aġġornat permezz ta’ emendi promulgati minn atti delegati, fejn meħtieġ. Għalhekk jenħtieġ li tali pjattaformi online kbar ħafna jkollhom l-ogħla standard ta’ obbligi ta’ diliġenza dovuta, b’mod proporzjonat għall-impatt soċjetali u għall-mezzi tagħhom.

(55)Fid-dawl tal-effetti tan-network li jikkaratterizzaw l-ekonomija tal-pjattaformi, il-bażi tal-utenti ta’ pjattaforma online tista’ tespandi malajr u tilħaq id-dimensjoni ta’ pjattaforma online kbira ħafna, bl-impatt relatat fuq is-suq intern. Dan jista’ jseħħ fil-każ ta’ tkabbir esponenzjali li jiġi esperjenzat f’perjodi qosra ta’ żmien, jew minn preżenza u fatturat dinjija kbar li jippermettu lill-pjattaforma online tisfrutta bis-sħiħ l-effetti tan-network u l-ekonomiji ta’ skala u ta’ firxa. Fatturat annwali għoli jew kapitalizzazzjoni tas-suq jistgħu, b’mod partikolari, ikunu indikazzjoni ta’ skalabbiltà rapida f’termini ta’ lħuq tal-utenti. F’dawk il-każijiet, jenħtieġ li l-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jkun jista’ jitlob rappurtar aktar frekwenti mill-pjattaformi dwar il-bażi tal-utenti biex ikun jista’ jidentifika fil-ħin il-mument meta l-pjattaforma jenħtieġ li tiġi ddeżinjata bħala pjattaforma online kbira ħafna għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament.

(56)Il-pjattaformi online kbar ħafna jintużaw b’mod li jinfluwenza b’mod qawwi s-sikurezza online, l-iffurmar tal-opinjoni u tad-diskors pubbliċi, kif ukoll il-kummerċ online. Il-mod kif ifasslu s-servizzi tagħhom ġeneralment jiġi ottimizzat biex jibbenefika l-mudelli kummerċjali tagħhom li ta’ spiss huma xprunati mir-reklamar u li dan jista’ jikkawża tħassib soċjetali. Fin-nuqqas ta’ regolamentazzjoni u infurzar effettivi, dawn jistgħu jistabbilixxu r-regoli tal-logħba, mingħajr ma jidentifikaw u jimmitigaw b’mod effettiv ir-riskji u d-dannu soċjetali u ekonomiku li jistgħu jikkawżaw. Għalhekk, skont dan ir-Regolament, il-pjattaformi online kbar ħafna jenħtieġ li jivvalutaw ir-riskji sistemiċi li jirriżultaw mill-funzjonament u mill-użu tas-servizz tagħhom, kif ukoll mill-użu ħażin potenzjali tar-riċevituri tas-servizz, u jieħdu miżuri ta’ mitigazzjoni xierqa.

(57)Jenħtieġ li jiġu vvalutati fil-fond tliet kategoriji ta’ riskji sistemiċi. Kategorija waħda tikkonċerna r-riskji assoċjati mal-użu ħażin tas-servizz tagħhom permezz tad-disseminazzjoni ta’ kontenut illegali, bħal pereżempju d-disseminazzjoni ta’ materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal jew diskors ta’ mibegħda illegali, u permezz tat-twettiq ta’ attivitajiet illegali, bħal pereżempju l-bejgħ ta’ prodotti jew ta’ servizzi projbiti mil-liġi tal-Unjoni jew mil-liġi nazzjonali, inkluż il-prodotti kontrafatti. Pereżempju, u mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà personali tar-riċevituri tas-servizz ta’ pjattaformi online kbar ħafna għall-illegalità possibbli tal-attività tiegħu jew tagħha skont il-liġi applikabbli, tali disseminazzjoni jew attivitajiet jistgħu jikkostitwixxu riskju sistemiku meta l-aċċess għal tali kontenut jista’ jiġi amplifikat permezz ta’ kontijiet bi lħuq partikolarment wiesa’. It-tieni kategorija tikkonċerna l-impatt tas-servizz fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali, kif protetti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, inkluż il-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, id-dritt għal ħajja privata, id-dritt ta’ nondiskriminazzjoni u d-drittijiet tat-tfal. Tali riskji jistgħu jinħolqu, pereżempju, b’rabta mat-tfassil tas-sistemi algoritmiċi użati mill-pjattaforma online kbira ħafna jew l-użu ħażin tas-servizz tagħhom permezz tas-sottomissjoni ta’ avviżi abbużivi jew metodi oħra biex jitwaqqaf id-diskors jew biex tiġi ostakolata l-kompetizzjoni. It-tielet kategorija ta’ riskji tikkonċerna l-manipulazzjoni intenzjonali u, ta’ spiss, ikkoordinata tas-servizz tal-pjattaforma, b’impatt prevedibbli fuq is-saħħa, id-diskors ċiviku, il-proċessi elettorali, is-sigurtà pubblika u l-protezzjoni tal-minuri, filwaqt li tiġi kkunsidrata l-ħtieġa li jiġi salvagwardjat l-ordni pubbliku, tiġi protetta l-privatezza u jiġu miġġielda l-prattiki kummerċjali frodulenti u qarrieqa. Tali riskji jistgħu jinħolqu, pereżempju, permezz tal-ħolqien ta’ kontijiet foloz, l-użu ta’ bots, u imġiba awtomatika jew parzjalment awtomatika oħra, li jistgħu jwasslu għad-disseminazzjoni rapida u mifruxa ta’ informazzjoni li hija kontenut illegali jew inkompatibbli mat-termini u l-kundizzjonijiet ta’ pjattaforma online.

(58)Il-pjattaformi online kbar ħafna jenħtieġ li jużaw il-mezzi meħtieġa biex jimmitigaw b’mod diliġenti r-riskji sistemiċi identifikati fil-valutazzjoni tar-riskji. Għal dawn il-miżuri ta’ mitigazzjoni, il-pjattaformi online kbar ħafna jenħtieġ li jqisu, pereżempju, it-tisħiħ jew l-adattament b’mod ieħor tat-tfassil u tal-funzjonament tal-moderazzjoni tal-kontenut, tas-sistemi ta’ rakkomandazzjoni algoritmika u tal-interfaċċi online tagħhom, biex jiskoraġġixxu u jillimitaw id-disseminazzjoni ta’ kontenut illegali, l-adattament tal-proċessi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet tagħhom jew l-adattament tat-termini u l-kundizzjonijiet tagħhom. Jistgħu wkoll jinkludu miżuri korrettivi, bħal pereżempju d-diskontinwità tad-dħul mir-reklamar għal kontenut speċifiku, jew azzjonijiet oħrajn, bħat-titjib tal-viżibbiltà tas-sorsi ta’ informazzjoni awtorevoli. Il-pjattaformi online kbar ħafna jistgħu jsaħħu l-proċessi interni jew is-superviżjoni ta’ kull waħda mill-attivitajiet tagħhom b’mod partikolari fir-rigward tad-detezzjoni tar-riskji sistemiċi. Jistgħu wkoll jibdew jew iżidu l-kooperazzjoni mas-sinjalaturi fdati, jorganizzaw sessjonijiet ta’ taħriġ u skambji mal-organizzazzjonijiet tas-sinjalaturi fdati u jikkoperaw ma’ fornituri tas-servizzi oħrajn, inkluż billi jibdew jew jingħaqdu mal-kodiċijiet ta’ kondotta eżistenti jew miżuri awtoregolatorji oħra. Jenħtieġ li kwalunkwe miżuri adottati jkunu jirrispettaw ir-rekwiżiti ta’ diliġenza dovuta ta’ dan ir-Regolament u jkunu effettivi u xierqa għall-mitigazzjoni tar-riskji speċifiċi identifikati, fl-interess li jiġi salvagwardjat l-ordni pubbliku, tiġi protetta l-privatezza u jiġu miġġielda l-prattiki kummerċjali frodulenti u qarrieqa, u jenħtieġ li jkunu proporzjonati fid-dawl tal-kapaċità ekonomika tal-pjattaforma online kbira ħafna u fid-dawl tal-ħtieġa li jiġu evitati restrizzjonijiet mhux meħtieġa fuq l-użu tas-servizz tagħhom, filwaqt li jitqiesu kif dovut l-effetti negattivi potenzjali fuq id-drittijiet fundamentali tar-riċevituri tas-servizz.

(59)Fejn xieraq, jenħtieġ li l-pjattaformi online kbar ħafna jwettqu l-valutazzjonijiet tar-riskji tagħhom u jfasslu l-miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskji tagħhom bl-involviment tar-rappreżentanti tar-riċevituri tas-servizz, tar-rappreżentanti tal-gruppi potenzjalment milquta mis-servizzi tagħhom, ta’ esperti indipendenti u ta’ organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili.

(60)Minħabba l-ħtieġa li tiġi żgurata l-verifika minn esperti indipendenti, jenħtieġ li l-pjattaformi online kbar ħafna jkunu akkontabbli, permezz ta’ awditjar indipendenti, għall-konformità mal-obbligi stabbiliti f’dan ir-Regolament u, fejn rilevanti, ma’ kwalunkwe impenji kumplimentari meħuda skont il-kodiċijiet ta’ kondotta u l-protokolli għall-kriżijiet. Jenħtieġ li jagħtu aċċess lill-awditur għad-data rilevanti kollha meħtieġa għat-twettiq tal-awditu kif suppost. Jenħtieġ li l-awdituri jkunu jistgħu jużaw sorsi oħrajn ta’ informazzjoni oġġettiva, inkluż studji minn riċerkaturi verifikati. Jenħtieġ li l-awdituri jiggarantixxu l-kunfidenzjalità, is-sigurtà u l-integrità tal-informazzjoni, bħal pereżempju s-sigrieti kummerċjali, li jiksbu meta jkunu qed iwettqu l-kompiti tagħhom u jkollhom l-għarfien espert meħtieġ fil-qasam tal-ġestjoni tar-riskji u l-kompetenza teknika biex jawditjaw l-algoritmi. Jenħtieġ li l-awdituri jkunu indipendenti, biex ikunu jistgħu jwettqu l-kompiti tagħhom b’mod xieraq u affidabbli. Jekk ikun hemm dubju dwar l-indipendenza tagħhom, jenħtieġ li jirriżenjaw jew jastjenu mill-impenn ta’ awditu.

(61)Jenħtieġ li r-rapport dwar l-awditu jkun sostanzjat, biex jingħata rendikont sinifikattiv tal-attivitajiet imwettqa u l-konklużjonijiet misluta. Jenħtieġ li dan jgħin biex jinforma, u fejn xieraq jissuġġerixxi titjib fil-miżuri meħuda mill-pjattaforma online kbira ħafna biex tikkonforma mal-obbligi tagħhom skont dan ir-Regolament. Ir-rapport jenħtieġ li jiġi trażmess lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment u lill-Bord mingħajr dewmien, flimkien mal-valutazzjoni tar-riskji u l-miżuri ta’ mitigazzjoni, kif ukoll il-pjanijiet tal-pjattaforma biex tindirizza r-rakkomandazzjonijiet tal-awditu. Ir-rapport jenħtieġ ikun jinkludi opinjoni tal-awditu bbażata fuq il-konklużjonijiet misluta mill-evidenza tal-awditu miksuba. Jenħtieġ li tingħata opinjoni pożittiva meta l-evidenza kollha turi li l-pjattaforma online kbira ħafna tikkonforma mal-obbligi stabbiliti f’dan ir-Regolament jew, fejn applikabbli, ma’ kwalunkwe impenji li tkun ħadet skont kodiċi ta’ kondotta jew protokoll għall-kriżijiet, b’mod partikolari billi tidentifika, tevalwa u timmitiga r-riskji sistemiċi maħluqa mis-sistema u mis-servizzi tagħha. Meta l-awditur ikun jixtieq jinkludi rimarki li ma għandhomx effett sostanzjali fuq l-eżitu tal-awditu, mal-opinjoni pożittiva jenħtieġ jiżdiedu xi kummenti. Jenħtieġ li tingħata opinjoni negattiva meta l-awditur iqis li l-pjattaforma online kbira ħafna ma tikkonformax ma’ dan ir-Regolament jew mal-impenji meħuda.

(62)Parti ewlenija tan-negozju tal-pjattaforma online kbira ħafna huwa l-mod li bih l-informazzjoni tiġi prijoritizzata u ppreżentata fuq l-interfaċċa online tagħha biex jiġi ffaċilitat u ottimizzat l-aċċess għall-informazzjoni għar-riċevituri tas-servizz. Dan isir, pereżempju, billi l-informazzjoni tiġi ssuġġerita, klassifikata u prijoritizzata b’mod algoritmiku, u ssir distinzjoni fit-test jew f’rappreżentazzjonijiet viżivi oħra, jew billi l-informazzjoni pprovduta mir-riċevituri tiġi organizzata b’xi mod ieħor. Tali sistemi ta’ rakkomandazzjoni jistgħu jkollhom impatt sinifikanti fuq il-kapaċità tar-riċevituri li jiġbru u jinteraġixxu mal-informazzjoni online. Jaqdu wkoll rwol importanti fl-amplifikazzjoni ta’ ċerti messaġġi, fid-disseminazzjoni virali tal-informazzjoni u fl-istimolu tal-imġiba online. Konsegwentement, il-pjattaformi online kbar ħafna jenħtieġ li jiżguraw li r-riċevituri jiġu infurmati b’mod xieraq, u li jkunu jistgħu jinfluwenzaw l-informazzjoni ppreżentata lilhom. Jenħtieġ li jippreżentaw b’mod ċar il-parametri ewlenin għat-tali sistemi ta’ rakkomandazzjoni b’mod li jinftiehem faċilment biex jiżguraw li r-riċevituri jifhmu kif tiġi prijoritizzata l-informazzjoni għalihom. Jenħtieġ li jiżguraw ukoll li r-riċevituri jkollhom għażliet alternattivi għall-parametri ewlenin, inkluż għażliet li mhumiex ibbażati fuq it-tfassil ta’ profil tar-riċevitur.

(63)Is-sistemi tar-reklamar użati mill-pjattaformi online kbar ħafna joħolqu riskji partikolari u jirrikjedu superviżjoni pubblika u regolatorja ulterjuri minħabba l-iskala tagħhom u l-kapaċità tagħhom li jimmiraw u jilħqu r-riċevituri tas-servizz abbażi tal-imġiba tagħhom fi ħdan u barra mill-interfaċċa online ta’ dik il-pjattaforma. Jenħtieġ li l-pjattaformi online kbar ħafna jiżguraw l-aċċess pubbliku għar-repożitorji tar-reklami li jintwerew fuq l-interfaċċi online tagħhom biex jiffaċilitaw is-superviżjoni u r-riċerka dwar ir-riskji emerġenti maħluqa mid-distribuzzjoni tar-reklamar online, pereżempju b’rabta mar-reklami illegali jew mat-tekniki manipulattivi u d-diżinformazzjoni b’impatt negattiv reali u prevedibbli fuq is-saħħa pubblika, is-sigurtà pubblika, id-diskors ċivili, il-parteċipazzjoni politika u l-ugwaljanza. Ir-repożitorji jenħtieġ li jinkludu l-kontenut tar-reklami u d-data relatata dwar ir-reklamatur u t-twassil tar-reklam, b’mod partikolari meta jkun ikkonċernat ir-reklamar immirat.

(64)Biex tiġi sorveljata b’mod xieraq il-konformità tal-pjattaformi online kbar ħafna mal-obbligi stabbiliti f’dan ir-Regolament, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment jew il-Kummissjoni jistgħu jirrikjedu l-aċċess għal data speċifika jew rappurtar dwarha. Tali rekwiżit jista’ jinkludi, pereżempju, id-data meħtieġa biex jiġu vvalutati r-riskji u d-danni possibbli maħluqa mis-sistemi tal-pjattaforma, data dwar l-akkuratezza, il-funzjonament u l-ittestjar tas-sistemi algoritmiċi għall-moderazzjoni tal-kontenut, tas-sistemi ta’ rakkomandazzjoni jew tas-sistemi tar-reklamar, jew data dwar il-proċessi u l-outputs tal-moderazzjoni tal-kontenut jew tas-sistemi interni għall-immaniġġjar tal-ilmenti skont it-tifsira ta’ dan ir-Regolament. L-investigazzjonijiet tar-riċerkaturi dwar l-evoluzzjoni u s-severità tar-riskji sistemiċi online huma partikolarment importanti biex jitnaqqsu l-asimmetriji tal-informazzjoni u biex tiġi stabbilita sistema reżiljenti għall-mitigazzjoni tar-riskji, biex jiġu infurmati l-pjattaformi online, il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali, awtoritajiet kompetenti oħra, il-Kummissjoni u l-pubbliku. Għalhekk ir-Regolament jipprevedi qafas li jobbliga lill-pjattaformi online kbar ħafna jagħtu aċċess għad-data lir-riċerkaturi verifikati. Ir-rekwiżiti kollha għall-aċċess għad-data skont dak il-qafas jenħtieġ li jkunu proporzjonati u jipproteġu b’mod xieraq id-drittijiet u l-interessi leġittimi, inkluż is-sigrieti kummerċjali u informazzjoni kunfidenzjali oħra, tal-pjattaforma u ta’ partijiet oħra kkonċernati, inkluż ir-riċevituri tas-servizz.

(65)Minħabba l-kumplessità tal-funzjonament tas-sistemi użati u r-riskji sistemiċi li joħolqu lis-soċjetà, jenħtieġ li l-pjattaformi online kbar ħafna jaħtru uffiċjali għall-konformità, li jenħtieġ ikollhom il-kwalifiki meħtieġa biex jagħmlu l-miżuri operattivi u jimmonitorjaw il-konformità ma’ dan ir-Regolament fi ħdan l-organizzazzjoni tal-pjattaforma. Il-pjattaformi online kbar ħafna jenħtieġ jiżguraw li l-uffiċjal għall-konformità jkun involut, kif xieraq u mingħajr dewmien, fil-kwistjonijiet kollha relatati ma’ dan ir-Regolament. Fid-dawl tar-riskji addizzjonali relatati mal-attivitajiet tagħhom u l-obbligi addizzjonali tagħhom skont dan ir-Regolament, ir-rekwiżiti l-oħra ta’ trasparenza stabbiliti f’dan ir-Regolament jenħtieġ li jiġu kkumplimentati b’rekwiżiti addizzjonali ta’ trasparenza applikabbli speċifikament għall-pjattaformi online kbar ħafna, b’mod partikolari biex jirrapportaw dwar il-valutazzjonijiet tar-riskji mwettqa u dwar miżuri sussegwenti adottati kif previst f’dan ir-Regolament.

(66)Biex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni effettiva u konsistenti tal-obbligi f’dan ir-Regolament li jistgħu jirrikjedu implimentazzjoni permezz ta’ mezzi teknoloġiċi, huwa importanti li jiġu promossi standards volontarji tal-industrija li jkopru ċerti proċeduri tekniċi, fejn l-industrija tista’ tgħin biex jiġu żviluppati mezzi standardizzati biex wieħed jikkonforma ma’ dan ir-Regolament, bħal pereżempju billi jippermettu s-sottomissjoni ta’ avviżi, inkluż permezz ta’ interfaċċi għall-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet, jew dwar l-interoperabbiltà tar-repożitorji tar-reklamar. Tali standards jistgħu b’mod partikolari jkunu utli għal fornituri relattivament żgħar tas-servizzi intermedjarji. L-istandards jistgħu jiddistingwu bejn tipi differenti ta’ kontenut illegali jew tipi differenti ta’ servizzi intermedjarji, kif xieraq.

(67)Il-Kummissjoni u l-Bord jenħtieġ li jinkoraġġixxu t-tfassil ta’ kodiċijiet ta’ kondotta biex jikkontribwixxu għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Filwaqt li l-implimentazzjoni tal-kodiċijiet ta’ kondotta jenħtieġ li tkun tista’ titkejjel u tkun soġġetta għas-sorveljanza pubblika, dan jenħtieġ li ma jtellifx in-natura volontarja ta’ tali kodiċijiet u l-libertà tal-partijiet interessati li jiddeċiedu jekk iridux jipparteċipaw. F’ċerti ċirkostanzi, huwa importanti li l-pjattaformi online kbar ħafna jikkooperaw fit-tfassil u jaderixxu ma’ kodiċijiet speċifiċi ta’ kondotta. L-ebda ħaġa f’dan ir-Regolament ma tipprevjeni lil fornituri oħra tas-servizz milli jaderixxu mal-istess standards ta’ diliġenza dovuta, milli jadottaw l-aqwa prattiki u milli jibbenefikaw mill-gwida pprovduta mill-Kummissjoni u mill-Bord, billi jipparteċipaw fl-istess kodiċijiet ta’ kondotta.

(68)Huwa xieraq li dan ir-Regolament jidentifika ċerti oqsma ta’ kunsiderazzjoni għal tali kodiċijiet ta’ kondotta. B’mod partikolari, il-miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskji dwar tipi speċifiċi ta’ kontenut illegali jenħtieġ li jiġu eżaminati permezz ta’ ftehimiet awtoregolatorji u koregolatorji. Qasam ieħor li jrid jiġi kkunsidrat huwa l-impatti negattivi possibbli tar-riskji sistemiċi fuq is-soċjetà u fuq id-demokrazija, bħal pereżempju d-diżinformazzjoni jew l-attivitajiet manipulattivi u abbużivi. Dan jinkludi operazzjonijiet koordinati bil-mira li jamplifikaw l-informazzjoni, inkluż id-diżinformazzjoni, bħal pereżempju l-użu ta’ bots jew kontijiet foloz għall-ħolqien ta’ informazzjoni falza jew qarrieqa, xi kultant bl-iskop li jinkiseb gwadann ekonomiku, li huma partikolarment dannużi għar-riċevituri vulnerabbli tas-servizz, bħal pereżempju t-tfal. B’rabta ma’ tali oqsma, l-aderenza u l-konformità ma’ kodiċi ta’ kondotta speċifiku minn pjattaforma online kbira ħafna jistgħu jitqiesu bħala miżura xierqa għall-mitigazzjoni tar-riskji. Ir-rifjut mingħajr spjegazzjonijiet xierqa minn pjattaforma online tat-talba tal-Kummissjoni biex tipparteċipa fl-applikazzjoni ta’ tali kodiċi ta’ kondotta jista’ jitqies, fejn rilevanti, meta jkun qed jiġi determinat jekk il-pjattaforma online tkunx kisret l-obbligi stabbiliti f’dan ir-Regolament.

(69)Ir-regoli dwar il-kodiċijiet ta’ kondotta skont dan ir-Regolament jistgħu jservu bħala bażi għal sforzi awtoregolatorji diġà stabbiliti fil-livell tal-Unjoni, inkluż il-Wegħda dwar is-Sikurezza tal-Prodott, il-Memorandum ta’ Qbil kontra l-oġġetti kontrafatti, il-Kodiċi ta’ Kondotta kontra d-diskors ta’ mibegħda illegali kif ukoll il-Kodiċi ta’ Prattika dwar id-Diżinformazzjoni. B’mod partikolari għal dan tal-aħħar, il-Kummissjoni se toħroġ gwida għat-tisħiħ tal-Kodiċi ta’ Prattika dwar id-Diżinformazzjoni kif imħabbar fil-Pjan ta’ Azzjoni għad-Demokrazija Ewropea.

(70)Il-provvista ta’ reklamar online ġeneralment tinvolvi bosta atturi, inkluż servizzi intermedjarji li jikkollegaw il-pubblikaturi tar-reklamar mar-reklamaturi. Jenħtieġ li l-kodiċijiet ta’ kondotta jappoġġaw u jikkumplimentaw l-obbligi ta’ trasparenza relatati mar-reklamar għall-pjattaformi online u għall-pjattaformi online kbar ħafna stabbiliti f’dan ir-Regolament biex jiġu previsti mekkaniżmi flessibbli u effettivi biex tiġi ffaċilitata u msaħħa l-konformità ma’ dawn l-obbligi, b’mod partikolari fir-rigward tal-modalitajiet tat-trażmissjoni tal-informazzjoni rilevanti. L-involviment ta’ firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati jenħtieġ li jiżgura li dawk il-kodiċijiet ta’ kondotta jiġu appoġġat b’mod mifrux, ikunu teknikament sodi, effettivi u joffru l-ogħla livelli ta’ faċilità tal-użu għall-utent biex jiġi żgurat li l-obbligi ta’ trasparenza jiksbu l-objettivi tagħhom.

(71)Fil-każ ta’ ċirkostanzi straordinarji li jaffettwaw is-sigurtà pubblika jew is-saħħa pubblika, il-Kummissjoni tista’ tagħti bidu għat-tfassil ta’ protokolli għall-kriżijiet biex tikkoordina rispons rapidu, kollettiv u transfruntier fl-ambjent online. Iċ-ċirkostanzi straordinarji jistgħu jinkludu kwalunkwe avveniment mhux prevedibbli, bħal pereżempju terremoti, uragani, pandemiji u theddid serju transfruntier ieħor għas-saħħa pubblika, gwerer u atti ta’ terroriżmu, fejn, pereżempju, il-pjattaformi online jistgħu jintużaw ħażin għad-disseminazzjoni rapida ta’ kontenut illegali jew għad-diżinformazzjoni jew fejn rapida ta’ informazzjoni affidabbli. Fid-dawl tar-rwol importanti tal-pjattaformi online kbar ħafna fid-disseminazzjoni ta’ informazzjoni fis-soċjetajiet tagħna u bejn il-fruntieri, tali pjattaformi jenħtieġ li jitħeġġu biex ifasslu u japplikaw protokolli speċifiċi għall-kriżijiet. Tali protokolli għall-kriżijiet jenħtieġ li jiġu attivati għal perjodu limitat ta’ żmien biss u l-miżuri adottati jenħtieġ li jkunu limitati wkoll għal dak li huwa strettament meħtieġ biex tiġi indirizzata ċ-ċirkostanza straordinarja. Dawn il-miżuri jenħtieġ li jkunu konsistenti ma’ dan ir-Regolament, u jenħtieġ li ma jammontawx għal obbligu ġenerali għall-pjattaformi online kbar ħafna parteċipanti biex jimmonitorjaw l-informazzjoni li jittrażmettu jew li jaħżnu, u lanqas biex ifittxu attivament fatti jew ċirkostanzi li jindikaw kontenut illegali.

(72)Il-kompitu tal-iżgurar ta’ sorveljanza u infurzar xierqa tal-obbligi stabbiliti f’dan ir-Regolament jenħtieġ li fil-prinċipju jiġi attribwit lill-Istati Membri. Għal dan il-għan, jenħtieġ li jaħtru mill-inqas awtorità waħda bil-kompitu li tapplika u tinforza dan ir-Regolament. Madankollu, l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jinkarigaw aktar minn awtorità kompetenti waħda, b’kompiti speċifiċi ta’ sorveljanza jew ta’ infurzar u b’kompetenzi dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, pereżempju għal setturi speċifiċi, bħar-regolaturi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, ir-regolaturi tal-midja jew l-awtoritajiet tal-protezzjoni tal-konsumatur, filwaqt li jirriflettu l-istruttura domestika kostituzzjonali, organizzattiva u amministrattiva tagħhom.

(73)Minħabba n-natura transfruntiera tas-servizzi inkwistjoni u l-firxa orizzontali tal-obbligi introdotti b’dan ir-Regolament, l-awtorità maħtura bil-kompitu li tissorvelja l-applikazzjoni u, fejn meħtieġ, tinforza dan ir-Regolament jenħtieġ li tiġi identifikata bħala Koordinatur tas-Servizzi Diġitali f’kull Stat Membru. Meta tinħatar aktar minn awtorità kompetenti waħda biex tapplika u tinforza dan ir-Regolament, jenħtieġ li awtorità waħda biss f’dak l-Istat Membru tiġi identifikata bħala Koordinatur tas-Servizzi Diġitali. Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jenħtieġ li jaġixxi bħala l-punt uniku ta’ kuntatt fir-rigward tal-kwistjonijiet kollha relatati mal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għall-Kummissjoni, għall-Bord, għall-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali ta’ Stati Membri oħra, kif ukoll għal awtoritajiet kompetenti oħra tal-Istat Membru inkwistjoni. B’mod partikolari, meta bosta awtoritajiet kompetenti jiġu inkarigati b’kompiti skont dan ir-Regolament fi Stat Membru speċifiku, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jenħtieġ li jikkoordina u jikkoopera ma’ dawk l-awtoritajiet f’konformità mal-liġi nazzjonali li tistabbilixxi l-kompiti rispettivi tagħhom, u jenħtieġ li jiżgura involviment effettiv tal-awtoritajiet rilevanti kollha fis-superviżjoni u l-infurzar fil-livell tal-Unjoni.

(74)Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali, kif ukoll awtoritajiet kompetenti oħra deżinjati skont dan ir-Regolament, jaqdu rwol kruċjali fl-iżgurar tal-effettività tad-drittijiet u tal-obbligi stabbiliti f’dan ir-Regolament u fil-kisba tal-objettivi tiegħu. Għaldaqstant, huwa meħtieġ li jiġi żgurat li dawk l-awtoritajiet jaġixxu b’indipendenza sħiħa mill-korpi privati u pubbliċi, mingħajr l-obbligu jew il-possibbiltà li jfittxu jew li jirċievu struzzjonijiet, inkluż mill-gvern, mingħajr preġudizzju għad-dmirijiet speċifiċi li jikkooperaw ma’ awtoritajiet kompetenti oħra, mal-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali, mal-Bord u mal-Kummissjoni. Min-naħa l-oħra, jenħtieġ li l-indipendenza ta’ dawn l-awtoritajiet ma tkunx tfisser li ma jistgħux ikunu soġġetti, f’konformità mal-kostituzzjonijiet nazzjonali u mingħajr ma tiġi pperikolata l-kisba tal-objettivi ta’ dan ir-Regolament, għal mekkaniżmi nazzjonali ta’ kontroll jew ta’ monitoraġġ fir-rigward tan-nefqa finanzjarja tagħhom jew għal stħarriġ ġudizzjarju, jew li jenħtieġ ma jkollhomx il-possibbiltà li jikkonsultaw ma’ awtoritajiet nazzjonali oħra inkluż l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jew l-awtoritajiet tal-ġestjoni tal-kriżijiet, fejn xieraq.

(75)L-Istati Membri jistgħu iddeżinjaw awtorità nazzjonali eżistenti bil-funzjoni tal-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali, jew b’kompiti speċifiċi biex tapplika u tinforza dan ir-Regolament, diment li kwalunkwe awtorità maħtura bħal din tikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament, bħal pereżempju fir-rigward tal-indipendenza tagħha. Barra minn hekk, fil-prinċipju, l-Istati Membri mhumiex preklużi milli jamalgamaw il-funzjonijiet fi ħdan awtorità eżistenti, f’konformità mal-liġi tal-Unjoni. Il-miżuri għal dak il-għan jistgħu jinkludu, inter alia, il-preklużjoni li jitkeċċa l-President jew membru tal-bord ta’ korp kolleġġjali ta’ awtorità eżistenti qabel l-iskadenza tal-mandat tagħhom, għall-unika raġuni li twettqet riforma istituzzjonali li tinvolvi l-amalgamazzjoni ta’ funzjonijiet differenti fi ħdan awtorità waħda, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe regoli li jiggarantixxu li tali tkeċċija ma tipperikolax l-indipendenza u l-imparzjalità ta’ tali membri.

(76)Fin-nuqqas ta’ rekwiżiti ġenerali għall-fornituri tas-servizzi intermedjarji biex jiżguraw preżenza fiżika fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri, hemm il-ħtieġa li tiġi żgurata ċarezza dwar liema Stat Membru għandu ġurisdizzjoni fuq dawk il-fornituri għall-finijiet ta’ infurzar tar-regoli stabbiliti fil-Kapitoli III u IV mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Jenħtieġ li fornitur ikun fil-ġurisdizzjoni tal-Istat Membru fejn tinsab is-sede prinċipali tiegħu, jiġifieri, fejn il-fornitur ikollu l-uffiċċju prinċipali jew l-uffiċċju reġistrat li fih jiġu eżerċitati l-funzjonijiet finanzjarji ewlenin u l-kontroll operattiv. Fir-rigward tal-fornituri li ma għandhomx stabbiliment fl-Unjoni iżda li joffru servizzi fl-Unjoni u għalhekk jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, l-Istat Membru fejn dawk il-fornituri jkunu ħatru r-rappreżentant legali tagħhom jenħtieġ li jkollu l-ġurisdizzjoni, filwaqt li titqies il-funzjoni tar-rappreżentanti legali skont dan ir-Regolament. Madankollu, fl-interess tal-applikazzjoni effettiva ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Istati Membri kollha jkollhom ġurisdizzjoni fir-rigward tal-fornituri li naqsu milli jiddeżinjaw rappreżentant legali, diment li jiġi rispettat il-prinċipju ne bis in idem. Għal dak il-għan, jenħtieġ li kull Stat Membru li jeżerċita ġurisdizzjoni fir-rigward ta’ tali fornituri, mingħajr dewmien żejjed, jinforma lill-Istati Membri l-oħra kollha bil-miżuri li jkunu ħadu fl-eżerċizzju ta’ dik il-ġurisdizzjoni.

(77)Jenħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali, u lil kwalunkwe awtorità kompetenti oħra deżinjati skont dan ir-Regolament, setgħat u mezzi suffiċjenti biex jiżguraw investigazzjoni u infurzar effettivi. B’mod partikolari jenħtieġ li l-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali jkunu jistgħu jfittxu u jiksbu informazzjoni li tinsab fit-territorju tagħhom, inkluż fil-kuntest ta’ investigazzjoni konġunti, b’kunsiderazzjoni dovuta għall-fatt li l-miżuri ta’ sorveljanza u ta’ infurzar dwar fornitur fil-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru ieħor jenħtieġ li jiġu adottati mill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor, fejn rilevanti f’konformità mal-proċeduri relatati mal-kooperazzjoni transfruntiera.

(78)Jenħtieġ li fil-liġi nazzjonali tagħhom, f’konformità mal-liġi tal-Unjoni u b’mod partikolari dan ir-Regolament u l-Karta, l-Istati Membri jistabbilixxu l-kundizzjonijiet u l-limiti dettaljati għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ investigazzjoni u ta’ infurzar tal-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali tagħhom, u ta’ awtoritajiet kompetenti oħra fejn rilevanti, skont dan ir-Regolament.

(79)Matul l-eżerċizzju ta’ dawk is-setgħat, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jikkonformaw mar-regoli nazzjonali applikabbli dwar il-proċeduri u kwistjonijiet bħal pereżempju l-ħtieġa għal awtorizzazzjoni ġudizzjarja minn qabel biex wieħed jidħol f’ċertu bini u l-privileġġ professjonali legali. B’mod partikolari jenħtieġ li dawk id-dispożizzjonijiet jiżguraw ir-rispett għad-drittijiet fundamentali għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali, inkluż id-drittijiet ta’ difiża, u d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata. F’dan ir-rigward, il-garanziji previsti b’rabta mal-proċedimenti tal-Kummissjoni skont dan ir-Regolament jistgħu jservu bħala punt ta’ referenza xieraq. Jenħtieġ li proċedura minn qabel, ġusta u imparzjali tkun garantita qabel ma tittieħed kwalunkwe deċiżjoni finali, inkluż id-dritt ta’ smigħ tal-persuni kkonċernati, u d-dritt li jkollhom aċċess għall-fajl, filwaqt li jiġu rispettati l-kunfidenzjalità u s-sigrieti professjonali u kummerċjali, kif ukoll l-obbligu li jingħataw raġunijiet sinifikattivi għad-deċiżjonijiet. Madankollu, dan jenħtieġ li ma jipprekludix it-teħid ta’ miżuri f’każijiet ta’ urġenza sostanzjati kif dovut u soġġett għal kundizzjonijiet u arranġament proċedurali xierqa. Jenħtieġ li l-eżerċizzju tas-setgħat ikun ukoll proporzjonat għal, inter alia, in-natura u d-dannu ġenerali reali jew potenzjali kkawżat mill-ksur jew mill-ksur issuspettat. Fil-prinċipju, jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jqisu l-fatti u ċ-ċirkostanzi rilevanti kollha tal-każ, inkluż l-informazzjoni miġbura mill-awtoritajiet kompetenti fi Stati Membri oħra.

(80)Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-ksur tal-obbligi stabbiliti f’dan ir-Regolament ikunu jistgħu jiġu sanzjonati b’mod li jkun effettiv, proporzjonat u dissważiv, filwaqt li jitqiesu n-natura, is-serjetà, ir-rikorrenza u t-tul tal-ksur, fid-dawl tal-interess pubbliku segwit, l-ambitu u t-tip ta’ attivitajiet imwettqa, kif ukoll il-kapaċità ekonomika tal-kontraventur. B’mod partikolari, jenħtieġ li l-penali jqisu jekk il-fornituri tas-servizzi intermedjarji kkonċernat jonqosx sistematikament jew b’mod rikorrenti milli jikkonforma mal-obbligi tiegħu li jirriżultaw minn dan ir-Regolament, kif ukoll, fejn rilevanti, jekk il-fornitur huwiex attiv f’bosta Stati Membri.

(81)Biex jiġi żgurat infurzar effettiv ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-individwi jew l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi jkunu jistgħu jressqu kwalunkwe ilment relatat mal-konformità ma’ dan ir-Regolament lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali fit-territorju fejn ikunu rċevew is-servizz, mingħajr preġudizzju għar-regoli dwar il-ġurisdizzjoni ta’ dan ir-Regolament. Jenħtieġ li l-ilmenti jipprovdu ħarsa ġenerali preċiża tat-tħassib relatat mal-konformità ta’ fornitur partikolari tas-servizzi intermedjarji u jistgħu wkoll jinfurmaw lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali dwar kwistjonijiet trasversali oħrajn. Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jenħtieġ li jinvolvi awtoritajiet nazzjonali kompetenti oħra kif ukoll il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali ta’ Stat Membru ieħor, u b’mod partikolari dak tal-Istat Membru fejn ikun stabbilit il-fornitur tas-servizzi intermedjarji kkonċernat, jekk il-kwistjoni tirrikjedi kooperazzjoni transfruntiera.

(82)Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali jkunu jistgħu jieħdu miżuri li huma effettivi fl-indirizzar ta’ ċertu ksur partikolarment serju u persistenti u proporzjonati għalihom. Speċjalment meta dawk il-miżuri jistgħu jaffettwaw id-drittijiet u l-interessi tal-partijiet terzi, kif jista’ jkun il-każ b’mod partikolari meta l-aċċess għall-interfaċċi online jkun ristrett, huwa xieraq li jiġi rikjest li l-miżuri jiġu ordnati minn awtorità ġudizzjarja kompetenti fuq talba tal-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali u jkunu soġġetti għal salvagwardji addizzjonali. B’mod partikolari, jenħtieġ li l-partijiet terzi potenzjalment affettwati jingħataw l-opportunità li jinstemgħu u tali ordnijiet jenħtieġ li jinħarġu biss meta s-setgħat biex jittieħdu tali miżuri kif previst minn atti oħra tal-liġi tal-Unjoni u mil-liġi nazzjonali, pereżempju biex jiġu protetti l-interessi kollettivi tal-konsumaturi, biex tiġi żgurata t-tneħħija immedjata ta’ paġni web li fihom jew ixerrdu l-pornografija tat-tfal, jew biex jiġi diżattivat l-aċċess għas-servizzi li qed jintużaw minn parti terza biex tikser dritt ta’ proprjetà intellettwali, ma jkunux disponibbli b’mod raġonevoli.

(83)Tali ordni biex jiġi ristrett l-aċċess jenħtieġ li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq l-objettiv tagħha. Għal dak l-iskop, jenħtieġ li din tkun temporanja u tiġi indirizzata fil-prinċipju lil fornitur tas-servizzi intermedjarji, bħal pereżempju l-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting rilevanti, il-fornitur tas-servizz tal-internet jew ir-reġistru jew ir-reġistratur tad-dominju, li jkun f’pożizzjoni raġonevoli biex jikseb dak l-objettiv mingħajr ma jirrestrinġi bla bżonn l-aċċess għall-informazzjoni legali.

(84)Jenħtieġ li l-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jippubblika b’mod regolari rapport dwar l-attivitajiet imwettqa skont dan ir-Regolament. Minħabba li l-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jiġi mgħarraf ukoll dwar l-ordnijiet biex tittieħed azzjoni kontra kontenut illegali jew biex tiġi pprovduta informazzjoni, kif regolati minn dan ir-Regolament, bis-sistema ta’ kondiviżjoni tal-informazzjoni, jenħtieġ li fir-rapport annwali tiegħu l-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jinkludi l-għadd u l-kategoriji ta’ dawn l-ordnijiet indirizzati lill-fornituri tas-servizzi intermedjarji maħruġa mill-awtoritajiet ġudizzjarji u amministrattivi fl-Istat Membru tiegħu.

(85)Meta Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jitlob lil Koordinatur tas-Servizzi Diġitali ieħor biex jieħu azzjoni, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali li jagħmel it-talba, jew il-Bord fil-każ li jkun ħareġ rakkomandazzjoni biex jiġu vvalutati kwistjonijiet li jinvolvu aktar minn tliet Stati Membri, jenħtieġ li jkun jista’ jirreferi l-kwistjoni lill-Kummissjoni fil-każ ta’ kwalunkwe nuqqas ta’ qbil fir-rigward tal-valutazzjonijiet jew tal-miżuri meħuda jew li ġew proposti, jew nuqqas li jiġu adottati xi miżuri. Għaldaqstant, abbażi tal-informazzjoni magħmula disponibbli mill-awtoritajiet ikkonċernati, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ titlob lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali kompetenti biex jivvaluta mill-ġdid il-kwistjoni u jieħu l-miżuri meħtieġa biex tiġi żgurata l-konformità f’perjodu ta’ żmien definit. Din il-possibbiltà hija mingħajr preġudizzju għad-dmir ġenerali tal-Kummissjoni li tissorvelja l-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni fil-kontroll tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea f’konformità mat-Trattati, u fejn meħtieġ tinfurzaha. Nuqqas mill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment li jieħu kwalunkwe miżuri skont talba bħal din jista’ wkoll iwassal għall-intervent tal-Kummissjoni skont it-Taqsima 3 tal-Kapitolu IV ta’ dan ir-Regolament, meta l-kontraventur suspettat ikun pjattaforma online kbira ħafna.

(86)Biex jiġu ffaċilitati s-superviżjoni transfruntiera u l-investigazzjonijiet li jinvolvu bosta Stati Membri, jenħtieġ li l-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali jkunu jistgħu jipparteċipaw, b’mod permanenti jew temporanju, f’attivitajiet konġunti ta’ sorveljanza jew ta’ investigazzjoni li jirrigwardaw il-kwistjonijiet koperti minn dan ir-Regolament. Dawk l-attivitajiet jistgħu jinkludu awtoritajiet kompetenti oħra u jistgħu jkopru bosta kwistjonijiet, li jvarjaw minn eżerċizzji kkoordinati għall-ġbir tad-data, għal talbiet għall-informazzjoni jew għal spezzjonijiet fl-istabbilimenti, skont il-limiti u l-ambitu tas-setgħat disponibbli għal kull awtorità parteċipanti. Il-Bord jista’ jintalab jipprovdi parir b’rabta ma’ dawk l-attivitajiet, pereżempju billi jipproponi pjanijiet direzzjonali u skedi ta’ żmien għall-attivitajiet jew jipproponi task forces ad hoc bil-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet involuti.

(87)Fid-dawl tal-isfidi partikolari li jistgħu jitfaċċaw fir-rigward tal-valutazzjoni u tal-iżgurar tal-konformità ta’ pjattaforma online kbira ħafna, pereżempju relatati mal-iskala jew mal-kumplessità ta’ ksur suspettat jew mal-ħtieġa għal għarfien espert jew kapaċitajiet partikolari fil-livell tal-Unjoni, jenħtieġ li l-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali jkollhom il-possibbiltà li jitolbu lill-Kummissjoni, b’mod volontarju, biex tintervjeni u teżerċita s-setgħat tagħha ta’ investigazzjoni u ta’ infurzar skont dan ir-Regolament.

(88)Biex tiġi żgurata applikazzjoni konsistenti ta’ dan ir-Regolament, huwa meħtieġ li jiġi stabbilit grupp konsultattiv indipendenti fil-livell tal-Unjoni, li jenħtieġ jappoġġa lill-Kummissjoni u jgħin fil-koordinazzjoni tal-azzjonijiet tal-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali. Jenħtieġ li l-Bord Ewropew għas-Servizzi Diġitali jkun jikkonsisti mill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali fil-laqgħat tiegħu jistiednu jew jaħtru delegati ad hoc minn awtoritajiet kompetenti oħra inkarigati b’kompiti speċifiċi skont dan ir-Regolament, meta dak ikun meħtieġ skont l-allokazzjoni nazzjonali tagħhom tal-kompiti u tal-kompetenzi. Fil-każ ta’ parteċipanti multipli minn Stat Membru wieħed, jenħtieġ li d-dritt tal-vot jibqa’ limitat għal rappreżentant wieħed għal kull Stat Membru.

(89)Jenħtieġ li l-Bord jikkontribwixxi għall-kisba ta’ perspettiva komuni tal-Unjoni dwar l-applikazzjoni konsistenti ta’ dan ir-Regolament u għall-kooperazzjoni fost l-awtoritajiet kompetenti, inkluż billi jagħti parir lill-Kummissjoni u lill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali dwar miżuri xierqa ta’ investigazzjoni u ta’ infurzar, b’mod partikolari fir-rigward tal-pjattaformi online kbar ħafna. Jenħtieġ li l-Bord jikkontribwixxi wkoll għat-tfassil ta’ mudelli rilevanti u kodiċijiet ta’ kondotta, u janalizza x-xejriet ġenerali emerġenti fl-iżvilupp tas-servizzi diġitali fl-Unjoni.

(90)Għal dak il-għan, jenħtieġ li l-Bord ikun jista’ jadotta opinjonijiet, talbiet u rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali jew lil awtoritajiet kompetenti oħra. Għalkemm dawn mhumiex legalment vinkolanti, id-deċiżjoni ta’ deroga minnhom jenħtieġ tkun spjegata sew u tkun tista’ titqies mill-Kummissjoni fil-valutazzjoni tal-konformità tal-Istat Membru kkonċernat ma’ dan ir-Regolament.

(91)Jenħtieġ li l-Bord jiġbor flimkien ir-rappreżentanti tal-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali u ta’ awtoritajiet kompetenti oħra possibbli taħt il-presidenza tal-Kummissjoni, fid-dawl li jiżgura valutazzjoni tal-kwistjonijiet sottomessi lilu f’dimensjoni kompletament Ewropea. Fid-dawl ta’ elementi trasversali possibbli li jistgħu jkunu ta’ rilevanza għal oqfsa regolatorji oħra fil-livell tal-Unjoni, jenħtieġ li l-Bord jitħalla jikkoopera ma’ korpi, uffiċċji, aġenziji u gruppi konsultattivi oħra tal-Unjoni b’responsabbiltajiet f’oqsma bħal pereżempju l-ugwaljanza, inkluż l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, u n-nondiskriminazzjoni, il-protezzjoni tad-data, il-komunikazzjonijiet elettroniċi, is-servizzi awdjoviżivi, id-detezzjoni u l-investigazzjoni tal-frodi kontra l-baġit tal-UE fir-rigward tad-dazji doganali, jew il-protezzjoni tal-konsumatur, kif meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tiegħu.

(92)Il-Kummissjoni, permezz tal-President, jenħtieġ li tipparteċipa fil-Bord mingħajr drittijiet tal-vot. Permezz tal-President, il-Kummissjoni jenħtieġ li tiżgura li l-aġenda tal-laqgħat tiġi stabbilita f’konformità mat-talbiet tal-membri tal-Bord kif stipulat fir-regoli ta’ proċedura u f’konformità mal-kompiti tal-Bord stabbiliti f’dan ir-Regolament.

(93)Fid-dawl tal-ħtieġa li jiġi żgurat appoġġ għall-attivitajiet tal-Bord, jenħtieġ li l-Bord ikun jista’ jiddependu fuq l-għarfien espert u r-riżorsi umani tal-Kummissjoni u tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. L-arranġamenti operattivi speċifiċi għall-funzjonament intern tal-Bord jenħtieġ li jiġu speċifikati ulterjorment fir-regoli ta’ proċedura tal-Bord.

(94)Minħabba l-importanza tal-pjattaformi online kbar ħafna, fid-dawl tal-ilħuq u tal-impatt tagħhom, in-nuqqas tagħhom li jikkonformaw mal-obbligi speċifiċi applikabbli għalihom jista’ jaffettwa għadd sostanzjali ta’ riċevituri tas-servizzi fi Stati Membri differenti u jista’ jikkawża danni soċjetali kbar, filwaqt li tali nuqqas jista’ jkun partikolarment kumpless biex jiġi identifikat u indirizzat.

(95)Għalhekk, biex jiġi indirizzat dak it-tħassib ta’ politika pubblika, huwa meħtieġ li tiġi prevista sistema ta’ superviżjoni u infurzar imsaħħa fil-livell tal-Unjoni. Ladarba jiġi identifikat ksur ta’ waħda mid-dispożizzjonijiet li japplikaw biss għall-pjattaformi online kbar ħafna, pereżempju wara investigazzjonijiet individwali jew konġunti, awditjar jew ilmenti, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment, b’inizjattiva tiegħu stess jew fuq il-parir tal-Bord, jenħtieġ li jimmonitorja kwalunkwe miżura sussegwenti meħuda mill-pjattaforma online kbira ħafna kkonċernata kif stabbilit fil-pjan ta’ azzjoni tagħha. Dan il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jenħtieġ li jkun jista’ jitlob, fejn xieraq, li jitwettaq awditu addizzjonali speċifiku, b’mod volontarju, biex jiġi stabbilit jekk dawk il-miżuri humiex suffiċjenti biex jindirizzaw il-ksur. Fi tmiem dik il-proċedura, jenħtieġ li jinforma lill-Bord, lill-Kummissjoni u lill-pjattaforma kkonċernata bil-fehmiet tiegħu dwar jekk dik il-pjattaforma indirizzatx il-ksur, filwaqt li jispeċifika b’mod partikolari l-kondotta rilevanti u l-valutazzjoni tiegħu ta’ kwalunkwe miżuri meħuda. Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jenħtieġ li jwettaq ir-rwol tiegħu skont din is-sistema komuni fil-ħin u b’mod li jikkunsidra sew kwalunkwe opinjonijiet u parir ieħor tal-Bord.

(96)Meta l-ksur tad-dispożizzjoni li tapplika biss għall-pjattaformi online kbar ħafna ma jkunx indirizzat b’mod effettiv minn dik il-pjattaforma skont il-pjan ta’ azzjoni, il-Kummissjoni biss tista’, b’inizjattiva tagħha stess jew skont parir tal-Bord, tiddeċiedi li tinvestiga ulterjorment il-ksur ikkonċernat u l-miżuri li ħadet il-pjattaforma sussegwentement, bl-esklużjoni tal-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment. Wara li tkun wettqet l-investigazzjonijiet meħtieġa, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ toħroġ deċiżjonijiet li jikkonkludu li kien hemm ksur u li timponi sanzjonijiet fir-rigward ta’ pjattaformi online kbar ħafna fejn dak ikun ġustifikat. Jenħtieġ ukoll li jkollha possibbiltà li tintervjeni f’sitwazzjonijiet transfruntieri fejn il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment ma jkun ħa l-ebda miżura minkejja t-talba tal-Kummissjoni, jew f’sitwazzjonijiet fejn il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment innifsu jkun talab lill-Kummissjoni tintervjeni, fir-rigward ta’ ksur ta’ kwalunkwe dispożizzjoni oħra ta’ dan ir-Regolament imwettaq minn pjattaforma online kbira ħafna.

(97)Jenħtieġ li l-Kummissjoni tibqa’ libera li tiddeċiedi jekk tixtieqx tintervjeni fi kwalunkwe waħda mis-sitwazzjonijiet fejn għandha s-setgħa tintervjeni skont dan ir-Regolament. Ladarba l-Kummissjoni tkun tat bidu għall-proċedimenti, il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment ikkonċernati jenħtieġ li jiġu preklużi milli jeżerċitaw is-setgħat ta’ investigazzjoni u ta’ infurzar tagħhom fir-rigward tal-kondotta rilevanti tal-pjattaforma online kbira ħafna kkonċernata, biex jiġu evitati l-irduppjar, l-inkonsistenzi u r-riskji mill-perspettiva tal-prinċipju ne bis in idem. Madankollu, fl-interess tal-effettività, dawk il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali jenħtieġ ma jiġux preklużi milli jeżerċitaw is-setgħat tagħhom jew biex jassistu lill-Kummissjoni, fuq talba tagħha, fit-twettiq tal-kompiti ta’ superviżjoni tagħha, jew fir-rigward ta’ kondotta oħra, inkluż il-kondotta mill-istess pjattaforma online kbira ħafna li hija suspettata li tikkostitwixxi ksur ġdid. Dawk il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali, kif ukoll il-Bord u Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali oħra fejn rilevanti, jenħtieġ li jipprovdu lill-Kummissjoni l-informazzjoni u l-assistenza kollha meħtieġa biex tkun tista’ twettaq il-kompiti tagħha b’mod effettiv, filwaqt li min-naħa l-oħra jenħtieġ li l-Kummissjoni żżommhom infurmati dwar l-eżerċizzju tas-setgħat tagħha kif xieraq. F’dak ir-rigward, jenħtieġ li l-Kummissjoni tqis, fejn xieraq, kwalunkwe valutazzjonijiet rilevanti mwettqa mill-Bord jew mill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali kkonċernati u kwalunkwe evidenza u informazzjoni rilevanti miġbura minnhom, mingħajr preġudizzju għas-setgħat u għar-responsabbiltajiet tal-Kummissjoni li twettaq investigazzjonijiet addizzjonali kif meħtieġ.

(98)Fid-dawl tal-isfidi partikolari li jistgħu jinqalgħu fl-isforz li tiġi żgurata l-konformità mill-pjattaformi online kbar ħafna u l-importanza li dan isir b’mod effettiv, meta jitqiesu d-daqs u l-impatt tagħhom u d-danni li jistgħu jikkawżaw, jenħtieġ li l-Kummissjoni jkollha setgħat qawwijin ta’ investigazzjoni u ta’ infurzar biex tkun tista’ tinvestiga, tinforza u timmonitorja xi wħud mir-regoli stabbiliti f’dan ir-Regolament, b’rispett sħiħ tal-prinċipju tal-proporzjonalità u d-drittijiet u l-interessi tal-partijiet affettwati.

(99)B’mod partikolari, jenħtieġ li l-Kummissjoni jkollha aċċess għal kwalunkwe dokumenti, data u informazzjoni rilevanti meħtieġa biex tiftaħ u twettaq investigazzjoni u biex timmonitorja l-konformità mal-obbligi rilevanti stabbiliti f’dan ir-Regolament, irrispettivament minn min ikollu d-dokumenti, id-data jew l-informazzjoni inkwistjoni, u irrispettivament mill-forma jew mill-format tagħhom, mill-mezz tal-ħżin tagħhom jew mill-post preċiż fejn jinħażnu. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ titlob direttament li l-pjattaforma online kbira ħafna kkonċernata jew il-partijiet terzi rilevanti, jew l-individwi, jipprovdu kwalunkwe evidenza, data u informazzjoni rilevanti. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ titlob kwalunkwe informazzjoni rilevanti mingħand kwalunkwe awtorità pubblika, korp jew aġenzija fl-Istat Membru, jew mingħand kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa biex titlob l-aċċess għall-bażijiet tad-data u għall-algoritmi tal-persuni rilevanti u l-ispjegazzjonijiet relatati magħhom, u li tintervista, bil-kunsens tagħhom, kwalunkwe persuni li jista’ jkollhom informazzjoni utli u li tirreġistra d-dikjarazzjonijiet li jsiru. Jenħtieġ ukoll li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li twettaq tali verifiki li jkunu meħtieġa biex tinforza d-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-Regolament. Dawk is-setgħat ta’ investigazzjoni għandhom l-għan li jikkumplimentaw il-possibbiltà tal-Kummissjoni li titlob lill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali u lil awtoritajiet oħra tal-Istati Membri għall-assistenza, pereżempju billi jipprovdu informazzjoni jew fl-eżerċizzju ta’ dawk is-setgħat.

(100)Il-konformità mal-obbligi rilevanti imposti f’dan ir-Regolament jenħtieġ li tkun tista’ tiġi infurzata permezz ta’ multi u pagamenti perjodiċi ta’ penali. Għal dak il-għan, jenħtieġ li jiġu stabbiliti wkoll livelli xierqa ta’ multi u ta’ pagamenti perjodiċi ta’ penali għan-nuqqas ta’ konformità mal-obbligi u għall-ksur tar-regoli proċedurali, soġġetti għal perjodi ta’ limitazzjoni xierqa.

(101)Il-pjattaformi online kbar ħafna kkonċernati u persuni oħra soġġetti għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-Kummissjoni li l-interessi tagħhom jistgħu jiġu affettwati minn deċiżjoni, jenħtieġ li jingħataw l-opportunità li jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom minn qabel, u d-deċiżjonijiet meħuda jenħtieġ li jiġu ppubblikati b’mod mifrux. Filwaqt li jiġu żgurati d-drittijiet ta’ difiża tal-partijiet ikkonċernati, b’mod partikolari d-dritt ta’ aċċess għall-fajl, huwa essenzjali li tiġi protetta l-informazzjoni kunfidenzjali. Barra minn hekk, filwaqt li tiġi rispettata l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura li kwalunkwe informazzjoni li tkun użat biex tieħu d-deċiżjoni tagħha tiġi żvelata sal-punt li jippermetti d-destinatarju tad-deċiżjoni jifhem il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet li wasslu għad-deċiżjoni.

(102)Fl-interess tal-effettività u tal-effiċjenza, minbarra l-evalwazzjoni ġenerali tar-Regolament, li trid titwettaq fi żmien ħames snin mid-dħul fis-seħħ, wara l-fażi tal-bidu inizjali u abbażi tal-ewwel tliet snin ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni twettaq ukoll evalwazzjoni tal-attivitajiet tal-Bord u tal-istruttura tiegħu.

(103)Biex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 49 .

(104)Biex jiġu ssodisfati l-objettivi ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li s-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti f’konformità mal-Artikolu 290 tat-Trattat tiġi delegata lill-Kummissjoni biex tissupplimenta dan ir-Regolament. B’mod partikolari jenħtieġ li l-atti delegati jiġu adottati bir-rispett tal-kriterji għall-identifikazzjoni tal-pjattaformi online kbar ħafna u tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għat-talbiet ta’ aċċess. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa u li dawk il-konsultazzjonijiet jsiru f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta’ April 2016. B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija tal-atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin bħall-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess b’mod sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati.

(105)Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali rikonoxxuti mill-Karta u d-drittijiet fundamentali li jikkostitwixxu l-prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Unjoni. Għaldaqstant, jenħtieġ li dan ir-Regolament jiġi interpretat u applikat f’konformità ma’ dawk id-drittijiet fundamentali, inkluż il-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, kif ukoll l-libertà u l-pluraliżmu tal-midja. Meta jeżerċitaw is-setgħat stabbiliti f’dan ir-Regolament, l-awtoritajiet pubbliċi kollha involuti jenħtieġ li jiksbu, f’sitwazzjonijiet fejn id-drittijiet fundamentali rilevanti jinsabu f’kunflitt, bilanċ ġust bejn id-drittijiet ikkonċernati, f’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità.

(106)Peress li l-objettiv ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri l-funzjonament tajjeb tas-suq intern u l-iżgurar ta’ ambjent online sikur, prevedibbli u affidabbli li fih id-drittijiet fundamentali mnaqqxa fil-Karta jkunu protetti kif dovut, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri minħabba li ma jistgħux jiksbu l-armonizzazzjoni u l-kooperazzjoni meħtieġa jekk jaġixxu waħedhom, iżda, minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni territorjali u personali tiegħu, jista’ jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak meħtieġ biex jintlaħaq dak l-objettiv,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Kapitolu I – Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 1
Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli armonizzati dwar il-forniment tas-servizzi intermedjarji fis-suq intern. B’mod partikolari, dan jistabbilixxi:

(a)qafas għall-eżenzjoni kundizzjonali mir-responsabbiltà tal-fornituri tas-servizzi intermedjarji;

(b)regoli dwar obbligi speċifiċi tad-diliġenza dovuta mfassla għal ċerti kategoriji speċifiċi ta’ fornituri tas-servizzi intermedjarji;

(c)regoli dwar l-implimentazzjoni u l-infurzar ta’ dan ir-Regolament, inkluż rigward il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni fost l-awtoritajiet kompetenti.

2.Dan ir-Regolament għandu l-għan li:

(a)jikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tas-suq intern għas-servizzi intermedjarji;

(b)jistabbilixxi regoli uniformi għal ambjent online sikur, prevedibbli u fdat, li jħares b’mod effettiv id-drittijiet fundamentali minquxa fil-Karta.

3.Dan ir-Regolament għandu japplika għas-servizzi intermedjarji pprovduti lir-riċevituri tas-servizz li għandhom il-post ta’ stabbiliment jew ta’ residenza tagħhom fl-Unjoni, irrispettivament mill-post ta’ stabbiliment tal-fornituri ta’ dawk is-servizzi.

4.Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal xi servizz li mhux servizz intermedjarju jew għal rekwiżiti impost fir-rigward ta’ servizz bħal dan, irrispettivament minn jekk is-servizz hux ipprovdut permezz tal-użu ta’ servizz intermedjarju.

5.Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għar-regoli stabbiliti minn dawn li ġejjin:

(a)id-Direttiva 2000/31/KE;

(b)id-Direttiva 2010/13/KE;

(c)il-liġi tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati;

(d)ir-Regolament (UE).../... dwar il-prevenzjoni tad-disseminazzjoni ta’ kontenut terroristiku online [TCO ladarba jiġi adottat];

(e)ir-Regolament (UE)..../.... dwar l-Ordnijiet ta’ Produzzjoni u ta’ Preservazzjoni Ewropej għal evidenza elettronika f’materji kriminali u d-Direttiva (UE)..../.... li tistabbilixxi regoli armonizzati dwar il-ħatra ta’ rappreżentanti legali għall-fini tal-ġbir tal-evidenza fi proċedimenti kriminali [evidenza elettronika ladarba tiġi adottata]

(f)ir-Regolament (UE) 2019/1148;

(g)ir-Regolament (UE) 2019/1150;

(h)il-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur u s-sikurezza tal-prodotti, inkluż ir-Regolament (UE) 2017/2394;

(i)il-liġi tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali, b’mod partikolari r-Regolament (UE) 2016/679 u d-Direttiva 2002/58/KE.

Artikolu 2
Definizzjonijiet

Għall-fini ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)“servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni” tfisser servizzi skont it-tifsira tal-Artikolu 1(1)(b) tad-Direttiva (UE) 2015/1535;

(b)“riċevitur tas-servizz” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tuża s-servizz intermedjarju rilevanti;

(c)“konsumatur” tfisser kwalunkwe persuna fiżika li taġixxi għal finijiet li huma ’l barra min-negozju, mill-kummerċ jew mill-professjoni tagħha;

(d)“biex jiġu offruti servizzi fl-Unjoni” tfisser li persuni ġuridiċi jew fiżiċi fi Stat Membru wieħed jew aktar ikunu jistgħu jużaw is-servizzi tal-fornitur tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni li jkollu konnessjoni sostanzjali mal-Unjoni; din il-konnessjoni sostanzjali titqies li teżisti meta l-fornitur ikollu stabbiliment fl-Unjoni; fin-nuqqas ta’ dan l-istabbiliment, il-valutazzjoni ta’ konnessjoni sostanzjali hija bbażata fuq kriterji fattwali speċifiċi, bħal:

għadd sinifikanti ta’ utenti fi Stat Membru wieħed jew aktar; jew

l-immirar ta’ attivitajiet lejn Stat Membru wieħed jew aktar.

(e)“kummerċjant” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, irrispettivament jekk tkunx suġġett pubbliku jew privat, li taġixxi, anki permezz ta’ persuna li tkun qed taġixxi f’isimha jew għall-interessi tagħha, għal finijiet relatati mal-kummerċ, man-negozju, mas-sengħa jew mal-professjoni tagħha;

(f)“servizz intermedjarju” tfisser wieħed mis-servizzi li ġejjin:

servizz ta’ “sempliċi conduit” li jikkonsisti fit-trażmissjoni f’network tal-komunikazzjoni ta’ informazzjoni pprovduta minn riċevitur tas-servizz, jew il-forniment ta’ aċċess għal network tal-komunikazzjoni;

servizz ta’ “caching” li jikkonsisti fit-trażmissjoni f’network tal-komunikazzjoni ta’ informazzjoni pprovduta minn riċevitur tas-servizz, li tinvolvi l-ħażna awtomatika, intermedjarja jew temporanja ta’ dik l-informazzjoni, għall-uniku fini li tagħmel aktar effiċjenti t-trażmissjoni ’l quddiem tal-informazzjoni lil riċevituri oħra meta jitolbuha;

servizz ta’ “hosting” li jikkonsisti fil-ħażna ta’ informazzjoni pprovduta minn riċevitur tas-servizz, u meta jitlobha huwa stess;

(g)“kontenut illegali” tfisser kwalunkwe informazzjoni, li minnha nnifisha jew bir-referenza tagħha għal attività, inkluż il-bejgħ ta’ prodotti jew il-forniment ta’ servizzi, mhix konformi mal-liġi tal-Unjoni jew mal-liġi ta’ Stat Membru, irrispettivament mis-suġġett preċiż jew in-natura ta’ dik il-liġi;

(h) “pjattaforma online” tfisser fornitur ta’ servizz ta’ hosting li, meta jintalab minn riċevitur tas-servizz, jaħżen u jiddissemina informazzjoni lill-pubbliku, sakemm dik l-attività ma tkunx karatteristika minuri u purament anċillari ta’ servizz ieħor u, għal raġunijiet oġġettivi u tekniċi ma tistax tintuża mingħajr dak is-servizz l-ieħor, u l-integrazzjoni tal-karatteristika fis-servizz l-ieħor mhix mezz biex tkun evitata l-applikabbiltà ta’ dan ir-Regolament.

(i)“disseminazzjoni lill-pubbliku” tfisser li l-informazzjoni ssir disponibbli, meta jintalab mir-riċevitur tas-servizz li pprovda l-informazzjoni, għal għadd potenzjalment bla limitu ta’ partijiet terzi;

(j)“kuntratt mill-bogħod” tfisser kuntratt skont it-tifsira tal-Artikolu 2(7) tad-Direttiva 2011/83/UE;

(k)“interfaċċa online” tfisser kwalunkwe software, inkluż sit web jew parti minnu, u applikazzjonijiet, inkluż applikazzjonijiet mobbli;

(l)“Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment” tfisser il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-Istat Membru fejn huwa stabbilit il-fornitur ta’ servizz intermedjarju jew fejn jirrisjedi jew huwa stabbilit ir-rappreżentant legali tiegħu;

(m)“Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tad-destinazzjoni” tfisser il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-Istat Membru fejn jiġi pprovdut is-servizz intermedjarju;

(n)“reklam” tfisser informazzjoni mfassla biex tippromwovi l-messaġġ ta’ persuna ġuridika jew fiżika, irrispettivament minn jekk din tilħaqx finijiet kummerċjali jew mhux kummerċjali, u murija minn pjattaforma online fuq l-interfaċċa online tagħha bi ħlas speċifiku għall-promozzjoni ta’ dik l-informazzjoni;

(o)“sistema ta’ rakkomandazzjoni” tfisser sistema kompletament jew parzjalment awtomatizzata użata minn pjattaforma online biex tissuġġerixxi informazzjoni speċifika fl-interfaċċa online tagħha lir-riċevituri tas-servizz, inkluż bħala riżultat ta’ tfittxija mibdija mir-riċevitur jew inkella li tiddetermina l-ordni relattiva jew il-prominenza tal-informazzjoni murija;

(p)“moderazzjoni tal-kontenut” tfisser l-attivitajiet imwettqa mill-fornituri tas-servizzi intermedjarji maħsuba biex jiddetettaw, jidentifikaw u jindirizzaw kontenut illegali jew informazzjoni inkompatibbli mat-termini u l-kundizzjonijiet tagħhom, ipprovduti mir-riċevituri tas-servizz, inkluż il-miżuri meħuda li jaffettwaw id-disponibbiltà, il-viżibbiltà u l-aċċessibbiltà ta’ dak il-kontenut illegali jew ta’ dik l-informazzjoni, bħad-demozzjoni, id-diżattivazzjoni tal-aċċess għalihom, jew it-tneħħija tagħhom, jew il-kapaċità tar-riċevituri li jipprovdu dik l-informazzjoni, bħat-terminazzjoni jew is-sospensjoni ta’ kont tar-riċevitur;

(q)“termini u kundizzjonijiet” tfisser it-termini u l-kundizzjonijiet jew l-ispeċifikazzjonijiet kollha, irrispettivament mill-isem jew il-forma tagħhom, li jirregolaw ir-relazzjoni kuntrattwali bejn il-fornitur tas-servizzi intermedjarji u r-riċevituri tas-servizzi.

Kapitolu II – Responsabbiltà tal-fornituri tas-servizzi intermedjarji

Artikolu 3
“Sempliċi conduit”

1.Meta jkun ipprovdut servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni li jkun jikkonsisti fit-trażmissjoni f’network tal-komunikazzjoni ta’ informazzjoni pprovduta minn riċevitur tas-servizz, jew fl-għoti ta’ aċċess għal network tal-komunikazzjoni, il-fornitur tas-servizz ma għandux ikun responsabbli għall-informazzjoni trażmessa, diment li l-fornitur:

(a)ma jkunx beda t-trażmissjoni;

(b)ma jkunx għażel ir-riċevitur tat-trażmissjoni; u

(c)ma jkunx għażel jew immodifika l-informazzjoni li hemm fit-trażmissjoni.

2.L-atti tat-trażmissjoni u tal-għoti tal-aċċess imsemmija fil-paragrafu 1 jinkludu l-ħażna awtomatika, intermedjarja u tranżitorja tal-informazzjoni trażmessa, diment li din issir għall-uniku fini li titwettaq it-trażmissjoni fin-network tal-komunikazzjoni, u diment li l-informazzjoni ma tkunx maħżuna għal perjodu itwal milli raġonevolment ikun meħtieġ għat-trażmissjoni.

3.Dan l-Artikolu ma għandux jaffettwa l-possibbiltà li qorti jew awtorità amministrattiva, f’konformità mas-sistemi legali tal-Istati Membri, jeżiġu li l-fornitur tas-servizz jittermina jew jipprevjeni xi ksur.

Artikolu 4
“Caching”

1.Meta jkun ipprovdut servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni li jkun jikkonsisti fit-trażmissjoni f’network tal-komunikazzjoni ta’ informazzjoni pprovduta minn riċevitur tas-servizz, il-fornitur tas-servizz ma għandux ikun responsabbli għall-ħażna awtomatika, intermedjarja jew temporanja ta’ dik l-informazzjoni, imwettqa biss għall-uniku fini li tagħmel aktar effiċjenti t-trażmissjoni ’l quddiem tal-informazzjoni lil riċevituri oħra tas-servizz meta jitolbuha, diment li:

(a)il-fornitur ma jimmodifikax l-informazzjoni;

(b)il-fornitur jikkonforma mal-kundizzjonijiet dwar l-aċċess tal-informazzjoni;

(c)Il-fornitur jikkonforma ma’ regoli dwar l-aġġornament tal-informazzjoni, speċifikati kif rikonoxxut u użat b’mod estensiv mill-industrija;

(d)il-fornitur ma jindaħalx fl-użu legali tat-teknoloġija, rikonoxxuta u użata b’mod estensiv mill-industrija, biex jikseb data dwar l-użu tal-informazzjoni; u

(e)il-fornitur jaġixxi malajr biex ineħħi jew iwaqqaf aċċess għall-informazzjoni li jkun ħażen malli jikseb għarfien effettiv tal-fatt li l-informazzjoni fis-sors inizjali tat-trażmissjoni tneħħiet min-network, jew l-aċċess għaliha jkun ġie diżattivat, jew li qorti jew awtorità amministrattiva tkun ordnat dik it-tneħħija jew id-diżattivazzjoni.

2.Dan l-Artikolu ma għandux jaffettwa l-possibbiltà li qorti jew awtorità amministrattiva, f’konformità mas-sistemi legali tal-Istati Membri, jeżiġu li l-fornitur tas-servizz jittermina jew jipprevjeni xi ksur.

Artikolu 5
Hosting

1.Meta jkun ipprovdut servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni li jkun jikkonsisti fil-ħażna ta’ informazzjoni pprovduta minn riċevitur tas-servizz, il-fornitur tas-servizz ma għandux ikun responsabbli għall-informazzjoni maħżuna li tintalab minn riċevitur tas-servizz, diment li:

(a)ma jkunx kiseb għarfien effettiv ta’ attività illegali jew kontenut illegali u, fir-rigward ta’ talba għad-danni, ma jkollux konoxxena ta’ fatti jew ċirkostanzi li minnhom ikunu apparenti l-attività illegali jew il-kontenut illegali; jew

(b)malli jikseb dawn l-għarfien jew il-konoxxenza, jaġixxi malajr biex ineħħi jew jiddiżattiva l-aċċess għall-kontenut illegali.

2.Il-paragrafu 1 ma għandux japplika meta r-riċevitur tas-servizz ikun jaġixxi bl-awtorità jew bil-kontroll tal-fornitur.

3.Il-paragrafu 1 ma għandux japplika fir-rigward tar-responsabbiltà skont il-liġi dwar il-protezzjoni tal-konsumatur ta’ pjattaformi online li jippermettu li l-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma’ kummerċjanti, meta din il-pjattaforma online tippreżenta l-oġġett speċifiku tal-informazzjoni jew inkella tippermetti t-tranżazzjoni speċifika inkwistjoni b’mod li twassal lil konsumatur medju u raġonevolment infurmat tajjeb biex jemmen li l-informazzjoni, jew il-prodott jew is-servizz li huwa l-oġġett tat-tranżazzjoni, hija pprovduta mill-pjattaforma online nnifisha jew minn riċevitur tas-servizz li qed jaġixxi bl-awtorità jew bil-kontroll tagħha.

4.Dan l-Artikolu ma għandux jaffettwa l-possibbiltà li qorti jew awtorità amministrattiva, f’konformità mas-sistemi legali tal-Istati Membri, jeżiġu li l-fornitur tas-servizz jittermina jew jipprevjeni xi ksur.

Artikolu 6
Investigazzjonijiet volontarji b’inizjattiva proprja u konformità legali

Il-fornituri tas-servizzi intermedjarji ma għandhomx jitqiesu ineliġibbli għall-eżenzjonijiet mir-responsabbiltà msemmija fl-Artikoli 3, 4 u 5 unikament għax iwettqu investigazzjonijiet volontarji b’inizjattiva proprja jew attivitajiet oħra mmirati biex jiddetettaw, jidentifikaw u jneħħu kontenut illegali, jew jiddiżattivaw l-aċċess għal kontenut illegali, jew jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-liġi tal-Unjoni, inkluż dawk stabbiliti f’dan ir-Regolament.

Artikolu 7
L-ebda obbligu ta’ monitoraġġ ġenerali jew ta’ tiftix attiv tal-fatti

Fuq dawk il-fornituri ma għandu jiġi impost l-ebda obbligu ta’ monitoraġġ tal-informazzjoni li jittrażmettu jew jaħżnu l-fornituri tas-servizzi intermedjarji, jew ta’ tiftix attiv tal-fatti jew ta’ ċirkostanzi li jindikaw attività illegali. 

Artikolu 8
Ordnijiet għal azzjoni kontra kontenut illegali

1.Il-fornituri tas-servizzi intermedjarji għandhom, malli jirċievu ordni biex jaġixxu kontra oġġett speċifiku ta’ kontenut illegali, maħruġ mill-awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi nazzjonali rilevanti, abbażi tal-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali applikabbli, f’konformità mal-liġi tal-Unjoni, jinformaw lill-awtorità li toħroġ l-ordni bl-effett mogħti lill-ordnijiet, mingħajr dewmien żejjed, u jispeċifikaw l-azzjoni meħuda u l-mument meta ttieħdet l-azzjoni.

2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ordnijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ikunu jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)l-ordnijiet ikun fihom l-elementi li ġejjin:

dikjarazzjoni tar-raġunijiet li tispjega għalfejn l-informazzjoni hija kontenut illegali, b’referenza għad-dispożizzjoni speċifika tal-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali miksura;

lokalizzatur preċiż wieħed jew aktar tar-riżorsi uniformi u, meta meħtieġ, informazzjoni addizzjonali li tippermetti l-identifikazzjoni tal-kontenut illegali kkonċernat;

informazzjoni dwar rimedju disponibbli għall-fornitur tas-servizz u għar-riċevitur tas-servizz li pprovda l-kontenut;

(b)Il-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tal-ordni, abbażi tar-regoli applikabbli tal-liġi tal-Unjoni u nazzjonali, inkluż il-Karta, u, meta rilevanti, il-prinċipji ġenerali tal-liġi internazzjonali, ma jkunx jaqbeż dak meħtieġ strettament biex jintlaħaq l-objettiv tiegħu;

(c)l-ordni hija abbozzata bil-lingwa ddikjarata mill-fornitur u tintbagħat lill-punt ta’ kuntatt, maħtur mill-fornitur, f’konformità mal-Artikolu 10.

3.Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali mill-Istat Membru tal-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva li toħroġ l-ordni għandu, mingħajr dewmien żejjed, jibgħat kopja tal-ordnijiet imsemmija fil-paragrafu 1 lill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali l-oħra kollha permezz tas-sistema stabbilita f’konformità mal-Artikolu 67.

4.Il-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti stabbiliti f’dan l-Artikolu għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti skont il-liġi proċedurali kriminali nazzjonali f’konformità mal-liġi tal-Unjoni.

Artikolu 9
Ordnijiet għall-għoti ta’ informazzjoni

1.Il-fornituri tas-servizzi intermedjarji għandhom, malli jirċievu ordni biex jipprovdu element speċifiku ta’ informazzjoni dwar riċevitur individwali speċifiku wieħed jew aktar tas-servizz, maħruġa mill-awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi nazzjonali rilevanti abbażi tal-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali applikabbli, f’konformità mal-liġi tal-Unjoni, jinformaw mingħajr dewmien żejjed lill-awtorità li toħroġ l-ordni bil-wasla tagħha u bl-effett mogħti lill-ordni.

2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ordnijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ikunu jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)l-ordni jkun fiha l-elementi li ġejjin:

dikjarazzjoni tar-raġunijiet li tispjega l-objettiv għalfejn hemm bżonn l-informazzjoni u għalfejn ir-rekwiżit li tiġi pprovduta l-informazzjoni huwa meħtieġ u proporzjonat biex tiġi determinata l-konformità tar-riċevituri tas-servizzi intermedjarji mar-regoli applikabbli tal-Unjoni jew nazzjonali, sakemm din id-dikjarazzjoni ma tkunx tista’ tiġi pprovduta għal raġunijiet relatati mal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, id-detezzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali;

informazzjoni dwar rimedju disponibbli għall-fornitur u għar-riċevitur tas-servizz ikkonċernat;

(b)l-ordni teżiġi biss li l-fornitur jipprovdi informazzjoni diġà miġbura għall-finijiet tal-forniment tas-servizz u li hija fil-kontroll tiegħu;

(c)l-ordni hija abbozzata bil-lingwa ddikjarata mill-fornitur u tintbagħat lill-punt ta’ kuntatt, maħtur mill-fornitur, f’konformità mal-Artikolu 10.

3.Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali mill-Istat Membru tal-awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva nazzjonali li toħroġ l-ordni għandu, mingħajr dewmien żejjed, jibgħat kopja tal-ordni msemmija fil-paragrafu 1 lill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali kollha permezz tas-sistema stabbilita f’konformità mal-Artikolu 67.

4.Il-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti stabbiliti f’dan l-Artikolu għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti skont il-liġi proċedurali kriminali nazzjonali f’konformità mal-liġi tal-Unjoni.

Kapitolu III
Obbligi tad-diliġenza dovuta għal ambjent online trasparenti u sikur

Taqsima 1
Dispożizzjonijiet applikabbli għall-fornituri kollha tas-servizzi intermedjarji

Artikolu 10
Punti ta’ kuntatt

1.Il-fornituri tas-servizzi intermedjarji għandhom jistabbilixxu punt uniku ta’ kuntatt li jippermetti komunikazzjoni diretta, b’mezzi elettroniċi, mal-awtoritajiet tal-Istati Membri, mal-Kummissjoni u mal-Bord imsemmi fl-Artikolu 47 għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

2.Il-fornituri tas-servizzi intermedjarji għandhom jippubblikaw l-informazzjoni meħtieġa biex jidentifikaw u jikkomunikaw faċilment mal-punti uniċi ta’ kuntatt tagħhom.

3.Fl-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, il-fornituri tas-servizzi intermedjarji għandhom jispeċifikaw, il-lingwa jew il-lingwi uffiċjali tal-Unjoni, li jistgħu jintużaw biex jikkomunikaw mal-punti ta’ kuntatt tagħhom u li għandhom jinkludu mill-inqas waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru li fih il-fornitur tas-servizzi intermedjarji jkollu l-istabbiliment ewlieni tiegħu jew fejn ikun residenti jew stabbilit ir-rappreżentant legali tiegħu.

Artikolu 11
Rappreżentanti legali

1.Il-fornituri tas-servizzi intermedjarji li ma għandhomx stabbiliment fl-Unjoni iżda li joffru servizzi fl-Unjoni għandhom jiddeżinjaw, bil-miktub, persuna ġuridika jew fiżika bħala r-rappreżentant legali tagħhom f’wieħed mill-Istati Membri fejn il-fornitur joffri s-servizzi tiegħu.

2.Il-fornituri tas-servizzi intermedjarji għandhom jagħtu mandat lir-rappreżentanti legali tagħhom biex jiġu indirizzati flimkien mal-fornitur jew minfloku min-naħa tal-awtoritajiet tal-Istati Membri, tal-Kummissjoni u tal-Bord fejn jidħlu l-kwistjonijiet kollha meħtieġa għall-wasla, għall-konformità jew għall-infurzar tad-deċiżjonijiet maħruġa fir-rigward ta’ dan ir-Regolament. Il-fornituri tas-servizzi intermedjarji għandhom jipprovdu s-setgħat u r-riżorsi meħtieġa lir-rappreżentant legali tagħhom biex jikkoopera mal-awtoritajiet tal-Istati Membri, mal-Kummissjoni u mal-Bord u jikkonforma ma’ dawk id-deċiżjonijiet.

3.Ir-rappreżentant legali deżinjat jista’ jinżamm responsabbli għal nuqqas ta’ konformità mal-obbligi skont dan ir-Regolament, mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà u għal azzjonijiet legali li jistgħu jinbdew kontra l-fornitur tas-servizzi intermedjarji.

4.Il-fornituri tas-servizzi intermedjarji għandhom jinnotifikaw l-isem, l-indirizz, l-indirizz tal-email u n-numru tat-telefown tar-rappreżentant legali tagħhom lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali fl-Istat Membru fejn jirrisjedi jew ikun stabbilit dak ir-rappreżentant legali. Dawn għandhom jiżguraw li dik l-informazzjoni tkun aġġornata.

5.Id-deżinjazzjoni ta’ rappreżentant legali fl-Unjoni skont il-paragrafu 1 ma għandhiex tammonta għal stabbiliment fl-Unjoni.

Artikolu 12
Termini u kundizzjonijiet

1.Il-fornituri tas-servizzi intermedjarji għandhom jinkludu informazzjoni, fit-termini u l-kundizzjonijiet tagħhom, dwar kull restrizzjoni li jimponu b’rabta mal-użu tas-servizz tagħhom fir-rigward tal-informazzjoni pprovduta mir-riċevituri tas-servizz. Dik l-informazzjoni għandha tinkludi informazzjoni dwar kull prassi, proċedura, miżura u għodda li tintuża għall-fini ta’ moderazzjoni tal-kontenut, inkluż it-teħid algoritmiku tad-deċiżjonijiet u r-rieżami mill-bniedem. Din għandha tiġi stabbilita b’lingwaġġ ċar u mhux ambigwu u għandha tkun disponibbli għall-pubbliku b’format aċċessibbli faċilment.

2.Il-fornituri tas-servizzi intermedjarji għandhom jaġixxu b’mod diliġenti, oġġettiv u proporzjonat fl-applikazzjoni u fl-infurzar tar-restrizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, b’kunsiderazzjoni xierqa għad-drittijiet u għall-interessi leġittimi tal-partijiet kollha involuti, inkluż id-drittijiet fundamentali applikabbli tar-riċevituri tas-servizz kif minqux fil-Karta.

Artikolu 13
Obbligi ta’ rappurtar ta’ trasparenza għall-fornituri tas-servizzi intermedjarji

1.Il-fornituri tas-servizzi intermedjarji għandhom jippubblikaw, mill-inqas darba fis-sena, rapporti ċari, li jinftiehmu faċilment u dettaljati dwar kull moderazzjoni tal-kontenut li tkun saret tul il-perjodu rilevanti. Dawk ir-rapporti għandhom jinkludu, b’mod partikolari, informazzjoni dwar dan li ġej, kif applikabbli:

(a)l-għadd ta’ ordnijiet riċevuti mill-awtoritajiet tal-Istati Membri, ikkategorizzati skont it-tip ta’ kontenut illegali kkonċernat, inkluż l-ordnijiet maħruġa f’konformità mal-Artikoli 8 u 9, u ż-żmien medju meħtieġ għat-teħid tal-azzjoni speċifikata f’dawk l-ordnijiet;

(b)l-għadd ta’ notifiki sottomessi f’konformità mal-Artikolu 14, ikkategorizzati skont it-tip ta’ kontenut illegali allegat ikkonċernat, kull azzjoni meħuda skont l-avviżi billi ssir distinzjoni bejn l-azzjonijiet meħuda abbażi tal-liġi u l-azzjonijiet meħuda abbażi tat-termini u l-kundizzjonijiet tal-fornitur, u ż-żmien medju meħtieġ biex tittieħed l-azzjoni;

(c)il-moderazzjoni tal-kontenut li ssir bl-inizjattiva proprja tal-fornitur, inkluż l-għadd u t-tip ta’ miżuri meħuda li jaffettwaw id-disponibbiltà, il-viżibbiltà u l-aċċessibbiltà tal-informazzjoni pprovduta mir-riċevituri tas-servizz u l-kapaċità tar-riċevituri li jipprovdu informazzjoni, ikkategorizzati skont it-tip ta’ raġuni u l-bażi għat-teħid ta’ dawk il-miżuri;

(d)l-għadd ta’ lmenti riċevuti mis-sistema interna għall-immaniġġjar tal-ilmenti msemmija fl-Artikolu 17, il-bażi għal dawk l-ilmenti, id-deċiżjonijiet meħuda b’rabta ma’ dawk l-ilmenti, iż-żmien medju meħtieġ għat-teħid ta’ dawk id-deċiżjonijiet u l-għadd ta’ każijiet meta dawk id-deċiżjonijiet treġġgħu lura.

2.Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għall-fornituri tas-servizzi intermedjarji li jikkwalifikaw bħala intrapriżi mikro jew żgħar skont it-tifsira fl-Anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE.

Taqsima 2
Dispożizzjonijiet addizzjonali applikabbli għall-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting, inkluż il-pjattaformi online

Artikolu 14
Mekkaniżmi ta’ avviż u azzjoni

1.Il-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting għandhom jistabbilixxu mekkaniżmi biex bihom individwu jew entità tkun tista’ tinnotifikahom bil-preżenza fis-servizz tagħhom ta’ elementi speċifiċi ta’ informazzjoni li l-individwu jew l-entità tqishom bħala kontenut illegali. Dawk il-mekkaniżmi għandhom ikunu jistgħu jiġu aċċessati faċilment, ikunu faċli għall-utent, u jkunu jippermettu s-sottomissjoni ta’ avviżi esklussivament b’mezzi elettroniċi.

2.Il-mekkaniżmi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu jiffaċilitaw is-sottomissjoni ta’ avviżi preċiżi biżżejjed u sostanzjati kif xieraq, li abbażi tagħhom operatur ekonomiku diliġenti jista’ jidentifika l-illegalità tal-kontenut inkwistjoni. Għal dak il-għan, il-fornituri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jippermettu u jiffaċilitaw is-sottomissjoni ta’ avviżi li jkun fihom l-elementi kollha li ġejjin:

(a)spjegazzjoni tar-raġunijiet għalfejn l-individwu jew l-entità tqis l-informazzjoni inkwistjoni bħala kontenut illegali;

(b)indikazzjoni ċara tal-post elettroniku ta’ dik l-informazzjoni, b’mod partikolari l-URL jew il-URLs eżatti u, meta meħtieġ, informazzjoni addizzjonali li tippermetti l-identifikazzjoni tal-kontenut illegali;

(c)l-isem u l-indirizz tal-email tal-individwu jew tal-entità li tissottometti l-avviż, għajr meta l-informazzjoni tkun meqjusa li tinvolvi wieħed mir-reati msemmija fl-Artikoli 3 sa 7 tad-Direttiva 2011/93/UE;

(d)dikjarazzjoni li tikkonferma t-twemmin bona fide tal-individwu jew tal-entità li tissottometti l-avviż li l-informazzjoni u l-allegazzjonijiet li hemm fih huma preċiżi u kompluti.

3.Avviżi li fihom l-elementi msemmija fil-paragrafu 2 għandhom jitqiesu li jwasslu għal għarfien jew konoxxenza effettivi għall-finijiet tal-Artikolu 5 dwar l-oġġett speċifiku tal-informazzjoni kkonċernat.

4.Meta l-avviż ikun fih l-isem u l-indirizz tal-email tal-individwu jew tal-entità li jkunu ssottomettewh, il-fornitur ta’ servizzi ta’ hosting għandu jibgħat minnufih konferma tal-wasla tal-avviż lil dak l-individwu jew l-entità.

5.Il-fornitur għandu wkoll, mingħajr dewmien żejjed, javża lil dak l-individwu jew l-entità bid-deċiżjoni tiegħu rigward l-informazzjoni li l-avviż jirrelata magħha, u jipprovdi informazzjoni dwar il-possibbiltajiet ta’ rimedju rigward dik id-deċiżjoni.

6.Il-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting għandhom jipproċessaw kull avviż li jirċievu bil-mekkaniżmi msemmija fil-paragrafu 1, u jieħdu d-deċiżjonijiet tagħhom rigward l-informazzjoni li l-avviżi jirrelataw magħha, fil-ħin, b’mod diliġenti u b’mod oġġettiv. Meta jużaw mezzi awtomatizzati għal dak l-ipproċessar jew it-teħid tad-deċiżjonijiet, dawn għandhom jinkludu informazzjoni dwar dan l-użu fl-avviż imsemmi fil-paragrafu 4.

Artikolu 15
Dikjarazzjoni tar-raġunijiet

1.Meta fornitur ta’ servizzi ta’ hosting jiddeċiedi li jneħħi jew jiddiżattiva l-aċċess għal oġġetti speċifiċi tal-informazzjoni pprovduti mir-riċevituri tas-servizz, irrispettivament mill-mezzi użati għad-detezzjoni, l-identifikazzjoni jew it-tneħħija jew id-diżattivazzjoni tal-aċċess għal dik l-informazzjoni u r-raġuni għad-deċiżjoni tiegħu, dan għandu jinforma lir-riċevitur, sa mhux aktar tard mill-mument tat-tneħħija jew tad-diżattivazzjoni tal-aċċess, bid-deċiżjoni u jipprovdi dikjarazzjoni ċara u speċifika tar-raġunijiet għal dik id-deċiżjoni.

2.Id-dikjarazzjoni tar-raġunijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandu jkun fiha mill-inqas l-informazzjoni li ġejja:

(a)jekk id-deċiżjoni tinvolvix it-tneħħija tal-informazzjoni jew id-diżattivazzjoni tal-aċċess għall-informazzjoni u, meta rilevanti, l-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tad-diżattivazzjoni tal-aċċess;

(b)il-fatti u ċ-ċirkostanzi invokati fit-teħid tad-deċiżjoni, inkluż meta rilevanti jekk id-deċiżjoni tteħditx skont avviż sottomess f’konformità mal-Artikolu 14;

(c)meta applikabbli, informazzjoni dwar l-użu li sar minn mezzi awtomatizzati fit-teħid tad-deċiżjoni, inkluż meta d-deċiżjoni ttieħdet rigward kontenut detettat jew identifikat bl-użu ta’ mezzi awtomatizzati;

(d)meta d-deċiżjoni tkun tikkonċerna kontenut allegatament illegali, referenza għall-bażi legali invokata u spjegazzjonijiet dwar għalfejn l-informazzjoni titqies bħala kontenut illegali fuq dik il-bażi.

(e)meta d-deċiżjoni tkun ibbażata fuq l-allegata inkompatibbiltà tal-informazzjoni mat-termini u l-kundizzjonijiet tal-fornitur, referenza għar-raġuni kuntrattwali invokata u spjegazzjonijiet għalfejn l-informazzjoni titqies inkompatibbli ma’ dik ir-raġuni;

(f)informazzjoni dwar il-possibbiltajiet ta’ rimedju disponibbli għar-riċevitur tas-servizz fir-rigward tad-deċiżjoni, b’mod partikolari bil-mekkaniżmi interni tat-trattament tal-ilmenti, b’soluzzjoni alternattiva għat-tilwim barra mill-qorti u b’rimedju ġudizzjarju.

3.L-informazzjoni pprovduta mill-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting f’konformità ma’ dan l-Artikolu għandha tkun ċara u tinftiehem faċilment, u tkun preċiża u speċifika kemm jista’ jkun possibbli b’mod raġonevoli fiċ-ċirkostanzi partikolari. L-informazzjoni għandha, b’mod partikolari, tkun tippermetti b’mod raġonevoli li r-riċevitur tas-servizz ikkonċernat jeżerċita b’mod effettiv il-possibbiltajiet ta’ rimedju msemmija fil-punt (f) tal-paragrafu 2.

4.Il-fornituri ta’ servizzi ta’ hosting għandhom jippubblikaw id-deċiżjonijiet u d-dikjarazzjonijiet tar-raġunijiet, imsemmija fil-paragrafu 1 f’bażi tad-data aċċessibbli għall-pubbliku ġestita mill-Kummissjoni. Dik l-informazzjoni ma għandhiex tinkludi data personali.

Taqsima 3
Dispożizzjonijiet addizzjonali applikabbli għall-pjattaformi online

Artikolu 16
Esklużjoni għall-intrapriżi mikro u żgħar

Din it-Taqsima ma għandhiex tapplika għall-pjattaformi online li jikkwalifikaw bħala intrapriżi mikro jew żgħar skont it-tifsira fl-Anness tar-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE.

Artikolu 17
Sistema interna tat-trattament tal-ilmenti

1.Il-pjattaformi online għandhom jipprovdu lir-riċevituri tas-servizz, għal perjodu ta’ mill-inqas sitt xhur wara d-deċiżjoni msemmija f’dan il-paragrafu, l-aċċess għal sistema interna effettiva tat-trattament tal-ilmenti, li tippermetti s-sottomissjoni elettronika tal-ilmenti mingħajr ħlas, kontra d-deċiżjonijiet li ġejjin meħuda mill-pjattaforma online għar-raġuni li l-informazzjoni pprovduta mir-riċevituri tkun kontenut illegali jew inkompatibbli mat-termini u l-kundizzjonijiet tagħha:

(a)deċiżjonijiet biex titneħħa l-informazzjoni jew jiġi diżattivat l-aċċess għall-informazzjoni;

(b)deċiżjonijiet għal sospensjoni jew terminazzjoni tal-forniment tas-servizz, kollu jew parti minnu, lir-riċevituri;

(c)deċiżjonijiet għal sospensjoni jew terminazzjoni tal-kont tar-riċevituri.

2.Il-pjattaformi online għandhom jiżguraw li s-sistemi interni tagħhom għall-immaniġġjar tal-ilmenti jkunu jistgħu jiġu aċċessati faċilment, ikunu faċli għall-utent, u jkunu jippermettu u jiffaċilitaw is-sottomissjoni ta’ lmenti preċiżi biżżejjed u sostanzjati kif xieraq.

3.Il-pjattaformi online għandhom jittrattaw l-ilmenti sottomessi mis-sistema interna tagħhom għall-immaniġġjar tal-ilmenti fil-ħin, b’mod diliġenti u b’mod oġġettiv. Meta lment ikun fih biżżejjed raġunijiet biex il-pjattaforma online tqis li l-informazzjoni li magħha jirrelata l-ilment ma tkunx illegali u ma tkunx inkompatibbli mat-termini u l-kundizzjonijiet tagħha, jew ikun fiha informazzjoni li tindika li l-imġiba tal-ilmentatur ma tiġġustifikax is-sospensjoni jew it-terminazzjoni tas-servizz jew tal-kont, din għandha treġġa’ lura d-deċiżjoni tagħha msemmija fil-paragrafu 1 mingħajr dewmien żejjed.

4.Il-pjattaformi online għandhom jinfurmaw lill-ilmentaturi mingħajr dewmien żejjed dwar id-deċiżjoni li jkunu ħadu rigward l-informazzjoni li magħha jirrelata l-ilment u għandhom jinfurmaw lill-ilmentaturi bil-possibbiltà ta’ soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti prevista fl-Artikolu 18 u dwar possibbiltajiet oħra ta’ rimedju disponibbli.

5.Il-pjattaformi online għandhom jiżguraw li d-deċiżjonijiet, imsemmija fil-paragrafu 4, ma jittiħdux unikament abbażi ta’ mezzi awtomatizzati.

Artikolu 18
Soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti

1.Ir-riċevituri tas-servizz indirizzati bid-deċiżjonijiet imsemmija fl-Artikolu 17(1), għandhom ikunu intitolati li jagħżlu kwalunkwe korp għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti li jkun ġie ċċertifikat f’konformità mal-paragrafu 2 biex isolvu tilwim relatat ma’ dawk id-deċiżjonijiet, inkluż ilmenti li ma setgħux jissolvew bis-sistema interna tat-trattament tal-ilmenti msemmija f’dak l-Artikolu. Il-pjattaformi online għandhom jimpenjaw ruħhom, in bona fede, mal-korp magħżul bil-għan li jsolvu t-tilwim u għandhom ikunu marbuta bid-deċiżjoni li jieħu l-korp.

L-ewwel subparagrafu huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt tar-riċevitur ikkonċernat għal rimedju kontra d-deċiżjoni quddiem qorti f’konformità mal-liġi applikabbli.

2.Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-Istat Membru fejn huwa stabbilit il-korp għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti għandu, meta jintalab minn dak il-korp, jiċċertifika l-korp, meta l-korp ikun wera li jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)ikun imparzjali u indipendenti mill-pjattaformi online u mir-riċevituri tas-servizz ipprovdut mill-pjattaformi online;

(b)ikollu l-għarfien espert meħtieġ rigward il-kwistjonijiet li jinqalgħu f’qasam partikolari wieħed jew aktar ta’ kontenut illegali, jew b’rabta mal-applikazzjoni u l-infurzar tat-termini u l-kundizzjonijiet ta’ tip wieħed jew aktar ta’ pjattaformi online, li jippermettu lill-korp jikkontribwixxi b’mod effettiv għas-soluzzjoni ta’ tilwima;

(c)is-soluzzjoni għat-tilwim tkun aċċessibbli faċilment permezz tat-teknoloġija tal-komunikazzjoni elettronika;

(d)ikun kapaċi jsolvi t-tilwim b’mod rapidu, effiċjenti u kosteffettiv u b’mill-inqas waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni;

(e)is-soluzzjoni għat-tilwim issir f’konformità ma’ regoli ta’ proċedura ċari u ġusti.

Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali għandu, meta applikabbli, jispeċifika fiċ-ċertifikat il-kwistjonijiet partikolari li magħhom jirrelata l-għarfien espert tal-korp, u l-lingwa jew il-lingwi uffiċjali tal-Unjoni li bihom il-korp kapaċi jsolvi t-tilwim, kif imsemmi fil-punti (b) u (d) tal-ewwel subparagrafu, rispettivament.

3.Jekk il-korp jiddeċiedi t-tilwima favur ir-riċevitur tas-servizz, il-pjattaforma online għandha tirrimborża lir-riċevitur kwalunkwe tariffa u spejjeż raġonevoli oħra li r-riċevitur ikun ħallas jew irid jħallas b’rabta mas-soluzzjoni tat-tilwim. Jekk il-korp jiddeċiedi t-tilwima favur il-pjattaforma online, ir-riċevitur ma għandux jintalab jirrimborża xi tariffa jew spejjeż oħra li l-pjattaforma online ħallset jew li trid tħallas b’rabta mas-soluzzjoni tat-tilwim.

It-tariffi imposti mill-korp għas-soluzzjoni tat-tilwim għandhom ikunu raġonevoli u fi kwalunkwe każ ma għandhomx jaqbżu l-kostijiet tagħhom.

Il-korpi għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti għandhom jgħarrfu t-tariffi, jew il-mekkaniżmi użati biex jiddeterminaw it-tariffi, lir-riċevitur tas-servizzi u lill-pjattaforma online kkonċernati qabel ma jinvolvu ruħhom fis-soluzzjoni tat-tilwim.

4.L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu korpi għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti għall-finijiet tal-paragrafu 1 jew jappoġġaw l-attivitajiet ta’ wħud mill-korpi għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti li jkunu ċċertifikaw, jew kollha kemm huma, f’konformità mal-paragrafu 2.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull attività tagħhom imwettqa skont l-ewwel subparagrafu ma taffettwax il-kapaċità tal-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali tagħhom li jiċċertifikaw il-korpi kkonċernati f’konformità mal-paragrafu 2.

5.Il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar il-korpi għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti li jkunu ċċertifikaw f’konformità mal-paragrafu 2, inkluż meta applikabbli, l-ispeċifikazzjonijiet imsemmija fit-tieni subparagrafu ta’ dak il-paragrafu. Il-Kummissjoni għandha tippubblika lista ta’ dawk il-korpi, inkluż dawk l-ispeċifikazzjonijiet, fuq sit web apposta, u żżommha aġġornata.

6.Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2013/11/UE u l-proċeduri ta’ soluzzjoni alternattiva għat-tilwim u l-entitajiet għall-konsumaturi stabbiliti skont dik id-Direttiva.

Artikolu 19
Sinjalaturi fdati

1.Il-pjattaformi online għandhom jieħdu l-miżuri tekniċi u organizzattivi meħtieġa biex jiżguraw li l-avviżi sottomessi minn sinjalaturi fdati bil-mekkaniżmi msemmija fl-Artikolu 14, jiġu pproċessati u deċiżi bi prijorità u mingħajr dewmien.

2.L-istatus ta’ sinjalaturi fdati skont dan ir-Regolament għandu jingħata, wara applikazzjoni minn xi entità, mill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-Istat Membru fejn ikun stabbilit l-applikant, meta l-applikant ikun wera li jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)ikollu għarfien espert u kompetenza partikolari għall-finijiet tad-detezzjoni, l-identifikazzjoni u l-avviż ta’ kontenut illegali;

(b)ikun jirrappreżenta l-interessi kollettivi u huwa indipendenti minn kull pjattaforma online;

(c) ikun iwettaq l-attivitajiet tiegħu għall-finijiet ta’ sottomissjoni tal-avviżi fil-ħin, b’mod diliġenti u b’mod oġġettiv.

3.Il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni u lill-Bord l-ismijiet, l-indirizzi u l-indirizzi tal-email tal-entitajiet li lilhom ikunu taw l-istatus ta’ sinjalatur fdat f’konformità mal-paragrafu 2.

4.Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 f’bażi tad-data disponibbli għall-pubbliku u żżommha aġġornata.

5.Meta pjattaforma online jkollha informazzjoni li tindika li sinjalatur fdat issottometta għadd sinifikanti ta’ avviżi mhux preċiżi biżżejjed jew mhux sostanzjati kif xieraq bil-mekkaniżmi msemmija fl-Artikolu 14, inkluż informazzjoni miġbura b’rabta mal-ipproċessar tal-ilmenti permezz tas-sistemi interni għall-immaniġġjar tal-ilmenti msemmija fl-Artikolu 17(3), din għandha tikkomunika dik l-informazzjoni lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali li jkun ta l-istatus ta’ sinjalatur fdat lill-entità kkonċernata, filwaqt li tipprovdi l-ispjegazzjonijiet u d-dokumenti ġustifikattivi meħtieġa.

6.Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali li ta l-istatus ta’ sinjalatur fdat lil entità għandu jirrevoka dak l-istatus jekk jiddetermina, wara investigazzjoni jew b’inizjattiva tiegħu stess jew abbażi ta’ informazzjoni riċevuta mingħand partijiet terzi, inkluż informazzjoni pprovduta minn pjattaforma online skont il-paragrafu 5, li l-entità ma għadhiex tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 2. Qabel jirrevoka dak l-istatus, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali għandu jagħti l-opportunità lill-entità biex tirreaġixxi għas-sejbiet tal-investigazzjoni tiegħu u l-intenzjoni tiegħu li tirrevoka l-istatus tal-entità bħala sinjalatur fdat.

7.Il-Kummissjoni, wara li tikkonsulta lill-Bord, tista’ toħroġ gwida biex tassisti lill-pjattaformi online u lill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali fl-applikazzjoni tal-paragrafi 5 u 6.

Artikolu 20
Miżuri u protezzjoni kontra l-użu ħażin

1.Il-pjattaformi online għandhom jissospendu, għal perjodu ta’ żmien raġonevoli u wara li jkunu ħarġu twissija minn qabel, il-forniment tas-servizzi tagħhom lir-riċevituri tas-servizz li spiss jipprovdu kontenut manifestament illegali.

2.Il-pjattaformi online għandhom jissospendu, għal perjodu ta’ żmien raġonevoli u wara li jkunu ħarġu twissija minn qabel, l-ipproċessar ta’ avviżi u lmenti sottomessi bil-mekkaniżmi ta’ avviż u azzjoni u bis-sistemi interni għall-immaniġġjar tal-ilmenti msemmija fl-Artikoli 14 u 17, rispettivament, minn individwi jew entitajiet jew minn ilmentaturi li spiss jissottomettu avviżi jew ilmenti li jkunu manifestament infondati.

3.Il-pjattaformi online għandhom jivvalutaw, abbażi ta’ każ b’każ u fil-ħin, b’mod diliġenti u b’mod oġġettiv, jekk riċevitur, individwu, entità jew ilmentatur hux involut fl-użu ħażin imsemmi fil-paragrafi 1 u 2, filwaqt li jitqiesu l-fatti u ċ-ċirkostanzi rilevanti kollha li jirriżultaw mill-informazzjoni disponibbli għall-pjattaforma online. Dawk iċ-ċirkostanzi għandhom jinkludu mill-inqas dan li ġej:

(a)l-għadd assolut ta’ oġġetti ta’ kontenut manifestament illegali jew avviżi jew ilmenti manifestament infondati, sottomessi fis-sena ta’ qabel;

(b)il-proporzjon relattiv tagħhom f’relazzjoni mal-għadd totali ta’ oġġetti ta’ informazzjoni pprovduti jew avviżi sottomessi fis-sena ta’ qabel;

(c)il-gravità tal-użi ħżiena u l-konsegwenzi tagħhom;

(d)l-intenzjoni tar-riċevitur, tal-individwu, tal-entità jew tal-ilmentatur.

4.Il-pjattaformi online għandhom jistabbilixxu, b’mod ċar u dettaljat, il-prassi tagħhom fir-rigward tal-użu ħażin imsemmi fil-paragrafi 1 u 2 fit-termini u l-kundizzjonijiet tagħhom, inkluż fir-rigward tal-fatti u ċ-ċirkostanzi li jqisu meta jivvalutaw jekk ċerta mġiba tikkostitwixxix użu ħażin u t-tul ta’ żmien tas-sospensjoni.

Artikolu 21
Notifika ta’ suspetti ta’ reati kriminali

1.Meta pjattaforma online ssir taf b’xi informazzjoni li twassal għal suspett li jkun seħħ, li qed iseħħ jew li aktarx se jseħħ reat kriminali serju li jinvolvi theddida għall-ħajja jew għas-sikurezza ta’ persuni, din għandha tinforma minnufih lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jew lill-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istat Membru jew tal-Istati Membri kkonċernati bis-suspett tagħha u tipprovdi l-informazzjoni rilevanti kollha disponibbli.

2.Meta l-pjattaforma online ma tkunx tista’ tidentifika b’ċertezza raġonevoli l-Istat Membru kkonċernat, din għandha tinforma lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istat Membru fejn tkun stabbilita jew fejn ikollha r-rappreżentant legali tagħha jew tinforma lill-Europol.

Għall-fini ta’ dan l-Artikolu, l-Istat Membru kkonċernat għandu jkun l-Istat Membru fejn huwa suspettat li jkun seħħ, li qed iseħħ jew li aktarx se jseħħ ir-reat, jew l-Istat Membru fejn jirrisjedi jew jinsab is-suspettat awtur tar-reat, jew l-Istat Membru fejn tirrisjedi jew tinsab il-vittma tas-suspettat reat.

Artikolu 22
Traċċabbiltà tal-kummerċjanti

1.Meta pjattaforma online tippermetti li l-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod ma’ kummerċjanti, din għandha tiżgura li l-kummerċjanti jkunu jistgħu jużaw biss is-servizzi tagħha biex jippromwovu messaġġi dwar prodotti jew servizzi jew biex joffru prodotti jew servizzi lill-konsumaturi li jinsabu fl-Unjoni jekk, qabel l-użu tas-servizzi tagħha, il-pjattaforma online tkun kisbet l-informazzjoni li ġejja:

(a)l-isem, l-indirizz, in-numru tat-telefown u l-indirizz tal-email tal-kummerċjant;

(b)kopja tad-dokument tal-identifikazzjoni tal-kummerċjant jew xi identifikazzjoni elettronika oħra kif definit fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 50 ;

(c)id-dettalji tal-kont bankarju tal-kummerċjant, meta l-kummerċjant ikun persuna fiżika;

(d)l-isem, l-indirizz, in-numru tat-telefown u l-indirizz tal-email tal-operatur ekonomiku, skont it-tifsira tal-Artikolu 3(13) u tal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2019/1020 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 51 jew xi att rilevanti tal-liġi tal-Unjoni;

(e)meta l-kummerċjant ikun irreġistrat f’reġistru tal-kummerċ jew f’reġistru pubbliku simili, ir-reġistru tal-kummerċ li fih ikun irreġistrat il-kummerċjant u n-numru tar-reġistrazzjoni tiegħu, jew mezzi ekwivalenti ta’ identifikazzjoni f’dak ir-reġistru;

(f)awtoċertifikazzjoni mill-kummerċjant li jimpenja ruħu li joffri biss prodotti jew servizzi li jikkonformaw mar-regoli applikabbli tal-liġi tal-Unjoni.

2.Il-pjattaforma online għandha, malli tirċievi dik l-informazzjoni, tagħmel sforzi raġonevoli biex tivvaluta jekk l-informazzjoni msemmija fil-punti (a), (d) u (e) tal-paragrafu 1 hix affidabbli permezz tal-użu ta’ xi bażi tad-data online uffiċjali aċċessibbli mingħajr ħlas jew interfaċċa online li ssir disponibbli minn Stat Membru jew mill-Unjoni jew permezz ta’ talbiet lill-kummerċjant biex jipprovdi dokumenti ġustifikattivi mingħand sorsi affidabbli.

3.Meta l-pjattaforma online tikseb indikazzjonijiet li xi oġġett tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 miksub mingħand il-kummerċjant ikkonċernat ma jkunx preċiż jew ma jkunx komplut, dik il-pjattaforma għandha titlob lill-kummerċjant biex jikkoreġi l-informazzjoni sa fejn ikun meħtieġ biex ikun żgurat li l-informazzjoni kollha tkun preċiża u kompluta, mingħajr dewmien jew fil-perjodu ta’ żmien stabbilit mil-liġi tal-Unjoni u nazzjonali.

Meta l-kummerċjant jonqos milli jikkoreġi jew jikkompleta dik l-informazzjoni, il-pjattaforma online għandha tissospendi l-forniment tas-servizz tagħha lill-kummerċjant sakemm it-talba tiġi ssodisfata.

4.Il-pjattaforma online għandha taħżen l-informazzjoni miksuba skont il-paragrafi 1 u 2 b’mod sigur għat-tul tar-relazzjoni kuntrattwali tagħha mal-kummerċjant ikkonċernat. Dawn għandhom sussegwentement iħassru l-informazzjoni.

5.Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2, il-pjattaforma għandha tiżvela biss l-informazzjoni lil partijiet terzi meta jkun meħtieġ f’konformità mal-liġi applikabbli, inkluż l-ordnijiet imsemmija fl-Artikolu 9 kwalunkwe ordni maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jew mill-Kummissjoni għat-twettiq tal-kompiti tagħhom skont dan ir-Regolament.

6.Il-pjattaforma online għandha tagħmel l-informazzjoni msemmija fil-punti (a), (d), (e) u (f) tal-paragrafu 1 disponibbli għar-riċevituri tas-servizz, b’mod ċar, aċċessibbli faċilment u komprensibbli.

7.Il-pjattaforma online għandha tfassal u torganizza l-interfaċċa online tagħha b’mod li l-kummerċjanti jkunu jistgħu jikkonformaw mal-obbligi tagħhom rigward l-informazzjoni prekuntrattwali u l-informazzjoni dwar is-sikurezza tal-prodott skont il-liġi applikabbli tal-Unjoni.

Artikolu 23
Obbligi ta’ rappurtar ta’ trasparenza għall-fornituri tal-pjattaformi online

1.Minbarra l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 13, il-pjattaformi online għandhom jinkludu fir-rapporti msemmija f’dak l-Artikolu, informazzjoni dwar dan li ġej:

(a)l-għadd ta’ tilwimiet sottomessi lill-korpi għas-soluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti msemmija fl-Artikolu 18, l-eżiti tas-soluzzjoni tat-tilwim u ż-żmien medju meħtieġ għat-tlestija tal-proċeduri għas-soluzzjoni tat-tilwim;

(b)l-għadd ta’ sospensjonijiet imposti skont l-Artikolu 20, li jiddistingwu bejn sospensjonijiet promulgati għall-forniment ta’ kontenut manifestament illegali, is-sottomissjoni ta’ avviżi manifestament infondati u s-sottomissjoni ta’ lmenti manifestament infondati;

(c)kull użu li jsir minn mezzi awtomatiċi għall-fini ta’ moderazzjoni tal-kontenut, inkluż speċifikazzjoni tal-finijiet preċiżi, indikaturi tal-eżattezza tal-mezzi awtomatizzati fit-twettiq ta’ dawk il-finijiet u kull salvagwardja applikata.

2.Il-pjattaformi online għandhom jippubblikaw, mill-inqas darba kull sitt xhur, informazzjoni dwar ir-riċevituri attivi medji fix-xahar tas-servizz f’kull Stat Membru, ikkalkulata bħala medja tul il-perjodu tal-aħħar sitt xhur, f’konformità mal-metodoloġija stabbilita fl-atti delegati adottati skont l-Artikolu 25(2).

3.Il-pjattaformi online għandhom jikkomunikaw lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment, meta jitlobhom, l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, aġġornata sal-mument ta’ din it-talba. Dak il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jista’ jitlob lill-pjattaforma online biex tipprovdi informazzjoni addizzjonali rigward il-kalkolu msemmi f’dak il-paragrafu, inkluż spjegazzjonijiet u sostanzjar fir-rigward tad-data użata. Dik l-informazzjoni ma għandhiex tinkludi data personali.

4.Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tistabbilixxi mudelli dwar il-forma, il-kontenut u dettalji oħra tar-rapporti skont il-paragrafu 1.

Artikolu 24
Trasparenza fir-reklamar online

Il-pjattaformi online li juru reklamar fuq l-interfaċċi online tagħhom għandhom jiżguraw li r-riċevituri tas-servizz ikunu jistgħu jidentifikaw, għal kull reklam speċifiku muri lil kull riċevitur individwali, b’mod ċar u mhux ambigwu u f’ħin reali:

(a)li l-informazzjoni murija hija reklam;

(b)il-persuna fiżika jew ġuridika li f’isimha jintwera r-reklam;

(c)informazzjoni sinifikanti dwar il-parametri ewlenin użati biex jiġi ddeterminat ir-riċevitur li lilu qed jintwera r-reklam.

Taqsima 4
Obbligi addizzjonali għall-pjattaformi online kbar ħafna għall-ġestjoni tar-riskji sistemiċi

Artikolu 25
Pjattaformi online kbar ħafna

1.Din it-Taqsima għandha tapplika għall-pjattaformi online li jipprovdu s-servizzi tagħhom lil għadd ta’ riċevituri attivi medji fix-xahar tas-servizz fl-Unjoni li jilħaq il-45 miljun jew iżjed, ikkalkulati f’konformità mal-metodoloġija stabbilita fl-atti delegati msemmija fil-paragrafu 3.

2.Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 69 biex taġġusta l-għadd ta’ riċevituri medji fix-xahar tas-servizz fl-Unjoni msemmi fil-paragrafu 1, meta l-popolazzjoni tal-Unjoni tiżdied jew tonqos b’mill-anqas 5 % fir-rigward tal-popolazzjoni tagħha fl-2020 jew, wara aġġustament b’att delegat, tal-popolazzjoni tagħha fis-sena meta jkun ġie adottat l-aħħar att delegat. F’dak il-każ, din għandha taġġusta l-għadd biex ikun jikkorrispondi għal 10 % tal-popolazzjoni tal-Unjoni fis-sena meta tadotta l-att delegat, aġġustat ’il fuq jew ’l isfel biex l-għadd ikun jista’ jiġi espress f’miljuni.

3.Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 69, wara konsultazzjoni mal-Bord, biex tistabbilixxi metodoloġija speċifika għall-kalkolu tal-għadd ta’ riċevituri attivi medji fix-xahar tas-servizz fl-Unjoni, għall-finijiet tal-paragrafu 1. Il-metodoloġija għandha tispeċifika, b’mod partikolari, kif trid tiġi ddeterminata l-popolazzjoni tal-Unjoni u l-kriterji biex jiġu ddeterminati r-riċevituri attivi medji fix-xahar tas-servizz fl-Unjoni, filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi differenti tal-aċċessibbiltà.

4.Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment għandu jivverifika, mill-anqas kull sitt xhur, jekk l-għadd ta’ riċevituri attivi medji fix-xahar tas-servizz fl-Unjoni tal-pjattaformi online fil-ġurisdizzjoni tagħhom hux daqs jew iżjed mill-għadd imsemmi fil-paragrafu 1. Abbażi ta’ dik il-verifika, dan għandu jadotta deċiżjoni li tiddeżinja l-pjattaforma online bħala pjattaforma online kbira ħafna għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, jew li tittermina dik id-deżinjazzjoni, u għandu jikkomunika dik id-deċiżjoni, mingħajr dewmien żejjed, lill-pjattaforma online ikkonċernata u lill-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-lista tal-pjattaformi online kbar ħafna deżinjati tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u li żżommha aġġornata. L-obbligi ta’ din it-Taqsima għandhom japplikaw, jew jieqfu japplikaw, għall-pjattaformi online kbar ħafna kkonċernati fi żmien erba’ xhur wara dik il-pubblikazzjoni.

Artikolu 26
Valutazzjoni tar-riskju

1.Il-pjattaformi online kbar ħafna għandhom jidentifikaw, janalizzaw u jivvalutaw, mid-data tal-applikazzjoni msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 25(4), mill-inqas darba fis-sena wara dan, kull riskju sistemiku sinifikanti li jirriżulta mill-funzjonament u l-użu li jsir mis-servizzi tagħhom fl-Unjoni. Din il-valutazzjoni tar-riskju għandha tkun speċifika għas-servizzi tagħhom u għandha tinkludi r-riskji sistemiċi li ġejjin:

(a)id-disseminazzjoni tal-kontenut illegali permezz tas-servizzi tagħhom;

(b)kull effett negattiv għall-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, il-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni u d-drittijiet tat-tfal, kif minquxa fl-Artikoli 7, 11, 21 u 24 tal-Karta, rispettivament;

(c)manipulazzjoni intenzjonata tas-servizz tagħhom, inkluż bl-użu inawtentiku jew bi sfruttament awtomatizzat tas-servizz, b’effett negattiv attwali jew prevedibbli fuq il-protezzjoni tas-saħħa pubblika, il-minorenni, id-diskors ċiviku, jew l-effetti proprja jew prevedibbli relatati ma’ proċessi elettorali u s-sigurtà pubblika.

2.Meta jwettqu valutazzjonijiet tar-riskju, il-pjattaformi online kbar ħafna għandhom iqisu, b’mod partikolari, kif is-sistemi ta’ moderazzjoni tal-kontenut tagħhom, is-sistemi ta’ rakkomandazzjoni u s-sistemi għall-għażla u t-turija tar-reklamar jinfluwenzaw xi wieħed mir-riskji sistemiċi msemmija fil-paragrafu 1, inkluż id-disseminazzjoni potenzjalment rapida u wiesgħa ta’ kontenut illegali u ta’ informazzjoni li hija inkompatibbli mat-termini u l-kundizzjonijiet tagħhom.

Artikolu 27
Mitigazzjoni tar-riskji

1.Il-pjattaformi online kbar ħafna għandhom jistabbilixxu miżuri ta’ mitigazzjoni raġonevoli, proporzjonati u effettivi, imfassla għar-riskji sistemiċi speċifiċi identifikati skont l-Artikolu 26. Dawn il-miżuri jistgħu jinkludu, meta applikabbli:

(a)l-adattament tas-sistemi ta’ moderazzjoni tal-kontenut jew ta’ rakkomandazzjoni, il-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tagħhom, il-karatteristiċi jew il-funzjonament tas-servizzi tagħhom, jew it-termini u l-kundizzjonijiet tagħhom;

(b)miżuri mmirati bil-għan li jillimitaw il-wiri tar-reklami flimkien mas-servizz li jipprovdu;

(c)it-tisħiħ tal-proċessi interni jew is-superviżjoni ta’ kull waħda mill-attivitajiet tagħhom b’mod partikolari fir-rigward tad-detezzjoni ta’ riskju sistemiku;

(d)il-bidu jew l-aġġustament tal-kooperazzjoni ma’ sinjalaturi fdati f’konformità mal-Artikolu 19;

(e)il-bidu jew l-aġġustament tal-kooperazzjoni ma’ pjattaformi online oħra permezz tal-kodiċijiet ta’ kondotta u l-protokolli ta’ kriżi msemmija fl-Artikoli 35 u 37 rispettivament.

2.Il-Bord, b’kooperazzjoni mal-Kummissjoni, għandu jippubblika rapporti komprensivi, darba fis-sena, li għandhom jinkludu dan li ġej:

(a)l-identifikazzjoni u l-valutazzjoni tal-aktar riskji sistemiċi prominenti u rikorrenti rrapportati mill-pjattaformi online kbar ħafna jew identifikati permezz ta’ sorsi oħra ta’ informazzjoni, b’mod partikolari dawk ipprovduti f’konformità mal-Artikoli 31 u 33;

(b)l-aqwa prattiki għall-pjattaformi online kbar ħafna biex jittaffu r-riskji sistemiċi identifikati.

3.Il-Kummissjoni, b’kooperazzjoni mal-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali, tista’ toħroġ linji gwida ġenerali dwar l-applikazzjoni tal-paragrafu 1 fir-rigward ta’ riskji speċifiċi, b’mod partikolari biex tippreżenta l-aqwa prattiki u tirrakkomanda miżuri possibbli, b’kunsiderazzjoni xierqa tal-konsegwenzi possibbli tal-miżuri fuq id-drittijiet fundamentali minquxa fil-Karta tal-partijiet kollha involuti. Meta tħejji dawk il-linji gwida, il-Kummissjoni għandha torganizza konsultazzjonijiet pubbliċi.

Artikolu 28
Awditu indipendenti

1.Il-pjattaformi online kbar ħafna għandhom ikunu soġġetti, bi spejjeż tagħhom stess u mill-inqas darba fis-sena, għal awditi biex jivvalutaw il-konformità ma’ dawn li ġejjin:

(a)l-obbligi stabbiliti fil-Kapitolu III;

(b)kull impenn meħud skont il-kodiċijiet ta’ kondotta msemmija fl-Artikoli 35 u 36 u l-protokolli ta’ kriżi msemmija fl-Artikolu 37.

2.L-awditi mwettqa skont il-paragrafu 1 għandhom jitwettqu minn organizzazzjonijiet li:

(a)huma indipendenti mill-pjattaforma online kbira ħafna kkonċernata;

(b)ikollhom għarfien espert ippruvat fil-qasam tal-ġestjoni tar-riskju, il-kompetenza teknika u l-kapaċitajiet;

(c)ikollhom oġġettività ppruvata u etika professjonali, ibbażata b’mod partikolari fuq l-aderenza ma’ kodiċijiet ta’ prattika jew standards xierqa.

3.L-organizzazzjonijiet li jwettqu l-awditi għandhom jistabbilixxu rapport tal-awditu għal kull awditu. Ir-rapport għandu jsir bil-miktub u jkun jinkludi mill-inqas dan li ġej:

(a)l-isem, l-indirizz u l-punt ta’ kuntatt tal-pjattaforma online kbira ħafna soġġetta għall-awditu u l-perjodu kopert;

(b)l-isem u l-indirizz tal-organizzazzjoni li twettaq l-awditu;

(c)deskrizzjoni tal-elementi speċifiċi awditjati, u l-metodoloġija applikata;

(d)deskrizzjoni tas-sejbiet ewlenin misluta mill-awditu;

(e)opinjoni tal-awditu dwar jekk il-pjattaforma online kbira ħafna soġġetta għall-awditu kkonformatx mal-obbligi u mal-impenji msemmija fil-paragrafu 1, b’mod pożittiv, b’mod pożittiv b’xi kummenti jew b’mod negattiv;

(f)meta l-opinjoni tal-awditu ma tkunx pożittiva, isiru rakkomandazzjonijiet operazzjonali dwar miżuri speċifiċi biex tinkiseb il-konformità.

4.Il-pjattaformi online kbar ħafna li jirċievu rapport tal-awditu li ma jkunx pożittiv għandhom iqisu kull rakkomandazzjoni operazzjonali indirizzata lilhom bil-ħsieb li jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jimplimentawhom. Fi żmien xahar minn meta jirċievu dawk ir-rakkomandazzjonijiet, għandhom jadottaw rapport ta’ implimentazzjoni tal-awditu li jistabbilixxi dawk il-miżuri. Meta ma jimplimentawx ir-rakkomandazzjonijiet operazzjonali, fir-rapport ta’ implimentazzjoni tal-awditu, dawn għandhom jiġġustifikaw ir-raġunijiet għalfejn ma għamlux dan u jistabbilixxu kwalunkwe miżura alternattiva li setgħu ħadu biex jindirizzaw kwalunkwe istanza ta’ nuqqas ta’ konformità identifikata.

Artikolu 29
Sistemi ta’ rakkomandazzjoni

1.Il-pjattaformi online kbar ħafna li jużaw sistemi ta’ rakkomandazzjoni għandhom jistabbilixxu fit-termini u l-kundizzjonijiet tagħhom, b’mod ċar, aċċessibbli u li jinftiehem faċilment, il-parametri ewlenin użati fis-sistemi ta’ rakkomandazzjoni tagħhom, kif ukoll kull alternattiva għar-riċevituri tas-servizz biex jimmodifikaw jew jinfluwenzaw dawk il-parametri ewlenin li setgħu għamlu disponibbli, inkluż mill-inqas alternattiva waħda li mhix ibbażata fuq it-tfassil tal-profili, skont it-tifsira tal-Artikolu 4(4) tar-Regolament (UE) 2016/679.

2.Meta jkun hemm diversi alternattivi disponibbli skont il-paragrafu 1, il-pjattaformi online kbar ħafna għandhom jipprovdu funzjonalità aċċessibbli faċilment fuq l-interfaċċa online tagħhom biex ir-riċevitur tas-servizz ikun jista’ jagħżel u jimmodifika fi kwalunkwe ħin l-alternattiva ppreferuta tagħhom għal kull waħda mis-sistemi ta’ rakkomandazzjoni li tiddetermina l-ordni relattiva tal-informazzjoni ppreżentata lilhom.

Artikolu 30
Trasparenza addizzjonali fir-reklamar online

1.Il-pjattaformi online kbar ħafna li juru reklamar fuq l-interfaċċi online tagħhom għandhom jikkompilaw u jagħmlu disponibbli għall-pubbliku permezz tal-interfaċċi tal-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet, repożitorju li jkun fih l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, sa sena wara li r-reklam ikun intwera għall-aħħar darba fuq l-interfaċċi online tagħhom. Għandhom jiżguraw li r-repożitorju ma jkun fih l-ebda data personali tar-riċevituri tas-servizz li lilhom ikun intwera jew seta’ ntwera r-reklam.

2.Ir-repożitorju għandu jinkludi mill-inqas l-informazzjoni kollha li ġejja:

(a)il-kontenut tar-reklam;

(b)il-persuna fiżika jew ġuridika li f’isimha jintwera r-reklam;

(c)il-perjodu li matulu ntwera r-reklam;

(d)jekk ir-reklam kienx maħsub biex jintwera speċifikament lil grupp wieħed jew aktar ta’ riċevituri tas-servizz u jekk iva, il-parametri ewlenin użati għal dak il-għan;

(e)l-għadd totali ta’ riċevituri tas-servizz milħuq u, meta applikabbli, numri aggregati għall-grupp jew għall-gruppi ta’ riċevituri li għalihom kien immirat speċifikament ir-reklam.

Artikolu 31
Aċċess u skrutinju tad-data

1.Il-pjattaformi online kbar ħafna għandhom jipprovdu lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment jew lill-Kummissjoni, meta ssir talba motivata minnhom u fi żmien raġonevoli, kif speċifikat fit-talba, aċċess għad-data meħtieġa għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-konformità ma’ dan ir-Regolament. Dak il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali u l-Kummissjoni għandhom jużaw dik id-data biss għal dawk il-finijiet.

2.Meta ssir talba motivata mill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment jew mill-Kummissjoni, il-pjattaformi online kbar ħafna għandhom, fi żmien raġonevoli, kif speċifikat fit-talba, jipprovdu aċċess għad-data lir-riċerkaturi verifikati li jkunu jissodisfaw ir-rekwiżiti fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, għall-uniku fini biex titwettaq riċerka li tikkontribwixxi għall-identifikazzjoni u l-fehim tar-riskji sistemiċi kif stabbilit fl-Artikolu 26(1).

3.Il-pjattaformi online kbar ħafna għandhom jipprovdu aċċess għad-data skont il-paragrafi 1 u 2 permezz ta’ bażijiet tad-data online jew interfaċċi għall-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet, kif xieraq.

4.Biex jiġu verifikati, ir-riċerkaturi għandhom ikunu affiljati ma’ istituzzjonijiet akkademiċi, ikunu indipendenti minn interessi kummerċjali, ikollhom rekords ippruvati ta’ għarfien espert fl-oqsma relatati mar-riskji investigati jew ma’ metodoloġiji tar-riċerka relatati, u għandhom jimpenjaw ruħhom u jkunu f’kapaċità li jippreservaw ir-rekwiżiti speċifiċi tas-sigurtà u l-kunfidenzjalità tad-data korrispondenti għal kull talba.

5.Il-Kummissjoni għandha, wara li tikkonsulta lill-Bord, tadotta atti delegati li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet tekniċi li skonthom il-pjattaformi online kbar ħafna għandhom jikkondividu d-data skont il-paragrafi 1 u 2 u l-għanijiet li għalihom tista’ tintuża d-data. Dawk l-atti delegati għandhom jistabbilixxu l-kundizzjonijiet speċifiċi li skonthom tista’ ssir il-kondiviżjoni tad-data ma’ riċerkaturi verifikati f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679, filwaqt li jitqiesu d-drittijiet u l-interessi tal-pjattaformi online kbar ħafna u tar-riċevituri tas-servizz ikkonċernati, inkluż il-protezzjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali, b’mod partikolari s-sigrieti kummerċjali, u ż-żamma tas-sigurtà tas-servizz tagħhom.

6.Fi żmien 15-il jum mill-wasla ta’ talba kif imsemmi fil-paragrafi 1 u 2, pjattaforma online kbira ħafna tista’ titlob lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment jew lill-Kummissjoni, kif applikabbli, biex temenda t-talba, meta tqis li ma tkunx tista’ tagħti aċċess għad-data mitluba minħabba xi waħda miż-żewġ raġunijiet li ġejjin:

(a)ma jkollhiex aċċess għad-data;

(b)l-għoti ta’ aċċess għad-data jkun se jwassal għal vulnerabbiltajiet sinifikanti għas-sigurtà tas-servizz tagħha jew għall-protezzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali, b’mod partikolari s-sigrieti kummerċjali.

7.It-talbiet għal emenda skont il-punt (b) tal-paragrafu 6 għandu jkun fihom proposti għal mezz alternattiv wieħed jew aktar li permezz tagħhom ikun jista’ jingħata aċċess għad-data mitluba jew għal data oħra li tkun xierqa u suffiċjenti għall-fini tat-talba.

Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment jew il-Kummissjoni għandhom jiddeċiedu fuq it-talba għal emenda fi żmien 15-il jum u jikkomunikaw lill-pjattaforma online kbira ħafna d-deċiżjoni tagħha u, meta rilevanti, it-talba emendata u l-perjodu ta’ żmien il-ġdid biex tikkonforma mat-talba.

Artikolu 32
Uffiċjali għall-konformità

1.Il-pjattaformi online kbar ħafna għandhom jaħtru uffiċjal għall-konformità wieħed jew aktar responsabbli għall-monitoraġġ tal-konformità tagħhom ma’ dan ir-Regolament.

2.Il-pjattaformi online kbar ħafna għandhom jaħtru biss, bħala uffiċjali għall-konformità, persuni bi kwalifiki professjonali, bl-għarfien, bl-esperjenza u bil-kapaċità meħtieġa biex iwettqu l-kompiti msemmija fil-paragrafu 3. L-uffiċjali għall-konformità jistgħu jkunu membri tal-persunal tal-pjattaforma online kbira ħafna kkonċernata, jew iwettqu dawk il-kompiti abbażi ta’ kuntratt mal-pjattaforma online kbira ħafna kkonċernata.

3.L-uffiċjali għall-konformità għandhom dawn il-kompiti li ġejjin:

(a)jikkooperaw mal-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment u mal-Kummissjoni għall-fini ta’ dan ir-Regolament;

(b)jorganizzaw u jwettqu superviżjoni tal-attivitajiet tal-pjattaforma online kbira ħafna li huma relatati mal-awditu indipendenti skont l-Artikolu 28;

(c)jinformaw u jagħtu pariri lill-maniġment u lill-impjegati tal-pjattaforma online kbira ħafna dwar l-obbligi rilevanti skont dan ir-Regolament;

(d)iwettqu monitoraġġ tal-konformità tal-pjattaforma online kbira ħafna mal-obbligi tagħha skont dan ir-Regolament.

4.Il-pjattaformi online kbar ħafna għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-uffiċjali għall-konformità jkunu jistgħu jwettqu l-kompiti tagħhom b’mod indipendenti.

5.Il-pjattaformi online kbar ħafna għandhom jikkomunikaw l-isem u d-dettalji ta’ kuntatt tal-uffiċjal għall-konformità lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment u lill-Kummissjoni.

6.Il-pjattaformi online kbar ħafna għandhom jappoġġaw lill-uffiċjal għall-konformità fit-twettiq tal-kompiti tiegħu u jipprovdulu r-riżorsi meħtieġa biex iwettaq dawk il-kompiti kif xieraq. L-uffiċjal għall-konformità għandu jirrapporta b’mod dirett lill-ogħla livell tal-maniġment tal-pjattaforma.

Artikolu 33
Obbligi ta’ rappurtar ta’ trasparenza għall-pjattaformi online kbar ħafna

1.Il-pjattaformi online kbar ħafna għandhom jippubblikaw ir-rapporti msemmija fl-Artikolu 13 fi żmien sitt xhur mid-data tal-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 25(4), u minn hemm ’il quddiem kull sitt xhur.

2.Minbarra r-rapporti previsti fl-Artikolu 13, il-pjattaformi online kbar ħafna għandhom jagħmlu disponibbli għall-pubbliku u jittrażmettu lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment u lill-Kummissjoni, mill-inqas darba fis-sena u fi żmien 30 jum wara l-adozzjoni tar-rapport ta’ implimentazzjoni tal-awditu previst fl-Artikolu 28(4):

(a)rapport li jistabbilixxi r-riżultati tal-valutazzjoni tar-riskju skont l-Artikolu 26;

(b)il-miżuri ta’ mitigazzjoni tar-riskju relatati identifikati u implimentati skont l-Artikolu 27;

(c)ir-rapport tal-awditu previst fl-Artikolu 28(3);

(d)ir-rapport ta’ implimentazzjoni tal-awditu previst fl-Artikolu 28(4).

3.Meta pjattaforma online kbira ħafna tqis li l-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni skont il-paragrafu 2 tista’ twassal fl-iżvelar ta’ informazzjoni kunfidenzjali ta’ dik il-pjattaforma jew tar-riċevituri tas-servizz, tista’ tikkawża vulnerabbiltajiet sinifikanti għas-sigurtà tas-servizz tagħha, tista’ timmina s-sigurtà pubblika jew tista’ tagħmel ħsara lir-riċevituri, il-pjattaforma tista’ tneħħi din l-informazzjoni mir-rapporti. F’dak il-każ, dik il-pjattaforma għandha tibgħat ir-rapporti kompluti lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment u lill-Kummissjoni, flimkien ma’ dikjarazzjoni tar-raġunijiet għat-tneħħija tal-informazzjoni mir-rapporti pubbliċi.

Taqsima 5
Dispożizzjonijiet oħra dwar l-obbligi ta’ diliġenza dovuta

Artikolu 34
Standards

1.Il-Kummissjoni għandha tappoġġa u tippromwovi l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ standards volontarji tal-industrija stabbiliti minn korpi tal-istandardizzazzjoni Ewropej u internazzjonali rilevanti tal-anqas għal dawn li ġejjin:

(a)is-sottomissjoni elettronika tal-avviżi skont l-Artikolu 14;

(b)is-sottomissjoni elettronika tal-avviżi minn sinjalaturi fdati skont l-Artikolu 19, inkluż minn interfaċċi għall-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet;

(c)interfaċċi speċifiċi, inkluż interfaċċi għall-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet, biex jiffaċilitaw il-konformità mal-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 30 u 31;

(d)l-awditjar tal-pjattaformi online kbar ħafna skont l-Artikolu 28;

(e)l-interoperabbiltà tar-repożitorji tar-reklami msemmija fl-Artikolu 30(2);

(f)it-trażmissjoni tad-data bejn l-intermedjarji tar-reklamar b’appoġġ għall-obbligi ta’ trasparenza skont il-punti (b) u (c) tal-Artikolu 24.

2.Il-Kummissjoni għandha tappoġġa l-aġġornament tal-istandards fid-dawl ta’ żviluppi teknoloġiċi u l-imġiba tar-riċevituri tas-servizzi inkwistjoni.

Artikolu 35
Kodiċijiet ta’ kondotta

1.Il-Kummissjoni u l-Bord għandhom jinkoraġġixxu u jiffaċilitaw it-tfassil ta’ kodiċijiet ta’ kondotta fil-livell tal-Unjoni biex jikkontribwixxu għall-applikazzjoni xierqa ta’ dan ir-Regolament, filwaqt li jitqiesu b’mod partikolari l-isfidi speċifiċi li jiġu indirizzati tipi differenti ta’ kontenut illegali u riskji sistemiċi, f’konformità mal-liġi tal-Unjoni, b’mod partikolari dwar il-kompetizzjoni u l-protezzjoni tad-data personali.

2.Meta jirriżulta riskju sistemiku sinifikanti skont it-tifsira tal-Artikolu 26(1) u dan ikun jikkonċerna diversi pjattaformi online kbar ħafna, il-Kummissjoni tista’ tistieden lill-pjattaformi online kbar ħafna kkonċernati, lil pjattaformi online kbar ħafna oħrajn, lil pjattaformi online oħra u lil fornituri oħra tas-servizzi intermedjarji, kif xieraq, kif ukoll lil organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u partijiet interessati oħra, biex jieħdu sehem fit-tfassil ta’ kodiċijiet ta’ kondotta, inkluż billi jistabbilixxu impenji biex jittieħdu miżuri speċifiċi ta’ mitigazzjoni tar-riskju, kif ukoll qafas ta’ rappurtar regolari dwar il-miżuri meħuda u l-eżiti tagħhom.

3.Meta jagħtu effett lill-paragrafi 1 u 2, il-Kummissjoni u l-Bord għandu jkollhom l-għan li jiżguraw li l-kodiċijiet ta’ kondotta jistabbilixxu l-objettivi tagħhom b’mod ċar, ikun fihom indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni biex ikejlu l-kisba ta’ dawk l-objettivi u jqisu kif xieraq il-ħtiġijiet u l-interessi tal-partijiet interessati kollha, inkluż iċ-ċittadini, fil-livell tal-Unjoni. Il-Kummissjoni u l-Bord għandu jkollhom l-għan li jiżguraw li l-parteċipanti jirrappurtaw regolarment lill-Kummissjoni u lill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali rispettivi tagħhom dwar il-miżuri meħuda u l-eżiti tagħhom, kif imkejla skont l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni li jkun fihom.

4.Il-Kummissjoni u l-Bord għandhom jivvalutaw jekk il-kodiċijiet ta’ kondotta jissodisfawx l-għanijiet speċifikati fil-paragrafi 1 u 3, u għandhom jimmonitorjaw u jevalwaw b’mod regolari l-kisba tal-objettivi tagħhom. Dawn għandhom jippubblikaw il-konklużjonijiet tagħhom.

5.Il-Bord għandu jimmonitorja u jevalwa b’mod regolari l-kisba tal-objettivi tal-kodiċijiet ta’ kondotta, filwaqt li jqis l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni li jista’ jkun fihom.

Artikolu 36
Kodiċijiet ta’ kondotta għar-reklamar online

1.Il-Kummissjoni għandha tħeġġeġ u tiffaċilita t-tfassil ta’ kodiċijiet ta’ kondotta fil-livell tal-Unjoni bejn pjattaformi online u fornituri oħra ta’ servizzi rilevanti, bħal fornituri tas-servizzi intermedjarji tar-reklamar online jew organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lir-riċevituri tas-servizz u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jew awtoritajiet rilevanti biex jikkontribwixxu għal aktar trasparenza fir-reklamar online lil hinn mir-rekwiżiti tal-Artikoli 24 u 30.

2.Il-Kummissjoni għandu jkollha l-għan li tiżgura li l-kodiċijiet ta’ kondotta jsegwu trażmissjoni effettiva tal-informazzjoni, b’rispett sħiħ għad-drittijiet u l-interessi tal-partijiet kollha involuti, u ambjent kompetittiv, trasparenti u ġust fir-reklamar online, f’konformità mal-liġi tal-Unjoni u nazzjonali, b’mod partikolari dwar il-kompetizzjoni u l-protezzjoni tad-data personali. Il-Kummissjoni għandu jkollha l-għan li tiżgura li l-kodiċijiet ta’ kondotta jindirizzaw mill-inqas:

(a)it-trażmissjoni tal-informazzjoni miżmuma mill-fornituri tal-intermedjarji tar-reklamar online lir-riċevituri tas-servizz fir-rigward tar-rekwiżiti stabbiliti fil-punti (b) u (c) tal-Artikolu 24;

(b)it-trażmissjoni tal-informazzjoni miżmuma mill-fornituri tal-intermedjarji tar-reklamar online lir-repożitorji f’konformità mal-Artikolu 30.

3.Il-Kummissjoni għandha tinkoraġġixxi l-iżvilupp tal-kodiċijiet ta’ kondotta fi żmien sena wara d-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u l-applikazzjoni tagħhom mhux aktar tard minn sitt xhur wara dik id-data.

Artikolu 37
Protokolli ta’ kriżi

1.Il-Bord jista’ jirrakkomanda lill-Kummissjoni biex tibda t-tfassil, f’konformità mal-paragrafi 2, 3 u 4, ta’ protokolli ta’ kriżi biex jiġu indirizzati sitwazzjonijiet ta’ kriżi strettament limitati għal ċirkostanzi straordinarji li jaffettwaw is-sigurtà pubblika jew is-saħħa pubblika.

2.Il-Kummissjoni għandha tħeġġeġ u tiffaċilita lill-pjattaformi online kbar ħafna u, meta xieraq, lil pjattaformi online oħra, bl-involviment tal-Kummissjoni, biex jieħdu sehem fit-tfassil, fl-ittestjar u fl-applikazzjoni ta’ dawk il-protokolli ta’ kriżi, li jinkludu waħda jew aktar mill-miżuri li ġejjin:

(a)il-wiri ta’ informazzjoni prominenti dwar is-sitwazzjoni ta’ kriżi pprovduta mill-awtoritajiet tal-Istati Membri jew fil-livell tal-Unjoni;

(b)l-iżgurar li l-punt ta’ kuntatt imsemmi fl-Artikolu 10 ikun responsabbli għall-ġestjoni tal-kriżijiet;

(c)meta applikabbli, l-adattament tar-riżorsi dedikati għall-konformità mal-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 14, 17, 19, 20 u 27 għall-ħtiġijiet li toħloq is-sitwazzjoni ta’ kriżi.

3.Il-Kummissjoni tista’ tinvolvi, kif xieraq, lill-awtoritajiet tal-Istati Membri u lill-korpi, lill-uffiċċji u lill-aġenziji tal-Unjoni fit-tfassil, fl-ittestjar u fis-superviżjoni tal-applikazzjoni tal-protokolli ta’ kriżi. Meta meħtieġ u xieraq, fit-tfassil tal-protokolli ta’ kriżi, il-Kummissjoni tista’ tinvolvi wkoll lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jew organizzazzjonijiet rilevanti oħra.

4.Il-Kummissjoni għandu jkollha l-għan li tiżgura li l-protokolli ta’ kriżi jistabbilixxu b’mod ċar dan kollu li ġej:

(a)il-parametri speċifiċi biex jiġi determinat x’jikkostitwixxi ċ-ċirkostanza straordinarja speċifika li l-protokoll ta’ kriżi jipprova jindirizza u l-objettivi li jsegwi;

(b)ir-rwol ta’ kull parteċipant u l-miżuri li jridu jiġu stabbiliti waqt it-tħejjija u ladarba jiġi attivat il-protokoll ta’ kriżi;

(c)proċedura ċara biex jiġi determinat meta għandu jiġi attivat il-protokoll ta’ kriżi;

(d)proċedura ċara biex jiġi determinat il-perjodu li matulu għandhom jittieħdu l-miżuri li jridu jittieħdu ladarba jiġi attivat il-protokoll ta’ kriżi, li tkun strettament limitata għal dak meħtieġ biex jiġu indirizzati ċ-ċirkostanzi straordinarji speċifiċi kkonċernati;

(e)salvagwardji biex jindirizzaw kull effett negattiv fuq l-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali minquxa fil-Karta, b’mod partikolari l-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni u d-dritt għal nondiskriminazzjoni;

(f)proċess ta’ rappurtar pubbliku dwar il-miżuri meħuda, it-tul ta’ żmien u l-eżiti tagħhom, fi tmiem is-sitwazzjoni ta’ kriżi.

5.Jekk il-Kummissjoni jkun jidhrilha li protokoll ta’ kriżi jonqos milli jindirizza b’mod effettiv is-sitwazzjoni ta’ kriżi, jew milli jissalvagwardja l-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali msemmi fil-punt (e) tal-paragrafu 4, din tista’ titlob lill-parteċipanti biex jirrevedu l-protokoll ta’ kriżi, inkluż billi jieħdu miżuri addizzjonali.

Kapitolu IV
Implimentazzjoni, kooperazzjoni, sanzjonijiet u infurzar

Taqsima 1
Awtoritajiet kompetenti u Koordinaturi Nazzjonali tas-Servizzi Diġitali

Artikolu 38
Awtoritajiet kompetenti u Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali

1.L-Istati Membri għandhom jiddeżinjaw awtorità kompetenti waħda jew aktar biex tkun responsabbli għall-applikazzjoni u l-infurzar ta’ dan ir-Regolament (“awtoritajiet kompetenti”).

2.L-Istati Membri għandhom jiddeżinjaw waħda mill-awtoritajiet kompetenti bħala l-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tagħhom. Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali għandu jkun responsabbli għall-kwistjonijiet kollha relatati mal-applikazzjoni u l-infurzar ta’ dan ir-Regolament f’dak l-Istat Membru, sakemm l-Istat Membru kkonċernat ma jkunx assenja ċerti kompiti jew setturi speċifiċi lil awtoritajiet kompetenti oħra. Fi kwalunkwe każ, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali għandu jkun responsabbli biex jiżgura l-koordinazzjoni fil-livell nazzjonali fir-rigward ta’ dawk il-kwistjonijiet u biex jikkontribwixxi għall-applikazzjoni u l-infurzar effettivi u konsistenti ta’ dan ir-Regolament madwar l-Unjoni kollha.

Għal dak il-għan, il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali għandhom jikkooperaw bejniethom, ma’ awtoritajiet nazzjonali kompetenti oħra, mal-Bord u mal-Kummissjoni, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-Istati Membri jipprevedu skambji regolari ta’ fehmiet ma’ awtoritajiet oħra meta rilevanti għat-twettiq tal-kompiti ta’ dawk l-awtoritajiet l-oħra u tal-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali.

Meta Stat Membru jiddeżinja aktar minn awtorità kompetenti waħda minbarra l-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali, dan għandu jiżgura li l-kompiti rispettivi ta’ dawk l-awtoritajiet u tal-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jkunu definiti b’mod ċar u li dawn jikkooperaw mill-qrib u b’mod effettiv meta jwettqu l-kompiti tagħhom. L-Istat Membru kkonċernat għandu jikkomunika l-isem tal-awtoritajiet kompetenti l-oħra kif ukoll il-kompiti rispettivi tagħhom lill-Kummissjoni u lill-Bord.

3.L-Istati Membri għandhom jiddeżinjaw il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali fi żmien xahrejn mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

L-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli pubblikament, u jikkomunikaw lill-Kummissjoni u lill-Bord, l-isem tal-awtorità kompetenti tagħhom deżinjata bħala l-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali u jagħtu l-informazzjoni ta’ kuntatt tagħha.

4.Ir-rekwiżiti applikabbli għall-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali stabbiliti fl-Artikoli 39, 40 u 41 għandhom japplikaw ukoll għal kull awtorità kompetenti oħra li l-Istati Membri jiddeżinjaw skont il-paragrafu 1.

Artikolu 39
Rekwiżiti għall-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali tagħhom iwettqu l-kompiti tagħhom skont dan ir-Regolament b’mod imparzjali, trasparenti u fil-ħin. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali tagħhom ikollhom riżorsi tekniċi, finanzjarji u umani adegwati biex iwettqu l-kompiti tagħhom.

2.Meta jwettqu l-kompiti tagħhom u jeżerċitaw is-setgħat tagħhom f’konformità ma’ dan ir-Regolament, il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali għandhom jaġixxu b’indipendenza sħiħa. Għandhom jibqgħu ħielsa minn kull influwenza esterna, kemm diretta kif ukoll indiretta, u la għandhom ifittxu u lanqas jieħdu struzzjonijiet mingħand xi awtorità pubblika oħra jew mingħand xi parti privata oħra.

3.Il-paragrafu 2 huwa mingħajr preġudizzju għall-kompiti tal-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali fi ħdan is-sistema ta’ superviżjoni u infurzar prevista f’dan ir-Regolament u l-kooperazzjoni ma’ awtoritajiet kompetenti oħra f’konformità mal-Artikolu 38(2). Il-paragrafu 2 ma għandux jipprevjeni s-superviżjoni tal-awtoritajiet ikkonċernati f’konformità mal-liġi kostituzzjonali nazzjonali.

Artikolu 40
Ġurisdizzjoni

1.L-Istat Membru tal-istabbiliment ewlieni tal-fornitur tas-servizzi intermedjarji għandu jkollu ġurisdizzjoni għall-finijiet tal-Kapitoli III u IV ta’ dan ir-Regolament.

2.Fornitur tas-servizzi intermedjarji li ma jkollux stabbiliment fl-Unjoni iżda li joffri servizzi fl-Unjoni għandu, għall-finijiet tal-Kapitoli III u IV, jitqies li jaqa’ fil-ġurisdizzjoni tal-Istat Membru fejn jirrisjedi jew ikun stabbilit ir-rappreżentant legali tiegħu.

3.Meta fornitur tas-servizzi intermedjarji jonqos milli jaħtar rappreżentant legali f’konformità mal-Artikolu 11, l-Istati Membri kollha għandu jkollhom ġurisdizzjoni għall-finijiet tal-Kapitoli III u IV. Meta Stat Membru jiddeċiedi li jeżerċita ġurisdizzjoni skont dan il-paragrafu, dan għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra kollha u jiżgura li jiġi rispettat il-prinċipju ta’ ne bis in idem.

4.Il-paragrafi 1, 2 u 3 huma mingħajr preġudizzju għat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 50(4) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 51(2) u l-kompiti u s-setgħat tal-Kummissjoni skont it-Taqsima 3.

Artikolu 41
Setgħat tal-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali

1.Meta meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tagħhom, il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali għandu jkollhom mill-inqas is-setgħat ta’ investigazzjoni li ġejjin, fir-rigward tal-kondotta minn fornituri tas-servizzi intermedjarji fil-ġurisdizzjoni tal-Istat Membru tagħhom:

(a)is-setgħa li jitolbu li dawk il-fornituri, u kull persuna oħra li taġixxi għal finijiet relatati mal-kummerċ, man-negozju, mas-sengħa jew mal-professjoni tagħhom li jaf b’mod raġonevoli jkollha konoxxenza ta’ informazzjoni relatata ma’ suspettat ksur ta’ dan ir-Regolament, inkluż organizzazzjonijiet li jwettqu l-awditi msemmija fl-Artikoli 28 u 50(3), biex jipprovdu din l-informazzjoni fi żmien raġonevoli;

(b)is-setgħa li jwettqu spezzjonijiet fuq il-post ta’ xi stabbiliment li jintuża minn dawk il-fornituri jew minn dawk il-persuni għal finijiet relatati mal-kummerċ, man-negozju, mas-sengħa jew mal-professjoni tagħhom, jew li jitolbu lil awtoritajiet pubbliċi oħra biex jagħmlu dan, biex jeżaminaw, jikkonfiskaw, jieħdu jew jiksbu kopji ta’ informazzjoni relatata ma’ suspettat ksur ta’ xi forma, irrispettivament mill-mezz tal-ħżin;

(c)is-setgħa li jitolbu lil xi membru tal-persunal jew rappreżentant ta’ dawk il-fornituri jew dawk il-persuni biex jagħtu spjegazzjonijiet dwar xi informazzjoni relatata ma’ suspettat ksur u biex jirreġistraw it-tweġibiet.

2.Meta meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tagħhom, il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali għandu jkollhom mill-inqas is-setgħat ta’ infurzar li ġejjin, fir-rigward tal-fornituri tas-servizzi intermedjarji fil-ġurisdizzjoni tal-Istat Membru tagħhom:

(a)is-setgħa li jaċċettaw l-impenji offruti minn dawk il-fornituri b’rabta mal-konformità tagħhom ma’ dan ir-Regolament u li jagħmlu dawk l-impenji vinkolanti;

(b)is-setgħa li jordnaw il-waqfien ta’ ksur u, meta xieraq, li jimponu rimedji proporzjonati għall-ksur u meħtieġa biex itemmu l-ksur b’mod effettiv;

(c)is-setgħa li jimponu multi f’konformità mal-Artikolu 42 għal nuqqas ta’ konformità ma’ dan ir-Regolament, inkluż ma’ xi ordni maħruġa skont il-paragrafu 1;

(d)is-setgħa li jimponu pagament perjodiku ta’ penali f’konformità mal-Artikolu 42 biex jiżguraw li ksur jintemm f’konformità ma’ ordni maħruġa skont il-punt (b) ta’ dan il-paragrafu jew għal nuqqas ta’ konformità ma’ xi ordni maħruġa skont il-paragrafu 1;

(e)is-setgħa li jiġu adottati miżuri interim biex ikun evitat ir-riskju ta’ ħsara serja.

Fir-rigward tal-punti (c) u (d) tal-ewwel subparagrafu, il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali għandu jkollhom ukoll is-setgħat ta’ infurzar stabbiliti f’dawk il-punti fir-rigward tal-persuni l-oħra msemmija fil-paragrafu 1 għal nuqqas ta’ konformità ma’ xi ordni maħruġa lilhom skont dak il-paragrafu. Dawn għandhom jeżerċitaw dawk is-setgħat ta’ infurzar biss wara li jkunu pprovdew lil dawk il-persuni l-oħra fi żmien xieraq l-informazzjoni rilevanti kollha relatata ma’ dawn l-ordnijiet, inkluż il-perjodu ta’ żmien applikabbli, il-multi jew il-pagamenti perjodiċi li jistgħu jiġu imposti għal nuqqas ta’ konformità, u l-possibbiltajiet ta’ rimedju.

3.Meta jkun meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tagħhom, il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali għandu jkollhom ukoll, fir-rigward tal-fornituri tas-servizzi intermedjarji fil-ġurisdizzjoni tal-Istat Membru tagħhom, meta jkunu ġew eżawriti s-setgħat l-oħra kollha skont dan l-Artikolu li jwasslu għall-waqfien ta’ ksur, il-ksur jippersisti u jikkawża ħsara serja li ma tistax tkun evitata bl-eżerċizzju ta’ setgħat oħra disponibbli skont il-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali, is-setgħa li jieħdu l-miżuri li ġejjin:

(a)jeżiġu li l-korp maniġerjali tal-fornituri, fi żmien raġonevoli, jeżamina s-sitwazzjoni, jadotta u jippreżenta pjan ta’ azzjoni li jistabbilixxi l-miżuri meħtieġa biex jintemm il-ksur, jiżgura li l-fornitur jieħu dawk il-miżuri, u jirrapporta dwar il-miżuri meħuda;

(b)meta l-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jidhirlu li l-fornitur ma kkonformax biżżejjed mar-rekwiżiti tal-ewwel inċiż, li l-ksur għadu qed jippersisti u jikkawża ħsara serja, u li l-ksur jinvolvi reat kriminali serju li jinvolvi theddida għall-ħajja jew għas-sigurtà tal-persuni, jitlob lill-awtorità ġudizzjarja kompetenti ta’ dak l-Istat Membru tordna r-restrizzjoni temporanja tal-aċċess tar-riċevituri tas-servizz ikkonċernat mill-ksur jew, biss meta dan ma jkunx fattibbli teknikament, għall-interfaċċa online tal-fornitur tas-servizzi intermedjarji li fuqhom iseħħ il-ksur.

Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali għandu, għajr meta jaġixxi skont it-talba tal-Kummissjoni msemmija fl-Artikolu 65, qabel ma jippreżenta t-talba msemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, jistieden lill-partijiet interessati biex jissottomettu osservazzjonijiet bil-miktub f’perjodu ta’ żmien li ma għandux ikun inqas minn ġimagħtejn, ħalli jiddeskrivu l-miżuri li jkun beħsiebhom jitolbu u jidentifikaw id-destinatarju jew id-destinatarji intenzjonati tagħhom. Il-fornitur, id-destinatarju jew id-destinatarji maħsuba u kull parti terza oħra li turi interess leġittimu għandhom ikunu intitolati biex jieħdu sehem fil-proċedimenti quddiem l-awtorità ġudizzjarja kompetenti. Kull miżura ordnata għandha tkun proporzjonata man-natura, mal-gravità, mar-rikorrenza u mat-tul tal-ksur, mingħajr ma tillimita bla bżonn l-aċċess għal informazzjoni legali mir-riċevituri tas-servizz ikkonċernat.

Ir-restrizzjoni għandha tkun għal perjodu ta’ erba’ ġimgħat, soġġetta għall-possibbiltà li l-awtorità ġudizzjarja kompetenti, fl-ordni tagħha, tippermetti lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jestendi dak il-perjodu għal perjodi oħra tal-istess tul, soġġetti għal għadd massimu ta’ estensjonijiet stabbiliti minn dik l-awtorità ġudizzjarja. Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali għandu jestendi biss il-perjodu meta jqis, fid-dawl tad-drittijiet u tal-interessi tal-partijiet kollha affettwati mir-restrizzjoni u ċ-ċirkostanzi rilevanti kollha, inkluż kull informazzjoni li l-fornitur, id-destinatarju jew id-destinatarji u kull parti terza oħra li tkun uriet interess leġittimu tista’ tipprovdilu, li ġew issodisfati ż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)il-fornitur ikun naqas milli jieħu l-miżuri meħtieġa biex itemm il-ksur;

(b)ir-restrizzjoni temporanja ma tillimitax indebitament l-aċċess għal informazzjoni legali mir-riċevituri tas-servizz, filwaqt li jitqies l-għadd ta’ riċevituri affettwati u jekk jeżistux alternattivi adegwati u aċċessibbli faċilment.

Meta l-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jidhirlu li dawk iż-żewġ kundizzjonijiet ġew issodisfati iżda ma jkunx jista’ jibqa’ jestendi l-perjodu skont it-tielet subparagrafu, dan għandu jissottometti talba ġdida lill-awtorità ġudizzjarja kompetenti, kif imsemmi fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu.

4.Is-setgħat elenkati fil-paragrafi 1, 2 u 3 huma mingħajr preġudizzju għat-Taqsima 3.

5.Il-miżuri meħuda mill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom elenkati fil-paragrafi 1, 2 u 3 għandhom ikunu effettivi, dissważivi u proporzjonati, filwaqt li jqisu, b’mod partikolari, in-natura, il-gravità, ir-rikorrenza u t-tul tal-ksur jew tas-suspettat ksur li miegħu jirrelataw dawk il-miżuri, kif ukoll il-kapaċità ekonomika, teknika u operazzjonali tal-fornitur tas-servizzi intermedjarji kkonċernat, meta rilevanti.

6.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull eżerċizzju tas-setgħat skont il-paragrafi 1, 2 u 3 ikun soġġett għal salvagwardji adegwati stabbiliti fil-liġi nazzjonali applikabbli f’konformità mal-Karta u mal-prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Unjoni. B’mod partikolari, dawk il-miżuri għandhom jittieħdu biss f’konformità mad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u d-drittijiet tad-difiża, inkluż id-drittijiet ta’ smigħ u ta’ aċċess għall-fajl, u soġġetti għad-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv tal-partijiet affettwati kollha.

Artikolu 42
Penali

1.L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur ta’ dan ir-Regolament mill-fornituri tas-servizzi intermedjarji fil-ġurisdizzjoni tagħhom u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati f’konformità mal-Artikolu 41.

2.Il-penali għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar dawk ir-regoli u dwar dawk il-miżuri, u għandhom jinnotifikawha mingħajr dewmien dwar kull emenda sussegwenti li taffettwahom.

3.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ammont massimu ta’ penali imposti għal nuqqas ta’ konformità mal-obbligi stabbiliti f’dan ir-Regolament ma għandux jaqbeż is-6 % tal-introjtu jew tal-fatturat annwali tal-fornitur tas-servizzi intermedjarji kkonċernat. Il-penali għall-għoti ta’ informazzjoni skorretta, mhux kompluta jew qarrieqa, għan-nuqqas ta’ tweġiba jew rettifika ta’ informazzjoni skorretta, mhux kompluta jew qarrieqa u għan-nuqqas ta’ sottomissjoni għal spezzjoni fuq il-post ma għandhomx jaqbżu l-1 % tal-introjtu jew tal-fatturat annwali tal-fornitur ikkonċernat.

4.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ammont massimu ta’ pagament perjodiku ta’ penali ma għandux jaqbeż il-5 % tal-fatturat medju ta’ kuljum tal-fornitur tas-servizzi intermedjarji kkonċernat fis-sena finanzjarja preċedenti għal kull jum, ikkalkulat mid-data speċifikata fid-deċiżjoni kkonċernata.

Artikolu 43
Dritt li jitressaq ilment

Ir-riċevituri tas-servizz għandu jkollhom id-dritt li jressqu lment kontra l-fornituri tas-servizzi intermedjarji biex jallegaw ksur ta’ dan ir-Regolament mal-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-Istat Membru fejn jirrisjedi jew ikun stabbilit ir-riċevitur. Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali għandu jivvaluta l-ilment u, meta xieraq, jgħaddih lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment. Meta l-ilment ikun fir-responsabbiltà ta’ awtorità kompetenti oħra fl-Istat Membru tiegħu, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali li jirċievi l-ilment għandu jgħaddih lil dik l-awtorità.

Artikolu 44
Rapporti ta’ attività

1.Il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali għandhom ifasslu rapport annwali dwar l-attivitajiet tagħhom skont dan ir-Regolament. Ir-rapporti annwali għandhom jagħmluhom disponibbli għall-pubbliku, u għandhom jikkomunikawhom lill-Kummissjoni u lill-Bord.

2.Ir-rapport annwali għandu jinkludi mill-inqas l-informazzjoni li ġejja:

(a)l-għadd u s-suġġett tal-ordnijiet għal azzjoni kontra kontenut illegali u tal-ordnijiet għal għoti tal-informazzjoni maħruġa f’konformità mal-Artikoli 8 u 9 minn xi awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva nazzjonali tal-Istat Membru tal-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali kkonċernat;

(b)l-effetti mogħtija lil dawk l-ordnijiet, kif ikkomunikati lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali skont l-Artikoli 8 u 9.

3.Meta Stat Membru jkun iddeżinja bosta awtoritajiet kompetenti skont l-Artikolu 38, dan għandu jiżgura li l-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jfassal rapport uniku li jkopri l-attivitajiet tal-awtoritajiet kompetenti kollha u li l-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jirċievi l-informazzjoni u l-appoġġ rilevanti kollha meħtieġa għal dak il-għan mingħand l-awtoritajiet kompetenti l-oħra kkonċernati.

Artikolu 45
Kooperazzjoni transfruntiera bejn il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali

1.Meta Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jkollu raġunijiet biex jissuspetta li fornitur tas-servizz intermedjarju, li ma jkunx fil-ġurisdizzjoni tal-Istat Membru kkonċernat, ikun kiser dan ir-Regolament, dan għandu jitlob lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment biex jivvaluta l-kwistjoni u jieħu l-miżuri investigattivi u ta’ infurzar meħtieġa biex jiżgura l-konformità ma’ dan ir-Regolament.

Meta l-Bord ikollu raġunijiet biex jissuspetta li fornitur tas-servizzi intermedjarji jkun kiser dan ir-Regolament b’mod li jinvolvi mill-inqas tliet Stati Membri, dan jista’ jirrakkomanda lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment biex jivvaluta l-kwistjoni u jieħu l-miżuri investigattivi u ta’ infurzar meħtieġa biex jiżgura l-konformità ma’ dan ir-Regolament.

2.Talba jew rakkomandazzjoni skont il-paragrafu 1 għandha mill-inqas tindika:

(a)il-punt ta’ kuntatt tal-fornitur tas-servizzi intermedjarji kkonċernati kif previst fl-Artikolu 10;

(b)deskrizzjoni tal-fatti rilevanti, id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament ikkonċernati u r-raġunijiet għalfejn il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali li bagħat it-talba, jew il-Bord, jissuspetta li l-fornitur kiser dan ir-Regolament;

(c)kull informazzjoni oħra li l-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali li bagħat it-talba, jew il-Bord, jidhirlu li hija rilevanti, inkluż, meta xieraq, informazzjoni miġbura b’inizjattiva tiegħu stess jew suġġerimenti għal miżuri investigattivi jew ta’ infurzar speċifiċi li jridu jittieħdu, inkluż miżuri interim.

3.Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment għandu jqis it-talba jew ir-rakkomandazzjoni bl-akbar reqqa skont il-paragrafu 1. Meta jidhirlu li ma hemmx biżżejjed informazzjoni biex jaġixxi fuq it-talba jew ir-rakkomandazzjoni u jkollu raġunijiet biex iqis li l-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali li bagħat it-talba, jew il-Bord, jista’ jipprovdi informazzjoni addizzjonali, dan jista’ jitlob din l-informazzjoni. Il-perjodu ta’ żmien stabbilit fil-paragrafu 4 għandu jiġi sospiż sakemm tingħata dik l-informazzjoni addizzjonali.

4.Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment għandu, mingħajr dewmien żejjed u fi kwalunkwe każ sa mhux aktar tard minn xahrejn mill-wasla tat-talba jew tar-rakkomandazzjoni, jikkomunika lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali li bagħat it-talba, jew lill-Bord, il-valutazzjoni tiegħu tas-suspettat ksur, jew il-valutazzjoni ta’ xi awtorità kompetenti oħra skont il-liġi nazzjonali meta rilevanti, u spjegazzjoni ta’ kull miżura investigatorja jew ta’ infurzar meħuda jew prevista b’rabta ma’ dan biex tkun żgurata l-konformità ma’ dan ir-Regolament.

5.Meta l-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali li bagħat it-talba jew, meta xieraq, il-Bord, ma jkunx irċieva tweġiba fil-perjodu ta’ żmien stabbilit fil-paragrafu 4 jew meta ma jkunx jaqbel mal-valutazzjoni tal-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment, dan jista’ jirreferi l-kwistjoni lill-Kummissjoni, billi jipprovdi l-informazzjoni rilevanti kollha. Dik l-informazzjoni għandha tinkludi mill-inqas it-talba jew ir-rakkomandazzjoni mibgħuta lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment, kull informazzjoni addizzjonali pprovduta skont il-paragrafu 3 u l-komunikazzjoni msemmija fil-paragrafu 4.

6.Il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-kwistjoni fi żmien tliet xhur mir-riferiment tal-kwistjoni skont il-paragrafu 5, wara konsultazzjoni mal-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment u, sakemm ma tkunx irreferiet il-kwistjoni hija stess, mal-Bord.

7.Meta, skont il-paragrafu 6, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-valutazzjoni jew il-miżuri investigattivi jew ta’ infurzar meħuda jew previsti skont il-paragrafu 4 huma inkompatibbli ma’ dan ir-Regolament, din għandha titlob lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment biex jivvaluta aktar il-kwistjoni u jieħu l-miżuri investigattivi jew ta’ infurzar meħtieġa biex jiżgura l-konformità ma’ dan ir-Regolament, u biex jinfurmah dwar dawk il-miżuri meħuda fi żmien xahrejn minn dik it-talba.

Artikolu 46
Investigazzjonijiet konġunti u talbiet għal intervent mill-Kummissjoni

1.Il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali jistgħu jipparteċipaw f’investigazzjonijiet konġunti, li jistgħu jiġu kkoordinati bl-appoġġ tal-Bord, fir-rigward ta’ kwistjonijiet koperti minn dan ir-Regolament, li jikkonċernaw fornituri tas-servizzi intermedjarji li joperaw f’bosta Stati Membri.

Dawn l-investigazzjonijiet konġunti huma mingħajr preġudizzju għall-kompiti u s-setgħat tal-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali parteċipanti u r-rekwiżiti applikabbli għat-twettiq ta’ dawk il-kompiti u l-eżerċitar ta’ dawk is-setgħat previsti f’dan ir-Regolament. Il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali parteċipanti għandhom jagħmlu r-riżultati tal-investigazzjonijiet konġunti disponibbli għal Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali oħra, għall-Kummissjoni u għall-Bord bis-sistema prevista fl-Artikolu 67 għat-twettiq tal-kompiti rispettivi tagħhom skont dan ir-Regolament.

2.Meta Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment ikollu raġunijiet biex jissuspetta li pjattaforma online kbira ħafna tkun kisret dan ir-Regolament, dan jista’ jitlob lill-Kummissjoni biex tieħu l-miżuri investigattivi u ta’ infurzar meħtieġa ħalli tiżgura l-konformità ma’ dan ir-Regolament, f’konformità mat-Taqsima 3. Din it-talba għandha tinkludi l-informazzjoni kollha elenkata fl-Artikolu 45(2) u tipprovdi r-raġunijiet għalfejn qed issir talba biex il-Kummissjoni tintervjeni.

Taqsima 2
Bord Ewropew għas-Servizzi Diġitali

Artikolu 47
Bord Ewropew għas-Servizzi Diġitali

1.Huwa stabbilit grupp konsultattiv indipendenti ta’ Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali dwar is-superviżjoni tal-fornituri tas-servizzi intermedjarji msejjaħ “Bord Ewropew għas-Servizzi Diġitali” (il-“Bord”).

2.Il-Bord għandu jagħti pariri lill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali u lill-Kummissjoni f’konformità ma’ dan ir-Regolament biex jintlaħqu l-objettivi li ġejjin:

(a)kontribut għall-applikazzjoni konsistenti ta’ dan ir-Regolament u għal kooperazzjoni effettiva bejn il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali u l-Kummissjoni rigward kwistjonijiet koperti minn dan ir-Regolament;

(b)koordinazzjoni u kontribut għal gwida u analiżi tal-Kummissjoni u tal-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali u ta’ awtoritajiet kompetenti oħra dwar kwistjonijiet emerġenti fis-suq intern rigward kwistjonijiet koperti minn dan ir-Regolament;

(c)assistenza lill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali u lill-Kummissjoni fis-superviżjoni tal-pjattaformi online kbar ħafna.

Artikolu 48
Struttura tal-Bord

1.Il-Bord għandu jkun magħmul mill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali, li għandhom ikunu rrappreżentati minn uffiċjali ta’ livell għoli. Meta previst mil-liġi nazzjonali, fil-Bord għandhom jipparteċipaw awtoritajiet kompetenti oħra fdati b’responsabbiltajiet operazzjonali speċifiċi għall-applikazzjoni u l-infurzar ta’ dan ir-Regolament flimkien mal-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali. Awtoritajiet nazzjonali oħra jistgħu jiġu mistiedna għal-laqgħat, meta l-kwistjonijiet diskussi jkunu rilevanti għalihom.

2.Kull Stat Membru għandu jkollu vot wieħed. Il-Kummissjoni ma għandux ikollha drittijiet tal-vot.

Il-Bord għandu jadotta l-atti tiegħu b’maġġoranza sempliċi.

3.Il-Kummissjoni għandha tippresjedi fuq il-Bord. Il-Kummissjoni għandha ssejjaħ il-laqgħat u tħejji l-aġenda skont il-kompiti tal-Bord f’konformità ma’ dan ir-Regolament u mar-regoli ta’ proċedura tiegħu.

4.Il-Kummissjoni għandha tipprovdi appoġġ amministrattiv u analitiku għall-attivitajiet tal-Bord skont dan ir-Regolament.

5.Il-Bord jista’ jistieden esperti u osservaturi biex jattendu l-laqgħat tiegħu, u jista’ jikkoopera ma’ korpi, uffiċċji, aġenziji u gruppi konsultattivi oħra tal-Unjoni, kif ukoll ma’ esperti esterni kif xieraq. Il-Bord għandu jagħmel ir-riżultati ta’ din il-kooperazzjoni disponibbli għall-pubbliku.

6.Il-Bord għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu, wara l-kunsens tal-Kummissjoni.

Artikolu 49
Kompiti tal-Bord

1.Meta meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 47(2), il-Bord għandu b’mod partikolari:

(a)jappoġġa l-koordinazzjoni ta’ investigazzjonijiet konġunti;

(b)jappoġġa lill-awtoritajiet kompetenti fl-analiżi tar-rapporti u r-riżultati tal-awditi ta’ pjattaformi online kbar ħafna li jridu jiġu trażmessi skont dan ir-Regolament;

(c)jagħti opinjonijiet, rakkomandazzjonijiet jew pariri lill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali f’konformità ma’ dan ir-Regolament;

(d)jagħti parir lill-Kummissjoni biex tieħu l-miżuri msemmija fl-Artikolu 51 u, meta mitlub mill-Kummissjoni, jadotta opinjonijiet dwar abbozz ta’ miżuri tal-Kummissjoni li jikkonċernaw lil pjattaformi online kbar ħafna f’konformità ma’ dan ir-Regolament;

(e)jappoġġa u jippromwovi l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ standards, linji gwida, rapporti, mudelli u kodiċi ta’ kondotta Ewropej kif previst f’dan ir-Regolament, kif ukoll l-identifikazzjoni ta’ kwistjonijiet emerġenti, fir-rigward ta’ kwistjonijiet koperti minn dan ir-Regolament.

2.Il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali u awtoritajiet nazzjonali kompetenti oħra li ma jimxux mal-opinjonijiet, mat-talbiet jew mar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lilhom adottati mill-Bord għandhom jipprovdu r-raġunijiet għal din l-għażla meta jirrapportaw skont dan ir-Regolament jew meta jadottaw id-deċiżjonijiet rilevanti tagħhom, kif xieraq.

Taqsima 3
Superviżjoni, investigazzjoni, infurzar u monitoraġġ fir-rigward tal-pjattaformi online kbar ħafna

Artikolu 50
Superviżjoni msaħħa għall-pjattaformi online kbar ħafna

1.Meta l-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment jadotta deċiżjoni li ssib li pjattaforma online kbira ħafna tkun kisret xi waħda mid-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 4 tal-Kapitolu III, dan għandu juża s-sistema ta’ superviżjoni msaħħa stabbilita f’dan l-Artikolu. Għandu jieħu kont sħiħ ta’ kull opinjoni u rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni u tal-Bord skont dan l-Artikolu.

Il-Kummissjoni li taġixxi b’inizjattiva tagħha stess, jew il-Bord li jaġixxi b’inizjattiva tiegħu stess jew wara talba ta’ mill-inqas tliet Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali tad-destinazzjoni, jistgħu, meta jkollhom raġunijiet biex jissuspettaw li pjattaforma online kbira ħafna kisret xi waħda minn dawk id-dispożizzjonijiet, jirrakkomandaw lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment biex jinvestiga s-suspettat ksur ħalli l-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jadotta din id-deċiżjoni f’perjodu ta’ żmien raġonevoli.

2.Meta jikkomunika d-deċiżjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 lill-pjattaforma online kbira ħafna kkonċernata, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment għandu jitlobha tfassal u tikkomunika pjan ta’ azzjoni lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment, lill-Kummissjoni u lill-Bord, fi żmien xahar minn dik id-deċiżjoni, li jkun jispeċifika kif dik il-pjattaforma beħsiebha ttemm jew tirrimedja l-ksur. Il-miżuri stabbiliti fil-pjan ta’ azzjoni jistgħu jinkludu, meta xieraq, il-parteċipazzjoni f’kodiċi ta’ kondotta kif previst fl-Artikolu 35.

3.Fi żmien xahar mill-wasla tal-pjan ta’ azzjoni, il-Bord għandu jikkomunika l-opinjoni tiegħu dwar il-pjan ta’ azzjoni lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment. Fi żmien xahar mill-wasla ta’ dik l-opinjoni, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali għandu jiddeċiedi jekk il-pjan ta’ azzjoni hux xieraq biex jintemm jew jiġi rimedjat il-ksur.

Meta l-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment ikollu tħassib dwar il-kapaċità tal-miżuri biex itemmu jew jirrimedjaw il-ksur, dan jista’ jitlob lill-pjattaforma online kbira ħafna kkonċernata biex tissoġġetta lilha nnifisha għal awditu indipendenti addizzjonali biex tiġi valutata l-effettività ta’ dawk il-miżuri għal terminazzjoni jew rimedju tal-ksur. F’dak il-każ, dik il-pjattaforma għandha tibgħat ir-rapport tal-awditu lil dak il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali, lill-Kummissjoni u lill-Bord fi żmien erba’ xhur mid-deċiżjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu. Meta jitlob dan l-awditu addizzjonali, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jista’ jispeċifika organizzazzjoni tal-awditjar partikolari li trid twettaq l-awditu, bi spejjeż tal-pjattaforma kkonċernata, magħżula abbażi tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 28(2).

4.Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment għandu jikkomunika l-fehmiet tiegħu lill-Kummissjoni, lill-Bord u lill-pjattaforma online kbira ħafna kkonċernata dwar jekk il-pjattaforma online kbira ħafna temmitx jew irrimedjatx il-ksur u r-raġunijiet għal dan. Għandu jagħmel dan tul il-perjodi ta’ żmien li ġejjin, kif applikabbli:

(a)fi żmien xahar mill-wasla tar-rapport tal-awditu msemmi fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 3, meta jkun sar dan l-awditu;

(b)fi żmien tliet xhur mid-deċiżjoni dwar il-pjan ta’ azzjoni msemmi fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3, meta jkun sar l-ebda awditu;

(c)Minnufih malli jiskadi l-perjodu ta’ żmien stabbilit fil-paragrafu 2, meta dik il-pjattaforma tkun naqset milli tikkomunika l-pjan ta’ azzjoni f’dak il-perjodu ta’ żmien.

F’konformità ma’ dik il-komunikazzjoni, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment ma għandux jibqa’ intitolat li jieħu miżuri investigattivi jew ta’ infurzar fir-rigward tal-imġiba rilevanti mill-pjattaforma online kbira ħafna kkonċernata, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 66 jew xi miżura oħra li jista’ jieħu kif mitlub mill-Kummissjoni.

Artikolu 51
Intervent mill-Kummissjoni u ftuħ ta’ proċedimenti

1.Il-Kummissjoni, filwaqt li taġixxi skont ir-rakkomandazzjoni tal-Bord jew b’inizjattiva tagħha stess wara li tikkonsulta lill-Bord, tista’ tibda proċedimenti fid-dawl tal-adozzjoni possibbli ta’ deċiżjonijiet skont l-Artikoli 58 u 59 fir-rigward tal-imġiba rilevanti mill-pjattaforma online kbira ħafna li hi:

(a)suspettata li kisret xi dispożizzjoni ta’ dan ir-Regolament u l-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment ma ħa l-ebda miżura investigattiva jew ta’ infurzar, skont it-talba tal-Kummissjoni msemmija fl-Artikolu 45(7), malli skada l-perjodu ta’ żmien stabbilit f’dik it-talba;

(b)suspettata li kisret xi dispożizzjoni ta’ dan ir-Regolament u l-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment talab lill-Kummissjoni biex tintervjeni f’konformità mal-Artikolu 46(2), mal-wasla ta’ dik it-talba;

(c)instabet li kisret xi waħda mid-dispożizzjonijiet tat-Taqsima 4 tal-Kapitolu III, malli jiskadi l-perjodu ta’ żmien rilevanti għall-komunikazzjoni msemmija fl-Artikolu 50(4).

2.Meta l-Kummissjoni tiddeċiedi li tibda proċedimenti skont il-paragrafu 1, din għandha tinnotifika lill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali kollha, lill-Bord u lill-pjattaforma online kbira ħafna kkonċernata.

Fir-rigward tal-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1, skont dik in-notifika, il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment ikkonċernat ma għandux jibqa’ intitolat li jieħu miżuri investigattivi jew ta’ infurzar fir-rigward tal-imġiba rilevanti mill-pjattaforma online kbira ħafna kkonċernata, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 66 jew xi miżura oħra li jista’ jieħu meta jintalab mill-Kummissjoni.

3.Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali msemmi fl-Artikoli 45(7), 46(2) u 50(1), kif applikabbli, meta jiġi infurmat, għandu jibgħat lill-Kummissjoni mingħajr dewmien żejjed:

(a)kwalunkwe informazzjoni li dak il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali skambja b’rabta mal-ksur jew mas-suspettat ksur, kif applikabbli, mal-Bord u mal-pjattaforma online kbira ħafna kkonċernata;

(b)il-fajl tal-każ ta’ dak il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali relatat mal-ksur jew mas-suspettat ksur, kif applikabbli;

(c)kwalunkwe informazzjoni oħra fil-pussess ta’ dak il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali li tista’ tkun rilevanti għall-proċedimenti mibdija mill-Kummissjoni.

4.Il-Bord, u l-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali li jagħmlu t-talba msemmija fl-Artikolu 45(1), meta jiġu infurmati, għandhom jibagħtu mingħajr dewmien żejjed kwalunkwe informazzjoni fil-pussess tagħhom lill-Kummissjoni, li tista’ tkun rilevanti għall-proċedimenti mibdija mill-Kummissjoni.

Artikolu 52
Talbiet għal informazzjoni

1.Biex twettaq il-kompiti assenjati lilha skont din it-Taqsima, il-Kummissjoni tista’, b’talba sempliċi jew b’deċiżjoni, titlob lill-pjattaformi online kbar ħafna kkonċernati, u lil xi persuni oħra li jaġixxu għal finijiet relatati mal-kummerċ, man-negozju, mas-sengħa jew mal-professjoni tagħhom li jaf b’mod raġonevoli ikollhom konoxxenza ta’ informazzjoni relatata mal-ksur jew mas-suspettat ksur, kif applikabbli, inkluż l-organizzazzjonijiet li jwettqu l-awditi msemmija fl-Artikoli 28 u 50(3), biex jipprovdu din l-informazzjoni fi żmien raġonevoli.

2.Meta tibgħat talba sempliċi għal informazzjoni lill-pjattaforma online kbira ħafna kkonċernata jew lil persuna oħra msemmija fl-Artikolu 52(1), il-Kummissjoni għandha tiddikjara l-bażi ġuridika u l-fini tat-talba, tispeċifika liema informazzjoni hija meħtieġa u tistabbilixxi l-perjodu ta’ żmien li matulu trid tingħata l-informazzjoni, u l-penali previsti fl-Artikolu 59 għall-għoti ta’ informazzjoni skorretta jew qarrieqa.

3.Meta l-Kummissjoni titlob informazzjoni mingħand il-pjattaforma online kbira ħafna kkonċernata jew persuna oħra msemmija fl-Artikolu 52(1) permezz ta’ deċiżjoni, din għandha tiddikjara l-bażi ġuridika u l-fini tat-talba, tispeċifika liema informazzjoni hija meħtieġa u tistabbilixxi l-perjodu ta’ żmien li matulu trid tingħata. Għandha tindika wkoll il-penali previsti fl-Artikolu 59 tindika jew timponi l-pagamenti perjodiċi tal-penali previsti fl-Artikolu 60. Għandha tindika wkoll id-dritt għal rieżami tad-deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

4.Is-sidien tal-pjattaforma online kbira ħafna kkonċernata jew persuna oħra msemmija fl-Artikolu 52(1) jew ir-rappreżentanti tagħhom u, fil-każ ta’ persuni ġuridiċi, kumpaniji jew ditti, jew meta ma jkollhom l-ebda personalità ġuridika, il-persuni awtorizzati biex jirrappreżentawhom bil-liġi jew bil-kostituzzjoni tagħhom għandhom jipprovdu l-informazzjoni mitluba f’isem il-pjattaforma online kbira ħafna kkonċernata jew persuna oħra msemmija fl-Artikolu 52(1). L-avukati awtorizzati debitament biex jaġixxu jistgħu jipprovdu l-informazzjoni f’isem il-klijenti tagħhom. Dawn tal-aħħar għandhom jibqgħu responsabbli għalkollox jekk l-informazzjoni mogħtija tkun mhux kompluta, skorretta jew qarrieqa.

5.Meta jintalbu mill-Kummissjoni, il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali u awtoritajiet kompetenti oħra għandhom jipprovdu l-informazzjoni kollha meħtieġa lill-Kummissjoni biex twettaq il-kompiti assenjati lilha skont din it-Taqsima.

Artikolu 53
Setgħa li jsiru intervisti u dikjarazzjonijiet

Biex twettaq il-kompiti assenjati lilha f’din it-Taqsima, il-Kummissjoni tista’ tintervista lil persuna fiżika jew ġuridika li tagħti l-kunsens għal intervista għall-fini tal-ġbir ta’ informazzjoni, relatata mas-suġġett ta’ investigazzjoni, b’rabta mal-ksur jew mas-suspettat ksur, kif applikabbli.

Artikolu 54
Setgħa li jsiru spezzjonijiet fuq il-post

1.Biex twettaq il-kompiti assenjati lilha f’din it-Taqsima, il-Kummissjoni tista’ twettaq spezzjonijiet fuq il-post fl-istabbiliment tal-pjattaforma online kbira ħafna kkonċernata jew ta’ persuna oħra msemmija fl-Artikolu 52(1).

2.L-ispezzjonijiet fuq il-post jistgħu jsiru wkoll bl-assistenza ta’ awdituri jew esperti maħtura mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 57(2).

3.Waqt l-ispezzjonijiet fuq il-post, il-Kummissjoni u l-awdituri jew l-esperti maħtura minnha jistgħu jitolbu li l-pjattaforma online kbira ħafna kkonċernata jew persuna oħra msemmija fl-Artikolu 52(1) tipprovdi spjegazzjonijiet dwar l-organizzazzjoni, il-funzjonament, is-sistema tal-IT, l-algoritmi, it-trattament tad-data u l-imġiba kummerċjali tagħha. Il-Kummissjoni u l-awdituri jew l-esperti maħtura minnha jistgħu jippreżentaw mistoqsijiet lill-persunal ewlieni tal-pjattaforma online kbira ħafna kkonċernata jew ta’ persuna oħra msemmija fl-Artikolu 52(1).

4.Il-pjattaforma online kbira ħafna kkonċernata jew persuna oħra msemmija fl-Artikolu 52(1) jeħtieġ tissottometti ruħha għal spezzjoni fuq il-post ordnata b’deċiżjoni tal-Kummissjoni. Id-deċiżjoni għandha tispeċifika s-suġġett u l-fini taż-żjara, tistabbilixxi d-data tal-bidu u tindika l-penali previsti fl-Artikoli 59 u 60 u d-dritt għal rieżami tad-deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 55
Miżuri interim

1.Fil-kuntest ta’ proċedimenti li jistgħu jwasslu għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ konformità skont l-Artikolu 58(1), meta jkun hemm urġenza minħabba r-riskju ta’ ħsara serja għar-riċevituri tas-servizz, il-Kummissjoni tista’ tordna miżuri interim, b’deċiżjoni, kontra l-pjattaforma online kbira ħafna kkonċernata abbażi ta’ konstatazzjoni prima facie ta’ ksur.

2.Deċiżjoni skont il-paragrafu 1 għandha tapplika għal perjodu speċifiku ta’ żmien li jista’ jiġġedded kif meħtieġ u xieraq.

Artikolu 56
Impenji

1.Jekk, waqt il-proċedimenti skont din it-Taqsima, il-pjattaforma online kbira ħafna kkonċernata toffri impenji biex tiżgura l-konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-Regolament, permezz ta’ deċiżjoni, il-Kummissjoni tista’ tagħmel dawk l-impenji vinkolanti fuq il-pjattaforma online kbira ħafna kkonċernata u tiddikjara li ma hemm l-ebda raġuni oħra għal azzjoni.

2.Meta tintalab jew b’inizjattiva tagħha stess, il-Kummissjoni tista’ tiftaħ mill-ġdid il-proċedimenti meta:

(a)kien hemm bidla materjali f’xi wieħed mill-fatti li fuqhom ġiet ibbażata d-deċiżjoni;

(b)il-pjattaforma online kbira ħafna kkonċernata taġixxi kontra l-impenji tagħha; jew

(c)id-deċiżjoni tkun ġiet ibbażata fuq informazzjoni mhux kompluta, skorretta jew qarrieqa pprovduta mill-pjattaforma online kbira ħafna kkonċernata jew minn persuna oħra msemmija fl-Artikolu 52(1).

3.Meta l-Kummissjoni jidhrilha li l-impenji offruti mill-pjattaforma online kbira ħafna kkonċernata ma jkunux jistgħu jiżguraw konformità effettiva mad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-Regolament, din għandha tirrifjuta dawk l-impenji f’deċiżjoni motivata meta tikkonkludi l-proċedimenti.

Artikolu 57
Azzjonijiet ta’ monitoraġġ

1.Għall-finijiet tat-twettiq tal-kompiti assenjati lilha f’din it-Taqsima, il-Kummissjoni tista’ tieħu l-azzjonijiet meħtieġa biex timmonitorja l-implimentazzjoni effettiva u l-konformità ma’ dan ir-Regolament mill-pjattaforma online kbira ħafna kkonċernata. Il-Kummissjoni tista’ wkoll tordna lil dik il-pjattaforma tipprovdi aċċess għall-bażijiet tad-data u l-algoritmi tagħha, u tagħti spjegazzjonijiet relatati magħhom.

2.L-azzjonijiet skont il-paragrafu 1 jistgħu jinkludu l-ħatra ta’ esperti esterni indipendenti u awdituri biex jassistu lill-Kummissjoni fil-monitoraġġ tal-konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-Regolament u biex jipprovdu għarfien espert jew għarfien speċifiku lill-Kummissjoni.

Artikolu 58
Nuqqas ta’ konformità

1.Il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni ta’ nuqqas ta’ konformità meta ssib li l-pjattaforma online kbira ħafna kkonċernata ma tkunx konformi ma’ wieħed jew aktar minn dawn li ġejjin:

(a)id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-Regolament;

(b)il-miżuri interim ordnati skont l-Artikolu 55;

(c)l-impenji magħmula vinkolanti skont l-Artikolu 56.

2.Qabel ma tadotta d-deċiżjoni skont il-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tikkomunika s-sejbiet preliminari tagħha lill-pjattaforma online kbira ħafna kkonċernata. Fis-sejbiet preliminari, il-Kummissjoni għandha tispjega l-miżuri li jkun beħsiebha tieħu, jew li tqis li l-pjattaforma online kbira ħafna kkonċernata għandha tieħu, biex tindirizza s-sejbiet preliminari b’mod effettiv.

3.Fid-deċiżjoni adottata skont il-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tordna lill-pjattaforma online kbira ħafna kkonċernata tieħu l-miżuri meħtieġa biex tiżgura l-konformità mad-deċiżjoni skont il-paragrafu 1 fi żmien raġonevoli u biex tipprovdi informazzjoni dwar il-miżuri li dik il-pjattaforma beħsiebha tieħu biex tikkonforma mad-deċiżjoni.

4.Il-pjattaforma online kbira ħafna kkonċernata għandha tipprovdi deskrizzjoni lill-Kummissjoni tal-miżuri li ħadet biex tiżgura l-konformità mad-deċiżjoni skont il-paragrafu 1 waqt l-implimentazzjoni tagħhom.

5.Meta l-Kummissjoni ssib li l-kundizzjonijiet tal-paragrafu 1 ma jkunux ġew issodisfati, din għandha tagħlaq l-investigazzjoni b’deċiżjoni.

Artikolu 59
Multi

1.Fid-deċiżjoni skont l-Artikolu 58, il-Kummissjoni tista’ timponi multi fuq il-pjattaforma online kbira ħafna kkonċernata li ma jkunux jaqbżu s-6 % tal-fatturat totali tagħha fis-sena finanzjarja preċedenti meta ssib li dik il-pjattaforma, intenzjonalment jew b’negliġenza:

(a)tikser id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-Regolament;

(b)tonqos milli tikkonforma ma’ deċiżjoni li tordna miżuri interim skont l-Artikolu 55; jew

(c)tonqos milli tikkonforma ma’ miżura volontarja magħmula vinkolanti b’deċiżjoni skont l-Artikolu 56.

2.Il-Kummissjoni tista’ timponi multi b’deċiżjoni fuq il-pjattaforma online kbira ħafna kkonċernata jew fuq persuna oħra msemmija fl-Artikolu 52(1) li ma jkunux jaqbżu l-1 % tal-fatturat totali fis-sena finanzjarja preċedenti, meta din intenzjonalment jew b’negliġenza:

(a)tagħti informazzjoni skorretta, mhux kompluta jew qarrieqa bi tweġiba għal talba skont l-Artikolu 52 jew, meta l-informazzjoni tintalab b’deċiżjoni, tonqos milli twieġeb it-talba fil-perjodu ta’ żmien stabbilit;

(b)tonqos milli tirrettifika informazzjoni skorretta, mhux kompluta jew qarrieqa fil-perjodu ta’ żmien stabbilit mill-Kummissjoni, mogħtija minn membru tal-persunal, jew tonqos jew tirrifjuta li tagħti informazzjoni kompluta;

(c)tirrifjuta li tissottometti ruħha għal spezzjoni fuq il-post skont l-Artikolu 54.

3.Qabel ma tadotta d-deċiżjoni skont il-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha tikkomunika s-sejbiet preliminari tagħha lill-pjattaforma online kbira ħafna kkonċernata jew lil persuna oħra msemmija fl-Artikolu 52(1).

4.Meta tiffissa l-ammont tal-multa, il-Kummissjoni għandha tqis in-natura, il-gravità, it-tul ta’ żmien u r-rikorrenza tal-ksur u, għall-multi imposti skont il-paragrafu 2, id-dewmien ikkawżat lill-proċedimenti.

Artikolu 60
Pagamenti perjodiċi ta’ penali

1.Il-Kummissjoni tista’ timponi pagamenti perjodiċi ta’ penali b’deċiżjoni fuq il-pjattaforma online kbira ħafna kkonċernata jew fuq persuna oħra msemmija fl-Artikolu 52(1), kif applikabbli, li ma jkunux jaqbżu l-5 % tal-fatturat medju ta’ kuljum fis-sena finanzjarja preċedenti għal kull jum, ikkalkulati mid-data maħtura bid-deċiżjoni, biex iġġegħelha:

(a)tagħti informazzjoni korretta u kompluta bħala tweġiba għal deċiżjoni li teżiġi informazzjoni skont l-Artikolu 52;

(b)tissottometti ruħha għal spezzjoni fuq il-post li tkun ordnat b’deċiżjoni skont l-Artikolu 54;

(c)tikkonforma ma’ deċiżjoni li tordna miżuri interim skont l-Artikolu 55(1);

(d)tikkonforma mal-impenji magħmula legalment vinkolanti b’deċiżjoni skont l-Artikolu 56(1);

(e)tikkonforma ma’ deċiżjoni skont l-Artikolu 58(1).

2.Meta l-pjattaforma online kbira ħafna kkonċernata jew persuna oħra msemmija fl-Artikolu 52(1) tkun issodisfat l-obbligu maħsub biex ikun infurzat mill-pagament perjodiku ta’ penali, il-Kummissjoni tista’ tiffissa l-ammont definittiv tal-pagament perjodiku ta’ penali għal ċifra inqas minn dik li tirriżulta mid-deċiżjoni oriġinali.

Artikolu 61
Perjodu ta’ limitazzjoni għall-infurzar ta’ penali

1.Is-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni mill-Artikoli 59 u 60 għandhom ikunu soġġetti għal perjodu ta’ limitazzjoni ta’ ħames snin.

2.Iż-żmien għandu jibda jiddekorri mill-jum meta jitwettaq il-ksur. Iżda fil-każ ta’ ksur kontinwu u ripetut, iż-żmien għandu jibda jiddekorri mill-jum meta jieqaf il-ksur.

3.Kull azzjoni meħuda mill-Kummissjoni jew mill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali għall-fini tal-investigazzjoni jew tal-proċedimenti fir-rigward ta’ ksur għandha tinterrompi l-perjodu ta’ limitazzjoni għall-impożizzjoni ta’ multi jew pagamenti perjodiċi ta’ penali. L-azzjonijiet li jinterrompu l-perjodu ta’ limitazzjoni għandhom jinkludu, b’mod partikolari, dawn li ġejjin:

(a)talbiet għal informazzjoni mill-Kummissjoni jew minn Koordinatur tas-Servizzi Diġitali;

(b)spezzjoni fuq il-post;

(c)il-ftuħ ta’ proċediment mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 51(2).

4.Ma’ kull interruzzjoni, id-dekorrenza ta’ żmien għandha terġa’ tibda mill-bidu. Iżda l-perjodu ta’ limitazzjoni għall-impożizzjoni ta’ multi jew pagamenti perjodiċi ta’ penali għandu jiskadi sa mhux aktar tard mill-jum meta jkun għadda perjodu daqs id-doppju tal-perjodu ta’ limitazzjoni mingħajr ma l-Kummissjoni tkun imponiet multa jew pagament perjodiku ta’ penali. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż biż-żmien li matulu l-perjodu ta’ limitazzjoni jkun ġie sospiż skont il-paragrafu 5.

5.Il-perjodu ta’ limitazzjoni għall-impożizzjoni ta’ multi jew pagamenti perjodiċi ta’ penali għandu jiġi sospiż sakemm id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tkun is-suġġett ta’ proċedimenti pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 62
Perjodu ta’ limitazzjoni għall-infurzar ta’ penali

1.Is-setgħa tal-Kummissjoni li tinforza deċiżjonijiet meħuda skont l-Artikoli 59 u 60 għandha tkun soġġetta għal perjodu ta’ limitazzjoni ta’ ħames snin.

2.Iż-żmien għandu jibda jiddekorri fil-jum meta d-deċiżjoni ssir finali.

3.Il-perjodu ta’ limitazzjoni għall-infurzar ta’ penali għandu jiġi interrott:

(a)b’notifika ta’ deċiżjoni li tvarja l-ammont oriġinali tal-multa jew tal-pagament perjodiku ta’ penali jew li tirrifjuta applikazzjoni għall-varjazzjoni;

(b)b’xi azzjoni tal-Kummissjoni, jew ta’ Stat Membru li jaġixxi kif mitlub mill-Kummissjoni, imfassla biex tinforza pagament tal-multa jew pagament perjodiku ta’ penali.

4.Ma’ kull interruzzjoni, id-dekorrenza ta’ żmien għandha terġa’ tibda mill-bidu.

5.Il-perjodu ta’ limitazzjoni għall-infurzar ta’ penali għandu jiġi sospiż sakemm:

(a)jingħata l-ħin għall-pagament;

(b)jiġi sospiż l-infurzar tal-pagament skont deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 63
Dritt għal smigħ u aċċess għall-fajl

1.Qabel ma tadotta deċiżjoni skont l-Artikoli 58(1), 59 jew 60, il-Kummissjoni għandha tagħti l-opportunità lill-pjattaforma online kbira ħafna kkonċernata jew lil persuna oħra msemmija fl-Artikolu 52(1) biex tinstema’ dwar:

(a)sejbiet preliminari tal-Kummissjoni, inkluż dwar xi kwistjoni li l-Kummissjoni tkun oġġezzjonat għaliha; u

(b)miżuri li l-Kummissjoni jista’ jkun beħsiebha tieħu fid-dawl tas-sejbiet preliminari msemmija fil-punt (a).

2.Il-pjattaforma online kbira ħafna kkonċernata jew persuna oħra msemmija fl-Artikolu 52(1) tista’ tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha dwar is-sejbiet preliminari tal-Kummissjoni f’perjodu ta’ żmien raġonevoli stabbilit mill-Kummissjoni fis-sejbiet preliminari tagħha, li ma jistax ikun inqas minn 14-il jum.

3.Il-Kummissjoni għandha tibbaża d-deċiżjonijiet tagħha biss fuq oġġezzjonijiet li l-partijiet konċernati setgħu jikkummentaw dwarhom.

4.Id-drittijiet ta’ difiża tal-partijiet konċernati għandhom jiġu rispettati bis-sħiħ fil-proċedimenti. Dawn għandhom ikunu intitolati għal aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni skont it-termini ta’ żvelar negozjat, soġġett għall-interess leġittimu tal-pjattaforma online kbira ħafna kkonċernata jew ta’ persuna oħra msemmija fl-Artikolu 52(1) fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom. Id-dritt ta’ aċċess għall-fajl ma għandux jestendi għall-informazzjoni kunfidenzjali u d-dokumenti interni tal-Kummissjoni jew tal-awtoritajiet tal-Istati Membri. B’mod partikolari, id-dritt ta’ aċċess ma għandux jestendi għall-korrispondenza bejn il-Kummissjoni u dawk l-awtoritajiet. Xejn f’dan il-paragrafu ma għandu jipprevjeni lill-Kummissjoni milli tikxef u tuża l-informazzjoni meħtieġa biex tipprova xi ksur.

5.L-informazzjoni miġbura skont l-Artikoli 52, 53 u 54 għandha tintuża biss għall-fini ta’ dan ir-Regolament.

6.Mingħajr preġudizzju għall-iskambju u l-użu tal-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 51(3) u 52(5), il-Kummissjoni, il-Bord, l-awtoritajiet tal-Istati Membri u l-uffiċjali, l-impjegati u persuni oħra rispettivi tagħhom li jaħdmu fis-superviżjoni tagħhom, u kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika oħra involuta, inkluż awdituri u esperti maħtura skont l-Artikolu 57(2) ma għandhomx jiżvelaw informazzjoni miksuba jew skambjata minnhom skont din it-Taqsima u tat-tip kopert mill-obbligu tas-segretezza professjonali.

Artikolu 64
Pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet

1.Il-Kummissjoni għandha tippubblika d-deċiżjonijiet li tadotta skont l-Artikoli 55(1), 56(1), 58, 59 u 60. Din il-pubblikazzjoni għandha tiddikjara l-ismijiet tal-partijiet u l-kontenut ewlieni tad-deċiżjoni, inkluż kull penali impost.

2.Il-pubblikazzjoni għandha tqis id-drittijiet u l-interessi leġittimi tal-pjattaforma online kbira ħafna kkonċernata, ta’ kull persuna oħra msemmija fl-Artikolu 52(1) u ta’ kull parti terza fil-protezzjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali tagħhom.

Artikolu 65
Talbiet għal restrizzjonijiet tal-aċċess u kooperazzjoni mal-qrati nazzjonali

1.Meta jkunu ġew eżawriti s-setgħat kollha skont dan l-Artikolu biex jitwaqqaf ksur ta’ dan ir-Regolament, u l-ksur jippersisti u jikkawża ħsara serja li ma tistax tkun evitata bl-eżerċizzju ta’ setgħat oħra disponibbli skont il-liġi tal-Unjoni jew nazzjonali, il-Kummissjoni tista’ titlob lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali tal-istabbiliment tal-pjattaforma online kbira ħafna kkonċernata biex jaġixxi skont l-Artikolu 41(3).

Qabel ma tagħmel din it-talba lill-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali, il-Kummissjoni għandha tistieden lill-partijiet interessati biex jissottomettu osservazzjonijiet bil-miktub fi żmien li ma għandux ikun inqas minn ġimagħtejn, ħalli jiddeskrivu l-miżuri li jkun beħsiebhom jitolbu u jidentifikaw id-destinatarju jew id-destinatarji intenzjonati tagħhom.

2.Meta l-applikazzjoni koerenti ta’ dan ir-Regolament tkun teżiġi dan, il-Kummissjoni, waqt li taġixxi b’inizjattiva tagħha stess, tista’ tissottometti osservazzjonijiet bil-miktub lill-awtorità ġudizzjarja kompetenti msemmija fl-Artikolu 41(3). Bil-permess tal-awtorità ġudizzjarja inkwistjoni, din tista’ tagħmel ukoll osservazzjonijiet orali.

Għall-fini tat-tħejjija tal-osservazzjonijiet tagħha biss, il-Kummissjoni tista’ titlob lil dik l-awtorità ġudizzjarja biex tittrażmettilha jew tiżgura t-trażmissjoni lilha ta’ kull dokument meħtieġ għall-valutazzjoni tal-każ.

Artikolu 66
Atti ta’ implimentazzjoni relatati mal-intervent tal-Kummissjoni

1.Fir-rigward tal-intervent tal-Kummissjoni kopert minn din it-Taqsima, il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni dwar l-arranġamenti prattiċi għal:

(c)il-proċedimenti skont l-Artikoli 54 u 57;

(a)is-seduti ta’ smigħ previsti fl-Artikolu 63;

(b)l-iżvelar negozjat tal-informazzjoni previst fl-Artikolu 63.

2.Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 70. Qabel l-adozzjoni ta’ xi miżuri skont il-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tippubblika abbozz ta’ dan u tistieden lill-partijiet interessati kollha biex jissottomettu l-kummenti tagħhom fil-perjodu ta’ żmien stabbilit fih, li ma għandux ikun inqas minn xahar.

Taqsima 4
Dispożizzjonijiet komuni dwar l-infurzar

Artikolu 67
Sistema ta’ kondiviżjoni tal-informazzjoni

1.Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi u żżomm sistema affidabbli u sigura ta’ kondiviżjoni tal-informazzjoni li tappoġġa l-komunikazzjonijiet bejn il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali, il-Kummissjoni u l-Bord.

2.Il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali, il-Kummissjoni u l-Bord għandhom jużaw is-sistema ta’ kondiviżjoni tal-informazzjoni għal kull komunikazzjoni skont dan ir-Regolament.

3.Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu l-arranġamenti prattiċi u operazzjonali għall-funzjonament tas-sistema ta’ kondiviżjoni tal-informazzjoni u l-interoperabbiltà tagħha ma’ sistemi rilevanti oħra. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ konsulenza msemmija fl-Artikolu 70.

Artikolu 68
Rappreżentanza

Mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2020/XX/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 52 , ir-riċevituri tas-servizzi intermedjarji għandu jkollhom id-dritt li jagħtu mandat lil korp, organizzazzjoni jew assoċjazzjoni biex teżerċita d-drittijiet imsemmija fl-Artikoli 17, 18 u 19 f’isimhom, diment li l-korp, l-organizzazzjoni jew l-assoċjazzjoni tkun tissodisfa kull kundizzjoni li ġejja:

(a)tkun topera mhux għall-profitt;

(b)tkun twaqqfet kif xieraq f’konformità mal-liġi ta’ Stat Membru;

(c)l-objettivi statutorji tagħha jkunu jinkludu interess leġittimu li tkun żgurata konformità ma’ dan ir-Regolament.

Taqsima 5
Atti delegati

Artikolu 69
Eżerċizzju tad-delega

1.Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikoli 23, 25 u 31 għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ żmien mhux determinat minn [id-data tal-adozzjoni mistennija tar-Regolament].

3.Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikoli 23, 25 u 31 tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fiha. Ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.Malli tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.Att delegat adottat skont l-Artikoli 23, 25 u 31 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma jkun hemm l-ebda oġġezzjoni espressa mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien tliet xhur min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhux se joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż bi tliet xhur fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 70
Kumitat

1.Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat tas-Servizzi Diġitali. Dak il-Kumitat għandu jkun Kumitat skont it-tifsira tar- Regolament (UE) Nru 182/2011 .

2.Meta ssir referenza għal dan l-Artikolu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar- Regolament (UE) Nru 182/2011 .

Kapitolu V
Dispożizzjonijiet finali

Artikolu 71
Tħassir ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/31/KE

1.L-Artikoli 12 sa 15 tad-Direttiva 2000/31/KE għandhom jitħassru.

2.Ir-referenzi għall-Artikoli 12 sa 15 tad-Direttiva 2000/31/KE għandhom jinftiehmu bħala referenzi għall-Artikoli 3, 4, 5 u 7 ta’ dan ir-Regolament, rispettivament.

Artikolu 72
Emendi għad-Direttiva 2020/XX/KE dwar Azzjonijiet Rappreżentattivi għall-Protezzjoni tal-Interessi Kollettivi tal-Konsumaturi

3.Dan li ġej jiżdied mal-Anness I:

“(X) Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Suq Uniku għas-Servizzi Diġitali (l-Att dwar is-Servizzi Diġitali) u li jemenda d-Direttiva 2000/31/KE”

Artikolu 73
Evalwazzjoni

1.Sa mhux aktar tard minn ħames snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, u mbagħad kull ħames snin, il-Kummissjoni għandha tevalwa dan ir-Regolament u tirrapporta lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.

2.Għall-fini tal-paragrafu 1, l-Istati Membri u l-Bord għandhom jibagħtu l-informazzjoni meta jintalbu mill-Kummissjoni.

3.Fit-twettiq tal-evalwazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tqis il-pożizzjonijiet u s-sejbiet tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill, u ta’ korpi jew sorsi rilevanti oħra.

4.Sa mhux aktar tard minn tliet snin mid-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni, wara li tikkonsulta lill-Bord, għandha twettaq valutazzjoni tal-funzjonament tal-Bord u għandha tirrapportaha lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, filwaqt li tqis l-ewwel snin tal-applikazzjoni tar-Regolament. Abbażi tas-sejbiet u filwaqt li titqies bis-sħiħ l-opinjoni tal-Bord, ma’ dak ir-rapport għandha, meta xieraq, tinhemeż proposta għal emenda ta’ dan ir-Regolament fir-rigward tal-istruttura tal-Bord.

Artikolu 74
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

1.Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.Għandu japplika minn [data – tliet xhur wara d-dħul fis-seħħ].

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

DIKJARAZZJONI FINANZJARJA LEĠIŻLATTIVA

1.QAFAS TAL-PROPOSTA/TAL-INIZJATTIVA

1.1.Titolu tal-proposta/inizjattiva

1.2.Qasam/oqsma ta’ politika kkonċernat(i)

1.3.Il-proposta/inizjattiva hija relatata ma’

1.4.Raġunijiet għall-proposta/inizjattiva

1.6.Durata u impatt finanzjarju

1.7.Mod(i) ta’ ġestjoni previsti

2.MIŻURI TA’ ĠESTJONI

2.1.Regoli ta’ monitoraġġ u ta’ rappurtar

2.2.Sistema/i ta’ ġestjoni u ta’ kontroll

2.3.Miżuri għall-prevenzjoni ta’ frodi u ta’ irregolaritajiet

3.IMPATT FINANZJARJU STMAT TAL-PROPOSTA/TAL-INIZJATTIVA

3.1.Intestatura/i tal-qafas finanzjarju pluriennali u linja/i baġitarja/i ġdida/ġodda tan-nefqa proposta/i

3.2.Impatt stmat fuq in-nefqa 

3.2.1.Sommarju tal-impatt stmat fuq in-nefqa

3.2.2.Sommarju tal-impatt stmat fuq l-approprjazzjonijiet ta’ natura amministrattiva

3.2.3.Kontribuzzjonijiet ta’ partijiet terzi

3.3.Impatt stmat fuq id-dħul

DIKJARAZZJONI FINANZJARJA LEĠIŻLATTIVA

1.QAFAS TAL-PROPOSTA/TAL-INIZJATTIVA

1.1.Titolu tal-proposta/tal-inizjattiva

Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Suq Uniku għas-Servizzi Diġitali (l-Att dwar is-Servizzi Diġitali) u li jemenda d-Direttiva 2000/31/KE

1.2.Qasam/oqsma ta’ politika kkonċernat(i) fl-istruttura ABM/ABB 53  

Qasam ta’ politika: Networks tal-Komunikazzjoni, Kontenut u Teknoloġija; Suq Intern, Industrija, Intraprenditorija u SMEs

L-impatt baġitarju jikkonċerna l-kompiti l-ġodda fdati lill-Kummissjoni, inkluż il-kompiti superviżorji diretti u l-appoġġ lill-Bord.

Attività: Insawru l-futur diġitali tal-Ewropa

1.3.Il-proposta/inizjattiva hija relatata ma’:

 azzjoni ġdida 

 azzjoni ġdida li ssegwi proġett pilota/azzjoni preparatorja 54  

 l-estensjoni ta’ azzjoni eżistenti 

 fużjoni jew dirottar ta’ azzjoni waħda jew aktar lejn/ma’ azzjoni oħra jew azzjoni ġdida 

1.4.Raġunijiet għall-proposta/għall-inizjattiva 

1.4.1.Rekwiżit/i li jridu jiġu ssodisfati fuq terminu qasir jew twil, inkluż skeda ta’ żmien dettaljata għat-tnedija tal-implimentazzjoni tal-inizjattiva

Ir-Regolament għandu jkun applikabbli direttament wara [3 xhur] mill-adozzjoni tiegħu, u sa dak iż-żmien il-governanza tal-UE għandha tippermetti s-superviżjoni effettiva tas-servizzi diġitali transfruntieri. Għalhekk, sa dak il-mument, l-Istati Membri għandhom ikunu ħatru awtoritajiet eżistenti u/jew jistabbilixxu awtoritajiet ġodda li jwettqu l-kompiti tad-DSCs. Fl-istess ħin, għandu jitwaqqaf grupp konsultattiv indipendenti ad hoc (il-Bord) u jkun effettiv biex ikun jista’ jippjana l-azzjonijiet tiegħu u jibda jirċievi u jipproċessa informazzjoni mid-DSCs u l-Kummissjoni, bil-ħsieb li jipprovdi l-pariri, l-opinjoni u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu fl-iżgurar tal-applikazzjoni konsistenti tar-Regolament. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tingħata s-setgħa li eventwalment twettaq superviżjoni diretta ta’ ċerti pjattaformi, f’konformità mal-proċeduri u l-kriterji stabbiliti f’atti delegati. Fl-istess ħin, il-pjattaforma Ewropea li tappoġġa l-iskambju ta’ informazzjoni għandha tkun operattiva għalkollox.

Fil-fażi inizjali tal-bidu u sal-ewwel rieżami ta’ terminu qasir tar-Regolament, l-attivitajiet ta’ appoġġ lill-Bord, kif ukoll l-infrastruttura tal-IT u tal-applikazzjonijiet interni, għandhom jiġu pprovduti mill-Kummissjoni bil-kontribut/bl-involviment possibbli tal-persunal mid-DSCs nazzjonali wkoll.

1.4.2.Valur miżjud tal-involviment tal-Unjoni (dan jista’ jinkiseb minn fatturi differenti, eż. il-gwadanji mill-koordinazzjoni, iċ-ċertezza tad-dritt, effettività akbar jew il-kumplimentarjetajiet). Għall-finijiet ta’ dan il-punt, “valur miżjud tal-involviment tal-Unjoni” hu l-valur li jirriżulta mill-intervent tal-Unjoni li hu addizzjonali għall-valur li inkella kien jinħoloq mill-Istati Membri weħidhom.

Raġunijiet għal azzjoni fil-livell Ewropew (ex ante): Biex ikun żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq uniku, l-intervent jipprevedi, fost l-oħrajn, is-superviżjoni xierqa tas-servizzi diġitali u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet fil-livell tal-UE, u b’hekk jappoġġa l-fiduċja, l-innovazzjoni u t-tkabbir fis-suq uniku. Dan huwa meħtieġ biex ikunu żgurati l-aqwa kundizzjonijiet biex madwar l-UE jiġu żviluppati servizzi diġitali transfruntieri innovattivi fit-territorji nazzjonali kollha u fl-istess ħin jinżamm ambjent online sikur għaċ-ċittadini kollha tal-UE, għanijiet li jistgħu jintlaħqu biss fil-livell Ewropew. Barra minn hekk, fir-rigward speċifiku tal-pjattaformi kbar ħafna, neħtieġu livell Ewropew imsaħħaħ ta’ superviżjoni, li jikkoordina u jikkumplimenta r-regolaturi nazzjonali, fid-dawl tal-ilħuq pan-UE u l-effetti tar-regolamentazzjoni u s-superviżjoni ta’ dawn l-atturi.

Valur miżjud iġġenerat tal-Unjoni mistenni (ex post): Il-Valutazzjoni tal-Impatt mehmuża ma’ din il-proposta tidentifika l-uniku valur miżjud tal-intervent tal-Unjoni li jindirizza r-riskju ta’ frammentazzjoni legali kkawżat minn approċċi regolatorji u superviżorji diverġenti (u għalhekk mingħajr ma titqies iż-żieda fis-sikurezza u fil-fiduċja fis-servizzi diġitali) f’żieda possibbli fil-kummerċ diġitali transfruntier ta’ 1 sa 1,8 %, jiġifieri l-ekwivalenti ta’ żieda fil-fatturat iġġenerat b’mod transfruntier ta’ EUR 8,6 biljun u sa EUR 15,5 biljun.

Fir-rigward tal-valur miżjud fl-infurzar tal-miżuri, l-inizjattiva toħloq titjib importanti fl-effiċjenza fejn tidħol il-kooperazzjoni fl-Istati Membri kollha u fil-mutwalizzazzjoni ta’ xi riżorsi għall-assistenza teknika fil-livell tal-UE, għall-ispezzjoni u l-awditjar tas-sistemi tal-moderazzjoni tal-kontenut, tas-sistemi ta’ rakkomandazzjoni, u tar-reklamar online fuq il-pjattaformi online kbar ħafna. Dan, min-naħa tiegħu, iwassal għal żieda fl-effettività tal-miżuri ta’ infurzar u ta’ superviżjoni, filwaqt li s-sistema attwali tiddependi ħafna fuq il-kapaċità limitata fis-superviżjoni f’għadd żgħir ta’ Stati Membri.

1.4.3.Tagħlimiet minn esperjenzi simili fl-imgħoddi

Id-Direttiva 2000/31/KE dwar il-Kummerċ Elettroniku tipprovdi l-qafas ewlieni għall-funzjonament tas-suq uniku u s-superviżjoni tas-servizzi diġitali u tistabbilixxi struttura bażika għal mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni ġenerali fost l-Istati Membri, li fil-prinċipju jkopri r-rekwiżiti kollha applikabbli għas-servizzi diġitali. L-evalwazzjoni tad-Direttiva indikat nuqqasijiet f’diversi aspetti ta’ dan il-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni, inkluż aspetti proċedurali importanti bħan-nuqqas ta’ skedi ta’ żmien ċari għal rispons mill-Istati Membri flimkien ma’ nuqqas ġenerali ta’ rispons għal talbiet mill-kontropartijiet tagħhom. Matul is-snin, dan wassal għal nuqqas ta’ fiduċja bejn l-Istati Membri fl-indirizzar tat-tħassib dwar il-fornituri li joffru servizzi diġitali transfruntieri, b’mod partikolari fejn jidħlu l-pjattaformi online. Minflok, l-Istati Membri rregolaw b’mod indipendenti, b’mod partikolari billi imponew regoli differenti li jkopru l-obbligi għal pjattaformi online u intermedjarji online oħra fir-rigward ta’ fornituri ta’ kontenut, prodotti jew servizzi illegali mill-utenti tagħhom. Din il-frammentazzjoni legali għandha riperkussjonijiet serji fuq il-kapaċità tal-fornituri tas-servizzi Ewropej li jespandu fis-suq uniku, kif ukoll fuq il-protezzjoni u s-sikurezza online taċ-ċittadini tal-UE. L-evalwazzjoni tad-Direttiva u l-valutazzjoni tal-impatt urew il-ħtieġa li jiġi definit sett differenzjat ta’ regoli u rekwiżiti fil-livell Ewropew, inkluż obbligi speċifiċi għall-pjattaformi kbar ħafna, li jkunu jeżiġu għodod u mekkaniżmi superviżorji xierqa u konsistenti fil-livell Ewropew. Għal din ir-raġuni l-implimentazzjoni tal-obbligi speċifiċi stabbiliti f’dan ir-Regolament tkun teħtieġ mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni speċifiku fil-livell tal-UE, bi struttura ta’ governanza li tiżgura koordinatur ta’ korpi responsabbli speċifiċi fil-livell tal-UE, u superviżjoni msaħħa u aġli tal-pjattaformi online kbar ħafna fil-livell tal-UE.

1.4.4.Kompatibbiltà u sinerġija possibbli ma’ strumenti xierqa oħrajn 

L-Att dwar is-Servizzi Diġitali jiddefinixxi qafas komuni ġdid ta’ rekwiżiti applikabbli għal ċerti servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni (intermedjarji), li jmur ferm lil hinn mill-qafas bażiku pprovdut mid-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku. Għal din ir-raġuni, jeħtieġ tiġi stabbilita funzjoni regolatorja u superviżorja nazzjonali u Ewropea ġdida b’din il-proposta.

Rigward is-sinerġiji possibbli mal-mudell ta’ kooperazzjoni attwali skont id-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku, dan ir-Regolament jista’ jwassal għal sinerġiji b’mod partikolari fil-livell nazzjonali, fejn il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali jista’ jiġi fdat ukoll bil-kompitu ta’ ġestjoni tal-avviżi skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku, għalkemm ir-Regolament ma jagħtihx mandat.

1.5.Durata u impatt finanzjarju

 durata limitata

   fis-seħħ minn [JJ/XX]SSSS sa [JJ/XX]SSSS

   Impatt finanzjarju minn SSSS sa SSSS għall-approprjazzjonijiet ta’ impenn u minn SSSS sa SSSS għall-approprjazzjonijiet ta’ pagament.

 durata mhux limitata

Implimentazzjoni b’perjodu tal-bidu mill-2023 sal-2026,

segwita b’operazzjoni fuq skala sħiħa.

1.6.Modi ta’ ġestjoni ppjanati 55

 Ġestjoni diretta mill-Kummissjoni

mid-dipartimenti tagħha, inkluż mill-persunal tagħha fid-delegazzjonijiet tal-Unjoni;

   mill-aġenziji eżekuttivi

 Ġestjoni kondiviża mal-Istati Membri

 Ġestjoni indiretta billi jiġu fdati kompiti ta’ implimentazzjoni baġitarja:

lill-pajjiżi terzi jew lill-korpi nominati minnhom;

lill-organizzazzjonijiet internazzjonali u lill-aġenziji tagħhom (iridu jiġu speċifikati);

lill-BEI u lill-Fond Ewropew tal-Investiment;

lill-korpi msemmija fl-Artikoli 208 u 209 tar-Regolament Finanzjarju;

lill-korpi tal-liġi pubblika;

lill-korpi rregolati mil-liġi privata b’missjoni ta’ servizz pubbliku sakemm dawn jipprovdu garanziji finanzjarji adegwati;

lill-korpi rregolati mil-liġi privata ta’ Stat Membru li jkunu fdati bl-implimentazzjoni ta’ sħubija pubblika-privata u li jipprovdu garanziji finanzjarji adegwati;

lill-persuni fdati bl-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet speċifiċi fil-PESK skont it-Titolu V tat-TUE, u identifikati fl-att bażiku rilevanti.

Jekk jiġi indikat iżjed minn mod ta’ ġestjoni wieħed, ipprovdi d-dettalji fit-taqsima “Kummenti”.

Kummenti

2.MIŻURI TA’ ĠESTJONI

2.1.Regoli ta’ monitoraġġ u ta’ rappurtar

Speċifika l-frekwenza u l-kundizzjonijiet.

Ir-Regolament se jiġi rivedut u evalwat perjodikament fi żmien ħames snin mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament, u mbagħad kull ħames snin. Barra minn hekk, għandhom jitwettqu diversi azzjonijiet ta’ monitoraġġ mill-Kummissjoni, possibbilment fuq parir tal-Bord, fl-evalwazzjoni kontinwa tal-effikaċja u l-effiċjenza tal-miżuri, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-miżuri, inkluż is-superviżjoni u l-analiżi ta’ kwistjonijiet emerġenti.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha twettaq speċifikament evalwazzjoni fuq terminu qasir biex tivvaluta l-prestazzjoni tal-Bord fir-rigward tal-objettivi, il-mandat u l-kompiti tiegħu. L-evalwazzjoni se tindirizza, b’mod partikolari, il-ħtieġa possibbli li tiġi stabbilita aġenzija awtonoma, u l-implikazzjonijiet finanzjarji ta’ kull modifika bħal din. Il-Kummissjoni trid tirrapporta dwar is-sejbiet tal-evalwazzjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.

2.2.Sistema ta’ ġestjoni u ta’ kontroll

2.2.1.Ġustifikazzjoni tal-mod(i) ta’ ġestjoni, il-mekkaniżmu/i għall-implimentazzjoni tal-finanzjament, il-modalitajiet ta’ pagament u l-istrateġija ta’ kontroll proposta

Ir-Regolament jistabbilixxi politika ġdida rigward regoli armonizzati għall-forniment ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni fis-suq intern filwaqt li jiżgura s-sikurezza u l-affidabbiltà tas-servizzi online u d-drittijiet fundamentali online. Dawn ir-regoli ġodda jeħtieġu wkoll mekkaniżmu ta’ konsistenza għall-applikazzjoni transfruntiera tal-obbligi skont dan ir-Regolament, grupp konsultattiv ġdid li jikkoordina l-attivitajiet tal-awtoritajiet nazzjonali u tal-Kummissjoni kif ukoll setgħat ta’ infurzar dirett lill-Kummissjoni u l-istabbiliment ta’ sistema ta’ informazzjoni li tiffaċilita l-flussi tal-informazzjoni bejn il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali.

Biex jitwettqu dawn il-kompiti ġodda, is-servizzi tal-Kummissjoni jeħtieġ jiġu ffinanzjati kif xieraq. L-infurzar tar-Regolament il-ġdid huwa stmat li jeħtieġ 50 FTE (15-il FTE għall-ġestjoni tal-kompiti u d-deċiżjonijiet superviżorji diretti ġodda u 35 FTE għall-appoġġ tal-attivitajiet tal-Bord fl-investigazzjonijiet tal-Kummissjoni jew fl-investigazzjonijiet konġunti tal-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali).

2.2.2.Informazzjoni dwar ir-riskji identifikati u s-sistema/i ta’ kontroll intern stabbilita/i għall-mitigazzjoni tagħhom

Biex ikun żgurat li l-Bord jissodisfa l-mandat tiegħu kif stabbilit f’dan ir-Regolament, huwa previst li l-President tal-Bord għandu jiġi pprovdut mill-Kummissjoni, u jkun jista’ jħejji l-aġenda għad-deċiżjoni tal-membri f’konformità mal-kompiti stabbiliti f’dan ir-Regolament.

Barra minn hekk, biex ikun żgurat li l-membri tal-Bord ikollhom il-possibbiltà jieħdu deċiżjonijiet infurmati abbażi ta’ elementi fattwali u analiżi kuntestwali, huwa previst li l-Bord għandu jkun appoġġat bl-istruttura amministrattiva tal-Kummissjoni.

2.3.Miżuri għall-prevenzjoni ta’ frodi u ta’ irregolaritajiet

Speċifika l-miżuri ta’ prevenzjoni u ta’ protezzjoni eżistenti jew previsti.

Il-miżuri eżistenti għall-prevenzjoni tal-frodi applikabbli għall-Kummissjoni se jkopru l-approprjazzjonijiet addizzjonali meħtieġa għal dan ir-Regolament.

3.IMPATT FINANZJARJU STMAT TAL-PROPOSTA/TAL-INIZJATTIVA

3.1.Intestatura tal-qafas finanzjarju pluriennali u l-linji baġitarji ġodda tan-nefqa proposti 

Intestatura tal-qafas finanzjarju pluriennali

Linja baġitarja

Tip ta’ nefqa

Kontribuzzjoni

Numru
Intestatura 1

Diff./Mhux diff 56 .

mill-pajjiżi tal-EFTA 57

mill-pajjiżi kandidati 58

minn pajjiżi terzi

skont it-tifsira tal-Artikolu [21(2)(b)] tar-Regolament Finanzjarju

1

02 04 05 01

Il-Programm Ewropa Diġitali (DEP) – Skjerament, l-aqwa użu tal-kapaċitajiet diġitali, u interoperabbiltà

03 02 01 01

Il-Programm tas-Suq Uniku (SMP) – Operat u żvilupp tas-suq intern tal-oġġetti u s-servizzi 

Diff.

IVA

LE

LE

LE

1

03 01 01 01

Nefqa ta’ appoġġ għall-“Programm tas-Suq Uniku (inkluż l-SMEs)”

Mhux diff.

IVA

LE

LE

LE

3.2.Impatt stmat fuq in-nefqa

L-impatt baġitarju tal-proposta se jkun kopert kollu mill-allokazzjonijiet previsti fil-QFP 2021-27 permezz tal-pakketti finanzjarji tal-programmi Ewropa Diġitali u tas-Suq Uniku. Mhi prevista l-ebda nefqa fil-kuntest tal-QFP attwali.

3.2.1.Sommarju tal-impatt stmat fuq in-nefqa

Intestatura tal-qafas finanzjarju pluriennali

1

Intestatura 1

Approprjazzjonijiet operazzjonali

2021

2022

2023

2024

2025

2026

2027

Post 2027 59

TOTAL 2023-2027

TOTAL FINALI

02 04 05 01

Il-Programm Ewropa Diġitali (DEP) – Skjerament, l-aqwa użu tal-kapaċitajiet diġitali, u interoperabbiltà

Impenji

(1)

4,526

6,076

9,802

9,802

9,802

9,802

40,008

49,810

Pagamenti

(2)

2,525

4,526

5,075

8,800

9,000

19,584

30,226

49,810

03 02 01 01

Il-Programm tas-Suq Uniku (SMP) – Operat u żvilupp tas-suq intern tal-prodotti u s-servizzi

Impenji

(3)

2,600

5,400

5,400

5,400

5,400

18,800

24,200

Pagamenti

(4)

2,600

5,400

5,400

5,400

5,400

18,800

24,200

03 01 01 01

Nefqa ta’ appoġġ għall-Programm tas-Suq Uniku

Impenji = Pagamenti

(5)

0,025

0,230

0,220

0,220

0,220

0,915

0,915

TOTAL ta’ approprjazzjonijiet għall-pakkett tal-programm

Impenji

(1)+(3)+(5)

4,551

8,906

15,422

15,422

15,422

15,202

59,723

74,925

Pagamenti

(2)+(4)+(5)

2,550

7,356

10,695

14,420

14,920

24,984

49,941

74,925



Intestatura tal-qafas finanzjarju pluriennali

7

“Nefqa amministrattiva”

miljuni ta’ EUR (aġġustati ’l fuq għal tliet pożizzjonijiet deċimali)

2021

2022

2023

2024

2025

2026

2027

Post 2027 60

TOTAL (2023-2027)

Riżorsi umani

0,750

3,750

6,295

6,295

6,295

6,295

23,385

Nefqa amministrattiva oħra

0,140

0,250

0,275

0,300

0,325

0,325

1,290

TOTAL tal-approprjazzjonijiet fl-INTESTATURA 7 tal-qafas finanzjarju pluriennali

(Total ta’ impenji = Total ta’ pagamenti)

0,890

4,000

6,570

6,595

6,620

6,620

24,675

miljuni ta’ EUR (aġġustati ’l fuq għal tliet pożizzjonijiet deċimali)

2021

2022

2023

2024

2025

2026

2027

Post 2027

TOTAL (2023-2027)

TOTAL tal-approprjazzjonijiet fl-INTESTATURI tal-qafas finanzjarju pluriennali 

Impenji

5,441

12,906

21,992

22,017

22,042

21,822

84,398

Pagamenti

3,440

11,356

17,265

21,015

21,540

31,640

74,616

 

3.2.2.Sommarju tal-impatt stmat fuq l-approprjazzjonijiet ta’ natura amministrattiva

   Il-proposta/l-inizjattiva ma teħtieġx l-użu ta’ approprjazzjonijiet ta’ natura amministrattiva

   Il-proposta/l-inizjattiva teħtieġ l-użu ta’ approprjazzjonijiet ta’ natura amministrattiva, kif spjegat hawn taħt:

miljuni ta’ EUR (aġġustati ’l fuq għal tliet pożizzjonijiet deċimali)

Snin

2021

2022

2023

2024

2025

2026

2027

TOTAL

INTESTATURA 7
tal-qafas finanzjarju pluriennali

Riżorsi umani

0.75

3.75

6.295

6.295

6.295

23.385

Nefqa amministrattiva oħra

0,140

0,250

0,275

0,300

0,325

1,290

Subtotal għall-INTESTATURA 7
tal-qafas finanzjarju pluriennali

0,890

4,000

6,570

6,595

6,620

24,675

Barra mill-INTESTATURA 7 61
tal-qafas finanzjarju pluriennali

Riżorsi umani

Nefqa oħra
ta’ natura amministrattiva

0,025

0,230

0,220

0,220

0,220

0,915

Subtotal barra mill-INTESTATURA 7
tal-qafas finanzjarju pluriennali

0,025

0,230

0,220

0,220

0,220

0,915

TOTAL

0,915

4,230

6,790

6,815

6,840

25,590

L-approprjazzjonijiet meħtieġa għar-riżorsi umani u għal nefqa oħra ta’ natura amministrattiva se jiġu koperti mill-approprjazzjonijiet tad-DĠ li diġà jkunu assenjati għall-ġestjoni tal-azzjoni u/jew li jkunu ġew riassenjati fid-DĠ, flimkien, jekk ikun meħtieġ, ma’ kull allokazzjoni addizzjonali li tista’ tingħata lid-DĠ ta’ ġestjoni skont il-proċedura annwali ta’ allokazzjoni u fid-dawl tal-limitazzjonijiet baġitarji 62 .

3.2.2.1.Rekwiżiti stmati ta’ riżorsi umani

   Il-proposta/l-inizjattiva ma teħtieġx l-użu ta’ riżorsi umani.

   Il-proposta/l-inizjattiva teħtieġ l-użu ta’ riżorsi umani, kif spjegat hawn taħt:

L-istima trid tiġi espressa f’unitajiet ekwivalenti għal full-time

Snin

2021

2022

2023

2024

2025

2026

2027

• Pożizzjonijiet fil-pjan ta’ stabbiliment (uffiċjali u persunal temporanju)

Kwartieri ġenerali u Uffiċċji tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni

6

19

32

32

32

Delegazzjonijiet

Riċerka

Persunal estern (f’unità ekwivalenti għal full-time: FTE) - AC, AL, END, INT u JPD  63

Intestatura 7

Iffinanzjati mill-INTESTATURA 7 tal-qafas finanzjarju pluriennali 

- fil-Kwartieri Ġenerali

11

18

18

18

- fid-Delegazzjonijiet

Iffinanzjati mill-pakkett tal-programm  64

- fil-Kwartieri Ġenerali

- fid-Delegazzjonijiet

Riċerka

Oħrajn (speċifika)

TOTAL

6

30

50

50

50

IIr-riżorsi umani meħtieġa se jiġu koperti mill-persunal tad-DĠ li diġà jkun assenjat għall-ġestjoni tal-azzjoni u/jew li diġà jkun ġie riassenjat fid-DĠ, flimkien, jekk ikun meħtieġ, ma’ kwalunkwe allokazzjoni addizzjonali li tista’ tingħata lid-DĠ tal-ġestjoni skont il-proċedura annwali ta’ allokazzjoni u fid-dawl tal-limitazzjonijiet baġitarji.

Deskrizzjoni tal-kompiti li jridu jitwettqu:

Uffiċjali u persunal temporanju

Superviżjoni tal-implimentazzjoni korretta tal-obbligi stabbiliti mir-Regolament għall-kumpaniji privati u l-Istati Membri

Tħejjija u abbozzar ta’ atti ta’ implimentazzjoni u atti delegati, f’konformità ma’ dan ir-Regolament

Twettiq ta’ investigazzjonijiet, awditi u analiżi oħra, inkluż analitika tad-data

Ġestjoni ta’ konsultazzjonijiet pubbliċi u mmirati

Akkwist u ġestjoni ta’ studji esterni relatati mal-analiżi tas-sistemi algoritmiċi, tal-intelliġenza artifiċjali u tal-ġestjoni tad-data

Appoġġ amministrattiv lill-Bord u organizzazzjoni ta’ laqgħat, tħejjija ta’ opinjonijiet u appoġġ ieħor lill-Bord

Persunal estern

Twettiq ta’ investigazzjonijiet, awditi u analiżi oħra

Ġestjoni ta’ konsultazzjonijiet pubbliċi u mmirati

Appoġġ amministrattiv lill-Bord u organizzazzjoni ta’ laqgħat, tħejjija ta’ opinjonijiet u appoġġ ieħor lill-Bord

3.2.3.Kontribuzzjonijiet ta’ partijiet terzi

   ma tipprevedix il-kofinanzjament minn partijiet terzi

   tipprevedi l-kofinanzjament minn partijiet terzi kif stmat hawn taħt:

Approprjazzjonijiet f’miljuni ta’ EUR (aġġustati ’l fuq għal tliet pożizzjonijiet deċimali)

2021

2022

2023

2024

2025

2026

2027

Total

Speċifika l-korp ta’ kofinanzjament

TOTAL tal-approprjazzjonijiet kofinanzjati

3.3.Impatt stmat fuq id-dħul

   Il-proposta/inizjattiva ma għandha l-ebda impatt finanzjarju fuq id-dħul.

   Il-proposta/l-inizjattiva għandha l-impatt finanzjarju li ġej:

   fuq ir-riżorsi proprji

   fuq id-dħul mixxellanju

indika jekk id-dħul hux assenjat għal-linji tan-nefqa    

miljuni ta’ EUR (aġġustati ’l fuq għal tliet pożizzjonijiet deċimali)

Linja baġitarja tad-dħul:

Impatt tal-proposta/tal-inizjattiva 65

2021

2022

2023

2024

2025

2026

2027

Artikolu ………….

ANNESS 
tad-DIKJARAZZJONI FINANZJARJA LEĠIŻLATTIVA

Isem il-proposta/l-inizjattiva:

Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Suq Uniku għas-Servizzi Diġitali

(2)

(3)

(4)

(1)GĦADD u KOST tar-RIŻORSI UMANI MEQJUSA NEĊESSARJI

(2)KOST ta’ NEFQA AMMINISTRATTIVA OĦRA

(3)METODI tal-KALKOLU UŻATI għall-ISTIMI tal-KOSTIJIET

(a)Riżorsi umani

(b)Nefqa amministrattiva oħra

(1)Kost tar-riżorsi umani meqjusa neċessarji

Il-proposta/l-inizjattiva ma teħtieġx l-użu ta’ riżorsi umani

   Il-proposta/l-inizjattiva teħtieġ l-użu ta’ riżorsi umani, kif spjegat hawn taħt:

miljuni ta’ EUR (aġġustati ’l fuq għal tliet pożizzjonijiet deċimali)

INTESTATURA 7
tal-qafas finanzjarju pluriennali

2021

2022

2023

2024

2025

2026

2027

TOTAL

FTE

Approprjazzjonijiet

FTE

Approprjazzjonijiet

FTE

Approprjazzjonijiet

FTE

Approprjazzjonijiet

FTE

Approprjazzjonijiet

FTE

Approprjazzjonijiet

FTE

Approprjazzjonijiet

FTE

Approprjazzjonijiet

Pożizzjonijiet fil-pjan ta’ stabbiliment (uffiċjali u persunal temporanju)

Kwartieri ġenerali u Uffiċċji tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni

AD

5

0,60

16

2,4

27

4,05

27

4,05

27

4,05

AST

1

0,15

3

0,45

5

0,75

5

0,75

5

0,75

fid-Delegazzjonijiet tal-Unjoni

AD

AST

 Persunal estern 66

Pakkett globali

AC

7

0,56

7

0,56

7

0,56

7

0,56

END

4

0,34

11

0,935

11

0,935

11

0,935

INT

Linji baġitarji oħra (speċifika)

Subtotal – INTESTATURA 7
tal-qafas finanzjarju pluriennali

6

0,75 

30

3,75

50

6,295

50

6,295

50

6,295



(2)Kost ta’ nefqa amministrattiva oħra

Il-proposta/l-inizjattiva ma teħtieġ l-ebda użu ta’ approprjazzjonijiet amministrattivi

   Il-proposta/l-inizjattiva teħtieġ l-użu ta’ approprjazzjonijiet amministrattivi, kif spjegat hawn taħt:

miljuni ta’ EUR (aġġustati ’l fuq għal tliet pożizzjonijiet deċimali)

INTESTATURA 7

tal-qafas finanzjarju pluriennali

2021

2022

2023

2024

2025

2026

2027

Total

Fil-Kwartieri Ġenerali:

 

 

 

 

 

 

 

 

Spejjeż tal-missjonijiet u r-rappreżentanzi

 

 

 

0.05 

0.075

0.1

0.125 

0.35 

Kostijiet tal-konferenzi u tal-laqgħat

 

 

0.1 

0.14 

0.14

0.14

 0.14

 0.66

Kostijiet operazzjonali relatati mal-outputs (ara l-metodi tal-kalkolu)

 

 

0.04

0,06

0,06

0,06

0,06

0,28

Linji baġitarji oħra (speċifika meta meħtieġ)

 

 

 

 

 

 

 

 

fid-Delegazzjonijiet tal-Unjoni

 

 

 

 

 

 

 

 

Spejjeż tal-missjonijiet, tal-konferenzi u tar-rappreżentanza

 

 

 

 

 

 

 

 

Taħriġ ulterjuri tal-persunal

 

 

 

 

 

 

 

 

Akkwiżizzjoni, kiri u nefqa relatata

 

 

 

 

 

 

 

 

Apparat, għamara, provvisti u servizzi

 

 

 

 

 

 

 

 

Subtotal għall-INTESTATURA 7
tal-qafas finanzjarju pluriennali

 

 

0.140

0,250

0,275

0,300

0,325

1,290



miljuni ta’ EUR (aġġustati ’l fuq għal tliet pożizzjonijiet deċimali)

Barra mill-INTESTATURA 7 

tal-qafas finanzjarju pluriennali

2021

2022

2023

2024

2025

2026

2027

Total

Nefqa għal assistenza teknika u amministrattiva (ma tinkludix il-persunal estern) minn approprjazzjonijiet operazzjonali (dawk li qabel kienu l-linji “BA”)

- fil-Kwartieri Ġenerali

- fid-Delegazzjonijiet tal-Unjoni

Nefqa maniġerjali oħra għar-riċerka

 

Linji baġitarji oħra (speċifika meta meħtieġ)

 

Attivitajiet tal-komunikazzjoni/konsultazzjoni

0,025

0,230

0,220

0,220

0,220

0,915

Subtotal – Barra mill-INTESTATURA 7
tal-qafas finanzjarju pluriennali

 

TOTAL

INTESTATURA 7 u Barra mill-INTESTATURA 7
tal-qafas finanzjarju pluriennali

0,165

0,480

0,495

0,520

0,545

2,205

L-approprjazzjonijiet meħtieġa għar-riżorsi umani u għal nefqa oħra ta’ natura amministrattiva se jiġu koperti mill-approprjazzjonijiet tad-DĠ li diġà jkunu assenjati għall-ġestjoni tal-azzjoni u/jew li diġà jkunu ġew riassenjati fid-DĠ, flimkien, jekk ikun meħtieġ, ma’ kwalunkwe allokazzjoni addizzjonali li tista’ tingħata lid-DĠ tal-ġestjoni skont il-proċedura annwali ta’ allokazzjoni u fid-dawl tal-limitazzjonijiet baġitarji.

(3)Metodi tal-kalkolu użati għall-istimi tal-kostijiet

(a)Riżorsi umani

Din il-parti tispjega l-metodu tal-kalkolu użat biex jiġu stmati r-riżorsi umani kkunsidrati meħtieġa (assunzjonijiet tal-ammont tax-xogħol, inkluż karigi speċifiċi (il-profili tax-xogħol tas-Sysper 2), il-kategoriji tal-persunal u l-kostijiet medji korrispondenti)

INTESTATURA 7 tal-qafas finanzjarju pluriennali

NB: Il-kostijiet medji għal kull kategorija tal-persunal fil-Kwartieri Ġenerali jinsabu fis-sit ta’ BudgWeb:

https://myintracomm.ec.europa.eu/budgweb/EN/pre/legalbasis/Pages/pre-040-020_preparation.aspx

Uffiċjali u persunal temporanju

Jekk wieħed jassumi l-adozzjoni u l-applikazzjoni tul l-2023, il-Kummissjoni se jkollha tirrialloka internament gradwalment ir-riżorsi meħtieġa biex tiżgura t-twettiq tal-kompiti l-ġodda tagħha sad-data tal-applikazzjoni tar-Regolament, inkluż l-adozzjoni tal-atti ta’ implimentazzjoni u tal-atti delegati mandati mir-Regolament. Il-Kummissjoni se jkollha wkoll tistabbilixxi taskforce fdata bis-superviżjoni tal-applikazzjoni tar-Regolament għall-pjattaformi kbar ħafna u l-appoġġ għall-attivitajiet tal-Bord.

L-organigramma trid tipprovdi għal 15-il FTE (13 AD + 2 AST) biex iwettqu l-funzjonijiet COM addizzjonali relatati mad-DSA (soluzzjoni tat-tilwim, superviżjoni diretta, atti ta’ implimentazzjoni).

Barra minn hekk, se jkun hemm bżonn ir-riallokazzjoni interna fil-Kummissjoni ta’ forza tax-xogħol totali ta’ 35 FTE (14-il AD/TA, 3 AST, 7 CA u 11-il END) biex jagħtu l-appoġġ lill-Bord, jekk jitqies li dan jeħtieġ iwettaq monitoraġġ attiv ta’ madwar 20/25 Pjattaforma Kbira Ħafna (inkluż l-iskrinjar tad-dokumenti regolatorji kollha) u l-involviment fil-mekkaniżmu ta’ konsistenza/bilaterali (bħala referenza fl-IMI saru madwar 10 notifiki fis-sena skont l-Artikolu 3 tal-ECD, u ma jiġix eskluż ammont simili, jew akbar, ta’ notifiki relatati mal-obbligi ġodda tas-DSA rigward kull ISS li jopera fl-UE.)

L-inizjattiva għandha natura orizzontali u tinvolvi bosta oqsma ta’ kompetenza tal-Kummissjoni, bħal dawk relatati mas-suq intern, is-servizzi diġitali, il-protezzjoni tal-konsumatur, il-protezzjoni tal-libertajiet fundamentali online, u għalhekk il-pjan huwa li jinġabru flimkien riżorsi mid-Direttorati Ġenerali kollha tal-Kummissjoni, soġġetti għal ftehim li jrid jiġi diskuss bejn l-HR u d-DĠs ikkonċernati.

Persunal estern

Barra mill-INTESTATURA 7 tal-qafas finanzjarju pluriennali

Postijiet iffinanzjati biss mill-baġit tar-riċerka 

Persunal estern



(b)Nefqa amministrattiva oħra

Agħti d-dettalji tal-metodu tal-kalkolu użat għal kull linja baġitarji u b’mod partikolari dwar l-assunzjonijiet sottostanti (pereżempju l-għadd ta’ laqgħat kull sena, il-kostijiet medji, eċċ.)

INTESTATURA 7 tal-qafas finanzjarju pluriennali

Spejjeż tal-missjonijiet u r-rappreżentanzi

·Għal investigazzjonijiet fuq il-post tal-pjattaformi online kbar ħafna: l-ebda spezzjoni bħal din mhi stmata għall-ewwel sena (2023), iżda stima għal missjonijiet bħal dawn huma dejjem aktar meħtieġa wara d-dħul fis-seħħ: stmati 15 fl-2025, 20 fl-2026 u 25 fl-2027, hekk kif jintensifikaw l-attivitajiet ta’ infurzar. Kost medju għal kull investigazzjoni stmat għal EUR 0,005 miljun, jekk wieħed jassumi li jkunu involuti sa 2 membri tal-persunal fuq il-post u li investigazzjoni ttul 5 ijiem

Kostijiet tal-konferenzi u tal-laqgħat

·Laqgħat ta’ kull xahar tal-Bord appoġġati mill-Kummissjoni, bi stima ta’ EUR 0,01 miljun għal kull laqgħa. Fl-2023 huma stmati 8 laqgħat biss

·Laqgħat oħra tal-esperti: stima konservattiva li se jsiru sa 4 laqgħat tal-esperti fis-sena għall-ġbir ta’ kontributi u pariri dwar tħassib tekniku, legali u soċjetali minn esperti ewlenin

Kostijiet operazzjonali relatati mal-outputs

·Tħejjija u għoti tal-opinjoni tal-Bord: stima li opinjoni waħda bħal din tkun meħtieġa u fattibbli għal kull laqgħa tal-Bord. Stima li waħda minn żewġ opinjonijiet tkun tinvolvi appoġġ ta’ studju tekniku ad hoc ta’ EUR 0,1 miljun.

Barra mill-INTESTATURA 7 tal-qafas finanzjarju pluriennali (nefqa ta’ appoġġ u operazzjonali)

Nefqa ta’ appoġġ

·Il-Kummissjoni u l-Bord se jkollhom bżonn jikkonsultaw b’mod wiesa’ dwar ħafna mir-riżultati ewlenin maħruġa. Stima li l-ispiża medja għal kull konsultazzjoni hija EUR 0,005 miljun, li tirrappreżenta konsultazzjonijiet immirati u laqgħat fiżiċi, u tistenna li ħafna mill-konsultazzjonijiet isiru online. Il-konsultazzjonijiet jiffukaw fuq: oqfsa ta’ valutazzjoni tar-riskju (2 fl-2024 u 2025 rispettivament, u wieħed fl-2026), abbozz ta’ linji gwida (2 kull sena mill-2023 sal-2025, imbagħad mistennija jiżdiedu għal 3 kull sena), konsultazzjonijiet qabel l-adozzjoni ta’ atti ta’ implimentazzjoni u delegati (3 fl-2023 u 2 fl-2024).

·Huwa previst baġit ta’ appoġġ kontinwu għall-komunikazzjoni, li jappoġġa l-involviment tal-partijiet konċernati fil-passi kollha tal-konsultazzjoni, bi stima ta’ EUR 0,2 miljun kull sena, li tibda fl-2024.

Nefqa operazzjonali

Studji u konsultazzjonijiet

Il-Kummissjoni, fl-attivitajiet ta’ appoġġ tagħha lill-Bord u għall-kompiti ta’ infurzar diretti tagħha stess, jeħtieġ tkun tista’ twettaq analiżi fil-fond tas-sistemi algoritmiċi, tal-ġestjoni tad-data u tal-intelliġenza artifiċjali li jirfdu s-servizzi tal-pjattaformi kbar ħafna (madwar 20/25 madwar l-UE). Dan jeħtieġ l-użu ta’ għarfien espert speċjalizzat ħafna permezz ta’ studji ad hoc u/jew konsulent li jappoġġa l-analiżi, u b’mod partikolari:

·Talbiet għal aċċess għad-data għall-valutazzjoni tar-riskju: nefqa relatata mal-ipproċessar tad-data u l-appoġġ tekniku estern, bi stima medja ta’ EUR 0,025 miljun għal kull talba. Il-volumi tat-talbiet mistennija jiżdiedu u jistabbilizzaw għal madwar 2 talbiet kull sena għal kull fornitur kbir ħafna ta’ servizz sorveljat (għal għadd mistenni ta’ 20 fornitur ta’ servizz), jiġifieri 40 talba bħal din kull sena li jibdew fl-2026, b’5 fl-2023 u 20 fl-2025

·In-nefqa għall-istudji u għall-analisti esperti tad-data se tkun meħtieġa biex jiġu stabbiliti l-qafas metodoloġiku u l-bażi tal-għarfien meħtieġa biex jiġu identifikati r-riskji u jinbnew il-kapaċitajiet tal-infurzatur pubbliku li jipproteġi liċ-ċittadini u lin-negozji Ewropej minn nuqqasijiet ta’ konformità mar-Regolament, kif ukoll standards u metodoloġiji biex dawn jiġu rimedjati. Huwa meqjus li l-istudji se jkollhom bżonn jiżguraw regolarment metodoloġiji u oqfsa robusti għall-awditjar ta’ firxa ta’ sistemi algoritmiċi li qed jevolvu, valutazzjoni tar-riskju, kif ukoll analiżi tal-aktar riskji prominenti, kif jirriżultaw minn ħarsa ġenerali tas-settur (mhux strettament relatati ma’ pjattaformi/azzjonijiet ta’ infurzar individwali, iżda anki li jinvolvu sistemi li kapaċi jsawru swieq speċifiċi u/jew disseminazzjoni ta’ informazzjoni fost l-utenti fl-Unjoni). Huwa stmat reġim biex jitwettqu sa 22 valutazzjoni tar-riskju, studju tekniku u tal-fattibbiltà b’kumplessità li tvarja minn waħda baxxa (50k) sa qafas (EUR 1 miljun). L-impenji għal dawn l-istudji suppost jitħallsu mat-tlestija tal-istudji u għalhekk bħala medja fis-sena finanzjarja ta’ wara l-iffirmar tal-kuntratt

·Fir-rigward ta’ spezzjonijiet tekniċi individwali u awditi regolatorji fuq sistemi ta’ fornituri kbar ħafna, sistemi algoritmiċi u sistemi tal-intelliġenza artifiċjali: mistennija tkun kumplessità għolja (spezzjoni ta’ madwar 8 sistemi algoritmiċi) jew kumplessità medja (spezzjoni ta’ madwar 5 sistemi algoritmiċi). Il-kost stmat huwa EUR 0,5 miljun għal awditu b’kumplessità għolja u EUR 0,3 miljun għal awditu b’kumplessità baxxa, b’kost medju ta’ EUR 0,075 miljun għall-ispezzjoni ta’ sistema teknika waħda (kif stmat għall-awditi tekniċi esterni fi SMART 2018/0037) u riżorsi addizzjonali meħtieġa għall-analiżi ġenerali. Il-kostijiet ikopru l-użu ta’ kuntratturi esterni ta’ xjentisti tad-data u l-akkwist ta’ appoġġ estern. Fl-2023 mhi mistennija l-ebda spezzjoni bħal din, iżda fl-2025 il-kapaċità u l-ħtieġa se jiżdiedu għal 16-il spezzjoni (3 ta’ kumplessità għolja u 13 ta’ kumplessità medja). L-ispezzjonijiet suppost jitlestew f’perjodu iqsar ta’ żmien mill-istudji u jitħallsu bħala medja fl-istess sena tal-impenji.

Sistemi informatiċi u maniġerjali (IT)

·Komponent ewlieni li jappoġġa l-applikazzjoni tar-Regolament huwa pjattaforma diġitali li tiffaċilita l-iskambji ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri, il-Bord u l-Kummissjoni, u li tiżgura funzjonalitajiet u interoperabbiltà ma’ funzjonijiet oħra previsti fir-Regolament. Il-kostijiet tal-iżvilupp huma stmati għal EUR 4,5 miljun fuq 4 snin (EUR 2 miljun fl-2023 għall-istabbiliment tiegħu, EUR 1 miljun fl-2024 u 2025 għall-iżvilupp sħiħ u l-interoperabbiltà tiegħu, u mbagħad EUR 0,03 miljun biex jinżamm aġġornat u interoperabbli. Il-kostijiet ta’ manutenzjoni u assistenza għall-utenti huma wkoll stmati għal EUR 0,001 miljun fl-ewwel sentejn, u mbagħad baġit aktar stabbli ta’ EUR 0,002 miljun kull sena. Il-pagamenti għal aġġornamenti u żviluppi ulterjuri huma stmati fuq is-sena finanzjarja wara l-implimentazzjoni/it-tlestija tal-pjattaforma.

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, in-nefqa operazzjonali barra mill-Intestatura 7 tkun rilevanti għall-programmi li ġejjin tal-Kummissjoni

- Il-Programm Ewropa Diġitali: rigward attivitajiet relatati ma’ studji ġenerali u analiżi tad-data li għandhom l-għan li jżidu l-kapaċità tal-infurzaturi pubbliċi fl-analiżi, l-identifikazzjoni u l-indirizzar ta’ riskji relatati ma’ fallimenti sistemiċi ta’ Pjattaformi Kbar Ħafna f’qafas komuni madwar l-Unjoni, kif ukoll li jwettqu talbiet u ġestjoni ta’ aċċess għad-data u jibnu u jistabbilixxu l-pjattaforma meħtieġa għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni tal-IT li tippermetti l-iskambju ta’ informazzjoni fost l-awtoritajiet kompetenti u l-Kummissjoni u l-interoperabbiltà ta’ bażijiet tad-data u l-funzjonalitajiet previsti fir-Regolament, bin-nefqa prevista li ġejja (f’miljuni ta’ EUR)

2023            2024            2025            2026            2027                                

4,526            6,076            9,802            9,802            9,802

- Il-Programm tas-Suq Uniku: rigward l-attivitajiet speċifiċi ta’ infurzar li jridu jitwettqu fir-rigward tal-Pjattaformi Kbar Ħafna, bħal spezzjonijiet tekniċi individwali u awditi, kif ukoll konsultazzjoni pubblika relatata]

2023            2024            2025            2026            2027

0,025            2,830            5,620            5,620         5,620

Appendiċi: ħarsa fid-dettall dwar l-ispejjeż operazzjonali u amministrattivi



Appendiċi: ħarsa fid-dettall dwar l-ispejjeż operazzjonali u tar-riżorsi umani

2023

2024

2025

2026

2027

Total

 

kwantità

kost għal kull unità

total

kwantità

kost għal kull unità

total

kwantità

kost għal kull unità

total

kwantità

kost għal kull unità

total

kwantità

kost għal kull unità

total

 

Spejjeż tal-missjonijiet u r-rappreżentanzi

Spejjeż tal-missjonijiet u r-rappreżentanzi (għall-ispezzjonijiet)

 

 

0

10

0,005

0,05

15

0,005

0,075

20

0,005

0,1

25

0,005

0,125

 

 

SUBTOTAL

 

 

0

 

 

0,05

 

 

0,075

 

 

0,1

 

 

0,125

0,35

Kostijiet tal-konferenzi u tal-laqgħat

Laqgħat tal-Bord

8

0,01

0,08

12

0,01

0,12

12

0,01

0,12

12

0,01

0,12

12

0,01

0,12

 

 

Laqgħat oħra ta’ gruppi ta’esperti

4

0,005

0,02

4

0,005

0,02

4

0,005

0,02

4

0,005

0,02

4

0,005

0,02

 

 

SUBTOTAL

 

 

0,1

 

 

0,14

 

 

0,14

 

 

0,14

 

 

0,14

0,66

Kostijiet operazzjonali relatati mal-outputs

Opinjonijiet

8

0,005

0,04

12

0,005

0,06

12

0,005

0,06

12

0,005

0,06

12

0,005

0,06

 

 

SUBTOTAL

 

 

0,04

 

 

0,06

 

 

0,06

 

 

0,06

 

 

0,06

0,28

Studji u konsultazzjonijiet

Studji tal-qafas tal-valutazzjoni tar-riskju

1

1

1

2

1

2

3

1

3

3

1

3

3

1

3

 

 

Studji tekniċi u oqfsa tal-awditjar algoritmiku

3

0,3

0,9

6

0,3

1,8

12

0,3

3,6

12

0,3

3,6

12

0,3

3,6

 

 

Studji tal-fattibbiltà għal standards tekniċi

2

0,05

0,1

2

0,05

0,1

2

0,05

0,1

2

0,05

0,1

2

0,05

0,1

 

 

Talbiet ta’ aċċess għal data u pproċessar tad-data għal valutazzjonijiet tar-riskju

5

0,025

0,125

15

0,025

0,375

20

0,025

0,5

40

0,025

1

40

0,025

1

 

 

Studju annwali fuq riskji prominenti

1

0,4

0,4

2

0,4

0,8

4

0,4

1,6

4

0,4

1,6

4

0,4

1,6

 

 

Spezzjonijiet tekniċi u awditi (kumplessità kbira)

 

0,5

0

1

0,5

0,5

3

0,5

1,5

3

0,5

1,5

3

0,5

1,5

 

 

Spezzjonijiet tekniċi u awditi (kumplessità medja)

 

0,3

0

7

0,3

2,1

13

0,3

3,9

13

0,3

3,9

13

0,3

3,9

 

 

Konsultazzjonijiet dwar gwida

2

0,005

0,01

2

0,005

0,01

2

0,005

0,01

3

0,005

0,015

3

0,005

0,015

 

 

Konsultazzjonijiet dwar oqfsa tal-valutazzjoni tar-riskju

 

0,005

0

2

0,005

0,01

2

0,005

0,01

1

0,005

0,005

1

0,005

0,005

 

 

Konsultazzjonijiet dwar atti ta’ implimentazzjoni u delegati

3

0,005

0,015

2

0,005

0,01

 

0,005

0

 

0,005

0

 

0,005

0

 

 

Komunikazzjoni u appoġġ għall-involviment tal-partijiet ikkonċernati

 

0,2

0

1

0,2

0,2

1

0,2

0,2

1

0,2

0,2

1

0,2

0,2

 

 

SUBTOTAL

 

 

2,55

 

 

7,905

 

 

14,42

 

 

14,92

 

 

14,92

54,715

Sistemi informatiċi u maniġerjali

Żvilupp ta’ pjattaformi għall-punti ċentrali ta’ koordinament diġitali

1

2

2

 

1

1

 

1

1

 

0,5

0,5

 

0,5

0,5

 

 

Manutenzjoni

 

0,001

0,001

 

0,001

0,001

 

0,002

0,002

 

0,002

0,002

 

0,002

0,002

 

 

SUBTOTAL

 

 

2,001

 

 

1,001

 

 

1,002

 

 

0,502

 

 

0,502

5,008

SUBTOTAL tan-nefqiet

 

 

 

4,691

 

 

9,156

 

 

15,697

 

 

15,722

 

 

15,747

61,013

Baġit tal-HR

 

 

0,750

 

 

3,750

 

 

6,295

 

 

6,295

 

 

6,295

23,385

TOTAL FINALI

 

 

 

5,441

 

 

12,906

 

 

21,992

 

 

22,017

 

 

22,042

84,398

L-approprjazzjonijiet meħtieġa għar-riżorsi umani u għal nefqa oħra ta’ natura amministrattiva se jiġu koperti mill-approprjazzjonijiet tad-DĠ li diġà jkunu assenjati għall-ġestjoni tal-azzjoni u/jew li diġà jkunu ġew riassenjati fid-DĠ, flimkien, jekk ikun meħtieġ, ma’ kwalunkwe allokazzjoni addizzjonali li tista’ tingħata lid-DĠ tal-ġestjoni skont il-proċedura annwali ta’ allokazzjoni u fid-dawl tal-limitazzjonijiet baġitarji.

(1)    Id-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) ( ĠU L 178, 17.7.2000, p. 1 ).
(2)     https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/communication-shaping-europes-digital-future-feb2020_en_4.pdf
(3)    Il-Parlament Ewropew, Riżoluzzjoni dwar it-Titjib tal-funzjonament tas-Suq Uniku (2020/2018(INL)).
(4)    Il-Parlament Ewropew, Riżoluzzjoni dwar l-adattament tar-regoli tad-dritt kummerċjali u ċivili għall-entitajiet kummerċjali li joperaw online (2020/2019(INL)).
(5)    Il-Parlament Ewropew, Riżoluzzjoni dwar l-Att dwar is-Servizzi Diġitali u l-kwistjonijiet li jinħolqu rigward id-drittijiet fundamentali (2020/2022(INI)).
(6)    Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-Tiswir tal-Futur Diġitali tal-Ewropa, 8711/20 tad-9 ta’ Ġunju 2020, https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-8711-2020-INIT/mt/pdf
(7)     https://www.consilium.europa.eu/media/45926/021020-euco-final-conclusions-mt.pdf
(8)    Pereżempju, is-Sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2019, Glawischnig-Piesczek (C-18/18).
(9)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-1.3.2018 dwar miżuri biex jiġi indirizzat b’mod effettiv il-kontenut illegali online (C(2018) 1177 final)
(10)     https://ec.europa.eu/info/business-economy-euro/product-safety-and-requirements/product-safety/product-safety-pledge_en
(11)     https://ec.europa.eu/growth/industry/policy/intellectual-property/enforcement/memorandum-understanding-sale-counterfeit-goods-internet_en
(12)     https://ec.europa.eu/info/policies/justice-and-fundamental-rights/combatting-discrimination/racism-and-xenophobia/eu-code-conduct-countering-illegal-hate-speech-online_en
(13)    Il-Parlament Ewropew, ibidem
(14)    It-Tiswir tal-Futur Diġitali tal-Ewropa, disponibbli hawn: https://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-8711-2020-INIT/mt/pdf .
(15)    Van Hoboken J. et al (2018), Hosting Intermediary Services and Illegal Content Online, u Schwemer, S., Mahler, T. & Styri, H. (2020). Legal analysis of the intermediary service providers of non-hosting nature, ICF, Grimaldi, The Liability Regime and Notice-and-Action Procedures, SMART 2016/0039
(16)    Optimity Advisors, SMART 2017/ 0055 Algorithmic Awareness building – State of the art report u LNE, Governance and Accountability Mechanisms for Algorithmic Systems (għad irid jiġi ppubblikat). SMART 2018/37
(17)    TNS tal-Ewrobarometru. (2018, Lulju). Ewrobarometru Flash 469: Il-kontenut illegali online
(18)    Pereżempju, il-Kawża C-108/09, Ker-Optika, ECLI:EU:C:2010:725, il-Kawża C-291/13, Papasavvas, ECLI:EU:C:2014:2209, il-Kawża C-484/14, Tobias McFadden v. Sony Music, ECLI:EU:C:2016:689; il-Kawża C-434/15 Asociación Profesional Élite Taxi, ECLI:EU:C:2017:981 jew il-Kawża C-390/18 Airbnb Ireland UC, ECLI:EU:C:2019:1112.
(19)    Il-Kawżi C-236/08 sa C-238/08, Google France u Google v. Vuitton, ECLI:EU:C:2010:159; il-Kawża C-324/09, eBay, ECLI:EU:C:2011:474; il-Kawża C-70/10, Scarlet, ECLI:EU:C:2011:771; il-Kawża C-360/10, Netlog, ECLI:EU:C:2012:85; il-Kawża C-314/12, UPC Telekabel Wien, EU:C:2014:192; il-Kawża C-484/14, Tobias McFadden v. Sony Music, ECLI:EU:C:2016:689 jew il-Kawża C‑18/18, Glawischnig. ECLI:EU:C:2019:821.
(20)    L-Att dwar is-Servizzi Diġitali: Titjib tal-funzjonament tas-Suq Uniku, tinsab hawn: https://www.europarl.europa.eu/doceo/document/TA-9-2020-0272_MT.html . L-Att dwar is-Servizzi Diġitali: adattament tar-regoli tad-dritt kummerċjali u ċivili għall-entitajiet kummerċjali li joperaw online , disponibbli hawn: https://www.europarl.europa.eu/doceo/document/TA-9-2020-0273_MT.html . L-Att dwar is-Servizzi Diġitali u l-kwistjonijiet li jinħolqu rigward id-drittijiet fundamentali , tinsab hawn: https://www.europarl.europa.eu/doceo/document/TA-9-2020-0274_MT.html .
(21)    Il-links għall-iskeda tas-sommarju u għall-opinjoni pożittiva tal-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju se jiġu inklużi wara li jiġu ppubblikati.
(22)    ĠU C , , p. .
(23)    ĠU C , , p. .
(24)    ĠU C, p.
(25)    Id-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) (ĠU L 178, 17.7.2000, p. 1).
(26)    Id-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (ĠU L 241, 17.9.2015, p. 1).
(27)    Ir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU L 351, 20.12.2012, p. 1).
(28)    Id-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media awdjoviżiva), ĠU L 95, 15.4.2010, p. 1.
(29)    Ir-Regolament (UE) …/.. tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill – ir-Regolament propost dwar il-Kontenut Terroristiku Online.
(30)    Ir-Regolament (UE) 2019/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ prekursuri tal-isplussivi, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 98/2013 (ĠU L 186, 11.7.2019, p. 1).
(31)    Ir-Regolament (UE) 2019/1150 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-promozzjoni tal-korrettezza u tat-trasparenza għall-utenti kummerċjali tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online (ĠU L 186, 11.7.2019, p. 57).
(32)    Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika), ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37.
(33)    Ir-Regolament […/…] dwar deroga temporanja minn ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/58/KE.
(34)    Id-Direttiva 2005/29/KE tal-parlament ewropew u tal-kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali).
(35)    Id-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
(36)    Id-Direttiva tal-Kunsill 93/13 KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur.
(37)    Id-Direttiva (UE) 2019/2161 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttivi 98/6/KE, 2005/29/KE u 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-infurzar aħjar u mmodernizzar tar-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur.
(38)    Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data), ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1.
(39)    Id-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (riformulazzjoni), ĠU L 321, 17.12.2018, p. 36.
(40)    Commission Recommendation 2003/361/EC of 6 May 2003 concerning the definition of micro, small and medium-sized enterprises (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36).
(41)    Commission Recommendation 2003/361/EC of 6 May 2003 concerning the definition of micro, small and medium-sized enterprises (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36).
(42)    Id-Direttiva 2013/11/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar is-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim, għat-tilwim tal-konsumaturi u li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2009/22/KE (ĠU L 165, 18.6.2013, p. 63).
(43)    Ir-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/371/ĠAI, 2009/934/ĠAI, 2009/935/ĠAI, 2009/936/ĠAI u 2009/968/ĠAI, ĠU L 135, 24.5.2016, p. 53
(44)    Id-Direttiva 2011/93/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/68/ĠAI (ĠU L 335, 17.12.2011, p. 1).
(45)     https://ec.europa.eu/taxation_customs/vies/vieshome.do?selectedLanguage=mt
(46)    Id-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
(47)    Id-Direttiva 2005/29/KE tal-parlament ewropew u tal-kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali).
(48)    Id-Direttiva 98/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 1998 dwar il-protezzjoni tal-konsumatur fl-indikazzjoni tal-prezzijiet ta’ prodotti offruti lill-konsumaturi.
(49)    Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).
(50)    Ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 73).
(51)    Ir-Regolament (UE) 2019/1020 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar is-sorveljanza tas-suq u l-konformità tal-prodotti u li jemenda d-Direttiva 2004/42/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 765/2008 u (UE) Nru 305/2011 (ĠU L 169, 25.6.2019, p. 1).
(52)    [Referenza]
(53)    ABM: ġestjoni bbażata fuq l-attività; ABB: attività bbażata fuq l-ibbaġitjar.
(54)    Kif imsemmi fl-Artikolu 58(2)(a) jew (b) tar-Regolament Finanzjarju.
(55)    Dettalji dwar il-modi ta’ ġestjoni u r-referenzi għar-Regolament Finanzjarju jistgħu jinstabu fuq is-sit BudgWeb: http://www.cc.cec/budg/man/budgmanag/budgmanag_en.html
(56)    Diff. = Approprjazzjonijiet differenzjati/ Mhux diff. = Approprjazzjonijiet mhux differenzjati.
(57)    EFTA: l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles.
(58)    Pajjiżi kandidati u, meta applikabbli, kandidati potenzjali mill-Balkani tal-Punent.
(59)

   Iċ-ċifri kollha f’din il-kolonna huma indikattivi u soġġetti għall-kontinwazzjoni tal-programmi u d-disponibbiltà tal-approprjazzjonijiet

(60)    Iċ-ċifri kollha f’din il-kolonna huma indikattivi u soġġetti għall-kontinwazzjoni tal-programmi u d-disponibbiltà tal-approprjazzjonijiet
(61)    Assistenza teknika u/jew amministrattiva u nefqa li jappoġġaw l-implimentazzjoni ta’ programmi u/jew ta’ azzjonijiet tal-UE (li qabel kienu l-linji “BA”), riċerka indiretta u riċerka diretta.
(62)

   L-inizjattiva għandha natura orizzontali u tinvolvi bosta oqsma ta’ kompetenza tal-Kummissjoni, bħal dawk relatati mas-suq intern, is-servizzi diġitali, il-protezzjoni tal-konsumatur, il-protezzjoni tal-libertajiet fundamentali online, u għalhekk il-pjan huwa li jinġabru flimkien riżorsi mid-Direttorati Ġenerali kollha tal-Kummissjoni, soġġetti għal ftehim li jrid jiġi diskuss bejn l-HR u d-Direttorati Ġenerali kkonċernati.

(63)    AC= Persunal Kuntrattwali; AL = Persunal Lokali; END = Esperti Nazzjonali Sekondati; INT = persunal tal-aġenzija; JPD = Esperti Professjonali fid-Delegazzjonijiet.
(64)    Sottolimitu għall-persunal estern kopert minn approprjazzjonijiet operazzjonali (li qabel kienu l-linji “BA”).
(65)    Fir-rigward tar-riżorsi proprji tradizzjonali (id-dazji doganali, l-imposti fuq iz-zokkor), l-ammonti indikati jridu jkunu ammonti netti, jiġifieri ammonti grossi wara t-tnaqqis ta’ 20 % tal-kostijiet tal-ġbir.
(66) Ir-riżorsi umani meħtieġa se jiġu koperti mill-persunal tad-DĠ li diġà jkun assenjat għall-ġestjoni tal-azzjoni u/jew li diġà jkun ġie riassenjat fid-DĠ, flimkien, jekk ikun meħtieġ, ma’ kwalunkwe allokazzjoni addizzjonali li tista’ tingħata lid-DĠ tal-ġestjoni skont il-proċedura annwali ta’ allokazzjoni u fid-dawl tal-limitazzjonijiet baġitarji.    AC = Persunal Kuntrattwali; AL = Persunal Lokali; END = Esperti Nazzjonali Sekondati; INT = persunal tal-aġenzija; JPD = Esperti Professjonali fid-Delegazzjonijiet.