Brussell, 25.11.2020

COM(2020) 757 final

2020/0334(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni, fi ħdan il-Kumitat Konġunt stabbilit bil-Ftehim dwar Spazju Komuni tal-Avjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Ġeorġja, min-naħa l-oħra


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

Din il-proposta tikkonċerna deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt stabbilit bil-Ftehim dwar Spazju Komuni tal-Avjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Ġeorġja, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”) 1 .

2.Kuntest tal-proposta

2.1.Il-Ftehim dwar Spazju Komuni tal-Avjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Ġeorġja, min-naħa l-oħra

Il-Ftehim għandu l-għan li joħloq spazju komuni tal-avjazzjoni (common aviation area, CAA) ibbażat fuq l-aċċess reċiproku tas-suq għas-swieq tat-trasport bl-ajru tal-Partijiet, b’kundizzjonijiet indaqs ta’ kompetizzjoni, u bil-ħarsien tal-istess regoli, inkluż fl-oqsma tas-sikurezza, tas-sigurtà, tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru, tal-aspetti soċjali u tal-ambjent. Ir-regoli tas-CAA għandhom ikunu bbażati fuq il-leġiżlazzjoni rilevanti fis-seħħ fl-Unjoni Ewropea, kif stabbilit fl-Anness III ta’ dan il-Ftehim b’mod partikolari fir-rigward tas-sikurezza, tas-sigurtà u tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru. 

Il-Ftehim daħal fis-seħħ fit-2 ta’ Awwissu 2020.

2.2.Il-Kumitat Konġunt

Ġie mwaqqaf Kumitat Konġunt bl-Artikolu 22 tal-Ftehim. Il-Kumitat Konġunt għandu jkun responsabbli mill-amministrazzjoni ta’ dan il-Ftehim u għandu jiżgura l-implimentazzjoni xierqa tiegħu.

Għal dan il-għan il-Kumitat għandu jikkoopera f’firxa ta’ oqsma u għandu jagħmel rakkomandazzjonijiet u jieħu deċiżjonijiet meta dan ikun espressament previst mill-Ftehim. Il-kompiti ewlenin tiegħu huma li jikkoopera billi: (a) irawwem skambji fil-livell tal-esperti dwar inizjattivi u żviluppi leġiżlattivi jew regolatorji ġodda, inkluż fl-oqsma tas-sigurtà, tas-sikurezza, tal-ambjent, tal-infrastruttura tal-avjazzjoni (inkluż slots), tal-ambjent kompetittiv u tal-protezzjoni tal-konsumaturi; (b) jirrevedi l-kundizzjonijiet tas-suq li jaffettwaw is-servizzi tal-ajru skont dan il-Ftehim; (c) jeżamina b’mod regolari l-effetti soċjali tal-Ftehim hekk kif jiġi implimentat, l-aktar fil-qasam tal-impjiegi, u jiżviluppa reazzjonijiet xierqa għat-tħassib li jinstab li jkun leġittimu; (d) jikkunsidra l-oqsma potenzjali għall-iżvilupp ulterjuri tal-Ftehim, inkluż ir-rakkomandazzjoni ta’ emendi għall-Ftehim; (e) jilħaq qbil, abbażi ta’ kunsens, fuq proposti, approċċi jew dokumenti ta’ natura proċedurali li huma marbutin b’mod dirett mal-funzjonament tal-Ftehim; (f) jikkunsidra u jiżviluppa għajnuna teknika fl-oqsma koperti mill-Ftehim; u (g) irawwem il-kooperazzjoni f’fora internazzjonali rilevanti.

Minbarra dan, f’konformità mal-Artikolu 6 (Investiment) tal-Ftehim, il-Kumitat Konġunt għandu janalizza kwistjonijiet relatati mal-investimenti bilaterali ta’ dritt ta’ proprjetà maġġoritarju, jew mal-bidliet fil-kontroll effettiv tat-trasportaturi bl-ajru tal-Partijiet.

Skont l-Artikolu 22(3) tal-Ftehim, il-Kumitat Konġunt għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu, b’deċiżjoni.

2.3.L-att previst tal-Kumitat Konġunt

Waqt l-ewwel laqgħa tiegħu, il-Kumitat Konġunt għandu jadotta deċiżjoni dwar l-adozzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat Konġunt (“l-att previst”).

L-għan tal-att previst huwa li, f’konformità mal-Artikolu 22(3) tal-Ftehim, jadotta r-Regoli ta’ proċedura li jirfdu l-organizzazzjoni u l-funzjonament tal-Kumitat Konġunt sabiex jippermettu l-implimentazzjoni xierqa tal-Ftehim.

3.Pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni

Jenħtieġ li l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni tkun immirata lejn l-adozzjoni tar-Regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Konġunt stabbilit bil-Ftehim. Jenħtieġ li l-pożizzjoni tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt.

4.Bażi ġuridika

4.1.Bażi ġuridika proċedurali

4.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi atti li għandhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw il-korp inkwistjoni. Dan jinkludi strumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatura tal-Unjoni”.

4.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

Il-Kumitat Konġunt huwa korp stabbilit permezz ta’ ftehim, jiġifieri, il-Ftehim dwar Spazju Komuni tal-Avjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Ġeorġja, min-naħa l-oħra.

L-att li l-Kumitat Konġunt huwa mitlub jadotta huwa att b’effetti legali, peress li jimponi obbligi fuq il-Partijiet skont id-dritt internazzjonali.

L-att previst la jissupplimenta u lanqas ma jemenda l-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.

Fid-dawl ta’ dan, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

4.2.Bażi ġuridika sostantiva

4.2.1.Prinċipji

Il-bażi ġuridika sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament fuq l-objettiv u fuq il-kontenut tal-att previst li fir-rigward tiegħu tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew ikollu żewġ komponenti u jekk wieħed minn dawn l-għanijiet jew komponenti jkun identifikabbli bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tkun imsejsa fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

4.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

L-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-att previst jirrigwardaw it-trasport bl-ajru.

Għalhekk, il-bażi ġuridika sostantiva tad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 100(2) tat-TFUE.

4.3.Konklużjoni

Jenħtieġ li l-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta tkun l-Artikolu 100(2) tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

5.Pubblikazzjoni tal-att previst

Billi l-att tal-Kumitat Konġunt se jistabbilixxi r-regoli ta’ proċedura tiegħu, jixraq li wara li jiġi adottat, dan jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2020/0334 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni, fi ħdan il-Kumitat Konġunt stabbilit bil-Ftehim dwar Spazju Komuni tal-Avjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Ġeorġja, min-naħa l-oħra

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Ftehim dwar Spazju Komuni tal-Avjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Ġeorġja, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”), ġie konkluż mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/948 2 u daħal fis-seħħ fit-2 ta’ Awwissu 2020.

(2)L-Artikolu 22 tal-Ftehim jistabbilixxi Kumitat Konġunt biex jiżgura l-amministrazzjoni u l-implimentazzjoni xierqa tal-Ftehim.

(3)L-Artikolu 22(3) tal-Ftehim jipprevedi li l-Kumitat Konġunt għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu.

(4)Sabiex tkun żgurata l-implimentazzjoni xierqa tal-Ftehim, jenħtieġ li r-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Konġunt jiġu adottati.

(5)Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Konġunt, peress li d-deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt li tadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu se tkun vinkolanti għall-Unjoni. Jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Konġunt tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt mehmuż.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fl-ewwel laqgħa tal-Kumitat Konġunt stabbilit bl-Artikolu 22 tal-Ftehim dwar Spazju Komuni tal-Avjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Ġeorġja, min-naħa l-oħra, b’rabta mal-adozzjoni tar-Regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Konġunt, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Ir-rappreżentanti tal-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Konġunt jistgħu jaqblu ma’ tibdiliet minuri fl-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt mingħajr Deċiżjoni tal-Kunsill ulterjuri.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/948 tas-26 ta’ Ġunju 2020 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim dwar Spazju Komuni tal-Avjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Ġeorġja, min-naħa l-oħra (ĠU L 212, 3.7.2020, p. 3).
(2)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/948 tas-26 ta’ Ġunju 2020 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni, tal-Ftehim dwar Spazju Komuni tal-Avjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Ġeorġja, min-naħa l-oħra (ĠU L 212, 3.7.2020, p. 3).

Brussell, 25.11.2020

COM(2020) 757 final

ANNESS

ta'

Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill

ta’ XXXX dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni, fi ħdan il-Kumitat Konġunt stabbilit bil-Ftehim dwar Spazju Komuni tal-Avjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Ġeorġja, min-naħa l-oħra


DEĊIŻJONI NRU 1/[sena] TAL-KUMITAT KONĠUNT UE-ĠEORĠJA STABBILIT BIL-FTEHIM DWAR SPAZJU KOMUNI TAL-AVJAZZJONI BEJN L-UNJONI EWROPEA U L-MEMBRI TAGĦHA, MINN NAĦA WAĦDA, U L-ĠEORĠJA, MIN-NAĦA L-OĦRA

ta’ …

li tadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu

IL-KUMITAT KONĠUNT UE-ĠEORĠJA,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar Spazju Komuni tal-Avjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Ġeorġja, min-naħa l-oħra, (“il-Ftehim”) u b’mod partikolari l-Artikolu 22(3) tiegħu,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

Artikolu Uniku

B’dan, ir-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat Konġunt mehmuża ma’ din id-Deċiżjoni huma adottati.

Magħmul fi …,

Għall-Kumitat Konġunt,

Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea

[isem]

Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Ġeorġja

[isem]



Anness

REGOLI TA’ PROĊEDURA TAL-KUMITAT KONĠUNT

IL-KUMITAT KONĠUNT

Artikolu 1

Kapijiet ta’ Delegazzjoni

1.    Kif previst fl-Artikolu 22(1) tal-Ftehim, il-Kumitat Konġunt għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Partijiet.

2.    Il-Kumitat Konġunt għandu jkun presedut b’mod konġunt mill-Kapijiet ta’ Delegazzjoni tal-Partijiet.

Artikolu 2

Laqgħat

1.    Skont l-Artikolu 22(4) tal-Ftehim, il-Kumitat Konġunt għandu jiltaqa’ kif u meta jkun meħtieġ. Kull Parti tista’ titlob li tissejjaħ laqgħa.

2.    Il-Kumitat Konġunt jista’ jorganizza laqgħat wiċċ imb wiċċ jew permezz ta’ mezzi oħra (telekonferenzi jew vidjokonferenzi).

3.    Il-laqgħat għandhom isiru, kemm jista’ jkun, b’mod alternat bejn post fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea u fil-Ġeorġja sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor mill-Partijiet.

4.    Ladarba l-Partijiet ikunu qablu dwar id-data u l-post tal-laqgħat, il-laqgħat għandhom jissejħu mill-Kummissjoni Ewropea għall-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u mill-ministeru responsabbli għall-avjazzjoni ċivili għall-Ġeorġja.

5.    Ħlief jekk ma jiġix miftiehem mod ieħor mill-Partijiet, il-laqgħat tal-Kumitat Konġunt ma għandhomx ikunu pubbliċi. Jekk ikun meħtieġ, tista’ tiġi abbozzata stqarrija għall-istampa bi ftehim reċiproku fi tmiem il-laqgħa.

Artikolu 3

Delegazzjonijiet

1.    Qabel kull laqgħa, il-Kapijiet ta’ Delegazzjoni għandhom jgħarrfu lil xulxin dwar il-kompożizzjoni maħsuba tad-delegazzjonijiet tagħhom għal-laqgħa.

2.    Ir-rappreżentanti tal-partijiet ikkonċernati tal-industrija tat-trasport bl-ajru jistgħu jiġu mistiedna jattendu l-laqgħat bħala osservaturi, jekk il-Kumitat Konġunt ikun jaqbel li jsir hekk.

3.    Il-Kumitat Konġunt jista’ jistieden lil partijiet interessati jew lil esperti oħrajn biex jattendu l-laqgħat sabiex jipprovdu informazzjoni dwar suġġetti partikolari.

Artikolu 4

Segretarjat

Is-segretarji tal-Kumitat Konġunt għandhom ikunu uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea u uffiċjal tal-avjazzjoni ċivili tal-Ġeorġja, u għandhom jaġixxu b’mod konġunt.

Artikolu 5

L-aġenda tal-laqgħat

1.    Il-Kapijiet ta’ Delegazzjoni għandhom jistabbilixxu l-aġenda proviżorja ta’ kull laqgħa bi ftehim reċiproku. Din l-aġenda proviżorja għandha tintbagħat mis-segretarji lill-membri tad-delegazzjonijiet mhux aktar tard minn ħmistax-il jum qabel id-data tal-laqgħa.

2.    Il-Kumitat Konġunt għandu jadotta l-aġenda fil-bidu ta’ kull laqgħa. Punti oħra minbarra dawk li jkunu jidhru fl-aġenda proviżorja jistgħu jiġu inklużi fl-aġenda jekk il-Kumitat Konġunt jaqbel li jsir hekk.

3.    Il-Kapijiet ta’ Delegazzjoni jistgħu jqassru l-limitu ta’ żmien speċifikat fil-paragrafu 1 sabiex jitqiesu l-bżonnijiet jew l-urġenza ta’ kwistjoni partikolari.

Artikolu 6

Minuti

1.    L-abbozz tal-minuti tal-Kumitat Konġunt għandu jitfassal wara kull laqgħa. L-abbozz tal-minuti għandu jindika l-punti diskussi u kwalunkwe rakkomandazzjoni magħmula u deċiżjonijiet adottati.

2.    Fi żmien xahar wara l-laqgħa, l-abbozz tal-minuti għandu jiġi ppreżentat mill-Kap ta’ Delegazzjoni ospitanti lill-Kap ta’ Delegazzjoni l-ieħor għall-approvazzjoni permezz ta’ proċedura bil-miktub.

3.    Meta jiġu approvati, il-Minuti għandhom jiġu ffirmati f’duplikati mill-Kapijiet ta’ Delegazzjoni u kopja oriġinali waħda se tiġi ffajljata minn kull waħda mill-Partijiet. Il-Kapijiet ta’ Delegazzjoni jistgħu jiddeċiedu li l-iffirmar u l-iskambju ta’ kopji elettroniċi jissodisfaw dan ir-rekwiżit.

4.    Il-minuti tal-laqgħat tal-Kumitat Konġunt għandhom ikunu pubbliċi sakemm ma jkunx mitlub mod ieħor minn waħda mill-Partijiet.

Artikolu 7

Proċedura bil-miktub

Meta jkunu meħtieġa, u debitament motivati, id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Konġunt jistgħu jiġu adottati permezz ta’ proċedura bil-miktub. Għal dak il-għan, il-Kapijiet ta’ Delegazzjoni għandhom jiskambjaw l-abbozz ta’ miżuri li dwarhom tintalab l-opinjoni tal-Kumitat Konġunt, li mbagħad jistgħu jiġu kkonfermati permezz ta’ skambju ta’ korrispondenza. Madankollu, kwalunkwe Parti tista’ titlob li l-Kumitat Konġunt jitlaqqa’ biex tiġi diskussa l-kwistjoni.

Artikolu 8

Deliberazzjonijiet

1.    Il-Kumitat Konġunt għandu jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu u jieħu deċiżjonijiet abbażi ta’ kunsens.

2.    Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Konġunt għandu jkollhom it-titolu “Deċiżjoni” u “Rakkomandazzjoni” rispettivament u għandhom ikunu segwiti b’numru tas-serje, bid-data tal-adozzjoni tagħhom u b’deskrizzjoni tas-suġġett tagħhom.

3.    Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Konġunt għandhom jiġu ffirmati mill-Kapijiet ta’ Delegazzjoni u se jiġu mehmuża mal-minuti.

4.    Id-deċiżjonijiet adottati mill-Kumitat Konġunt għandhom jiġu implimentati mill-Partijiet f’konformità mal-proċeduri interni tagħhom stess.

5.    Id-deċiżjonijiet adottati mill-Kumitat Konġunt jistgħu jiġu ppubblikati mill-Partijiet fil-pubblikazzjonijiet uffiċjali rispettivi tagħhom. Kull Parti tista’ tiddeċiedi dwar il-pubblikazzjoni ta’ kwalunkwe att ieħor li jiġi adottat mill-Kumitat Konġunt. Kopja waħda tad-deċiżjonijiet u tar-rakkomandazzjonijiet għandha tintbagħat lil kull waħda mill-Partijiet.

Artikolu 9

Gruppi ta’ Ħidma

1.    Il-Kumitat Konġunt jista’ jistabbilixxi gruppi ta’ ħidma biex jassistu lill-Kumitat Konġunt fit-twettiq ta’ dmirijietu. It-termini ta’ referenza għal grupp ta’ ħidma għandhom jiġu inklużi f’Anness tad-deċiżjoni li tistabbilixxi l-grupp ta’ ħidma.

2.    Il-gruppi ta’ ħidma għandhom ikunu magħmula minn rappreżentanti tal-Partijiet.

3.    Il-gruppi ta’ ħidma għandhom jaħdmu taħt l-awtorità tal-Kumitat Konġunt u jirrappurtaw lilu wara kull laqgħa li jkollhom. Ma għandhomx jieħdu deċiżjonijiet iżda jistgħu jagħmlu rakkomandazzjonijiet lill-Kumitat Konġunt.

4.    Fi kwalunkwe ħin, il-Kumitat Konġunt jista’ jiddeċiedi li jabolixxi l-gruppi ta’ ħidma eżistenti, li jimmodifika t-termini ta’ referenza tagħhom jew li jistabbilixxi gruppi ta’ ħidma ġodda biex jgħinuh fil-qadi ta’ dmirijietu.

Artikolu 10

Spejjeż

1.    Kull waħda mill-Partijiet għandha tħallas l-ispejjeż relatati mal-parteċipazzjoni tagħhom fil-laqgħat tal-Kumitat Konġunt u tal-gruppi ta’ ħidma, kemm fir-rigward tal-persunal, tal-ivvjaġġar u tal-ispejjeż ta’ sussistenza kif ukoll tal-ispejjeż tal-posta u tat-telekomunikazzjonijiet.

2.    Kull nefqa oħra relatata mal-organizzazzjoni materjali tal-laqgħat għandhom jitħallsu mill-Parti li tkun qed tospita l-laqgħa.

Artikolu 11

Emendi għar-Regoli ta’ Proċedura

Fi kwalunkwe ħin, il-Kumitat Konġunt jista’ jemenda dawn ir-Regoli ta’ Proċedura permezz ta’ deċiżjoni meħuda f’konformità mal-Artikolu 22.