Brussell, 24.9.2020

COM(2020) 594 final

2020/0267(COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar reġim pilota għall-infrastrutturi tas-suq ibbażati fuq it-teknoloġija ta’ reġistru distribwit

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

{SEC(2020) 308 final} - {SWD(2020) 201 final} - {SWD(2020) 202 final}


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet għall-proposta u l-objettivi tagħha

Din il-proposta hija parti minn pakkett ta’ miżuri li jippermettu u jappoġġaw aktar il-potenzjal tal-finanzi diġitali f’termini ta’ innovazzjoni u kompetizzjoni filwaqt li jimmitigaw ir-riskji. Hija konformi mal-prijoritajiet tal-Kummissjoni li tagħmel l-Ewropa adattata għall-era diġitali u li tibni ekonomija lesta għall-futur li taħdem għan-nies. Il-pakkett dwar il-finanzi diġitali jinkludi Strateġija ġdida dwar il-finanzi diġitali għas-settur finanzjarju tal-UE 1 bil-għan li jiġi żgurat li l-UE tħaddan ir-rivoluzzjoni diġitali u tixprunaha b’ditti Ewropej innovattivi fuq quddiem, u b’hekk il-benefiċċji tal-finanzi diġitali jsiru disponibbli għall-konsumaturi u għan-negozji Ewropej. Minbarra din il-proposta, il-pakkett jinkludi wkoll proposta għal regolament biex jinbnew swieq fil-kriptoassi 2 , proposta għar-reżiljenza operazzjonali diġitali 3 , u proposta biex jiġu ċċarati jew emendati ċerti regoli relatati dwar is-servizzi finanzjarji tal-UE 4 .

Wieħed mill-oqsma prijoritarji identifikati tal-istrateġija huwa li jiġi żgurat li l-qafas regolatorju tas-servizzi finanzjarji tal-UE jkun jiffavorixxi l-innovazzjoni u ma jkunx joħloq ostakli għall-applikazzjoni ta’ teknoloġiji ġodda. Din il-proposta, flimkien mal-proposta għal reġim personalizzat għall-kriptoassi, tirrappreżenta l-ewwel azzjonijiet konkreti f’dan il-qasam, u għandha l-għan li tipprovdi livelli xierqa ta’ protezzjoni tal-konsumatur u tal-investituri, ċertezza tad-dritt għall-kriptoassi, tippermetti lil ditti innovattivi jagħmlu użu mill-blockchain, mit-teknoloġija ta’ reġistru distribwit (“DLT”) u mill-kriptoassi u tiżgura l-istabbiltà finanzjarja.

Il-kriptoassi huma waħda mill-applikazzjonijiet ewlenin tat-teknoloġija blockchain fil-finanzi. Mill-pubblikazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-FinTech 5 tal-Kummissjoni ’l hawn, f’Marzu 2018, il-Kummissjoni qiegħda teżamina l-opportunitajiet u l-isfidi li rriżultaw mill-kriptoassi. Fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-FinTech tal-2018, il-Kummissjoni tat mandat lill-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) u lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) biex jivvalutaw l-applikabbiltà u l-adegwatezza tal-qafas regolatorju eżistenti dwar is-servizzi finanzjarji għall-kriptoassi. Il-parir 6 , maħruġ f’Jannar 2019, argumenta li filwaqt li xi kriptoassi jistgħu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE, l-applikazzjoni effettiva tagħha għal dawn l-assi mhux dejjem tkun sempliċi. Barra minn hekk, il-parir innota li d-dispożizzjonijiet fil-leġiżlazzjoni tal-UE eżistenti jistgħu jimpedixxu l-użu tad-DLT. Fl-istess ħin, l-EBA u l-ESMA enfasizzaw li – lil hinn mil-leġiżlazzjoni tal-UE mmirata lejn il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu – il-biċċa l-kbira tal-kriptoassi jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar is-servizzi finanzjarji tal-UE u għalhekk mhumiex soġġetti għad-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-konsumatur u tal-investituri u dwar l-integrità tas-suq, fost l-oħrajn, għalkemm joħolqu dawn ir-riskji. Barra minn hekk, għadd ta’ Stati Membri reċentement illeġiżlaw dwar kwistjonijiet relatati mal-kriptoassi, u dan iwassal għall-frammentazzjoni tas-suq.

Minħabba dawn l-iżviluppi u bħala parti mill-aġenda diġitali usa’ tal-Kummissjoni, il-President Ursula von der Leyen saħqet fuq il-ħtieġa ta’ “approċċ komuni mal-Istati Membri dwar il-kriptovaluti sabiex niżguraw li nifhmu kif nieħdu l-aħjar użu mill-opportunitajiet li dawn joħolqu u nindirizzaw ir-riskji l-ġodda li dawn jistgħu joħolqu 7 . Filwaqt li rrikonoxxew ir-riskji li dawn jistgħu jippreżentaw, il-Kummissjoni u l-Kunsill iddikjaraw ukoll b’mod konġunt f’Diċembru 2019 li huma “impenjati li jistabbilixxu qafas li se jutilizza l-opportunitajiet potenzjali li jistgħu joffru l-kriptoassi 8 . Aktar reċentement, il-Parlament Ewropew qed jaħdem fuq rapport dwar il-finanzi diġitali, li jiffoka b’mod partikolari fuq il-kriptoassi 9 .

Biex twieġeb għal dawn il-kwistjonijiet kollha u toħloq qafas tal-UE li jippermetti kemm is-swieq fil-kriptoassi kif ukoll it-tokenisation tal-assi finanzjarji tradizzjonali u l-użu usa’ tad-DLT fis-servizzi finanzjarji, din il-proposta se tkun akkumpanjata minn proposti leġiżlattivi oħra. Il-Kummissjoni qed tipproponi kjarifika li d-definizzjoni eżistenti ta’ “strumenti finanzjarji” – li tiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar is-Swieq fl-Istrumenti Finanzjarji (MiFID II) 10 - tinkludi strumenti finanzjarji bbażati fuq id-DLT, 11 u reġim apposta għall-kriptoassi mhux koperti mil-leġiżlazzjoni eżistenti dwar is-servizzi finanzjarji kif ukoll għat-tokens tal-flus elettroniċi 12 .

Din il-proposta, li tkopri reġim pilota għall-infrastrutturi tas-suq tad-DLT fil-forma ta’ Regolament, għandha erba’ objettivi ġenerali u relatati. L-ewwel objettiv huwa wieħed ta’ ċertezza tad-dritt. Għas-swieq sekondarji għall-kriptoassi li jikkwalifikaw bħala strumenti finanzjarji li għandhom jiġu żviluppati fl-UE, jeħtieġ li nkunu nafu eżattament fejn il-qafas ma għadux adattat għall-iskop tiegħu. It-tieni objettiv huwa li tiġi appoġġata l-innovazzjoni. It-tneħħija tal-ostakli għall-applikazzjoni ta’ teknoloġiji ġodda fis-settur finanzjarju ssejjes l-istrateġija tal-Kummissjoni dwar il-finanzi diġitali. Sabiex jiġu promossi l-adozzjoni tat-teknoloġija u l-innovazzjoni responsabbli, huwa meħtieġ reġim pilota, sabiex jiġi żgurat li aktar bidliet wiesgħa fil-leġiżlazzjoni eżistenti dwar is-servizzi finanzjarji jkunu bbażati fuq l-evidenza. It-tielet objettiv huwa li jiddaħħlu l-protezzjoni tal-konsumatur u tal-investituri u l-integrità tas-suq, u r-raba’ huwa li tiġi żgurata l-istabbiltà finanzjarja. Ir-reġim pilota se jistabbilixxi salvagwardji xierqa, pereżempju billi jillimita t-tipi ta’ strumenti finanzjarji li jistgħu jiġu nnegozjati. Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet immirati speċifikament biex jiżguraw l-istabbiltà finanzjarja u l-protezzjoni tal-konsumatur u tal-investituri mhux se jkunu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li infrastruttura tas-suq tad-DLT tista’ tiġi eżentata minnhom.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam ta’ politika

Din il-proposta hija parti minn qafas usa’ dwar il-kriptoassi u t-teknoloġija ta’ reġistru distribwit (DLT), minħabba li din hija akkumpanjata minn proposti li jfittxu li jiżguraw li l-leġiżlazzjonijiet eżistenti ma jippreżentawx ostakli għall-adozzjoni ta’ teknoloġiji ġodda filwaqt li jilħqu l-objettivi tagħhom kif ukoll minn reġim apposta għall-kriptoassi mhux koperti mil-leġiżlazzjoni eżistenti dwar is-servizzi finanzjarji u għat-tokens tal-flus elettroniċi.

Bħala parti mill-Pjan ta’ Azzjoni tal-FinTech adottat f’Marzu 2018 13 , il-Kummissjoni tat mandat lill-ASE biex tipproduċi pariri dwar l-applikabbiltà u l-adegwatezza tal-qafas regolatorju tas-servizzi finanzjarji tal-UE eżistenti dwar il-kriptoassi. Din il-proposta tqis il-parir li wasal mingħand l-EBA u l-ESMA 14 . Hija wkoll allinjata mal-ambizzjoni globali tal-istrateġija dwar il-finanzi diġitali li jiġi żgurat li l-qafas tal-UE jkun jiffavorixxi l-innovazzjoni.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Kif iddikjarat mill-President von der Leyen fil-Linji Gwida Politiċi tagħha, 15 u kif stabbilit fil-Komunikazzjoni “Insawru l-futur diġitali tal-Ewropa”, 16 huwa kruċjali li l-Ewropa tisfrutta l-benefiċċji kollha tal-era diġitali u ssaħħaħ il-kapaċità tagħha tal-industrija u l-innovazzjoni, f’konfini sikuri u etiċi.

Il-proposta hija wkoll konsistenti mal-politiki tal-Unjoni mmirati lejn il-ħolqien ta’ Unjoni tas-Swieq Kapitali (CMU). Hija twieġeb b’mod partikolari għar-rapport finali tal-Forum ta’ Livell Għoli, li saħaq il-potenzjal mhux użat biżżejjed tal-kriptoassi u talab lill-Kummissjoni biex iżżid iċ-ċertezza tad-dritt u tistabbilixxi regoli ċari għall-użu tal-kriptoassi 17 . 

Fl-aħħar nett, il-proposta hija kompletament konformi mar-rakkomandazzjoni fl-Istrateġija tal-Unjoni tas-Sigurtà għall-iżvilupp ta’ qafas leġiżlattiv fil-kriptoassi minħabba l-effett dejjem jikber ta’ dawn it-teknoloġiji l-ġodda fuq kif l-assi finanzjarji jinħarġu, jiġu skambjati, kondiviżi u aċċessati 18 .

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 114 tat-TFUE, li jikkonferixxi lill-istituzzjonijiet Ewropej il-kompetenza li jistabbilixxu dispożizzjonijiet xierqa għall-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom bħala objettiv l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern. Il-proposta għandha l-għan li tippermetti esperimentazzjoni permezz ta’ derogi għall-użu tad-DLT fin-negozjar u wara n-negozjar ta’ kriptoassi li jikkwalifikaw bħala strumenti finanzjarji, meta l-leġiżlazzjoni eżistenti tipprekludi jew tillimita l-użu tagħhom.

Illum, hemm użu limitat tad-DLT fis-servizzi finanzjarji, speċifikament mill-infrastrutturi tas-suq (ċentri tan-negozjar jew depożitorji ċentrali tat-titoli). L-ostakli regolatorji u ċ-ċertezza tad-dritt spiss jissemmew bħala r-raġunijiet ewlenin għall-adozzjoni limitata ta’ din it-teknoloġija potenzjalment trasformattiva fl-infrastrutturi tas-suq. L-UE ssegwi l-prinċipju tan-newtralità teknoloġika, iżda r-regoli xorta waħda jinħolqu abbażi tar-realtajiet tas-suq, u l-leġiżlazzjoni eżistenti dwar is-servizzi finanzjarji ġiet imfassla mingħajr ma tqiesu d-DLT u l-kriptoassi. Dan ifisser li hemm dispożizzjonijiet fiha li xi drabi jillimitaw u anke jipprevjenu l-użu tad-DLT. In-nuqqas ta’ suq sekondarju bbażat fuq id-DLT jillimita t-titjib fl-effiċjenza u l-iżvilupp sostenibbli ta’ suq primarju għall-istrumenti finanzjarji f’forma ta’ kriptoassi.

Permezz tal-introduzzjoni ta’ reġim pilota komuni tal-UE għall-esperimentazzjoni ta’ infrastrutturi tas-suq tad-DLT, ditti fl-UE jkunu kapaċi jisfruttaw il-potenzjal sħiħ tal-qafas eżistenti, u dan jippermetti lis-superviżuri u lil-leġiżlaturi jidentifikaw l-ostakli fir-regolamentazzjoni, filwaqt li r-regolaturi u d-ditti nfushom jiksbu għarfien siewi dwar l-applikazzjoni tad-DLT. Dan jista’ jiffaċilita suq sekondarju aktar affidabbli u sikur għall-kriptoassi li jikkwalifikaw bħala strumenti finanzjarji. Dan jippermetti wkoll lid-ditti tas-servizzi finanzjarji tal-UE jżommu l-kompetittività globali minħabba li ġuriżdizzjonijiet oħrajn diġà implimentaw miżuri li jippermettu esperimentazzjoni bid-DLT fis-servizzi finanzjarji. Fl-aħħar nett, ir-reġim pilota jippermetti każijiet ta’ użu reali u jgħin biex tinbena l-esperjenza u l-evidenza meħtieġa li fuqhom jista’ jkun ispirat reġim regolatorju tal-UE permanenti.

Sussidjarjetà (għal kompetenzi mhux esklużivi)

Ir-regoli li jirregolaw is-servizzi finanzjarji u b’mod partikolari l-infrastrutturi tas-suq madwar l-Unjoni huma fil-biċċa l-kbira stabbiliti fil-livell tal-UE. Huwa għalhekk li kwalunkwe deroga jew eżenzjoni minn dispożizzjonijiet speċifiċi trid issir fil-livell tal-UE.

Barra minn hekk, azzjoni fil-livell tal-UE, bħar-Regolament propost, tiżgura konsistenza u kundizzjonijiet ekwi billi tagħti s-setgħat lill-ESMA biex tissorvelja u tikkoordina l-esperimentazzjonijiet hekk kif l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jissottomettu applikazzjonijiet evalwati mill-parteċipanti fis-suq.

Fl-aħħar nett, l-objettiv fit-tul li tinkiseb esperjenza dwar l-applikazzjoni, u l-limiti, tal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar is-servizzi finanzjarji għall-infrastrutturi tas-suq tad-DLT, jirrikjedi li dan isir fil-livell tal-UE. Għalhekk, l-ESMA se tevalwa l-eżiti fuq bażi annwali u l-Kummissjoni se tevalwa u tirrapporta lill-Kunsill u lill-Parlament dwar ir-reġim pilota mhux aktar tard minn wara perjodu ta’ ħames snin.

Proporzjonalità

Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, jenħtieġ li l-kontenut u l-forma tal-azzjoni tal-UE ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu l-objettivi tat-Trattati. Ir-regoli proposti mhux se jmorru lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-proposta. Huma se jkopru biss l-aspetti li l-Istati Membri ma jistgħux jiksbu waħedhom u meta l-piż u l-kostijiet amministrattivi jkunu proporzjonati mal-objettivi speċifiċi u ġenerali li jridu jintlaħqu.

Ir-reġim pilota propost se jiżgura l-proporzjonalità billi jippermetti flessibbiltà adegwata għas-superviżuri biex jiddeterminaw liema dispożizzjonijiet għandhom jinjoraw għal test ta’ parteċipant fis-suq, biex jippermetti li jkun hemm każijiet ta’ testijiet differenti. Ir-reġim pilota se jippermetti lir-regolaturi jneħħu l-limiti regolatorji li jistgħu jimpedixxu l-iżvilupp tal-infrastrutturi tas-suq tad-DLT, u dan jista’ jippermetti t-tranżizzjoni lejn strumenti finanzjarji tokenizzati u infrastrutturi tas-suq tad-DLT, u b’hekk tiġi ffaċilitata l-innovazzjoni u tiġi żgurata l-kompetittività globali tal-UE.

L-approċċ tar-reġim pilota f’dan l-istadju huwa meqjus bħala l-aktar proporzjonat għall-objettivi minħabba li bħalissa ma hemmx biżżejjed evidenza biex jiġu appoġġati bidliet permanenti aktar sinifikanti u wiesgħa fil-qafas tas-servizzi finanzjarji eżistenti fi sforz biex ikun permess l-użu tad-DLT. Dan huwa wkoll deskritt fil-valutazzjoni tal-impatt mehmuża, pereżempju fil-kapitoli 6 u 7 19 .

Għażla tal-istrument

L-Artikolu 114 tat-TFUE jippermetti l-adozzjoni ta’ atti fil-forma ta’ Regolament jew Direttiva. Għal din il-proposta, intgħażel Regolament sabiex jiġi stabbilit sett uniku ta’ regoli applikabbli immedjatament fis-suq Uniku kollu.

Ir-Regolament propost jistabbilixxi rekwiżiti armonizzati għall-parteċipanti fis-suq li jixtiequ japplikaw għal permess biex jistabbilixxu infrastruttura tas-suq tad-DLT. Dawn l-infrastrutturi tas-suq tad-DLT ma jridux ikunu soġġetti għal regoli nazzjonali speċifiċi. Għalhekk, Regolament huwa aktar xieraq minn Direttiva.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Il-Kummissjoni kkonsultat lill-partijiet ikkonċernati matul il-proċess kollu tat-tħejjija ta’ din il-proposta. B’mod partikolari:

i)Il-Kummissjoni wettqet konsultazzjoni pubblika miftuħa ddedikata (id-19 ta’ Diċembru 2019 - id-19 ta’ Marzu 2020) 20

ii)Il-Kummissjoni kkonsultat lill-pubbliku dwar valutazzjoni tal-impatt tal-bidu (id-19 ta’ Diċembru 2019 - is-16 ta’ Jannar 2020) 21

iii)Is-servizzi tal-Kummissjoni kkonsultaw lill-esperti tal-Istati Membri fil-Grupp ta’ Esperti dwar is-Settur Bankarju, il-Pagamenti u l-Assigurazzjoni (EGBPI) f’żewġ okkażjonijiet (it-18 ta’ Mejju 2020 u s-16 ta’ Lulju 2020) 22

L-iskop tal-konsultazzjoni pubblika kien li tinforma lill-Kummissjoni dwar l-iżvilupp ta’ qafas potenzjali tal-UE għall-kriptoassi. Hija inkludiet mistoqsijiet dwar kriptoassi mhux koperti mil-leġiżlazzjoni dwar is-servizzi finanzjarji tal-UE eżistenti, kriptoassi koperti mil-leġiżlazzjoni dwar is-servizzi finanzjarji tal-UE eżistenti (eż. li jikkwalifikaw bħala titoli trasferibbli jew flus elettroniċi), mistoqsijiet speċifiċi dwar l-hekk imsejħa “stablecoins” kif ukoll mistoqsijiet aktar ġenerali dwar l-applikazzjoni tad-DLT fis-servizzi finanzjarji.

Ħafna minn dawk li wieġbu jemmnu li l-applikazzjoni tad-DLT fis-servizzi finanzjarji b’mod ġenerali tista’ twassal għal titjib fl-effiċjenza u li jista’ jkollha impatt fuq l-infrastrutturi tas-suq finanzjarju attwali. Kien hemm ukoll qbil ġenerali li meta l-kriptoassi jkunu strumenti finanzjarji, jenħtieġ li japplikaw ir-regoli eżistenti li jirregolaw l-istrumenti finanzjarji. Fl-aħħar nett, kien hemm rikonoxximent wiesa’ li l-applikazzjoni tar-regoli eżistenti għall-kriptoassi u għal mudelli ta’ negozju bbażati fuq id-DLT tista’ tqajjem mistoqsijiet legali u superviżorji kumplessi.

Ir-rappreżentanti tal-Istati Membri esprimew appoġġ ġenerali għall-approċċ magħżul biex jinħoloq reġim pilota li jippermetti esperimentazzjoni bl-applikazzjoni tad-DLT fis-servizzi finanzjarji. Dawn enfasizzaw li jenħtieġ li dan ma jkunx restrittiv wisq, iżda fl-istess ħin ma jistax iwassal għal frammentazzjoni tas-suq jew jimmina rekwiżiti regolatorji eżistenti importanti.

Il-proposta tintegra wkoll il-feedback li wasal permezz ta’ laqgħat mal-partijiet ikkonċernati u l-awtoritajiet u l-istituzzjonijiet tal-UE.

Ġbir u użu tal-għarfien espert

Fit-tħejjija ta’ din il-proposta, il-Kummissjoni serrħet fuq evidenza kwalitattiva u kwantitattiva miġbura minn sorsi rikonoxxuti, inklużi r-rapporti mill-EBA u l-ESMA 23 . Dan ġie kkumplimentat b’input kunfidenzjali, u b’rapporti disponibbli pubblikament minn awtoritajiet superviżorji, korpi internazzjonali li jistabbilixxu l-istandards u istituti ewlenin ta’ riċerka, kif ukoll b’input kwantitattiv u kwalitattiv minn partijiet ikkonċernati identifikati mas-settur finanzjarju globali kollu.

Valutazzjoni tal-impatt

Din il-proposta hija akkumpanjata minn valutazzjoni tal-impatt, li tressqet quddiem il-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju (RSB) fid-29 ta’ April 2020 u ġiet approvata fid-29 ta’ Mejju 2020 24 . L-RSB irrakkomanda titjib f’xi oqsma bil-għan li: (i) l-inizjattiva titqiegħed aħjar f’kuntest mal-isforzi regolatorji kontinwi tal-UE u dawk internazzjonali; (ii) tiġi pprovduta aktar ċarezza dwar kif l-inizjattiva se ttaffi r-riskji ta’ frodi, hacking u abbuż tas-suq u tiġi spjegata wkoll il-koerenza mar-reviżjoni li jmiss tal-leġiżlazzjoni kontra l-ħasil tal-flus; u, (iii) jiġi spjegat aħjar it-tħassib dwar l-istabbiltà finanzjarja relatat mal-“istablecoins” u jiġi ċċarat ukoll kif il-korpi superviżorji se jiżguraw il-protezzjoni tal-investituri u tal-konsumatur. Il-valutazzjoni tal-impatt ġiet emendata skont dan, u indirizzat ukoll il-kummenti aktar dettaljati li saru mill-RSB.

Il-Kummissjoni qieset għadd ta’ għażliet politiċi għall-kriptoassi li jikkwalifikaw bħala strumenti finanzjarji skont id-Direttiva dwar is-Swieq fl-Istrumenti Finanzjarji (MiFID II) 25 , u b’mod aktar speċifiku:

Għażla 1: Miżuri mhux leġiżlattivi biex tingħata gwida dwar l-applikabbiltà tal-qafas tal-UE dwar is-servizzi finanzjarji għall-kriptoassi li jikkwalifikaw bħala strumenti finanzjarji u għad-DLT

Għażla 2: Emendi mmirati għall-qafas tal-UE dwar is-servizzi finanzjarji

Għażla 3: Reġim pilota – il-ħolqien ta’ infrastruttura tas-suq tad-DLT

L-Għażla 1 tista’ tipprovdi kjarifika dwar meta l-kriptoassi jistgħu jikkwalifikaw bħala strumenti finanzjarji skont il-MiFID II. Gwida tista’ tappoġġa wkoll is-suq primarju (eż. billi tipprovdi aktar kjarifika dwar kif ir-regolament dwar il-prospett jista’ japplika għal dan it-tip ta’ ħruġ), u sa ċertu punt is-suq sekondarju (billi tispeċifika kif pjattaforma ta’ negozjar għall-kriptoassi tista’ topera skont il-qafas tal-MiFID II/MiFIR 26 ) kif ukoll l-iżvilupp ta’ infrastrutturi ta’ wara n-negozjar għal strumenti finanzjarji f’forma ta’ kriptoassi. Madankollu, miżuri mhux leġiżlattivi taħt l-Għażla 1 jista’ jkollhom ukoll effett limitat. Min-natura tagħhom, il-miżuri ta’ liġi mhux vinkolanti mhumiex vinkolanti u Stat Membru wieħed jew awtorità nazzjonali kompetenti (NCA) waħda jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx il-gwida. Il-gwida dwar liema kriptoassi jikkostitwixxu “strumenti finanzjarji” skont il-MiFID II jista’ jkollha effetti limitati minħabba d-differenzi fit-traspożizzjoni tal-kunċett ta’ “strumenti finanzjarji” fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali.

L-Għażla 2 tista’ tipprovdi livell għoli ta’ ċertezza tad-dritt għall-parteċipanti fis-suq u l-NCAs dwar kif il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-servizzi finanzjarji tapplika għal servizzi relatati mal-ħruġ, in-negozjar u s-saldu ta’ strumenti finanzjarji f’forma ta’ kriptoassi u mal-użu tad-DLT. Fil-prinċipju, emendi mmirati f’oqsma ddefiniti sew (eż. ir-Regolament dwar il-Prospett 27 , ir-Regolament dwar id-Depożitorji Ċentrali tat-Titoli 28 u d-Direttiva dwar il-Finalità tas-Saldu 29 ) jistgħu jkunu effettivi biex jippermettu l-użu tad-DLT mill-parteċipanti fis-suq. Madankollu, dawk l-emendi mmirati meħudin waħedhom jista’ jkollhom impatt limitat biex jappoġġaw l-adozzjoni ta’ strumenti finanzjarji f’forma ta’ kriptoassi u ta’ DLT fis-settur finanzjarju. Skont l-Għażla 2, l-għadd ta’ emendi għal-leġiżlazzjoni eżistenti jkun relattivament limitat. Minħabba li d-DLT u l-istrumenti finanzjarji f’forma ta’ kriptoassi jinsabu fi stadji tal-bidu, huwa diffiċli li jiġu identifikati l-ostakli regolatorji kollha li jkunu jeħtieġu azzjoni leġiżlattiva immedjata.

Fl-aħħar nett, l-Għażla 3, tista’ tagħti lid-ditti tal-investiment u lill-atturi fis-suq eżistenti l-possibbiltà li jittestjaw l-użu tad-DLT fuq skala akbar, billi toffri servizzi ta’ negozjar u ta’ saldu fl-istess ħin. Id-DLT tista’ tippermetti saldu qrib il-ħin reali, u b’hekk jitnaqqas ir-riskju tal-kontroparti matul il-proċess tas-saldu. In-natura distribwita tad-DLT tista’ ttaffi wkoll xi riskji ċibernetiċi li joħolqu l-infrastrutturi tas-suq ċentralizzati, bħall-punt uniku ta’ falliment. L-użu tad-DLT jista’ jnaqqas il-kostijiet billi jillibera l-kapital permezz tat-tnaqqis fil-ħtieġa għad-depożitu tal-kollateral u permezz ta’ proċessi awtomatizzati (bl-użu ta’ kuntratti intelliġenti) li jistgħu jissimplifikaw xi proċessi tal-back office (eż. ir-rikonċiljazzjoni).

It-tliet għażliet tqiesu li kienu koerenti mal-leġiżlazzjoni eżistenti u mal-objettivi tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ ekonomija diġitali u fl-istess ħin, ma tqisux li kienu reċiprokament esklussivi u huma meqjusa bħala komplementari għal approċċ regolatorju gradwali li jibda b’reġim pilota.

Drittijiet fundamentali

L-UE hija impenjata li tilħaq standards għoljin ta’ protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u hija firmatarja għal sett wiesa’ ta’ konvenzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem. F’dan il-kuntest, mhuwiex probabbli li l-proposta jkollha impatt dirett fuq dawn id-drittijiet, kif elenkati fil-konvenzjonijiet ewlenin tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem, fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li hija parti integrali mit-Trattati tal-UE, u fil-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB).

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Din il-proposta għandha implikazzjonijiet f’termini ta’ kostijiet u ta’ piż amministrattiv għall-NCAs u l-ESMA. Id-daqs u d-distribuzzjoni ta’ dawn il-kostijiet se jiddependu mir-rekwiżiti preċiżi imposti fuq l-infrastrutturi tas-suq tad-DLT u mill-kompiti superviżorji u ta’ monitoraġġ relatati.

Il-kostijiet superviżorji stmati għal kull Stat Membru (inklużi l-persunal, it-taħriġ, l-infrastruttura tal-IT) jistgħu jvarjaw minn EUR 150 000 sa EUR 250 000 fis-sena għal kull infrastruttura tas-suq tad-DLT. Madankollu, dan ikun parzjalment ibbilanċjat mit-tariffi superviżorji li l-NCAs jimponu fuq l-infrastrutturi tas-suq tad-DLT.

Għall-ESMA, il-kost stmat fir-rigward tar-rieżami u l-koordinazzjoni huwa stmat li jammonta għal total ta’ EUR 150 000-300 000, mhux għal kull infrastruttura tas-suq tad-DLT, minħabba li dawn mhux se jkollhom superviżjoni diretta. Dawn il-kostijiet se jkunu koperti mill-baġit operattiv tal-ESMA, li se jiżdied. Barra minn hekk, l-ESMA hija mistennija li żżomm reġistru tal-infrastrutturi tas-suq tad-DLT li qegħdin jitħaddmu. Il-kostijiet relatati ma’ dan huma meqjusa li huma koperti mill-kostijiet relatati mal-manutenzjoni tar-reġistru kif imsemmi fil-proposta għal Regolament dwar is-Swieq fil-Kriptoassi.

L-implikazzjonijiet baġitarji kollha ta’ din il-proposta huma dettaljati fid-dikjarazzjoni finanzjarja leġiżlattiva mehmuża mal-proposta għal Regolament dwar is-Swieq fil-Kriptoassi.

5.ELEMENTI OĦRA

Spjegazzjoni dettaljata tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Din il-proposta tfittex li tipprovdi ċertezza tad-dritt u flessibbiltà għall-parteċipanti fis-suq li jixtiequ jħaddmu infrastruttura tas-suq tad-DLT billi tistabbilixxi rekwiżiti uniformi għat-tħaddim tagħhom. Il-permessi mogħtija skont dan ir-Regolament jippermettu lill-parteċipanti fis-suq iħaddmu infrastruttura tas-suq tad-DLT u jipprovdu s-servizzi tagħhom madwar l-Istati Membri kollha.

L-Artikolu 1 jiddefinixxi s-suġġett u l-kamp ta’ applikazzjoni. B’mod partikolari, dan ir-Regolament jistabbilixxi kundizzjonijiet operattivi għall-infrastrutturi tas-suq tad-DLT, permessi biex isir użu minnhom u s-superviżjoni u l-kooperazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti u l-ESMA. Ir-Regolament japplika għall-parteċipanti fis-suq (ditti tal-investiment, operaturi tas-suq jew depożitorji ċentrali tat-titoli, CSDs) permessi skont l-Artikolu 7 jew l-Artikolu 8. L-Artikolu 2 jistabbilixxi t-termini u d-definizzjonijiet, fost l-oħrajn: “infrastruttura tas-suq tad-DLT”, “faċilità multilaterali tan-negozjar tad-DLT” jew “MTF tad-DLT”, “sistema ta’ saldu tat-titoli tad-DLT” u “titoli trasferibbli tad-DLT”. L-Artikolu 3 jiddeskrivi l-limitazzjonijiet f’termini ta’ titoli trasferibbli tad-DLT li jistgħu jiġu ammessi għan-negozjar f’infrastrutturi tas-suq tad-DLT jew jiġu rreġistrati minnhom. Għall-ishma, jenħtieġ li l-kapitalizzazzjoni tas-suq jew il-kapitalizzazzjoni tas-suq tentattiva tal-emittent ta’ titoli trasferibbli tad-DLT tkun anqas minn EUR 200 miljun; għal bonds pubbliċi minbarra bonds sovrani, bonds koperti u bonds korporattivi, il-limitu huwa ta’ EUR 500 miljun. Jenħtieġ li l-infrastrutturi tas-suq tad-DLT ma jammettux għan-negozjar jew jirreġistraw bonds sovrani. Barra minn hekk, il-valur tas-suq totali tat-titoli trasferibbli tad-DLT irreġistrati minn CSD li jħaddem sistema ta’ saldu tat-titoli tad-DLT, jew minn MTF tad-DLT, meta huwa permess li jiġu rreġistrati dawn it-titoli trasferibbli tad-DLT, ma għandux ikun ta’ aktar minn EUR 2,5 biljun.

L-Artikolu 4 jistabbilixxi r-rekwiżiti għal MTF tad-DLT, li huma l-istess bħal dawk għal MTF skont id-Direttiva 2014/65/UE u jispeċifika l-eżenzjonijiet possibbli skont dan ir-Regolament. L-Artikolu 5 jistabbilixxi r-rekwiżiti għal CSD li jħaddem sistema ta’ saldu tat-titoli, li huma l-istess bħal dawk għal CSD skont ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 u jispeċifika l-eżenzjonijiet possibbli skont dan ir-Regolament. L-Artikolu 4 u l-Artikolu 5 fihom lista limitata ta’ eżenzjonijiet li l-infrastrutturi tas-suq tad-DLT jistgħu jitolbu u l-kundizzjonijiet marbuta ma’ dawn l-eżenzjonijiet.

L-Artikolu 6 jistabbilixxi r-rekwiżiti addizzjonali applikabbli għall-infrastrutturi tas-suq tad-DLT biex jindirizzaw il-forom ġodda ta’ riskji li jirriżultaw mill-użu tad-DLT. L-infrastrutturi tas-suq tad-DLT iridu jipprovdu lill-membri, lill-parteċipanti, lill-klijenti u lill-investituri kollha b’informazzjoni ċara u mhux ambigwa dwar kif dawn iwettqu l-funzjonijiet, is-servizzi u l-attivitajiet tagħhom u kif dawn huma differenti minn MTF jew CSD tradizzjonali. L-infrastrutturi tas-suq tad-DLT iridu jiżguraw ukoll li l-arranġamenti ġenerali tal-IT u dawk ċibernetiċi relatati mal-użu tad-DLT jkunu adegwati. Meta l-mudell ta’ negozju ta’ infrastruttura tas-suq tad-DLT ikun jinvolvi s-salvagwardja tal-fondi tal-klijenti jew it-titoli trasferibbli tad-DLT, jew il-mezzi għall-aċċess għalihom, dawn irid ikollhom arranġamenti adegwati biex jissalvagwardjaw dawn l-assi.

L-Artikolu 7 u l-Artikolu 8 jistabbilixxu l-proċedura għall-permess speċifiku biex titħaddem MTF tad-DLT u sistema ta’ saldu tat-titoli tad-DLT rispettivament u jinkludu dettalji dwar l-informazzjoni li trid titressaq quddiem l-awtorità kompetenti.

L-Artikolu 9 jiddefinixxi l-kooperazzjoni bejn l-infrastruttura tas-suq tad-DLT, l-awtoritajiet kompetenti u l-ESMA. L-infrastrutturi tas-suq tad-DLT iridu jinfurmaw lill-awtoritajiet kompetenti u lill-ESMA dwar, pereżempju: bidliet materjali proposti fil-pjan tan-negozju tagħhom inkluż persunal kritiku, evidenza ta’ hacking, frodi jew malprassi serja oħra, bidliet materjali fl-informazzjoni li tinsab fl-applikazzjoni inizjali, diffikultajiet tekniċi jew operazzjonali fit-twassil ta’ attivitajiet jew servizzi koperti taħt il-permess u kwalunkwe riskju għall-protezzjoni tal-investituri, l-integrità tas-suq jew l-istabbiltà finanzjarja li seta’ rriżulta u li ma kienx previst fiż-żmien meta ngħata l-permess. Meta tiġi nnotifikata b’din l-informazzjoni, l-awtorità kompetenti tista’ titlob lill-infrastruttura tas-suq tad-DLT biex tressaq applikazzjoni għal permess ieħor jew eżenzjoni oħra, jew tieħu kwalunkwe miżura korrettiva li tqis li hi xierqa. L-infrastruttura tas-suq tad-DLT hija obbligata tipprovdi kwalunkwe informazzjoni mitluba lill-awtorità kompetenti li tat il-permess u lill-ESMA. L-awtorità kompetenti, wara l-konsultazzjoni tal-ESMA, tista’ tirrakkomanda miżuri korrettivi lill-infrastruttura tas-suq tad-DLT biex tiżgura l-protezzjoni tal-investituri, l-integrità tas-suq jew l-istabbiltà finanzjarja. Jeħtieġ li l-infrastruttura tas-suq tad-DLT tagħti dettalji dwar kif dawn ġew akkomodati. Barra minn hekk, l-infrastruttura tas-suq tad-DLT għandha tipproduċi u tressaq rapport lill-awtorità kompetenti u lill-ESMA bid-dettalji tal-informazzjoni kollha t’hawn fuq, inklużi d-diffikultajiet potenzjali fl-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar is-servizzi finanzjarji tal-UE. L-ESMA għandha, fuq bażi regolari, tinforma lill-awtoritajiet kompetenti kollha dwar ir-rapporti msemmija hawn fuq prodotti mill-infrastrutturi tas-suq tad-DLT u l-eżenzjonijiet mogħtija skont l-Artikolu 7 u l-Artikolu 8, tissorvelja l-applikazzjoni ta’ dawn l-eżenzjonijiet u tressaq rapport annwali lill-Kummissjoni dwar kif dawn jiġu applikati fil-prattika.

L-Artikolu 10 jiddettalja, li mhux aktar tard minn wara perjodu ta’ ħames snin, l-ESMA se tipproduċi rapport dettaljat dwar ir-reġim pilota lill-Kummissjoni. Abbażi tal-valutazzjoni tal-ESMA, il-Kummissjoni se tipproduċi rapport li jinkludi analiżi kost-benefiċċji dwar jekk jenħtieġx li r-reġim pilota jinżamm kif inhu jew jiġi emendat, jekk jenħtieġx li jiġi estiż għal kategoriji ġodda ta’ strumenti finanzjarji, jekk jenħtieġx li jitqiesu emendi mmirati għal-leġiżlazzjoni tal-UE biex tippermetti użu mifrux tad-DLT u jekk jenħtieġx li reġim pilota jintemm.

L-Artikolu 11 jindika li r-regolament għandu jibda japplika 12-il xahar wara d-dħul fis-seħħ tiegħu.

 

2020/0267 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar reġim pilota għall-infrastrutturi tas-suq ibbażati fuq it-teknoloġija ta’ reġistru distribwit

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 30 ,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew 31

Waqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar Strateġija dwar il-Finanzi Diġitali 32 għandha l-għan li tiżgura li l-leġiżlazzjoni dwar is-servizzi finanzjarji tal-Unjoni tkun adattata għall-era diġitali u tikkontribwixxi għal ekonomija lesta għall-futur li taħdem għan-nies, inkluż billi tippermetti l-użu ta’ teknoloġiji innovattivi. L-Unjoni għandha interess ta’ politika fl-iżvilupp u l-promozzjoni tal-adozzjoni ta’ teknoloġiji trasformattivi fis-settur finanzjarju, bħall-blockchain u t-teknoloġija ta’ reġistru distribwit (“DLT”). Il-kriptoassi huma wħud mill-applikazzjonijiet ewlenin tad-DLT għall-finanzi.

(2)Il-maġġoranza tal-kriptoassi huma barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE u jqajmu, fost l-oħrajn, sfidi f’termini ta’ protezzjoni tal-investituri, integrità tas-suq u stabbiltà finanzjarja. Għalhekk, jeħtieġu reġim iddedikat fil-livell tal-Unjoni. Għall-kuntrarju, kriptoassi oħra jikkwalifikaw bħala strumenti finanzjarji skont it-tifsira tad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (id-Direttiva dwar is-Swieq fl-Istrumenti Finanzjarji, il-MiFID II) 33 . Sa fejn kriptoassi jikkwalifika bħala strument finanzjarju skont din id-Direttiva, sett sħiħ ta’ regoli finanzjarji tal-Unjoni, inklużi r-Regolament (UE) 2017/1129 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ir-Regolament dwar il-Prospett) 34 , id-Direttiva 2013/50/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (id-Direttiva dwar it-Trasparenza) 35 , ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ir-Regolament dwar l-Abbuż tas-Suq) 36 , ir-Regolament (UE) Nru 236/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ir-Regolament dwar il-Bejgħ ta’ Pożizzjoni Qasira) 37 , ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ir-Regolament dwar id-Depożitorji Ċentrali tat-Titoli) 38 u d-Direttiva 98/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (id-Direttiva dwar il-Finalità ta’ Saldu) 39 , jista’ japplika għall-emittent u d-ditti tiegħu li jwettqu attivitajiet relatati miegħu. L-hekk imsejħa tokenisation tal-istrumenti finanzjarji, jiġifieri t-trasformazzjoni tagħhom fi kriptoassi biex ikunu jistgħu jinħarġu, jinħażnu u jiġu ttrasferiti fuq reġistru distribwit, hija mistennija li tiftaħ opportunitajiet għal titjib fl-effiċjenza fil-qasam kollu tan-negozjar u ta’ wara n-negozjar.

(3)Il-leġiżlazzjoni dwar is-servizzi finanzjarji tal-Unjoni ġiet imfassla mingħajr ma tqiesu d-DLT u l-kriptoassi 40 , u hemm dispożizzjonijiet fil-leġiżlazzjoni dwar is-servizzi finanzjarji tal-UE eżistenti li jistgħu jipprekludu jew jillimitaw l-użu tad-DLT fil-ħruġ, fin-negozjar u fis-saldu ta’ kriptoassi li jikkwalifikaw bħala strumenti finanzjarji. Bħalissa hemm ukoll nuqqas ta’ infrastrutturi tas-suq li jużaw id-DLT u li jipprovdu servizzi ta’ negozjar u ta’ saldu għal kriptoassi li jikkwalifikaw bħala strumenti finanzjarji. Mingħajr suq sekondarju li kapaċi jipprovdi likwidità u li jippermetti lill-investituri jixtru u jbigħu dawn l-assi, is-suq primarju għall-kriptoassi li jikkwalifikaw bħala strumenti finanzjarji qatt mhu se jespandi b’mod sostenibbli.

(4)Fl-istess ħin, jeżistu lakuni regolatorji minħabba speċifiċitajiet legali, teknoloġiċi u operazzjonali relatati mal-użu tad-DLT u ta’ kriptoassi li jikkwalifikaw bħala strumenti finanzjarji. Pereżempju, ma hemm l-ebda rekwiżit ta’ trasparenza, affidabbiltà u sikurezza impost fuq il-protokolli u l-kuntratti intelliġenti li fuqhom huma msejsa l-kriptoassi li jikkwalifikaw bħala strumenti finanzjarji. It-teknoloġija sottostanti tista’ wkoll toħloq xi forom ġodda ta’ riskji ċibernetiċi li mhumiex indirizzati b’mod xieraq mir-regoli eżistenti. Diversi proġetti għan-negozjar u għall-fażi ta’ wara n-negozjar tal-kriptoassi li jikkwalifikaw bħala strumenti finanzjarji ġew żviluppati fl-Unjoni, iżda hemm biss ftit li diġà qegħdin joperaw jew dawn għandhom skala limitata. Minħabba din l-esperjenza limitata fir-rigward tan-negozjar u l-fażi ta’ wara n-negozjar ta’ tranżazzjonijiet fi kriptoassi li jikkwalifikaw bħala strumenti finanzjarji, bħalissa jkun prematur li jsiru modifiki sinifikanti fil-leġiżlazzjoni dwar is-servizzi finanzjarji tal-Unjoni sabiex ikun possibbli l-iskjerament sħiħ ta’ dawn il-kriptoassi u t-teknoloġija sottostanti tagħhom. Fl-istess ħin, il-ħolqien ta’ infrastrutturi tas-suq finanzjarju għall-kriptoassi li jikkwalifikaw bħala strumenti finanzjarji bħalissa huwa ristrett minn xi rekwiżiti inkorporati fil-leġiżlazzjoni dwar is-servizzi finanzjarji tal-Unjoni li ma jkunux adattati kompletament għall-kriptoassi li jikkwalifikaw bħala strumenti finanzjarji u għall-użu tad-DLT. Pereżempju, il-pjattaformi tan-negozjar għall-kriptoassi normalment jagħtu aċċess dirett lill-investituri fil-livell tal-konsumatur, filwaqt li ċ-ċentri tan-negozjar tradizzjonali normalment jagħtu aċċess permezz ta’ intermedjarji finanzjarji.

(5)Sabiex ikun possibbli l-iżvilupp tal-kriptoassi li jikkwalifikaw bħala strumenti finanzjarji u tad-DLT, filwaqt li jinżamm livell għoli ta’ stabbiltà finanzjarja, integrità tas-suq, trasparenza u protezzjoni tal-investituri, ikun utli li jinħoloq reġim pilota għall-infrastrutturi tas-suq tad-DLT. Jenħtieġ li reġim pilota għall-infrastrutturi tas-suq tad-DLT jippermetti li dawn l-infrastrutturi tas-suq tad-DLT jiġu temporanjament eżentati minn xi rekwiżiti speċifiċi skont il-leġiżlazzjoni dwar is-servizzi finanzjarji tal-Unjoni li altrimenti jistgħu jżommuhom milli jiżviluppaw soluzzjonijiet għan-negozjar u għas-saldu ta’ tranżazzjonijiet fi kriptoassi li jikkwalifikaw bħala strumenti finanzjarji. Jenħtieġ ukoll li r-reġim pilota jippermetti lill-Awtoritajiet Ewropej tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) u lill-awtoritajiet kompetenti jiksbu esperjenza dwar l-opportunitajiet u r-riskji speċifiċi maħluqa mill-kriptoassi li jikkwalifikaw bħala strumenti finanzjarji, u mit-teknoloġija sottostanti tagħhom.

(6)Sabiex jintlaħaq dan l-objettiv, jenħtieġ li jinħoloq status tal-Unjoni ġdid tal-infrastrutturi tas-suq tad-DLT. Jenħtieġ li dan l-istatus tal-infrastruttura tas-suq tad-DLT ikun fakultattiv u ma jżommx lill-infrastrutturi tas-suq finanzjarju, bħaċ-ċentri tan-negozjar, id-depożitorji ċentrali tat-titoli u l-kontropartijiet ċentrali, milli jiżviluppaw servizzi u attivitajiet tan-negozjar u ta’ wara n-negozjar għall-kriptoassi li jikkwalifikaw bħala strumenti finanzjarji jew li huma bbażati fuq id-DLT, skont il-leġiżlazzjoni dwar is-servizzi finanzjarji tal-Unjoni eżistenti.

(7)Jenħtieġ li infrastruttura tas-suq tad-DLT tiġi ddefinita jew bħala faċilità multilaterali tan-negozjar tad-DLT (MTF tad-DLT) jew bħala sistema ta’ saldu tat-titoli tad-DLT.

(8)Jenħtieġ li MTF tad-DLT tkun faċilità multilaterali tan-negozjar li titħaddem minn ditta tal-investiment jew operatur tas-suq li jopera n-negozju jew suq regolat u forsi s-suq regolat innifsu, awtorizzat skont id-Direttiva 2014/65/UE (id-Direttiva dwar is-Swieq fl-Istrumenti Finanzjarji, il-MiFID II), u li jkun irċieva permess speċifiku skont dan ir-Regolament. Jenħtieġ li din l-MTF tad-DLT tkun soġġetta għar-rekwiżiti kollha applikabbli għal faċilità multilaterali tan-negozjar skont il-qafas tad-Direttiva 2014/65/UE (id-Direttiva dwar is-Swieq fl-Istrumenti Finanzjarji, il-MiFID II), tar-Regolament UE Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ir-Regolament dwar is-Swieq fl-Istrumenti Finanzjarji, il-MiFIR) 41 , jew ta’ kwalunkwe leġiżlazzjoni dwar is-servizzi finanzjarji tal-UE oħra, għajr jekk din tkun ingħatat eżenzjoni waħda jew aktar mill-awtorità nazzjonali kompetenti tagħha, skont dan ir-Regolament u d-Direttiva (UE) .../... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 42 .

(9)L-użu ta’ teknoloġija ta’ reġistru distribwit, bit-tranżazzjonijiet kollha rreġistrati f’reġistru deċentralizzat, jista’ jħaffef u jqassar in-negozjar u s-saldu qrib għall-ħin reali u jista’ jippermetti l-fużjoni ta’ attivitajiet ta’ negozjar u ta’ wara n-negozjar. Madankollu, ir-regoli attwali jipprevedu l-prestazzjoni ta’ attivitajiet ta’ negozjar u saldu minn infrastrutturi tas-suq separati. Ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ir-Regolament dwar id-Depożitorji Ċentrali tat-Titoli) jeħtieġ li l-istrumenti finanzjarji ammessi għan-negozjar f’ċentru tan-negozjar skont it-tifsira tad-Direttiva 2014/65/UE (id-Direttiva dwar is-Swieq fl-Istrumenti Finanzjarji, il-MiFID II) jiġu rreġistrati ma’ depożitorju ċentrali tat-titoli (“CSD”), filwaqt li reġistru distribwit jista’ potenzjalment jintuża bħala verżjoni deċentralizzata ta’ dan id-depożitorju. Għalhekk, ikun iġġustifikat li MTF tad-DLT titħalla twettaq xi attivitajiet li normalment jitwettqu minn CSD. Għalhekk, waqt l-għoti tal-eżenzjoni(jiet) rilevanti, jenħtieġ li MTF tad-DLT titħalla tiżgura r-reġistrar inizjali ta’ titoli trasferibbli tad-DLT, is-saldu ta’ tranżazzjonijiet f’titoli trasferibbli tad-DLT u s-salvagwardja ta’ titoli trasferibbli tad-DLT.

(10)Jenħtieġ li sistema ta’ saldu tat-titoli tad-DLT tkun sistema ta’ saldu tat-titoli mħaddma minn CSD awtorizzat skont ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 (ir-Regolament dwar id-Depożitorji Ċentrali tat-Titoli) li jkun irċieva permess speċifiku skont dan ir-Regolament. Jenħtieġ li sistema ta’ saldu tat-titoli tad-DLT, u s-CSD li jħaddimha, jkunu soġġetti għar-rekwiżiti rilevanti tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 (ir-Regolament dwar id-Depożitorji Ċentrali tat-Titoli), għajr meta l-awtorità nazzjonali kompetenti tkun tat eżenzjoni waħda jew aktar lis-CSD li jħaddem is-sistema ta’ saldu tat-titoli tad-DLT, f’konformità ma’ dan ir-Regolament.

(11)Jenħtieġ li MTF tad-DLT jew CSD li jħaddem sistema ta’ saldu tat-titoli tad-DLT jammettu għan-negozjar jew jirreġistraw biss titoli trasferibbli tad-DLT fir-reġistru distribwit tagħhom. Jenħtieġ li t-titoli trasferibbli tad-DLT ikunu kriptoassi li jikkwalifikaw bħala “titoli trasferibbli” skont it-tifsira tad-Direttiva 2014/65/UE (id-Direttiva dwar is-Swieq fl-Istrumenti Finanzjarji, il-MiFID II) u li jinħarġu, jiġu trasferiti u jinħażnu f’reġistru distribwit.

(12)Sabiex l-innovazzjoni u l-esperimentazzjoni f’ambjent regolatorju sod ikunu possibbli filwaqt li tinżamm l-istabbiltà finanzjarja, jenħtieġ li t-tip ta’ titoli trasferibbli, ammessi għan-negozjar fuq MTF tad-DLT jew irreġistrati f’CSD li jħaddem sistema ta’ saldu tat-titoli tad-DLT, ikunu limitati għal titoli, bħal ishma u bonds li mhumiex likwidi. Sabiex jiġi ddeterminat jekk sehem jew bond huwiex likwidu jew le, jenħtieġ li dan ir-Regolament jistabbilixxi xi limiti ta’ valur. Sabiex jiġi evitat il-ħolqien ta’ kwalunkwe riskju għall-istabbiltà finanzjarja, jenħtieġ ukoll li l-valur tas-suq totali tat-titoli trasferibbli tad-DLT, irreġistrati minn CSD li jħaddem sistema ta’ saldu tat-titoli tad-DLT, jew ammessi għan-negozjar minn MTF tad-DLT, ikun limitat. Jenħtieġ ukoll li l-infrastrutturi tas-suq tad-DLT jinżammu milli jammettu għan-negozjar jew jirreġistraw fir-reġistru distribwit il-bonds sovrani. Sabiex jiġi vverifikat li t-titoli trasferibbli tad-DLT, innegozjati f’infrastruttura tas-suq tad-DLT jew irreġistrati minnha, jissodisfaw il-kundizzjonijiet imposti skont dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jitħallew jitolbu li dawn l-infrastrutturi tas-suq tad-DLT jippreżentaw rapporti.

(13)Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi ma’ titoli trasferibbli ammessi għan-negozjar f’ċentru tan-negozjar tradizzjonali skont it-tifsira tad-Direttiva 2014/65/UE (id-Direttiva dwar is-Swieq fl-Istrumenti Finanzjarji, il-MiFID II) u livell għoli ta’ integrità tas-suq, jenħtieġ li t-titoli trasferibbli tad-DLT, ammessi għan-negozjar f’MTF tad-DLT, ikunu dejjem soġġetti għad-dispożizzjonijiet li jipprojbixxu l-abbuż tas-suq fir-Regolament (UE) Nru 596/2014 (ir-Regolament dwar l-Abbuż tas-Suq).

(14)Jenħtieġ li MTF tad-DLT tkun kapaċi titlob eżenzjoni waħda jew aktar fuq bażi temporanja, kif elenkat skont dan ir-Regolament, li għandhom jingħataw mill-awtorità kompetenti, jekk din tikkonforma mal-kundizzjonijiet marbuta ma’ dawn l-eżenzjonijiet kif ukoll mar-rekwiżiti addizzjonali stabbiliti skont dan ir-Regolament biex jiġu indirizzati forom ġodda ta’ riskji li jirriżultaw mill-użu tad-DLT. Jenħtieġ ukoll li l-MTF tad-DLT tikkonforma ma’ kwalunkwe miżura ta’ kumpens imposta mill-awtorità kompetenti sabiex jintlaħqu l-objettivi segwiti mid-dispożizzjoni li għaliha tkun intalbet eżenzjoni.

(15)Meta strument finanzjarju jiġi ammess għan-negozjar f’MTF, dan għandu jiġi rreġistrat ma’ Depożitorju Ċentrali tat-Titoli awtorizzat f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 909/2014 (ir-Regolament dwar id-Depożitorju Ċentrali tat-Titoli). Filwaqt li r-reġistrar ta’ titolu trasferibbli u s-saldu ta’ tranżazzjonijiet relatati jistgħu potenzjalment iseħħu f’reġistru distribwit, ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 jimponi intermedjazzjoni minn CSD u jobbliga li r-reġistrar jiġi rreplikat fir-reġistru distribwit fil-livell tas-CSD, u dan potenzjalment jimponi sovrappożizzjoni funzjonalment superfluwa għaċ-ċiklu tal-ħajja kummerċjali ta’ strument finanzjarju ġestit minn infrastrutturi tas-suq tad-DLT soġġetti għal dan ir-Regolament. Għalhekk, jenħtieġ li MTF tad-DLT tkun kapaċi titlob eżenzjoni mir-rekwiżit tal-entrati fil-kotba u mir-reġistrar ma’ CSD stabbiliti bir-Regolament (UE) Nru 909/2014, meta l-MTF tad-DLT tikkonforma ma’ rekwiżiti ekwivalenti għal dawk applikabbli għal CSD. Jenħtieġ li l-MTF tad-DLT tirreġistra t-titoli trasferibbli fir-reġistru distribwit tagħha, tiżgura l-integrità tal-ħruġ fir-reġistru distribwit, tistabbilixxi u żżomm proċeduri biex tiżgura s-salvagwardja tat-titoli trasferibbli tad-DLT, tlesti s-saldu tat-tranżazzjonijiet, u tipprevjeni l-fallimenti tas-saldu.

(16)Meta twettaq is-saldu ta’ tranżazzjonijiet f’titoli trasferibbli tad-DLT, jenħtieġ li l-MTF tad-DLT tiżgura li l-ħlas għal titoli trasferibbli tad-DLT mix-xerrej iseħħ fl-istess ħin li t-titoli trasferibbli tad-DLT jiġu kkonsenjati mill-bejjiegħ (kunsenja kontra ħlas). Meta jkun prattikabbli u disponibbli, jenħtieġ li l-ħlasijiet fi flus kontanti jitħallsu permezz ta’ flus tal-bank ċentrali u, meta ma jkunx prattikabbli jew disponibbli, permezz ta’ flus tal-banek kummerċjali. Sabiex jiġu ttestjati soluzzjonijiet innovattivi u biex il-ħlasijiet fi flus kontanti jkunu jistgħu jsiru f’reġistru distribwit, jenħtieġ ukoll li l-MTFs tad-DLT jitħallew jużaw l-hekk imsejħa muniti tas-saldu, jiġifieri flus tal-banek kummerċjali f’forma tokenizzata, jew tokens tal-flus elettroniċi kif iddefinit fir-Regolament Nru 2021/XX dwar is-Swieq fil-Kriptoassi 43 . Meta tuża l-flus tal-banek kummerċjali għall-ħlasijiet fi flus kontanti, jenħtieġ li l-MTF tad-DLT tillimita r-riskju tal-kontroparti billi tistabbilixxi u tissorvelja l-aderenza għal kriterji stretti mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu użati għas-saldu ta’ ħlasijiet fi flus kontanti, bħar-regolamentazzjoni u s-superviżjoni tagħhom, l-affidabbiltà kreditizja, il-kapitalizzazzjoni, l-aċċess għal-likwidità u l-affidabilità operazzjonali.

(17)Skont id-Direttiva (UE) .../.. 44 , li temenda d-Direttiva 2014/65/UE (id-Direttiva dwar is-Swieq fl-Istrumenti Finanzjarji, il-MiFID II), MTF tad-DLT tista’ titlob eżenzjoni mill-obbligu ta’ intermedjazzjoni. MTFs tradizzjonali jistgħu jammettu bħala membri jew parteċipanti biss ditti tal-investiment, istituzzjonijiet ta’ kreditu u persuni oħra li għandhom livell suffiċjenti ta’ kapaċità ta’ negozjar, kompetenza u b’arranġamenti u riżorsi organizzattivi adegwati. Għall-kuntrarju, ħafna pjattaformi ta’ negozjar għall-kriptoassi joffru aċċess diżintermedjat u jipprovdu aċċess dirett għal klijenti mhux professjonali. Ostaklu regolatorju potenzjali wieħed għall-iżvilupp tal-MTFs għal titoli trasferibbli tad-DLT jista’ jkun l-obbligu ta’ intermedjazzjoni inkorporat fid-Direttiva 2014/65/UE (id-Direttiva dwar is-Swieq fl-Istrumenti Finanzjarji, il-MiFID II). MTF tad-DLT titħalla titlob deroga temporanja għal dan l-obbligu ta’ intermedjazzjoni u tipprovdi aċċess għal investituri fil-livell tal-konsumatur, dment li jkunu fis-seħħ salvagwardji adegwati f’termini ta’ protezzjoni tal-investituri u li dawn l-investituri fil-livell tal-konsumatur ikunu kompetenti u idonei għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u tal-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu.

(18)Biex tingħata eżenzjoni skont dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-MTF tad-DLT turi li l-eżenzjoni hija proporzjonata u limitata għall-użu tad-DLT kif deskritt fil-pjan tan-negozju tagħha u li l-eżenzjoni mitluba hija limitata għall-MTF tad-DLT u mhux estiża għal kwalunkwe MTF oħra mħaddma mill-istess ditta tal-investiment jew operatur tas-suq.

(19)Jenħtieġ li CSD li jħaddem sistema ta’ saldu tat-titoli tad-DLT ikun kapaċi jitlob eżenzjoni waħda jew aktar fuq bażi temporanja, kif elenkat skont dan ir-Regolament, li għandhom jingħataw mill-awtorità kompetenti rilevanti, jekk dan ikun ikkonforma mal-kundizzjonijiet ta’ dawn l-eżenzjonijiet kif ukoll mar-rekwiżiti addizzjonali biex jiġu indirizzati forom ġodda ta’ riskji li jirriżultaw mill-użu tad-DLT. Jenħtieġ li s-CSD li jħaddem is-sistema ta’ saldu tat-titoli tad-DLT jikkonforma ma’ kwalunkwe miżura ta’ kumpens imposta mill-awtorità kompetenti sabiex jintlaħqu l-objettivi segwiti mid-dispożizzjoni li għaliha tkun intalbet eżenzjoni.

(20)Jenħtieġ li CSD li jħaddem sistema ta’ saldu tat-titoli jitħalla jitlob eżenzjonijiet minn dispożizzjonijiet differenti li x’aktarx joħolqu ostakli regolatorji għall-iżvilupp ta’ sistemi ta’ saldu tat-titoli għal titoli trasferibbli. Pereżempju, jenħtieġ li CSD ikun kapaċi jitlob eżenzjoni minn xi definizzjonijiet tar-Regolament (UE) 909/2014 (ir-Regolament dwar id-Depożitorji Ċentrali tat-Titoli), bħall-kunċett ta’ “forma dematerjalizzata”, kont ta' titoli”, “ordnijiet ta’ trasferiment” kif ukoll eżenzjonijiet minn dispożizzjonijiet li jirreferu għall-kunċett ta’ “kont ta' titoli”, bħar-regoli dwar ir-reġistrar tat-titoli, l-integrità tal-ħruġ jew is-segregazzjoni tal-kontijiet. Is-CSDs iħaddmu sistema ta’ saldu tat-titoli billi jikkreditaw u jiddebitaw il-kontijiet tat-titoli tal-parteċipanti tagħhom. Madankollu, kontijiet tat-titoli biż-żamma tal-kotba b’kontroentrati (jew b’entrati multipli) mhux dejjem jistgħu jeżistu f’sistema tad-DLT. Għalhekk, jenħtieġ li CSD li jħaddem sistema ta’ saldu tat-titoli tad-DLT ikun kapaċi jitlob eżenzjoni mir-regoli li jirreferu għall-kunċett ta’ “kont ta' titoli” jew ta’ “forma dematerjalizzata” jekk ikun meħtieġ li jitħalla r-reġistrar ta’ titoli trasferibbli tad-DLT f’reġistru distribwit, biex tiġi żgurata l-integrità tal-ħruġ tat-titoli trasferibbli tad-DLT fir-reġistru distribwit u s-segregazzjoni tat-titoli trasferibbli tad-DLT li jappartjenu għal diversi parteċipanti.

(21)Skont ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 (ir-Regolament dwar id-Depożitorji Ċentrali tat-Titoli), CSD jista’ biss jesternalizza waħda mill-attivitajiet ewlenin tiegħu wara li jirċievi awtorizzazzjoni mill-awtorità kompetenti. Is-CSD huwa meħtieġ ukoll li jirrispetta diversi kundizzjonijiet, sabiex l-esternalizzazzjoni ma tirriżultax f’delega tar-responsabbiltà tiegħu jew f’modifika tal-obbligi tas-CSD lejn il-parteċipanti jew l-emittenti tiegħu. Skont il-pjan tan-negozju tiegħu, CSD li jħaddem sistema ta’ saldu tat-titoli tad-DLT jista’ jkun lest li jaqsam ir-responsabbiltà li jħaddem ir-reġistru distribwit tiegħu li fih jiġu rreġistrati t-titoli trasferibbli ma’ entitajiet oħra, inkluż mal-parteċipanti tiegħu. Jenħtieġ li s-sistema ta’ saldu tat-titoli tad-DLT tkun kapaċi titlob eżenzjoni mir-rekwiżiti tal-esternalizzazzjoni biex jiġu żviluppati dawn il-mudelli ta’ negozju innovattivi. F’każ bħal dan, jenħtieġ li dawn juru li d-dispożizzjonijiet dwar l-esternalizzazzjoni huma inkompatibbli mal-użu tad-DLT kif previst fil-pjan tan-negozju tagħhom u jenħtieġ ukoll li juru li ntlaħqu xi rekwiżiti minimi dwar l-esternalizzazzjoni.

(22)L-obbligu ta’ intermedjazzjoni permezz ta’ istituzzjoni ta’ kreditu jew ditta tal-investiment sabiex l-investituri fil-livell tal-konsumatur ma jkunux jistgħu jiksbu aċċess dirett għas-sistemi ta’ saldu u ta’ kunsenja mħaddma minn CSD jista’ potenzjalment joħloq ostaklu regolatorju għall-iżvilupp ta’ mudelli alternattivi ta’ saldu bbażati fuq DLT li jippermettu aċċess dirett minn klijenti mhux professjonali. Għalhekk, jenħtieġ li s-CSD li jħaddem sistema ta’ saldu tat-titoli tad-DLT jitħalla jitlob eżenzjoni mill-kunċett ta’ parteċipant, kif stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 909/2014 (ir-Regolament dwar id-Depożitorji Ċentrali tat-Titoli). Meta jfittex eżenzjoni mill-obbligu ta’ intermedjazzjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 (ir-Regolament dwar id-Depożitorji Ċentrali tat-Titoli), jenħtieġ li s-CSD li jħaddem sistema ta’ saldu tat-titoli jiżgura li dawn il-persuni huma ta’ reputazzjoni tajba biżżejjed u kompetenti u idonei għall-fini tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu. Jenħtieġ ukoll li s-CSD li jħaddem is-sistema ta’ saldu tat-titoli jiżgura li dawn il-parteċipanti għandhom livell suffiċjenti ta’ abbiltà, kompetenza, esperjenza u għarfien dwar il-fażi ta’ wara n-negozjar u l-funzjonament tad-DLTs.

(23)L-entitajiet li huma eliġibbli li jipparteċipaw f’CSD kopert bir-Regolament (UE) Nru 909/2014 (ir-Regolament dwar id-Depożitorji Ċentrali tat-Titoli) huma bbażati fuq l-entitajiet li huma eliġibbli li jipparteċipaw f’sistema ta’ saldu tat-titoli li hija nnominata u nnotifikata skont id-Direttiva 98/26/KE (id-Direttiva dwar Finalità tas-Saldu) minħabba li r-Regolament (UE) Nru 909/2014 (ir-Regolament dwar id-Depożitorji Ċentrali tat-Titoli) jeħtieġ li s-sistemi ta’ saldu tat-titoli mħaddma mis-CSDs jiġu nnominati u nnotifikati skont id-Direttiva 98/26/KE. Sistema ta’ saldu tat-titoli tad-DLT li tapplika biex tiġi eżentata mir-rekwiżiti ta’ parteċipazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 (ir-Regolament dwar id-Depożitorji Ċentrali tat-Titoli) ma tkunx konformi mar-rekwiżiti ta’ parteċipazzjoni tad-Direttiva 98/26/KE. Konsegwentement, din is-sistema ta’ saldu tat-titoli tad-DLT ma tkunx tista’ tiġi nnominata u nnotifikata skont din id-Direttiva. Madankollu, dan ma jipprekludix sistema ta’ saldu tat-titoli tad-DLT li tikkonforma mar-rekwiżiti kollha tad-Direttiva 98/26/KE milli tiġi nnominata u nnotifikata b’dan il-mod.

(24)Ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 (ir-Regolament dwar id-Depożitorji Ċentrali tat-Titoli) iħeġġeġ is-saldu ta’ tranżazzjonijiet f’bażi monetarja. Meta s-saldu ta’ ħlasijiet fi flus kontanti f’bażi monetarja ma jkunx disponibbli u prattikabbli, dan is-saldu jista’ jsir fi flus tal-bank kummerċjali. Din id-dispożizzjoni tista’ tkun diffiċli biex tapplika għal CSD li jħaddem sistema ta’ saldu tat-titoli tad-DLT, minħabba li CSD bħal dan ikollu jaffettwa l-movimenti fil-kontijiet tal-flus fl-istess ħin mal-kunsenja tat-titoli fuq id-DLT. Jenħtieġ li CSD li jħaddem sistema ta’ saldu tat-titoli tad-DLT jitħalla jitlob eżenzjoni mir-regoli tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 (ir-Regolament dwar id-Depożitorji Ċentrali tat-Titoli) dwar is-saldu fi flus kontanti sabiex jiġu żviluppati soluzzjonijiet innovattivi, bħall-użu ta’ muniti tas-saldu jew ta’ “tokens tal-flus elettroniċi” kif iddefinit fir-Regolament Nru 2021/XX dwar is-Swieq fil-Kriptoassi 45 .

(25)Ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 (ir-Regolament dwar id-Depożitorji Ċentrali tat-Titoli) jeħtieġ li CSD jagħti aċċess għal CSD ieħor jew għal infrastrutturi tas-suq oħra. L-aċċess għal CSD li jħaddem sistema ta’ saldu tat-titoli tad-DLT jista’ jkun ta’ piż jew diffiċli biex jinkiseb, minħabba li l-interoperabbiltà tas-sistemi miruta mad-DLT għadha ma ġietx ittestjata. Jenħtieġ ukoll li sistema ta’ saldu tat-titoli tad-DLT tkun kapaċi titlob eżenzjoni minn dawn ir-regoli, jekk din tista’ turi li l-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli hija sproporzjonata għad-daqs tas-sistema ta’ saldu tat-titoli tad-DLT.

(26)Irrispettivament mir-regola li għaliha tintalab eżenzjoni, jenħtieġ li CSD li jħaddem sistema ta’ saldu tat-titoli tad-DLT juri li l-eżenzjoni mitluba hija proporzjonata u ġġustifikata bl-użu tad-DLT. Jenħtieġ ukoll li l-eżenzjoni tkun limitata għas-sistema ta’ saldu tat-titoli tad-DLT u ma tkoprix sistemi ta’ saldu tat-titoli oħra mħaddma mill-istess CSD.

(27)Jenħtieġ ukoll li l-infrastrutturi tas-suq tad-DLT ikunu soġġetti għal rekwiżiti addizzjonali, meta mqabbla mal-infrastrutturi tas-suq tradizzjonali. Dawn ir-rekwiżiti huma meħtieġa biex jiġu evitati r-riskji li jirriżultaw mill-użu tad-DLT jew mill-mod il-ġdid li bih l-infrastruttura tas-suq tad-DLT twettaq l-attivitajiet tagħha. Għalhekk, jenħtieġ li infrastruttura tas-suq tad-DLT tistabbilixxi pjan tan-negozju ċar li jagħti dettalji dwar kif se tintuża d-DLT u kif l-arranġamenti legali se jiġu stabbiliti.

(28)Jenħtieġ li CSD li jħaddem sistema ta’ saldu tat-titoli tad-DLT, jew MTF tad-DLT, meta dawn ikollhom il-permess li jirregolaw it-tranżazzjonijiet f’titoli trasferibbli tad-DLT huma stess, jistabbilixxu r-regoli dwar il-funzjonament tad-DLT proprjetarja li dawn iħaddmu, inklużi r-regoli għall-aċċess u l-ammissjoni dwar id-DLT, ir-regoli għan-nodi parteċipanti u r-regoli biex jiġu indirizzati l-kunflitti ta’ interess potenzjali, kif ukoll il-miżuri ta’ ġestjoni tar-riskju.

(29)Jenħtieġ li infrastruttura tas-suq tad-DLT tkun meħtieġa li tinforma lill-membri, lill-parteċipanti, lill-emittenti u lill-klijenti dwar kif dawn beħsiebhom iwettqu l-attivitajiet tagħhom u kif l-użu tad-DLT se joħloq devjazzjonijiet meta mqabbel mal-mod kif is-servizz normalment jiġi pprovdut minn MTF jew CSD tradizzjonali li jħaddem sistema ta’ saldu tat-titoli.

(30)Jenħtieġ li infrastruttura tas-suq tad-DLT ikollha arranġamenti speċifiċi u robusti tal-IT u dawk ċibernetiċi relatati mal-użu tad-DLT. Jenħtieġ li dawn l-arranġamenti jkunu proporzjonati man-natura, l-iskala u l-kumplessità tal-pjan tan-negozju tal-infrastruttura tas-suq tad-DLT. Jenħtieġ ukoll li dawn l-arranġamenti jiżguraw l-affidabbiltà, il-kontinwità u s-sigurtà kontinwa tas-servizzi pprovduti, inkluża l-affidabbiltà tal-kuntratti intelliġenti li potenzjalment jintużaw. Jenħtieġ ukoll li l-infrastrutturi tas-suq tad-DLT jiżguraw l-integrità, is-sigurtà, il-kunfidenzjalità, id-disponibbiltà u l-aċċessibbiltà tad-data maħżuna fid-DLT. Jenħtieġ li l-awtorità kompetenti ta’ infrastruttura tas-suq tad-DLT titħalla titlob awditu biex tiżgura li l-arranġamenti ġenerali tal-IT u dawk ċibernetiċi huma adattati għall-iskop tagħhom. Jenħtieġ li l-kostijiet ta’ dan l-awditu jitħallsu mill-infrastruttura tas-suq tad-DLT.

(31)Meta l-pjan tan-negozju ta’ infrastruttura tas-suq tad-DLT jinvolvi s-salvagwardja tal-fondi tal-klijenti, bħal flus kontanti jew ekwivalenti ta’ flus, jew titoli trasferibbli tad-DLT, jew il-mezzi ta’ aċċess għal dawn it-titoli trasferibbli tad-DLT, inkluż fil-forma ta’ ċwievet kriptografiċi, jenħtieġ li l-infrastruttura tas-suq tad-DLT ikollha arranġamenti adegwati fis-seħħ biex tissalvagwardja l-assi tal-klijenti tagħhom. Jenħtieġ li dawn ma jużawx l-assi tal-klijenti f’isimhom stess, għajr bil-kunsens espliċitu minn qabel mill-klijenti tagħhom. Jenħtieġ li l-infrastruttura tas-suq tad-DLT tissegrega l-fondi tal-klijenti jew it-titoli trasferibbli tad-DLT, jew il-mezzi ta’ aċċess għal dawn l-assi, mill-assi tagħha stess jew minn assi ta’ klijenti oħra. Jenħtieġ li l-arranġamenti ġenerali tal-IT u dawk ċibernetiċi tal-infrastrutturi tas-suq tad-DLT jiżguraw li l-assi tal-klijenti jiġu protetti kontra l-frodi, it-theddid ċibernetiku jew ħsarat oħra.

(32)Fiż-żmien meta jingħata l-permess speċifiku, jenħtieġ ukoll li l-infrastrutturi tas-suq tad-DLT ikollhom ukoll strateġija ta’ ħruġ kredibbli fis-seħħ fil-każ li jkun jenħtieġ li r-reġim dwar l-infrastrutturi tas-suq tad-DLT jitwaqqaf jew li l-permess speċifiku jew uħud mill-eżenzjonijiet mogħtija jiġu rtirati.

(33)Jenħtieġ li l-permess speċifiku mogħti lil infrastruttura tas-suq tad-DLT isegwi l-istess proċeduri bħal dawk għall-awtorizzazzjoni ta’ MTF tradizzjonali, jew CSD fejn dan is-CSD ikun qiegħed ifittex li jħaddem sistema ta’ saldu tat-titoli ġdida. Madankollu, meta tapplika għal permess, jenħtieġ li l-infrastruttura tad-DLT applikanti tindika l-eżenzjonijiet li tkun qiegħda tfittex. Qabel ma jingħata permess għal infrastruttura tas-suq tad-DLT, jenħtieġ li l-awtorità kompetenti tikkonsulta lill-ESMA. Jenħtieġ li l-ESMA toħroġ opinjoni mhux vinkolanti u li tagħmel kwalunkwe rakkomandazzjoni dwar l-applikazzjoni jew l-eżenzjonijiet mitluba. Jenħtieġ ukoll li l-ESMA tinforma lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra. Meta toħroġ l-opinjoni mhux vinkolanti tagħha, jenħtieġ li l-ESMA jkollha l-għan li tiżgura l-istabbiltà finanzjarja, l-integrità tas-suq u l-protezzjoni tal-investituri. Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi u kompetizzjoni ġusta madwar is-suq uniku kollu, jenħtieġ ukoll li l-opinjoni mhux vinkolanti tal-ESMA timmira li tiżgura l-konsistenza u l-proporzjonalità tal-eżenzjonijiet mogħtija minn awtoritajiet kompetenti differenti madwar l-Unjoni kollha.

(34)Jenħtieġ li l-awtorità kompetenti li teżamina l-applikazzjoni mressqa minn infrastruttura tas-suq prospettiva tad-DLT ikollha l-possibbiltà li tirrifjuta permess jekk ikun hemm raġunijiet biex temmen li l-infrastruttura tas-suq tad-DLT tkun ta’ theddida għall-istabbiltà finanzjarja, il-protezzjoni tal-investituri jew l-integrità tas-suq jew jekk l-applikazzjoni kienet tentattiv biex jiġu evitati r-rekwiżiti eżistenti.

(35)Jenħtieġ li l-permess speċifiku mogħti minn awtorità kompetenti lil infrastruttura tas-suq partikolari tad-DLT jindika l-eżenzjonijiet mogħtija lil din l-infrastruttura tas-suq tad-DLT. Jenħtieġ li permess bħal dan ikun validu għall-Unjoni. Jenħtieġ li l-ESMA tippubblika fuq is-sit web tagħha l-lista tal-infrastrutturi tas-suq tad-DLT u l-lista ta’ eżenzjonijiet mogħtija lil kull waħda minnhom.

(36)Jenħtieġ li l-permess speċifiku u l-eżenzjonijiet mogħtija mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jingħataw fuq bażi temporanja, għal perjodu ta’ mhux aktar minn sitt snin mid-data tal-permess speċifiku. Wara perjodu ta’ ħames snin mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament, l-ESMA u l-Kummissjoni jkunu meħtieġa jagħmlu valutazzjoni ta’ dan ir-reġim pilota għal infrastrutturi tas-suq ibbażati fuq it-teknoloġija ta’ reġistru diġitali. Il-perjodu ta’ sitt snin imsemmi hawn fuq jipprovdi biżżejjed żmien lill-infrastrutturi tas-suq tad-DLT biex jadattaw il-mudelli ta’ negozju tagħhom għal kwalunkwe modifika ta’ dan ir-reġim u joperaw taħt il-pilota b’mod kummerċjalment vijabbli. Dan jippermetti lill-ESMA u lill-Kummissjoni jiġbru u jirrapportaw dwar sett ta’ data utli li jiġbor fih madwar tliet snin kalendarji tal-operazzjoni tar-reġim pilota wara l-għoti ta’ massa kritika ta’ permessi speċifiċi u eżenzjonijiet relatati. Dan jippermetti wkoll biżżejjed żmien għall-infrastrutturi tas-suq tad-DLT biex jieħdu l-passi meħtieġa jew biex jistralċjaw l-operazzjonijiet tagħhom jew biex jgħaddu għal qafas regolatorju ġdid wara r-rapporti tal-ESMA u tal-Kummissjoni.

(37)Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2014/65/UE (id-Direttiva dwar is-Swieq fl-Istrumenti Finanzjarji, il-MiFID II) jew ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 (ir-Regolament dwar id-Depożitorji Ċentrali tat-Titoli), jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom is-setgħa li jirtiraw il-permess speċifiku jew kwalunkwe eżenzjoni mogħtija lill-infrastruttura tas-suq tad-DLT, meta jkun ġie skopert difett fit-teknoloġija sottostanti jew fis-servizzi jew fl-attivitajiet ipprovduti mill-infrastruttura tas-suq tad-DLT, u sakemm dan id-difett jegħleb il-benefiċċji pprovduti mis-servizz inkwistjoni, jew meta l-infrastruttura tas-suq tad-DLT tkun kisret kwalunkwe kundizzjoni marbuta mal-eżenzjonijiet imposti mill-awtorità kompetenti fiż-żmien tal-għoti tal-permess speċifiku, jew meta l-infrastruttura tas-suq tad-DLT tkun irreġistrat strumenti finanzjarji li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet tat-titoli trasferibbli tad-DLT skont dan ir-Regolament. Matul l-attività tagħha, jenħtieġ li infrastruttura tas-suq tad-DLT ikollha l-possibbiltà li titlob eżenzjonijiet addizzjonali għal dawk mitluba fiż-żmien tal-permess. F’każ bħal dan, jenħtieġ li dawn l-eżenzjonijiet addizzjonali mitluba mill-infrastrutturi tas-suq tad-DLT ikunu soġġetti għal permess speċifiku mill-awtoritajiet kompetenti, bl-istess mod bħal dawk mitluba fiż-żmien tal-permess inizjali tal-infrastruttura tas-suq tad-DLT.

(38)Minħabba li l-infrastrutturi tas-suq tad-DLT jistgħu jirċievu eżenzjonijiet temporanji mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni eżistenti, jenħtieġ li dawn jikkooperaw mill-qrib mal-awtoritajiet kompetenti u mal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) matul iż-żmien tal-permess speċifiku tagħhom. Jenħtieġ li l-infrastrutturi tas-suq tad-DLT jinfurmaw lill-awtoritajiet kompetenti u lill-ESMA dwar kwalunkwe bidla materjali fil-pjan tan-negozju tagħhom u fil-persunal kritiku tagħhom, dwar kwalunkwe evidenza ta’ theddid jew attakki ċibernetiċi, frodi jew malprassi serja, dwar kwalunkwe bidla fl-informazzjoni pprovduta fiż-żmien tal-applikazzjoni inizjali għall-permess, dwar kwalunkwe diffikultà teknika, u b’mod partikolari dawk marbuta mal-użu tad-DLT, u dwar kwalunkwe riskju ġdid għall-protezzjoni tal-investituri, l-integrità tas-suq u l-istabbiltà finanzjarja li ma kienx previst fiż-żmien meta ngħata l-permess speċifiku. Meta tiġi nnotifikata b’din il-bidla materjali, jenħtieġ li l-awtorità kompetenti titlob lill-infrastruttura tas-suq tad-DLT biex tapplika għal permess ġdid jew eżenzjoni ġdida jew li tieħu kwalunkwe miżura korrettiva li tqis li hi xierqa. Jenħtieġ ukoll li l-infrastrutturi tas-suq tad-DLT jipprovdu kwalunkwe data rilevanti lill-awtoritajiet kompetenti u lill-ESMA, kull meta tintalab din id-data. Sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni tal-investituri, l-integrità tas-suq u l-istabbiltà finanzjarja, jenħtieġ li l-awtorità kompetenti li tat permess speċifiku lill-infrastruttura tas-suq tad-DLT tkun kapaċi tirrakkomanda kwalunkwe miżura korrettiva, wara konsultazzjoni mal-ESMA.

(39)Jenħtieġ ukoll li l-infrastrutturi tas-suq tad-DLT jagħmlu rapporti regolari lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom u lill-ESMA. Jenħtieġ li l-ESMA torganizza diskussjonijiet dwar dawn ir-rapporti sabiex tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti kollha madwar l-Unjoni jiksbu esperjenza dwar l-impatt tal-użu tad-DLT u dwar kwalunkwe adattament għal-leġiżlazzjoni dwar is-servizzi finanzjarji tal-Unjoni li jista’ jkun meħtieġ biex id-DLT tkun tista’ tintuża fuq skala akbar.

(40)Ħames snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-ESMA tirrapporta lill-Kummissjoni dwar dan ir-reġim pilota għall-infrastrutturi tas-suq tad-DLT, inkluż dwar il-benefiċċji potenzjali marbuta mal-użu tad-DLT, ir-riskji li jirriżultaw u d-diffikultajiet tekniċi. Abbażi tar-rapport tal-ESMA, jenħtieġ li l-Kummissjoni tirrapporta lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew. Jenħtieġ li dan ir-rapport jivvaluta l-kostijiet u l-benefiċċji biex dan ir-reġim dwar l-infrastrutturi tas-suq tad-DLT jiġi estiż għal perjodu ta’ żmien ieħor, biex dan ir-reġim jiġi estiż għal tipi ġodda ta’ strumenti finanzjarji, biex dan ir-reġim isir permanenti bi jew mingħajr modifiki, biex isiru modifiki fil-leġiżlazzjoni dwar is-servizzi finanzjarji tal-Unjoni jew biex jintemm dan ir-reġim.

(41)Ġew identifikati xi lakuni potenzjali fir-regoli dwar is-servizzi finanzjarji tal-UE eżistenti fir-rigward tal-applikazzjoni tagħhom għal kriptoassi li jikkwalifikaw bħala strumenti finanzjarji 46 . B’mod partikolari, xi standards tekniċi regolatorji skont ir-Regolament UE Nru 600/2014 (ir-Regolament dwar is-Swieq fl-Istrumenti Finanzjarji) b’rabta ma’ ċerti rekwiżiti ta’ rapportar tad-data u rekwiżiti ta’ trasparenza ta’ qabel u ta’ wara n-negozjar mhumiex adattati sew għall-istrumenti finanzjarji maħruġa fuq teknoloġija ta’ reġistru distribwit. Is-swieq sekondarji fl-istrumenti finanzjarji maħruġa fuq teknoloġija ta’ reġistru distribwit jew teknoloġija simili għadhom fil-bidu u għalhekk il-karatteristiċi tagħhom jistgħu jvarjaw mis-swieq fl-istrumenti finanzjarji li jużaw teknoloġija tradizzjonali. Jenħtieġ li r-regoli stabbiliti f’dawn l-istandards tekniċi regolatorji jkunu kapaċi jiġu applikati b’mod effettiv għall-istrumenti finanzjarji kollha, irrispettivament mit-teknoloġija użata. Għalhekk, jenħtieġ li l-ESMA tingħata mandat biex twettaq valutazzjoni komprensiva ta’ dawn l-istandards tekniċi regolatorji adottati bl-applikazzjoni tar-Regolament UE Nru 600/2014 u tipproponi kwalunkwe emenda meħtieġa bl-għan li tiżgura li r-regoli stabbiliti fih ikunu jistgħu jiġu applikati b’mod effettiv għal strumenti finanzjarji maħruġa fuq teknoloġija ta’ reġistru distribwit. Fit-twettiq ta’ din il-valutazzjoni, jenħtieġ li l-ESMA tqis l-ispeċifiċitajiet ta’ dawk l-istrumenti finanzjarji maħruġa fuq teknoloġija ta’ reġistru distribwit u jekk jirrikjedux standards adattati li jippermettu l-iżvilupp tagħhom mingħajr ma jimminaw l-objettivi tar-regoli stabbiliti fl-istandards tekniċi regolatorji adottati fl-applikazzjoni tar-Regolament UE Nru 600/2014.

(42)Meta l-objettivi ta’ dan ir-Regolament ma jkunux jistgħu jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, minħabba li kwalunkwe ostaklu regolatorju għall-iżvilupp tal-infrastrutturi tas-suq tad-DLT għall-kriptoassi li jikkwalifikaw bħala strumenti finanzjarji skont id-Direttiva 2014/65/UE (id-Direttiva dwar is-Swieq fl-Istrumenti Finanzjarji, il-MiFID II) ikun inkorporat fil-leġiżlazzjoni dwar is-servizzi finanzjarji tal-Unjoni, dawn l-objettivi jistgħu pjuttost jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni. Għaldaqstant, l-UE tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu dawn l-objettivi.

(43)Sabiex l-Unjoni tlaħħaq mal-innovazzjoni, huwa importanti li r-reġim tal-infrastrutturi tas-suq tad-DLT jidħol fis-seħħ, malajr kemm jista’ jkun, wara t-traspożizzjoni mill-Istati Membri tad-Direttiva (UE) .../... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 47 .

(44)Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u l-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġew ikkonsultati skont l-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) Nru 2018/1725(KE) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 48 , u taw l-opinjoni tagħhom fi… [data tal-opinjoni(jiet)].

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

(1)Dan ir-Regolament jistabbilixxi rekwiżiti dwar faċilitajiet multilaterali tan-negozjar u sistemi ta’ saldu tat-titoli li jużaw teknoloġija ta’ reġistru distribwit, “infrastrutturi tas-suq tad-DLT”, li jingħataw permessi speċifiċi biex joperaw skont l-Artikolu 7 u l-Artikolu 8.

(2)Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-rekwiżiti għal:

(a)l-għoti u l-irtirar ta’ permessi speċifiċi bħal dawn;

(b)l-għoti, il-modifika u l-irtirar ta’ eżenzjonijiet relatati;

(c)il-mandat, il-modifika u l-irtirar tal-kundizzjonijiet mehmuża, u tal-miżuri ta’ kumpens jew dawk korrettivi;

(d)it-tħaddim ta’ dawn l-infrastrutturi tas-suq tad-DLT;

(e)is-superviżjoni ta’ dawn l-infrastrutturi tas-suq tad-DLT; u

(f)il-kooperazzjoni bejn l-operaturi tal-infrastrutturi tas-suq tad-DLT, l-awtoritajiet kompetenti u l-ESMA.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)“teknoloġija ta’ reġistru distribwit” jew “DLT” tfisser klassi ta’ teknoloġiji li jappoġġaw ir-reġistrar distribwit ta’ data kriptata;

(2)“infrastruttura tas-suq tad-DLT” tfisser jew “faċilità multilaterali tan-negozjar tad-DLT” jew “sistema ta’ saldu tat-titoli tad-DLT”;

(3)“faċilità multilaterali tan-negozjar tad-DLT” jew “MTF tad-DLT” tfisser “faċilità multilaterali tan-negozjar”, imħaddma minn ditta tal-investiment jew operatur tas-suq, li tammetti għan-negozjar titoli trasferibbli bid-DLT biss u li jista’ jkollha l-permess, abbażi ta’ regoli u proċeduri trasparenti, mhux diskrezzjonali u uniformi, li:

(a)tiżgura r-reġistrar inizjali tat-titoli trasferibbli tad-DLT;

(b)tissalda tranżazzjonijiet f’titoli trasferibbli bid-DLT bi ħlas; u

(c)tipprovdi servizzi ta’ salvagwardja fir-rigward ta’ titoli trasferibbli bid-DLT, jew fejn applikabbli, ta’ ħlasijiet u kollateral relatati, ipprovduti bl-użu tal-MTF tad-DLT;

(4)“sistema ta’ saldu tat-titoli tad-DLT” tfisser sistema ta’ saldu tat-titoli, imħaddma minn “depożitorju ċentrali tat-titoli”, li tissalda tranżazzjonijiet f’titoli trasferibbli tad-DLT bi ħlas;

(5)“titoli trasferibbli tad-DLT” ifissru “titoli trasferibbli” skont it-tifsira tal-Artikolu 4(1)(44) (a) u (b) tad-Direttiva 2014/65/UE li jinħarġu, jiġu rreġistrati, jiġu ttrasferiti u jinħażnu bl-użu ta’ DLT;

(6)“faċilità multilaterali tan-negozjar” tfisser “faċilità multilaterali tan-negozjar” kif iddefinita fl-Artikolu 4(1)(22) tad-Direttiva 2014/65/UE;

(7)“depożitorju ċentrali tat-titoli” jew “CSD” ifisser “depożitorju ċentrali tat-titoli” kif iddefinit fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014;

(8)“strument finanzjarju” jfisser “strument finanzjarju” kif iddefinit fl-Artikolu 4(1)(15) tad-Direttiva 2014/65/UE;

(9)“saldu” jfisser “saldu” kif iddefinit fl-Artikolu 2(7) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014;

(10)“jum ta’ negozju” jfisser “jum ta’ negozju” kif iddefinit fl-Artikolu 2(14) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014;

(11)“mezz ta’ kunsenja kontra ħlas” jew “DVP” tfisser “kunsenja kontra ħlas” kif iddefinita fl-Artikolu 2(27) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014;

(12)“falliment tas-saldu” ifisser “falliment tas-saldu” kif iddefinit fl-Artikolu 2(1)(15) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014;

(13)“bond sovran” ifisser bond maħruġ minn emittent sovran li huwa jew:

(a)l-Unjoni;

(b)Stat Membru, inkluż dipartiment tal-gvern, aġenzija jew veikolu bi skop speċjali ta’ Stat Membru jew entità sovrana oħra;

(c)entità sovrana li mhijiex elenkata taħt il-punti (a) u (b);

(14)“bond pubbliku ieħor” ifisser bond maħruġ minn kwalunkwe wieħed mill-emittenti pubbliċi li ġejjin:

(a)f’każ ta’ Stat Membru federali, membri ta’ dik il-federazzjoni;

(b)veikolu bi skop speċjali għal diversi Stati Membri;

(c)istituzzjoni finanzjarja internazzjonali stabbilita minn żewġ Stati Membri jew aktar li jkollha l-għan li timmobilizza l-finanzjament u tipprovdi assistenza finanzjarja għall-benefiċċju tal-membri tagħha biex tissalvagwardja l-istabbiltà taż-żona tal-euro kollha kemm hi.;

(d)il-Bank Ewropew tal-Investiment;

(e)entità pubblika li mhijiex emittent ta’ bond sovran kif speċifikat fil-punt (13).

(15)“bond konvertibbli” jfisser strument li jikkonsisti f’bond jew fi strument ta’ dejn titolizzat b’derivattiv inkorporat, bħal għażla li tinxtara l-ekwità sottostanti;

(16)“bond kopert” ifisser bonds kif imsemmija fl-Artikolu 52(4) tad-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 49 ;

(17)“bond korporattiv” ifisser bond li jinħareġ minn Societas Europaea stabbilita skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2157/2001 50 jew tip ta’ kumpanija elenkata fl-Anness I tad-Direttiva 2017/1132/KE 51 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill jew ekwivalenti f’pajjiżi terzi;

(18)“bond ieħor” ifisser bond li ma jappartjeni għall-ebda wieħed mit-tipi ta’ bonds speċifikati fil-punti (13) sa (17);

(19)“ditta tal-investiment” tfisser “ditta tal-investiment” kif iddefinita fl-Artikolu 4(1)(1) tad-Direttiva 2014/65/UE;

(20)“operatur tas-suq” ifisser “operatur tas-suq” kif iddefinit fl-Artikolu 4(1)(18) tad-Direttiva 2014/65/UE;

(21)“awtorità kompetenti” tfisser awtorità kompetenti waħda jew aktar innominata jew skont:

(a)l-Artikolu 67 tad-Direttiva 2014/65/UE għal ditti tal-investiment u operaturi tas-suq li jħaddmu MTF tad-DLT;

(b)l-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 għal CSD li jħaddem sistema ta’ saldu tat-titoli tad-DLT; jew

(c)li nkella tinħatar mill-Istati Membri għall-finijiet tas-sorveljanza tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

(22)“Stat Membru domiċiljari” jfisser fil-każ ta’:

(a)ditta tal-investiment li tħaddem MTF tad-DLT, l-Istat Membru ddeterminat skont l-Artikolu 4(55)(a) (ii) u (iii) tad-Direttiva 2014/65/UE;

(b)operatur tas-suq li jħaddem MTF tad-DLT, l-Istat Membru li fih huwa rreġistrat l-operatur tas-suq tal-MTF tad-DLT jew, jekk skont il-liġi ta’ dan l-Istat Membru dan ma għandu l-ebda uffiċċju rreġistrat, l-Istat Membru fejn jinsab l-uffiċċju prinċipali tal-operatur tas-suq tal-MTF tad-DLT;

(c)CSD li jħaddem sistema ta’ saldu tat-titoli tad-DLT, l-Istat Membru ddeterminat skont l-Artikolu 2(23) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014/UE.

(23)“tokens tal-flus elettroniċi” jfisser “tokens tal-flus elettroniċi” kif iddefiniti fl-Artikolu XX tar-Regolament Nru 2021/XX dwar is-Swieq fil-Kriptoassi 52 .

Artikolu 3

Limitazzjonijiet fuq it-titoli trasferibbli ammessi għan-negozjar f’infrastruttura tas-suq tad-DLT jew issaldati minnha

1.It-titoli trasferibbli tad-DLT li jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin biss jistgħu jiġu ammesi għan-negozjar f’MTF tad-DLT u jiġu rreġistrati f’reġistru distribwit minn CSD li jħaddem sistema ta’ saldu tat-titoli tad-DLT

(a)ishma, li l-emittent tagħhom għandu kapitalizzazzjoni tas-suq jew kapitalizzazzjoni tas-suq tentattiva ta’ anqas minn EUR 200 miljun; jew

(b)bonds konvertibbli, bonds koperti, bonds korporattivi, bonds pubbliċi oħra u bonds oħra, b’daqs ta’ ħruġ ta’ anqas minn EUR 500 miljun.

2.Ditta tal-investiment jew operatur tas-suq li jħaddem MTF tad-DLT ma għandux jammetti għan-negozjar ta’ bonds sovrani skont dan ir-Regolament. CSD li jħaddem sistema ta’ saldu tat-titoli tad-DLT, jew ditta tal-investiment jew operatur tas-suq li għandu permess jirreġistra titoli trasferibbli tad-DLT f’MTF tad-DLT, skont il-paragrafi 2 u 3 tal-Artikolu 4, ma għandux jirreġistra bonds sovrani skont dan ir-Regolament.

3.Il-valur tas-suq totali ta’ titoli trasferibbli tad-DLT irreġistrati f’CSD li jħaddem sistema ta’ saldu tat-titoli tad-DLT ma għandux ikun aktar minn EUR 2,5 biljun. Meta MTF tad-DLT tirreġistra t-titoli trasferibbli tad-DLT minflok CSD, skont il-paragrafi 2 u 3 tal-Artikolu 4, il-valur tas-suq totali tat-titoli trasferibbli tad-DLT, irreġistrat mid-ditta tal-investiment jew mill-operatur tas-suq li jħaddem l-MTF tad-DLT ma għandux ikun aktar minn EUR 2,5 biljun.

4.Għall-finijiet tad-determinazzjoni u l-monitoraġġ tal-valur tas-suq totali ta’ titoli trasferibbli tad-DLT skont il-paragrafu 1, il-valur tas-suq totali tat-titoli trasferibbli tad-DLT għandu jkun:

(a)iddeterminat kuljum, jew mis-CSD jew mid-ditta tal-investiment jew mill-operatur tas-suq ikkonċernat; u

(b)daqs is-somma ta’: il-prezz tal-għeluq ta’ kuljum ta’ kull titolu trasferibbli tad-DLT ammess għan-negozjar f’MTF tad-DLT, immultiplikat bl-għadd ta’ titoli trasferibbli tad-DLT bl-istess ISIN li huma saldati fis-sistema ta’ saldu tat-titoli tad-DLT jew fl-MTF tad-DLT ikkonċernati f’dak il-jum, kemm jekk sħaħ kif ukoll jekk parzjalment.

5.L-operatur ta’ infrastruttura tas-suq tad-DLT għandu jissottometti lill-awtorità kompetenti li tkun tat il-permess speċifiku, skont l-Artikolu 7 jew l-Artikolu 8, rapporti ta’ kull xahar, li juru li t-titoli trasferibbli tad-DLT kollha li huma rreġistrati u saldati f’MTF tad-DLT li għandhom il-permess jagħmlu dan, skont il-paragrafi 2 u 3 tal-Artikolu 4, jew minn CSD f’sistema ta’ saldu tat-titoli tad-DLT, jissodisfaw il-kundizzjonijiet skont il-paragrafi 1 sa 3.

Meta l-valur tas-suq totali tat-titoli trasferibbli tad-DLT irrapportati skont il-paragrafu 1, ikun laħaq EUR 2,25 biljun, id-ditta tal-investiment jew l-operatur tas-suq li jħaddem l-MTF tad-DLT ikkonċernata, jew is-CSD li jħaddem is-sistema ta’ saldu tat-titoli tad-DLT kkonċernata, għandu jattiva l-istrateġija ta’ tranżizzjoni, imsemmija fl-Artikolu 6(6). Huma għandhom jinnotifikaw lill-awtorità kompetenti dwar l-attivazzjoni tal-istrateġija ta’ tranżizzjoni tagħhom, fir-rapport tagħhom ta’ kull xahar u dwar il-medda ta’ żmien għal din it-tranżizzjoni.

L-awtorità kompetenti kkonċernata tista’ tippermetti li l-infrastruttura tas-suq tad-DLT ikkonċernata tkompli topera sakemm il-valur tas-suq totali tat-titoli trasferibbli tad-DLT irrapportati skont il-paragrafu 1 jilħaq EUR 2,75 biljun, sakemm din il-libertà tintalab mill-operatur tal-infrastruttura tas-suq tad-DLT ikkonċernata u tkun oġġettivament meħtieġa għall-implimentazzjoni ordnata tal-istrateġija ta’ tranżizzjoni.

6.Ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 għandu japplika għal titoli trasferibbli tad-DLT ammessi għan-negozjar f’MTF tad-DLT.

Artikolu 4

Rekwiżiti u eżenzjonijiet fir-rigward tal-faċilitajiet multilaterali tan-negozjar tad-DLT

1.MTF tad-DLT għandha tkun soġġetta għar-rekwiżiti kollha applikabbli għal MTF skont id-Direttiva 2014/65/UE u r-Regolament (UE) Nru 2014/600, għajr jekk id-ditta tal-investiment jew l-operatur tas-suq li jħaddem l-MTF tad-DLT:

(a)ikun talab eżenzjoni kif speċifikat fil-paragrafu 2 jew skont id-Direttiva (UE) .../.. 53 u jkun ingħata din l-eżenzjoni mill-awtorità kompetenti li tat il-permess speċifiku skont l-Artikolu 7; u

(b)jikkonforma mal-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 6; u

(c)jikkonforma mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 4 u ma’ kwalunkwe miżura ta’ kumpens addizzjonali li l-awtorità kompetenti li tkun tat il-permess speċifiku tista’ tqis xierqa sabiex jintlaħqu l-objettivi segwiti mid-dispożizzjonijiet li minnhom tkun intalbet eżenzjoni jew biex jiġu żgurati l-protezzjoni tal-investituri, l-integrità tas-suq u/jew l-istabbiltà finanzjarja.

2.Fuq talba tagħhom, ditta tal-investiment jew operatur tas-suq li jħaddmu MTF tad-DLT jistgħu jitħallew jammettu għan-negozjar titoli trasferibbli tad-DLT li mhumiex irreġistrati f’CSD skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament (UE) 909/2014 iżda li minflok huma rreġistrati fir-reġistru distribwit tal-MTF tad-DLT.

Ditta tal-investiment jew operatur tas-suq li jitlob eżenzjoni skont il-paragrafu 1 għandu jipproponi miżuri ta’ kumpens biex jilħaq l-objettivi segwiti mid-dispożizzjonijiet li minnhom tintalab eżenzjoni, u jiżgura tal-anqas:

(a)ir-reġistrar tat-titoli trasferibbli tad-DLT fit-teknoloġija ta’ reġistru diġitali;

(b)li l-għadd ta’ titoli trasferibbli tad-DLT irreġistrati fl-MTF tad-DLT jkun daqs l-għadd totali ta’ dawn it-titoli trasferibbli tad-DLT f’ċirkolazzjoni fit-teknoloġija ta’ reġistru diġitali fi kwalunkwe ħin partikolari;

(c)li l-MTF tad-DLT iżżomm rekords li jippermettu lid-ditta tal-investiment jew lill-operatur tas-suq li jħaddem l-MTF tad-DLT, mingħajr dewmien fi kwalunkwe ħin partikolari, biex jissegrega t-titoli trasferibbli tad-DLT ta’ membru, parteċipant, emittent jew klijent minn dawk ta’ kwalunkwe membru, parteċipant, emittent jew klijent ieħor.

Meta ma tkun saret l-ebda talba għal eżenzjoni mill-MTF tad-DLT skont l-ewwel subparagrafu, it-titoli trasferibbli tad-DLT għandhom jew jiġu rreġistrati f’forma dematerjalizzata f’CSD jew fit-teknoloġija ta’ reġistru distribwit ta’ CSD li jħaddem sistema ta’ saldu tat-titoli tad-DLT.

3.Meta ditta tal-investiment jew operatur tas-suq li jħaddem MTF tad-DLT ikun talab eżenzjoni skont il-paragrafu 2, dan għandu jiżgura, permezz ta’ proċeduri u arranġamenti robusti li, l-MTF tad-DLT:

(a)tiżgura li l-għadd ta’ titoli trasferibbli tad-DLT f’ħarġa jew f’parti minn ħarġa ammessa mid-ditta tal-investiment jew l-operatur tas-suq li jħaddem l-MTF tad-DLT, ikun daqs is-somma ta’ titoli trasferibbli tad-DLT li jkunu jiffurmaw din il-ħarġa jew parti minn ħarġa, irreġistrata fid-DLT, fi kwalunkwe ħin partikolari;

(b)tiżgura s-salvagwardja ta’ kwalunkwe titolu trasferibbli tad-DLT, kif ukoll kwalunkwe fondi biex isiru ħlasijiet għal dawn it-titoli jew kwalunkwe kollateral ipprovdut fir-rigward ta’ dawn it-tranżazzjonijiet bl-użu tal-MTF tad-DLT;

(c)tippermetti konferma ċara, preċiża u f’waqtha tad-dettalji tat-tranżazzjonijiet f’titoli trasferibbli tad-DLT inkluż kwalunkwe ħlas li jsir fir-rigward tagħhom kif ukoll ir-rilaxx ta’ kwalunkwe kollateral, jew is-sejħa tiegħu, fir-rigward ta’ dawn;

(d)tipprovdi informazzjoni ċara, preċiża u f’waqtha fir-rigward tas-saldu ta’ tranżazzjonijiet, inkluż il-finalità tas-saldu, billi tiddefinixxi l-mument li minnu l-ordnijiet ta’ trasferiment jew istruzzjonijiet oħra identifikati minn qabel ma jistgħux jiġu revokati minn membru, parteċipant, emittent jew klijent;

(e)tissalda tranżazzjonijiet f’titoli trasferibbli tad-DLT kważi f’ħin reali jew dakinhar, u fi kwalunkwe każ, mhux aktar tard mit-tieni jum ta’ negozju wara l-konklużjoni tan-negozjar;

(f)tiżgura kunsenja kontra ħlas.

Is-saldu tal-ħlasijiet jista’ jsir permezz ta’ flus tal-bank ċentrali meta jkun prattikabbli u disponibbli, jew meta ma jkunx prattikabbli u disponibbli, permezz ta’ flus tal-banek kummerċjali, inklużi flus tal-banek kummerċjali f’forma bbażata fuq it-tokens, jew f’tokens tal-flus elettroniċi.

Meta s-saldu jsir permezz ta’ flus tal-banek kummerċjali jew ta’ tokens tal-flus elettroniċi, id-ditta tal-investiment jew l-operatur tas-suq li jħaddem l-MTF tad-DLT għandu jidentifika, ikejjel, jimmonitorja, jimmaniġġja, u jimminimizza kwalunkwe riskju tal-kontroparti li jirriżulta mill-użu ta’ dawn il-flus; u

(g)jew jipprevjeni jew, jekk ma jkunx possibbli, jindirizza l-fallimenti tas-saldu.

4.Meta ditta tal-investiment jew operatur tas-suq li jħaddem MTF tad-DLT jitlob eżenzjoni skont il-paragrafu 2 jew skont id-Direttiva (UE) .../.. 54 , dan għandu fi kwalunkwe każ juri li l-eżenzjoni mitluba hija:

(a)proporzjonata mal-użu ta’ DLT u ġġustifikata bih; u

(b)limitata għall-MTF tad-DLT u ma testendi għall-ebda MTF oħra mħaddma mid-ditta tal-investiment jew l-operatur tas-suq imsemmi.

Artikolu 5

Rekwiżiti u eżenzjonijiet fir-rigward tas-sistema ta’ saldu tat-titoli tad-DLT

1.CSD li jħaddem sistema ta’ saldu tat-titoli tad-DLT għandu jkun soġġett għar-rekwiżiti applikabbli għal CSD skont ir-Regolament (UE) Nru 909/2014, għajr jekk dan is-CSD:

(a)ikun talab eżenzjonijiet kif speċifikat fil-paragrafi 2 sa 6 u jkun ingħata dawn l-eżenzjonijiet mill-awtorità kompetenti li tkun tat il-permess speċifiku skont l-Artikolu 8;

(b)ikun jikkonforma mal-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 6; u

(c)ikun jikkonforma mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 7 u ma’ kwalunkwe miżura ta’ kumpens addizzjonali li l-awtorità kompetenti li tkun tat il-permess speċifiku tista’ tqis xierqa sabiex jintlaħqu l-objettivi segwiti mid-dispożizzjonijiet li minnhom tkun intalbet eżenzjoni jew biex jiġu żgurati l-protezzjoni tal-investituri, l-integrità tas-suq u/jew l-istabbiltà finanzjarja.

2.Fuq talba tiegħu, CSD li jħaddem sistema ta’ saldu tat-titoli tad-DLT jista’ jiġi eżentat mill-awtorità kompetenti mill-applikazzjoni tal-Artikolu 2(4) dwar il-forma dematerjalizzata, l-Artikolu 2(9) dwar it-trasferiment tal-ordnijiet, l-Artikolu 2(28) dwar il-kontijiet ta’ titoli, l-Artikolu 3 dwar ir-reġistrar tat-titoli, l-Artikolu 37 dwar l-integrità tal-ħruġ, l-Artikolu 38 dwar is-segregazzjoni tal-assi tar-Regolament (UE) Nru 909/2014, sakemm is-CSD li jħaddem is-sistema ta’ saldu tat-titoli tad-DLT:

(a)juri li l-użu ta’ “kont ta’ titoli” kif iddefinit skont l-Artikolu 2(28) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 jew l-użu ta’ forma dematerjalizzata jkun inkompatibbli mal-użu tad-DLT partikolari tiegħu;

(b)jipproponi miżuri ta’ kumpens biex jintlaħqu l-objettivi segwiti mid-dispożizzjonijiet li minnhom tintalab eżenzjoni, u jiżgura tal-anqas:

(c)ir-reġistrar tat-titoli trasferibbli tad-DLT fir-reġistru distribwit;

(d)li l-għadd ta’ titoli trasferibbli tad-DLT f’ħarġa jew f’parti minn ħarġa ammess mis-CSD li jħaddem is-sistema ta’ saldu tat-titoli tad-DLT ikun daqs is-somma ta’ titoli trasferibbli tad-DLT li jkunu jiffurmaw din il-ħarġa jew parti minn ħarġa, irreġistrata fir-reġistru distribwit fi kwalunkwe ħin partikolari; u

(e)li jżżomm rekords li jippermettu lis-CSD, mingħajr dewmien fi kwalunkwe ħin partikolari, biex jissegrega t-titoli trasferibbli tad-DLT ta’ membru, parteċipant, emittent jew klijent minn dawk ta’ kwalunkwe membru, parteċipant, emittent jew klijent ieħor.

3.Fuq talba tiegħu, CSD li jħaddem sistema ta’ saldu tat-titoli tad-DLT jista’ jiġi eżentat mill-awtorità kompetenti mill-applikazzjoni tal-Artikolu 19 u l-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) Nru 909/2014, sakemm:

(1)dawn id-dispożizzjonijiet ikunu inkompatibbli mal-użu ta’ DLT kif previst mid-DLT partikolari mħaddma mis-CSD ikkonċernat; u

(2)is-CSD li jħaddem is-sistema ta’ saldu tat-titoli tad-DLT jiżgura li l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti (c) sa (i) tal-Artikolu 30(1) u fl-Artikolu 30(2) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 jiġu ssodisfati.

4.Fuq talba tiegħu, CSD li jħaddem sistema ta’ saldu tat-titoli tad-DLT jista’ jiġi eżentat mill-awtorità kompetenti mill-applikazzjoni tal-Artikolu 2(19) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 dwar il-parteċipanti u jista’ jkollu permess jammetti bħala parteċipanti persuni fiżiċi u ġuridiċi minbarra dawk imsemmija fl-Artikolu 2(19), sakemm dawn il-persuni:

(1)ikunu ta’ reputazzjoni tajba biżżejjed u jkunu kompetenti u idonei; u

(2)ikollhom livell suffiċjenti ta’ abbiltà, kompetenza, esperjenza u għarfien dwar il-fażi ta’ wara n-negozjar u l-funzjonament tad-DLT.

5.Fuq talba tiegħu, CSD li jħaddem sistema ta’ saldu tat-titoli tad-DLT jista’ jiġi eżentat mill-awtorità kompetenti mill-applikazzjoni tal-Artikolu 40 tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 dwar is-saldu fi flus kontanti, sakemm is-CSD jiżgura kunsenja kontra ħlas.

Is-saldu tal-ħlasijiet jista’ jsir permezz ta’ flus tal-bank ċentrali meta jkun prattikabbli u disponibbli, jew meta ma jkunx prattikabbli u disponibbli, permezz ta’ flus tal-banek kummerċjali, inklużi flus tal-banek kummerċjali f’forma bbażata fuq it-tokens, jew f’tokens tal-flus elettroniċi.

Meta s-saldu jsir permezz ta’ flus tal-banek kummerċjali jew ta’ tokens tal-flus elettroniċi, id-ditta tal-investiment jew l-operatur tas-suq li jħaddem l-MTF tad-DLT għandu jidentifika, ikejjel, jimmonitorja, jimmaniġġja, u jimminimizza kwalunkwe riskju tal-kontroparti li jirriżulta mill-użu ta’ dawn il-flus.

6.Fuq talba tiegħu, CSD li jħaddem sistema ta’ saldu tat-titoli tad-DLT jista’ jiġi eżentat mill-awtorità kompetenti mill-applikazzjoni tal-Artikolu 50 u/jew tal-Artikolu 53 dwar l-aċċess permezz ta’ konnessjoni standard u l-aċċess bejn CSD u infrastruttura oħra tas-suq tar-Regolament (UE) Nru 909/2014, sakemm dan juri li l-użu ta’ DLT huwa inkompatibbli mas-sistemi miruta ta’ CSDs oħra jew infrastrutturi oħra tas-suq jew li l-għoti ta’ dan l-aċċess lil CSD ieħor jew infrastruttura oħra tas-suq bl-użu ta’ sistemi miruta jiskatta kostijiet sproporzjonati, minħabba d-daqs tas-sistema ta’ saldu tat-titoli tad-DLT.

7.Meta CSD li jħaddem sistema ta’ saldu tat-titoli tad-DLT ikun talab eżenzjoni skont l-ewwel subparagrafu, dan għandu jagħti aċċess lil CSDs oħra li jħaddmu sistema ta’ saldu tat-titoli tad-DLT jew lil MTFs tad-DLT.

Meta CSD li jħaddem sistema ta’ saldu tat-titoli tad-DLT jitlob eżenzjoni skont il-paragrafi 2 sa 6, dan għandu fi kwalunkwe każ juri li:

(a)l-eżenzjoni mitluba tkun proporzjonata għall-użu tad-DLT tagħha u ġġustifikata bih, u li;

(b)l-eżenzjoni mitluba tkun limitata għas-sistema ta’ saldu tat-titoli tad-DLT u ma tkun testendi għall-ebda sistema ta’ saldu tat-titoli oħra kif iddefinita fl-Artikolu 2(10) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014 imħaddma mill-istess CSD.

8.Meta CSD ikun talab u ngħata eżenzjoni skont il-paragrafu 3, ir-rekwiżit fl-Artikolu 39(1) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014/UE biex l-Istati Membri jinnominaw u jinnotifikaw is-sistema ta’ saldu tat-titoli mħaddma mis-CSD skont id-Direttiva 98/26/KE ma għandux japplika għas-sistema ta’ saldu tat-titoli tad-DLT. Dan ta’ hawn fuq ma għandux jipprekludi lill-Istati Membri milli jinnominaw u jinnotifikaw sistema ta’ saldu tat-titoli tad-DLT skont id-Direttiva 98/26/KE meta s-sistema ta’ saldu tat-titoli tad-DLT tissodisfa r-rekwiżiti kollha ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 6

Rekwiżiti addizzjonali dwar l-infrastrutturi tas-suq tad-DLT

1.L-operaturi tal-infrastrutturi tas-suq tad-DLT għandhom jistabbilixxu pjan tan-negozju ċar u dettaljat li jiddeskrivi kif dawn beħsiebhom iwettqu s-servizzi u l-attivitajiet tagħhom, inkluża deskrizzjoni tal-persunal kritiku, tal-aspetti tekniċi, tal-użu tad-DLT u tal-informazzjoni meħtieġa fil-paragrafu 3.

Dawn għandu jkollhom ukoll dokumentazzjoni bil-miktub aġġornata, ċara, dettaljata u disponibbli pubblikament, li tista’ ssir disponibbli permezz ta’ mezzi elettroniċi, u li tiddefinixxi r-regoli li skonthom għandha topera l-infrastruttura tas-suq tad-DLT, inkluż it-termini legali assoċjati miftiehma li jiddefinixxu d-drittijiet, l-obbligi, ir-responsabbiltajiet u l-obbligazzjonijiet tal-operatur tal-infrastruttura tas-suq tad-DLT, kif ukoll dawk tal-membri, il-parteċipanti, l-emittenti u/jew il-klijenti li jużaw l-infrastruttura tas-suq tad-DLT ikkonċernata. Dawn l-arranġamenti legali għandhom jispeċifikaw il-liġi regolatorja, il-mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim ta’ qabel il-litigazzjoni u l-ġuriżdizzjoni biex tittieħed azzjoni legali.

2.CSD li jħaddem sistema ta’ saldu tat-titoli tad-DLT, u ditta tal-investiment jew operatur tas-suq li jħaddem MTF tad-DLT li jitlob eżenzjoni mill-Artikolu 3(2) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014, għandu jistabbilixxi regoli dwar il-funzjonament tad-DLT li dan iħaddem, inklużi r-regoli għall-aċċess għat-teknoloġija ta’ reġistru distribwit, għall-parteċipazzjoni tan-nodi ta’ validazzjoni, għall-indirizzar tal-kunflitti ta’ interess potenzjali, u għall-ġestjoni tar-riskju inkluża kwalunkwe miżura ta’ mitigazzjoni.

3.L-operaturi ta’ infrastrutturi tas-suq tad-DLT għandhom jipprovdu lill-membri, lill-parteċipanti, lill-emittenti u lill-klijenti tagħhom b’informazzjoni ċara u mhux ambigwa fuq is-sit web tagħhom dwar kif dawn iwettqu l-funzjonijiet, is-servizzi u l-attivitajiet tagħhom u kif dan it-twettiq ta’ funzjonijiet, servizzi u attivitajiet ikun jiddevja minn MTF jew sistema ta’ saldu tat-titoli. Din l-informazzjoni għandha tinkludi t-tip ta’ DLT użata.

4.L-operaturi ta’ infrastrutturi tas-suq tad-DLT għandhom jiżguraw li l-arranġamenti ġenerali tal-IT u dawk ċibernetiċi relatati mal-użu tad-DLT tagħhom ikunu proporzjonati man-natura, l-iskala u l-kumplessità tan-negozju tagħhom. Dawn l-arranġamenti għandhom jiżguraw it-trasparenza, id-disponibbiltà, l-affidabbiltà u s-sigurtà kontinwi tas-servizzi u l-attivitajiet tagħhom, inkluża l-affidabbiltà tal-kuntratti intelliġenti użati fid-DLT. Dawn l-arranġamenti għandhom jiżguraw ukoll l-integrità, is-sigurtà u l-kunfidenzjalità ta’ kwalunkwe data maħżuna, u d-disponibbiltà u l-aċċessibbiltà ta’ din id-data.

L-operaturi ta’ infrastrutturi tas-suq tad-DLT għandu jkollhom proċedura ta’ riskju operazzjonali speċifika għar-riskji li jirriżultaw mill-użu ta’ DLT u ta’ kriptoassi u dwar kif dawn ir-riskji jiġu indirizzati jekk dawn jimmaterjalizzaw.

Sabiex tivvaluta l-affidabbiltà tal-arranġamenti ġenerali tal-IT u dawk ċibernetiċi ta’ infrastruttura tas-suq tad-DLT, l-awtorità kompetenti tista’ teħtieġ awditu. L-awtorità kompetenti għandha taħtar awditur indipendenti biex iwettaq l-awditu. L-infrastruttura tas-suq tad-DLT għandha tħallas il-kostijiet ta’ dan l-awditu.

5.Meta l-operatur ta’ infrastruttura tas-suq DLT jiżgura s-salvagwardja tal-fondi tal-parteċipanti, tal-membri, tal-emittenti jew tal-klijenti, tal-kollateral u tat-titoli trasferibbli tad-DLT, kif ukoll il-mezzi ta’ aċċess għal dawn it-titoli trasferibbli tad-DLT, inkluż fil-forma ta’ ċwievet kriptografiċi, l-operaturi ta’ dawn l-infrastrutturi tas-suq tad-DLT għandu jkollhom arranġamenti adegwati fis-seħħ biex jiġi evitat l-użu f’isimhom stess tal-fondi, tal-kollateral jew tat-titoli trasferibbli tad-DLT imsemmija hawn fuq għajr bil-kunsens espliċitu, muri bil-miktub, li jista’ jsir permezz ta’ mezzi elettroniċi, tal-parteċipant, tal-membru, tal-emittent, jew tal-klijent ikkonċernat.

L-operatur ta’ infrastruttura tas-suq tad-DLT għandu jżomm rekords sikuri, preċiżi, affidabbli u li jistgħu jiġu rkuprati tal-fondi, tal-kollateral u tat-titoli trasferibbli tad-DLT miżmuma mill-infrastruttura tas-suq tad-DLT tiegħu għall-membri, il-parteċipanti, l-emittenti jew il-klijenti kif ukoll tal-mezzi ta’ aċċess għal dawn l-assi.

L-operatur ta’ infrastruttura tas-suq tad-DLT għandu jissegrega l-fondi, il-kollateral u t-titoli trasferibbli tad-DLT kif ukoll il-mezzi ta’ aċċess għal dawn l-assi, tal-membri, il-parteċipanti, l-emittenti jew il-klijenti li jużaw l-infrastruttura tas-suq tad-DLT tiegħu mill-assi proprji tiegħu kif ukoll mill-istess assi ta’ membri, parteċipanti, emittenti jew klijenti oħra.

L-arranġamenti ġenerali tal-IT u dawk ċibernetiċi, imsemmija fil-paragrafu 4, għandhom jiżguraw li l-fondi, il-kollateral u t-titoli trasferibbli tad-DLT imsemmija hawn fuq, kif ukoll il-mezzi ta’ aċċess għal dawn l-assi, jiġu protetti mir-riskji ta’ aċċess mhux awtorizzat, hacking, degradazzjoni, telf, attakk ċibernetiku jew serq.

6.L-operatur ta’ infrastruttura tas-suq tad-DLT għandu jistabbilixxi strateġija ċara, dettaljata u disponibbli pubblikament għat-tranżizzjonar ’il barra minn infrastruttura tas-suq tad-DLT partikolari jew l-istralċ tagħha (minn hawn ’il quddiem imsejħa l-“istrateġija ta’ tranżizzjoni”), lesta biex tiġi implimentata f’waqtha, fil-każ li l-permess jew xi wħud mill-eżenzjonijiet mogħtija skont l-Artikolu 4 jew l-Artikolu 5 ikollhom jiġu rtirati jew inkella jitwaqqfu, jew fil-każ ta’ kwalunkwe waqfien volontarju jew involontarju tan-negozju tal-MTF tad-DLT jew tas-sistema ta’ saldu tat-titoli tad-DLT. L-istrateġija ta’ tranżizzjoni għandha tistabbilixxi kif il-membri, il-parteċipanti, l-emittenti u l-klijenti għandhom jiġu ttrattati, fil-każ ta’ tali rtirar, diskontinwità jew waqfien. L-istrateġija ta’ tranżizzjoni għandha tiġi aġġornata fuq bażi kontinwa soġġetta għall-kunsens minn qabel tal-awtorità kompetenti li tat il-permess għat-tħaddim u għal eżenzjonijiet relatati skont l-Artikolu 4 u l-Artikolu 5.

Artikolu 7

Permess speċifiku biex titħaddem faċilità multilaterali tan-negozjar tad-DLT

1.Persuna ġuridika awtorizzata jew bħala ditta tal-investiment jew biex topera suq regolat, skont id-Direttiva 2014/65/UE, tista’ tapplika għal permess speċifiku biex tħaddem MTF tad-DLT skont dan ir-Regolament.

2.L-applikazzjonijiet għal permess speċifiku biex titħaddem MTF tad-DLT skont dan ir-Regolament għandhom ikunu akkumpanjati mill-informazzjoni li ġejja:

(a)l-informazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2014/65/UE;

(b)il-pjan tan-negozju, ir-regoli tal-MTF tad-DLT u l-arranġamenti legali assoċjati kif imsemmi fl-Artikolu 6(1) kif ukoll l-informazzjoni dwar il-funzjonament, is-servizzi u l-attivitajiet tal-MTF tad-DLT kif imsemmi fl-Artikolu 6(3);

(c)fejn ikun applikabbli, il-funzjonament tad-DLT proprjetarja tagħha kif imsemmi fl-Artikolu 6(2);

(d)l-arranġamenti ġenerali tal-IT u dawk ċibernetiċi tagħha kif imsemmi fl-Artikolu 6(4);

(e)fejn ikun applikabbli, deskrizzjoni tal-arranġamenti ta’ salvagwardja tat-titoli trasferibbli tad-DLT tal-klijenti kif imsemmi fl-Artikolu 6(5);

(f)l-istrateġija ta’ tranżizzjoni tagħha, kif imsemmi fl-Artikolu 6(6); u

(g)l-eżenzjonijiet li qiegħda titlob skont l-Artikolu 4, il-ġustifikazzjoni għal kull eżenzjoni mitluba, kwalunkwe miżura ta’ kumpens proposta kif ukoll il-mezzi previsti biex tikkonforma mal-kundizzjonijiet marbuta ma’ dawn l-eżenzjonijiet skont l-Artikolu 4.

3.Qabel ma tiddeċiedi dwar applikazzjoni għal permess speċifiku biex tħaddem MTF tad-DLT skont dan ir-Regolament, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru domiċiljari għandha tinnotifika u tipprovdi l-informazzjoni rilevanti kollha dwar l-MTF tad-DLT lill-ESMA, spjegazzjoni tal-eżenzjonijiet mitluba, il-ġustifikazzjonijiet tagħhom u kwalunkwe miżura ta’ kumpens proposta mill-applikant jew meħtieġa mill-awtorità kompetenti.

Fi żmien tliet xhur minn meta tirċievi n-notifika, l-ESMA għandha tipprovdi lill-awtorità kompetenti b’opinjoni mhux vinkolanti dwar l-applikazzjoni u għandha tagħmel kwalunkwe rakkomandazzjoni dwar l-eżenzjonijiet mitluba mill-applikant, li huma meħtieġa biex jiġu żgurati l-protezzjoni tal-investitur, l-integrità tas-suq u l-istabbiltà finanzjarja. L-ESMA għandha wkoll tippromwovi l-konsistenza u l-proporzjonalità tal-eżenzjonijiet mogħtija mill-awtoritajiet kompetenti lil ditti tal-investiment jew operaturi tas-suq li jħaddmu MTFs tad-DLT madwar l-Unjoni. Sabiex tagħmel dan, l-ESMA għandha tikkonsulta lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra fil-ħin u tieħu kont assolut tal-fehmiet tagħhom fl-opinjoni tagħha.

4.Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7 u l-Artikolu 44 tad-Direttiva 2014/65/UE, l-awtorità kompetenti għandha tirrifjuta li tagħti lill-applikant permess biex iħaddem MTF tad-DLT skont dan ir-Regolament jekk ikun hemm raġunijiet oġġettivi biex temmen kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

(a)ir-riskji sinifikanti għall-protezzjoni tal-investituri, l-integrità tas-suq jew l-istabbiltà finanzjarja mhumiex indirizzati u mitigati kif xieraq mill-applikant; jew

(b)il-permess speċifiku biex titħaddem MTF tad-DLT skont dan ir-Regolament u l-eżenzjonijiet mitluba huma mfittxija biex jiġu evitati r-rekwiżiti legali u/jew regolatorji.

5.Il-permess speċifiku mogħti jew lil ditta tal-investiment jew lil operatur tas-suq biex iħaddem MTF tad-DLT għandu jkun validu fl-Unjoni kollha sa sitt snin mid-data tal-permess speċifiku. Huwa għandu jispeċifika l-eżenzjonijiet li jingħataw, skont l-Artikolu 4.

L-ESMA għandha tippubblika fuq is-sit web tagħha l-lista ta’ MTFs tad-DLT, id-dati tal-bidu u tat-tmiem tal-permessi speċifiċi tagħhom u l-lista ta’ eżenzjonijiet mogħtija lil kull wieħed minnhom.

6.Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 8 u l-Artikolu 44 tad-Direttiva 2014/65/UE, l-awtorità kompetenti li tat permess speċifiku skont dan ir-Regolament għandha tirtira dan il-permess jew kwalunkwe waħda mill-eżenzjonijiet mogħtija, wara konsultazzjoni mal-ESMA, skont il-paragrafu 3, jekk tkun seħħet kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

(a)ikun instab difett fil-funzjonament tad-DLT jew fis-servizzi u fl-attivitajiet ipprovduti mill-operatur tal-MTF tad-DLT, li joħloq riskju għall-protezzjoni tal-investituri, l-integrità tas-suq jew l-istabbiltà finanzjarja, li jkun jegħleb il-benefiċċji tas-servizzi u tal-attivitajiet taħt esperimentazzjoni;

(b)id-ditta tal-investiment jew l-operatur tas-suq li jħaddem l-MTF tad-DLT ikun kiser l-kundizzjonijiet marbuta mal-eżenzjonijiet mogħtija mill-awtorità kompetenti;

(c)id-ditta tal-investiment jew l-operatur tas-suq, li jħaddem l-MTF tad-DLT ikun ammetta għan-negozjar ta’ strumenti finanzjarji li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(1) u 3(2);

(d)id-ditta tal-investiment jew l-operatur tas-suq, li jħaddem l-MTF tad-DLT, li talab eżenzjoni mill-Artikolu 3(2) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014, ikun irreġistra titoli trasferibbli tad-DLT li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(1) u 3(2);

(e)id-ditta tal-investiment jew l-operatur tas-suq, li jħaddem l-MTF tad-DLT, li jkun talab permess speċifiku biex jiġi eżentat mill-Artikolu 3(2) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014, ikun qabeż il-limiti msemmija fl-Artikolu 3(3) jew (5), it-tielet subparagrafu; jew

(f)l-awtorità kompetenti tkun saret konxja li d-ditta tal-investiment jew l-operatur tas-suq li jkun applika għal permess speċifiku biex iħaddem l-MTF tad-DLT, ikun kiseb dan il-permess jew dawn l-eżenzjonijiet relatati abbażi ta’ informazzjoni qarrieqa inkluż kwalunkwe ommissjoni materjali.

7.Meta waqt l-attività tagħhom, ditta tal-investiment jew operatur tas-suq li jkun iħaddem MTF tad-DLT jipproponi li jintroduċi bidla materjali għall-funzjonament tad-DLT, jew għas-servizzi jew għall-attivitajiet tagħha, li teħtieġ permess ġdid, eżenzjoni ġdida, jew il-modifika ta’ waħda jew aktar mill-eżenzjonijiet eżistenti tagħha jew ta’ kwalunkwe kundizzjoni marbuta magħha, dan għandu jitlob tali permess, eżenzjoni jew modifika skont l-Artikolu 4. Tali permess, eżenzjoni jew modifika għanda tiġi pproċessata mill-awtorità kompetenti, skont il-paragrafi 2 sa 5.

Meta waqt l-attività tagħhom, ditta tal-investiment jew operatur tas-suq li jkun iħaddem MTF tad-DLT jitlob permess jew eżenzjoni ġdida, dan għandu jagħmel dan skont l-Artikolu 4. Tali permess jew eżenzjoni għandha tiġi pproċessata mill-awtorità kompetenti, skont il-paragrafi 2 sa 5.

Artikolu 8

Permess speċifiku biex titħaddem sistema ta’ saldu tat-titoli tat-DLT

1.Persuna ġuridika awtorizzata bħala CSD skont ir-Regolament (UE) Nru 909/2014, tista’ tapplika għal permess speċifiku biex tħaddem sistema ta’ saldu tat-titoli tat-DLT skont dan ir-Regolament.

2.L-applikazzjonijiet għal permess speċifiku biex titħaddem sistema ta’ saldu tat-titoli tad-DLT skont dan ir-Regolament għandhom jiġu akkumpanjati mill-informazzjoni li ġejja:

(a)l-informazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 7(9) tar-Regolament (UE) Nru 909/2014;

(b)il-pjan tan-negozju, ir-regoli tas-sistema ta’ saldu tat-titoli tad-DLT u l-arranġamenti legali assoċjati kif imsemmi fl-Artikolu 6(1) kif ukoll l-informazzjoni dwar il-funzjonament, is-servizzi u l-attivitajiet tas-sistema ta’ saldu tat-titoli tad-DLT kif imsemmi fl-Artikolu 6(3);

(c)il-funzjonament tad-DLT proprjetarja tagħha kif imsemmi fl-Artikolu 6(2);

(d)l-arranġamenti ġenerali tal-IT u dawk ċibernetiċi tagħha kif imsemmi fl-Artikolu 6(4);

(e)l-arranġamenti ta’ salvagwardja kif imsemmi fl-Artikolu 6(5);

(f)l-istrateġija ta’ tranżizzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 6(6);

(g)l-eżenzjonijiet li qiegħda titlob, skont l-Artikolu 5, il-ġustifikazzjonijiet għal kull eżenzjoni mitluba, kwalunkwe miżura ta’ kumpens proposta kif ukoll il-miżuri previsti biex tikkonforma mal-kundizzjonijiet marbuta ma’ dawn l-eżenzjonijiet skont l-Artikolu 5.

3.Qabel ma tiddeċiedi dwar applikazzjoni għal permess speċifiku biex tħaddem MTF tad-DLT skont dan ir-Regolament, l-awtorità kompetenti għandha tinnotifika u tipprovdi l-informazzjoni rilevanti kollha dwar is-sistema ta’ saldu tat-titoli tad-DLT lill-ESMA flimkien ma’ spjegazzjoni tal-eżenzjonijiet mitluba, il-ġustifikazzjoni tagħhom u kwalunkwe miżura ta’ kumpens proposta mill-applikant jew meħtieġa mill-awtorità kompetenti.

Fi żmien tliet xhur minn meta tirċievi n-notifika, l-ESMA għandha tipprovdi lill-awtorità kompetenti b’opinjoni mhux vinkolanti dwar l-applikazzjoni u għandha tagħmel kwalunkwe rakkomandazzjoni dwar l-eżenzjonijiet mitluba mill-applikant, li huma meħtieġa biex jiġu żgurati l-protezzjoni tal-investituri, l-integrità tas-suq u l-istabbiltà finanzjarja. L-ESMA għandha wkoll tippromwovi l-konsistenza u l-proporzjonalità tal-eżenzjonijiet mogħtija mill-awtoritajiet kompetenti lil CSDs li jħaddmu sistemi ta’ saldu tat-titoli tad-DLT madwar l-Unjoni. Sabiex tagħmel dan, l-ESMA għandha tikkonsulta lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra fil-ħin u tieħu l-ogħla kont tal-fehmiet tagħhom fl-opinjoni tagħha.

4.Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 909/2014, awtorità kompetenti għandha tirrifjuta li tagħti permess speċifiku skont dan ir-Regolament, jekk ikun hemm raġunijiet biex temmen kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

(a)ir-riskji sinifikanti għall-protezzjoni tal-investituri, l-integrità tas-suq jew l-istabbiltà finanzjarja mhumiex indirizzati u mitigati kif xieraq mill-applikant; jew

(b)il-permess speċifiku biex titħaddem sistema ta’ saldu tat-titoli tad-DLT u l-eżenzjonijiet mitluba huma mfittxija biex jiġu evitati r-rekwiżiti legali u/jew regolatorji.

5.Il-permess speċifiku mogħti biex titħaddem sistema ta’ saldu tat-titoli tad-DLT għandu jkun validu fl-Unjoni kollha sa sitt snin mid-data tal-permess speċifiku. Huwa għandu jispeċifika l-eżenzjonijiet li jingħataw, skont l-Artikolu 5.

L-ESMA għandha tippubblika fuq is-sit web tagħha l-lista ta’ sistemi ta’ saldu tat-titoli tad-DLT, id-dati tal-bidu u tat-tmiem tal-permessi speċifiċi tagħhom u l-lista ta’ eżenzjonijiet mogħtija lil kull wieħed minnhom.

6.Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tal-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) Nru 909/2014, l-awtorità kompetenti li tat permess speċifiku, skont dan ir-Regolament għandha tirtira dan il-permess jew kwalunkwe waħda mill-eżenzjonijiet mogħtija, wara konsultazzjoni mal-ESMA, skont il-paragrafu 3, jekk tkun seħħet kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

(a)ikun instab difett fil-funzjonament tad-DLT jew fis-servizzi u fl-attivitajiet ipprovduti mis-CSD li jħaddem sistema ta’ saldu tat-titoli tad-DLT, li jkun joħloq riskju għall-integrità tas-suq, il-protezzjoni tal-investituri jew l-istabbiltà finanzjarja, li jkun jegħleb il-benefiċċji tas-servizzi u tal-attivitajiet taħt esperimentazzjoni; jew

(b)is-CSD li jħaddem is-sistema ta’ saldu tat-titoli tad-DLT ikun kiser il-kundizzjonijiet marbuta mal-eżenzjonijiet mogħtija mill-awtorità kompetenti; jew

(c)is-CSD li jħaddem is-sistema ta’ saldu tat-titoli tad-DLT ikun irreġistra strumenti finanzjarji li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(1) u (2); jew

(d)is-CSD li jħaddem is-sistema ta’ saldu tat-titoli tad-DLT ikun qabeż il-limiti msemmija fl-Artikolu 3(3) u (5), it-tielet subparagrafu; jew

(e)l-awtorità kompetenti tkun saret konxja li s-CSD li jħaddem is-sistema ta’ saldu tat-titoli tad-DLT li jkun applika għal permess speċifiku biex iħaddem sistema ta’ saldu tat-titoli tad-DLT, ikun kiseb dan il-permess jew dawn l-eżenzjonijiet relatati abbażi ta’ informazzjoni qarrieqa inkluż kwalunkwe ommissjoni materjali.

7.Meta waqt l-attività tiegħu, CSD li jħaddem sistema ta’ saldu tat-titoli tad-DLT jipproponi li jintroduċi bidla materjali għall-funzjonament tad-DLT, jew għas-servizzi jew għall-attivitajiet tiegħu, li teħtieġ permess ġdid, eżenzjoni ġdida, jew il-modifika ta’ waħda jew aktar mill-eżenzjonijiet eżistenti tiegħu jew ta’ kwalunkwe kundizzjoni marbuta magħha, dan għandu jitlob tali permess, eżenzjoni jew modifika skont l-Artikolu 5. Tali permess, eżenzjoni jew modifika, għandha tiġi pproċessata mill-awtorità kompetenti, skont il-paragrafi 2 sa 5.

Meta waqt l-attività tiegħu, CSD li jħaddem sistema ta’ saldu tat-titoli tad-DLT jitlob permess ġdid jew eżenzjoni ġdida, dan għandu jitlob tali permess jew eżenzjoni, skont l-Artikolu 5. Tali permess jew eżenzjoni jew modifika għandha tiġi pproċessata mill-awtorità kompetenti, skont il-paragrafi 2 sa 5.

Artikolu 9

Kooperazzjoni bejn l-operaturi tal-infrastrutturi tas-suq tad-DLT, l-awtoritajiet kompetenti u l-ESMA

1.Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta’ kwalunkwe dispożizzjoni rilevanti tad-Direttiva 2014/65/UE u r-Regolament (UE) Nru 909/2014, l-operaturi tal-infrastrutturi tas-suq tad-DLT għandhom jikkooperaw mal-awtoritajiet kompetenti li huma fdati bl-għoti ta’ permessi speċifiċi skont dan ir-Regolament u mal-ESMA.

B’mod partikolari, immedjatament wara li jsiru konxji ta’ kwalunkwe waħda mill-kwistjonijiet elenkati hawn taħt, l-operaturi tal-infrastrutturi tas-suq tad-DLT għandhom jinnotifikaw, lill-awtoritajiet kompetenti msemmija u lill-ESMA, dwar dan. Dawn il-kwistjonijiet jinkludu, mingħajr limitazzjoni:

(a)kwalunkwe bidla materjali proposta fil-pjan tan-negozju tagħhom inkluż il-persunal kritiku, ir-regoli tal-infrastruttura tas-suq tad-DLT u arranġamenti legali assoċjati tal-anqas erba’ xhur qabel ma tkun ippjanata l-bidla, minkejja jekk il-bidla materjali proposta tkunx teħtieġ bidla fil-permess speċifiku jew fl-eżenzjonijiet relatati jew fil-kundizzjonijiet mehmuża miegħu, skont l-Artikolu 7 jew l-Artikolu 8;

(b)kwalunkwe evidenza ta’ aċċess mhux awtorizzat, ħsara materjali, telf, attakki ċibernetiċi jew theddid ċibernetiku ieħor, frodi, serq jew malprassi serja oħra li tkun sofriet l-infrastruttura tas-suq tad-DLT;

(c)kwalunkwe bidla materjali fl-informazzjoni pprovduta lill-awtorità kompetenti li tkun tat il-permess speċifiku;

(d)kwalunkwe diffikultà teknika jew operazzjonali fil-kunsenja tal-attivitajiet jew tas-servizzi soġġetti għall-permess speċifiku, inklużi diffikultajiet relatati mal-iżvilupp jew l-użu tad-DLT jew tat-titoli trasferibbli tad-DLT; jew

(e)kwalunkwe riskju għall-protezzjoni tal-investituri, għall-integrità tas-suq jew għall-istabbiltà finanzjarja li jkun irriżulta u li ma kienx antiċipat fl-applikazzjoni li titlob il-permess speċifiku jew fiż-żmien tal-għoti tal-permess speċifiku.

Meta tiġi nnotifikata b’din l-informazzjoni, l-awtorità kompetenti tista’ teħtieġ li l-infrastruttura tas-suq tad-DLT ikkonċernata tagħmel applikazzjoni skont l-Artikolu 7(7) jew l-Artikolu 8(7) u/jew tista’ tieħu kwalunkwe miżura korrettiva meħtieġa kif imsemmi fil-paragrafu 3.

2.L-operaturi ta’ infrastrutturi tas-suq tad-DLT għandhom jipprovdu lill-awtorità kompetenti li tat il-permess speċifiku u lill-ESMA bi kwalunkwe informazzjoni rilevanti li dawn jistgħu jeħtieġu.

3.L-awtorità kompetenti li tkun tat il-permess speċifiku tista’ teħtieġ kwalunkwe miżura korrettiva għall-pjan tan-negozju, għar-regoli tal-infrastruttura tas-suq tad-DLT u għall-arranġamenti legali assoċjati biex tiżgura l-protezzjoni tal-investituri, l-integrità tas-suq jew l-istabbiltà finanzjarja. Qabel ma teħtieġ kwalunkwe miżura korrettiva, l-awtorità kompetenti għandha tikkonsulta lill-ESMA, skont l-Artikolu 7(3) jew l-Artikolu 8(3). L-infrastruttura tas-suq tad-DLT għandha tirrapporta dwar il-miżuri meħuda għall-implimentazzjoni ta’ kwalunkwe miżura korrettiva meħtieġa mill-awtorità kompetenti, fir-rapporti tagħha msemmija fil-paragrafu 4.

4.Kull sitt xhur mid-data tal-permess speċifiku, l-operatur tal-infrastruttura tas-suq tad-DLT għandu jissottometti rapport lill-awtorità kompetenti u lill-ESMA. Dan ir-rapport għandu jinkludi, mingħajr limitazzjoni:

(a)sommarju ta’ kwalunkwe informazzjoni elenkata fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1;

(b)l-għadd u l-valur ta’ titoli trasferibbli tad-DLT ammessi għan-negozjar fl-MTF tad-DLT, l-għadd u l-valur ta’ titoli trasferibbli tad-DLT irreġistrati minn CSD li jħaddem sistemi ta’ saldu tat-titoli tad-DLT, u fejn ikun applikabbli, l-għadd u l-valur ta’ titoli trasferibbli rreġistrati minn ditta tal-investiment jew operatur tas-suq li jopera f’MTF tad-DLT;

(c)l-għadd u l-valur ta’ tranżazzjonijiet innegozjati f’MTF tad-DLT u saldati jew minn CSD li jħaddem sistema ta’ saldu tat-titoli tad-DLT, jew fejn ikun applikabbli, minn ditta tal-investiment jew operatur tas-suq li jħaddem l-MTF tad-DLT;

(d)valutazzjoni motivata ta’ kwalunkwe diffikultà fl-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar is-servizzi finanzjarji tal-Unjoni jew tal-liġi nazzjonali; u

(e)il-miżuri meħuda għall-implimentazzjoni ta’ kwalunkwe miżura ta’ kumpens jew korrettiva meħtieġa mill-awtorità kompetenti jew kundizzjonijiet imposti mill-awtorità kompetenti.

5.L-ESMA għandha taqdi rwol ta’ koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti, bil-għan li jinbena fehim komuni tat-teknoloġija ta’ reġistru distribwit u tal-infrastruttura tas-suq tad-DLT kif ukoll kultura superviżorja komuni u prattiki superviżorji konverġenti, u dan jiżgura approċċi konsistenti u konverġenza fir-riżultati superviżorji.

L-ESMA għandha tinforma lill-awtoritajiet kompetenti kollha fuq bażi regolari dwar:

(a)ir-rapporti mressqa skont il-paragrafu 4;

(b)il-permessi speċifiċi u l-eżenzjonijiet mogħtija skont l-Artikolu 7 u l-Artikolu 8 kif ukoll il-kundizzjonijiet marbuta magħhom;

(c)kwalunkwe rifjut minn awtorità kompetenti li tagħti permess speċifiku jew kwalunkwe eżenzjoni skont l-Artikolu 7 u l-Artikolu 8, kwalunkwe rtirar ta’ tali permess speċifiku jew eżenzjonijiet u kwalunkwe waqfien ta’ negozji minn infrastruttura tas-suq tad-DLT.

6.L-ESMA għandha timmonitorja l-applikazzjoni tal-permessi speċifiċi, l-eżenzjonijiet relatati u l-kundizzjonijiet marbuta magħhom, mogħtija skont l-Artikolu 7 u l-Artikolu 8, kif ukoll kwalunkwe miżura ta’ kumpens jew korrettiva meħtieġa u għandha tressaq rapport annwali lill-Kummissjoni dwar kif dawn jiġu applikati fil-prattika.

Artikolu 10

Rapport u rieżami

1.Sa mhux aktar tard minn ħames snin mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, l-ESMA għandha tippreżenta rapport lill-Kummissjoni dwar:

(a)il-funzjonament tal-infrastrutturi tas-suq tad-DLT fl-Unjoni kollha;

(b)l-għadd ta’ MTFs tad-DLT u CSDs li jħaddmu sistema ta’ saldu tat-titoli tad-DLT li jkunu ngħataw permess speċifiku skont dan ir-Regolament;

(c)it-tip ta’ eżenzjonijiet mitluba mill-infrastrutturi tas-suq tad-DLT u t-tip ta’ eżenzjonijiet mogħtija mill-awtoritajiet kompetenti;

(d)l-għadd u l-valur ta’ titoli trasferibbli tad-DLT ammessi għan-negozjar fl-MTFs tad-DLT, l-għadd u l-valur ta’ titoli trasferibbli tad-DLT irreġistrati minn CSDs li jħaddmu sistemi ta’ saldu tat-titoli tad-DLT, u fejn ikun applikabbli, l-għadd u l-valur ta’ titoli trasferibbli rreġistrati mill-MTFs tad-DLT;

(e)l-għadd u l-valur ta’ tranżazzjonijiet innegozjati f’MTFs tad-DLT u saldati jew minn CSDs li jħaddmu sistema ta’ saldu tat-titoli tad-DLT, jew fejn ikun applikabbli, minn MTFs tad-DLT;

(f)it-tip ta’ DLT użata u kwistjonijiet tekniċi relatati mal-użu tad-DLT, inklużi l-kwistjonijiet imsemmija fil-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1);

(g)il-proċeduri stabbiliti mill-MTFs tad-DLT skont l-Artikolu 4(3)(g);

(h)kwalunkwe riskju ppreżentat bl-użu ta’ DLT;

(i)kwalunkwe kwistjoni ta’ interoperabbiltà bejn l-infrastrutturi tas-suq tad-DLT u infrastrutturi oħra li jużaw sistemi miruta;

(j)il-benefiċċji li jirriżultaw mill-użu ta’ DLT, f’termini ta’ kwalunkwe titjib fl-effiċjenza u tnaqqis tar-riskju fil-katina kollha tan-negozjar u ta’ wara n-negozjar, inkluż mingħajr limitazzjoni, fir-rigward tar-reġistrar u s-salvagwardja ta’ titoli trasferibbli tad-DLT, it-traċċabbiltà tat-tranżazzjonijiet, azzjonijiet korporattivi, funzjonijiet ta’ rapportar u superviżjoni fil-livell tal-infrastruttura tas-suq tad-DLT;

(k)kwalunkwe rifjut minn awtorità kompetenti li tagħti permessi speċifiċi jew eżenzjonijiet skont l-Artikolu 7 u l-Artikolu 8, modifiki jew irtirar ta’ tali permessi speċifiċi jew eżenzjonijiet kif ukoll kwalunkwe miżura ta’ kumpens jew korrettiva; u

(l)kwalunkwe waqfien tan-negozju minn infrastruttura tas-suq tad-DLT u r-raġunijiet għal dan il-waqfien.

2.Abbażi tar-rapport imsemmi fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jinkludi analiżi kost-benefiċċji dwar jekk ir-reġim għall-infrastrutturi tas-suq tad-DLT skont dan ir-Regolament jenħtieġx li:

(a)jiġi estiż għal perjodu ieħor;

(b)jiġi estiż għal tipi oħra ta’ strumenti finanzjarji li jistgħu jinħarġu, jiġu rreġistrati, jiġu ttrasferiti jew jinħażnu f’DLT;

(c)jiġi emendat;

(d)isir permanenti b’emendi jew mingħajrhom; jew

(e)jintemm.

Fir-rapport tagħha, il-Kummissjoni tista’ tipproponi kwalunkwe modifika xierqa għall-qafas tal-Unjoni dwar il-leġiżlazzjoni tas-servizzi finanzjarji jew l-armonizzazzjoni tal-liġijiet nazzjonali li tiffaċilita l-użu tat-teknoloġija ta’ reġistru distribwit fis-settur finanzjarju kif ukoll kwalunkwe miżura meħtieġa biex issir it-tranżizzjoni tal-infrastrutturi tas-suq tad-DLT barra mir-reġim pilota.

Artikolu 11

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika minn … [jekk jogħġbok daħħl id-data 12-il xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament].

Fi żmien tliet xhur mid-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw l-awtoritajiet kompetenti tagħhom skont it-tifsira tal-Artikolu 2(21)(c), jekk ikun hemm, lill-ESMA u lill-Kummissjoni. L-ESMA għandha tippubblika lista ta’ dawn l-awtoritajiet kompetenti fis-sit web tagħha.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar Strateġija għall-Finanzi Diġitali għall-UE COM(2020)591
(2)    Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-swieq fil-kriptoassi u li jemenda d-Direttiva (UE) 2019/1937 – COM(2020)593
(3)    Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-reżiljenza operazzjonali diġitali għas-settur finanzjarju u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009, (UE) Nru 648/2012, (UE) Nru 600/2014 u (UE) Nru 909/2014 - COM(2020)595
(4)    Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi 2006/43/KE, 2009/65/KE, 2009/138/UE, 2011/61/UE, EU/2013/36, 2014/65/UE, (UE) 2015/2366 u EU/2016/2341 - COM(2020)596
(5)    Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar Pjan ta’ Azzjoni tal-FinTech, COM/2018/109 final, 08.03.2018
(6)    L-ESMA, Parir dwar “L-Offerti Inizjali tal-Muniti u l-Kriptoassi”, 2019; ir-rapport tal-EBA b’parir dwar il-kriptoassi, 2019.
(7)    L-ittra ta’ missjoni tal-President elett Von der Leyen lill-Viċi President Dombrovskis, l-10 ta’ Settembru 2019.
(8)    Dikjarazzjoni Konġunta tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Kunsill dwar l-“istablecoins”, il-5 ta’ Diċembru 2019.
(9)    https://www.europarl.europa.eu/doceo/document/ECON-PR-650539_EN.pdf.
(10)    Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE
(11)    Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi 2006/43/KE, 2009/65/KE, 2009/138/UE, 2011/61/UE, EU/2013/36, 2014/65/UE, (UE) 2015/2366 u EU/2016/2341 - COM(2020)596
(12)    Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-swieq fil-kriptoassi u li jemenda d-Direttiva (UE) 2019/1937 – COM(2020)593
(13)    Il-Kummissjoni Ewropea, Pjan ta’ Azzjoni tal-FinTech, COM/2018/109 final
(14)    L-ESMA, Parir dwar “L-Offerti Inizjali tal-Muniti u l-Kriptoassi”, 2019; ir-rapport tal-EBA b’parir dwar il-kriptoassi, 2019.
(15)    Il-President Ursula von der Leyen, Linji Gwida Politiċi għall-Kummissjoni Ewropea li jmiss, 2019-2024.
(16)    Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Insawru l-futur diġitali tal-Ewropa, COM(2020) 67 final.
(17)    Ir-Rakkomandazzjoni 7 tal-Forum ta’ Livell Għoli dwar ir-rapport finali tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali. ( https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/business_economy_euro/growth_and_investment/documents/200610-cmu-high-level-forum-final-report_en.pdf ). 
(18)    Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-Istrateġija tal-UE għall-Unjoni tas-Sigurtà, COM/2020/605 final, 24.07.2020
(19)    Valutazzjoni tal-Impatt li takkumpanja d-dokument Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-Swieq fil-Kriptoassi u li jemenda d-Direttiva (UE) 2019/1937 SWD(2020)380
(20)    https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/business_economy_euro/banking_and_finance/documents/2019-crypto-assets-consultation-document_en.pdf
(21)    Valutazzjoni tal-Impatt li takkumpanja d-dokument Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-Swieq fil-Kriptoassi u li jemenda d-Direttiva (UE) 2019/1937, SWD(2020)380
(22)    https://ec.europa.eu/info/publications/egbpi-meetings-2020_en
(23)    L-ESMA, Parir dwar “L-Offerti Inizjali tal-Muniti u l-Kriptoassi”, 2019; ir-rapport tal-EBA b’parir dwar il-kriptoassi, 2019.
(24)    Valutazzjoni tal-Impatt li takkumpanja d-dokument Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-Swieq fil-Kriptoassi u li jemenda d-Direttiva (UE) 2019/1937 SWD(2020) 380
(25)    Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE
(26)    Ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012
(27)    Ir-Regolament (UE) 2017/1129 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ f’suq regolat, u li jħassar id-Direttiva 2003/71/KE
(28)    Ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar titjib fis-saldu tat-titoli fl-Unjoni Ewropea u dwar depożitorji ċentrali tat-titoli u li jemenda d-Direttivi 98/26/KE u 2014/65/UE u r-Regolament (UE) Nru 236/2012
(29)    Id-Direttiva 98/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 1998 dwar finalità ta’ settlement fis-sistemi ta’ settlement ta’ pagamenti u titoli
(30)    ĠU C , , p. .
(31)    ĠU C […], […], p. […].
(32)    Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar Strateġija għall-Finanzi Diġitali għall-UE COM(2020)591
(33)    Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).
(34)    Ir-Regolament (UE) 2017/1129 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ f’suq regolat, u li jħassar id-Direttiva 2003/71/KE (ĠU L 168, 30.6.2017, p. 12)
(35)    Id-Direttiva 2013/50/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 li temenda d-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta’ trasparenza f’dak li għandu x’jaqsam ma’ informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat, id-Direttiva 2003/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2007/14/KE li tistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ xi dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/109/KE (ĠU L 294, 6.11.2013, p. 13)
(36)    Ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar l-abbuż tas-suq (Regolament dwar l-abbuż tas-suq) u li jħassar id-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttivi tal-Kummissjoni 2003/124/KE, 2003/125/KE u 2004/72/KE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 1)
(37)    Ir-Regolament (UE) Nru 236/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2012 dwar bejgħ bin-nieqes u ċerti aspetti tas-swaps ta’ inadempjenza tal-kreditu (ĠU L 86, 24.3.2012, p. 1).
(38)    Ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar titjib fis-saldu tat-titoli fl-Unjoni Ewropea u dwar depożitorji ċentrali tat-titoli u li jemenda d-Direttivi 98/26/KE u 2014/65/UE u r-Regolament (UE) Nru 236/2012 (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 1)
(39)    Id-Direttiva 98/26/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 1998 dwar finalità ta’ settlement fis-sistemi ta’ settlement ta’ pagamenti u titoli (ĠU L 166, 11.6.1998, p. 45).
(40)    L-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq, ir-Rapport b’parir dwar l-Offerti Inizjali tal-Muniti u l-Kriptoassi (ESMA50-157-1391)
(41)    Ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 84).
(42)    Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi 2006/43/KE, 2009/65/KE, 2009/138/UE, 2011/61/UE, EU/2013/36, 2014/65/UE, (UE) 2015/2366 u EU/2016/2341 - COM(2020)596
(43)    Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-swieq fil-kriptoassi u li jemenda d-Direttiva (UE) 2019/1937 – COM(2020)593
(44)    Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva UE/2013/36, id-Direttiva 2014/65/UE, id-Direttiva (UE) 2015/2366, id-Direttiva 2009/138/KE, id-Direttiva EU/2016/2341, id-Direttiva 2009/65/KE, id-Direttiva 2011/61/KE u d-Direttiva 2006/43/KE, - COM(2020)596
(45)    Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-swieq fil-kriptoassi u li jemenda d-Direttiva (UE) 2019/1937 – COM(2020)593
(46)    Ir-Rapport tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq b’parir dwar l-Offerti Inizjali tal-Muniti u l-Kriptoassi (ESMA50-157-1391)
(47)    Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi 2006/43/KE, 2009/65/KE, 2009/138/UE, 2011/61/UE, EU/2013/36, 2014/65/UE, (UE) 2015/2366 u EU/2016/2341 - COM(2020)596
(48)    Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).
(49)    Id-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (ĠU L 302, 17.11.2009, p. 32).
(50)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2157/2001 tat-8 ta’ Ottubru 2001 dwar l-Istatut ta’ Kumpanija Ewropea (SE)    ĠU L 294, 10.11.2001, p. 1-21
(51)    Id-Direttiva (UE) 2017/1132 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar ċerti aspetti tal-liġi dwar il-kumpaniji (ĠU L 169, 30.6.2017, p. 46)
(52)    Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-swieq fil-kriptoassi u li jemenda d-Direttiva (UE) 2019/1937 – COM(2020)593
(53)    Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi 2006/43/KE, 2009/65/KE, 2009/138/UE, 2011/61/UE, EU/2013/36, 2014/65/UE, (UE) 2015/2366 u EU/2016/2341 - COM(2020)596 - - COM(2020)596
(54)    Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi 2006/43/KE, 2009/65/KE, 2009/138/UE, 2011/61/UE, EU/2013/36, 2014/65/UE, (UE) 2015/2366 u EU/2016/2341 - COM(2020)596