Brussell, 10.9.2020

COM(2020) 568 final

2020/0259(COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar deroga temporanja minn ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-użu ta’ teknoloġiji minn fornituri tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri għall-ipproċessar ta’ data personali u data oħra għall-iskop tal-ġlieda kontra l-abbuż sesswali online


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Objettivi tal-proposta

Id-Direttiva 2002/58/KE (id-“Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika”) 1 tiżgura l-protezzjoni tal-ħajja privata, il-konfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet u d-data personali fis-settur tal-komunikazzjonijiet elettroniċi. Din timplimenta l-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (“il-Karta”) fid-dritt sekondarju tal-Unjoni.

Fil-21 ta’ Diċembru 2020, bid-dħul fis-seħħ tal-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (“KEKE”) 2 , id-definizzjoni ta’ servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi se tiġi sostitwita b’definizzjoni ġdida, li tinkludi s-servizzi tal-komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri. Għaldaqstant, minn dik id-data ’l quddiem, dawn is-servizzi se jkunu koperti mid-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika, li tiddependi fuq id-definizzjoni tal-KEKE. Din il-bidla tikkonċerna servizzi tal-komunikazzjonijiet bħas-servizzi tal-webmail, tal-messaġġi u t-telefonija tal-internet.

Ċerti fornituri tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri diġà qed jużaw teknoloġiji speċifiċi biex jidentifikaw u jirrapportaw l-abbuż sesswali tat-tfal fuq is-servizzi tagħhom lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u lill-organizzazzjonijiet li jaġixxu fl-interess pubbliku kontra l-abbuż sesswali tat-tfal u/jew biex ineħħu l-materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal. Dawn l-organizzazzjonijiet jirreferu għall-hotlines nazzjonali għar-rapportar ta’ materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal, kif ukoll għal organizzazzjonijiet li l-iskop tagħhom huwa li jnaqqsu l-isfruttament sesswali tat-tfal, u li jipprevjenu l-vittimizzazzjoni tat-tfal, li jinsabu kemm fl-UE kif ukoll f’pajjiżi terzi.

L-abbuż sesswali tat-tfal huwa reat partikolarment serju li għandu konsegwenzi mifruxa u serji tul il-ħajja tal-vittmi. Meta jagħmlu ħsara lit-tfal, dawn ir-reati jikkawżaw ukoll ħsara soċjali sinifikanti u fit-tul. Il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali tat-tfal hija prijorità għall-UE. Fl-24 ta’ Lulju 2020, il-Kummissjoni Ewropea adottat strateġija tal-UE għal ġlieda aktar effettiva kontra l-abbuż sesswali tat-tfal 3 , li għandha l-għan li tipprovdi rispons effettiv, fil-livell tal-UE, għar-reat tal-abbuż sesswali tat-tfal. Il-Kummissjoni ħabbret li se tipproponi l-leġiżlazzjoni meħtieġa biex tindirizza l-abbuż sesswali tat-tfal online b’mod effikaċi, inkluż billi tirrikjedi lill-fornituri tas-servizzi online rilevanti jidentifikaw materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal magħruf u tobbligahom jirrapportaw dan il-materjal lill-awtoritajiet pubbliċi sat-tieni kwart tal-2021. Il-leġiżlazzjoni mħabbra se tkun maħsuba biex tissostitwixxi dan ir-Regolament, billi ddaħħal fis-seħħ miżuri obbligatorji għall-identifikazzjoni u r-rapportar tal-abbuż sesswali tat-tfal, sabiex ikun hemm aktar ċarezza u ċertezza fil-ħidma tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi kif ukoll tal-atturi rilevanti fis-settur privat biex jiġi indirizzat l-abbuż online, filwaqt li jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-utenti, inkluż b’mod partikolari d-dritt għal-libertà tal-espressjoni u tal-opinjoni, il-protezzjoni ta’ data personali u l-privatezza, u tipprevedi mekkaniżmi li jiżguraw ir-responsabbiltà u t-trasparenza.

Il-fornituri tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi jridu jikkonformaw mal-obbligu tad-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika li jirrispettaw il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet u mal-kundizzjonijiet għall-ipproċessar tad-data tal-komunikazzjonijiet. Il-prattiki attwali ta’ xi servizzi tal-komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri biex jidentifikaw l-abbuż sesswali tat-tfal online jistgħu jinterferixxu ma’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika. Id-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika ma fihiex bażi legali espliċita għall-ipproċessar volontarju ta’ data dwar il-kontenut jew id-data dwar it-traffiku għall-iskop li jiġi identifikat l-abbuż sesswali tat-tfal online. Għaldaqstant, għas-servizzi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika, il-fornituri se jkunu jistgħu jkomplu japplikaw tali miżuri biss jekk l-Istati Membri jadottaw miżuri leġiżlattivi ġġustifikati abbażi tar-raġunijiet stabbiliti fl-Artikolu 15 ta’ dik id-Direttiva u li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ dik id-dispożizzjoni. Fin-nuqqas ta’ tali miżuri leġiżlattivi nazzjonali u sakemm tiġi adottata l-leġiżlazzjoni fit-tul imħabbra fl-Istrateġija tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Lulju 2020, il-fornituri tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri mhux se jkollhom bażi legali biex ikomplu jidentifikaw l-abbuż sesswali tat-tfal fuq is-servizzi tagħhom. Dawk l-attivitajiet volontarji għandhom rwol importanti biex jippermettu l-identifikazzjoni u s-salvataġġ tal-vittmi, u biex inaqqsu t-tixrid ulterjuri ta’ materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal, filwaqt li jikkontribwixxu wkoll għall-identifikazzjoni u l-investigazzjoni tad-delinkwenti, u għall-prevenzjoni ta’ reati ta’ abbuż sesswali tat-tfal.

Il-Kummissjoni tqis li huwa essenzjali li tittieħed azzjoni immedjata. Għaldaqstant, din il-proposta tippreżenta soluzzjoni leġiżlattiva interim limitata u mmirata bl-uniku objettiv li tinħoloq deroga temporanja u strettament limitata mill-applikabbiltà tal-Artikolu 5(1) u 6 tad-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika, li jipproteġu l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet u tad-data dwar it-traffiku. Din il-proposta tirrispetta d-drittijiet fundamentali, inklużi d-drittijiet għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data personali, filwaqt li tippermetti lill-fornituri tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri jkomplu jużaw teknoloġiji speċifiċi u jkomplu għaddejjin bl-attivitajiet attwali tagħhom sal-punt meħtieġ biex jidentifikaw u jirrapportaw l-abbuż sesswali tat-tfal online u jneħħu l-materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal mis-servizzi tagħhom, sakemm tiġi adottata l-leġiżlazzjoni fit-tul imħabbra. L-isforzi volontarji biex tiġi identifikata s-solleċitazzjoni tat-tfal għal skopijiet sesswali (“grooming”) iridu jkunu limitati wkoll għall-użu tat-teknoloġija eżistenti, tal-ogħla livell li tikkorrispondi għas-salvagwardji stabbiliti. Dan ir-Regolament jenħtieġ li jieqaf japplika f’Diċembru 2025. F’każ li l-leġiżlazzjoni fit-tul imħabbra tiġi adottata u tidħol fis-seħħ qabel din id-data, jenħtieġ li dik il-leġiżlazzjoni tħassar dan ir-Regolament.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-bażi ġuridika ta’ din il-proposta huma l-Artikolu 16 u l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”).

Peress li dan ir-Regolament jipprevedi deroga temporanja minn ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/58/KE, li ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 95 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, huwa xieraq li dan ir-Regolament jiġi adottat fuq il-bażi tad-dispożizzjoni korrispondenti tal-Artikolu 114 tat-TFUE. Barra minn hekk, mhux l-Istati Membri kollha adottaw miżuri leġiżlattivi f’konformità mal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika rigward l-użu ta’ teknoloġiji minn fornituri tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri għall-iskop tal-ġlieda kontra l-abbuż sesswali online, u l-adozzjoni ta’ tali miżuri tinvolvi riskju sinifikanti ta’ frammentazzjoni li x’aktarx taffettwa s-suq intern b’mod negattiv. Għaldaqstant, huwa xieraq li dan ir-Regolament jiġi adottat abbażi tal-Artikolu 114 tat-TFUE.

L-Artikolu 16 tat-TFUE jintroduċi bażi ġuridika speċifika għall-adozzjoni ta’ regoli relatati mal-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, mill-Istati Membri meta jkunu qed iwettqu attivitajiet li jaqgħu fl-ambitu tad-dritt tal-Unjoni, u regoli relatati mal-moviment liberu ta’ din id-data. Peress li komunikazzjoni elettronika li tinvolvi persuna fiżika tikkwalifika normalment bħala data personali, jenħtieġ li dan ir-Regolament ikun ibbażat ukoll fuq l-Artikolu 16 tat-TFUE.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà, l-azzjoni tal-UE tista’ tittieħed biss jekk l-għanijiet previsti ma jkunux jistgħux jintlaħqu mill-Istati Membri waħedhom. L-intervent tal-UE huwa meħtieġ biex tinżamm il-kapaċità tal-fornituri tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri biex b’mod volontarju jidentifikaw u jirrapportaw l-abbuż sesswali tat-tfal online u jneħħu l-materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal, kif ukoll biex jiżguraw qafas legali uniformi u koerenti għall-attivitajiet inkwistjoni fis-suq intern kollu. In-nuqqas ta’ azzjoni tal-Unjoni dwar din il-kwistjoni jirriskja li joħloq frammentazzjoni jekk l-Istati Membri jadottaw leġiżlazzjoni nazzjonali diverġenti. Flimkien ma’ dan, tali soluzzjonijiet nazzjonali probabbilment ma jkunux jistgħu jiġu adottati sal-21 ta’ Diċembru 2020 fl-Istati Membri kollha. Barra minn hekk, deroga għall-Unjoni kollha mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika għal ċerti attivitajiet ta’ pproċessar tista’ tiġi adottata biss permezz tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Għaldaqstant, l-objettiv ma jistax jintlaħaq b’mod effettiv minn kwalunkwe Stat Membru li jaġixxi waħdu, jew saħansitra mill-Istati Membri jekk dawn jaġixxu b’mod kollettiv.

Proporzjonalità

Il-proposta hija konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea billi l-proposta mhix se tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu l-objettivi stabbiliti. Din tintroduċi deroga mmirata u temporanja fir-rigward ta’ ċerti aspetti tal-bidliet fil-qafas attwali sabiex jiġi żgurat li ċerti miżuri jibqgħu permissibbli sal-punt li attwalment jikkonformaw mad-dritt tal-Unjoni. B’mod partikolari, din il-proposta toħloq deroga temporanja u strettament limitata mill-applikabbiltà tal-Artikolu 5(1) u 6 tad-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika, bl-għan uniku li tippermetti lill-fornituri tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri jkomplu jużaw teknoloġiji speċifiċi u jkomplu għaddejjin bl-attivitajiet attwali tagħhom sal-punt meħtieġ biex jidentifikaw u jirrapportaw l-abbuż sesswali tat-tfal online u jneħħu l-materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal mis-servizzi tagħhom, sakemm tiġi adottata l-leġiżlazzjoni fit-tul imħabbra. Din id-deroga mill-kamp ta’ applikazzjoni rivedut tad-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika trid tiġi interpretata b’mod strett, partikolarment peress li s-servizzi tal-komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri se jibqgħu soġġetti għad-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika fir-rigward tal-attivitajiet l-oħra kollha tagħhom. Għaldaqstant, il-proposta fiha salvagwardji li jiżguraw li t-teknoloġiji li jibbenefikaw mid-deroga jissodisfaw l-istandards tal-aħjar prattiki applikati attwalment, u b’hekk tillimita l-intrużività għall-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet u r-riskju ta’ ċirkomvenzjoni. Id-deroga hija limitata għal teknoloġiji użati regolarment minn servizzi tal-komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri għall-iskop tal-identifikazzjoni u r-rapportar tal-abbuż sesswali tat-tfal online u t-tneħħija ta’ materjal ta’ abbuż sesswali qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament u tiżgura li t-tipi ta’ teknoloġiji użati jkunu l-inqas intrużivi fir-rigward tal-privatezza f’konformità mat-teknoloġiji tal-ogħla livell fl-industrija. Jenħtieġ li l-fornituri jippubblikaw ukoll rapporti annwali dwar l-ipproċessar imwettaq. Id-durata tad-deroga hija limitata għall-perjodu ta’ żmien strettament meħtieġ biex tiġi adottata l-leġiżlazzjoni fit-tul.

Għażla tal-istrument

L-objettivi ta’ din il-proposta jistgħu jintlaħqu l-aħjar permezz ta’ Regolament. Dan se jiżgura l-applikabbiltà diretta tad-dispożizzjonijiet filwaqt li jiżgura wkoll approċċ uniformi u koerenti fis-suq intern kollu. Dan huwa ta’ importanza partikolari peress li l-azzjonijiet tal-kumpaniji għall-ġlieda kontra l-abbuż sesswali huma applikati b’mod uniformi fis-servizz kollu tagħhom; il-miżuri ta’ traspożizzjoni nazzjonali diverġenti jistgħu jkunu ta’ diżinċentiv fir-rigward tat-tkomplija tal-impenn volontarju. Barra minn hekk, jidher li Regolament biss se jkun jista’ jissodisfa d-data tad-dħul fis-seħħ tal-21 ta’ Diċembru.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Mhux applikabbli

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Mhux applikabbli

Ġbir u użu tal-għarfien espert

Mhux applikabbli

Valutazzjoni tal-impatt

Fid-dawl tal-objettiv tal-politika u n-natura tal-kwistjoni li hija sensittiva għall-ħin, ma hemm disponibbli l-ebda alternattiva oħra ta’ politika materjalment differenti, u għalhekk ma hija xierqa l-ebda valutazzjoni tal-impatt. B’mod partikolari, din il-miżura għandha l-ħsieb li tintroduċi deroga interim u strettament limitata mill-applikabbiltà tal-Artikolu 5(1) u 6 tad-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika biex tiżgura li l-fornituri tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri jkunu jistgħu jkomplu jużaw b’mod volontarju teknoloġiji speċifiċi biex jidentifikaw u jirrapportaw l-abbuż sesswali tat-tfal online fuq is-servizzi tagħhom wara l-20 ta’ Diċembru 2020, sakemm tiġi adottata l-leġiżlazzjoni fit-tul imħabbra. Il-leġiżlazzjoni fit-tul se tiġi proposta fit-tieni kwart tal-2021 kif imħabbar fl-istrateġija tal-UE għal ġlieda aktar effettiva kontra l-abbuż sesswali tat-tfal u se tkun akkumpanjata minn valutazzjoni tal-impatt.

Drittijiet fundamentali

Il-proposta tqis bis-sħiħ id-drittijiet u l-prinċipji fundamentali rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. B’mod partikolari, il-miżuri proposti jqisu li l-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jipproteġi d-dritt fundamentali ta’ kulħadd għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, tad-dar u tal-komunikazzjonijiet tiegħu jew tagħha, li jinkludi l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet. Flimkien ma’ dan, il-proposta tqis l-Artikolu 24(2) tal-Karta li jipprevedi li, fl-azzjonijiet kollha relatati mat-tfal, kemm jekk jittieħdu minn awtoritajiet pubbliċi jew minn istituzzjonijiet privati, l-aħjar interessi tat-tfal iridu jkunu kunsiderazzjoni primarja. Barra minn hekk, sa fejn l-ipproċessar tal-komunikazzjonijiet elettroniċi mis-servizzi tal-komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri għall-iskop uniku tal-identifikazzjoni u r-rapportar tal-abbuż sesswali tat-tfal online u t-tneħħija ta’ materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-deroga maħluqa minn din il-proposta, ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data, li jimplimenta l-Artikolu 8(1) tal-Karta fil-leġiżlazzjoni sekondarja, ikompli japplika għal tali pproċessar.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Din il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni fuq il-baġit tal-UE.

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

Mhux applikabbli

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

L-Artikolu 1 jiddefinixxi l-objettiv tal-proposta li tinħoloq deroga temporanja u strettament limitata mill-applikazzjoni ta’ ċerti obbligi tad-Direttiva 2002/58/KE, bl-objettiv uniku li tippermetti lill-fornituri tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri jkomplu jużaw it-teknoloġiji għall-ipproċessar tad-data personali u data oħra sal-punt meħtieġ biex jidentifikaw u jirrapportaw l-abbuż sesswali tat-tfal online u jneħħu l-materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal mis-servizzi tagħhom.

L-Artikolu 2 jirreferi għad-definizzjoni tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri fid-Direttiva (UE) 2018/1972 (Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet) u għad-definizzjonijiet fid-Direttiva 2011/93/UE dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament tat-tfal u l-pedopornografija, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/68/ĠAI.

L-Artikolu 3 jistabbilixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tad-deroga billi joħloq eżenzjoni limitata għall-obbligi stabbiliti mill-Artikoli 5(1) u 6 tad-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika għall-ipproċessar ta’ data personali u data oħra b’rabta mal-forniment tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri meħtieġa għall-użu tat-teknoloġija, inkluż, fejn meħtieġ, kwalunkwe rieżami uman relatat direttament mal-użu tat-teknoloġija, għall-iskop uniku tal-identifikazzjoni jew ir-rapportar tal-abbuż sesswali tat-tfal online lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u lill-organizzazzjonijiet li jaġixxu fl-interess pubbliku kontra l-abbuż sesswali tat-tfal kif ukoll it-tneħħija ta’ materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal, u jistabbilixxi lista ta’ kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ tali deroga.

L-Artikolu 4 jistabbilixxi d-dati għad-dħul fis-seħħ u l-applikazzjoni tar-Regolament u meta jew taħt liema kundizzjonijiet ma jibqax japplika r-Regolament.

2020/0259 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar deroga temporanja minn ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-użu ta’ teknoloġiji minn fornituri tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri għall-ipproċessar ta’ data personali u data oħra għall-iskop tal-ġlieda kontra l-abbuż sesswali online

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 16(2), flimkien mal-Artikolu 114(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 4 ,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 5 tistabbilixxi regoli li jiżguraw id-dritt għall-privatezza u l-kunfidenzjalità fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali fl-iskambji tad-data fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika. Dik id-Direttiva tittratta b’mod partikolari r-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 6 u tikkumplimentah.

(2) Id-Direttiva 2002/58/KE tapplika għall-ipproċessar ta’ data personali b’rabta mal-forniment ta’ servizzi tal-komunikazzjoni elettroniċi disponibbli pubblikament. Id-definizzjoni ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika attwalment tinsab fl-Artikolu 2, punt (ċ) tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 7 . Id-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 8 tħassar id-Direttiva 2002/21/KE b’effett mill-21 ta’ Diċembru 2020. Minn dik id-data ’l quddiem, id-definizzjoni ta’ servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi se tiġi sostitwita b’definizzjoni ġdida, fl-Artikolu 2(4) tad-Direttiva (UE) 2018/1972, li tinkludi s-servizzi tal-komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri kif definiti fl-Artikolu 2(7) ta’ dik id-Direttiva. Għaldaqstant, dawk is-servizzi, li jinkludu, pereżempju, il-vuċi fuq protokoll tal-internet, is-servizzi tal-messaġġi bil-webmail, se jkunu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/58/KE mill-21 ta’ Diċembru 2020.

(3)F’konformità mal-Artikolu 6(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-Unjoni tirrikonoxxi d-drittijiet, il-libertajiet u l-prinċipji stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. L-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (“il-Karta”) jipproteġu d-dritt fundamentali ta’ kulħadd għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, tad-dar u tal-komunikazzjonijiet tiegħu jew tagħha, li jinkludi l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet. L-Artikolu 8 tal-Karta fih id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali. L-Artikolu 24(2) tal-Karta jipprevedi li, fl-azzjonijiet kollha relatati mat-tfal, kemm jekk jittieħdu minn awtoritajiet pubbliċi jew minn istituzzjonijiet privati, l-aħjar interessi tat-tfal iridu jkunu kunsiderazzjoni primarja.

(4)L-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal jikkostitwixxu ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, b’mod partikolari tad-drittijiet tat-tfal li jiġu protetti minn kull forma ta’ vjolenza, abbuż, negliġenza, maltrattament jew sfruttament, inkluż l-abbuż sesswali, kif previst mill-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1989 dwar id-Drittijiet tat-Tfal u mill-Karta. Id-diġitalizzazzjoni ġabet magħha ħafna benefiċċji għas-soċjetà u għall-ekonomija, iżda ġabet magħha wkoll sfidi li jinkludu żieda fl-abbuż sesswali tat-tfal online. Il-protezzjoni tat-tfal online hija waħda mill-prijoritajiet tal-Unjoni. Fl-24 ta’ Lulju 2020, il-Kummissjoni adottat strateġija tal-UE għal ġlieda aktar effettiva kontra l-abbuż sesswali tat-tfal 9 (“l-Istrateġija”), li għandha l-għan li tipprovdi rispons effettiv, fil-livell tal-Unjoni, għar-reat tal-abbuż sesswali tat-tfal.

(5)Ċerti fornituri tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri, bħas-servizzi tal-messaġġi bil-webmail, diġà qed jużaw teknoloġiji speċifiċi biex jidentifikaw u jirrapportaw l-abbuż sesswali tat-tfal online lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u lill-organizzazzjonijiet li jaġixxu fl-interess pubbliku kontra l-abbuż sesswali tat-tfal, u/jew biex ineħħu l-materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal, fuq bażi volontarja. Dawk l-organizzazzjonijiet jirreferu għall-hotlines nazzjonali għar-rapportar ta’ materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal, kif ukoll għal organizzazzjonijiet li l-iskop tagħhom huwa li jnaqqsu l-isfruttament sesswali tat-tfal, u li jipprevjenu l-vittimizzazzjoni tat-tfal, li jinsabu kemm fl-Unjoni kif ukoll f’pajjiżi terzi. Kollettivament, dawk l-attivitajiet volontarji għandhom rwol importanti fl-iffaċilitar tal-identifikazzjoni u s-salvataġġ tal-vittmi, u biex inaqqsu t-tixrid ulterjuri ta’ materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal, filwaqt li jikkontribwixxu wkoll għall-identifikazzjoni u l-investigazzjoni tad-delinkwenti, u għall-prevenzjoni ta’ reati ta’ abbuż sesswali tat-tfal.

(6)Sal-20 ta’ Diċembru 2020, l-ipproċessar ta’ data personali mill-fornituri tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri permezz ta’ miżuri volontarji għall-iskop tal-identifikazzjoni u tar-rapportar tal-abbuż sesswali tat-tfal online u t-tneħħija ta’ materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal huwa rregolat mir-Regolament (UE) 2016/679.

(7)Id-Direttiva 2002/58/KE ma fiha l-ebda dispożizzjoni speċifika dwar l-ipproċessar tad-data personali u data oħra b’rabta mal-forniment tas-servizzi tal-komunikazzjoni elettronika għall-iskop tal-identifikazzjoni u r-rapportar tal-abbuż sesswali tat-tfal online u t-tneħħija ta’ materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal. Madankollu, skont l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58/KE, l-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġiżlattivi biex jirrestrinġu l-kamp ta’ applikazzjoni tad-drittijiet u l-obbligi previsti, fost l-oħrajn, fl-Artikoli 5 u 6 ta’ dik id-Direttiva, li jikkonċernaw il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet u d-data dwar it-traffiku, għall-iskop tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, l-identifikazzjoni u l-prosekuzzjoni tar-reati kriminali marbuta mal-abbuż sesswali tat-tfal. Fin-nuqqas ta’ tali miżuri leġiżlattivi, u sakemm jiġi adottat qafas legali ġdid aktar fit-tul biex jiġi indirizzat b’mod effettiv l-abbuż sesswali tat-tfal fil-livell tal-Unjoni kif imħabbar fl-Istrateġija, ma jkun hemm l-ebda bażi legali għall-fornituri tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri biex ikomplu jidentifikaw u jirrapportaw l-abbuż sesswali tat-tfal online u jneħħu l-materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal mis-servizzi tagħhom lil hinn mill-21 ta’ Diċembru 2020.

(8)Għaldaqstant, dan ir-Regolament jipprevedi deroga temporanja mill-Artikolu 5(1) u l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2002/58/KE, li tipproteġi l-konfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet u tad-data dwar it-traffiku. Peress li d-Direttiva 2002/58/KE ġiet adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, huwa xieraq li dan ir-Regolament jiġi adottat fuq l-istess bażi legali. Barra minn hekk, mhux l-Istati Membri kollha adottaw miżuri leġiżlattivi fil-livell nazzjonali biex jirrestrinġu l-kamp ta’ applikazzjoni tad-drittijiet u l-obbligi previsti f’dawk id-dispożizzjonijiet f’konformità mal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58/KE, u l-adozzjoni ta’ tali miżuri tinvolvi riskju sinifikanti ta’ frammentazzjoni li x’aktarx taffettwa s-suq intern b’mod negattiv.

(9)Billi l-komunikazzjonijiet elettroniċi li jinvolvu lill-persuni fiżiċi jikkwalifikaw normalment bħala data personali, jenħtieġ li dan ir-Regolament ikun ibbażat ukoll fuq l-Artikolu 16 tat-TFUE, li jipprovdi bażi ġuridika speċifika għall-adozzjoni ta’ regoli relatati mal-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u mill-Istati Membri meta jkunu qed iwettqu attivitajiet li jaqgħu fl-ambitu tad-dritt tal-Unjoni, u regoli relatati mal-moviment liberu ta’ din id-data.

(10)Sa fejn l-ipproċessar ta’ data personali b’rabta mal-forniment ta’ servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi minn servizzi tal-komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri għall-iskop uniku tal-identifikazzjoni u r-rapportar tal-abbuż sesswali tat-tfal online u t-tneħħija tal-materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-deroga prevista minn dan ir-Regolament, ir-Regolament (UE) 2016/679 japplika għal tali proċessar, inkluż ir-rekwiżit li titwettaq valutazzjoni tal-impatt tal-operazzjonijiet tal-ipproċessar previsti fejn xieraq skont l-Artikolu 35 ta’ dak ir-Regolament qabel l-iskjerament tat-teknoloġiji kkonċernati.

(11)Billi l-objettiv uniku ta’ dan ir-Regolament huwa li jippermetti l-kontinwazzjoni ta’ ċerti attivitajiet eżistenti mmirati lejn il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali tat-tfal online, id-deroga prevista minn dan ir-Regolament jenħtieġ li tkun limitata għal teknoloġija stabbilita sew li tintuża regolarment minn servizzi tal-komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri għall-iskop tal-identifikazzjoni u r-rapportar tal-abbuż sesswali tat-tfal online u t-tneħħija tal-materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Ir-referenza għat-teknoloġija tinkludi fejn meħtieġ kwalunkwe rieżami uman relatat direttament mal-użu tat-teknoloġija u s-sorveljanza tagħha. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-użu tat-teknoloġija inkwistjoni jkun komuni fl-industrija, mingħajr ma jkun meħtieġ neċessarjament li l-fornituri kollha jużaw it-teknoloġija u mingħajr ma jipprekludi l-evoluzzjoni ulterjuri tat-teknoloġija b’mod li jiffavorixxi l-privatezza. F’dan ir-rigward, jenħtieġ li jkun immaterjali jekk fornitur partikolari li jfittex li jistrieħ fuq din id-deroga jkunx diġà juża jew le tali teknoloġija fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. It-tipi ta’ teknoloġiji użati jenħtieġ li jkunu l-inqas intrużivi possibbli għall-privatezza f’konformità mal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku u jenħtieġ li ma jkunux jinkludu ffiltrar u skennjar sistematiċi ta’ komunikazzjonijiet li fihom it-test, iżda li jħarsu biss lejn komunikazzjonijiet speċifiċi f’każ ta’ elementi konkreti ta’ suspett ta’ abbuż sesswali tat-tfal.

(12)Sabiex jiġu żgurati l-akkuratezza u l-affidabilità kemm jista’ jkun, it-teknoloġija użata, f’konformità mal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku fl-industrija, jenħtieġ li tkun tali li tillimita r-rata ta’ żball tal-pożittivi foloz sal-limitu massimu possibbli u, fejn meħtieġ, li tirrettifika mingħajr dewmien kwalunkwe żbalji bħal dawn li jistgħu jseħħu xorta waħda.

(13)Id-data personali u data oħra użata fit-twettiq tal-attivitajiet koperti mid-deroga stabbilita f’dan ir-Regolament, kif ukoll il-perjodu li matulu tinżamm id-data sussegwentement f’każ ta’ riżultati pożittivi, jenħtieġ li jiġu minimizzati sabiex jiġi żgurat li d-deroga tibqa’ limitata għal dak li huwa strettament meħtieġ.

(14)Sabiex jiġu żgurati t-trasparenza u r-responsabbiltà fir-rigward tal-attivitajiet imwettqa skont id-deroga, il-fornituri jenħtieġ li jippubblikaw rapporti fuq bażi annwali dwar l-ipproċessar li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, inkluż dwar it-tip u l-volumi tad-data pproċessata, l-għadd ta’ każijiet identifikati, il-miżuri applikati biex jintgħażlu u jittejbu l-indikaturi ewlenin, in-numri u l-proporzjonijiet tal-iżbalji (pożittivi foloz) tat-teknoloġiji differenti użati, il-miżuri applikati biex jiġu limitati r-rata ta’ żball u r-rata ta’ żball miksuba, il-politika taż-żamma u s-salvagwardji tal-protezzjoni tad-data applikati.

(15)Dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sabiex jiġi żgurat li jkun applikabbli mill-21 ta’ Diċembru 2020.

(16)Dan ir-Regolament jirrestrinġi d-dritt għall-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet u jidderoga mid-deċiżjoni meħuda fid-Direttiva (UE) 2018/1972 biex is-servizzi tal-komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri jiġu soġġetti għall-istess regoli bħas-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi l-oħrajn kollha fir-rigward tal-privatezza. Għaldaqstant, il-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li jiġi limitat sal-31 ta’ Diċembru 2025, jiġifieri għal perjodu ta’ żmien raġonevolment meħtieġ għall-adozzjoni ta’ qafas legali ġdid fit-tul, b’salvagwardji aktar elaborati. F’każ li l-leġiżlazzjoni fit-tul imħabbra tiġi adottata u tidħol fis-seħħ qabel din id-data, jenħtieġ li dik il-leġiżlazzjoni tħassar dan ir-Regolament.

(17)Il-fornituri tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri jenħtieġ li jkunu soġġetti għall-obbligi speċifiċi stabbiliti fid-Direttiva 2002/58/KE fir-rigward ta’ kwalunkwe attività oħra li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

(18)L-objettiv ta’ dan ir-Regolament huwa li tinħoloq deroga temporanja minn ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2002/58/KE mingħajr ma tinħoloq frammentazzjoni fis-Suq Intern. Barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni nazzjonali probabbilment ma tkunx tista’ tiġi adottata fil-ħin fl-Istati Membri kollha. Billi dan l-objettivi ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jista’ jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit fl-istess Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu dawk l-għanijiet. Huwa jintroduċi deroga temporanja u strettament limitata mill-applikabbiltà tal-Artikoli 5(1) u 6 tad-Direttiva 2002/58/KE, b’serje ta’ salvagwardji biex jiġi żgurat li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ għall-kisba tal-objettivi stabbiliti.

(19)Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat skont l-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 10 u ta l-opinjoni tiegħu fi […],

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli temporanji u strettament limitati li jidderogaw mill-applikazzjoni ta’ ċerti obbligi stabbiliti fid-Direttiva 2002/58/KE, bl-objettiv uniku li jippermetti lill-fornituri tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri jkomplu jużaw it-teknoloġiji għall-ipproċessar tad-data personali u data oħra sal-punt meħtieġ biex jidentifikaw u jirrapportaw l-abbuż sesswali tat-tfal online u jneħħu l-materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal mis-servizzi tagħhom.

 

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1) “servizz tal-komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri” jfisser servizz kif definit fl-Artikolu 2(7) tad-Direttiva (UE) 2018/1972;

(2) “abbuż sesswali tat-tfal” tfisser:

(a) materjal li jikkostitwixxi pedopornografija kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (ċ) tad-Direttiva 2011/93/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;

(b) is-solleċitazzjoni tat-tfal għall-iskop tal-involviment sesswali mat-tfal jew għall-produzzjoni ta’ pedopornografija permezz ta’ kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin: 

(i) l-ingannar tat-tfal bl-għoti ta’ rigali jew vantaġġi oħra;

(ii) it-theddid tat-tfal b’konsegwenza negattiva li x’aktarx ikollha impatt sinifikanti fuq it-tfal;

(iii) il-preżentazzjoni lit-tfal b’materjali pornografiċi jew li dawn jiġi magħmula disponibbli għat-tfal.

(c) “prestazzjoni pornografika” kif definita fl-Artikolu 2(e) tad-Direttiva 2011/93/UE.

Artikolu 3
Kamp ta’ applikazzjoni tad-deroga

L-obbligi speċifiċi stabbiliti fl-Artikolu 5(1) u l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2002/58/KE m’għandhomx japplikaw għall-ipproċessar ta’ data personali u data oħra b’rabta mal-forniment tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri li jkunu strettament meħtieġa għall-użu tat-teknoloġija għall-iskop uniku li jitneħħa l-materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal u li jiġi identifikat jew irrapportat l-abbuż sesswali tat-tfal online lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u lill-organizzazzjonijiet li jaġixxu fl-interess pubbliku kontra l-abbuż sesswali tat-tfal, sakemm:

(a)l-ipproċessar ikun proporzjonat u limitat għal teknoloġiji stabbiliti sew li jintużaw b’mod regolari mill-fornituri tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet interpersonali indipendenti min-numri għal dak il-għan qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, u li jkunu f’konformità mal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku użat fl-industrija u jkunu l-inqas intrużivi possibbli għall-privatezza;

(b)it-teknoloġija użata tkun fiha nnifisha affidabbli biżżejjed fis-sens li tillimita kemm jista’ jkun ir-rata tal-iżbalji fir-rigward tal-identifikazzjoni ta’ kontenut li jirrappreżenta l-abbuż sesswali tat-tfal, u fejn iseħħu tali żbalji okkażjonali, il-konsegwenzi tagħhom jiġu rettifikati mingħajr dewmien;

(c)it-teknoloġija użata għall-identifikazzjoni tas-solleċitazzjoni tat-tfal tkun limitata għall-użu tal-indikaturi ewlenin rilevanti, bħal kliem ewlieni u fatturi ta’ riskju identifikati b’mod oġġettiv bħad-differenza fl-età, mingħajr preġudizzju għad-dritt għal rieżami uman;

(d)l-ipproċessar huwa limitat għal dak li huwa strettament meħtieġ għall-iskop tal-identifikazzjoni u r-rapportar tal-abbuż sesswali tat-tfal online u t-tneħħija tal-materjal ta’ abbuż sesswali tat-tfal u, sakemm ma jiġix identifikat abbuż sesswali tat-tfal online li jiġi kkonfermat bħala tali, dan għandu jitħassar immedjatament;

(e)il-fornitur jippubblika rapport annwali dwar l-ipproċessar relatat tiegħu, inkluż dwar it-tip u l-volumi ta’ data proċessata, l-għadd ta’ każijiet identifikati, il-miżuri applikati biex jintgħażlu u jittejbu l-indikaturi ewlenin, in-numri u l-proporzjonijiet tal-iżbalji (pożittivi foloz) tat-teknoloġiji differenti użati, il-miżuri applikati biex jiġu limitati r-rata ta’ żball u r-rata ta’ żball miksuba, il-politika taż-żamma u s-salvagwardji tal-protezzjoni tad-data applikati.

Fir-rigward tal-punt (d), fejn ikun ġie identifikat l-abbuż sesswali tat-tfal online u jkun ġie kkonfermat bħala tali, id-data rilevanti tista’ tinżamm biss għall-finijiet li ġejjin u għall-perjodu ta’ żmien meħtieġ biss:

għar-rappurtar tiegħu u biex iwieġeb għal talbiet proporzjonati mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u minn awtoritajiet pubbliċi rilevanti oħra;

għall-imblukkar tal-kont tal-utent ikkonċernat;

fir-rigward tad-data identifikata b’mod affidabbli bħala pedopornografija, għall-ħolqien ta’ firma diġitali unika, mhux konvertibbli mill-ġdid (“hash”).

Artikolu 4
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-21 ta’ Diċembru 2020 sal-31 ta’ Diċembru 2025.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar ta’ data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjonijiet elettroniċi), (ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37).
(2)    Id-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (riformulazzjoni) (ĠU L 321, 17.12.2018, p. 36–214).
(3)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Strateġija tal-UE għal ġlieda aktar effettiva kontra l-abbuż sesswali tat-tfal, 24.7.2020 COM(2020) 607 final.
(4)    ĠU C , , p. .
(5)    Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37).
(6)    Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).
(7)    Id-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru) (ĠU L 108, 24.4.2002, p. 33).
(8)    Id-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (ĠU L 321, 17.12.2018, p. 36).
(9)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Strateġija tal-UE għal ġlieda aktar effettiva kontra l-abbuż sesswali tat-tfal, 24.7.2020 COM(2020) 607 final.
(10)    Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill‐istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU C 20, 21.1.2019, p. 1).