Brussell, 25.8.2020

COM(2020) 473 final

2020/0227(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

għall-għoti ta’ appoġġ temporanju skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/672 lill-Portugall biex jittaffew ir-riskji tal-qgħad f’sitwazzjoni ta’ emerġenza wara t-tifqigħa tal-COVID-19


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Ir-Regolament tal-Kunsill 2020/672 (“ir-Regolament SURE”) jistabbilixxi l-qafas legali għall-għoti ta’ assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-Istati Membri, li qed jesperjenzaw taqlib ekonomiku sever ikkawżat mit-tifqigħa tal-COVID-19, jew huma mhedda serjament minn tali taqlib. L-appoġġ bis-saħħa ta’ SURE jservi għall-finanzjament, primarjament, ta’ skemi ta’ xogħol għal żmien qasir jew miżuri simili mmirati biex jipproteġu l-impjegati u dawk li jaħdmu għal rashom u b’hekk inaqqsu l-inċidenza tal-qgħad u t-telf tad-dħul, kif ukoll għall-finanzjament, bħala anċillari, ta’ xi miżuri relatati mas-saħħa, b’mod partikolari fuq il-post tax-xogħol.

Fis-7 ta’ Awwissu 2020, il-Portugall talab assistenza finanzjarja mill-Unjoni skont ir-Regolament SURE. F’konformità mal-Artikolu 6(2) tar-Regolament SURE, il-Kummissjoni kkonsultat lill-awtoritajiet Portugiżi biex tivverifika ż-żieda għal għarrieda u qawwija fin-nefqa attwali u ppjanata direttament relatata ma’ skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili kif ukoll miżuri relatati mas-saħħa, kawża tal-pandemija tal-COVID-19. B’mod partikolari, dan jikkonċerna:

(1)miżura li tappoġġa ż-żamma tal-kuntratti ta’ xogħol permezz tal-interruzzjoni temporanja tax-xogħol jew bit-tnaqqis tal-ħin tax-xogħol normali stabbilit fil-Kodiċi tax-Xogħol tal-Portugall. Il-miżura tipprovdi benefiċċju lid-ditti eliġibbli biex ikopru 70 % tal-kumpens tal-impjegati, bil-kumpens tal-impjegati jkun ekwivalenti għal żewġ terzi tas-salarju gross normali tagħhom. Il-korrezzjoni ta’ żewġ terzi hija soġġetta għal limitu aktar baxx ekwivalenti għas-salarju minimu nazzjonali u limitu massimu ekwivalenti għal tliet darbiet is-salarju minimu nazzjonali. Id-ditti eliġibbli jridu jkunu ssospendew l-attività kummerċjali tagħhom jew ikunu qed jesperjenzaw telf sinifikanti fid-dħul.

(2)l-appoġġ speċjali ġdid u simplifikat għaż-żamma tal-kuntratti ta’ xogħol permezz tal-interruzzjoni temporanja tax-xogħol jew bit-tnaqqis tal-ħin tax-xogħol normali. Din il-miżura hija simili għall-miżura msemmija fil-punt (1) iżda għandha proċeduri simplifikati biex tippermetti aċċess aktar mgħaġġel għall-fondi. Il-miżura tipprovdi benefiċċju lid-ditti eliġibbli biex ikopru 70 % tal-kumpens tal-impjegati, bil-kumpens tal-impjegati jkun ekwivalenti għal żewġ terzi tas-salarju gross normali tagħhom, kif ukoll l-eżenzjoni mill-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali tal-impjegatur. Il-korrezzjoni ta’ żewġ terzi hija soġġetta għal limitu aktar baxx ekwivalenti għas-salarju minimu nazzjonali u limitu massimu ekwivalenti għal tliet darbiet is-salarju minimu nazzjonali. Id-ditti eliġibbli jridu jkunu ssospendew l-attività kummerċjali tagħhom jew esperjenzaw telf fid-dħul ta’ mill-inqas 40 % fil-perjodu ta’ 30 jum qabel it-talba għal appoġġ, meta mqabbel mal-istess xahar tas-sena ta’ qabel jew mal-medja fix-xahar tax-xahrejn qabel dak il-perjodu. Il-miżura ġiet estiża diversi drabi inkluż bir-reviżjoni tal-kalkolu tal-kumpens tal-impjegati għal 80 % tas-salarju gross normali tagħhom u l-introduzzjoni tat-twaqqif gradwali tal-eżonerazzjoni tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali tad-ditti benefiċjarji.

(3)f’każijiet fejn id-ditti huma fi kriżi minħabba t-tifqigħa tal-COVID-19, qed jibbenefikaw minn miżuri msemmija fil-punti (1) jew (2) u għandhom programm tat-taħriġ approvat mis-servizzi pubbliċi nazzjonali tal-impjiegi u tat-taħriġ, fil-qafas ta’ programmi vokazzjonali speċjali, l-impjegati u l-kumpaniji jistgħu jibbenefikaw, minflok tnaqqis tal-ħin tax-xogħol, minn kumpens għat-taħriġ biex ikopru s-sostituzzjoni tal-introjtu, kif ukoll il-kostijiet marbuta għat-taħriġ, li jrid isir matul il-ħinijiet tax-xogħol.

(4)appoġġ speċjali għad-ditti biex l-attività tan-negozju terġa’ tibda. Sabiex jiffaċilitaw it-tranżizzjoni lura għax-xogħol u jiffaċilitaw iż-żamma tal-impjiegi, id-ditti li l-impjegati tagħhom ibbenefikaw mill-miżuri msemmija fil-punt (1) jew (2) jistgħu jirċievu benefiċċju ekwivalenti għas-salarju minimu nazzjonali għal kull impjegat rilevanti mħallas f’pagament wieħed, jew għal darbtejn is-salarju minimu nazzjonali għal kull impjegat imħallas b’mod gradwali fuq perjodu ta’ sitt xhur. Meta l-appoġġ jingħata b’mod gradwali, id-ditti jibbenefikaw ukoll minn eżenzjoni parzjali ta’ 50 % fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali tal-impjegatur rispettiv b’referenza għall-impjegati rilevanti.

(5)suppliment għall-istabbilizzazzjoni tal-introjtu għall-impjegati li jibbenefikaw mill-miżuri msemmija fil-punt (1) jew (2). L-impjegati eliġibbli huma dawk li, b’referenza għal Frar 2020, is-salarju tagħhom ma kienx jaqbeż darbtejn is-salarju minimu nazzjonali. L-impjegati jirċievu benefiċċju ekwivalenti għad-differenza bejn is-salarju gross ta’ Frar 2020 u dak tal-perjodu li fih l-impjegat kien kopert minn xi waħda miż-żewġ skemi ta’ appoġġ imsemmija hawn fuq, b’livell limitu ta’ EUR 100 u limitu massimu ta’ EUR 351.

(6)appoġġ speċjali għal dawk li jaħdmu għal rashom, ħaddiema informali u s-soċji maniġerjali. Il-miżura tipprovdi benefiċċju ta’ kull xahar ugwali għall-introjtu rreġistrat tal-individwi, b’limitu massimu ta’ EUR 438,81 meta l-introjtu jkun inqas minn EUR 658,21, jew għal żewġ terzi tal-introjtu rreġistrat tal-individwi b’limitu massimu ta’ EUR 438,81 meta l-introjtu jkun akbar minn EUR 658,21. Limitu inizjali ta’ EUR 219,41 kien applikat għall-ammont globali ta’ appoġġ ta’ kull xahar bejn it-13 ta’ Marzu u t-30 ta’ Ġunju 2020. Il-persuni eliġibbli huma l-individwi li ssospendew l-attività kummerċjali tagħhom jew li qed jesperjenzaw telf fid-dħul ta’ mill-inqas 40 % fil-perjodu ta’ 30 jum qabel it-talba għal appoġġ, meta mqabbel mal-istess xahar tas-sena ta’ qabel jew mal-medja fix-xahar tax-xahrejn qabel dak il-perjodu.

(7)benefiċċju tal-familja għall-impjegati li ma jistgħux jaħdmu minħabba l-ħtieġa li jassistu lil uliedhom taħt it-12-il sena jew persuni dipendenti oħra. Il-miżura tipprovdi benefiċċju li jkopri 50 % tal-kumpens tal-impjegati. Bħala regola, il-kumpens tal-impjegati jikkorrispondi għal żewġ terzi tas-salarju gross normali, b’limitu aktar baxx ekwivalenti għas-salarju minimu nazzjonali u limitu massimu ekwivalenti għal tliet darbiet is-salarju minimu nazzjonali.

(8)appoġġ speċjali għaż-żamma tal-kuntratti ta’ impjieg ta’ min iħarreġ fid-dawl tal-kanċellazzjoni ta’ taħriġ vokazzjonali. L-appoġġ pubbliku jikkonsisti f’benefiċċju li jkopri s-salarju ta’ min iħarreġ, minkejja li t-taħriġ vokazzjonali mhux qed isir.

(9)numru ta’ miżuri reġjonali relatati mal-impjiegi fir-Reġjun Awtonomu tal-Azores. Il-miżuri speċifiċi li jinkludu pagament supplimentari reġjonali fuq skemi nazzjonali, jiġifieri fuq xogħol b’ħinijiet iqsar, appoġġ għal dawk li jaħdmu għal rashom u għal ditti bil-għan li jerġgħu jibdew attività kummerċjali, huma maħsuba biex jippreservaw l-impjiegi fl-Azores waqt it-tifqigħa tal-COVID-19. L-appoġġ fil-qafas tal-miżuri jiddependi fuq iż-żamma tal-kuntratti ta’ xogħol u fuq it-tkomplija tal-attività kummerċjali.

(10)numru ta’ miżuri reġjonali relatati mal-impjiegi fir-Reġjun Awtonomu ta’ Madeira. Il-miżuri speċifiċi li jinkludu pagament supplimentari reġjonali fuq skemi nazzjonali, jiġifieri fuq xogħol b’ħinijiet iqsar, appoġġ għal dawk li jaħdmu għal rashom u għal ditti bil-għan li jerġgħu jibdew attività kummerċjali, huma maħsuba biex jippreservaw l-impjiegi fl-Azores waqt it-tifqigħa tal-COVID-19. L-appoġġ fil-qafas tal-miżuri jiddependi fuq iż-żamma tal-kuntratti ta’ xogħol u fuq it-tkomplija tal-attività kummerċjali.

(11)benefiċċju għall-impjegati u għal dawk li jaħdmu għal rashom li bħalissa ma jistgħux jeżerċitaw l-attività professjonali tagħhom minħabba li jinsabu f’iżolament profilattiku. Dawn il-ħaddiema għandhom dritt għal benefiċċju ekwivalenti għas-salarju bażiku tagħhom.

(12)benefiċċju tal-mard wara infezzjoni bil-COVID-19. Imqabbel mal-iskema standard tal-Portugall tal-benefiċċju tal-mard, l-għoti tal-benefiċċju tal-mard tal-COVID-19 mhuwiex soġġett għal perjodu ta’ stennija. L-appoġġ pubbliku jikkonsisti f’benefiċċju ugwali għas-salarju gross.

(13)ix-xiri ta’ tagħmir protettiv personali biex jintuża fuq il-post tax-xogħol, speċjalment fi sptarijiet pubbliċi, fil-ministeri kompetenti, il-muniċipalitajiet u r-reġjuni awtonomi tal-Azores u ta’ Madeira bħala miżura relatata mas-saħħa.

(14)kampanja ta’ iġjene fl-iskejjel bil-għan li jiġi żgurat ir-ritorn sikur għax-xogħol tal-lekċerers, ta’ membri oħra tal-persunal u tal-istudenti.

(15)l-ittestjar rigward infezzjoni bil-COVID-19 għall-pazjenti stazzjonarji u l-ħaddiema ta’ sptarijiet pubbliċi, kif ukoll għall-impjegati tad-djar tal-kura u tal-faċilitajiet tat-tħaris tat-tfal.

(16)kumpens speċjali għall-ħaddiema fis-Servizz Nazzjonali tas-Saħħa li huma involuti fil-ġlieda kontra t-tifqigħa tal-COVID-19. Dan jikkonsisti f’bonus għall-prestazzjoni, li jitħallas darba biss, korrispondenti għal ammont ekwivalenti għal 50 % tas-salarju gross normali tal-impjegat.

Il-Portugall ipprovda l-informazzjoni rilevanti lill-Kummissjoni.

Wara li qieset l-evidenza disponibbli, il-Kummissjoni qed tipproponi li l-Kunsill jadotta Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni biex tingħata assistenza finanzjarja lill-Portugall bis-saħħa tar-Regolament SURE b’appoġġ għall-miżuri ta’ hawn fuq.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Il-proposta preżenti hija kompletament konsistenti mar-Regolament tal-Kunsill 2020/672, li bis-saħħa tiegħu qed issir il-proposta.

Din il-proposta ġejja apparti strument ieħor tal-liġi tal-Unjoni li jipprovdi appoġġ lill-Istati Membri f’każ ta’ emerġenza, jiġifieri r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta’ Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (FSUE) (“ir-Regolament (KE) Nru 2012/2002”). Ir-Regolament (UE) 2020/461 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li jemenda dak l-istrument biex jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu biex ikopri emerġenzi kbar ta’ saħħa pubblika u jiddefinixxi operazzjonijiet speċifiċi eliġibbli għall-finanzjament, ġie adottat fit-30 ta’ Marzu.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Il-proposta hija parti minn firxa ta’ miżuri żviluppati b’rispons għall-pandemija attwali tal-COVID-19 bħall-“Inizjattiva ta’ Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus”, u tikkomplementa strumenti oħra li jappoġġaw l-impjiegi bħall-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS)/InvestEU. Bl-użu ta’ għoti u teħid b’self f’dan il-każ partikolari tat-tifqigħa tal-COVID-19 għall-appoġġ tal-Istati Membri, din il-proposta taġixxi bħala t-tieni linja ta’ difiża biex jiġu ffinanzjati skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili, biex jiġu protetti l-impjiegi u b’hekk l-impjegati u l-persuni li jaħdmu għal rashom kontra r-riskju tal-qgħad.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-bażi ġuridika għal dan l-istrument hija r-Regolament tal-Kunsill 2020/672.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva) 

Il-proposta ssegwi talba tal-Istati Membri u turi solidarjetà Ewropea billi tipprovdi assistenza finanzjarja tal-Unjoni fil-forma ta’ self temporanju lil Stat Membru affettwat mit-tifqigħa tal-COVID-19. Bħala t-tieni linja ta’ difiża, tali assistenza finanzjarja tappoġġja ż-żieda fin-nefqa pubblika tal-gvern fuq bażi temporanja fir-rigward tal-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili biex tgħinhom jipproteġu l-impjiegi u b’hekk lill-impjegati u lill-persuni li jaħdmu għal rashom kontra r-riskju ta’ qgħad u t-telf ta’ introjtu.

Tali appoġġ se jgħin lill-popolazzjoni affettwata u jgħin biex itaffi l-impatt soċjali u ekonomiku dirett ikkawżat mill-kriżi attwali tal-COVID-19.

Proporzjonalità

Il-proposta tosserva l-prinċipju tal-proporzjonalità. Ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkisbu l-għanijiet tal-istrument.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Minħabba l-urġenza biex titħejja l-proposta u biex tkun tista’ tiġi adottata fil-ħin mill-Kunsill, ma setgħetx titwettaq konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati.

Valutazzjoni tal-impatt

Minħabba n-natura urġenti tal-proposta, ma saret l-ebda valutazzjoni tal-impatt.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ tikkuntratta self fis-swieq finanzjarji bil-għan li tisilfu lill-Istat Membru li jkun qed jitlob assistenza finanzjarja taħt l-istrument SURE.

Minbarra l-provvediment tal-garanziji tal-Istati Membri, jiddaħħlu salvagwardji oħra fil-qafas sabiex tiġi żgurata s-solidità finanzjarja tal-iskema:

·Approċċ rigoruż u konservattiv għall-ġestjoni finanzjarja;

·Kostruzzjoni tal-portafoll ta’ self li jillimita r-riskju ta’ konċentrazzjoni, skopertura annwali u skopertura eċċessiva għal Stati Membri individwali, filwaqt li jiġi żgurat li riżorsi suffiċjenti jistgħu jingħataw lill-Istati Membri li huma l-aktar fil-bżonn; kif ukoll

·Possibbiltajiet ta’ riportament tad-dejn.

2020/0227 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

għall-għoti ta’ appoġġ temporanju skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/672 lill-Portugall biex jittaffew ir-riskji tal-qgħad f’sitwazzjoni ta’ emerġenza wara t-tifqigħa tal-COVID-19

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/672 tad-19 ta’ Mejju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ Strument Ewropew għal appoġġ temporanju biex jittaffew ir-riskji ta’ qgħad f’emerġenza (SURE) wara t-tifqigħa tal-COVID-19 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Fil-11 ta’ Awwissu 2020, il-Portugall talab assistenza finanzjarja mill-Unjoni bil-ħsieb li jikkomplementa l-isforzi nazzjonali tiegħu biex jindirizza l-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19 u l-konsegwenzi soċjoekonomiċi tagħha għall-ħaddiema.

(2)It-tifqigħa tal-COVID-19 u l-miżuri straordinarji implimentati mill-Portugall biex titrażżan it-tifqigħa u l-impatt soċjoekonomiku u marbut mas-saħħa tagħha huma mistennija li jkollhom impatt drammatiku fuq il-finanzi pubbliċi. Skont il-previżjoni tar-rebbiegħa 2020 tal-Kummissjoni, il-Portugall kien mistenni li jkollu defiċit u dejn tal-amministrazzjoni pubblika ta’ 6,5 % u 131,6 % tal-prodott domestiku gross (PDG) rispettivament sa tmiem l-2020. Skont il-previżjoni interim tas-sajf tal-2020 tal-Kummissjoni, il-PDG tal-Portugall huwa previst li jonqos b’9,8 % fl-2020.

(3)It-tifqigħa tal-COVID-19 ipparalizzat parti sostanzjali tal-forza tax-xogħol fil-Portugall. Dan wassal għal żieda għal għarrieda u qawwija fin-nefqa pubblika mill-Portugall fir-rigward tal-iskemi tax-xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili, kif ukoll ir-rikors għal miżuri rilevanti tas-saħħa relatati mat-tifqigħa tal-COVID-19, kif stabbiliti fil-premessi minn 4 sa 17.

(4)“Il-Liġi Nru 7/2009 tat-12 ta’ Frar”, kif imsemmija fit-talba tal-Portugall tal-11 ta’ Awwissu 2020, tintroduċi miżura li tappoġġa ż-żamma tal-kuntratti ta’ xogħol permezz tal-interruzzjoni temporanja tax-xogħol jew bit-tnaqqis tal-ħin tax-xogħol normali stabbilit fil-Kodiċi tax-Xogħol tal-Portugall. Il-miżura tipprovdi benefiċċju lid-ditti eliġibbli biex ikopru 70 % tal-kumpens tal-impjegati, bil-kumpens tal-impjegati jkun ekwivalenti għal żewġ terzi tas-salarju gross normali tagħhom. Il-korrezzjoni ta’ żewġ terzi hija soġġetta għal limitu aktar baxx ekwivalenti għas-salarju minimu nazzjonali u limitu massimu ekwivalenti għal tliet darbiet is-salarju minimu nazzjonali. Id-ditti eliġibbli jridu jkunu ssospendew l-attività kummerċjali tagħhom jew ikunu qed jesperjenzaw telf sinifikanti fid-dħul.

(5)Id-“Digriet Amministrattiv Nru 10-G/2020 tas-26 ta’ Marzu” u d-“Digriet Amministrattiv Nru 27-B/2020 tad-19 ta’ Ġunju”, kif imsemmija fit-talba tal-Portugall tal-11 ta’ Awwissu 2020, kienu l-bażi għall-introduzzjoni ta’ għadd ta’ miżuri li jindirizzaw l-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19. Dawn jinkludu l-appoġġ speċjali ġdid u simplifikat għaż-żamma tal-kuntratti ta’ xogħol permezz tal-interruzzjoni temporanja tax-xogħol jew bit-tnaqqis tal-ħin tax-xogħol normali. Din il-miżura hija simili għall-miżura msemmija fil-premessa 4 iżda għandha proċeduri simplifikati biex tippermetti aċċess aktar mgħaġġel għall-fondi. Il-miżura tipprovdi benefiċċju lid-ditti eliġibbli biex ikopru 70 % tal-kumpens tal-impjegati, bil-kumpens tal-impjegati jkun ekwivalenti għal żewġ terzi tas-salarju gross normali tagħhom, kif ukoll l-eżenzjoni mill-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali tal-impjegatur. Il-korrezzjoni ta’ żewġ terzi hija soġġetta għal limitu aktar baxx ekwivalenti għas-salarju minimu nazzjonali u limitu massimu ekwivalenti għal tliet darbiet is-salarju minimu nazzjonali. Id-ditti eliġibbli jridu jkunu ssospendew l-attività kummerċjali tagħhom jew esperjenzaw telf fid-dħul ta’ mill-inqas 40 % fil-perjodu ta’ 30 jum qabel it-talba għal appoġġ, meta mqabbel mal-istess xahar tas-sena ta’ qabel jew mal-medja fix-xahar tax-xahrejn qabel dak il-perjodu. Il-miżura ġiet estiża diversi drabi inkluż bir-reviżjoni tal-kalkolu tal-kumpens tal-impjegati għal 80 % tas-salarju gross normali tagħhom u l-introduzzjoni tat-twaqqif gradwali tal-eżonerazzjoni tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali tad-ditti benefiċjarji. Peress li l-eżonerazzjoni tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali tikkonsisti fi dħul mitluf għall-gvern, għall-fini tar-Regolament tal-Kunsill 2020/672 tista’ titqies bħala ekwivalenti għal nefqa pubblika.

(6)F’każijiet fejn id-ditti jkunu fi kriżi minħabba t-tifqigħa tal-COVID-19, qed jibbenefikaw minn miżuri msemmija fil-premessi 4 jew 5 u għandhom programm tat-taħriġ approvat mis-servizzi pubbliċi nazzjonali tal-impjiegi u tat-taħriġ, fil-qafas ta’ programmi vokazzjonali speċjali, l-impjegati u l-kumpaniji jistgħu jibbenefikaw, minflok tnaqqis tal-ħin tax-xogħol, minn kumpens għat-taħriġ biex ikopru s-sostituzzjoni tal-introjtu, kif ukoll il-kostijiet marbuta għat-taħriġ, li jrid isir matul il-ħinijiet tax-xogħol.

(7)Barra minn hekk, l-awtoritajiet introduċew appoġġ speċjali għad-ditti biex l-attività tan-negozju terġa’ tibda. Sabiex jiffaċilitaw it-tranżizzjoni lura għax-xogħol u jiffaċilitaw iż-żamma tal-impjiegi, id-ditti li l-impjegati tagħhom ibbenefikaw mill-miżuri msemmija fil-premessi 4 jew 5 jistgħu jirċievu benefiċċju ekwivalenti għas-salarju minimu nazzjonali għal kull impjegat rilevanti mħallas f’pagament wieħed, jew għal darbtejn is-salarju minimu nazzjonali għal kull impjegat imħallas b’mod gradwali fuq perjodu ta’ sitt xhur. Meta l-appoġġ jingħata b’mod gradwali, id-ditti jibbenefikaw ukoll minn eżenzjoni parzjali ta’ 50 % fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali tal-impjegatur rispettiv b’referenza għall-impjegati rilevanti.

(8)Finalment, fil-qafas tad-Digriet Amministrattiv Nru 27-B/2020 tad-19 ta’ Ġunju l-awtoritajiet introduċew suppliment għall-istabbilizzazzjoni tal-introjtu għall-impjegati li jibbenefikaw mill-miżuri msemmija fil-premessi 4 jew 5. L-impjegati eliġibbli huma dawk li, b’referenza għal Frar 2020, is-salarju tagħhom ma kienx jaqbeż darbtejn is-salarju minimu nazzjonali. L-impjegati jirċievu benefiċċju ekwivalenti għad-differenza bejn is-salarju gross ta’ Frar 2020 u dak tal-perjodu li fih l-impjegat kien kopert minn xi waħda miż-żewġ skemi ta’ appoġġ imsemmija hawn fuq, b’livell limitu ta’ EUR 100 u limitu massimu ta’ EUR 351.

(9)Id-“Digriet Amministrattiv Nru 10-A/2020 tat-13 ta’ Marzu” u l-“Liġi Nru 2/2020 tal-31 ta’ Marzu” 2 kif imsemmija fit-talba tal-Portugall tal-11 ta’ Awwissu 2020, introduċew appoġġ speċjali għall-persuni li jaħdmu għal rashom, il-ħaddiema informali u s-soċji maniġerjali. Il-miżura tipprovdi benefiċċju ta’ kull xahar ugwali għall-introjtu rreġistrat tal-individwi, b’limitu massimu ta’ EUR 438,81 meta l-introjtu jkun inqas minn EUR 658,21, jew għal żewġ terzi tal-introjtu rreġistrat tal-individwi b’limitu massimu ta’ EUR 438,81 meta l-introjtu jkun akbar minn EUR 658,21. Limitu inizjali ta’ EUR 219,41 kien applikat għall-ammont globali ta’ appoġġ ta’ kull xahar bejn it-13 ta’ Marzu u t-30 ta’ Ġunju 2020. Il-persuni eliġibbli huma l-individwi li ssospendew l-attività kummerċjali tagħhom jew li qed jesperjenzaw telf fid-dħul ta’ mill-inqas 40 % fil-perjodu ta’ 30 jum qabel it-talba għal appoġġ, meta mqabbel mal-istess xahar tas-sena ta’ qabel jew mal-medja fix-xahar tax-xahrejn qabel dak il-perjodu.

(10)Id-“Digriet Amministrattiv Nru 10-A/2020 tat-13 ta’ Marzu”, kif imsemmi fit-talba tal-Portugall tal-11 ta’ Awwissu 2020, jintroduċi benefiċċju tal-familja għall-impjegati li ma jistgħux jaħdmu minħabba l-ħtieġa li jassistu lil uliedhom taħt it-12-il sena jew persuni dipendenti oħra. Il-miżura tipprovdi benefiċċju li jkopri 50 % tal-kumpens tal-impjegati. Bħala regola, il-kumpens tal-impjegati jikkorrispondi għal żewġ terzi tas-salarju gross normali, b’limitu aktar baxx ekwivalenti għas-salarju minimu nazzjonali u limitu massimu ekwivalenti għal tliet darbiet is-salarju minimu nazzjonali. Din il-miżura tista’ titqies bħala miżura simili għal skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar, kif imsemmija fir-Regolament (UE) 2020/672, billi tipprovdi appoġġ għall-introjtu lill-impjegati li jgħin biex jiġu koperti l-ispejjeż tat-tħaris tat-tfal meta l-iskejjel ikunu magħluqin u b’hekk il-ġenituri jkunu jistgħu jkomplu jaħdmu u r-relazzjoni tax-xogħol tagħhom ma titpoġġiex f’riskju.

(11)L-“Ordni tal-Gvern Nru 3485-C/2020 tas-17 ta’ Marzu”, l-“Ordni tal-Gvern Nru 4395/2020 tal-10 ta’ April” u l-“Ordni tal-Gvern Nru 5897-B/2020 tat-28 ta’ Mejju”, kif imsemmija fit-talba tal-Portugall tal-11 ta’ Awwissu 2020, jintroduċu appoġġ speċjali għaż-żamma tal-kuntratti ta’ xogħol ta’ min iħarreġ fid-dawl tal-kanċellazzjoni ta’ taħriġ vokazzjonali. L-appoġġ pubbliku jikkonsisti f’benefiċċju li jkopri s-salarju ta’ min iħarreġ, minkejja li t-taħriġ vokazzjonali mhux qed isir.

(12)Ir-“Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-Gvern Reġjonali tal-Azores Nru 97/2020 tat-8 ta’ April”, ir-“Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-Gvern Reġjonali tal-Azores Nru 120/2020 tat-28 ta’ April”, ir-“Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-Gvern Reġjonali tal-Azores Nru 128/2020 tal-5 ta’ Mejju”, ir-“Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-Gvern Reġjonali tal-Azores Nru 129/2020 tal-5 ta’ Mejju”, ir-“Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-Gvern Reġjonali tal-Azores Nru 195/2020 tal-15 ta’ Lulju”, ir-“Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-Gvern Reġjonali tal-Azores Nru 196/2020 tal-15 ta’ Lulju” u r-“Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-Gvern Reġjonali tal-Azores Nru 200/2020 tas-17 ta’ Lulju”, kif imsemmija fit-talba tal-Portugall tal-11 ta’ Awwissu 2020, jintroduċu numru ta’ miżuri reġjonali relatati max-xogħol fir-reġjun awtonomu tal-Azores. Il-miżuri speċifiċi li jinkludu pagament supplimentari reġjonali fuq skemi nazzjonali, jiġifieri fuq xogħol b’ħinijiet iqsar, appoġġ għal dawk li jaħdmu għal rashom u għal ditti bil-għan li jerġgħu jibdew attività kummerċjali, huma maħsuba biex jippreservaw l-impjiegi fl-Azores waqt it-tifqigħa tal-COVID-19. L-appoġġ fil-qafas tal-miżuri jiddependi fuq iż-żamma tal-kuntratti ta’ xogħol u fuq it-tkomplija tal-attività kummerċjali.

(13)Ir-“Riżoluzzjoni tal-Gvern Reġjonali ta’ Madeira Nru 101/2020 tat-13 ta’ Marzu” u l-“Ordinanza Nru 133-B/2020 tal-Viċi Presidenza tal-Gvern Reġjonali ta’ Madeira u tas-Segretarjat Reġjonali għall-Inklużjoni Soċjali u ċ-Ċittadinanza tat-22 ta’ April”, kif imsemmijin fit-talba tal-Portugall tal-11 ta’ Awwissu 2020, jintroduċu għadd ta’ miżuri reġjonali relatati mal-impjieg fir-reġjun awtonomu ta’ Madeira. Il-miżuri speċifiċi li jinkludu pagament supplimentari reġjonali fuq skemi nazzjonali, jiġifieri fuq xogħol b’ħinijiet iqsar, appoġġ għal dawk li jaħdmu għal rashom u għal ditti bil-għan li jerġgħu jibdew attività kummerċjali, huma maħsuba biex jippreservaw l-impjiegi fl-Azores waqt it-tifqigħa tal-COVID-19. L-appoġġ fil-qafas tal-miżuri jiddependi fuq iż-żamma tal-kuntratti ta’ xogħol u fuq it-tkomplija tal-attività kummerċjali.

(14)Id-“Digriet Amministrattiv Nru 10-A/2020 tat-13 ta’ Marzu” u l-“Liġi Nru 2/2020 tal-31 ta’ Marzu” 3 , kif imsemmijin fit-talba tal-Portugall tal-11 ta’ Awwissu 2020, jipprovdu benefiċċju għall-impjegati u għal dawk li jaħdmu għal rashom li bħalissa ma jistgħux iwettqu l-attività professjonali tagħhom minħabba iżolament profilattiku. Dawn il-ħaddiema għandhom dritt għal benefiċċju ekwivalenti għas-salarju bażiku tagħhom. Il-bażijiet ġuridiċi jintroduċu wkoll benefiċċju tal-mard minħabba infezzjoni bil-COVID-19. Imqabbel mal-iskema standard tal-Portugall tal-benefiċċju tal-mard, l-għoti tal-benefiċċju tal-mard tal-COVID-19 mhuwiex soġġett għal perjodu ta’ stennija. L-appoġġ pubbliku jikkonsisti f’benefiċċju ugwali għas-salarju gross.

(15)Id-“Digriet Amministrattiv Nru 10-A tat-13 ta’ Marzu”, kif imsemmi fit-talba tal-Portugall tal-11 ta’ Awwissu 2020, jippermetti x-xiri ta’ tagħmir protettiv personali biex jintuża fuq il-post tax-xogħol, speċjalment fi sptarijiet pubbliċi, fil-ministeri kompetenti, il-muniċipalitajiet u r-reġjuni awtonomi tal-Azores u ta’ Madeira bħala miżura relatata mas-saħħa. Barra minn hekk, il-bażi ġuridika tintroduċi kampanja ta’ iġjene fl-iskejjel bil-għan li jiġi żgurat ir-ritorn sikur għax-xogħol tal-lekċerers, ta’ membri oħra tal-persunal u tal-istudenti.

(16)L-awtoritajiet introduċew l-ittestjar rigward infezzjoni bil-COVID-19 għall-pazjenti stazzjonarji u l-ħaddiema ta’ sptarijiet pubbliċi, kif ukoll għall-impjegati tad-djar tal-kura u tal-faċilitajiet tat-tħaris tat-tfal. Dan l-ammont huwa ffinanzjat mill-baġit ġenerali u, għalhekk, ma għandux bażi legali espliċita.

(17)Finalment, il-“Liġi Nru 27-A/2020 tal-24 ta’ Lulju”, kif imsemmija fit-talba tal-Portugall tal-11 ta’ Awwissu 2020, tintroduċi kumpens speċjali għall-ħaddiema fis-Servizz Nazzjonali tas-Saħħa involuti fil-ġlieda kontra t-tifqigħa tal-COVID-19. Dan jikkonsisti f’bonus għall-prestazzjoni, li jitħallas darba biss, korrispondenti għal ammont ekwivalenti għal 50 % tas-salarju gross normali tal-impjegat.

(18)Il-Portugall jissodisfa l-kundizzjonijiet għat-talba ta’ assistenza finanzjarja stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2020/672. Il-Portugall ipprovda lill-Kummissjoni b’evidenza xierqa li n-nefqa pubblika attwali u ppjanata żdiedet b’EUR 5 934 462 488 mill-1 ta’ Frar 2020 minħabba l-miżuri nazzjonali meħuda biex jiġu indirizzati l-effetti soċjoekonomiċi tat-tifqigħa tal-COVID-19. Iż-żieda relatata direttament mal-miżuri ta’ hawn fuq li huma skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar jew miżuri simili tikkostitwixxi żieda għal għarrieda u qawwija għax hija relatata kemm maż-żewġ miżuri ġodda kif ukoll maż-żieda fid-domanda għall-miżuri eżistenti, li flimkien ikopru proporzjon sinifikanti tal-impriżi u tal-forza tax-xogħol fil-Portugall.

(19)Il-Kummissjoni kkonsultat lill-Portugall u vverifikat iż-żieda għal għarrieda u qawwija fin-nefqa pubblika attwali u ppjanata direttament relatata mal-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili, kif ukoll ir-rikors għal miżuri rilevanti relatati mas-saħħa marbuta mat-tifqigħa tal-COVID-19 imsemmija fit-talba tal-11 ta’ Awwissu 2020, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2020/672.

(20)Għalhekk jenħtieġ li tingħata assistenza finanzjarja bil-għan li l-Portugall jiġi megħjun jindirizza l-effetti soċjoekonomiċi tat-taqlib ekonomiku gravi kkawżat mit-tifqigħa tal-COVID-19.

(21)Jenħtieġ li din id-deċiżjoni tkun mingħajr preġudizzju għall-eżitu ta’ kwalunkwe proċedura relatata ma’ distorsjonijiet tal-operat tas-suq intern li tista’ titwettaq, b’mod partikolari skont l-Artikoli 107 u 108 tat-TFUE. Ma twarrabx il-ħtieġa li l-Istati Membri jinnotifikaw każijiet ta’ għajnuna potenzjali mill-Istat lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108 TFUE.

(22)Jenħtieġ li l-Portugall jinforma lill-Kummissjoni fuq bażi regolari dwar l-implimentazzjoni tan-nefqa pubblika ppjanata, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tivvaluta l-punt sa fejn il-Portugall implimenta dik in-nefqa.

(23)Id-deċiżjoni li tingħata assistenza finanzjarja ttieħdet wara li tqiesu l-ħtiġijiet eżistenti u mistennija tal-Portugall, kif ukoll it-talbiet għal assistenza finanzjarja skont ir-Regolament (UE) 2020/672 diġà ppreżentati jew ippjanati li jiġu ppreżentati minn Stati Membri oħra, filwaqt li jiġu applikati l-prinċipji ta’ trattament ugwali, solidarjetà, proporzjonalità u trasparenza,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Portugall jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2020/672.

Artikolu 2

1.L-Unjoni għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Portugall self li jammonta għal massimu ta’ EUR 5 934 462 488. Is-self għandu jkollu maturità medja massima ta’ 15-il sena.

2.Il-perjodu ta’ disponibbiltà għall-għajnuna finanzjarja mogħtija b’din id-Deċiżjoni għandu jkun ta’ 18-il xahar li jibdew mill-ewwel jum wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni.

3.L-assistenza finanzjarja tal-Unjoni għandha ssir disponibbli mill-Kummissjoni lill-Portugall f’massimu ta’ tmien ħlasijiet parzjali. Ħlas parzjali jista’ jingħata f’parti waħda jew iktar. Il-maturitajiet tal-partijiet taħt l-ewwel ħlas parzjali jistgħu jkunu itwal mill-maturità medja massima msemmija fil-paragrafu 1. F’każijiet bħal dawn, il-maturitajiet ta’ segmenti oħrajn għandhom ikunu stabbiliti b’tali mod li l-maturità medja massima msemmija fil-paragrafu 1 tiġi rispettata ladarba jsir l-iżborż tal-ħlasijiet parzjali kollha.

4.L-ewwel pagament għandu jiġi rilaxxat soġġett għad-dħul fis-seħħ tal-ftehim tas-self previst fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) 2020/672.

5.Il-Portugall għandu jħallas il-kost tal-finanzjament tal-Unjoni msemmi fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2020/672 għal kull ħlas parzjali flimkien ma’ kwalunkwe tariffa, kost u spiża tal-Unjoni li jirriżultaw minn kwalunkwe finanzjament.

6.Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar id-daqs u r-rilaxx tal-pagamenti parzjali, kif ukoll dwar id-daqs tal-partijiet.

Artikolu 3

Il-Portugall jista’ jiffinanzja l-miżuri li ġejjin:

(a)l-appoġġ għaż-żamma tal-kuntratti ta’ xogħol permezz tal-interruzzjoni temporanja tax-xogħol jew bit-tnaqqis tal-ħin tax-xogħol normali, kif previst fl-Artikoli minn 298 sa 308 tal-Liġi Nru 7/2009 tat-12 ta’ Frar;

(b)l-appoġġ speċjali ġdid u simplifikat għaż-żamma tal-kuntratti ta’ xogħol permezz tal-interruzzjoni temporanja tax-xogħol jew bit-tnaqqis tal-ħin tax-xogħol normali, kif previst fid-Digriet Amministrattiv Nru 10-G/2020 tas-26 ta’ Marzu u fl-Artikolu 2 tad-Digriet Amministrattiv Nru 27-B/2020 tad-19 ta’ Ġunju;

(c)il-programmi vokazzjonali speċjali għaż-żamma tal-kuntratti ta’ xogħol permezz tal-interruzzjoni temporanja tax-xogħol jew bit-tnaqqis tal-ħin tax-xogħol normali, kif previst fl-Artikoli minn 7 sa 9 tad-Digriet Amministrattiv Nru 10-G/2020 tas-26 ta’ Marzu;

(d)l-appoġġ speċjali ġdid għad-ditti għat-tkomplija tal-attività kummerċjali, kif previst fl-Artikolu 4(1) sa (7) u (10) sa (12) u fl-Artikolu 5 tad-Digriet Amministrattiv Nru 27-B/2020 tad-19 ta’ Ġunju;

(e)is-suppliment il-ġdid għall-istabbilizzazzjoni tal-introjtu għall-impjegati koperti jew bl-appoġġ imsemmi hawn fuq għaż-żamma tal-kuntratti ta’ xogħol permezz tal-interruzzjoni temporanja tax-xogħol jew bit-tnaqqis tal-ħin tax-xogħol normali mħaddan fil-Kodiċi tax-Xogħol tal-Portugall, jew bl-appoġġ ġdid u simplifikat introdott b’rispons għall-pandemija tal-COVID-19, kif previst fl-Artikolu 3 tad-Digriet Amministrattiv Nru 27-B/2020 tad-19 ta’ Ġunju;

(f)l-appoġġ speċjali ġdid u progressiv għaż-żamma tal-kuntratti ta’ xogħol permezz tat-tnaqqis temporanju tal-ħin tax-xogħol normali, kif previst fid-Digriet Amministrattiv Nru 46-A/2020 tas-30 ta’ Lulju;

(g)l-appoġġ speċjali ġdid għal dawk li jaħdmu għal rashom, ħaddiema informali u s-soċji maniġerjali kif previst fl-Artikoli minn 26 sa 28 tad-Digriet Amministrattiv Nru 10-A/2020 tat-13 ta’ Marzu u fl-Artikolu 325-G tal-Liġi Nru 2/2020 tal-31 ta’ Marzu kif emendata bl-Artikolu 3 tal-Liġi 27-A/2020 tal-24 ta’ Lulju;

(h)il-benefiċċju tal-familja għall-impjegati li ma jistgħux jaħdmu minħabba l-ħtieġa li jassistu lil uliedhom taħt it-12-il sena jew persuni dipendenti oħra kif previst fl-Artikolu 23 tad-Digriet Amministrattiv Nru 10-A/2020 tat-13 ta’ Marzu;

(i)l-appoġġ speċjali għaż-żamma tal-kuntratti ta’ xogħol ta’ min iħarreġ fid-dawl tal-kanċellazzjoni ta’ taħriġ vokazzjonali kif previst fl-Ordni tal-Gvern Nru 3485-C/2020 tas-17 ta’ Marzu, fl-Ordni tal-Gvern Nru 4395/2020 tal-10 ta’ April u l-Ordni tal-Gvern Nru 5897-B/2020 tat-28 ta’ Mejju;

(j)il-miżuri reġjonali relatati mal-impjiegi fir-Reġjun Awtonomu tal-Azores, kif previst fir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-Gvern Reġjonali tal-Azores Nru 97/2020 tat-8 ta’ April, fir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-Gvern Reġjonali tal-Azores Nru 120/2020 tat-28 ta’ April, fir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-Gvern Reġjonali tal-Azores Nru 128/2020 tal-5 ta’ Mejju, fir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-Gvern Reġjonali tal-Azores Nru 129/2020 tal-5 ta’ Mejju, fir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-Gvern Reġjonali tal-Azores Nru 195/2020 tal-15 ta’ Lulju, fir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-Gvern Reġjonali tal-Azores Nru 196/2020 tal-15 ta’ Lulju u fir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-Gvern Reġjonali tal-Azores Nru 200/2020 tas-17 ta’ Lulju;

(k)il-miżuri reġjonali relatati mal-impjieg fir-Reġjun Awtonomu ta’ Madeira, kif previst fir-Riżoluzzjoni tal-Gvern Reġjonali ta’ Madeira Nru 101/2020 tat-13 ta’ Marzu u fl-Ordinanza Nru 133-B/2020 tal-Viċi Presidenza tal-Gvern Reġjonali ta’ Madeira u tas-Segretarjat Reġjonali għall-Inklużjoni Soċjali u ċ-Ċittadinanza tat-22 ta’ April;

(l)il-benefiċċju għall-impjegati u għal dawk li jaħdmu għal rashom f’iżolament profilattiku, kif previst fl-Artikolu 19 tad-Digriet Amministrattiv Nru 10-A/2020 tat-13 ta’ Marzu u fl-Artikolu 325-F tal-Liġi Nru 2/2020 tal-31 ta’ Marzu kif emendata bl-Artikolu 3 tal-Liġi Nru 27-A/2020 tal-24 ta’ Lulju;

(m)il-benefiċċju tal-mard dovut minħabba infezzjoni bil-COVID-19, kif previst fl-Artikolu 20 tad-Digriet Amministrattiv Nru 10-A/2020 tat-13 ta’ Marzu u fl-Artikolu Nru 325-F tal-Liġi Nru 2/2020 tal-31 ta’ Marzu kif emendata bl-Artikolu 3 tal-Liġi Nru 27-A/2020 tal-24 ta’ Lulju;

(n)ix-xiri ta’ tagħmir protettiv personali biex jintuża fuq il-post tax-xogħol, speċjalment fi sptarijiet pubbliċi, fil-ministeri kompetenti, il-muniċipalitajiet u r-Reġjuni Awtonomi tal-Azores u ta’ Madeira, kif previst fl-Artikolu 3 tad-Digriet Amministrattiv Nru 10-A tat-13 ta’ Marzu;

(o)il-kampanja dwar l-iġjene fl-iskejjel kif previst fl-Artikolu 9 tad-Digriet Amministrattiv Nru 10-A/2020 tat-13 ta’ Marzu;

(p)l-ittestjar rigward infezzjoni bil-COVID-19 għall-pazjenti stazzjonarji u l-ħaddiema ta’ sptarijiet pubbliċi, kif ukoll għall-impjegati tad-djar tal-kura u tal-faċilitajiet tat-tħaris tat-tfal;

(q)il-kumpens speċjali ġdid għall-ħaddiema fis-Servizz Nazzjonali tas-Saħħa li huma involuti fil-ġlieda kontra t-tifqigħa tal-COVID-19, kif previst fl-Artikolu 42-A tal-Liġi Nru 2/2020 tal-31 ta’ Marzu kif emendata bl-Artikolu 3 tal-Liġi Nru 27-A/2020 tal-24 ta’ Lulju.

Artikolu 4

Il-Portugall għandu jinforma lill-Kummissjoni sa [DATA: 6 xhur wara d-data ta’ pubblikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni], u kull 6 xhur wara l-implimentazzjoni tan-nefqa pubblika ppjanata sa dak iż-żmien li n-nefqa pubblika ppjanata tkun ġiet implimentata għalkollox.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Portugiża.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 159, 20.5.2020, p.1.
(2)    Kif emendata bil-Liġi 27-A/2020 tal-24 ta’ Lulju;
(3)    Kif emendata bil-Liġi 27-A/2020 tal-24 ta’ Lulju.