Brussell, 24.8.2020

COM(2020) 465 final

2020/0218(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li jagħti appoġġ temporanju skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/672 lill-Kroazja biex jittaffew ir-riskji tal-qgħad f’sitwazzjoni ta’ emerġenza wara t-tifqigħa tal-COVID-19


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

Ir-Regolament tal-Kunsill 2020/672 (“ir-Regolament SURE”) jistabbilixxi l-qafas legali għall-għoti ta’ assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-Istati Membri, li qed jesperjenzaw taqlib ekonomiku sever ikkawżat mit-tifqigħa tal-COVID-19, jew huma mhedda serjament minn tali taqlib. L-appoġġ permezz ta’ SURE jservi għall-finanzjament, primarjament, ta’ skemi ta’ xogħol għal żmien qasir jew miżuri simili mmirati biex jipproteġu l-impjegati u dawk li jaħdmu għal rashom u b’hekk inaqqsu l-inċidenza tal-qgħad u t-telf tad-dħul, kif ukoll għall-finanzjament, bħala anċillari, ta’ xi miżuri relatati mas-saħħa, b’mod partikolari fil-post tax-xogħol.

Fis-6 ta’ Awwissu 2020, il-Kroazja talbet assistenza finanzjarja mill-Unjoni permezz tar-Regolament SURE. F’konformità mal-Artikolu 6(2) tar-Regolament SURE, il-Kummissjoni kkonsultat lill-awtoritajiet Kroati biex tivverifika ż-żieda f’daqqa u qawwija fin-nefqa reali u ppjanata relatata direttament a) mas-sussidji għall-priżervazzjoni tal-Impjiegi f’setturi affettwati mill-COVID-19 u b) mal-Għajnuna għal tnaqqis fis-sigħat tax-xogħol ikkawżati mill-pandemija tal-COVID-19. B’mod partikolari, dan jikkonċerna:

(1)miżura li tipprovdi kofinanzjament tas-salarji tal-ħaddiema lil negozji li jesperjenzaw tnaqqis fid-dħul (ta’ 20 % fil-perjodu minn Marzu sa Mejju 2020 jew 50 % f’Ġunju 2020), bil-kundizzjoni li r-relazzjoni tal-impjieg ma tiġix itterminata. Għal Marzu 2020, l-ammont ta’ appoġġ huwa stabbilit għal HRK 3,250.00 għal kull impjegat full-time, u għax-xhur ta’ April, Mejju u Ġunju 2020, l-ammont ta’ kull xahar ta’ appoġġ huwa stabbilit għal HRK 4,000 għal kull impjegat full-time.

(2)miżura li tipprovdi appoġġ għat-tnaqqis temporanju tal-ħin tax-xogħol fil-perjodu bejn Ġunju u Diċembru 2020 lil negozji li jimpjegaw 10 impjegati jew aktar li joperaw fi kwalunkwe settur, bil-kundizzjoni li r-relazzjoni tal-impjieg ma tiġix itterminata. Il-miżura tista’ tappoġġa sa massimu ta’ HRK 2,000 fix-xahar għal kull impjegat.

Il-Kroazja pprovdiet lill-Kummissjoni bl-informazzjoni rilevanti.

Filwaqt li tqis l-evidenza disponibbli, il-Kummissjoni tipproponi lill-Kunsill biex jadotta Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni biex tingħata assistenza finanzjarja lill-Kroazja permezz tar-Regolament SURE lill-Kroazja b’appoġġ għall-miżuri ta’ hawn fuq.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Il-proposta preżenti hija kompletament konsistenti mar-Regolament tal-Kunsill 2020/672, li skontu ssir il-proposta.

Din il-proposta ġejja apparti strument ieħor tal-liġi tal-Unjoni li jipprovdi appoġġ lill-Istati Membri f’każ ta’ emerġenza, jiġifieri r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta’ Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (FSUE) (“ir-Regolament (KE) Nru 2012/2002”). Ir-Regolament (UE) 2020/461 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li jemenda dan l-istrument biex jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu biex ikopri emerġenzi kbar ta’ saħħa pubblika u jiddefinixxi operazzjonijiet speċifiċi eliġibbli għall-finanzjament, ġie adottat fit-30 ta’ Marzu.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Il-proposta hija parti minn firxa ta’ miżuri żviluppati b’reazzjoni għall-pandemija attwali tal-COVID-19 bħall-“Inizjattiva ta’ Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus”, u tikkumplimenta strumenti oħra li jappoġġaw l-impjiegi bħall-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi/InvestEU. Bl-użu ta’ għoti u teħid b’self f’dan il-każ partikolari tat-tifqigħa tal-COVID-19 għall-appoġġ tal-Istati Membri, din il-proposta taġixxi bħala t-tieni linja ta’ difiża biex jiġu ffinanzjati skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili, biex jiġu protetti l-impjiegi u b’hekk l-impjegati u l-persuni li jaħdmu għal rashom kontra r-riskju tal-qgħad.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-bażi ġuridika għal dan l-istrument hija r-Regolament tal-Kunsill 2020/672.

Sussidjarjetà (għal kompetenza mhux esklużiva)

Il-proposta ssegwi talba tal-Istati Membri u turi solidarjetà Ewropea billi tipprovdi assistenza finanzjarja tal-Unjoni fil-forma ta’ self temporanju lil Stat Membru affettwat mit-tifqigħa tal-COVID-19. Bħala t-tieni linja ta’ difiża, tali assistenza finanzjarja tappoġġa ż-żieda fin-nefqa pubblika tal-gvern fuq bażi temporanja fir-rigward tal-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili biex tgħinhom jipproteġu l-impjiegi u b’hekk lill-impjegati u lill-persuni li jaħdmu għal rashom kontra r-riskju ta’ qgħad u t-telf ta’ introjtu.

Tali appoġġ jgħin lill-popolazzjoni affettwata u jgħin biex itaffi l-impatt soċjali u ekonomiku dirett ikkawżat mill-kriżi attwali tal-COVID-19.

Proporzjonalità

Il-proposta tosserva l-prinċipju tal-proporzjonalità. Ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkisbu l-għanijiet tal-istrument.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Minħabba l-urġenza biex titħejja l-proposta u biex tkun tista’ tiġi adottata fil-ħin mill-Kunsill, ma setgħetx titwettaq konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati.

Valutazzjoni tal-impatt

Minħabba n-natura urġenti tal-proposta, ma saret l-ebda valutazzjoni tal-impatt.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ tikkuntratta self fuq is-swieq finanzjarji bil-għan li tagħtih b’self lill-Istat Membru li jitlob assistenza finanzjarja permezz tal-istrument SURE.

Minbarra l-provvediment tal-garanziji tal-Istati Membri, jiddaħħlu salvagwardji oħra fil-qafas sabiex tiġi żgurata s-solidità finanzjarja tal-iskema:

·Approċċ rigoruż u konservattiv għal ġestjoni finanzjarja;

·Kostruzzjoni tal-portafoll ta’ self li jillimita r-riskju ta’ konċentrazzjoni, skopertura annwali u espożizzjoni eċċessiva għal Stati Membri individwali, filwaqt li jiġu żgurati riżorsi suffiċjenti li jistgħu jingħataw lill-Istati Membri li huma l-aktar fil-bżonn; kif ukoll

·Possibbiltajiet ta’ riportament tad-dejn.

2020/0218 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li jagħti appoġġ temporanju skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/672 lill-Kroazja biex jittaffew ir-riskji tal-qgħad f’sitwazzjoni ta’ emerġenza wara t-tifqigħa tal-COVID-19

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/672 tad-19 ta’ Mejju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ Strument Ewropew għal appoġġ temporanju biex jittaffew ir-riskji ta’ qgħad f’emerġenza (SURE) wara t-tifqigħa tal-COVID-19 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Fis-6 ta’ Awwissu 2020, il-Kroazja talbet assistenza finanzjarja mill-Unjoni bil-ħsieb li tikkumplimenta l-isforzi nazzjonali tagħha biex tindirizza l-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19 u l-konsegwenzi soċjoekonomiċi tagħha għall-ħaddiema.

(2)It-tifqigħa tal-COVID-19 u l-miżuri straordinarji implimentati mill-Kroazja biex titrażżan it-tifqigħa u l-impatt soċjoekonomiku u marbut mas-saħħa tagħha huma mistennija li jkollhom impatt drammatiku fuq il-finanzi pubbliċi. Skont it-tbassir tar-Rebbiegħa 2020 tal-Kummissjoni, il-Kroazja kienet mistennija li jkollha defiċit u dejn tal-amministrazzjoni pubblika ta’ 7.1 % u 88.6 % tal-prodott domestiku gross (PDG) rispettivament sa tmiem l-2020. Skont it-tbassir interim tas-Sajf 2020 tal-Kummissjoni, il-PDG tal-Kroazja huwa proġettat li jonqos b’10.8 % fl-2020.

(3)It-tifqigħa tal-COVID-19 ipparalizzat parti sostanzjali tal-forza tax-xogħol fil-Kroazja. Dan wassal għal żieda f’daqqa u severa fin-nefqa pubblika mill-Kroazja fir-rigward ta’ sussidji ta’ preservazzjoni tal-impjiegi f’setturi affettwati mill-COVID-19 u għajnuna għal sigħat ta’ xogħol imnaqqsa, kif stabbilit fil-premessi 4 u 5.

(4)B’mod aktar speċifiku, il-“Att dwar is-Suq tax-Xogħol” 2 , kif imsemmi fit-talba tal-Kroazja tas-6 ta’ Awwissu 2020, introduċa miżura li tipprovdi kofinanzjament tas-salarji tal-ħaddiema lil negozji li jesperjenzaw tnaqqis fid-dħul (ta’ 20 % fil-perjodu minn Marzu sa Mejju 2020 jew 50 % f’Ġunju 2020), bil-kundizzjoni li r-relazzjoni tal-impjieg ma tiġix itterminata. Għal Marzu 2020, l-ammont ta’ appoġġ huwa stabbilit għal HRK 3,250.00 għal kull impjegat full-time, u għax-xhur ta’ April, Mejju u Ġunju 2020, l-ammont ta’ kull xahar ta’ appoġġ huwa stabbilit għal HRK 4,000 għal kull impjegat full-time.

(5)L-Att dwar is-Suq tax-Xogħol introduċiet ukoll miżura li tipprovdi appoġġ għat-tnaqqis temporanju tal-ħin tax-xogħol fil-perjodu bejn Ġunju u Diċembru 2020 lil negozji li jimpjegaw 10 impjegati jew aktar li joperaw fi kwalunkwe settur, bil-kundizzjoni li r-relazzjoni tal-impjieg ma tiġix itterminata. Il-miżura tista’ tappoġġa sa massimu ta’ HRK 2,000 fix-xahar għal kull impjegat.

(6)Il-Kroazja tissodisfa l-kundizzjonijiet għat-talba ta’ assistenza finanzjarja stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2020/672. Il-Kroazja pprovdiet lill-Kummissjoni b’evidenza xierqa li n-nefqa pubblika attwali u ppjanata żdiedet b’EUR 1 381 780 800 mill-1 ta’ Frar 2020 minħabba l-miżuri nazzjonali meħuda biex jiġu indirizzati l-effetti soċjoekonomiċi tat-tifqigħa tal-COVID-19. Dan jikkostitwixxi żieda f’daqqa u severa minħabba ż-żieda kważi immedjata u bla preċedent fl-għadd ta’ ħaddiema koperti minn dawk il-miżuri u d-daqs tal-infiq relatat fil-Kroazja. Il-Kroazja biħsiebha tiffinanzja EUR 210 000 000 tal-ammont miżjud ta’ nfiq permezz ta’ fondi tal-Unjoni u EUR 151 180 800 permezz tal-finanzjament tagħha stess.

(7)Il-Kummissjoni kkonsultat lill-Kroazja u vverifikat iż-żieda f’daqqa u qawwija fin-nefqa pubblika attwali u ppjanata direttament relatata mal-iskemi tax-xogħol għal żmien qasir u miżuri simili msemmija fit-talba tas-6 ta’ Awwissu 2020, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2020/672.

(8)Għalhekk jenħtieġ li tingħata assistenza finanzjarja bil-għan li l-Kroazja tiġi megħjuna tindirizza l-effetti soċjoekonomiċi tat-taqlib ekonomiku gravi kkawżat mit-tifqigħa tal-COVID-19.

(9)Jenħtieġ li din id-deċiżjoni tkun mingħajr preġudizzju għall-eżitu ta’ kwalunkwe proċedura relatata ma’ distorsjonijiet tal-operat tas-suq intern li jistgħu jitwettqu, b’mod partikolari skont l-Artikoli 107 u 108 TFUE. Hija ma twarrabx il-ħtieġa li l-Istati Membri jinnotifikaw każijiet ta’ għajnuna potenzjali mill-Istat lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108 TFUE.

(10)Jenħtieġ li l-Kroazja tinforma lill-Kummissjoni fuq bażi regolari dwar l-implimentazzjoni tan-nefqa pubblika ppjanata, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tivvaluta l-punt sa fejn il-Kroazja implimentat dik in-nefqa.

(11)Id-deċiżjoni li tingħata assistenza finanzjarja ttieħdet filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet eżistenti u dawk mistennija tal-Kroazja, kif ukoll it-talbiet għal assistenza finanzjarja skont ir-Regolament (UE) 2020/672 diġà ppreżentati jew ippjanati li jiġu ppreżentati minn Stati Membri oħra, filwaqt li jiġu applikati l-prinċipji ta’ trattament ugwali, solidarjetà, proporzjonalità u trasparenza.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Kroazja tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2020/672.

Artikolu 2

1.L-Unjoni għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Kroazja self li jammonta għal massimu ta’ EUR 1 020 600 000. Is-self għandu jkollu maturità medja massima ta’ 15-il sena.

2.Il-perjodu ta’ disponibbiltà għall-għajnuna finanzjarja mogħtija b’din id-Deċiżjoni għandu jkun ta’ 18-il xahar li jibdew mill-ewwel jum wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni.

3.L-assistenza finanzjarja tal-Unjoni għandha ssir disponibbli mill-Kummissjoni lill-Kroazja f’massimu ta’ tmien ħlasijiet parzjali. Ħlas parzjali jista’ jingħata f’parti waħda jew iktar. Il-maturitajiet tal-partijiet taħt l-ewwel ħlas parzjali jistgħu jkunu itwal mill-maturità medja massima msemmija fil-paragrafu 1. F’każijiet bħal dawn, il-maturitajiet ta’ segmenti oħrajn għandhom ikunu stabbiliti b’tali mod li l-maturità medja massima msemmija fil-paragrafu 1 tiġi rispettata ladarba jsir l-iżborż tal-ħlasijiet parzjali kollha.

4.L-ewwel pagament għandu jiġi rilaxxat soġġett għad-dħul fis-seħħ tal-ftehim tas-self previst fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) 2020/672.

5.Il-Kroazja għandha tħallas l-ispiża tal-finanzjament tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2020/672 għal kull pagament parzjali flimkien ma’ kwalunkwe tariffa, kost u spiża tal-Unjoni li jirriżultaw minn kwalunkwe finanzjament.

6.Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar id-daqs u r-rilaxx tal-pagamenti parzjali, kif ukoll dwar id-daqs tal-partijiet.

Artikolu 3

Il-Kroazja tista’ tiffinanzja l-miżuri li ġejjin:

(a)is-sussidji għall-preservazzjoni tal-impjiegi fis-setturi affettwati mill-COVID-19, kif previst mill-Att dwar is-Suq tax-Xogħol, Artikoli 35 u 36; kif ukoll

(b)l-għajnuna għal sigħat tax-xogħol imnaqqsa, kif previst mill-Att dwar is-Suq tax-Xogħol, Artikoli 35 u 36

Artikolu 4

Il-Kroazja għandha tinforma lill-Kummissjoni sa [DATA: sitt xhur wara d-data ta’ pubblikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni], u kull sitt xhur wara l-implimentazzjoni tan-nefqa pubblika ppjanata sa dak iż-żmien li n-nefqa pubblika ppjanata tkun ġiet implimentata b’mod sħiħ.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Kroazja.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 159, 20.5.2020, p.1.
(2)    OG 118/18, 32/20