Brussell, 24.8.2020

COM(2020) 449 final

2020/0212(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

għall-għoti ta’ appoġġ temporanju skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/672 lill-Greċja biex jittaffew ir-riskji tal-qgħad f’sitwazzjoni ta’ emerġenza wara t-tifqigħa tal-COVID-19


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

Ir-Regolament tal-Kunsill 2020/672 (“ir-Regolament SURE”) jistabbilixxi l-qafas legali għall-għoti ta’ assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-Istati Membri, li qed jesperjenzaw taqlib ekonomiku sever ikkawżat mit-tifqigħa tal-COVID-19, jew huma mhedda serjament minn tali taqlib. L-appoġġ skont SURE iservi għall-finanzjament, primarjament, ta’ skemi ta’ xogħol b'ħinijiet iqsar jew miżuri simili mmirati biex jipproteġu lill-impjegati u lil dawk li jaħdmu għal rashom u b’hekk inaqqsu l-inċidenza tal-qgħad u t-telf tad-dħul, kif ukoll għall-finanzjament, bħala anċillari, ta’ xi miżuri relatati mas-saħħa, b’mod partikolari fuq il-post tax-xogħol.

Fis-6 ta’ Awwissu 2020, il-Greċja talbet assistenza finanzjarja mill-Unjoni skont ir-Regolament SURE. Skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament SURE, il-Kummissjoni kkonsultat lill-awtoritajiet Griegi biex tivverifika ż-żieda għal għarrieda u qawwija fl-infiq reali u ppjanat direttament relatat ma’ a) l-allokazzjoni speċjali pprovduta lill-impjegati tas-settur privat li l-kuntratti tax-xogħol tagħhom ġew sospiżi minħabba l-kriżi, b) l-ispiża tal-kopertura tas-sigurtà soċjali tagħhom matul il-perjodu ta’ sospensjoni, c) l-allokazzjoni speċjali pprovduta lil professjonisti li jaħdmu għal rashom; d) l-iskema tax-xogħol għal żmien qasir, u e) il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali ta’ min iħaddem għall-impjegati f’intrapriżi staġjonali tas-settur terzjarju, ikkawżati mill-pandemija tal-COVID-19. B’mod partikolari,

(1)allokazzjoni speċjali għall-impjegati tas-settur privat li l-kuntratti tax-xogħol tagħhom ikunu ġew sospiżi. Dik il-miżura għandha l-għan li tipproteġi l-impjiegi f’kumpaniji li jwaqqfu l-operazzjonijiet tagħhom permezz ta’ ordni pubblika jew li jappartjenu għal setturi ekonomiċi li huma affettwati b’mod qawwi mit-tifqigħa tal-COVID-19, u tikkonċerna l-għoti ta’ allokazzjoni speċjali ta’ kull xahar ta’ EUR 543 lill-impjegati li l-kuntratti tax-xogħol tagħhom jiġu sospiżi minn nofs Marzu 2020. Il-prekundizzjoni biex wieħed jibbenefika mill-iskema hija li l-impjegatur iżomm l-istess numru ta’ impjegati (jiġifieri l-istess impjegati eżatti) għal perjodu li jkun daqs il-perjodu li għalih il-kuntratt tax-xogħol kien ġie sospiż.

(2)L-awtoritajiet introduċew ukoll il-finanzjament mill-istat tal-kopertura tas-sigurtà soċjali tal-impjegati li jibbenefikaw mill-allokazzjoni speċjali msemmija skont (a). Il-prekundizzjoni biex wieħed jibbenefika mill-iskema hija li l-impjegatur iżomm l-istess numru ta’ impjegati (jiġifieri l-istess impjegati eżatti) għal perjodu li jkun daqs il-perjodu li għalih il-kuntratt tax-xogħol kien ġie sospiż.

(3)allokazzjoni speċjali għal persuni li jaħdmu għal rashom. Il-miżura tikkonċerna allokazzjoni speċjali ta’ darba ta’ EUR 600 mogħtija f’April jew f’Ġunju 2020 lil professjonisti li jaħdmu għal rashom (ekonomisti, kontabilisti, inġiniera, avukati, tobba, għalliema u riċerkaturi).

(4)skema ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar li tapplika mill-15 ta’ Ġunju 2020 sal-15 ta’ Ottubru 2020 fil-kumpaniji kollha, bl-eċċezzjoni tal-industrija tal-linji tal-ajru fejn estensjoni hija possibbli sa tmiem l-2020. Il-kumpaniji eliġibbli huma dawk li rreġistraw tnaqqis fil-fatturat tagħhom ta’ mill-inqas 20 % u l-miżura tippermetti tnaqqis sa 50 % fis-sigħat tax-xogħol fil-ġimgħa ta’ impjegati bil-kundizzjoni li r-relazzjoni tal-impjieg tinżamm. Mill-15 ta’ Ġunju 2020 sat-30 ta’ Ġunju 2020, l-istat ikopri 60 % tal-qligħ nett tal-impjegat u 60 % tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali ta’ min iħaddem għal sigħat mhux maħduma. Mill-1 ta’ Lulju 2020, l-istat ikopri 100 % tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali tal-impjegatur u tal-impjegat fir-rigward ta’ sigħat mhux maħduma, flimkien ma’ 60 % tal-qligħ nett tal-impjegati f’sigħat mhux maħduma.

(5)il-finanzjament mill-istat tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali ta’ min iħaddem fir-rigward tal-impjegati f’intrapriżi staġjonali. Il-miżura timmira lejn impriżi staġjonali fis-settur terzjarju, jiġifieri impriżi b’50 % tal-fatturat tagħhom ikkonċentrat fit-tielet kwart tas-sena fuq il-bażi ta’ data tal-2019, u għandha l-għan li tiffinanzja l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali tal-impjegatur matul ix-xhur ta’ Lulju, Awwissu u Settembru 2020 bil-kundizzjoni li l-kumpaniji jżommu l-istess numru ta’ impjegati li kellhom fit-30 ta’ Ġunju 2020.

Il-Greċja pprovdiet l-informazzjoni rilevanti lill-Kummissjoni.

Filwaqt li tqis l-evidenza disponibbli, il-Kummissjoni tipproponi li l-Kunsill jadotta Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni biex tingħata assistenza finanzjarja lill-Greċja skont ir-Regolament SURE b’appoġġ għall-miżuri ta’ hawn fuq.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Il-proposta preżenti hija kompletament konsistenti mar-Regolament tal-Kunsill 2020/672, li bis-saħħa tiegħu qed issir il-proposta.

Din il-proposta ġejja apparti strument ieħor tal-liġi tal-Unjoni li jipprovdi appoġġ lill-Istati Membri f’każ ta’ emerġenza, jiġifieri r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta’ Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (FSUE) (“ir-Regolament (KE) Nru 2012/2002”). Ir-Regolament (UE) 2020/461 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li jemenda dak l-istrument biex jestendi l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu biex ikopri emerġenzi kbar ta’ saħħa pubblika u jiddefinixxi operazzjonijiet speċifiċi eliġibbli għall-finanzjament, ġie adottat fit-30 ta’ Marzu.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Il-proposta hija parti minn firxa ta’ miżuri żviluppati b’reazzjoni għall-pandemija attwali tal-COVID-19 bħall-“Inizjattiva ta’ Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus”, u tikkomplementa strumenti oħra li jappoġġjaw l-impjiegi bħall-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS)/InvestEU. Bl-użu ta’ għoti u teħid b’self f’dan il-każ partikolari tat-tifqigħa tal-COVID-19 għall-appoġġ tal-Istati Membri, din il-proposta taġixxi bħala t-tieni linja ta’ difiża biex jiġu ffinanzjati skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili, biex jiġu protetti l-impjiegi u b’hekk l-impjegati u l-persuni li jaħdmu għal rashom kontra r-riskju tal-qgħad.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-bażi ġuridika għal dan l-istrument hija r-Regolament tal-Kunsill 2020/672.

Sussidjarjetà (għal kompetenza mhux esklużiva)

Il-proposta ssegwi talba tal-Istati Membri u turi solidarjetà Ewropea billi tipprovdi assistenza finanzjarja tal-Unjoni fil-forma ta’ self temporanju lil Stat Membru affettwat mit-tifqigħa tal-COVID-19. Bħala t-tieni linja ta’ difiża, tali assistenza finanzjarja tappoġġja ż-żieda fin-nefqa pubblika tal-gvern fuq bażi temporanja fir-rigward tal-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili biex tgħinhom jipproteġu l-impjiegi u b’hekk lill-impjegati u lill-persuni li jaħdmu għal rashom kontra r-riskju ta’ qgħad u t-telf ta’ introjtu.

Tali appoġġ se jgħin lill-popolazzjoni affettwata u jgħin biex itaffi l-impatt soċjali u ekonomiku dirett ikkawżat mill-kriżi attwali tal-COVID-19.

Proporzjonalità

Il-proposta tosserva l-prinċipju tal-proporzjonalità. Ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkisbu l-għanijiet tal-istrument.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Minħabba l-urġenza biex titħejja l-proposta u biex tkun tista’ tiġi adottata fil-ħin mill-Kunsill, ma setgħetx titwettaq konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati.

Valutazzjoni tal-impatt

Minħabba n-natura urġenti tal-proposta, ma saret l-ebda valutazzjoni tal-impatt.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ tieħu self fis-swieq finanzjarji bil-għan li tisilfu lill-Istat Membru li jkun qed jitlob assistenza finanzjarja taħt l-istrument SURE.

Minbarra l-provvediment tal-garanziji tal-Istati Membri, jiddaħħlu salvagwardji oħra fil-qafas sabiex tiġi żgurata s-solidità finanzjarja tal-iskema:

·Approċċ rigoruż u konservattiv għall-ġestjoni finanzjarja;

·Kostruzzjoni tal-portafoll ta’ self li jillimita r-riskju ta’ konċentrazzjoni, skopertura annwali u skopertura eċċessiva għal Stati Membri individwali, filwaqt li jiġu żgurati riżorsi suffiċjenti li jistgħu jingħataw lill-Istati Membri li huma l-aktar fil-bżonn; kif ukoll

·Possibbiltajiet ta’ riportament tad-dejn.

2020/0212 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

għall-għoti ta’ appoġġ temporanju skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/672 lill-Greċja biex jittaffew ir-riskji tal-qgħad f’sitwazzjoni ta’ emerġenza wara t-tifqigħa tal-COVID-19

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/672 tad-19 ta’ Mejju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ Strument Ewropew għal appoġġ temporanju biex jittaffew ir-riskji ta’ qgħad f’emerġenza (SURE) wara t-tifqigħa tal-COVID-19 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Fis-6 ta’ Awwissu 2020, il-Greċja talbet assistenza finanzjarja mill-Unjoni bil-ħsieb li tikkomplementa l-isforzi nazzjonali tagħha biex tindirizza l-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19 u l-konsegwenzi soċjo-ekonomiċi tagħha għall-ħaddiema.

(2)It-tifqigħa tal-COVID-19 u l-miżuri straordinarji implimentati mill-Greċja biex titrażżan it-tifqigħa u l-impatt soċjo-ekonomiku u marbut mas-saħħa tagħha huma mistennija li jkollhom impatt drammatiku fuq il-finanzi pubbliċi. Skont il-previżjoni tar-rebbiegħa 2020 tal-Kummissjoni, il-Greċja kienet mistennija li jkollha defiċit u dejn tal-amministrazzjoni pubblika ta’ 6,4 % u 196,4 % tal-prodott domestiku gross (PDG) rispettivament sa tmiem l-2020. Skont il-previżjoni interim tas-sajf 2020 tal-Kummissjoni, il-PDG tal-Greċja huwa previst li jonqos b’ 9 % fl-2020.

(3)It-tifqigħa tal-COVID-19 ipparalizzat parti sostanzjali tal-forza tax-xogħol fil-Greċja. Dan wassal għal żieda għal għarrieda u qawwija fin-nefqa pubblika mill-Greċja fir-rigward tal-allokazzjoni speċjali pprovduta lill-impjegati tas-settur privat li l-kuntratti tax-xogħol tagħhom ġew sospiżi minħabba l-kriżi, il-kost tal-kopertura tas-sigurtà soċjali tagħhom matul il-perjodu ta’ sospensjoni, l-allokazzjoni speċjali pprovduta lil professjonisti li jaħdmu għal rashom, l-iskema tax-xogħol għal żmien qasir, u l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali ta’ min iħaddem għall-impjegati f’intrapriżi staġjonali tas-settur terzjarju, kif stabbilit fil-premessi (4) sa (8).

(4)B’mod aktar speċifiku, “l-Att Legali tal-14 ta’ Marzu 2020” 2 , kif imsemmi fit-talba tal-Greċja tas-6 ta’ Awwissu 2020, introduċa allokazzjoni speċjali għall-impjegati tas-settur privat li l-kuntratti tax-xogħol tagħhom ġew sospiżi. Dik il-miżura għandha l-għan li tipproteġi l-impjiegi f’kumpaniji li jwaqqfu l-operazzjonijiet tagħhom permezz ta’ ordni pubblika jew li jappartjenu għal setturi ekonomiċi li huma affettwati b’mod qawwi mit-tifqigħa tal-COVID-19, u tikkonċerna l-għoti ta’ allowance speċjali ta’ kull xahar ta’ EUR 543 lill-impjegati li l-kuntratti tax-xogħol tagħhom jiġu sospiżi minn nofs Marzu 2020. Il-prekundizzjoni biex wieħed jibbenefika mill-iskema hija li l-impjegatur iżomm l-istess numru ta’ impjegati (jiġifieri l-istess impjegati eżatti) għal perjodu li jkun daqs il-perjodu li għalih il-kuntratt tax-xogħol kien ġie sospiż.

(5)L-awtoritajiet introduċew ukoll il-finanzjament mill-istat tal-kopertura tas-sigurtà soċjali tal-impjegati li jibbenefikaw mill-allokazzjoni speċjali msemmija fil-premessa 4. Il-prekundizzjoni biex wieħed jibbenefika mill-iskema hija li l-impjegatur iżomm l-istess numru ta’ impjegati (jiġifieri l-istess impjegati eżatti) għal perjodu li jkun daqs il-perjodu li għalih il-kuntratt tax-xogħol kien ġie sospiż.

(6)L-“Att Legali tal-20 ta’ Marzu 2020” 3 , kif imsemmi fit-talba tal-Greċja tas-6 ta’ Awwissu 2020, introduċa allokazzjoni speċjali għal professjonisti li jaħdmu għal rashom. Il-miżura tikkonċerna allokazzjoni speċjali ta’ darba ta’ EUR 600 mogħtija f’April jew f’Ġunju 2020 lil professjonisti li jaħdmu għal rashom (ekonomisti, kontabilisti, inġiniera, avukati, tobba, għalliema u riċerkaturi).

(7)Skema ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar li tapplika mill-15 ta’ Ġunju 2020 sal-15 ta’ Ottubru 2020 fil-kumpaniji kollha, bl-eċċezzjoni tal-industrija tal-linji tal-ajru fejn estensjoni hija possibbli sa tmiem l-2020, ġiet introdotta abbażi tal-“Liġi 4690/2020” 4 , kif inhi msemmija fit-talba tal-Greċja tas-6 ta’ Awwissu 2020. Il-kumpaniji eliġibbli huma dawk li rreġistraw tnaqqis fil-fatturat tagħhom ta’ mill-inqas 20 % u l-miżura tippermetti tnaqqis sa 50 % fis-sigħat tax-xogħol fil-ġimgħa ta’ impjegati bil-kundizzjoni li r-relazzjoni tal-impjieg tinżamm. Mill-15 ta’ Ġunju 2020 sat-30 ta’ Ġunju 2020, l-istat ikopri 60 % tal-qligħ nett tal-impjegat u 60 % tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali ta’ min iħaddem għal sigħat mhux maħduma. Mill-1 ta’ Lulju 2020, l-Istat ikopri 100 % tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali tal-impjegatur u tal-impjegat fir-rigward ta’ sigħat mhux maħduma, flimkien ma’ 60 % tal-qligħ nett tal-impjegati f’sigħat mhux maħduma.

(8)Fl-aħħar nett, il-“Liġi 4714/2020” 5 , kif imsemmija fit-talba tal-Greċja tas-6 ta’ Awwissu 2020, tintroduċi l-finanzjament mill-istat tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali ta’ min iħaddem fir-rigward tal-impjegati f’intrapriżi staġjonali. Il-miżura timmira lejn impriżi staġjonali fis-settur terzjarju, jiġifieri impriżi b’ 50 % tal-fatturat tagħhom ikkonċentrat fit-tielet kwart tas-sena fuq il-bażi ta’ data tal-2019, u għandha l-għan li tiffinanzja l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali tal-impjegatur matul ix-xhur ta’ Lulju, Awwissu u Settembru 2020 bil-kundizzjoni li l-kumpaniji jżommu l-istess numru ta’ impjegati li kellhom fit-30 ta’ Ġunju 2020.

(9)Il-Greċja tissodisfa l-kundizzjonijiet għat-talba ta’ assistenza finanzjarja stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2020/672. Il-Greċja pprovdiet lill-Kummissjoni b’evidenza xierqa li n-nefqa pubblika reali u ppjanata żdiedet b’EUR 2 728 000 000 mill-1 ta’ Frar 2020 minħabba l-miżuri nazzjonali meħuda biex jiġu indirizzati l-effetti soċjo-ekonomiċi tat-tifqigħa tal-COVID-19. Dan jikkostitwixxi żieda għal għarrieda u qawwija minħabba li l-miżuri ġodda jkopru proporzjon sinifikanti tal-impriżi u tal-forza tax-xogħol fil-Greċja.

(10)Il-Kummissjoni kkonsultat lill-Greċja u vverifikat iż-żieda għal għarrieda u qawwija fin-nefqa pubblika attwali u ppjanata direttament relatata mal-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili msemmija fit-talba tas-6 ta’ Awwissu 2020, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2020/672.

(11)Għalhekk jenħtieġ li tingħata assistenza finanzjarja bil-għan lill-Greċja tiġi megħjuna tindirizza l-effetti soċjo-ekonomiċi tat-taqlib ekonomiku gravi kkawżat mit-tifqigħa tal-COVID-19.

(12)Jenħtieġ li din id-deċiżjoni tkun mingħajr preġudizzju għall-eżitu ta’ kwalunkwe proċedura relatata ma’ distorsjonijiet tal-operat tas-suq intern li tista' titwettaq, b’mod partikolari skont l-Artikoli 107 u 108 tat-TFUE. Ma twarrabx il-ħtieġa li l-Istati Membri jinnotifikaw każijiet ta’ għajnuna potenzjali mill-Istat lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 108 TFUE.

(13)Jenħtieġ li l-Greċja tinforma lill-Kummissjoni fuq bażi regolari dwar l-implimentazzjoni tan-nefqa pubblika ppjanata, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tivvaluta l-punt sa fejn il-Greċja timplimenta dik in-nefqa.

(14)Id-deċiżjoni li tingħata assistenza finanzjarja ttieħdet wara li tqiesu l-ħtiġijiet eżistenti u dawk mistennija tal-Greċja, kif ukoll it-talbiet għal assistenza finanzjarja skont ir-Regolament (UE) 2020/672 diġà ppreżentati jew ippjanati li jiġu ppreżentati minn Stati Membri oħra, filwaqt li jiġu applikati l-prinċipji ta’ trattament ugwali, solidarjetà, proporzjonalità u trasparenza,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Greċja tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2020/672.

Artikolu 2

1.L-Unjoni għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Greċja self li jammonta għal massimu ta’ EUR 2 728 000 000. Is-self għandu jkollu maturità medja massima ta’ 15-il sena.

2.Il-perjodu ta’ disponibbiltà għall-għajnuna finanzjarja mogħtija b’din id-Deċiżjoni għandu jkun ta’ 18-il xahar li jibdew mill-ewwel jum wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni.

3.L-assistenza finanzjarja tal-Unjoni għandha ssir disponibbli mill-Kummissjoni lill-Greċja f’massimu ta’ 13-il ħlas parzjali. Ħlas parzjali jista’ jingħata f’parti waħda jew iktar. Il-maturitajiet tal-partijiet taħt l-ewwel ħlas parzjali jistgħu jkunu itwal mill-maturità medja massima msemmija fil-paragrafu 1. F’każijiet bħal dawn, il-maturitajiet ta’ segmenti oħrajn għandhom ikunu stabbiliti b’tali mod li l-maturità medja massima msemmija fil-paragrafu 1 tiġi rispettata ladarba jsir l-iżborż tal-ħlasijiet parzjali kollha.

4.L-ewwel ħlas għandu jiġi rilaxxat soġġett għad-dħul fis-seħħ tal-ftehim tas-self previst fl-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) 2020/672.

5.Il-Greċja għandha tħallas il-kost tal-finanzjament tal-Unjoni msemmi fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2020/672 għal kull ħlas parzjali flimkien ma’ kwalunkwe tariffa, kost u spiża tal-Unjoni li jirriżultaw minn kwalunkwe finanzjament.

6.Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar id-daqs u r-rilaxx tal-ħlasijiet parzjali, kif ukoll dwar id-daqs tal-partijiet.

Artikolu 3

Il-Greċja tista’ tiffinanzja l-miżuri li ġejjin:

a)allokazzjoni speċjali pprovduta lill-impjegati li l-kuntratti tax-xogħol tagħhom ikunu ġew sospiżi, kif previst fl-Artikolu 13 tal-Att Legali tal-14 ta’ Marzu 2020;

b)kopertura tas-sigurtà soċjali tal-impjegati taħt il-miżura msemmija fil-punt (a) ta’ dan l-Artikolu, kif previst fl-Artikolu 13 tal-Att Legali tal-14 ta’ Marzu 2020;

c)allokazzjoni speċjali għal professjonisti li jaħdmu għal rashom, kif previst mill-Artikolu 8 tal-Att Legali tal-20 ta’ Marzu 2020;

d)skema ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar, kif previst mill-Artikolu 31 tal-Liġi 4690/2020;

e)il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali ta’ min iħaddem għall-impjegati f’intrapriżi staġjonali fis-settur terzjarju, kif previst mill-Artikolu 123 tal-Liġi 4714/2020.

Artikolu 4

Il-Greċja għandha tinforma lill-Kummissjoni sa [DATA: 6 xhur wara d-data ta’ pubblikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni], u kull sitt (6) xhur wara l-implimentazzjoni tan-nefqa pubblika ppjanata sa dak iż-żmien li n-nefqa pubblika ppjanata tkun ġiet implimentata b’mod sħiħ.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Ellenika.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 159, 20.5.2020, p.1.
(2)    l-Att Legali tal-14 ta’ Marzu 2020 (il-Gazzetta tal-Gvern A΄ 64) ratifikat mill-Artikolu 3 tal-Liġi 4682/2020 (il-Gazzetta tal-Gvern A΄ 76); Id-Deċiżjoni Ministerjali 12998/232 (il-Gazzetta tal-Gvern B΄ 1078/28 ta’ Marzu 2020), id-Deċiżjoni Ministerjali 16073/287/22 ta’ April 2020 (il-Gazzetta tal-Gvern B΄ 1547/22 ta’ April 2020), id-Deċiżjoni Ministerjali 17788/346/8 ta’ Mejju 2020 (il-Gazzetta tal-Gvern B΄ 1779/10 ta’ Mejju 2020), u d-Deċiżjoni Ministerjali 23102/477/2020 (il-Gazzetta tal-Gvern B΄ 2268/13 ta’ Ġunju 2020).
(3)    L-Att Legali tal-20 ta’ Marzu 2020 (il-Gazzetta tal-Gvern A΄ 68) ratifikat mill-Artikolu 1 tal-Liġi 4683/2020 (Il-Gazzetta tal-Gvern A΄ 83 )
(4)    il-liġi 4690/2020 (il-Gazzetta tal-Gvern A΄ 104) ratifikata mill-Artikoli 122 u 123 tal-Liġi 4714/2020 (il-Gazzetta tal-Gvern A΄ 148), id-Deċiżjoni Ministerjali 23103/478 (il-Gazzetta tal-Gvern B 2274/14 ta’ Ġunju 2020) u d-Deċiżjoni Ministerjali 32085/1771
(5)    Il-Liġi 4714/2020 (il-Gazzetta tal-Gvern A΄ 148) ratifikata mid-Deċiżjoni Ministerjali 32085/1771.