Brussell, 29.5.2020

COM(2020) 404 final

2020/0106(COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) 2015/1017 fir-rigward tal-ħolqien ta’ Strument ta’ Appoġġ għas-Solvenza


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Il-Kummissjoni qed tipproponi li tisfrutta l-qawwa sħiħa tal-baġit tal-UE biex jiġi mobilizzat l-investiment u jiġi antiċipat l-appoġġ finanzjarju fl-ewwel snin kruċjali ta’ rkupru. Dawn il-proposti huma bbażati fuq tliet pilastri:

·żieda fil-limiti massimi skont il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014-2020 biex tkun tista’ ssir l-implimentazzjoni immedjata tal-miżuri fl-Unjoni u lil hinn minnha b’rispons għall-impatt tal-pandemija tal-COVID-19;

·Strument Ewropew tal-Irkupru ta’ emerġenza bħala miżura eċċezzjonali fuq il-bażi tal-Artikolu 122 TFUE, li l-finanzjament tiegħu se jkun ibbażat fuq l-awtonomizzazzjoni pprovduta fil-proposta tad-Deċiżjoni dwar ir-riżorsi proprji. Il-fondi se jippermettu l-implimentazzjoni ta’ miżuri li jaġixxu malajr biex jiġi protett l-għajxien, tiżdied il-prevenzjoni u tissaħħaħ ir-reżiljenza u l-irkupru b’rispons għall-kriżi;

·Qafas Finanzjarju Pluriennali msaħħaħ għall-2021-2027.

F’dan il-kuntest il-Kummissjoni qed tipproponi li tindirizza l-konsegwenzi soċjoekonomiċi negattivi tal-pandemija tal-COVID-19 għall-ħaddiema, għall-unitajiet domestiċi u għall-kumpaniji fl-Unjoni. Ħafna kumpaniji Ewropej diġà qed jiffaċċjaw diffikultajiet ta’ solvenza minħabba l-kriżi u l-problemi se jaċċentwaw billi r-restrizzjonijiet fuq l-attivitajiet ekonomiċi u soċjali għadhom fis-seħħ u r-regoli ta’ tbegħid se jkomplu jħallu impatt fuq l-attivitajiet tan-negozji f’ħafna setturi. Id-diffikultajiet jistgħu jkunu fit-tul anki lil hinn mil-lockdown attwali, u jaggravaw l-inugwaljanzi ekonomiċi eżistenti bejn l-Istati Membri u fihom stess.

Huwa diffiċli li jiġi stabbilit numru eżatt għall-bżonnijiet ta’ tiswija tal-ekwità li jirriżultaw mill-impatt ekonomiku tal-pandemija tal-COVID-19. L-istimi tal-Kummissjoni li huma dderivati minn data fil-livell tad-ditti jissuġġerixxu li dawn il-ħtiġijiet jistgħu jkunu madwar EUR 720 biljun fl-2020 f’każ li jimmaterjalizza x-xenarju bażi sottostanti għat-Tbassir tar-Rebbiegħa. Dawn l-eżiġenzi jkunu ogħla b’mod sinifikanti jekk il-miżuri ta’ konfinament jibqgħu fis-seħħ għal perjodu itwal milli preżunt fit-Tbassir tar-Rebbiegħa, jew jekk ikollhom jerġgħu jiġu imposti minħabba li t-tifqigħa terġa’ tfeġġ. F’xenarju ta’ kriżi, fejn it-tkabbir tal-PDG fl-2020 ikun previst li jkun -15,5 %, l-impatt dirett fuq l-ekwità tal-kumpaniji inkorporati kollha (elenkati u mhux elenkati) fl-UE27 jista’ jiżdied għal EUR 1,2 triljun. Jekk jibqgħu ma jiġux indirizzati, dawn id-defiċits ta’ kapital jistgħu jwasslu għal perjodu twil b’investiment imnaqqas u rata ta’ qgħad ogħla. L-impatt ta’ dawn id-defiċits ta’ kapital se jkun inugwali bejn is-setturi, ir-reġjuni, l-ekosistemi industrijali u l-Istati Membri, u b’hekk iwassal għal diverġenzi fis-Suq Uniku. B’mod ġenerali, il-biċċa l-kbira tal-ekosistemi industrijali Ewropej jiddependu fuq ktajjen ta’ provvista kumplessi fost l-Istati Membri fis-Suq Uniku.

Dan huwa aggravat mill-fatt li l-kapaċità tal-Istati Membri li jipprovdu għajnuna mill-istat tvarja ferm.

Din il-proposta tippreżenta strument temporanju bbażat fuq l-ekwità, li għalih il-perjodu ta’ investiment b’rabta mat-tieqa ta’ appoġġ għas-solvenza ġeneralment idum sal-aħħar tal-2024 fir-rigward tal-approvazzjonijiet mill-Kumitat tal-Investiment u mill-korpi governattivi tal-BEI / FEI u sa tmiem l-2026 fir-rigward tal-iffirmar tal-operazzjonijiet. Il-kumpaniji li għandhom jiġu appoġġati fil-qafas ta’ din il-proposta huma dawk li għandhom mudell ta’ negozju li altrimenti huwa vijabbli imma li qed jiltaqgħu ma’ problemi ta’ solvenza minħabba l-kriżi tal-COVID-19. L-iskop huwa li jingħataw għajnuna biex jegħlbu dan il-perjodu diffiċli biex imbagħad ikunu f’pożizzjoni li jirkupraw la jasal iż-żmien.

Objettiv ieħor tal-proposta huwa li jiġu kontrobilanċjati d-distorsjonijiet mistennija fis-Suq Uniku, billi ċerti Stati Membri jaf ma jkollhomx biżżejjed mezzi baġitarji disponibbli biex jipprovdu appoġġ adegwat lill-kumpaniji fi bżonn. Għaldaqstant, id-disponibbiltà tal-miżuri nazzjonali ta’ appoġġ għas-solvenza għall-kumpaniji jistgħu jvarjaw sostanzjalment fost l-Istati Membri u b’hekk jinħolqu kundizzjonijiet li mhumiex ekwi. Barra minn hekk, billi hemm riskju konsiderevoli li l-impatt tal-COVID-19 se jkun fit-tul, in-nuqqas ta’ kapaċità li tingħata għajnuna lill-kumpaniji vijabbli jista’ jwassal għal distorsjonijiet sistemiċi, bir-riżultat li jinħolqu inugwaljanzi ġodda jew li jissaħħu l-inugwaljanzi eżistenti. Minħabba l-interkonnettività qawwija tal-ekonomija Ewropea, tnaqqis fir-ritmu ekonomiku f’parti waħda mill-UE jkollu effetti ta’ riperkussjoni negattivi fuq il-ktajjen tal-provvista transfruntiera u l-ekonomija tal-UE sħiħa. Min-naħa l-oħra, bl-istess argument, l-appoġġ f’parti waħda mill-UE jkollu effetti kollaterali pożittivi fuq il-ktajjen tal-provvista transfruntiera u l-ekonomija tal-UE sħiħa.

Fid-dawl tat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku kkawżat mill-COVID-19, fejn qed isiru kostretti l-finanzi pubbliċi, huwa importanti wkoll li jiġu mobilizzati r-riżorsi privati biex is-solvenza tal-kumpaniji vijabbli fl-Unjoni tiġi appoġġata kemm jista’ jkun.

Dawn l-objettivi se jiġu implimentati billi tiġi pprovduta garanzija tal-Unjoni lill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) fil-qafas tar-Regolament FEIS 1 . L-appoġġ għas-solvenza se jifforma t-tielet tieqa fil-qafas tal-FEIS — tieqa ta’ appoġġ għas-solvenza — sabiex jiġi mobilizzat il-kapital privat insostenn tas-solvenza tal-kumpaniji eliġibbli. Il-Grupp tal-BEI se juża l-garanzija tal-UE biex jinvesti prinċipalment permezz ta’ intermedjarji jew biex inaqqas ir-riskju tal-investituri privati li jinvestu f’kumpaniji eliġibbli, biex b’hekk jiġu mobilizzati riżorsi privati li jappoġġawhom. Il-Grupp tal-BEI se jagħmel dan billi jiggarantixxi jew jiffinanzja fondi ta’ ekwità, veikoli b’għanijiet speċjali, pjattaformi ta’ investiment, banek jew istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali jew jinvesti fihom, jew inkella, jekk meħtieġ, permezz ta’ investimenti diretti jew arranġamenti xierqa oħra.

Din il-proposta hija parti mill-inizjattiva ġenerali ta’ rkupru mħabbra mill-Kummissjoni. Huwa essenzjali li tali strument jiġi stabbilit mill-iktar fis possibbli fl-2020, mhux iktar tard mill-bidu ta’ Ottubru 2020, biex ikun jista’ jintuża malajr kemm jista’ jkun matul l-2021 fil-kapaċità sħiħa tiegħu.

L-Istrument ta’ Appoġġ għas-Solvenza se jkun miftuħ għall-Istati Membri kollha u għas-setturi kollha koperti mir-Regolament FEIS, b’fokus fuq dawk l-Istati Membri li l-ekonomiji tagħhom intlaqtu l-iktar mill-effetti tal-pandemija tal-COVID-19 u / jew jekk id-disponibbli tal-appoġġ għas-solvenza mill-Istat hija iktar limitata. L-iskop huwa li tingħata għajnuna biex tiġi restawrata l-vijabbiltà tal-kumpaniji u jiġi sfruttat il-potenzjal tat-tkabbir tagħhom, filwaqt li jsir kontribut lejn il-prijoritajiet tal-Unjoni, bħat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali jew l-appoġġ għall-attività transfruntiera fl-Unjoni kif ukoll it-tisħiħ tad-dimensjoni soċjali u tal-konverġenza tal-Unjoni. L-appoġġ se jkun disponibbli biex jibbenefikaw l-objettivi kollha tar-Regolament.

Sabiex tingħata għajnuna għat-tnedija tal-Istrument, l-Istati Membri jistgħu (i) jistabbilixxu veikoli nazzjonali b’għanijiet speċjali li jistgħu japplikaw għal appoġġ fil-qafas tal-opportunità ta’ appoġġ għas-solvenza; (ii) jinvestu f’konformità mar-regoli tal-għajnuna mill-Istat flimkien mal-garanzija jew l-investiment tal-Grupp tal-BEI, direttament jew permezz ta’ bank jew istituzzjoni promozzjonali nazzjonali f’fondi jew f’veikoli b’għanijiet speċjali; u (iii) jiffaċilitaw il-ħolqien ta’ fondi ta’ ekwità jew veikoli b’għanijiet speċjali billi jinvolvu investituri istituzzjonali.

Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ tipparteċipa f’żieda possibbli fil-kapital (f’ċiklu wieħed jew aktar) tal-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI), li se jkollu rwol ewlieni fl-appoġġ tal-irkupru ekonomiku permezz tal-ħruġ ta’ garanziji, it-twettiq ta’ operazzjonijiet ta’ titolizzazzjoni u l-appoġġ tal-investimenti ta’ ekwità fl-Unjoni kollha. Jenħtieġ li fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali rivedut jiġi riżervat pakkett finanzjarju sa EUR 500 000 000 għall-perjodu attwali għal dan il-għan sabiex l-Unjoni, irrappreżentata mill-Kummissjoni, tkun tista’ żżomm is-sehem globali tagħha fil-kapital tal-FEI.

L-istruttura ta’ governanza tal-FEIS se tinżamm u se tapplika għat-tielet opportunità. Fil-qafas tal-opportunità ta’ appoġġ għas-solvenza, il-Kumitat tal-Investiment se japprova kull operazzjoni ta’ finanzjament jew ta’ investiment tal-BEI, jiġifieri se jiddeċiedi dwar l-għoti tal-garanzija tal-UE għall-finanzjament, għall-garanzija jew għall-investiment f’fond, veikolu b’għanijiet speċjali, bank jew istituzzjoni promozzjonali nazzjonali jew veikolu ieħor. Fir-rigward tal-operazzjonijiet li għandhom jitwettqu mill-FEI, il-Kumitat tal-Investiment jiġi kkonsultat dwar il-prodotti finanzjarji li l-Bord ta’ Tmexxija u d-Direttur Maniġerjali jkunu approvaw, li permezz tagħhom il-FEI jikkonkludi l-operazzjonijiet individwali. Id-deċiżjonijiet individwali dwar l-għażla tal-kumpaniji li se jirċievu appoġġ intermedjat se jsiru mill-maniġer tal-fond jew tal-veikolu skont il-kriterji stabbiliti fir-Regolament FEIS u fl-arranġamenti kuntrattwali rilevanti ffirmati mal-BEI. Il-Kumitat tal-Investiment jista’ jżomm id-dritt li japprova s-sottooperazzjonijiet sottostanti skont ir-Regolament FEIS f’każ ta’ operazzjonijiet ta’ finanzjament jew ta’ investiment tal-BEI. L-Istati Membri mhumiex involuti fit-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar l-għoti tal-garanzija tal-UE. Ladarba l-Kumitat tal-Investiment fil-qafas tar-Regolament InvestEU propost 2 ikun beda bil-funzjonijiet tiegħu, il-kompiti tal-Kumitat tal-Investiment skont ir-Regolament FEIS għandhom jitwettqu minn tal-ewwel.

F’konformità mar-Regolament FEIS attwali, mhuma se jiġu stabbiliti l-ebda kwoti ġeografiċi. Se tinżamm il-mira tal-azzjoni klimatika.

Madankollu, il-Bord ta’ Tmexxija għandu jiddefinixxi limiti ta’ konċentrazzjoni ġeografiċi speċifiċi għall-opportunità ta’ appoġġ għas-solvenza, skont il-prinċipji stabbiliti fil-qafas ta’ dan ir-Regolament biex jiġi żgurat, rispettivament, li l-maġġoranza tal-garanzija tal-UE fil-qafas tal-istrument ta’ appoġġ għas-solvenza tappoġġa l-kumpaniji eliġibbli fl-Istati Membri u s-setturi li ġew l-iktar milquta b’mod negattiv minn lat ekonomiku minħabba l-pandemija tal-COVID-19 u li l-maġġoranza ta’ dik il-garanzija tappoġġa kumpaniji eliġibbli f’dawk l-Istati Membri jekk id-disponibbiltà tal-appoġġ għas-solvenza mill-Istat hija iktar limitata. Dan jiżgura li l-garanzija tal-UE tiġi ggwidata kif meħtieġ b’mod flessibbli. Il-limiti jistgħu jiġu aġġornati maż-żmien fid-dawl tal-impatt tal-COVID-19, filwaqt li jiġi evitat li l-appoġġ mill-Istrument ikun ikkonċentrat f’għadd limitat ta’ Stati Membri.

L-Istrument ta’ Appoġġ għas-Solvenza se jappoġġa l-kumpaniji fl-Unjoni li, jekk huma vijabbli, se jiffaċċjaw riskji ta’ solvenza minħabba l-kriżi ekonomika kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19 (esklużi dawk meqjusa li kienu f’diffikultà f’termini ta’ għajnuna mill-Istat 3 fl-aħħar tal-2019) bil-ħsieb li jerġgħu lura għal perkors ta’ negozju sostenibbli u profittabbli. Kriterji oħra b’rabta mal-ekwità jew mal-finanzjament ibridu se jiġu stabbiliti fil-linji gwida għall-investiment jew se jiġu stabbiliti fil-ftehim tal-garanzija. Sabiex jiġi evitat li l-kumpaniji b’aċċess għall-finanzjament tal-ekwità jibbenefikaw mill-Istrument u biex tkun żgurata l-addizzjonalità tiegħu, jenħtieġ li l-finanzjament tal-ekwità jiġi pprovdut f’termini kummerċjali jew skont termini simili għal dawk previsti mill-Qafas Temporanju għall-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat 4 (bħar-remunerazzjoni u l-istrateġija ta’ ħruġ), filwaqt li titqies debitament in-natura Ewropea tal-Istrument u l-ġestjoni indipendenti tal-fondi u tal-veikoli l-oħra, kif ukoll id-disparità tas-swieq tal-ekwità fl-Unjoni kollha. Id-diliġenza dovuta b’rabta mal-fondi jew veikoli intermedjarji oħra se ssir mill-BEI jew mill-FEI skont ir-regoli u l-proċeduri tagħhom u l-objettivi tal-opportunità ta’ appoġġ għas-solvenza, filwaqt li d-diliġenza dovuta b’rabta mal-kumpaniji sottostanti ssir mill-fondi jew mill-veikoli l-oħra.

Il-fondi jew il-veikoli intermedjarji jiġu stabbiliti fl-Unjoni. 

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Il-proposta tikkomplementa l-appoġġ ta’ investiment u l-aċċess għal finanzjament disponibbli fil-qafas tar-Regolament FEIS u tar-Regolament InvestEU propost għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027 billi jingħata appoġġ lill-kumpaniji li għandhom mudell kummerċjali vijabbli iżda jistgħu jiffaċċjaw problemi ta’ solvenza minħabba l-kriżi tal-COVID-19. Bis-saħħa tal-Istrument ta’ Appoġġ għas-Solvenza, tali kumpaniji jistgħu jikkumbattu l-impatt tal-kriżi permezz ta’ appoġġ temporanju għas-solvenza.

L-Istrument ta’ Appoġġ għas-Solvenza jikkomplementa programmi oħra tal-Unjoni li jiffokaw fuq il-mitigazzjoni tal-impatt tal-kriżi tal-COVID-19 jew fuq ir-rilanċ mill-ġdid tal-ekonomija malli tgħaddi l-kriżi tal-COVID-19. Huwa jikkomplementa b’mod partikolari l-appoġġ lill-SMEs li se jiġi pprovdut permezz ta’ (i) l-assistenza għall-irkupru għall-koeżjoni (“REACT-EU”), li se tipprovdi appoġġ li jingħata minn qabel ukoll għall-SMEs; u (ii) il-Fond ta’ Garanzija Pan-Ewropew b’rispons għall-kriżi tal-COVID-19 li qed jiġi stabbilit mill-BEI u li huwa bbażat fuq garanzija mill-Istati Membri. Apparti dan, it-tieqa għall-SMEs li qed tissaħħaħ fil-qafas tal-InvestEU se tipprovdi appoġġ addizzjonali mill-2021.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

L-Istrument ta’ Appoġġ għas-Solvenza huwa konsistenti mal-politiki rilevanti tal-Unjoni, bħall-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-Pjan ta’ Investiment għal Ewropa Sostenibbli u l-politiki settorjali relatati mal-appoġġ għall-investiment.

Jenħtieġ li l-kundizzjonijiet tal-operazzjonijiet ta’ finanzjament u ta’ investiment fil-qafas tat-tieqa ta’ appoġġ għas-solvenza jkunu konsistenti mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi u jiġu ffaċilitati kombinazzjonijiet possibbli ma’ appoġġ mogħti direttament mill-Istati Membri. Barra minn hekk, hija debitament meqjusa n-natura Ewropea tal-Istrument ta’ Appoġġ għas-Solvenza kif ukoll il-ġestjoni indipendenti tal-fondi u tal-veikoli l-oħra.

Il-garanzija tal-UE se tiġi stabbilita biex tiġi evitata kwalunkwe distorsjoni bla bżonn tal-kompetizzjoni, billi tkun limitata għall-indirizzar tal-isfida tar-restawr tal-pożizzjoni kapitali tal-kumpaniji li ma kinux f’diffikultà qabel it-tifqigħa tal-COVID-19 u li issa qed jiffaċċjaw riskji sinifikanti ta’ solvenza minħabba l-kriżi. Barra minn hekk, se jiġu involuti investituri privati u se tkun inkoraġġita l-emerġenza ta’ fondi u veikoli ġodda. Il-loġika kummerċjali tapplika għal deċiżjonijiet dwar il-finanzjament u maniġers ta’ fondi indipendenti mmexxija kummerċjalment se jagħżlu kumpaniji bi prospetti adegwati ta’ ritorn.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-proposta temenda r-Regolament FEIS, jiġifieri tapplika l-istess bażi ġuridika.

Sussidjarjetà

L-għanijiet tal-proposta ma jistgħux jinkisbu biżżejjed mill-Istati Membri u jistgħu jintlaħqu aħjar mill-Unjoni. Minħabba d-disparitajiet li jeżistu fil-kapaċità ta’ azzjoni baġitarja tal-Istati Membri, l-azzjoni fil-livell tal-Unjoni tista’ tikseb aħjar l-objettivi segwiti, minħabba l-portata u l-effetti tagħha. Speċifikament, azzjoni fil-livell tal-Unjoni se tippermetti li jiġu kontrobilanċjati d-distorsjonijiet fis-suq intern kawża tal-kapaċità fiskali differenti tal-Istati Membri biex jipprovdu għajnuna mill-Istat għal appoġġ għas-solvenza lill-kumpaniji tagħhom u tippermetti wkoll li ktajjen tal-provvista interkonnessi fis-suq intern jiffunzjonaw b’inqas tfixkil billi jiġu evitati l-fallimenti ta’ kumpaniji vijabbli. Barra minn hekk se jkunu possibbli ekonomiji tal-kobor fl-użu tal-garanzija baġitarja tal-Unjoni flimkien mal-finanzjament tal-Grupp tal-BEI billi tingħata spinta lill-investiment tas-settur privat fl-Unjoni sħiħa.

Proporzjonalità

Il-proposta ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkisbu l-objettivi segwiti. Huwa maħsub li jappoġġa l-kumpaniji u l-proġetti li qed ibatu bil-konsegwenzi ekonomiċi tal-pandemija tal-COVID-19, li taffettwa lill-Istati Membri kollha. Il-mobilizzazzjoni ta’ fondi privati għal appoġġ għas-solvenza flimkien ma’ fondi pubbliċi tingrana r-riżorsi baġitarji b’mod effiċjenti u proporzjonat.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Din il-proposta hija parti mill-pakkett bil-għan li jikkumbatti l-konsegwenzi ekonomiċi negattivi tal-pandemija tal-COVID-19 u huwa miżura ta’ kriżi.

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Minħabba l-urġenza biex titħejja l-proposta biex tkun tista’ tiġi adottata fil-ħin mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, ma setgħetx titwettaq konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati.

Valutazzjoni tal-impatt

Minħabba n-natura urġenti tal-proposta, ma saret l-ebda valutazzjoni tal-impatt.

 4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-garanzija tal-UE pprovduta fil-qafas tar-Regolament FEIS tiżdied minn EUR 26 biljun għal EUR 92,4 biljun. F’konformità mar-riskju stmat tal-portafoll li jinħoloq fil-qafas tat-tieqa ta’ appoġġ għas-solvenza, il-porzjon tal-garanzija tal-UE li jiġi attribwit lil dik it-tielet tieqa huwa stmat li jeżiġi proviżjonament ta’ 50 %, li jirrifletti r-riskju ogħla tal-investimenti mmirati fiċ-ċirkostanzi ekonomiċi attwali. Barra minn hekk, id-daqs konsiderevoli tal-garanzija tal-UE u t-tipi ta’ interventi previsti jindikaw ukoll il-ħtieġa għal approċċ ta’ proviżjonament konservattiv. Dan ifisser li l-proviżjonament addizzjonali b’rabta maż-żieda fil-garanzija tal-UE se jkun ta’ EUR 33,2 biljun. B’mod kumpless, ir-rata ta’ proviżjonament tal-fond ta’ garanzija tal-UE għalhekk se tinġieb għal 45,8 % tal-obbligazzjonijiet totali tal-garanzija tal-UE. Konsegwentement, jenħtieġ li l-fond ta’ garanzija tal-FEIS jiżdied bi EUR 33,2 biljun, biex jilħaq EUR 42,3 biljun bħala total.

Ir-riżorsi addizzjonali se jiġu mobilizzati permezz ta’ żieda tal-limiti massimi skont il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014-2020 u l-finanzjament magħmul disponibbli permezz tal-Istrument Ewropew tal-Irkupru, fuq il-bażi tal-awtonomizzazzjoni pprovduta fid-Deċiżjoni l-ġdida dwar ir-Riżorsi Proprji.

Se jkun meħtieġ ammont speċifiku ta’ EUR 100 miljun biex ikopri l-ispejjeż relatati mal-istabbiliment u mal-ġestjoni tal-istrutturi (fondi ta’ ekwità, veikoli b’għanijiet speċjali, pjattaformi ta’ investiment u oħrajn), li permezz tagħhom għandu jiġi pprovdut l-appoġġ fil-qafas tat-tieqa ta’ appoġġ għas-solvenza u għal servizzi konsultattivi u assistenza teknika relatati, speċjalment insostenn tat-trasformazzjoni ekoloġika u diġitali tal-kumpaniji ffinanzjati fil-qafas tat-tieqa ta’ appoġġ għas-solvenza.

Il-parteċipazzjoni tal-Unjoni f’żieda kapitali possibbli mistennija (f’ċiklu wieħed jew aktar) tal-FEI se teħtieġ pakkett finanzjarju sa EUR 500 miljun fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali rivedut għall-perjodu attwali. Dan huwa relatat mas-sehem tal-Unjoni tal-parti mħallsa ta’ żieda fil-kapital. Jenħtieġ li l-Unjoni tkun tista’ żżomm is-sehem globali tagħha fil-kapital tal-FEI.

Id-dikjarazzjoni finanzjarja leġiżlattiva li takkumpanja din il-proposta fiha iktar informazzjoni baġitarja.

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

Il-BEI, direttament jew permezz tal-FEI, se jimplimenta l-Istrument ta’ Appoġġ għas-Solvenza. L-arranġamenti ta’ monitoraġġ u rapportar se jkunu stipulati fil-ftehim ta’ garanzija u se jkunu konformi mar-rekwiżiti eżistenti. Il-monitoraġġ se jinkludi indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni biex jiġi segwit il-progress lejn il-ksib tal-objettivi tat-tieqa ta’ appoġġ għas-solvenza.

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Id-dispożizzjonijiet speċifiċi huma spjegati mill-Kapitolu rilevanti tar-Regolament FEIS.

Kapitolu II

Fil-qafas tal-FEIS hija stabbilita t-tielet tieqa (tieqa ta’ appoġġ għas-solvenza).

Il-kriterji għall-użu tal-garanzija tal-UE fil-qafas tat-tieqa ta’ appoġġ għas-solvenza jiddefinixxu li l-kumpaniji u l-proġetti li huma eliġibbli biex jibbenefikaw mill-garanzija tal-UE fil-qafas tat-tieqa ma setgħux kienu f’diffikultà fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat fl-aħħar tal-2019, biex il-garanzija tal-UE tintuża għal appoġġ għas-solvenza biex jirkupraw mill-kriżi kkawżata bil-pandemija tal-COVID-19. Il-kumpaniji jinkludu wkoll veikoli b’għanijiet speċjali, kumpaniji li jwettqu proġett u sħubijiet pubbliċi-privati.

L-appoġġ jingħata permezz ta’ investimenti jew fondi, veikoli b’għanijiet speċjali, pjattaformi ta’ investiment jew permezz ta’ mezzi intermedjati oħra. Hija mħeġġa l-kooperazzjoni ma’ banek jew istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali oħra.

Kapitolu III u Linji Gwida għall-Investiment (Anness II)

Sabiex ikunu eliġibbli għall-appoġġ għas-solvenza, il-kumpaniji jridu joperaw u jkunu stabbiliti fl-Unjoni.

Huwa previst li kemm il-BEI kif ukoll il-FEI jkunu jistgħu jwettqu operazzjonijiet fil-qafas tat-tieqa ta’ appoġġ għas-solvenza.

L-objettivi ġenerali tal-FEIS huma kkomplementati b’referenza għall-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Istrateġija dwar it-tiswir tal-futur diġitali tal-Ewropa, u għall-ħtieġa li jiġu evitati d-disparitajiet reġjonali li jirriżultaw mill-irkupru asimetriku fil-perjodu ta’ wara l-pandemija tal-COVID-19.

Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jistabbilixxi kwalunkwe rekwiżiti meħtieġa b’rabta mal-kontroll tal-intermedjarji (fondi, veikoli b’għanijiet speċjali u oħrajn) fid-dawl ta’ kwalunkwe kunsiderazzjonijiet ta’ ordni pubbliku jew sigurtà applikabbli.

L-appoġġ jista’ jiġi indirizzat permezz ta’ varjetà ta’ strumenti u prodotti, inkluż permezz ta’ istituzzjonijiet u banek promozzjonali nazzjonali f’konformità mar-regoli tal-għajnuna mill-Istat u internazzjonali applikabbli.

Il-garanzija tal-UE b’rabta mat-tieqa ta’ appoġġ għas-solvenza tammonta għal EUR 66,4 biljun. Bl-introduzzjoni tagħha, it-total tal-garanzija tal-UE jiżdied għal massimu ta’ EUR 92,4 biljun. Il-proviżjonament korrispondenti (rata ta’ proviżjonament ta’ 50 % għaż-żieda tal-garanzija tal-UE), jammonta għal EUR 33,2 biljun, li jġibu t-total tal-fond ta’ garanzija tal-FEIS għal EUR 42,3 biljun. Konsegwentement, ir-rata ta’ proviżjonament globali hija aġġustata għal 45,8 %.

Il-perjodu ta’ investiment b’rabta mat-tieqa ta’ appoġġ għas-solvenza ġeneralment idum sal-aħħar tal-2024 fir-rigward tal-approvazzjonijiet mill-Kumitat tal-Investiment u mill-korpi governattivi tal-BEI / FEI u sa tmiem l-2026 fir-rigward tal-iffirmar tal-operazzjonijiet. Madankollu, 60 % tal-operazzjonijiet ta’ finanzjament u ta’ investiment iridu jkunu diġà ġew approvati sa tmiem l-2022.

Il-Kumitat tal-Investiment japprova l-użu tal-garanzija tal-UE fil-qafas tat-tieqa ta’ appoġġ għas-solvenza, kif bħalissa huwa l-każ għaż-żewġ twieqi l-oħra. F’każ ta’ operazzjonijiet imwettqa mill-FEI, il-Kumitat tal-Investiment jiġi kkonsultat dwar il-prodotti finanzjarji. Ladarba jkun fis-seħħ il-Kumitat tal-Investiment fil-qafas tar-Regolament InvestEU propost, dan se jkun inkarigat mill-għoti tal-garanzija tal-UE wkoll għat-tieqa ta’ appoġġ għas-solvenza biex tkun evitata d-duplikazzjoni ta’ strutturi.

Il-mira hija li jiġu mobilizzati sa EUR 300 biljun fl-ekonomija reali fil-qafas tat-tieqa ta’ appoġġ għas-solvenza.

Huwa previst ammont separat ta’ EUR 100 miljun biex ikopri l-ispejjeż, is-servizzi konsultattivi u l-assistenza teknika marbuta mal-istabbiliment u l-ġestjoni ta’ fondi, veikoli b’għanijiet speċjali, pjattaformi ta’ investiment u veikoli oħra għall-finijiet tal-istrument ta’ appoġġ għas-solvenza. Dan għandu jappoġġa wkoll it-trasformazzjoni ekoloġika u diġitali tal-kumpaniji ffinanzjati fil-qafas tat-tieqa ta’ appoġġ għas-solvenza.

Il-Kummissjoni se tiġġestixxi dan l-appoġġ. Hija tista’ tafda wkoll kompiti liċ-Ċentru Ewropew ta’ Konsulenza għall-Investimenti (European Investment Advisory Hub, EIAH) jekk xieraq.

L-Anness II jipprovdi aktar dettalji tekniċi dwar l-istrumenti u l-prodotti li għandhom jintużaw u dwar l-istrutturi ta’ finanzjament fil-qafas tat-tieqa ta’ appoġġ għas-solvenza u jirreferi għall-iffissar tal-limiti ta’ konċentrazzjoni ġeografika speċifiċi mill-Bord ta’ Tmexxija.

Kapitolu IIIa

Il-parteċipazzjoni tal-Unjoni fiż-żieda/żidiet kapitali mistennija tal-FEI hija prevista f’dan il-Kapitolu.

Kapitolu IV

L-assistenza teknika u l-appoġġ konsultattiv se jkunu disponibbli mill-Kummissjoni jew tramite l-EIAH biex l-Istati Membri jiġu appoġġati fl-istabbiliment ta’ fondi, veikoli b’għanijiet speċjali jew veikoli oħra li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-garanzija tal-Unjoni, speċjalment għall-Istati Membri b’swieq tal-ekwità mhux żviluppati. Dan l-appoġġ jista’ jkopri wkoll l-ispejjeż għat-twaqqif u l-ġestjoni tal-fondi jew ta’ veikoli oħra.

Kapitolu VI

L-obbligi ta’ rapportar speċifiċi fir-rigward tal-operazzjonijiet ta’ finanzjament u ta’ investiment fil-qafas tat-tieqa ta’ appoġġ għas-solvenza għandhom jiġu stipulati fil-ftehim tal-garanzija mal-BEI.

Kapitolu VIII

Sabiex jiżgura l-operazzjonalizzazzjoni rapida tal-Istrument ta’ Appoġġ għas-Solvenza, il-BEI jista’ jipproponi lill-Kumitat tal-Investiment li jagħti l-appoġġ tal-garanzija tal-UE fil-qafas tat-tieqa ta’ appoġġ għas-solvenza għall-garanziji jew għall-finanzjament li pprovda fil-perjodu bejn l-adozzjoni ta’ din il-proposta leġiżlattiva mill-Kummissjoni u l-iffirmar tal-ftehim tal-garanzija emendat bejn il-Kummissjoni u l-BEI. Sabiex jikkwalifikaw għal tali “ħażna”, il-garanziji jew il-finanzjament rilevanti jridu jissodisfaw il-kriterji tat-tieqa ta’ appoġġ għas-solvenza. Il-BEI għandu jippreżenta tali proposta ladarba jkun fis-seħħ ir-Regolament FEIS emendat.

2020/0106 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) 2015/1017 fir-rigward tal-ħolqien ta’ Strument ta’ Appoġġ għas-Solvenza

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 172 u 173, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 175 u l-Artikolu 182(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 5 ,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni 6 ,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi

(1)L-istimi tal-Kummissjoni li huma dderivati minn data fil-livell tad-ditti jissuġġerixxu li l-eżiġenzi ta’ tiswija tal-ekwità b’riżultat tal-pandemija tal-COVID-19 jistgħu jkunu madwar EUR 720 biljun fl-2020. Din iċ-ċifra tista’ tkun ogħla jekk il-miżuri ta’ konfinament jibqgħu fis-seħħ għal żmien itwal minn dak li qed jiġi preżunt bħalissa, jew jekk jerġgħu jiġu imposti minħabba li jerġgħu jiżdiedu l-kontaminazzjonijiet. Jekk jibqgħu ma jiġux indirizzati, dawn id-defiċits ta’ kapital jistgħu jwasslu għal perjodu twil b’investiment imnaqqas u rata ta’ qgħad ogħla. L-impatt ta’ dawn id-defiċits ta’ kapital se jkun inugwali bejn is-setturi u l-Istati Membri, u b’hekk iwassal għal diverġenzi fis-suq uniku. Dan huwa aggravat mill-fatt li l-kapaċità tal-Istati Membri li jipprovdu għajnuna mill-Istat tvarja ferm.

(2)F’konformità mar-Regolament [l-Istrument ta’ Rkupru tal-Unjoni Ewropea] u fil-limiti tar-riżorsi allokati fih, il-miżuri tal-irkupru u tar-reżiljenza fil-qafas tat-tieqa ta’ appoġġ għas-solvenza tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi jenħtieġ li jittieħdu biex jindirizzaw l-impatt bla preċedent tal-kriżi tal-COVID-19.  Jenħtieġ li tali riżorsi addizzjonali jintużaw b’tali mod li jiżguraw il-konformità mal-limiti ta’ żmien stipulati fir-Regolament [EURI].   

(3)Sabiex jikkumbattu l-konsegwenzi ekonomiċi severi tal-pandemija tal-COVID-19 fl-Unjoni, il-kumpaniji li qed jiffaċċjaw diffikultajiet minħabba l-kriżi ekonomika kkawżata bil-pandemija u li ma jistgħux jiksbu appoġġ suffiċjenti permezz ta’ finanzjament mis-suq, jew miżuri meħuda mill-Istati Membri, jenħtieġ li jingħataw faċilità ta’ appoġġ għas-solvenza b’mod urġenti fil-qafas tal-Istrument ta’ Appoġġ għas-Solvenza li jenħtieġ jiżdied bħala t-tielet tieqa fil-qafas tal-FEIS.

(4)Jenħtieġ li l-kumpaniji li jingħataw appoġġ fil-qafas tal-Istrument ta’ Appoġġ għas-Solvenza joperaw u jkunu stabbiliti fl-Unjoni, jiġifieri jenħtieġ li l-uffiċċju rreġistrat tagħhom ikun fi Stat Membru u jenħtieġ li jkunu attivi fl-Unjoni fis-sens li jkollhom attivitajiet sostanzjali fir-rigward ta’ persunal, manifattura, riċerka u żvilupp jew attivitajiet kummerċjali oħra fl-Unjoni. Jenħtieġ li jwettqu attivitajiet insostenn tal-objettivi koperti b’dan ir-Regolament. Jenħtieġ li jkollhom mudell ta’ negozju vijabbli kif ukoll li ma kinux f’diffikultà f’termini tal-qafas tal-għajnuna mill-Istat 7 diġà fl-aħħar tal-2019. Jenħtieġ li l-appoġġ jiġi mmirat lejn il-kumpaniji eliġibbli li joperaw f’dawk l-Istati Membri u s-setturi li ntlaqtu l-iktar mill-kriżi tal-COVID-19 u / jew jekk id-disponibbiltà tal-appoġġ għas-solvenza mill-Istat tkun iktar limitata.

(5)Jenħtieġ li l-garanzija tal-UE mogħtija lill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) tiżdied b’EUR 66 436 320 000 sabiex tinħoloq it-tielet tieqa tal-FEIS — it-tieqa ta’ appoġġ għas-solvenza — li fil-qafas tagħha jenħtieġ li jingħata l-appoġġ għas-solvenza.

(6)Jenħtieġ li l-proviżjonament tal-garanzija tal-UE jiżdied skont dan. Minħabba r-riskju għoli tal-operazzjonijiet ta’ investiment u ta’ finanzjament fil-qafas tat-tieqa ta’ appoġġ għas-solvenza, jenħtieġ li r-rata ta’ proviżjonament globali tal-FEIS tiġi aġġustata għal 45,8 %.

(7)L-ammont tal-garanzija tal-UE disponibbli fil-qafas tat-tieqa ta’ appoġġ għas-solvenza mistenni jimmobilizza sa EUR 300 000 000 000 ta’ investiment fl-ekonomija reali.

(8)Jenħtieġ li l-mudelli tal-implimentazzjoni tal-appoġġ ikunu flessibbli minħabba soluzzjonijiet differenti fl-Istati Membri. Jenħtieġ li jkunu jinkludu, fost l-oħrajn, il-finanzjament, jew il-garanzija jew l-investiment tal-Grupp tal-BEI f’fondi eżistenti ġestiti b’mod indipendenti jew f’veikoli b’għanijiet speċjali li min-naħa tagħhom jinvestu f’kumpaniji eliġibbli. Barra minn hekk, l-appoġġ jista’ jiġi indirizzat permezz ta’ fondi ġestiti b’mod indipendenti li ġew stabbiliti reċentement, inkluż permezz ta’ timijiet għall-ewwel darba, jew permezz ta’ veikoli b’għanijiet speċjali stabbiliti apposta fil-livell Ewropew jew reġjonali jew nazzjonali bil-għan li jibbenefikaw mill-garanzija tal-UE biex jinvestu f’kumpaniji eliġibbli. Il-garanzija tal-UE tista’ tintuża wkoll biex tiggarantixxi jew tiffinanzja intervent minn bank jew istituzzjoni promozzjonali nazzjonali skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, flimkien ma’ investituri privati insostenn ta’ kumpaniji eliġibbli. Jenħtieġ li tiġi evitata distorsjoni bla bżonn tal-kompetizzjoni fis-suq intern.

(9)Jenħtieġ li l-fondi tal-ekwità, il-veikoli b’għanijiet speċjali, il-pjattaformi ta’ investiment u l-banek u l-istituzzjoni promozzjonali nazzjonali jipprovdu ekwità jew kważi ekwità (bħal dejn ibridu, azzjonijiet privileġġjata jew ekwità konvertibbli) lill-kumpaniji eliġibbli, bl-esklużjoni ta’ entitajiet li jimmiraw għal akkwiżizzjoni (jew kapital ta’ sostituzzjoni) maħsuba għal “asset stripping”.

(10)Jenħtieġ li l-operazzjonijiet ta’ finanzjament u investiment ikunu allinjati mal-prijoritajiet ta’ politika attwali tal-Unjoni, bħall-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Istrateġija dwar it-tiswir tal-futur diġitali tal-Ewropa. Jenħtieġ li jkun fil-mira wkoll l-appoġġ għall-attivitajiet transfruntiera.

(11)Jenħtieġ li tittieħed deċiżjoni dwar l-operazzjonijiet ta’ finanzjament u investiment fil-qafas tat-tieqa ta’ appoġġ għas-solvenza sal-aħħar tal-2024, filwaqt li għal mill-inqas 60 % tal-operazzjonijiet ta’ finanzjament u ta’ investiment għandha tittieħed deċiżjoni sal-aħħar tal-2022 biex tkun possibbli reazzjoni rapida għall-kriżi ekonomika kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19.

(12)Sabiex ikun possibbli li jiġi indirizzat appoġġ lill-ekonomija Ewropea permezz tal-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI), jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun f’pożizzjoni li tipparteċipa f’żieda jew f’iktar minn żieda waħda possibbli tal-kapital tal-FEI, biex tkun tista’ tkompli tappoġġa l-ekonomija Ewropea u l-irkupru tagħha. Jenħtieġ li l-Unjoni tkun tista’ żżomm is-sehem globali tagħha fil-kapital tal-FEI. Jenħtieġ li fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali rivedut għall-perjodu attwali jiġi previst pakkett finanzjarju suffiċjenti għal dan il-għan.

(13)Jenħtieġ li jiġi stabbilit ammont ta’ EUR 100 000 000 insostenn tal-istabbiliment u l-ġestjoni ta’ fondi ta’ investiment, veikoli b’għanijiet speċjali u pjattaformi ta’ investiment fl-Istati Membri, partikolarment f’dawk li ma għandhomx swieq żviluppati tal-fondi ta’ ekwità, u insostenn tat-trasformazzjoni ekoloġika u diġitali tal-kumpaniji ffinanzjati fil-qafas tat-tieqa ta’ appoġġ għas-solvenza.

(14)Jenħtieġ li l-Kumitat tal-Investiment skont ir-Regolament InvestEU jkun responsabbli għall-għoti tal-garanzija tal-UE anki fil-qafas ta’ dan ir-Regolament ladarba jiġi stabbilit.

(15)L-Artikolu 137(2) tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika jipprevedi li r-Renju Unit u l-proġetti li jinsabu fir-Renju Unit għandhom ikunu eliġibbli biss għall-operazzjonijiet ta’ finanzjament garantiti mill-baġit tal-Unjoni fil-qafas tal-FEIS li ġew approvati mill-entitajiet u l-korpi, inkluż mill-BEI u l-Fond Ewropew tal-Investiment (“FEI”), jew minn persuni inkarigati bl-implimentazzjoni ta’ parti minn dawn l-azzjonijiet, qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar il-Ħruġ. Barra minn hekk, l-Artikolu 143(1) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ jillimita r-responsabbiltà tar-Renju Unit rigward il-parti tiegħu ta’ obbligazzjonijiet kontinġenti tal-Unjoni għal dawk l-obbligazzjonijiet kontinġenti li jirriżultaw mill-operazzjonijiet finanzjarji deċiżi mill-Unjoni qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar il-Ħruġ. Kull obbligazzjoni kontinġenti tal-Unjoni fil-qafas ta’ dan ir-Regolament hija sussegwenti għad-data tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni. Għaldaqstant, jenħtieġ li dan ir-Regolament ma japplikax għar-Renju Unit.

(16)Ir-regoli finanzjarji orizzontali adottati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fuq il-bażi tal-Artikolu 322 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) japplikaw għal dan ir-Regolament. Dawn ir-regoli huma stipulati fir-Regolament Finanzjarju u jiddeterminaw b’mod partikolari l-proċedura għall-istabbiliment u l-implimentazzjoni tal-baġit permezz tal-għotjiet, l-akkwist, il-premju, l-implimentazzjoni indiretta, u jipprovdu għal verifiki dwar ir-responsabbiltà tal-atturi finanzjarji. Ir-regoli adottati fuq il-bażi tal-Artikolu 322 TFUE jikkonċernaw ukoll il-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni f’każ ta’ nuqqasijiet ġeneralizzati fir-rigward tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri, billi r-rispett għall-istat tad-dritt huwa prekundizzjoni essenzjali għal ġestjoni finanzjarja soda u effettiva tal-fondi tal-UE.

(17)Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 2015/1017 jiġi emendat skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE) Nru 2015/1017 huwa emendat kif ġej:

(1)Fl-Artikolu 2 jiżdied il-punt (9) li ġej:

“(9)    ‘kumpaniji’ tfisser kumpaniji, kumpaniji li jwettqu proġett, sħubijiet pubbliċi-privati u strutturi legali oħra għall-finijiet tat-tieqa ta’ appoġġ għas-solvenza.”

(2)Fl-Artikolu 3, jiżdied il-punt (c) li ġej:

“(c)    is-solvenza ta’ kumpaniji stabbiliti fi Stat Membru u li joperaw fl-Unjoni.”

(3)L-Artikolu 4(2)(a)(iv) huwa emendat kif ġej:

“l-ipprezzar tal-operazzjonijiet fil-qafas tal-garanzija tal-UE li għandu jkun konformi mal-politika tal-ipprezzar tal-BEI; għat-tieqa ta’ appoġġ għas-solvenza jista’ jintlaħaq ftehim dwar arranġamenti oħra;”

(4)Fl-Artikolu 5 jiżdied subparagrafu inċiż mal-aħħar subparagrafu tal-paragrafu 1 kif ġej:

“— appoġġ għal fondi, veikoli b’għanijiet speċjali, pjattaformi ta’ investiment jew arranġamenti oħra fil-qafas tat-tieqa ta’ appoġġ għas-solvenza.”

(5)Fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 6, jiżdied is-subparagrafu li ġej fil-punt (a):

“Madankollu, l-appoġġ fil-qafas tat-tieqa ta’ appoġġ għas-solvenza għandu jingħata biss jekk jibbenefika lil kumpaniji li ma kinux f’diffikultà f’termini ta’ għajnuna mill-Istat 8 diġà fl-aħħar tal-2019, iżda qed jiffaċċjaw riskji sinifikanti ta’ solvenza minħabba l-kriżi kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19;”

(6)Fl-Artikolu 6, il-paragrafu 3 huwa miżjud kif ġej:

“3.    Minkejja l-paragrafu 2, is-sottooperazzjonijiet mill-intermedjarji finanzjarji jistgħu jkunu limitati għal daqs minimu fl-operazzjonijiet ta’ finanzjament u ta’ investiment fil-qafas tat-tieqa ta’ appoġġ għas-solvenza.”

(7)Fl-Artikolu 7(2) jiżdied il-punt (e) ġdid:

“il-gwida msemmija fit-Taqsima 6(d) tal-Anness II.”

(8)Fl-Artikolu 8 huwa miżjud it-tielet paragrafu kif ġej:

“Minkejja l-ewwel paragrafu, huma biss il-kumpaniji stabbiliti fi Stat Membru u li joperaw fl-Unjoni li jistgħu jiġu appoġġati mill-operazzjonijiet ta’ finanzjament u ta’ investiment fil-qafas tat-tieqa ta’ appoġġ għas-solvenza.”

(9)Fl-Artikolu 9 tiżdied it-tieni sentenza mal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2 kif ġej:

“Il-garanzija tal-UE għandha tingħata wkoll għal operazzjonijiet ta’ finanzjament u ta’ investiment imwettqa mill-FEI fil-qafas tat-tieqa ta’ appoġġ għas-solvenza.”

(10)L-Artikolu 9, is-sentenza introduttorja tat-tielet subparagrafu tal-paragrafu 2 hija emendata kif ġej:

“L-operazzjonijiet ikkonċernati għandhom ikunu konsistenti mal-politiki tal-Unjoni, inkluż mal-Patt Ekoloġiku Ewropew 9 u mal-Istrateġija dwar it-tiswir tal-futur diġitali tal-Ewropa 10 , kif ukoll jappoġġaw irkupru inklużiv u simetriku wara l-pandemija tal-COVID-19, u jappoġġaw kwalunkwe wieħed mill-objettivi ġenerali li ġejjin:”

(11)Fl-Artikolu 9(2) jiżdied il-punt (j) mat-tielet subparagrafu kif ġej:

“(j)    appoġġ għas-solvenza fil-qafas tat-tieqa ta’ appoġġ għas-solvenza lill-kumpaniji msemmija fl-Artikolu 3(c), insostenn ta’ kwalunkwe wieħed mill-objettivi msemmija f’dan il-paragrafu.”

(12)Fl-Artikolu 9(2) l-aħħar subparagrafu jitħassar u jiddaħħal il-paragrafu 2a ġdid li ġej:

“Filwaqt li jirrikonoxxi n-natura xprunata mid-domanda tal-FEIS, il-BEI għandu:

(a)jimmira li mill-inqas 40 % tal-finanzjament tal-FEIS fil-qafas tal-opportunità ta’ infrastruttura u investiment jappoġġaw il-komponenti tal-proġett li jikkontribwixxu għall-azzjoni klimatika, f’konformità mal-impenji meħuda fil-21 Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (COP21). Il-finanzjament tal-FEIS għall-SMEs u għall-kumpaniji żgħar b’kapitalizzazzjoni medja ma għandux jiġi inkluż f’dak il-kalkolu. Il-BEI għandu juża l-metodoloġija miftiehma internazzjonalment tiegħu biex jidentifika dawk il-komponenti tal-proġetti jew il-kwoti tal-kostijiet tal-azzjoni klimatika;

(b)jiżgura li l-maġġoranza tal-finanzjament tal-FEIS fil-qafas tat-tieqa ta’ appoġġ għas-solvenza tintuża biex tappoġġa kumpaniji eliġibbli fi Stati Membri u setturi li huma ekonomikament l-iktar milquta mill-pandemija tal-COVID-19;

(c)jiżgura li l-maġġoranza tal-finanzjament tal-FEIS fil-qafas tat-tieqa ta’ appoġġ għas-solvenza tintuża biex tappoġġa kumpaniji eliġibbli fi Stati Membri jekk id-disponibbiltà tal-appoġġ mill-Istat għas-solvenza hija iktar limitata.

Jekk meħtieġ, il-Bord ta’ Tmexxija għandu jipprovdi gwida dettaljata dwar il-punti minn (a) sa (c).

(13)Il-punti (a) u (b) tal-Artikolu 9(3) huma emendati kif ġej:

“(a)    il-31 ta’ Diċembru 2020, għall-operazzjonijiet tal-BEI fil-qafas tal-opportunità ta’ infrastruttura u investiment li għalihom ikun ġie ffirmat kuntratt bejn il-BEI u l-benefiċjarju jew intermedjarju finanzjarju sal-31 ta’ Diċembru 2022;

(b)    il-31 ta’ Diċembru 2020, għall-operazzjonijiet tal-FEI fil-qafas tal-opportunità tal-SME li għalihom ikun ġie ffirmat kuntratt bejn il-BEI u l-benefiċjarju jew intermedjarju finanzjarju sal-31 ta’ Diċembru 2022;”

(14)Fl-Artikolu 9, jiżdied il-punt (c) mal-paragrafu 3 kif ġej:

“(c)    il-31 ta’ Diċembru 2024, għall-operazzjonijiet tal-BEI jew tal-FEI fil-qafas tal-garanzija tal-UE għat-tieqa ta’ appoġġ għas-solvenza msemmija fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 11(1). Il-kuntratti bejn il-BEI jew il-FEI u l-benefiċjarju jew l-intermedjarju finanzjarju għal dawk l-operazzjonijiet huma stipulati sal-31 ta’ Diċembru 2026, soġġetti għall-approvazzjoni mill-korpi governattivi tal-BEI jew tal-FEI f’konformità mal-Artikolu 4(6) tar-Regolament [EURI].”

(15)Fl-Artikolu 10, il-punti (b) u (c) tal-paragrafu 2 huma emendati kif ġej:

“(b)    il-finanzjament jew garanziji tal-BEI lill-FEI li jippermettilu jidħol għal self, garanziji, kontrogaranziji, jew kwalunkwe forma oħra ta' strument ta' titjib tal-kreditu, strumenti tas-suq tal-kapital jew investimenti ta' ekwità jew kważi ekwità, inkluż favur banek jew istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali, pjattaformi ta' investiment, fondi jew veikoli b’għanijiet speċjali;

(c)    il-garanziji tal-BEI għal banek jew istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali, pjattaformi ta’ investiment, fundi jew veikoli b’għanijiet speċjali taħt kontrogaranzija tal-garanzija tal-UE.”

(16)Fl-Artikolu 10, it-tielet subparagrafu ġdid jiżdied mal-paragrafu 2 kif ġej:

“L-istrumenti eliġibbli taħt it-tieqa ta’ appoġġ għas-solvenza għandhom jirriżultaw fl-għoti ta’ ekwità jew kważi ekwità lill-kumpaniji msemmija fl-Artikolu 3(c). Strumenti ibridi jistgħu jintużaw f’konformità mal-Anness II jekk tali strumenti jissodisfaw l-iskop tat-tieqa.”

(17)Fl-Artikolu 10, it-tieni frażi tiżdied mal-paragrafu 4 kif ġej:

“Taħt it-tieqa ta’ appoġġ għas-solvenza, il-FEI jista’ jagħti garanzija lill-fondi u lill-vetturi bi skop speċjali.”

(18)Fl-Artikolu 10, il-paragrafu 5 huwa miżjud kif ġej:

“L-intermedjarji taħt it-tieqa ta’ appoġġ għas-solvenza għandhom ikunu stabbiliti fi Stat Membru u joperaw fl-Unjoni. Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jistabbilixxi kwalunkwe rekwiżiti meħtieġa relatati mal-kontroll tal-intermedjarji (fondi, veikoli bi skop speċjali u oħrajn) fid-dawl ta’ kwalunkwe kunsiderazzjonijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà applikabbli.”

(19)L-Artikolu 11(1) huwa emendat kif ġej:

"1.    Il-garanzija tal-UE ma għandhiex, fi kwalunkwe ħin, taqbeż it-EUR 92 436 320 000, li minnhom parti tista’ tiġi allokata għall-finanzjament jew garanziji tal-BEI lill-FEI b’konformità mal-paragrafu 3 jew lit-tieqa ta’ appoġġ għas-solvenza.

Ammont sa massimu ta’ EUR 66 436 320 000 tal-garanzija tal-UE għandu jiġi allokat għall-operazzjonijiet taħt it-tieqa ta’ appoġġ għas-solvenza.

Ammont ta’ mhux aktar minn EUR 56 476 320 000 mill-ammont imsemmi fit-tieni subparagrafu għandu jiġi allokat għall-miżuri ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 2 tar-Regolament [EURI] u għandu jkun disponibbli biss mid-data msemmija fl-Artikolu 4(3) ta’ dak ir-Regolament.

Pagamenti netti aggregati mill-baġit ġenerali tal-Unjoni taħt il-garanzija tal-UE ma għandhomx jaqbżu it-EUR 92 436 320 000 u ma jaqbżux is-EUR 26 000 000 000 qabel [id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament].”

(20)Fl-Artikolu 11(3), l-ewwel frażi hija emendata kif ġej:

"3.    Jekk il-BEI jipprovdi finanzjament jew garanziji lill-FEI sabiex dan iwettaq operazzjonijiet ta’ finanzjament u ta’ investiment tal-BEI, il-garanzija tal-UE għandha tipprevedi garanzija sħiħa fuq tali finanzjament jew garanziji sa limitu inizjali ta’ EUR 6 500 000 0000, sakemm il-BEI jipprovdi gradwalment ammont ta’ mill-inqas EUR 4 000 000 000 ta’ finanzjament jew garanziji mingħajr kopertura mill-garanzija tal-UE.”

(21)Fl-Artikolu 11, it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 6 huwa emendat kif ġej:

"Il-garanzija tal-UE għandha tkopri wkoll l-ammonti msemmija fit-tieni, it-tielet u r-raba’ subparagrafi tal-Artikolu 9(6)."

(22)L-Artikolu 12 huwa emendat kif ġej:

(a)Fil-paragrafu 2, jiżdied il-punt ġdid (e) li ġej:

"(e)    ammont ta’ EUR 28 238 160 000 tal-ammont imsemmi fil-punt (ii) tal-Artikolu 3(2)(c) tar-Regolament [EURI].”

(b)Fil-paragrafu 3, jiddaħħal it-tieni subparagrafu:

“Dotazzjoni għall-fond ta’ garanzija previst fil-punt (e) tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għandu jikkostitwixxi dħul assenjat estern f’konformità mal-Artikolu 21(5) tar-Regolament Finanzjarju.”

(c) Il-paragrafu 5 huwa emendat kif ġej:

"5.    Il-kontribuzzjonijiet għall-fond ta’ garanzija msemmija fil-punti minn (a) sa (d) tal-paragrafu 2 u d-dotazzjoni msemmija fil-punt (e) tal-paragrafu 2 għandhom jintużaw biex jintlaħaq livell xieraq (ammont immirat) li jirrifletti t-total tal-obbligi ta’ garanzija tal-UE. L-ammont fil-mira għandu jkun stabbilit għal 45,8 % tal-obbligi ta’ garanzija totali tal-UE.”

(d)Il-paragrafu 7 huwa emendat kif ġej:

"7.    Mill-1 ta’ Jannar 2028, jekk minħabba talbiet għall-garanzija tal-UE, il-livell tal-fond ta’ garanzija jaqa’ taħt il-50 % tal-ammont immirat, jew jekk jista’ jaqa’ aktar ’l isfel minn dan il-livell fi żmien sena skont il-valutazzjoni tar-riskju tal-Kummissjoni, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar kwalunkwe miżura addizzjonali li tista’ tkun meħtieġa."

(e)Il-paragrafu 10 huwa emendat kif ġej:

"10.    Jekk il-garanzija tal-UE tiġi restawrata għal kollox għal ammont ta’ EUR 92 436 320 000, kull ammont fil-fond ta’ garanzija li jaqbeż l-ammont fil-mira għandu jitħallas lill-baġit ġenerali tal-Unjoni.”

(23)Fl-Artikolu 13, it-tieni paragrafu huwa emendat kif ġej:

“Jekk meħtieġ, approprjazzjonijiet ta' pagament jistgħu jiddaħħlu fil-baġit ġenerali tal-Unjoni lil hinn mill-2020 u jkopru sas-sena finanzjarja 2027 biex ikunu ssodisfati l-obbligi li joħorġu mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12(5).”

(24)Il-Kapitolu IIIa jiddaħħal kif ġej;

“Artikolu 13a

Parteċipazzjoni f’żieda fil-kapital tal-Fond Ewropew għall-Investiment

L-Unjoni għandha tissottoskrivi ishma f’żidiet kapitali li jmiss tal-Fond Ewropew għall-Investiment sabiex is-sehem relattiv tiegħu fil-kapital jibqa’ fil-livell kurrenti. Is-sottoskrizzjoni tal-ishma u l-ħlas sa EUR 500 000 000 tal-parti mħallsa tal-ishma għandhom jitwettqu skont it-termini u l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu approvati mil-Laqgħa Ġenerali tal-Fond.”

(25)L-Artikolu 14 huwa emendat kif ġej:

a) Fil-paragrafu 2, il-punt (i) jiddaħħal kif ġej:

"(i) li jipprovdi appoġġ għal operazzjonijiet ta’ finanzjament u investiment taħt it-tieqa ta’ appoġġ għas-solvenza."

b) Il-paragrafu 3 huwa emendat kif ġej:

"Is-servizzi tal-EIAH għandhom ikunu disponibbli għall-promoturi pubbliċi u privati ta' proġetti, inklużi banek jew istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali, pjattaformi ta' investiment, fondi, entitajiet bi skop speċjali u entitajiet pubbliċi reġjonali u lokali."

(26)L-Artikolu 14a jiddaħħal kif ġej;

"Artikolu 14a

Finanzjament ta’ servizzi ta’ konsulenza u assistenza teknika

Ammont ta’ mhux aktar minn EUR 100 000 000 għandu jkun disponibbli biex ikopri l-ispejjeż, is-servizzi konsultattivi u l-assistenza teknika u amministrattiva biex jiġu stabbiliti u ġestiti fondi, veikoli bi skop speċjali, pjattaformi ta’ investiment u vetturi oħrajn għall-finijiet tat-tieqa ta’ appoġġ għas-solvenza inkluż għall-appoġġ imsemmi fil-punt (i) tal-Artikolu 14(2) u b’fokus speċjali fuq l-Istati Membri bi swieq ta’ ekwità inqas żviluppati. L-assistenza teknika għandha tkun disponibbli wkoll biex tappoġġa t-trasformazzjoni ekoloġika u diġitali tal-kumpaniji ffinanzjati taħt din it-tieqa.

Il-Kummissjoni għandha timplimenta dan l-ammont b'ġestjoni diretta jew indiretta kif imsemmi fil-punti (a) u (c) tal-Artikolu 62(1) tar-Regolament Finanzjarju.

Ammont ta’ EUR 80 000 000 mill-ammont imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jikkostitwixxi fi dħul assenjat estern skont l-Artikolu 21(5) tar-Regolament Finanzjarju u għandu jkun soġġett għall-Artikolu 4(4) u (8) tar-Regolament [EURI].

(27)Fl-Artikolu 16, it-tieni subparagrafu ġdid jiżdied mal-paragrafu 2 kif ġej:

“Ir-rapporti tal-operazzjonijiet taħt it-tieqa ta’ appoġġ għas-solvenza għandhom ikunu separati, kif xieraq u kif stabbilit fil-ftehim ta’ garanzija.”

(28)Fl-Artikolu 16, it-tieni subparagrafu ġdid jiżdied mal-paragrafu 3 kif ġej:

“Rapporti finanzjarji annwali tal-garanzija tal-UE, imħejja f’konformità mar-regoli tal-kontabbiltà kif adottati mill-Uffiċjal tal-Kontabbiltà tal-Kummissjoni kif imsemmi fl-Artikolu 80 tar-Regolament Finanzjarju (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni. Ir-rapporti finanzjarji mhux awditjati u kwalunkwe informazzjoni meħtieġa biex jiġu prodotti l-kontijiet tal-Unjoni għandhom jiġu pprovduti mill-Grupp tal-BEI sal-15 ta’ Frar tas-sena finanzjarja ta’ wara u r-rapporti finanzjarji awditjati sal-31 ta’ Marzu tas-sena finanzjarja ta’ wara.”

(29)Fl-Artikolu 18(3), il-frażi ta’ introduzzjoni hija emendata kif ġej:

"3.    Sat-30 ta' Ġunju 2018, sat-30 ta’ Diċembru u kull tliet snin wara:"

(30)Fl-Artikolu 24, il-paragrafi 3 u 4 jiżdiedu b'dawn li ġejjin:

"3.    Il-BEI jista’ jippreżenta lill-Kumitat tal-Investiment wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament operazzjonijiet ta’ finanzjament u ta’ investiment approvati mill-korpi ta’ tmexxija tiegħu matul il-perjodu mill-adozzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni biex jiġi emendat ir-Regolament (UE) 2015/2017 sakemm jiġi ffirmat il-ftehim ta’ garanzija emendat li jirriżulta mir-Regolament emendat jekk dawn l-operazzjonijiet jissodisfaw ir-rekwiżiti għal appoġġ permezz tal-istrument ta’ appoġġ għas-solvenza. L-operazzjonijiet li għandhom jiġu ppreżentati lill-Kumitat tal-Investiment ma għandhomx ikunu bbenefikaw mill-appoġġ tal-garanzija tal-UE preċedentement.

4.    Ladarba l-Kumitat tal-Investiment previst fir-Regolament InvestEU jkun ħa l-funzjonijiet tiegħu, dan se jkun ukoll responsabbli għall-għoti tal-garanzija tal-UE skont dan ir-Regolament.”

(31)L-Anness II tar-Regolament (UE) 2015/1017 huwa emendat kif ġej:

(1)Fit-Taqsima 1, it-tielet paragrafu jinbidel b'dan li ġej:

“Il-linji gwida għall-investiment japplikaw biss għall-operazzjonijiet tal-FEIS relatati mal-istrumenti tad-dejn u tal-ekwità msemmija fl-Artikolu 10(2)(a) ta' dan ir-Regolament u għaldaqstant mhumiex applikabbli għall-operazzjonijiet tal-FEIS relatati mal-istrumenti imsemmija fl-Artikolu 10(2)(b) u 10(2)(c). Għalhekk, il-linji gwida mhumiex applikabbli għall-operazzjonijiet tal-FEIS relatati mal-istrumenti msemmija fl-Artikolu 10(2)(b) għajr dawk appoġġati taħt it-Tieqa ta’ Appoġġ għas-Solvenza.”

(2)It-Taqsima 2 hija emendata kif ġej:

(a)Fil-punt (b), l-ewwel paragrafu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

"(b) Il-garanzija tal-UE għandha tingħata biex jiġi sostnut, direttament jew indirettament, il-finanzjament ta' operazzjonijiet ġodda. Fil-qasam tal-infrastruttura, għandhom jiġu inkoraġġati l-investimenti f'żoni ġodda (ħolqien ta' assi). Jista' jingħata sostenn ukoll lil investimenti f'żoni abbandunati (estensjoni u modernizzazzjoni ta' assi eżistenti). Taħt it-Tieqa ta’ Appoġġ għas-Solvenza, il-finanzjament għandu jimmira li jtejjeb il-bażi ta’ ekwità tal-kumpaniji u s-solvenza tagħhom. It-termini tal-finanzjament għandhom jevitaw li jfixklu l-kompetizzjoni bejn il-kumpaniji. Bħala regola, il-garanzija tal-UE ma għandhiex tingħata għas-sostenn ta' operazzjonijiet ta' rifinanzjament (bħalma huma s-sostituzzjoni ta' ftehimiet ta' self eżistenti jew forom oħra ta' sostenn finanzjarju għal proġetti li diġà mmaterjalizzaw parzjalment jew totalment), ħlief f'ċirkustanzi eċċezzjonali u ġġustifikati b'mod sodisfaċenti u fejn jingħata prova li tali tranżazzjoni tippermetti investiment ġdid ta' ammont li, tal-inqas, ikun ekwivalenti għall-ammont tat-tranżazzjoni u li jissodisfa l-kriterji ta’ eliġibbiltà u l-objettivi ġenerali tal-FEIS stipulati fl-Artikolu 6 u l-Artikolu 9(2) rispettivament.”

(b)Il-punt (c) huwa emendat kif ġej:

"(c) Il-garanzija tal-UE għandha ssostni firxa wiesgħa ta' prodotti biex il-FEIS ikun jista' jadatta għall-ħtiġijiet tas-suq filwaqt li jinkoraġġixxi l-investiment privat fi proġetti, mingħajr ma jgerrex il-finanzjament fis-suq privat. F'dan il-kuntest, huwa mistenni li l-BEI se jipprovdi finanzjament fl-ambitu tal-FEIS bil-ħsieb li tintlaħaq mira globali ta' mhux inqas minn EUR 500 000 000 000 f'investiment pubbliku jew privat taħt it-Tieqa ta’ Infrastruttura u Innovazzjoni u taħt it-Tieqa SMEs flimkien, li jinkludi finanzjament mobilizzat permezz tal-FEI fl-ambitu tal-operazzjonijiet tal-FEIS relatati mal-istrumenti msemmija fl-Artikolu 10(2)(b), il-banek jew istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali u permezz ta’ aċċess imsaħħaħ għal finanzjament għal entitajiet li għandhom sa 3 000 impjegat. Il-prodotti eliġibbli għandhom jinkludu, fost l-oħrajn 11 , self, garanziji / kontrogaranziji, finanzjament intermedju jew subordinat, strumenti tas-suq tal-kapital inkluż titjib tal-kreditu, u investimenti ta' ekwità jew kważi ekwità, inkluż permezz ta' banek jew istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali, fondi ta’ pjattaformi ta' investiment jew veikoli b’għanijiet speċjali. F'dan il-kuntest, sabiex ikun jista' jkun hemm firxa wiesgħa ta' investituri li jinvestu fil-proġetti tal-FEIS, il-BEI għandu jkun jista' jistruttura portafolji adatti. Taħt it-Tieqa ta’ Appoġġ għas-Solvenza, il-prodotti eliġibbli għandhom jikkonsistu minn dawk li jirriżultaw fl-għoti ta’ investimenti, ekwità intermedjata jew kważi ekwità lil kumpaniji u proġetti, iżda esklużi entitajiet li jimmiraw għal akkwiżizzjoni (jew kapital ta’ sostituzzjoni) maħsuba għal stripping ta’ assi (buy-out). Huwa mistenni li l-BEI u l-FEI se jipprovdu finanzjament bil-ħsieb li jilħqu mira sa EUR 300 000 000 000 ta’ investiment taħt it-Tieqa ta’ Appoġġ għas-Solvenza.

(c)Fil-punt (d), l-ewwel frażi hija emendata kif ġej:

“(d) Banek jew istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali u pjattaformi ta' investiment jew fondi għandhom ikunu eliġibbli għall-kopertura mill-garanzija tal-BEI fil-ambitu tal-kontrogaranzija tal-garanzija tal-UE f'konformità mal-Artikolu 10(2)(c).”

(3)Fit-Taqsima 6, jiżdied il-punt (d) kif ġej:

“(d) Tieqa ta’ Appoġġ għas-Solvenza

Il-garanzija tal-UE tista’ tintuża biex tappoġġa l-finanzjament tal-BEI jew tal-FEI, jew garanziji għal, jew investimenti f’fondi, veikoli bi skop speċjali jew pjattaformi ta’ investiment oħra, inkluż permezz ta’ banek jew istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali jew arranġamenti rilevanti oħra, li jipprovdu ekwità u investimenti tat-tip ta’ ekwità fil-kumpaniji.

Fondi, veikoli bi skop speċjali jew pjattaformi ta’ investiment li jkollhom fil-mira kumpaniji involuti f’attivitajiet transfruntiera fl-Unjoni u / jew kumpaniji li għandhom potenzjal għoli ta’ trasformazzjoni ekoloġika jew diġitali għandhom ikunu mmirati b’mod partikolari taħt it-Tieqa ta’ Appoġġ għas-Solvenza.

Il-fondi, veikoli bi skop speċjali jew pjattaformi ta’ investiment għandhom jipprovdu finanzjament fuq termini kummerċjali jew fuq termini konsistenti mal-Qafas Temporanju tal-għajnuna mill-Istat 12 , filwaqt li titqies kif xieraq in-natura Ewropea tal-Istrument ta’ Appoġġ għas-Solvenza u tal-ġestjoni indipendenti tal-fondi u ta’ vetturi oħra.

Il-fondi, veikoli bi skop speċjali jew pjattaformi ta’ investiment għandu jkollhom ġestjoni kummerċjali li tieħu deċiżjonijiet ta’ investiment jew ġestjoni indipendenti li tkun ta’ distakkament minn kwalunkwe investitur.

Il-kumpaniji fil-mira ta’ fondi, veikoli bi skop speċjali jew pjattaformi ta’ investiment għandhom jiġu mħeġġa jikkonformaw, sa fejn ikun possibbli, ma’ salvagwardji soċjali u ambjentali minimi ta’ livell għoli f’konformità mal-gwida pprovduta mill-Bord ta’ Tmexxija. Din il-gwida għandha tinkludi dispożizzjonijiet adegwati biex jiġu evitati piżijiet amministrattivi żejda, filwaqt li jitqies id-daqs tal-kumpaniji u l-inklużjoni ta’ dispożizzjonijiet eħfef għall-SMEs. Kumpaniji b’ċertu livell ta’ esponiment għal lista predefinita ta’ attivitajiet li jagħmlu ħsara lill-ambjent, b’mod partikolari s-setturi koperti mis-Sistema tal-UE għan-Negozjar ta’ Emissjonijiet (EU Emissions Trading System, EU ETS), għandhom jiġu mħeġġa jistabbilixxu, fil-futur, pjanijiet ta’ tranżizzjoni ekoloġika. Il-kumpaniji għandhom jiġu mħeġġa wkoll biex javvanzaw fit-trasformazzjoni diġitali tagħhom. L-assistenza teknika għandha tkun disponibbli biex tassisti lill-kumpaniji għall-fini ta’ dawn it-transizzjonijiet.

L-operazzjonijiet ta’ titoli tat-tip ta’ ekwità tal-BEI għandhom jitwettqu f’konformità mar-regoli u l-proċeduri interni tal-BEI jew tal-FEI. L-informazzjoni kollha rilevanti għall-valutazzjoni tal-operazzjoni għandha tkun għad-dispożizzjoni tal-membri tal-Bord ta' Tmexxija u tal-Kumitat tal-Investiment.

Il-garanziji jew investimenti tal-BEI jew tal-FEI għandhom jiġu pprezzati skont l-Artikolu 4(2)(a)(iv) jew l-Artikolu 4(2)(a)(v).”

(4)Fit-Taqsima 8, il-punt (b) huwa emendat kif ġej:

“(b) Konċentrazzjoni Ġeografika

L-operazzjonijiet sostnuti mill-FEIS ma għandhomx ikunu kkonċentrati f'xi territorju speċifiku fi tmiem il-perjodu ta' investiment inizjali. Għal dan il-għan il-Bord ta' Tmexxija għandu jadotta linji gwida indikattivi dwar id-diversifikazzjoni u l-konċentrazzjoni ġeografika. Il-Bord ta' Tmexxija jista' jiddeċiedi li jimmodifika dawn il-limiti indikattivi, wara li jikkonsulta lill-Kumitat tal-Investiment.

Il-Bord ta’ Tmexxija għandu jistabbilixxi limiti ta’ diversifikazzjoni u konċentrazzjoni speċifiċi taħt it-Tieqa ta’ Appoġġ tas-Solvenza biex jiżgura li r-rekwiżiti rispettivi tal-Artikolu 9(2a) (b) u (c) jiġu ssodisfati, filwaqt li tiġi evitata konċentrazzjoni eċċessiva f’għadd limitat ta’ Stati Membri. Il-Bord ta’ Tmexxija għandu regolarment jevalwa l-impatt ekonomiku tal-pandemija COVID-19 fuq l-Istati Membri u fuq is-setturi. Fuq din il-bażi, il-Bord ta’ Tmexxija jista’ jiddeċiedi li jimmodifika dawn il-limiti, wara li jikkonsulta mal-Kumitat tal-Investiment.

Il-Bord ta' Tmexxija għandu, bil-miktub, jispjega lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill id-deċiżjonijiet tiegħu dwar il-limiti speċifiċi indikattivi tat-Tieqa ta’ Appoġġ għas-Solvenza. Il-FEIS għandu jimmira li jkopri l-Istati Membri kollha.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

DIKJARAZZJONI FINANZJARJA LEĠIŻLATTIVA

1.QAFAS TAL-PROPOSTA / TAL-INIZJATTIVA

1.1.Titolu tal-proposta / tal-inizjattiva

Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2015/1017 fir-rigward tal-ħolqien ta’ Strument ta’ Appoġġ għas-Solvenza

1.2.Qasam/oqsma ta’ politika kkonċernat(i) fl-istruttura ABM / ABB 13  

Qasam politiku: Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji

Attività tal-ABB: Operazzjonijiet u strumenti finanzjarji

Għall-Attivitajiet tal-ABB fid-detall, irreferi għat-Taqsima 1.4.2.

1.3.Natura tal-proposta inizjattiva

 Il-proposta / l-inizjattiva hija dwar azzjoni ġdida 

 Il-proposta / l-inizjattiva hija dwar azzjoni ġdida b'segwitu għal proġett pilota / azzjoni preparatorja 14  

X Il-proposta / l-inizjattiva hija dwar l-estensjoni ta’ azzjoni eżistenti 

 Il-proposta / l-inizjattiva hija dwar azzjoni diretta mill-ġdid lejn azzjoni ġdida 

1.4.Għan(ijiet)

1.4.1.L-għan(ijiet) strateġiku/ċi pluriennali tal-Kummissjoni fil-mira tal-proposta / tal-inizjattiva

L-appoġġ għal investimenti li jtejbu t-tkabbir u appoġġ għas-solvenza f’konformità mal-prijoritajiet tal-Unjoni bħall-Patt Ewropew Ekoloġiku, il-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa Sostenibbli u l-politiki settorjali relatati mal-appoġġ għall-investiment.

1.4.2.Għan(ijiet) speċifiku/ċi u l-attività/ajiet ABM / ABB ikkonċernat(i)

Għan Speċifiku Nru 1: Żieda fl-għadd u l-volum ta' operazzjonijiet ta' finanzjament u investiment tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) f'oqsma prijoritarji

Għan Speċifiku Nru 2: Il-forniment ta’ appoġġ ta’ konsulenza għall-identifikazzjoni, it-tħejjija u l-iżvilupp ta’ proġetti ta’ investiment lil kontropartijiet pubbliċi u privati jew l-appoġġ għall-istabbiliment u l-ġestjoni ta’ fondi u vetturi oħra għall-finijiet tal-istrument ta’ appoġġ għas-solvenza

Attività/attivitajiet ABM/ABB kkonċernata/i

ECFIN: Operazzjonijiet u strumenti finanzjarji

1.4.3.Riżultat(i) u impatt mistennija

Il-proposta mistennija timmobilizza investiment ta’ EUR 300 000 000 000 fl-ekonomija reali billi tappoġġa kumpaniji li qed jiffaċċjaw diffikultajiet ekonomiċi minħabba l-kriżi kkawżata mill-pandemija COVID-19 fl-Unjoni.

1.4.4.Indikaturi tar-riżultati u l-impatt

Il-kisba tal-objettivi tal-proposta se tiġi mmonitorjata permezz ta’ indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni u indikaturi ewlenin ta’ monitoraġġ f’konformità mal-arranġamenti eżistenti relatati mat-Tieqa għall-Infrastruttura u l-Innovazzjoni u t-Tieqa għall-SMEs skont ir-Regolament tal-FEIS. Se jiġu stabbiliti indikaturi speċifiċi għat-Tieqa ta’ Appoġġ għas-Solvenza, kif xieraq.

1.5.Raġunijiet għall-proposta / għall-inizjattiva

1.5.1.Rekwiżit(i) li jrid(u) jiġi/u ssodisfat(i) fi żmien qasir jew twil

Il-Kummissjoni qed tipproponi li ssaħħaħ il-proposta tagħha għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali biex jiġu indirizzati l-konsegwenzi ekonomiċi negattivi tal-pandemija COVID-19 għall-kumpaniji u l-proġetti fl-Unjoni. Ħafna minnhom diġà qed iħabbtu wiċċhom ma’ diffikultajiet ta’ solvenza minħabba l-kriżi u l-problemi se jaggravawhekk kif il-perjodu ta’ għeluq qed ikompli u r-regoli ta’ tbegħid se jkomplu jħallu impatt fuq l-attivitajiet tan-negozju f’ħafna setturi. Id-diffikultajiet jistgħu jdumu anki wara l-lockdown.

Il-kumpaniji li għandhom jiġu appoġġati huma dawk b’mudell ta’ negozju vijabbli qabel il-kriżi iżda li huma limitati b’mod limitat minħabba l-kriżi COVID-19. L-għan huwa li dawn jiġu megħjuna jegħlbu dan il-perjodu diffiċli sabiex jibqgħu hemm biex jappoġġaw l-irkupru meta jasal il-waqt.

1.5.2.Valur miżjud tal-involviment tal-UE

Il-proposta għandha l-ħsieb li tibbilanċja d-distorsjonijiet mistennija fis-Suq Uniku minħabba li d-disponibbiltà ta’ miżuri ta’ appoġġ għas-solvenza għall-kumpaniji tista’ tvarja b’mod sostanzjali madwar l-Istati Membri u twassal għal kundizzjonijiet mhux ekwi.

1.5.3.Tagħlimiet meħuda minn esperjenzi simili fl-imgħoddi

Qed jiġi propost li tiġi sfruttata n-nefqa baġitarja billi tiġi pprovduta garanzija tal-UE sabiex jiġi attirat ukoll finanzjament privat biex jappoġġa kumpaniji fl-Unjoni, kif diġà sar b’suċċess skont ir-Regolament tal-FEIS.

1.5.4.Kompatibbiltà u sinerġija possibbli ma’ strumenti xierqa oħra

Il-proposta hija konsistenti mal-politiki rilevanti tal-Unjoni bħall-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa Sostenibbli u l-politiki settorjali relatati mal-appoġġ għall-investiment.

L-Istrument ta’ Appoġġ għas-Solvenza jikkomplementa programmi oħra tal-Unjoni li jiffokaw fuq il-mitigazzjoni tal-impatt tal-kriżi tal-COVID-19 jew fuq ir-rilanċ mill-ġdid tal-ekonomija malli tgħaddi l-kriżi tal-COVID-19. Dan jikkumplimenta b’mod partikolari l-appoġġ lill-SMEs li se jiġi pprovdut permezz ta’ (i) l-assistenza għall-irkupru għall-koeżjoni (“REACTEP”), li se tipprovdi appoġġ li jingħata minn qabel ukoll għall-SMEs; u (ii) billi l-Fond ta’ Garanzija Pan-Ewropew bi tweġiba għall-kriżi tal-COVID-19 jiġi stabbilit mill-BEI mirfud b’garanzija mill-Istati Membri. Apparti dan, it-tieqa għall-SMEs li qed tissaħħaħ fil-qafas tal-InvestEU se tipprovdi appoġġ addizzjonali mill-2021.

1.6.It-tul ta' żmien u l-impatt finanzjarju

x Proposta / inizjattiva i’tul ta' żmien limitat

   Il-proposta / l-inizjattiva tkun fis-seħħ mill-2020 sal-2026

x    Impatt finanzjarju mill-2020 sal-2027

1.7.Mod(i) ta’ ġestjoni ppjanat(i) 15

x Ġestjoni diretta mill-Kummissjoni

x mid-dipartimenti tagħha, inkluż il-persunal tagħha fid-delegazzjonijiet tal-Unjoni;

   mill-aġenziji eżekuttivi

 Ġestjoni kondiviża mal-Istati Membri

x Ġestjoni indiretta billi l-kompiti tal-implimentazzjoni tal-baġit jiġu fdati:

pajjiżi terzi jew lill-korpi nnominati minnhom;

organizzazzjonijiet internazzjonali u l-aġenziji tagħhom (iridu jiġu speċifikati);

X il-BEI u l-Fond Ewropew tal-Investiment;

korpi msemmija fl-Artikoli 208 u 209 tar-Regolament Finanzjarju;

korpi rregolati bil-liġi pubblika;

korpi rregolati bil-liġi privata b’missjoni ta’ servizz pubbliku safejn jipprovdu garanziji finanzjarji adegwati;

korpi rregolati bil-liġi privata ta’ Stat Membru li jkunu fdati bl-implimentazzjoni ta’ sħubija pubblika-privata u li jipprovdu garanziji finanzjarji adegwati;

persuni fdati bl-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet speċifiċi fil-PESK skont it-Titolu V TUE u li huma identifikati fl-att bażiku rilevanti.

Kummenti

Il-Fond ta’ Garanzija tal-FEIS huwa b'ġestjoni diretta tal-Kummissjoni. Iċ-Ċentru Ewropew ta’ Konsulenza għall-Investimenti huwa ġestit indirettament permezz tal-BEI. Is-servizzi konsultattivi u l-assistenza teknika jistgħu jiġu ġestiti direttament jew indirettament mill-Kummissjoni, inkluż permezz tal-BEI.

2.MIŻURI TA’ ĠESTJONI

2.1.Regoli ta’ monitoraġġ u ta’ rapportar

Skont l-Artikolu 10 tar-Regolament FEIS, il-BEI, f'kooperazzjoni mal-FEI kif xieraq, jirrapporta kull sitt xhur lill-Kummissjoni dwar l-operazzjonijiet ta' finanzjament u investiment tal-BEI. Barra minn hekk, il-BEI, f'kooperazzjoni mal-FEI kif xieraq, jirrapporta kull sena lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-operazzjonijiet ta' finanzjament u investiment tal-BEI. Sal-31 ta’ Marzu ta' kull sena, il-Kummissjoni hi meħtieġa tibgħat lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u l-Qorti tal-Awdituri rapport annwali dwar is-sitwazzjoni tal-Fond ta' Garanzija u dwar il-ġestjoni tiegħu fis-sena ta’ qabel.

Skont l-Artikolu 12 tar-Regolament FEIS, il-BEI għandu jevalwa l-funzjonament tal-FEIS u jipprovdi l-evalwazzjoni tiegħu lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tevalwa l-użu tal-garanzija tal-UE u l-funzjonament tal-Fond ta' Garanzija u tipprovdiha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Rapport komprensiv tal-funzjonament tal-FEIS huwa meħtieġ kull tliet snin (li jmiss fl-2021), kif ukoll rapport komprensiv dwar l-użu tal-garanzija tal-UE u l-funzjonament tal-Fond ta' Garanzija.

2.2.Sistema ta' ġestjoni u kontroll

2.2.1.Riskju/i identifikat(i)

L-operazzjonijiet ta' finanzjament u investiment tal-BEI koperti mill-garanzija tal-UE jġorru riskju finanzjarju mhux negliġibbli. Il-probabbiltà li l-garanzija tintalab hija tanġibbli. Madankollu, huwa stmat li l-Fond ta' Garanzija jipprovdi l-protezzjoni meħtieġa għall-baġit tal-Unjoni. Il-proġetti nfushom jistgħu jkunu suġġetti għal dewmien fl-implimentazzjoni u sabiex jinqabżu l-ispejjeż.

Anki jekk fuq il-bażi ta' suppożizzjonijiet konservattivi, il-kosteffiċjenza tal-inizjattiva tista' ssofri minn nuqqas ta' użu fis-suq tal-istrumenti u tibdil fil-kundizzjonijiet tas-suq maż-żmien li jnaqqsu l-effett multiplikatur maħsub.

Skont l-Artikolu 8(4) tar-Regolament FEIS, ir-riżorsi tal-Fond ta' Garanzija jridu jiġu investiti. Dawn l-investimenti se jġorru riskju ta' investiment (pereż. riskju tas-suq u ta' kreditu) u xi riskju operazzjonali.

2.2.2.Informazzjoni dwar is-sistema ta’ kontroll intern li ġiet stabbilita

Il-FEIS huwa mmexxi minn Bord ta' Tmexxija, li jiddetermina l-orjentazzjoni strateġika tal-FEIS, il-politiki u l-proċeduri ta' operazzjoni, ir-regoli applikabbli għall-operazzjonijiet mal-pjattaformi ta' investiment u l-banek promozzjonali nazzjonali u l-profil tar-riskju tal-FEIS.

Il-Kumitat tal-Investiment japprova l-użu tal-garanzija tal-UE fil-qafas tat-tieqa ta’ appoġġ għas-solvenza, kif bħalissa huwa l-każ għaż-żewġ twieqi l-oħra. F’każ ta’ operazzjonijiet imwettqa mill-FEI, il-Kumitat tal-Investiment jiġi kkonsultat dwar il-prodotti finanzjarji. Il-Kumitat tal-Investiment huwa magħmul minn esperti indipendenti li għandhom l-għarfien u l-esperjenza fl-oqsma tal-proġetti ta' investiment u jwieġbu lill-Bord ta' Tmexxija, li jissorvelja t-twettiq tal-objettivi tal-FEIS.

Hemm ukoll Direttur Amministrattiv responsabbli għall-ġestjoni ta' kuljum tal-FEIS u għat-tħejjijiet tal-laqgħa tal-Kumitat tal-Investiment. Id-Direttur Amministrattiv iwieġeb direttament lill-Bord ta' Tmexxija u jirrapporta kull tliet xhur dwar l-attivitajiet tal-FEIS lill-Bord tat-Tmexxija. Id-Direttur Amministrattiv ġie maħtur mill-President tal-BEI, wara l-approvazzjoni mill-Parlament Ewropew tal-kandidat magħżul mill-Bord ta' Tmexxija.

Il-Kummissjoni tamministra l-assi tal-Fond ta' Garanzija skont ir-Regolament u skont ir-regoli u l-proċeduri interni tagħa li jkunu fis-seħħ.

2.3.Miżuri għall-prevenzjoni tal-frodi u l-irregolaritajiet

L-Artikolu 21 tar-Regolament FEIS jiċċara l-kompetenza tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (l-OLAF) biex jinvestiga l-operazzjonijiet appoġġati minn din l-inizjattiva. Il-Grupp tal-BEI stabbilixxa regoli speċifiċi għall-kooperazzjoni mal-OLAF b’rabta ma’ każijiet possibbli ta’ frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li hija ta’ detriment għall-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet.

Lil hinn minn dan, ir-regoli u l-proċeduri tal-BEI huma applikabbli, inkluż, fost l-oħrajn, il-Politika ta’ Kontra l-Frodi tal-BEI.

3.IMPATT FINANZJARJU STMAT TAL-PROPOSTA / TAL-INIZJATTIVA

3.1.Intestatura/i tal-qafas finanzjarju pluriennali u l-linja/i baġitarja tan-nefqa affettwati

·Linji baġitarji eżistenti

Fl-ordni tal-intestaturi tal-qafas finanzjarju pluriennali u l-linji baġitarji.

Intestatura tal-qafas finanzjarju pluriennali

Linja baġitarja

Tip ta’ nefqa

Kontribuzzjoni

Numru  
Intestatura 1a (2014-2020 MFF) ………………………...……………]

Diff. / Mhux diff 16 .

minn pajjiżi tal-EFTA 17

minn pajjiżi kandidati 18

minn pajjiżi terzi

fis-sens tal-Artikolu 21(2)(b) tar-Regolament Finanzjarju

1a

01.010401 Nefqa ta' appoġġ għall-”Fond Ewropew għal Investimenti Strutturali (FEIS)”

Mhux diff

LE

LE

LE

LE

1a

01.040101 Fond Ewropew tal-Investiment — Forniment ta’ azzjonijiet totalment imħallsa ta’ kapital sottoskritt

01.0404 Garanzija għall-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (FEIS)

01.040502 Forniment tal-Garanzija għall-"Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEISI)" – Tieqa ta’ Solvenza

01.040602 Servizz Ewropew ta' Konsulenza għall-Investiment (EIAH) u Portal Ewropew ta' Proġetti ta' Investiment (EIPP) – (Assistenza teknika) – Tieqa ta’ Solvenza

Differenzjata

LE

LE

LE

LE

·Linji baġitarji ġodda mitluba

Fl-ordni tal-intestaturi tal-qafas finanzjarju pluriennali u l-linji baġitarji.

Intestatura tal-qafas finanzjarju pluriennali

Linja baġitarja

Tip ta’ 
nefqa

Kontribuzzjoni

Numru  
Intestatura 1 (2021-2027 MFF)

Diff. / mhux diff.

minn pajjiżi tal-EFTA

minn pajjiżi kandidati

minn pajjiżi terzi

fis-sens tal-Artikolu 21(2)(b) tar-Regolament Finanzjarju

1

02.0104 Nefqa ta' appoġġ għall-”Fond Ewropew għal Investimenti Strutturali (FEIS)”

Mhux diff

LE

LE

LE

LE

1

02.0501 Garanzija għall-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (FEIS)

02.050202 Forniment tal-Garanzija għall-"Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEISI)" – Tieqa ta’ Solvenza

02.050302 Servizz Ewropew ta' Konsulenza għall-Investiment (EIAH) u Portal Ewropew ta' Proġetti ta' Investiment (EIPP) – (Assistenza teknika) – Tieqa ta’ Solvenza

Diff

LE

LE

LE

LE

3.2.Impatt stmat fuq in-nefqa

3.2.1.Sommarju tal-impatt stmat fuq in-nefqa

EUR miljuni (sa tliet pożizzjonijiet deċimali)

Intestatura tal-qafas finanzjarju pluriennali

Numru

Intestatura 1a (MFF 2014-2020) imbagħad Intestatura 1 (MFF 2021-2027)

2020

2021

2022

2023

2024

2025

2026

2027

TOTALI

01.010401 (2020) imbagħad 02.0104 Nefqa ta' appoġġ għall-”Fond Ewropew għal Investimenti Strutturali (FEIS)”

Impenji =

Pagamenti

(3)

2 000

p.m.

p.m.

p.m.

p.m.

p.m.

p.m.

2 000

2 000

p.m.

p.m.

p.m.

p.m.

p.m.

p.m.

2 000

01.040101 Fond Ewropew tal-Investiment — Forniment ta’ azzjonijiet totalment imħallsa ta’ kapital sottoskritt

Impenji

500 000

p.m.

p.m.

p.m.

p.m.

p.m.

p.m.

500 000

Pagamenti

500 000

p.m.

p.m.

p.m.

p.m.

p.m.

p.m.

500,000

01.0404 (2020) imbagħad 02.0501 Garanzija għall-"Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS)”

Impenji

(1)

p.m.

p.m.

p.m.

p.m.

p.m.

p.m.

p.m.

p.m.

Pagamenti

(2)

p.m.

p.m.

p.m.

p.m.

p.m.

p.m.

p.m.

p.m.

01.040502 (2020) imbagħad 02.050202 Forniment tal-Garanzija għall-"Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS)" – Tieqa ta’ Solvenza

Impenji

(1)

4 980 000

p.m.

p.m.

p.m.

p.m.

p.m.

p.m.

p.m.

4 980 000

Pagamenti

(2)

2 490 000

490 000

500 000

500 000

500 000

500 000

p.m.

p.m.

4 980 000

01.040602 (2020) imbagħad 02.050302 Servizz Ewropew ta' Konsulenza għall-Investiment (EIAH) u Portal Ewropew ta' Proġetti ta' Investiment (EIPP) – (Assistenza teknika) – Tieqa ta’ Solvenza

Impenji

(1)

18 000

p.m.

p.m.

p.m.

p.m.

p.m.

p.m.

p.m.

18 000

Pagamenti

(2)

8 000

10 000

p.m.

p.m.

p.m.

p.m.

p.m.

p.m.

18 000

TOTAL tal-approprjazzjonijiet għall-pakkett tal-programm

Impenji

=1+3

5 500 000

p.m.

p.m.

p.m.

p.m.

p.m.

p.m.

p.m.

5 500 000

Pagamenti

=2+3

3 000 000

500 000

500 000

500 000

500 000

500 000

p.m.

p.m.

5 500 000

 

Minbarra l-pakkett finanzjarju allokat għall-garanzija tal-FEIS skont ir-Regolament (UE) 2015/1017 (ir-Regolament dwar il-FEIS), EUR 28 318,160 miljun (fi prezzijiet attwali) se jkunu disponibbli bħala dħul assenjat estern, fis-sens tal-Artikolu 21(5) tar-Regolament Finanzjarju bħala finanzjament mill-Istrument Ewropew ta’ Rkupru. Minn dawn, sa EUR 6 520 miljun jistgħu jkunu ddedikati għan-nefqa amministrattiva, fosthom l-ispejjeż għall-persunal estern
.

Ammont speċifiku ta’ EUR 80 miljun se jkun meħtieġ biex ikopri l-ispejjeż operattivi relatati mal-istabbiliment u l-ġestjoni tal-istrutturi (fondi ta’ ekwità, veikoli bi skop speċjali, pjattaformi ta’ investiment u oħrajn) li permezz tagħhom għandu jiġi pprovdut l-appoġġ taħt it-tieqa ta’ appoġġ għas-solvenza u għal servizzi konsultattivi u assistenza teknika relatati, inkluż appoġġ amministrattiv. F’konformità mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament EURI, l-impenji legali koperti minn dħul assenjat estern li ġej mis-self għandhom jiddaħħlu sal-31 ta’ Diċembru 2024.

It-tqassim indikattiv tan-nefqa minn dħul assenjat estern huwa kif ġej:

FEIS - Strument ta’ Solvenza

2021

2022

2023

2024

2025

2026

2027

Wara l-2027

TOTALI

Infiq operattiv minn dħul assenjat estern tal-EURI

Impenji

(1)

8 275 120

8 441 120

5 740 120

5 855 280

28 311 640

Pagamenti

(2)

4 717 773

4 718 773

4 718 773

3 539 080

3 539 080

3 539 080

3 539 080

28 311 640

Infiq ta’ appoġġ amministrattiv minn dħul assenjat estern tal-EURI

Impenji = Pagamenti

(3)

1 880

0 880

0 880

0 720

0 720

0 720

0 720

6 520

Dħul assenjat estern totali

Impenji

=1+3

8 277 000

8 442 000

5 741 000

5 856 000

0 720

0 720

0 720

28 318 160

Pagamenti

=2+3

4 719 653

4 719 653

4 719 653

3 539 800

3 539 800

3 539 800

3 539 800

28 318 160



Intestatura tal-qafas finanzjarju pluriennali

5 / 7

“Nefqa amministrattiva”

EUR miljuni (sa tliet pożizzjonijiet deċimali)

Sena 
2020

Sena 
2021

Sena 
2022

Sena 2023

Sena 
2024

Sena 2025

Sena 2026

Sena 2027

TOTALI

DG: ECFIN

• Riżorsi umani

• Nefqa amministrattiva oħra

TOTAL TAD-DĠ ECFIN

Approprjazzjonijiet

TOTAL tal-approprjazzjonijiet 
taħt l-INTESTATURA 5 (2020) /

INTESTATURA 7 (2021-2027) 
tal-qafas finanzjarju pluriennali 

(Impenji totali = Pagamenti totali)

TOTAL tal-approprjazzjonijiet fl-INTESTATURI kollha tal-qafas finanzjarju pluriennali

2020

2021

2022

2023

2024

2025

2026

2027

Wara l-2027

Totali

Impenji

Pagamenti

3.2.2.Impatt stmat fuq l-approprjazzjonijiet ta’ natura amministrattiva

3.2.2.1.Sommarju

   Il-proposta / l-inizjattiva ma teħtieġx l-użu ta’ approprjazzjonijiet ta’ natura amministrattiva

X    Il-proposta / l-inizjattiva teħtieġ l-użu ta’ approprjazzjonijiet ta’ natura amministrattiva, kif spjegat hawn taħt:

EUR miljuni (sa tliet pożizzjonijiet deċimali)

Sena 
2020

Sena 
2021

Sena 
2022

Sena 
2023

Sena 
2024

Sena 
2025

Sena 
2026

Sena 
2027

TOTALI

INTESTATURA 5/7 
tal-qafas finanzjarju pluriennali

Riżorsi umani

Nefqa amministrattiva oħra

Subtotal tal-INTESTATURA 5/7 
tal-qafas finanzjarju pluriennali

Barra l-INTESTATURA 5/7 19  
of the multiannual financial framework

Riżorsi umani

0 880

0 880

0 880

0 720

0 720

0 720

0 720

5 520

Nefqa oħra  
ta’ natura amministrattiva

2

1

3

Subtotal  
barra l-INTESTATURA 7 
tal-qafas finanzjarju pluriennali

TOTALI

2

1 880

0 880

0 880

0 720

0 720

0 720

0 720

8 520

L-approprjazzjonijiet meħtieġa għar-riżorsi umani u għal infiq ieħor ta’ natura amministrattiva se jiġu ssodisfati b’approprjazzjonijiet mid-DĠ li diġà jkunu assenjati għall-ġestjoni tal-azzjoni u / jew kienu ġew skjerati mill-ġdid fid-DĠ, flimkien, jekk ikun neċessarju, ma’ kull allokazzjoni addizzjonali li tista’ tingħata lid-DĠ maniġerjali skont il-proċedura annwali ta’ allokazzjoni u fid-dawl tal-limitazzjonijiet baġitarji. Persunal estern addizzjonali u se jkun iffinanzjat biss minn dħul assenjat.

3.2.2.2.Ir-rekwiżiti stmati tar-riżorsi umani

   Il-proposta / l-inizjattiva ma teħtieġx l-użu ta’ riżorsi umani.

X    Il-proposta / l-inizjattiva teħtieġ l-użu ta’ riżorsi umani, kif spjegat hawn taħt:

Stima li trid tiġi espressa f’unitajiet ekwivalenti għall-full-time

Sena 
2020

Sena 
2021

Sena 2022

Sena 2023

Sena 2024

Sena 2025

Sena 2026

Sena 2027

•Pożizzjonijiet fil-pjan ta' stabbiliment (uffiċjali u aġenti temporanji)

XX 01 01 01 (Kwartieri Ġenerali u l-Uffiċċji ta’ Rappreżentanza tal-Kummissjoni)

XX 01 01 02 (Delegazzjonijiet)

XX 01 05 01 (Riċerka indiretta)

10 01 05 01 (Riċerka diretta)

Persunal estern (f’unità Ekwivalenti għall-Full time: FTE) 20

XX 01 02 01 (AC, END, INT mill-“pakkett globali”)

XX 01 02 02 (AC, AL, END, INT u JED fid-delegazzjonijiet)

XX 01 04 ss  21

- fil-Kwartieri Ġenerali

- fid-Delegazzjonijiet

XX 01 05 02 (AC, END, INT - Riċerka indiretta)

10 01 05 02 (AC, END, INT - Riċerka diretta)

Linji baġitarji oħra (dħul assenjat)

11

11

11

9

9

9

9

TOTALI

11

11

11

9

9

9

9

Id-DĠ ECFIN, COMP u BUDG huma l-qasam ta’ politika jew it-titolu tal-baġit ikkonċernat.

Ir-riżorsi umani meħtieġa se jiġu mill-persunal tad-DĠ li diġà jkun assenjat għall-ġestjoni tal-azzjoni u / jew ġew riallokati fid-DĠ, flimkien, jekk inhu meħtieġ ma’ kull allokazzjoni addizzjonali li tista’ tingħata lid-DĠ li jġestixxi skont il-proċedura annwali ta’ allokazzjoni u fid-dawl tar-restrizzjonijiet baġitarji. Il-persunal estern se jkun iffinanzjat biss minn dħul assenjat.

Deskrizzjoni tal-kompiti li jridu jitwettqu:

Uffiċjali u aġenti temporanji

Persunal estern

Uffiċċju ta’ negozjar (żvilupp ta’ dokumenti ta’ politika, tħejjija u negozjar ta’ ftehim ta’ garanzija, segwitu u rappurtar operazzjonali, ġestjoni ta’ assistenza ta’ konsulenza u teknika);

Uffiċċju amministrattiv (monitoraġġ u segwitu tal-programm, inklużi sejħiet ta’ garanzija, rappurtar operazzjonali u finanzjarju u attivitajiet oħra ta’ ġestjoni ta’ garanziji; monitoraġġ u rappurtar dwar servizzi ta’ konsulenza u assistenza teknika);

Riskju (monitoraġġ tal-profil tar-riskju ta’ kreditu ta’ portafolji ta’ operazzjonijiet skont il-garanzija, il-valutazzjoni u r-rapportar tal-UE);

3.3.Impatt stmat fuq id-dħul

X    Il-proposta / l-inizjattiva ma għandha l-ebda impatt finanzjarju fuq id-dħul.

       Il-proposta / l-inizjattiva għandha l-impatt finanzjarju li ġej:

   fuq ir-riżorsi proprji

   fuq id-dħul mixxellanju

EUR miljuni (sa tliet pożizzjonijiet deċimali)

Linja baġitarja tad-dħul:

Approprjazzjonijiet disponibbli għas-sena finanzjarja attwali

Impatt tal-proposta / tal-inizjattiva 22

Sena 
N

Sena 
N+1

Sena 
N+2

Sena 
N+3

Daħħal is-snin kollha li hemm bżonn biex turi kemm idum l-impatt (ara l-punt 1.6)

Artikolu …......

(1)    Ir-Regolament (UE) 2015/1017 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ġunju 2015 dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, iċ-Ċentru Ewropew ta’ Konsulenza għall-Investimenti u l-Portal Ewropew ta’ Proġetti ta’ Investiment u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1291/2013 u (UE) Nru 1316/2013 — il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (ĠU L 169, 1.7.2015, p. 1).
(2)    Il-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Programm InvestEU (COM(2018) 439), ftehim parzjali dwar il-proposta leġiżlattiva mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill f’April 2019.
(3)    Kif definit fl-Artikolu 2(18) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas-17 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat (ĠU L 187, 26.6.2014, p. 1).
(4)    C(2020) 1863 final, kif emendat b’C(2020) 3156 final.
(5)    ĠU C […], […], p. […].
(6)    ĠU C […], […], p. […].
(7)    Kif definit fl-Artikolu 2(18) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas-17 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat (ĠU L 187, 26.6.2014, p. 1).
(8)    Kif definit fl-Artikolu 2(18) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas-17 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat (ĠU L 187, 26.6.2014, p. 1).
(9)    COM(2019) 640 final.
(10)    COM(2020) 67 final.
(11)    Din hi indikazzjoni mhux esklużiva ta' prodotti li jistgħu jiġu offruti permezz tal-FEIS.
(12)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni: Il-Qafas Temporanju għal miżuri ta’ għajnuna mill-Istat biex tiġi appoġġata l-ekonomija fit-tifqigħa attwali tal-COVID-19 (C(2020)1863), kif emendat minn C(2020)3156 final.
(13)    ABM (ġestjoni bbażata fuq l-attività): ġestjoni bbażata fuq l-attività; ABB: ibbaġitjar ibbażat fuq l-attività.
(14)    Kif imsemmi fl-Artikolu 54(2)(a) jew (b) tar-Regolament Finanzjarju.
(15)    Id-dettalji tal-modi ta’ ġestjoni u r-referenzi għar-Regolament Finanzjarju jistgħu jinsabu fis-sit BudgWeb: http://www.cc.cec/budg/man/budgmanag/budgmanag_mt.html
(16)    Diff. = Approprjazzjonijiet differenzjati / Mhux diff. = Approprjazzjonijiet mhux differenzjati.
(17)    L-EFTA: Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles.
(18)    Pajjiżi kandidati u, fejn japplika, pajjiżi kandidati potenzjali mill-Punent tal-Balkani.
(19)    Għal 2020: L-assistenza teknika u / jew amministrattiva u n-nefqa li jsostnu l-implimentazzjoni ta’ programmi u / jew ta’ azzjonijiet tal-UE (il-linji “BA” preċedenti), ta’ riċerka indiretta u ta’ riċerka diretta. Mill-2021: Dħul assenjat estern.
(20)    AC = Aġent Kuntrattwali; AL = Persunal Lokali; END = Espert Nazzjonali Sekondat; INT = persunal tal-aġenziji; JED = Esperti Subalterni fid-Delegazzjonijiet.
(21)    Sottolimitu għall-persunal estern kopert minn approprjazzjonijiet operazzjonali (il-linji “BA” preċedenti).
(22)    Fir-rigward tar-riżorsi proprji tradizzjonali (dazji tad-dwana, imposti fuq iz-zokkor), l-ammonti indikati jridu jkunu ammonti netti, jiġifieri ammonti gross wara tnaqqis ta’ 25 % għall-ispejjeż tal-ġbir.