Brussell, 7.8.2020

COM(2020) 361 final

2020/0166(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Amministrattiv għall-Konvenzjoni Doganali dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti koperti b’Carnets tat-TIR fir-rigward tal-proposta biex tiġi emendata l-Konvenzjoni


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

Din il-proposta tikkonċerna d-Deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Amministrattiv stabbilit mill-Konvenzjoni Doganali dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti koperti b’Carnets tat-TIR 1 (“il-Konvenzjoni TIR”) b’rabta mal-adozzjoni prevista ta’ diversi emendi għall-Konvenzjoni TIR.

2.Kuntest tal-proposta

2.1.Il-Konvenzjoni Doganali dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti koperti b’Carnets tat-TIR

Il-Konvenzjoni Doganali dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti koperti b’Carnets tat-TIR tal-14 ta’ Novembru 1975 (“il-Konvenzjoni TIR”) għandha l-għan li tiffaċilita t-trasport internazzjonali tal-oġġetti mill-uffiċċji doganali tat-tluq lejn l-uffiċċji doganali tad-destinazzjoni u minn ġol-pajjiżi kollha li jkunu meħtieġa. Il-Ftehim daħal fis-seħħ fl-1978. F’Novembru tal-2019 kien hemm 76 parti għall-Konvenzjoni, jiġifieri 75 Stat u l-Unjoni Ewropea. L-Unjoni Ewropea ilha parti kontraenti għall-Konvenzjoni 2 TIR mill-20 ta’ Ġunju 1983, u l-Istati Membri kollha huma partijiet kontraenti għall-Konvenzjoni TIR.

2.2.Il-Kumitat Amministrattiv

Il-Kumitat Amministrattiv qed jaġixxi fi ħdan il-qafas tal-Konvenzjoni Doganali dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti koperti b’Carnets tat-TIR. Il-Kumitat Amministrattiv għandu r-rwol li jikkunsidra u jadotta l-emendi għall-Konvenzjoni TIR. Il-proposti jiġu sottomessi għal votazzjoni u kull Stat, li huwa parti u jkun irrappreżentat f’sessjoni tal-Kumitat Amministrattiv, għandu vot wieħed. L-Unjoni għandha kompetenza esklużiva fil-qasam tad-dwana rregolata mill-Konvenzjoni TIR. Madankollu, l-Unjoni, bħala unjoni doganali u ekonomika, ma għandhiex drittijiet tal-vot minbarra dawk tal-Istati Membri tagħha, f’konformità mal-Artikolu 52(3) tal-Konvenzjoni. L-Istati Membri kollha huma partijiet bi drittijiet tal-vot.

L-emendi għall-Konvenzjoni TIR jiġu adottati b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-partijiet preżenti u li jivvotaw. Biex tittieħed deċiżjoni, hemm bżonn quorum ta’ mhux inqas minn terz tal-Istati li huma partijiet.

2.3.L-att previst tal-Kumitat Amministrattiv

F’Ottubru 2020, waqt it-73 sessjoni tiegħu, il-Kumitat Amministrattiv irid jieħu deċiżjoni dwar l-adozzjoni tal-emendi proposti għall-Konvenzjoni Doganali dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti koperti b’Carnets tat-TIR (“l-att previst”).

L-iskop tal-att previst huwa li:

Jintroduċi l-użu obbligatorju, min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti, tal-Bank tad-Data Internazzjonali elettroniku tat-TIR (ITDB) minflok l-użu tal-Mudell tal-Formola tal-Awtorizzazzjoni (MAF) stampat fuq karta, għat-trażmissjoni lill-Bord Eżekuttiv tat-TIR (TIRExB) tal-awtorizzazzjoni jew tal-irtirar tal-awtorizzazzjoni tad-detentur biex juża l-Carnets tat-TIR.

Jikseb il-pubblikazzjoni obbligatorja tal-lista tal-Uffiċċji Doganali approvata għat-twettiq tal-operazzjonijiet tat-TIR fl-ITDB.

Jippermetti lill-Partijiet Kontraenti jagħtu, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, lill-persuni debitament awtorizzati, aktar faċilitajiet fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni.

Jiċċara t-test tal-Konvenzjoni TIR dwar l-użu ta’ itinerarju preskritt f’Unjoni doganali u jaġġorna l-ammont massimu ta’ garanzija għall-Carnet tat-TIR għall-alkoħol/għat-tabakk.

L-att previst se jsir vinkolanti għall-partijiet f’konformità mal-Artikoli 59 u 60 tal-Konvenzjoni TIR.

L-Artikolu 59 jikkonċerna l-emendi għall-korp ewlieni tal-Konvenzjoni TIR u jipprevedi: Ħlief kif inhu previst fl-Artikolu 60, kwalunkwe emenda proposta li ġiet ikkomunikata f’konformità mal-paragrafu preċedenti għandha tidħol fis-seħħ rigward il-Partijiet Kontraenti kollha tliet xhur wara l-iskadenza ta’ perjodu ta’ 12-il xahar wara d-data tal-komunikazzjoni tal-emenda proposta, fejn matul dan il-perjodu ma tkun ġiet ikkomunikata l-ebda oġġezzjoni għall-emenda proposta lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti minn Stat li huwa Parti Kontraenti. Jekk, f’konformità mal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, tkun ġiet ikkomunikata oġġezzjoni għall-emenda proposta għandu jitqies li l-emenda ma ġietx aċċettata u ma għandu jkollha l-ebda effett. 

L-Artikolu 60 jikkonċerna l-emendi għall-Annessi tal-Konvenzjoni TIR u jipprevedi: Kwalunkwe emenda proposta għall-Annessi 1, 2, 3, 4, 5, 6, 7, 8, 9 u 10 meqjusa f’konformità mal-Artikolu 59(1) u (2) għandha tidħol fis-seħħ f’data li trid tiġi ddeterminata mill-Kumitat Amministrattiv fi żmien l-adozzjoni tagħha, sakemm b’data preċedenti ddeterminata mill-Kumitat Amministrattiv fl-istess żmien, wieħed minn kull ħames Stati li huma Partijiet Kontraenti jew ħamsa mill-Istati li huma Partijiet Kontraenti, liema numru huwa l-iżgħar, jinnotifikaw lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti bl-oġġezzjoni tagħhom għall-emenda. Id-determinazzjoni mill-Kumitat Amministrattiv tad-data li tissemma f’dan il-paragrafu għandha tkun b’maġġoranza ta’ żewġ terzi ta’ dawk preżenti u li jivvotaw.

3.Pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni

Dan il-pakkett ta’ emendi se jsaħħaħ il-modernizzazzjoni tal-Konvenzjoni TIR, li diġà hija avvanzata sew bl-adozzjoni storika tal-qafas legali tas-sistema futura eTIR International fit-72 sessjoni tal-Kumitat Amministrattiv fi Frar 2020. Se jiċċara wkoll l-aspetti tekniċi fit-test tal-Konvenzjoni TIR.

L-ewwel, billi jintroduċu l-użu obbligatorju ta’ applikazzjoni tal-ITDB għat-trażmissjoni tad-data tad-detenturi awtorizzati tat-TIR lit-TIRExB kif ukoll billi joħolqu bażi tad-data internazzjonali online affidabbli ta’ uffiċċji doganali li huma miftuħa għat-TIR, il-partijiet kontraenti għall-Konvenzjoni TIR jiffaċilitaw il-kundizzjonijiet tad-diġitalizzazzjoni futura tal-Carnet tat-TIR u jsaħħu l-affidabbiltà tad-data tat-TIR.

Biex jintlaħaq dan il-għan, l-Artikolu 38, in-Noti ta’ Spjegazzjoni relatati tiegħu u l-Anness 9 se jiġu emendati sabiex l-assoċjazzjonijiet garanti jkunu obbligati li jittrasmettu minnufih lit-TIRExB id-dettalji kollha tal-persuni li huma awtorizzati li jużaw il-proċedura tat-TIR. Barra minn hekk, Nota ta’ Spjegazzjoni ġdida tal-Artikolu 45 se tispeċifika li l-pubblikazzjoni tal-lista tal-uffiċċji doganali tat-tluq, tal-uffiċċji doganali en route u tal-uffiċċji doganali tad-destinazzjoni approvati biex iwettqu l-operazzjonijiet tat-TIR trid issir f’applikazzjoni elettronika sorveljata mit-TIRExB (ITDB).

L-Unjoni diġà tuża l-ITDB u tappoġġa l-użu obbligatorju tal-ITDB mill-Partijiet Kontraenti kollha tat-TIR minħabba li dan jikkontribwixxi għall-għan ġenerali, f’konformità mal-politika doganali tal-Unjoni, ta’ kompjuterizzazzjoni usa’ tal-proċedura tat-TIR billi jkompli jiffaċilita l-iskambju tad-data elettronika fil-ħin reali bejn il-Partijiet Kontraenti, l-assoċjazzjonijiet u l-organizzazzjonijiet internazzjonali.

It-tieni, billi joħolqu Nota ta’ Spjegazzjoni ġdida tal-Artikolu 49 fl-Anness 6, il-Partijiet Kontraenti se jkunu jistgħu, fuq bażi volontarja, jintroduċu aktar faċilitajiet fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni.

Dawk il-faċilitajiet jingħataw biss, jekk jinkludu l-applikazzjoni ta’ teknoloġiji biex jiġi żgurat li l-proċedura tat-TIR titwettaq b’mod korrett, li jkun hemm struzzjonijiet ċari biex il-persuni awtorizzati jwettqu kompiti speċifiċi li normalment, skont il-Konvenzjoni TIR, jiġu fdati lill-awtoritajiet doganali u li tintuża sistema ta’ żamma tar-rekords li tippermetti lill-awtoritajiet doganali jwettqu kontrolli doganali u jissorveljaw il-proċedura.

L-Unjoni tappoġġa l-possibbiltà l-ġdida għall-Partijiet Kontraenti li jipproponu aktar faċilitajiet lid-detenturi awtorizzati tat-TIR sabiex jibqa’ attraenti għall-operaturi ekonomiċi.

Fl-aħħar nett, l-emendi tal-Artikolu 20 u tan-Nota ta’ Spjegazzjoni tal-Artikolu 8 jistgħu jitqiesu bħala emendi tekniċi minħabba li jiċċaraw rispettivament l-użu tar-rotta preskritta fi ħdan unjoni doganali u jaġġornaw is-somma massima għal kull carnet tat-TIR għat-tabakk/għall-alkoħol li jista’ jintalab mill-assoċjazzjoni garanti.

Saru konsultazzjonijiet dwar l-emendi proposti mal-Istati Membri fi ħdan il-Grupp ta’ Esperti Doganali għat-TIR (koordinazzjoni ta’ Ġinevra). Saru aktar konsultazzjonijiet waqt is-sessjonijiet tal-Grupp ta’ Ħidma dwar Kwistjonijiet Doganali li Jaffettwaw it-Trasport tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (UNECE).

Il-koordinazzjoni interna, kif ukoll id-diskussjonijiet konġunti mal-Istati Membri fil-qafas tal-Grupp ta’ Esperti Doganali għat-TIR, ħarġu fid-dieher b’mod ċar li hemm appoġġ kbir għall-emendi proposti. Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat permezz ta’ ittra tat-23 ta’ Marzu 2020 u ma weġibx sal-11 ta’ Ġunju 2020 minkejja li ntbagħtitlu tfakkira.

4.Bażi ġuridika

4.1.Bażi ġuridika proċedurali

4.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu l-“pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’ isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi l-atti li jkollhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw is-sede kkonċernata. Jinkludi wkoll strumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni 3 .

4.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

Il-Kumitat Amministrattiv hu korp stabbilit bi ftehim, jiġifieri l-Konvenzjoni Doganali dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti koperti b’Carnets tat-TIR.

L-att li l-Kumitat Amministrattiv huwa mitlub jadotta jikkostitwixxi att b’effetti legali. L-att previst se jkun vinkolanti skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikoli 59 u 60 tal-Konvenzjoni Doganali dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti koperti b’Carnets tat-TIR. 

L-att previst ma jissupplimentax jew ma jemendax il-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.

Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali tad-Deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) TFUE.

4.2.Bażi ġuridika sostantiva

4.2.1.Prinċipji

Il-bażi ġuridika sostantiva biex tittieħed deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u l-kontenut tal-att previst li dwaru tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawk l-għanijiet jew komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċement inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE trid tkun ibbażata fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

4.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

L-objettiv u l-kontenut ewlenija tal-att previst huma marbutin mal-politika kummerċjali komuni.

Għalhekk, il-bażi ġuridika sostantiva għad-deċiżjoni proposta hija l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4) TFUE.

4.3.Konklużjoni

Jenħtieġ li l-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta tkun l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4) TFUE flimkien mal-Artikolu 218(9) TFUE.

5.Pubblikazzjoni tal-att previst

Minħabba li l-att tal-Kumitat Amministrattiv se jemenda l-Konvenzjoni Doganali dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti koperti b’Carnets tat-TIR u l-Annessi tagħha, jixraq li wara l-adozzjoni tiegħu, dan jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2020/0166 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Amministrattiv għall-Konvenzjoni Doganali dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti koperti b’Carnets tat-TIR fir-rigward tal-proposta biex tiġi emendata l-Konvenzjoni

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikulari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4) TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Konvenzjoni Doganali dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti koperti b’Carnets tat-TIR tal-14 ta’ Novembru 1975 (il-“Konvenzjoni TIR”) ġiet approvata f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2112/78 4 u daħlet fis-seħħ fil-Komunità fl-20 ta’ Ġunju 1983 5 .

(2)Verżjoni konsolidata tal-Konvenzjoni TIR ġiet ippubblikata bħala Anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/477/KE, li skontha l-Kummissjoni trid tippubblika emendi futuri għall-Konvenzjoni TIR f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, u tindika d-data meta dawn għandhom jidħlu fis-seħħ.

(3)Skont l-Artikolu 59 u 60 tal-Konvenzjoni TIR, il-Kumitat Amministrattiv għall-Konvenzjoni TIR (il-“Kumitat Amministrattiv”) jista’ jadotta emendi għall-Konvenzjoni TIR u l-Annessi tagħha b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-partijiet kontraenti preżenti u li jivvotaw.

(4)Matul it-73 sessjoni tiegħu fil-15 ta’ Ottubru 2020 jew f’sessjoni sussegwenti, il-Kumitat Amministrattiv irid jadotta diversi emendi għall-Konvenzjoni TIR u tal-Annessi tagħha.

(5)Ikun xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Amministrattiv, peress li l-emendi se jkunu vinkolanti għall-Unjoni.

(6)Sabiex tiġi aċċellerata l-modernizzazzjoni tar-reġim TIR, huwa meħtieġ li tiġi introdotta t-trażmissjoni elettronika obbligatorja tad-data mill-awtoritajiet kompetenti lill-Bord Eżekuttiv tat-TIR dwar l-awtorizzazzjonijiet tad-detenturi tal-Carnet tat-TIR u l-irtirar ta’ dawn l-awtorizzazzjonijiet u biex tinħoloq bażi tad-data internazzjonali online affidabbli ta’ uffiċċji doganali li jaċċettaw il-movimenti tat-TIR billi jiġi emendat l-Artikolu 38 tal-Konvenzjoni TIR u l-Anness 9 tal-Konvenzjoni TIR u billi tinħoloq Nota ta’ Spjegazzjoni ġdida tal-Artikolu 45 tal-Konvenzjoni TIR.

(7)Sabiex tissaħħaħ l-attraenza tal-Konvenzjoni TIR kemm għall-operaturi ekonomiċi kif ukoll għall-awtoritajiet doganali, huwa meħtieġ li tiġi introdotta possibbiltà għall-partijiet kontraenti li jagħtu lil persuni debitament awtorizzati aktar faċilitajiet fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni TIR billi tinħoloq Nota ta’ Spjegazzjoni ġdida tal-Artikolu 49 tal-Konvenzjoni TIR.

(8)Sabiex jiġu ċċarati d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni TIR, huwa meħtieġ li jiġi speċifikat l-użu ta’ rotta preskritta fi ħdan l-unjonijiet doganali billi jiġi emendat l-Artikolu 20 tal-Konvenzjoni TIR u jiżdied l-ammont massimu rrakkomandat li jista’ jintalab mill-assoċjazzjonijiet garanti għall-carnets tat-TIR għat-tabakk u għall-alkoħol billi tiġi emendata n-Nota ta’ Spjegazzjoni tal-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni TIR.

(9)Għalhekk jenħtieġ li l-pożizzjoni li trid tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-Kumitat Amministrattiv tkun ibbażata fuq l-abbozz tal-emendi mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni. Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li teżisti għal bidliet żgħar mhux sostanzjali fl-abbozz tal-emendi, li jridu jaqblu fuqhom ir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kumitat Amministrattiv għall-Konvenzjoni TIR mingħajr deċiżjoni oħra tal-Kunsill.

(10)Jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni tiġi espressa mill-Kummissjoni. L-Istati Membri tal-Unjoni jenħtieġ li jesprimu l-pożizzjoni tal-Unjoni meta jittieħed vot formali fil-Kumitat Amministrattiv, li jaġixxi b’mod konġunt, fl-interess tal-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fit-73 sessjoni jew f’waħda mis-sessjonijiet sussegwenti tal-Kumitat Amministrattiv għall-Konvenzjoni Doganali dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti koperti b’Carnets tat-TIR (il-“Konvenzjoni TIR”) għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tal-emendi mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu1 għandha tiġi espressa mill-Kummissjoni. L-Istati Membri tal-Unjoni għandhom jesprimu l-pożizzjoni tal-Unjoni meta jittieħed vot formali fil-Kumitat Amministrattiv għall-Konvenzjoni TIR, li jaġixxi b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    TIR tfisser “Transports Internationaux Routiers” jew “Trasporti Internazzjonali bit-Triq”.
(2)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2112/78 tal-25 ta’ Lulju 1978 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni Doganali fuq it-trasport internazzjonali ta’ oġġetti taħt il-carnets TIR (Konvenzjoni TIR) ta’ l-14 ta’ Novembru 1975 f’Ġinevra ĠU L 252/1.
(3)    Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-paragrafi 61 sa 64.
(4)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2112/78 tal-25 ta’ Lulju 1978 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni Doganali fuq it-trasport internazzjonali ta’ oġġetti taħt il-carnets TIR (Konvenzjoni TIR) ta’ l-14 ta’ Novembru 1975 f’Ġinevra (ĠU L 252, 14.9.1978, p. 1).
(5)    ĠU L 31, 2.2.1983, p. 13.

Brussell, 7.8.2020

COM(2020) 361 final

ANNESS

tal-

Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill

dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Amministrattiv għall-Konvenzjoni Doganali dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti koperti b’Carnets tat-TIR fir-rigward tal-proposta biex tiġi emendata l-Konvenzjoni


HEMŻA

EMENDI GĦALL-KONVENZJONI TIR

Emendi dwar l-użu obbligatorju tal-Bank tad-Data Internazzjonali tat-TIR (ITDB)

1. L-Artikolu 38, il-paragrafu 2, l-ewwel linja

Minflok fi żmien ġimgħa ikteb mingħajr dewmien

2. L-Anness 6, in-Nota ta’ Spjegazzjoni tal-Artikolu 38, il-paragrafu 2, it-tielet linja

Minflok jitqies ikteb għandu

3. L-Anness 6, in-Nota ta’ Spjegazzjoni tal-Anness 9, il-Parti II, il-paragrafu 4

Minflok Ir-rekwiżiti legali għat-tressiq tad-data, kif stabbilit fil-paragrafu 4, jitqiesu li huma ssodisfati ikteb Id-data, kif stabbilit fil-paragrafu 4, għandha tiġi trażmessa

4. L-Anness 9, il-Parti II, il-paragrafu 4, l-ewwel linja

Minflok fi żmien ġimgħa ikteb mingħajr dewmien

5. L-Anness 9, il-Parti II, il-paragrafu 4, tmiem il-paragrafu

Minflok f’konformità mal-awtorizzazzjoni kampjun mehmuża (MAF). ikteb

, inkluż:

(a) In-numru ta’ identifikazzjoni individwali u uniku (ID) assenjat lill-persuna mill-assoċjazzjoni garanti, b’koperazzjoni mal-organizzazzjoni internazzjonali li magħha hi affiljata, f’konformità mal-format armonizzat iddeterminat mill-Kumitat Amministrattiv;

(b) L-isem/ismijiet u l-indirizz(i) tal-persuna/i jew tal-intrapriża, f’każ ta’ assoċjazzjoni tan-negozju, anki l-ismijiet tal-maniġers responsabbli;

(c) Il-persuna tal-kuntatt b’informazzjoni sħiħa tal-kuntatt; u

(d) In-numru tar-reġistrazzjoni kummerċjali jew in-numru tal-liċenzja tat-trasport internazzjonali jew numru ieħor (jekk ikunu disponibbli).

6. L-Anness 9, il-Parti II, il-paragrafu 5

Minflok it-test eżistenti ikteb L-assoċjazzjonijiet għandhom jittrażmettu kull bidla fid-dettalji tal-persuni awtorizzati mingħajr dewmien mill-mument meta jsiru jafu biha lill-awtoritajiet kompetenti u lill-Bord Eżekuttiv tat-TIR.

7. L-Anness 9, il-Parti II, il-Mudell tal-Formola ta’ Awtorizzazzjoni (MAF)

Neħħi l-MAF mehmuż mal-Parti II tal-Anness 9 u t-test li jakkumpanjah

Emendi dwar il-pubblikazzjoni obbligatorja tal-lista tal-uffiċċji doganali approvati biex iwettqu operazzjonijiet tat-TIR fl-ITDB

1. L-Anness 6, in-Nota ta’ Spjegazzjoni ġdida 0.45

Żid in-Nota ta’ Spjegazzjoni 0.45-1 il-ġdida fl-Artikolu 45 tal-Konvenzjoni TIR li taqra kif ġej:

“0.45-1 Id-dispożizzjoni legali biex tiġi ppubblikata l-lista tal-uffiċċji doganali tat-tluq, tal-uffiċċji doganali en route u tal-uffiċċji doganali tad-destinazzjoni approvati biex iwettqu l-operazzjonijiet tat-TIR għandha titqies li hija ssodisfata permezz tal-użu xieraq ta’ applikazzjonijiet elettroniċi żviluppati għal dan il-għan mis-segretarjat tat-TIR taħt is-superviżjoni tal-Bord Eżekuttiv tat-TIR.”

2. L-Anness 6, in-Nota ta’ Spjegazzjoni 0.45

Innumera mill-ġdid in-Nota ta’ Spjegazzjoni 0.45 eżistenti biex issir 0.45-2.

Emenda dwar il-faċilitajiet addizzjonali li l-partijiet kontraenti jistgħu jagħtu lill-operaturi tat-trasport

Żid Nota ta’ Spjegazzjoni ġdida fl-Artikolu 49 li taqra kif ġej:

0.49    Skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, il-Partijiet Kontraenti jistgħu jagħtu aktar faċilitajiet lill-persuni debitament awtorizzati fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni. Il-kundizzjonijiet preskritti mill-awtoritajiet kompetenti għall-għoti ta’ tali faċilitajiet jenħtieġ li mill-inqas jinkludu l-applikazzjoni ta’ teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni sabiex jiġi żgurat it-twettiq tajjeb tal-proċedura tat-TIR, l-eżenzjoni li jipprovdu l-oġġetti, il-vettura tat-triq, il-kombinament tal-vetturi jew il-container bil-Carnet tat-TIR fl-uffiċċji doganali tat-tluq jew tad-destinazzjoni, kif ukoll l-istruzzjonijiet għall-persuni debitament awtorizzati biex iwettqu l-kompiti speċifiċi fdati skont il-Konvenzjoni TIR lill-awtoritajiet doganali, bħal pereżempju, b’mod partikolari, il-mili u t-timbrar tal-Carnet tat-TIR u t-twaħħil jew il-verifika tas-siġilli doganali. Il-persuni debitament awtorizzati li jkunu ngħataw xi faċilità addizzjonali jenħtieġ li jistabbilixxu sistema ta’ żamma tar-rekords li tippermetti lill-awtoritajiet doganali jwettqu kontrolli doganali u jissorveljaw il-proċedura u jwettqu kontrolli aleatorji. Il-faċilitajiet addizzjonali jenħtieġ li jingħataw mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà tad-detenturi tal-Carnet tat-TIR kif stipulat fl-Artikolu 11(2) tal-Konvenzjoni.

Emendi oħrajn

1. L-Artikolu 20, il-linja 1

Minflok it-test eżistenti ikteb Għall-vjaġġi fit-territorju ta’ Parti Kontraenti jew diversi Partijiet Kontraenti li jiffurmaw unjoni doganali jew ekonomika, l-awtoritajiet doganali kompetenti

2. L-Anness 6, in-Nota ta’ Spjegazzjoni tal-Artikolu 8, il-paragrafu 3, tmiem l-ewwel paragrafu

Minflok $US 200 000 ikteb EUR 400 000