Brussell, 29.7.2020

COM(2020) 356 final

2018/0047(COD)

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW

skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

dwar

il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta’ regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv Ewropej għan-negozju u li jemenda r-Regolament (UE) 2017/1129 u d-Direttiva (UE) 2019/1937 u Direttiva li temenda d-Direttiva 2014/65/UE dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji

Din il-komunikazzjoni tirreferi kemm
għal COM(2018) 113 final - 2018/0048(COD) u kif ukoll għal COM(2018) 99 final - 2018/0047(COD)


2018/0047 (COD)

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW

skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea


dwar

il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta’ regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv Ewropej għan-negozju u li jemenda r-Regolament (UE) 2017/1129 u d-Direttiva (UE) 2019/1937 u Direttiva li temenda d-Direttiva 2014/65/UE dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji

Din il-komunikazzjoni tirreferi kemm

għal COM(2018) 113 final - 2018/0048(COD) u kif ukoll għal COM(2018) 99 final - 2018/0047(COD)


1.Sfond

Data ta’ trażmissjoni tal-proposta tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 
(dokument COM(2018) [113] final – 2018/0048 COD; COM(2018) [99] final – 2018/0047 COD):

it-8 ta’ Marzu 2018.

Id-data tal-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew:

il-11 ta’ Lulju 2018.

Id-data tal-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, l-ewwel qari:

is-27 ta’ Marzu 2019.

Id-data tat-trasmissjoni tal-proposta emendata:

Mhux applikabbli.

Data tal-adozzjoni tal-pożizzjoni tal-Kunsill:

l-20 ta’ Lulju 2020.

2.Għan tal-Proposta tal-Kummissjoni

Bħala parti mill-Unjoni tas-Swieq Kapitali (CMU) u l-pjanijiet ta’ azzjoni tal-Fintech, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat proposta għal regolament dwar fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv. L-għan tal-proposta huwa li tipprovdi pjattaformi ta’ finanzjament kollettiv b’qafas regolatorju li jippermetti l-aċċess għas-suq uniku kollu permezz ta’ awtorizzazzjoni unika bbażata fuq sett uniku ta’ regoli. Il-proposta tintroduċi wkoll rekwiżiti ta’ protezzjoni għall-investitur imfassla skont it-tip ta’ servizz kopert mill-azzjoni leġiżlattiva. B’mod ġenerali, il-leġiżlazzjoni għandha l-għan li tiffaċilita l-offerta transfruntiera ta’ dawn is-servizzi finanzjarji madwar l-UE. Billi s-suq tal-UE għall-finanzjament kollettiv huwa sottożviluppat, ir-regoli l-ġodda għandhom potenzjal kbir li jżidu l-aċċess għal forom innovattivi ta’ finanzi għal intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, b’mod partikolari negozji ġodda, fil-kuntest tal-CMU u jgħinu l-ekonomija tal-UE tikber aktar malajr.

3.Kummenti dwar il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew

Il-pożizzjoni fl-ewwel qari tal-Parlament Ewropew, adottata fis-27 ta’ Marzu 2019, issuġġeriet emendi għall-proposta tal-Kummissjoni, b’mod partikolari biex:

·jagħtu s-setgħa lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali biex jawtorizzaw u jissorveljaw il-fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv minflok l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq proposta mill-Kummissjoni;

·jespandu l-kamp ta’ applikazzjoni tas-servizzi permessi għall-pariri dwar l-investiment u l-ġestjoni tal-portafoll;

·iżidu l-livell limitu għall-ħruġ ta’ offerti ta’ finanzjament kollettiv għal EUR 8 000 000.

Wara l-adozzjoni mill-Kunsill tal-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari fl-20 ta’ Lulju 2020, il-Parlament Ewropew huwa mistenni li japprova formalment il-ftehim politiku milħuq fil-proċedura interistituzzjonali.

4.Kummenti dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill

F’konformità mal-ftehim politiku, il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tintroduċi lista ta’ bidliet għall-proposta tal-Kummissjoni, li jinkludu:

·L-istabbiliment ta’ qafas armonizzat fl-UE kollha skont il-liċenzjar u s-superviżjoni tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti biex jissostitwixxi r-reġim fakultattiv oriġinali tal-UE propost mill-Kummissjoni għal servizzi ta’ finanzjament kollettiv ipprovdut minn fornituri ta’ servizzi ta’ finanzjament kollettiv. Xi kompiti magħżula jitħallew f’idejn l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq, fosthom it-tħejjija ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni, il-medjazzjoni vinkolanti u l-ġbir ta’ data;

·Iż-żieda fil-limitu massimu ta’ ħruġ għal EUR 5 miljun, b’deroga temporanja ta’ 24-il xahar għal Stati Membri li l-limitu massimu tal-prospett tagħhom ikun inqas minn EUR 5 miljun;

·L-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni biex jiġu inklużi strumenti aċċettati għal finijiet ta’ finanzjament kollettiv (ishma ta’ kumpaniji b’responsabbiltà limitata);

·L-estensjoni tal-ambitu tas-servizzi biex tiġi inkluża l-ġestjoni tal-portafoll individwali tas-self;

·Id-distinzjoni bejn investituri sofistikati u mhux sofistikati kif ukoll miżuri addizzjonali ta’ protezzjoni tal-investitur għal investituri mhux sofistikati.

Il-pożizzjoni tal-Kunsill tirrifletti b’mod sħiħ il-ftehim politiku milħuq bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill fit-18 ta’ Diċembru 2019. Il-Kummissjoni temmen li dawn l-emendi għall-proposta ma jdgħajfux l-objettivi oriġinali tal-politika tagħha. Għalhekk, il-Kummissjoni tista’ tapprova l-pożizzjoni tal-Kunsill.

5.Konklużjoni

Filwaqt li hemm devjazzjonijiet importanti mill-proposta oriġinali, il-Kummissjoni tesprimi opinjoni pożittiva dwar il-pożizzjoni adottata mill-Kunsill fl-ewwel qari, peress li t-test jibqa’ konformi mal-objettivi oriġinali tal-proposta. Barra minn hekk, il-pożizzjoni tirrifletti b’mod sħiħ l-eżitu tan-negozjati interistituzzjonali, li laħqu l-qofol tagħhom bi ftehim politiku fit-18 ta’ Diċembru 2019.

L-adozzjoni mill-Parlament Ewropew tat-test miftiehem fit-tieni qari se timmarka pass importanti lejn il-kisba tal-objettivi kondiviżi għat-titjib tal-aċċess għall-finanzi għal negozji żgħar u ta’ daqs medju, inklużi negozji ġodda u kumpaniji li qed jespandu. B’hekk, dan għandu jgħin lill-ekonomija tal-UE tirkupra aktar malajr mill-kriżi ekonomika u tas-saħħa attwali.