Brussell, 22.6.2020

COM(2020) 254 final

2020/0121(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-konklużjoni tal-ftehim li jemenda l-Ftehim ta’ Sħubija Interim bejn il-Komunità Ewropea, minn naħa waħda, u l-Istati tal-Paċifiku, min-naħa l-oħra, sabiex titqies l-adeżjoni tal-Istat Indipendenti ta’ Samoa u ta’ adeżjonijiet futuri ta’ Stati Gżejjer tal-Paċifiku oħrajn


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

1.1.Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

Il-proposta mehmuża għal Deċiżjoni tal-Kunsill tikkostitwixxi l-istrument legali għall-konklużjoni tal-ftehim li jemenda l-Ftehim Interim ta’ Sħubija bejn l-Unjoni Ewropea, minn naħa waħda u l-Istati tal-Paċifiku min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 218(6) TFUE.

Fit-12 ta’ Ġunju 2002, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ in-negozjati għal Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika (FSE) mal-pajjiżi AKP.

Fit-30 ta' Lulju 2009, l-Unjoni ffirmat il-Ftehim Interim ta’ Sħubija bejn il-Komunità Ewropea, minn naħa waħda, u l-Istati tal-Paċifiku, min-naħa l-oħra, (“il- Ftehim”), li jistabbilixxi qafas għal Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika 1 . Il-Ftehim għandu l-għan li:

(a)l-Istati tal-Paċifiku jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-aċċess aħjar għas-suq offrut mill-UE;

(b)jippromwovu żvilupp sostenibbli u l-integrazzjoni gradwali tal-Istati tal-Paċifiku fl-ekonomija dinjija;

(c)tiġi stabbilita żona ta’ kummerċ ħieles bejn il-Partijiet, ibbażata fuq l-interess komuni, permezz tal-liberalizzazzjoni progressiva tal-kummerċ b’mod li jkun konformi mar-regoli applikabbli tad-WTO u l-prinċipju tal-asimetrija, b’kunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet speċifiċi u l-limitazzjonijiet fil-kapaċità tal-Istati tal-Paċifiku, f’dawk li huma livelli tal-impenji u ż-żmien meħtieġ għalihom;

(d)jistabbilixxi l-arranġamenti xierqa għar-riżoluzzjoni tat-tilwim; u

(e)jiġu stabbiliti l-arranġamenti istituzzjonali xierqa.

Papua New Guinea u r-Repubblika tal-Fiġi ilhom japplikaw il-Ftehim b’mod provviżorju mill-20 ta’ Diċembru 2009 u mit-28 ta’ Lulju 2014, rispettivament.

L-Artikolu 80 tal-Ftehim jipprevedi li Gżejjer oħra tal-Paċifiku jistgħu jaderixxu mal-Ftehim abbażi tas-sottomissjoni ta’ offerta ta’ aċċess għas-suq konformi mal-Artikolu XXIV tal-GATT 1994. Għaldaqstant, l-Istat Indipendenti ta’ Samoa aderixxa mal-Ftehim fil-21 ta’ Diċembru 2018 2 u ilu japplikah b’mod provviżorju mill-31 ta’ Diċembru 2018. Għaddejjin il-proċeduri tal-Partijiet għall-adeżjonijiet tal-Gżejjer Solomon u tar-Renju ta’ Tonga li indikaw l-interess tagħhom biex jaderixxu mal-Ftehim.

Wara l-adeżjoni tal-Istat Indipendenti ta’ Samoa, jeħtieġ li jiġi mmodifikat il-Ftehim sabiex dan il-pajjiż jiġi elenkat bħala Parti fil-Ftehim. Hemm bżonn li jsiru modifiki tekniċi simili għall-Ftehim kull darba li Stat Gżira tal-Paċifiku ieħor jaderixxi mal-Ftehim.

1.2Il-Kumitat tal-Kummerċ tal-FSE

L-Artikolu 68 tal-Ftehim li jistabbilixxi Kumitat tal-Kummerċ li huwa magħmul minn rappreżentanti tal-Partijiet (l-UE u l-Istati tal-Paċifiku).

Il-Kumitat tal-Kummerċ għandu jindirizza l-kwistjonijiet kollha meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-Ftehim. Fil-qadi tal-funzjonijiet tiegħu, il-Kumitat tal-Kummerċ jista’:

(a)jistabbilixxi u jissorvelja kwalunkwe kumitat jew korp speċjali meħtieġ għall-implimentazzjoni tal-Ftehim;

(b)jiltaqa’ fi kwalunkwe ħin maqbul bejn il-Partijiet;

(c)iqis kwalunkwe kwistjoni taħt il-Ftehim u jieħu azzjoni xierqa fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu; u

(d)jieħu deċiżjonijiet jew jagħmel rakkomandazzjonijiet f’każijiet previsti fil-Ftehim.

L-Artikolu 78 (il-klawżola ta’ reviżjoni) jipprevedi li l-Kumitat tal-Kummerċ jista’ jirrevedi dan il-Ftehim, l-implimentazzjoni, it-tħaddim u t-twettiq tiegħu meta jkun meħtieġ u jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet xierqa lill-Partijiet biex jiġi emendat.

Eżitu tas-sitt u s-seba’ Kumitat tal-Kummerċ

Fl-24 ta’ Ottubru 2018, il-Partijiet fil-Ftehim (l-UE, PNG, il-Fiġi), u l-Istat Indipendenti ta’ Samoa, il-Gżejjer Solomon u Tonga bħala osservaturi, skambjaw fehmiet dwar il-kamp ta’ applikazzjoni u l-proċedura għall-introduzzjoni tal-modifiki tekniċi għall-Ftehim, li jkunu meħtieġa wara adeżjoni.

Il-Partijiet fasslu l-kamp ta’ applikazzjoni tal-modifiki bħala limitat għall-elenkar ta’ Stat tal-Paċifiku aderenti bħala Parti fil-Ftehim u għaż-żieda tal-offerta tiegħu ta’ aċċess għas-suq mal-Anness II (dazji doganali fuq prodotti li joriġinaw mill-Parti tal-UE) tal-Ftehim. Fir-rigward tal-proċedura, il-Partijiet innotaw li bħalissa l-Kumitat għall-Kummerċ ma għandux is-setgħa jintroduċi tali modifiki (il-bażi ġuridika skont il-Ftehim mhijiex suffiċjenti). Il-Partijiet skambjaw fehmiethom dwar it-tliet alternattivi proċedurali li ġejjin.

L-Alternattiva 1 — Li jitqies li l-modifiki kkonċernati jkunu introdotti b’mod impliċitu fil-Ftehim minħabba l-adeżjoni (l-Artikolu 80); b’hekk, ma jkunx hemm bżonn li jiġu introdotti espressament permezz ta’ proċedura speċifika.

L-Alternattiva 2 — Il-Kumitat għall-Kummerċ jista’ jagħmel dikjarazzjoni dwar kif jinqara l-Ftehim wara l-adeżjoni, fir-rigward tal-modifiki tekniċi meħtieġa. L-Artikolu 68(4)(c) jipprovdi l-bażi ġuridika għal dikjarazzjoni ta’ dan it-tip.

L-Alternattiva 3 — Il-Partijiet jistgħu jemendaw l-Artikolu 80 tal-Ftehim biex jagħti s-setgħa lill-Kumitat tal-Kummerċ li jadotta d-deċiżjonijiet neċessarji fid-dawl ta’ adeżjoni ġdida.

Il-Kumitat tal-Kummerċ qabel li l-Alternattiva 3 tipprovdi ċertezza tad-dritt, u impenjat ruħha li tirrakkomanda lill-Partijiet jemendaw l-Artikolu 80 skontha. Wara s-seba’ laqgħa tiegħu tat-3–4 ta’ Ottubru 2019, il-Kumitat tal-Kummerċ adotta rakkomandazzjoni għal dak il-għan, wara l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni (Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/1707 tas-17 ta’ Ġunju 2019, ĠU L 260, 11.10.2019, p. 45).

1.3.Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Din il-proposta timplimenta l-Ftehim ta' sħubija bejn il-membri tal-gruppi tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn banda waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa l-oħra, (“il-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE”, jew il-Ftehim ta’ Cotonou) 3 , li huwa l-bażi ġuridika għall-Ftehim Interim ta' Sħubija.

L-adeżjoni ta’ Stati tal-Paċifiku oħrajn mal-Ftehim issaħħaħ il-qafas ġuridiku tar-relazzjonijiet kummerċjali tal-UE mal-pajjiżi sħab, tiffaċilita l-kummerċ reċiproku u l-inklużjoni fl-ekonomija globali. Hija tinkorpora wkoll lil dawk l-Istati fir-reġim ta’ regoli konġunti u fl-istituzzjonijiet stabbiliti mill-Ftehim.

1.4.Konsistenza ma' politiki oħra tal-Unjoni

Il-Ftehim huwa ftehim kummerċjali orjentat lejn l-iżvilupp li joffri aċċess asimetriku għas-suq lill-Istati aderenti l-ġodda u jippermettilhom jipproteġu setturi sensittivi mil-liberalizzazzjoni, filwaqt li jipprovdu għadd kbir ta’ salvagwardji u klawżola ta’ protezzjoni għall-industriji li jkunu għadhom jibdew. Il-Ftehim fih dispożizzjonijiet dwar ir-regoli ta’ oriġini li jiffaċilitaw l-esportazzjonijiet tagħhom fl-UE lejn l-UE. Huwa fih ukoll dispożizzjonijiet dwar żvilupp sostenibbli (l-Artikolu 3), fejn il-Partijiet jaffermaw mill-ġdid li l-għan tal-iżvilupp sostenibbli għandu jkun parti integrali tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim, b’mod konsistenti mal-objettivi u l-prinċipji ewlenin stabbiliti fil-Ftehim ta’ Cotonou, u b’mod speċjali l-impenn ġenerali biex jitnaqqas u eventwalment jinqered il-faqar b’mod li jkun konsistenti mal-objettivi tal-iżvilupp sostenibbli. Dawn id-dispożizzjonijiet jikkontribwixxu għall-objettiv ta’ Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp u huma konsistenti mal-Artikolu 208(2) TFUE.

2.ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-PROPOSTA

2.1.Bażi ġuridika

Il-bażi ġuridika għal din id-Deċiżjoni tal-Kunsill hija t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(6)(a)(v) tiegħu.

2.2.Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Il-politika kummerċjali komuni, f’konformità mal-Artikolu 3 tat-TFUE, hija definita bħala kompetenza esklużiva tal-Unjoni.

2.3.Proporzjonalità

Din il-proposta hija meħtieġa sabiex jiġu implimentati l-impenji internazzjonali tal-Unjoni, kif stabbiliti fil-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE, b’mod partikolari biex jiġu konklużi arranġamenti ġodda ta’ kummerċ kompatibbli mad-WTO li qegħdin progressivament ineħħu l-ostakli għall-kummerċ bejn il-Partijiet u jtejbu l-kooperazzjoni fl-oqsma kollha rilevanti għall-kummerċ mal-Istati tal-Paċifiku.

2.4.Għażla tal-istrument

Ma jeżisti l-ebda strument legali ieħor li jista’ jintuża sabiex jintlaħaq l-objettiv espress f’din il-proposta.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

3.1.Valutazzjoni tal-impatt

Valutazzjoni tal-Impatt għas-Sostenibilità (VIS) tal-Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika UE-AKP twettqet bejn l-2003 u l-2007. It-termini ta’ referenza għal dan il-proġett ġew ippubblikati mill-Kummissjoni Ewropea fl-2002 f’sejħa għall-offerti kompetittiva. B’riżultat ta’ din is-sejħa għall-offerti, ingħata kuntratt qafas ta’ ħames snin lil PwC France f’Awwissu 2002. Abbozz tar-rapport finali tal-VIS tressaq quddiem il-partijiet ikkonċernati fl-Ewropa matul laqgħa ta’ Djalogu tas-Soċjetà Ċivili tal-UE organizzata mill-Kummissjoni Ewropea fit-23 ta’ Marzu 2007 fi Brussell, il-Belġju.

3.2.Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

L-approvazzjoni tal-emenda tal-Ftehim mhijiex soġġetta għall-proċeduri REFIT; ma timplika l-ebda spiża għall-SMEs tal-Unjoni; u ma tqajjem l-ebda kwistjoni mil-lat tal-ambjent diġitali.

3.3.Drittijiet fundamentali

Il-proposta ma għandhiex konsegwenzi għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Id-deċiżjoni proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni baġitarja.

5.ELEMENTI OĦRA

5.1.Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

L-Artikoli 1 u 2 tal-proposta jawtorizzaw il-konklużjoni u n-notifika f’isem l-Unjoni tal-emendi għall-Ftehim elenkat fl-anness tad-deċiżjoni

L-Artikolu 3 jispeċifika li l-konklużjoni tal-emendi għall-ftehim ma tridx tiġi interpretata li tagħti xi drittijiet jew timponi xi obbligi li jistgħu jiġu invokati direttament quddiem il-qrati jew it-tribunali tal-Unjoni jew tal-Istati Membri.

L-Artikolu 4 jistabbilixxi d-data tad-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni.

2020/0121 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-konklużjoni tal-ftehim li jemenda l-Ftehim ta’ Sħubija Interim bejn il-Komunità Ewropea, minn naħa waħda, u l-Istati tal-Paċifiku, min-naħa l-oħra, sabiex titqies l-adeżjoni tal-Istat Indipendenti ta’ Samoa u ta’ adeżjonijiet futuri ta’ Stati Gżejjer tal-Paċifiku oħrajn

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-punt (a)(v) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 218(6) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)Fit-12 ta’ Ġunju 2002, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati għal Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika mal-Grupp ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku 4 .

(2)Il-Ftehim Interim ta’ Sħubija bejn il-Komunità Ewropea, minn naħa waħda, u l-Istati tal-Paċifiku, min-naħa l-oħra 5 (il-“Ftehim”), li jistabbilixxi qafas għal Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika, iffirmat f’Londra fit-30 ta’ Lulju 2009, ilu jiġi applikat proviżorjament minn Papua New Guinea u mir-Repubblika ta’ Fiġi mill-20 ta’ Diċembru 2009 u mit-28 ta’ Lulju 2014, rispettivament.

(3)L-Artikolu 80 tal-Ftehim jistipula d-dispożizzjonijiet fir-rigward tal-adeżjoni tal-Istati tal-Paċifiku l-oħrajn. Permezz tad-Deċiżjoni (UE) 2018/1908 tas-6 ta’ Diċembru 2018 6 , il-Kunsill approva l-adeżjoni tal-Istat Indipendenti ta’ Samoa mal-Ftehim. Għaldaqstant, l-Istat Indipendenti ta’ Samoa aderixxa mal-Ftehim fil-21 ta’ Diċembru 2018 u ilu japplikah b’mod provviżorju mill-31 ta’ Diċembru 2018.

(4)Wara l-adeżjoni tal-Istat Indipendenti ta’ Samoa, għall-finijiet ta’ ċertezza tad-dritt, jeħtieġ li jiġi mmodifikat il-Ftehim sabiex dan il-pajjiż jiġi elenkat bħala Parti fil-Ftehim. Hemm bżonn li jsiru modifiki tekniċi simili għall-Ftehim kull darba li Stat Gżira tal-Paċifiku ieħor jaderixxi mal-Ftehim.

(5)L-Artikolu 68 tal-Ftehim jistabbilixxi Kumitat tal-Kummerċ li għandu jittratta l-kwistjonijiet kollha meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-Ftehim. Huwa meħtieġ li l-Kumitat għall-Kummerċ jingħata s-setgħa jiddeċiedi dwar kwalunkwe modifika teknika għall-Ftehim li tista’ tkun meħtieġa wara l-adeżjoni ta’ Stat Gżira tal-Paċifiku ieħor.

(6)Jenħtieġ li l-Ftehim ikun approvat skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.Il-ftehim li jemenda l-Ftehim Interim ta’ Sħubija bejn il-Komunità Ewropea, minn naħa waħda, u l-Istati tal-Paċifiku, min-naħa l-oħra, sabiex titqies l-adeżjoni tal-Istat Indipendenti ta’ Samoa u ta’ adeżjonijiet futuri ta’ Stati Gżejjer tal-Paċifiku oħrajn huwa b’dan konkluż.

2.It-test tal-ftehim emendatorju huwa mehmuż ma' din id-Deċiżjoni bħala l-Anness 1.

Artikolu 2

Il-President tal-Kunsill, f’isem l-Unjoni, għandu jinnotifika lill-Partijiet fil-Ftehim bil-konklużjoni, mill-Unjoni, tal-ftehim li jemenda l-Ftehim.

Artikolu 3

L-emendi tal-Ftehim ma għandhomx jiġu interpretati li jagħtu xi drittijiet jew jimponi xi obbligi li jistgħu jiġu invokati direttament quddiem il-qrati jew it-tribunali tal-Unjoni jew tal-Istati Membri.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar l-iffirmar u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim Interim ta’ Sħubija bejn il-Komunità Ewropea, minn naħa waħda, u l-Istati tal-Paċifiku, min-naħa l-oħra (ĠU L 272, 16.10.2009, p. 1).
(2)    ĠU L333, 28.12.2018, p. 1.
(3)    ĠU L 287, 4.11.2010, p. 3. Il-Ftehim kif emendat mill-Ftehim iffirmat fil-Lussemburgu fil-25 ta' Ġunju 2005 (ĠU L 209, 11.8.2005, p. 27) u mill-Ftehim iffirmat f'Ouagadougou fit-22 ta' Ġunju 2010 (ĠU L 287, 4.11.2010, p. 3).
(4)    Id-Direttivi tal-Kunsill għan-negozjati ta’ Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika mal-pajjiżi u r-reġjuni tal-AKP (9930/02 (DG E II) HH/sg).
(5)    ĠU L 272, 16.10.2009, p. 2.
(6)    ĠU L 333, 28.12.2018, p. 1.

Brussell, 22.6.2020

COM(2020) 254 final

ANNESS

ta'

Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill

dwar il-konklużjoni tal-ftehim li jemenda l-Ftehim ta’ Sħubija Interim bejn il-Komunità Ewropea, minn naħa waħda, u l-Istati tal-Paċifiku, min-naħa l-oħra, sabiex titqies l-adeżjoni tal-Istat Indipendenti ta’ Samoa u ta’ adeżjonijiet futuri ta’ Stati Gżejjer tal-Paċifiku oħrajn


HEMŻA

ANNESS I

Il-paragrafu 1 tal-Artikolu 70 tal-Ftehim jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“1.    Għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim il-“Partijiet Kontraenti” għandhom ikunu l-Komunità Ewropea, imsejħa l-“Parti tal-KE”, minn naħa waħda u Papua New Guinea, ir-Repubblika ta’ Fiġi u l-Istat Indipendenti ta’ Samoa, imsejħa l-“Istati tal-Paċifiku”, min-naħa l-oħra.”.

Fl-Artikolu 80 tal-Ftehim, jiżdied il-paragrafu 3 li ġej:

“3.    Il-Kumitat tal-Kummerċ jista’ jiddeċiedi dwar kwalunkwe modifika teknika għall-Ftehim li tista’ tkun meħtieġa wara l-adeżjoni ta’ Gżejjer Stati tal-Paċifiku oħrajn.”.