IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 29.4.2020
COM(2020) 179 final
2020/0071(COD)
Proposta għal
DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li temenda d-Direttiva (UE) 2016/797 u d-Direttiva (UE) 2016/798 fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodu tat-traspożizzjoni tagħhom
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u objettivi tal-proposta
Il-proposta hija parti mill-miżuri ta’ emerġenza adottati mill-Kummissjoni b’reazzjoni għas-sitwazzjoni straordinarja kkawżata mit-tifqigħa tal-COVID-19.
B’differenza mis-soltu, id-Direttiva (UE) 2016/797 u d-Direttiva (UE) 2016/798 tal-pilastru tekniku tar-Raba’ Pakkett Ferrovjarju pprovdew għażla ta’ żewġ skadenzi tat-traspożizzjoni lill-Istati Membri – is-16 ta’ Ġunju 2019, jew inkella, fil-każ li tintbagħat notifika lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji, is-16 ta’ Ġunju 2020. Tmien (8) Stati Membri biss ittrasponew iż-żewġ Direttivi fl-2019 (BG, FI, FR, GR, IT, NL, RO, SI).
Fid-dawl tat-tifqigħa tal-COVID-19, il-maġġoranza tas-17-il Stat Membru li fadal ressqu talba biex it-traspożizzjoni tiddewwem, għaliex ma kienx se jirnexxilhom ilestu il-leġiżlazzjoni meħtieġa qabel is-16 ta’ Ġunju 2020.
Fid-dawl taċ-ċirkostanzi straordinarji, huwa kompletament komprensibbli li t-traspożizzjoni finali tista’ tkun impossibbli li ssir qabel is-16 ta’ Ġunju 2020. Huwa essenzjali li jiġu pprovduti ċ-ċarezza u ċ-ċertezza ġuridika, b’mod partikolari lill-industrija ferrovjarja u lill-impriżi ferrovjarji li huma l-benefiċjarji ewlenin tar-Raba’ Pakkett Ferrovjarju. It-tifqigħa tal-COVID-19 feġġet fl-istadju finali tal-adozzjoni tal-miżuri nazzjonali tat-traspożizzjoni. Jenħtieġ li l-Istati Membri xorta waħda jkunu jistgħu jlestu l-proċess f’perjodu addizzjonali ta’ tliet xhur. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li dewmien qasir ta’ tliet xhur huwa raġonevoli.
Għadd ta’ atti ta’ implimentazzjoni u atti delegati ġew adottati skont id-Direttiva (UE) 2016/797 u d-Direttiva (UE) 2016/798. Minħabba ż-żewġ skadenzi tat-traspożizzjoni, iddaħħlu dispożizzjonijiet tranżizzjonali kif ukoll dati għad-dħul fis-seħħ. Il-Kummissjoni se tipproponi sett ta’ emendi għall-atti ta’ implimentazzjoni sabiex tallinjahom mal-estensjoni tal-iskadenzi tat-traspożizzjoni wara l-adozzjoni tad-Direttiva proposta. Għall-atti delegati rilevanti, il-proċedura eżistenti stabbilita fl-Artikolu 6 tad-Direttiva (UE) 2016/798 ma tippermettix allinjament fil-ħin mal-estensjoni tal-iskadenzi tat-traspożizzjoni Għalhekk, fil-proposta ġew previsti bażi ġuridika u proċedura simplifikata għall-allinjament ulterjuri. Dan se jiżgura qafas ġuridiku koerenti u implimentazzjoni tal-pilastru tekniku tar-Raba’ Pakkett Ferrovjarju.
Din mhijiex inizjattiva fil-kuntest tal-Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT).
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika
Il-proposti huma konsistenti mal-miżuri ta’ emerġenza ġenerali li l-Kummissjoni qed tieħu biex ittaffi u tegħleb l-effetti negattivi tat-tifqigħa tal-COVID-19.
Huwa essenzjali li jiġu adottati dawn il-miżuri sabiex tiġi żgurata l-kontinwità tat-trasport tal-merkanzija u tal-persuni.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
Il-funzjonament effettiv tas-suq intern ferrovjarju, il-fluss ħieles tal-oġġetti essenzjali, ta’ passiġġieri u tal-persunal, kif ukoll is-servizzi relatati jiddependu fuq il-prestazzjoni ekonomika tal-impriżi ferrovjarji, l-amministraturi tal-infrastruttura u l-industrija ferrovjarja, kif ukoll fuq qafas ġuridiku u amministrattiv li jiffunzjona tajjeb. Il-konsegwenzi ekonomiċi negattivi tat-tifqigħa attwali tal-COVID-19 jistgħu jipperikolaw il-qagħda finanzjarja tal-impriżi ferrovjarji u tal-amministraturi tal-infrastruttura u jkollhom effetti negattivi serji fuq is-sistema tat-trasport u l-ekonomija b’mod ġenerali.
Il-Kummissjoni żviluppat il-kunċett ta’
“korsiji ħodor”
biex iżżomm il-fruntieri miftuħa għall-merkanzija u tnaqqas id-dewmien minħabba t-traffiku. Inħarġet gwida dwar id-drittijiet tal-passiġġieri, u din se tibqa’ tiġi aġġornata biex tkompli tindirizza l-bidliet fis-sitwazzjoni ġenerali.
L-emenda tad-Direttivi għandha l-għan li tindirizza l-punti ta’ tħassib ewlenin attwali tal-Istati Membri, tal-impriżi ferrovjarji, tal-amministraturi tal-infrastruttura u tal-industrija ferrovjarja, u għalhekk għandha importanza kbira.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
Din l-inizjattiva hija bbażata fuq l-Artikolu 91(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
L-objettiv tal-proposta ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri peress li dawn huma marbutin bl-arranġamenti tat-traspożizzjoni stabbiliti fid-Direttivi u ma jistgħux jemendawhom unilateralment. Dan l-objettiv jista’ jinkiseb biss permezz ta’ emenda tad-Direttivi stess mill-koleġiżlatur.
•Proporzjonalità
Il-proposta hija proporzjonata mal-problemi maħluqa mill-kriżi u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq l-għan li jittaffa l-impatt tat-tifqigħa attwali tal-COVID-19 għall-finijiet tat-traspożizzjoni tad-Direttivi.
•Għażla tal-istrument
Sabiex jilħaq l-objettiv tiegħu, l-istrument legali jenħtieġ ikun tal-istess forma bħal dak li se jiġi emendat. L-għan ewlieni tal-proposta huwa li tiġi emendata l-iskadenza tat-traspożizzjoni kif mitlub mill-Istati Membri.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
Din hija miżura urġenti skattata mit-tifqigħa u t-tixrid għal għarrieda u imprevedibbli tal-virus tal-COVID-19. Għal din ir-raġuni, il-miżura mhijiex rilevanti għall-programm ta’ idoneità regolatorja u ma saret l-ebda evalwazzjoni ex post.
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Minħabba l-urġenza tal-kwistjoni formali, ma setgħetx issir konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati. Madankollu, kemm l-awtoritajiet tal-Istati Membri kif ukoll il-partijiet ikkonċernati talbu lill-Kummissjoni biex tadotta proposta għal miżuri xierqa fil-kuntest tad-Direttivi.
•Ġbir u użu tal-għarfien espert
•Valutazzjoni tal-impatt
Minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni, ma setgħetx issir valutazzjoni tal-impatt.
•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni
•Drittijiet fundamentali
L-ebda impatt fuq id-drittijiet fundamentali.
4.IMPLIKAZZJONI GĦALL-BAĠIT
5.ELEMENTI OĦRA
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar
Sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni xierqa tal-miżura proposta, li għandha wkoll impatt dirett fuq iċ-ċarezza ġuridika għas-settur ferrovjarju, il-Kummissjoni tipproponi li tiġi introdotta klawżola ta’ notifika għall-Istati Membri li jagħżlu l-estensjoni tal-iskadenza tat-traspożizzjoni sas-16 ta’ Settembru 2020.
•Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-Direttivi)
2020/0071 (COD)
Proposta għal
DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li temenda d-Direttiva (UE) 2016/797 u d-Direttiva (UE) 2016/798 fir-rigward tal-estensjoni tal-perjodu tat-traspożizzjoni tagħhom
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91(1) tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz ta’ att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,
Billi:
(1)Skont l-Artikolu 57(1) tad-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u l-Artikolu 33 (1) tad-Direttiva (UE) 2016/798 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, l-Istati Membri kellhom idaħħlu r-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa fil-liġijiet tagħhom biex jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttivi sas-16 ta’ Ġunju 2019. Madankollu, skont l-Artikolu 57(2) tad-Direttiva (UE) 2016/797 u l-Artikolu 33(2) tad-Direttiva (UE) 2016/798, l-Istati Membri kellhom il-possibbiltà jestendu l-perjodu tat-traspożizzjoni b’sena.
(2)Sbatax-il Stat Membru nnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji (l-“Aġenzija”) dwar l-estensjoni tal-iskadenza tat-traspożizzjoni tad-Direttivi (UE) 2016/797 u (UE) 2016/798 sas-16 ta’ Ġunju 2020.
(3)Minħabba s-sitwazzjoni straordinarja u imprevedibbli kkawżata mit-tifqigħa tal-COVID-19, xi wħud minn dawk l-Istati Membri qed iħabbtu wiċċhom ma’ diffikultajiet biex ilestu x-xogħlijiet leġiżlattivi sal-iskadenza tat-traspożizzjoni stipulata, u għalhekk jissograw nuqqas ta’ konformità ma’ din l-iskadenza. Dan in-nuqqas jista’ joħloq inċertezza tad-dritt għall-industrija ferrovjarja, għall-awtoritajiet nazzjonali u għall-Aġenzija fir-rigward tal-leġiżlazzjoni li tapplika għas-sikurezza ferrovjarja u għall-interoperabbiltà. L-inabbiltà ta’ ċerti Stati Membri li jittrasponu d-Direttivi minħabba t-tifqigħa tal-COVID-19 għandha konsegwenzi detrimentali għas-settur ferrovjarju.
(4)Huwa essenzjali li l-industrija ferrovjarja tingħata ċ-ċarezza u ċ-ċertezza ġuridika billi l-Istati Membri jitħallew, meta rilevanti, ikomplu japplikaw mis-16 ta’ Ġunju 2020 u għal perjodu limitat, id-Direttiva 2004/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva 2008/57/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
(5)Peress li t-tifqigħa tal-COVID-19 feġġet fl-istadju finali tal-adozzjoni tal-miżuri nazzjonali tat-traspożizzjoni, jenħtieġ li l-Istati Membri jingħataw perjodu addizzjonali ta’ tliet xhur biex ilestu l-proċess tat-traspożizzjoni.
(6)L-iskadenzi tat-traspożizzjoni tad-Direttivi (UE) 2016/797 u (UE) 2016/798 jenħtieġ li jiġu estiżi bi tliet xhur sas-16 ta’ Settembru 2020. Id-dati tat-tħassir tad-Direttiva 2004/49/KE u tad-Direttiva 2008/57/KE, kif stabbiliti fl-Artikolu 58 tad-Direttiva (UE) 2016/797 u fl-Artikolu 34 tad-Direttiva (UE) 2016/798 rispettivament, jenħtieġ li jiġu aġġustati skont dan.
(7)Għadd ta’ atti delegati ġew adottati fuq il-bażi tad-Direttiva (UE) 2016/798 u dawn jirriflettu skadenzi tat-traspożizzjoni preċedenti. Fis-sitwazzjoni attwali, dawn l-atti jeħtieġ li jiġu allinjati mal-iskadenza l-ġdida tat-traspożizzjoni. Jenħtieġ li tiġi pprovduta proċedura simplifikata għal meta jkun hemm raġunijiet imperattivi ta’ urġenza li jeżiġu emendar ta’ att delegat.
(8)Jenħtieġ li d-Direttivi (UE) 2016/797 u (UE) 2016/798 jiġu emendati skont dan.
(9)Biex tkun tista’ ssir l-applikazzjoni fil-ħin tal-miżuri previsti f’din id-Direttiva, din id-Direttiva jenħtieġ li tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea,
ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
Id-Direttiva (UE) 2016/797 hija emendata kif ġej:
(1)fl-Artikolu 57, jiddaħħal il-paragrafu 2a li ġej:
“2a. L-Istati Membri li estendew il-perjodu tat-traspożizzjoni skont il-paragrafu 2, jistgħu jerġgħu jestenduh sas-[16 ta’ Settembru 2020]. Il-miżuri tat-traspożizzjoni tagħhom għandhom japplikaw minn dik id-data. Dawk l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Aġenzija u lill-Kummissjoni b’dan sa mhux aktar tard minn jum wieħed wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva (UE) 2020/... .”;
(2)fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58,
“16 ta’ Ġunju 2020” hija sostitwita bi “16 ta’ Settembru 2020”.
Artikolu 2
Id-Direttiva (UE) 2016/798 hija emendata kif ġej:
(1)jiddaħħal l-Artikolu 6a li ġej:
“Artikolu 6a
Allinjament tas-CSMs ma’ skadenzi riveduti
Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 27(7) biex tallinja d-dati ta’ applikazzjoni tal-atti delegati adottati skont l-Artikolu 6(6), mal-iskadenza tat-traspożizzjoni stabbilita fl-Artikolu 33(2a).”
(2)fl-Artikolu 27, jiżdied il-paragrafu 7 li ġej:
“7. B’deroga mill-paragrafi 1 sa 6, is-setgħa tal-adozzjoni ta’ atti delegati skont l-Artikolu 6a tingħata lill-Kummissjoni mid-[data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva (UE) 2020/...] sas-[16 ta’ Settembru 2020]. Il-proċedura prevista fl-Artikolu 27a għandha tapplika. ”
(3)fl-Artikolu 27, jiżdied il-paragrafu 8 li ġej:
“8. B’deroga mill-paragrafi 2 sa 6, u mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 7, fejn raġunijiet imperattivi ta’ urġenza jkunu jirrikjedu dan, il-proċedura prevista fl-Artikolu 27a għandha tapplika għal atti delegati adottati skont dan l-Artikolu.”
(4)jiddaħħal l-Artikolu 27a li ġej:
“Artikolu 27a
Proċedura ta’ urġenza
1.Atti delegati adottati skont dan l-Artikolu għandhom jidħlu fis-seħħ mingħajr dewmien u għandhom japplikaw sakemm ma ssir l-ebda oġġezzjoni f’konformità mal-paragrafu 3.
2.Malli l-Kummissjoni tadotta att delegat skont dan l-Artikolu, hija għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill u għandha tiddikjara r-raġunijiet għall-użu tal-proċedura ta’ urġenza.
3.Il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jistgħu joġġezzjonaw għal att delegat f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 27(6). F’dan il-każ, il-Kummissjoni għandha tirrevoka l-att minnufih wara n-notifika tad-deċiżjoni ta’ oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill.”
(5)fl-Artikolu 33, jiddaħħal il-paragrafu 2a li ġej:
“2a.L-Istati Membri li estendew il-perjodu tat-traspożizzjoni skont il-paragrafu 2, jistgħu jerġgħu jestenduh sas-[16 ta’ Settembru 2020]. Il-miżuri tat-traspożizzjoni tagħhom għandhom japplikaw minn dik id-data. Dawk l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Aġenzija u lill-Kummissjoni b’dan sa mhux aktar tard minn jum wieħed wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva (UE) 2020/... . ”
(6)fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 34,
“16 ta’ Ġunju 2020” hija sostitwita bi “16 ta’ Settembru 2020”.
Artikolu 3
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 4
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Parlament Ewropew
Għall-Kunsill
Il-President
Il-President