Brussell, 2.4.2020

COM(2020) 174 final

2020/0055(APP)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

It-tifqigħa tal-COVID-19 affettwat is-soċjetà u l-ekonomija fl-Unjoni Ewropea b’mod drammatiku li jirrikjedi l-adozzjoni ta’ miżuri eċċezzjonali mill-Istati Membri. It-tifqigħa tirrappreżenta emerġenza severa tas-saħħa pubblika għaċ-ċittadini, is-soċjetajiet u l-ekonomiji. L-attivitajiet ekonomiċi qed jiġu mfixkla u dan qed jikkawżaw limiti ta’ likwidità u deterjorament sever tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-atturi ekonomiċi (l-intrapriżi, u b’mod partikolari l-SMEs). L-Istati Membri qed jiffaċċjaw ukoll żieda fid-domanda għar-riżorsi tal-istat biex jiffinanzjaw is-sistemi tas-saħħa pubblika u jinżammu s-servizzi pubbliċi.

Sabiex tgħin lill-Istati Membri jlaħħqu ma’ dawn l-isfidi kollha u jirreaġixxu għall-impatt tat-tifqigħa, il-Kummissjoni pproponiet firxa wiesgħa ta’ miżuri fl-Inizjattiva ta’ Investiment ta’ Rispons għall-COVID-19 1 , inkluż l-iskjerament tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej 2 . Ġie propost it-tisħiħ tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili/rescEU, biex jiġi kkoordinat l-akkwist konġunt u jiżdied l-istokk tal-mediċini, tat-tagħmir ta’ sikurezza personali u tal-prodotti medikali, u biex jiġu rimpatrijati ċ-ċittadini Ewropej maqbuda barra mill-UE 3 . Ġie propost ukoll tisħiħ taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC).  

Sabiex tipprovdi reazzjoni adegwata għall-ħtiġijiet li jirriżultaw mit-tifqigħa tal-COVID-19, il-Kummissjoni issa qed tipproponi li tattiva, b’baġit ta’ EUR 2,7 biljun, l-Istrument għall-Appoġġ ta’ Emerġenza, maħluq fl-2016 meta l-kriżi tar-refuġjati kienet fl-aqwa tagħha, bħala assistenza lill-Istati Membri fit-tifqigħa tal-COVID-19 4 . Fid-dawl tal-iżvilupp rapidu tal-kriżi, il-Kummissjoni qed tipproponi wkoll li tkompli ssaħħaħ il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili/rescEU b’baġit addizzjonali ta’ EUR 300 miljun biex tiffaċilita kumulazzjoni estensiva u l-koordinazzjoni tad-distribuzzjoni tar-riżorsi essenzjali madwar l-Ewropa 5 . 

Dan jirrikjedi l-mobilizzazzjoni ta’ strumenti speċjali peress li ma hemmx marġini disponibbli jew ambitu għall-iskjerament mill-ġdid fl-intestatura 3 tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP). Id-disponibbiltà ta’ strumenti speċjali għall-2020 hija ppreżentata fl-aġġustament tekniku tal-QFP għall-2020 6 .



Fuq il-bażi tad-definizzjoni u l-ambitu attwali tal-istrumenti speċjali fir-Regolament dwar il-QFP, l-Istrument ta’ Flessibbiltà u l-Marġini ta’ Kontinġenza biss jistgħu jintużaw għal dan l-għan, peress li l-użu tal-Marġini Globali għal Impenji huwa ristrett għaż-żgħażagħ u l-impjiegi kif ukoll għall-migrazzjoni u s-sigurtà. Il-fondi li bħalissa huma disponibbli b’mod ikkombinat fil-qafas tal-Istrument ta’ Flessibbiltà u tal-Marġini ta’ Kontinġenza mhumiex biżżejjed biex ikopru l-ħtiġijiet ta’ finanzjament tal-Istrument għall-Appoġġ ta’ Emerġenza u tat-tisħiħ sinifikanti tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili/rescEU.

Peress li din hija l-aħħar sena tal-QFP 2014–2020 u l-Unjoni Ewropea qed tiffaċċja kriżi tas-saħħa u ekonomika bla preċedent, il-Kummissjoni tipproponi li jiġi emendat ir-Regolament dwar il-QFP biex jitneħħew il-limitazzjonijiet tal-Marġini Globali għal Impenji (Artikolu 14) biex ikun possibbli l-iffinanzjar sħiħ tal-ammont ta’ EUR 3,0 biljun għar-rispons għat-tifqigħa tal-COVID-19 propost fl-Abbozz ta’ Baġit Emendatorju Nru 2/2020 ippreżentat separatament.

Il-Kummissjoni tipproponi t-tħassir tar-referenzi għaż-“żgħażagħ u l-impjiegi”, u “għall-migrazzjoni u miżuri ta’ sigurtà” mit-test tal-Artikoli rilevanti.

L-Artikolu 135(2) tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika 7 jipprevedi li l-emendi tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jiġu adottati fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim jew warajha ma għandhomx ikunu japplikaw għar-Renju Unit sa fejn dawk l-emendi jkollhom impatt fuq l-obbligi finanzjarji tar-Renju Unit. L-emendi previsti f’dan ir-Regolament huma limitati għall-bidla fl-għan tal-użu tal-Marġini Globali għal Impenji u ma jżidux l-obbligi finanzjarji. Għaldaqstant, l-Artikolu 135(2) tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika ma japplikax għal din l-emenda.

2.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Din il-proposta ma għandhiex implikazzjonijiet baġitarji immedjati. Il-Marġini Globali għal Impenji huwa mobilizzat u mdaħħal fil-baġit annwali skont il-proċeduri stabbiliti fir-Regolament dwar il-QFP u fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta’ baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba.

2020/0055 (APP)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 312 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew 8 ,

Filwaqt li jaġixxi f’konformità ma’ proċedura leġiżlattiva speċjali,

Billi:

(1)It-tifqigħa tal-COVID-19 u l-kriżi tas-saħħa pubblika assoċjata, li jeħtieġu miżuri straordinarji, tefgħet pressjoni enormi fuq ir-riżorsi finanzjarji disponibbli fi ħdan il-limiti massimi tal-QFP u lil hinn minnhom.

(2)Sabiex l-Unjoni tkun tista’ tiffinanzja rispons xieraq għat-tifqigħa tal-COVID-19 u għall-kriżi tas-saħħa pubblika u ekonomika assoċjata fil-qafas tal-Istrument għall-Appoġġ ta’ Emerġenza 9 , qed jiġi propost li jinbidel l-għan li għalih jistgħu jintużaw l-approprjazzjonijiet disponibbli fil-qafas tal-Marġini Globali għal Impenji, fejn dan jirreferi għat-tkabbir u l-impjiegi, b’mod partikolari għall-impjiegi taż-żgħażagħ, kif ukoll għall-migrazzjoni u miżuri ta’ sigurtà.

(3)Qed jiġi propost li l-Marġini Globali għal Impenji jiġi mobilizzat mill-iktar fis possibbli, biex ikun jista’ jintuża b’mod rapidu fl-2020, kif propost fl-Abbozz ta’ Baġit Emendatorju Nru 2/2020 10 . Din l-emenda tar-Regolament Nru 1311/2013 jenħtieġ li tidħol fis-seħħ mhux iktar tard mill-istess jum tal-adozzjoni ta’ dan l-Abbozz ta’ Baġit Emendatorju.

(4)L-Artikolu 135(2) tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika 11 jipprevedi li l-emendi tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jiġu adottati fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim jew warajha ma għandhomx ikunu japplikaw għar-Renju Unit sa fejn dawk l-emendi jkollhom impatt fuq l-obbligi finanzjarji tar-Renju Unit. L-emendi previsti f’dan ir-Regolament huma limitati għall-bidla fl-għan tal-użu tal-Marġini Globali għal Impenji u ma jżidux l-obbligi finanzjarji. Għaldaqstant, huwa xieraq li jiġi ċċarat li l-Artikolu 135(2) tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika ma japplikax għal din l-emenda.

(5)Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 huwa emendat kif ġej:

(1)    Fl-Artikolu 3(2), it-tieni sentenza hi ssostitwita b’dan li ġej:

“L-approprjazzjonijiet ta’ impenn jistgħu jiddaħħlu fil-baġit lil hinn mil-limiti massimi tal-intestaturi rilevanti tal-QFP fejn ikun neċessarju li jintużaw ir-riżorsi mir-Riżerva ta’ Għajnuna f’Emerġenza, mill-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea, mill-Istrument ta’ Flessibbiltà, mill-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, mill-Marġini ta’ Kontinġenza, mill-flessibbiltà speċifika biex jiġi indirizzat il-qgħad fost iż-żgħażagħ u biex tissaħħaħ ir-riċerka u mill-Marġini Globali għal Impenji f’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 (*), mar-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (**) u mal-Ftehim Interistituzzjonali dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta’ baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (***).

_____________________________

(*)Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 2012/2002 tal-11 ta’ Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea ( ĠU L 311, 14.11.2002, p. 3 ).

(**)Ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1927/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855).

(***)Il-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni tat-2 ta’ Diċembru 2013 dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta’ baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1).”;

(2)    L-Artikolu 14 huwa emendat kif ġej:

(a)    it-titolu qed jinbidel b’dan li ġej:

“Marġini Globali għal Impenji”

(b)    il-paragrafu 1 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“1.    Il-marġini li għadhom disponibbli taħt il-limiti massimi tal-QFP għall-approprjazzjonijiet ta’ impenn għandhom jikkostitwixxu Marġini Globali għal Impenji, magħmul disponibbli barra mil-limiti massimi stabbiliti fil-QFP għas-snin 2016 sa 2020.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-BĊE, lill-BEI u lill-Grupp tal-Euro: Rispons ekonomiku kkoordinat għat-tifqigħa tal-COVID-19; COM(2020) 112 final, 13.3.2020.
(2)    Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1303/2013, ir-Regolament (UE) Nru 1301/2013 u r-Regolament (UE) Nru 508/2014 fir-rigward ta’ miżuri speċifiċi biex jiġu mmobilizzati investimenti fis-sistemi tal-kura tas-saħħa tal-Istati Membri u fis-setturi l-oħra tal-ekonomiji tagħhom b’reazzjoni għat-tifqigħa COVID-19 [Inizjattiva ta’ Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus], tat-13 ta’ Marzu 2020, COM(2020) 113 final, 13.3.2020.
(3)    L-Abbozz ta’ Baġit Emendatorju Nru 1/2020, COM(2020) 145, 27.3.2020.
(4)    Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jattiva l-appoġġ ta’ emerġenza skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/369 tal-15 ta’ Marzu 2016 u li jemenda d-dispożizzjonijiet tiegħu fir-rigward tat-tifqigħa tal-COVID-19, COM(2020) 175, 2.4.2020.
(5)    L-Abbozz ta’ Baġit Emendatorju Nru 2/2020, COM(2020) 170, 2.4.2020.
(6)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-aġġustament tekniku fir-rigward tal-istrumenti speċjali għall-2020 (l-Artikolu 6(1)(e) u (f) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020). COM(2020) 173, 2.4.2020.
(7)    ĠU L 29, 31.1.2020, p. 7.
(8)    ĠU C , , p. .
(9)    COM(2020) 175, 2.4.2020.
(10)    COM(2020) 170, 2.4.2020.
(11)    ĠU L 29, 31.1.2020, p. 7.