Brussell, 2.4.2020

COM(2020) 172 final

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Marġni ta’ Kontinġenza fl-2020 biex tingħata assistenza ta' emerġenza lill-Istati Membri u biex jissaħħaħ il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili/rescEU b’rispons għat-tifqigħa tal-COVID-19


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, EURATOM) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 1 (“ir-Regolament dwar il-QFP”) jippermetti l-mobilizzazzjoni tal-Marġni ta’ Kontinġenza sa 0,03 % tal-Introjtu Nazzjonali Gross biex l-EU-28 jirreaġixxu għal ċirkostanzi mhux previsti bħala strument tal-aħħar rimedju. Fl-aġġustament tekniku tal-QFP għall-2020 2 , abbażi tal-Artikolu 6 tar-Regolament QFP, l-ammont assolut tal-Marġni ta' Kontinġenza għas-sena 2020 huwa stabbilit għal EUR 5 096,8 miljun.

Il-Kummissjoni llum qed tippreżenta l-Abbozz ta' Baġit Emendatorju (ABE) Nru 2/2020 3 . Jinkludi żieda kumplessiva tal-approprjazzjonijiet ta’ impenn għall-intestatura 3 Sigurtà u Ċittadinanza ta’ EUR 3 000,0 miljun biex ikopru r-riattivazzjoni tal-Istrument għall-Appoġġ ta' Emerġenza fi ħdan l-Unjoni (Emergency Support Instrument –– ESI) biex jgħin lill-Istati Membri jindirizzaw il-konsegwenzi tat-tifqigħa tal-COVID-19 u biex isaħħaħ aktar il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili/rescEU sabiex jiġu ffaċilitati l-ħażna u l-koordinazzjoni usa’ tad-distribuzzjoni tar-riżorsi essenzjali madwar l-Ewropa. Din iż-żieda tikkomplementa tisħiħ ieħor li kien jikkonċerna l-istess intestatura għal ammont kumplessiv ta’ EUR 423,3 miljun diġà propost mill-Kummissjoni fl-ABE Nru 1/2020 4 .

Minħabba n-nuqqas ta’ spazju għal riallokazzjonijiet taħt l-intestatura 3 u f’konformità mal-proposta, ippreżentata llum ukoll, li jiġi emendat ir-Regolament dwar il-QFP biex jitneħħew il-limitazzjonijiet fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-istrument 5 , il-Kummissjoni qed tipproponi fl-ABE Nru 2/2020 l-użu tal-Marġni Globali għall-Impenji għall-ammont sħiħ disponibbli taħt dan l-istrument speċjali ta’ EUR 2 042,4 miljun 6 .

Barra minn hekk, l-ABE Nru 2/2020 huwa akkumpanjat minn proposta 7 biex tiġi emendata d-Deċiżjoni (UE) 2020/265 dwar il-mobilizzazzjoni tal-Istrument ta’ Flessibbiltà fl-2020 8 . Din il-proposta, li żżid l-ammont propost biex jiġi mobilizzat b’EUR 316,3 miljun, tirriżulta f’mobilizzazzjoni totali ta’ EUR 1 094,4 miljun fl-2020, u teżawrixxi l-ammont disponibbli taħt dan l-istrument speċjali.

Finalment, il-Kummissjoni qed tipproponi, bħala l-aħħar rimedju, li jiġi mobilizzat il-Marġni ta' Kontinġenza għall-2020 għal ammont ta’ EUR 714,6 miljun biex jiġi żgurat il-finanzjament sħiħ tal-approprjazzjonijiet ta’ impenn relatati man-nefqa taħt l-intestatura 3 fil-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2020, li jaqbeż il-limitu għall-impenji.

2.ĠUSTIFIKAZZJONI TAL-MOBILIZZAZZJONI

2.1.INTRODUZZJONI

L-appoġġ ta' emerġenza jista’ jingħata skont ir-Regolament (UE) 2016/369 fil-każ ta’ diżastru naturali jew ikkawżat mill-bniedem li jkun qed iseħħ jew li jkollu l-potenzjal li jseħħ, fejn l-iskala u l-impatt eċċezzjonali tad-diżastru jkun tali li jwassal għal konsegwenzi gravi umanitarji b’firxa wiesgħa fi Stat Membru wieħed jew aktar, u biss f'ċirkostanzi ta' eċċezzjoni li fihom l-ebda strument ieħor disponibbli għall-Istati Membri u l-Unjoni ma jkun biżżejjed.

Is-sindromu respiratorju akut gravi coronavirus 2 (SARS-CoV-2) u l-marda relatata (COVID-19) ġew ikkaratterizzati mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) suċċessivament bħala emerġenza tas-saħħa pubblika ta’ tħassib internazzjonali 9 u bħala pandemija globali 10 . Il-konsegwenzi għas-saħħa pubblika tat-tifqigħa diġà huma severi u mxerrdin fl-aktar Stati Membri affettwati u qed ikomplu jaggravaw hekk kif qed jiġu affettwati aktar Stati Membri.

Il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili/rescEU 11 ssaħħaħ fl-ABE Nru 1 kif ukoll fin-Nru 2/2020, ġiet varata l-Inizjattiva ta' Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus biex jiġu implimentati l-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej 12 u strumenti oħrajn tal-Unjoni qed jikkontribwixxu biex jindirizzaw l-emerġenza tas-saħħa pubblika. Madankollu, l-iskala u l-ambitu tal-isfida jeħtieġu li l-konsegwenzi umanitarji tat-tifqigħa relatati mas-saħħa pubblika fl-Unjoni jiġu indirizzati effetivament.

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tipproponi li l-Istrument għall-Appoġġ ta’ Emerġenza (Emergency Support Instrument – ESI) taħt ir-Regolament (UE) 2016/369 jiġi riattivat u emendat fir-rigward tat-tifqigħa tal-COVID-19 13 .

2.2.IL-MARĠNI TA’ KONTINĠENZA BĦALA L-ISTRUMENT TAL-AĦĦAR RIMEDJU

L-Artikolu 13(1) tar-Regolament QFP jiddefinixxi l-Marġni ta’ Kontinġenza bħala l-istrument tal-aħħar rimedju biex issir reazzjoni għal ċirkostanzi mhux previsti. F’konformità mal-punt 14 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta’ baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba 14 , il-Kummissjoni wettqet analiżi tal-possibbiltà ta’ allokazzjoni mill-ġdid ta’ ammonti sinifikanti fil-baġit eżistenti. Fil-baġit tal-2020, il-Kummissjoni diġà pproponiet li jintuża l-marġni mhux allokat kollu kemm hu taħt il-limitu tal-impenji tal-intestatura 3. Barra minn hekk, ġew immobilizzati EUR 778,1 miljun mill-Istrument ta’ Flessibbiltà fil-baġit adottat. Għalhekk ma hemm l-ebda lok għal riallokazzjoni ulterjuri taħt din l-intestatura.

Il-mobilizzazzjoni tal-ammont li jifdal tal-Istrument ta’ Flessibbiltà ġiet proposta fl-ABE Nri 1 u 2/2020 biex tilħaq EUR 1 094,4 miljun b’kollox. L-kamp ta’ applikazzjoni tal-Marġni Globali għall-Impenji huwa limitat għat-tkabbir, għall-impjiegi, għall-migrazzjoni u għas-sigurtà, u ma jistax jiġi mmobilizzat għal miżuri relatati mat-tifqigħa tal-COVID-19. Għaldaqstant, il-Kummissjoni llum qed tipproponi li r-Regolament dwar il-QFP jiġi emendat biex titneħħa l-limitazzjoni fl-ambitu tal-Marġni Globali għall-Impenji 15 u biex jiġi mmobilizzat minnufih l-ammont sħiħ disponibbli għall-Istrument għall-Appoġġ ta’ Emerġenza u tisħiħ ulterjuri ta’ rescEU permezz tal-ABE Nru 2/2020. Minħabba li l-ammont ikkombinat tal-Marġni Globali għall-Impenji u tal-Istrument ta’ Flessibbiltà mhuwiex biżżejjed biex tiġi ffinanzjata ż-żieda proposta f'approprjazzjonijiet ta' impenn, il-mobilizzazzjoni tal-Marġni ta’ Kontinġenza għall-2020 huwa l-unika strument disponibbli – tal-aħħar rimedju– biex tiġi ffinanzjata n-nefqa addizzjonali li jifdal ’il fuq mil-limitu tal-intestatura 3.

2.3.IMPATT FUQ IL-BAĠIT TA’ ĊIRKOSTANZI MHUX PREVISTI FL-2020

Il-Kummissjoni tipproponi li jiġu mmobilizzati EUR 714,6 miljun permezz tal-Marġni ta’ Kontinġenza biex ikopru l-ħtiġijiet addizzjonali relatati mar-riattivazzjoni tal-ESI.

L-approprjazzjonijiet ta' pagament li jikkorrispondu magħhom se jiġu akkomodati fil-limitu massimu tal-pagamenti għall-2020 (u lil hinn). Ma hemm l-ebda ħtieġa li jiġi mmobilizzat il-Marġni ta’ Kontinġenza f’pagamenti.

3.TPAĊIJA TAL-MARĠNI TA’ KONTINĠENZA KONTRA L-LIMITI MASSIMI TAL-QFP

L-Artikolu 13(3) tar-Regolament QFP jirrikjedi li l-ammonti magħmula disponibbli permezz tal-mobilizzazzjoni tal-Marġni ta’ Kontinġenza għandhom jiġu paċuti kompletament kontra l-marġnijiet għas-sena finanzjarja attwali jew għas-snin finanzjarji futuri.

Skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament QFP, l-ammonti paċuti ma għandhomx ikunu mobilizzati ulterjorment fil-kuntest tal-QFP, b’tali mod li t-total tal-limiti massimi ta’ approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament stabbiliti fil-QFP għas-sena finanzjarja attwali jew għas-snin finanzjarji futuri ma jinqabiżx. Konsegwentement, il-mobilizzazzjoni tal-Marġni ta’ Kontinġenza għal approprjazzjonijiet ta’ impenn taħt l-intestatura 3 fl-2020 u t-tpaċija relatata jridu jirrispettaw il-limitu massimu tal-impenji totali għas-sena 2020, l-aħħar sena tal-perjodu tal-QFP attwali.

Il-Kummissjoni tipproponi li tpaċi t-tisħiħ propost tan-nefqa taħt l-intestatura 3 kontra l-marġni mhux allokat disponibbli taħt il-limitu massimu tan-nefqa tal-intestatura 5, Amministrazzjoni.

Wara t-tpaċija, ikun għad hemm marġni ta’ EUR 633,7 miljun b’kollox taħt il-limitu massimu tan-nefqa tal-intestaturi li ġejjin:

·EUR 514,0 miljun taħt l-intestatura 2 (Tkabbir sostenibbli: riżorsi naturali);

·EUR 103,4 miljun taħt l-intestatura 4 (Ewropa Globali);

·EUR 16,2 miljun taħt l-intestatura 5 (Amministrazzjoni).

Ma jkun jifdal l-ebda marġni taħt il-limiti massimi tan-nefqa l-oħrajn.

Il-limitu massimu globali għall-impenji għall-QFP kollu jibqa' l-istess.

4.ELEMENTI ADDIZZJONALI

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill huma mfakkra li l-pubblikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea m’għandhiex issir aktar tard mill-pubblikazzjoni tal-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 2/2020, f’konformità mal-aħħar sentenza tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament QFP.

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Marġni ta’ Kontinġenza fl-2020 biex tingħata assistenza ta' emerġenza lill-Istati Membri u biex jissaħħaħ il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili/rescEU b’rispons għat-tifqigħa tal-COVID-19

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba 16 , u b’mod partikolari l-punt 14 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi,

(1) L-Artikolu 13 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 17 stabbilixxa Marġni ta' Kontinġenza sa 0,03 % tal-Introjtu Nazzjonali Gross tal-Unjoni.

(2) F’konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013, il-Kummissjoni kkalkolat l-ammont assolut ta' dan il-Marġni ta Kontinġenza għall-2020 fil-Komunikazzjoni tagħha lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew tal-15 ta’ Mejju 2019 dwar l-aġġustament tekniku tal-qafas finanzjarju għall-2020 f'konformità maċ-ċaqliq fl-ING 18 .

(3) Il-Kummissjoni eżaminat il-possibilitajiet finanzjarji kollha l-oħra għal reazzjoni għal ċirkostanzi mhux previsti fi ħdan il-limitu massimu tan-nefqa għall-2020 għall-intestatura 3 (Sigurtà u ċittadinanza) stipulat fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP). Il-Kummissjoni pproponiet għall-intestatura 3 tal-QFP fl-2020 biex jintuża l-Marġni Globali għall-Impenji għall-ammont totali ta’ 2 392 402 163 u li jiġi mmobilizzat l-Istrument ta’ Flessibbiltà għall-ammont totali ta’ EUR 1 094 414 188. Il-mobilizzazzjoni tal-Marġni ta' Kontinġenza hija madankollu neċessarja biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet li jirriżultaw mit-tifqigħa tal-COVID-19 billi żżid l-approprjazzjonijiet ta' impenn tal-intestatura 3 tal-QFP fil-baġit ġenerali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2020, lil hinn mil-limitu massimu ta’ din l-intestatura, kif propost fl-Abbozz ta’ Baġit Emendatorju Nru 2/2020 19 .

(4) Wara li tqieset din is-sitwazzjoni partikolari ħafna, il-kundizzjoni tal-aħħar rimedju stipulata fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 hija ssodisfata.

(5) Jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fl-istess jum tal-emenda tal-baġit tal-2020 minħabba li l-Marġni ta’ Kontinġenza jippermetti l-finanzjament ta’ xi azzjonijiet li jaqbeż il-limitu massimu stabbilit għall-baġit tal-2020 fil-QFP.

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2020, il-Marġni ta’ Kontinġenza għandu jiġi mmobilizzat biex jipprovdi EUR 714 558 138 f’approprjazzjonijiet ta’ impenn lil hinn mil-limitu massimu tal-impenji tal-intestatura 3 (Sigurtà u ċittadinanza) tal-qafas finanzjarju pluriennali.

Artikolu 2

L-ammont ta’ EUR 714 558 138 imsemmi fl-Artikolu 1 għandu jkun paċut kontra l-marġni tas-sena finanzjarja 2020 tal-intestatura 5, Amministrazzjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(2)    COM(2019) 310, 15.5.2019.
(3)    COM(2020) 170, 2.4.2020.
(4)    COM(2020) 145, 27.3.2020.
(5)    COM(2020) 174, 2.4.2020.
(6)    Dan l-ammont iqis il-marġni li fadal mill-2019 (EUR 1 316,9 miljun) li sar disponibbli għall-2020 fl-“Aġġustament tekniku fir-rigward tal-istrument speċjali” adottat illum mill-Kummissjoni (COM(2020) 173, 2.4.2020).
(7)    L-ewwel proposta biex tiġi emendata din id-Deċiżjoni kienet takkumpanja l-ABE Nru 1/2020 iżda qed tiġi sostitwita b’din it-tieni waħda.
(8)    COM(2020) 171, 2.4.2020.
(9)    Fit-30 ta’ Jannar 2020.
(10)    Fil-11 ta’ Marzu 2020.
(11)    Id-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 924).
(12)    Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1303/2013, ir-Regolament (UE) Nru 1301/2013 u r-Regolament (UE) Nru 508/2014 fir-rigward ta’ miżuri speċifiċi biex jiġu mmobilizzati investimenti fis-sistemi tal-kura tas-saħħa tal-Istati Membri u fis-setturi l-oħra tal-ekonomiji tagħhom b’reazzjoni għat-tifqigħa COVID-19 [Inizjattiva ta’ Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus] COM(2020) 113 final, 13.3.2020.
(13)    COM(2020) 175, 2.4.2020.
(14)

   ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(15)    COM(2020) 174, 2.4.2020.
(16)    ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(17)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).
(18)    Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew tal-15 ta’ Mejju 2019 dwar l-aġġustament tekniku tal-qafas finanzjarju għall-2020 f'konformità maċ-ċaqliq fl-ING (COM(2019) 310).
(19)    COM(2020) 170, 2.4.2020.