Brussell, 13.3.2020

COM(2020) 113 final

2020/0043(COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1303/2013, ir-Regolament (UE) Nru 1301/2013 u r-Regolament (UE) Nru 508/2014 fir-rigward ta’ miżuri speċifiċi biex jiġu mmobilizzati investimenti fis-sistemi tal-kura tas-saħħa tal-Istati Membri u fis-setturi l-oħra tal-ekonomiji tagħhom b’reazzjoni għat-tifqigħa COVID-19

[Inizjattiva ta’ Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus]


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Il-kriżi tal-coronavirus, jew it-tifqigħa tal-COVID-19, affettwat lill-Istati Membri għal għarrieda u b'mod drammatiku, b’impatt potenzjali kbir fuq is-soċjetajiet u l-ekonomiji tagħhom. Il-kriżi xxekkel it-tkabbir fl-Istati Membri hekk kif l-attività ekonomika qed tiddeċelera f’daqqa. Dan jista’ jiġi aggravat minn restrizzjonijiet ta’ likwidità peress li l-impriżi qed ibatu biex iħallsu lill-fornituri u lill-impjegati tagħhom. Fl-istess ħin, hemm bżonn ta’ riżorsi pubbliċi addizzjonali biex isostnu s-sistemi tal-kura tas-saħħa u attivitajiet oħra marbuta direttament mat-tifqigħa tal-marda.

Dan ħoloq sitwazzjoni eċċezzjonali li jenħtieġ li tiġi indirizzata b’miżuri speċifiċi biex jingħataw sostenn u protezzjoni lill-ekonomiji, il-kumpaniji u l-ħaddiema tal-Istati Membri. Huma meħtieġa interventi mdaqqsa u rapidi fis-sistemi tal-kura tas-saħħa biex din tkun tista’ topera taħt stress konsiderevoli, għall-SMEs li spiss ikollhom marġnijiet aktar baxxi, biex jittaffew il-konsegwenzi negattivi fuq is-swieq tax-xogħol u partijiet vulnerabbli oħra tal-ekonomiji tagħhom. Din hija kwistjoni tal-UE kollha li teħtieġ li r-riżorsi kollha disponibbli, fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri, jiġu mmobilizzati biex jingħelbu l-isfidi bla preċedent relatati mat-tifqigħa tal-COVID-19.

Il-Kummissjoni għalhekk tipproponi “Inizjattiva ta’ Investiment fir-Rispons għall-coronavirus” indirizzata lejn il-promozzjoni ta’ investimenti billi timmobilizza riżervi ta’ flus kontanti disponibbli fil-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, biex tikkumbatti l-kriżi minnufih. L-investiment se jkun imdaqqas u malajr se jilħaq aktar minn EUR 37 biljun. Biex jinkiseb dan, il-Kummissjoni tipproponi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jirrilaxxaw madwar EUR 8 biljun f’likwidità ta’ investiment.

Sabiex dawn is-EUR 37 biljun ta’ investiment pubbliku Ewropew jiġu diretti malajr biex jiġu indirizzati l-konsegwenzi tal-kriżi tal-coronavirus, il-Kummissjoni tipproponi li tirrinunzja għall-obbligu ta’ din is-sena li titlob ir-rimbors tal-prefinanzjament mhux minfuq għall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond Soċjali Ewropew (FSE), il-Fond ta’ Koeżjoni (FK) u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS) sakemm jingħalaq il-programm.

L-Istati Membri għandhom jużaw l-ammonti mhux irkuprati fl-2020 biex jaċċelleraw l-investimenti relatati mat-tifqigħa tal-COVID-19 taħt il-FEŻR u l-FSE, il-FK u l-FEMS. Fid-dawl tar-rati medji ta’ kofinanzjament madwar l-Istati Membri, it-EUR 8 biljun se jkunu jistgħu jiskattaw ir-rilaxx u l-użu ta’ madwar EUR 29 biljun ta’ finanzjament strutturali madwar l-UE.

Huwa propost li l-FEŻR jista’ jappoġġja l-finanzjament tal-kapital operatorju fl-SMEs fejn meħtieġ bħala miżura temporanja biex jipprovdi rispons effettiv għall-kriżi tas-saħħa pubblika. Strumenti finanzjarji ffinanzjati mill-Fondi jenħtieġ li jipprovdu wkoll appoġġ fil-forma ta’ kapital operatorju għall-SMEs jekk meħtieġ bħala miżura temporanja. Il-prijorità ta’ investiment tal-FEŻR li jsaħħaħ ir-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l-innovazzjoni hija modifikata biex tkopri l-investiment fi prodotti u servizzi meħtieġa biex jitrawmu l-kapaċitajiet ta’ rispons f’każ ta’ kriżi fis-servizzi tas-saħħa pubblika. In-nefqa għal operazzjonijiet għat-trawwim tal-kapaċitajiet ta’ rispons għall-kriżijiet jenħtieġ li tkun eliġibbli mill-1 ta’ Frar 2020.

Fejn dan iwassal għal ħtieġa ta’ modifika tal-programmi, il-proposta tidentifika modifiki mhux sostanzjali li ma jeħtiġux approvazzjoni permezz ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni. Il-proposta tagħmilha ċara wkoll li l-infiq biex jitrawmu l-kapaċitajiet ta’ rispons għall-kriżijiet għandu f’kull każ ikun eliġibbli mill-1 ta’ Frar 2020. Il-possibbiltajiet biex tiġi aċċellerata d-dikjarazzjoni tan-nefqa permezz tal-użu ta’ forom ġodda ta’ appoġġ, kif disponibbli skont l-Artikolu 67 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni, introdott mill-2018, pereżempju għażliet ta’ kostijiet issimplifikati, jenħtieġ li jintużaw sal-limitu massimu possibbli.

Twaqqfet Task Force biex tikkoordina l-ħidma mal-Istati Membri, tidentifika l-ħtiġijiet preċiżi tagħhom u tassistihom sabiex tiżgura li l-flus jibdew jiċċirkolaw malajr kemm jista’ jkun.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Huwa propost li:

Ir-Regolament dwar il-FEŻR (UE) Nru 1301/2013 jiġi emendat kif ġej:

(1)Fl-Artikolu 3(1), jiżdied subparagrafu li jiċċara li l-FEŻR jista’ jappoġġja l-finanzjament ta’ kapital operatorju fl-SMEs fejn meħtieġ bħala miżura temporanja biex jiġi pprovdut rispons effettiv għall-kriżi tas-saħħa pubblika;

(2)L-Artikolu 5(1)(b) tal-istess Regolament huwa modifikat sabiex il-prijorità ta’ investiment tal-FEŻR li tissaħħaħ ir-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l-innovazzjoni tkun tista’ tkopri l-investiment fi prodotti u servizzi meħtieġa għat-trawwim tal-kapaċitajiet ta’ rispons f’każ ta’ kriżi fis-servizzi tas-saħħa;

Jiġi emendat ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 (ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni) d kif ġej:

(3)Fl-Artikolu 30 dwar l-emendi tal-programm, qed jiżdied il-paragrafu (5) ġdid li jistabbilixxi ċerti emendi li ma jeħtiġux approvazzjoni permezz ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni; L-Artikolu 96(10) huwa emendat biex jirrifletti dan;

(4)Fl-Artikolu 37(4) dwar l-istrumenti finanzjarji, huwa miżjud li l-istrumenti finanzjarji jistgħu jipprovdu wkoll sostenn fil-forma ta’ kapital operattiv lill-SMEs jekk meħtieġ bħala miżura temporanja biex jipprovdu rispons effettiv għal kriżi tas-saħħa pubblika;

(5)Fl-Artikolu 65(10), jiżdied subparagrafu biex jiġi ċċarat li n-nefqa għall-operazzjonijiet għat-trawwim ta’ kapaċitajiet ta’ rispons għall-kriżijiet għandha tkun eliġibbli mill-1 ta’ Frar 2020;

(6)Subparagrafu addizzjonali huwa miżjud fl-Artikolu 139(7) biex jipprevedi n-nuqqas ta’ rkupru ta’ ammonti li normalment huma dovuti fl-2020 għall-programmi operattivi tal-politika ta’ koeżjoni 2014-2020 taħt il-Mira Investiment għat-Tkabbir u l-Impjiegi u għall-programmi ffinanzjati mill-FEMS;

Ir-Regolament tal-FEMS (UE) Nru 508/2014 jiġi emendat kif ġej:

(7)L-Artikolu 35 huwa modifikat biex jagħmilha possibbli għall-FEMS li jikkontribwixxi għal fondi reċiproċi li jipprovdu kumpens finanzjarju lis-sajjieda għal telf ekonomiku kkawżat minn kriżi tas-saħħa pubblika, u

(8)l-Artikolu 57 huwa mmodifikat biex tiżdied il-possibbiltà għall-FEMS li jissalvagwardja d-dħul tal-produtturi tal-akkwakultura billi jikkontribwixxi għal assigurazzjoni tal-istokkijiet tal-akkwakultura li tkopri telf ekonomiku minħabba kriżi tas-saħħa pubblika.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX-POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Ma sarux konsultazzjonijiet ma’ partijiet ikkonċernati esterni.

4.IMPLIKAZZJONIJIET GĦALL-BAĠIT

Il-modifika proposta ma timplika l-ebda tibdil fil-limiti massimi annwali tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali għal impenji u pagamenti skont l-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1311/2013. It-tqassim annwali tal-approprjazzjonijiet ta’ impenn għall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni jibqa' l-istess.

Il-proposta se tiffaċilita aċċellerazzjoni tal-implimentazzjoni tal-programm li tirriżulta f’antiċipazzjoni ta’ approprjazzjonijiet ta’ pagament.

Il-Kummissjoni se timmonitorja bir-reqqa l-impatt tal-modifika proposta fuq l-approprjazzjonijiet ta’ pagament fl-2020 filwaqt li tqis kemm l-implimentazzjoni tal-baġit kif ukoll il-previżjonijiet riveduti tal-Istati Membri.

L-ammonti mhux irkuprati fl-2020 se jiġu approvati fl-għeluq tal-programm.

2020/0043 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1303/2013, ir-Regolament (UE) Nru 1301/2013 u r-Regolament (UE) Nru 508/2014 fir-rigward ta’ miżuri speċifiċi biex jiġu mmobilizzati investimenti fis-sistemi tal-kura tas-saħħa tal-Istati Membri u fis-setturi l-oħra tal-ekonomiji tagħhom b’reazzjoni għat-tifqigħa COVID-19

[Inizjattiva ta’ Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus]

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 43(2), 177 u 178 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 1 ,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni 2 ,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)L-Istati Membri ġew affettwati mill-konsegwenzi tal-kriżi tat-tifqigħa tal-COVID-19 b’mod uniku. Il-kriżi tfixkel it-tkabbir fl-Istati Membri, li mbagħad taggrava n-nuqqas serju ta’ likwidità minħabba żieda f’daqqa u importanti fl-investimenti pubbliċi meħtieġa fis-sistemi tal-kura tas-saħħa tagħhom u f’setturi oħra tal-ekonomiji tagħhom. Dan ħoloq sitwazzjoni eċċezzjonali li jenħtieġ li tiġi indirizzata b'miżuri speċifiċi.

(2)Huwa vitali li n-nuqqas ta’ likwidità u ta’ fondi pubbliċi fl-Istati Membri ma jfixkilx l-investimenti taħt programmi appoġġati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (“il-FEŻR”), il-Fond Soċjali Ewropew (“il-FSE”) u l-Fond ta’ Koeżjoni (“il- FK”) (il-“Fondi”) u mill-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (“il-FEMS”) meħtieġa biex tiġi miġġielda t-tifqigħa tal-COVID-19.

(3)Sabiex iwieġeb għall-impatt tal-kriżi, il-FEŻR jeħtieġ li jappoġġja l-finanzjament tal-kapital operatorju fl-SMEs fejn meħtieġ bħala miżura temporanja biex jiġi pprovdut rispons effettiv għal kriżi tas-saħħa pubblika.

(4)Sabiex tagħti rispons għall-impatt tal-kriżi, il-prijorità ta’ investiment tal-FEŻR li jissaħħu r-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l-innovazzjoni għandha tkopri l-investiment fi prodotti u servizzi meħtieġa biex jitrawmu l-kapaċitajiet ta’ rispons f’każ ta’ kriżi fis-servizzi tas-saħħa pubblika.

(5)Sabiex tiġi pprovduta aktar flessibbiltà fl-indirizzar tat-tifqigħa tal-COVID-19, jenħtieġ li tiġi pprovduta aktar flessibbiltà lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-programmi u jenħtieġ li tiġi pprovduta proċedura simplifikata li ma teħtieġx deċiżjoni tal-Kummissjoni għal bidliet fil-programmi operattivi. L-informazzjoni li għandha tiġi ppreżentata lill-Kummissjoni dwar bidliet bħal dawn jenħtieġ li tiġi ċċarata.

(6)Sabiex iwieġbu għall-impatt tal-kriżi, l-istrumenti finanzjarji ffinanzjati mill-Fondi jenħtieġ li jipprovdu wkoll appoġġ fil-forma ta’ kapital operatorju lill-SMEs jekk meħtieġ bħala miżura temporanja biex jipprovdu rispons effettiv għal kriżi tas-saħħa pubblika.

(7)Sabiex jiġi pprovdut rispons immedjat għall-impatt tal-kriżi, in-nefqa għal operazzjonijiet għat-trawwim tal-kapaċitajiet ta’ rispons għall-kriżijiet jenħtieġ li tkun eliġibbli mill-1 ta’ Frar 2020.

(8)    Sabiex jiġi żgurat li l-Istati Membri jkollhom mezzi finanzjarji suffiċjenti biex jagħmlu l-investimenti meħtieġa mingħajr dewmien, huwa xieraq li l-Kummissjoni ma toħroġx ordnijiet ta’ rkupru għal ammonti li jistgħu jiġu rkuprati mill-Istati Membri għall-kontijiet annwali ppreżentati fl-2020. L-Istati Membri jenħtieġ jużaw l-ammonti mhux irkuprati biex jaċċelleraw l-investimenti relatati mal-kriżi tat-tifqigħa tal-COVID-19 u eliġibbli skont ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 3 u r-regoli speċifiċi għall-Fond.

(9)    Sabiex jirrispondi għall-impatt tal-kriżi, il-FEMS għandu jappoġġja fondi reċiproċi u assigurazzjoni fuq l-istokkijiet sabiex jiġi salvagwardjat id-dħul tas-sajjieda u tal-bdiewa tal-akkwakultura affettwati minn kriżi tas-saħħa pubblika.

(10)L-ammonti li ma ġewx irkuprati fl-2020 għandhom jiġu kklerjati jew soġġetti għal ordnijiet ta’ rkupru fl-għeluq tal-programmi.

(11)Minħabba l-urġenza tal-appoġġ meħtieġ, dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ bħala kwistjoni ta’ urġenza,

(12)Ir-Regolament (UE) Nru 1301/2013 4 , (UE) Nru 1303/2013 u r-Regolament (UE) Nru 508/2014 5 jenħtieġ għalhekk jiġu emendati kif xieraq,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament (UE) Nru 1301/2013

Ir-Regolament (UE) Nru 1301/2013 huwa emendat kif ġej:

(1)Fl-Artikolu 3(1), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Barra minn hekk, il-FEŻR jista’ jappoġġa l-finanzjament tal-kapital operatorju fl-SMEs fejn meħtieġ bħala miżura temporanja biex jiġi pprovdut rispons effettiv għal kriżi tas-saħħa pubblika.”

(2)L-Artikolu 5(1)(b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b) il-promozzjoni tal-investiment fin-negozju fl-R&I, l-iżvilupp ta’ rabtiet u sinerġiji bejn l-intrapriżi, iċ-ċentri ta’ riċerka u żvilupp u s-settur tal-edukazzjoni superjuri, partikolarment il-promozzjoni tal-investiment fl-iżvilupp ta’ prodotti u servizzi, it-trasferiment tat-teknoloġija, l-innovazzjoni soċjali, l-ekoinnovazzjoni, l-applikazzjonijiet tas-servizz pubbliku, l-istimulu tad-domanda, in-netwerking, ir-raggruppamenti u l-innovazzjoni miftuħa permezz ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti, u l-appoġġ għar-riċerka teknoloġika u applikata, il-linji pilota, l-azzjonijiet ta’ validazzjoni bikrija tal-prodott, il-kapaċitajiet ta’ manifattura avvanzati u l-ewwel produzzjoni, b’mod partikolari fit-teknoloġiji abilitanti essenzjali u t-tixrid ta’ teknoloġiji għal għanijiet ġenerali kif ukoll it-trawwim tal-investiment meħtieġ għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta’ rispons għall-kriżijiet fis-servizzi tas-saħħa”

Artikolu 2

Emendi għar-Regolament (UE) Nru 1303/2013

Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 huwa emendat kif ġej:

(1)Fl-Artikolu 30, jiddaħħal il-paragrafu 5 li ġej:

   5.    B’deroga mill-paragrafi 1 u 2, għall-programmi appoġġati mill-FEŻR, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-FSE, l-Istat Membru jista’ jittrasferixxi matul il-perjodu ta’ programmazzjoni ammont sa 8 % tal-allokazzjoni mill-1 ta’ Frar 2020 ta’ prijorità u mhux aktar minn 4 % tal-baġit tal-programm lil prijorità oħra tal-istess Fond tal-istess programm.

Tali trasferimenti ma għandhomx jaffettwaw snin preċedenti. Dawn għandhom jitqiesu bħala mhux sostanzjali u ma għandhomx jirrikjedu deċiżjoni tal-Kummissjoni li temenda l-programm. Madankollu, għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti regolatorji kollha u għandhom jiġu approvati minn qabel mill-kumitat ta’ monitoraġġ. L-Istat Membru għandu jinnotifika t-tabelli finanzjarji riveduti lill-Kummissjoni.”

(2)Fl-Artikolu 37(4), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

   Strumenti finanzjarji jistgħu jipprovdu wkoll appoġġ fil-forma ta’ kapital operatorju lill-SMEs jekk meħtieġ bħala miżura temporanja biex jipprovdu rispons effettiv għal kriżi tas-saħħa pubblika.”

(3)Fl-Artikolu 65(10), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

   B’deroga mill-paragrafu (9), in-nefqa għal operazzjonijiet għat-trawwim ta’ kapaċitajiet ta’ rispons għall-kriżijiet fil-kuntest tat-tifqigħa tal-COVID-19 għandha tkun eliġibbli mill-1 ta’ Frar 2020.”

(4)L-Artikolu 96(10) jinbidel b':

“10. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 30(5), il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjoni, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, billi tapprova l-elementi kollha, inkluż kwalunkwe emenda futura tagħha, tal-programm operazzjonali li jaqa’ taħt dan l-Artikolu, minbarra dawk li jaqgħu taħt il-punti (b)(vi), (c)(v) u (e) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2, il-paragrafi 4 u 5, u l-punti (a) u (c) tal-paragrafu 6 u l-paragrafu 7, li jibqgħu taħt ir-responsabilità tal-Istati Membri”

(5)Fl-Artikolu 139 (7), jiżdiedu s-sottoparagrafi li ġejjin:

“B’deroga mill-ewwel subparagrafu, il-Kummissjoni ma għandhiex toħroġ ordni ta’ rkupru għall-ammonti li jistgħu jiġu rkuprati mill-Istat Membru għall-kontijiet ippreżentati fl-2020. L-ammonti mhux irkuprati għandhom jintużaw biex jiġu aċċellerati l-investimenti relatati mat-tifqigħa tal-COVID-19 u eliġibbli skont dan ir-Regolament u regoli speċifiċi għall-Fond.

L-ammonti mhux irkuprati għandhom jiġu approvati jew irkuprati fil-mument tal-għeluq.”

Artikolu 3

Emendi għar-Regolament (UE) Nru 508/2014

Ir-Regolament (UE) Nru 508/2014 huwa emendat kif ġej:

(1)Fl-Artikolu 35, il-paragrafi 1, 5, 6 u 8 jinbidlu b'dan li ġej:

“1. Il-FEMS jista’ jikkontribwixxi għal fondi reċiproċi li jħallsu kumpens finanzjarju lil sajjieda għal telf ekonomiku kkawżat minn kriżi tas-saħħa pubblika, avvenimenti klimatiċi negattivi jew minn inċidenti ambjentali jew mill-kostijiet ta’ salvataġġ tas-sajjieda u tal-bastimenti tas-sajd f’każ li jkun hemm inċidenti fuq il-baħar matul l-attivitajiet tas-sajd.”

“5. L-Istati Membri għandhom jiddefinixxu r-regoli għall-istabbiliment u l-ġestjoni tal-fondi reċiproċi, b’mod partikolari għall-għoti ta’ pagamenti ta’ kumpens u l-eliġibbiltà tas-sajjieda għal tali kumpens f’każ ta’ kriżi tas-saħħa pubblika, avvenimenti klimatiċi negattivi, inċidenti ambjentali jew inċidenti fuq il-baħar imsemmija fil-paragrafu 1, kif ukoll għall-amministrazzjoni u l-monitoraġġ tal-konformità ma’ dawk ir-regoli. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-arranġamenti relatati mal-fondi jipprevedu pieni fil-każ ta’ negliġenza min-naħa tas-sajjied.”

“6. Kriżijiet tas-saħħa pubblika, avvenimenti klimatiċi negattivi, inċidenti ambjentali jew inċidenti fuq il-baħar imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu dawk rikonoxxuti formalment mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat bħala li jkunu seħħew.”

“8.   Il-kontribuzzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jingħataw biss biex jiġi kopert it-telf ikkawżat minn kriżijiet tas-saħħa pubblika, avvenimenti klimatiċi negattivi, inċidenti ambjentali jew inċidenti fuq il-baħar li jammontaw għal iktar minn 30 % tal-fatturat annwali tan-negozju kkonċernat, ikkalkolat abbażi tal-medja tal-fatturat annwali ta’ dak in-negozju matul it-tliet snin kalendarji preċedenti.”

(2)Fl-Artikolu 57(1) qed jiżdied il-punt (e) li ġej:

“(e) kriżi tas-saħħa pubblika”

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    ĠU C , , p. .
(2)    ĠU C , , p. .
(3)    Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).
(4)    Ir-Regolament (UE) Nru 1301/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw l-Investiment li għandu fil-mira t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1080/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 289)
(5)    Ir-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2328/2003, (KE) Nru 861/2006, (KE) Nru 1198/2006 u (KE) Nru 791/2007 u r-Regolament (UE) Nru 1255/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill