Brussell, 17.1.2020

COM(2020) 17 final

2020/0007(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li trid tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fit-tlieta u sittin sessjoni tal-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi rigward iż-żieda mal-lista tas-sustanzi fit-Tabella I tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-Traffiku Illeċitu tad-Drogi Narkotiċi u s-Sustanzi Psikotropiċi


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi (CND) b’rabta mal-adozzjoni prevista ta’ bidliet fit-Tabelli tal-Konvenzjoni tal-1988 tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) kontra t-Traffiku Illeċitu tad-Drogi Narkotiċi u s-Sustanzi Psikotropiċi abbażi ta’ rakkomandazzjonijiet tal-Bord Internazzjonali għall-Kontroll tan-Narkotiċi (INCB).

2.Kuntest tal-proposta

2.1.Il-Konvenzjoni tal-1988 tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) kontra t-Traffikar Illeċitu tad-Drogi Narkotiċi u s-Sustanzi Psikotropiċi

Il-Konvenzjoni tal-1988 tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) kontra t-Traffikar Illeċitu tad-Drogi Narkotiċi u s-Sustanzi Psikotropiċi (“il-Konvenzjoni”) għandha l-għan li tippromwovi l-koperazzjoni bejn il-Partijiet biex ikunu jistgħu jindirizzaw b’mod aktar effettiv l-aspetti differenti tat-traffiku illeċitu tad-drogi narkotiċi u tas-sustanzi psikotropiċi li għandhom dimensjoni internazzjonali. Fit-twettiq tal-obbligi tagħhom skont il-Konvenzjoni, il-Partijiet jieħdu l-miżuri meħtieġa, inkluż miżuri leġiżlattivi u amministrattivi, f’konformità mad-dispożizzjonijiet fundamentali tas-sistemi leġiżlattivi domestiċi rispettivi tagħhom. Il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ fil-11 ta’ Novembru 1990. L-UE 1 u l-Istati Membri tagħha huma partijiet għall-Konvenzjoni.

2.2.Il-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi (CND)

Is-CND hi kummissjoni tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali tan-Nazzjonijiet Uniti (ECOSOC) u l-funzjonijiet u s-setgħat tagħha huma stabbiliti, fost l-oħrajn, fil-Konvenzjoni. Din magħmula minn 53 Stat Membru tan-Nazzjonijiet Uniti, ilkoll eletti mill-ECOSOC. Bħalissa hemm 13-il Stat Membru 2 li huma membri tas-CND bid-dritt tal-vot. L-Unjoni għandha status ta’ osservatur fis-CND.

Is-CND, filwaqt li tqis il-kummenti li ressqu l-Partijiet u l-kummenti u r-rakkomandazzjonijiet tal-INCB, li l-valutazzjoni tagħhom għandha tkun determinanti dwar kwistjonijiet xjentifiċi, u filwaqt li tqis kif xieraq kull fattur rilevanti ieħor, tista’ tiddeċiedi b’maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-membri tagħha biex iżżid sustanza fit-Tabelli tal-Konvenzjoni.

2.3.L-att previst tal-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi (CND)

Bejn it-2 u s-6 ta’ Marzu 2020, waqt it-tlieta u sittin sessjoni tagħha, is-CND trid tadotta deċiżjoni ta’ skedar dwar iż-żieda ta’ sustanza waħda fit-Tabelli tal-Konvenzjoni (“l-att previst”), jiġifieri l-metil alfa-fenilaċetoaċetat (MAPA).

L-att previst għandu l-għan li jżid il-metil alfa-fenilaċetoaċetat (MAPA) mal-lista ta’ sustanzi skedati fit-Tabelli tal-Konvenzjoni ħalli jkun jeħtieġ li l-pajjiżi jimplimentaw miżuri li jikkontrollaw u jimmonitorjaw il-kummerċ leġittimu tal-metil alfa-fenilaċetoaċetat (MAPA) bħala mod essenzjali biex tiġi evitata d-devjazzjoni tagħhom.

Skont il-Konvenzjoni, id-deċiżjonijiet tas-CND isiru vinkolanti, sakemm Parti ma tkunx ippreżentat id-deċiżjoni għal rieżami lill-ECOSOC sal-limiti taż-żmien applikabbli 3 . Id-deċiżjonijiet tal-ECOSOC dwar din il-kwistjoni jkunu finali. L-atti previsti se jsiru vinkolanti għall-Partijiet skont l-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni, li fil-partijiet rilevanti tiegħu jipprovdi kif ġej:

“Kwalunkwe deċiżjoni tal-Kummissjoni meħuda skont dan l-Artikolu għandha tiġi kkomunikata mis-Segretarju Ġenerali tal-Istati kollha u entitajiet oħra li huma, jew li huma intitolati li jsiru, Partijiet għal din il-Konvenzjoni, u għall-Bord. Tali deċiżjoni għandha ssir effettiva għalkollox għal kull Parti, mija u tmenin jum wara d-data ta’ tali komunikazzjoni.

Id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni meħuda skont dan l-Artikolu għandhom ikunu soġġetti għal rieżami mill-Kunsill fuq talba ta’ kwalunkwe Parti ppreżentata fi żmien mija u tmenin jum wara d-data tan-notifika tad-deċiżjoni. It-talba għal rieżami għandha tintbagħat lis-Segretarju Ġenerali, flimkien mal-informazzjoni rilevanti kollha li fuqha hija bbażata t-talba għal rieżami.

Is-Segretarju Ġenerali għandu jibgħat kopji tat-talba għal rieżami u l-informazzjoni rilevanti lill-Kummissjoni, lill-Bord u lill-Partijiet kollha, u jistedinhom jibagħtu l-kummenti tagħhom fi żmien disgħin jum. Il-kummenti kollha rċevuti għandhom jiġu sottomessi lill-Kunsill għall-konsiderazzjoni.

Il-Kunsill jista’ jikkonferma jew ireġġa’ lura d-deċiżjoni tal-Kummissjoni. In-notifika tad-deċiżjoni tal-Kunsill għandha tintbagħat lill-Istati kollha u lil entitajiet oħra li huma, jew li huma intitolati li jsiru, Partijiet għal din il-Konvenzjoni, għall-Kummissjoni u għall-Bord.

3.Pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni

Fil-15 ta’ Novembru 2019, il-Kummissjoni ġiet infurmata li l-INCB jirrakkomanda li tiżdied sustanza waħda, jiġifieri l-metil alfa-fenilaċetoaċetat (MAPA) fit-Tabella I tal-Konvenzjoni.

Skont il-valutazzjoni tal-INCB, il-metil alfa-fenilaċetoaċetat (MAPA) ħafna drabi jintuża fil-manifattura illeċita tal-amfetamina u l-metamfetamina. Hemm evidenza li l-volum u l-firxa tal-manifattura illeċita ta’ dawn id-drogi narkotiċi u s-sustanzi psikotropiċi joħolqu problemi serji tas-saħħa pubblika jew soċjali, u din tiġġustifika li dawn is-sustanzi jkollhom kontroll internazzjonali. Barra minn hekk, ma hemm l-ebda użu leġittimu magħruf tal-metil alfa-fenilaċetoaċetat (MAPA) għajr f’ammonti żgħar għar-riċerka, l-iżvilupp u l-analiżi fil-laboratorju.

Il-manifattura illegali tal-amfetamina u tal-metamfetamina hi problema serja fl-Unjoni. Dawn id-drogi narkotiċi u s-sustanzi psikotropiċi manifatturati illegalment jikkawżaw problemi sinifikanti tas-saħħa pubblika u soċjali fl-Unjoni. Barra minn hekk, gruppi tal-kriminalità organizzata fl-Unjoni qed jesportaw illegalment dawn id-drogi narkotiċi u s-sustanzi psikotropiċi lejn il-pajjiżi terzi.

Jenħtieġ jiġi nnutat li l-Kummissjoni bħalissa tinsab, fl-istess waqt, għaddejja bil-proċess ta’ tħejjija ta’ Regolament Delegat li jżid għadd ta’ sustanzi, fosthom il-metil alfa-fenilaċetoaċetat (MAPA), fl-Anness 1 tar-Regolament (KE) Nru 273/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 dwar prekursuri tad-droga u fl-Anness tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 111/2005 tat-22 ta’ Diċembru 2004 li jistabbilixxi regoli għall-monitoraġġ tal-kummerċ bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi fi prekursuri tad-droga wara diskussjonijiet fil-Grupp ta’ Esperti tal-UE dwar il-Prekursuri tad-Droga f’Mejju 2019.  4

Għalhekk jenħtieġ li l-Istati Membri tal-Unjoni jesprimu l-pożizzjoni fis-CND favur iż-żieda tal-metil alfa-fenilaċetoaċetat (MAPA) fit-Tabella I tal-Konvenzjoni.

Bidliet fit-Tabelli tal-Konvenzjoni jkollhom riperkussjonijiet diretti fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kontroll tal-prekursuri tad-droga għax is-sustanzi miżjuda fit-Tabelli tal-Konvenzjoni jridu jiġu inkorporati fid-dritt tal-Unjoni. Il-Kummissjoni ngħatat is-setgħa li tadotta atti delegati biex dan jiġi żgurat.

4.Bażi ġuridika

4.1.Bażi ġuridika proċedurali

4.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “il-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita bi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

L-Artikolu 218(9) tat-TFUE japplika irrispettivament minn jekk l-Unjoni tkunx membru tal-korp jew parti għall-ftehim 5 .

Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi atti li jkollhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw il-korp inkwistjoni. Dan jinkludi wkoll l-istrumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatura tal-UE 6 .

4.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

Il-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi (CND) hi korp stabbilit minn ftehim, jiġifieri l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-Traffiku Illeċitu tad-Drogi Narkotiċi u s-Sustanzi Psikotropiċi.

L-att li l-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi (CND) qed tintalab tadotta, jikkostitwixxi att b’effetti legali. L-att previst ikun vinkolanti skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-Traffikar Illeċitu tad-Drogi Narkotiċi u s-Sustanzi Psikotropiċi. L-att previst għandu effetti legali u jista’ jinfluwenza b’mod deċiżiv il-kontenut tal-leġiżlazzjoni tal-UE, jiġifieri: Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 111/2005 tat-22 ta’ Diċembru 2004 li jistabbilixxi regoli għall-monitoraġġ ta’ kummerċ fil-prekursuri ta’ drogi bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi, u r-Regolament (KE) Nru 273/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 dwar prekursuri tad-droga. Dan hu għaliex il-bidliet fit-Tabelli tal-Konvenzjoni jkollhom riperkussjonijiet diretti fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kontroll tal-prekursuri tad-droga għax is-sustanzi miżjuda fit-Tabelli tal-Konvenzjoni jridu jiġu inkorporati fid-dritt tal-Unjoni.

L-att previst ma jissupplimentax u ma jemendax il-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.

Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta hi l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

4.2.Bażi ġuridika sostantiva

4.2.1.Prinċipji

Il-bażi ġuridika sostantiva biex tittieħed deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u mill-kontenut tal-att previst li dwaru tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawn l-għanijiet jew il-komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tkun imsejsa fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik rikjesta mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

4.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

L-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-att previst huma relatati mal-politika kummerċjali komuni.

Għalhekk, il-bażi ġuridika sostantiva tad-deċiżjoni proposta hi l-Artikolu°207 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

4.3.Konklużjoni

Il-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta jenħtieġ tkun l-Artikolu 207, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

5.Pubblikazzjoni tal-att previst

Billi l-att tal-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi se jemenda t-Tabelli tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-Traffiku Illeċitu tad-Drogi Narkotiċi u s-Sustanzi Psikotropiċi, jixraq li wara l-adozzjoni tiegħu, dan jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2020/0007 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li trid tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fit-tlieta u sittin sessjoni tal-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi rigward iż-żieda mal-lista tas-sustanzi fit-Tabella I tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-Traffiku Illeċitu tad-Drogi Narkotiċi u s-Sustanzi Psikotropiċi

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1988 kontra t-Traffikar Illeċitu tad-Drogi Narkotiċi u s-Sustanzi Psikotropiċi (“il-Konvenzjoni”) daħlet fis-seħħ fil-11 ta’ Novembru 1990 u ġiet konkluża f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/611/KEE 7 .

(2)Skont l-Artikolu 12(2) sa (7) tal-Konvenzjoni, jistgħu jiżdiedu sustanzi fit-Tabelli tal-Konvenzjoni li jelenkaw il-prekursuri tad-droga.

(3)Jenħtieġ li waqt it-tlieta u sittin sessjoni tagħha mit-2 sas-6 ta’ Marzu 2020 fi Vjenna, il-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi tieħu deċiżjoni dwar iż-żieda ta’ sustanza ġdida waħda fit-Tabelli tal-Konvenzjoni.

(4)Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi għax id-deċiżjoni tkun vinkolanti għall-Unjoni u tista’ tinfluwenza b’mod deċiżiv il-kontenut tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 111/2005 tat-22 ta’ Diċembru 2004 li jistabbilixxi regoli għall-monitoraġġ tal-kummerċ fil-prekursuri tad-droga bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi 8 u r-Regolament (KE) Nru 273/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 dwar il-prekursuri tad-droga 9 .

(5)Skont il-valutazzjoni tal-Bord Internazzjonali għall-Kontroll tan-Narkotiċi (INCB), il-metil alfa-fenilaċetoaċetat (MAPA) jintuża ħafna drabi fil-manifattura illeċita tal-amfetamina u tal-metamfetamina. Hemm evidenza li l-volum u l-firxa tal-manifattura illeċita ta’ dawn id-drogi narkotiċi u s-sustanzi psikotropiċi joħolqu problemi serji tas-saħħa pubblika jew soċjali, u din tiġġustifika li dawn is-sustanzi jkollhom kontroll internazzjonali. Il-manifattura illegali tal-amfetamina u tal-metamfetamina jikkawżaw problemi sinifikanti tas-saħħa pubblika u soċjali fl-Unjoni. Kulma jmur qed dejjem jiżdiedu l-ammonti u l-frekwenza tal-inċidenti relatati mat-traffikar tal-metil alfa-fenilaċetoaċetat (MAPA), u l-gruppi tal-kriminalità organizzata fl-Unjoni qed jesportaw ukoll illegalment l-amfetamina u l-metamfetamina lejn il-pajjiżi terzi.

(6)Il-pożizzjoni tal-Unjoni trid tiġi espressa mill-Istati Membri tal-Unjoni li huma membri tal-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fit-tlieta u sittin sessjoni tal-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi għandha tkun kif ġej:

- il-metil alfa-fenilaċetoaċetat (MAPA) trid tiġi inkluża fit-Tabella I tal-Konvenzjoni

Artikolu 2

Il-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1 għandha tiġi espressa mill-Istati Membri tal-Unjoni li huma membri tal-Kummissjoni dwar id-Drogi Narkotiċi.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

   F’isem il-Kunsill

   Il-President

(1)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 1990 li tikkonċerna l-konklużjoni, f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea, tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-Traffikar Illeċitu tad-Drogi Narkotiċi u s-Sustanzi Psikotropiċi (ĠU L 326 of 24/11/1990, p. 56).
(2)    L-Awstrija, il-Belġju, il-Kroazja, ir-Repubblika Ċeka, Franza, il-Ġermanja, l-Ungerija, l-Italja, in-Netherlands, il-Polonja, Spanja, l-Iżvezja u r-Renju Unit. Is-sħubija tar-Renju Unit fl-UE hi soġġetta għal tibdil minħabba t-talba tar-Renju Unit biex jirtira mis-sħubija fl-UE.
(3)    L-Artikolu 12(7) tal-Konvenzjoni tal-1988 tan-Nazzjonijiet Uniti.
(4)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 111/2005 tat-22 ta’ Diċembru 2004 li jistabbilixxi regoli għall-monitoraġġ ta’ kummerċ fil-prekursuri ta’ drogi bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi (ĠU L 22, 26.1.2005, p. 1), u r-Regolament (KE) Nru 273/2004 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 dwar prekursuri tad-droga (ĠU L 47, 18.2.2004, p. 1).
(5)    Il-paragrafu 64 tas-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014 fil-kawża C-399/12 Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, ECLI:EU:C:2014:2258.
(6)    Il-paragrafi 61 sa 64 tas-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014 fil-kawża C-399/12, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, ECLI:EU:C:2014:2258.
(7)

   ĠU L 326, 24.11.1990, p. 56.

(8)    ĠU L 22, 26.1.2005, p. 1.
(9)    ĠU L 47, 18.2.2004, p. 1.