Brussell, 25.3.2020

JOIN(2020) 6 final

2020/0047(NLE)

Proposta Konġunta għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL LILL-KUNSILL EWROPEW

dwar l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tidentifika l-objettivi strateġiċi tal-Unjoni li għandhom jiġu segwiti permezz tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-

Demokrazija 2020-2024


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.L-azzjoni esterna tal-Unjoni ssegwi l-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea fir-rigward tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali.

2.Għal tali għan, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli jipproponu lill-Kunsill biex jirrakkomanda lill-Kunsill Ewropew l-adozzjoni ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew li tidentifika l-interessi u l-objettivi strateġiċi tal-Unjoni skont l-Artikolu 22(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea permezz tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 2020-2024. Din id-Deċiżjoni għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-allokazzjoni tal-kompetenzi u għall-proċeduri tat-teħid tad-deċiżjonijiet skont it-Trattati. B’mod partikolari, din ma għandhiex taffettwa l-votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata fejn tapplika bħalissa.

3.Il-Pjan ta’ Azzjoni jidentifika l-objettivi li jridu jiġu segwiti u l-miżuri konkreti li jeħtieġ jittieħdu biex jiġi implimentat il-Pjan ta’ Azzjoni. L-adozzjoni ta’ Deċiżjoni mill-Kunsill Ewropew tipprovdi l-qafas li jippermetti l-identifikazzjoni ta’ proposti konkreti għal azzjonijiet jew pożizzjonijiet li jridu jittieħdu mill-Unjoni fl-implimentazzjoni tal-objettivi tagħha dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija u tiffaċilita l-identifikazzjoni tal-mezzi li jridu jiġu ddedikati għal dawk l-objettivi mill-Unjoni u l-Istati Membri.



Proposta Konġunta għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL LILL-KUNSILL EWROPEW

dwar l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tidentifika l-objettivi strateġiċi tal-Unjoni li għandhom jiġu segwiti permezz tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 2020-2024

Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, għall-qasam tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni, u l-Kummissjoni, għal oqsma oħra ta’ azzjoni esterna, jipproponu lill-Kunsill biex jirrakkomanda lill-Kunsill Ewropew l-adozzjoni ta’ Deċiżjoni skont l-Artikolu 22(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

Qed jiġi propost li l-Kunsill jirrakkomanda lill-Kunsill Ewropew l-adozzjoni tal-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew annessa ma’ din il-proposta.


Brussell, 25.3.2020

JOIN(2020) 6 final

ANNESS

tal-Proposta konġunta għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL LILL-KUNSILL EWROPEW

dwar l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tidentifika l-objettivi strateġiċi tal-Unjoni li għandhom jiġu segwiti permezz tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 2020-2024


ANNESS

IL-KUNSILL EWROPEW

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 22, il-paragrafu 1, tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill,

Billi

(1)L-azzjoni tal-Unjoni fix-xena internazzjonali jeħtieġ tkun gwidata mill-prinċipji li nebbħu l-ħolqien, l-iżvilupp u t-tkabbir tagħha u li hija tfittex li tippromwovi fil-bqija tad-dinja: id-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-prinċipji tal-ugwaljanza u s-solidarjetà, u r-rispett għall-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u d-dritt internazzjonali.

(2)Id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar l-interessi u l-objettivi strateġiċi tal-Unjoni jeħtieġ li jkunu jirrigwardaw il-politika estera u ta' sigurtà komuni tal-Unjoni kif ukoll oqsma oħra ta' azzjoni esterna tal-Unjoni. Dawn id-deċiżjonijiet jistgħu jkunu jikkonċernaw ir-relazzjonijiet tal-Unjoni ma' pajjiż jew reġjun speċifiku jew jistgħu jkunu ta’ natura tematika.

(3)Il-Pjan ta’ Azzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija propost mill-Kummissjoni u mir-Rappreżentant Għoli għandu l-għan li jsaħħaħ ir-rwol tal-Unjoni bħala protagonista fil-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija madwar id-dinja, li jistabbilixxi l-ambizzjonijiet, jiddefinixxi l-prijoritajiet għall-azzjoni u l-implimentazzjoni, li jimmassimizza r-rwol tal-Unjoni fix-xena globali billi jamplifika “s-sett ta’ għodod dwar id-drittijiet tal-bniedem”, u li jrawwem UE magħquda u koordinata permezz tal-promozzjoni ta’ azzjoni aktar effiċjenti u koerenti.

(4)L-objettivi ta’ hawn fuq se jiġu segwiti permezz ta’ ħames linji ta’ azzjoni interkonnessi u f’sinerġija ma’ xulxin - il-protezzjoni u l-awtonomizzazzjoni tal-individwi; il-bini ta’ soċjetajiet reżiljenti, inklużivi u demokratiċi; il-promozzjoni ta’ sistema globali għad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija; teknoloġiji ġodda: l-użu tal-opportunitajiet u l-indirizzar tal-isfidi; il-ksib ta’ riżultati permezz tal-kollaborazzjoni.

(5)Huwa xieraq li l-Pjan ta’ Azzjoni jiġi approvat b’deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew sabiex ikun jippermetti azzjonijiet speċifiċi ta’ implimentazzjoni mill-Unjoni u mill-Istati Membri.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.L-azzjoni esterna tal-Unjoni fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija għandha ssegwi l-objettivi strateġiċi li ġejjin:

·it-tisħiħ tar-rwol tal-UE bħala protagonista fil-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija madwar id-dinja;

·l-istabbiliment tal-ambizzjonijiet tal-UE, l-identifikazzjoni tal-prijoritajiet għall-azzjoni u l-iffukar fuq l-implimentazzjoni;

·il-massimizzazzjoni tar-rwol tal-UE fix-xena globali billi jiġi amplifikat is-sett ta’ għodod dwar id-drittijiet tal-bniedem, l-istrumenti u l-politiki ewlenin tiegħu;

·Titrawwem UE magħquda u koordinata permezz tal-promozzjoni ta’ azzjoni aktar effiċjenti u koerenti.

2.    L-objettivi elenkati fil-paragrafu 1 għandhom jiġu segwiti billi tingħata prijorità lill-protezzjoni u lill-awtonomizzazzjoni tal-individwi; il-bini ta’ soċjetajiet reżiljenti, inklużivi u demokratiċi; il-promozzjoni ta’ sistema globali għad-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija; teknoloġiji ġodda: l-użu tal-opportunitajiet u l-indirizzar tal-isfidi; u, il-ksib ta’ riżultati permezz tal-kollaborazzjoni. Azzjonijiet dettaljati għal dan il-għan huma stabbiliti fil-Pjan ta’ Azzjoni għad-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija mehmuż ma’ din id-deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-Pjan ta’ Azzjoni għandu jkopri l-perjodu 2020-2024. L-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli l-mezzi meħtieġa biex jinkisbu l-objettivi stabbiliti fil-Pjan ta’ Azzjoni.

Artikolu 3

Il-Kunsill u l-Kummissjoni, assistiti mir-Rappreżentant Għoli, għandhom jiżguraw konsistenza bejn il-miżuri adottati biex jiġi implimentat il-Pjan ta’ Azzjoni u miżuri oħra fil-qasam tal-azzjoni esterna tal-Unjoni.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kunsill Ewropew    
Il-President

C. Michel