27.7.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 300/53


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Unjoni Ewropea tas-Saħħa: Rinforzar tar-reżiljenza tal-UE

(2021/C 300/10)

Relatur:

Roberto CIAMBETTI (IT/KRE), President tal-Kunsill Reġjonali tal-Veneto

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

Kummenti ġenerali – Il-pandemija tal-COVID-19

1.

jinnota li minħabba l-pandemija l-kwistjoni tas-saħħa pubblika saret saħansitra aktar prominenti fuq l-aġenda tar-reġjuni, tal-bliet, tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea u saret waħda mill-prijoritajiet politiċi ewlenin;

2.

f’dan il-kuntest, huwa jilqa’ l-Komunikazzjoni dwar l-Unjoni tas-Saħħa li tipproponi t-tisħiħ tal-qafas attwali tal-UE għas-sigurtà tas-saħħa, li jmur lura għall-2013. Il-qafas parzjalment skadut jinkludi d-Deċiżjoni dwar it-theddid transkonfinali serju għas-saħħa li, għalkemm ffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni u appoġġja l-adozzjoni ta’ miżuri nazzjonali speċifiċi, ma setax jindirizza l-pandemija attwali;

3.

jaqbel mal-fehma tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-ħtieġa li jsir aktar investiment pubbliku fis-sistemi tas-saħħa nazzjonali biex jiġu pprovduti bir-riżorsi u l-mezzi meħtieġa għall-ħruġ mill-kriżi attwali, kif ukoll biex tissaħħaħ ir-reżiljenza tagħhom fit-tul. Dawn l-objettivi għandhom jiġu riflessi fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi skont is-Semestru Ewropew. Il-pandemija enfasizzat f’ħafna żoni n-nuqqas ta’ attivazzjoni bikrija ta’ kura intensiva u subintensiva (sodod, tagħmir, persunal mediku u infermiera responsabbli), iżda wkoll ta’ kura tas-saħħa lokali u dik palljattiva. Din ħolqot diffikultajiet kbar fis-sistemi tas-saħħa differenti fl-Istati Membri, b’mod partikolari fi żminijiet ta’ konġestjoni estrema fir-rispons ta’ kura. Fl-istess ħin, is-sistemi tas-saħħa u l-professjonisti tas-saħħa f’ħafna pajjiżi wrew kapaċità qawwija biex jaġġustaw u jadattaw b’mod rapidu l-attivitajiet tagħhom għall-kundizzjonijiet il-ġodda maħluqa mill-pandemija tal-COVID-19;

4.

jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea għal mandat imsaħħaħ biex timplimenta rispons koordinat fil-livell tal-UE fil-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa, permezz ta’ rakkomandazzjonijiet speċifiċi dwar miżuri ta’ rispons miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC).

5.

jirrimarka li l-pandemija tal-COVID-19 kienet akkumpanjata minn restrizzjonijiet kbar għal-libertà ta’ moviment fl-Unjoni Ewropea, restrizzjonijiet li affettwaw b’mod partikolari r-reġjuni tal-fruntiera; għalhekk itenni t-talba tiegħu għal qafas legali tal-UE li jippermetti ġestjoni effiċjenti tas-servizzi pubbliċi transkonfinali li jindirizzaw il-ħtiġijiet taċ-ċittadini li jgħixu f’dawn iż-żoni (1). Qafas bħal dan għandu jkun iċċentrat fuq ir-Regolament tal-UE li ġie propost dan l-aħħar dwar theddid transkonfinali serju għas-saħħa (2);

6.

jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Komunikazzjoni fiha proposti għal kontromiżuri mediċi, inklużi ħafna azzjonijiet bħal kumulazzjoni ta’ riżerva tal-istokk fil-livell Ewropew, produzzjoni mtejba, akkwist konġunt u valutazzjoni aħjar tad-domanda għall-vaċċini, it-tagħmir protettiv personali, l-apparati mediċi, it-terapewtika, it-tagħmir tal-laboratorju u tal-ittestjar, filwaqt li tinżamm il-kompatibbiltà mal-prinċipju tas-sussidjarjetà. Sabiex iżżid ir-reżiljenza tagħha u tindirizza n-nuqqasijiet fi żminijiet ta’ kriżi kif ukoll tipprovdi assistenza xjentifika u teknika, inkluż it-taħriġ, jeħtieġ li l-UE ssir aktar sovrana fir-rigward ta’ provvisti mediċi għas-settur tas-saħħa u inqas dipendenti fuq pajjiżi terzi kif imsemmi fl-istrateġija farmaċewtika għall-UE;

Kollaborazzjoni bejn l-ECDC u l-awtoritajiet lokali

7.

iqis importanti li l-ECDC ikun jista’ jikkollabora direttament ma’ reġjuni individwali fl-Istati Membri, jew ma’ gruppi tagħhom, biex jiffaċilita l-analiżi ta’ sitwazzjonijiet epidemjoloġiċi speċifiċi li jistgħu jinqalgħu. Din il-kollaborazzjoni tista’ tinkludi wkoll appoġġ għat-taħriġ ta’ dawk kollha involuti u tiffaċilita ċ-ċirkolazzjoni tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni;

8.

iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex terġa’ tistabbilixxi n-Network Ewropew ta’ Mard Infettiv Ħafna (EuroNHID), network kofinanzjat ta’ esperti fil-ġestjoni ta’ mard li jittieħed ħafna, minn ċentri nazzjonali jew reġjonali mwaqqfa biex jieħdu ħsieb pazjenti li jbatu minn tali mard;

9.

jaħseb li jeħtieġ li jsir aktar investiment fir-riċerka xjentifika fl-UE, peress li t-tranżizzjoni lejn soċjetà aktar reżiljenti teħtieġ bidliet teknoloġiċi sinifikanti;

10.

jinnota li f’żoni transkonfinali huwa meħtieġ li jinħolqu bażijiet tad-data transkonfinali, kondiviżi bejn nazzjonijiet u reġjuni ġirien, li jidentifikaw l-istokkijiet mediċi u t-tagħmir protettiv personali disponibbli;

11.

jilqa’ l-fatt li l-Kummissjoni Ewropea, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri u r-reġjuni, hija impenjata li tistabbilixxi bażi ta’ data komprensiva komuni dwar is-saħħa li tippermetti ġestjoni globali u monitoraġġ ta’ kwistjonijiet komuni, filwaqt li wieħed iżomm f’moħħu li l-pandemiji ma jiqfux mal-fruntieri u li s-soċjetà tal-lum hija globalizzata: it-territorji individwali mhumiex iżolati, iżda l-kuntatti bejnhom u l-bqija tad-dinja huma inevitabbli u l-mezzi ta’ trażmissjoni tal-patoġeni jistgħu jiġu identifikati biss fuq bażi ex post;

Il-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa

12.

jemmen li l-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa hija pjattaforma xierqa għal diskussjoni dwar l-iżvilupp futur tar-rwol tal-UE fil-qasam tas-saħħa u għall-promozzjoni tiegħu, sabiex jintlaħqu l-aspettattivi taċ-ċittadini u titjieb l-effiċjenza tas-sistemi tas-saħħa Ewropej. L-iżvilupp ta’ kooperazzjoni Ewropea msaħħa għandu jqis il-prinċipju tas-sussidjarjetà u jirrispetta l-fatt li l-Istati Membri għandhom ir-responsabbiltà primarja kemm għas-saħħa u l-kura soċjali u s-saħħa pubblika, kif ukoll għat-tħejjija u l-ġestjoni tal-kriżijiet;

13.

jinnota li, għalkemm il-politika tas-saħħa tibqa’ kompetenza primarja tal-Istati Membri, huwa meħtieġ li titnieda riflessjoni dwar kif tittejjeb il-koordinazzjoni fil-qasam tas-saħħa u kif jista’ jissaħħaħ ir-rispons tal-UE għat-theddid transkonfinali serju għas-saħħa matul id-dibattitu dwar il-futur tal-Ewropa, filwaqt li jitqiesu l-istrutturi sottonazzjonali differenti fil-qasam tas-saħħa u l-kompetenzi differenti tal-awtoritajiet tas-saħħa fl-Istati Membri individwali. Dan it-titjib jista’, fost affarijiet oħra, jippermetti lill-Istati Membri tal-UE jirrikonoxxu b’mod konġunt emerġenza tas-saħħa pubblika fil-livell makroreġjonali jew tal-Unjoni. Dawn jistgħu jippermettu wkoll li tiżdied il-kapaċità tar-rescEU, inklużi l-kapaċitajiet li jinħolqu r-riżervi ta’ prodotti u li jiġu organizzati t-timijiet mediċi ta’ emerġenza;

14.

jaħseb li peress li f’ħafna Stati Membri, l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom responsabbiltajiet u kompetenzi importanti fil-qasam tas-saħħa pubblika, il-KtR, bħala l-assemblea tal-UE tar-rappreżentanti reġjonali u lokali, jeħtieġ li jkollu rappreżentanza b’saħħitha fid-diskussjonijiet kollha fil-livell tal-UE dwar il-kompetenzi tas-saħħa, inklużi dawk fl-ambitu tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa;

15.

jesprimi x-xewqa tiegħu li jkun involut mill-qrib fil-ħidma tas-Summit Dinji tas-Saħħa li ser iseħħ fl-Italja fl-2021, li se jippermetti lill-UE tmexxi riflessjoni internazzjonali dwar kif tista’ tissaħħaħ is-sigurtà tas-saħħa fid-dinja fl-era pandemika;

Ir-rwol tal-awtoritajiet reġjonali u lokali

16.

itenni li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jinsabu fuq quddiem nett fir-rispons kontra l-pandemija tal-COVID-19. Dawn iwettqu azzjonijiet importanti u għandhom responsabbiltajiet f’ħafna Stati Membri biex iħarsu s-saħħa taċ-ċittadini, jimpjegaw sehem kbir tal-forza tax-xogħol tal-kura tas-saħħa, jiffinanzjaw u jimmaniġġjaw is-sistemi tas-saħħa u l-faċilitajiet tal-kura fuq medda qasira u twila ta’ żmien, u jfasslu u jimplimentaw politiki tas-saħħa, kif ukoll attivitajiet ta’ prevenzjoni u promozzjoni tas-saħħa. F’dan ir-rigward, il-forom ta’ awtonomija reġjonali huma essenzjali biex ikun possibbli li tinbidel malajr l-istruttura organizzattiva fis-seħħ sabiex ikun hemm rispons fil-pront għall-emerġenzi;

17.

jirrimarka li reġjun li jista’ jikkomunika direttament mal-UE jista’ jkun kapaċi jsib l-aħjar soluzzjonijiet fi żmien qasir biex isolvi l-emerġenzi u jkun jista’ jagħmel użu aħjar mir-riżorsi l-aktar adatti għall-ħtiġijiet tiegħu, peress li r-realtajiet reġjonali fl-Istati individwali spiss ikunu eteroġeni u l-ħtiġijiet ta’ reġjuni differenti jistgħu ma jkunux l-istess;

18.

jinnota b'dispjaċir li sfortunatament il-Komunikazzjoni ma tirreferix speċifikament għal-livelli reġjonali u lokali bħala atturi ewlenin fil-politika tas-saħħa, u ssemmi biss ir-rwol tar-reġjuni tal-fruntiera fil-kooperazzjoni transfruntiera fil-qasam tas-saħħa;

19.

jemmen, barra minn hekk, li hija meħtieġa koordinazzjoni akbar bejn il-livelli kollha tal-gvern sabiex tiġi evitata sitwazzjoni li fiha l-awtonomija essenzjali ta’ kull żona lokali jew reġjun tirriżulta f’inugwaljanzi f’termini ta’ trattament tal-pazjenti;

20.

jenfasizza l-ħtieġa li jiġi stabbilit network pubbliku-privat ta’ eċċellenza li jkun jinkludi, fil-każ ta’ emerġenzi kbar tas-saħħa pubblika, sptarijiet ta’ referenza li jispeċjalizzaw fl-istudju u t-trattament ta’ mard infettiv li jista’ jiġi trażmess fl-arja, b’kuntatt jew permezz ta’ vetturi.

Tagħlimiet meħuda mill-pandemija

21.

jinnota li s-sistemi tas-saħħa tal-Istati Membri wrew livelli differenti ta’ tħejjija għall-kriżi. F’xi każijiet, ma kinux lesti li jittrattaw kriżi bħal din minħabba nfiq insuffiċjenti fis-saħħa pubblika u nuqqas ta’ persunal mediku, filwaqt li oħrajn urew reżiljenza akbar. Dan juri l-ħtieġa li l-Kummissjoni Ewropea tkun tista’, f’kooperazzjoni mill-qrib ma’ kull Stat Membru, twettaq valutazzjoni rigward l-istat ta’ tħejjija tiegħu għall-epidemija;

22.

jilqa’, f’dan is-sens, il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li torganizza, fir-rwol tagħha ta’ koordinazzjoni, testijiet tal-istress tas-sistemi tas-saħħa fl-Istati Membri sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tal-pjan ta’ tħejjija u ta’ rispons tal-Unjoni. Jaħseb li dawn it-testijiet tal-istress għandhom jinvolvu bis-sħiħ, skont il-kompetenzi tagħhom, ir-reġjuni u l-bliet fl-Istati Membri kkonċernati;

23.

jitlob li jiġi żgurat l-iżvilupp kontinwu tal-pjattaformi u l-applikazzjonijiet diġitali, inkluża l-pjattaforma għas-sorveljanza stabbilita skont l-Artikolu 14 tar-Regolament dwar theddid transkonfinali serju għas-saħħa; barra dan jitlob li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu involuti fit-tħejjija, il-monitoraġġ u l-ittestjar tal-istress tal-pjani vinkolanti proposti għat-tħejjija u r-rispons għall-kriżijiet tas-saħħa li għandhom jitfasslu fil-livell nazzjonali u tal-UE;

24.

jirrakkomanda li l-attivitajiet ta’ prospettiva proposti u r-rekwiżiti ta’ rappurtar imsaħħa dwar id-data u l-prestazzjoni tal-kura tas-saħħa jeħtieġ li jinkludu wkoll dimensjoni reġjonali, u mhux biss data nazzjonali;

25.

jinnota li s-servizzi tas-saħħa u soċjali lokali u reġjonali u l-faċilitajiet intermedji kellhom rwol ewlieni fl-appoġġ lill-isptarijiet kemm biex il-funzjoni ta’ “sptarijiet COVID” tiġi kkonċentrata fuq uħud minnhom kif ukoll biex jirċievu pazjenti negattivi għall-COVID jew li ma baqgħux pożittivi li kellhom bżonn ilestu l-proċess tal-kura tagħhom; jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ il-kura tas-saħħa lokali, li tieħu ħsieb il-pazjenti qabel u wara l-wasla fl-isptar. Il-Kummissjoni Ewropea u l-KtR għandhom it-tnejn li huma jaqdu rwol importanti fit-tixrid tal-prattika tajba f’dan il-qasam;

26.

jinnota li l-pandemija affettwat b’mod partikolari l-aktar gruppi fraġili tas-soċjetà (anzjani, morda, tfal u żgħażagħ), u xi drabi enfasizzat il-fraġilità tas-sistema soċjoekonomika globali u l-vulnerabbiltà fir-rigward tat-teknoloġija (xogħol intelliġenti, skola mill-bogħod, eċċ.); jenfasizza l-fatt li dawn is-setturi għalhekk jeħtieġu appoġġ aktar immirat, inkluż mill-UE;

27.

iqis li hemm bżonn li tissaħħaħ il-kapaċità ta’ koordinazzjoni ta’ wara l-pandemija billi jiġu promossi stili ta’ ħajja sostenibbli fil-livell lokali, b’enfasi sħiħa fuq iċ-ċittadini, billi jinbena qafas ta’ inċentivi u standards intelliġenti li kapaċi jistimulaw u jippremjaw imġiba ċivika mmirata lejn il-ġid komuni;

28.

jitlob li l-akkwist konġunt tal-UE jintuża biex jinxtraw vaċċini u mediċini kontra l-COVID-19 u biex jintużaw b’mod aktar sistematiku biex tiġi evitata l-kompetizzjoni bejn l-Istati Membri. Jappella wkoll għall-użu tagħhom biex jiġi żgurat aċċess ġust u affordabbli għal mediċini u apparat mediku oħrajn importanti, b’mod partikolari għal antibijotiċi innovattivi ġodda, vaċċini ġodda u mediċini kurattivi, kif ukoll mediċini għal mard rari;

Investiment fis-sistemi tas-saħħa

29.

jinnota li f’termini ta’ investiment fis-sistemi tas-saħħa, il-Komunikazzjoni ssemmi l-appoġġ lill-Istati Membri biex itejbu r-reżiljenza, l-aċċessibbiltà u l-effettività tas-sistemi tas-saħħa tagħhom, b’rabta mas-Semestru Ewropew, it-Tabella ta’ Valutazzjoni Soċjali u l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u l-pjani nazzjonali; huwa tal-fehma li jrid jiġi żgurat u/jew imsaħħaħ, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà, l-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali f’dawn l-istrumenti u l-proċessi kollha;

30.

jidentifika bħala prijorità strateġika l-promozzjoni ta’ servizzi tas-saħħa bażika mill-bogħod minn timijiet integrati ta’ professjonisti għat-trattament u l-monitoraġġ ta’ pazjenti bbażati fid-dar b’kundizzjonijiet kroniċi u multimorbożità; jenfasizza li t-telemediċina tista’ dejjem aktar tittrasforma d-dar f’post ta’ kura, b’iffrankar ekonomiku u soċjali evidenti u effiċjenza għolja fit-trattament, il-prevenzjoni u l-fejqan;

31.

iqis li l-Istati Membri jistgħu jikkooperaw biex jiżguraw li l-qafas kuntrattwali u t-trattament finanzjarju tal-professjonisti tas-saħħa li jwettqu attivitajiet ekwivalenti jkunu simili, sabiex ma jinħolqux – f'termini ta' ugwaljanza fil-professjonijiet – żoni privileġġjati li huma aktar attraenti għall-ħaddiema tas-saħħa kif ukoll żoni żvantaġġati li ma jistgħux jirreklutaw ħaddiema tas-saħħa;

32.

iqis li pagi ġusti u żidiet fis-salarji għall-ħaddiema tas-saħħa tal-ewwel linja huma essenzjali biex tinżamm ir-reżiljenza tas-sistemi tas-saħħa. Dawn jgħinu biex jiġi rikonoxxut il-professjonaliżmu tal-ħaddiema tas-saħħa u huma mod kif jintwera apprezzament għall-altruwiżmu tagħhom, li wera l-valur tiegħu f’termini taż-żamma tar-reżiljenza tas-sistemi tas-saħħa matul il-pandemija f’diversi Stati Membri;

33.

iqis li l-professjonisti intermedji bħalma huma dawk involuti biss fil-kura personali kif ukoll dawk b’ħiliet ta’ infermiera, jistgħu jgħinu biex jintlaħqu l-ħtiġijiet tal-entitajiet tal-kura u jiżguraw il-flessibbiltà meħtieġa fis-servizzi soċjali u tal-kura tas-saħħa;

34.

jaħseb li l-Istati Membri jeħtieġ li jivvalutaw il-faċilitajiet u l-ħiliet tal-persunal fuq bażi kontinwa biex jiżguraw li jkunu kapaċi jittrattaw kompiti prattiċi (eż. swabs u vaċċini) għall-popolazzjoni kollha f’każ ta’ emerġenzi sistemiċi;

Strateġija dwar il-vaċċini

35.

jistieden lill-Istati Membri jinvolvu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-kampanja ta’ tilqim kontra s-SARS-CoV-2 sabiex jikkontribwixxu għat-tixrid u d-distribuzzjoni f’waqthom tal-vaċċini u jipprovdu liċ-ċittadini b’informazzjoni fattwali ċara dwar it-tilqim sabiex tiġi miġġielda d-diżinformazzjoni;

36.

jappoġġja l-iskambju ta’ prattika tajba bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-UE fir-rigward tal-indirizzar tal-eżitazzjoni fir-rigward tat-tilqim u l-fehim tar-raġunijiet għal tali eżitazzjoni fost il-professjonisti tal-kura tas-saħħa u tal-kura soċjali;

37.

jemmen bis-sħiħ li kienet deċiżjoni tajba li l-Unjoni Ewropea tħalliet takkwista l-vaċċini f’isem l-Istati Membri. Bil-għan li tittejjeb is-sitwazzjoni tad-disponibbiltà tal-vaċċini, tal-mediċini u ta’ provvisti mediċi oħra, huwa tal-fehma li l-UE għandha tipprova timminimizza d-dipendenza tagħha fuq pajjiżi terzi għall-produzzjoni ta’ dawn il-prodotti. Barra minn hekk jemmen li l-kumpaniji li żviluppaw vaċċini bis-saħħa tal-użu ta’ fondi pubbliċi għandhom jaqsmu l-privattivi tagħhom ma’ kumpaniji oħra biex jagħtu spinta lill-kapaċitajiet ta’ produzzjoni fl-Ewropa;

38.

iqis li l-istrateġija dwar il-vaċċini għandha tevolvi mal-istat tal-progress fit-tilqim fil-popolazzjoni, sabiex din l-istrateġija l-ewwel tkun immirata lejn gruppi ta’ riskju għoli u persuni li jaħdmu f’servizzi essenzjali, bħall-ħaddiema tas-saħħa u tal-kura soċjali, u mbagħad testendi għal gruppi usa’, inkluż skont it-tnaqqis tar-restrizzjonijiet soċjali u ekonomiċi fil-post;

39.

jappoġġja l-ħolqien ta’ mudell organizzattiv li jippermetti li kemm jista’ jkun nies jitlaqqmu malajr kemm jista’ jkun, bl-użu tad-dożi kollha fil-kunjetti individwali.

Strateġija dwar il-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni fil-qasam tas-saħħa

40.

jitlob li jittieħdu miżuri għall-monitoraġġ u l-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni fil-qasam tas-saħħa, b’mod koordinat bejn l-Istati Membri kollha. Peress li l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma dawk li jiffaċċjaw bl-aktar mod dirett l-isfidi tas-saħħa fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, huma jintlaqtu direttament mit-tixrid, spiss intenzjonat, tad-diżinformazzjoni dwar is-saħħa. Huwa essenzjali li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jirċievu appoġġ uniku u koordinat sabiex ikunu jistgħu jiġġieldu din il-problema b’mod effettiv.

Brussell, is-7 ta’ Mejju 2021.

Apostolos TZITZIKOSTAS

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni


(1)  COTER-VII/005.

(2)  COM(2020) 727 final.