23.7.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 294/47


P9_TA(2020)0036

Ir-Repubblika tal-Guinea, b'mod partikolari l-vjolenza kontra d-dimostranti

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Frar 2020 dwar ir-Repubblika tal-Guinea, b'mod partikolari l-vjolenza kontra d-dimostranti (2020/2551(RSP))

(2021/C 294/07)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Repubblika tal-Guinea,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tan-Nazzjonijiet Uniti, tal-Unjoni Ewropea u tal-Ambaxxati tal-Istati Uniti u ta' Franza fir-Repubblika tal-Guinea, tal-5 ta' Novembru 2019,

wara li kkunsidra l-Communiqué tal-Kummissjoni tal-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika tal-Punent (ECOWAS), tal-4 ta' Novembru 2019, wara l-inċidenti f'Conakry,

wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa tal-Kummissjoni Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli dwar it-trażżin tad-dimostrazzjonijiet fir-Repubblika tal-Guinea, tad-9 ta' Novembru 2019,

wara li kkunsidra l-ħamsa u tletin sessjoni tal-Grupp ta' Ħidma ta' Rieżami Perjodiku Universali tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti, bejn l-20 u l-31 ta' Jannar 2020,

wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) tal-1966,

wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija bejn il-Membri tal-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa l-oħra (il-Ftehim ta' Cotonou),

wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli, li ġiet adottata fis-27 ta' Ġunju 1981 u li daħlet fis-seħħ fil-21 ta' Ottubru 1986,

wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Guinea, li ġiet approvata mill-Kunsill għat-Tranżizzjoni Nazzjonali fid-19 ta' April 2010 u adottata fis-7 ta' Mejju 2010,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

wara li kkunsidra l-11-il Programm Indikattiv Nazzjonali tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ) għall-perjodu 2015-2020, li jalloka fondi lir-Repubblika tal-Guinea,

wara li kkunsidra l-Artikoli 144(5) u 132(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi l-President Alpha Condé ilu fil-poter fir-Repubblika tal-Guinea minn meta ġie elett fl-2010, filwaqt li ġie rielett fl-2015; billi f'nofs Ottubru 2019 bdew protesti tal-massa fil-pajjiż, prinċipalment mill-Front Nazzjonali għad-Difiża tal-Kostituzzjoni (FNDC), fost biża' mill-oppożizzjoni li l-President Condé ser ifittex li jestendi s-setgħat kostituzzjonali tiegħu; billi l-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Guinea tillimita l-mandati presidenzjali għal żewġ mandati; billi t-tieni mandat tal-President Condé għandu jiskadi fi tmiem l-2020;

B.

billi l-elezzjoni tiegħu bħala President fl-2010 kienet l-ewwel pass lejn riformi demokratiċi u trasparenza wara snin ta' tmexxija militari; billi l-President Condé jinsab akkużat b'korruzzjoni u li impona restrizzjonijiet fuq il-libertà politika; billi riforma kostituzzjonali bl-għan uniku li testendi l-limiti tal-mandati presidenzjali biex tippermetti lil Alpha Condé jibqa' fil-poter wasslet għal vjolenza;

C.

billi l-President Condé reċentement ipprova wkoll jinnewtralizza l-ostakli istituzzjonali għar-riforma tiegħu billi jinfluwenza lill-Qorti Kostituzzjonali u lill-Kummissjoni Elettorali tar-Repubblika tal-Guinea; billi f'Marzu 2018 tneħħa mill-kariga l-President tal-Qorti Kostituzzjonali Kéléfa Sall; billi l-Ministru tal-Ġustizzja Cheick Sako rriżenja għax oppona l-bidliet fil-kostituzzjoni li jippermettu t-tielet mandat presidenzjali;

D.

billi l-partit fil-gvern, l-Unjoni tal-Poplu tal-Guinea, m'għandux il-maġġoranza parlamentari ta' żewġ terzi meħtieġa biex tiġi emendata l-kostituzzjoni; billi referendum dwar riforma kostituzzjonali jħalli barra lill-Parlament tar-Repubblika tal-Guinea;

E.

billi fid-19 ta' Diċembru 2019 il-President Condé ħabbar pjanijiet għal referendum dwar riforma kostituzzjonali, li għandu jsir fl-1 ta' Marzu 2020; billi l-elezzjonijiet leġiżlattivi, li oriġinarjament kienu skedati għas-16 ta' Frar 2020, ġew posposti u se jsiru dakinhar tar-referendum; billi l-kostituzzjoni l-ġdida proposta tinkludi estensjoni tal-mandat presidenzjali minn ħames snin għal sitta, b'limitu ta' żewġ mandati; billi huwa mistenni li l-President Condé se juża din il-bidla kostituzzjonali biex ifittex it-tielet mandat presidenzjali;

F.

billi l-Front Nazzjonali għad-Difiża tal-Kostituzzjoni (FNDC), alleanza ta' partiti tal-oppożizzjoni, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u għaqdiet tal-ħaddiema, ipprotesta u qed jippjana strikes biex jopponi l-bidla kostituzzjonali; billi mill-inqas seba' membri tal-FNDC ġew arrestati bejn it-12 ta' Ottubru u t-28 ta' Novembru 2019 u ġew akkużati li t-talbiet tagħhom għal protesti kontra l-abbozz tal-kostituzzjoni l-ġdida kkostitwew atti jew azzjonijiet li x'aktarx jiksru l-ordni pubbliku u jipperikolaw is-sikurezza pubblika qabel ma eventwalment ġew illiberati minħabba pressjoni internazzjonali;

G.

billi s-sitwazzjoni fil-pajjiż hija mwiegħra, b'żieda fit-tensjonijiet politiċi u episodji ta' protesti vjolenti; billi r-rispons tal-gvern għal dawn it-tifqigħat kien aħrax iżżejjed, u l-pulizija rreaġixxew b'forza eċċessiva, indebita u illegali kontra d-dimostranti, u l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem irrappurtaw barrikati, sparaturi u gass tad-dmugħ, prinċipalment fil-kapitali Conakry u f'Mamou, il-fortizza tal-oppożizzjoni fit-Tramuntana; billi pulizija f'Wanindara allegatament użaw mara bħala tarka umana biex jipproteġu lilhom infushom mill-ġebel mitfugħ minn dimostranti;

H.

billi Fodé Oussou Fofana, il-Viċi President tal-partit ewlieni tal-oppożizzjoni, l-Unjoni tal-Forzi Demokratiċi tar-Repubblika tal-Guinea, akkuża lill-President b'“kolp ta' stat kostituzzjonali” u “frodi”; billi l-partiti tal-oppożizzjoni wegħdu li jibbojkottjaw l-elezzjonijiet leġiżlattivi bħala protesta;

I.

billi kemm l-ECOWAS kif ukoll il-Kummissjoni Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli appellaw biex jiġu rispettati d-drittijiet fundamentali tad-dimostranti, u biex il-forzi tas-sigurtà jtejbu l-ġestjoni tagħhom tad-dimostrazzjonijiet;

J.

billi l-Kummissjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU nnutat li l-forzi tas-sigurtà li aġixxew bħala reazzjoni għall-protesti li bdew f'Conakry fl-14 u fil-15 ta' Ottubru 2019“naqsu milli jikkonformaw man-normi u l-istandards internazzjonali tal-użu tal-forza”; billi l-funeral tad-dimostranti maqtula waqt dawn il-protesti kien ikkaratterizzat minn aktar vjolenza u mwiet;

K.

billi r-Repubblika tal-Guinea tinsab fil-101 post minn 180 pajjiż fl-Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Istampa tal-2019; billi mill-2015, mill-inqas 20 ġurnalista ġew imħarrka, detenuti jew iffaċċaw prosekuzzjoni; billi mill-bidu tad-dimostrazzjonijiet f'Ottubru 2019 ġew arrestati ġurnalisti, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u attivisti tas-soċjetà ċivili, inkluż Abdourahmane Sanoh (il-koordinatur tal-FNDC) li sussegwentement inħeles, filwaqt li oħrajn għadhom qed jinżammu u jiġu soġġetti għall-vjolenza; billi fil-protesti nqatlu mill-inqas 28 ċivil u gendarme; billi skont l-estimi ta' organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, mill-inqas 70 persuna – dimostranti u persuni li kienu fil-viċinanzi – inqatlu mill-2015, inkluż Amadou Boukariou Baldé, student li safa msawwat għall-mewt mill-pulizija waqt il-protesti fl-Università ta' Labé f'Mejju 2019;

L.

billi diversi NGOs lokali kkundannaw il-kundizzjonijiet tal-ħabsijiet fir-Repubblika tal-Guinea, b'mod partikolari l-“inadegwatezzi serji f'termini ta' affollament eċċessiv, ikel u nutrizzjoni, u n-nuqqas ta' taħriġ mogħti lil ħafna mill-gwardjani tal-ħabs” (skont ir-rapport ta' Human Rights Watch); billi dawn il-kundizzjonijiet jagħtu lok għal tħassib fil-pajjiż kollu, iżda huma partikolarment serji fil-ħabs ċentrali f'Conakry;

M.

billi r-Repubblika tal-Guinea hi wieħed mill-ifqar pajjiżi fl-Afrika, u għadha qed tbati minħabba snin ta' ġestjoni ekonomika ħażina u korruzzjoni, minkejja li għandha l-akbar riżerva ta' boksajt fid-dinja, fil-minjieri ta' madwar Boke; billi żewġ terzi mit-12,5-il miljun abitant jgħixu fil-faqar, u l-kriżi tal-Ebola bejn l-2013 u l-2016 dgħajfet b'mod sinifikanti l-ekonomija tal-pajjiż; billi ż-żgħażagħ taħt l-età ta' 25 sena, li jirrappreżentaw aktar minn 60 % tal-popolazzjoni, huma partikolarment milquta mill-qgħad;

N.

billi fil-kuntest attwali ta' protesti kontra r-riforma tal-Kostituzzjoni, li komplew ikebbsu l-konfrontazzjoni bejn il-Gvern u l-partiti tal-oppożizzjoni, l-OGDH (Organizzazzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tad-Drittijiet taċ-Ċittadini tar-Repubblika tal-Guinea) iddenunzjat ksur ripetut tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika tal-Guinea; billi dan il-ksur wassal, fost l-oħrajn, għall-qerda ta' bini u faċilitajiet pubbliċi, għal tentattivi biex jitkebbsu d-diviżjonijiet etniċi u għal żgumbrament bil-forza minn proprjetajiet privati; billi bejn Frar u Mejju 2019, il-Gvern tar-Repubblika tal-Guinea żgombra bil-forza aktar minn 20 000 persuna minn kwartieri f'Conakry sabiex jipprovdi art għall-ministeri tal-gvern, għal ambaxxati barranin, għal negozji u għal proġetti oħra ta' xogħlijiet pubbliċi;

O.

billi bejn l-2014 u l-2020, l-UE pprovdiet appoġġ lir-Repubblika tal-Guinea permezz tal-11-il Programm Indikattiv Nazzjonali tal-FEŻ (Fond Ewropew għall-Iżvilupp) li jammonta għal EUR 244 000 000, liema appoġġ kien iffukat fuq ir-riforma istituzzjonali u l-modernizzazzjoni tal-amministrazzjoni, is-sanitazzjoni urbana, is-saħħa, it-trasport bit-triq u appoġġ għall-Uffiċjal Awtorizzanti Nazzjonali;

1.

Jiddeplora l-vjolenza kontinwa fir-Repubblika tal-Guinea; jikkundanna bil-qawwa l-ksur tal-libertà tal-għaqda u tal-libertà tal-kelma kif ukoll l-atti ta' vjolenza, każijiet ta' qtil u abbużi oħra tad-drittijiet tal-bniedem; jitlob lill-forzi tal-gvern irażżnu nfushom b'mod immedjat, u li jkun permess li jsiru protesti paċifiċi leġittimi mingħajr ebda intimidazzjoni;

2.

Jistieden lill-Gvern tar-Repubblika tal-Guinea biex jibda investigazzjoni malajr, trasparenti, imparzjali u indipendenti tal-imwiet u l-korrimenti ta' dimostranti, l-allegazzjonijiet ta' użu eċċessiv tal-forza jew ksur ieħor tad-drittijiet tal-bniedem minn uffiċjali tal-infurzar tal-liġi u biex il-persuni responsabbli, fosthom dawk li huma pulizija jew forzi tas-sigurtà, jinżammu responsabbli għal għemilhom u ma jgawdux minn impunità; ifakkar lill-Gvern tar-Repubblika tal-Guinea li l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u t-tmiem tal-impunità għandhom isiru wkoll ta' prijorità;

3.

Jiddispjaċih ħafna dwar kwalunkwe pjan ta' bidla fid-dispożizzjonijiet kostituzzjonali tal-pajjiż dwar il-limiti tal-mandati presidenzjali; itenni bis-sħiħ li demokrazija li tiffunzjona għandha tinkludi r-rispett għall-istat tad-dritt u għad-dispożizzjonijiet kostituzzjonali kollha inkluż, fejn applikabbli, il-limiti fuq il-mandati presidenzjali; jappella lill-President tar-Repubblika tal-Guinea jirrispetta l-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Guinea, b'mod partikolari l-Artikolu 27 tagħha;

4.

Jappella għar-rispett tad-dritt ta' libertà ta' dimostrazzjoni, għaqda, assoċjazzjoni u espressjoni ggarantita minn standards internazzjonali u mit-trattati u mill-konvenzjonijiet tan-NU ratifikati mir-Repubblika tal-Guinea; jappella lill-Gvern tar-Repubblika tal-Guinea jieħu miżuri urġenti biex jiżgura li jiġi rrispettat id-dritt ta' dimostrazzjoni libera u paċifika u biex joħloq ambjent sikur li jkun ħieles minn molestji, vjolenza u intimidazzjoni, u li jiffaċilita d-djalogu mal-oppożizzjoni;

5.

Iħeġġeġ lill-partijiet kollha kkonċernati jipprevjenu aktar eskalazzjoni ta' tensjoni u vjolenza; jappella lill-Gvern tar-Repubblika tal-Guinea, kif ukoll lill-gruppi tal-oppożizzjoni u tas-soċjetà ċivili, biex irażżnu lilhom infushom, jaġixxu b'mod responsabbli u jipparteċipaw fi djalogu kostruttiv biex tinkiseb soluzzjoni dejjiema, kunsenswali u paċifika; jappella lill-UE tkompli bl-isforzi tagħha biex issaħħaħ ir-rwol tas-soċjetà ċivili u tinkoraġġixxi lill-atturi mhux statali biex ikollhom rwol attiv;

6.

Iħeġġeġ lill-Gvern tar-Repubblika tal-Guinea biex jiżgura elezzjonijiet leġislattivi u presidenzjali li jkunu trasparenti, kredibbli u ħielsa u li jsiru f'waqthom, bil-parteċipazzjoni sħiħa tal-partiti tal-oppożizzjoni, inkluż li jitħallew jirreġistraw, jagħmlu kampanji, ikollhom aċċess għall-mezzi tal-informazzjoni u jgawdu l-libertà tal-għaqda;

7.

Ifakkar fl-importanza ta' kummissjoni elettorali nazzjonali awtonoma li taġixxi b'mod indipendenti mill-gvern u minn kwalunkwe partit politiku; iħeġġeġ lill-Gvern tar-Repubblika tal-Guinea u lill-President Condé biex jiżguraw li l-Kummissjoni Elettorali Nazzjonali Indipendenti (CENI) fir-Repubblika tal-Guinea tkun tista' topera b'mod kompletament trasparenti li jkun liberu minn kwalunkwe ndħil, intimidazzjoni jew koerċizzjoni minn politiċi jew partiti diġà fil-poter;

8.

Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Guinea biex jirrispettaw kompletament l-obbligi domestiċi u internazzjonali kollha fir-rigward tad-drittijiet ċivili u politiċi, inkluż id-dritt għal-libertà ta' espressjoni, għaqda u assoċjazzjoni, tad-dritt ta' libertà minn tortura, trattament ħażin u detenzjoni arbitrarja u tad-dritt ta' proċess ġust; jenfasizza li r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem jeħtieġ li jkun fil-qalba ta' kwalunkwe soluzzjoni politika għall-kriżi;

9.

Jappella lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Guinea jwettqu investigazzjoni u jressqu quddiem il-ġustizzja, f'konformità mal-istandards internazzjonali, lill-membri tal-forzi tas-sigurtà li hemm evidenza kontrihom ta' responsabbiltà kriminali għal abbużi passati u attwali;

10.

Ifakkar li soċjetà ċivili vibranti li kapaċi tiffunzjona mingħajr biża', intimidazzjoni u vjolenza huwa prerekwiżit neċessarju għall-konsolidazzjoni tad-demokrazija; iħeġġeġ lill-Gvern u lill-forzi tas-sigurtà jippromwovu ambjent li jwassal għas-sikurezza u s-sigurtà tar-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi u tas-soċjetà ċivili, inkluża reviżjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-użu tal-forza f'ġemgħat pubbliċi;

11.

Jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat u promoss ambjent, għas-servizz tad-demokrazija, b'mezzi tal-informazzjoni li jkunu pluralisti, indipendenti u ħielsa; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Guinea biex iwaqqfu immedjatament il-molestji u l-intimidazzjoni tal-ġurnalisti, inkluż li jtemmu s-sospensjoni arbitrarja tal-liċenzji tal-mezzi tal-informazzjoni, biex jirrispettaw id-drittijiet individwali tal-ġurnalisti u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jaħdmu fil-pajjiż filwaqt li jiggarantixxu s-sikurezza tagħhom sabiex ikunu jistgħu josservaw jew jissorveljaw is-sitwazzjoni tal-politika u tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż;

12.

Jikkritika bil-qawwa l-arrest ta' Abdourahmane Sanoh u ta' mexxejja oħra tal-oppożizzjoni u tas-soċjetà ċivili; jappella għall-ħelsien immedjat tal-priġunieri politiċi fil-pajjiż u investigazzjoni dwar l-allegazzjonijiet mifruxa ta' trattament ħażin tal-priġunieri;

13.

Jappella lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Guinea biex iwaqqfu kwalunkwe żgumbrament ulterjuri tal-popolazzjoni mill-art jew mill-proprjetà tagħhom sakemm ikun jistgħu jiggarantixxu rispett għad-drittijiet tar-residenti, inkluż avviż adegwat, kumpens u risistemazzjoni qabel l-iżgumbrament; jisħaq li għandu jingħata kumpens adegwat lill-individwi kollha li ġew żgumbrati bil-forza u li għadhom ma rċevewx dan il-kumpens;

14.

Ifakkar fl-importanza li r-Repubblika tal-Guinea taħdem mas-sħab reġjonali biex, b'mod kollettiv, jissaħħu d-demokrazija, l-iżvilupp u s-sigurtà; iħeġġeġ lill-awtoritajiet fir-Repubblika tal-Guinea jaħdmu mill-qrib mal-organizzazzjonijiet reġjonali, inkluża l-ECOWAS, biex jerġa' jkun hemm il-libertajiet bażiċi, biex jiġu investigati kompletament l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa matul id-dimostrazzjonijiet u biex ikun hemm tranżizzjoni demokratika paċifika; ifakkar li s-soluzzjoni għall-kriżi attwali tista' tinstab biss fi djalogu għall-poplu tal-Guinea li jkun miftuħ u aċċessibbli bejn il-gvern u l-gruppi tal-oppożizzjoni; ifakkar, bl-istess mod, li l-ECOWAS u l-pajjiżi ġirien tar-Repubblika tal-Guinea jistgħu jkollhom rwol vitali fil-promozzjoni ta' djalogu għall-poplu tal-Guinea u fl-iżgurar tal-kontinwazzjoni tiegħu; jappella lill-Gvern tal-Guinea u lill-ECOWAS biex jaħdmu flimkien mill-qrib sabiex jiżguraw li l-elezzjonijiet tal-2020 isiru b'mod paċifiku u jkunu rappreżentattivi; jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħtu segwitu għar-rakkomandazzjonijiet li saru fl-Eżami Perjodiku Universali (EPU) tar-Repubblika tal-Guinea f'Jannar 2020, b'mod partikolari dwar id-dritt għall-ħajja, l-integrità fiżika, il-libertà ta' espressjoni u l-libertà ta' għaqda paċifika, kif ukoll dwar l-użu tal-forza u l-impunità; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Guinea biex jimpenjaw ruħhom b'mod sinifikanti fl-Eżami Perjodiku Universali li jmiss tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem, inkluż li jipprovdu aċċess sħiħ fuq il-post lin-NU, u biex jimplimentaw bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet sussegwenti tal-Grupp ta' Ħidma;

15.

Iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea tissorvelja mill-qrib is-sitwazzjoni fir-Repubblika tal-Guinea u żżomm responsabbli lill-Gvern għal kwalunkwe ksur ta' impenji fi ħdan id-dritt u l-ftehimiet internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari fir-rigward tal-Artikoli 8, 9 u 96 tal-Ftehim ta' Cotonou;

16.

Jappella lill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) biex jibqgħu għaddejjin bi djalogu politiku, inkluż djalogu fi ħdan il-qafas tal-Artikolu 8 tal-Ftehim ta' Cotonou, bil-għan li jitnaqqsu malajr it-tensjonijiet fil-pajjiż u tingħata assistenza, fejn mitluba, fit-tħejjijiet għal elezzjonijiet paċifiċi, inklużi l-medjazzjoni u l-miżuri biex tiġi missielta l-vjolenza ta' qabel u ta' wara l-elezzjoni; jappella, barra minn dan, lill-VP/RGħ u lis-SEAE biex jaħdmu mal-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Guinea, mal-ECOWAS, mal-Uffiċċju tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fir-Repubblika tal-Guinea, mal-Kummissjoni Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli u mar-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali għall-Afrika tal-Punent u s-Saħel biex tissawwar strateġija komuni bħala soluzzjoni għall-kriżi politika attwali;

17.

Jilqa' l-enfasi tal-FEŻ 11 fuq l-appoġġ għall-istat tad-dritt fir-Repubblika tal-Guinea; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lis-SEAE biex ikomplu bl-appoġġ għat-tisħiħ tas-soċjetà ċivili u ta' istituzzjonijiet tal-istat li jkunu indipendenti;

18.

Jappella lid-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea għar-Repubblika tal-Guinea biex kontinwament tissorvelja is-sitwazzjoni tas-soċjetà ċivili indipendenti tal-pajjiż, tosserva l-proċessi ta' priġunieri politiċi u tkompli tindirizza s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż fid-djalogu tagħha mal-awtoritajiet tar-Repubblika tal-Guinea; jappella lill-Kummissjoni ssegwi mill-qrib is-sitwazzjoni tar-Repubblika tal-Guinea u tirrapporta lura għand il-Parlament fuq bażi regolari;

19.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-President u lill-Parlament tar-Repubblika tal-Guinea, lill-istituzzjonijiet tal-ECOWAS, lill-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE u lill-Unjoni Afrikana u lill-istituzzjonijiet tagħha.