7.7.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 270/94


P9_TA(2020)0015

Il-COP15 għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (Kunming 2020)

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta' Jannar 2020 dwar il-15-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet (COP15) għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (2019/2824(RSP))

(2021/C 270/11)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-rieżami ta' nofs it-terminu tal-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità u r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' Frar 2016 dwar ir-rieżami ta' nofs it-terminu tal-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità (1),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2017 dwar Pjan ta' Azzjoni għan-natura, in-nies u l-ekonomija (2),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2018 dwar l-14-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (COP14) (3),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-20 ta' Mejju 2015 bit-titlu “Il-qagħda tan-natura fl-Unjoni Ewropea: Rapport dwar l-istatus u x-xejriet għat-tipi ta' ħabitats u għall-ispeċijiet li jkopru d-Direttiva tal-Għasafar u d-Direttiva tal-Ħabitats għall-perjodu 2007-2012 bħalma jeżiġi l-Artikolu 17 tad-Direttiva tal-Ħabitats u bħalma jeżiġi l-Artikolu 12 tad-Direttiva tal-Għasafar” (COM(2015)0219),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2008 li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika tal-Ambjent Marin (4) (Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina),

wara li kkunsidra d-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2000 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (5) (Direttiva Qafas dwar l-Ilma),

wara li kkunsidra r-rapport dwar valutazzjoni globali tal-bijodiversità u s-servizzi ekosistemiċi, maħruġ mill-Pjattaforma Intergovernattiva tal-Politika tax-Xjenza dwar il-Bijodiversità u s-Servizzi Ekosistemiċi (IPBES) fil-31 ta' Mejju 2019,

wara li kkunsidra l-Lista l-Ħamra ta' Speċijiet Mhedda tal-Unjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura,

wara li kkunsidra l-Karta ta' Metz dwar il-Bijodiversità tas-6 ta' Mejju 2019,

wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti, kif ukoll id-Dokument ta' Riflessjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Jannar 2019 bit-titlu “Lejn Ewropa Sostenibbli sal-2030” (COM(2019)0022),

wara li kkunsidra r-rapporti speċjali tal-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) dwar it-tibdil fil-klima, id-deżertifikazzjoni, id-degradazzjoni tal-art, il-ġestjoni sostenibbli tal-art, is-sigurtà tal-ikel u l-flussi tal-gassijiet b'effett ta' serra fl-ekosistemi terrestri, ir-rapport speċjali tiegħu tal-25 ta’ Settembru 2019 dwar l-oċean u l-krijosfera fi klima li qed tinbidel, kif ukoll ir-rapport speċjali dwar it-tisħin globali ta' 1,5 oC, il-ħames rapport ta' valutazzjoni tiegħu (AR5) u r-rapport ta' sinteżi tiegħu ta' Settembru 2018,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Lulju 2019 bit-titlu “It-Tisħiħ tal-Azzjoni tal-UE għall-Protezzjoni u għar-Restawr tal-Foresti tad-Dinja” (COM(2019)0352) u l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Settembru 2013 bit-titlu “Strateġija ġdida tal-UE għall-Foresti: għall-foresti u s-settur ibbażat fuq il-foresti” (COM(2013)0659),

wara li kkunsidra r-rapport maħruġ mill-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO) fl-2019 dwar l-istat tal-bijodiversità tad-dinja għall-ikel u l-agrikoltura,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni magħmula fil-15 ta' Ottubru 2019 mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem quddiem it-Tielet Kumitat tal-Assemblea Ġenerali tan-NU fi New York,

wara li kkunsidra l-Appell ta' Beijing għall-Konservazzjoni tal-Bijodiversità u t-Tibdil fil-Klima tas-6 ta' Novembru 2019,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent tal-4 ta' Diċembru 2019 bit-titlu “The European environment – state and outlook 2020” (L-ambjent Ewropew – l-istat u l-prospetti 2020) (SOER 2020);

wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

wara li kkunsidra l-Artikolu 132(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-mistoqsijiet magħmula lill-Kummissjoni u lill-Kunsill dwar il-COP15 għall-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika f'Kunming, iċ-Ċina, fl-2020 (O-000044/2019 u O-000043/2019),

A.

billi l-istqarrija tal-missjoni tal-Pjan Strateġiku għall-Bijodiversità 2011-2020 hi li tittieħed azzjoni effettiva u urġenti biex jitwaqqaf it-telf tal-bijodiversità sabiex jiġi żgurat li sal-2020 l-ekosistemi jkunu reżistenti u jibqgħu jipprovdu servizzi essenzjali li jiżguraw u jikkonservaw il-varjetà tal-ħajja tal-pjaneta u jikkontribwixxu għall-benessri tal-bniedem u l-qerda tal-faqar;

B.

billi l-Viżjoni 2050 adottata fil-qafas tal-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (KDB) hi dik ta' “għajxien f'armonija man-natura” u li, sal-2050, il-bijodiversità tkun apprezzata, ikkonservata, restawrata u użata bi ħsieb, filwaqt li jiġu ppreservati s-servizzi ekosistemiċi, tiġi sostnuta pjaneta b'saħħitha u jinġiebu benefiċċji essenzjali għal kulħadd u għall-ġenerazzjonijiet tal-futur;

C.

billi l-Viżjoni 2050 adottata fil-qafas tal-KDB hi sostnuta minn ħames objettivi ġenerali li jinkwadraw ukoll il-Miri tal-Bijodiversità ta' Aichi għall-2020, jiġifieri: (a) li jiġu indirizzati l-kawżi li jwasslu għat-telf tal-bijodiversità bl-integrazzjoni tagħha fl-ambiti kollha tal-gvern u tas-soċjetà; (b) li jitnaqqsu l-pressjonijiet diretti fuq il-bijodiversità u jiġi promoss l-użu sostenibbli; (c) li jittejjeb l-istatus tal-bijodiversità billi jitħarsu l-ekosistemi, l-ispeċijiet u d-diversità ġenetika; (d) li jissaħħu l-benefiċċji għal kulħadd mill-bijodiversità u mis-servizzi ekosistemiċi; u (e) li tissaħħaħ l-implimentazzjoni permezz tal-ippjanar parteċipattiv, il-ġestjoni tal-għarfien u l-bini tal-kapaċitajiet;

D.

billi, kif enfasizzat fil-valutazzjoni globali tal-bijodiversità u s-servizzi ekosistemiċi tal-IPBES, ix-xejriet negattivi attwali fil-bijodiversità u l-ekosistemi se jimminaw il-progress lejn 80 % tal-miri vvalutati b'rabta mal-SDGs relatati mal-faqar, il-ġuħ, is-saħħa, l-ilma, il-bliet, il-klima, l-oċeani u l-art; billi l-popli indiġeni u ħafna mill-ifqar komunitajiet tad-dinja mistennija jintlaqtu primarjament u b'mod aktar gravi; billi, għaldaqstant, it-telf u d-degradazzjoni tal-bijodiversità jridu jitqiesu mhux biss bħala kwistjonijiet ambjentali iżda anke bħala kwistjonijiet ekonomiċi, soċjali, morali u li jaffettwaw l-iżvilupp;

E.

billi l-użu massiv ta' erbiċidi sistemiċi b'azzjoni mifruxa bħall-glifosat huwa direttament responsabbli għal telf massiv tal-bijodiversità;

F.

billi skont l-IPCC u l-IPBES, ma jeżistux soluzzjonijiet permanenti biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima mingħajr implimentazzjoni usa' ta' soluzzjonijiet konsistenti u effettivi bbażati fuq in-natura;

G.

billi t-tibdil fil-klima huwa rikonoxxut bħala l-forza ewlenija wara ż-żieda f'daqqa f'avvenimenti ta' temp estrem li jikkawżaw diżastri naturali fid-dinja kollha, inklużi n-nirien fil-foresti;

H.

billi l-Protokoll ta' Nagoya dwar l-Aċċess u l-Qsim tal-Benefiċċji (ABS) jipprovdi qafas legali trasparenti għall-qsim ġust u ekwu tal-benefiċċji li jirriżultaw mill-użu tar-riżorsi ġenetiċi u l-għarfien tradizzjonali assoċjat magħhom;

I.

billi l-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità 2020 għandha l-għan li twaqqaf it-telf tal-bijodiversità u tas-servizzi ekosistemiċi fl-UE u tgħin sabiex jitwaqqaf it-telf globali tal-bijodiversità sal-2020;

J.

billi l-UE u l-Istati Membri adottaw l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u s-17-il SDG tagħha u huma impenjati bis-sħiħ favur l-implimentazzjoni tagħhom;

K.

billi, fil-linji gwida politiċi tagħha, il-Kummissjoni 2019-2024 tafferma li l-ambizzjoni tagħha hi li l-UE taħdem ma' sħabha madwar id-dinja biex fil-ħames snin li ġejjin jitrażżan it-telf tal-bijodiversità;

L.

billi l-foresti huma indispensabbli għas-sussistenza tad-dinja kollha u, filwaqt li jkopru 30 % biss taż-żona terrestri tad-dinja, fihom 80 % tal-bijodiversità tagħha;

M.

billi l-ħabitats u l-ispeċijiet huma mhedda mit-tibdil fil-klima, kif tixhed il-qirda tal-biċċa l-kbira tal-Great Barrier Reef fl-Awstralja, u avvenimenti estremi tat-temp bħan-nirien enormi li ħakkmu l-bush Awstraljana, li qatlu aktar minn biljun annimal; billi l-konservazzjoni tan-natura u t-twaqqif tat-telf tal-bijodiversità huma kruċjali għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u għall-adattament għalih;

N.

billi erbgħa mid-disa' limiti tal-pjaneta, hekk kif definiti miċ-Ċentru ta' Reżiljenza ta' Stokkolma, inqabżu;

Rimarki ġenerali

1.

Jinnota bi tħassib li l-valutazzjoni globali tal-IPBES dwar il-bijodiversità u s-servizzi ekosistemiċi tenfasizza b'mod ċar il-kobor tal-kriżi ekoloġika u l-bżonn ta' sforzi urġenti u miftiehma li jrawmu bidla trasformattiva, peress li n-natura tinsab f'deklin globali b'rati bla preċedent fl-istorja tal-bniedem, il-pass fir-rata tal-estinzjoni tal-ispeċijiet qed jiżdied u madwar miljun speċi ta' annimali u pjanti huma mhedda bl-estinzjoni, fatt li għandu impatt serju fuq il-popolazzjonijiet tad-dinja kollha u se jaffettwa l-ħajja tal-ġenerazzjonijiet futuri tagħna;

2.

Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar l-istress addizzjonali għall-bijodiversità kkawżat mit-tibdil fil-klima fuq l-art kif spjegat fir-rapport speċjali tal-IPCC tat-8 ta' Awwissu 2019; jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar it-tnaqqis fil-popolazzjoni tal-mammiferi tal-baħar u fi stokkijiet oħra ta' ħut, kif ukoll l-għajbien drammatiku tal-iskollijiet tal-qroll li, kif dokumentat fir-rapport speċjali tal-IPCC tal-24 ta' Settembru 2019, aktar minn 99 % minnhom mistennija jispiċċaw jekk iż-żieda ta' 2 oC ipotizzata mir-rapport speċjali tal-IPCC dwar it-tisħin globali ta' 1,5 oC issir realtà;

3.

Jesprimi t-tħassib serju tiegħu wara l-pubblikazzjoni tar-rapport tal-IPCC dwar l-oċeani u l-krijosfera fi klima li qed tinbidel, li jirrikonoxxi t-tibdil fil-klima bħala wieħed mill-muturi diretti ewlenin tat-telf tal-bijodiversità u jenfasizza li l-effetti negattivi tiegħu fuq in-natura u l-bijodiversità, is-servizzi ekosistemiċi, l-oċeani u s-sigurtà tal-ikel mistennija jsiru dejjem aktar sinifikanti fid-deċennji li ġejjin; jissottolinja li l-IPCC jwissi wkoll li, fil-preżent, is-saħħa tal-ekosistemi tal-oċeani u tal-baħar hija affettwata mit-tisħin globali, it-tniġġis, l-isfruttament eċċessiv tal-bijodiversità tal-baħar, l-għoli fil-livelli tal-baħar, l-aċidifikazzjoni, id-deossiġenazzjoni, il-mewġiet ta' sħana fil-baħar, it-tidwib bla preċedent tal-glaċieri u s-silġ tal-baħar, l-erożjoni kostali u diżastri naturali aktar frekwenti, li qed jaffettwaw l-ekosistemi tal-baħar u tal-kosta billi jimmodifikaw il-funzjonament tagħhom u jaċċeleraw it-tnaqqis fil-popolazzjoni tal-mammiferi u l-ħut, kif ukoll l-għajbien drammatiku tal-iskollijiet tal-qroll u l-mangrovji; ifakkar li l-oċeani huma parti mis-soluzzjoni għall-mitigazzjoni tal-effetti tat-tibdil fil-klima u għall-adattament għalihom; jitlob, għaldaqstant, li l-UE tagħti prijorità lill-oċeani fl-istrateġija tagħha għall-bijodiversità, u jistieden lill-Partijiet kollha tal-KDB (“il-Partijiet”) jirrikonoxxu l-oċeani bħala ġid komuni tal-umanità, sabiex jiġi żviluppat approċċ ġdid li jpoġġi r-responsabbiltajiet individwali u kollettivi f'livell ferm ogħla mill-prinċipji tradizzjonali tal-libertà u s-sjieda tal-oċeani u b'hekk tiġi żgurata l-preservazzjoni tagħhom;

4.

Jemmen li qed niffaċċjaw emerġenza ambjentali li tirrikjedi azzjoni sinifikanti kemm fil-livell tal-UE kif ukoll globalment; jistieden lill-Kummissjoni biex, fil-Patt Ekoloġiku Ewropew, flimkien mat-tibdil fil-klima tagħti prijorità ewlenija lill-protezzjoni u r-restawr tan-natura;

5.

Jinnota bi tħassib li l-Miri tal-Bijodiversità ta' Aichi għall-2020 mhumiex ser jintlaħqu bit-trajettorja preżenti tat-telf tal-bijodiversità, u jerġa' jistieden lill-Partijiet kollha jżidu b'urġenza l-isforzi tagħhom; jiddispjaċih li l-UE mhijiex fi triqitha biex tilħaq il-mira ewlenija tagħha li twaqqaf it-telf tal-bijodiversità u d-degradazzjoni tal-ekosistema sal-2020; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimpenjaw ruħhom fi sforzi obbligatorji immedjati, sostanzjali u addizzjonali fil-konservazzjoni u r-restawr tal-bijodiversità sabiex jintlaħqu l-miri globali u tal-UE u jingħata kontribut biex jintlaħqu l-miri ta' Aichi;

6.

Ifakkar li l-bijodiversità u ekosistemi b'saħħithom, inklużi l-oċeani, li jassorbu aktar minn 25 % tal-emissjonijiet ta' CO2 u li huma l-fornitur ewlieni tal-ossiġnu, huma kruċjali biex jintlaħqu l-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi u jissaħħu l-kapaċitajiet tal-UE f'dak li għandu x'jaqsam mar-reżiljenza u l-adattament għat-tibdil fil-klima; jinnota b'dispjaċir li 7 % biss tal-oċeani huma protetti formalment; ifakkar fl-importanza li jiġu żviluppati u implimentati soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura għall-preservazzjoni tal-bijodiversità u għall-mitigazzjoni u l-adattament għat-tibdil fil-klima, speċjalment fl-assorbiment tal-karbonju; jitlob, għalhekk, li l-Konvenzjonijiet ta' Rio (6) jkollhom aktar konsistenza u sinerġija bejniethom u li jkunu allinjati aħjar mal-Aġenda 2030 tan-NU għall-Iżvilupp Sostenibbli; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-integrazzjoni sħiħa tal-bijodiversità fil-politiki tagħha dwar il-klima;

7.

Jilqa' l-Appell ta' Beijing għall-Konservazzjoni tal-Bijodiversità u t-Tibdil fil-Klima tas-6 ta' Novembru 2019;

8.

Jisħaqli l-kompromessi bejn il-protezzjoni tal-klima u l-protezzjoni tal-bijodiversità għandhom jiġu dejjem evitati, b'mod partikolari fis-settur tal-bijoekonomija, li jista' jkollu rwol ċentrali fit-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima, dment li ma jheddidx il-kwalità tal-ekosistemi; jesprimi t-tħassib tiegħu li kompromessi bħal dawn ma ġewx indirizzati biżżejjed f'diskussjonijiet reċenti dwar din il-politika; jappella lill-Kummissjoni u lill-partijiet ikkonċernati kollha jiżviluppaw approċċ koeżiv sabiex tinbena bijoekonomija verament sostenibbli bbażata fuq il-konservazzjoni tan-natura u fuq soluzzjonijiet oħra bbażati fuq l-ekosistema, billi approċċ bħal dan joffri l-aħjar riżultati kemm għall-klima kif ukoll għall-bijodiversità;

9.

Jenfasizza li l-bijodiversità mhijiex biss indispensabbli għall-produzzjoni tal-ikel, il-fjuwil u l-mediċini iżda, flimkien ma' ambjent naturali san, hija wkoll importanti għall-iżvilupp ekonomiku fit-tul;

10.

Jilqa' l-impenji meħuda minn Ursula von der Leyen fil-linji gwida politiċi tal-Kummissjoni 2019-2024 u fl-ittra ta' missjoni tal-10 ta' Settembru 2019 lill-Kummissarju għall-Ambjent u l-Oċeani, biex – fl-ewwel 100 jum tal-Kummissjoni fil-kariga – tiġi ppreżentata Strateġija għall-Bijodiversità ambizzjuża għall-2030 bħala parti mill-Patt Ekoloġiku Ewropew, u l-intenzjoni tagħha li l-UE tmexxi lid-dinja fil-Konferenza tal-Partijiet għall-KDB tal-2020, kif għamlet fil-Konferenza ta' Pariġi dwar il-Klima tal-2015; jinsisti li din tkun prijorità għolja għall-Kummissjoni l-ġdida u li l-UE tiggalvanizza l-ambizzjoni globali f'dak li għandu x'jaqsam mal-bijodiversità bi tħejjija għall-COP15; jistieden lill-Kummissjoni biex, fid-dawl tal-kriżi globali tal-bijodiversità enfasizzata fir-rapport reċenti tal-IPBES, tadotta approċċ ġdid u, minflok impenji volontarji, tipproponi Strateġija għall-Bijodiversità ambizzjuża u inklużiva għall-2030 li tistabbilixxi miri legalment vinkolanti għall-UE u għall-Istati Membri tagħha, inklużi miri speċifiċi biex jintlaħqu tal-inqas 30 % taż-żoni terrestri u marini protetti u r-restawr ta' tal-inqas 30 % tal-ekosistemi degradati fil-livell tal-Unjoni sal-2030;

11.

Jemmen li f'din l-istrateġija l-ġdida għandha tingħata attenzjoni speċjali lir-restawr tal-ekosistemi, tal-ħabitats u tal-ispeċijiet – partikolarment permezz tar-riċerka u l-innovazzjoni – biex tiġi promossa ekonomija bbażata fuq in-natura fis-setturi kollha, li huwa kruċjali biex jintlaħqu l-miri tal-bijodiversità;

12.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jitolbu lill-COP15 tadotta dispożizzjonijiet dwar analiżi tal-prospettivi, il-valutazzjoni tat-teknoloġija u l-monitoraġġ ta' żviluppi teknoloġiċi ġodda, inklużi dawk li jirriżultaw mill-bijoloġija sintetika;

13.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex fil-COP15 jappellaw għal moratorju globali fuq ir-rilaxxi ta' organiżmi ta' sfurzar ġenetiku fin-natura, inklużi fil-provi fuq il-post, sabiex dawn it-teknoloġiji l-ġodda ma jitħallewx jiġu rilaxxati qabel iż-żmien u biex jitħares il-prinċipju ta' prekawzjoni, li huwa stabbilit fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea kif ukoll fil-KDB;

14.

Jenfasizza li l-protezzjoni u l-konservazzjoni tal-bijodiversità globali jikkostitwixxu sfida essenzjali u, bħala kwistjoni ta' interess strateġiku għall-UE, għandhom jingħataw l-akbar attenzjoni politika; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkollaboraw attivament ma' pajjiżi terzi – b'mod partikolari permezz ta' strumenti ta' azzjoni esterna bħall-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI) – sabiex jippromwovu u jistabbilixxu miri għall-miżuri u l-governanza tal-protezzjoni, il-konservazzjoni u r-restawr tal-bijodiversità, speċjalment f'dak li għandu x'jaqsam ma' ftehimiet multilaterali u kummerċjali u miżuri kontra n-nonkonformità; jistieden lill-Kummissjoni biex, għaldaqstant, tinkludi kapitli vinkolanti u infurzabbli dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli fil-ftehimiet kummerċjali kollha tal-futur;

15.

Ifakkar fil-pożizzjoni tiegħu stess li 45 % tal-fondi tal-NDICI għandhom jiġu allokati għal investimenti li jikkontribwixxu għall-objettivi klimatiċi, il-ġestjoni u l-protezzjoni ambjentali, il-bijodiversità u l-ġlieda kontra d-deżertifikazzjoni;

16.

Jisħaq fuq il-ħtieġa ta' approċċ ta' governanza komprensiv u f'diversi livelli li jindirizza l-protezzjoni, il-konservazzjoni, ir-restawr u l-użu sostenibbli tal-bijodiversità u tas-servizzi ekosistemiċi; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jibqgħu impenjati b'mod qawwi biex ikomplu jsaħħu l-KDB, jassumu rwol ewlieni fit-tħejjija għall-qafas ta' wara l-2020, b'mod partikolari bi tħejjija għall-COP15, jimpenjaw ruħhom dwar il-bijodiversità bħalma sar għall-mira ta' 1,5 oC fil-Ftehim ta' Pariġi, u jistabbilixxu b'mod trasparenti l-viżjonijiet u l-prijoritajiet tagħhom għall-qafas globali tal-bijodiversità għal wara l-2020;

17.

Ifakkar li l-bijodiversità u l-preservazzjoni tal-ekosistemi huma intrinsikament sinerġistiċi u fundamentali biex jintlaħqu l-SDGs; jenfasizza l-ħtieġa u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimplimentaw l-integrazzjoni effettiva tan-natura u l-bijodiversità mal-miri tal-bijodiversità fis-setturi kollha, jimmodifikaw il-mudell ekonomiku billi jmorru fid-direzzjoni ta' aktar sostenibbiltà li tindirizza l-impronta tal-UE, u jtejbu l-koerenza tal-politika ambjentali fil-politiki interni u esterni kollha tal-UE, inkluż fl-agrikoltura, is-sajd, l-enerġija rinnovabbli, it-trasport, il-kummerċ u l-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) għall-2021-2027; iqis li hemm bżonn kollaborazzjoni akbar fis-setturi kollha biex il-protezzjoni, il-konservazzjoni u r-restawr tal-bijodiversità jiġu integrati aħjar; jenfasizza li għandha tingħata attenzjoni speċjali liċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodotti mill-konċepiment sal-konsum, biex jiġu protetti r-riżorsi naturali u jitqiesu l-impatti akkumulati inkluż it-trasport;

18.

Jemmen fil-kritiċità li jiġu indirizzati l-fatturi ewlenin tat-telf tal-bijodiversità b'approċċ strateġiku fit-tul u li jiġu identifikati u salvagwardati b'urġenza l-aktar hotspots kritiċi u strateġiċi tal-bijodiversità u s-servizzi ekosistemiċi – kif ukoll l-ekosistemi ta' integrità għolja – abbażi tas-sensittività ta' kull żona, il-preżenza ta' speċijiet fil-periklu, il-lakuni fl-għarfien u/jew il-ġestjoni effettiva, u l-preżenza ta' speċijiet komuni li huma fundamentali għall-proċessi ekoloġiċi, u li jiġu limitati t-telf tal-bijodiversità u l-effetti negattivi fuq it-territorji u l-għajxien tal-komunitajiet indiġeni u lokali;

19.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħmlu pressjoni fuq il-COP15 biex jiżguraw li l-kunsens liberu, minn qabel u infurmat tal-popli indiġeni u tal-komunitajiet lokali jintalab u jinkiseb qabel ir-rilaxx ta' kwalunkwe teknoloġija li jista' jkollha impatt fuq l-għarfien tradizzjonali, l-innovazzjoni, il-prattiki, l-għajxien u l-użu tal-art, tar-riżorsi u tal-ilma tagħhom; jenfasizza li dan għandu jsir b'mod parteċipattiv li jkun jinvolvi lill-komunitajiet kollha potenzjalment milquta qabel kwalunkwe użu;

20.

Itenni li minkejja l-importanza tar-restawr, dan l-aspett għadu prattikament injorat mill-Istati Membri fil-kuntest tal-Isfida ta' Bonn;

21.

Jenfasizza li l-emerġenza klimatika u l-konsegwenzi tat-telf tal-massa tal-bijodiversità jikkostitwixxu theddida serja għad-drittijiet tal-bniedem; ifakkar li, mingħajr ambjent san, id-drittijiet fundamentali tal-bniedem għall-ħajja, is-saħħa, l-ikel u l-ilma sikur ikunu f'riskju; jistieden lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) jaħdmu favur strateġija tal-UE biex jitħares id-dritt għal ambjent san, permezz ta' ħidma mill-qrib ma' pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet Umani (OHCHR), li dan l-aħħar nieda strateġija konġunta mal-Programm Ambjentali tan-NU (UNEP);

L-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni u tal-Pjan Strateġiku għall-Bijodiversità 2011-2020

22.

Jilqa' d-deċiżjoni meħuda waqt il-COP14 fl-Eġittu, li tħeġġeġ lill-Partijiet biex, fost l-oħrajn, iħaffu b'mod sinifikanti l-isforzi tagħhom biex jimplimentaw il-Pjan Strateġiku għall-Bijodiversità 2011-2020 u jikkunsidraw il-possibbiltà li jwettqu valutazzjonijiet dwar il-bijodiversità u l-funzjonijiet u s-servizzi ekosistemiċi fil-livell nazzjonali; iqis li hu tal-akbar importanza li jiżdiedu l-isforzi fl-implimentazzjoni tal-Pjan Strateġiku għall-Bijodiversità 2011-2020, ikun hemm enfasi fuq il-kisba tal-Miri tal-Bijodiversità ta' Aichi u l-Protokoll ta' Nagoya dwar l-ABS u ssir ħidma fuq pjan strateġiku u mekkaniżmu ta' implimentazzjoni ambizzjuż għal wara l-2020 li jinkludi formalment l-awtoritajiet lokali u reġjonali u, fir-rigward tax-xenarju għall-2050, jitqiesu l-isfidi l-ġodda fil-qasam tal-bijodiversità f'konformità mal-għanijiet tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli;

23.

Jinnota bi tħassib li fl-UE, skont il-valutazzjonijiet (7) tal-istatus ta' konservazzjoni tal-ispeċijiet u t-tipi ta' ħabitats ta' interess għall-konservazzjoni, huma biss 7 % tal-ispeċijiet tal-baħar u 9 % tat-tipi ta' ħabitats tal-baħar li juru “status ta' konservazzjoni favorevoli” u li 27 % tal-valutazzjonijiet tal-ispeċijiet u 66 % tal-valutazzjonijiet tat-tipi ta' ħabitats juru “status ta' konservazzjoni sfavorevoli”; jenfasizza wkoll li, skont l-istess valutazzjonijiet, 48 % tal-ispeċijiet ta' annimali u pjanti tal-baħar li għandhom evoluzzjoni demografika magħrufa naqsu kostantement tul l-aħħar għaxar snin, u għalhekk qed jiżdied ir-riskju li speċijiet monitorjati jsiru estinti;

Il-qafas globali tal-bijodiversità għal wara l-2020

24.

Jilqa' l-progress li sar fil-COP14 dwar proċess komprensiv u parteċipattiv biex jiġi żviluppat qafas globali tal-bijodiversità għal wara l-2020; jappoġġja l-Karta ta' Metz dwar il-Bijodiversità adottata mill-G7;

25.

Jenfasizza l-bżonn li jiżdiedu l-ambizzjoni, l-inklużività u l-funzjonament tal-qafas globali tal-bijodiversità għal wara l-2020; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-mekkaniżmi ta' implimentazzjoni tal-KDB, u jsegwu attivament l-iżvilupp ta' miri ambizzjużi u legalment vinkolanti, skadenzi dettaljati, indikaturi tal-prestazzjoni ċari, strumenti ta' traċċar u mekkaniżmi ta' rappurtar/evalwazzjoni bejn il-pari bbażati fuq standards komuni – idealment f'kooperazzjoni mal-awtoritajiet subnazzjonali – biex jitjiebu t-trasparenza u r-responsabbiltà tal-Partijiet u l-effikaċja ġenerali tal-pjan strateġiku għall-bijodiversità li jmiss;

26.

Jenfasizza li hemm bżonn qafas internazzjonali fl-għamla ta' ftehim globali u legalment vinkolanti biex titħares il-bijodiversità globali, jitwaqqaf id-deterjorament attwali tagħha u jiġu restawrati l-aspetti kollha tal-bijodiversità; jemmen li tali qafas irid ikun ibbażat fuq miri speċifiċi, miżurabbli, kwantifikabbli, ambizzjużi, realistiċi, settorjali u bi skadenzi preċiżi, kif ukoll fuq impenji sodi, li jinkludu strateġiji u pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali aktar b'saħħithom dwar il-bijodiversità u strumenti oħra adatti bħal pjanijiet ta' azzjoni subnazzjonali, impenji finanzjarji u garanziji ta' tisħiħ tal-kapaċitajiet aqwa, kif ukoll mekkaniżmu ta' monitoraġġ u rieżami kull ħames snin, b'enfasi fuq trajettorja ta' ambizzjoni akbar; jenfasizza l-bżonn ta' rappurtar regolari mill-Partijiet u armonizzazzjoni fil-ġbir u t-trattament ta' data u indikaturi komparabbli u konsistenti għal proċess ta' monitoraġġ tajjeb;

27.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jitolbu li l-Qafas Globali tal-Bijodiversità għal wara l-2020 jistabbilixxi, bħala l-pilastri ewlenin, il-prinċipju tal-prekawzjoni, approċċ ibbażat fuq id-drittijiet u l-analiżi tal-prospettivi, il-valutazzjoni u l-monitoraġġ tat-teknoloġija, fir-rigward tal-adozzjoni ta' teknoloġiji ġodda;

28.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu d-definizzjoni ta' mira globali ġdida biex sal-2030 titreġġa' lura l-kurva tat-telf tal-bijodiversità globali u biex in-natura titqiegħed fit-triq tar-riġenerazzjoni għall-benefiċċju ta' kulħadd u jingħata kontribut għall-protezzjoni tal-bijodiversità, għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih, għall-ġlieda kontra d-deżertifikazzjoni u d-degradazzjoni tal-art, u għaż-żieda fis-sigurtà tal-ikel; jistieden lill-UE tinsisti fuq livell ogħla ta' ambizzjoni waqt in-negozjati u potenzjalment titlob il-protezzjoni ta' nofs il-pjaneta sal-2050; huwa tal-fehma li fil-qafas ta' wara l-2020 għandu jkun minqux objettiv ta' konservazzjoni globali ċar ta' mill-inqas 30 % taż-żoni naturali u r-restawr ta' 30 % tal-ekosistemi degradati li jistgħu jiġu restawrati, u li l-UE għandha tistabbilixxi objettivi simili internament;

29.

Jissottolinja li l-isforzi u l-ftehimiet internazzjonali jiġu rispettati biss jekk il-partijiet ikkonċernati kollha jkunu involuti attivament; jitlob il-ħolqien ta' koalizzjoni ta' partijiet ikkonċernati, kemm mis-settur privat kif ukoll mis-settur pubbliku, biex jiġi implimentat il-qafas globali tal-bijodiversità għal wara l-2020; jindika l-utilità tal-“aġenda ta' soluzzjonijiet” imfassla fl-ambitu tal-Ftehim ta' Pariġi biex tiġi żviluppata aġenda pożittiva għall-partijiet ikkonċernati kollha rilevanti fl-ambitu tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) u jitlob l-inklużjoni ta' azzjonijiet simili fil-qafas ta' wara l-2020;

30.

Jenfasizza l-importanza li jiġi minimizzat id-dewmien li jista' jinqala' bejn l-adozzjoni tal-qafas globali tal-bijodiversità għal wara l-2020 u t-traduzzjoni tiegħu f'miri nazzjonali u pjanijiet ta' azzjoni subnazzjonali dwar il-bijodiversità sabiex jiġi evitat dewmien fit-teħid ta' azzjonijiet konkreti biex jitwaqqaf it-telf tal-bijodiversità;

L-Istrateġija għall-Bijodiversità 2030 tal-UE

31.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tfassal strateġija li tindirizza l-muturi ewlenin tat-telf tal-bijodiversità, kemm internament kif ukoll globalment;

32.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw il-konsistenza tal-istrateġija “mill-għalqa sal-platt” u l-ambizzjoni ta' tniġġis żero mal-Politika Agrikola Komuni wara l-2020, b'mod partikolari biex jiġi indirizzat it-tnaqqis fl-użu tal-pestiċidi;

33.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) jinkludu komponenti ta' kontroll fir-rigward tal-bijodiversità fl-istrumenti finanzjarji tagħhom sabiex jiġu evitati effetti negattivi fuq il-bijodiversità; jistieden lill-BEI jaġġorna l-istandards ambjentali u soċjali tiegħu f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Istrateġija għall-Bijodiversità għall-2030;

34.

Jitlob li jkun hemm mira legalment vinkolanti fl-UE kollha biex il-ħabitats degradati jiġu restawrati sal-2030, permezz tar-restawr ta' foresti naturali, torbieri, pjanuri tal-għargħar, artijiet mistagħdra, bwar rikki fil-bijodiversità, żoni kostali u żoni tal-baħar; jiddispjaċih li l-Istrateġija għall-Bijodiversità 2020 naqset milli tilħaq il-mira li jiġu rrestawrati 15 % tal-ekosistemi degradati;

35.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-BEI jinkludu komponenti ta' kontroll tal-bijodiversità fl-azzjoni esterna tagħhom, b'mod partikolari fl-istrumenti finanzjarji esterni tagħhom, sabiex jiġi żgurat li l-ebda skema ta' finanzjament jew fond tal-UE ma tikkontribwixxi għat-telf nett tal-bijodiversità;

36.

Huwa tal-fehma li l-ambizzjoni globali tal-UE trid tkun konsistenti mal-azzjonijiet fit-territorju tagħha fil-qafas tal-Istrateġija għall-Bijodiversità 2030 tal-UE;

37.

Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi t-tnaqqis tal-impronta globali tal-UE bħala punt fokali importanti tal-Istrateġija għall-Bijodiversità 2030 tal-UE sabiex tiġi evitata l-inkonsistenza bejn l-azzjonijiet interni u internazzjonali tagħha;

Kunsiderazzjonijiet ekonomiċi u finanzjament

38.

Jilqa' l-ftehim milħuq fil-COP14 minn 196 gvern biex jiżdiedu l-investimenti fin-natura u fin-nies sal-2020 u lil hinn; jenfasizza li l-uniku mod kif it-tkabbir ekonomiku jista' jiffaċilita l-iżvilupp sostenibbli huwa billi jkun diżakkoppjat kompletament mid-degradazzjoni tal-bijodiversità u tal-kapaċità tal-ambjent naturali li jikkontribwixxi għall-benessri tan-nies;

39.

Jenfasizza l-ħtieġa ta' finanzjament xieraq u suffiċjenti għall-bijodiversità; jitlob li fil-QFP li jmiss jiġu inklużi miżuri ta' titjib tal-bijodiversità u ta' protezzjoni klimatika kif ukoll żieda fl-integrazzjoni tal-bijodiversità fl-oqsma ta' politika kollha sabiex isir progress sinifikanti u pożittiv lejn il-kisba tal-Viżjoni 2050; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jistabbilixxu mira ċara ta' nfiq għall-integrazzjoni tal-bijodiversità ta' mill-inqas 10 % fil-QFP, b'mod addizzjonali għall-infiq fuq l-integrazzjoni tal-klima; jenfasizza, barra minn hekk, il-ħtieġa li tiġi stabbilita metodoloġija aktar trasparenti, komprensiva u stretta għall-intraċċar tan-nefqa fuq il-klima u l-bijodiversità; itenni l-appelli tiegħu biex il-livell ta' finanzjament attwali tal-programm LIFE tal-anqas jirdoppja; jitlob, barra minn hekk, l-eliminazzjoni gradwali ta' sussidji dannużi u li tiġi żgurata l-koerenza bejn il-fondi u l-programmi kollha tal-UE sabiex l-ebda nefqa taħt il-baġit tal-UE ma tkun tista' tikkontribwixxi għat-telf tal-bijodiversità;

40.

Jenfasizza li l-integrazzjoni tal-bijodiversità jeħtieġ tkun akkumpanjata minn ġbir ta' data; jinnota bi tħassib li r-riċerka bażika, inkluża t-tassonomija, li hija kruċjali għal dan l-iskop, għandha nuqqas sinifikanti ta' riżorsi u ma tirċevix livell suffiċjenti ta' finanzjament għall-politika u r-riċerka; jitlob finanzjament adegwat għall-proġetti ta' riċerka bażika u l-bini tal-kapaċità li għandhom jiġu allokati taħt Orizzont Ewropa u li l-assi ta' assistenza teknika ta' fondi oħra tal-UE jintużaw għal dan l-iskop;

41.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu l-ħolqien ta' mekkaniżmi finanzjarji internazzjonali addizzjonali għall-protezzjoni u l-konservazzjoni tal-bijodiversità marbuta mal-KDB filwaqt li jsiru l-isforzi kollha favur l-integrazzjoni tal-bijodiversità fil-fondi eżistenti; jinnota li l-attivitajiet ekonomiċi jistgħu jkunu xprunaturi importanti tat-tnaqqis tal-bijodiversità globali u tat-telf tal-kapital naturali; jistieden għalhekk lin-negozji u lill-organizzazzjonijiet finanzjarji jieħdu impenji b'saħħithom u jikkondividu kontribuzzjonijiet għall-bijodiversità, inkluż billi jissottoponu l-attivitajiet tagħhom għal kontrolli tal-bijodiversità, u jenfasizza l-importanza li jiġu stimulati inizjattivi ta' finanzjament privat f'dan ir-rigward; jiddispjaċih għall-inkonsistenza tas-settijiet ta' data dwar il-flussi ta' finanzjament għall-bijodiversità li ġejjin minn sorsi pubbliċi u privati domestiċi u internazzjonali, li jqiegħdu f'riskju s-sistemi ta' traċċar u rapportar u jaffettwaw b'mod negattiv kwalunkwe riforma potenzjali; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-BEI jiżviluppaw standards koerenti dwar settijiet ta' data dwar il-flussi ta' finanzjament għall-bijodiversità; jenfasizza li l-pjan ta' finanzjament sostenibbli tal-futur irid jgħin lill-parteċipanti fis-swieq finanzjarji jifhmu r-riskji relatati mat-telf tal-bijodiversità tagħhom billi jinkludu l-bijodiversità fir-rekwiżiti ta' divulgazzjoni finanzjarja;

42.

Jenfasizza l-importanza li jiżdied l-investiment, inkluż f'soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura u inizjattivi korrispondenti, li jirriżultaw f'kobenefiċċji għall-bijodiversità u l-azzjoni klimatika li mbagħad inaqqsu l-impatt tat-tibdil fil-klima fuq il-bijodiversità, filwaqt li jiġu eliminati gradwalment investimenti li jagħmlu ħsara lill-ambjent; ifakkar li l-maġġoranza tal-investimenti magħmula fil-qafas tal-Ftehim ta' Pariġi għandhom jintużaw biex tiġi ppreservata u rrestawrata l-bijodiversità; jiddispjaċih li minkejja l-potenzjal ta' soluzzjonijiet klimatiċi naturali, l-isforzi ta' sekwestru minn fuq l-art jibbenefikaw minn madwar 2,5 % biss tal-baġit globali għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima; jitlob żieda fl-użu tal-finanzjament għall-klima min-naħa tal-UE u fil-livell internazzjonali biex jiġu protetti u restawrati l-ekosistemi naturali bħala mod li bih jinkisbu benefiċċji kondiviżi bejn il-bijodiversità u l-mitigazzjoni u l-adattament għat-tibdil fil-klima;

43.

Jilqa' d-deċiżjoni tal-Grupp tal-BEI li jallinja l-attivitajiet ta' finanzjament tiegħu mal-għanijiet tal-Ftehim ta' Pariġi u li jiddedika mill-inqas 50 % tal-finanzjament tal-BEI għall-azzjoni klimatika; jistieden lill-BEI jkompli jespandi miżuri ta' protezzjoni u konservazzjoni tal-bijodiversità fi ħdan il-pakkett finanzjarju tiegħu; jistieden lill-Kummissjoni tikkollabora mal-Istati Membri u s-settur finanzjarju biex jallinjaw l-attivitajiet tagħhom mal-Ftehim ta' Pariġi u tiżgura l-verifika fir-rigward tal-klima u tal-bijodiversità tat-tranżazzjonijiet u l-investimenti fil-livell tal-UE u lil hinn minnha;

44.

Jirrimarka li organizzazzjonijiet internazzjonali bħalma huma l-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI), l-UNEP u l-OECD jaqblu li t-tassazzjoni ambjentali hija għodda essenzjali biex jiġu indirizzati sfidi ambjentali bħat-telf tal-bijodiversità; jilqa' inizjattivi bħall-“Green Fiscal Policy Network” (in-Netwerk ta' Politika Fiskali Ekoloġika) tal-UNEP u l-FMI biex jiġu ffaċilitati l-kondiviżjoni tal-għarfien u d-djalogu dwar riforma fiskali ekoloġika; jiġbed l-attenzjoni lejn it-tielet mira ta' Aichi u l-ħtieġa ta' inċentivi pożittivi għall-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-bijodiversità kif ukoll fir-rigward tal-SDG 15 u l-ħtieġa li r-riżorsi finanzjarji jiġu mobilizzati u miżjuda b'mod sinifikanti mis-sorsi kollha għall-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-bijodiversità u l-ekosistemi; jenfasizza, għalhekk, il-potenzjal ta' tassazzjoni ambjentali ġusta – li hi konformi mal-prinċipju ta' min iniġġes iħallas – bħala mod kif titnaqqas il-ħsara lill-ambjent u jiġu ġġenerati riżorsi finanzjarji għall-protezzjoni tan-natura; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jorjentaw mill-ġdid is-sistemi tat-taxxa lejn użu akbar ta' tassazzjoni ambjentali;

45.

Jinnota bi tħassib li 8,3 % biss tal-impenji finanzjarji totali huma relatati ma' miżuri maħsuba biex ireġġgħu lura d-deklin tal-bijodiversità, u dan huwa l-aktar perċentwal baxx mill-2015, minkejja r-rata ta' estinzjoni mingħajr preċedent u aċċelerata tal-ispeċijiet osservati; jitlob lill-Kummissjoni żżid l-allokazzjoni tar-riżorsi biex tiġi żgurata l-protezzjoni fit-tul u koerenti tal-bijodiversità fl-UE kollha; jinsisti li l-QFP li jmiss għandu jiddependi fuq metodoloġija robusta sabiex tiġi traċċata l-bijodiversità u jiġi evitat ir-riskju ta' sopravalutazzjoni tal-azzjoni favur il-bijodiversità;

Il-forestrija, l-agrikoltura, is-sajd u l-ħamrija

46.

Jenfasizza li l-attivitajiet agrikoli u tas-sajd, ħamrija b'saħħitha u l-konservazzjoni tal-bijodiversità huma marbutin mill-qrib ma' xulxin; jinnota l-impatti negattivi ta' agrikoltura, forestrija u sajd insostenibbli fuq il-bijodiversità; jenfasizza, madankollu, li agrikoltura, forestrija u sajd sostenibbli jistgħu jnaqqsu l-effetti negattivi fuq il-varjetà ta' speċijiet, ħabitats u ekosistemi u l-effetti tat-tibdil fil-klima;

47.

Jistieden għalhekk lill-UE u lill-Partijiet juru impenji b'saħħithom lejn sistemi tal-ikel, agrikoltura, forestrija u sajd sostenibbli, inklużi rekwiżiti u strateġiji għall-użu sostenibbli ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u nutrijenti, it-tnaqqis fl-użu tal-pestiċidi u l-protezzjoni tal-ħamrija, il-ħabitats u l-ispeċijiet li jipprovdu servizzi ekosistemiċi ewlenin, bħad-dakra, kif ukoll żieda fis-selettività biex jitnaqqsu l-impatti akkumulati fuq l-ekosistemi tal-baħar u kostali u biex ikun hemm parteċipazzjoni fl-irkupru tal-istokkijiet tal-ħut f'żoni sensittivi u ta' sajd eċċessiv; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi miri vinkolanti ta' tnaqqis fl-UE kollha fir-reviżjoni li jmiss tad-Direttiva tal-UE dwar l-użu sostenibbli tal-pestiċidi (2009/128/KE) u lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-gvernijiet reġjonali biex jindirizzaw l-appoġġ għall-agrikoltura, il-forestrija u s-sajd lejn prattiki sostenibbli u skemi ekoloġiċi;

48.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw b'mod finanzjarju l-prattiki tal-biedja u tal-forestrija li jkunu konsistenti mal-miri tal-bijodiversità, bħall-ġestjoni integrata tal-organiżmi ta' ħsara u tan-nutrijenti, l-agrikoltura organika, il-prattiki agroekoloġiċi, il-prattiki ta' konservazzjoni tal-ħamrija u tal-ilma, l-agrikoltura ta' konservazzjoni, l-agroforestrija, is-sistemi ta' silvipastoraliżmu, il-ġestjoni tal-irrigazzjoni, sistemi żgħar jew korrettivi, u prattiki li jtejbu l-benessri tal-annimali;

49.

Ifakkar li skont il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-Tisħiħ tal-Azzjoni tal-UE għall-Protezzjoni u għar-Restawr tal-Foresti tad-Dinja, il-foresti huma indispensabbli għas-sistemi tagħna ta' appoġġ għall-ħajja tal-pjaneta, filwaqt li jkopru 30 % taż-żona tal-art tad-dinja u jospitaw 80 % tal-bijodiversità tagħha; jenfasizza li d-deforestazzjoni hija kawża ewlenija tad-deklin tal-bijodiversità u li l-użu tal-art, bdil fl-użu tal-art u l-emissjonijiet mill-forestrija marbuta mad-deforestazzjoni huma kawża sinifikanti tat-tibdil fil-klima; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-impatt tal-konsum tal-UE fuq id-deforestazzjoni peress li l-UE hija l-konsumatur finali ta' 10 % tal-prodotti assoċjati mad-deforestazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tadotta definizzjoni unifikata u unika għat-terminu ta' “ma jikkontribwixxux għad-deforestazzjoni”;

50.

Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi sett komprensiv ta' miżuri biex jitnaqqas l-impatt tal-konsum tal-UE fuq l-art, inkluża leġiżlazzjoni, abbażi tad-diliġenza dovuta, li tiżgura ktajjen ta' provvista sostenibbli u mingħajr deforestazzjoni għall-prodotti introdotti fis-suq tal-UE, kif ukoll pjan ta' azzjoni tal-UE dwar iż-żejt tal-palm; huwa tal-fehma li l-azzjoni tal-UE kontra d-deforestazzjoni għandha tindirizza l-ixprunaturi ewlenin tagħha, bħaż-żejt tal-palm, is-sojja, iċ-ċanga u l-kakaw; jitlob lill-Kummissjoni biex, malajr kemm jista' jkun, telimina gradwalment il-bijofjuwils użati fl-UE li huma ferm probabbli li jikkawżaw bidliet indiretti fl-użu tal-art;

51.

Jenfasizza li l-politiki tal-foresti jridu jkunu konsistenti, jiġġieldu t-telf tal-bijodiversità u l-impatti tat-tibdil fil-klima b'mod ugwali, u jżidu l-bjar naturali tal-UE filwaqt li jipproteġu, jikkonservaw u jtejbu l-bijodiversità;

52.

Jenfasizza li l-ebda effett sostituttiv ta' prodotti bbażati fuq il-foresti ma jikkumpensa għat-telf tal-foresti primordjali u primarji, li huma rikonoxxuti bħala insostitwibbli (8) u għandhom jiġu protetti bi strumenti legali u ta' inċentiv li jimmiraw għall-kumplessità, il-konnettività u r-rappreżentanza tagħhom;

53.

Jirrimarka li, skont il-Prospetti tal-Popolazzjoni Dinjija ta' Ġunju 2019, il-popolazzjoni tad-dinja mistennija tiżdied b'2 biljuni fit-30 sena li ġejjin, u dan iżid l-impatt tal-użu tal-art u tal-baħar fuq il-bijodiversità u s-sekwestru tal-karbonju; jinnota li ż-żieda fit-telf tal-bijodiversità tqiegħed is-sigurtà tal-ikel u tan-nutrizzjoni f'riskju; jistieden lill-Partijiet jippromwovu l-użu sostenibbli tal-bijodiversità fi programmi li jikkontribwixxu għas-sigurtà tal-ikel u jtejbu n-nutrizzjoni filwaqt li jikkontribwixxu biex jintlaħqu l-għanijiet tal-SDG, b'attenzjoni speċjali għall-SDG 2 (“żero ġuħ”);

Żoni urbani

54.

Jinnota li t-tniġġis, l-espansjoni urbana, l-issiġillar tal-ħamrija u l-qerda tal-ħabitats huma kawżi ewlenin oħra tal-qerda tal-bijodiversità; ifakkar li l-valutazzjoni globali dwar il-bijodiversità u s-servizzi ekosistemiċi tal-IPBES turi li mill-1992 is-superfiċje taż-żoni urbani rdoppjat u li 2 minn kull 3 ċittadini tal-UE jgħixu f'żoni urbani; jitlob valutazzjoni aħjar tar-rwol taż-żoni urbani u tal-ibliet fil-preservazzjoni tal-bijodiversità u l-involviment akbar tal-ibliet u tal-awtoritajiet lokali fid-definizzjoni ta' politiki għall-protezzjoni u l-konservazzjoni tal-bijodiversità u servizzi tal-ekosistema kif ukoll il-monitoraġġ, ir-rapportar u l-verifika;

55.

Jinsisti li qed jiġi sottovalutat il-potenzjal tal-bliet li jgħinu fil-protezzjoni tas-servizzi tal-ekosistema u tal-bijodiversità; ifakkar li t-titjib tal-benefiċċji mill-bijodiversità, mis-servizzi tal-ekosistema u mill-infrastruttura ekoloġika urbana fil-bliet u ż-żoni periurbani jtejjeb is-saħħa tal-bniedem; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu l-inkorporazzjoni u l-integrazzjoni ulterjuri tal-funzjonijiet tal-bijodiversità u tal-ekosistemi fid-disinn urban, fil-politika u fl-ippjanar filwaqt li jnaqqsu l-emissjonijiet tal-karbonju u jtejbu l-adattament għat-tibdil fil-klima;

56.

Jinnota li ż-żoni urbani jista' jkollhom rwol trasformattiv fi ħdan l-UE f'termini ta' bijodiversità; jenfasizza li t-tniġġis mill-plastik u tal-ilma huma kawżi importanti għat-telf tal-bijodiversità; jemmen li ekonomija ċirkolari b'saħħitha, fil-kuntest tal-Pjan ta' Azzjoni ġdid għal Ekonomija Ċirkolari, tista' tkun strumentali fl-isforzi tal-UE li tirrestawra l-bijodiversità;

57.

Jiddeplora l-fatt li l-plastik u t-tniġġis, pereżempju minn impjanti tat-trattament tal-ilma, minn prodotti farmakoloġiċi u minn prattiki agrikoli mhux sostenibbli, bħall-użu ta' nutrijenti intensivi, jaffettwa b'mod qawwi s-saħħa tal-ekosistemi fl-oċeani;

Żoni protetti tal-UE

58.

Jappella li ssir analiżi fil-fond taż-żoni protetti kollha tal-UE, inklużi s-siti ta' Natura 2000, u li dawn iż-żoni jitjiebu, jkunu konnessi aħjar u jiġu estiżi; jissottolinja l-ħtieġa ta' metodu standardizzat għall-kalkolu ta' żoni protetti kif ukoll definizzjoni ċara ta' x'jikkostitwixxi “żona protetta” fl-UE; jenfasizza li fid-dawl tar-rapport reċenti tal-IPCC dwar l-oċean u l-krijosfera fi klima li qed tinbidel, hija meħtieġa valutazzjoni komprensiva u żieda sinifikanti ta' żoni kostali u tal-baħar protetti tal-UE kif ukoll il-governanza tagħhom; jitlob li ż-żoni protetti tal-baħar tal-UE jiġu estiżi biex jinkludu aktar ilmijiet lil hinn mill-kosta; jenfasizza li minbarra l-kwantità, il-kwalità taż-żoni protetti hija essenzjali biex jiġi evitat it-telf tal-bijodiversità u li għalhekk jeħtieġ titqiegħed aktar enfasi fuq ġestjoni tajba u sostenibbli;

59.

Jistieden lill-Kummissjoni tkompli tieħu azzjoni legali meta tistabbilixxi li l-liġijiet tal-UE dwar il-protezzjoni tan-natura ma jkunux qed jiġu rispettati; jirrimarka li l-proċeduri jridu jkunu aktar effiċjenti fil-qasam tal-ksur ambjentali minħabba r-riskju ta' ħsara irriversibbli għall-ambjent; jenfasizza li huwa neċessarju li jiġi żgurat b'mod urġenti l-infurzar xieraq tad-direttivi dwar in-natura u li jkun hemm segwitu trasparenti għall-ilmenti dwar ksur tal-leġiżlazzjoni;

60.

Jinnota li l-qafas ta' konservazzjoni tan-natura jista', soġġett għal implimentazzjoni dgħajfa, potenzjalment joħloq ambjent ostili għall-attivisti u l-konservazzjonisti u jwassal direttament jew indirettament biex tiġi pperikolata ħajjithom; jissottolinja l-fatt li l-qtil ta' ambjentalisti u konservazzjonisti għandu jiġi kkundannat b'mod attiv mill-UE;

61.

Jenfasizza li l-infrastruttura ekoloġika tipprovdi servizzi ekosistemiċi li jappoġġaw il-bijodiversità, billi pereżempju tiżdied il-kwantità ta' kurituri ekoloġiċi fl-ambjenti urbani;

Innovazzjoni, riċerka u edukazzjoni

62.

Ifakkar fl-importanza tal-innovazzjoni, ir-riċerka u l-iżvilupp biex jintlaħqu l-objettivi tal-Viżjoni 2050; jissottolinja l-importanza li jiġu appoġġati r-riċerka u x-xjenzi parteċipattivi biex jissaħħaħ l-għarfien, b'mod partikolari fir-rigward tal-oċeani, li ħafna minnhom ma ġewx esplorati; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill iżidu l-allokazzjoni tal-baġit għal Orizzont Ewropa għal EUR 120 biljun fil-QFP li jmiss, b'mod partikolari għall-benefiċċju tar-raggruppament tar-riżorsi naturali, li jinkludi kemm riċerka bażika kif ukoll applikata, pereżempju fil-qasam tat-tassonomija, u biex titnieda missjoni dwar il-protezzjoni u r-restawr tal-bijodiversità fi ħdan Orizzont Ewropa; jistieden lill-Partijiet jiffukaw b'mod partikolari fuq ir-rabtiet bejn il-preservazzjoni tal-bijodiversità u l-benefiċċji għas-saħħa tal-bniedem u l-benessri ekonomiku, u jikkoordinaw il-miżuri tal-ġbir ta' data;

63.

Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa aktar riċerka dwar l-effetti tal-użu tal-art u l-bdil fl-użu tal-art, inklużi d-deforestazzjoni u l-produzzjoni tal-bijoenerġija, kif ukoll dwar l-emissjonijiet ta' gassijiet serra, u tqis ir-riżultati fit-tfassil tal-politika tal-ġejjieni;

64.

Jinnota li, skont l-Istrateġija Ewropea għall-Plastiks adottata fis-16 ta' Jannar 2018, il-150 miljun tunnellata ta' plastik li akkumulaw fl-oċeani tad-dinja jistgħu jirduppjaw sal-2030, u b'hekk jipperikolaw aktar minn 660 speċi u jagħmlu ħsara lill-ambjent tagħna; jistieden lill-Kummissjoni twettaq inizjattivi ewlenin kontra t-tniġġis mill-plastik u l-effett tiegħu fuq il-bijodiversità; jissottolinja l-każ speċifiku tal-mikroplastik, li jammonta għal aktar minn 80 % tal-iskart miġbur mill-baħar u li jipperikola l-bijodiversità tal-baħar; jilqa', għalhekk, l-impenn ta' Ursula von der Leyen biex tiftaħ front ġdid fil-ġlieda tagħna kontra l-iskart tal-plastik billi jiġi indirizzat il-mikroplastik; jenfasizza l-ħtieġa ta' approċċ ta' ekonomija ċirkolari li jitfa' enfasi fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni għal prodotti sostenibbli;

65.

Jenfasizza l-importanza tal-edukazzjoni biex tikber is-sensibilizzazzjoni dwar il-bijodiversità u l-protezzjoni tal-ambjent; jinnota li ż-żoni protetti għal skop edukattivhuma għodda rilevanti u effiċjenti biex titqajjem is-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku u tissaħħaħ il-preservazzjoni;

Il-bini tal-kapaċità, is-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku u l-involviment tal-atturi kollha

66.

Jenfasizza li l-bini tal-kapaċità u s-sensibilizzazzjoni huma essenzjali għal implimentazzjoni b'suċċess u biex jinħoloq fehim akbar dwar l-importanza tal-bijodiversità; jilqa', għalhekk, id-deċiżjoni tal-COP14, li tistieden lill-partijiet, lill-gvernijiet u lid-donaturi l-oħra biex jipprovdu riżorsi finanzjarji għall-bini tal-kapaċità, l-assistenza teknika u t-trasferiment tat-teknoloġija jekk ikunu f'pożizzjoni li jagħmlu dan;

67.

Jenfasizza l-importanza li tiġi pprovduta informazzjoni komprensiva u li wieħed ifittex involviment aktar mill-qrib min-naħa tas-soċjetà ċivili u tal-membri tal-pubbliku minn gruppi ta' etajiet differenti biex jintlaħqu l-miri globali u tal-UE;

68.

Jistieden lill-Partijiet jippromwovu l-għarfien pubbliku u l-involviment tad-diversi partijiet ikkonċernati biex jiżguraw soluzzjonijiet imfassla apposta mal-komunitajiet lokali u l-popli indiġeni sabiex jitrawwem l-użu sostenibbli tal-artijiet għal aktar bijodiversità b'tali mod li d-differenzi reġjonali fil-pajsaġġi u l-ħabitats jiġu rispettati bis-sħiħ;

69.

Jilqa' l-intenzjoni li jiġi segwit b'mod attiv approċċ bl-involviment tad-diversi partijiet ikkonċernati, li huwa fundamentali għall-valorizzazzjoni, il-protezzjoni, il-konservazzjoni, l-użu sostenibbli u r-restawr tal-bijodiversità u jissottolinja l-fatt li t-titjib fl-involviment mal-livelli, is-setturi u l-atturi privati ta' governanza u bejniethom joħloq opportunitajiet għall-integrazzjoni tal-objettivi tal-bijodiversità f'politiki oħra; jemmen li huwa kruċjali li jiġu involuti n-negozji u l-organizzazzjonijiet finanzjarji u, f'dan ir-rigward, jilqa' l-isforzi tal-Kummissjoni li tinvolvi lis-settur privat fil-preservazzjoni tal-bijodiversità speċjalment permezz tal-Pjattaforma tan-Negozju u l-Bijodiversità tal-UE; jilqa', f'din il-perspettiva, l-inizjattivi tas-settur privat bħat-tnedija tal-koalizzjoni “One Planet Business for Biodiversity” (Negozju wieħed tal-Pjaneta għall-Bijodiversità) fis-Summit tan-NU dwar l-Azzjoni Klimatika fi New York;

70.

Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra metodoloġija armonizzata għall-kalkolu tal-impronta ekoloġika tal-kumpaniji tal-UE kif ukoll l-impatt tagħhom fuq il-bijodiversità;

71.

Iqis li l-bidliet trasformattivi fis-soċjetajiet huma meħtieġa biex jiġu indirizzati t-tibdil fil-klima, id-degradazzjoni tal-ambjent u t-telf tal-bijodiversità; jenfasizza l-importanza li jiġi segwit il-prinċipju ta' tranżizzjoni ġusta li jiżgura li l-proċess ikun inklużiv u ekwu;

72.

Jinnota li l-għarfien pubbliku u l-aċċess għal informazzjoni komprensiva u faċli tinftiehem jippermettu lill-konsumaturi jagħmlu għażliet ta' xiri infurmat u jippromwovu konsum sostenibbli, u jinsisti, għalhekk, li dawn għandhom ikunu parti minn sett ta' miżuri komprensibbli, b'mod partikolari fir-rigward tal-prodotti li jwasslu għad-deforestazzjoni, il-qerda tal-ekosistema u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jtejbu t-traċċabbiltà u l-kontroll tal-prodotti permezz tal-ktajjen tal-valur u tal-provvista tagħhom u b'hekk jiżguraw trasparenza sħiħa għall-konsumaturi;

73.

Jenfasizza l-ħtieġa li l-ekotikkettar u ċ-ċertifikazzjoni kontra d-deforestazzjoni jiġu żviluppati aħjar;

74.

Jilqa' l-laqgħa tal-2020 tal-Unjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura f'Marsilja; jistieden lill-Kummissjoni tibgħat sinjali viżibbli tal-appoġġ tagħha għall-impenji favur il-bijodiversità f'dan il-forum;

o

o o

75.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)  ĠU C 35, 31.1.2018, p. 2.

(2)  ĠU C 356, 4.10.2018, p. 38.

(3)  Testi adottati, P8_TA(2018)0431.

(4)  ĠU L 164, 25.6.2008, p. 19.

(5)  ĠU L 327, 22.12.2000, p. 1.

(6)  Il-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika, il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Ġlieda kontra d-Deżertifikazzjoni u l-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima.

(7)  Ir-rapport dwar valutazzjoni reġjonali tal-bijodiversità u s-servizzi ekosistemiċi għall-Ewropa u l-Asja Ċentrali: https://ipbes.net/assessment-reports/eca

(8)  Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tat-23 ta' Lulju 2019 dwar It-Tisħiħ tal-azzjoni tal-UE għall-protezzjoni u r-restawr tal-foresti fid-dinja (COM(2019)0352).