11.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 429/51


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Lejn strateġija tal-UE dwar il-konsum sostenibbli”

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2020/C 429/08)

Relatur:

Peter SCHMIDT

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

20.2.2020

Bażi legali

Artikolu 32(2) tar-Regoli ta; Proċedura

 

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent

Adottata fis-sezzjoni

8.7.2020

Adottata fil-plenarja

18.9.2020

Sessjoni plenarja Nru

554

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

212/2/5

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-pandemija tal-COVID-19 kixfet il-fraġilità tal-ktajjen tal-provvista. Il-bini mill-ġdid tal-ekonomija wara l-kriżi se jkun opportunità biex nikkunsidraw mill-ġdid is-soċjetà tagħna u niżviluppaw mudell ġdid ta' prosperità. M'għadhiex għażla, iżda neċessità, li l-prijoritajiet jiġu orjentati lejn modi ta' produzzjoni, distribuzzjoni u konsum aktar sostenibbli u li l-atturi kollha fil-ktajjen tal-provvista jsiru aktar reżiljenti għall-kriżijiet. Ir-reżiljenza tal-bdiewa li jkabbru l-ikel tagħna, jew tal-ħaddiema li jipproduċu l-ħwejjeġ tagħna għandha l-istess importanza bħar-reżiljenza tal-kumpaniji importaturi, il-manifatturi, il-bejjiegħa bl-ingrossa, l-SMEs jew il-ktajjen tal-bejgħ bl-imnut fl-Ewropa.

1.2

Il-KESE jitlob strateġija komprensiva tal-UE dwar il-konsum sostenibbli. L-aktar għażla sostenibbli għandha tkun l-aktar għażla faċli għaċ-ċittadini. Dan jirrikjedi bidla sistematika fil-mod kif nipproduċu u nikkunsmaw. B'mod partikolari, ir-responsabbiltà tal-produtturi (1) li jindirizzaw il-konsum mhux sostenibbli jeħtieġ li tiġi rikonoxxuta aħjar. Peress li s-swieq mhux se jwettqu riżultati sostenibbli b'mod awtomatiku, hija meħtieġa strateġija biex jinħolqu l-kuntest regolatorju u d-direzzjoni strateġika kemm għas-settur privat (inkluż permezz ta' mudelli ta' negozju ċirkolari u sostenibbli) kif ukoll għall-awtoritajiet pubbliċi (eż. permezz tal-akkwist pubbliku).

1.3

Id-dimensjoni soċjali għandha tkun integrata bis-sħiħ fl-istrateġija flimkien mad-dimensjonijiet ekonomiċi u ambjentali, sabiex tinkiseb koerenza politika tant meħtieġa għall-iżvilupp sostenibbli. Għal żmien twil l-UE kkonċentrat fuq soluzzjonijiet ibbażati fuq is-suq u ttraskurat id-dimensjoni taċ-ċittadini u l-ħaddiema. It-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, il-pagi minimi, il-protezzjoni soċjali, l-investiment fis-servizzi pubbliċi, il-governanza inklużiva, it-tassazzjoni ġusta, eċċ. għandhom jiġu inklużi bħala kriterji ta' sostenibbiltà. Dan jikkontribwixxi biex is-sistemi tal-produzzjoni u l-konsum tagħna jsiru aktar ġusti u aktar sostenibbli fit-tul. Dan jikkontribwixxi wkoll għall-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 tan-NU.

1.4

Strateġija tal-UE dwar il-konsum sostenibbli għandha tagħti attenzjoni partikolari lill-impatt fuq il-popolazzjonijiet vulnerabbli u l-familji b'introjtu baxx, li kienu – u se jkomplu jkunu – partikolarment milquta mill-kriżi attwali, filwaqt li tħares ukoll lejn l-impatt fuq l-atturi vulnerabbli fil-ktajjen tal-provvista, inklużi l-bdiewa u l-ħaddiema. Il-prodotti u s-servizzi sostenibbli għandhom isiru aċċessibbli u affordabbli għal kulħadd.

1.5

Fuq perjodu ta' żmien qasir u medju, l-għodod ta' politika rilevanti kollha (pereżempju l-akkwist pubbliku, it-tikkettar, it-tassazzjoni, eċċ.) għandhom ikunu kkoordinati u mmirati aħjar lejn din il-viżjoni. Approċċ aktar armonizzat huwa meħtieġ biex jingħelbu l-frammentazzjoni attwali tal-politiki tal-UE u l-approċċ kompartimentalizzat.

1.6

Fil-kuntest tal-irkupru ta' wara l-COVID, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni, lill-Parlament u lill-Istati Membri biex jaħdmu mill-qrib mal-KESE fuq l-iżvilupp ta' programm sostanzjali u kkoordinat ta' politiki integrati li se jgħinu lill-Ewropa “tibni mill-ġdid aħjar” u toħloq il-kundizzjonijiet għal strateġija komprensiva tal-UE għall-konsum sostenibbli. Il-KESE jirrakkomanda l-azzjonijiet speċifiċi għall-implimentazzjoni li ġejjin:

L-introduzzjoni ta' normi għall-prodotti u projbizzjonijiet li jrawmu s-sostenibbiltà, jiġifieri dawk li jippromovu l-lonġevità u s-sostenibbiltà tal-prodott

Il-projbizzjoni ta' Prattiki Kummerċjali Inġusti (UTPs)

It-titjib tar-regoli tal-kompetizzjoni għall-inizjattivi kollettivi li jippromovu s-sostenibbiltà fil-ktajjen tal-provvista

Il-klawżoli soċjali u ambjentali fil-ftehimiet kummerċjali jsiru infurzabbli

It-titjib tar-responsabbiltà korporattiva u ż-żieda tas-sensibilizzazzjoni tal-kumpaniji dwar l-aspetti ambjentali (eż. l-EMAS) u dawk soċjali

L-introduzzjoni ta' trasferimenti tat-taxxa minn fuq ix-xogħol għal fuq l-użu tar-riżorsi

Il-promozzjoni ta' akkwist pubbliku ġust u ekoloġiku, bi kriterji obbligatorji minimi

It-titjib tat-trasparenza bl-introduzzjoni ta’ regoli obbligatorji tat-tikkettar dwar l-oriġini, is-sostenibbiltà u d-dimensjoni soċjali

L-inkoraġġiment ta' inizjattivi minn isfel għal fuq u interventi pilota

L-indirizzar tar-reklamar u l-kummerċjalizzazzjoni

Il-promozzjoni tal-edukazzjoni dwar il-konsum sostenibbli.

2.   Introduzzjoni

2.1

Il-pandemija tal-COVID-19 kixfet il-fraġilità tal-ktajjen tal-provvista u l-ħtieġa ta' trasformazzjoni urġenti u sistemika. Nuqqas ta' investiment fis-setturi tas-saħħa u tal-kura, dipendenza żejda fuq il-ktajjen tal-provvista globali u sistemi ekonomiċi li jiddependu fuq proċessi lineari ta' produzzjoni u konsum li huma inkompatibbli mal-konfini tal-pjaneta pperikolaw il-kapaċità tal-gvernijiet li jieħdu azzjoni rapida u deċiżiva biex jipproteġu s-saħħa pubblika. M'għadhiex għażla, iżda neċessità, li l-prijoritajiet jiġu orjentati lejn modi ta' produzzjoni, distribuzzjoni u konsum aktar sostenibbli u li l-atturi kollha fil-ktajjen tal-provvista jsiru aktar reżiljenti għall-kriżijiet (2). Il-pandemija ġabet il-protezzjoni soċjali, is-servizzi pubbliċi, il-ħaddiema b'ħiliet baxxi, is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol kif ukoll il-kundizzjonijiet tax-xogħol fiċ-ċentru tal-midja u d-dibattitu politiku.

2.2

L-UE impenjat ruħha bis-sħiħ għall-Aġenda 2030 tan-NU u s-17-il Għan ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tagħha. Madankollu, l-implimentazzjoni tal-SDG 12 dwar il-konsum u l-produzzjoni sostenibbli għadha ta' sfida fl-Ewropa (3), filwaqt li hija strumentali għat-twettiq tal-Aġenda 2030 fl-intier tagħha. Fil-fatt, il-modi kif il-biċċa l-kbira tan-nies jikkunsmaw illum – volumi kbar b'rata għolja, tul trajettorja lineari u b'ħela sinifikanti (ħu-uża-armi) – mhumiex sostenibbli. Barra minn hekk, iċ-ċittadini tqiesu primarjament bħala konsumaturi individwali, u dan poġġa piż ta' responsabbiltà fuq in-nies għall-għażliet tagħhom, mingħajr ma ġew mogħtija alternattivi aċċessibbli jew affordabbli.

2.3

Il-KESE talab preċedentement lill-UE biex tipproponi viżjoni ġdida ta' prosperità għan-nies u l-pjaneta abbażi tal-prinċipji tas-sostenibbiltà ambjentali, id-dritt għal ħajja deċenti u l-protezzjoni tal-valuri soċjali (4). Approċċ sistematiku tal-UE għall-konsum sostenibbli huwa wieħed mill-elementi importanti u essenzjali tal-viżjoni strateġika tal-KESE ta' ekonomija sostenibbli u ta' benesseri fejn ħadd ma jitħalla jibqa' lura.

2.4

Il-momentum politiku huwa għoli għall-UE biex tieħu passi deċiżivi lejn din il-viżjoni. Il-Patt Ekoloġiku – u Soċjali – Ewropew għandu potenzjal enormi biex jerġa' jibni l-ekonomija wara l-kriżi tal-COVID-19 fuq bażi aktar sostenibbli, jikkontribwixxi għall-ħolqien ta' mudell ġdid ta' prosperità u jiżgura tranżizzjoni ġusta (5).

2.5

B'mod partikolari, il-Pjan ta' Azzjoni għal Ekonomija Ċirkolari (CEAP) il-ġdid jinkludi azzjoni speċifika dwar l-għoti tas-setgħa lill-konsumaturi għat-tranżizzjoni ekoloġika u diversi inizjattivi li jistgħu jgħinu biex tintwera r-responsabbiltà tar-regolaturi u l-kumpaniji. Is-CEAP għandu jwessa' l-kamp ta' applikazzjoni tal-“Patt Ġdid għall-Konsumaturi” tal-2018, li kien iffukat prinċipalment fuq il-protezzjoni u l-infurzar aktar milli fuq l-għoti tas-setgħa. L-implimentazzjoni tal-Istrateġiji Mill-Għalqa sal-Platt u għall-Bijodiversità hija wkoll ta' importanza doppja peress li l-kriżi tal-COVID-19 għamlitha aktar urġenti minn qatt qabel li jiżdiedu r-reżiljenza u s-sostenibbiltà tas-sistemi tal-ikel tal-UE u dawk globali. It-tmien Programm ta' Azzjoni Ambjentali li jmiss għandu jkun opportunità biex il-konsum sostenibbli jiġi indirizzat b'mod aktar deċiżiv.

2.6

Din l-Opinjoni se tikkontribwixxi għar-riflessjoni dwar l-irkupru ta' wara l-COVID-19 billi tipprovdi rakkomandazzjonijiet konkreti għal strateġija komprensiva tal-UE dwar il-konsum sostenibbli, bħala parti mill-Patt Ekoloġiku Ewropew u bħala komplement għas-CEAP il-ġdid.

3.   Sfidi – analiżi tas-sitwazzjoni attwali

3.1

L-Ewropa għadha 'l bogħod milli tgħix fil-konfini tal-pjaneta. Studji differenti li japplikaw metodoloġiji differenti biex jivvalutaw il-mudelli ta' konsum tal-UE jaslu għal din l-istess konklużjoni (6), inkluż rapport reċenti mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA) u l-Uffiċċju Federali Żvizzeru għall-Ambjent (FOEN) (7).

3.2

Il-konsum ta' prodotti u servizzi huwa xprun dirett u indirett ta' pressjonijiet bħat-tibdil fl-użu tal-art, l-emissjonijiet u r-rilaxx ta' sustanzi kimiċi tossiċi fl-ambjent, li min-naħa tagħhom jiġġeneraw firxa ta' impatti ambjentali, inklużi t-tibdil fil-klima, it-tnaqqis u t-tniġġis tal-ilma ħelu, u t-telfien tal-bijodiversità. Din l-“impronta ekoloġika” tal-konsum hija għolja fl-Ewropa; fil-fatt hija waħda mill-ogħla fid-dinja. Id-data tissuġġerixxi li se jkollna bżonn kważi tliet Dinjiet biex tiġi sostnuta l-ekonomija globali jekk kulħadd fuq il-pjaneta jikkonsma bħal persuna Ewropea medja (8)(9).

3.3

Biex iżżomm il-livelli għoljin ta' konsum tagħha, l-Ewropa tiddependi fuq ir-riżorsi li jiġu estratti bnadi oħra. B'hekk, l-Ewropa qed testernalizza dejjem aktar il-pressjonijiet tagħha fuq kwistjonijiet ambjentali ewlenin f'partijiet oħra tad-dinja (10). Kollox ma' kollox, dan il-mudell m'għadux kompatibbli ma' futur sikur u sostenibbli (11).

3.4

Filwaqt li l-esportazzjoni tal-impronta ambjentali tal-UE permezz tal-kummerċ ma tistax titqies bħala sostenibbli, jeħtieġ li jiġi rikonoxxut ukoll li l-kummerċ mal-UE għandu rwol importanti fl-iżvilupp soċjoekonomiku ta' ħafna pajjiżi, b'mod partikolari l-pajjiżi l-anqas żviluppati (LDCs). Fil-fatt, l-UE tippromovi b'mod attiv il-kummerċ bħala għodda biex trawwem is-sostenibbiltà b'mod globali u fi ħdan il-pajjiżi msieħba kummerċjali. Jeħtieġ għalhekk li l-prinċipji tal-ġustizzja, iċ-ċirkolarità u l-konsum aktar sostenibbli jiġu allinjati b'attenzjoni mal-kummerċ, u b'hekk jinħolqu opportunitajiet kemm għall-UE kif ukoll għall-imsieħba kummerċjali tagħha (12).

3.5

Il-mudelli attwali ta' konsum Ewropej iqajmu wkoll diversi mistoqsijiet dwar l-ekwità soċjali. Filwaqt li partijiet mill-Ewropa għandhom xi wħud mill-ogħla impronti tal-materjal fid-dinja (13), reġjuni oħra fl-Ewropa ma jistgħux jaffordjaw standard tal-għajxien li ġeneralment jitqies bħala aċċettabbli. Il-livell ta' deprivazzjoni materjali jvarja bil-kbir madwar l-UE, l-istess bħal-livell ta' pressjoni ekonomika (14). Il-konsum huwa għalhekk marbut mill-qrib ma' aġendi politiċi dwar, pereżempju, in-nutrizzjoni, il-faqar u l-inugwaljanza (15). Konsum aktar sostenibbli fl-Ewropa kollha jista' jinvolvi żieda fl-użu tar-riżorsi għal xi wħud, u tnaqqis fl-użu tar-riżorsi minn oħrajn – b'mod ġenerali bilanċ aħjar ta' aċċess għar-riżorsi u ġustizzja msaħħa tar-riżorsi (16).

3.6

Il-konsum mhux sostenibbli huwa xprunat minn interazzjoni kumplessa bejn firxa ta' fatturi differenti. Il-mudell ta' negozju dominanti huwa lineari, bil-biċċa l-kbira tat-tkabbir tal-kumpaniji għadu bbażat fuq aktar nies li jixtru aktar oġġetti. Il-ħajja effettiva ta' ħafna prodotti tal-konsumatur qed tonqos (17), filwaqt li t-tiswija tagħhom qed issir dejjem aktar diffiċli (ta' spiss intenzjonalment) (18). Alternattivi għall-mudell ekonomiku lineari “ħu-uża-armi”, bħal dawk ibbażati fuq iċ-ċirkolarità materjali, is-servizz ta' manutenzjoni jew il-kondiviżjoni, jistgħu jikkontribwixxu għal tnaqqis fil-konsum ġenerali tal-materjal iżda jibqgħu periferali u ta' spiss ma jkunux jistgħu jikkompetu ma' soluzzjonijiet lineari taħt kundizzjonijiet attwali (19). Fil-fatt, il-prodotti sekondarji (użati mill-ġdid/manifatturati mill-ġdid/riċiklati) ta' spiss jinbiegħu flimkien ma' prodotti primarji (ġodda), li jirriżultaw f'impatti ambjentali kemm mill-produzzjoni primarja kif ukoll minn dik sekondarja (20). Il-promozzjoni taċ-ċirkolarità mingħajr il-promozzjoni ta' tibdil sistemiku usa' fil-produzzjoni (b'mod partikolari d-disinn tal-prodott), il-konsum u l-prevenzjoni tal-iskart ikunu għalhekk qed jindirizzaw biss parti mill-problema. Il-konsumaturi għandhom jibbenefikaw minn “dritt għat-tiswija”.

3.7

Il-prezz huwa wieħed mill-aktar fatturi determinanti u motivaturi tad-domanda importanti (21) u sakemm il-prezz tal-prodotti u s-servizzi ma jirriflettix b'mod aktar preċiż l-ispejjeż reali tagħhom, bidla ġenerali lejn mudelli ta' konsum sostenibbli ma tkunx possibbli. Attwalment, l-ispejjeż ekonomiċi tal-esternalitajiet ambjentali u soċjali tal-produzzjoni u l-konsum normalment jiġġarrbu mill-kontribwenti u minn ġenerazzjonijiet futuri, mhux mill-kumpaniji li jikkummerċjalizzaw il-prodotti u s-servizzi inkwistjoni. Il-prodotti u s-servizzi li joffru soluzzjonijiet alternattivi b'impatti aktar baxxi ta' spiss għadhom jiswew aktar u huma ta' xkiel għall-aċċess, minkejja l-impatti ppruvati ta' esternalitajiet inqas negattivi minn opzjonijiet ta' konsum aktar sostenibbli, bħal prodotti organiċi u tal-Kummerċ Ġust (22).

3.8

Sadanittant, qed tingħata aktar attenzjoni lill-metodi u l-istudji tal-kontabilità tal-ispejjeż reali li żdiedu mindu l-ekonomista Pigou ħoloq it-terminu spejjeż ta “esternalità” (23). Fl-2008, il-KE ppubblikat strateġija dwar l-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni (24), fejn identifikat it-tassazzjoni, il-pedaġġ (jew it-tariffi għall-utenti) u, f'ċerti ċirkostanzi, l-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet, bħala l-istrumenti ekonomiċi ewlenin għall-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni. Madankollu, ix-xejra fit-tul fl-Ewropa hija li d-dħul mit-taxxi “ambjentali” bħala sehem mid-dħul totali mit-taxxi qed jonqos (25).

3.9

Sfida oħra hija kkawżata mill-interpretazzjoni attwalment dominanti tad-dritt tal-kompetizzjoni, li tadotta kunċett ristrett ħafna tal-benesseri tal-konsumatur, li jagħti prijorità lill-prezzijiet irħas tal-ixkaffa għall-konsumatur fuq is-sostenibbiltà tal-prodotti u kif dawn ġew prodotti. Fl-2013, l-awtorità Netherlandiża tal-kompetizzjoni (ACM), fil-kawża dwar il-“Ftehim dwar l-Enerġija”, iddeċidiet li Ftehim dwar l-Enerġija għat-Tkabbir Sostenibbli bejn bosta partijiet interessati ma' impjegaturi, trade unions, organizzazzjonijiet ambjentali u oħrajn għall-konservazzjoni tal-enerġija, it-tisħiħ tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u l-ħolqien tal-impjiegi, ma kienx konformi mar-rekwiżiti tad-dritt tal-kompetizzjoni. Fl-2014, l-ACM, fil-kawża “It-Tiġieġ ta' Għada”, sabet li ftehim bejn bosta partijiet interessati biex jiżdied il-benesseri tat-tiġieġ, bħal anqas antibijotiċi u aktar spazju, u miżuri ambjentali addizzjonali, kien qed jirrestrinġi l-kompetizzjoni.

3.10

Il-Linji Gwida tal-Kummissjoni dwar l-Artikolu 101(3) jiddikjaraw li l-għan tal-Artikolu 101 huwa li jipproteġi l-kompetizzjoni “bħala mezz biex jissaħħaħ il-benesseri tal-konsumatur u biex tiġi żgurata allokazzjoni effiċjenti ta' riżorsi” [Traduzzjoni mhux uffiċjali], mingħajr ebda indikazzjoni dwar jekk jistgħu jew ma jistgħux jitqiesu kunsiderazzjonijiet mhux ekonomiċi, jew kif dan jista' jsir. Ħafna operaturi jixtiequ jżidu l-proġetti tagħhom ta' sostenibbiltà iżda l-investimenti huma għoljin wisq biex iwettquhom waħedhom. Il-linji gwida dwar id-dritt tal-kompetizzjoni għandhom jipprovdu aktar ċarezza lill-operaturi dwar kif jinvolvu ruħhom f'kooperazzjoni ta' sostenibbiltà.

3.11

Studju reċenti mill-Fairtrade Foundation jippreżenta evidenza li xenarju legali mhux ċar madwar kollaborazzjoni potenzjali fir-rigward tal-prezzjiiet baxxi tal-prodotti meta jitilqu mill-azjenda agrikola jirrestrinġi l-progress lejn il-ħidma kollaborattiva biex jiġu żgurati pagi u introjtu li jiggarantixxu l-għajxien fil-ktajjen tal-provvista. Ir-rapport jinnota aktar ċarezza mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni dwar kif il-kollaborazzjoni prekompetittiva fir-rigward tal-kwistjoni ta' prezzijiet baxxi tal-prodotti meta jitilqu mill-azjenda agrikola tiġi vvalutata skont id-dritt tal-kompetizzjoni tkun ta' għajnuna kbira għall-progress (26).

3.12

Ostaklu għal approċċ koerenti għall-konsum sostenibbli huwa l-frammentazzjoni attwali tal-politiki tal-UE. Pereżempju, fir-rigward tal-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-UE dwar l-Akkwist Pubbliku tal-2014 (27), diversi Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni jaħdmu separatament fuq l-għoti ta' dokumenti ta' gwida lill-awtoritajiet kontraenti (Il-Manwal dwar “ix-Xiri Ekoloġiku” mid-DĠ Ambjent (28), “Ix-Xiri Soċjali” immexxi mid-DĠ GROW (29) – fil-proċess li jiġi aġġornat) filwaqt li hemm avviż separat tal-KE “Gwida dwar l-Akkwist ta' Innovazzjoni” (30). Dan jista' joħloq konfużjoni kbira għall-awtoritajiet kontraenti fl-UE li jixtiequ jadottaw approċċ integrat għall-akkwist sostenibbli, kif stabbilit fl-SDG 12.3.

4.   Viżjoni – Lejn strateġija komprensiva tal-UE dwar il-konsum sostenibbli

4.1

Il-politiki li jindirizzaw is-sostenibbiltà tal-proċessi tal-produzzjoni (pereżempju l-ekodisinn), il-prodotti u s-servizzi, u li jittrattaw il-materjali li jsiru skart, ilhom element fundamentali tal-politika tal-UE u jeżisti qafas ta' politika stabbilit relattivament sew. Madankollu, dan l-approċċ m'għadux biżżejjed biex tinkiseb l-iskala tal-bidla meħtieġa fiż-żmien disponibbli – jeħtieġ li tingħata aktar attenzjoni lir-rwol tal-konsum fit-twettiq tal-iżvilupp sostenibbli.

4.2

Il-politiki fil-livell tal-UE li għandhom fil-mira tagħhom il-konsum sa issa ffukaw fuq ir-rwoli taċ-ċittadini bħala konsumaturi u fuq l-użu ta' għodod ta' politika bbażati fuq l-informazzjoni biex jippruvaw jinfluwenzaw l-imġiba tal-konsumaturi. Eżempji ewlenin jinkludu t-tikkettar ekoloġiku tal-prodotti, kampanji ta' sensibilizzazzjoni u kriterji volontarji tal-akkwist pubbliku ekoloġiku.

4.3

Dawn l-għodod ta' politika kellhom effett limitat fuq il-konsum mhux sostenibbli. Fil-fatt, ftit li xejn hemm evidenza li tissuġġerixxi li t-titjib fl-informazzjoni dwar il-prestazzjoni ambjentali tal-prodotti, bħall-ekotikketti, jirriżulta f'tidil reali fl-imġiba tax-xiri, u wisq inqas fuq l-iskala meħtieġa. Dan huwa minħabba diversi effetti rebound, rutini u drawwiet subkonxji (31). L-għażliet tagħna bħala konsumaturi (kemm jekk domestiċi, kif ukoll tas-settur privat jew pubbliċi) jibqgħu fil-biċċa l-kbira xprunati mill-prezz u l-konvenjenza (32). Madankollu, huwa importanti li jiġi enfasizzat li r-responsabbiltà għal dawn l-għażliet fis-sistema eżistenti ma tkunx tal-konsumaturi, iżda pjuttost tal-produtturi (33). Hija l-loġika kapitalista u l-iżbilanċ tal-poter fil-katina tal-provvista li jwasslu għal “ġirja lejn l-iktar livell baxx”, filwaqt li tingħata prijorità lill-prezz fuq is-sostenibbiltà.

4.4

Dan huwa wkoll problematiku biex iċ-ċittadini jinżammu responsabbli għall-provvista ta' konsum aktar sostenibbli, filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-prodotti u s-servizzi ma jiżvelawx l-ispejjeż reali tagħhom u l-lievi tas-suq u tas-soċjetà jibqgħu determinati biex jinkoraġġixxu aktar konsum materjali. Ir-responsabbiltà tas-setturi privati u pubbliċi li jindirizzaw il-konsum mhux sostenibbli jeħtieġ li tiġi rikonoxxuta aħjar u li jiġu adottati għodod biex jgħinu jiżguraw – b'mod ibbilanċjat u trasparenti – li l-għażla aktar b'saħħitha, aktar sostenibbli u aktar sikura hija l-għażla l-aktar faċli u l-aktar affordabbli għaċ-ċittadini. Il-KE għandha tkompli tappoġġja kampanji pan-Ewropej mmexxija mis-soċjetà ċivili dwar il-konsum sostenibbli, billi ma tiffokax biss fuq deċiżjonijiet individwali tal-konsumaturi.

4.5

Parti mir-raġuni għan-natura tal-politika fil-livell tal-UE sal-lum hija l-bilanċ tar-responsabbiltajiet tal-politika bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha. Għodod ta' politika li jistgħu jintużaw biex jippruvaw jirregolaw id-domanda, bħat-taxxi, fil-biċċa l-kbira jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri. Madankollu, l-UE għandha rwol ċentrali fl-iżgurar li l-Ewropa tgħix fil-konfini tal-pjaneta u għandha diversi mezzi li permezz tagħhom taġixxi fir-rigward tal-konsum mhux sostenibbli. Xi Stati Membri jistgħu jibbenefikaw ukoll minn gwida ulterjuri (sett ta’ għodod) mill-UE.

4.6

Approċċi uniċi, pereżempju ġusti jew ċirkolari, huma importanti iżda mhumiex biżżejjed biex tinkiseb is-sostenibbiltà. Barra minn hekk, hemm ir-riskju li l-iżvilupp ta' reazzjonijiet politiċi għall-konsum mhux sostenibbli b'mod iżolat minn xulxin jista' joħloq kwistjonijiet mhux previsti aktar 'il quddiem. Huwa meħtieġ approċċ komprensiv u kkoordinat, li jirrifletti l-kumplessità ta' din il-kwistjoni preżenti u li jagħti kontribut koerenti minn oqsma ta' politika differenti, li jvarjaw minn politiki ta' riċerka, innovazzjoni, settorjali u industrijali sal-edukazzjoni, il-benesseri, il-kummerċ u l-impjiegi (34). L-aktar importanti huwa li strateġija tal-UE jeħtieġ li tikkomplementa – mhux tikkomprometti – l-interventi regolatorji ambizzjużi fejn dawn ikunu meħtieġa.

4.7

Strateġija fil-livell tal-UE dwar il-konsum sostenibbli għandha tipprovdi qafas ambizzjuż għall-Istati Membri u għas-settur privat biex jindirizzaw kemm il-konsum domestiku kif ukoll il-konsum tas-settur pubbliku. Is-swieq mhux se jiksbu riżultati sostenibbli b'mod awtomatiku. Tinħtieġ strateġija biex jinħolqu l-kuntest regolatorju u d-direzzjoni strateġika li jwasslu għal inizjattivi ambizzjużi minn ta' quddiem kemm għall-prodotti kif ukoll għas-servizzi (peress li l-ekonomija tas-servizzi mhux bilfors tkun sostenibbli).

4.8

Strateġija tal-UE tkun ukoll parallela mat-talbiet mill-konsumaturi Ewropej biex l-UE tiżgura tibdil strutturali u l-ħolqien ta' infrastrutturi ġodda li jippermettu lill-konsumaturi jadottaw stili ta' ħajja aktar sostenibbli (35).

4.9

L-integrazzjoni tar-rwol tal-konsum fil-livell tal-UE tista' tgħin ukoll biex jiġu evitati effetti rebound u effetti oħra mhux previsti ta' politika riveduta u/jew ġdida u tappoġġja bidla kulturali fuq perjodu ta' żmien itwal fil-mod kif inqisu l-kunċett tas-suffiċjenza u r-rwol tal-konsum fil-kisba tal-Aġenda 2030.

4.10

Strateġija tal-UE dwar il-konsum sostenibbli għandha tinkludi miri għal tnaqqis assolut tal-impronta materjali tal-konsum Ewropew. Il-miri fil-livell tal-UE jistgħu jipprovdu direzzjoni, momentum u koerenza kemm għal livelli oħra ta' governanza kif ukoll għall-innovaturi privati u pubbliċi biex jgħinu biex tinkiseb l-ekonomija tal-benesseri (36).

4.11

Barra minn hekk, l-aspett tal-ġustizzja fl-użu tar-riżorsi huwa kruċjali u wieħed li ilu jiġu injorat fil-politika tal-UE (37). Strateġija dwar il-konsum sostenibbli għandha tkun strateġija ċċentrata fuq il-persuni, bil-għan li tagħmel l-għażliet sostenibbli tal-konsumatur aċċessibbli, affordabbli u attraenti għal kulħadd. L-istrateġija għandha tagħti attenzjoni partikolari lill-impatt fuq il-popolazzjonijiet vulnerabbli u l-familji b'introjtu baxx. Il-gruppi soċjali b'nefqa għolja għandhom jiġu indirizzati wkoll kif xieraq.

4.12

Il-ħaddiema u l-bdiewa għandhom rwol ewlieni fil-promozzjoni tal-konsum sostenibbli peress li t-tnejn huma konsumaturi fl-aħħar tal-katina iżda wkoll produtturi fil-bidu tal-katina tal-provvista. Huwa essenzjali li l-politiki dwar il-konsum sostenibbli jinkludu għalhekk approċċ ibbilanċjat lejn il-kondiviżjoni tal-valur fil-katina tal-valur u matulha, bħall-promozzjoni tal-pagi li jiggarantixxu l-għajxien għall-ħaddiema u l-introjtu li jiggarantixxi l-għajxien għall-bdiewa, kemm fl-UE kif ukoll fin-Nofsinhar Globali, aktar milli jimmiraw esklużivament biex jinkisbu prezzijiet irħas fuq perjodu ta' żmien qasir għall-konsumaturi. Il-ħaddiema, it-trade unions, il-gruppi tal-bdiewa u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jista' jkollhom ukoll rwol ewlieni fil-monitoraġġ tal-konformità tas-sostenibbiltà u l-istandards tad-drittijiet tal-bniedem fil-ktajjen tal-valur globali.

4.13

Il-bejgħ bl-imnut jista' jkollu rwol importanti wkoll fit-trawwim ta' konsum sostenibbli billi l-konsumaturi jiġu mbuttati lejn għażliet aktar tajbin għas-saħħa u aktar sostenibbli. F'dan is-settur, ta' min wieħed jinnota b'mod partikolari l-mudell ta' negozju kooperattiv tal-konsumatur minħabba l-forma intraprenditorjali speċifika tiegħu, li jqiegħed il-figura tal-konsumatur-membru fil-qalba tal-istruttura tan-negozju u l-governanza demokratika tiegħu.

4.14

Strateġija tal-UE għandha tinkludi inizjattivi biex jiġu żgurati flussi ta' informazzjoni trasparenti u affidabbli biex jiġi appoġġjat il-konsum sostenibbli, bl-użu tal-opportunitajiet maħluqa minn soluzzjonijiet diġitali ġodda u emerġenti. Dan jista' jappoġġja wkoll lill-kumpaniji li huma lesti li jinnovaw iżda attwalment m'għandhomx il-metriċi u d-data biex jippermettu valutazzjoni affidabbli tal-impatti ekoloġiċi u soċjali tal-konsum ta' kuljum. L-SMEs, in-negozji l-ġodda u l-kooperattivi, li huma innovaturi essenzjali u pjattaformi pilota, qed jiffaċċjaw din l-isfida b'mod partikolari. B'mod notevoli, l-UE għandha wkoll rwol importanti fl-armonizzazzjoni u l-verifika ta' asserzjonijiet ekoloġiċi magħmula fis-suq intern. Bħalissa, il-volum għoli ta' asserzjonijiet bħal dawn, b'diversi gradi ta' evidenza biex jappoġġjawhom, qed joħloq konfużjoni u possibbilment qed inaqqas il-fiduċja tal-konsumatur fil-leġittimità ta' kwalunkwe waħda minn dawn l-asserzjonijiet. Għalhekk, il-KESE jilqa' b'sodisfazzjon l-ambizzjoni tal-Kummissjoni, fl-implimentazzjoni tas-CEAP il-ġdid, li tagħmel proposta leġislattiva bil-għan li tiżgura li l-kumpaniji jissostanzjaw l-asserzjonijiet ambjentali tagħhom.

4.15

Strateġija fil-livell tal-UE dwar il-konsum sostenibbli għandha tirrikonoxxi u trawwem sinerġiji ma' oqsma oħra ta' politika. Pereżempju, 45 % tal-emissjonijiet totali tal-karbonju tal-Ewropa jiġu minn kif nagħmlu u nużaw il-prodotti, u kif nipproduċu l-ikel (38). Is-sistemi alimentari jistgħu jkunu s-sors ta' restawr u ta' reżiljenza msaħħa, jekk l-ikel jitkabbar, jiġi pproċessat u kkonsmat b'mod differenti. Dan kważi ċertament ifisser it-tagħlif kif xieraq lill-ispeċi, u li l-konsumaturi jikkonsmaw dieta bbilanċjata b’anqas laħam. Dan għandu gwadanji kemm klimatiċi kif ukoll għas-saħħa (39). Il-konsum u d-domanda għandhom rwol kruċjali fil-kapaċità tagħna li nnaqqsu l-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra. Bl-istess mod, l-isfida ewlenija biex jiġu indirizzati t-telf tal-bijodiversità u d-degradazzjoni tal-ekosistemi fl-Ewropa hija l-istil ta' ħajja tagħna li nikkonsmaw aktar riżorsi minn dak li tista’ toffri l-pjaneta (40). Il-KESE jtenni wkoll t-talba tiegħu biex jiġu rikonoxxuti d-drittijiet tan-natura sabiex tiġi żgurata parità mad-drittijiet tal-individwi u tal-korporazzjonijiet (41).

5.   Mill-viżjoni għall-Implimentazzjoni – Opportunitajiet għal azzjoni fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri

5.1.

Fil-kuntest tal-irkupru ta' wara l-COVID, il-KESE jistieden lill-Kummissjoni, lill-Parlament u lill-Istati Membri biex jaħdmu mill-qrib mal-KESE fuq l-iżvilupp ta' programm sostanzjali u kkoordinat ta' politiki integrati li se jgħinu lill-Ewropa “tibni mill-ġdid aħjar” u toħloq il-kundizzjonijiet għal strateġija komprensiva tal-UE għall-konsum sostenibbli. Il-pjani għall-irkupru ekoloġiku għandhom jagħtu bidu għall-bidla sistemika meħtieġa fil-mobilità, in-nutrizzjoni, l-akkomodazzjoni, id-divertiment, is-sistemi tal-enerġija u l-gruppi ta' prodotti b'impatt għoli (42), filwaqt li jagħtu ħarsa lejn l-impatt tal-konsum tal-UE kemm fl-UE kif ukoll fin-Nofsinhar Globali. Il-proposti li ġejjin huma offruti bħala l-punt ta' tluq għal dan l-eżerċizzju.

5.2    Strumenti legali jew regolatorji

5.2.1

L-introduzzjoni ta' normi għall-prodotti (regolamentazzjoni) u projbizzjonijiet fuq il-prodotti (projbizzjonijiet) li jrawmu s-sostenibbiltà, jiġifieri dawk li jippromovu l-lonġevità tal-prodott. Il-KESE kien minn ta’ quddiem u diġà appella għal projbizzjoni totali tal-obsolenza ppjanata fl-Opinjoni tiegħu tal-2013 (43) dwar it-tul tal-ħajja tal-prodotti u l-informazzjoni għall-konsumatur, u f’Opinjonijiet sussegwenti. Jenfasizza li jkun utli li tiġi implimentata sistema li tiggarantixxi ħajja minima għall-prodotti mixtrija. Rapport reċenti mħejji mill-Kumitat IMCO tal-PE jimxi fl-istess direzzjoni (44). F'dan il-kuntest, għandhom jiġu kkunsidrati wkoll l-implikazzjonijiet taż-żieda tal-kummerċ elettroniku, pereżempju matul il-kriżi tal-COVID.

5.2.2

Il-projbizzjoni ta' Prattiki Kummerċjali Inġusti (UTPs), mhux biss fil-ktajjen tal-provvista alimentari, kif sar mid-Direttiva l-ġdida kontra l-UTPs fil-ktajjen tal-provvista (45) alimentari, iżda wkoll f'setturi oħra, bħat-tessuti, bl-għadd ta' UTPs mifruxa ħafna, aggravati mill-kriżi tal-COVID-19 (46). Il-KESE jitlob li jkun hemm implimentazzjoni bbilanċjata tad-Direttiva dwar il-UTP sabiex jiġi evitat li jiġu protetti l-manifatturi ta' ditti l-kbar li qed jużaw ħażin is-setgħa ta' negozjar tagħhom sabiex jiġġeneraw marġnijiet ġenerużi ta' profitt.

5.2.3

Id-dritt tal-kompetizzjoni. L-għoti ta' permess għal negozjar kollettiv bejn il-fornituri u x-xerrejja fuq il-prezz (u l-kundizzjonijiet tal-konsenja) ta' komoditajiet essenzjali, speċifikament fl-interfaċċi li juru differenzi kbar fil-livelli ta' konċentrazzjoni ta' elementi suċċessivi fil-katina tal-valur (pereżempju fornituri fframmentati kontra xerrejja kkonċentrati). Fir-reviżjoni li għaddejja bħalissa mill-KE tal-Linji Gwida dwar il-Ftehim Orizzontali, għandha tiddaħħal mill-ġdid taqsima dwar il-ftehimiet settorjali ta' sostenibbiltà, skont il-mudell stabbilit fit-taqsima dwar il-ftehimiet ambjentali fil-Linji Gwida preċedenti tal-2001 (47), u l-adattament tagħhom għall-kuntest attwali, inkluż il-kunsiderazzjoni li tingħata lill-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-Ftehim ta' Pariġi u l-SDG 12.

5.2.4

Ir-regoli tal-kummerċ. Il-klawżoli soċjali u ambjentali fil-ftehimiet kummerċjali jsiru infurzabbli, b'sanzjonijiet (bħal tariffi miżjuda mmirati, li jkunu mmirati lejn setturi strateġiċi, bl-esklużjoni ta' setturi fejn l-impożizzjoni ta' tariffi tista' twassal għal aktar faqar fl-LDCs) f'każ ta' nuqqas ta' konformità.

5.2.5

Ir-responsabbiltà korporattiva. Id-dmir obbligatorju ta' viġilanza għax-xerrejja tul il-katina kollha tal-provvista tagħhom (joħloq obbligu) għal ktajjen tal-provvista sostenibbli bħala parti mill-iżgurar tar-responsabbiltà korporattiva. Minflok approċċ ta' “lista ta' kontroll”, il-kumpaniji għandhom jeżaminaw mill-ġdid il-prattiki tax-xiri tagħhom, kif irrakkomandat mill-OECD (48), u jintrabtu b'liġijiet aktar stretti dwar il-kontroll tal-lobbjar. Għandha tittieħed azzjoni kontra l-greenwashing.

5.2.6

L-użu obbligatorju ta' għodda standard għat-traċċar u r-rintraċċar ta' informazzjoni dwar l-operazzjonijiet imwettqa tul il-katina tal-valur – min, meta, fejn, f'liema kundizzjonijiet soċjali u ambjentali (tagħti l-mezzi tekniċi biex jiġi ssodisfat l-obbligu). Is-soċjetà ċivili u t-trade unions għandhom ikunu involuti fl-iżvilupp u l-monitoraġġ tal-istandards ambjentali u soċjali.

5.3    Strumenti ekonomiċi u finanzjarji

5.3.1

It-trasferiment tat-taxxa minn fuq ix-xogħol għal fuq l-użu ta' riżorsi. L-użu tar-reviżjoni li għaddejja bħalissa tar-Regolament dwar il-VAT biex jiġu pprovduti kriterji ċari dwar kif l-Istati Membri jistgħu jintroduċu rati mnaqqsa tal-VAT għal prodotti manifatturati b'mod sostenibbli u għal servizzi li jistgħu jnaqqsu l-impatti negattivi tal-konsum, bħas-servizzi ta’ tiswija jew ta’ kondiviżjoni. Il-promozzjoni ta' miżuri li jipprevjenu l-kompetizzjoni fiskali u “ġirja lejn l-iktar livell baxx” fost l-Istati Membri u tassazzjoni aktar ġusta tas-setturi u l-kapital l-aktar profittabbli.

5.3.2

Prinċipju ta' min iniġġes iħallas (PPP). Il-KE bdiet tieħu l-approċċ tal-internalizzazzjoni ta' effetti esterni b'aktar serjetà, pereżempju billi rrikonoxxiet li l-enerġiji rinnovabbli huma żvantaġġjati sakemm l-ispejjeż esterni tar-riżorsi fossili ma jkunux riflessi bis-sħiħ fil-prezz tas-suq jew jippruvaw jimplimentaw il-prinċipju ta' min iniġġes iħallas fis-settur tat-trasport. Sadanittant, għandu jiġi rikonoxxut li dawn l-approċċi qed jirrikonċiljaw id-dimensjoni ekoloġika mad-dimensjoni ekonomika tas-sostenibbiltà, iżda ma jinkorporawx id-dimensjoni soċjali (49).

5.3.3

L-akkwist pubbliku ġust u ekoloġiku (APE). Il-mira tal-SDG 12.7 issemmi l-importanza li wieħed joħroġ bi pjani ta' azzjoni dwar l-akkwist pubbliku sostenibbli. Diversi azzjonijiet nazzjonali dwar il-prinċipji gwida tan-NU dwar il-pjani tad-Drittijiet tal-Bniedem jirreferu għall-akkwist pubbliku, u jeżistu diversi prattiki tajbin fil-livell nazzjonali. Pereżempju, id-Danimarka rat it-tranżizzjoni fil-kċejjen pubbliċi tagħha lejn livell għoli ta' prodotti organiċi, fejn jitqiesu r-restrizzjonijiet baġitarji. L-ICLEI bħalissa qed jippromovi inizjattiva biex isir sforz għall-akkwist tal-ikel sostenibbli obbligatorju u progressiv fl-iskejjel u l-kindergartens Ewropej kollha. Fis-CEAP il-ġdid, il-KE ħabbret li x-xerrejja pubbliċi se jkunu mħeġġa jieħdu sehem fl-inizjattiva “Xerrejja Pubbliċi għall-Klima u l-Ambjent” li se tlaqqa' flimkien xerrejja impenjati fl-implimentazzjoni tal-APE. Il-KESE jistieden lill-KE tinkludi kriterji usa' ta' sostenibbiltà, bħall-kunsiderazzjonijiet soċjali u tal-kummerċ ġust. Il-KESE jappoġġja wkoll il-pjani tal-KE li tipproponi kriterji u miri minimi obbligatorji għall-APE fil-leġislazzjoni settorjali, u li r-rappurtar obbligatorju jsir b'mod gradwali sabiex jiġi mmonitorjat l-użu tal-APE.

5.3.4

Politiki ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp li jappoġġjaw il-biedja fuq skala żgħira, l-SMEs u l-kooperattivi tal-konsumaturi.

5.4    Strument volontarju jew ibbażat fuq l-informazzjoni

5.4.1

It-tikkettar tal-prodotti jista' jgħin biex jiżdiedu l-isforzi ta' sostenibbiltà ta' ċerti kumpaniji, iżda t-tikketti m'għandhom qatt jintużaw bħala skuża biex ma jiġux irregolati l-imġiba u l-prattiki li mhumiex aċċettabbli. Pereżempju, waħda mill-opzjonijiet li qed tiġi kkunsidrata mill-KE bħala segwitu għall-komunikazzjoni tal-UE dwar it-tisħiħ tal-azzjoni tal-UE għall-protezzjoni u r-restawr tal-foresti tad-dinja hija l-istabbiliment ta' tikketta “ħielsa mid-deforestazzjoni”. Madankollu, dan jista' jwassal għall-perċezzjoni li l-UE fil-fatt qed tittollera prodotti fis-suq tal-UE li mhumiex favur il-foresti, li jista' joħloq konfużjoni kbira. Il-KESE jitlob lill-KE biex tkompli tiżviluppa t-tikketti eżistenti ta' eċċellenza ambjentali li jkopru ċ-ċiklu kollu tal-ħajja, bħall-Ekotikketta tal-UE, u testendihom biex ikopru d-dimensjoni soċjali. B'mod partikolari, l-implimentazzjoni ta' sistema ta' tikkettar ċara dwar l-oriġini u l-mezzi tal-produzzjoni tiffaċilita l-għażliet tal-konsumaturi (50).

5.4.2

Inizjattivi minn isfel għal fuq u governanza f'diversi livelli. Id-deċentralizzazzjoni tal-azzjoni fil-livell lokali permezz ta' atturi fdati, bħall-amministrazzjonijiet u l-assoċjazzjonijiet tal-bliet, hija mod effettiv kif jitfasslu l-azzjonijiet lokali, filwaqt li joqorbu aktar lejn iċ-ċittadini u li jiġu involuti b'mod sinifikanti. Hemm għadd dejjem jikber ta' awtoritajiet lokali li għandhom strateġiji serji ta' sostenibbiltà, li l-KE tinċentiva permezz ta' għotjiet bħall-Belt Kapitali Ekoloġika tal-Ewropa, il-Ftehim dwar il-Bliet Ekoloġiċi jew il-Bliet tal-UE għall-Premju Bliet tal-UE għal Kummerċ Ġust u Etiku. Dawn il-mudelli u x-xejriet x'aktarx jiġu influwenzati mir-reazzjonijiet attwali għall-kriżi tal-COVID-19. L-interventi pilota f'kuntesti tal-ħajja reali jistgħu jkunu strumentali ħafna biex jinfurmaw it-tfassil u l-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-UE dwar il-konsum sostenibbli u għalhekk għandhom ikunu appoġġjati.

5.4.3

Reklamar u kummerċjalizzazzjoni. Ir-rwol tar-reklamar u l-kummerċjalizzazzjoni għandu jiġi indirizzat ukoll, bil-għan li ssir bidla mill-orjentazzjoni konsumerista qawwija tagħhom u ssir enfasi fuq id-durabbiltà tal-prodotti u l-possibbiltà ta' użu ġdid filwaqt li jiġi projbit ir-reklamar qarrieqi.

5.4.4

L-edukazzjoni. Għandhom jitressqu proposti biex l-edukazzjoni dwar il-konsum sostenibbli tiġi inkorporata fil-kurrikuli tal-iskejjel minn età bikrija u biex jitħeġġu inizjattivi ta’ edukazzjoni fis-settur privat (pereżempju dawk promossi mill-kooperattivi tal-konsumatur), biex jitrawmu l-involviment taċ-ċittadini u l-bidla kulturali.

Brussell, it-18 ta’ Settembru 2020.

Luca JAHIER

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  Il-produtturi huma responsabbli fis-setturi kollha, iżda s-sitwazzjoni speċifika tal-bdiewa għandha tiġi rikonoxxuta.

(2)  Riżoluzzjoni tal-KESE dwar l-irkupru wara l-kriżi tal-COVID-19

(3)  Eurostat, Sustainable development in the EU, 2020 (Eurostat, Żvilupp sostenibbli fl-UE, 2020) (mhux disponibbli bil-Malti).

(4)  ĠU C 106, 31.3.2020, p. 1.

(5)  ĠU C 47, 11.2.2020, p. 30.

(6)  ŻEE SOER 2020.

(7)  ŻEE.

(8)  Netwerk tal-Impronta Globali.

(9)  Vandermaesen, T. et al. (2019) EU overshoot day – Living beyond nature's limits (Ngħixu lil hinn mil-limiti tan-natura). WWF (mhux disponibbli bil-Malti).

(10)  SOER 2020.

(11)  Steffen, W. et al., 2015.

(12)  Kettunen, M., Gionfra, S. u Monteville, M. (2019).EU circular economy and trade, (L-ekonomija ċirkolari u l-kummerċ tal-UE) IEEP Brussell/Londra.

(13)  ŻEE.

(14)  Eurostat.

(15)  NU/KEE (2018).

(16)  Rijnhout L., Stoczkiewicz M., Bolger M. (2018). Necessities for a Resource Efficient Europe (Ħtiġijiet għal Ewropa effiċjenti fl-Użu tar-Riżorsi) (mhux disponibbli bil-Malti).

(17)  ŻEE (2018) Waste prevention in Europe (Il-prevenzjoni tal-iskart fl-Ewropa) (mhux disponibbli bil-Malti)

(18)  EEB (2019) Cool products don't cost the earth (Il-prodotti intelliġenti ma jiswewx id-dinja). (mhux disponibbli bil-Malti)

(19)  OECD (2019). (mhux disponibbli bil-Malti)

(20)  Zink, T. u Geyer, R. (2017).

(21)  Eurobarometer , food safety, June 2019 (Ewrobarometru, is-sikurezza tal-ikel, Ġunju 2019) (mhux disponibbli bil-Malti)

(22)  The external costs of banana production (L-ispejjeż esterni tal-produzzjoni tal-banana). (mhux disponibbli bil-Malti)

(23)  Pigou, A. C. (1920). The Economics of Welfare. (L-Ekonomija tal-Benesseri.) (mhux disponibbli bil-Malti)

(24)  EC Strateġija għat-twettiq tal-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni COM(2008) 435 final.

(25)  Eurostat.

(26)  Competition Policy and Sustainability: A study of industry attitudes towards multi-stakeholder collaboration in the UK grocery sector" (Il-Politika tal-Kompetizzjoni u s-Sostenibbiltà: Studju tal-attitudnijiet tal-industrija lejn il-kollaborazzjoni bejn bosta partijiet interessati fis-settur tal-merċa tar-Renju Unit) – Fairtrade Foundation. Londra, Ir-Renju Unit; April 2019 (mhux disponibbli bil-Malti).

(27)  Direttiva 2014/24/UE.

(28)  Manwal tal-KE dwar ix-Xiri Ekoloġiku.

(29)  Xiri Soċjali tal-KE.

(30)  Avviż tal-KE – Gwida dwar l-Akkwist ta' Innovazzjoni, (2018).

(31)  Jiġifieri tibdil konkret fl-imġiba, għall-kuntrarju tar-rieda ddikjarata tan-nies li jbiddlu l-imġiba (riċerka dwar dan tal-aħħar ġiet imqassra minn LE Europe et al. (2018).

(32)  LE Europe, VVA Europe, Ipsos, ConPolicy u Trinomics (2018).

(33)  Ara n-nota 1 f’qiegħ il-paġna.

(34)  ŻEE.

(35)  BEUC (2020).

(36)  ĠU C 106, 31.3.2020, p. 1.

(37)  Rijnhout, Stoczkiewicz, Bolger (2018).

(38)  Ellen MacArthur Foundation (2019).

(39)  ĠU C 190, 5.6.2019, p. 9.

(40)  Gerritsen, E. u Underwood, E. (2019) What the Green Deal means for Europe's biodiversity (Xi jfisser il-Patt Ekoloġiku għall-bijodiversità Ewropea). Allen, B. u Charveriat, C. (2018)

A meaty challenge (Sfida mlaħħma). IEEP, Brussell (mhux disponibbli bil-Malti).

(41)  ĠU C 81, 2.3.2018, p. 22.

(42)  IEEP & FEPS.

(43)  ĠU C 67, 6.3.2014, p. 23.

(44)  Rapport tal-IMCO.

(45)  ĠU C 440, 6.12.2018, p. 165.

(46)  Rapporti mill-OECD, is-soċjetà ċivili u t-trade unions.

(47)  ĠU C 3, 6.1.2001, p. 2.

(48)  OECD Due Diligence Guidance for Responsible Supply Chains in the Garment and Footwear Sector (Il-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta għal Ktajjen tal-Provvista Responsabbli fis-Settur tal-Ħwejjeġ u taż-Żraben) (mhux disponibbli bil-Malti).

(49)  ĠU C 47, 11.2.2020, p. 30

(50)  ĠU C 190, 5.6.2019, p. 9.