28.10.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 364/14


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-promozzjoni ta’ Unjoni Bankarja aktar inklużiva u sostenibbli billi jittejjeb il-kontribut tal-banek tal-Komunità għall-iżvilupp lokali u għall-bini ta' sistema finanzjarja internazzjonali u Ewropea soċjalment responsabbli”

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2020/C 364/02)

Relatur:

Giuseppe GUERINI

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

20.2.2020

Bażi legali

Artikolu 32(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

 

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

Adottata fis-sezzjoni

24.6.2020

Data tal-adozzjoni fis-sessjoni plenarja

16.7.2020

Sessjoni tal-plenarja Nru

553

Riżultat tal-votazzjoni (favur/kontra/astensjonijiet)

205/6/6

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Ir-regoli approvati f’dawn l-aħħar snin fil-livell internazzjonali u dak Ewropew mhux dejjem ikkunsidraw bis-sħiħ il-mudelli differenti li jikkontribwixxu għad-diversità bankarja fl-Ewropa, u dan kellu impatt sinifikanti fuq banek iżgħar u nazzjonali, li ħafna drabi huma kooperattiva, speċjalment fi Stati Membri bħall-Italja u Spanja.

1.2.

Il-mudelli differenti li jikkaratterizzaw il-pluraliżmu u d-diversità tas-sistema bankarja Ewropea ma ġewx milquta bl-istess mod mill-interventi regolatorji b'segwitu għall-kriżi finanzjarja li għaddiet. F’xi każijiet, il-banek li l-anqas ikkontribwew għall-kriżi tal-2008 kienu fil-fatt l-aktar milqutin riżultat tal-pressjoni mir-regoli adottati b’reazzjoni għall-kriżi nnifisha.

1.3.

Filwaqt li jirrikonoxxi l-progress li għamlet il-Kummissjoni fil-kunsiderazzjoni tagħha tal-iżgħar istituzzjonijiet bankarji u l-inqas kumplessi fl-interventi regolatorji l-aktar reċenti tagħha, il-KESE jemmen li huwa utli li tiżdied aktar il-proporzjonalità tar-regoli bankarji fir-rigward tal-karatteristiċi tal-banek destinatarji, mingħajr ma tiġi ssagrifikata l-effettività tar-regolamenti prudenzjali. Fl-istess ħin, il-prinċipji ġenerali u l-objettivi li fuqhom huma bbażati l-miżuri li ttieħdu minn mindu faqqgħet il-kriżi finanzjarja m’għandhomx jiġu pperikolati jew imdgħajfa, peress li dawn urew li huma bżonnjużi u effettivi. Is-sigurtà, l-istabbiltà u r-reżiljenza tas-sistema finanzjarja huma ta’ importanza kbira.

1.4.

Il-KESE jilqa’ l-posponiment tal-implimentazzjoni tal-ftehimiet ta’ Basel III maqbula reċentement, filwaqt li jinkoraġġixxi, meta jkun il-waqt, it-traspożizzjoni tal-qafas il-ġdid dwar ir-rekwiżiti tal-kapital b'mod li tqis b’mod adegwat id-diversità tal-mudelli ta’ negozju tal-banek fl-Ewropa u l-kontribut tagħhom għad-diversifikazzjoni u r-reżiljenza tal-Unjoni Bankarja.

1.5.

Il-KESE jixtieq, b’mod partikolari, li jiġi valorizzat ir-rwol speċifiku li l-banek nazzjonali u tal-komunità għandhom, li ħafna drabi, f’xi Stati Membri bħall-Italja u Spanja, huma organizzati f’forma ta’ kooperattiva, favur l-SMEs u l-familji fuq skala lokali, u li f’xi każijiet jikkostitwixxu s-sors ewlieni, jekk mhux l-uniku sors, ta’ aċċess għall-kreditu għal eluf ta’ ċittadini u negozji Ewropej.

1.6.

Il-KESE jitlob ukoll rikonoxximent adatt tal-kontribut li l-banek kooperattivi ta’ daqs ikbar fi Stati oħrajn bħall-Ġermanja, l-Awstrija, in-Netherlands u Franza jiġġeneraw għas-sistema bankarja Ewropea. Meta jikkontribwixxu għal riskju sistemiku, dan għandu jitqies kif dovut fir-regolamentazzjoni u s-superviżjoni.

1.7.

Jeħtieġ ukoll niftakru li huma għandhom rwol importanti fit-tħaddim tad-demokrazija ekonomika, li jiffavorixxi l-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati tagħhom stess, li mhumiex sempliċement azzjonisti jew klijenti, iżda membri li jistgħu jipparteċipaw fuq bażi ta’ vot dritt ta' vot wieħed biss għall-membru fil-linji gwida dwar il-governanza, li fil-fatt huma orjentati aktar lejn il-valur tal-partijiet interessati minflok lejn il-valur tal-azzjonisti.

1.8.

Il-KESE jemmen li l-banek Ewropej, inklużi l-banek nazzjonali u kooperattivi, se jaqdu rwol fundamentali fl-irkupru ekonomiku wara l-emerġenza tal-COVID-19 b’appoġġ għall-ekonomija u l-impjiegi.

1.9.

Sistema bankarja diversifikata, li fiha jipparteċipaw għadd ta’ partijiet interessati li għandha għeruq fir-reġjuni u fil-komunitajiet lokali, hija wkoll garanzija importanti għaż-żamma ta’ responsabbiltà soċjali kondiviża li fiha jipparteċipaw iċ-ċittadini, l-SMEs u l-operaturi ekonomiċi individwali b’involviment qawwi fl-ekonomija reali.

2.   Kummenti ġenerali

2.1.

Din l-Opinjoni fuq inizjattiva proprja hija mfassla bħala kontribut mill-KESE għal proġett ta’ Unjoni Bankarja li taqdi l-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli u inklużjoni soċjali meħtieġa biex tiġi żgurata l-kompetittività futura tal-Unjoni Ewropea f’kuntest ta’ sfidi diversi fuq livell globali. F’dan ir-rigward, il-KESE jixtieq jippreżenta l-interessi tas-soċjetà ċivili fir-rigward tal-kisba ta’ Unjoni Bankarja inklużiva, diversifikata u sostenibbli.

2.2.

Dan il-kontribut isegwi numru ta’ pożizzjonijiet oħrajn tal-KESE dwar ir-rwol tal-banek lokali u kooperattivi (1) u llum huwa meħtieġ aktar minn qatt qabel, minħabba x-xenarju l-ġdid riżultat tal-kriżi tas-saħħa, umanitarja, ekonomika, tal-impjiegi u soċjali globali kkawżata mill-emerġenza tal-COVID-19.

2.3.

Iż-żieda kostanti tar-regoli bankarji fil-livell Ewropew u l-issikkar progressiv tagħhom matul is-snin mhux dejjem waslu biex iqisu l-mudelli differenti li jikkontribwixxu għad-diversità bankarja fl-Ewropa u għall-iżvilupp ta’ regoli proporzjonali li huma adattati wkoll għal banek iżgħar u reġjonali.

2.4.

L-argumenti li se jiġu żviluppati hawn taħt jirreferu primarjament għall-banek tal-komunità, li spiss ikunu ta’ dimensjonijiet żgħar u jkollhom struttura ta’ ġestjoni simplifikata. Dawn jirreferu wkoll għall-banek kooperattivi li jinsabu fl-Ewropa skont il-mudelli differenti tagħhom u d-daqsijiet differenti tagħhom. Fil-fatt dawn il-banek huma ta’ daqs żgħir, iżda jinsabu f’ammonti kbar u joperaw fuq livell lokali biss f’xi pajjiżi bħall-Italja u Spanja. Min-naħa l-oħra, fi Stati Membri bħall-Ġermanja, l-Awstrija u n-Netherlands, dawn huma atturi rilevanti, iżda fir-rigward tal-operat tagħhom bħala kooperattiva, huma xorta waħda jikkondividu l-istess karatteristika distinta ta’ banek kooperattivi oħra, jiġifieri li jfittxu l-valur tal-partijiet interessati aktar milli (b’mod predominanti) il-valur tal-azzjonisti. Meta jkunu organizzati fi grupp bankarju elenkat fis-suq tal-ishma, il-banek kooperattivi huma meħtieġa li jikkondividu diversi karatteristiċi ma’ kumpaniji elenkati oħrajn.

2.5.

L-indirizzar tal-kwistjoni tar-regolamentazzjoni bankarja jitlob impenn doppju, jiġifieri ħarsa lura kritika fir-rigward tal-avvenimenti li mas-snin influwenzaw il-qafas regolatorju Ewropew, kif ukoll viżjoni b'perspettiva ċara dwar fejn irridu naslu fil-ġejjieni.

2.6.

B’referenza għall-passat, ta’ min infakkru li l-qafas attwalment fis-seħħ huwa, fil-biċċa l-kbira tiegħu, reazzjoni għall-kriżi tal-2008. Il-leġislatur Ewropew kellu l-intenzjoni li jfassal mill-ġdid ir-regoli biex jirrimedja l-lakuni żvelati mill-kriżi u, fuq kollox, biex il-banek ikunu mgħammra aħjar u jkunu aktar b’saħħithom f’każ ta’ kriżijiet futuri.

2.7.

Filwaqt li l-għanijiet tar-riformi li seħħew kienu u jibqgħu relevanti, huwa żgur li l-impatti u r-riżultati fuq id-diversi partijiet tas-sistema bankarja kienu asimmetriċi minħabba l-approċċ adottat s’issa mir-regolatur bankarju.

2.8.

Il-mudelli differenti li jikkaratterizzaw il-pluraliżmu u d-diversità tas-sistema bankarja Ewropea ma ġewx milquta bl-istess mod mir-riformi li seħħew. F’xi każijiet, fil-fatt, il-mudelli ta’ negozju li l-anqas li kkontribwew għall-kriżi tal-2008, bħal-banek lokali, li ħafna drabi huma ta’ daqs żgħir sa medju u f’xi Stati huma kooperattiva, kienu soġġetti għal pressjoni akbar bħala riżultat ta’ dawn ir-regoli.

2.9.

Minħabba li r-regoli saru dejjem aktar diffiċli li jiġu sostnuti fuq numru ta’ aspetti, il-banek lokali ta’ daqs żgħir u medju ġew soġġetti għal pressjoni regolatorja progressiva biex jingħaqdu ma’ gruppi akbar u jiġu inkorporati, biex ma jiġux mġiegħla joħorġu mis-suq, u dan naqqas id-diversità fis-sistema bankarja Ewropea.

3.   Il-banek reġjonali u r-regolazzjoni bankarja: kunsiderazzjonijiet ġenerali

3.1.

Id-diversi liġijiet introdotti f’dawn l-aħħar snin, permezz tal-implimentazzjoni ta’ ftehimiet internazzjonali u regoli Ewropej, ippenalizzaw lil banek żgħar u medji, speċjalment dawk li huma kooperattivi, reġjonali u b’għan ta’ mutwalizzazzjoni, għal tliet raġunijiet:

a.

l-ispejjeż ta’ konformità riżultat ta’ regolamentazzjoni sostanzjali, kumplessa, dettaljata wisq u li dejjem tinbidel;

b.

rikonoxximent fqir tal-impatt sistemiku li jvarja tal-banek lokali f’termini ta’ riskju;

c.

il-vantaġġ f’termini ta’ spejjeż ta’ finanzjament li jgawdu minnhom banek sistemiċi kbar.

3.2.

Għal dawn ir-raġunijiet, il-KESE jqis li l-leġislatur għandu jaġixxi malajr biex jiżgura li r-regoli bankarji huma strutturalment aktar proporzjonati u adatti għall-karatteristiċi tal-banek destinatarji. Il-leġislatur għandu jkollu l-għan li jilħaq tliet objettivi:

a.

it-tnaqqis tad-distorsjonijiet kompetittivi artifiċjali, ikkaġunati minn regoli mhux proporzjonati/adegwati fir-rigward tal-karatteristiċi differenti tal-banek destinatarji, inklużi l-għanijiet kummerċjali li jiddistingwuhom;

b.

iż-żamma ta’ industrija bankarja Ewropea diversifikata u, għaldaqstant, aktar reżistenti għall-kriżijiet finanzjarji u ekonomiċi ġodda futuri;

c.

il-promozzjoni (u mhux it-tnaqqis) ta’ appoġġ ta’ kreditu għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, meqjusa bħala settur ewlieni tal-ekonomija fl-Ewropa.

3.3.

Il-KESE jappoġġja l-posponiment tal-implimentazzjoni tal-ftehimiet ta’ Basel III maqbula reċentement, filwaqt li jinkoraġġixxi, fil-mument opportun, it-traspożizzjoni fid-dritt tal-Unjoni b'mod li tqis adegwatament id-diversità tal-mudelli ta’ negozju tal-banek fl-Ewropa.

3.4.

Fid-dawl tal-proċess ta’ traspożizzjoni tar-riformi l-ġodda tal-ftehim ta’ Basel, il-KESE jqis li huwa utli li jitfakkru u jkunu appoġġjati s-seba’ prinċipji stabbiliti f’Ġunju 2019 mill-Kumitat Xjentifiku tal-BERS (Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku), li tfasslu qabel it-tnedija finali tal-valutazzjoni konsultattiva tal-BERS innifsu (2).

a.

Adattabbiltà : ir-regolamentazzjoni finanzjarja għandha tkun tista’ tevolvi flimkien mas-sistema finanzjarja u ma għandhiex issir ostaklu għall-innovazzjoni. Dan ifisser ukoll li ma jinħolqux ostakli materjali għad-dħul ta’ banek ġodda fis-settur u li ma jiġux skoraġġuti l-ħolqien ta’ mudelli kummerċjali ġodda jew is-salvagwardja ta’ mudelli bankarji alternattivi stabbiliti fil-passat, bħal pereżempju dak kooperattiv.

b.

Diversità : id-diversità tal-istituzzjonijiet finanzjarji u tal-prattiki kummerċjali għandha tiġi ppreservata, billi din id-diversità hija salvagwardja effiċjenti kontra l-instabbiltà sistemika. L-omoġenizzazzjoni eċċessiva ta’ negozji u attivitajiet regolati għandha tiġi evitata: il-kapaċità li jiġu żviluppati “antikorpi” u forom differenti ta’ reazzjoni/reżiljenza fir-rigward ta’ ċikli ekonomiċi negattivi, pereżempju, billi tissaħħaħ l-istabbiltà ġenerali tal-industrija finanzjarja u, b’mod aktar ġenerali, tal-ekonomija.

c.

Proporzjonalità : il-piż tar-regolamentazzjoni għandu jkun proporzjonat mal-importanza li l-imperfezzjoni tas-suq tiġi kkoreġuta u mal-importanza sistemika ta’ dawk affettwati mir-regolazzjoni.

d.

Possibbiltà ta’ riżoluzzjoni : ir-regolamentazzjoni għandha tippermetti lill-istituzzjonijiet li mhumiex sostenibbli ekonomikament biex joħorġu mis-sistema mingħajr ma jikkompromettu l-istabbiltà sistemika. Madankollu, għandhom jiġu adottati politiki li jqisu l-istruttura interna u l-kumplessità tal-istituzzjonijiet ikkonċernati.

e.

Perspettiva sistemika : ir-regolamentazzjoni finanzjarja għandu jkollha l-għan li tiżgura li s-servizzi finanzjarji essenzjali jiġu pprovduti lis-soċjetà mingħajr interruzzjoni. Sistema regolatorja li tiffavorixxi l-konċentrazzjoni ta’ attivitajiet lejn numru limitat ta’ istituzzjonijiet finanzjarji tista’ twassal għal vulnerabbiltà akbar minħabba li tiddependi fuq is-sopravivenza finanzjarja ta’ dawn il-ftit istituzzjonijiet.

f.

Disponibbiltà tal-informazzjoni : il-fluss ta’ informazzjoni mill-banek għall-awtoritajiet regolatorji, previst mir-regolamenti settorjali, għandu jippermetti l-identifikazzjoni rapida ta’ kanali ta’ “kontaġju”, kif ukoll l-lakuni vulnerabbli.

g.

Leġislazzjoni mhux regolatorja : il-preżenza ta’ qafas regolatorju ma għandhiex twassal biex teskludi soluzzjonijiet stabbiliti barra minn oqsma regolatorji stretti.

4.   Xi proposti konkreti għat-traspożizzjoni tar-regoli l-ġodda fil-qafas regolatorju tal-Unjoni Bankarja

4.1.

Fil-leġislatura Ewropea 2019-2024, jingħata x'nifhmu li l-Kummissjoni Ewropea se tirrevedi l-programm leġislattiv tagħha bħala riżultat tal-emerġenza tal-COVID-19. Sakemm insiru nafu f’hiex se jkun jikkonsisti l-ippjanar il-ġdid, il-KESE jikkunsidra li huwa importanti li ssir ħidma fuq l-għanijiet ewlenin ta' adattament regolatorju tas-sistema bankarja Ewropea li ġejjin.

4.2.

Huwa neċessarju li l-ftehimiet ta’ Basel (konklużi f’Diċembru 2017) jiġu trasposti b’użu aħjar tal-marġnijiet ta’ interpretazzjoni u diskrezzjoni disponibbli għall-UE, meta mqabbel ma’ dak li ġara għal Basel II u Basel III. F’termini ġenerali, huwa ġust li wieħed jagħraf li l-Kummissjoni Ewropea ħadet xi passi fid-direzzjoni t-tajba biex tissimplifika r-regoli fir-rigward ta' istituzzjonijiet bankarji ta’ daqs iżgħar, kif ukoll għamlithom inqas kumplessi f’oqsma differenti bħal rekwiżiti ta’ rappurtar, superviżjoni u ħtiġijiet tal-kapital (fattur ta’ sostenn għall-SMEs). Madankollu, huwa meħtieġ li tkompli taħdem f’din id-direzzjoni billi tadatta, kemm jista’ jkun, ir-regoli għad-diversi mudelli ta’ negozju, mingħajr ma tiġi ssagrifikata l-effettività tar-regolazzjoni prudenzjali.

4.3.

Il-KESE jirrikonoxxi, b’mod partikolari, ir-rwol speċifiku li l-banek reġjonali u tal-komunità, ħafna drabi f’forma ta’ kooperattiva f’ċerti Stati Membri bħall-Italja u Spanja, għandhom għall-SMEs u l-familji. Il-KESE jirrikonoxxi wkoll il-kontribut li l-banek kooperattivi ta’ daqs ikbar minn Stati oħrajn, bħall-Ġermanja, l-Awstrija u n-Netherlands, jiġġeneraw għas-sistema bankarja Ewropea. Meta jikkontribwixxu għal riskju sistemiku, dan għandu jitqies kif dovut fir-regolamentazzjoni u s-superviżjoni.

4.4.

Ikun ta' benefiċċju għan-nisġa ekonomika u bankarja Ewropea li navvanzaw lil hinn mill-ekwazzjoni (prevista mill-Artikolu 40 tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew (3)), li skontha l-banek li jagħmlu parti minn grupp bankarju “sinifikanti” jsiru huma stess “sinifikanti” minkejja li, fil-fatt, jibqgħu pjuttost żgħar f’termini ta’ daqs, rwol u skopertura għall-hekk imsejħa riskji sistemiċi, bil-għan li jiġu rikonoxxuti l-forom ta’ proporzjonalità introdotti f’Mejju 2019 mis-CRDV u s-CRRII (l-hekk imsejjaħ “pakkett bankarju”). B’mod partikolari l-Artikolu 84(4), tas-CRD V u l-Artikolu 4(1)(145) tas-CRR II jintroduċu l-kunċett ta’ “entità żgħira u mhux kumplessa”, li konsegwenza tiegħu għandhom jiġu limitati ċerti rekwiżiti, partikolarment b’rabta mat-termini ta’ obbligi ta’ rappurtar.

4.5.

Il-KESE jemmen li d-definizzjoni ta’ “istituzzjoni żgħira u mhux kumplessa” issa tista’ tippermetti approċċ sistematiku b’rabta mal-kwistjoni tal-proporzjonalità. Is-simplifikazzjoni tal-obbligi għal istituzzjoni żgħira u mhux kumplessa ma għandhiex tkun limitata għall-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligi ta’ rappurtar. Għandha tkun tista' tiġi estiża għal rekwiżiti prudenzjali u superviżorji oħra. Pereżempju, entità żgħira u mhux kumplessa ma għandhiex tkun sorveljata bħala entità “sinifikanti” jekk tkun affiljata ma’ grupp “sinifikanti” li jkun jeħtieġ jiġi sorveljat skont id-dritt nazzjonali. Sitwazzjoni bħal din tista’ fil-fatt tiskatta tip ta’ superviżjoni doppja ta’ banek minuri, superviżjoni li ssir fuq livelli differenti b’impatt negattiv sinifikanti f’termini kemm ta’ spejjeż ta’ konformità għall-banek kif ukoll ta’ spejjeż regolatorji għall-awtoritajiet bankarji.

4.6.

Il-KESE jappella wkoll għar-rieżami tar-regoli u l-mekkaniżmi li jirregolaw ir-riżoluzzjoni u l-likwidazzjoni tal-banek, il-metodi għall-kalkolu tal-MREL (4), l-interventi alternattivi li jistgħu jitwettqu permezz ta’ “Fondi ta’ garanzija tad-depożitanti” (5) stabbiliti minn xi sistemi ta’ banek reġjonali jew kooperattivi, skont dak stabbilit fis-“sentenza Tercas” tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE tad-19 ta’ Marzu 2019 (6).

4.7.

Huwa meħtieġ li r-regolamenti primarji l-ġodda, kif ukoll ir-regoli superviżorji dwar il-finanzi sostenibbli, ma jinbidlux f’aktar piżijiet ta’ “konformità” u mudelli superviżorji “mhux sostenibbli” għal banek żgħar u li għandhom forma legali ta’ soċjetà kooperattiva.

4.8.

Il-KESE jappoġġja dak li l-Kumitat tal-Parlament Ewropew għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji kien ippropona fl-2019 fir-rigward tal-opportunità biex jiġi introdott “fattur ta’ sostenn ekoloġiku u soċjali”, li jippermetti li jitnaqqas l-assorbiment tal-kapital għal self maħruġ mill-banek lill-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u lil intrapriżi li huma involuti ġenwinament fi programmi ta’ żvilupp sostenibbli u inklużivi. Għalhekk, fid-dawl tal-ħtieġa ta’ reżiljenza u stabbiltà tas-settur finanzjarju, l-opportunità li jiġi żviluppat fattur ta’ sostenn ekoloġiku u soċjali għandha tiġi eżaminata u vvalutata tajjeb.

4.9.

Il-KESE jemmen li huwa importanti li l-miżuri regolatorji l-ġodda dwar l-Unjoni Bankarja jagħmlu disponibbli għodod konkreti biex jirrikonoxxu li l-investimenti tal-banek f’attivitajiet b’impatt soċjali u ambjentali pożittiv għandhom jiġu mħeġġa, anke permezz ta’ trattament favorevoli mill-perspettiva tal-kontinġenzi prudenzjali mitlubin mill- Awtorità Bankarja Ewropea (EBA).

4.10.

Din is-sensittività regolatorja hija appoġġjata wkoll mid-data li turi r-riskju aktar baxx ta’ investimenti magħmula minn intrapriżi tal-ekonomija soċjali, li kkawżaw lis-sistema bankarja Ewropea inċidenza kważi insinifikanti ta’ self improduttiv.

4.11.

Il-koleġislaturi laħqu kompromess fir-rebbiegħa tal-2019, u wara li kkonsultaw mal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) fdaw lill-EBA (l-Artikolu 501 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7), CRR) bil-kompitu li tevalwa, abbażi tad-data disponibbli u l-konklużjonijiet tal-grupp ta’ esperti ta’ livell għoli tal-Kummissjoni dwar il-finanzi sostenibbli, jekk trattament prudenzjali ddedikat għall-iskoperturi relatati ma’ attivitajiet sostanzjalment assoċjati ma’ għanijiet ambjentali u/jew soċjali huwiex ġustifikat. Il-KESE jittama li din l-evalwazzjoni tkun dettaljata u pożittiva.

5.   Gruppi bankarji u superviżjoni

5.1.

Fir-rigward tat-twaqqif ta’ gruppi bankarji kooperattivi kif stipulat mir-regolamentazzjoni Ewropea, li permezz tagħhom il-banek komunitarji u reġjonali jingħaqdu flimkien fi gruppi, b’mod partikolari f’xi Stati bħall-Italja u Spanja, biex jilħqu massa kritika akbar għall-attività tagħhom, il-banek reġjonali għandhom ikunu jistgħu jimmaniġġjaw b’mod xieraq l-assorbiment tal-kapital tal-ishma fil-kapital tal-kumpaniji omm rispettivi, sabiex ma jikkompressawx eċċessivament il-kapital destinat għall-iżborż tal-kreditu.

5.2.

Fil-preżent il-qafas legali previst mil-leġislazzjoni Ewropea dwar il-gruppi bankarji jsegwi tliet artikoli tas-CRR:

a.

l-Artikolu 10: gruppi bankarji magħmula minn banek affiljati b’mod permanenti ma’ korp ċentrali, b’kontrogaranziji u b'poteri ta’ ġestjoni u koordinazzjoni (l-Italja, in-Netherlands, il-Finlandja, il-Portugall, il-Lussemburgu);

b.

l-Artikolu 113.6: gruppi b’setgħat ta’ ġestjoni u koordinazzjoni taħt il-kumpanija omm jew sistemi integrati ħafna (Franza);

c.

l-Artikolu 113.7: sistemi ta’ protezzjoni istituzzjonali (IPS): il-Ġermanja, l-Awstrija, Spanja, il-Provinċja ta’ Bolzano, l-Italja.

5.3.

Dawn it-tliet faċilitajiet differenti, fil-fatt, mhumiex kapaċi jirrikonoxxu xi speċifiċitajiet li pjuttost jikkaratterizzaw u jiddistingwu l-operazzjonijiet ta’ dawk il-banek kooperattivi li kienu obbligati jissieħbu fi gruppi bankarji kooperattivi jew sistemi ta’ protezzjoni istituzzjonali wara l-ħolqien tal-Unjoni Bankarja.

5.4.

L-obbligu għall-banek kooperattivi biex jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ mutwalizzazzjoni, biex jiżviluppaw operat limitat għar-reġjuni fejn ġew stabbiliti, il-governanza demokratika tagħhom, in-nuqqas ta’ objettivi ta' ġenerazzjoni ta’ profitti individwali, il-limiti stabbiliti għat-tqassim tal-profitti u l-indiviżibbiltà tal-assi ma jirrikonċiljawx mal-qafas regolatorju attwali.

5.5.

Dan iwassal għar-riskju li tiddgħajjef l-effikaċja tradizzjonali tagħhom bħala banek ta’ żvilupp reġjonali b’funzjoni kontroċiklika li tat prova li taħdem.

6.   Il-qafas ta’ wara l-COVID-19

6.1.

L-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 issa jidher b’mod drammatiku. Ser ikollna nidraw li ngħixu b’livelli ferm ogħla ta’ dejn pubbliku u, sabiex jiġi żgurat li r-riżorsi jaslu fejn għandhom jaslu fil-ħin, is-sistema finanzjarja kollha ser ikollha tiġi mobilizzata bħala parti minn sforz ġenerali komuni li jinvolvi l-awtoritajiet pubbliċi u l-atturi privati.

6.2.

Meta tqiesu l-effetti ta’ wara l-COVID-19, min-naħa tal-awtoritajiet ġie osservat li l-banek Ewropej ser ikollhom isiru “vettura għall-interventi pubbliċi” li jappoġġjaw l-ekonomija u l-impjiegi wara din l-kriżi tas-saħħa. B’konsegwenza ta’ dan, “la r-regolamentazzjoni u lanqas ir-regoli dwar il-kollateral ma għandhom jostakolaw il-ħolqien tal-flessibbiltà kollha meħtieġa fil-karti tal-bilanċ tal-bank għal dan il-għan” (8).

6.3.

Għadu mhux possibbli li nkunu nafu x’evoluzzjoni għall-ekonomija se ġġib il-kriżi tal-COVID-19 u x’se jkun l-impatt aħħari tagħha fuq il-banek, iżda jeħtieġ li jsiru xi riflessjonijiet fid-dawl tal-qafas attwali u futur.

a.

Minn perspettiva regolatorja, l-objettiv ewlieni wara l-kriżi finanzjarja tal-2008 kien li jitnaqqas ir-riskju fil-karti tal-bilanċ tal-banek. Madankollu, wara t-tifqigħa tal-COVID-19 u għal tul ta' żmien li fil-preżent ħadd ma jista’ jbassar, il-karti tal-bilanċ tal-banek se jimtlew bir-riskji tal-Istati u tal-ekonomija reali.

b.

L-SSM, l-EBA u l-ESMA adottaw serje ta’ miżuri fl-ambitu tal-ispazji ta’ flessibbiltà li l-qafas regolatorju attwali jippermettilhom, biex jissospendu xi obbligi jew jillimitaw xi rekwiżiti prudenzjali.

c.

Jekk l-effetti ekonomiċi u finanzjarji tal-kriżi jibqgħu viżibbli b’mod sinifikanti fil-karti bilanċjali tal-banek fil-futur, dan l-impatt se jkollu jitqies matul l-implimentazzjoni tal-ftehim ta’ Basel ta’ Diċembru 2017 fl-UE.

d.

Id-deċiżjoni tal-Kumitat ta’ Basel dwar il-posponiment tal-implimentazzjoni tal-ftehimiet ta' Diċembru 2017 hija bla dubju adatta u neċessarja biex tippermetti lill-banek jiffaċċjaw il-konsegwenzi tal-pandemija, kemm biex jitqies l-impatt tal-kriżi tal-COVID-19 fuq is-sitwazzjoni finanzjarja tal-banek, kif ukoll biex tiġi kkunsidrata aħjar id-diversità bankarja fl-Ewropa.

Brussell, is-16 ta’ Lulju 2020.

Luca JAHIER

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  Il-KESE diġà kien ta l-fehma tiegħu bosta drabi permezz ta’ Opinjonijiet dwar l-Unjoni Bankarja (“Ir-rwol tal-kooperattivi u tal-banek tat-tfaddil fil-koeżjoni territorjali”, għalkemm r-rakkomandazzjonijiet tiegħu ma ngħatawx widen). Fl-2014, fir-rigward tal-Proposta għal Regolament dwar miżuri strutturali li jtejbu r-reżiljenza ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu tal-UE (COM(2014) 43 final – 2014/0020 (COD)), il-KESE ppropona rakkomandazzjonijiet relatati mal-appoġġ għall-ekonomiji lokali u l-ħtieġa għal tfassil ta’ regolamentazzjoni bankarja li tirrispetta l-prinċipju tal-proporzjonalità. Fl-2018, il-KESE ppubblika l-istudju Europe's cooperative banking models (ISBN: 978-92-830-4024-8 Numru tal-katalgu: QE-01-18-233-EN-N) li jiddeskrivi s-sitwazzjoni u l-prospetti tas-sistema bankarja kooperattiva fil-kuntest Ewropew.

(2)  Reports of the Advisory Scientific Committee Regulatory — Complexity and the Quest for Robust Regulation, No 8 / June 2019 [Rapporti tal-Kumitat Xjentifiku Konsultattiv — Il-Kumplessità regolatorja u t-Tfittxija għal Regolamentazzjoni Robusta, Nru 8/Ġunju 2019].

(3)  ĠU L 141, 14.5.2014, p. 1.

(4)  Il-MREL (ir-Rekwiżit Minimu għal fondi proprji u Obbligazzjonijiet Eliġibbli) huwa rekwiżit introdott mid-Direttiva Ewropea dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni tal-Banek (BRRD), li l-għan tagħha huwa li tiżgura l-funzjonament tajjeb tal-mekkaniżmu ta’ rikapitalizzazzjoni interna, biex b’hekk iżżid il-kapaċità ta’ assorbiment tat-telf bankarju.

(5)  Wieħed minn dawn il-fondi li għandu l-għan li jissalvagwardja d-depożitanti huwa operat mill-konsorzju tal-Banek Kooperattivi Taljani (Banche Cooperative Italiane consorziate – BCC-CR). Huwa eżempju tajjeb ta’ mekkaniżmu li ġie stabbilit biex jipproteġi d-depożitanti, u huwa kompletament awtofinanzjat mir-riżorsi proprji tal-banek, b’mekkaniżmu tat-tip mutwalistiku u kooperattiv. Il-Fond jintervjeni f’każ ta’ likwidazzjoni amministrattiva obbligatorja tal-banek membri fil-konsorzju u, f’każ ta’ fergħat ta’ banek ta’ kreditu kooperattivi komunitarji li huma membri u li joperaw fl-Italja, meta s-sistema ta’ garanzija tal-pajjiż ta’ oriġini tkun intervjeniet; fil-każ tar-riżoluzzjoni ta’ banek membri; f’operazzjonijiet għad-disponiment tal-assi, obbligazzjonijiet, kumpaniji, fergħat ta’ attività tal-kumpaniji, beni u tranżazzjonjijiet ġuridiċi identifikabbli fi grupp; biex jingħeleb il-falliment bankarju jew riskju ta’ falliment bankarju ta’ membru fil-konsorzju.

(6)  Din is-sentenza effettivament tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni fejn intervent ta’ appoġġ minn konsorzju irregolat mid-dritt privat favur wieħed mill-membri tiegħu kien jikkostitwixxi “għajnuna mill-Istat”.

(7)  ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1.

(8)  Ara, pereżempju, l-argumenti tal-president preċedenti tal-BĊE Mario Draghi fil-Financial Times, tas-26 ta’ Marzu 2020.