Brussell, 16.12.2020

COM(2020) 822 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

L-indirizzar ta’ self improduttiv wara l-pandemija tal-COVID-19


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

L-indirizzar ta’ self improduttiv wara l-pandemija tal-COVID-19

Introduzzjoni

Il-pandemija tal-COVID-19 wasslet għal tnaqqis qawwi fir-ritmu ekonomiku fl-UE u madwar id-dinja. Biex jipproteġu lill-unitajiet domestiċi u lin-negozji mill-impatt tagħha, ir-regolaturi u s-superviżuri tal-UE ħadu miżuri biex jappoġġaw l-abbiltà immedjata tal-banek li jkomplu jsellfu u jassorbu t-telf relatat mal-pandemija. B’mod partikolari, il-pakkett bankarju tal-COVID-19 tal-Kummissjoni, li inkluda Komunikazzjoni Interpretattiva dwar l-oqfsa ta’ kontabbiltà u prudenzjali tal-Unjoni (“Is-sostenn lin-negozji u lill-unitajiet domestiċi waqt il-COVID-19”) 1 , kif ukoll emendi mmirati ta’ “soluzzjoni ta’ malajr” 2 għar-regoli prudenzjali bankarji tal-UE (ir-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital (Capital Requirements Regulation, CRR) 3 ), immirati biex jiżguraw li l-banek setgħu jkomplu jsellfu lill-unitajiet domestiċi u lin-negozji matul l-aktar fażi akuta tal-kriżi. Il-banek huma parti mis-soluzzjoni tal-lum, li tirrifletti l-pożizzjoni kapitali b’saħħitha tagħhom wara r-riformi sinifikanti mwettqa wara l-kriżi finanzjarja tal-2008. L-Istati Membri ħadu wkoll azzjoni deċiżiva, bi skemi ta’ appoġġ biex itaffu d-diffikultajiet tal-likwidità li jaffettwaw lill-unitajiet domestiċi u lin-negozji. Dawn l-iskemi tipikament jinvolvu skemi ta’ garanzija pubblika u/jew differimenti tal-pagamenti (“moratorji”). Dawn il-miżuri jgħinu lil min jissellef bi problemi temporanji ta’ likwidità u jipprevjenu żieda f’self improduttiv (non-performing loans, NPLs). F’dan ir-rigward, l-Awtorità Bankarja Ewropea (European Banking Authority, EBA) reċentement iddeċidiet li tattiva mill-ġdid il-Linji Gwida tagħha dwar moratorji leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi 4 . Il-Kummissjoni adottat ukoll Qafas Temporanju li jippermetti lill-Istati Membri jużaw il-flessibbiltà sħiħa prevista skont ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat biex jappoġġaw l-ekonomija fil-kuntest tat-tifqigħa tal-COVID-19.

Is-saħħa finanzjarja tas-settur bankarju tal-UE tibqa’ b’saħħitha wara x-xokk ekonomiku u finanzjarju inizjali kkawżat mill-COVID-19, iżda r-riskji huma inklinati lejn in-negattiv. Fit-tieni trimestru tal-2020, il-proporzjon tal-kapital medju tal-Grad 1 għall-banek kollha tal-UE kien ta’ 16,4 %, u l-proporzjon medju tal-NPL kien ta’ 2,8 %. Il-proporzjon tal-kopertura tal-likwidità għal istituzzjonijiet finanzjarji sinifikanti kien 165,5 %, li huwa ammont komdu. Madankollu, minkejja miżuri estensivi ta’ appoġġ fil-livell tal-UE u fil-livell tal-Istati Membri, il-pandemija laqtet l-ekonomija ħażin ħafna, bl-Istati Membri kollha issa jinsabu f’riċessjoni 5 . Il-banek huma esposti għal kumpaniji u individwi li saru finanzjarjament aktar vulnerabbli, b’mod partikolari intrapriżi żgħar u medji (SMEs) li d-dħul u s-sorsi ta’ finanzjament tagħhom huma inqas diversifikati, u industriji speċifiċi (trasport, turiżmu u ospitalità). Huwa għalhekk vitali li s-sitwazzjoni u r-riskji possibbli għall-istabbiltà finanzjarja jiġu mmonitorjati mill-qrib kif ukoll li jiġi żgurat li l-banek ikunu jistgħu jibqa’ jkollhom rwol kostruttiv fl-irkupru wara t-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku. Jista’ jkun hemm bżonn ta’ aktar miżuri strutturali biex tiġi evitata l-akkumulazzjoni ta’ NPLs fuq il-karti tal-bilanċ tal-banek fuq terminu medju. Il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-istituzzjonijiet finanzjarji, is-superviżuri u dawk li jfasslu l-politika fil-livell tal-Unjoni u tal-Istati Membri jieħdu azzjoni determinata b’mod konġunt biex iżidu t-tħejjija tas-sistema finanzjarja, u b’hekk jappoġġaw l-istabbiltà finanzjarja u l-irkupru ekonomiku.

L-indirizzar kmieni kemm jista’ jkun ta’ akkumulazzjoni mill-ġdid ta’ NPLs fuq il-karti tal-bilanċ tal-banek hija lezzjoni ewlenija mill-aħħar kriżi ekonomika. Għalhekk, il-Kummissjoni organizzat diskussjoni mal-partijiet ikkonċernati pubbliċi u privati dwar l-indirizzar ta’ NPLs wara l-pandemija tal-COVID-19 f’Settembru 2020 sabiex jiġu diskussi elementi differenti li jistgħu jikkostitwixxu strateġija effettiva. Fuq il-bażi tal-iskambji f’din id-diskussjoni, il-Kummissjoni temmen li strateġija effettiva jenħtieġ li tiffoka fuq taħlita ta’ azzjonijiet ta’ politika komplimentari sabiex: (i) jiġu żviluppati aktar is-swieq sekondarji għal assi f’diffikultà 6 , u dan jippermetti li NPLs jiċċaqilqu mill-karti tal-bilanċ tal-banek filwaqt li jiżguraw protezzjoni adegwata għad-debituri; u (ii) jiġu riformati l-oqfsa ta’ insolvenza, irkupru tad-dejn, biex jiġi żgurat bilanċ xieraq ta’ imgħax bejn il-kredituri u d-debituri.

Is-swieq sekondarji u l-oqfsa tal-insolvenza wkoll diġà kienu jikkostitwixxu parti importanti mill-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kunsill tal-2017 dwar l-NPLs 7 . Minkejja progress sinifikanti fl-implimentazzjoni, miżuri ewlenin, b’mod partikolari l-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva dwar is-servizzjanti tal-kreditu, ix-xerrejja tal-kreditu u l-irkupru tal-kollateral 8 , għadhom ma ġewx adottati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill. Barra minn hekk, il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (Recovery and Resilience Facility, RRF) tista’ tipprovdi appoġġ sostanzjali għar-riformi biex jitnaqqsu l-NPLs, b’mod partikolari biex jitjiebu l-oqfsa ta’ insolvenza, ġudizzjarji u amministrattivi li jirfdu r-riżoluzzjoni effiċjenti tal-NPL. Fl-aħħar nett, il-banek jenħtieġ li jingħataw inċentivi kemm jista’ jkun biex japplikaw approċċ proattiv biex jinvolvu ruħhom mad-debituri tagħhom kmieni u b’mod kostruttiv. Il-Kummissjoni tappoġġa ulterjorment l-Istati Membri, permezz tal-Istrument ta' Appoġġ Tekniku 9 , biex iħejju l-qafas nazzjonali tagħhom u jsaħħu l-kapaċità tas-superviżuri tagħhom biex jittrattaw livelli dejjem akbar ta’ NPLs.

Fuq il-bażi tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kunsill tal-2017, huma meħtieġa aktar miżuri mmirati biex tiġi indirizzata akkumulazzjoni possibbli ta’ NPLs fuq terminu medju bħala riżultat tal-pandemija tal-COVID-19. Għalhekk, f’din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni tipproponi firxa ta’ miżuri ġodda biex jgħinu fl-indirizzar tal-flussi ta’ NPLs li ġejjin.

Billi għad hemm inċertezza konsiderevoli dwar il-prospetti ekonomiċi taħt il-COVID-19, huwa importanti li wieħed jikkunsidra s-sett usa’ ta’ għodod ta’ politika biex ikun lest biex jindirizza kwalunkwe diffikultà potenzjali ma’ banek individwali. Għal dan il-għan, din il-Komunikazzjoni, filwaqt li tibni fuq il-Pjan Iddettaljat tal-Kummissjoni għall-istabbiliment ta’ kumpaniji tal-immaniġġar tal-assi (KMA) 10 , tipprovdi qafas għall-Istati Membri biex jindirizzaw il-konsegwenzi ekonomiċi tal-COVID-19, fejn meħtieġ. Dan jinkludi kif l-użu possibbli ta’ miżuri ta’ prekawzjoni, f’konformità mal-oqfsa ta’ riżoluzzjoni bankarja u ta’ għajnuna mill-Istat tal-Unjoni, jista’ jintuża biex jgħin fl-indirizzar tal-impatt tal-COVID-19 fuq l-ekonomija, filwaqt li jikkomplimenta l-miżuri ta’ appoġġ fiskali użati, fuq livelli varji, mill-Istati Membri biex jgħinu lin-negozji affettwati.

Meta tiġi indirizzata l-isfida li jiġu indirizzati l-NPLs, huwa importanti li jiġi żgurat li l-konsumaturi, u speċjalment il-persuni vulnerabbli li jissellfu, ikunu protetti b’mod xieraq. Fost il-miżuri li diġà tressqu, b’mod partikolari fir-rigward tas-suq għas-servizzjanti tal-kreditu u għax-xerrejja tal-kreditu, il-Kummissjoni pproponiet li trasferiment ta’ self lil investitur ieħor isostni l-protezzjoni li dawk li jissellfu affettwati kienu qablu mal-bank tas-self oriġinali. 11  Il-Kummissjoni laqgħet ukoll l-“aħjar prattiki” miftiehma mis-settur finanzjarju, u mill-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi u tan-negozji, li jispjegaw kif parteċipanti differenti tas-suq jistgħu jappoġġaw liċ-ċittadini u lin-negozji matul il-kriżi. 12 B’segwitu għal dan il-ftehim, il-Kummissjoni beħsiebha torganizza diskussjoni madwar mejda ġdida biex tieħu rendikont tal-miżuri ta’ solliev offruti matul l-ewwel mewġa tal-pandemija fl-Istati Membri, kif ukoll biex tiddiskuti sa liema punt ġew applikati l-aħjar prattiki fil-prattika, u jekk dawn kinux utli biex jgħinu lill-konsumaturi u lin-negozji jagħmlu użu mill-miżuri nazzjonali ta’ solliev. Fit-teħid ta’ xi azzjoni addizzjonali fil-futur, il-Kummissjoni tkompli żżomm reġim ta’ protezzjoni tal-konsumatur ġust, robust u infurzat b’mod konsistenti.

Sabiex jiġi żgurat li l-istrateġija deskritta f’din il-Komunikazzjoni titwassal b’mod effettiv, il-Kummissjoni se tistabbilixxi bord konsultattiv dwar l-NPL li jikkonsisti minn partijiet ikkonċernati rilevanti fl-industrija u minn organizzazzjonijiet tal-konsumatur. Dan il-bord jappoġġa lill-Kummissjoni fl-implimentazzjoni ta’ ħafna mill-azzjonijiet proposti. L-għan tal-bord ikun li jagħti pariri lill-Kummissjoni fir-rigward ta’ proposti futuri.

1.Żviluppi reċenti f’self improduttiv

Wara titjib gradwali tul dawn l-aħħar snin, il-proporzjonijiet tal-NPL fl-UE raw xi tibdil fix-xejra minħabba l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19. Xprunati prinċipalment minn tnaqqis fl-attivitajiet ta’ bejgħ u ta’ ristrutturar tal-NPL kif ukoll minn inadempjenzi ġodda, l-aktar ċifri reċenti juru li l-proporzjon tal-NPL gross għall-banek kollha tal-UE esperjenza l-ewwel żieda, meta tela’ għal 2,9 % fl-ewwel trimestru tal-2020, żieda minn 2,6 % fir-raba’ trimestru tal-2019 (ara l-Illustrazzjoni 1). Dan temm ix-xejra ġenerali ta’ tnaqqis mir-raba’ trimestru tal-2014. Fit-tieni trimestru tal-2020, il-proporzjon medju ta’ NPL għall-banek kollha tal-UE kien ta’ 2,8 %. Meta wieħed jiffoka fuq istituzzjonijiet sinifikanti 13 , is-sitwazzjoni hija xi ftit differenti, billi l-proporzjon tal-NPL tal-UE ammonta għal 2,94 % fit-tieni trimestru tal-2020, ftit anqas minn 3,05 % fl-ewwel trimestru tal-2020 u 3,22 % fir-raba’ trimestru tal-2019. Il-proporzjon ta’ proviżjonament 14 tjieb b’mod konsiderevoli għal 63,4 % fit-tieni trimestru tal-2020, żieda ta’ 1,6 punti perċentwali minn trimestru għal ieħor u 4,5 punti perċentwali minn sena għal sena. L-ammont assolut ta’ NPLs (valur gross) għall-banek kollha fl-UE huwa ta’ EUR 588 biljun (it-tieni trimestru tal-2020), imqabbel ma’ EUR 585 biljun fl-ewwel trimestru tal-2020 u EUR 646 biljun fir-raba’ trimestru tal-2019. 15 It-Tabella 1 turi li s-sitwazzjoni għadha tvarja b’mod sinifikanti bejn l-Istati Membri.

Ħafna mill-Istati Membri raw progress inkoraġġanti f’dawn l-aħħar snin bis-saħħa ta’ taħlita ta’ tkabbir ekonomiku u azzjoni determinata mill-banek, mis-superviżuri u minn dawk li jfasslu l-politika. Dan iffaċilita t-tnaqqis fil-volumi tal-NPL u l-proporzjonijiet tal-NPL. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kompliet taħdem b’mod kostruttiv mal-Istati Membri biex tippermetti soluzzjonijiet speċifiċi għall-każijiet għall-banek fil-qafas tar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat u l-ġestjoni tal-kriżijiet tal-Unjoni Bankarja.

Illustrazzjoni 1: Il-proporzjon tal-NPL fl-UE

Madankollu, huwa importanti li jiġi rikonoxxut li f’dawn l-aħħar snin, ambjent ekonomiku pjuttost b’saħħtu għen biex jiġu indirizzati l-NPLs f’diversi Stati Membri. F’dawn l-aħħar xhur, it-tnaqqis fil-volum ta’ NPLs naqas jew waqaf, minħabba l-pandemija u l-miżuri ta’ lockdown li jakkumpanjawha. L-analiżi disponibbli tenfasizza ċerti oqsma ta’ tħassib f’termini ta’ kapaċità ta’ ħlas lura, b’mod partikolari għall-SMEs u xi setturi speċifiċi li huma partikolarment affettwati mill-pandemija 16 . Bħalissa, il-miżuri adottati fil-livell nazzjonali b’reazzjoni għall-kriżi impedew nuqqasijiet aktar mifruxin fuq il-ħlas lura tas-self. Dan għen biex titrażżan iż-żieda fl-NPLs. Madankollu, hemm inċertezza dwar kif ir-rilassament tal-miżuri meħuda biex titrażżan il-kriżi se jaffettwa lil min jissellef u lill-banek tagħhom. Barra minn hekk, filwaqt li l-użu sostanzjali ta’ programmi ta’ appoġġ korporattiv ipproteġa lill-banek mit-telf minħabba l-COVID-19 f’diversi Stati Membri, il-banek saru l-ewwel linja ta’ difiża f’dawk il-pajjiżi li ma implimentawx tali programmi (jew li implimentaw biss programmi iżgħar).

Tabella 1: NPLs u dispożizzjonijiet mill-Istat Membru 17

Sors: BĊE. Kalkoli mill-Kummissjoni Ewropea.

Issa li l-ambjent ekonomiku sofra tnaqqis qawwi fir-ritmu ekonomiku, se jkun kruċjali għall-Istati Membri li jieħdu aktar azzjoni politika deċiżiva kif meħtieġ u li jindirizzaw kwistjonijiet fl-oqfsa nazzjonali ta’ insolvenza sabiex il-banek ikunu jistgħu jimmaniġġaw il-fluss li ġej ta’ NPLs ġodda. Dan jippermetti li l-NPLs jiġu indirizzati bl-aktar mod deċiżiv possibbli, u b’hekk tiġi evitata akkumulazzjoni mill-ġdid ta’ NPLs fuq il-karti tal-bilanċ tal-banek. Bħala bażi għal dan, ir-rikonoxximent u l-ġestjoni xierqa ta’ NPLs mill-banek se jibqgħu importanti 18 . Aktar ma l-banek jidentifikaw malajr u jipprovdu għal NPLs potenzjali, aktar ikun mgħaġġel u bla xkiel il-proċess tar-riżoluzzjoni u ta’ tneħħija tal-NPL, u b’hekk jiġi evitat li fil-futur ikun hemm effetti ta’ ħsara li jippersistu. Il-banek jenħtieġ li jiġu mħeġġin ukoll jidentifikaw debituri f’diffikultà kmieni u li jimpenjaw ruħhom b’mod proattiv mad-debituri tagħhom f’ristrutturar f’waqtu u xieraq meta jkun meħtieġ. Fir-rigward tal-kumpaniji b’mod partikolari, il-banek jenħtieġ li jkunu mistennija li jiżviluppaw il-kapaċità li jivvalutaw fil-pront it-tibdiliet fil-kapaċitajiet tagħhom ta’ servizzjar tad-dejn u li jiddifferenzjaw bejn il-ħtiġijiet ta’ likwidità u ta’ solvenza.

2.L-iżvilupp ta’ swieq sekondarji għal assi f’diffikultà

Suq sekondarju profond u likwidu għal assi f’diffikultà jipprovdi lill-banek bil-possibbiltà li jnaqqsu l-NPLs tagħhom billi jbigħuhom lil investituri terzi. Dan jgħin lill-banek jiffokaw fuq l-attivitajiet ewlenin tagħhom billi jilliberaw spazju fil-karti tal-bilanċ tal-banek għal self ġdid, u b’hekk ikunu jistgħu jiffinanzjaw l-irkupru ekonomiku. Jenħtieġ li jiġu mħeġġa d-dħul u l-parteċipazzjoni aktar faċli fis-suq, speċjalment għal bejjiegħa u xerrejja iżgħar li jistgħu jkunu kruċjali għar-riżoluzzjoni tal-NPL fil-livell lokali.

Pass vitali huwa li jintlaħaq malajr ftehim dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva dwar is-servizzjanti tal-kreditu, ix-xerrejja tal-kreditu u l-irkupru tal-kollateral adottata f’Marzu 2018 19 . Din il-proposta għandha l-għan li tiftaħ is-swieq filwaqt li tiżgura li l-protezzjoni tad-debitur fis-suq uniku ma tiddgħajjifx f’każ ta’ bejgħ tas-self fir-rigward tal-protezzjoni li l-bank tas-self inizjali offra. Dan jiżgura li l-obbligi tal-protezzjoni tal-konsumatur jiġu rispettati irrispettivament minn kif jiġu solvuti l-NPLs. Il-Kunsill laħaq mandat ta’ negozjar dwar il-proposta, iżda l-Parlament Ewropew għadu mhux lest li jibda negozjati interistituzzjonali.

Sabiex tiġi evitata akkumulazzjoni mġedda ta’ NPLs fuq il-karti tal-bilanċ tal-banek fuq perjodu ta’ żmien itwal, il-Kummissjoni pproponiet ukoll titjib immirat għall-qafas ta’ titolizzazzjoni għall-iskoperturi improduttivi tal-banek (NPEs 20 ). 21 Il-Kummissjoni tqis favorevoli l-ftehim milħuq bejn il-koleġiżlaturi f'Diċembru 2020. Dan it-titjib jipprovdi appoġġ kruċjali fl-indirizzar tal-konsegwenzi tal-kriżi tal-COVID-19. It-tneħħija tal-ostakli regolatorji eżistenti u l-emendar tal-qafas tat-titolizzazzjoni biex jindirizza l-karatteristiċi speċjali tat-titolizzazzjonijiet tal-NPE, filwaqt li jinżammu standards prudenzjali għoljin, jippermettu l-użu usa’ ta’ din l-għodda mill-banek biex jeħilsu l-karti tal-bilanċ tagħhom mill-NPEs.

2.1.It-titjib tal-kwalità tad-data u l-komparabbiltà tad-data

Aktar titjib fil-kwalità u fil-komparabilità tad-data dwar l-NPLs tkun azzjoni ewlenija fit-trawwim ta’ swieq sekondarji għal NPLs bħal dawn. Il-mudelli tad-data li l-EBA żviluppat fl-2017 punt tat-tluq tajjeb għal sett ta’ data komuni għat-tranżazzjonijiet tal-NPL fl-UE, u dan jiffaċilita d-diliġenza dovuta finanzjarja u l-valwazzjoni ta’ tranżazzjonijiet tal-NPL. Dawn il-mudelli jimmiraw li jnaqqsu l-assimetriji tal-informazzjoni fis-swieq tal-NPL tal-UE u jistgħu jkunu punt tat-tluq għal standard komuni ta’ data għat-tranżazzjonijiet, li jippermetti li l-NPLs jitqabblu, anki f’ġurisdizzjonijiet differenti.

Madankollu, dawn il-mudelli għadhom ma jintużawx b’mod wiesa’ mill-parteċipanti fis-suq minħabba n-natura volontarja u l-kumplessità tagħhom, u dan jagħmilha importanti li jiġu esplorati modi biex jiġi estiż l-użu tagħhom. Għalhekk, kmieni fl-2021, il-Kummissjoni jkollha l-għan li tagħti mandat lill-EBA biex tirrevedi l-mudelli bbażati fuq konsultazzjoni ma’ parteċipanti fis-suq, kemm min-naħa tax-xerrej kif ukoll min-naħa tal-bejjiegħ, li għandha ssir fl-2021. Ir-reviżjoni jenħtieġ li tfittex li tiddistingwi aħjar bejn data kritika u data mhux kritika skont esperjenza prattika minn tranżazzjonijiet preċedenti tal-NPL u li tindirizza l-ħtiġijiet tax-xerrejja filwaqt li tqis data eżistenti u l-kostijiet tal-ipproċessar tad-data għall-bejjiegħa. Dan ġie indikat b’mod ċar fid-diskussjonijiet mal-partijiet ikkonċernati fid-diskussjoni dwar l-NPL tal-Kummissjoni f’Settembru 2020. It-twaqqit kumplessiv ta’ din l-inizjattiva jiddependi fuq l-adozzjoni tad-direttiva proposta dwar is-servizzjanti ta’ kreditu u x-xerrejja ta’ kreditu, li tippermetti li l-mudell tad-data tal-EBA rivedut, aktar proporzjonat u aktar sempliċi jinbidel fi standards tekniċi implimentattivi.

Biex jitwessa’ l-użu tal-mudell mill-parteċipanti fis-suq u b’hekk jitjiebu l-komparabbiltà u l-kwalità tad-data, il-mudell jista’ jsir obbligatorju, inizjalment għal NPLs ġodda biss, jiġifieri għal self li jsir improduttiv wara data ta’ limitu speċifika. L-istandard tad-data jkun obbligatorju, iżda jista’ jkun hemm xi flessibbiltà fl-oqsma tad-data li jridu jimtlew. F’dan ir-rigward, l-EBA jkollha bżonn tagħti gwida dwar liema informazzjoni titqies bħala kritika, wara konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati. Barra minn hekk, il-banek jenħtieġ li ma jiġux penalizzati jekk ma jkollhomx data mhux essenzjali. Għaldaqstant, is-suq sekondarju tal-NPLs jkun appoġġat bl-aħjar mod billi l-użu tal-mudell isir mandatorju, iżda l-fornituri tad-data titħallielhom l-għażla tal-ebda data, jekk ikun meħtieġ għal kampjiet tad-data speċifiċi li ma jkunux essenzjali.

2.2.L-infrastruttura tad-data

Biex tiżdied it-trasparenza tas-suq f’livell granulari, il-Kummissjoni tqis li jkun xieraq li jiġi stabbilit ċentru tad-data ċentrali fil-livell tal-UE. Ċentru bħal dan jaġixxi bħala repożitorju tad-data li jsostni s-suq tal-NPL. Dan jopera bażi tad-data elettronika komprensiva (aġġornata regolarment), jivvaluta l-informazzjoni u jipprovdi aċċess għall-parteċipanti fis-suq, b’mod partikolari l-bejjiegħa tal-kreditu, ix-xerrejja tal-kreditu, is-servizzjanti tal-kreditu, il-bejjiegħa tal-NPL u l-pjattaformi privati tal-NPL. Iċ-ċentru jkun joffri pjattaforma għall-kooperazzjoni u għall-koordinazzjoni b’kamp ta’ applikazzjoni panEwropew 22 . Iċ-ċentru jista’ jgħin biex jiġi stabbilit standard komuni tad-data (li jżid l-użu tal-mudell tad-data tal-EBA bħala l-istandard għat-twettiq tat-tranżazzjonijiet tal-NPL), joffri kontrolli tal-kwalità tad-data u validazzjoni awtomatizzata, u jgħin lill-bejjiegħa bit-tħejjija tad-data tagħhom għar-rapportar.

Fuq il-bażi ta’ konsultazzjoni pubblika, ippjanata għall-ewwel sitt xhur tal-2021, il-Kummissjoni se tesplora diversi alternattivi għall-istabbiliment ta’ ċentru tad-data fil-livell Ewropew u se tiddetermina kif l-aħjar għandha timxi ’l quddiem. Pereżempju, waħda mill-għażliet tista’ tkun li jiġi stabbilit iċ-ċentru tad-data billi jiġi estiż il-mandat tal-European DataWarehouse (ED) eżistenti. 23  

Iċ-ċentru tad-data fil-livell Ewropew jiġbor u jaħżen data anonimizzata dwar tranżazzjonijiet ta’ NPL li saru u jipprovdi dawn id-dettalji tat-tranżazzjonijiet ta’ wara n-negozjar u l-prezzijiet tal-bejgħ lill-parteċipanti fis-suq 24 . Dan jippermetti lill-parteċipanti fis-suq biex iqabblu t-tranżazzjonijiet u jiksbu għarfien dwar il-prezzijiet attwali tal-assi u l-likwidità tas-suq fuq bażi sistematika. Iċ-ċentru tad-data jista’ jipprovdi wkoll informazzjoni dwar l-investituri, il-preferenzi u l-profili tagħhom kif ukoll informazzjoni ġenerali dwar il-proċessi ġudizzjarji.

Lil hinn mill-informazzjoni dwar it-tranżazzjonijiet infushom, l-informazzjoni ta’ wara n-negozjar ipprovduta minn xerrejja tal-NPL dwar il-fluss tal-flus tal-workout għall-assi li jkunu xtraw tista’ twassal għal intuwiti kruċjali fis-suq għall-NPLs. 25 Id-data dwar il-prestazzjoni hija informazzjoni ewlenija li l-investituri attwalment ma għandhomx pubblikament fis-suq. B’mod partikolari, l-informazzjoni dwar l-irkupru u l-flussi tal-flus tal-ispejjeż tappoġġa l-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-investituri interessati f’assi simili u tgħinhom jiddeterminaw il-prezzijiet li huma lesti jħallsu u tgħin biex tonqos l-inċertezza. L-inċentiva għax-xerrejja tal-NPL li jibagħtu din l-informazzjoni ex post primarjament tkun il-prospett li se jiksbu aċċess fuq in-naħa l-oħra, li tipprovdilhom għarfien dwar il-prestazzjoni fil-workout ta’ assi komparabbli. Dan jipprovdi parametru referenzjarju u jtejjeb l-istimi tagħhom ta’ prezzijiet/offerti ġusti fi tranżazzjonijiet futuri.

It-twassil ta’ iżjed trasparenza b’dan il-mod ikun kruċjali biex tiġi sostnuta l-iskoperta tal-prezzijiet u b’hekk is-swieq isiru iżjed effiċjenti. Dan jgħin biex titnaqqas il-firxa bejn it-talba u l-offerta li spiss tkun waħda għolja, li tibqa’ ostaklu materjali li jimpedixxi milli jseħħu ħafna tranżazzjonijiet. Il-banek, is-servizzjanti ta’ kreditu, il-KMA u x-xerrejja potenzjali tal-kreditu jikkondividu l-informazzjoni maċ-ċentru tad-data dwar it-tranżazzjonijiet u dwar il-prestazzjoni ta’ wara n-negozjar tal-assi. Min-naħa tagħhom, dawn il-fornituri tad-data jiksbu aċċess għal ġabra ta’ data anonimizzata u għal servizzi analitiċi offruti miċ-ċentru tad-data. Dan huwa importanti minħabba li l-partijiet ikkonċernati għandhom it-tendenza li jagħtu/jaqsmu d-data sabiex ikunu jistgħu jiksbu aċċess għan-naħa l-oħra. Jekk din id-data ta’ wara n-negozjar tkun tista’ tiġi kkonsolidata f’post wieħed, din ittaffi din il-kwistjoni għas-suq sekondarju. Data dettaljata dwar ir-rati ta’ rkupru u t-twaqqit tal-workout skont il-klassi tal-assi, il-proċess legali u l-ġuriżdizzjoni ċertament jgħinu lill-investituri jwessgħu l-attivitajiet tagħhom madwar l-UE. L-inizjattivi eżistenti għall-ippuljar tad-data juru b’mod ċar il-ħtieġa għal data addizzjonali ta’ workout. Għalhekk, iċ-ċentru tad-data jista’ jipprovdi utilità ewlenija tas-suq f’dan ir-rigward, u jwassal għal aktar trasparenza u għal informazzjoni tas-suq sekondarju dwar l-NPLs. Din l-inizjattiva jkun jeħtiġilha tikkonforma mar-Regolament Ġenerali tal-UE dwar il-Protezzjoni tad-Data (General Data Protection Regulation, GDPR)u jeħtieġ li tiggarantixxi li l-informazzjoni pprovduta lil terzi persuni tintuża biss biex tippromwovi s-suq sekondarju tal-NPL u mhux biex tiġbor data fuq il-karta tal-bilanċ tal-banek għal skopijiet oħra (pereżempju proċessi ta’ fużjonijiet u akkwiżizzjonijiet) 26 .

2.3.L-ingranaġġ ta’ sorsi ta’ data eżistenti

Il-parteċipanti fis-suq jistgħu jkunu iżjed attivi u effiċjenti jekk jingħataw iżjed data u data aħjar. Data anonimizzata, jekk tkun granulari biżżejjed, tista’ tintuża biex jinkisbu aggregati utli flimkien mal-informazzjoni aggregata diġà pprovduta fuq il-bażi tal-iżvelar tal-Pilastru 3 27 mill-banek bl-użu tal-istandards żviluppati mill-EBA. Sabiex jiġu ottimizzati r-riżorsi, ir-rapportar jista’ jiġi integrat b’mod utli fil-mudell tal-punt ta’ data tal-EBA eżistenti u żviluppat f’kollaborazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet kompetenti.

Hemm għadd ta’ sorsi ta’ data li diġà jeżistu u jistgħu jiffurmaw il-bażi għal rapporti regolari dwar informazzjoni aggregata li tkun disponibbli għall-parteċipanti fis-suq sekondarju. L-entitajiet li jiġbru u li jaħżnu l-informazzjoni jieħdu ħsieb ir-rapportar, u b’hekk jevitaw kull piż ta’ rapportar addizzjonali fuq, pereżempju, il-banek. Il-Kummissjoni tesplora kmieni fl-2021, flimkien mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, kif dawn is-settijiet ta’ data eżistenti jistgħu jiġu mmobilizzati u magħmula disponibbli għall-parteċipanti fis-suq f’forom aggregati kif xieraq biex tiġi żgurata l-kunfidenzjalità tal-banek u tal-mutwatarju. Dan ikun ta’ vantaġġ rapidu bi prezz baxx. Jekk isir f’livell xieraq ta’ granularità, dan jista’ jtejjeb l-informazzjoni disponibbli għal investituri ġodda u l-abilità tal-investituri li jipparteċipaw f’pajjiżi li ma jagħmlux parti mill-kompetenza ewlenija tagħhom. 28 Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tesplora kif il-kooperazzjoni u l-konnessjonijiet jistgħu jiġu kkultivati bejn iċ-ċentru tad-data fil-livell Ewropew u dawn is-sorsi tad-data.

Eżempji ewlenin tas-sorsi tad-data eżistenti jinkludu:

-Is-“Sett ta’ Data tal-Kreditu Analitiku” tal-BĊE (“AnaCredit”), li jiġbor u li jikkondividi data granulari dwar ir-riskju ta’ kreditu fis-settur bankarju tal-UE.

-Ir-repożitorji tat-titolizzazzjoni, li jiġbru u li jżommu b’mod ċentrali r-rekords tal-istrumenti tat-titolizzazzjoni u l-assi sottostanti. Għalhekk għandhom data tajba dwar il-livell tas-self, li tista’ tipprovdi wkoll intuwitu siewi lill-parteċipanti fis-suq sekondarju tal-NPL.

-Ir-rapportar ta’ data mill-banek dwar iż-żmien sal-irkupru u dwar ir-rati ta’ rkupru (gross u nett mill-kostijiet ta’ rkupru): b’segwitu għall-Pjan ta’ Azzjoni tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali (Capital Markets Union, CMU) tal-24 ta’ Settembru 2020 29 , il-Kummissjoni l-ewwel se tivvaluta l-fattibbiltà ta’ rapportar rikorrenti, billi kemm jista' jkun, jintużaw punti ta’ data eżistenti.

Fl-aħħar, il-Kummissjoni tikkonsulta lill-partijiet ikkonċernati fl-ewwel nofs tal-2021 dwar ir-rieżami potenzjali tar-rekwiżiti ta’ żvelar skont is-CRR tal-Pilastru 3. Eżempji ta’ żvelar ulterjuri li jkun ta’ benefiċċju għas-swieq jistgħu jinkludu r-rata ta’ kura, iż-żmien għall-irkupru, ir-rata ta’ rkupru, eċċ. Ir-rilaxx ta’ tali informazzjoni addizzjonali jenħtieġ li ma tkunx ta’ żvantaġġ għall-banek, billi l-informazzjoni tista’ żżid ulterjorment it-trasparenza fuq l-NPLs għall-benefiċċju tas-swieq sekondarji. Filwaqt li żżomm f’moħħha t-trikkib potenzjali mal-mudelli tad-data tal-NPL, l-EBA tkun mistiedna teżamina dan fid-dettall biex tiżgura żvilupp effiċjenti u proporzjonat tar-rekwiżiti tal-iżvelar.

2.4.Il-proċess tal-bejgħ tal-“aħjar eżekuzzjoni”

Sat-tielet kwart tal-2021, il-Kummissjoni se jkollha l-għan li tiżviluppa gwida għall-bejjiegħa tal-NPLs, f’kooperazzjoni mal-EBA u f’diskussjoni ma’ partijiet ikkonċernati rilevanti oħrajn. Dan ikun jinkludi rakkomandazzjonijiet dwar x’jikkostitwixxi proċess ta’ bejgħ bl-“aħjar eżekuzzjoni” għat-tranżazzjonijiet fis-swieq sekondarji. Dan jinkoraġġixxi proċessi tajbin min-naħa tal-bejgħ b’mod ġenerali u jista’ jgħin b’mod partikolari lill-banek jew lill-bejjiegħa iżgħar, li jista’ jkollhom inqas esperjenza bi tranżazzjonijiet tas-suq sekondarju. Il-gwida tista’ tiddeskrivi xi kundizzjonijiet biex tgħin biex jinkiseb riżultat ta’ suċċess, li jista’ jinkludi: l-iżgurar ta’ proċess ta’ bejgħ mhux diskriminatorju/newtrali, il-ħtieġa li ssir pubbliċità wiesgħa, sett komuni ta’ materjali ta’ diliġenza dovuta, l-aċċettazzjoni ta’ offerti b’mod elettroniku, l-użu ta’ mudelli ta’ data tal-EBA, eċċ. Il-parteċipanti fis-suq ma jkunux obbligati jsegwu r-rakkomandazzjonijiet ifformulati f’dan id-dokument, li minflok iservu bħala għodda li tiggwida proċessi ta’ bejgħ tajbin.

Il-gwida tista’ tipprovdi wkoll informazzjoni dwar il-valur miżjud possibbli tal-pjattaformi tat-tranżazzjonijiet tal-NPL fil-proċess tal-bejgħ. Dan jista’ jgħin lill-banek, b’mod partikolari lil dawk iżgħar, jiddeċiedu jekk jużawx pjattaformi ta’ tranżazzjoni u jekk jużawx dawn il-pjattaformi biex jappoġġaw l-objettivi tagħhom. Dan il-proċess ta’ bejgħ bl-aħjar eżekuzzjoni jista’ għalhekk jipprovdi għal spinta indiretta lejn l-użu ta’ pjattaformi bħal dawn.

2.5.Indirizzar ta’ impedimenti regolatorji għax-xiri ta’ NPL mill-banek

Wieħed mill-impedimenti li fadal għall-banek li jixtru NPLs fis-suq sekondarju għandu x’jaqsam mat-trattament regolatorju tal-assi inadempjenti mixtrija u l-ponderazzjonijiet tar-riskju li l-banek jeħtieġu japplikaw biex jikkalkulaw ir-rekwiżiti kapitali skont l-Approċċ Standardizzat għar-riskju ta’ kreditu. L-Artikolu 127 tas-CRR jiddikjara li jekk skopertura inadempjenti mhux garantita tkun koperta/b’valwazzjoni negattiva b’aktar minn 20 %, il-ponderazzjoni tar-riskju jenħtieġ li tkun ta’ 100 %, inkella ta’ 150 %. Madankollu, jista’ jingħata kont biss ta’ provvedimenti/valutazzjonijiet negattivi (l-hekk imsejħa “aġġustamenti tar-riskju ta’ kreditu”) magħmula mill-istituzzjoni nnifisha, u mhux valutazzjonijiet negattivi li jingħata kont tagħhom fil-prezz tat-tranżazzjoni tal-iskopertura. Fil-prattika, dan jista’ jwassal għal sitwazzjoni fejn ix-xerrejja tal-NPL ikunu jeħtieġu li japplikaw ponderazzjoni tar-riskju ogħla għall-istess NPLs mhux garantiti milli jkun għamel il-bejjiegħ. L-indirizzar ta’ din il-kwistjoni jkun ta’ benefiċċju l-aktar għall-banek iżgħar li jixtru NPLs – inklużi xi xerrejja speċjalizzati tal-NPL li jkollhom liċenzja bankarja – billi dawn normalment jużaw l-Approċċ Standardizzat għar-riskju ta’ kreditu. Din il-miżura tgħin biex tiżdied il-kompetizzjoni min-naħa tax-xiri.

Kmieni fl-2021, il-Kummissjoni beħsiebha tiżviluppa, flimkien mal-EBA, approċċ xieraq, li jnaqqas il-ponderazzjoni tar-riskju fuq assi inadempjenti mixtrija għal livell xieraq. Approċċ bħal dan jeħtieġ li jkun konsistenti mal-qafas regolatorju ġenerali, u, jekk ikun meħtieġ, ma’ salvagwardji xierqa biex tiġi evitata sottovalutazzjoni tar-riskju.

3.Kumpaniji tal-immaniġġar tal-assi

Il-kumpaniji tal-immaniġġar tal-assi (KMA) joffru għadd ta’ benefiċċji għall-indirizzar tal-NPLs. Huma jipprovdu miżura effettiva ħafna f’ċirkostanzi speċifiċi, jiġifieri meta l-assi indeboliti jaffettwaw parti kbira mis-sistema bankarja domestika u jkopru prinċipalment self garantit minn proprjetà immobbli kummerċjali u skoperturi korporattivi kbar. Il-mira primarja tagħhom hija li jneħħu l-NPLs mill-karti tal-bilanċ tal-banek u li jieħdu l-aktar valur minnhom permezz ta’ workouts attivi u rkupru fil-prezzijiet tal-assi maż-żmien.

Huwa importanti li wieħed jinnota li l-KMA jistgħu jkunu ffinanzjati b’mod privat jew (parzjalment) pubblikament. Anki meta jkun involut (xi) finanzjament pubbliku, dan ma jkunx għajnuna mill-Istat jekk l-Istat ikun jista’ jitqies li qed jaġixxi b’mod simili għal operatur f’ekonomija tas-suq. L-għażla ta’ KMA li tinvolvi għajnuna mill-Istat jenħtieġ li ma titqiesx bħala s-soluzzjoni awtomatika billi l-KMA jistgħu jieħdu diversi forom u jistgħu jiġu strutturati u ffinanzjati b’diversi modi. Il-KMA jistgħu jkunu deċentralizzati, u joffru approċċi mmirati u speċifiċi għall-banek. Inkella, il-KMA jistgħu jiġu stabbiliti fil-livell nazzjonali. Tali KMA nazzjonali jistgħu jiksbu u jiċċentralizzaw l-għarfien espert, jibbenefikaw minn ekonomiji ta’ skala u koordinazzjoni tal-kredituri f’livell ogħla, u jipprovdu solliev lill-banek affettwati li jkunu qed isibuha diffiċli biex jimmaniġġjaw l-NPLs tagħhom. Dan għandu jgħin lill-banek jiffokaw mill-ġdid fuq is-self lil kumpaniji u lil unitajiet domestiċi vijabbli. Lil hinn mill-KMA, diversi miżuri alternattivi ta’ assi indeboliti ġew implimentati b’suċċess f’dawn l-aħħar snin minn diversi Stati Membri. Miżuri alternattivi ta’ assi indeboliti jistgħu jinkludu, fost l-oħrajn, inizjattivi xprunati mill-banek, approċċi bbażati fuq it-titolizzazzjoni, garanziji jew skemi ta’ protezzjoni tal-assi (asset protection schemes, APSs) kif ukoll KMA ad hoc komuni għal bank wieħed jew għal għadd limitat ta’ banek  Il-KMA u l-APSs isegwu għanijiet simili, u jistgħu jikkumplimentaw lil xulxin, u b’hekk jippermettu approċċi mfassla għas-sitwazzjoni speċifika tal-assi indeboliti fi Stat Membru. F’dan ir-rigward, xi Stati Membri diġà qed jaħdmu b’soluzzjonijiet ta’ titolizzazzjoni sistemiċi, bħall-iskema bla għajnuna Garanzia sulla Cartolarizzazione delle Sofferenze (GACS) fl-Italja, u l-iskema bla għajnuna Hercules fil-Greċja, li t-tnejn li huma kellhom suċċess u fejn qed jiġu ppjanati tranżazzjonijiet ġodda.

Il-KMA jkollhom bżonn ta’ biżżejjed setgħa finanzjarja f’termini ta’ kapaċità li jassorbu t-telf/ekwità sabiex jagħmlu kontribut sinifikanti għall-indirizzar ta’ NPLs minħabba l-COVID. Meta jiffukaw fuq il-possibbiltà li jistabbilixxu KMA fil-livell nazzjonali, huma għalhekk ikollhom bżonn li jingħataw pakkett finanzjarju sostanzjali mill-bidu nett. Fil-każ ta’ KMA pubbliċi, din il-kontribuzzjoni aktarx tieħu l-forma ta’ injezzjoni ta’ ekwità flimkien ma’ garanziji fuq il-finanzjament tal-KMA. Il-finanzjament tas-suq mingħajr garanzija jenħtieġ li jiġi esplorat bħala parti mill-proċess tat-tfassil u, jekk ikun fattibbli, jista’ jiġi ppreferut fuq il-finanzjament garantit mill-gvern. Madankollu, anke jekk il-kapital privat u l-finanzjament jistgħu jiġu attirati, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet probabbilment ikun meħtieġ finanzjament pubbliku mdaqqas, li jkun jeħtieġ valutazzjoni tal-Għajnuna mill-Istat.

Il-KMA nazzjonali jistgħu jiġu stabbiliti skont il-ħtiġijiet tas-settur bankarju domestiku. Il-perimetru tal-assi jista’ jiġi definit b’tali mod li jimmassimizza l-potenzjal u l-gwadanji fuq l-investimenti. Din il-flessibbiltà fuq il-perimetru tal-assi jenħtieġ li tiġi inkwadrata mill-gwida tal-Pjan Iddettaljat għall-KMA tal-Kummissjoni billi xi klassijiet ta’ assi huma aktar diffiċli biex jiġu ġestiti u jista’ jkun ta’ sfida li jiġi rkuprat il-valur minnhom. Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-assi li għandhom jiġu trasferiti lil KMA jenħtieġ li dejjem jiġi żviluppat b’tali mod li l-effettività ġenerali tal-KMA ma tkunx indebolita.

Sabiex tissaħħaħ il-kooperazzjoni fost il-KMA nazzjonali u jinħolqu sinerġiji siewja, jista’ jkun permess network transfruntier fil-livell tal-UE. Il-KMA nazzjonali jistgħu jiskambjaw l-aħjar prattiki u esperjenza, jimplimentaw standards ta’ data u trasparenza u jikkoordinaw azzjonijiet tal-kredituri fejn meħtieġ. Dan in-network ikun għalhekk jista’ jżid l-effettività kollettiva ta’ KMA nazzjonali madwar l-UE.

L-akbar benefiċċju ta’ tali kooperazzjoni jkun li jittieħed vantaġġ mill-ekonomiji ta’ skala meta tiġi ttrattata l-informazzjoni. Jista’ jitqies li ċ-ċentru tad-data msemmi hawn fuq fil-livell Ewropew jista’ jkun adattat biex jipprovdi pjattaforma ddedikata għall-koordinazzjoni u għall-kooperazzjoni bejn KMA nazzjonali. Barra minn hekk, billi l-KMA jintrabtu maċ-ċentru tad-data, ikun possibbli li jimtlew xi nuqqasijiet sinifikanti fid-data u tiżdied it-trasparenza fis-suq. Dan huwa importanti billi l-KMA għandhom ammont kbir ta’ data li tista’ tkun ta’ valur għas-suq usa’. Għalhekk, il-KMA nazzjonali jistgħu jiġbru u jippubblikaw data relatata mal-NPL (qabel in-negozjar) f’formati standard għal aktar trasparenza tas-suq, filwaqt li jibqgħu konformi mal-GDPR. L-iżvelar tal-investimenti u l-prestazzjoni tal-NPLs miżmuma mill-KMA permezz taċ-ċentru tad-data fil-livell Ewropew jippermettu lill-investituri u lill-pjattaformi tat-tranżazzjonijiet jikkompetu b’mod aktar effiċjenti għall-assi tal-KMA u biex l-NPLs jiġu pprezzati b’mod aktar preċiż. Barra minn hekk, il-KMA jistgħu, fejn xieraq, jgħaqqdu l-isforzi biex jistabbilixxu pjattaforma ta’ tranżazzjoni konġunta fil-livell Ewropew. Billi ħafna KMA individwali jistabbilixxu pjattaformi bħal dawn waħedhom biex jiffaċilitaw il-bejgħ u jilħqu bażi usa’ ta’ investituri, dawn l-isforzi jistgħu jingħaqdu biex tiġi stabbilita pjattaforma unika ta’ tranżazzjoni dedikata għall-bejgħ minn KMA parteċipanti. Dan jista’ wkoll itejjeb il-kooperazzjoni ma’ fornituri ta’ servizzi terzi rilevanti.

Il-benefiċċji ta’ approċċ ta’ network jiddependu fuq il-grad ta’ omoġeneità u fuq in-numru ta’ KMA nazzjonali. L-ewwel nett, kull KMA nazzjonali tkun teħtieġ li tiġi stabbilita b’mod xieraq sabiex tiġi żgurata l-effiċjenza fin-network. Id-diskrepanzi fid-disinji, fl-operazzjonijiet, fil-prattiki, eċċ. tal-KMA jista’ jkollhom effetti negattivi sinifikanti fuq il-kooperazzjoni possibbli bejn il-KMA. Għalhekk, il-Kummissjoni se tinkoraġġixxi b’mod attiv l-implimentazzjoni xierqa tal-Pjan Iddettaljat għall-KMA dwar dawn il-kwistjonijiet. It-tieni, numru aktar limitat ta’ KMA nazzjonali jista’ jfixkel uħud mill-effetti pożittivi tan-network li jistgħu jirriżultaw minn kooperazzjoni msaħħa fost il-KMA. Madankollu, xorta jkun utli li dawn il-KMA jintrabtu maċ-ċentru tad-data fil-livell Ewropew. Imbagħad ikunu jistgħu jużawh biex jikkoordinaw u jikkooperaw ma’ xulxin sabiex jaqsmu l-aħjar prattiki u informazzjoni dwar l-investituri, id-debituri u s-servizzjanti. Il-KMA jkunu jistgħu jiżviluppaw ħarsa ġenerali aħjar tad-differenzi fil-prestazzjoni f’termini ta’ rkupru madwar l-Istati Membri, li tippermetti li jinkisbu diversi lezzjonijiet meta jitqabblu s-suċċessi u n-nuqqasijiet ta’ dawn il-ġurisdizzjonijiet.

Il-Kummissjoni tinsab lesta li tappoġġa lill-Istati Membri fl-istabbiliment ta’ KMA nazzjonali – jekk jixtiequ jagħmlu dan 30 – u se tesplora kif is-sinerġiji u l-kooperazzjoni jistgħu jiġu kkultivati billi tistabbilixxi network tal-UE ta’ KMA nazzjonali 31 , flimkien mal-KMA nazzjonali eżistenti, mal-BĊE u mal-EBA. Jekk diversi Stati Membri jagħmlu dan, in-network jista’ jinbena gradwalment, jiddependi fuq il-ħeffa u l-firxa li bih il-banek se jintlaqtu fi Stati Membri differenti.

4.Oqfsa ta’ insolvenza, irkupru ta’ dejn u ristrutturar ta’ dejn

Fuq medda qasira ta’ żmien, il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jilħqu ftehim malajr dwar il-proposta leġiżlattiva 32 għal regoli minimi ta’ armonizzazzjoni dwar l-eżekuzzjoni ekstraġudizzjarja aċċellerata tal-kollateral, bl-esklużjoni totali tal-konsumaturi minn din il-proċedura. Filwaqt li l-Kunsill ipprovda mandat ta’ negozjar, in-negozjati interistituzzjonali għadhom ma bdewx. Minħabba li din il-miżura tgħin fl-irkupru billi tiffaċilita l-aċċess tal-SMEs għall-finanzjament bankarju, l-adozzjoni tagħha jenħtieġ li tkun prijorità.

L-eżerċizzju ta’ parametraġġ referenzjarju ta’ sistemi ta’ infurzar ta’ self (li kien parti mill-Pjan ta’ Azzjoni tal-NPL tal-Kunsill tal-2017) ġie ffinalizzat 33 . F’dan il-kuntest, inġabret data dwar ir-rata ta’ rkupru u l-ħeffa li l-banek jesperjenzaw fil-prattika meta jippruvaw jinfurzaw l-NPLs fl-Istati Membri. Ir-riżultat tal-eżerċizzju jipprovdi stampa tar-riżultati tal-insolvenza f’termini ta’ dewmien u rkupru tal-valur fi proċedimenti nazzjonali mill-perspettiva tal-infurzar tas-self mill-banek. Bi tweġiba għal Sejħa għal Parir mill-Kummissjoni, l-EBA ġabret data mill-banek fl-Istati Membri kollha li kkontribwew volontarjament, tejbet ir-rappreżentattività tal-kampjun u żiedet il-kwalità tad-data mal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali. Ir-rapport finali jipprovdi firxa wiesgħa ta’ data utli, inkluż ir-rati ta’ rkupru, iż-żmien għall-irkupru u l-ispejjeż tal-irkupru skont il-pajjiż u l-klassi tal-assi, għalkemm id-data ta’ xi Stati Membri sofriet minn rappreżentattività aktar baxxa.

L-eżerċizzju jippermetti valutazzjoni aħjar tal-effiċjenza tal-qafas legali fl-Istati Membri f’termini ta’ debituri inadempjenti jew insolventi fir-rigward ta’ self bankarju. Kif indikat fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-NPL tal-2017, jenħtieġ li tingħata attenzjoni akbar lit-titjib tal-oqfsa ta’ insolvenza fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż, speċjalment f’dawk il-pajjiżi fejn hemm livelli għoljin ta’ NPLs prevalenti.

Fid-dawl tal-esperjenza bl-eżerċizzju u bl-aċċessibbiltà tad-data, il-Kummissjoni se tanalizza bir-reqqa jekk huwiex xieraq li l-parametraġġ referenzjarju tal-insolvenza jsirx eżerċizzju aktar regolari. 34 Il-Pjan ta’ Azzjoni tas-CMU ressaq azzjoni li biha l-eżerċizzji tal-ġbir tad-data jistgħu jitwettqu regolarment (fuq il-bażi tal-obbligi tar-rapportar), bil-għan li dawn ir-riżultati jiġu inklużi fis-Semestru Ewropew. Attenzjoni partikolari se tingħata biex ikun evitat piż mhux meħtieġ fuq il-banek.

It-traspożizzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/1023 dwar l-oqfsa ta’ ristrutturar preventiv 35 jenħtieġ ukoll li tkun ta’ għajnuna fil-prevenzjoni tal-akkumulazzjoni ta’ NPLs. It-tisħiħ tal-oqfsa ta’ ristrutturar preventiv jiżgura li tittieħed azzjoni qabel ma l-intrapriżi jsiru inadempjenti fuq is-self tagħhom, u b’hekk dan jgħin biex jitnaqqas ir-riskju li s-self isir improduttiv f’reċessjonijiet ċikliċi u biex jittaffa l-impatt negattiv fuq is-settur finanzjarju. Fl-istess ħin, in-negozji mhux vijabbli mingħajr l-ebda prospett ta’ sopravivenza jenħtieġ li jiġu likwidati kemm jista’ jkun malajr. L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sas-17 ta’ Lulju 2021 36 .

Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF) se tinċentiva u tappoġġa riformi biex inaqqsu l-NPLs, partikolarment it-titjib fl-effiċjenza tal-oqfsa nazzjonali ta’ insolvenza u tas-sistemi amministrattivi u ġudizzjarji, inkluż permezz ta’ investimenti li jsaħħu l-kapaċità. Dan se jkun ta’ rilevanza partikolari għall-Istati Membri li l-ħtiġijiet ta’ riforma tagħhom f’dawn l-oqsma ġew identifikati f’Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi fl-2019 u fl-2020 fil-kuntest tas-Semestru Ewropew.

Ir-riżultati tal-parametraġġ referenzjarju huma wkoll wieħed mill-elementi li jenħtieġ li jikkontribwixxi għall-ħidma preparatorja għal azzjoni leġiżlattiva jew mhux leġiżlattiva dwar konverġenza mmirata ta’ oqfsa nazzjonali ta’ insolvenza mhux bankarja skont il-Pjan ta’ Azzjoni ġdid tas-CMU. Il-miżuri ssuġġeriti b'inizjattiva bħal din jindirizzaw l-aspetti tal-proċedimenti ta’ insolvenza li ġew identifikati bħala ostakli għall-investiment transfruntier. Kif imħabbar fil-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Unjoni tas-Swieq Kapitali tal-2020, il-Kummissjoni se taħdem lejn armonizzazzjoni mmirata jew lejn konverġenza tal-aspetti ewlenin tal-liġi sostantiva dwar l-insolvenza, bħal skattaturi għall-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza, il-klassifikazzjoni tal-pretensjonijiet, azzjonijiet ta’ evitar, l-identifikazzjoni u t-traċċar tal-assi li jappartjenu għall-proprjetà tal-insolvenza u l-valutazzjoni tal-assi. Il-Kummissjoni, fost l-oħrajn, se tibni wkoll fuq ir-riżultati ta’ studju komparattiv preċedenti dwar il-liġi sostantiva dwar l-insolvenza fl-UE fl-2016, li kixef differenzi kbar fl-oqfsa nazzjonali tal-insolvenza u qajjem kwistjonijiet li huma meqjusin xierqa sabiex jiġu kkunsidrati mil-leġiżlatur tal-UE 37 , u se taħdem ma’ grupp ta’ esperti indipendenti. Valutazzjoni tal-Impatt tal-Bidu ġiet ippubblikata f’Novembru 2020 38 ; wara se ssir konsultazzjoni pubblika, u grupp ta’ esperti se jwettqu wkoll xogħol tekniku.

5.L-indirizzar tan-NPLs wara l-pandemija tal-COVID-19 taħt l-oqfsa tal-ġestjoni tal-kriżijiet bankarji u tal-għajnuna mill-Istat tal-UE

5.1.Miżuri ta’ prekawzjoni ta’ appoġġ pubbliku fil-kuntest tal-COVID-19

Filwaqt li s-settur bankarju tal-UE huwa ġeneralment f’pożizzjoni ferm aktar b’saħħitha minn dik tal-2008 u diversi miżuri ta’ politika jtaffu l-impatti potenzjali tal-COVID-19 fuq is-settur, kemm l-iskala tar-reazzjonijiet tal-politika nazzjonali għall-impatti tal-pandemija kif ukoll il-grad ta’ severità ta’ dawn l-impatti fis-setturi ekonomiċi huma differenti. Bħala riżultat, l-analiżijiet disponibbli jindikaw ir-reżiljenza aggregata tas-settur bankarju tal-UE għal stress ikkaġunat mill-pandemija 39   40 , iżda jindikaw ukoll li jekk is-sitwazzjoni tmur għall-agħar, xi banek jista’ jkollhom bżonn jieħdu azzjoni 41 .

Għalhekk, l-awtoritajiet jista’ jkollhom bżonn li jkunu jistgħu jintervjenu sabiex jevitaw impedimenti għall-irkupru ekonomiku ta’ wara l-COVID. Is-soluzzjonijiet ibbażati fuq is-suq jenħtieġ li jibqgħu l-ewwel għodda u l-għodda primarja għall-indirizzar tal-NPLs, u l-istrateġija li din il-Komunikazzjoni tistabbilixxi għandha l-għan li tiffaċilitahom u li tisfrutta l-potenzjal sħiħ tagħhom. Madankollu, jekk ikun hemm indikazzjonijiet li l-effetti tal-pandemija jistgħu jikkawżaw diffikultà lill-banek u joħolqu tħassib dwar l-istabbiltà finanzjarja li jaqbeż il-kapaċità tas-soluzzjonijiet disponibbli bbażati fuq is-suq, il-ġestjoni tal-kriżi bankarja 42 tal-Unjoni u l-oqfsa tal-għajnuna mill-Istat 43 jippermettu li, f’ċirkostanzi straordinarji bħal dawn, jingħata appoġġ pubbliku prekawzjonarju sabiex ikun jista’ jingħata self kontinwu lill-ekonomija reali, jiġi appoġġat l-irkupru u jittaffew l-impatti soċjali tal-kriżi.

Kif irrikonoxxiet il-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha ta’ Marzu 2020 44 , il-banek għandhom rwol ewlieni x’jaqdu fl-indirizzar tal-effetti tal-kriżi tal-COVID-19 billi jżommu l-fluss tal-kreditu fl-ekonomija. L-appoġġ lis-settur bankarju hu maħsub biex jinċentiva l-finanzjament kontinwu tal-attività ekonomika fl-UE. Fir-risponsi politiċi tagħhom għall-appoġġ tal-ekonomija reali (permezz ta’ moratorji, garanziji, eċċ.), ħafna Stati Membri indirettament ipproteġew lill-banek minn telf potenzjali ta’ kreditu. Bl-istess mod, l-appoġġ pubbliku prekawzjonarju dirett mill-Istati Membri lill-banek, li kieku kien ikun solidu mingħajr ix-xokk tal-COVID-19, għandu jfittex li jimminimizza l-ispiża aħħarija għall-kontribwenti u r-riperkussjonijiet possibbli fuq l-ekonomija reali. Fl-istess ħin, l-applikazzjoni tal-oqfsa tal-ġestjoni tal-kriżijiet u tal-għajnuna mill-Istat tal-banek tal-Unjoni tiżgura li kull appoġġ jibqa’ mmirat u limitat u ma jirriżultax f’salvataġġ ta’ banek li diġà kienu qed jesperjenzaw problemi ta’ vijabbiltà qabel il-kriżi tal-COVID-19. Għall-istituzzjonijiet li qed ifallu jew li x’aktarx se jfallu, il-qafas tal-Unjoni għall-ġestjoni tal-kriżijiet jipprevedi sett ta’ għodod inkluż, f’riżoluzzjoni, rikapitalizzazzjoni interna.

Miżuri ta’ prekawzjoni mill-Istati Membri biex isostnu l-likwidità jew il-kapital jistgħu jieħdu forom differenti bħala soluzzjonijiet alternattivi jew komplementari. L-appoġġ kapitali jista’ jieħu l-forma ta’ injezzjoni diretta ta’ kapital, iżda jista’ jsir ukoll permezz ta’ tipi ta’ miżuri oħrajn li jistgħu jgħinu biex jiġi ppreservat il-mezz tas-self. B’mod partikolari, il-Kummissjoni diġà kkonfermat l-użu possibbli ta’ miżuri ta’ prekawzjoni biex jiġi ffinanzjat it-trasferiment ta’ NPLs għal KMA fil-Pjan Iddettaljat għall-KMA tagħha, diment li tali tranżazzjonijiet isegwu l-istess għanijiet ta’ injezzjonijiet ta’ kapital u jissodisfaw l-istess kundizzjonijiet, bħalma hu l-każ b’APSs, jiġifieri garanziji pubbliċi fuq portafoll ta’ assi fuq il-karta tal-bilanċ ta’ bank. Għalhekk huwa possibbli li l-APSs jiġu implimentati wkoll bħala miżuri ta’ prekawzjoni skont id-Direttiva dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni tal-Banek (Recovery and Resolution Directive, BRRD) 45 , filwaqt li jitqiesu s-salvagwardji rilevanti meħtieġa biex tiġi żgurata l-konformità mar-rekwiżiti legali applikabbli, kif ġie ċċarat fil-Pjan Iddettaljat għall-KMA.

5.2.L-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ prekawzjoni skont il-BRRD u l-qafas ta’ għajnuna mill-Istat

Il-qafas tal-Unjoni għall-ġestjoni ta’ kriżijiet jipprovdi sett ta’ għodod għall-istituzzjonijiet li qed ifallu jew li x’aktarx se jfallu, inkluż, f’riżoluzzjoni, ir-rikapitalizzazzjoni interna ta’ azzjonisti u kredituri. Bħala regola, dan japplika għal kull bank li jeħtieġ appoġġ finanzjarju pubbliku straordinarju sabiex jippreserva l-vijabbiltà, il-likwidità jew is-solvenza tiegħu. Madankollu, il-BRRD tirrikonoxxi l-eżistenza ta’ sitwazzjonijiet eċċezzjonali fejn il-ħtieġa għal appoġġ finanzjarju pubbliku straordinarju ma twassalx għal dikjarazzjoni li istituzzjoni qed tfalli jew probabbli tfalli. L-eċċezzjonijiet huma elenkati fil-punti minn (i) sa (iii) tal-Artikolu 32(4)(d) tal-BRRD. B’mod partikolari, injezzjoni ta’ fondi proprji fi jew xiri ta’ strumenti kapitali minn istituzzjoni solventi biex jiġi indirizzat nuqqas ta’ kapital li jirriżulta minn testijiet tal-istress, reviżjonijiet tal-kwalità tal-assi jew eżerċizzji ekwivalenti ma jqanqlux awtomatikament id-dikjarazzjoni li istituzzjoni qed tfalli jew probabbli li tfalli, jekk tirrimedja, fuq bażi temporanja, tfixkil serju fl-ekonomija ta’ Stat Membru u tippriserva l-istabbiltà finanzjarja.

Il-miżura tista’ tingħata biss lil banek solventi. Il-kundizzjoni tas-solvenza għandha tiġi vvalutata mill-awtorità kompetenti, u jenħtieġ li tiġi ssodisfata fil-ħin meta tingħata l-miżura.

Il-Kummissjoni tqis li l-eċċezzjoni fl-Artikolu 32(4)(d)(iii) tal-BRRD tista’ tiġi applikata waqt il-kriżi tal-COVID-19. Din l-eċċezzjoni tista’ tapplika għal banek li huma finanzjarjament vijabbli iżda li jistgħu jintlaqtu minn avveniment mifrux mas-sistema kollha bħal kriżi madwar l-UE jew kriżi madwar l-Istati Membri. L-għan ta’ din id-dispożizzjoni huwa li tippermetti lill-Istati Membri jipprovdu lill-istituzzjonijiet b’bafer kapitali temporanju biex jindirizzaw kundizzjonijiet negattivi severi sabiex tissaħħaħ il-fiduċja fis-settur bankarju u tissaħħaħ l-istabbiltà finanzjarja. Fil-Qafas Temporanju tagħha għal miżuri ta’ għajnuna mill-Istat biex issostni l-ekonomija reali 46 , il-Kummissjoni diġà rrikonoxxiet li l-kriżi tal-COVID-19 hi tfixkil serju għall-ekonomija li jista’ jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Komunikazzjoni Bankarja tal-2013 47 . Il-miżuri meħudin biex jiġi rrimedjat dan it-tfixkil serju fl-ekonomija jistgħu jaqgħu taħt l-eċċezzjoni prevista fil-BRRD.

L-ammont tal-miżura ta’ sostenn għandu jiġi ddeterminat fuq il-bażi ta’ test tal-istress jew ta’ eżerċizzju ekwivalenti. Kif previst fl-Artikolu 32.4(d) tal-BRRD, il-miżuri għandhom ikunu limitati għal istituzzjonijiet solventi u għandhom ikunu kundizzjonali fuq l-approvazzjoni skont il-qafas tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat, skont il-prattika stabbilita tal-Kummissjoni. L-awtoritajiet li jwettqu t-test tal-istress jew eżerċizzju ekwivalenti huma responsabbli li jiddeterminaw il-metodoloġija applikabbli. Il-perjodu ta’ validità tat-test tal-istress jew eżerċizzju ekwivalenti huwa, fil-prinċipju, ta’ sena. Bħala regola ġenerali, il-Kummissjoni beħsiebha tippreżumi li l-kontijiet tal-istituzzjonijiet huma korretti. Madankollu, tista’ titlob aktar verifiki mill-awtorità kompetenti fuq bażi ta’ każ b’każ, fil-ħin tal-għoti tal-għajnuna mill-Istat, sabiex tikkonferma n-nuqqas ta’ telf probabbli jew imġarrab moħbi (pereż. relatati ma’ klassifikazzjonijiet ħżiena jew sottoprovvediment ta’ self fid-data tal-għeluq tat-test tal-istress) 48 . Għall-Unjoni Bankarja, il-BĊE diġà lesta analiżi tal-vulnerabbiltà f’Lulju 2020. Ir-riżultati ta’ din l-analiżi jistgħu jkunu punt ta’ tluq biex tiġi infurmata l-valutazzjoni tan-nuqqasijiet kapitali li jwasslu għal miżuri ta’ appoġġ skont l-Artikolu 32(4)(d)(iii) tal-BRRD 49 . Kunsiderazzjonijiet simili japplikaw għal testijiet tal-istress, bħat-test tal-istress tal-2021 fl-UE kollha, jew eżerċizzji li l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jew il-BĊE jistgħu jwettqu skont l-istess metodoloġija jew waħda simili 50 .

Minn perspettiva ta’ għajnuna mill-Istat, garanziji pubbliċi fuq portafoll ta’ assi fuq il-karta tal-bilanċ ta’ bank kif ukoll trasferimenti ta’ NPL lil KMA sostnuti pubblikament huma kkunsidrati miżuri ta’ assi indeboliti (impaired asset measures, IAMs), li huma regolati mil-linji gwida tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna mill-Istat lill-banek 51 . B’mod partikolari, sabiex ikun kompatibbli mar-regoli applikabbli dwar l-għajnuna mill-Istat, il-prezz tat-trasferiment tal-NPL jista’ bħala regola ma jaqbiżx il-Valur Ekonomiku Reali (Real Economic Value, REV), li jenħtieġ jirrifletti l-valur ekonomiku sottostanti fuq medda twila ta’ żmien tal-assi fuq il-bażi ta’ flussi ta’ flus sottostanti u perjodi usa’ ta’ żmien 52 , li għandhom jiġu vvalutati minn esperti indipendenti.

Il-Kummissjoni se tikkunsidra jekk jistax possibilment jintuża approċċ simplifikat biex jiġi ddeterminat il-valur ekonomiku reali. Dan se jqis it-tisħiħ tar-rekwiżiti tal-assorbiment tal-kapital u t-telf, l-istandards tal-kontabbiltà applikati mill-banek u l-valutazzjoni mis-superviżuri tal-politika ta’ proviżjonament tagħhom.

6.Konklużjonijiet

Skont il-forma u l-ħeffa tal-irkupru ekonomiku u t-tneħħija gradwali tal-miżuri ta’ solliev għan-negozji u l-unitajiet domestiċi, il-kwalità tal-assi tal-banek – u min-naħa l-oħra l-kapaċità ta’ self tagħhom – tista’ tiddeterjora bħala riżultat tal-kriżi tal-COVID-19. L-istorja turina li huwa l-aħjar li l-NPLs jiġu indirizzati kmieni u b’azzjoni deċiżiva, filwaqt li tiġi żgurata protezzjoni robusta għall-konsumatur, biex is-settur bankarju jkun jista’ jaqdi r-rwol tiegħu fl-appoġġ tal-irkupru ekonomiku.

Filwaqt li jibnu fuq il-miżuri ppreżentati mill-Kunsill fl-2017, huma meħtieġa aktar miżuri strutturali biex tiġi indirizzata l-possibbiltà ta’ akkumulazzjoni ta’ NPLs fuq żmien medju. Din il-Komunikazzjoni tippreżenta strateġija għall-UE kollha biex tantiċipa l-akkumulazzjoni futura ta’ NPLs fuq il-karti tal-bilanċ tal-banek, filwaqt li tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur. L-istrateġija tiffoka fuq it-tnaqqis tar-riskji (jiġifieri billi tindirizza l-NPLs kmieni, u b’hekk tevita l-possibbiltà ta’ akkumulazzjoni mill-ġdid fuq il-karti tal-bilanċ tal-banek fil-futur) u, b’hekk, fuq l-iżgurar li l-banek ikunu f’pożizzjoni li jappoġġaw l-irkupru ekonomiku. Dan l-approċċ il-ġdid jibni fuq l-azzjonijiet li ġew approvati mill-Ministri tal-Finanzi fl-2017, u b’hekk iffinalizza xi wħud mill-elementi li għadhom ma ġewx implimentati. Dan se juża dawn l-azzjonijiet bħala bażi għal aktar miżuri. Dawn kollha jkunu kumplimentari fin-natura tagħhom u jkollhom aktar effett meta jiġu implimentati flimkien.

Il-Kummissjoni tinsab lesta li tipprovdi appoġġ lill-Istati Membri permezz tal-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku, fost l-oħrajn, fl-oqsma li ġejjin: (i) l-iżvilupp ta’ strateġiji nazzjonali tal-NPL; (ii) it-tisħiħ tal-kapaċità tas-superviżuri li jittrattaw il-livelli dejjem jogħlew ta’ NPLs; (iii) l-istabbiliment ta’ KMA nazzjonali, f’konformità mal-Pjan Iddettaljat għall-KMA u l-aħjar prattiki; (iv) l-iżvilupp u t-titjib tal-arkitettura superviżorja tal-ġestjoni tad-data u s-segwiment tal-innovazzjoni fil-qasam tat-teknoloġija superviżorja (SupTech); u (v) it-tisħiħ tal-oqfsa li jirregolaw il-ġbir tad-dejn, l-insolvenza u r-ristrutturar tad-dejn.

Il-Kummissjoni titlob lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-istrateġija biex jiġu indirizzati l-NPLs tiġi implimentata fil-livell tal-Unjoni u f’dak nazzjonali b’mod koordinat. Hija tappella għal adozzjoni rapida tal-miżuri li diġà ġew ippreżentati. Din tinkludi l-proposta għal direttiva dwar is-servizzjanti tal-kreditu, ix-xerrejja tal-kreditu u għall-irkupru tal-kollateral. Il-Kummissjoni titlob ukoll appoġġ kostruttiv fl-implimentazzjoni tal-miżuri deskritti f’din il-Komunikazzjoni, u approċċ proattiv mill-Istati Membri biex jindirizzaw kwalunkwe nuqqas fl-oqfsa nazzjonali. Dan għandu jgħin lill-banek biex jippreparaw biex jimmaniġġaw żieda possibbli fl-NPLs b’mod effettiv kemm jista’ jkun.

Filwaqt li jittieħdu miżuri ta’ politika strutturali għall-ekonomija kollha kemm hi, l-oqfsa tal-Unjoni għall-ġestjoni tal-kriżijiet bankarji u l-għajnuna mill-Istat għandhom l-għodod biex jindirizzaw diffikultajiet speċifiċi li jistgħu jitfaċċaw fis-settur bankarju minħabba l-COVID-19. B’mod partikolari, miżuri ta’ rikapitalizzazzjoni ta’ prekawzjoni jistgħu jintużaw għal banek vijabbli biex jirrispondu għall-impatti possibbli tal-COVID-19 u jippermettu lis-settur bankarju jkompli jkun parti mis-soluzzjoni għall-kriżi.

(1)      COM(2020) 169 final.
(2)      L-emendi daħlu fis-seħħ fis-26 ta’ Ġunju 2020, fil-ħin għar-rapportar finanzjarju tal-banek fit-tieni trimestru. Ara r-Regolament (UE) 2020/873 fir-rigward ta’ ċerti aġġustamenti b’rispons għall-pandemija tal-COVID-19 (ĠU L 204, 26.6.2020, p. 4–17).
(3)      Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).
(4)      Ara https://eba.europa.eu/eba-reactivates-its-guidelines-legislative-and-non-legislative-moratoria .
(5)      Il-Kummissjoni Ewropea, “Tbassir Ekonomiku tal-Ħarifa 2020”.Ara: https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/ip_20_2021 .
(6)      Għal dan il-għan, jenħtieġ li jittieħdu miżuri fuq livell nazzjonali u fuq livell tal-Unjoni, kif xieraq.
(7)      Il-Kunsill ECOFIN “Pjan ta’ azzjoni biex jiġi indirizzat is-self improduttiv fl-Ewropa”, Lulju 2017.
(8)      COM(2018) 135 final - 2018/063 (COD).
(9)      COM(2020) 409 final.
(10)    SWD(2018) 72 final. Dan id-dokument kien parti mill-pakkett ta’ miżuri tal-Kummissjoni li jwettaq l-elementi fil-kompetenza tagħha tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kunsill tal-2017. Dan ġie abbozzat b’mod konġunt mill-Kummissjoni, mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), mill-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) u mill-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (Single Resolution Board, SRB). Dan jiċċara l-fatturi ewlenin ta’ suċċess u t-tfassil permissibbli għal tali KMA sponsorjati mill-Istat, b’mod konsistenti mal-qafas leġiżlattiv tal-UE, b’mod partikolari d-Direttiva dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni tal-Banek u r-Regolament dwar il-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni, li huma fis-seħħ bis-sħiħ u li għandhom l-għan li jillimitaw l-interventi tal-gvern, u r-regoli tal-għajnuna mill-Istat.
(11)      Ara COM(2018) 135 final.
(12)      “Best practices in relation to relief measures offered to consumers and businesses in the context of the COVID-19 crisis”, l-14 ta’ Lulju 2020.Ara: https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/business_economy_euro/banking_and_finance/documents/200714-best-practices-mitigate-impact-pandemic_en.pdf .
(13)      Istituzzjonijiet ta’ kreditu taħt superviżjoni diretta mill-BĊE.
(14)      Dan il-proporzjon jindika l-ammont ta’ fondi li bank ikun żamm biex ikopri t-telf mis-self. Sors: BĊE. Minħabba n-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ data ta’ proviżjonament għas-self, il-proporzjon ta’ proviżjonament għall-UE ġie kkalkulat billi tqiesu l-indebolimenti u l-NPLs għall-istrumenti kollha ta’ dejn (self u titoli ta’ dejn).
(15)      Sors: BĊE.
(16)      “The EU banking sector: First insights into the COVID-19 impacts, nota tematika tal-EBA EBA/REP/2020/17, https://eba.europa.eu/covid-19-placing-unprecedented-challenges-eu-bank .
(17)

 Noti: Iċ-ċifri jikkorrispondu għal istituzzjonijiet ta’ kreditu domestiċi u sussidjarji u fergħat ikkontrollati minn barranin.

* Data speċifika għas-settur mhijiex disponibbli għall-UE, għall-Finlandja, għal Malta (jiġifieri għat-tieni trimestru tal-2019 u tal-2020) u għall-Iżvezja (jiġifieri għat-tieni trimestru tal-2019). Data speċifika għas-settur (jiġifieri l-iskopertura totali għall-unitajiet domestiċi u għal korporazzjonijiet mhux finanzjarji) għall-Bulgarija, għall-Ġermanja u għall-Ungerija hija disponibbli biss f’ammont riportat.

** Data għall-proviżjonament tas-self mhijiex disponibbli għall-Iżvezja (jiġifieri għat-tieni trimestru tal-2019) u għall-Bulgarija, għall-Ġermanja, għall-Ungerija u għall-UE. Fil-każijiet tal-aħħar, iċ-ċifri huma bbażati fuq indebolimenti għall-istrumenti kollha ta’ dejn (jiġifieri self u titoli ta’ dejn). Id-data mhijiex disponibbli għall-Ungerija (jiġifieri għat-tieni trimestru tal-2020).

(18)      Ara l-“Guidelines on management of non-performing and forborne exposures” tal- EBA, EBA/GL/2018/06.
(19)      COM(2018) 0135 final – 2018/063 (COD).
(20)      L-NPLs huma parti minn sett usa’ ta’ NPEs. Pereżempju, lil hinn mis-self, tali skoperturi jistgħu jinkludu strumenti oħra ta’ dejn, bħal titolu ta’ dejn, avvanz u depożitu ta’ domanda.
(21)      COM(2020) 282 final u COM(2020) 283 final.
(22)      Ikun żgurat li din il-kooperazzjoni/koordinazzjoni tikkonforma mar-regoli tal-antitrust tal-UE, b’mod partikolari fir-rigward tal-iskambji ta’ informazzjoni kunfidenzjali.
(23)      Il-European DataWarehouse (ED) huwa parti mill-inizjattiva tad-Datatal-Livell tas-Self fuq titoli ggarantiti b’assi (asset-backed securities, ABS) stabbilita mill-BĊE. Jipprovdi repożitorju ċentralizzat tat-titolizzazzjoni għall-ġbir, għall-validazzjoni u għad-distribuzzjoni ta’ data dettaljata, standardizzata u tal-livell ta’ self speċifiku għall-klassi ta’ assi għall-ABS u portafolji ta’ self sħaħ privati fl-Ewropa. Dan jaħżen id-data dwar il-livell ta’ self u d-dokumentazzjoni korrispondenti għall-investituri u għal parteċipanti oħrajn fis-suq. Għandu mandat immirat b’mod ristrett u mhuwiex permess jikkompeti mal-partijiet ikkonċernati tiegħu, prinċipalment banek Ewropej.
(24)      Fi stadju aktar tard, jista’ jiġi esplorat f'liema ċirkostanzi l-banek (u sidien oħrajn tad-data) iħossuhom komdi bl-iskambju ta’ informazzjoni ta’ qabel in-negozjar dwar NPLs.
(25)      Id-data ta’ workout kontinwa tista’ tiġi kondiviża fil-forma tal-mudell tad-data tal-NPL tal-EBA jew tal-mudell ta’ titolizzazzjoni tal-NPL tal-ESMA. Dawn il-portafolli jistgħu jiġu rrapportati bl-istess mod bħall-portafolli ta’ titolizzazzjoni, li jeħtieġu aġġustament limitat ħafna fl-infrastruttura tad-data eżistenti.
(26)    Id-data tkun teħtieġ ukoll li tiġi anonimizzata fis-sens tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR). Il-Premessa 26 tal-GDPR tiċċara meta d-data tista’ titqies anonima.
(27)      Il-Pilastru 3 tal-Qafas ta’ Basel jistabbilixxi sett komprensiv ta’ rekwiżiti ta’ żvelar pubbliku li jfittxu li jipprovdu lill-parteċipanti fis-suq b’informazzjoni suffiċjenti biex jivvalutaw ir-riskji materjali u l-adegwatezza tal-kapital ta’ bank attiv fuq livell internazzjonali.
(28)      Pereżempju, ir-rati ta’ rkupru tar-rapportar u t-twaqqit tal-workout skont ir-reġjun NUTS 3, it-tip ta’ mutwatarju (individwu korporattiv) u l-klassi tal-assi (pereż. mhux iggarantit, iggarantit bi proprjetà immobbli residenzjali jew kummerċjali għal faxex differenti bejn is-self u l-valur).
(29)      Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Unjoni tas-Swieq Kapitali għall-persuni u n-negozji – pjan ta’ azzjoni ġdid, COM(2020) 590 final. Ara l-Azzjoni 11/B.
(30)    Il-pjan iddettaljat għall-KMA jispjega kif tista’ titwaqqaf KMA fil-qafas tal-ġestjoni tal-kriżi kurrenti u r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, iżda l-istess prinċipji jistgħu wkoll japplikaw APSs li jiggarantixxu NPLs. Il-Kummissjoni tinsab lesta biex tagħti pariri lill-Istati Membri li jkollhom mistoqsijiet konkreti dwar dan.
(31)      Ikun żgurat li tali network jikkonforma mar-regoli tal-antitrust tal-UE b’mod partikolari fir-rigward tal-iskambju ta’ informazzjoni kunfidenzjali.
(32)      COM(2018) 0135 final – 2018/063 (COD).
(33)      “Report on the benchmarking of national loan enforcement frameworks” , EBA/Rep/2020/29.
(34)      Din it-tip ta’ informazzjoni mhijiex informazzjoni superviżorja. Fl-istess ħin, kwalunkwe rekwiżit ta’ rapportar fuq il-banek lill-awtoritajiet kompetenti, anki jekk mhux rapportar superviżorju fis-sens strett, ikollu jiġi vvalutat fid-dawl tal-piż diġà impost mir-rekwiżiti ta’ rapportar superviżorju eżistenti.
(35)      Id-Direttiva (UE) 2019/1023 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar oqfsa ta’ ristrutturar preventiv, dwar il-ħelsien mid-dejn u l-iskwalifiki, u dwar miżuri sabiex tiżdied l-effiċjenza tal-proċeduri li jikkonċernaw ir-ristrutturar, l-insolvenza u l-ħelsien mid-dejn, u li temenda d-Direttiva (UE) 2017/1132 (id-Direttiva dwar ir-ristrutturar u l-insolvenza).
(36)      Skont l-Artikolu 34(2), l-Istati Membri li jiltaqgħu ma’ diffikultajiet partikolari fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva jistgħu jibbenefikaw minn estensjoni ta’ sena tal-perjodu ta’ implimentazzjoni. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar il-ħtieġa li jagħmlu użu minn din l-għażla sas-17 ta’ Jannar 2021 (xi Stati Membri diġà talbu għal estensjoni bħal din).
(37)      Jinsab fuq: https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/insolvency_study_2016_final_en.pdf  
(38)      Ara https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/have-your-say/initiatives/12592-Enhancing-the-convergence-of-insolvency-laws- .
(39)      In-Nota tematika tal-EBA EBA/REP/2020/17.
(40)      Analiżi tal-vulnerabbiltà tal-BĊE għall-COVID-19 , https://www.bankingsupervision.europa.eu/press/pr/date/2020/html/ssm.pr200728~7df9502348.en.html  
(41)      Analiżi tal-vulnerabbiltà tal-BĊE għall-COVID-19.
(42)      Id-Direttiva 2014/59/UE li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti tal-investiment (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190-348), u r-Regolament (UE) Nru 806/2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni (ĠU L 225, 30.7.2014, p. 1-90).
(43)      Il-qafas stabbilit mill-Artikoli 107, 108 u 109 TFUE u r-regolamenti u l-atti kollha tal-Unjoni, inklużi linji gwida, komunikazzjonijiet u avviżi, magħmula jew adottati skont l-Artikolu 108(4) jew l-Artikolu 109 TFUE.
(44) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, Qafas Temporanju għal miżuri ta’ għajnuna mill-Istat biex jingħata sostenn lill-ekonomija matul it-tifqigħa preżenti tal-COVID-19, 2020/C 91 I/01, u emendi sussegwenti.
(45)      Id-Direttiva 2014/59/UE li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti tal-investiment (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190-348).
(46)      Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, Qafas Temporanju għall-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat biex jingħata sostenn lill-ekonomija matul it-tifqigħa preżenti tal-COVID-19, 2020/C 91 I/01, u emendi sussegwenti.
(47)      Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni, mill-1 ta’ Awwissu 2013, tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għal miżuri ta’ appoġġ favur il-banek fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja, ĠU C 216, 30.7.2013, p. 1-15.
(48)      Ma jkun meħtieġ l-ebda tnaqqis għat-telf imniżżel bejn id-data tal-għeluq tal-eżerċizzju ekwivalenti u d-data tal-miżura jekk ikun jista’ jiġi raġonevolment konkluż li l-kontijiet huma korretti u li ma hemm l-ebda telf moħbi probabbli jew imġarrab, l-istituzzjoni hija solventi u huwa raġonevolment preżunt li t-telf probabbli jew imġarrab ġie assorbit kompletament b’mezzi privati mingħajr ma jimplika ksur tal-limitu ta’ solvenza. Madankollu, jekk l-awtorità kompetenti tidentifika telf probabbli jew imġarrab moħbi li jirriżulta minn klassifikazzjonijiet ħżiena jew sotto-provvediment fid-data tal-għeluq tat-test tal-istress jew eżerċizzju ekwivalenti, dawn jenħtieġ li jitnaqqsu mill-ammont ta’ rikapitalizzazzjoni prekawzjonarja.
(49)      L-analiżi tal-vulnerabbiltà mhijiex ugwali għal test tal-istress jew AQR, iżda tista’ titqies bħala eżerċizzju ekwivalenti.
(50)      Kwalunkwe test tal-istress ġdid jew eżerċizzju ekwivalenti jkollu jikkunsidra, għall-finijiet tad-definizzjoni tax-xenarji, iċ-ċirkostanzi prevalenti fiż-żmien meta jitwettaq.
(51)      Kif stabbilit fil-Komunikazzjoni dwar l-Assi Indeboliti (Impaired Assets Communication, IAC): Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-trattament ta’ assi indeboliti fis-settur bankarju tal-Komunità, ĠU C 72, 26.3.2009, pp. 1-22.
(52)      Ara l-paragrafu 40 tal-IAC.