Brussell, 15.10.2020

COM(2020) 635 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

L-istat tal-konservazzjoni tan-natura fl-Unjoni Ewropea

Rapport dwar l-istatus tal-konservazzjoni tal-ispeċijiet u tal-ħabitats protetti mid-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Ħabitats u x-xejriet osservati tul il-perjodu 2013-2018


1.Introduzzjoni

Id-Direttivi tal-UE dwar l-Għasafar 1 u dwar il-Ħabitats 2 (id-“direttivi dwar in-natura”), li huma l-bażi tan-netwerk Natura 2000 ta’ żoni protetti, jiffurmaw il-pedament tal-politika tal-UE għall-bijodiversità. Huma jfittxu li jiżguraw il-konservazzjoni tal-ispeċijiet u tat-tipi ta’ ħabitats ta’ importanza għall-UE, li jipproteġu l-għasafar selvaġġi kollha (aktar minn 460 speċi), il-ħabitats rappreżentattivi u mhedda (233 tip, minn qigħan tal-ħaxix tal-baħar sal-bwar alpini) u kważi 1 400 speċi addizzjonali, minn pjanti żgħar għal mammiferi, inkluż ħafna speċijiet ikoniċi ta’ fawna selvaġġa. Huma jeħtieġu li l-Istati Membri jżommu u jirrestawraw l-istatus ta’ konservazzjoni favorevoli ta’ dawn l-ispeċijiet u l-ħabitats.

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tkejjel il-progress lejn il-miri tad-direttivi dwar in-natura, l-Istati Membri huma meħtieġa jibagħtu rapport lill-Kummissjoni, kull 6 snin, kif meħtieġ skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva dwar l-Għasafar u l-Artikolu 17 tad-Direttiva dwar il-Ħabitats, b’mod partikolari dwar l-istatus ta’ konservazzjoni u x-xejriet tal-ħabitats u l-ispeċijiet li huma jipproteġu. Dan ir-rapport kompost, it-tielet valutazzjoni tal-istatus ta’ konservazzjoni tal-UE skont id-direttivi, huwa r-riżultat tal-akbar u tal-aktar eżerċizzju estensiv ta’ ġbir ta’ data u rapportar imwettaq dwar l-istat tan-natura fl-Ewropa. Huwa jiddokumenta l-istatus u x-xejriet ta’ ħabitats u speċijiet mill-2013-2018, kif irrapportat mit-28 Stat Membru 3 , u jipprovdi ħarsa ġenerali aġġornata tas-saħħa tan-natura tal-UE. Dan jivvaluta l-bidliet matul iż-żmien, il-pressjonijiet ewlenin u l-kontribut tan-netwerk Natura 2000 għall-konservazzjoni tal-ispeċijiet u l-ħabitats protetti. L-analiżi hija sostnuta minn valutazzjoni teknika dettaljata mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent 4 .

2.L-istatus u x-xejriet tal-ħabitats u l-ispeċijiet fl-UE

L-Istati Membri jippreżentaw data f’format armonizzat, sabiex tkun tista’ tiddaħħal f’bażijiet ta’ data użati għal valutazzjonijiet aggregati fil-livell tal-UE mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent.

Għall-għasafar, il-valutazzjoni ssir fil-livell tal-UE. L-ispeċijiet u t-tipi ta’ ħabitats protetti koperti mid-Direttiva dwar il-Ħabitats huma vvalutati fil-livell ta’ disa’ reġjuni “bijoġeografiċi” terrestri 5 u ta’ ħames reġjuni tal-baħar 6 . Għal komunikazzjoni ċara u konsistenti, ir-riżultati jiġu ppreżentati bl-użu ta’ kodiċi tal-kuluri tad-dwal tat-traffiku (aħdar-oranġjo-aħmar), li jindikaw status “tajjeb”, “batut” u “ħażin” 7 . L-istatistika kollha dwar l-istatus u x-xejriet ġenerali hija bbażata fuq in-numru ta’ valutazzjonijiet fil-livell tal-UE għall-ħabitats u l-ispeċijiet waħdanin.

Filwaqt li din l-aggregazzjoni tad-data nazzjonali tar-rapportar hija meħtieġa għall-valutazzjonijiet fil-livell tal-UE u r-reġjuni bijoġeografiċi, tista’ taħbi żviluppi pożittivi f’livelli (jiġifieri lokali, reġjonali jew nazzjonali) aktar baxxi.

2.1 Għasafar

Id-Direttiva dwar l-Għasafar tipproteġi l-ispeċijiet tal-għasafar selvaġġi kollha li jinsabu b'mod naturali fit-territorju Ewropew tal-Istati Membri (aktar minn 460 speċi). Fl-Anness I tagħha, hija telenka 197 (sub)speċi li jeħtieġu miżuri speċjali ta’ konservazzjoni tal-ħabitat, inkluża d-deżinjazzjoni ta’ żoni ta’ protezzjoni speċjali (ŻPS). L-Anness II jelenka 86 (sub)speċi li jistgħu jiġu kkaċċjati skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali.

Għasafar — status tal-popolazzjoni fil-livell tal-UE

Illustrazzjoni 1: Status tal-popolazzjoni tal-ispeċijiet tal-għasafar fl-UE

Nota: L-għadd totali tal-valutazzjonijiet huwa 463 (valutazzjoni waħda għal kull speċi).

Il-valutazzjoni fil-livell tal-UE tindika li 47 % tal-ispeċijiet kollha tal-għasafar għandhom status tal-popolazzjoni tajjeb, 5 punti perċentwali (pp) inqas minn 52 % fl-2015 8 . Il-proporzjon tal-ispeċijiet bi status baxx u ħażin żdied minn 32 % għal 39 %, filwaqt li l-istatus ta’ 14 % għadu mhux magħruf (meta mqabbel ma’ 16 % fl-2015) minħabba nuqqas ta’ data affidabbli.



Għasafar — xejriet tal-popolazzjoni fil-livell tal-UE

Illustrazzjoni 2a: Xejriet tal-popolazzjoni tal-għasafar tat-tnissil fil-livell tal-UE (12-il sena) għal perjodu ta’ żmien qasir

Illustrazzjoni 2b: Xejriet tal-popolazzjoni tal-għasafar tat-tnissil fil-livell tal-UE (38 sena) għal perjodu ta’ żmien twil

Nota: Statistika bbażata fuq 465 xejra għal perjodu ta’ żmien qasir u fuq 467 xejra għal perjodu ta’ żmien twil tal-popolazzjoni tat-tnissil tal-UE. Tinkludi xejriet għal numru limitat ta’ subspeċijiet u popolazzjonijiet bijoġeografiċi.

L-Istati Membri rrapportaw ix-xejriet tal-popolazzjoni kemm għall-popolazzjonijiet tal-għasafar tat-tnissil kif ukoll għal dawk li jistkennu fix-xitwa 9 għal perjodu ta’ żmien qasir u twil, jiġifieri għal dawn l-aħħar 12-il sena (2007–2018) u għal dawn l-aħħar 38 sena (1980–2018).

Id-data tindika li:

·kważi terz (30 %) tal-ispeċijiet kollha tal-għasafar tat-tnissil ivvalutati qegħdin fuq xejra ’l isfel għal perjodu ta’ żmien qasir (l-istess perċentwal bħal fl-2015);

·ix-xejriet tat-tnissil għal perjodu ta’ żmien qasir juru 5 % inqas speċijiet b’popolazzjonijiet li qed jiżdiedu meta mqabbla mal-2015 u żieda ta’ 7 % fl-ispeċijiet b’xejriet stabbli jew li jvarjaw; il-valutazzjonijiet “mhux magħrufa” naqsu bi 2 %;

·ix-xejriet tat-tnissil fuq perjodu ta’ żmien kemxejn itwal qegħdin pjuttost jonqsu milli jiżdiedu (fl-2008–2012 ġara l-oppost); madankollu, il-proporzjon ta’ xejriet tat-tnissil “mhux magħrufa” għal perjodu ta’ żmien twil naqas b’10 pp, minn 30 % għal 20 %; u

·għall-91 xejra tal-popolazzjoni li tistkenn fix-xitwa, is-sitwazzjoni għal perjodu ta’ żmien qasir hija simili għal dik tal-2015 (45 % qed jiżdiedu, 29 % qed jonqsu); 54 % tax-xejriet għal perjodu ta’ żmien twil qed jiżdiedu u 13 % qed jonqsu (il-proporzjon tal-ewwel waħda għalhekk naqas b’ 9 pp, filwaqt li tal-aħħar waħda baqa’ kważi l-istess).



Status u xejriet tal-għasafar skont l-elenkar tagħhom fid-Direttiva dwar l-Għasafar

Illustrazzjoni 3a: L-istatus tal-popolazzjoni tal-UE tal-għasafar tal-Anness I u II, dawk li mhumiex tal-Anness I/II u l-ispeċijiet tal-għasafar kollha

Illustrazzjoni 3b: Ix-xejriet tal-popolazzjoni tat-tnissil għal perjodu ta’ żmien qasir tal-UE għall-ispeċijiet tal-għasafar tal-Anness I u II, dawk li mhumiex tal-Anness I/II u għall-ispeċijiet tal-għasafar kollha

Nota: In-numru totali tal-valutazzjonijiet huwa ta’ 505.

Nota: In-numru totali tal-valutazzjonijiet huwa ta’ 465.

L-analiżi tal-istatus u tax-xejriet tal-ispeċijiet fl-Annessi I u II tad-Direttiva dwar l-Għasafar tindika li:

·il-proporzjon tal-ispeċijiet tal-Anness I bi status sigur naqas bi 8 pp (minn 48 % għal 40 %) mill-2015, filwaqt li l-proporzjon ta’ dawk bi status batut u ħażin żdied b’6 pp (minn 38 % għal 44 %). Dan jissuġġerixxi li l-istatus ta’ bosta speċijiet tal-Anness I iddeterjora, minkejja l-miżuri ta’ konservazzjoni speċjali tal-ħabitats meħtieġa skont id-Direttiva. Il-fatt li l-istatus ta’ 16 % tal-ispeċijiet tal-Anness I għadu mhux magħruf huwa sors ta’ tħassib partikolari u jenfasizza l-ħtieġa għal sistemi ta’ monitoraġġ imtejba għal dawn l-ispeċijiet fl-Istati Membri;

·il-proporzjon tal-ispeċijiet tal-Anness II (li jistgħu jiġu kkaċċjati) bi status tajjeb kien ta’ 9 pp inqas (tnaqqis minn 55 % għal 46 %) milli kien fl-2015, filwaqt li l-proporzjon bi status batut u ħażin żdied b’9 pp (minn 39 % għal 48 %); u

·fir-rigward tax-xejriet tal-popolazzjoni għal perjodu ta’ żmien qasir għall-għasafar tat-tnissil, l-ispeċijiet tal-Anness II juru bil-bosta l-ogħla rata ta’ xejriet ’l isfel – madwar 46 %, jiġifieri d-doppju tal-proporzjon għall-ispeċijiet tal-Anness I (23 %).

2.2 It-tipi ta’ ħabitats

Mill-233 tip ta’ ħabitat elenkati fl-Anness I tad-Direttiva dwar il-Ħabitats, 224 huma terrestri u disgħa huma purament marittimi. Iż-żona rrappurtata għal dawn tal-ewwel tammonta għal kważi terz taż-żona terrestri tal-EU-28, ekwivalenti għal 1.3 miljun km2. Iż-żona għal dawn tal-aħħar tkopri 0.4 miljun km2 tal-ilmijiet tal-UE.

Il-firxa tal-ħabitats hija wiesgħa ħafna. Xi wħud ikopru żoni kbar, filwaqt li oħrajn iseħħu biss f’irqajja’ żgħar ħafna. It-tipi ta’ ħabitats forestali huma l-aktar grupp numeruż fl-Anness I (35 % tat-tipi kollha), segwiti mill-bwar naturali u seminaturali (14 %). Gruppi bħax-xagħri u l-arbuxxelli ta' żoni temperati, l-arbuxxell sclerophyllous, il-pantani, il-fangazzi u l-moxi mgħaddra, u l-ħabitats fil-blat, kull wieħed jikkostitwixxi biss madwar 5 % tat-tipi ta’ ħabitats elenkati.

L-istatus ta’ konservazzjoni tal-ħabitats

Illustrazzjoni 4a: L-istatus ta’ konservazzjoni tal-ħabitats fil-livell tal-UE

Illustrazzjoni 4b: L-istatus ta’ konservazzjoni għal kull grupp ta’ ħabitats fil-livell tal-UE

Nota: Statistika bbażata fuq in-numru ta’ valutazzjonijiet tal-ħabitats tal-UE (818).

Nota: In-numru tal-valutazzjonijiet għal kull grupp huma indikati fil-parentesi. Il-ħabitats tal-baħar jagħmlu parti mill-grupp ta’ “ħabitats kostali”. In-numru totali tal-valutazzjonijiet huwa ta’ 818.

L-istatus ta’ konservazzjoni tal-ħabitats ma tjiebx matul il-perjodu ta’ rapportar. 15 % biss mill-valutazzjonijiet tal-ħabitats juru status ta’ konservazzjoni tajjeb, meta mqabbla ma’ 16 % fl-2015. Il-maġġoranza vasta tindika status mhux favorevoli (45 % batut u 36 % ħażin, meta mqabbel ma’ 47 % u 30 % fl-2015). Filwaqt li l-livell ta’ valutazzjonijiet ta' status batut naqas b’2 pp u l-livell ta’ dawk li huma ħżiena żdied b’6 pp, ħafna mill-bidliet ma jirriflettux id-deterjorament reali fil-prattika, iżda t-titjib fil-metodi tal-valutazzjoni fil-livell tal-UE jew tal-Istati Membri.

Mid-disa’ gruppi ta’ ħabitats irrappurtati, il-ħabitats kostali (li jinkludu t-tipi ta’ ħabitats tal-baħar) għandhom l-inqas proporzjon ta’ valutazzjonijiet ta’ “status tajjeb”. L-għarmiet tar-ramel, il-pantani, il-fangazzi u l-moxi mgħaddra huma vvalutati l-aktar ta’ spiss bħala li għandhom status ħażin (aktar minn 50 %). Il-bwar, li jinkludu xi ħabitats li huma rikki ħafna fl-ispeċijiet, huma wkoll fost dawk bl-ogħla proporzjon ta’ valutazzjonijiet ta’ “status ħażin” (49 %). Il-bwar li jeħtieġu ġestjoni attiva huma fi stat partikolarment ħażin.

Il-lakuni fl-għarfien għad-disa’ ħabitats tal-baħar għadhom joħolqu problema. L-istatus ta’ konservazzjoni ta’ madwar 26 % tal-ħabitats tal-baħar tal-Istati Membri għadu mhux magħruf (meta mqabbel ma’ 4 % għall-ħabitats terrestri).



Xejriet fl-istatus ta’ konservazzjoni tal-ħabitats

Illustrazzjoni 5a: Ix-xejriet tal-istatus ta’ konservazzjoni tal-ħabitats bi status mhux favorevoli (jiġifieri mhux tajjeb) jew mhux magħruf fil-livell tal-UE

Illustrazzjoni 5b: Ix-xejriet tal-istatus ta’ konservazzjoni tal-ħabitats bi status mhux favorevoli (jiġifieri mhux tajjeb) jew mhux magħruf għal kull grupp tal-ħabitats fil-livell tal-UE

Nota: Ix-xejriet tal-istatus ta’ konservazzjoni huma bbażati fuq il-valutazzjonijiet tal-ħabitats tal-UE (698).

Nota: In-numru tal-valutazzjonijiet huwa indikat fil-parentesi. In-numru totali tal-valutazzjonijiet huwa ta’ 698.

L-istatus ta’ 81 % tal-ħabitats elenkati huwa vvalutat bħala wieħed “batut” jew “ħażin” fil-livell tal-UE. Minn dawn, 9 % biss juru xejriet li qed jitjiebu, filwaqt li 36 % juru deterjorament kontinwu. Ix-xejriet għall-agħar huma osservati f’tal-anqas 25 % tal-valutazzjonijiet kollha fost il-gruppi tal-ħabitats, ħlief għall-ħabitats bil-blat (15 %). Il-ħabitats tal-pantani, tal-fangazzi u tal-moxi mgħaddra, tal-bwar u tal-għarmiet tar-ramel għandhom l-ogħla proporzjon ta’ xejriet għall-agħar (aktar minn 50 % għal kull grupp). Għall-ħabitats tal-bwar, l-iktar il-mergħat tal-ħuxlief 10 , il-mergħat ta’ Molinia 11 u diversi tipi ta’ bwar seminaturali xotti 12 juru xejra ta’ status ta’ konservazzjoni li sejjer għall-agħar, u dan juri biċ-ċar id-dipendenza tagħhom fuq prattiki agrikoli estensivi li għadhom qegħdin jonqsu madwar l-UE. Il-ħabitats forestali juru l-ogħla proporzjon ta’ titjib fix-xejriet fost il-valutazzjonijiet (13 %).

2.3 Speċijiet minbarra l-għasafar

L-Annessi II, IV u V tad-Direttiva dwar il-Ħabitats jelenkaw 1 389 speċi ta’ interess Ewropew 13 . F’xi gruppi tassonomiċi akbar bħal molluski, artropodi u pjanti vaskulari, il-proporzjon tal-ispeċijiet koperti bl-annessi huwa baxx ħafna. Il-gruppi irrappreżentati bl-aħjar mod huma l-vertebrati, b’85 % ta’ anfibji, 70 % ta’ rettili, 64 % ta’ mammiferi u 39 % tal-ispeċijiet ta’ ħut tal-ilma ħelu elenkati. Ħafna mill-ispeċijiet li mhumiex elenkati, inklużi ħafna mill-ispeċijiet li huma aktar komuni, jibbenefikaw minn miżuri skont id-Direttiva, inkluż il-protezzjoni tat-tipi ta’ ħabitat tal-Anness I.

L-istatus ta’ konservazzjoni tal-ispeċi

Illustrazzjoni 6a: L-istatus ta’ konservazzjoni tal-ispeċijiet fil-livell tal-UE

Illustrazzjoni 6b: L-istatus ta’ konservazzjoni għal kull grupp tal-ispeċijiet fil-livell tal-UE

Nota: Statistika bbażata fuq in-numru ta’ valutazzjonijiet tal-ispeċijiet tal-UE (2 825).

Nota: In-numru tal-valutazzjonijiet għal kull grupp huma indikati fil-parentesi. In-numru totali tal-valutazzjonijiet huwa ta’ 2 825.

Aktar minn kwart (27 %) tal-valutazzjonijiet tal-ispeċijiet jindikaw status tajjeb ta’ konservazzjoni, meta mqabbla ma’ 23 % fl-2015. 63 % juru status dgħajjef jew ħażin, li huwa simili għaċ-ċifra tal-2015 (60 %). In-numru ta’ valutazzjonijiet “mhux magħrufa” naqas mill-aħħar perjodu ta’ rapportar (minn 17 % għal 10 %), iżda jibqa’ ferm ogħla milli għall-ħabitats (4 %). Fil-livell tal-Istati Membri, l-istatus tal-maġġoranza tal-ispeċijiet tal-baħar (59 %) mhuwiex magħruf, meta mqabbel ma’ 8 % biss tal-ispeċijiet terrestri, u dan jissuġġerixxi li m’hemmx biżżejjed riżorsi allokati għall-monitoraġġ tagħhom.

Il-gruppi tal-ispeċijiet bl-ogħla proporzjon bi status tajjeb fil-livell tal-UE huma r-rettili u l-pjanti vaskulari (36 % u 40 % rispettivament). Madwar 30 % tal-ispeċijiet ta’ molluski u speċijiet ta’ ħut irċevew valutazzjoni ta’ “status ħażin”.



Xejriet fl-istatus ta’ konservazzjoni tal-ispeċijiet

Illustrazzjoni 7a: Ix-xejriet tal-istatus ta’ konservazzjoni tal-ispeċijiet bi status mhux favorevoli (jiġifieri mhux tajjeb) jew bi status mhux magħruf fil-livell tal-UE

Illustrazzjoni 7b: Ix-xejriet tal-istatus ta’ konservazzjoni tal-ispeċijiet bi status mhux favorevoli (jiġifieri mhux tajjeb) jew bi status mhux magħruf fil-livell tal-UE, għal kull grupp

Nota: Ix-xejriet tal-istatus ta’ konservazzjoni huma bbażati fuq il-valutazzjonijiet tal-ispeċijiet tal-UE (2 049).

Nota: In-numru tal-valutazzjonijiet huwa indikat fil-parentesi. In-numru totali tal-valutazzjonijiet huwa ta’ 2 049.

Mill-2 049 speċi li ġew ivvalutati bħala li għandhom status ta’ konservazzjoni batut jew ħażin fil-livell tal-UE, 35 % huma fuq xejra ’l isfel u 6 % fuq xejra ’l fuq. Għal 31 % oħra, ix-xejra mhijiex magħrufa. Għajr għal mammiferi, ħut u pjanti mhux vaskulari (10 %, 9 % u 6 % rispettivament), il-proporzjon tal-ispeċijiet ivvalutati bħala li għandhom status batut jew ħażin, iżda b’xejriet ta’ titjib, jibqa’ taħt il-5 %. Filwaqt li l-ħut juri xejriet aktar ’l fuq minn gruppi tal-ispeċijiet oħra, dawn juru wkoll (flimkien mal-anfibji) l-ogħla proporzjon ta’ xejriet għall-agħar (qrib il-50 %). Ġew irrappurtati xejriet qawwija ’l isfel għal gruppi tal-ispeċijiet oħra, eż. speċjalisti tal-ħabitats tal-bur bħall-farfett marsh fritillary (Euphydryas aurinia) u x-xewk Jurinea cyanoides.

3.Evoluzzjoni fl-istatus u x-xejriet

3.1 Il-progress lejn il-mira 1 tal-istrateġija għall-bijodiversità għall-2020

Abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri għal din il-valutazzjoni, aħna ddeterminajna sa liema punt intlaħqet il-mira 1 tal-istrateġija tal-bijodiversità għall-2020 14 . Il-mira kienet li jitwaqqaf id-deterjorament fl-istatus tal-ispeċijiet u l-ħabitats kollha koperti mil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar in-natura u li jinkiseb titjib sinifikanti u li jista’ jitkejjel tal-istatus tagħhom sabiex, sal-2020, (imqabbel mal-valutazzjonijiet tal-2010) ikun hemm:

Ø100 % aktar valutazzjonijiet tal-ħabitats bi status ta’ konservazzjoni favorevoli jew li qed jitjieb (jiġifieri 34 % tat-total);

Ø50 % aktar valutazzjonijiet tal-ispeċijiet skont id-Direttiva dwar il-Ħabitats bi status ta’ konservazzjoni favorevoli jew li qed jitjieb (35 %); u

Ø50 % aktar valutazzjonijiet tal-ispeċijiet skont id-Direttiva dwar l-Għasafar li għandhom status tal-popolazzjoni sigur jew li qed jitjieb (78 %).

Illustrazzjoni 8: Progress lejn il-mira 1 (f’% tal-valutazzjonijiet)

Nota: Kull kolonna tirrappreżenta l-perċentwal tal-valutazzjonijiet bi status tajjeb jew li qed jitjieb.

Kien hemm progress limitat mil-linja bażi tal-2010 lejn il-miri tal-2020, ħlief fil-każ tal-ispeċijiet mhux tal-għasafar, fejn il-mira kważi ntlaħqet. Id-deterjorament kontinwat għal xi ħabitats u speċijiet huwa aktar sinjifikanti mit-titjib tagħhom. Id-data rrapportata fl-2019 turi li l-proporzjon tal-ispeċijiet u l-ħabitats b’xejriet li marru għall-agħar saħansitra kiber xi ftit: għall-għasafar minn 20 % sa 23 %, għall-ispeċijiet mhux tal-għasafar minn 22 % sa 26 % u għall-ħabitats minn 30 % għal 32 %.

Il-mira għall-2020 ta’ valutazzjonijiet favorevoli jew li qed jitjiebu għal 34 % tal-valutazzjonijiet tal-ħabitats ma ġietx issodisfata (in-nuqqas huwa ta’ 12 pp). Madankollu, il-proporzjon tal-ispeċijiet minbarra l-għasafar li l-istatus tagħhom huwa vvalutat bħala favorevoli jew li qed jitjieb kważi laħaq il-mira sekondarja tal-2020 ta’ 35 % (nuqqas ta’ 2 pp). Ix-xejriet tal-popolazzjoni tal-għasafar jippreżentaw stampa mħallta, b’żieda fin-numru tal-ispeċijiet siguri u li qed jitjiebu bejn l-2010 u l-2015, iżda b'xi deterjorament (‑3 pp) mill-2015 sal-2020, u dan iħalli diskrepanza ta’ aktar minn 20 pp mill-mira ta’ 78 %. Għalhekk, il-mira 1 tal-istrateġija għall-bijodiversità għall-2020 ma ntlaħqitx.

3.2 Titjib fl-Istati Membri

Huwa magħruf li “l-istatus ta’ konservazzjoni” jinbidel bil-mod u għalhekk mhuwiex indikatur sensittiv ħafna għat-titjib għal perjodu ta’ żmien qasir. Barra minn hekk, il-valutazzjonijiet fil-livell tal-UE jistgħu jaħbu titjib fl-Istati Membri individwali. Għalhekk, ix-xejriet pożittivi u ta’ stabbilizzazzjoni fil-livell tal-pajjiżi (meta xejra verament tinbidel minn tnaqqis fil-perjodu ta’ rapportar preċedenti għal stabbli f’dak attwali) huma żviluppi pożittivi li għandhom jiġu kkunsidrati u analizzati flimkien ma’ bidliet pożittivi fl-istatus.

Bħala medja, 6 % tal-valutazzjonijiet nazzjonali/reġjonali tal-ħabitats tal-Istati Membri juru titjib, l-aktar frekwenti għall-foresti u għall-ħabitats tal-ilma ħelu (10 % tal-valutazzjonijiet kollha fil-grupp), ix-xagħri u l-arbuxxelli (7 %), il-pantani, il-fangazzi u l-moxi mgħaddra, u l-ħabitats tal-għarmiet tar-ramel (6 %). Eżempju ta’ ħabitat kostali li qed jitjieb huwa l-mergħat kostali Baltiċi fil-Finlandja.

B’mod simili, medja ta’ 6 % tal-valutazzjonijiet nazzjonali/reġjonali kollha għall-ispeċijiet għajr għall-għasafar juru titjib. L-akbar numru ta’ titjib huwa għall-mammiferi (9 % tal-valutazzjonijiet kollha tal-mammiferi rreġistrati juru titjib), segwit mill-ħut (8 %) u pjanti vaskulari (5 %). Eżempji għal mammiferi jinkludu l-kasturi (Castor fiber), il-foki griżi (Halichoerus grypus) u l-foki komuni (Phoca vitulina).

Għall-għasafar, it-titjib fil-livell nazzjonali huwa definit b’mod differenti, peress li ma hemm l-ebda valutazzjoni nazzjonali tal-istatus ta’ konservazzjoni u tax-xejra tal-istatus. Għalhekk, xejra pożittiva tal-popolazzjoni għal perjodu ta’ żmien qasir jew stabbilizzazzjoni wara xejra negattiva għal perjodu ta’ żmien twil fir-rapport nazzjonali preċedenti titqies bħala titjib. B’kollox, hemm 2 148 rapport tal-Istati Membri li juru titjib skont il-kriterji ta’ hawn fuq. Globalment dan jikkorrispondi għal 397 (sub)speċi ta’ għasafar li jitjiebu f’mill-inqas Stat Membru wieħed f’mill-inqas staġun irrapportat wieħed. Madwar 44 % tal-għasafar kollha b’xejriet ta’ titjib huma għasafar tal-ilma migratorji 15 . Ħafna minn dawn l-ispeċijiet huma wkoll ikkategorizzati bħala speċijiet tal-baħar skont id-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina u jikkostitwixxu 33 % tat-titjib kollu. L-ispeċijiet tal-għasafar tar-raba’ u tal-għasafar tal-foresti jammontaw għal madwar 9 % kull wieħed. Eżempji ta’ titjib tal-ispeċijiet tal-għasafar huma l-ajkla tad-denb abjad (Haliaeetus albicilla), il-grawwa (Grus mutus), l-astun aħmar (Milvus milvus) u r-russett abjad (Ardea alba).

3.3 Il-progress dwar il-kwalità tad-data

Il-valutazzjoni tal-progress dwar l-istatus ta’ konservazzjoni teħtieġ li jkun hemm sistemi ta’ monitoraġġ xierqa fis-seħħ fl-Istati Membri kollha. Madankollu, f’ħafna każijiet, l-informazzjoni rrappurtata tiġi minn stħarriġ parzjali mwettaq għal għanijiet oħra. F’każijiet oħra, l-Istati Membri ma għandhomx data xierqa u jiddependu fuq opinjoni esperta. Għall-ħabitats u għall-ispeċijiet tad-Direttiva dwar il-Ħabitats, aktar minn 40 % tal-informazzjoni rrappurtata ġejja minn stħarriġ parzjali u aktar minn 20 % hija bbażata fuq ġudizzju espert biss. Għad-data dwar l-għasafar, aktar minn 30 % tal-informazzjoni hija minn stħarriġ parzjali u aktar minn 15 % hija bbażata fuq ġudizzju espert. Dan iċ-ċiklu ta’ rapportar juri li għadhom jeżistu limitazzjonijiet minħabba data batuta jew minħabba data mhux kompluta (għalkemm fi gradi li jvarjaw ħafna bejn l-Istati Membri u fuq skala iżgħar milli fl-2015). Madankollu, id-data ppreżentata hawnhekk hija stadju importanti fil-valutazzjoni tal-istat tan-natura fl-UE u tipprovdi bażi soda għat-titjib tar-rapportar, il-valutazzjoni u l-implimentazzjoni biex ikunu jistgħu jintlaħqu l-għanijiet tal-istrateġija tal-UE għall-bijodiversità għall-2030.

4.Pressjonijiet u reazzjonijiet

4.1 Pressjonijiet

L-Ewropa hija wieħed mill-aktar reġjuni popolati fid-dinja. L-attività tal-bniedem sawret il-pajsaġġi tagħha matul is-sekli u kkontribwixxiet ħafna għall-bijodiversità tagħha, eż. ħabitats semi-naturali bħal mergħat estensivi ta’ ħuxlief u bwar niexfa semi-naturali. Madankollu, l-attività tal-bniedem ikkawżat ukoll id-deterjorament u t-tnaqqis għal ħafna speċijiet indiġeni u tipi ta’ ħabitats — b’mod partikolari (u ħafna aktar malajr) tul dawn l-aħħar 100 sena.

L-Istati Membri rrapportaw dwar il-kawżi ewlenin għat-telf u għad-degradazzjoni tal-ħabitats tal-ispeċijiet għal kull speċi u ħabitat. B’mod ġenerali, huma pprovdew 67 000 rekord bl-użu ta’ lista ta’ 203 pressjonijiet individwali minn 15-il kategorija (minn “A-Agrikoltura” għal “X-Oħrajn”).

Illustrazzjoni 9: Distribuzzjoni ta’ kategoriji ta’ pressjoni tal-livell 1 fost il-ħabitats, l-ispeċijiet mhux ta’ l-għasafar u l-għasafar 

L-aktar pressjonijiet irrapportati b’mod frekwenti, kemm għall-ħabitats kif ukoll għall-ispeċijiet joriġinaw mill-agrikoltura, li tirrifletti l-iskala relattiva tal-użu tal-art agrikola u t-tibdil fil-prattiki agrikoli (l-intensifikazzjoni u l-abbandun tal-agrikoltura estensiva). Il-ġestjoni agrikola estensiva toħloq u żżomm ħabitats seminaturali b’fawna u flora diversa. Madankollu, mis-snin 50 ’il quddiem, agrikoltura aktar intensiva u speċjalizzata kkontribwixxiet dejjem aktar għat-telf tal-bijodiversità li għadu għaddej. Il-bwar, il-ħabitats tal-ilma ħelu, ix-xagħri u l-arbuxxelli, u l-pantani, il-fangazzi u l-moxi mgħaddra ġew affettwati bl-aktar mod sever. Ħabitats semi-naturali li jiddependu fuq l-agrikoltura 16 , bħall-bwar, huma partikolarment mhedda u l-istatus ta’ konservazzjoni tagħhom huwa ferm agħar minn dak għal tipi ta’ ħabitats oħra li ma jiddependux fuq l-agrikoltura (45 % jiġu vvalutati bħala ħżiena, meta mqabbla ma’ 31 % għal ħabitats oħra). Meta mqabbla mal-2015, il-valutazzjonijiet tal-ħabitats agrikoli juru deterjorament ġenerali fl-istatus ta’ konservazzjoni: l-istatus tajjeb naqas minn 14 % għal 12 % u l-istatus ħażin żdied minn 39 % għal 45 %. 8 % biss tal-ħabitats agrikoli juru xejra ta’ titjib, filwaqt li 45 % qed imorru għall-agħar. Ħafna speċijiet ta’ għasafar, rettili, molluski, anfibji, artropodi u pjanti vaskulari huma affettwati wkoll u l-bijodiversità fl-art agrikola qed tkompli tonqos.

B’mod ġenerali, fil-kategoriji kollha, il-modifika tar-reġimi idroloġiċi (inklużi bidliet bi skopijiet multipli taħt il-kategorija “K-Modifika tas-sistemi tal-ilma” u bidliet idroloġiċi attribwiti lil kategoriji oħrajn, eż. A-Agrikoltura ) hija t-tieni tip ta’ pressjoni li ġiet irrappurtata b’mod l-aktar frekwenti, segwita mill-urbanizzazzjoni u mit-tniġġis:

·il-pressjonijiet relatati mal-modifiki tar-reġim tal-ilma jirriżultaw minn diversi sorsi. Pereżempju, l-attivitajiet ta’ drenaġġ agrikolu u l-installazzjonijiet ta’ enerġija idroelettrika jiffurmaw 14 % u 13 % tal-pressjonijiet relatati mal-idroloġija. Kif wieħed jista' jobsor, il-pressjonijiet f’din il-kategorija huma partikolarment rilevanti għall-ħabitats tal-ilma ħelu u għall-ispeċijiet tal-ħut, iżda wkoll għall-ekosistemi b’livell għoli ta’ karbonju bħall-pantani, il-fangazzi u l-moxi mgħaddra;

·il-pressjonijiet ewlenin relatati mal-urbanizzazzjoni jinkludu l-isport, it-turiżmu u l-attivitajiet ta’ divertiment, u b’mod partikolari jaffettwaw il-ħabitats tal-baħar/kostali. Il-konverżjoni ta’ art naturali u semi naturali għal żoni ta’ abitazzjoni, residenza jew rikreazzjoni taffettwa prinċipalment il-ħabitats tal-bwar u l-foresti; u

·t-tniġġis huwa pressjoni ewlenija għal ħafna ħabitats u speċijiet, u l-attivitajiet agrikoli jammontaw għal kważi nofs (48 %) il-pressjonijiet relatati mat-tniġġis, segwiti minn tniġġis minn sorsi mħallta (28 %, kif irrappurtat taħt il-kategorija “J-Tniġġis”) u l-urbanizzazzjoni (21 %).

Hemm differenzi fl-impatt relattiv tal-kategoriji ta’ pressjoni fil-ħabitats u fil-gruppi tal-ispeċijiet:

·l-attivitajiet tal-forestrija huma t-tieni l-akbar kategorija ta’ pressjoni rrappurtata għall-ispeċijiet, li taffettwa b’mod partikolari l-artropodi, il-mammiferi u l-pjanti mhux vaskulari. Ħafna speċijiet dipendenti fuq il-foresti jiġu rrappurtati bħala li huma affettwati mit-tneħħija ta’ siġar mejtin, li qed imutu u xjuħ (inkluż il-qtugħ ta’ salvataġġ), il-ġestjoni tal-foresti li tnaqqas il-foresti bi tkabbir xiħ u t-tqaċċit totali tas-siġar. Il-forestrija hija wkoll il-grupp dominanti ta’ pressjonijiet irrappurtati għall-biċċa l-kbira tat-tipi ta’ foresti tal-Anness I li juru deterjorament fl-istatus ta’ konservazzjoni meta mqabbla mal-2015: l-istatus tajjeb naqas minn 16 % għal 14 % u l-valutazzjonijiet li jiżvelaw status ħażin żdiedu minn 27 % għal 31 %.

·l-isfruttament tal-ispeċijiet jikkawża l-akbar pressjoni għall-għasafar li jistkennu fix-xitwa u tal-passa; dan jinvolvi l-isparar jew qtil illegali, il-kaċċa u l-qtil inċidentali. Riċerka reċenti f’26 pajjiż Ewropew ikkalkulat ammont ta' kaċċa annwali ta’ mill-inqas 52 miljun għasfur 17 . Speċijiet oħrajn affettwati mill-isfruttament jinkludu l-ħut, il-mammiferi u r-rettili. Il-ħut huwa fost l-aktar gruppi milquta minħabba l-qbid mill-baħar 18 u mill-ilma ħelu. L-impatt fuq il-mammiferi huwa wieħed doppju:

omammiferi terrestri kbar bħal-lupu (Canis lupus), il-linċi Ewrasjatika (Lynx lynx) u l-lontra Ewrasjatika (Lutra lutra) huma l-aktar esposti għall-qtil illegali;

oiċ-ċetaċji ż-żgħar bħad-denfil komuni (Delphinus delphis) u d-denfil iswed (Phocoena phocoena) huma l-aktar milquta mill-qabdiet inċidentali fl-irkaptu tas-sajd u effetti oħra tal-attivitajiet tal-ħsad mill-baħar bħat-tnaqqis tal-popolazzjonijiet tal-priża u t-tfixkil tal-ispeċijiet; il-mammiferi tal-baħar ta’ spiss jiġu affettwati minn tniġġis minn diversi sorsi, l-operat tal-korsiji tat-tbaħħir u ta’ mezzi ta’ trasport tul korp tal-ilma (minħabba storbju ta’ taħt l-ilma u ħabtiet mal-vapuri) kif ukoll minn operazzjonijiet militari (minħabba kolliżjonijiet ma’ bastimenti, tfixkil minn sonar militari).

·l-installazzjonijiet tal-enerġija idroelettrika huma l-aktar sors importanti ta’ pressjonijiet relatati mal-enerġija għal ħut migratorju u tal-ilma ħelu. Filwaqt li l-pressjoni mill-enerġija eolika, mill-mewġ u mill-marea tippreżenta riskji għal ħafna speċijiet, l-għasafar huma wkoll vulnerabbli b’mod speċjali għall-infrastrutturi tat-trażmissjoni tal-elettriku u tal-komunikazzjoni. L-espansjoni tal-enerġija rinnovabbli hija politika ewlenija tal-UE li tgħin biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima (li minnu nnifisu qed ipoġġi pressjoni sinifikanti u dejjem tikber fuq il-bijodiversità), iżda l-iżviluppi ddisinjati b'mod mhux xieraq u lokalizzati ħażin jistgħu jwasslu għal pressjonijiet addizzjonali fuq l-ispeċijiet protetti u t-tipi ta’ ħabitats;

·l-ispeċijiet aljeni invażivi (IAS) jirrappreżentaw theddida kbira u li qed tikber għall-flora u l-fawna indiġeni Ewropej. L-impatt tagħhom żdied b’mod sinifikanti mill-aħħar perjodu ta’ rapportar. “L-ispeċijiet invażivi li huma sors ta’ tħassib għall-Unjoni” 19 jammontaw għal madwar 20 % tal-pressjonijiet irrapportati f’din il-kategorija, filwaqt li ħafna aktar impatti huma rrapportati mill-IAS li għadhom mhumiex elenkati bħala speċijiet li huma sors ta’ tħassib għall-Unjoni. L-IAS jaffettwaw il-ħabitats aktar mill-ispeċijiet, iżda huma magħrufa wkoll li għandhom impatt dirett fuq ċerti speċijiet ta’ għasafar, anfibji, ħut u pjanti vaskulari;

·għalkemm it-tibdil fil-klima ma ġiex irrapportat bħala pressjoni partikolarment rilevanti fl-2013-2018, xenarji futuri 20 jipprevedu li ser ikollhom effett drammatiku fuq il-pjanti u l-annimali Ewropej u ser iwasslu għal telf ta’ bijodiversità u deżertifikazzjoni aċċellerata f’ħafna oqsma. L-aktar pressjonijiet li ġew irrappurtati relatati mat-tibdil fil-klima kienu l-perjodi ta’ nixfa u t-tnaqqis fil-preċipitazzjoni; dawn ammontaw għal 5 % tal-pressjonijiet kollha rrapportati li jaffettwaw l-anfibji.

4.2 Reazzjonijiet (miżuri ta’ konservazzjoni)

B’mod parallel mar-rapportar dwar il-pressjonijiet, l-Istati Membri rrapportaw jekk ittiħdux jew le l-biċċa l-kbira tal-miżuri meħtieġa għal speċi jew ħabitat ta’ importanza għall-UE li jirrikjedu d-deżinjazzjoni tas-sit Natura 2000. Dawn il-miżuri għandhom l-għan li jżommu jew li jirrestawraw l-istatus tajjeb għall-ispeċijiet u għall-ħabitats, u li jinvolvu azzjoni speċifika fil-prattika biex itaffu u jneħħu l-impatt tal-pressjonijiet tal-passat u tal-preżent. L-Istati Membri huma meħtieġa jieħdu l-miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa għas-siti ta' Natura 2000.

Ir-rapporti nazzjonali tagħhom jindikaw li:

·il-biċċa l-kbira tal-miżuri jiġu applikati kemm fi ħdan in-netwerk Natura 2000 kif ukoll lil hinn minnu;

·għal madwar 60 % tal-ħabitats tal-Istati Membri, il-miżuri meħtieġa ġew irrapportati bħala li qed jittieħdu, prinċipalment biex jinżamm l-istatus attwali jew biex jiġu restawrati l-istruttura u l-funzjonijiet tal-ħabitats; 4 % biss tal-miżuri rrappurtati meħudin qegħdin hemm biex iżidu ż-żona tal-ħabitat;

·il-miżuri ta’ konservazzjoni biex iż-żoni agrikoli jinżammu f’kundizzjoni ekoloġika adatta, u b’hekk jiġu indirizzati l-pressjonijiet mill-agrikoltura, huma bil-bosta l-aktar komuni;

Illustrazzjoni 10: L-istatus ta’ implimentazzjoni tal-miżuri ta’ konservazzjoni tal-ħabitat (f’% tal-valutazzjoni tat-tip ta’ ħabitat kollha magħmula mill-Istati Membri)

·is-sitwazzjoni hija simili għall-ispeċijiet. Madwar 40 % tar-rapporti għall-għasafar u 50 % ta’ dawk għall-ispeċijiet minbarra l-għasafar jindikaw li ttieħdu miżuri. L-akbar parti tal-miżuri meħuda għall-ispeċijiet mhux tal-għasafar għandha l-għan li żżomm l-istatus attwali tagħha. Il-miżuri ta’ restawr għandhom rwol inqas prominenti.

Illustrazzjoni 11: L-istatus ta’ implimentazzjoni tal-miżuri ta’ konservazzjoni tal-ispeċijiet (f’% tal-valutazzjonijiet tal-ispeċijiet kollha li saru mill-Istati Membri għall-ispeċijiet li jeħtieġu d-deżinjazzjoni tas-sit)

Minkejja l-miżuri tal-Istati Membri, l-istatus ta’ konservazzjoni u x-xejriet ma tjibux matul il-perjodu ta’ rapportar; fil-fatt, ħafna speċijiet u tipi ta’ ħabitats (inklużi dawk li għalihom id-deżinjazzjoni ta’ Natura 2000 hija mekkaniżmu ta’ konsenja ta’ konservazzjoni ewlieni), komplew jiddeterjoraw. Għalhekk huwa ċar (u kkonfermat mir-rapporti) li l-Istati Membri naqsu milli jieħdu l-miżuri ta’ konservazzjoni neċessarji (tal-inqas sa fejn meħtieġ) u f’xi każijiet anki b’mod adegwat biex jidentifikawhom.

L-analiżi tal-effettività tal-miżuri turi korrelazzjoni pożittiva bejn il-miżuri meħuda u l-istatus ta’ konservazzjoni tajjeb għal ħafna ħabitats u gruppi tal-ispeċijiet. Barra minn hekk, miżuri ta’ restawr proattivi (eż. biex jiġu restawrati l-istruttura u l-funzjonijiet) iwasslu għal titjib.

4.3 Ħtiġijiet ta’ restawr għall-ħabitats

Għal tip ta’ ħabitat, “status ta’ konservazzjoni tajjeb” tfisser li l-firxa naturali tiegħu, il-firxa taż-żona tiegħu, u l-istruttura u l-funzjonijiet tiegħu huma kollha kbar biżżejjed u f’kundizzjoni tajba; barra minn hekk, il-prospetti futuri tagħha huma pożittivi. F’dan il-kuntest, “restawr” jirreferi għal:

1.titjib tal-kundizzjoni (jiġifieri l-kwalità) ta’ żoni eżistenti tal-ħabitat permezz ta’ miżuri ta’ konservazzjoni fil-mira; u

2.l-iżgurar ta’ erja tas-superfiċje suffiċjenti permezz tal-ħolqien (mill-ġdid) tal-ħabitats (jiġifieri l-ħolqien ta’ żoni addizzjonali ta’ ħabitat, bħar-restawr tal-ħabitat tal-artijiet mistagħdra minn art agrikola li qabel kienet ġiet imnixxfa mill-ilma jew l-estensjoni taż-żona ta’ ħabitats ta’ msaġar protetti indiġeni).

Valutazzjoni tar-rekwiżiti ta’ restawr għat-tipi ta’ ħabitats tal-Anness I turi li l-ħtiġijiet ivarjaw b’mod sinifikanti bejn gruppi ta’ ħabitats u reġjuni bijoġeografiċi.



Illustrazzjoni 12: Proporzjonijiet ta’ żoni koperti minn gruppi tal-ħabitats tal-Anness I li jenħtieġ li jittejbu, kif irrappurtat mill-Istati Membri

Nota: Ir-Renju Unit u l-ħabitat 8310 (għerien naturali) ġew esklużi mill-kalkoli.

Xi sejbiet ewlenin tal-valutazzjoni huma li:

·iż-żona tal-ħabitats protetti li jeħtieġu titjib hija stmata li hi, bħala medja, madwar 215 000 km2 (jew 5 % tat-territorju tal-EU-27 21 ). Il-foresti għandhom l-akbar bżonn, b’madwar 19,5 % (madwar 100 000 km2) li jeħtieġu titjib, segwiti minn ħabitats kostali b’16 % (madwar 46 000 km2), bwar bi 13,5 % (madwar 33 000 km2), ħabitats tal-ilma ħelu b’10,5 % (madwar 13 500 km2) u l-pantani, il-fangazzi u l-moxi mgħaddra b’ 9 % (madwar 10 900 km2);

·mill-inqas 11 000 km2 tal-ħabitats tal-Anness I jenħtieġ li jinħolqu (mill-ġdid) biex tiżdied iż-żona eżistenti sabiex tiġi żgurata l-vijabbiltà fit-tul tat-tipi kollha ta’ ħabitats. Il-gruppi tal-ħabitat bl-akbar żoni għall-ħolqien (mill-ġdid) huma l-foresti (4 600 km2), bwar (1 900 km2), il-pantani, il-fangazzi u l-moxi mgħaddra (1 700 km2), u l-ħabitats kostali (1 400 km2). B’mod ġenerali, dan japplika għal 1-1,5 % tal-erja totali eżistenti ta’ dawn il-gruppi tal-ħabitats;

·ir-reġjuni bijoġeografiċi bl-akbar ħtieġa li jtejbu l-kundizzjoni taż-żoni tal-ħabitats eżistenti huma r-reġjuni Kontinentali, tal-Mediterran, tal-Atlantiku, ir-reġjun tal-baħar tal-Atlantiku u dak Boreali;

·ħafna mill-ħabitats tal-Anness I li jeħtieġu restawr għandhom livelli partikolarment għoljin ta’ karbonju, u joffru potenzjal sinifikanti biex jaħżnu u jissekwestraw il-karbonju fil-bijomassa fuq u taħt l-art u fil-ħamrija. Madwar 16 % ta’ dawn iż-żoni b’livell għoli ta’ karbonju jeħtieġ li jitjiebu (154 000 km2). Ir-restawr u l-manutenzjoni tagħhom jistgħu jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima; u

·minħabba li d-data ta’ monitoraġġ hija insuffiċjenti, iż-żoni ta’ ħabitat tal-Anness I li jeħtieġu restawr probabbilment se jkunu ferm akbar mill-istimi attwali. L-immappjar komprensiv ta’ żoni b’livell għoli ta’ karbonju u ta’ natura, l-effetti tal-ġestjoni, il-kundizzjoni tal-ħabitats u fatturi oħrajn huma meħtieġa biex jinfurmaw it-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar il-prijoritajiet tar-restawr. Il-ħtiġijiet ta’ restawr għall-għasafar u għall-speċijiet oħrajn għandhom jiġu indirizzati wkoll, iżda attwalment, id-data dwarhom mhijiex irrapportata.

5.Ir-rwol tan-netwerk Natura 2000

In-netwerk Natura 2000 huwa magħmul minn żoni ta’ protezzjoni speċjali (ŻPS) ikklassifikati taħt id-Direttiva dwar l-Għasafar u żoni speċjali ta’ konservazzjoni (ŻSK) iddeżinjati skont id-Direttiva dwar il-Ħabitats 22 . Huwa jirrappreżenta l-akbar network ikkoordinat ta’ żoni protetti fid-dinja u huwa l-għodda prinċipali fl-UE għaż-żamma/ir-restawr tal-istatus ta’ konservazzjoni tal-ħabitats u tal-ispeċijiet protetti.

Sa tmiem l-2019, Natura 2000 kienet tikkonsisti f’27 852 sit b’erja ta’ 1 358 125 km2. Din kienet tkopri 17,9 % tal-massa ta’ art tal-UE u kważi 9,7 % taż-żona tal-baħar tagħha. Il-kopertura tvarja b’mod sinifikanti bejn l-Istati Membri: il-kopertura terrestri tagħha tvarja minn 8 % fid-Danimarka għal 38 % fis-Slovenja u l-kopertura tal-baħar tagħha tvarja minn 2 % fl-Italja għal 46 % fil-Ġermanja 23 .

Mill-aħħar perjodu ta’ rapportar:

·in-network marittimu rdoppja fl-erja tas-superfiċje;

·in-numru ta’ ŻSKs deżinjati żdied b’aktar mid-doppju b’7 262 deżinjazzjoni ġdida; u

·n-numru ta’ siti rrapportat li għandhom pjanijiet ta’ ġestjoni komprensivi żdied b’mod sinifikanti.

Illustrazzjoni 13: Erja tas-superfiċje kumulattiva tan-netwerk Natura 2000 f’km², 1993-2019

Nota: In-numri huma għall-EU-28 u jinkludu ż-ŻPS, is-SIK, iż-ŻSK u s-SIK proposti (flimkien jiffurmaw il-linja blu tas-SIK). F’ħafna każijiet, is-siti ta' Natura 2000 huma (parzjalment jew totalment) kemm ŻPS kif ukoll ŻSK/SIK. Minħabba l-limitazzjonijiet tal-ġestjoni tad-data tal-GIS, iż-żona tan-Natura 2000 ġiet ikkalkulata b’mod sistematiku biss wara l-2010.

Sors: Bażijiet tad-data ta’ Natura 2000

5.1 Effettività tan-Natura 2000

Ir-rapportar attwali ma jipprovdix informazzjoni li tippermetti li jsir paragun dirett tal-istatus ta’ konservazzjoni tal-ispeċijiet u l-ħabitats ġewwa u barra ż-żoni tan-Natura 2000. Għalhekk, eżaminajna indikaturi potenzjali oħrajn għall-effettività, bħar-rabta bejn ir-rappreżentazzjoni tal-ispeċijiet u tal-ħabitats fin-network u l-proporzjon tagħhom li juri status tajjeb jew xejriet ta’ titjib. Ir-riżultati, ibbażati fuq il-valutazzjonijiet tal-Istati Membri, juru li:

·bħala medja, l-ispeċijiet u l-ħabitats huma aktar probabbli li jkollhom status ta’ konservazzjoni tajjeb jekk iż-żona ta’ ħabitat jew il-popolazzjoni tagħhom tkun irrappreżentata sew (> 75 %) fin-network meta mqabbla ma’ dawk li huma rrappreżentati inqas tajjeb. Dan huwa l-aktar ovvju għall-ħabitats tal-għarmiet tar-ramel u l-foresti, u għall-anfibji u l-ħut; u

·it-tipi ta’ ħabitats b’rappreżentazzjoni għolja (> 75 %) fis-siti ta’ Natura 2000 juru (kemmxejn) aktar titjib u inqas deterjorament minn dawk li huma inqas irrappreżentati tajjeb. B’titjib ta’ aktar minn 8 % rrappurtat, il-pantani, il-fangazzi u l-moxi mgħaddra jidhru li bbenefikaw b’mod partikolari mill-kopertura ta' Natura 2000. Il-ħabitats li raw l-aktar titjib sinifikanti, eż. ix-xagħri kostali niexef tal-Atlantiku b’Erica vagans u l-għarmiet tar-ramel kostali bl-ispeċi Juniperus, huma protetti b’mod wiesa’ fin-network.



Illustrazzjoni 14: Tibdil fl-istatus ta’ konservazzjoni u x-xejriet għall-ħabitats tal-Anness I f’diversi klassijiet ta’ kopertura ta’ Natura 2000 (< 35 %, 35 % -75 %, > 75 %)

Nota: “Titjib” jikkorrispondi għal valutazzjonijiet batuti jew ħżiena li tjiebu jew li saru tajbin, li “baqgħu favorevoli” għall-valutazzjonijiet li żammew l-istatus tajjeb tagħhom, “l-ebda bidla” għal valutazzjonijiet batuti jew ħżiena li ma tjibux jew ma marrux għall-agħar, “deterjorament” għal valutazzjonijiet batuti jew ħżiena li marru għall-agħar jew inbidlu minn tajbin għal batuti jew ħżiena, u “mhux magħrufa” għal valutazzjonijiet mingħajr xejriet. In-numru tal-valutazzjonijiet għal kull grupp huma indikati fil-parentesi. In-numru totali tal-valutazzjonijiet huwa ta’ 2 970.

B’mod ġenerali, l-informazzjoni rrapportata ma tippermettilniex li naslu għal konklużjonijiet sodi dwar l-effettività tan-netwerk Natura 2000. Dan huwa kkawżat b’mod speċjali minħabba f'monitoraġġ limitat, b’mod partikolari l-prattika komuni ta’ monitoraġġ ta’ kampjun biss tas-siti Natura 2000. Għal valutazzjoni sodisfaċenti tal-effettività tal-miżuri relatati ma’ Natura 2000, il-monitoraġġ għandu jinvolvi l-ġbir ta’ aktar data dwar żoni ġewwa u barra n-network u dwar il-kwalità tal-ġestjoni tal-konservazzjoni.

Minkejja xi indikazzjonijiet pożittivi dwar il-kontribut tan-network għall-istatus ta’ konservazzjoni, l-informazzjoni disponibbli tissuġġerixxi b’mod qawwi li l-potenzjal sħiħ tagħha għad irid jiġi żblokkat u li għad trid tiġi indirizzata diskrepanza sinifikanti fl-implimentazzjoni.

6.Konklużjonijiet u prospetti

Din il-valutazzjoni tal-istatus ta’ konservazzjoni tikkostitwixxi l-akbar u l-aktar kontroll tas-saħħa tan-natura komplet li qatt sar fl-UE. Tipprovdi bażi b'saħħitha li fuqha għandha tiġi evalwata l-implimentazzjoni tad-direttivi dwar in-natura u linja bażi robusta għall-kejl tal-progress taħt l-istrateġija l-ġdida għall-bijodiversità għall-2030.

Il-valutazzjoni turi li l-UE għadha ma rnexxilhiex toħnoq it-tnaqqis tat-tipi ta’ ħabitats protetti u tal-ispeċijiet li huma sors ta’ tħassib għall-konservazzjoni tal-UE. Il-pressjonijiet ewlenin fl-użu tal-art u tal-ilma li wasslu għad-degradazzjoni tan-natura għadhom jippersistu, u dan wassal għal nuqqas sinifikanti mill-mira tal-2020 ta' twaqqif u treġġigħ lura b'mod li jista' jitkejjel tad-deterjorament fl-istatus tal-ispeċijiet u l-ħabitats.

Stejjer ta’ suċċess ta’ ispirazzjoni minn madwar l-Istati Membri juru dak li jista’ jinkiseb permezz ta’ azzjoni mmirata, li ta’ spiss tkun appoġġata permezz ta’ inizjattivi taħt il-programm ta’ LIFE tal-UE 24 jew permezz ta’ skemi agroambjentali ddedikati skont il-politika agrikola komuni. Madankollu, tali suċċess mhux qed jinkiseb fuq skala suffiċjenti.

Il-progress fl-implimentazzjoni taż-żewġ direttivi matul l-aħħar 6 snin (estensjoni sinifikanti tan-netwerk Natura 2000 u aktar siti bi pjanijiet ta’ ġestjoni) ma kienx biżżejjed biex itejjeb l-istatus ta’ konservazzjoni. L-istabbiliment ta’ network kompletament funzjonali ta’ żoni protetti għadu mhux komplut, speċjalment fl-ambjent tal-baħar. Barra minn hekk, il-miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa, ibbażati fuq objettivi ta’ konservazzjoni definiti b’mod ċar, għad iridu jiġu implimentati għal ħafna mis-siti. L-investiment meħtieġ fin-natura, fost l-oħrajn fir-rigward tar-restawr ġewwa u lil hinn min-network taż-żona protetta, ma mmaterjalizzax ruħu. Ir-rekwiżiti tan-natura ma ġewx inkorporati biżżejjed f’politiki ewlenin dwar l-użu tal-art u l-ilma biex jingħelbu l-pressjonijiet negattivi li jistgħu jirriżultaw minn setturi bħall-agrikoltura u l-forestrija. Il-miżuri għall-ġestjoni tas-sajd għad iridu jiġu miftiehma u implimentati għal ħafna siti tal-baħar Natura 2000. Barra minn hekk, it-tibdil fil-klima huwa theddida li qed tikber, bil-previżjonijiet ta’ żieda qawwija fil-pressjonijiet u effetti kemm diretti kif ukoll indiretti fuq l-ispeċijiet u l-ħabitats, pereżempju li jirriżultaw minn bidliet fl-użu tal-art u fil-lok tal-ħabitat jew fil-kwalità.

Din il-valutazzjoni tenfasizza l-ħtieġa għal avvanz fl-azzjoni jekk irridu li jkollna opportunità serja li npoġġu l-bijodiversità tal-Ewropa fit-triq lejn l-irkupru sal-2030, kif previst fl-istrateġija l-ġdida għall-bijodiversità 25 . In-nuqqas ta’ dan se jfisser li se jkun hemm erożjoni kontinwata mhux biss tal-wirt naturali kondiviż tagħna, iżda wkoll tas-servizzi vitali li jipprovdi, li fl-aħħar mill-aħħar huma l-bażi tas-saħħa tal-bniedem u l-prosperità.

L-istrateġija l-ġdida għall-bijodiversità għall-2030 tipprovdi l-qafas meħtieġ għal din il-bidla trasformattiva. Flimkien ma’ inizjattivi oħrajn taħt il-Patt Ekoloġiku, dan jistabbilixxi programm ta’ azzjoni ambizzjuż u prattiku ħafna mmirat, fost l-oħrajn, lejn l-espansjoni tal-kopertura ta’ żoni protetti legalment u ġestiti b’mod effettiv, filwaqt li jipproponi pjan biex tiġi restawrata n-natura tal-UE.

Din il-valutazzjoni tan-natura tenfasizza l-potenzjal sinifikanti għar-restawr tal-ħabitats protetti, kemm fir-rigward tal-kundizzjoni attwali tagħhom kif ukoll fir-rigward tal-erja tas-superfiċje addizzjonali li hija meħtieġa biex jinkiseb status ta’ konservazzjoni favorevoli. Dan jinkludi r-restawr ta’ ħabitats b’livell għoli ta’ karbonju li jistgħu jwasslu l-kobenefiċċji tal-mitigazzjoni tal-klima. Il-valutazzjoni hija wkoll direttament relevanti għall-kejl tas-suċċess ta’ azzjoni taħt l-istrateġija biex jiġu indirizzati l-pressjonijiet usa’ fl-użu tal-art u tal-ilma, b’mod partikolari fir-rigward tal-agrikoltura, li wasslu għall-ogħla numru ta’ valutazzjonijiet tal-ispeċijiet ħżiena u tal-ħabitats madwar l-Istati Membri. Flimkien mal-istrateġija “mill-għalqa sal-platt” 26 , l-azzjoni għall-promozzjoni tal-biedja organika, it-tnaqqis tal-użu u tar-riskju tal-pestiċidi, il-protezzjoni u r-restawr tal-ekosistemi tal-ħamrija, u ż-żieda tal-karatteristiċi tal-pajsaġġ fuq l-art agrikola jenħtieġ li jappoġġaw l-irkupru tal-ispeċijiet u tal-ħabitats protetti skont id-direttivi dwar in-natura, inkluż id-dakkara u l-ħabitats tagħhom.

L-istrateġija l-ġdida għall-bijodiversità tenfasizza li l-ġlieda kontra t-telf tal-bijodiversità għandha tkun ibbażata fuq xjenza soda. L-Istati Membri għandhom ikomplu jtejbu l-kwalità u l-kompletezza tas-sistemi ta’ monitoraġġ tagħhom biex isostnu r-rapportar futur. L-osservazzjoni tad-dinja/it-telerilevament, teknoloġiji u għodod oħrajn (eż. l-immudellar), u r-riżultati minn attivitajiet ta’ riċerka/innovazzjoni u x-xjenza taċ-ċittadini jistgħu jikkomplementaw u jappoġġaw il-monitoraġġ u r-rapportar attwali. Dan il-potenzjal għandu jiġi ttestjat u sfruttat biex jiffaċilita l-ħidma tal-korpi ta’ rappurtar.

Il-valutazzjoni li jmiss tal-istat tan-natura fl-UE, ippjanata għall-2026, għandha tagħmel kontribut sinifikanti biex jitkejjel il-progress lejn il-miri tan-natura taħt l-istrateġija l-ġdida dwar il-bijodiversità.

(1)

     Id-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU L 20, 26.1.2010, p. 7).

(2)

     Id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7).

(3)

     Dan ir-rapport għadu jinkludi data mir-Renju Unit, li ħareġ mill-UE f’Jannar 2020. Għall-ewwel darba, jinkludi data mill-Kroazja, li ssieħbet mal-UE f’Lulju 2013. Ir-Rumanija kienet l-uniku Stat Membru li ma pprovdiex rapport għall-għasafar.

(4)

4     L-istat tan-natura fl-UE — riżultati mir-rapportar skont id-direttivi dwar in-natura 2013–2018, Aġenzija  
Ewropea għall-Ambjent; disponibbli flimkien ma’ materjali addizzjonali online, inkluż sommarji skont l-Istati Membri, fuq:    
https://www.eea.europa.eu/themes/biodiversity/state-of-nature-in-the-eu/state-of-nature-2020   https://ec.europa.eu/environment/nature/knowledge/rep_habitats/index_en.htm  

(5)

     Alpin, Boreali, Mediterranju, Atlantiku, Kontinentali, Pannonjan, Baħar l-Iswed, Makaroneżjan, Steppiku.

(6)

     L-Atlantiku, il-Baltiku, il-Baħar l-Iswed, il-Makaroneżjan, il-Mediterran.

(7)

     Ara r-rapport tal-EEA għal dettalji ulterjuri dwar il-metodi ta’ valutazzjoni skont id-Direttivi dwar l-Għasafar u dwar il-Ħabitats.

(8)

     State of nature in the EU — results from reporting under the nature directives 2007–2012, EEA (2015), Rapport tekniku Nru 2/2015, ISSN 1725–2237, Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, 2015.

(9)

     Għad-dettalji ara r-rapport tal-EEA;    
https://www.eea.europa.eu/themes/biodiversity/state-of-nature-in-the-eu/state-of-nature-2020

(10)

  It-tipi ta’ ħabitats ta’ dan il-grupp jinkludu mergħat tal-ħuxlief f’art baxxa (6510) u mergħat tal-ħuxlief fil-muntanji (6520)

(11)

Il-mergħat ta’ Molinia fuq ħamrija kalkarja, bil-pit, jew dawk mimlijin b’taħlita ta’ tafal u tajn (Molinion caeruleae) (6410)

(12)

It-tipi ta’ ħabitats ta’ dan il-grupp jinkludu bwar xotti semi-naturali u facies miksijin arbuxxelli seminaturali fuq substrati kalkarji (Festuco-Brometalia) (6210) u l-blat ċatt alvar Nordiku u kalkarju prekambrijan (6280)

(13)

     Anness II: l-ispeċijiet li jeħtieġu d-deżinjazzjoni ta’ ŻSK (siti Natura 2000);    
Anness IV: l-ispeċijiet strettament protetti;    
Anness V: l-ispeċijiet li t-teħid tagħhom fis-selvaġġ u l-isfruttament tagħhom jistgħu jkunu soġġetti għal miżuri ta’ ġestjoni.

(14)

     Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, L-assigurazzjoni ta’ ħajjitna, il-kapital naturali tagħna: strateġija tal-UE għall-bijodiversità sal-2020 (COM(2011) 244 final).

(15)

 kopert mill-Ftehim dwar il-Konservazzjoni tal-Għasafar tal-Ilma Migratorji Afro-Ewroasjatiċi (AEWA)

(16)

     Halada, L., Evans, D., Romão, C. and Petersen, J. E., 2011, 'Which habitats of European importance depend on agricultural practices?', Biodiversity and Conservation, 20(11) 2 365–2 378.

(17)

     Hirschfeld, A. et al., 2019, ‘Bird-hunting in Europe: an analysis of bag figures and the potential impact on the conservation of threatened species’, British Birds: 153-166.

(18)

     Id-Direttiva dwar il-Ħabitats bilkemm tkopri l-ħut tal-baħar (limitat għal diversi speċijiet ta’ ħut anadromu).

(19)

     Ir-Regolament (UE) Nru 1143/2014 dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-introduzzjoni u t-tixrid ta' speċijiet aljeni invażivi fih lista ta’ IAS li huma sors ta’ tħassib għall-Unjoni (ĠU L 317, 4.11.2014, p. 35).

(20)

     Ara pereżempju: IPBES (2018), The IPBES regional assessment report on biodiversity and ecosystem services for Europe and Central Asia, Rounsevell, M. et al. Secretariat of the Intergovernmental Science‑Policy Platform on Biodiversity and Ecosystem Services, Bonn, Germany. 892 paġna.

(21)

     Il-kalkoli tal-ħtiġijiet ta’ restawr jeskludu r-Renju Unit.

(22)

     Skont id-Direttiva dwar il-Ħabitats, l-Istati Membri jipproponu “siti ta’ importanza Komunitarja” (SIK) li l-Kummissjoni mbagħad tinkludi f’listi bijoġeografiċi. Imbagħad, il-pajjiżi tal-UE għandhom 6 snin biex jiddeżinjaw is-SIK bħala ŻSK.

(23)

     Dawn huma ċ-ċifri għaż-żoni tal-baħar fi ħdan 200 mil nawtiku mill-kosta; dawn ma jinkludux siti ta’ Natura 2000 fuq il-blata kontinentali estiża (rilevanti għall-Irlanda, għall-Portugall u għar-Renju Unit).

(24)

      https://ec.europa.eu/easme/en/life  

(25)

     Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Strateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030 — Inreġġgħu n-natura lura f’ħajjitna (COM/2020/380 final);    
https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:52020DC0380

(26)

     Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Strateġija "Mill-Għalqa sal-Platt" għal sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u favur l-ambjent, (COM/2020/381 final);    
https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:52020DC0381