Brussell, 23.9.2020

COM(2020) 609 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

Patt Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil


“Se nieħdu approċċ uman u umanitarju. Mhix xi għażla fakoltattiva li ssalva n-nies li jkunu qed jegħrqu. U dawk il-pajjiżi li jwettqu d-dmirijiet legali u morali tagħhom, jew dawk li huma l-aktar esposti minn oħrajn, hemm bżonn li jkunu jistgħu jserrħu fuq is-solidarjetà tal-Unjoni Ewropea tagħna kollha kemm hi… Kulħadd irid jimpenja ruħu hawnhekk u jerfa’ responsabbiltà.”

Il-President von der Leyen, Diskors dwar l-Istat tal-Unjoni 2020

1.DAĦLA: PATT ĠDID DWAR IL-MIGRAZZJONI U L-AŻIL

Il-migrazzjoni ilha karatteristika kostanti tal-istorja tal-bniedem b’impatt profond fuq is-soċjetà Ewropea, u fuq l-ekonomija u l-kultura tagħha. Permezz ta’ sistema ġestita tajjeb, il-migrazzjoni tista’ tikkontribwixxi għat-tkabbir, l-innovazzjoni u d-dinamiżmu soċjali. L-isfidi soċjetali ewlenin li d-dinja qed tħabbat wiċċha magħhom illum – id-demografija, it-tibdil fil-klima, is-sigurtà, il-kompetizzjoni dinjija għat-talent, u l-inugwaljanza – kollha jħallu impatt fuq il-migrazzjoni. Il-politiki fundamentali bħall-moviment liberu fiż-żona Schengen, il-ħarsien tad-drittijiet fundamentali, l-iżgurar tas-sigurtà, it-tnaqqis tad-diskrepanzi fil-ħiliet, kollha kemm huma jirrikjedu politika effettiva dwar il-migrazzjoni effettiva. Il-kompitu li l-UE u l-Istati Membri tagħha qegħdin jiffaċċjaw, filwaqt li iridu jibqgħu jiġu indirizzati l-ħtiġijiet urġenti, huwa li jibnu l-aħjar sistema li timmaniġġja u tinnormalizza l-migrazzjoni fit-tul u li tkun imsejsa bis-sħiħ fil-valuri Ewropej u fil-liġi internazzjonali.

Il-Patt Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil joffri bidu ġdid biex dan il-kompitu jiġi indirizzat. Il-kriżi tar-refuġjati tal-2015-2016 ħarġet fil-beraħ nuqqasijiet maġġuri, kif ukoll il-kumplessità tal-ġestjoni ta’ sitwazzjoni li tolqot lil Stati Membri differenti b’modi differenti. Din żvelat tħassib ġenwin, u kixfet differenzi li jeħtieġ li jingħarfu u jingħelbu. Fuq kollox, enfasizzat verità inerenti fundamentali tan-natura tal-UE: li kull azzjoni jkollha implikazzjonijiet fuq oħrajn. Filwaqt li uħud mill-Istati Membri għadhom iħabbtu wiċċhom mal-isfida tal-ġestjoni tal-fruntieri esterni, oħrajn iridu jlaħħqu ma’ wasliet fuq skala kbira bl-art jew bil-baħar, jew ċentri ta’ akkoljenza ffullati żżejjed, u oħrajn għadhom jiffaċċjaw għadd kbir ta’ movimenti ta’ migranti mhux awtorizzati. Huwa meħtieġ qafas Ewropew ġdid u dejjiemi għall-ġestjoni tal-interdipendenza bejn il-politiki u d-deċiżjonijiet tal-Istati Membri u li jagħti rispons xieraq għall-opportunitajiet u l-isfidi fi żminijiet normali, f’sitwazzjonijiet ta’ pressjoni u f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi: qafas li jkun jista’ jagħti ċ-ċertezza, iċ-ċarezza u l-kundizzjonijiet diċenti lill-irġiel, lin-nisa u lit-tfal li jaslu fl-UE, u li jkun jista’ wkoll jippermetti lill-Ewropej jafdaw li l-migrazzjoni tkun qiegħda tiġi ġestita b’mod effettiv u uman, b’konformità sħiħa mal-valuri tagħna.

·Fl-2019, 20,9 miljun persuna li mhumiex ċittadini tal-UE kienu residenti legali fl-Istati Membri tal-UE, madwar 4,7 % tal-popolazzjoni totali tal-UE.

·Fl-2019, l-Istati Membri tal-UE ħarġu madwar 3,0 miljun permess tal-ewwel residenza lil persuni li mhumiex ċittadini tal-UE, fosthom madwar 1,8 miljun għal perjodu ta’ mill-anqas 12-il xahar.

·Fl-2015, fl-agħar tal-kriżi tar-refuġjati ġew irreġistrati 1,82 miljun qasma illegali tal-fruntiera fil-fruntiera esterna tal-UE. Sal-2019 dan l-għadd kien naqas għal 142 000.

·L-għadd ta’ applikazzjonijiet għall-ażil laħaq il-massimu ta’ 1,28 miljun fl-2015, filwaqt li fl-2019 kien ta’ 698 000.

·Bħala medja, kull sena jiġu rrifjutati madwar 370 000 applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iżda huwa biss terz minn dawn il-persuni li jintbagħtu lura lejn pajjiżhom.

·Fi tmiem l-2019 l-UE ospitat madwar 2,6 miljun refuġjat, li huwa għadd ekwivalenti għal 0,6 % tal-popolazzjoni tal-UE.

Il-Patt il-Ġdid jagħraf li l-ebda Stat Membru ma għandu jerfa’ responsabbiltà sproporzjonata u li l-Istati Membri kollha jenħtieġ li jikkontribwixxu għas-solidarjetà fuq bażi kostanti.

Dan jipprovdi approċċ komprensiv, li jlaqqa’ l-politika fl-oqsma tal-migrazzjoni, tal-ażil, tal-integrazzjoni u tal-ġestjoni tal-fruntieri, u jagħraf li l-effettività ġenerali tiddependi fuq il-progress li jsir fuq il-fronti kollha. Joħloq proċessi ta’ migrazzjoni aktar rapidi u stabbli u governanza aktar b’saħħitha tal-politiki dwar il-migrazzjoni u l-fruntieri, bl-appoġġ ta’ sistemi tal-IT moderni u aġenziji aktar effettivi. L-għan tiegħu huwa li jnaqqas ir-rotot perikolużi u irregolari u li jippromwovi toroq legali sostenibbli u sikuri għal dawk li jkunu jeħtieġu l-protezzjoni. Jirrifletti r-realtà li l-parti l-kbira tal-migranti jidħlu fl-UE permezz ta’ mezzi legali, li jenħtieġ li jiġu allinjati aħjar mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol tal-UE. U se jrawwem il-fiduċja fil-politiki tal-UE billi jagħlaq il-lakuna fl-implimentazzjoni li teżisti.  

Dan ir-rispons komuni jeħtieġ li jinkludi r-relazzjonijiet tal-UE ma’ pajjiżi terzi, għaliex id-dimensjonijiet interni u esterni huma marbuta b’mod inseparabbli: il-ħidma id f’id mas-sħab tħalli impatt dirett fuq l-effettività tal-politiki ġewwa l-UE. Fost l-għanijiet siewja li l-UE u s-sħab tagħna jridu jwettqu permezz ta’ sħubijiet komprensivi, ibbilanċjati u mfassla apposta hemm l-indirizzar tal-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni irregolari, il-ġlieda kontra t-traffikar ta’ migranti, l-għajnuna lir-refuġjati li jirrisjedu f’pajjiżi terzi u l-appoġġ għal migrazzjoni legali ġestita tajjeb.

Il-Kummissjoni fasslet il-Patt il-Ġdid fuq il-bażi ta’ konsultazzjonijiet ta’ livell għoli u tekniċi mal-Parlament Ewropew, mal-Istati Membri kollha, u ma’ varjetà kbira ta’ partijiet ikkonċernati mis-soċjetà ċivili, mis-sħab soċjali u min-negozji. Il-Patt il-Ġdid issawwar mit-tagħlimiet tad-dibattiti interistituzzjonali minn mindu l-Kummissjoni ppreżentat il-proposti tagħha tal-2016 għar-riforma tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil. Dan se jħares il-kompromessi li diġà saru fir-rigward tal-proposti eżistenti u jżid elementi ġodda li jiżguraw il-bilanċ meħtieġ f’qafas komuni, filwaqt li jlaqqa’ l-aspetti kollha tal-politiki dwar l-ażil u l-migrazzjoni. Se jnaqqas id-distakk bejn id-diversi realtajiet li qed iħabbtu wiċċhom magħhom l-Istati Membri differenti u se jippromwovi l-fiduċja reċiproka billi jikseb ir-riżultati permezz ta’ implimentazzjoni effettiva. Regoli komuni huma essenzjali, iżda mhumiex biżżejjed. L-interdipendenza tal-Istati Membri tfisser li huwa indispensabbli li tiġi żgurata implimentazzjoni sħiħa, trasparenti u konsistenti fil-prattika.

Il-Patt Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil:

·ġestjoni soda u ekwa tal-fruntieri esterni, fosthom tal-identità, tas-saħħa u tal-kontrolli tas-saħħa u tas-sigurtà;

·regoli tal-ażil ġusti u effiċjenti, simplifikazzjoni tal-proċeduri tal-ażil u tar-ritorn;

·mekkaniżmu ġdid ta’ solidarjetà għal sitwazzjonijiet ta’ tiftix u salvataġġ, pressjoni u kriżi;

·antiċipazzjoni b’saħħitha, tħejjija u rispons għall-kriżijiet;

·politika ta’ ritorn effettiva u approċċ għar-ritorni li jkun ikkoordinat mal-UE;

·governanza komprensiva fil-livell tal-UE għal ġestjoni u implimentazzjoni aħjar tal-politiki dwar l-ażil u l-migrazzjoni;

·sħubijiet ta’ benefiċċju għall-partijiet kollha mal-pajjiżi tal-oriġini u tat-tranżitu;

·l-iżviluppar ta’ triq legali sostenibbli għal dawk li jeħtieġu l-protezzjoni u biex jiġi attirat it-talent lejn l-UE; kif ukoll

·l-għoti ta’ appoġġ favur politiki ta’ integrazzjoni effettivi.

2.QAFAS KOMUNI EWROPEW GĦALL-ĠESTJONI TAL-MIGRAZZJONI U L-AŻIL

Minn dakinhar tal-kriżi tar-refuġjati tal-2015-2016, l-isfidi ma għadhomx l-istess. Il-flussi mħallta ta’ refuġjati u migranti fissru kumplessità akbar u ħtieġa intensifikata għal mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni u ta’ solidarjetà. L-UE u l-Istati Membri żieda l-kooperazzjoni ta’ bejniethom fuq il-politika dwar il-migrazzjoni u l-ażil b’mod sinifikanti. Ir-risponsi tal-Istati Membri għas-sitwazzjoni ta’ bħalissa fiċ-ċentru ta’ akkoljenza ta’ Moria wrew il-kondiviżjoni tar-responsabbiltà u s-solidarjetà fis-seħħ. Il-pjan tal-Kummissjoni li taħdem mal-awtoritajiet nazzjonali fuq pilota konġunt għal ċentru ta’ akkoljenza ġdid juri kif il-kooperazzjoni tista’ taħdem bl-aktar modi operazzjonali. Il-Kummissjoni se toħloq task force flimkien mal-Istati Membri u l-Aġenziji tal-UE biex tappoġġa l-implimentazzjoni ta’ dan il-proġett pilota konġunt. Madankollu, ir-risponsi ad hoc ma jistgħux jagħtu tweġiba sostenibbli u għad fadal dgħufijiet strutturali maġġuri, kemm fid-disinn kif ukoll fl-implimentazzjoni. L-inkonsistenti bejn is-sistemi nazzjonali tal-ażil u tar-ritorn, kif ukoll in-nuqqasijiet fl-implimentazzjoni, kixfu ineffiċjenzi u qajmu tħassib dwar kemm huma ġusti. U fl-istess waqt, il-funzjonament xieraq tal-politika dwar il-migrazzjoni u l-ażil ġewwa fl-UE jeħtieġ ukoll il-kooperazzjoni msaħħa dwar il-migrazzjoni ma’ sħab ’il barra mill-UE.

Għaldaqstant, hemm il-bżonn ta’ approċċ komprensiv li jagħraf ir-responsabbiltajiet kollettivi, li jindirizza l-aktar tħassib fundamentali li ntwera fin-negozjati sa mill-2016 – partikolarment b’rabta mas-solidarjetà – u jindirizza l-lakuna fl-implimentazzjoni. Dan l-approċċ jibni fuq il-progress li sar mill-2016, iżda jintroduċi wkoll qafas Ewropew komuni u governanza aħjar tal-ġestjoni tal-migrazzjoni u tal-ażil, kif ukoll mekkaniżmu ġdid ta’ solidarjetà. Se jagħmel ukoll il-proċedura fil-fruntiera aktar konsistenti u aktar effiċjenti, kif ukoll jiżgura standard konsistenti tal-kundizzjonijiet tal-akkoljenza.

Żviluppi fuq il-progress li sar mill-2016

Il-proposti ta’ qabel tal-Kummissjoni għar-riforma tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil kellhom l-għan li joħolqu proċess ġust u rapidu li jiggarantixxi l-proċedura tal-ażil, kif ukoll trattament ugwali, ċarezza u ċertezza legali għal min japplika għall-ażil, u li jindirizzaw in-nuqqasijiet marbuta mar-ritorn. Dawn l-għanijiet għadhom jgħoddu u l-Patt il-Ġdid ipprova jħares kemm jista’ jkun il-progress li sar u l-kompromessi li saru bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill.

Il-Kummissjoni tappoġġa l-ftehimiet politiċi proviżorji li diġà saru dwar ir-Regolament dwar Standards għall-Kwalifika u d-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet tal-Akkoljenza. Il-proposta jenħtieġ li tiġi addottata malajr kemm jista' jkun. Ir-Regolament dwar Standards għall-Kwalifika jarmonizza aktar il-kriterji tal-għoti tal-protezzjoni internazzjonali, kif ukoll jiċċara d-drittijiet u l-obbligi tal-benefiċjarji u jistabbilixxu meta jenħtieġ li tintemm il-protezzjoni, partikolarment jekk il-benefiċjarju jkun sar theddida għas-sigurtà pubblika jew ikun wettaq reat serju. Ir-riformulazzjoni tad-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet tal-Akkoljenza twassal għal regoli aktar armonizzati u kundizzjonijiet tal-akkoljenza mtejba għall-applikanti għall-ażil, fosthom aċċess aktar bikri għas-suq tax-xogħol u aċċess aħjar għall-edukazzjoni għall-migranti tfal. Tagħmilha ċara wkoll li l-kundizzjonijiet tal-akkoljenza jistgħu jingħataw biss fl-Istat Membru responsabbli, li jiddiżinċentiva l-movimenti mhux awtorizzati, u tiċċara r-regoli dwar id-detenzjoni. Ir-regolament li jistabbilixxi bis-sħiħ Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil huwa element essenzjali ieħor fil-bini ta’ sistema koerenti u operazzjonali li l-adozzjoni rapida tagħha twassal għal benefiċċji minnufih. Il-proposta għal Regolament Qafas tal-Unjoni għar-Risistemazzjoni u l-Ammissjoni Umanitarja tipprovdi qafas tal-UE stabbli għall-kontribut tal-UE għall-isforzi dinjija tar-risistemazzjoni. Il-proposta tal-2018 tal-Kummissjoni li temenda d-Direttiva dwar ir-Ritorn ukoll għadha bi prijorità ewlenija, biex tagħlaq il-lakuni u tissimplifika l-proċeduri biex l-ażil u r-ritorn isiru parti minn sistema unika 1 .

2.1    Proċeduri ġodda biex jiġi stabbilit l-istatus minnufih mal-wasla

Il-fruntiera esterna hija l-post fejn l-UE jeħtiġilha tagħlaq il-lakuni bejn il-kontrolli fil-fruntiera esterna u l-proċeduri tal-ażil u tar-ritorn. Dan il-proċess jenħtieġ li jkun wieħed validu, b’regoli ċari u ġusti fir-rigward tal-awtorizzazzjoni tad-dħul u tal-aċċess għall-proċedura x-xierqa. Il-Kummissjoni qiegħda tipproponi l-ħolqien ta’ proċedura bla xkiel fil-fruntiera li tkun applikabbli għall-persuni kollha li mhumiex ċittadini tal-UE u li jaqsmu mingħajr awtorizzazzjoni, fosthom l-iskrinjar ta’ qabel id-dħul, il-proċedura tal-ażil, u fejn applikabbli proċedura ta’ ritorn rapidu – biex b’hekk proċessi li bħalissa huma separati jiġu integrati.

L-ewwel pass jenħtieġ li jkun l-iskrinjar ta’ qabel id-dħul 2  applikabbli għaċ-ċittadini kollha ta’ pajjiżi terzi li jaqsmu l-fruntiera esterna mingħajr awtorizzazzjoni. L-iskrinjar se jinkludi l-identifikazzjoni, verifiki fuq is-saħħa u s-sigurtà, it-teħid tal-marki tas-swaba’ u r-reġistrazzjoni fil-bażi tad-data tal-Eurodac. Dan se jkun l-ewwel pass fis-sistema tal-ażil u tar-ritorn kollha kemm hi, se jżid it-trasparenza għall-persuni kkonċernati fi stadju bikri u jrawwem fiduċja fis-sistema. Dan se jindokra kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-awtoritajiet rilevanti kollha, bl-appoġġ tal-Aġenziji tal-UE. L-iskrinjar se jaċċellera l-proċess tad-determinazzjoni tal-istatus ta’ persuna u x’tip ta’ proċedura tkun tapplika. Biex jiġi żgurat li jsiru l-istess kontrolli fil-konfront tal-wasliet irregolari kollha qabel id-dħul fit-territorju ta’ Stat Membru, l-Istati Membri se jkollhom ukoll jiskrinjaw jekk persuna tkunx evitat il-kontrolli fil-fruntiera iżda tkun ġiet identifikata aktar tard.

Il-Kummissjoni qiegħda tipproponi emenda mmirata tal-proposta tagħha tal-2016 għal Regolament ġdid dwar il-Proċeduri tal-Ażil 3 li jippermetti użu aktar effettiv u anki flessibbli tal-proċeduri fil-fruntiera bħala stadju ieħor fil-proċess. Ir-regoli dwar il-proċeduri fil-fruntiera tal-ażil u r-ritorn jitlaqqgħu fi strument leġiżlattiv uniku. Il-proċeduri fil-fruntiera jippermettu t-trattament aktar rapidu ta’ applikazzjoni, bħal raġunijiet ta’ aċċelerazzjoni simili għall-kunċetti ta’ pajjiż ta’ oriġini sikur jew pajjiżi terzi sikuri. It-talbiet għall-ażil bi probabbiltà baxxa li jiġu aċċettati jenħtieġ li jiġu eżaminati malajr mingħajr il-bżonn ta’ dħul legali fit-territorju ta’ Stat Membru. Dan ikun japplika għat-talbiet ippreżentati minn applikanti li jkunu jridu jqarrqu bl-awtoritajiet, li joriġinaw minn pajjiżi b’rati baxxi ta’ rikonoxximent li x’aktarx ma jkunux jeħtieġu protezzjoni, jew li jkunu ta’ theddida għas-sigurtà nazzjonali. Filwaqt li l-applikazzjonijiet għall-ażil li jsiru fil-fruntieri esterni tal-UE jkunu jridu jiġu vvalutati bħala parti mill-proċeduri tal-ażil tal-UE, dawn ma jkunux jikkostitwixxu dritt ta’ dħul awtomatiku fl-UE. Il-proċedura normali tal-ażil tissokta tapplika għal talbiet oħrajn għall-ażil u ssir aktar effiċjenti, u ġġib aktar ċarezza fil-konfront tat-talbiet b’bażi soda. Barra minn hekk, jenħtieġ li jkun possibbli li l-applikanti jiġu rilokati matul il-proċedura fil-fruntiera, biex b’hekk il-proċeduri jkunu jistgħu jissoktaw fi Stat Membru ieħor. 

Proċedura ta’ ritorn fil-fruntiera tkun tapplika minnufih għal dawk it-talbiet li jkunu ġew irrifjutati fil-proċedura tal-ażil fil-fruntiera. Din telimina r-riskji ta’ movimenti mhux awtorizzati u tibgħat sinjal ċar lit-traffikanti. Tkun għodda partikolarment importanti fir-rotot fejn ikun hemm proporzjon kbira ta’ applikanti għall-ażil minn pajjiżi b’rata baxxa ta’ rikonoxximent.

Il-garanziji meħtieġa kollha se jiddaħħlu fis-seħħ biex ikun żgurat li kull persuna ssirilha valutazzjoni individwali u li l-garanziji essenzjali jibqgħu sħaħ, b’rispett sħiħ għall-prinċipju tan-non-refoulement u tad-drittijiet fundamentali. L-attenzjoni speċjali għall-ħtiġijiet ta’ dawk l-aktar vulnerabbli tkun tinkludi eżenzjoni ġenerali mill-proċedura fil-fruntiera fejn ma jkunux jistgħu jiġu żgurati l-garanziji kollha. Sabiex jiġu żgurati l-aċċess effettiv għall-proċeduri tal-ażil u r-rispett tad-drittijiet fundamentali, l-Istati Membri, flimkien mal-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali, se jdaħħlu fis-seħħ mekkaniżmu ta’ monitoraġġ effettiv fl-istadju bikri tal-iskrinjar, bħala salvagwardja oħra.

Il-proċeduri l-ġodda se jippermettu lill-awtoritajiet tal-ażil u tal-migrazzjoni jivvalutaw b’mod aktar effiċjenti dawk it-talbiet b’bażi soda, jieħdu deċiżjonijiet aktar malajr u għaldaqstant jikkontribwixxu għal funzjonament aħjar u aktar kredibbli tal-politiki dwar l-ażil u l-migrazzjoni. Dan se jibbenefika kemm lill-Istati Membri, kif ukoll lill-UE kollha kemm hi: il-ħidma jenħtieġ li tingħata appoġġ mir-riżorsi u l-għarfien tal-aġenziji tal-UE kif ukoll fondi tal-UE.

Ir-Regolament dwar Proċeduri tal-Ażil jistabbilixxi wkoll proċess aċċessibbli, effettiv u f’waqtu tat-teħid tad-deċiżjonijiet, fuq il-bażi ta’ proċeduri aktar sempliċi, aktar ċari u iqsar, salvagwardji proċedurali xierqa għall-applikanti għall-ażil, u għodod li jipprevjenu l-evitar ta’ restrizzjonijiet. In-negozjati li jinsabu għaddejjin jibbenefikaw b’mod partikolari minn livell ogħla ta’ armonizzazzjoni tal-kunċetti tal-pajjiżi ta’ oriġini sikur u tal-pajjiżi terzi sikuri permezz ta’ listi tal-UE, li jidentifikaw pajjiżi bħal dawk fil-Punent tal-Balkani, u jkomplu jibnu fuq id-diskussjonijiet interistituzzjonali li saru qabel.

2.2    Qafas komuni għas-solidarjetà u l-kondiviżjoni tar-responsabbiltà

Fuq il-bażi tal-esperjenza tan-negozjati dwar il-proposti tal-2016 għar-riforma tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil, jidher ċar li hemm il-bżonn ta’ approċċ li jmur lil hinn mil-limitazzjonijiet tar-Regolament ta’ Dublin attwali. Ir-regoli li jiddeterminaw l-Istat Membru responsabbli mit-talba għall-ażil jenħtieġ li jkunu parti minn qafas komuni, u joffru għodda intelliġenti u aktar flessibbli li tgħin lill-Istati Membri jiffaċċjaw l-akbar sfidi. Għaldaqstant, il-Kummissjoni se tirtira l-proposta tal-2016 li temenda r-Regolament ta’ Dublin u tissostitwixxiha bi strument aktar wiesa’ għal qafas komuni għall-ġestjoni tal-ażil u tal-migrazzjoni – ir-Regolament dwar il-Ġestjoni tal-Ażil u tal-Migrazzjoni 4 . Din ir-riforma hija urġenti u sa tmiem l-2020 jenħtieġ li jintlaħaq ftehim dwar il-prinċipji ewlenin tagħha.

Dan il-qafas komuni ġdid se jistabbilixxi l-prinċipji u l-istrutturi li huma meħtieġa għal approċċ integrat għall-politika dwar il-migrazzjoni u l-ażil, li jiżgura kondiviżjoni ekwa tar-responsabbiltà u jindirizza l-wasliet imħallta ta’ persuni li jkunu jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u dawk li ma jkunux jeħtiġuha b’mod aktar effettiv. Il-qafas jinkludi mekkaniżmu ġdid ta’ solidarjetà li jintegra l-ekwità fis-sistema tal-ażil tal-UE, li jirrifletti l-isfidi differenti maħluqa minn postijiet ġeografiċi differenti, u jiżgura li kulħadd jikontribwixxi s-solidarjetà sabiex il-ħtiġijiet reali li kkaġunati mill-wasliet tal-migranti u tal-applikanti għall-ażil ma jiġux trattati minn Stati Membri individwali waħedhom, iżda mill-UE kollha kemm hi. Is-solidarjetà timplika li l-Istati Membri kollha jenħtieġ li jikkontribwixxu, kif ġie ċċarat mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja 5 .

Il-mekkaniżmu l-ġdid ta’ solidarjetà se jiffoka primarjament fuq ir-rilokazzjoni jew ir-ritorn sponsorizzat. Skont ir-ritorn sponsorizzat, l-Istati Membri jipprovdu l-appoġġ kollu meħtieġ lil dak l-Istat Membru taħt pressjoni biex il-persuni li ma jkollhomx dritt jibqgħu jiġu ritornati b’mod rapidu, u l-Istat Membru li jingħata l-appoġġ jieħu r-responsabbiltà sħiħa jekk ir-ritorn ma jseħħx fi żmien perjodu stipulat. L-Istati Membri jistgħu jiffokaw fuq iċ-ċittadinanzi fil-każi fejn ikollhom ċans aħjar li jagħmlu r-ritorni. Filwaqt li kull Stat Membru jkollu jikkontribwixxi għar-rilokazzjoni u/jew għar-ritorn sponsorizzat, u jiġi applikat kriterju tad-distribuzzjoni, l-Istati Membri se jkollhom il-flessibbiltà li jiddeċiedu jekk u sa fejn jikkondividu l-isforz tagħhom bejn dawk il-persuni li jkunu se jiġu riallokati u dawk li fil-konfront tagħhom ikun japplika r-ritorn sponsorizzat. Se jkun hemm ukoll il-possibbiltà jiġu kontribwiti permezz ta’ suriet oħra ta’ solidarjetà bħall-bini tal-kapaċità, l-appoġġ operazzjonali, l-għarfien tekniku u operazzjonali, kif ukoll appoġġ dwar l-aspetti esterni tal-migrazzjoni. Filwaqt li l-Istati Membri se jibqa’ dejjem ikollhom alternattivi vijabbli għar-rilokazzjoni, xibka ta’ sikurezza se tiżgura li l-pressjoni fuq Stat Membru wieħed tittaffa b’mod effettiv mir-rilokazzjoni u r-ritorn sponsorjat. Is-sitwazzjoni speċifika għat-tiftix u s-salvataġġ u tal-gruppi partikolarment vulnerabbli jenħtieġ li tiġi rikonoxxuta, u l-Kummissjoni se tfassal ġabra ta’ miżuri proġettati ta’ solidarjetà, li tkun tikkonsisti l-aktar minn rilokazzjonijiet, li jiġu indikati kull sena mill-Istati Membri, fuq il-bażi fuq it-tbassir fuq żmien qasir tal-Kummissjoni fir-rigward tal-iżbarki antiċipati fuq ir-rotot kollha kif ukoll il-gruppi vulnerabbli mistennija li jeħtieġu riallokazzjoni.

Ir-regoli ta’ bħalissa dwar l-għoti minn Stat Membru għal ieħor tar-responsabbiltà għall-eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali jistgħu jaġixxu ta’ inċentiv għall-moviment mhux awtorizzat, partikolarment meta l-għoti tar-responsabbiltà jkun jirriżulta mill-imġiba ta’ applikant (pereżempju meta applikant jaħrab). Għaldaqstant, jenħtieġ li s-sistema tissaħħaħ u jingħalqu l-lakuni. Filwaqt li se jibqgħu japplikaw il-kriterji ta’ bħalissa li jiddeterminaw ta’ min tkun ir-responsabbiltà, ir-regoli dwar ir-responsabbiltà għall-eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali jenħtieġ li jiġu rfinuti biex is-sistema ssir aktar effiċjenti, tiskoraġġixxi l-abbużi u tipprevjeni l-movimenti mhux awtorizzati. Jenħtieġ li jkun hemm obbligi ċari għall-applikant, u konsegwenzi definiti jekk ma jirrispettawhomx. Pass addizzjonali ieħor se jinvolvi l-emendar tad-Direttivi dwar ir-Residenti fit-Tul biex il-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali jkollhom inċentiv li jibqgħu fl-Istat Membru li tkun tahom il-protezzjoni internazzjonali, bil-prospett ta’ status ta’ resident fit-tul wara tliet snin u residenza legali u kontinwa f’dak l-Istat Membru. Dan jgħinhom jintegraw fil-komunitajiet lokali.

2.3    Fiduċja reċiproka permezz ta’ governanza soda u monitoraġġ tal-implimentazzjoni

Biex ikunu effettivi, il-politiki dwar il-ġestjoni tal-fruntieri, tal-ażil u tar-ritorn iridu jaħdmu sew fil-livell nazzjonali, u fil-livell lokali fil-każ tal-integrazzjoni tal-migranti. Għaldaqstant, il-politiki nazzjonali jridu jkunu koerenti mal-approċċ kumplessiv Ewropew. Ir-Regolament il-ġdid dwar il-Ġestjoni tal-Ażil u l-Migrazzjoni se jipprova jikseb dan permezz ta’ kooperazzjoni Ewropea aktar mill-qrib. Se ttejjeb l-ippjanar, it-tħejjija u l-monitoraġġ kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak tal-UE. Proċess aktar strutturat joffri għajnuna tal-UE biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jassistu lil xulxin fil-bini ta’ sistema reżiljenti, effettiva u flessibbli, bi strateġiji nazzjonali li jintegraw il-politiki dwar l-ażil u r-ritorn fil-livell nazzjonali. Strateġija Ewropea tiggwida u tgħin lill-Istati Membri. Il-Kummissjoni se tħejji wkoll rapport dwar it-tħejjija u l-kontinġenza, fuq il-bażi tar-rapporti annwali tal-Istati Membri. Dan se jwassal għal perspettiva għall-indirizzar tar-riskji u tal-opportunitajiet tal-ġestjoni tal-migrazzjoni li tħares ’il quddiem, biex jittejbu l-kapaċità u l-preparatezza tar-rispons.

Karatteristika importanti biex il-politiki nazzjonali u dawk tal-UE jiġu fdati hija l-konsistenza tal-implimentazzjoni, li tirrekjedi monitoraġġ u appoġġ operazzjonali msaħħa min-naħa tal-Aġenziji tal-UE. Din tinkludi monitoraġġ aktar sistematiku tar-regoli eżistenti u tar-regoli ġodda min-naħa tal-Kummissjoni, fosthom permezz ta’ proċeduri ta’ ksur.

Is-sistemi ta’ kontroll tal-kwalità relatati mal-ġestjoni tal-migrazzjoni, bħall-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni ta’ Schengen u valutazzjonijiet tal-vulnerabbiltà tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex), se jkollhom rwol essenzjali. Pass importanti ieħor se jkun il-monitoraġġ futur tas-sistemi tal-ażil fosthom fl-aħħar kompromess dwar il-proposta għal Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil. Il-mandat il-ġdid ikun iwieġeb għall-ħtieġa dejjem tikber tal-Istati Membri għal appoġġ operazzjonali u gwida dwar l-implimentazzjoni tar-regoli komuni tal-ażil, u jintroduċi livell akbar ta’ konverġenza. Iżid il-fiduċja reċiproka permezz ta’ monitoraġġ ġdid tas-sistemi tal-ażil u tal-akkoljenza tal-Istati Membri u permezz tal-kapaċità li l-Kummissjoni tagħti rakkomandazzjonijiet b’miżuri ta’ assistenza. Din il-leġiżlazzjoni jenħtieġ li tiġi adottata din is-sena biex l-appoġġ prattiku jsir disponibbli malajr, filwaqt li tirrikonoxxi li l-istrutturi ġodda, bħall-monitoraġġ, jistgħu jdumu ftit qabel ma jiddaħħlu fis-seħħ.

2.4    Appoġġ lit-tfal u lill-vulnerabbli

Is-sistema tal-ġestjoni tal-ażil u tal-migrazzjoni tal-UE jenħtieġ li tipprevedi l-ħtiġijiet speċjali tal-gruppi vulnerabbli, fosthom permezz tar-risistemazzjoni. Il-Kummissjoni identifikat il-ħtiġijiet tat-tfal bħala prijorità, għaliex is-subien u l-bniet li jemigraw huma partikolarment vulnerabbli 6 . Din se titqies bis-sħiħ fl-inizjattivi aktar wiesa’ li jippromwovu d-drittijiet u l-interessi tat-tfal, bħall-Istrateġija dwar id-Drittijiet tat-Tfal, b’mod konformi kemm mad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tar-refuġjati u tat-tfal u mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE 7 .

Ir-riforma tar-regoli tal-UE dwar l-ażil u r-ritorn hija opportunità biex insaħħu s-salvagwardji u l-istandards tal-protezzjoni skont id-dritt tal-UE fil-konfront tat-tfal migranti. Ir-regoli l-ġodda se jiżguraw li l-aħjar interessi tat-tfal ikunu l-ewwel kunsiderazzjoni fid-deċiżjonijiet kollha li jittieħdu dwar it-tfal migranti u li d-dritt li t-tfal jingħataw widen jiġi rispettat. Ir-rappreżentanti għall-minorenni mhux akkumpanjati jenħtieġ li jintgħażlu aktar malajr u jingħataw biżżejjed riżorsi. In-Network Ewropew dwar it-Tutela 8 jenħtieġ li jissaħħaħ u li jkollu rwol aktar b’saħħtu fil-koordinazzjoni, fil-kooperazzjoni u fil-bini tal-kapaċità għall-kustodji. It-tfal mhux akkumpanjati u t-tfal taħt it-tnax-il sena, flimkien mal-familji tagħhom, jenħtieġ li jkunu eżentati mill-proċedura fil-fruntiera sakemm ma jkunux iqajmu tħassib relatat mas-sigurtà. Fil-proċeduri tal-ażil rilevanti l-oħra kollha, jenħtieġ li jingħataw garanziji proċedurali speċifiċi għat-tfal kif ukoll appoġġ addizzjonali. Is-sistema trid tkun immirata li tirrifletti l-ħtiġijiet partikolari tat-tfal f’kull stadju, tipprovdi alternattivi effettivi minflok id-detenzjoni, tippromwovi riunifikazzjoni rapida tal-familja, u tiżgura li l-leħen tal-awtoritajiet tal-protezzjoni tat-tfal jinstemgħu. It-tfal jenħtieġ li jingħataw akkomodazzjoni u assistenza xierqa, fosthom assistenza legali, matul il-proċeduri tad-determinazzjoni tal-istatus tagħhom. Fl-aħħar nett, dawn jenħtieġ li jkollhom aċċess fil-pront u mhux diskriminatorju għall-edukazzjoni u l-aċċess bikri għas-servizzi ta’ integrazzjoni.

Ir-riskji tat-traffikar fir-rotot migratorji għadhom għoljin, prinċipalment ir-riskju li n-nisa u l-bniet isiru vittmi tat-traffikar għall-esplojtazzjoni sesswali jew għal suriet oħra ta’ vjolenza fuq il-bażi tas-sess. In-networks tat-traffikar jabbużaw il-proċeduri tal-ażil, u jużaw iċ-ċentri ta’ akkoljenza biex jidentifikaw lill-vittmi potenzjali tagħhom 9 . L-identifikazzjoni bikrija tal-vittmi potenzjali mhux mill-UE se tkun tema speċifika tal-approċċ futur tal-Kummissjoni lejn l-eradikazzjoni tat-traffikar tal-bnedmin, kif inhu stipulat fl-Istrateġija riċenti dwar l-Unjoni tas-Sigurtà 10 .

2.5    Sistema effettiva u komuni tal-UE għar-ritorni

Ir-regoli tal-migrazzjoni tal-UE jistgħu jkunu biss kredibbli jekk dawk li ma jkollhomx id-dritt li jibqgħu fl-UE jiġu effettivament ritornati. Attwalment, huma biss madwar terz tan-nies ordnati jirritornaw mill-Istati Membri li jitilqu. Dan idgħajjef il-fiduċja taċ-ċittadini fis-sistema sħiħa tal-ġestjoni tal-ażil u l-migrazzjoni u jaġixxi bħala inċentiv għall-migrazzjoni irregolari. Dan jesponi wkoll lil dawk li qegħdin f’pajjiż illegalment għal kundizzjonijiet prekarji u sfruttament minn networks kriminali. Illum l-effettività tar-ritorni tvarja minn Stat Membru għal ieħor, u tiddependi fil-biċċa l-kbira fuq ir-regoli u l-kapaċitajiet nazzjonali, kif ukoll fuq ir-relazzjonijiet ma’ terzi pajjiżi partikolari. Hija meħtieġa sistema komuni tal-UE għar-ritorni li tgħaqqad l-istrutturi aktar b’saħħithom fl-UE mal-kooperazzjoni aktar effettiva ma’ terzi pajjiżi dwar ir-ritorn u r-riammissjoni. Jenħtieġ li tiġi żviluppata abbażi tar-riformulazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Ritorn u l-appoġġ operazzjonali effettiv inkluż permezz tal-Frontex. Dan l-approċċ jibbenefika mill-proċess propost skont ir-Regolament dwar il-Ġestjoni tal-Ażil u l-Migrazzjoni għall-identifikazzjoni ta’ miżuri jekk meħtieġ biex tiġi inċentivata l-kooperazzjoni ma’ terzi pajjiżi 11 . Jenħtieġ li s-sistema komuni tal-UE għar-ritorni tintegra l-isponsorizzazzjoni tar-ritorn u sservi biex tappoġġa l-implimentazzjoni b’suċċess tagħha.

L-element kostitwenti ewlieni biex tinkiseb sistema effettiva ta’ ritorn tal-UE hija l-proposta tal-2018 biex tiġi riformulata d-Direttiva dwar ir-Ritorn. Din twassal għal titjib fundamentali fil-ġestjoni tal-politika ta’ ritorn. Din tgħin tipprevjeni u tnaqqas il-persuni milli jaħarbu u l-movimenti mhux awtorizzati, bi kriterju komuni biex jiġi vvalutat kull każ u l-possibbiltà li tintuża d-detenzjoni għal tħassib dwar l-ordni pubblika u s-sigurtà. Din tagħti spinta lill-programmi ta’ ritorn volontarji assistiti, bħala l-aktar mod effiċjenti u sostenibbli biex jittejjeb ir-ritorn. Din itejjeb ukoll it-twettiq, b’għodod tal-IT imfassla apposta u b’obbligu ċar għal dawk fil-proċedura biex jikkooperaw, kif ukoll l-aċċellerazzjoni tal-proċeduri. Huwa importanti li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill jilħqu qbil dwar dispożizzjonijiet dwar il-kriterji komuni ta’ valutazzjoni u d-detenzjoni. Il-Kummissjoni hija lesta li taħdem mill-qrib mal-istituzzjonijiet l-oħra biex jintlaħaq ftehim rapidu dwar Direttiva riveduta li ġġib dan it-titjib: dan ikun megħjun ukoll billi jinġabru flimkien ir-regoli dwar il-proċeduri fil-fruntieri tal-ażil u ta’ ritorn fir-Regolament il-ġdid dwar il-Proċeduri tal-Ażil, b’hekk jitneħħew il-lakuni eżistenti u jitnaqqsu aktar il-possibbiltajiet li tiġi evitata s-sistema tal-ażil.

L-isforzi nazzjonali ta’ ritorn jeħtieġu wkoll appoġġ operazzjonali. Il-ħidma fuq ir-ritorn hija ta’ spiss mxekkla minn riżorsi finanzjarji u umani skarsi fl-Istati Membri. Jenħtieġ li l-inkorporazzjoni tar-ritorn fi strateġiji nazzjonali skont il-qafas komuni tirriżulta f’ippjanar, riżorsi u infrastruttura aħjar għall-operazzjonijiet ta’ ritorn u riammissjoni.

Frontex irid ikollha rwol ewlieni fis-sistema komuni tal-UE għar-ritorni, filwaqt li tagħmel ir-ritorni jaħdmu tajjeb fil-prattika. Jenħtieġ li tkun prijorità għall-Frontex li ssir fergħa operattiva tal-politika ta’ ritorn tal-UE, bil-ħatra ta’ Viċi Direttur Eżekuttiv iddedikat u bl-integrazzjoni ta’ aktar għarfien espert dwar ir-ritorn fil-Bord ta’ Tmexxija 12 . L-iskjerament tal-korp permanenti l-ġdid jgħin ukoll fir-ritorn. Frontex se tappoġġa wkoll l-introduzzjoni ta’ sistema ta’ ġestjoni ta’ każijiet ta’ ritorn fil-livell tal-UE u dak nazzjonali, li tkopri l-passi kollha tal-proċedura mis-sejbien ta’ soġġorn irregolari għar-riammissjoni u r-riintegrazzjoni f’terzi pajjiżi. B’dan il-mod l-Aġenzija tista’ twettaq il-potenzjal sħiħ tagħha biex tappoġġa r-ritorn, billi tgħaqqad il-kooperazzjoni operazzjonali mal-Istati Membri u l-kooperazzjoni effettiva ta’ riammissjoni ma’ terzi pajjiżi. 

Sistema effettiva li tiżgura r-ritorn hija responsabbiltà komuni u teħtieġ strutturi ta’ governanza b’saħħithom biex jiġi żgurat approċċ aktar koerenti u effettiv. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni se taħtar Koordinatur tar-Ritorn, appoġġat minn Network ta’ Livell Għoli ġdid għar-Ritorn. Il-Koordinatur jipprovdi appoġġ tekniku biex jiġbor flimkien il-fergħat tal-politika ta’ ritorn tal-UE, filwaqt li jibni fuq l-esperjenzi pożittivi tal-Istati Membri fil-ġestjoni tar-ritorni u l-iffaċilitar ta’ implimentazzjoni bla xkiel u interkonnessa tal-proċess tar-ritorn. Se tingħata attenzjoni strateġika permezz ta’ strateġija operazzjonali dwar ir-ritorni. 

Ir-ritorn huwa aktar effettiv meta jitwettaq volontarjament u akkumpanjat minn miżuri ta’ riintegrazzjoni b’saħħithom. Il-promozzjoni tar-ritorn volontarju hija objettiv strateġiku fundamentali, rifless fil-proposta tal-Kummissjoni tal-2018 dwar id-Direttiva dwar ir-Ritorn kif ukoll fl-Istrateġija li jmiss dwar ir-ritorn volontarju u r-riintegrazzjoni. Din l-istrateġija se tistabbilixxi approċċi ġodda għat-tfassil, il-promozzjoni u l-implimentazzjoni ta’ skemi ta’ ritorn volontarju assistit u riintegrazzjoni 13 , filwaqt li tistabbilixxi objettivi komuni u tippromwovi l-koerenza kemm bejn l-inizjattivi tal-UE u dawk nazzjonali kif ukoll bejn l-iskemi nazzjonali. Din il-ħidma tista’ tibbaża wkoll fuq il-mandat imsaħħaħ dwar ir-ritorn tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta.

2.6    Bażi tad-data komuni ġdida tal-ażil u migrazzjoni

Proċess ta’ migrazzjoni u ażil bla xkiel jeħtieġ ġestjoni xierqa tal-informazzjoni meħtieġa. Għal dan il-għan, jenħtieġ li Eurodac tkun żviluppata aktar biex tappoġġa l-qafas komuni 14 . Il-proposta tal-Kummissjoni tal-2016, li dwarha sar ftehim politiku proviżorju mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill, diġà kabbret l-ambitu tal-Eurodac. Eurodac aġġornata tgħin biex jiġu traċċati movimenti mhux awtorizzati, tiġi indirizzata l-migrazzjoni irregolari u jitjieb ir-ritorn. Id-data maħżuna tiġi estiża biex tindirizza il-ħtiġijiet speċifiċi, bis-salvagwardji meħtieġa: pereżempju, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill kienu diġà qablu li jestendu l-ambitu tagħha għal persuni risistemati.

Jenħtieġ li dawn il-bidliet issa jiġu kkomplementati biex jippermettu bażi tad-data aġġornata biex tgħodd l-applikanti individwali (aktar milli l-applikazzjonijiet), tgħin fl-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet ġodda dwar it-trasferiment tar-responsabbiltà fl-UE, tiffaċilita r-rilokazzjoni, u tiżgura monitoraġġ aħjar tal-persuni rimpatrijati. Is-sistema l-ġdida tgħin biex tinħoloq ir-rabta meħtieġa bejn il-proċeduri tal-ażil u tar-ritorn u tipprovdi appoġġ addizzjonali lill-awtoritajiet nazzjonali li jittrattaw l-applikanti għall-ażil li l-applikazzjoni tagħhom tkun diġà ġiet irrifjutata fi Stat Membru ieħor. Tista’ wkoll issegwi l-appoġġ għat-tluq volontarju u r-riintegrazzjoni. Il-Eurodac il-ġdida tkun kompletament interoperabbli mal-bażijiet tad-data tal-ġestjoni tal-fruntieri, bħala parti minn sistema integrata u komprensiva tal-migrazzjoni u tal-ġestjoni tal-fruntieri.

Azzjonijiet ewlenin

Il-Kummissjoni:

·Tipproponi Regolament dwar il-Ġestjoni tal-Ażil u l-Migrazzjoni, li jinkludi mekkaniżmu ġdid ta’ solidarjetà;

·Tipproponi leġiżlazzjoni ġdida biex tiġi stabbilita proċedura ta’ skrinjar fil-fruntiera esterna;

·Temenda l-proposta għal Regolament ġdid dwar il-Proċeduri tal-Ażil biex jinkludi proċedura ġdida fil-fruntieri u l-proċeduri tal-ażil issiru aktar effettivi;

·Temenda l-proposta tar-Regolament Eurodac biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tad-data tal-qafas il-ġdid għall-ġestjoni tal-ażil u l-migrazzjoni tal-UE;

·Taħtar Koordinatur tar-Ritorn fil-Kummissjoni, appoġġat minn Network ta’ Livell Għoli ġdid għar-Ritorni u strateġija operattiva ġdida; kif ukoll

·Tistabbilixxi Strateġija ġdida dwar ir-ritorni volontarji u r-riintegrazzjoni. 

Jenħtieġ li l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex):

·Tħaddem bis-sħiħ il-mandat imsaħħaħ dwar ir-ritorn u tipprovdi appoġġ sħiħ lill-Istati Membri fil-livell nazzjonali; kif ukoll

·Taħtar Viċi Direttur Eżekuttiv għar-Ritorn,

Jenħtieġ li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill:

·Jadottaw ir-Regolament dwar il-Ġestjoni tal-Ażil u l-Migrazzjoni, kif ukoll ir-Regolament dwar l-Iskrinjar u r-Regolament rivedut dwar il-Proċeduri tal-Ażil, sa Ġunju 2021;

·Jagħtu prijorità immedjata lill-adozzjoni tar-Regolament dwar l-Aġenzija tal-UE għall-Ażil sa tmiem is-sena biex jippermettu appoġġ Ewropew effettiv fil-post;

·Jiżguraw l-adozzjoni tar-Regolament Eurodac rivedut din is-sena;

·Jiżguraw l-adozzjoni rapida tad-Direttiva riveduta dwar il-Kundizzjonijiet ta’ Akkoljenza u r-Regolament dwar Standards għall-Kwalifika; kif ukoll

·Jiżguraw il-konklużjoni rapida tan-negozjati dwar id-Direttiva riveduta dwar ir-Ritorn.

3.SISTEMA ROBUSTA TA’ TĦEJJIJA U RISPONS GĦALL-KRIŻI

L-għan tal-Patt il-Ġdid li jistabbilixxi politika komprensiva u robusta dwar il-migrazzjoni u l-ażil huwa l-aħjar protezzjoni kontra r-riskju ta’ sitwazzjonijiet ta’ kriżi. Illum l-UE hija diġà mħejjija aħjar milli kienet fl-2015, u l-qafas komuni għall-ġestjoni tal-ażil u l-migrazzjoni se jpoġġi lill-UE f’bażi aktar b’saħħitha, filwaqt li jsaħħaħ l-istat ta’ tħejjija u jagħmel is-solidarjetà karatteristika permanenti. Madankollu, l-UE dejjem se jeħtieġ li tkun lesta għal dak li mhux mistenni.

L-UE trid tkun lesta li tindirizza sitwazzjonijiet ta’ kriżi u force majeure b’reżiljenza u flessibbiltà, bl-għarfien li tipi differenti ta’ kriżijiet jeħtieġu rispons differenti. L-effettività tar-rispons tista’ tittejjeb permezz ta’ tħejjija u previżjoni. Din teħtieġ approċċ ibbażat fuq l-evidenza, biex tiżdied l-antiċipazzjoni u tgħin fit-tħejjija tar-rispons tal-UE għal xejriet ewlenin 15 . Se tinħareġ Blueprint ġdida dwar it-Tħejjija għall-Migrazzjoni u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet Migratorji 16  biex tgħin fil-bidla minn mod reattiv għal wieħed ibbażat fuq it-tħejjija u l-antiċipazzjoni. Din se tiġbor flimkien l-għodod kollha eżistenti tal-ġestjoni tal-kriżi u tistabbilixxi l-miżuri u l-protokolli istituzzjonali, operazzjonali u finanzjarji ewlenin li jridu jkunu fis-seħħ biex tiġi żgurata t-tħejjija kemm fil-livell tal-UE u kif ukoll f’dak nazzjonali.

Il-Blueprint tinvolvi antiċipazzjoni u monitoraġġ kontinwi tal-kapaċitajiet tal-Istati Membri, u tipprovdi qafas għall-bini tar-reżiljenza u l-organizzazzjoni ta’ rispons koordinat għal kriżi. B’talba ta’ Stat Membru, jiġi skjerat appoġġ operazzjonali kemm mill-aġenziji tal-UE kif ukoll minn Stati Membri oħra. Dan jibni fuq l-approċċ hotspot u jibbaża fuq l-esperjenza reċenti tar-rispons għall-kriżi u l-protezzjoni ċivili. Din il-Blueprint tkun effettiva immedjatament, iżda taġixxi wkoll bħala appoġġ operazzjonali importanti għall-kapaċità tal-UE li tirrispondi skont l-arranġamenti futuri. Din se tistabbilixxi l-firxa ta’ miżuri li jistgħu jintużaw biex jiġu indirizzati kriżijiet relatati ma’ għadd kbir ta’ wasliet irregolari. Madankollu, l-esperjenza turi li jeħtieġ ukoll li nżidu element ġdid mas-sett ta’ għodod.

Strument leġiżlattiv ġdid jipprevedi miżuri temporanji u straordinarji meħtieġa fid-dawl ta’ kriżi 17 . L-objettivi ta’ dan l-istrument se jkunu tnejn: l-ewwel nett li tingħata flessibbiltà lill-Istati Membru biex jirreaġixxu għal sitwazzjonijiet ta’ kriżi u ta’ force majeure u li jingħata status ta’ protezzjoni immedjat f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi, u t-tieni nett, li jiġi żgurat li s-sistema ta’ solidarjetà stabbilita mir-Regolament il-ġdid dwar il-Ġestjoni tal-Ażil u l-Migrazzjoni tkun adattata tajba għal kriżi kkaratterizzata minn għadd kbir ta’ wasliet irregolari. Iċ-ċirkostanzi ta’ kriżi jitolbu urġenza u għalhekk il-mekkaniżmu ta’ solidarjetà jeħtieġ li jkun aktar b’saħħtu, u l-perjodi ta’ żmien li jirregolaw dak il-mekkaniżmu jenħtieġ li jitnaqqsu 18 . Dan iwessa’ wkoll l-ambitu tar-rilokazzjoni obbligatorja, pereżempju għal applikanti għal u benefiċjarji ta’ protezzjoni immedjata, u l-isponsorizzazzjoni tar-ritorn.

F’sitwazzjonijiet ta’ kriżi li huma tant kbar li jirriskjaw li jegħlbu s-sistemi tal-ażil u l-migrazzjoni tal-Istati Membri, id-diffikultajiet prattiċi li jaffaċċjaw l-Istati Membri jiġu rikonoxxuti permezz ta’ marġni limitat biex jidderogaw temporanjament mill-proċeduri u l-iskedi ta’ żmien normali, filwaqt li jiġi żgurat ir-rispett għad-drittijiet fundamentali u l-prinċipju ta’ non-refoulement 19 . 

Il-protezzjoni, ekwivalenti għal protezzjoni sussidjarja, tista’ wkoll tingħata immedjatament lil grupp ta’ persuni definit minn qabel, b’mod partikolari lil persuni li jaffaċċjaw riskju eċċezzjonalment għoli ta’ vjolenza indiskriminata minħabba kunflitt armat fil-pajjiż ta’ oriġini. Minħabba l-iżvilupp tal-kunċetti u r-regoli ta’ kwalifika għall-protezzjoni internazzjonali, u fid-dawl tal-fatt li l-leġiżlazzjoni l-ġdida tistabbilixxi regoli għall-għoti ta’ status ta’ protezzjoni immedjata f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi, id-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja titħassar 20 .

Azzjonijiet ewlenin

Il-Kummissjoni:

·Tipprepara Blueprint dwar it-Tħejjija għall-Migrazzjoni u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet Migratorji; kif ukoll

·Tipproponi leġiżlazzjoni biex tindirizza sitwazzjonijiet ta’ kriżi u force majeure u li tħassar id-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja.

Jenħtieġ li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill:

·Jagħtu prijorità l-ħidma tal-istrument il-ġdid għall-kriżi.

Jenħtieġ li l-Istati Membri, il-Kunsill u l-Kummissjoni:

·Jibdew l-implimentazzjoni tal-Blueprint dwar it-Tħejjija għall-Migrazzjoni u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet Migratorji.

4.ĠESTJONI INTEGRATA TAL-FRUNTIERI 

Il-ġestjoni integrata tal-fruntieri hija strument ta’ politika indispensabbli għall-UE biex tipproteġi l-fruntieri esterni tal-UE u tissalvagwardja l-integrità u l-funzjonament taż-żona Schengen mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni. Hija wkoll komponent essenzjali ta’ politika komprensiva dwar il-migrazzjoni: fruntieri esterni tal-UE ġestiti tajjeb huma komponent essenzjali fil-ħidma flimkien fuq politiki integrati dwar l-ażil u r-ritorn.

4.1    Tisħiħ tal-effettività tal-fruntieri esterni tal-UE

Il-ġestjoni tal-fruntieri esterni tal-UE hija responsabbiltà kondiviża tal-Istati Membri kollha u l-Pajjiżi Assoċjati ma’ Schengen, u tal-UE u l-aġenziji tagħha. Dan ifisser ukoll li fejn ikun hemm nuqqasijiet, l-impatt ikun doppju, kemm sfida addizzjonali għall-Istat Membru inkwistjoni u konsegwenzi bħal movimenti mhux awtorizzati li jaffettwaw il-kredibbiltà tas-sistema kollha tal-UE. Il-ġestjoni effettiva tal-fruntieri esterni tal-UE hija element fundamentali għal żona Schengen mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni.

Il-Ġestjoni Integrata Ewropea tal-Fruntieri hija implimentata mill-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta, magħmula mill-awtoritajiet tal-fruntieri u tal-gwardja tal-kosta tal-Istati Membri u l-Frontex. Hija mfassla biex tipprevjeni l-frammentazzjoni u tiżgura l-koerenza bejn il-politiki differenti tal-UE.

Il-Kummissjoni se tniedi l-proċess ta’ tħejjija bil-ħsieb li tippreżenta d-dokument ta’ politika għall-politika strateġika pluriennali u ċiklu ta’ implimentazzjoni fl-ewwel nofs tal-2021. Dan iċ-ċiklu se jiżgura qafas unifikat biex jipprovdi linji gwida strateġiċi lill-atturi rilevanti kollha fil-livell Ewropew u nazzjonali fil-qasam tal-ġestjoni tal-fruntieri u r-ritorn, permezz ta’ strateġiji li jorbtu: strateġija teknika u operazzjonali tal-UE stabbilita mill-Frontex u strateġiji nazzjonali mill-Istati Membri. Dan se jippermetti li l-istrumenti u l-għodod legali, finanzjarji u operazzjonali rilevanti kollha jkunu koerenti, kemm fl-UE kif ukoll mas-sħab esterni tagħna. Dan se jkun diskuss mal-Parlament Ewropew u l-Kunsill.

L-UE trid tkun kapaċi tappoġġa lill-Istati Membri fil-fruntiera esterna b’ħeffa, skala u flessibbiltà. L-implimentazzjoni rapida u sħiħa tar-Regolament il-ġdid dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta hija pass kritiku ’l quddiem. Din isaħħaħ il-kooperazzjoni ta’ kuljum u ttejjeb il-kapaċità ta’ reazzjoni tal-UE. L-iżvilupp ta’ kapaċitajiet komuni u ppjanar li jorbot f’oqsma bħat-taħriġ u l-akkwist se jfisser aktar konsistenza u aktar effettività. Il-valutazzjonijiet annwali tal-vulnerabbiltà tal-Frontex huma partikolarment importanti, huma jivvalutaw kemm l-Istati Membri huma lesti jaffaċċjaw theddid u sfidi fil-fruntieri esterni u jirrakkomandaw azzjoni ta’ rimedju speċifika biex jittaffew il-vulnerabbiltajiet. Huma jikkomplementaw l-evalwazzjonijiet skont il-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni ta’ Schengen, imwettqa b’mod konġunt mill-Kummissjoni u l-Istati Membri. Il-valutazzjonijiet tal-vulnerabbiltà se jgħinu wkoll biex l-appoġġ operazzjonali tal-Aġenzija jiġi mmirat lejn l-Istati Membri bl-aħjar mod possibbli.

Ir-Regolament il-ġdid jistabbilixxi korp permanenti ta’ persunal operazzjonali, li jlaqqa’ flimkien persunal mill-Aġenzija kif ukoll mill-Istati Membri, u jeżerċita setgħat eżekuttivi: tisħiħ kbir tal-kapaċità tal-UE li tirrispondi għal sitwazzjonijiet differenti fil-fruntieri esterni. Korp permanenti b’kapaċità ta’ 10 000 persunal jibqa’ essenzjali għall-kapaċità meħtieġa għall-reazzjoni rapida u suffiċjenti. L-ewwel skjerament tal-korp permanenti jenħtieġ li jkun lest sal-1 ta’ Jannar 2021.

4.2    Nilħqu l-interoperabbiltà sħiħa tas-sistemi tal-IT

Fruntieri esterni b’saħħithom jirrikjedu wkoll sistemi tal-IT aġġornati u interoperabbli biex jinżamm kont tal-wasliet u tal-applikanti għall-ażil. Ladarba jkunu operazzjonali, is-sistemi differenti jistabbilixxu pjattaforma integrata tal-IT għall-ġestjoni tal-fruntieri li tivverifika u żżomm kont tad-dritt ta’ soġġorn taċ-ċittadini kollha ta’ terzi pajjiżi, kemm jekk mingħajr viża kif ukoll jekk huma detenturi tal-viża, li jaslu b’mod legali fit-territorju tal-UE u b’hekk tgħin il-ħidma biex jiġu identifikati każijiet ta’ permanenza b’awtorizzazzjoni skaduta 21 .

L-interoperabbiltà se tgħaqqad is-sistemi Ewropej kollha għall-fruntieri, il-migrazzjoni, is-sigurtà u l-ġustizzja u se tiżgura li dawn is-sistemi kollha “jikkomunikaw” flimkien, li l-ebda kontroll ma jinqabeż minħabba informazzjoni mhux konnessa, u li l-awtoritajiet nazzjonali jkollhom l-informazzjoni sħiħa, affidabbli u preċiża meħtieġa. Din tagħti spinta kbira lill-ġlieda kontra l-frodi tal-identità. Kull sistema żżomm is-salvagwardji stabbiliti tagħha. Huwa essenzjali li dawn is-sistemi ta’ informazzjoni ġodda u aġġornati jkunu operattivi u kompletament interoperabbli sa tmiem l-2023, kif ukoll l-aġġornament tas-Sistema ta’ informazzjoni ta’ Schengen. Il-Kummissjoni se tippreżenta ukoll l-emendi meħtieġa fir-reviżjoni proposta tar-Regolament Eurodac biex tintegraha f’dan l-approċċ, sabiex l-Eurodoc ikollha wkoll rwol sħiħ fil-kontroll tal-migrazzjoni irregolari u fid-detezzjoni ta’ movimenti mhux awtorizzati fl-UE. Il-fiduċja fiż-żona Schengen tkompli tissaħħaħ billi l-proċedura tal-viża ssir kompletament diġitalizzata sal-2025, b’viża diġitali u l-kapaċità li jiġu ppreżentati applikazzjonijiet għall-viża online.

L-iskeda stretta għat-twettiq tal-arkitettura l-ġdida tas-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE tirrikjedi kemm monitoraġġ kif ukoll appoġġ għat-tħejjijiet fl-Istati Membri u l-Aġenziji. Il-proċess ta’ allert bikri għas-sistemi tal-IT tal-Kummissjoni jippermetti twissija bikrija u, jekk meħtieġ, azzjoni korrettiva rapida u mmirata. Dan jinforma lill-Forum biannwali ta’ Livell Għoli dwar l-Implimentazzjoni tal-aqwa koordinaturi mill-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-aġenziji.

4.3    Approċċ Ewropew komuni għat-tiftix u salvataġġ

Mill-2014, żdiedu t-tentattivi biex persuni jaslu fl-Ewropa f’dgħajjes mhux tajbin għat-tbaħħir, b’ħafna ħajjiet mitlufa fuq il-baħar. Dan wassal lill-UE, lill-Istati Membri u lill-atturi privati biex iżidu b’mod sinifikanti l-kapaċità ta’ tiftix u salvataġġ marittimu fil-Mediterran. L-operazzjoni navali konġunta tal-UE EUNAVFOR MED Sophia u l-operazzjonijiet ikkoordinati minn Frontex — bħal Themis, Poseidon u Indalo — ikkontribwixxew għal aktar minn 600 000 salvataġġ mill-2015.

L-għajnuna lil dawk f’diffikultà fuq il-baħar hija dmir morali u obbligu skont id-dritt internazzjonali. Filwaqt li l-awtoritajiet nazzjonali jibqgħu fl-aħħar mill-aħħar responsabbli għall-implimentazzjoni tar-regoli rilevanti skont id-dritt internazzjonali, it-tiftix u s-salvataġġ huma wkoll element fundamentali tal-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri, implimentati bħala responsabbiltà kondiviża bejn il-Frontex 22 u l-awtoritajiet nazzjonali, u dan jagħmel essenzjali t-tisħiħ tal-aċċess tal-Frontex għall-kapaċità navali u tal-ajru.

It-tentattivi perikolużi biex il-persuni jaqsmu l-Mediterran ikomplu jkunu ta’ riskju kbir u jżidu n-networks kriminali. L-żbark tal-migranti għandu impatt sinifikanti fuq l-ażil, il-migrazzjoni u l-ġestjoni tal-fruntieri, b’mod partikolari fuq l-Istati Membri kostali. L-iżvilupp ta’ approċċ tal-UE aktar koordinat għall-prattika ta’ tiftix u salvataġġ li qed tevolvi, ibbażat fuq is-solidarjetà, huwa kruċjali. Jenħtieġ li l-elementi ewlenin jinkludu:

·Ir-rikonoxximent tal-ispeċifiċitajiet ta’ tiftix u salvataġġ fil-qafas legali tal-UE għall-migrazzjoni u l-ażil. Minn Jannar 2019, b’talba tal-Istati Membri, il-Kummissjoni kkoordinat ir-rilokazzjoni ta’ aktar minn 1 800 persuna żbarkata wara operazzjonijiet ta’ salvataġġ minn dgħajjes privati. Filwaqt li l-Kummissjoni se tkompli tipprovdi appoġġ operazzjonali u koordinazzjoni proattiva, mekkaniżmu ta’ solidarjetà aktar prevedibbli huwa meħtieġ. Ir-Regolament il-ġdid dwar il-Ġestjoni tal-Ażil u l-Migrazzjoni se jipprovdi għall-għajnuna permezz tar-rilokazzjoni wara l-iżbarki wara l-operazzjonijiet ta’ tiftix u salvataġġ. Dan għandu jgħin biex tiġi żgurata l-kontinwità tal-appoġġ u biex tiġi evitata l-ħtieġa għal soluzzjonijiet ad hoc.

·Jenħtieġ li Frontex tipprovdi aktar appoġġ operazzjonali u tekniku fil-kompetenza tal-UE, kif ukoll l-iskjerament ta’ assi marittimi lill-Istati Membri, biex ittejjeb il-kapaċitajiet tagħhom u b’hekk tikkontribwixxi biex jiġu salvati l-ħajjiet fuq il-baħar.

·Il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni fost l-Istati Membri jeħtieġ li jiżdiedu b’mod sinifikanti, partikolarment fid-dawl tal-attivitajiet ta’ tiftix u salvataġġ li żviluppaw matul l-aħħar snin bl-involviment regolari tal-atturi privati. Il-Kummissjoni qed toħroġ Rakkomandazzjoni dwar il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fil-kuntest ta’ operazzjonijiet imwettqa minn dgħajjes li huma proprjetà ta’ jew operati minn entitajiet privati għall-fini li jwettqu attivitajiet regolari ta’ salvataġġ, bil-ħsieb li tinżamm is-sikurezza tan-navigazzjoni u tiġi żgurata ġestjoni effettiva tal-migrazzjoni 23 . Jenħtieġ li din il-kooperazzjoni tiġi indirizzata permezz ta’ grupp ta’ esperti dwar it-tiftix u s-salvataġġ stabbilit mill-Kummissjoni biex jinkoraġġixxi l-kooperazzjoni u l-iskambju tal-aħjar prattiki. 

·Il-Kummissjoni qed tipprovdi wkoll Gwida dwar l-implimentazzjoni effettiva tar-regoli tal-UE dwar id-definizzjoni u l-prevenzjoni tal-faċilitazzjoni ta’ dħul, tranżitu u residenza mhux awtorizzati 24 , u kif tevita l-kriminalizzazzjoni tal-atturi umanitarji 25 .

·L-UE se ssaħħaħ il-kooperazzjoni mal-pajjiżi ta’ oriġini u ta’ tranżitu biex tipprevjeni vjaġġi perikolużi u qsim irregolari, inkluż permezz ta’ Sħubijiet Kontra l-Faċilitazzjoni ta’ Immigrazzjoni Illegali mfassla apposta ma’ terzi pajjiżi 26 .

4.4    Żona Schengen li tiffunzjona tajjeb

Iż-żona Schengen hija waħda mill-akbar kisbiet tal-integrazzjoni Ewropea. Iżda tpoġġiet taħt pressjoni minħabba diffikultajiet fir-rispons għal sitwazzjonijiet li qed jinbidlu fil-fruntiera tal-Unjoni, minn diskrepanzi u lakuni, u minn sistemi nazzjonali diverġenti tal-ażil, l-akkoljenza u r-ritorn. Dawn l-elementi jżidu l-movimenti mhux awtorizzati, kemm tal-applikanti għall-ażil kif ukoll tal-migranti li jenħtieġ li jiġu rritornati. Il-miżuri li diġà ntlaħaq qbil dwarhom u li issa jeħtieġ li jiġu adottati mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill se jgħinu biex ikun hemm aktar konsistenza fl-istandards tas-sistemi tal-ażil u l-migrazzjoni. Passi ulterjuri skont il-Patt il-Ġdid, dwar proċeduri tal-iskrinjar u l-fruntieri, dwar fruntieri esterni rinfurzati, dwar proċeduri tal-ażil u tar-ritorn aktar konsistenti skont l-approċċ integrat aktar tal-qafas komuni, jammontaw ukoll għal tisħiħ kbir ta’ Schengen.

It-tħassib dwar in-nuqqasijiet eżistenti kkontribwixxa għall-attivazzjoni ta’ kontrolli temporanji fil-fruntieri interni. Aktar ma jkomplu dawn il-kontrolli, aktar jitqajmu mistoqsijiet dwar in-natura temporanja u l-proporzjonalità tagħhom. Il-kontrolli temporanji jistgħu jintużaw biss f’ċirkostanzi eċċezzjonali biex jipprovdu rispons għal sitwazzjonijiet li jaffettwaw b’mod serju l-ordni pubblika jew is-sigurtà interna. Bħala miżura tal-aħħar istanza, jenħtieġ li dawn idumu biss sakemm jippersistu ċ-ċirkostanzi straordinarji: pereżempju, fiċ-ċirkostanzi ta’ emerġenza reċenti tal-pandemija tal-COVID-19, ġew introdotti miżuri ta’ kontroll fil-fruntieri interni iżda l-biċċa l-kbira minnhom issa tneħħew.

Filwaqt li tibni fuq l-esperjenza mill-kriżijiet multipli ta’ dawn l-aħħar ħames snin, il-Kummissjoni se tippreżenta Strateġija dwar il-futur ta’ Schengen, li se tinkludi inizjattivi għal Schengen aktar b’saħħtu u aktar komplut. Din se tinkludi triq ġdida għall-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen, bil-konklużjonijiet li se jittieħdu dwar is-sitwazzjoni attwali tan-negozjati dwar il-proposta tal-Kummissjoni tal-2017. Hija se tkopri wkoll kif jista’ jittejjeb il-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni ta’ Schengen biex isir għodda kompletament effettiva għall-evalwazzjoni tal-funzjonament ta’ Schengen u biex jiġi żgurat li t-titjib jiġi implimentat b’mod effettiv. Mekkaniżmu effiċjenti ta’ evalwazzjoni ta’ Schengen huwa għodda essenzjali għal żona Schengen effettiva, li tibni l-fiduċja billi tivverifika kif l-Istati Membri jimplimentaw ir-regoli ta’ Schengen. Huwa importanti li l-Istati Membri jirrimedjaw in-nuqqasijiet identifikati matul l-evalwazzjonijiet. Meta l-Istati Membri jonqsu b’mod persistenti milli dan jagħmluh, jew meta l-kontrolli fil-fruntieri interni jinżammu lil hinn minn dak li huwa meħtieġ, il-Kummissjoni se tikkunsidra b’mod aktar sistematiku t-tnedija ta’ proċeduri ta’ ksur. 

Hemm alternattivi wkoll għall-kontrolli fil-fruntieri interni – pereżempju, il-kontrolli tal-pulizija jistgħu jkunu effettivi ħafna, u t-teknoloġiji ġodda u l-użu intelliġenti tal-interoperabbiltà tal-IT jistgħu jgħinu biex il-kontrolli jsiru inqas intrużivi. Bħalissa, il-ftehimiet ta’ riammissjoni jibqgħu wkoll bejn l-Istati Membri li jistgħu wkoll jiġu implimentati b’mod aktar effettiv.

Filwaqt li tibni fuq il-ħidma diġà fis-seħħ biex tippromwovi dawn il-miżuri 27 , il-Kummissjoni se tistabbilixxi programm ta’ appoġġ u kooperazzjoni biex tgħin lill-Istati Membri jimmassimizzaw il-potenzjal ta’ dawn il-miżuri. Il-Kummissjoni se tistabbilixxi Forum ta’ Schengen iddedikat, li jinvolvi l-awtoritajiet nazzjonali rilevanti bħall-Ministeri għall-Intern u l-pulizija (tal-fruntieri) fil-livell nazzjonali u reġjonali sabiex tistimula iktar kooperazzjoni konkreta u iktar fiduċja. Jenħtieġ li darba fis-sena, tiġi organizzata diskussjoni fil-Forum fil-livell politiku biex il-Ministri nazzjonali, il-Membri tal-Parlament Ewropew u partijiet interessati oħrajn ikunu jistgħu jagħtu spinta politika lil dan il-proċess.

Azzjonijiet ewlenin

Il-Kummissjoni:

·Tadotta Rakkomandazzjoni dwar il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-attivitajiet ta’ salvataġġ tal-entitajiet privati;

·Tippreżenta gwida lill-Istati Membri biex jiċċaraw li s-salvataġġi fuq il-baħar ma jistgħux jiġu kriminalizzati;

·Tadotta Strateġija dwar il-futur ta’ Schengen li ssaħħaħ il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen u l-mekkaniżmu ta’ evalwazzjoni ta’ Schengen;

·Tistabbilixxi Forum ta’ Schengen biex trawwem kooperazzjoni konkreta u l-modi biex tapprofondixxi lil Schengen permezz ta’ programm ta’ appoġġ u kooperazzjoni biex tgħin biex jintemmu l-kontrolli fil-fruntieri interni; u

·Tniedi grupp Ewropew ġdid ta’ esperti dwar it-tiftix u s-salvataġġ.

Jenħtieġ li l-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-Frontex:

·Jiżguraw l-implimentazzjoni rapida u sħiħa tar-Regolament il-ġdid dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta; u

·Jiżguraw l-implimentazzjoni u l-interoperabbiltà tas-sistemi kollha tal-IT fuq skala kbira sal-2023.

5.IT-TISĦIĦ TAL-ĠLIEDA KONTRA L-FAĊILITAZZJONI TAL-IMMIGRAZZJONI ILLEGALI

Il-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni illegali tinvolvi l-isfruttament organizzat tal-migranti, li turi rispett fqir għall-ħajja tal-bniedem bl-iskop tal-qligħ. Din l-attività kriminali għalhekk tagħmel ħsara kemm lill-objettivi umanitarji kif ukoll lill-objettivi tal-ġestjoni tal-migrazzjoni tal-UE. Il-Pjan ta’ Azzjoni l-ġdid tal-UE kontra t-traffikar tal-migranti għall-2021-2025 se jiffoka fuq il-ġlieda kontra n-networks kriminali, u f’konformità mal-Istrateġija tal-Unjoni tas-Sigurtà tal-UE, se jagħti spinta lill-kooperazzjoni u jappoġġa l-ħidma tal-infurzar tal-liġi biex tiġi indirizzata l-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni illegali, li spiss tkun marbuta wkoll mat-traffikar tal-bnedmin. Il-Pjan ta’ Azzjoni se jibni fuq il-ħidma tal-Europol u taċ-Ċentru Ewropew kontra l-Faċilitazzjoni ta' Dħul Klandestin ta' Migranti, tal-Frontex, tal-Eurojust u tal-Aġenzija tal-UE għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi. Miżuri ġodda u kooperazzjoni msaħħa bejn l-aġenziji se jindirizzaw sfidi fl-oqsma tal-investigazzjonijiet finanzjarji, l-irkupru tal-assi u l-frodi tad-dokumenti, u fenomeni ġodda bħall-kuntrabandu diġitali 28 .

Ir-regoli eżistenti biex titrażżan il-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni illegali 29 wrew li huma qafas legali effettiv biex jiġu miġġielda dawk li jiffaċilitaw id-dħul, it-tranżitu u r-residenza mhux awtorizzati. Bħalissa għaddejja riflessjoni dwar kif jistgħu jiġu mmodernizzati dawn ir-regoli 30 . Il-Kummissjoni se tiċċara l-kwistjoni tal-kriminalizzazzjoni għall-atturi privati permezz ta’ gwida dwar l-implimentazzjoni tar-regoli kontra l-kuntrabandu, u tagħmilha ċara li t-twettiq tal-obbligu legali biex jiġu salvati n-nies f’diffikultà fuq il-baħar ma jistax jiġi kriminalizzat.

Is-sejbien ta’ impjieg fl-UE mingħajr l-istatus legali meħtieġ huwa wieħed mill-motivaturi għall-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni illegali lejn l-UE. Il-Kummissjoni se tivvaluta kif issaħħaħ l-effettività tad-Direttiva dwar Sanzjonijiet kontra Min Iħaddem u tevalwa l-ħtieġa għal aktar azzjoni. Il-Kummissjoni se taħdem ukoll mal-Awtorità Ewropea tax-Xogħol biex tikkoordina l-isforzi tal-awtoritajiet nazzjonali u tiżgura l-implimentazzjoni effiċjenti tad-Direttiva, li hija indispensabbli biex tiskoraġġixxi l-migrazzjoni irregolari billi tiżgura projbizzjoni effettiva tal-impjieg ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’permanenza irregolari.

Il-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni illegali hija sfida komuni li teħtieġ kooperazzjoni u koordinazzjoni internazzjonali kif ukoll ġestjoni effettiva tal-fruntieri. Il-Konferenza Ministerjali ta’ Lulju 2020 bejn l-UE u s-sħab Afrikani kkonfermat id-determinazzjoni reċiproka biex tiġi indirizzata din il-problema 31 . Il-Pjan ta’ Azzjoni l-ġdid tal-UE kontra t-traffikar tal-migranti se jistimula l-kooperazzjoni bejn l-UE u l-pajjiżi terzi, permezz ta’ sħubijiet immirati kontra l-faċilitazzjoni ta' immigrazzjoni illegali, bħala parti minn sħubijiet usa’ ma’ pajjiżi terzi ewlenin. Dan se jinkludi appoġġ lill-pajjiżi ta’ oriġini u ta’ tranżitu fil-bini tal-kapaċità kemm f’termini ta’ oqfsa ta’ infurzar tal-liġi kif ukoll ta’ kapaċità operattiva, filwaqt li titħeġġeġ azzjoni effettiva mill-awtoritajiet tal-pulizija u dawk ġudizzjarji. L-UE se ttejjeb ukoll l-iskambju ta’ informazzjoni ma’ pajjiżi terzi u l-azzjoni fil-post, permezz ta’ appoġġ għal operazzjonijiet komuni u skwadri ta’ investigazzjoni konġunta, kif ukoll kampanji ta’ informazzjoni dwar ir-riskji tal-migrazzjoni irregolari u dwar alternattivi legali. Jenħtieġ li l-aġenziji tal-UE jaħdmu wkoll b’mod aktar intensiv mal-pajjiżi sħab. L-Europol se ssaħħaħ il-kooperazzjoni mal-Balkani tal-Punent u l-Kummissjoni u l-Europol se jaħdmu għal ftehimiet simili mat-Turkija u oħrajn fil-viċinat. Dan, il-Kummissjoni se tinkludih ukoll fil-kooperazzjoni tagħha mal-Unjoni Afrikana (UA).

L-operazzjonijiet u l-missjonijiet tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni se jkomplu jagħtu kontribut importanti, meta l-ġlieda kontra l-migrazzjoni irregolari jew il-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni illegali tkun parti mill-mandati tagħhom. Filwaqt li tikkomplementa l-missjonijiet eżistenti, bħall-EUCAP Sahel Niger u l-EUBAM Libya, l-Operazzjoni EUNAVFOR MED IRINI issa tinsab għaddejja fil-Mediterran Ċentrali u tgħin biex jiġu sfrattati n-networks tal-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni illegali.

L-Uffiċjali għall-Komunikazzjoni dwar l-Immigrazzjoni jipprovdu konnessjoni siewja fil-ġlieda kontra l-migrazzjoni irregolari u l-faċilitazzjoni ta' immigrazzjoni illegali. L-implimentazzjoni sħiħa tar-Regolament dwar in-network Ewropew bejn l-uffiċjali ta’ komunikazzjoni dwar l-immigrazzjoni 32 se tkompli tikkonsolida dan in-network u ssaħħaħ il-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni illegali.

Azzjonijiet ewlenin

Il-Kummissjoni:

·Tippreżenta Pjan ta’ Azzjoni ġdid tal-UE kontra t-Traffikar tal-Migranti għall-2021-2025;

·Tivvaluta kif tista’ tissaħħaħ l-effikaċja tad-Direttiva dwar Sanzjonijiet kontra Min Iħaddem; u

·Tibni azzjoni kontra l-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni illegali fi sħubijiet ma’ pajjiżi terzi.

6.NAĦDMU MAS-SĦAB INTERNAZZJONALI TAGĦNA

Il-maġġoranza tal-migranti jwettqu l-vjaġġi tagħhom b’mod regolari u sikur, u l-migrazzjoni ġestita tajjeb, ibbażata fuq is-sħubija u l-kondiviżjoni tar-responsabbiltà, jista’ jkollha impatti pożittivi għall-pajjiżi tal-oriġini, tat-tranżitu u tad-destinazzjoni. Fl-2019, kien hemm aktar minn 272 miljun migrant internazzjonali 33 , bil-biċċa l-kbira tal-migrazzjoni sseħħ bejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw. Ix-xejriet demografiċi u ekonomiċi, l-instabbiltà politika u l-kunflitt, kif ukoll it-tibdil fil-klima, kollha jissuġġerixxu li l-migrazzjoni se tibqa’ fenomenu ewlieni u sfida globali għas-snin li ġejjin. Politiki dwar il-migrazzjoni li jaħdmu sew huma fl-interess tal-pajjiżi sħab, l-UE, u r-refuġjati u l-migranti stess.

Il-prerekwiżit fl-indirizzar ta’ dan huwa l-kooperazzjoni mas-sħab tagħna, li l-ewwel u qabel kollox hija bbażata fuq impenn bilaterali, flimkien ma’ impenn reġjonali u multilaterali. Il-migrazzjoni hija ċentrali għar-relazzjonijiet kumplessiva tal-UE ma’ pajjiżi sħab ewlenin ta’ oriġini u ta’ tranżitu. Kemm l-UE kif ukoll is-sħab tagħha għandhom l-interessi u l-għodod tagħhom biex jaġixxu. Sħubijiet komprensivi, ibbilanċjati u mfassla apposta, jistgħu jwasslu għal benefiċċji reċiproċi, fl-ekonomija, fl-iżvilupp sostenibbli, fl-edukazzjoni u l-ħiliet, fl-istabbiltà u s-sigurtà, u fir-relazzjonijiet mad-dijaspori. Il-ħidma mas-sħab tgħin ukoll lill-UE tissodisfa l-obbligi tagħha biex tipprovdi protezzjoni lil dawk fil-bżonn, u biex taqdi r-rwol tagħha bħala l-akbar donatur tal-iżvilupp fid-dinja. Skont il-Patt il-Ġdid, l-involviment mal-pajjiżi sħab se jiżdied fl-oqsma kollha ta’ kooperazzjoni. Il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli se jibdew jaħdmu immedjatament, flimkien mal-Istati Membri, biex dan l-approċċ jitqiegħed fil-prattika permezz ta’ djalogu u kooperazzjoni mas-sħab tagħna.

6.1    Nimmassimizzaw l-impatt tas-sħab internazzjonali tagħna

L-UE teħtieġ ħarsa ġdida lejn il-prijoritajiet tagħha, l-ewwel f’termini tal-post tal-migrazzjoni fir-relazzjonijiet esterni u l-politiki l-oħrajn tagħha, u mbagħad f’termini ta’ dan xi jfisser għar-relazzjonijiet kumplessivi tagħna ma’ sħab speċifiċi. Fi sħubijiet komprensivi, jenħtieġ li l-migrazzjoni tinbena bħala kwistjoni ewlenija, ibbażata fuq valutazzjoni tal-interessi tal-UE u tal-pajjiżi sħab. Importanti li jiġu indirizzati l-isfidi kumplessi tal-migrazzjoni u l-għerq tagħhom għall-benefiċċju tal-UE u ċ-ċittadini tagħha, tal-pajjiżi sħab, tal-migranti u tar-refuġjati nfushom. Billi jaħdmu flimkien, l-UE u s-sħab tagħha jistgħu jtejbu l-governanza tal-migrazzjoni, japprofondixxu l-isforzi komuni biex jindirizzaw sfidi komuni u jibbenefikaw minn opportunitajiet.

L-approċċ jeħtieġ li juża firxa wiesgħa ta’ għodod politiċi, u jkollu l-flessibbiltà li jkun imfassal apposta u kapaċi jaġġusta ruħu maż-żmien. Jenħtieġ li politiki differenti bħall-kooperazzjoni għall-iżvilupp, is-sigurtà, il-viża, il-kummerċ, l-agrikoltura, l-investiment u l-impjiegi, l-enerġija, l-ambjent u t-tibdil fil-klima, u l-edukazzjoni, ma jiġux indirizzati b’mod iżolat. Dawn jiġu ttrattati l-aħjar bħala parti minn approċċ imfassal apposta, fil-qalba ta’ sħubija ta’ benefiċċju reċiproku reali. Importanti wkoll li wieħed iżomm f’moħħu li kwistjonijiet ta’ migrazzjoni bħall-ġestjoni tal-fruntieri jew implimentazzjoni aktar effettiva tar-ritorn u r-riammissjoni jistgħu jkunu politikament sensittivi għas-sħab. L-indirizzar tal-kwistjonijiet li qed naraw illum – l-ewwel u qabel kollox it-telf tal-ħajja, imma wkoll in-nuqqasijiet fil-ġestjoni tal-migrazzjoni – ifisser li naħdmu flimkien sabiex kulħadd jassumi r-responsabbiltajiet tiegħu.

L-impenn fil-livell tal-UE waħdu mhuwiex biżżejjed: koordinazzjoni effettiva bejn il-livell tal-UE u l-Istati Membri hija essenzjali fil-livelli kollha: bilaterali, reġjonali u multilaterali. Il-messaġġi konsistenti bejn l-UE u l-Istati Membri dwar il-migrazzjoni u s-sensibilizzazzjoni konġunta mas-sħab intwera li huma ta’ importanza kritika biex jidher l-impenn komuni tal-UE. B’mod partikolari, jenħtieġ li l-UE tislet mill-esperjenza u r-relazzjonijiet privileġġati ta’ xi Stati Membri ma’ sħab ewlenin – l-esperjenza wriet li l-involviment sħiħ tal-Istati Membri fis-sħubijiet tal-migrazzjoni tal-UE, inkluż permezz tal-ġbir flimkien ta’ fondi u għarfien espert permezz tad-diversi Fondi Fiduċjarji tal-UE, huwa kruċjali għas-suċċess.

L-UE għandha kredibbiltà u saħħa permezz tar-rwol tagħha fil-kuntest internazzjonali u multilaterali, inkluż permezz tal-involviment attiv tagħha fin-Nazzjonijiet Uniti (NU) u l-kooperazzjoni mill-qrib mal-aġenziji tagħha. Jenħtieġ li l-UE tibni fuq il-progress importanti li sar fil-livell reġjonali, permezz ta’ djalogi u oqfsa ddedikati 34 u permezz ta’ sħubijiet ma’ organizzazzjonijiet bħall-Unjoni Afrikana. Aktar sħubijiet innovattivi jistgħu jibnu fuq l-eżempju pożittiv tat-Taskforce UA-UE-NU dwar il-Libja. Il-kuntest speċifiku tal-qafas ta’ wara Cotonou ma’ Stati fl-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku huwa ta’ importanza partikolari fit-tfassil u l-operazzjonalizzazzjoni effettiva tal-kooperazzjoni dwar il-migrazzjoni.

Id-djalogu ġie approfondit ma’ firxa ta’ sħab ewlenin f’dawn l-aħħar snin 35 . Il-ġirien tal-UE huma prijorità partikolari. L-opportunità ekonomika, b’mod partikolari għaż-żgħażagħ, spiss tkun l-aħjar mod biex titnaqqas il-pressjoni għall-migrazzjoni irregolari. Il-ħidma li għaddejja bħalissa biex tiġi indirizzata l-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni illegali hija eżempju wieħed tal-importanza kritika tar-relazzjonijiet mal-pajjiżi tal-Afrika ta’ Fuq. Il-Balkani tal-Punent jeħtieġu approċċ imfassal apposta, kemm minħabba l-pożizzjoni ġeografika tagħhom kif ukoll minħabba l-futur tagħhom bħala parti integrali mill-UE: il-koordinazzjoni tista’ tgħin biex jiġi żgurat li jkunu mgħammra tajjeb bħala Stati Membri futuri biex jirreaġixxu b’mod kostruttiv għall-isfidi komuni, jiżviluppaw il-kapaċitajiet u l-proċeduri tal-fruntieri tagħhom biex iqarrbuhom lejn l-UE fid-dawl tal-perspettiva ta’ tkabbir tagħhom. Id-dikjarazzjoni UE-Turkija tal-2016 irriflettiet impenn u djalogu aktar profond mat-Turkija, inkluż għajnuna għall-isforzi tagħha biex tospita madwar 4 miljun refuġjat 36 . Il-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija tibqa’ t-tweġiba għall-ħtiġijiet essenzjali ta’ miljuni ta’ refuġjati, u l-finanzjament kontinwu u sostnut tal-UE fi kwalunkwe forma se jkun essenzjali 37 .

Il-migrazzjoni hija parti integrali tal-approċċ skont il-Komunikazzjoni Konġunta lejn Strateġija Komprensiva mal-Afrika biex tapprofondixxi r-rabtiet ekonomiċi u politiċi f’relazzjoni matura u wiesgħa 38 u tagħti appoġġ prattiku. Ir-realtà ta’ rotot migratorji multipli tenfasizza wkoll il-bżonn li naħdmu mal-pajjiżi sħab fl-Asja 39 u fl-Amerka Latina.

Ma’ dawn is-sħab kollha, jeħtieġ li nirrikonoxxu li l-pandemija tal-COVID-19 diġà qed tikkawża tfixkil enormi. Din trid tkun parti ewlenija minn viżjoni ta’ kooperazzjoni bbażata fuq interessi reċiproċi, li tgħin biex jinbnew ekonomiji msaħħa u reżiljenti li jwasslu għat-tkabbir u l-impjiegi għan-nies lokali u fl-istess ħin tnaqqas il-pressjoni għall-migrazzjoni irregolari.

Il-finanzjament tal-UE għall-kwistjonijiet tar-refuġjati u l-migrazzjoni barra mill-UE, li ammonta għal EUR 9 biljun mill-2015 ’l hawn, kien indispensabbli għall-objettivi tal-migrazzjoni tal-UE. F’Lulju 2020, il-Kunsill Ewropew enfasizza li dan irid jiġi żviluppat aktar u b’mod aktar ikkoordinat fil-programmi fl-intestaturi rilevanti tal-baġit tal-UE 40 . L-ipprogrammar strateġiku u mmexxi mill-politika tal-finanzjament estern tal-UE se jkun essenzjali għall-implimentazzjoni ta’ dan l-approċċ komprensiv ġdid għall-migrazzjoni. Il-mira ta’ 10 % għal azzjonijiet relatati mal-migrazzjoni proposta fl-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali tagħraf li jeħtieġ li r-riżorsi jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-impenn internazzjonali miżjud tal-UE, kif ukoll li jkunu flessibbli biżżejjed biex jaġġustaw ruħhom għaċ-ċirkostanzi. L-arkitettura proposta tal-istrumenti finanzjarji esterni tal-UE tipprevedi wkoll flessibbiltajiet addizzjonali biex jirrispondu għal ċirkostanzi jew kriżijiet mhux previsti.

6.2    Inħarsu lil min hu fil-bżonn u nappoġġaw lill-pajjiżi ospitanti

Il-ħidma tal-UE biex tindirizza l-ħtiġijiet umanitarji u ta’ emerġenza hija bbażata fuq il-prinċipji tal-umanità, l-imparzjalità, in-newtralità u l-indipendenza. Huwa stmat li madwar id-dinja, aktar minn 70 miljun ruħ, irġiel, nisa u tfal ġew spostati b’mod furzat, bi kważi 30 miljun refuġjat u applikant għal ażil 41 . Il-maġġoranza vasta tagħhom qed jiġu ospitati f’pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp u l-UE se żżomm l-impenn tagħha li tgħinhom.

L-UE tista’ tibni fuq rekord ta’ kooperazzjoni ma’ firxa wiesgħa ta’ sħab fl-għoti ta’ dan l-appoġġ. L-evakwazzjoni umanitarja tan-nies mil-Libja għal Mekkaniżmi ta’ Tranżitu ta’ Emerġenza fin-Niġer u fir-Rwanda għal risistemazzjoni ulterjuri għenet lil dawk l-aktar vulnerabbli biex jaħarbu minn ċirkostanzi ddisprati. L-assistenza lir-refuġjati affettwati mill-kriżi Sirjana u l-pajjiżi ospitanti tagħhom tkompli tkun essenzjali. Miljuni ta’ refuġjati u l-komunitajiet ospitanti tagħhom fit-Turkija, il-Libanu, il-Ġordan jew l-Iraq qed jibbenefikaw minn appoġġ ta’ kuljum, permezz ta’ strumenti ddedikati bħall-Faċilità tal-UE għar-Refuġjati fit-Turkija u l-Fond Fiduċjarju Reġjonali tal-UE b’Reazzjoni għall-kriżi Sirjana.

Kif imtenni f’Diċembru 2019 fil-Forum Globali dwar ir-Refuġjati, l-UE hija ddeterminata li żżomm l-impenn qawwi tagħha li tipprovdi appoġġ li jsalva l-ħajjiet lil miljuni ta’ refuġjati u persuni spostati, kif ukoll li trawwem soluzzjonijiet orjentati lejn l-iżvilupp sostenibbli 42 .

6.3    Nibnu opportunità ekonomika u nindirizzaw il-migrazzjoni irregolari mill-għeruq tagħha

L-għeruq tal-problema tal-migrazzjoni irregolari u l-ispostament furzat, kif ukoll il-fatturi immedjati li jwasslu lin-nies biex jemigraw, huma kumplessi 43 . 

L-UE hija l-akbar fornitur ta’ għajnuna għall-iżvilupp fid-dinja. Dan se jkompli jkun fattur ewlieni fl-involviment tal-UE mal-pajjiżi, inkluż dwar kwistjonijiet ta’ migrazzjoni. Il-ħidma biex jinbnew soċjetajiet stabbli u koeżivi, biex jitnaqqsu l-faqar u l-inugwaljanza u jiġu promossi l-iżvilupp tal-bniedem, l-impjiegi u l-opportunità ekonomika, biex jiġu promossi d-demokrazija, il-governanza tajba, il-paċi u s-sigurtà, u biex jiġu indirizzati l-isfidi tat-tibdil fil-klima, kollha jistgħu jgħinu lin-nies iħossu li l-futur tagħhom jinsab f’pajjiżhom. Fil-proposti tal-Kummissjoni għall-ġenerazzjoni li jmiss ta’ strumenti ta’ politika esterna, il-migrazzjoni titqies sistematikament bħala prijorità fl-ipprogrammar. L-assistenza se tkun immirata kif meħtieġ lejn dawk il-pajjiżi b’dimensjoni migratorja sinifikanti. Il-flessibbiltà ġiet inkorporata fil-proposti għall-istrumenti billi l-esperjenza ta’ dawn l-aħħar snin uriet li l-flessibbiltà ta’ strumenti bħall-Fondi Fiduċjarji hija essenzjali għat-twettiq rapidu meta jkun meħtieġ, meta mqabbel mal-finanzjament predeterminat għal pajjiżi jew programmi speċifiċi.

Ħafna politiki oħrajn jistgħu jintużaw biex jgħinu fil-bini tal-istabbiltà u l-prosperità fil-pajjiżi sħab 44 . Il-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti, kif ukoll il-paċi, is-sigurtà u l-governanza, spiss ikunu l-pedament ta’ dawn l-isforzi. Il-politika dwar il-kummerċ u l-investiment diġà tikkontribwixxi biex jiġu indirizzati l-għeruq tal-problema billi toħloq l-impjiegi u l-perspettivi għal miljuni ta’ ħaddiema u bdiewa madwar id-dinja. L-għoti ta’ spinta lill-investiment permezz ta’ mezzi bħall-Pjan ta’ Investiment Estern jista’ jagħti kontribut sinifikanti għall-iżvilupp ekonomiku, it-tkabbir u l-impjiegi. L-isfruttament aħjar tal-potenzjal tar-rimessi jista’ jgħin ukoll fl-iżvilupp ekonomiku. Il-kooperazzjoni fl-edukazzjoni, il-ħiliet u r-riċerka, kif ukoll f’politiki bħad-diġitali, l-enerġija jew it-trasport, tgħin ukoll biex jiġi approfondit l-iżvilupp ekonomiku. L-UE se tuża dawn il-politiki kull fejn ikun rilevanti fl-impenn mal-pajjiżi sħab taħt il-Patt il-Ġdid.

6.4    Sħubijiet għat-tisħiħ tal-governanza u l-ġestjoni tal-migrazzjoni

L-appoġġ lis-sħab tal-UE fl-iżvilupp ta’ kapaċità ta’ governanza u ġestjoni effettivi tal-migrazzjoni se jkun element ewlieni fis-sħubijiet ta’ benefiċċju reċiproku li l-UE qed tipprova tiżviluppa. L-UE tista’ tappoġġa l-bini tal-kapaċità f’konformità mal-ħtiġijiet tas-sħab. Dan se jgħin lill-pajjiżi sħab iġestixxu l-migrazzjoni irregolari, l-ispostament furzat u jiġġieldu kontra n-networks tal-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni illegali 45 . Se jkomplu jintużaw għodod bħall-komunikazzjoni strateġika, li jipprovdu informazzjoni dwar opportunitajiet ta’ migrazzjoni legali u jispjegaw ir-riskji tal-migrazzjoni irregolari, kif ukoll il-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni. Barra minn hekk, skont il-kuntesti u s-sitwazzjonijiet, l-UE tista’ tassisti lill-pajjiżi sħab fit-tisħiħ tal-kapaċitajiet għall-ġestjoni tal-fruntieri, inkluż billi ssaħħaħ il-kapaċitajiet tagħhom ta’ tiftix u salvataġġ fuq il-baħar jew fuq l-art, permezz ta’ sistemi ta’ ażil u akkoljenza li jiffunzjonaw sew, jew billi tiffaċilita r-ritorn volontarju lejn pajjiżi terzi jew l-integrazzjoni tal-migranti 46 .

Il-kooperazzjoni tal-UE mal-pajjiżi sħab fil-qasam tal-governanza tal-migrazzjoni se tkompli tiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet tal-migranti u r-refuġjati, tiġġieled id-diskriminazzjoni u l-isfruttament tax-xogħol, u tiżgura li l-ħtiġijiet bażiċi tagħhom jiġu ssodisfati permezz tal-għoti ta’ servizzi ewlenin. L-appoġġ jista’ jkun immirat ukoll lejn il-massimizzazzjoni tal-impatt pożittiv tal-migrazzjoni u t-tnaqqis tal-konsegwenzi negattivi għall-pajjiżi sħab, pereżempju billi jitnaqqsu l-ispejjeż tat-trasferiment tar-rimessi, jitnaqqas l-“eżodu tal-imħuħ”, jew tiġi ffaċilitata l-migrazzjoni ċirkolari.

L-Istati Membri għandhom rwol ewlieni fl-għoti ta’ appoġġ prattiku bħal dan, kif muri mill-kooperazzjoni produttiva fil-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni illegali, fejn skwadri ta' investigazzjoni konġunta jibbenefikaw mill-għarfien espert prattiku tal-amministrazzjonijiet nazzjonali.

Jenħtieġ li l-UE tuża l-għodod kollha għad-dispożizzjoni tagħha biex tagħti appoġġ operattiv lis-sħubijiet il-ġodda, inkluż permezz ta’ involviment aktar profond tal-aġenziji tal-UE. Issa jenħtieġ li l-ambitu tal-azzjoni msaħħaħ tal-Frontex jintuża biex il-kooperazzjoni mas-sħab issir operazzjonali. Il-kooperazzjoni mal-Balkani tal-Punent, inkluż permezz ta’ ftehimiet dwar l-istatus tal-UE ma’ ħames sħab tal-Balkani tal-Punent, se tippermetti lill-gwardji tal-fruntiera tal-Frontex jaħdmu flimkien mal-gwardji tal-fruntiera nazzjonali fit-territorju ta’ pajjiż sieħeb. Issa l-Frontex tista’ tipprovdi wkoll appoġġ prattiku biex tiżviluppa l-kapaċità ta’ ġestjoni tal-fruntieri tas-sħab u biex tikkoopera mas-sħab biex tottimizza r-ritorn volontarju. Il-Kummissjoni se tkompli tinkoraġġixxi l-ftehimiet mal-ġirien tagħha 47 . Fir-rigward tal-ażil, il-possibbiltajiet tal-lum ta’ ħidma ma’ pajjiżi terzi huma limitati, iżda ġestjoni tal-migrazzjoni li tiffunzjona sew fuq rotot ewlenin hija essenzjali kemm għall-protezzjoni kif ukoll għall-proċeduri tal-ażil u tar-ritorn. L-Aġenzija l-ġdida tal-UE għall-Ażil tkun tista’ taħdem fuq il-bini tal-kapaċità u l-appoġġ operazzjonali għal pajjiżi terzi, u tappoġġa skemi ta’ risistemazzjoni tal-UE u tal-Istati Membri, filwaqt li tibni fuq il-kooperazzjoni eżistenti ma’ aġenziji tan-NU bħall-Aġenzija tan-NU għar-Refuġjati UNHCR u l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni.

6.5    It-trawwim ta’ kooperazzjoni dwar it-trawwim u r-riintegrazzjoni

Oqsma ta’ ħidma bħall-ħolqien ta’ opportunità ekonomika, iż-żieda tal-istabbiltà jew l-indirizzar tal-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni illegali jistgħu jnaqqsu l-għadd ta’ wasliet irregolari lejn l-UE u l-għadd ta’ dawk fl-UE mingħajr ebda dritt ta’ permanenza. Madankollu, għal dawk mingħajr dritt ta’ permanenza, jeħtieġ li jkun hemm fis-seħħ sistema effettiva ta’ ritorni. Xi wħud minnhom jistgħu jagħżlu l-possibbiltà ta’ ritorn volontarju, u jenħtieġ li dan jiġi appoġġat b’mod proattiv. Bħalissa, waħda mil-lakuni ewlenin fil-ġestjoni tal-migrazzjoni Ewropea hija d-diffikultà biex jiġu effetivament rimpatrijati dawk li ma jagħżlux din il-possibbiltà. Il-ħidma mill-qrib mal-pajjiżi tal-oriġini u ta’ tranżitu hija prerekwiżit għal sistema ta’ ritorni, riammissjoni, u riintegrazzjoni li tiffunzjona sew.

L-azzjoni meħuda mill-Istati Membri 48 fil-qasam tar-ritorni trid timxi id f’id ma’ spinta ġdida biex titjieb il-kooperazzjoni dwar ir-riammissjoni ma’ pajjiżi terzi, ikkomplementata minn kooperazzjoni dwar ir-riintegrazzjoni, biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tar-ritorni. Dan, l-ewwel u qabel kollox, jeħtieġ l-implimentazzjoni sħiħa u effettiva tal-erbgħa u għoxrin ftehim u arranġament eżistenti tal-UE dwar ir-riammissjoni ma’ pajjiżi terzi, it-tlestija tan-negozjati għar-riammissjoni li għaddejjin bħalissa u kif xieraq it-tnedija ta’ negozjati ġodda, kif ukoll soluzzjonijiet kooperattivi prattiċi biex jiżdied l-għadd ta’ ritorni effettivi. 

Jenħtieġ li dawn id-diskussjonijiet jitqiesu fil-kuntest tal-firxa sħiħa tal-politiki, l-għodod u l-istrumenti tal-UE u tal-Istati Membri, li jistgħu jinġiebu flimkien b’mod strateġiku. L-ewwel pass sar bl-introduzzjoni ta’ rabta bejn il-kooperazzjoni dwar ir-riammissjoni u l-ħruġ tal-viżi fil-Kodiċi dwar il-Viżi 49 . Fuq il-bażi tal-informazzjoni li pprovdew l-Istati Membri, il-Kummissjoni se tivvaluta mill-inqas darba fis-sena l-livell ta’ kooperazzjoni ta’ pajjiżi terzi dwar ir-riammissjoni, u tirrapporta lill-Kunsill. Kull Stat Membru jista’ jinnotifika wkoll lill-Kummissjoni jekk iħabbat wiċċu ma’ problemi prattiċi sostanzjali u persistenti fil-kooperazzjoni ma’ pajjiż terz dwar ir-riammissjoni, li jagħtu bidu għal valutazzjoni ad hoc. Wara valutazzjoni, il-Kummissjoni tista’ tipproponi li jiġu applikati miżuri restrittivi dwar il-viża, jew f’każ ta’ kooperazzjoni tajba, tipproponi miżuri favorevoli dwar il-viża.

Il-politika dwar il-viżi tista’ tintuża wkoll biex jitrażżnu l-applikazzjonijiet għall-ażil bla bażi minn pajjiżi eżenti mill-obbligu ta’ viża filwaqt li jitqies li kważi kwart tal-applikazzjonijiet għall-ażil li rċevew l-Istati Membri saru minn applikanti li jistgħu jidħlu fiż-żona Schengen+ mingħajr l-obbligu ta’ viża. Jekk ikun hemm aktar kooperazzjoni u skambju ta’ informazzjoni jgħin biex jinkixef l-abbuż mill-viża. Il-Mekkaniżmu ta’ Sospensjoni tal-Viża jipprevedi l-valutazzjoni sistematika ta’ pajjiżi eżenti mill-obbligu ta’ viża fil-konfront ta’ kriterji li jinkludu riskji ta’ migrazzjoni irregolari u applikazzjonijiet għall-ażil abbużivi. Dan jista’ fl-aħħar mill-aħħar jirriżulta fit-tneħħija ta’ pajjiżi terzi mil-lista ta’ eżenzjoni mill-obbligu ta’ viża.

Biex jintlaħaq l-għan stabbilit mill-Kunsill Ewropew 50 biex jiġu mobilizzati l-politiki u l-għodod rilevanti, jeħtieġ li jsir progress fl-isforzi konġunti. Huwa għalhekk li r-Regolament propost dwar l-Ażil u l-Ġestjoni tal-Migrazzjoni jinkludi l-possibbiltà li l-Kummissjoni, meta tirrapporta lill-Kunsill dwar is-sitwazzjoni attwali tal-kooperazzjoni dwar ir-riammissjoni, tista’ tidentifika miżuri effettivi ulterjuri biex tinċentiva u ttejjeb il-kooperazzjoni biex jiġu ffaċilitati r-ritorn u l-ammissjoni, inkluż f’oqsma ta’ politika oħra ta’ interess għall-pajjiżi terzi 51 , filwaqt li jitqiesu l-interessi u r-relazzjonijiet ġenerali tal-Unjoni mal-pajjiż terz. F’dan ir-rigward, il-kooperazzjoni mill-qrib mar-Rappreżentant Għoli se tkun importanti. Il-Kummissjoni, ir-Rappreżentant Għoli u l-Istati Membri jenħtieġ jiżguraw li l-progress dwar ir-riammissjoni jkun pari passu mal-progress f’oqsma fil-kuntest tas-sħubiji. Dan ikun jeħtieġ aktar koordinazzjoni, u flessibbiltà fl-istrumenti leġiżlattivi, ta’ politika u ta’ finanzjament, li jlaqqgħu flimkien l-azzjoni kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fil-livell tal-Istati Membri.

Komponent importanti tal-Istrateġija dwar ir-Ritorn Volontarju u r-Riintegrazzjoni tal-futur se jkun jinvolvi l-ħolqien ta’ approċċi ġodda f’pajjiżi terzi u jkun jinkludi rabtiet aħjar ma’ inizjattivi oħra ta’ żvilupp u ma’ strateġiji nazzjonali, biex jinbnew il-kapaċità u r-responsabbiltà ta’ pajjiżi terzi. L-implimentazzjoni effettiva tal-Istrateġija se teħtieġ kooperazzjoni mill-qrib mal-Frontex permezz tal-mandat imsaħħaħ tagħha dwar ir-ritorn u bħala parti mis-sistema komuni tal-UE għar-ritorni.

6.6    L-iżvilupp ta’ toroq legali lejn l-Ewropa

Mezzi sikuri li joffru protezzjoni lil dawk fil-bżonn jeliminaw l-inċentiv li dawn jibdew vjaġġi perikolużi biex jaslu l-Ewropa, kif ukoll juru solidarjetà ma’ pajjiżi terzi li jospitaw ir-refuġjati. Il-migrazzjoni legali tkun ta’ benefiċċju għas-soċjetà tagħna u għall-ekonomija. Filwaqt li l-Istati Membri jżommu d-dritt li jiddeterminaw il-volumi ta’ ammissjoni għal-persuni ġejjin minn pajjiżi terzi biex ifittxu x-xogħol, il-politika komuni tal-migrazzjoni tal-UE teħtieġ li tkun tirrifletti l-integrazzjoni tal-ekonomija tal-UE u l-interdipendenza tas-swieq tax-xogħol tal-Istati Membri. Huwa għalhekk li l-politiki tal-UE jeħtieġ li jrawmu kundizzjonijiet ekwi bejn is-swieq tax-xogħol nazzjonali bħala destinazzjonijiet ta’ migrazzjoni. Jenħtieġ li l-politiki jgħinu wkoll lill-Istati Membri jużaw is-sħubija fl-UE bħala assi biex jattiraw it-talent.

Ir-risistemazzjoni hija mod ippruvat u ttestjat biex tingħata protezzjoni lir-refuġjati l-aktar vulnerabbli. F’dawn l-aħħar snin diġà kien hemm żieda kbira fir-risistemazzjoni lejn l-UE, u jenħtieġ li din il-ħidma tkompli tiżdied. Il-Kummissjoni qed tirrakkomanda li tifformalizza l-iskema ad hoc ta’ madwar 29 500 post ta’ risistemazzjoni li diġà qed tiġi implimentata mill-Istati Membri, u biex din tkun tkopri perjodu ta’ sentejn, 2020-2021 52 (minħabba l-pandemija tal-COVID-19, mhux se jkun possibbli li jiġu ssodisfati l-wegħdiet ta’ risistemazzjoni kollha matul l-2020). Sabiex tiżgura li jkun hemm kontinwazzjoni bla xkiel tal-isforzi ta’ risistemazzjoni fl-UE lil hinn mill-2021 u biex tikkonferma li l-UE tkun protagonist globali fir-risistemazzjoni, il-Kummissjoni se tistieden lill-Istati Membri biex jagħmlu wegħdiet mill-2022 ’il quddiem. Dan se jkun appoġġat mill-baġit tal-UE u se jinkludi toroq komplementari għall-protezzjoni, bħal skemi ta’ ammissjoni umanitarja u miżuri bħal skemi ta’ studju jew skemi relatati max-xogħol. L-UE se tappoġġa wkoll lill-Istati Membri li jixtiequ jistabbilixxu skemi komunitarji jew privati ta’ sponsorizzazzjoni permezz ta’ finanzjament, bini ta’ kapaċità u kondiviżjoni tal-għarfien , f’kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili, bil-għan li jiġi żviluppat mudell Ewropew ta’ sponsorizzazzjoni komunitarja, li jista’ jwassal għal riżultati aħjar ta’ integrazzjoni fit-tul.

L-UE taħdem ukoll mal-pajjiżi sħab tagħha fuq toroq legali lejn l-Ewropa bħala parti mis-sħubijiet tal-migrazzjoni, u b’hekk tiftaħ it-triq għal kooperazzjoni dwar skemi li jlaqqgħu lin-nies, il-ħiliet u l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol permezz tal-migrazzjoni legali. Fl-istess ħin, huwa mistenni li l-iżvilupp ta’ toroq legali jikkontribwixxi biex tonqos l-migrazzjoni irregolari, li spiss twassal għal xogħol mhux iddikjarat u l-isfruttament tal-ħaddiema fl-UE. Il-Kummissjoni se ssaħħaħ l-appoġġ lill-Istati Membri biex iżidu l-migrazzjoni legali flimkien mal-pajjiżi sħab bħala inċentiv pożittiv u f’konformità mal-ħtiġijiet tal-ħiliet u tas-suq tax-xogħol tal-UE, filwaqt li jiġu rispettati kompletament il-kompetenzi tal-Istati Membri.

L-UE għandha rekord b’saħħtu fl-iskemi ta’ mobilità tal-forza tax-xogħol. Il-proġetti pilota dwar il-migrazzjoni legali 53 wrew li permezz ta’ appoġġ immirat, l-UE tista’ tgħin lill-Istati Membri jimplimentaw skemi li jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-impjegaturi. L-UE fetħet ukoll l-Erasmus+ u t-taħriġ vokazzjonali għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi u offriet għotjiet ta’ appoġġ għall-mobilizzazzjoni tad-dijaspora. Madankollu, l-ambitu u l-ambizzjoni tal-iskemi eżistenti għadhom limitati.

Approċċ imsaħħaħ u aktar komprensiv 54 , ikun joffri kooperazzjoni ma’ pajjiżi sħab u jgħin biex tingħata spinta lill-mobilità internazzjonali ta’ benefiċċju reċiproku. Il-Kummissjoni għalhekk se tniedi Sħubiji ta’ Talent fil-forma ta’ impenn imsaħħaħ biex tappoġġa l-migrazzjoni legali u l-mobilità ma’ sħab ewlenin. Is-sħubiji jenħtieġ li jiġu varati l-ewwel fil-Viċinat tal-UE, fil-Balkani tal-Punent, u fl-Afrika, bil-ħsieb li jespandu għal reġjuni oħra. Dawn se jipprovdu qafas ta’ politika tal-UE komprensiv kif ukoll appoġġ ta’ finanzjament għall-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi, biex ikun hemm konkordanza aħjar bejn il-ħtiġijiet tax-xogħol u l-ħiliet fl-UE, kif ukoll biex ikunu parti mis-sett ta’ għodod tal-UE biex jinvolvu lill-pajjiżi sħab b’mod strateġiku dwar il-migrazzjoni. L-involviment qawwi tal-Istati Membri se jkun essenzjali, kif ukoll l-involviment tas-settur privat u r-responsabbiltà li jieħdu s-sħab. Il-Kummissjoni se torganizza konferenza ta’ livell għoli mal-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati ewlenin tal-UE biex tniedi s-Sħubiji ta’ Talent.

Jenħtieġ li s-Sħubiji ta’ Talent ikunu inklużivi, u jibnu kooperazzjoni b’saħħitha bejn l-istituzzjonijiet ikkonċernati (bħall-Ministeri tax-Xogħol u tal-Edukazzjoni, l-impjegaturi u s-sħab soċjali, il-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ, u l-assoċjazzjonijiet tad-dijaspora). Il-Kummissjoni se tistimula din il-kooperazzjoni permezz ta’ sensibilizzazzjoni dedikata u se tibni netwerk ta’ impriżi involuti.

Is-Sħubiji ta’ Talent se jipprovdu qafas uniku biex jiġu mobilizzati l-għodod tal-UE u tal-Istati Membri. Il-flussi ta’ finanzjament tal-UE fil-qasam tar-relazzjonijiet esterni, l-affarijiet interni, ir-riċerka u l-edukazzjoni (Erasmus+) kollha jistgħu jikkontribwixxu. Is-Sħubiji jkunu jikkombinaw l-appoġġ dirett għall-iskemi ta’ mobilità għax-xogħol jew it-taħriġ mal-bini tal-kapaċità f’oqsma bħas-suq tax-xogħol jew l-informazzjoni dwar il-ħiliet, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, l-integrazzjoni tal-migranti li jirritornaw, u l-mobilizzazzjoni tad-dijaspora. Iffukar akbar fuq l-edukazzjoni jgħin biex jingħata appoġġ lill-ħiliet lokali u jsir investiment fihom.

Bħala parti mill-approċċ komprensiv għall-migrazzjoni u l-mobilità, il-miżuri tal-viża jistgħu jaġixxu bħala inċentiv pożittiv fl-involviment ma’ pajjiżi terzi. L-implimentazzjoni sħiħa tal-Kodiċi dwar il-Viżi 55 li ġie rivedut dan l-aħħar kif ukoll sforzi addizzjonali dwar il-faċilitazzjoni tal-viża ma’ pajjiżi terzi se ġġib aktar konsistenza u għandha tinkoraġġixxi mobilità għal żmien qasir bona fide, inklużi skambji ta’ studenti. Il-mobilità għal żmien qasir tista’ tikkomplementa toroq legali oħra biex titjieb il-kooperazzjoni upstream ma’ pajjiżi terzi (pereżempju, fit-trażżin tal-flussi migratorji irregolari).

Azzjonijiet ewlenin

Il-Kummissjoni, fejn rilevanti f’kooperazzjoni mill-qrib mar-Rappreżentant Għoli u l-Istati Membri:

·Tniedi ħidma minnufih biex tiżviluppa u tapprofondixxi, flimkien mal-pajjiżi ta’ oriġini u ta’ tranżitu, djalogi u sħubiji dwar il-migrazzjoni mfassla apposta, komprensivi u bbilanċjati, ikkomplementati b’involviment fil-livell reġjonali u globali.

·Tintensifika l-appoġġ biex tgħin lil dawk fil-bżonn u lill-komunitajiet li jospitawhom;

·Iżżid l-appoġġ għall-opportunitajiet ekonomiċi u tindirizza l-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni irregolari;

·Tagħti prijorità akbar lill-migrazzjoni fl-ipprogrammar ta' strumenti ġodda fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss;

·Tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa u effikaċi tal-ftehimiet u l-arranġamenti eżistenti ta’ riammissjoni u teżamina l-opzjonijiet għal oħrajn ġodda;

·Tagħmel użu mill-Kodiċi dwar il-Viżi biex tinċentiva u ttejjeb il-kooperazzjoni għall-faċilitazzjoni tar-ritorn u r-riammissjoni, kif ukoll taħdem permezz tar-Regolament dwar l-Ażil u l-Ġestjoni tal-Migrazzjoni meta dan ikun fis-seħħ;

·Tmexxi ’l quddiem ir-rakkomandazzjoni dwar it-toroq legali għall-protezzjoni fl-UE, inkluża r-risistemazzjoni; kif ukoll

·Tiżviluppa Sħubiji ta’ Talenti tal-UE ma’ pajjiżi sħab ewlenin biex jiġu ffaċilitati l-migrazzjoni u l-mobilità legali.

Jenħtieġ li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill:

·Jikkonkludu malajr in-negozjati dwar ir-Regolament Qafas dwar ir-Risistemazzjoni u l-Ammissjoni Umanitarja.

7.IL-ĦILIET U T-TALENT JIĠU ATTIRATI LEJN L-UE

Il-ħidma ma’ pajjiżi terzi dwar it-toroq legali hija kompletament konformi mal-interessi tal-UE. L-Ewropa għandha popolazzjoni li qed tixjieħ u tonqos 56 . Il-pressjoni strutturali li dan mistenni joħloq fuq is-suq tax-xogħol hija kkomplementata minn nuqqas speċifiku ta’ ħiliet f’lokalitajiet u f’setturi differenti bħas-saħħa, il-kura medika, u l-agrikoltura. Il-kontribut tal-migranti residenti legalment biex jitnaqqsu d-diskrepanzi fil-ħiliet u biex jiżdied id-dinamiżmu tas-suq tax-xogħol fl-UE ġie rikonoxxut fl-Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa 57 li ġiet aġġornata dan l-aħħar. 

L-attivazzjoni u t-titjib tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol domestika huma meħtieġa iżda mhumiex biżżejjed biex jindirizzaw in-nuqqas ta’ ħaddiema u ħiliet eżistenti kollha. Dan diġà qed iseħħ: fl-2018, l-Istati Membri ħarġu aktar minn 775 000 permess ta’ residenza għall-ewwel darba lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi għal skopijiet ta’ impjieg 58 . Il-ħaddiema minn pajjiżi terzi diġà qed jimlew skarsezzi importanti f’għadd ta’ okkupazzjonijiet madwar l-Istati Membri 59 , inkluż f’okkupazzjonijiet li kienu kruċjali għar-rispons tal-COVID-19 60 . F’dikjarazzjoni konġunta mal-Kummissjoni, l-Imsieħba Soċjali u Ekonomiċi Ewropej enfasizzaw il-potenzjal tal-ħaddiema migranti li jikkontribwixxu għat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali billi jipprovdu s-suq tax-xogħol Ewropew bil-ħiliet li jeħtieġ 61 . Madankollu, bħalissa l-UE qed titlef it-tellieqa globali għat-talent 62 . Filwaqt li l-Istati Membri huma responsabbli biex jiddeċiedu dwar l-għadd ta’ persuni li jaċċettaw għal skopijiet ta’ xogħol, qafas imtejjeb fil-livell tal-UE jqiegħed lill-Istati Membri u lill-impriżi fl-aħjar pożizzjoni possibbli biex jattiraw it-talenti li jeħtieġu.

Minbarra t-tnedija tas-Sħubijiet ta’ Talent, huwa importanti li jitlesta x-xogħol li għadu pendenti tar-riforma tad-Direttiva dwar il-Karta Blu tal-UE, biex jiġi attirat talent b’livell għoli ta’ ħiliet 63 . Il-Kummissjoni tirrikonoxxi d-diversità tas-sitwazzjonijiet tas-suq tax-xogħol madwar l-Istati Membri u x-xewqa ta’ dawn li jkun hemm flessibbiltà biex iżommu l-iskemi nazzjonali mfassla apposta għall-ħtiġijiet speċifiċi tas-suq tax-xogħol. Fl-istess ħin, ir-riforma trid iġġib valur miżjud reali tal-UE biex tattira l-ħiliet permezz ta’ strument effettiv u flessibbli għall-UE kollha. Dan jeħtieġ kundizzjonijiet ta’ ammissjoni aktar inklużivi, drittijiet imtejba, proċeduri rapidi u flessibbli, possibbiltajiet aħjar biex wieħed jiċċaqlaq u jaħdem fi Stati Membri differenti, u kundizzjonijiet ekwi bejn is-sistemi nazzjonali u dawk tal-UE. L-iskema l-ġdida għall-UE kollha jenħtieġ li tkun miftuħa għar-rikonoxximent ta’ ħiliet professjonali ta’ livell għoli u esperjenza rilevanti. Jenħtieġ li tkun ukoll inklużiva, tkopri kategoriji bħal benefiċjarji b’livell għoli ta’ ħiliet ta’ protezzjoni internazzjonali, li tibbenefika mill-ħiliet tagħhom u trawwem l-integrazzjoni tagħhom fis-soċjetajiet tal-UE. Il-Kummissjoni tappella lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jiffinalizzaw in-negozjati malajr, u tinsab lesta biex taħdem favur kompromess fuq dawn il-linji.

Il-mobilità internazzjonali tal-istudenti u r-riċerkaturi tista’ żżid ir-riżerva tal-għarfien espert disponibbli għall-universitajiet u l-istituzzjonijiet ta’ riċerka Ewropej, u b’hekk tagħti spinta lill-isforzi tagħna biex namministraw it-tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika u diġitali. L-implimentazzjoni sħiħa tad-Direttiva dwar l-Istudenti u r-Riċerkaturi 64 li ġiet riveduta dan l-aħħar hija essenzjali biex tagħmilha aktar faċli u aktar li wieħed jiġi fl-UE, u biex tiġi promossa ċ-ċirkolazzjoni tal-għarfien bejn l-Istati Membri. Is-Sħubiji ta’ Talent jistgħu wkoll jappoġġaw direttament skemi li jiffaċilitaw il-mobilità tal-istudenti u r-riċerkaturi.

Jista’ jsir aktar biex jiżdied l-impatt tal-qafas tal-UE dwar il-migrazzjoni legali fuq l-isfidi demografiċi u migratorji tal-Ewropa 65 . Hemm għadd ta’ nuqqasijiet inerenti fis-sistema tal-migrazzjoni legali tal-UE (bħall-frammentazzjoni, il-kopertura limitata tar-regoli tal-UE, l-inkonsistenzi bejn id-Direttivi differenti, u proċeduri kumplessi) li jistgħu jiġu indirizzati permezz ta’ miżuri li jvarjaw minn infurzar aħjar għal leġiżlazzjoni ġdida. Il-Kummissjoni l-ewwel se tiżgura li l-qafas attwali jiġi implimentat kompletament u b’mod effettiv, billi tintensifika l-kooperazzjoni u d-djalogu mal-Istati Membri.

Il-Kummissjoni se tindirizza wkoll in-nuqqasijiet ewlenin fi tliet settijiet ġodda ta’ miżuri, li jwieġbu għall-objettiv ġenerali li jiġi attirat it-talent li l-UE teħtieġ. Kemm l-ammissjoni ta’ ħaddiema b’livelli differenti ta’ ħiliet fl-UE, kif ukoll il-mobilità intra-UE ta’ ħaddiema minn pajjiżi terzi li diġà jinsabu fl-UE, se jiġu ffaċilitati.

·Reviżjoni tad-Direttiva dwar ir-residenti għal żmien twil 66 , li bħalissa mhix qed tintuża biżżejjed u ma tipprovdix dritt effettiv għall-mobilità intra-UE. L-objettiv ikun li jinħoloq status ta’ residenza għal żmien twil tal-UE, b’mod partikolari billi jissaħħaħ id-dritt tar-residenti għal żmien twil li jiċċaqilqu u jaħdmu fi Stati Membri oħra.

·Rieżami tad-Direttiva dwar il-Permess Uniku 67 , li ma laħqitx għalkollox l-għan tagħha li tissimplifika l-proċeduri ta’ ammissjoni għall-ħaddiema kollha minn pajjiżi terzi. Dan ikun iħares lejn modi kif jiġi ssimplifikat u ċċarat il-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni, inklużi l-kundizzjonijiet ta’ ammissjoni u ta’ residenza għall-ħaddiema b’ħiliet ta’ livell baxx baxxi u medju.

·Tkompli tesplora r-Riżerva ta’ Talent tal-UE għall-ħaddiema tas-sengħa ġejjin minn pajjiżi terzi li jistgħu joperaw bħala pjattaforma għall-UE kollha għar-reklutaġġ internazzjonali, li permezz tagħha ċittadini b’sengħa minn pajjiżi terzi jistgħu jesprimu l-interess tagħhom li jemigraw lejn l-UE, u jistgħu jiġu identifikati mill-awtoritajiet tal-migrazzjoni tal-UE u l-impjegaturi fuq il-bażi tal-ħtiġijiet tagħhom 68 .

Il-Kummissjoni nediet ukoll konsultazzjoni pubblika dwar l-attirar tal-ħiliet u t-talent. Din għandha l-għan li tidentifika oqsma addizzjonali fejn il-qafas tal-UE jista’ jittejjeb, inkluż permezz tal-possibbiltà ta’ leġiżlazzjoni ġdida. Hija tistieden ukoll ideat ġodda biex tingħata spinta lill-attraenza tal-UE, tiġi ffaċilitata l-konkordanza tal-ħiliet, u l-migranti tax-xogħol jiġu protetti aħjar mill-isfruttament. Bħala parti mill-konsultazzjoni, il-Kummissjoni se ssegwi d-djalogu tagħha mas-sħab soċjali u ekonomiċi f’dawn l-inizjattivi kollha. Ir-riżultati se jinfurmaw l-iżvilupp ta’ Riżerva ta’ Talent tal-UE u se jgħinu lill-Kummissjoni tiddeċiedi liema inizjattivi oħra huma meħtieġa biex jiġu indirizzati l-isfidi fit-tul f’dan il-qasam.

Azzjonijiet ewlenin

Il-Kummissjoni:

·Tniedi dibattitu dwar il-passi li jmiss dwar il-migrazzjoni legali permezz ta’ konsultazzjoni pubblika; kif ukoll

·Tipproponi pakkett dwar il-Ħiliet u t-Talenti li jinkludi reviżjoni tad-Direttiva dwar ir-Residenti Għal Żmien Twil u rieżami tad-Direttiva dwar il-Permess Uniku, kif ukoll tistabbilixxi l-opzjonijiet biex tinħoloq Riżerva ta’ Talent tal-UE;

Jenħtieġ li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill:

·Jikkonkludu n-negozjati rigward id-Direttiva dwar il-Karta Blu tal-UE.

8.APPOĠĠ TAL-INTEGRAZZJONI GĦAL SOĊJETAJIET AKTAR INKLUŻIVI

Parti minn sistema b’saħħitha u ġusta ta’ ġestjoni tal-migrazzjoni hija li jiġi żgurat li kull min huwa legalment fl-UE jkun jista’ jipparteċipa u jikkontribwixxi għall-benesseri, il-prosperità u l-koeżjoni tas-soċjetajiet Ewropej. Fl-2019, kważi 21 miljun ċittadin mhux tal-UE kienu legalment residenti fl-UE 69 . Meta l-integrazzjoni tirnexxi jibbenefikaw minnha kemm l-individwi kkonċernati, kif ukoll il-komunitajiet lokali li jintegraw ruħhom fihom. Dan irawwem il-koeżjoni soċjali u d-dinamiżmu ekonomiku. Jistabbilixxi eżempji pożittivi dwar kif l-Ewropa tista’ tiġġestixxi l-impatti tal-migrazzjoni u d-diversità billi tibni soċjetajiet miftuħa u reżiljenti. Madankollu, minkejja għadd kbir ta’ stejjer ta’ suċċess, wisq migranti u familji bi sfond ta’ migrazzjoni għadhom qed jiffaċċjaw sfidi f’termini ta’ qgħad, nuqqas ta’ opportunitajiet edukattivi jew ta’ taħriġ u interazzjoni soċjali limitata. Pereżempju, fl-2019, kien għad hemm nuqqas sinifikanti fil-prospetti tal-impjieg ta’ ċittadini mhux tal-UE – madwar 60 % għal dawk bejn l-20 u l-64 sena, meta mqabbla ma’ madwar 74 % għaċ-ċittadini tal-pajjiż ospitanti. Dan joħloq tħassib fost iċ-ċittadini dwar il-pass u l-profondità tal-integrazzjoni – u raġuni leġittima ta’ politika pubblika biex dan iseħħ.

L-integrazzjoni tal-migranti u l-familji tagħhom tifforma għalhekk parti ewlenija mill-aġenda usa’ tal-UE għall-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali. Filwaqt li l-politika ta’ integrazzjoni hija qabel kollox ir-responsabbiltà tal-Istati Membri, mill-adozzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-2016 ’l hawn, l-UE intensifikat l-appoġġ tagħha lill-Istati Membri u lil partijiet ikkonċernati rilevanti oħra 70 . In-Network Ewropew għall-Integrazzjoni jaħdem biex jagħti spinta lill-kooperazzjoni u t-tagħlim reċiproku bejn l-awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-integrazzjoni. L-UE saħħet ukoll il-kooperazzjoni mal-awtoritajiet lokali u reġjonali u mas-soċjetà ċivili u ħolqot sħubijiet ġodda ma’ mal-impjegaturi u mas-sħab soċjali u ekonomiċi 71 . Il-Kummissjoni dan l-aħħar ġeddet is-Sħubija Ewropea għall-Integrazzjoni mas-sħab soċjali u ekonomiċi biex toffri opportunitajiet lir-refuġjati ħalli jintegraw fis-suq tax-xogħol Ewropew 72 . Dan suppost li jwassal għal aktar djalogu u kooperazzjoni futura biex jiġu attirati l-ħiliet li l-ekonomija tagħna teħtieġ.

Din il-ħidma issa teħtieġ li tiġi approfondita, biex jiġi żgurat li jingħataw opportunitajiet sinifikanti biex kulħadd ikun jista’ jipparteċipa fl-ekonomija u fis-soċjetà tagħna. Bħala parti mill-prijorità dwar il-promozzjoni tal-istil ta’ ħajja Ewropew tagħna, il-Kummissjoni se tadotta Pjan ta’ Azzjoni dwar l-integrazzjoni u l-inklużjoni għall-2021–2024. L-integrazzjoni tal-migranti u l-familji tagħhom se tkun aspett ewlieni ta’ dan. Din il-ħidma se tipprovdi gwida strateġika u tistabbilixxi azzjonijiet konkreti biex jitrawwmu l-inklużjoni tal-migranti u koeżjoni soċjali usa’, billi jinġiebu flimkien il-partijiet ikkonċernati rilevanti u jiġi rikonoxxut li l-atturi reġjonali u lokali għandhom rwol ewlieni x’jaqdu. Se tibbaża fuq il-politiki u l-għodod rilevanti kollha f’oqsma ewlenin bħall-inklużjoni soċjali, l-impjiegi, l-edukazzjoni, is-saħħa, l-ugwaljanza, il-kultura u l-isport, filwaqt li tistabbilixxi kif l-integrazzjoni tal-migranti jenħtieġ li tkun parti mill-isforzi biex jintlaħqu l-għanijiet tal-UE dwar kull wieħed minnhom. Objettiv ewlieni se jkun li jiġi żgurat li l-migranti jibbenefikaw mija fil-mija mill-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Hija se tirrikonoxxi li persuni bi sfond ta’ migrazzjoni (pereżempju l-migranti mwielda barra mill-pajjiż jew tat-tieni ġenerazzjoni) spiss jiffaċċjaw sfidi ta’ integrazzjoni simili għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi. L-azzjonijiet se jinkludu appoġġ dirett lil dawk li huma attivi “fil-post” u se jkopru l-firxa sħiħa ta’ miżuri meħtieġa biex jakkumpanjaw lill-migranti u lill-familji tagħhom fil-perkors lejn integrazzjoni u inklużjoni soċjali b’suċċess. Il-Kummissjoni issa qed tikkonsulta biex tfittex il-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati, taċ-ċittadini u tal-migranti dwar azzjonijiet possibbli għall-promozzjoni tal-integrazzjoni u l-inklużjoni soċjali tal-migranti u taċ-ċittadini tal-UE bi sfond ta’ migrazzjoni.

Sabiex jiġi żgurat li l-migranti jkunu involuti b’mod attiv fl-iżvilupp tal-politiki tal-UE dwar il-migrazzjoni, il-Kummissjoni qed toħloq grupp informali ta’ esperti dwar il-fehmiet tal-migranti. Wieħed mill-ewwel kompiti tiegħu se jkun li jipprovdi kontribut għat-tħejjija tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-integrazzjoni u l-inklużjoni, iżda se jkun jista’ jipprovdi wkoll pariri u għarfien espert lill-Kummissjoni dwar it-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ inizjattivi f’kull qasam tal-migrazzjoni u l-ażil.

Azzjonijiet ewlenin

Il-Kummissjoni:

·Tadotta Pjan ta’ Azzjoni komprensiv dwar l-integrazzjoni u l-inklużjoni għall-2021-2024; kif ukoll

·Timplimenta, flimkien mas-sħab soċjali u ekonomiċi, is-Sħubija Ewropea għall-Integrazzjoni li ġiet imġedda u tesplora l-possibbiltà li l-kooperazzjoni futura titwessa’ għall-qasam tal-migrazzjoni tal-ħaddiema.

9.IL-PASSI LI JMISS

Dan il-Patt il-Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil jistabbilixxi l-approċċ minn tarf sa tarf meħtieġ biex il-ġestjoni tal-migrazzjoni fl-Ewropa tkun ġusta, effiċjenti u sostenibbli. L-UE issa se jkollha turi r-rieda li l-Patt il-Ġdid tagħmlu realtà. Dan huwa l-uniku mod biex tiġi evitata r-rikorrenza ta’ avvenimenti bħal dawk li dehru f’Moria dan ix-xahar: billi tiġi stabbilita sistema li tlaħħaq mal-iskala tal-isfida. Qafas Ewropew komuni għall-ġestjoni tal-migrazzjoni huwa l-uniku mod kif jista’ jkun hemm l-impatt meħtieġ. Huwa essenzjali li l-politiki jinġiebu flimkien b’dan il-mod biex jipprovdu ċ-ċarezza u r-riżultati meħtieġa sabiex iċ-ċittadini jkunu konvinti li l-UE se tagħti riżultati li huma kemm robusti kif ukoll umani.

Tali sistema tista’ tiffunzjona biss jekk ikollha l-għodod meħtieġa biex tagħti r-riżultati. Dan ifisser qafas legali b’saħħtu li kapaċi jagħti ċ-ċarezza u l-attenzjoni meħtieġa għall-fiduċja reċiproka, b’regoli robusti u ġusti għal dawk fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali u għal dawk li ma għandhomx id-dritt ta’ permanenza. Hija tirrikjedi li l-migrazzjoni tkun ċentrali għal sħubijiet ta’ benefiċċju reċiproku ma’ pajjiżi terzi biex il-ġestjoni tal-migrazzjoni titjieb b’mod effikaċi. Is-sistema tirrikjedi approċċ intelliġenti għall-migrazzjoni legali biex tappoġġa l-ħtieġa ekonomika għat-talent u l-ħtieġa soċjali għall-integrazzjoni. Teħtieġ ukoll baġit suffiċjenti biex jirrifletti r-responsabbiltajiet komuni u l-benefiċċji komuni tal-politiki tal-UE dwar il-migrazzjoni, kemm fl-UE kif ukoll barra minnha.

Fl-aħħar nett, teħtieġ l-involviment u l-impenn ta’ kulħadd. Huwa għalhekk li l-Patt il-Ġdid inbena fuq konsultazzjonijiet bir-reqqa: mal-Parlament Ewropew u l-Kunsill, mal-Istati Membri, u mal-partijiet ikkonċernati. Huwa msejjes fuq il-valuri tagħna iżda se jipprovdi wkoll ir-riżultati meħtieġa. Il-Kummissjoni tqis li r-riżultat huwa bilanċ ta’ interessi u ħtiġijiet li jistħoqqlu l-appoġġ ta’ kulħadd. Il-Kummissjoni issa tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jagħtu impetu ġdid. Jenħtieġ li l-ewwel pass ikun li jintlaħaq fehim komuni dwar il-mekkaniżmu l-ġdid dwar is-solidarjetà kif ukoll dwar l-elementi ta’ responsabbiltà fil-forma ta’ proċedura ġdida ta’ skrinjar u fil-fruntiera, segwita rapidament mill-adozzjoni tal-pakkett sħiħ meħtieġ ta’ leġiżlazzjoni. Huwa billi naħdmu flimkien li l-UE tista’ u hija obbligata tiggarantixxi li politika dwar il-migrazzjoni u l-ażil verament komuni ssir malajr realtà.

(1)

     Ara t-Taqsima 2.5.

(2)

     Il-Proposta għal Regolament li jintroduċi skrinjar ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fil-fruntieri esterni, COM(2020) 612 tat-23 ta’ Settembru 2020.

(3)

     Il-proposta emendata għal Regolament li jistabbilixxi proċedura komuni għall-protezzjoni internazzjonali fl-Unjoni u li jħassar id-Direttiva 2013/32/KE, COM(2020) 611 tat-23 ta’ Settembru 2020.

(4)

     Il-proposta għal Regolament dwar l-ażil u l-ġestjoni tal-migrazzjoni, COM(2020) 610 tat-23 ta’ Settembru 2020.

(5)

   Is-sentenza fil-Kawżi Magħquda C-715/17, C-718/17 u C-719/17 il-Kummissjoni vs il-Polonja, l-Ungerija u r-Repubblika Ċeka.

(6)

     Il-Komunikazzjoni dwar il-protezzjoni tat-tfal migranti, COM(2017) 211 tat-12 ta’ April 2017, tirrakkomanda ġabra komprensiva ta’ miżuri li jsaħħu l-protezzjoni tagħhom f’kull pass tal-proċess migratorju.

(7)

     Il-Garanzija tat-Tfal tal-UE se tqis ukoll il-ħtiġijiet speċjali tat-tfal migranti, kif ukoll il-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-integrazzjoni u l-inklużjoni (ara t-Taqsima 8 aktar ’l isfel).

(8)

     In-Network tħabbar fil-Komunikazzjoni tal-2017 (ara n-nota f’qiegħ il-paġna nru 6). Din tlaqqa’ l-awtoritajiet u l-aġenziji tat-tutela, l-awtoritajiet (lokali) u l-organizzazzjonijiet internazzjonali u mhux governattivi għall-promozzjoni ta’ servizzi tat-tutela tajbin għat-tfal mhux akkumpanjati u dawk separati fl-UE.

(9)

     Europol 2020, ir-4a’ rapport taċ-Ċentru Ewropew dwar it-Traffikar ta’ Migranti – 2019.

(10)

     L-Istrateġija tal-UE dwar l-Unjoni tas-Sigurtà, COM(2020) 605 tal-24 ta’ Lulju 2020.

(11)

     Il-politika ta’ ritorn jeħtieġ li tiġi integrata bis-sħiħ mal-politika ta’ riammissjoni stabbilita fit-Taqsima 6.5.

(12)

     Ir-Regolament EBCG jirrikjedi li wieħed mit-tliet viċi diretturi eżekuttivi jenħtieġ li jiġi assenjat rwol u responsabbiltajiet speċifiċi fis-sorveljanza tal-kompiti tal-Aġenzija fir-rigward tar-ritorni.

(13)

     Ara t-Taqsima 6.5.

(14)

     Proposta emendata għal Regolament dwar l-istabbiliment tal-“Eurodac”, COM(2020) 614 tat-23 ta’ Settembru 2020.

(15)

     Din il-ħidma se tkun appoġġata permezz taċ-Ċentru tal-Għarfien dwar il-Migrazzjoni u d-Demografija fiċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni.

(16)

     Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar mekkaniżmu tal-UE għat-Tħejjija u għall-Ġestjoni tal-Kriżijiet b’rabta mal-Migrazzjoni (il-Blueprint dwar it-Tħejjija għall-Migrazzjoni u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet Migratorji), C(2020) 6469 tat-23 ta’ Settembru 2020.

(17)

     Il-Proposta għal Regolament li jindirizza sitwazzjonijiet ta’ kriżi u force majeure fil-qasam tal-migrazzjoni u l-ażil, COM(2020) 613 tat-23 ta’ Settembru 2020.

(18)

     L-avvanzar tal-obbligu ta’ rilokazzjoni ta’ migrant irregolari lejn it-territorju tal-Istat Membru sponsor.

(19)

     Skont id-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, il-prinċipju ta’ non-refoulement jiggarantixxi li ħadd ma għandu jerġa’ jirritorna għal pajjiż fejn jaffaċċja tortura, trattament jew kastig krudili, inuman jew degradanti u ħsara irreparabbli oħra.

(20)

     Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE tal-20 ta’ Lulju 2001 dwar l-istandards minimi sabiex tingħata protezzjoni temporanja fl-eventwalità ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati u dwar il-miżuri li jippromwovu bilanċ fl-isforzi bejn l-Istati Membri.

(21)

     Is-sistemi li jipparteċipaw fl-interoperabbiltà huma: Is-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ, is-sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar, is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża, is-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni tar-Rekords Kriminali dwar ċittadini ta’ pajjiżi terzi, EURODAC u s-Sistema ta’ informazzjoni ta’ Schengen.

(22)

     Ir-Regolament (UE) 656/2014 jistabbilixxi sett speċifiku ta’ regoli dwar is-sorveljanza tal-fruntieri esterni tal-baħar fil-kuntest tal-kooperazzjoni operazzjonali kkoordinata mill-Frontex, li jkopri inċidenti ta’ tiftix u salvataġġ li jirriżultaw matul operazzjonijiet konġunti tal-Frontex.

(23)

     Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kooperazzjoni fost l-Istati Membri fir-rigward ta’ operazzjonijiet imwettqa minn dgħajjes li huma proprjetà ta’ jew operati minn entitajiet privati għall-fini ta’ attivitajiet ta’ tiftix u salvataġġ, C(2020) 6468 tat-23 ta’ Settembru 2020.

(24)

     Gwida tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tar-regoli tal-UE dwar id-definizzjoni u l-prevenzjoni tal-faċilitazzjoni ta’ dħul, tranżitu u residenza mhux awtorizzati, C(2020) 6470 tat-23 ta’ Settembru 2020.

(25)

     Ara t-Taqsima 5.

(26)

     Ara t-Taqsima 5.

(27)

     C(2017) 3349 final tat-12 ta’ Mejju 2017 u C(2017) 6560 final tas-27 ta’ Settembru 2017.

(28)

L-użu, b’mod partikolari minn gruppi kriminali organizzati, ta’ teknoloġija moderna tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni biex jiġi ffaċilitat it-traffikar tal-migranti, inkluż ir-reklamar, l-organizzazzjoni, il-ġbir ta’ pagamenti, eċċ.

(29)

     Il-“Pakkett tal-Faċilitaturi” tad-Direttiva 2002/90/KE u d-Deċiżjoni Qafas Akkumpanjanti tal-Kunsill dwar il-faċilitazzjoni ta' dħul, tranżitu u residenza mhux awtorizzati.

(30)

     Id-Direttiva 2002/90/KE u d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/946/JHA.

(31)

     Il-Konferenza Ministerjali saret fit-13 ta’ Lulju 2020 u laqqgħet flimkien il-Ministri tal-Intern tal-Alġerija, il-Libja, il-Mawritanja, il-Marokk u t-Tuneżija mal-kontropartijiet tagħhom mill-Italja (president), Franza, il-Ġermanja (li pparteċipat bħala l-Presidenza tal-Kunsill), Malta u Spanja, kif ukoll il-Kummissjoni.

(32)

   Ir-Regolament 2019/1240.

(33)

     World Migration Report 2020, International Organisation for Migration, 2019, p.2.

(34)

     Inkluż il-proċess tal-Belt Valletta bejn l-UE u l-pajjiżi Afrikani. Proċessi reġjonali ewlenin oħrajn jinkludu l-proċessi ta’ Budapest, Praga, Rabat u Khartoum.

(35)

     Rapport ta’ progress dwar l-Implimentazzjoni tal-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni, COM(2019) 481, is-16 ta’ Ottubru 2019.

(36)

     Il-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija mmobilizzat EUR 6 biljun.

(37)

     Pereżempju, f’Lulju 2020, l-UE qablet dwar estensjoni ta’ EUR 485 miljun għall-appoġġ umanitarju taħt il-Faċilità, biex tippermetti l-estensjoni sa tmiem l-2021 tal-programmi li jgħinu lil aktar minn 1,7 miljun refuġjat biex jissodisfaw il-ħtiġijiet bażiċi tagħhom u aktar minn 600 000 tifel u tifla biex imorru l-iskola.

(38)

     Komunikazzjoni Konġunta “Lejn strateġija komprensiva mal-Afrika, JOIN(2020) 4 final tad-9 ta’ Marzu 2020.

(39)

     B’mod partikolari mal-pajjiżi tat-Triq tal-Ħarir: L-Afganistan, il-Bangladesh, l-Iran, l-Iraq u l-Pakistan.

(40)

     Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-21 ta’ Lulju 2020, il-paragrafi 19, 103, 105, 111 u 117.

(41)

     Il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati jirrapporta li fl-2018 kważi 71 miljun ruħ ġew spostati b’mod furzat, inklużi kważi 26 miljun refuġjat u 3,5 miljun applikant għal ażil (UNHCR Global Trends – Forced Displacement in 2018, https://www.unhcr.org/5d08d7ee7.pdf).

(42)

     F’dawn l-aħħar snin il-biċċa l-kbira tal-baġit umanitarju tal-UE (80 % ta’ EUR 1,2 biljun fl-2018 u ta’ EUR 1,6 biljun fl-2019) mar għal proġetti li jgħinu l-ħtiġijiet immedjati tal-persuni spostati b’mod furzat u l-komunitajiet ospitanti tagħhom biex jissodisfaw il-ħtiġijiet bażiċi immedjati tagħhom f’kunflitti, kriżijiet u spostamenti fit-tul.

(43)

     Ara l-ħidma prodotta u appoġġata miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka Knowledge Centre on Migration and Demography on International Migration Drivers (2018) u l-Atlas of Migration (2019).

(44)

     Dan l-approċċ b’bażi wiesgħa huwa rikonoxxut bis-sħiħ fl-Alleanza UE-Afrika (Alleanza ġdida Afrika-Ewropa għall-Investiment u għall-Impjiegi Sostenibbli, COM (2018) 643 tat-12 ta’ Settembru 2018).

(45)

     Ara t-Taqsima 5.

(46)

     Inkluż permezz tal-istazzjonar ta’ Uffiċjali ta' Kollegament Ewropej għall-Migrazzjoni, attwalment stazzjonati f’10 pajjiżi terzi, b’erbgħa oħra lesti biex jiġu stazzjonati hekk kif tippermetti s-sitwazzjoni tal-COVID-19.

(47)

   Il-ftehimiet dwar l-istatus ġew innegozjati b’riżultat pożittiv mal-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent (mhux inkluż il-Kosovo). Il-ftehimiet dwar l-istatus mal-Albanija, il-Montenegro u s-Serbja diġà ġew iffirmati u daħlu fis-seħħ, filwaqt li l-iffirmar tal-ftehimiet mal-Maċedonja ta’ Fuq u l-Bożnija-Ħerzegovina għadu pendenti.

(48)

     Ara t-Taqsima 2.5 hawn fuq.

(49)

     Ir-Regolament (KE) Nru 810/2009 kif emendat.

(50)

     Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-18 ta’ Ottubru 2018.

(51)

     L-assistenza umanitarja tal-UE tingħata f’konformità mal-prinċipji tal-umanità, l-imparzjalità, in-newtralità u l-indipendenza.

(52)

     Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar it-toroq legali lejn il-protezzjoni fl-UE: il-promozzjoni tar-risistemazzjoni, l-ammissjoni umanitarja u toroq komplementari oħra, C(2020) 6467 tat-23 ta’ Settembru 2020.

(53)

     Tmien Stati Membri bħalissa huma involuti f’sitt proġetti bħal dawn mal-Eġittu, il-Marokk, it-Tuneżija, in-Niġerja u s-Senegal. It-temi ewlenin jinkludu l-mobilità għall-esperti tal-ICT, l-opportunitajiet għal studju u traineeships fl-Ewropa, u t-tisħiħ tal-kapaċità ta’ pajjiżi terzi biex jiġġestixxu l-migrazzjoni u jappoġġaw ir-riintegrazzjoni.

(54)

     Dan ikun konformi mas-Sħubija għall-Ħiliet Globali, li huma ftehimiet bilaterali li permezz tagħhom pajjiż ta’ destinazzjoni jiġi involut direttament fil-ħolqien ta’ kapital uman fost il-migranti potenzjali fil-pajjiż ta’ oriġini qabel il-migrazzjoni.

(55)

     Ir-Regolament (KE) Nru 810/2009 kif emendat.

(56)

     Rapport dwar l-Impatt tat-Tibdil Demografiku, COM(2020) 241 tas-17 ta’ Ġunju 2020.

(57)

     Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza, COM(2020) 274 final tal-1 ta’ Lulju 2020.

(58)

     Eurostat (kodiċi tad-data online: migr_pop1ctz ). Din iċ-ċifra ma tinkludix id-data tar-Renju Unit.

(59)

OECD (2018), “The contribution of migration to the dynamics of the labour force in OECD countries: 2005-2015”, OECD Social, Employment and Migration Working Papers, Nru 203, Pubblikazzjoni tal-OECD, Pariġi.

(60)

Pereżempju, fl-2018, l-immigranti mhux mill-UE kienu jirrappreżentaw madwar 6 % tal-professjonisti tal-kura medika fl-UE, 14 % tal-ħaddiema tal-kura personali, 10 % tal-ħaddiema li jiġbru l-iskart, 16 % tal-ħaddiema agrikoli (mhux inklużi l-ħaddiema staġonali), 25 % ta’ ħaddiema li jnaddfu u dawk li jagħtu servizz ta' għajnuna u 27 % tal-assistenti fil-preparazzjoni alimentari.

(61)

      https://ec.europa.eu/home-affairs/sites/homeaffairs/files/what-we-do/policies/legal-migration-policy/joint-statement-commission-economic-social-partners-renewal-european-partnership-integration.pdf  

(62)

     Ara preżempju: Reklutaġġ ta’ ħaddiema immigranti: l-Ewropa, l-OECD u l-UE (2016), Pubblikazzjoni tal-OECD, Pariġi.

(63)

     COM(2016) 378 tas-7 ta’ Ġunju 2016.

(64)

       Id-Direttiva (UE) 2016/801.

(65)

     Ara l-Kontroll tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-migrazzjoni legali (SWD(2019) 1055 tad-29 ta’ Marzu 2019). Rigward kwistjonijiet demografiċi, ara wkoll: Xenarji Demografiċi għall-UE – Migrazzjoni, Popolazzjoni u Edukazzjoni (il-Kummissjoni, 2019).

(66)

     Id-Direttiva 2003/109/KE.

(67)

     Id-Direttiva 2011/98/UE.

(68)

     Ara l-ħidma li wettqet l-OECD: Building an EU Talent Pool - A New Approach to Migration Management‎ for Europe, 2019.

(69)

     Sors tal-istatistika f’dan il-paragrafu: il-Eurostat. Iċ-ċifri tar-Renju Unit mhumiex inklużi.

(70)

     COM(2016) 377 final tas-7 ta’ Ġunju 2016.

(71)

     L-inizjattivi Is-Sħubija Ewropea għall-Integrazzjoni  u L-impjegaturi flimkien għall-integrazzjoni ; appoġġ għall-inizjattiva tal-Kumitat tar-Reġjuni Bliet u Reġjuni għall-integrazzjoni .

(72)

      https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/IP_20_1561  


Brussell, 23.9.2020

COM(2020) 609 final

ANNESS

tal-

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

dwar Patt Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil


Pjan Direzzjonali għall-implimentazzjoni tal-Patt Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil

 Azzjonijiet

Skeda ta’ Żmien Indikattiva

Qafas komuni Ewropew għall-ġestjoni tal-migrazzjoni u l-ażil

Il-Kummissjoni:

·Tipproponi Regolament dwar l-Ażil u l-Ġestjoni tal-Migrazzjoni, fosthom mekkaniżmu ġdid dwar is-solidarjetà

Fit-tielet trimestru tal-2020

·Tipproponi leġiżlazzjoni ġdida li tistabbilixxi proċedura ta’ skrinjar fil-fruntiera esterna

Fit-tielet trimestru tal-2020

·Temenda l-proposta ta’ Regolament ġdid dwar il-Proċeduri tal-Ażil li tinkludi proċedura ġdida fil-fruntiera u tagħmel il-proċeduri tal-ażil aktar effettivi

Fit-tielet trimestru tal-2020

·Temenda l-proposta tar-Regolament Eurodac biex tissodisfa l-ħtiġijiet ta’ data tal-qafas il-ġdid

Fit-tielet trimestru tal-2020

·Taħtar Koordinatur tar-Ritorn fil-Kummissjoni, appoġġat minn Network ta’ Livell Għoli għar-Ritorni u strateġija operazzjonali ġdida

L-ewwel trimestru tal-2021

·Tistabbilixxi Strateġija ġdida dwar ir-ritorni volontarji u r-riintegrazzjoni

L-ewwel trimestru tal-2021

Jenħtieġ li l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex):

·Iddaħħal fis-seħħ bis-sħiħ il-mandat imsaħħaħ dwar ir-ritorn u tipprovdi appoġġ sħiħ lill-Istati Membri fil-livell nazzjonali

Fir-raba’ trimestru tal-2020

·Taħtar Viċi Direttur Eżekuttiv għar-Ritorn

Fit-tieni trimestru tal-2021

Jenħtieġ li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill:

·Jadottaw ir-Regolament dwar il-Ġestjoni tal-Ażil u l-Migrazzjoni kif ukoll ir-Regolament dwar l-Iskrinjar u r-Regolament rivedut dwar il-Proċeduri tal-Ażil

Fit-tieni trimestru tal-2021

·Jagħtu prijorità minnufih għall-adozzjoni tar-Regolament dwar l-Aġenzija tal-UE għall-Ażil

Fir-raba’ trimestru tal-2020

·Jiżguraw l-adozzjoni malajr tar-Regolament rivedut dwar il-Eurodac

Fir-raba’ trimestru tal-2020

·Jiżguraw l-adozzjoni rapida tad-Direttiva riveduta dwar il-Kundizzjonijiet tal-Akkoljenza u r-Regolament dwar Standards għall-Kwalifika

Fit-tieni trimestru tal-2021

·Jiżguraw il-konklużjoni rapida tan-negozjati fuq id-Direttiva riveduta dwar ir-Ritorn

Fit-tieni trimestru tal-2021

Sistema b’saħħitha ta’ tħejjija u rispons tal-kriżi

Il-Kummissjoni:

·Tippreżenta Blueprint dwar it-Tħejjija għall-Migrazzjoni u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet Migratorji

Fit-tielet trimestru tal-2020

·Tipproponi leġiżlazzjoni li tindirizza sitwazzjoni ta’ kriżi u force majeure u tħassar id-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja

Fit-tielet trimestru tal-2020

Jenħtieġ li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill:

·Jipprijoritizzaw u jikkonkludu l-ħidma fuq l-istrument il-ġdid dwar il-kriżijiet

Fit-tieni trimestru tal-2021

Jenħtieġ li l-Istati Membri, il-Kunsill u l-Kummissjoni:

·Jibdew l-implimentazzjoni tal-Blueprint dwar it-Tħejjija għall-Migrazzjoni u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet Migratorji

Fir-raba’ trimestru tal-2020

Ġestjoni integrata tal-fruntieri

Il-Kummissjoni:

·Tadotta Rakkomandazzjoni dwar il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri dwar l-attivitajiet ta’ salvataġġ ta’ entitajiet privati

Fit-tielet trimestru tal-2020

·Tippreżenta gwida lill-Istati Membri biex tagħmilha ċara li s-salvataġġ fil-baħar ma jistax jiġi kriminalizzat

Fit-tielet trimestru tal-2020

·Tadotta Strateġija dwar il-futur ta’ Schengen

L-ewwel trimestru tal-2021

·Tistabbilixxi Forum ta’ Schengen

Fir-raba’ trimestru tal-2020

·Tniedi grupp ġdid Ewropew ta’ esperti dwar it-tiftix u s-salvataġġ

Fir-raba’ trimestru tal-2020

Jenħtieġ li l-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-Frontex:

·Jiżguraw l-implimentazzjoni rapida u sħiħa tar-Regolament dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta

Fir-raba’ trimestru tal-2020

·Jiżguraw l-implimentazzjoni u l-interoperabbiltà tas-sistemi kollha tal-IT fuq skala kbira

Fir-raba’ trimestru tal-2023

It-tisħiħ tal-ġlieda kontra t-traffikar ta’ migranti

Il-Kummissjoni:

·Tippreżenta Pjan ta’ Azzjoni ġdid tal-UE kontra l-Faċilitazzjoni ta' Immigrazzjoni Illegali bejn l-2021 u l-2025

Fit-tieni trimestru tal-2021

·Tibda l-valutazzjoni dwar kif tista’ ssaħħaħ l-effettività tad-Direttiva dwar Sanzjonijiet kontra min Iħaddem

Fir-raba’ trimestru tal-2020

·Tibni azzjoni kontra t-traffikar ta’ migranti fi sħubijiet ma’ pajjiżi terzi

Fir-raba’ trimestru tal-2020

Il-ħidma mas-sħab internazzjonali tagħna

Il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mill-qrib mar-Rappreżentant Għoli u mal-Istati Membri:

·Tniedi ħidma minnufih biex ikunu żviluppati u approfonditi djalogi u sħubijiet komprensivi u bbilanċjati dwar il-migrazzjoni mfassla apposta

Fir-raba’ trimestru tal-2020

·Iżżid l-appoġġ biex tgħin lil dawk li huma fil-bżonn u lill-komunitajiet li jospitawhom

Fir-raba’ trimestru tal-2020

·Iżżid l-appoġġ għall-opportunità ekonomika u l-indirizzar tal-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni irregolari

Fir-raba’ trimestru tal-2020

·Tagħti spinta lill-migrazzjoni fil-kuntest tal-ipprogrammar ta’ strumenti ġodda fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss

Fir-raba’ trimestru tal-2020

·Teżamina alternattivi għal ftehimiet u arranġamenti ġodda tal-UE dwar ir-riammissjoni

Fir-raba’ trimestru tal-2020

·Tuża l-Kodiċi dwar il-Viżi biex tinċentivizza u ttejjeb il-kooperazzjoni għall-faċilitazzjoni tar-ritorn u r-riammissjoni, filwaqt li tħejji wkoll għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar l-Ażil u l-Ġestjoni tal-Migrazzjoni

L-ewwel trimestru tal-2021

·Tkompli l-ħidma fuq ir-rakkomandazzjoni dwar it-toroq legali biex tingħata protezzjoni fl-UE, fosthom ir-risistemazzjoni

Fir-raba’ trimestru tal-2020

·Tiżviluppa Sħubijiet ta’ Talenti tal-UE ma’ pajjiżi sħab ewlenin

Fir-raba’ trimestru tal-2020

Jenħtieġ li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill:

·Jikkonkludu malajr in-negozjati dwar ir-Regolament Qafas dwar ir-Risistemazzjoni u l-Ammissjoni Umanitarja

Fir-raba’ trimestru tal-2020

Nattiraw il-ħiliet u t-talent lejn l-UE

Il-Kummissjoni:

·Tniedi dibattitu dwar il-passi li jmiss fuq il-migrazzjoni legali, b’konsultazzjoni pubblika

Fit-tielet trimestru tal-2020

·Tipproponi pakkett ta’ Ħiliet u Talent li jinkludi reviżjoni tad-Direttiva tar-Residenti fit-Tul u tirrieżamina d-Direttiva dwar il-Permess Uniku, kif ukoll tiżviluppa l-alternattivi għall-ħolqien ta’ Ġabra ta’ Talent tal-UE

Fir-raba’ trimestru tal-2021

Jenħtieġ li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill:

·Jikkonkludu n-negozjati fuq id-Direttiva dwar il-Karta Blu tal-UE

Fir-raba’ trimestru tal-2020

L-appoġġ favur l-integrazzjoni għal soċjetajiet aktar inklużivi

Il-Kummissjoni:

·Tadotta Pjan ta’ Azzjoni komprensiv dwar l-integrazzjoni u l-inklużjoni għall-perjodu bejn l-2021 u l-2024

Fir-raba’ trimestru tal-2020

·Timplimenta s-Sħubija Ewropea ġdida għall-Integrazzjoni ma’ sħab soċjali u ekonomiċi u tesplora l-possibbiltà ta’ kooperazzjoni futura fil-qasam tal-migrazzjoni tal-ħaddiema

L-ewwel trimestru tal-2021