Brussell, 24.9.2020

COM(2020) 590 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Unjoni tas-Swieq Kapitali għall-persuni u n-negozji - pjan ta’ azzjoni ġdid


INTRODUZZJONI

Il-President tal-Kummissjoni Ursula Von Der Leyen, fid-dikjarazzjoni tal-ftuħ tagħha lill-Parlament Ewropew qalet: “Ejjew sa fl-aħħar inlestu l-Unjoni tas-Swieq Kapitali.” Dan il-pjan ta’ azzjoni jistabbilixxi miżuri ewlenin biex jitwettaq dan l-impenn.

Il-Parlament Ewropew u l-Istati Membri spiss esprimew u tennew l-appoġġ tagħhom għal Unjoni tas-Swieq Kapitali (CMU, Capital Markets Union). F’Diċembru 2019, l-Istati Membri qablu dwar il-Konklużjonijiet tal-Kunsill 1 dwar kif tista’ tiġi approfondita s-CMU. Fir-rapport b’inizjattiva proprja tiegħu (INI, own initiative report) 2 ta’ Settembru 2020, il-Parlament Ewropew stieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jieħdu azzjoni deċiżiva biex iwettqu s-CMU.

Il-Kummissjoni adottat l-ewwel pjan ta’ azzjoni tas-CMU fl-2015 3 . Minn dak iż-żmien ’l hawn, l-UE għamlet progress sinifikanti billi stabbiliet l-elementi kostitwenti. Madankollu, l-approfondiment tas-CMU huwa kumpless u l-ebda miżura waħda ma hija se tlestiha. Għaldaqstant, l-uniku mod biex isir progress huwa jsiru passi b’mod kostanti fl-oqsma kollha fejn għadhom jeżistu ostakli għall-moviment liberu tal-kapital. Għad fadal ħafna xi jsir u issa wasal iż-żmien li jiżdied il-livell ta’ ambizzjoni.

Issa hemm bżonn ta’ appoġġ politiku qawwi aktar minn qatt qabel. L-Unjoni tas-Swieq Kapitali tista’ twassal biex l-UE tirkupra b’ħeffa mill-pandemija tal-COVID-19. Din tista’ tipprovdi wkoll il-finanzjament meħtieġ biex jitwettaq il-Patt Ekoloġiku Ewropew 4 , biex l-Ewropa tkun tajba għall-era diġitali, u biex jiġu indirizzati l-isfidi soċjali tagħha. Biex dan iseħħ, hemm bżonn ta’ rieda politika qawwija biex jiġu appoġġati l-miżuri meħtieġa biex titwettaq l-Unjoni tas-Swieq Kapitali. Madankollu, l-istituzzjonijiet tal-UE waħedhom ma jistgħux jiksbu r-riżultati mixtieqa; il-parteċipanti tas-suq u l-Ewropej kollha jeħtieġ li jagħmlu użu mill-opportunitajiet offruti mis-CMU biex din tilħaq l-objettivi tagħha.

F’Novembru 2019, il-Kummissjoni laqqgħet flimkien 28 eżekuttiv għoli tal-industrija, esperti, rappreżentanti tal-konsumaturi u akkademiċi għal forum ta’ livell għoli dwar is-CMU. F’Ġunju 2020, il-forum ippubblika r-rapport finali tiegħu 5 bi 17-il rakkomandazzjoni lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex titmexxa ’l quddiem is-CMU. Sejħa għal feedback dwar dan ir-rapport finali pprovdiet lill-Kummissjoni b’fehmiet minn firxa aktar wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati. Il-Kummissjoni qieset dan il-kontribut fl-iżvilupp tal-miżuri ppreżentati f’dan il-pjan ta’ azzjoni.

I.L-UNJONI TAS-SWIEQ KAPITALI: GĦALIEX U GĦALA ISSA

Dwar xiex hija s-CMU?

Is-CMU hija l-pjan tal-UE biex jinħoloq suq verament uniku għall-kapital fl-UE. Hija għandha l-għan li tixpruna l-investiment u t-tfaddil fl-Istati Membri kollha, li jkunu ta’ benefiċċju għaċ-ċittadini, l-investituri u l-kumpaniji, irrispettivament minn fejn ikunu jinsabu. Suq tal-kapital li jkun integrat u jiffunzjona kollu kemm hu jippermetti lill-ekonomija tal-UE biex tikber b’mod sostenibbli u tkun aktar kompetittiva. Ewropa ekonomikament aktar b’saħħitha taqdi aħjar liċ-ċittadini tagħha u tgħin lill-UE biex ikollha rwol aktar b’saħħtu fix-xena globali.

Is-CMU hija essenzjali biex jintlaħqu l-objettivi ewlenin kollha tal-politika ekonomika tal-UE: l-irkupru ta’ wara l-COVID-19, ekonomija inklużiva u reżiljenti tajba għal kulħadd, it-tranżizzjoni lejn ekonomija diġitali u sostenibbli, u awtonomija strateġikament miftuħa f’kuntest ekonomiku globali dejjem aktar kumpless. Biex jintlaħqu dawn l-objettivi jeħtieġ investiment massiv li l-flus pubbliċi u l-finanzjament tradizzjonali permezz ta’ self mill-banek biss ma jistgħux jagħtu. Huma biss is-swieq kapitali, profondi, integrati u li jiffunzjonaw tajjeb li jistgħu jipprovdu l-iskala ta’ appoġġ meħtieġ biex nirkupraw mill-kriżi u nimbuttaw ’il quddiem it-tranżizzjoni. Is-CMU mhijiex għan fiha nnifisha, iżda politika fundamentali biex isir progress fi prijoritajiet importanti Ewropej.

Is-CMU saret aktar urġenti fid-dawl tal-kriżi kkawżata mill-COVID-19. L-appoġġ pubbliku u s-self mill-banek għenu lill-unitajiet domestiċi u lin-negozji biex ikampaw billi indirizzaw il-pressjoni fi żmien qasir tal-likwidità kkawżata mil-lockdowns. Madankollu, sabiex jibqgħu solventi għal żmien medju u fit-tul, in-negozji jeħtieġu struttura ta’ finanzjament aktar stabbli. L-industrija tal-UE, b’mod partikolari l-SMEs li huma s-sinsla tal-ekonomija tagħna, teħtieġ aktar ekwità biex tirkupra mix-xokk ekonomiku u ssir aktar reżiljenti.

Il-bini tas-CMU jieħu ż-żmien. L-isforzi biex jiġi stabbilit suq uniku għall-kapital bdew bit-Trattat ta’ Ruma, iżda dan l-objettiv għadu ma ntlaħaqx. Il-pjan ta’ azzjoni tal-2015 jistabbilixxi wħud mill-miżuri meħtieġa biex tiġi stabbilita s-CMU, u bosta minnhom issa ntlaħaq qbil dwarhom u qed jiġu implimentati. Madankollu, dan mhux biżżejjed. Il-progress dwar xi kwistjonijiet kontroversjali mexa bil-mod. Għad hemm ostakli sinifikanti biex is-CMU tiffunzjona tajjeb f’ħafna oqsma, inklużi l-liġijiet dwar is-superviżjoni, it-tassazzjoni u l-insolvenza. Dawn l-ostakli jfiġġu minħabba l-istorja, id-drawwiet u l-kultura. Dawn għandhom għeruq fondi, u jieħdu ż-żmien biex jiġu indirizzati.

Ma hemm l-ebda miżura li twassal biex is-CMU jkun lest. L-uniku mod biex isir progress huwa li nimxu pass pass, fl-oqsma kollha fejn għadhom jeżistu ostakli għall-moviment liberu tal-kapital. Dan jirrikjedi impenn u determinazzjoni mill-partijiet kollha. Billi l-bini tas-CMU huwa proċess gradwali, fuq il-bażi ta’ ħafna bidliet żgħar iżda importanti, huwa importanti li wieħed iżomm f’moħħu l-viżjoni globali tas-CMU.

Il-viżjoni tas-CMU

Is-CMU jenħtieġ li ġġib magħha valur għall-Ewropej kollha, jgħixu fejn jgħixu u jaħdmu fejn jaħdmu. Għandha ġġib benefiċċji, li diġà qed jitgawdew fiċ-ċentri finanzjarji stabbiliti l-kbar, għan-nies fl-Istati Membri ż-żgħar. In-negozji, inklużi dawk żgħar u ta’ daqs medju, jenħtieġ li jkunu jistgħu jaċċessaw il-finanzjament, u l-investituri jenħtieġ li jkunu jistgħu jinvestu fi proġetti fl-UE kollha. Il-kapital jenħtieġ li jgħaddi lejn fejn jista’ jkun l-aktar utli u jgħin biex jintlaħqu l-ħtiġijiet tas-soċjetà fuq tul ta’ żmien, b’mod partikolari fid-dawl tat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali. Il-parteċipanti tas-suq jenħtieġ li jibbenefikaw minn swieq kompetittivi u trasparenti. L-aċċess għall-informazzjoni u l-infrastruttura jenħtieġ li jkun effiċjenti u mhux diskriminatorju.

Il-konsumaturi jenħtieġ li jkollhom aktar għażla fir-rigward tat-tfaddil u tal-investimenti tagħhom u jenħtieġ li jkunu infurmati tajjeb, inkluż dwar l-aspetti ta’ sostenibbiltà, kif ukoll protetti adegwatament kull fejn ikunu. L-għażla tal-prodotti u s-servizzi finanzjarji jenħtieġ li ma tiddependix fuq it-tradizzjonijiet jew is-saħħa tas-suq, iżda għandha tkun ir-riżultat ta’ għażla kompetittiva. Jenħtieġ li ma jkun hemm l-ebda ostaklu espliċitu jew impliċitu għall-investiment transfruntier. L-ostakli minħabba d-differenzi nazzjonali fil-liġijiet u fl-eżekuzzjoni tal-liġi, it-tassazzjoni u s-superviżjoni jenħtieġ li jitnaqqsu u mhux ifixklu l-fluss liberu tal-kapital. Id-deċiżjonijiet ta’ investiment jenħtieġ li jkunu rregolati minn ġabra unika ta’ regoli – bl-istess ġabra ta’ regoli tkun applikabbli direttament u bl-istess mod għall-operaturi kollha tas-suq, irrispettivament minn fejn ikunu jinsabu. 

Għaliex is-CMU hija saħansitra aktar importanti bħalissa?

1.Irkupru

Attwalment, il-prijorità ewlenija tal-UE hija li tirkupra mill-kriżi ekonomika bla preċedent ikkawżata mit-tifqigħa tal-COVID-19. Il-Kummissjoni ppreżentat in-Next Generation EU 6 - strument temporanju għall-irkupru f’emerġenza biex jgħin fit-tiswija tal-ħsara ekonomika u soċjali immedjata kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19, biex jagħti spinta lill-irkupru u jħejji għal futur aħjar u aktar ekoloġiku għall-ġenerazzjoni li jmiss. Barra minn hekk, l-istituzzjonijiet Ewropej u l-Istati Membri ħadu miżuri straordinarji u injettaw fondi pubbliċi fuq skala bla preċedent, biex jindirizzaw l-emerġenza tas-saħħa pubblika, jipproteġu l-impjiegi u l-introjtu tan-nies, u jgħinu lin-negozji jkampaw. Il-banek, sa issa, b’mod ġenerali komplew isellfu lin-negozji. Madankollu, dan il-finanzjament – minkejja li huwa assolutament essenzjali għall-irkupru tal-Ewropa fuq medda qasira ta’ żmien – mhux se jkun biżżejjed minħabba l-kobor u t-tul ta’ żmien mistenni għall-ħtiġijiet ta’ finanzjament. Il-finanzjament tas-suq se jkun il-pedament li jsostni l-irkupru u t-tkabbir futur fit-tul.

Is-CMU hija importanti wkoll għall-pjan ta’ rkupru tal-UE. Se jkunu meħtieġa swieq kapitali profondi u likwidi biex il-Kummissjoni tiġbor il-finanzjament meħtieġ għall-UE. Fl-istess ħin, ħruġ daqshekk kbir huwa opportunità għas-sistema finanzjarja tal-UE: fuq livell globali dan jista’ jattira aktar investituri u emittenti lejn strumenti finanzjarji ddenominati f’euro, biex b’hekk jiġi promoss r-rwol internazzjonali tal-euro.

Il-gvernijiet, ir-reġjuni u l-muniċipalitajiet se jkollhom bżonn ukoll swieq fondi u likwidi biex jiġbru l-fondi li jeħtieġu biex jappoġġjaw l-ekonomija, jinvestu f’infrastruttura pubblika u jindirizzaw il-ħtiġijiet soċjali li jirriżultaw mill-kriżi.

Is-CMU hija essenzjali wkoll biex timmobilizza l-investiment privat f’kumpaniji u tikkumplimenta l-appoġġ pubbliku. Dan iġib miegħu varjetà ta’ alternattivi ta’ finanzjament, inaqqas id-dipendenza fuq sors jew fornitur wieħed ta’ finanzjament u jnaqqas id-diskrepanza tal-likwidità. Il-kumpaniji ta’ kull daqs – u b’mod partikolari l-SMEs – jeħtieġu sorsi solidi ta’ finanzjament ibbażati fuq is-suq. Dan diġà kien il-każ qabel il-COVID-19, iżda se jkun saħansitra aktar importanti għall-irkupru meta s-self mill-banek jista’ ma jibqax ikun biżżejjed. Il-COVID-19 x’aktarx li twassal għar-ristrutturar ta’ ħafna kumpaniji. Il-finanzjament insuffiċjenti u inadegwat u n-nuqqas ta’ ekwità fl-istruttura ta’ finanzjament idgħajfu l-kumpaniji u jnaqqsu r-ritmu tal-irkupru, u b’hekk ipoġġu lill-Ewropa fi żvantaġġ apparagun ta’ ekonomiji oħra bi strutturi ta’ finanzjament aktar diversifikati.

Fl-aħħar nett, is-CMU hija essenzjali għall-bini ta’ reżiljenza kontra xokkijiet asimmetriċi futuri li jaffettwaw biss ftit Stati Membri. Is-CMU bit-twaqqif ta’ pedamenti b’saħħithom għall-kondiviżjoni aħjar tar-riskju privat u aktar mifrux ġeografikament, tappoġġa l-funzjonament tal-Unjoni Bankarja u tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja. It-tlestija tal-Unjoni Bankarja se tappoġġa wkoll integrazzjoni aktar malajr tas-swieq kapitali Ewropej.

2.It-tranżizzjoni ekoloġika u t-trasformazzjoni diġitali

L-indirizzar tal-emerġenzi klimatiċi u tal-bijodiversità u r-rebħa ta’ sfidi ambjentali usa’ jeħtieġu investimenti enormi li s-CMU tista’ tgħin biex jiġu mmobilizzati u ggwidati. Il-Patt Ekoloġiku Ewropew huwa l-istrateġija l-ġdida tal-UE għat-tkabbir u l-pjan direzzjonali biex l-ekonomija tal-UE ssir sostenibbli. Huwa stmat li apparagun tal-10 snin preċedenti, se jkunu meħtieġa ta’ kull sena EUR 350 biljun addizzjonali ta’ investiment relatat mal-enerġija sabiex tintlaħaq il-mira ta’ tnaqqis ta’ 55 % fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra fl-2030 7 . Il-pjan ta’ Investiment tal-Patt Ekoloġiku Ewropew għandu l-għan li jagħti spinta lill-investiment sostenibbli. Iżda l-fondi pubbliċi mhux se jkunu biżżejjed biex jissodisfaw dawn il-ħtiġijiet ta’ finanzjament. Suq uniku effiċjenti għall-kapital huwa meħtieġ biex jiġu mobilizzati l-fondi meħtieġa u biex jiġi żgurat li kunsiderazzjonijiet ta’ sostenibbiltà jiġu inkorporati b’mod rigoruż fid-deċiżjonijiet ta’ finanzjament. Il-Kummissjoni se tressaq strateġija finanzjarja sostenibbli mġedda biex iżżid l-investiment privat fi proġetti u attivitajiet sostenibbli. Appoġġata minn swieq kapitali profondi, din l-istrateġija se tappoġġa l-azzjonijiet stabbiliti fil-Patt Ekoloġiku Ewropew għall-ġestjoni tar-riskji klimatiċi u ambjentali u se tintegrahom fis-sistema finanzjarja tal-UE.

Id-diġitalizzazzjoni se tkompli tirrikjedi wkoll investiment privat sinifikanti jekk l-ekonomija tal-UE trid tibqa’ kompetittiva globalment. Kif diġà ġie ddikjarat fl-istrateġija tal-UE dwar “Insawru l-futur diġitali tal-Ewropa”, il-kumpaniji innovattivi jeħtieġu finanzjament li s-swieq kapitali biss jistgħu jipprovdu. Dan huwa parzjalment minħabba li ħafna minn dawn il-kumpaniji ma għandhomx il-kollateral fiżiku meħtieġ għas-self mill-banek. Dan iżid mal-urġenza li tiġi approfondita s-CMU. Il-ħakma tal-avvanz teknoloġiku hija kritika wkoll biex is-settur finanzjarju tal-UE jiggwadanja fl-effiċjenza, itejjeb l-aċċess għall-kapital u jkun jista’ jaqdi aħjar lin-nies tal-Ewropa, kif ukoll jibqa’ kompetittiv globalment. Il-Kummissjoni qed tippreżenta strateġija ta’ finanzjament diġitali 8 li tfittex li tisfrutta l-potenzjal tal-finanzjament diġitali f’termini ta’ innovazzjoni u kompetizzjoni, filwaqt li ttaffi r-riskji.

L-SMEs iridu jiġu appoġġati fl-isforzi tagħhom biex jilħqu l-objettivi tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Is-CMU se ttejjeb l-opportunitajiet għall-SMEs biex jaċċessaw il-finanzjament u b’hekk se tikkontribwixxi biex jintlaħqu l-objettivi tal-istrateġija tal-UE ta’ Marzu 2020 għall-SMEs għal Ewropa sostenibbli u diġitali 9 .

L-istrateġiji dwar is-CMU, il-finanzi sostenibbli, il-finanzi diġitali u l-SMEs kollha jagħtu s-saħħa lil xulxin. Dawn huma pakkett konġunt ta’ miżuri biex tissaħħaħ l-ekonomija tal-Ewropa u jagħmluha aktar kompetittiva u sostenibbli, u biex jinqdew aħjar in-nies u l-kumpaniji tagħha.

3.Ekonomija aktar inklużiva

Is-CMU hija importanti wkoll għall-ħolqien ta’ ekonomija u soċjetà aktar inklużivi u reżiljenti. Il-kapaċità li l-ekonomija taħdem għan-nies tiddependi fuq swieq kapitali integrati u fuq inċentivi adegwati għall-promozzjoni ta’ investimenti f’attivitajiet soċjalment u ambjentalment sostenibbli. Swieq profondi u integrati jiffaċilitaw l-allokazzjoni effiċjenti tal-kapital u għandhom rwol utli fi żminijiet ta’ bidla fis-soċjetà. Huma jappoġġaw it-tkabbir u l-impjiegi u għaldaqstant jikkontribwixxu għall-benesseri finanzjarju tan-nies.

Is-CMU tista’ tgħin ukoll biex jingħebu l-isfidi tal-popolazzjonijiet Ewropej li qed jixjieħu. Sistemi tal-pensjonijiet b’saħħithom ibbażati fuq is-suq għandhom il-potenzjal li jissupplimentaw il-pensjonijiet pubbliċi u jaqdu aħjar il-ħtiġijiet tal-popolazzjonijiet li qed jixjieħu, dment li jitfasslu b’mod inklużiv u wiesa’. B’hekk huma jikkontribwixxu għal dħul adegwat u sostenibbli fix-xjuħija. Aktar mas-swieq kapitali jkunu żviluppati, aktar ikun faċli l-aċċess tan-nies għal prodotti u soluzzjonijiet finanzjarji li jaqblu mal-ħtiġijiet u l-preferenzi tagħhom. Is-CMU għandha l-għan li tqiegħed is-swieq kapitali għas-servizz tan-nies, billi toffrilhom kemm opportunitajiet ta’ investiment sostenibbli kif ukoll protezzjoni b’saħħitha għall-investituri.

L-istrateġija tal-investiment fil-livell tal-konsumatur, li l-Kummissjoni se tippreżenta fl-ewwel nofs tal-2022, jenħtieġ li tiffoka fuq l-interessi tal-investituri individwali. Se tfittex li tiżgura li l-investituri fil-livell tal-konsumatur ikunu jistgħu jieħdu vantaġġ totali mis-swieq kapitali u li r-regoli jkunu koerenti fl-istrumenti legali kollha. Investitur individwali jenħtieġ li jibbenefika minn: (i) protezzjoni adegwata, (ii) pariri mingħajr preġudizzju u trattament ġust, (iii) swieq miftuħa b’varjetà ta’ servizzi u prodotti finanzjarji kompetittivi u kosteffiċjenti, u (iv) informazzjoni dwar il-prodott trasparenti, paragunabbli u li tinftiehem. Il-leġiżlazzjoni tal-UE jenħtieġ li tħares ’il quddiem u tirrifletti l-iżviluppi li għaddejjin bħalissa fid-diġitalizzazzjoni u s-sostenibbiltà, kif ukoll il-ħtieġa dejjem tikber għal tfaddil għal meta wieħed jirtira.

4.Il-kompetittività globali tal-UE u l-awtonomija strateġika miftuħa

Is-CMU tippermetti swieq kapitali aktar żgħar biex ilaħħqu ma’ dawk akbar u aktar żviluppati u ditti lokali biex jikbru f’atturi globali. Għandha l-potenzjal li tagħmel l-ekonomija tal-Ewropa aktar innovattiva u kompetittiva sabiex tkun tista’ tiffaċċja l-kompetizzjoni globali minn fuq quddiem. Swieq akbar u aktar integrati jikkontribwixxu biex l-UE ssir suq akbar u aktar profond għall-kapital b’mod ġenerali, li jkun ta’ benefiċċju għall-investituri domestiċi u jagħmilha aktar attraenti għall-investituri barranin. Dan mhux biss iservi ditti kbar li diġà huma attivi fis-swieq globali. Dan jippreżenta wkoll opportunitajiet sinifikanti għal ditti lokali iżgħar b’mudelli kummerċjali promettenti, li b’hekk jistgħu jattiraw investituri globali u jirċievu l-kapital meħtieġ biex jespandu u jibnu r-rikonoxximent tal-marka kummerċjali. Suq uniku kbir u verament integrat għall-kapital, appoġġat minn regoli ta’ tassazzjoni adegwati 10 , se jkun il-bażi li fuqu l-kumpaniji finanzjarji tal-UE jistgħu jikbru u jissaħħu biex isiru verament kompetittivi globalment.

Is-CMU hija prekundizzjoni għal rwol internazzjonali aktar b’saħħtu tal-euro u għall-awtonomija strateġika miftuħa tal-Ewropa. Munita użata ħafna fi tranżazzjonijiet internazzjonali tiddependi fuq l-eżistenza ta’ swieq finanzjarji domestiċi kbar, likwidi, profondi u dinamiċi mirfuda minn politiki monetarji, fiskali u regolatorji kredibbli u sostenibbli. Suq kapitali vibranti, integrat u profond se jagħmel lill-Ewropa aktar attraenti għall-investituri globali u jrawwem l-influss ta’ kapital barrani. Dan se jżid il-piż tat-titoli ddenominati f’euro fil-finanzi globali u jsaħħaħ ir-reżiljenza tal-infrastruttura tas-suq tal-UE.

Il-Brexit għandu impatt sinifikanti fuq is-CMU. Dan ikompli jsaħħaħ il-ħtieġa li l-UE jkollha swieq kapitali li jiffunzjonaw tajjeb u li jkunu integrati. Is-swieq kapitali tal-UE jikkonsistu f’diversi ċentri finanzjarji li jvarjaw fid-daqs u fl-ispeċjalizzazzjoni. Ġabra unika mtejba tar-regoli u superviżjoni effettiva se jkunu kruċjali biex jiġi evitat l-arbitraġġ regolatorju, l-għażla opportunistika tal-ġurisdizzjoni, u ġirja lejn l-aktar livell baxx ta’ superviżjoni.

L-influwenza tal-UE fit-tfassil ta’ regoli u standards internazzjonali tiddependi wkoll fuq l-iżvilupp ta’ swieq domestiċi b’saħħithom. Jeħtieġ li l-UE tiżviluppa l-infrastruttura u s-servizzi tagħha tas-suq kritiku. Swieq żviluppati sew huma kundizzjoni meħtieġa għall-awtonomija finanzjarja u ekonomika tal-UE. Dan jimxi id f’id mal-promozzjoni ta’ rwol internazzjonali aktar b’saħħtu għall-euro. Fl-istess ħin, huwa importanti li l-UE tibqa’ miftuħa għas-swieq finanzjarji globali, biex tattira l-investituri u tappoġġa l-kompetittività globali tal-kumpaniji Ewropej.

II. AZZJONIJIET

Il-Kummissjoni fil-biċċa l-kbira wettqet l-azzjonijiet imħabbra fil-pjan ta’ azzjoni tas-CMU tal-2015 u fir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-pjan ta’ azzjoni tal-2017 11 . Il-Parlament Ewropew u l-Istati Membri qablu dwar 12 minn 13-il proposta leġiżlattiva, għalkemm mhux kollha żammew il-livell ta’ ambizzjoni propost mill-Kummissjoni.

Fl-istess ħin, għad hemm xi ostakli għas-suq uniku u dawn se jibqgħu jeżistu wara li jibdew japplikaw il-miżuri leġiżlattivi kollha li diġà ġew proposti. Għaldaqstant, il-ġabra inizjali ta’ azzjonijiet tas-CMU jeħtieġ li tkun ikkumplimentata minn miżuri ġodda, inklużi dawk li jindirizzaw l-isfidi l-ġodda li tfaċċaw. It-tranżizzjoni lejn Unjoni tas-Swieq Kapitali tibqa’ riforma strutturali fit-tul fl-UE kollha li teħtieġ żmien, sforz, riżorsi u fuq kollox impenn politiku sod.

B’dan il-pjan ta’ azzjoni ġdid, il-Kummissjoni tistabbilixxi lista ta’ miżuri biex isir progress deċiżiv lejn it-tlestija tas-CMU. Dawn iqisu u jibnu fuq il-miżuri proposti mill-Kummissjoni fl-24 ta’ Lulju biex is-swieq kapitali jaħdmu għall-irkupru ekonomiku.

Il-Kummissjoni qed timpenja ruħha favur 16-il azzjoni biex tilħaq it-tliet objettivi prinċipali:

(1)tappoġġa rkupru ekonomiku ekoloġiku, diġitali, inklużiv u reżiljenti billi tagħmel il-finanzjament aktar aċċessibbli għall-kumpaniji Ewropej;

(2)tagħmel saħansitra lill-UE post aktar sikur għall-individwi, biex ifaddlu u jinvestu fit-tul;

(3)tintegra s-swieq kapitali nazzjonali f’suq uniku ġenwin.

L-Anness ta’ dan id-dokument jipprovdi informazzjoni addizzjonali u aktar teknika dwar l-azzjonijiet deskritti hawn taħt.

1.Miżuri li jappoġġaw rkupru ekoloġiku, diġitali, inklużiv u reżiljenti billi jagħmlu l-finanzjament aktar aċċessibbli għall-kumpaniji Ewropej;

Is-saħħa tal-irkupru ekonomiku ta’ wara l-COVID-19 se tiddependi b’mod kruċjali fuq id-disponibbiltà ta’ finanzjament suffiċjenti għall-kumpaniji tal-UE. Il-banek Ewropej issa huma kapitalizzati aħjar minn qabel l-aħħar kriżi finanzjarja. Barra minn hekk, l-UE ppreżentat miżuri biex ittejjeb il-kapaċità tagħhom li jidderieġu fondi lejn il-kumpaniji u l-unitajiet domestiċi. Madankollu, is-settur korporattiv se jidħol fl-irkupru b’livelli ogħla ta’ dejn u se jeħtieġ aktar investiment ta’ ekwità. Il-livell għoli ta’ tfaddil domestiku u ta’ ftuħ tas-sistema finanzjarja tal-UE għall-investituri globali għandu jgħin biex jingħata dan il-finanzjament.

Il-finanzjament għall-kumpaniji permezz ta’ bonds u ekwitajiet privati dejjem kellu aktar rwol komplementari importanti għas-self mill-banek f’dawn l-aħħar snin. Dan bis-saħħa wkoll tal-miżuri meħuda fl-ewwel pjan ta’ azzjoni tas-CMU. Madankollu, l-aċċess għal xi forom ta’ finanzjament, bħall-ekwitajiet pubbliċi, għadu limitat. Il-miżuri l-ġodda ppreżentati minn dan il-pjan ta’ azzjoni għandhom l-għan li jiffaċilitaw aktar l-użu tal-finanzjament tas-suq u li jgħinu lill-kumpaniji biex jużaw is-sorsi kollha disponibbli ta’ finanzjament.

Sabiex il-kumpaniji jsiru aktar viżibbli għall-investituri transfruntiera, sabiex jiġu integrati aħjar is-swieq kapitali nazzjonali u sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess tagħhom għall-finanzjament tas-suq, l-ambjent ġuridiku jeħtieġ li minn naħa waħda jwassal il-bilanċ it-tajjeb bejn l-għoti ta’ informazzjoni rilevanti dwar l-opportunitajiet ta’ investiment lill-investituri, u min-naħa l-oħra jnaqqas il-piż għall-kumpaniji biex jagħtu din l-informazzjoni.

Il-Kummissjoni se tindirizza n-nuqqas tad-data tal-kumpaniji li tkun paragunabbli u aċċessibbli għall-investituri. L-aċċess frammentat għall-informazzjoni mxerrda tal-kumpaniji u n-nuqqas ta’ klassifikazzjonijiet tal-kreditu korporattivi jiddiswadu l-investiment transfruntier u globali u jpoġġu b’mod partikolari s-swieq kapitali nazzjonali aktar żgħar fi żvantaġġ. Aċċess uniformi u mifrux fl-UE kollha għad-data tal-kumpaniji f’formati diġitali paragunabbli jnaqqas l-ispejjeż tat-tiftix għall-informazzjoni tal-investituri transfruntiera u jwessa’ l-bażi tal-investituri għall-kumpaniji. Fl-istess ħin, dan jikkontribwixxi għal integrazzjoni aħjar tas-swieq kapitali lokali aktar żgħar u jappoġġa l-irkupru. L-informazzjoni li għandha tiġi koperta jenħtieġ li tirrifletti l-ħtiġijiet tal-investituri u l-interessi ta’ firxa usa’ ta’ utenti. Għaldaqstant, dan għandu jtejjeb ukoll id-disponibbiltà u l-aċċessibbiltà tad-data relatata mas-sostenibbiltà, jiggwida aktar investimenti lejn attivitajiet sostenibbli u jikkontribwixxi biex jintlaħqu l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew.

Azzjoni 1: Il-Kummissjoni tipproponi li twaqqaf pjattaforma għall-UE kollha (punt ta’ aċċess uniku Ewropew) li tipprovdi lill-investituri b’aċċess bla xkiel għall-informazzjoni finanzjarja tal-kumpaniji u relatata mas-sostenibbiltà.

L-elenkar pubbliku huwa kkumplikat wisq u jiswa wisq, speċjalment għall-SMEs. Is-simplifikazzjoni mmirata tar-regoli eżistenti tal-elenkar se tnaqqas l-ispejjeż tal-konformità għall-SMEs u se tneħħi ostaklu kbir li jżommhom lura milli jisfruttaw is-swieq pubbliċi. Il-piż amministrattiv għoli, l-ispejjeż għoljin tal-elenkar u tal-konformità mar-regoli tal-elenkar jaqtgħu qalb ħafna kumpaniji milli jaċċessaw is-swieq pubbliċi. Dan jillimita l-firxa ta’ għażliet ta’ finanzjament disponibbli għall-kumpaniji li jixtiequ jespandu u jikbru. Dan huwa aktar u aktar rilevanti f’kuntest ta’ wara l-kriżi, fejn b’mod partikolari kumpaniji iżgħar jeħtieġ li jkollhom aċċess mingħajr xkiel għall-finanzjament tal-ekwità. Is-simplifikazzjoni kkalibrata sew tar-regoli eżistenti, filwaqt li tibni fuq il-miżuri li diġà ttieħdu taħt l-ewwel pjan ta’ azzjoni tas-CMU biex jiġu promossi aktar is-swieq tat-tkabbir tal-SMEs, se tippermetti trattament aktar proporzjonat tal-SMEs mingħajr ma tfixkel l-integrità tas-suq u l-protezzjoni tal-investituri.

Azzjoni 2: Sabiex tippromwovi u tiddiversifika l-aċċess ta’ kumpaniji żgħar u innovattivi għall-finanzjament, il-Kummissjoni se tfittex li tissimplifika r-regoli tal-elenkar għas-swieq pubbliċi.

Sabiex tikkumplimenta l-azzjoni dwar ir-regoli tal-elenkar, il-Kummissjoni se tkompli l-ħidma tagħha għall-ħolqien ta’ fond tal-IPO għall-SMEs biex tagħmilha aktar faċli għal kumpaniji żgħar u b’rata għolja ta’ tkabbir, b’mod partikolari f’setturi ta’ importanza strateġika għall-UE, biex jiġbru l-kapital u jiffinanzjaw it-tkabbir tagħhom. Il-kriżi tal-COVID-19 biddlet b’mod qawwi x-xenarju ekonomiku tal-UE u għalhekk hemm bżonn li l-ambizzjoni tiġġedded biex jiġi appoġġat il-finanzjament ta’ kumpaniji iżgħar u ta’ negozji innovattivi li qed jespandu. Dan jagħmel saħansitra aktar konvinċenti l-każ favur il-ħolqien urġenti ta’ fond ambizzjuż tal-IPO għall-SMEs.

Il-Kummissjoni se tkompli wkoll il-ħidma tagħha fuq l-appoġġ għall-iżvilupp tas-swieq pubbliċi lokali, b’mod partikolari billi teżamina kif l-indiċijiet tas-suq tal-ishma jistgħu jappoġġaw il-likwidità fl-ekwitajiet tal-SMEs.

Hemm bżonn li jiġu appoġġati aktar l-istrumenti ta’ investiment li jiggwidaw il-finanzjament lejn proġetti ta’ investiment fit-tul. Il-fondi ta’ investiment Ewropej fit-tul (ELTIFs, European long-term investment funds) huma veikoli speċjalizzati li jipprovdu dan il-finanzjament fit-tul lil kumpaniji mhux elenkati, lill-SMEs elenkati, u għal proġetti sostenibbli tal-enerġija, tat-trasport u tal-infrastruttura soċjali biex jiġi appoġġat it-tkabbir ekoloġiku. Billi attwalment jeżistu biss ftit minn dawn il-fondi pan-Ewropej, ikun xieraq li jiġi rivedut il-qafas leġiżlattiv biex jiġi ffaċilitat l-użu tagħhom. Il-bidliet fil-qafas leġiżlattiv u ż-żieda fl-inċentivi biex tintuża l-istruttura tal-fondi tal-ELTIF jistgħu jippromwovu l-introduzzjoni ta’ fondi ta’ investiment pan-Ewropej fit-tul u fl-aħħar mill-aħħar iwasslu aktar finanzjament, inkluż minn investituri fil-livell tal-konsumaqtur, fl-ekonomija reali tal-UE.

Azzjoni 3: Il-Kummissjoni se tirrieżamina l-qafas leġiżlattiv tal-fondi ta’ investiment Ewropej fit-tul 12 bil-ħsieb li tiggwida aktar il-finanzjament fit-tul lejn kumpaniji u proġetti ta’ infrastruttura, b’mod partikolari dawk li jikkontribwixxu għall-objettiv ta’ tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv.

L-ekwitizzazzjoni mill-ġdid tal-istrutturi ta’ finanzjament għandha tpoġġi lid-ditti tal-UE fuq bażi strutturalment soda u tgħin biex tiġi evitata d-dipendenza żejda fuq id-dejn, li tista’ tikkawża problemi ta’ finanzjament għall-kumpaniji fil-futur. Il-livelli ta’ dejn korporattiv diġà kienu għoljin qabel il-kriżi, u l-pandemija tal-COVID-19 ikkawżat telf konsiderevoli ta’ dħul u wasslet biex id-dejn ikompli jakkumula. Għaldaqstant, il-kumpaniji jeħtieġ li jtejbu l-pożizzjoni tal-ekwità tagħhom. L-ekwità hija partikolarment importanti fl-istadji bikrija tal-kumpaniji innovattivi li qed jikbru malajr u għall-kumpaniji li qed jespandu li jixtiequ jikkompetu globalment. Ir-rwol tal-ekwità għandu jkun ukoll aktar b’saħħtu biex titrawwem tranżizzjoni sostenibbli, billi l-proġetti li jsegwu objettivi sostenibbli jeħtieġu finanzjament għal perjodu twil ta’ żmien. Barra minn hekk, il-predispożizzjoni favur id-dejn fit-tassazzjoni għandha tiġi indirizzat biex jitneħħew l-inċentivi fiskali mhux dovuti għall-finanzjament tad-dejn.

L-inċentivar tal-investituri istituzzjonali biex jagħmlu aktar investimenti fit-tul se jkun strumentali biex tiġi appoġġata l-ekwitizzazzjoni mill-ġdid fis-settur korporattiv. L-assiguraturi huma fost l-akbar investituri istituzzjonali. Madankollu, tul dawn l-aħħar 15-il sena, kienu qed inaqqsu l-assi fit-tul, u s-sehem tal-investimenti tagħhom fl-ekonomija reali u fl-infrastruttura għadu limitat. Il-parteċipazzjoni tal-assiguraturi f’investimenti fit-tul, b’mod partikolari l-ekwità, tista’ tiġi appoġġata billi jiġi żgurat li l-qafas prudenzjali jirrifletti b’mod xieraq in-natura fit-tul tan-negozju tal-assigurazzjoni u jtaffi l-impatt tat-taqlib tas-suq fi żmien qasir fuq is-solvenza tal-assiguraturi. Barra minn hekk, ir-rwol tal-banek bħala investituri istituzzjonali jista’ jiżdied aktar billi jiġi ffaċilitat l-investiment tagħhom u billi tissaħħaħ il-kapaċità tagħhom li jibnu fuq il-bażijiet kbar ta’ klijenti tagħhom. Il-banek u d-ditti tal-investiment jenħtieġ li jkunu jistgħu jinvestu u “jiġġeneraw is-swieq” (jew jappoġġaw il-likwidità) fl-ekwità ta’ kumpanija, filwaqt li jkunu soġġetti għal trattament prudenzjali adegwat.

Azzjoni 4: Il-Kummissjoni se tfittex li tneħħi l-ostakli regolatorji għall-kumpaniji tal-assigurazzjoni biex jinvestu fit-tul, mingħajr ma ssir ħsara lill-istabbiltà finanzjarja u lill-protezzjoni tad-detenturi tal-poloz. Se tfittex ukoll li tipprovdi trattament prudenzjali xieraq ta’ investiment fl-ekwità għall-SMEs fit-tul mill-banek. Barra minn hekk, se tivvaluta l-possibbiltajiet għall-promozzjoni ta’ attivitajiet marbutin mal-ġenerazzjoni tas-suq mill-banek u minn ditti finanzjarji oħra.

Bil-klijentela wiesgħa tagħhom, il-banek għandhom il-potenzjal li jkollhom rwol saħansitra akbar fl-għoti ta’ finanzjament lill-kumpaniji - lil hinn mis-self tradizzjonali jew mill-parteċipazzjoni fl-ekwità. Fejn il-banek ma jkollhomx il-kapaċità jew ir-rieda li jipprovdu kreditu, huma jistgħu minflok jiggwidaw lill-SMEs lejn fornituri alternattivi ta’ finanzjament. Bħalissa, jekk bank jirrifjuta self lil SME, għandu jispjega r-raġuni l-għaliex irrifjuta jekk din l-SME titlob spjegazzjoni. Kieku l-bank kellu lill-SMEs miċħuda jirreferihom lil fornituri alternattivi ta’ finanzjament, dan iwassal biex dawn il-kumpaniji jiffrankaw l-ispejjeż biex ifittxu alternattivi, u biex jitkattar l-għarfien ġenerali dwar il-finanzjament ibbażat fuq is-suq. Tali riferimenti jistgħu jibnu fuq il-ħidma li diġà twettqet permezz tal-pjan ta’ azzjoni tas-CMU preċedenti biex il-banek jiġu megħjuna jsaħħu l-feedback li jagħtu meta jirrifjutaw l-applikazzjonijiet ta’ kreditu tal-SMEs.

Azzjoni 5: Il-Kummissjoni se tivvaluta l-merti u l-fattibbiltà marbutin mal-introduzzjoni ta’ rekwiżit għall-banek biex jiggwidaw lill-SMEs, li l-applikazzjoni ta’ kreditu tagħhom tkun ġiet rrifjutata, lejn fornituri ta’ finanzjament alternattiv.

Is-swieq kapitali jistgħu jgħinu wkoll lill-banek biex ikabbru l-kapaċità tagħhom li jsellfu għall-ekonomija. Il-banek jistgħu jitfgħu ftit mis-self tagħhom fuq investituri istituzzjonali, billi jbiddluh f’titoli kummerċjabbli. Dan il-proċess - magħruf bħala titolizzazzjoni - jippermetti li banek jittrasferixxu r-riskju tal-kreditu u biex jiġi lliberat kapital għall-kumpaniji f’forma ta’ self. Huwa partikolarment rilevanti fl-irkupru, meta l-banek jiġu taħt pressjoni biex jestendu l-kreditu, b’mod partikolari għall-SMEs, u b’hekk jespandu l-karti tal-bilanċ tagħhom. Jista’ wkoll jimmobilizza l-finanzjament għat-tranżizzjoni ekoloġika permezz ta’ titolizzazzjoni ekoloġika. Billi t-titolizzazzjoni timplika l-ħolqien ta’ strumenti finanzjarji li jiġbru flimkien assi individwali, din tipprovdi lill-investituri bi gwadanji sinifikanti ta’ diversifikazzjoni. Billi s-sovrażbilanċ u l-kumplessità żejda tas-swieq tat-titolizzazzjoni kkontribwew għall-aħħar kriżi finanzjarja, jeħtieġ li din l-attività tiġi rregolata b’mod adegwat. Dan l-aħħar il-Kummissjoni pproponiet emendi mmirati għar-regoli tat-titolizzazzjoni biex il-banek ikunu jistgħu jespandu s-self tagħhom u biex il-karti tal-bilanċ tagħhom bi skoperturi improduttivi jiġu lliberati. Fuq il-bażi ta’ dan, aktar aġġustamenti għar-regoli jistgħu jagħmlu s-swieq tat-titolizzazzjoni tal-UE aktar favorevoli għall-għoti ta’ kreditu, filwaqt li jippreservaw l-istabbiltà finanzjarja tal-UE.

Azzjoni 6: Sabiex jespandi s-suq tat-titolizzazzjoni fl-UE, il-Kummissjoni se tirrieżamina l-qafas regolatorju attwali tat-titolizzazzjoni biex ittejjeb l-għoti ta’ kreditu tal-banek għall-kumpaniji tal-UE, b’mod partikolari għall-SMEs 13 .

2.L-UE se ssir saħansitra post aktar sikur għall-individwi, biex ifaddlu u jinvestu fit-tul

L-Ewropa għandha waħda mill-ogħla rati ta’ tfaddil individwali fid-dinja. Madankollu, il-livell ta’ parteċipazzjoni tal-investituri fil-livell tal-konsumatur fis-swieq kapitali għadu baxx ħafna apparagun ta’ ekonomiji oħra. Dan iċaħħad lill-kumpaniji tal-UE u lill-ekonomija tal-UE b’mod ġenerali, mill-investiment fit-tul tant meħtieġ. Dan ukoll ma jaqdix l-interessi ta’ persuni li t-tfaddil tagħhom jiġġenera rati tal-imgħax reali baxxi jew saħansitra negattivi. L-investituri individwali li minkejja kollox jinvestu fis-swieq kapitali tal-UE jenħtieġ li, f’diversi każijiet, ikunu jistgħu jirċievu redditi ogħla milli huwa l-każ bħalissa. Bħalissa, l-investituri fil-livell tal-konsumatur ma jibbenefikawx biżżejjed mill-opportunitajiet ta’ investiment offruti mis-swieq kapitali u ma jistgħux jindirizzaw b’mod adegwat il-ħtiġijiet tal-irtirar tagħhom.

Il-qafas leġiżlattiv jenħtieġ li jirfed l-eżitu ta’ investiment ġust għall-investituri fil-livell tal-konsumatur, jikkontribwixxi għall-bini tal-fiduċja fis-swieq kapitali u jixpruna l-parteċipazzjoni tagħhom. Iż-żieda fil-parteċipazzjoni tal-investituri fil-livell tal-konsumatur se tagħmilha possibbli li t-tfaddil fit-tul jiġi ggwidat lejn il-kumpaniji, filwaqt li jitjieb l-aċċess tagħhom għall-finanzjament, jitħaffef l-irkupru ekonomiku u titħaffef it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali.

Il-pandemija u l-volatilità tas-suq tal-ishma li segwew affettwaw il-fiduċja tal-investituri individwali fis-swieq kapitali, u ħallew impatt fuq l-investiment fit-tul. Dawn iggwidaw lill-unitajiet domestiċi avversi għar-riskju lura lejn id-depożiti bankarji. Fi żmien meta aktar pressjoni fuq l-infiq pubbliku qed ddgħajjef is-sostenibbiltà tal-pensjonijiet statutorji, ir-rikors għal pools tal-pensjonijiet iffinanzjati privatament qed isir aktar importanti.

Hemm diversi raġunijiet għall-parteċipazzjoni limitata tal-investituri fil-livell tal-konsumatur fis-swieq kapitali. Il-komparabilità limitata ta’ prodotti ta’ investiment simili li huma rregolati minn leġiżlazzjoni differenti u li għalhekk huma soġġetti għal rekwiżiti ta’ żvelar differenti, timpedixxi lill-investituri individwali milli jagħmlu għażliet informati ta’ investiment. Fl-istess ħin, l-istruttura u l-karatteristiċi attwali tas-sistemi ta’ distribuzzjoni bl-imnut spiss mhumiex kompetittivi u kosteffettivi biżżejjed.

Il-litteriżmu finanzjarju huwa ħila li hija essenzjali sabiex jittieħdu deċiżjonijiet tajbin dwar il-finanzi personali, madankollu bosta nies għad ma għandhomx din il-ħila. Il-litteriżmu finanzjarju sod huwa l-bażi biex in-nies ikunu kapaċi jieħdu deċiżjonijiet finanzjarji tajbin u l-bażi tas-saħħa finanzjarja tagħhom. Il-persuni li huma infurmati fuq livell finanzjarju x’aktarx li jieħdu wkoll vantaġġ mill-possibbiltajiet ipprovduti mis-swieq kapitali, inkluż minn investimenti sostenibbli.

Azzjoni 7: Il-Kummissjoni se twettaq valutazzjoni tal-fattibbiltà għall-iżvilupp ta’ qafas Ewropew ta’ kompetenza finanzjarja. Se tivvaluta wkoll il-possibbiltà li tintroduċi rekwiżit għall-Istati Membri biex jippromwovu miżuri ta’ tagħlim li jappoġġaw l-edukazzjoni finanzjarja, b’mod partikolari fir-rigward ta’ investiment responsabbli u investiment fit-tul.

Filwaqt li l-litteriżmu finanzjarju huwa essenzjali għat-teħid ta’ deċiżjonijiet effettivi, l-investituri fil-livell tal-konsumatur jenħtieġ li jkunu wkoll protetti b’mod xieraq mill-kumplessitajiet tas-sistema finanzjarja. Ir-regoli tal-UE diġà poġġew salvagwardji biex l-investituri jiġu protetti, inkluż permezz tal-għoti ta’ informazzjoni dwar il-prodotti finanzjarji. Madankollu, id-dokumenti magħmula skont regoli differenti ta’ spiss jitqiesu bħala twal, kumplessi, diffiċli biex jinftiehmu, qarrieqa u inkonsistenti, u għalhekk ma jipprovdux lill-investituri fil-livell tal-konsumatur b’bażi tajba għad-deċiżjonijiet tagħhom.

Dawn id-dokumenti jistgħu jirriżultaw ukoll f’eċċess ta’ informazzjoni għal investituri sofistikati li jista’ ma jkollhomx bżonn tal-istess informazzjoni u salvagwardji bħall-investituri mingħajr esperjenza. Huwa ta’ piż bla bżonn għall-fornituri tas-servizzi finanzjarji li jipproduċu dawn id-dokumenti. Barra minn hekk, hemm tħassib li l-inċentivi mħallsa mill-manifatturi tal-prodotti ta’ investiment lid-distributuri jistgħu joħolqu kunflitti ta’ interess li jaffettwaw b’mod negattiv il-kwalità u l-oġġettività tal-konsulenti finanzjarji minkejja s-salvagwardji eżistenti.

Il-konsulenti finanzjarji għandhom ir-rwol kritiku ta’ gwardjani tas-sistema finanzjarja. Madankollu, il-livell ta’ kwalifiki, għarfien u ħiliet tagħhom għadu jvarja bejn l-Istati Membri. Sabiex jitnaqqas ir-riskju ta’ bejgħ inadatt, inkluż fir-rigward tas-sostenibbiltà, sabiex tiżdied il-fiduċja tal-investituri individwali fil-pariri u jinħolqu kundizzjonijiet ekwi għall-operaturi tas-suq li joffru pariri fi Stati Membri differenti, jenħtieġ li jiġu stabbiliti jew imtejba ċerti standards professjonali għall-konsulenti.

Azzjoni 8: Il-Kummissjoni se tivvaluta r-regoli applikabbli fil-qasam tal-inċentivi u tad-divulgazzjoni u, fejn meħtieġ, tipproponi li temenda l-qafas legali eżistenti għall-investituri fil-livell tal-konsumatur biex jirċievu pariri ġusti u informazzjoni ċara u paragunabbli dwar il-prodott. Se tipproponi wkoll dwar kif titnaqqas l-informazzjoni żejda għall-investituri esperjenzati fil-livell tal-konsumatur u dan ikun soġġett għas-salvagwardji xierqa. Fl-aħħar nett, se tfittex li ttejjeb il-livell tal-kwalifiki professjonali għall-konsulenti fl-UE u tivvaluta l-fattibbiltà tal-istabbiliment ta’ tikketta pan-Ewropea għall-konsulenti finanzjarji.

Il-popolazzjoni tal-UE qed tixjieħ 14 . Bi stennija tal-għomor itwal, in-nies jeħtieġu dejjem aktar jinvestu fit-tul sabiex jiksbu redditi sostenibbli ogħla u introjtu komplementari xieraq għal meta jirtiraw. Il-konsumaturi qed jiġu offruti l-għażla l-ġdida pan-Ewropea li jfaddlu għall-irtirar, il-prodott tal-pensjoni personali pan-Ewropew (PEPP, pan-European personal pension product) diġà huwa pass importanti f’din id-direzzjoni. Filwaqt li jikkomplementaw l-għodod ta’ monitoraġġ eżistenti b’informazzjoni aktar dettaljata dwar l-iskemi tal-pensjonijiet okkupazzjonali, it-tabelli tal-pensjonijiet se jipprovdu lill-Istati Membri b’perspettiva aktar komprensiva tal-adegwatezza tas-sistemi tal-pensjonijiet tagħhom, filwaqt li jħeġġuhom jindirizzaw in-nuqqasijiet u jikkondividu l-aħjar prattiki. Is-sistemi individwali tat-traċċar tal-pensjoni se jipprovdu liċ-ċittadini b’ħarsa ġenerali lejn l-introjtu tal-irtirar futur tagħhom, fuq il-bażi tal-intitolamenti tagħhom fl-iskemi tal-pensjoni kollha li jipparteċipaw fihom jew ir-redditu mistenni tal-prodotti fit-tul li jinvestu fihom. In-nies jenħtieġ li jiġu mħeġġa jissupplimentaw il-pensjonijiet pubbliċi bi tfaddil u investiment tul il-ħajja, inkluż permezz ta’ parteċipazzjoni aktar attiva fl-iskemi tal-pensjonijiet okkupazzjonali. Dan se jippermettilhom jibbenefikaw minn introjtu tal-irtirar aktar adegwat u jagħmilha possibbli li jiġi ffinanzjat t-tkabbir fit-tul tal-ekonomija reali kif ukoll it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali tagħha.

Azzjoni 9:  Il-Kummissjoni se tiffaċilita l-monitoraġġ tal-adegwatezza tal-pensjonijiet fl-Istati Membri permezz tal-iżvilupp ta’ tabelli tal-pensjonijiet. Se tiżviluppa wkoll l-aħjar prattiki għat-twaqqif ta’ sistemi nazzjonali ta’ traċċar għall-Ewropej individwali. Fl-aħħar nett, se tniedi studju biex tanalizza prattiki ta’ reġistrazzjoni awtomatika filwaqt li tista’ tanalizza prattiki oħra biex tixpruna l-parteċipazzjoni fi skemi ta’ pensjonijiet okkupazzjonali, bil-ħsieb li jiġu żviluppati l-aħjar prattiki għal sistemi bħal dawn fl-Istati Membri.

3.l-integrazzjoni tas-swieq kapitali nazzjonali f’suq uniku ġenwin.

Il-livell tas-swieq kapitali tal-Ewropa ma jaqbilx mal-importanza tal-ekonomija tagħha, u hemm biżżejjed lok biex jiżdied ir-rwol tal-euro bħala munita internazzjonali. Barra minn hekk, is-swieq kapitali Ewropej għadhom frammentati f’linji nazzjonali. Dan jimpedixxi lill-atturi ta’ swieq lokali iżgħar mill-benefiċċji tal-integrazzjoni, b’mod partikolari l-aċċess għal bażi ta’ investituri kbira. Billi l-benefiċċji tas-swieq fuq skala akbar għadhom mhumiex sfruttati biżżejjed, l-atturi finanzjarji tal-UE huma żvantaġġati meta mqabbla mal-pari globali tagħhom. Il-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE jinvolvi r-rilokazzjoni ta’ partijiet tal-industrija finanzjarja u jwassal għal arkitettura finanzjarja b’diversi ċentri. Għalhekk huwa essenzjali li jiġi żgurat l-aħjar fluss ta’ informazzjoni u ta’ kapital fl-UE.

Bil-miżuri mħabbra f’din it-taqsima, il-Kummissjoni għandha l-għan li tindirizza l-ostakli ewlenin li fadal għall-integrazzjoni tas-suq. Dawn il-miżuri, filwaqt li jibnu fuq il-progress li sar permezz tal-pjan ta’ azzjoni preċedenti, ifittxu li jindirizzaw l-ostakli relatati ma’ oqfsa legali jew ostakli xprunati minn prattiki nazzjonali li ilhom stabbiliti. Dan huwa partikolarment il-każ fil-qasam tat-tassazzjoni, tal-insolvenza mhux bankarja u tal-liġi tal-kumpaniji. F’dawn l-oqsma, il-Kummissjoni tipproponi azzjonijiet immirati, li jiffukaw fuq l-aktar ostakli importanti li jikkawżaw il-frammentazzjoni tas-suq u jiskoraġġixxu l-investiment transfruntier.

It-tassazzjoni tista’ tippreżenta ostaklu serju għall-investiment transfruntier. Madankollu, it-tnaqqis tal-piż assoċjat mat-taxxa fl-investiment transfruntier mhux neċessarjament jirrikjedi l-armonizzazzjoni tal-kodiċijiet jew tar-rati tat-taxxa. Piż sinifikanti attribwit lit-tassazzjoni huwa kkawżat minn proċeduri ta’ rifużjoni tat-taxxa miżmuma f’każijiet ta’ investiment transfruntier li huma diverġenti, ta’ piż, twal u suxxettibbli għall-frodi. Dawn il-proċeduri jwasslu għal spejjeż konsiderevoli li jiskoraġġixxu l-investiment transfruntier fejn it-taxxi għar-redditu fuq l-investiment jeħtieġ li jitħallsu kemm fl-Istati Membri tal-investiment kif ukoll tal-investitur, u jiġu rimborżati biss wara, wara proċess twil u li jiswa. Is-sistema eżistenti tal-OECD tal-“ħelsien mit-taxxa skont it-trattati u t-tisħiħ tal-konformità” (TRACE, treaty relief and compliance enhancement) 15 u inizjattivi oħra tal-UE f’dan il-qasam, bħall-kodiċi ta’ kondotta dwar it-taxxa minn ras il-għajn, diġà jipprovdu orjentazzjoni dwar kif jista’ jidher il-mekkaniżmu li jiffaċilita u jħaffef ir-rifużjonijiet tat-taxxa.

Azzjoni 10: Sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż għall-investituri transfruntiera u tiġi evitata l-frodi tat-taxxa, il-Kummissjoni se tipproponi sistema komuni, standardizzata u għall-UE kollha għall-ħelsien mit-taxxa minn ras il-għajn.

Id-diverġenzi qawwija bejn ir-reġimi nazzjonali ta’ insolvenza hija ostaklu strutturali li ilu jeżisti għall-investiment transfruntier. Reġimi nazzjonali diverġenti u xi drabi ineffiċjenti jagħmluha diffiċli għall-investituri transfruntiera li jantiċipaw it-tul ta’ żmien u l-eżitu tal-proċedimenti għall-irkupru tal-valur f’każijiet ta’ falliment, u dan jagħmilha diffiċli biex ir-riskji jiġu pprezzati b’mod adegwat, b’mod partikolari għall-istrumenti tad-dejn. L-armonizzazzjoni ta’ ċerti oqsma mmirati tar-regoli nazzjonali dwar l-insolvenza jew il-konverġenza tagħhom tista’ ttejjeb iċ-ċertezza legali. Barra minn hekk, il-monitoraġġ regolari tal-effiċjenza tar-reġimi nazzjonali ta’ insolvenza jippermetti lill-Istati Membri li jqabblu r-reġimi ta’ insolvenza tagħhom ma’ dawk fi Stati Membri oħra u jinkoraġġixxi lill-Istati Membri b’reġimi bi prestazzjoni baxxa biex jirriformawhom. Ir-riżultati tal-monitoraġġ jistgħu jikkontribwixxu wkoll għall-proċess tas-Semestru Ewropew.

Azzjoni 11: Sabiex l-eżiti tal-proċedimenti ta’ insolvenza jkunu aktar prevedibbli, il-Kummissjoni se tieħu inizjattiva leġiżlattiva jew mhux leġiżlattiva għal armonizzazzjoni minima jew għal aktar konverġenza f’oqsma mmirati tal-liġi dwar l-insolvenza mhux bankarja. Barra minn hekk, flimkien mal-Awtorità Bankarja Ewropea, il-Kummissjoni se tesplora l-possibbiltajiet biex ittejjeb ir-rappurtar tad-data sabiex tippermetti valutazzjoni regolari tal-effettività tar-reġimi nazzjonali dwar l-infurzar tas-self.

L-Ewropej, speċjalment iż-żgħażagħ dejjem jixtiequ aktar isemmgħu leħinhom dwar kif qed jitmexxew il-kumpaniji, b’mod partikolari fir-rigward ta’ kwistjonijiet ta’ sostenibbiltà. Għaldaqstant l-involviment tal-azzjonisti jrid ikompli jiġi ffaċilitat billi l-votazzjoni ssir aktar faċli għall-investituri kollha u billi l-azzjonijiet korporattivi jsiru aktar effiċjenti, b’mod partikolari f’kuntest transfruntier. Minħabba d-differenzi fil-liġijiet nazzjonali tal-kumpaniji, ħafna investituri tranfruntiera – b’mod partikolari dawk iżgħar – ma jistgħux jeżerċitaw id-drittijiet tal-vot tagħhom. Il-ġestjoni ta’ proċeduri ta’ azzjonijiet korporattivi kumplessi u diverġenti, pereżempju l-organizzazzjoni tal-laqgħat ġenerali tal-kumpaniji jew biex tintbagħat informazzjoni bejn l-emittenti u l-investituri, hija diffiċli u tiswa l-flus bla bżonn. Bidliet leġiżlattivi mmirati flimkien mal-użu ta’ teknoloġija diġitali ġdida għandhom itejbu din is-sitwazzjoni.

Azzjoni 12: Biex tiffaċilita l-involviment transfruntier tal-investituri, il-Kummissjoni se tikkunsidra li tintroduċi d-definizzjoni tal-UE ta’ “azzjonist” kif ukoll tkompli tiċċara u tarmonizza r-regoli li jirregolaw l-interazzjoni ta’ bejn l-investituri, l-intermedjarji u l-emittenti. Se teżamina wkoll l-ostakli nazzjonali possibbli għall-użu ta’ teknoloġiji diġitali ġodda f’dan il-qasam.

L-ambjent Ewropew ta’ wara n-negozjar għadu frammentat f’linji nazzjonali, u dan ixekkel l-investiment transfruntier. L-emendi fir-regoli li permezz tagħhom id-depożitorji ċentrali tat-titoli (CSDs, central securities depositories) jistgħu jipprovdu servizzi ta’ saldu transfruntier u l-funzjonament tal-passaport transfruntier tas-CSD jistgħu jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta’ ambjent aktar integrat ta’ wara n-negozjar fl-UE. Il-kompetizzjoni msaħħa sussegwenti fost il-fornituri ta’ servizzi tas-saldu tnaqqas l-ispejjeż li jġarrbu l-investituri u l-kumpaniji fit-tranżazzjonijiet transfruntiera u ssaħħaħ l-investiment transfruntier.

Azzjoni 13: Il-Kummissjoni se tikkunsidra li temenda r-regoli biex ittejjeb il-forniment transfruntier ta’ servizzi ta’ saldu fl-UE.

Suq uniku veru ma jistax jeżisti mingħajr viżjoni aktar integrata tal-kummerċ tal-UE. Tape konsolidat se jipprovdi data konsolidata dwar il-prezzijiet u l-volum tat-titoli nnegozjati fl-UE, u b’hekk titjieb it-trasparenza kumplessiva tal-prezzijiet fiċ-ċentri tan-negozjar. Dan itejjeb ukoll il-kompetizzjoni bejn iċ-ċentri tan-negozjar. Flimkien mal-punt ta’ dħul waħdieni għall-informazzjoni tal-kumpaniji (l-Azzjoni 1), dan jagħti lill-investituri aċċess għal informazzjoni ferm mtejba fuq livell pan-Ewropew.

Azzjoni 14: Il-Kummissjoni se tipproponi l-ħolqien ta’ tejp konsolidat effettiv u komprensiv ta’ wara n-negozjar għal ekwità u strumenti finanzjarji simili għall-ekwità.

Il-fiduċja tal-investituri fir-regoli li jipproteġu l-investimenti transfruntiera tagħhom, kif ukoll fl-infurzar effettiv ta’ dawn ir-regoli, hija essenzjali biex ikunu mħeġġa jinvestu fi Stat Membru ieħor. Id-dibattitu xprunat mit-temma tat-Trattati Bilaterali dwar l-Investiment intra-UE 16 wera kemm huwa importanti li tiġi rieżaminata s-sistema ta’ protezzjoni u faċilitazzjoni tal-investiment fl-UE.  Meta l-investituri transfruntiera jeżerċitaw waħda mil-libertajiet fundamentali ggarantita mid-dritt tal-UE, huma jibbenefikaw mill-protezzjoni tad-dritt tal-UE, inkluża l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE. It-titjib, l-immodernizzar u l-armonizzazzjoni kemm jista’ jkun tar-regoli li jikkontribwixxu għall-protezzjoni tal-investimenti transfruntiera huma meħtieġa sabiex jiġi xprunat aktar investiment transfruntier fl-UE. Protezzjoni aktar konsistenti tal-investiment fil-konfront ta’ miżuri tal-Istat tgħin il-fluss liberu tal-investiment fl-Ewropa u tikkontribwixxi għall-finanzjament tal-irkupru, b’mod partikolari f’pajjiżi li ntlaqtu l-aktar mill-kriżi u fejn il-ħtiġijiet ta’ investiment huma għalhekk l-akbar. Mekkaniżmi mtejba għas-soluzzjoni tat-tilwim fil-livell nazzjonali u tal-UE u miżuri oħra bħal, pereżempju, il-ġbir ta’ informazzjoni dwar id-drittijiet legali tal-investituri, jkomplu jiffaċilitaw l-investiment transfruntier.

Azzjoni 15: Il-Kummissjoni tipproponi li ssaħħaħ il-protezzjoni tal-investiment u l-qafas ta’ faċilitazzjoni fl-UE.

Hija meħtieġa superviżjoni verament integrata u konverġenti biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi ġenwini għall-atturi kollha tas-suq. Hija kundizzjoni essenzjali biex is-CMU tiffunzjona tajjeb. Dan se jkun partikolarment rilevanti f’dinja ta’ wara l-Brexit b’diversi ċentri finanzjarji fl-UE. Se jkun indispensabbli l-progress gradwali fis-superviżjoni aktar integrata tas-swieq kapitali. F’suq uniku, l-impatt tal-falliment superviżorju f’livell nazzjonali jestendi ferm lil hinn mill-fruntieri ta’ Stat Membru wieħed. Is-superviżuri nazzjonali kif ukoll Ewropej jeħtieġ li jkollhom l-għodod, il-ħiliet u s-setgħat meħtieġa biex jissorveljaw ktajjen tal-valur kumplessi u strutturi ta’ gruppi kif ukoll biex jinvestigaw il-każijiet possibbli ta’ frodi jew abbuż, b’mod partikolari fir-rigward ta’ kumpaniji elenkati pubblikament u r-responsabbiltajiet tal-awdituri. It-tranżizzjoni lejn superviżjoni tal-UE li tkun aktar konverġenti u integratata jenħtieġ li tibda billi ssir ħidma għal ġabra unika ta’ regoli mtejba tas-swieq kapitali, ġabra unika ta’ regoli applikabbli direttament fl-UE u mbagħad billi jitqiesu modi biex jiġi żgurat li l-awtoritajiet nazzjonali u l-ESMA jaħdmu flimkien biex jiżguraw li s-superviżjoni nazzjonali tqis ukoll id-dimensjoni Ewropea tas-suq.

Azzjoni 16: Il-Kummissjoni se taħdem lejn ġabra unika ta’ regoli mtejba għas-swieq kapitali billi tivvaluta l-ħtieġa għal aktar armonizzazzjoni tar-regoli tal-UE u timmonitorja l-progress lejn konverġenza superviżorja. Se tieħu kont ta’ dak li nkiseb fir-raba’ trimestru tal-2021 u se tikkunsidra li tipproponi miżuri għall-koordinazzjoni superviżorja aktar b’saħħitha jew superviżjoni diretta mill-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej. 

Il-Kummissjoni se tivvaluta wkoll bir-reqqa l-implikazzjonijiet tal-każ Wirecard għar-regolamentazzjoni u s-superviżjoni tas-swieq kapitali tal-UE u se taġixxi biex tindirizza kull nuqqas li jiġi identifikat fil-qafas legali tal-UE.

KONKLUŻJONI 

It-twaqqif tal-unjoni tas-swieq kapitali huwa essenzjali biex jiġi appoġġat rkupru ekonomiku reżiljenti u inklużiv, u għat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali. Huwa proġett fit-tul li jeħtieġ sforzi kontinwi u determinati. Biex isir progress fis-CMU jeħtieġ li jingħelbu l-ostakli maħluqa mid-differenzi nazzjonali, id-drawwiet stabbiliti u t-tradizzjonijiet legali. Is-CMU ma tistax tinbena f’daqqa. Huwa għalhekk li dan il-pjan ta’ azzjoni ma jistabbilixxix prijorità waħda, iżda pjuttost jindika għadd ta’ urġenzi u sfidi strutturali.

L-UE għamlet progress sinifikanti fl-implimentazzjoni tal-ewwel pjan ta’ azzjoni tas-CMU: il-biċċa l-kbira tal-proposti leġiżlattivi kien hemm qbil dwarhom, u l-miżuri mhux leġiżlattivi tlestew. Il-benefiċċji ta’ dawn il-miżuri fuq il-post għad ma jistgħux jitkejlu b’mod sħiħ, iżda x-xogħol ta’ bażi tlesta. Il-miżuri mħabbra f’dan il-pjan ta’ azzjoni se jkomplu jittrasformaw is-sistema finanzjarja tal-UE u jikkontribwixxu biex jiġu indirizzati l-isfidi politiċi u ekonomiċi tal-ġejjieni. Individwalment, kull azzjoni tirrappreżenta ħolqa oħra mill-katina: pass ’il quddiem f’oqsma fejn il-progress kien kajman jew fejn hija meħtieġa aktar ħidma biex isseħħ l-Unjoni tas-Swieq Kapitali. Meħuda flimkien, dawn iqarrbu lill-UE lejn il-viżjoni tas-CMU: suq uniku għall-kapital fl-UE li jaħdem għall-Ewropej kollha, jgħixu fejn jgħixu u jaħdmu fejn jaħdmu.

Dan jeħtieġ appoġġ mill-Parlament Ewropew u mill-Istati Membri fl-ogħla livell u minn esperti tekniċi fl-amministrazzjoni pubblika. Dan jirrikjedi wkoll li l-parteċipanti tas-suq jagħmlu użu tajjeb mill-miżuri. L-UE tista’ toffri għodod u tistabbilixxi kundizzjonijiet ta’ appoġġ, madankollu hija r-responsabbiltà tal-awtoritajiet nazzjonali li jimplimentawhom fil-post, u tal-atturi privati li jieħdu l-inizjattiva, jaħtfu l-opportunitajiet ta’ negozju u jinnovaw ruħhom.

Il-Kummissjoni se tibda taħdem fuq l-azzjonijiet imħabbra f’dan il-pjan ta’ azzjoni billi dalwaqt tniedi konsultazzjonijiet pubbliċi dwar il-qafas legali għall-fondi ta’ investiment Ewropej fit-tul u dwar l-insolvenza mhux bankarja.

Fil-ħidma futura tagħha dwar l-azzjonijiet, il-Kummissjoni se taġixxi f’konformità sħiħa mar-regoli ta’ regolamentazzjoni aħjar u mal-objettiv ta’ simplifikazzjoni (ir-regola ta’ “one in, one out”), u d-diskussjonijiet se jkunu inklużivi, filwaqt li tagħti biżżejjed spazju biex jinstema’ kulħadd. Għandha wkoll l-għan li tanalizza l-bidliet leġiżlattivi, mhux waħidhom iżda fil-kuntest tal-ħtiġijiet ekonomiċi, politiċi u tas-soċjetà. Fl-aħħar nett, issa li t-triq lejn is-CMU hija fermament stabbilita u l-fimpatt tal-ewwel pjan ta’ azzjoni huwa mistenni li jidher fid-data, il-Kummissjoni se tikkumplimenta r-rappurtar regolari tagħha tal-progress dwar l-azzjoni leġiżlattiva b’monitoraġġ ta’ kif is-swieq kapitali tal-UE qed jevolvu abbażi ta’ ġabra ta’ indikaturi mmirati.

(1)

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-approfondiment tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali (il-5 ta’ Diċembru 2019) – 14815/19

(2)

Rapport tal-Parlament Ewropew dwar “L-iżvilupp ulterjuri tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali (CMU): it-titjib tal-aċċess għall-finanzjament tas-suq kapitali, b’mod partikolari mill-SMEs, filwaqt li tkompli tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni tal-investituri fil-livell tal-konsumatur”, 2020/2036 (INI).

(3)

 Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Pjan ta’ Azzjoni għall-Bini ta’ Unjoni tas-Swieq Kapitali”, COM/2015/0468 final.

(4)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, “Il-Patt Ekoloġiku Ewropew”, COM/2019/640 final.

(5)

  Rapport finali tal-forum ta’ livell għoli dwar l-Unjoni tas-Swieq Kapitali, “Viżjoni ġdida għas-swieq kapitali tal-Ewropa”   https://ec.europa.eu/info/files/200610-cmu-high-level-forum-final-report_en .

(6)

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, “Il-mument tal-Ewropa: Tiswija u Tħejjija għall-Ġenerazzjoni li Jmiss”, COM/2020/456/final.

(7)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “It-Tisħiħ tal-Ambizzjoni Klimatika tal-Ewropa għall-2030”, COM(2020) 562 final.

(8)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, “L-Istrateġija Finanzjarja Diġitali għall-Ewropa”, COM(2020) 591

(9)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni “Strateġija għall-SMEs għal Ewropa sostenibbli u diġitali”, COM(2020) 103 final.

(10)

Il-Kummissjoni se tadotta proposta leġiżlattiva li taġġorna r-regoli tal-VAT fuq is-servizzi finanzjarji fl-2021.

(11)

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, “Ir-Rieżami ta’ Nofs it-Terminu tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali, COM(2017) 292 final.

(12)

Ir-Regolament dwar il-Fondi ta’ Investiment Ewropej fuq terminu twil (UE) 2015/760.

(13)

Minbarra t-tisħiħ tas-suq tat-titolizzazzjoni, il-Kummissjoni se tkompli tivvaluta l-possibbiltà li tintroduċi strument ta’ rikors doppju msemmi Noti Garantiti Ewropej. Kif stabbilit fid-Direttiva (UE) 2019/2162 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 dwar il-ħruġ ta’ bonds koperti u s-superviżjoni pubblika ta’ bonds koperti, hija se tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sat-8 ta’ Lulju 2024.

(14)

  Ara r-rapport tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-impatt tal-bidla demografika tal-2020 .

(15)

  https://www.oecd.org/ctp/exchange-of-tax-information/aboutthetracegroup.htm

(16)

https://ec.europa.eu/info/publication/200505-bilateral-investment-treaties-agreement_en


Brussell, 24.9.2020

COM(2020) 590 final

ANNESS

tal-

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Unjoni tas-Swieq Kapitali għall-persuni u n-negożji - pjan ta' azzjoni ġdid


Anness 1: Lista ta’ azzjonijiet u skeda indikattiva

I.Miżuri għall-appoġġ ta’ irkupru ekonomiku ekoloġiku, diġitali, inklużiv u reżiljenti billi nagħmlu l-finanzjament aktar aċċessibbli għall-kumpaniji

Azzjoni 1: Nagħmlu l-kumpaniji aktar viżibbli għall-investituri transfruntiera

Il-Kummissjoni se tadotta proposta leġiżlattiva fit-tielet trimestru tal-2021 biex tistabbilixxi punt ta’ aċċess uniku Ewropew (ESAP, European single access point). Din il-pjattaforma għandha tipprovdi aċċess bla xkiel fl-UE kollha għall-informazzjoni rilevanti kollha (inkluża informazzjoni finanzjarja u relatata mas-sostenibbiltà) divulgata lill-pubbliku minn kumpaniji, inklużi kumpaniji finanzjarji.

Fit-tielet trimestru tal-2021

Jenħtieġ li l-informazzjoni li għandha tiġi koperta tirrifletti l-ħtiġijiet tal-investituri u l-interessi tal-firxa usa’ tal-utenti, inklużi l-intermedjarji finanzjarji u s-soċjetà ċivili. Għalhekk, din il-pjattaforma jenħtieġ li ttejjeb ukoll id-disponibbiltà u l-aċċessibbiltà tad-data relatata mas-sostenibbiltà, tidderieġi aktar investimenti lejn attivitajiet sostenibbli u tikkontribwixxi biex jintlaħqu l-objettivi tal-Patt Ekoloġiku Ewropew 1 .

Il-pjattaforma tibni fuq il-proġett pilota ta’ portal ta’ trasparenza finanzjarja Ewropew 2 (EFTG, European financial transparency gateway) u se tkun komplementari għas-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri kummerċjali 3 (BRIS, business registers interconnection system), iżda mhux se tbiddel il-funzjonijiet tagħha. Il-proposta leġiżlattiva tinvolvi s-simplifikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE 4 dwar id-divulgazzjoni ta’ data tal-kumpaniji lill-pubbliku. Sa fejn ikun possibbli, din il-pjattaforma tibni fuq l-infrastruttura tal-IT eżistenti tal-UE u nazzjonali (bażijiet tad-data, reġistri) sabiex jiġi evitat li jiżdied il-piż tar-rappurtar tal-kumpaniji. L-informazzjoni kollha tiġi pprovduta f’formati diġitali komparabbli. Id-dettalji dwar il-kopertura tal-informazzjoni, il-governanza u l-mudell ta’ negozju tal-pjattaforma għad iridu jiġu deċiżi.

Azzjoni 2: Nappoġġaw l-aċċess għas-swieq pubbliċi

Sabiex tippromwovi u tiddiversifika l-aċċess ta’ kumpaniji żgħar u innovattivi għall-finanzjament, il-Kummissjoni se tivvaluta, sar-raba’ trimestru tal-2021, jekk ir-regoli tal-elenkar għas-swieq pubbliċi (kemm is-swieq tat-tkabbir tal-SME kif ukoll is-swieq regolati) jistgħux jiġu ssimplifikati aktar.

Sar-raba’ trimestru tal-2021

Il-valutazzjoni tiffoka b’mod partikolari fuq: (i) l-adegwatezza u l-konsistenza tad-definizzjoni ta’ SME fil-leġiżlazzjoni finanzjarja, (ii) is-simplifikazzjoni potenzjali tar-reġim tal-abbuż tas-suq, u (iii) il-merti tal-introduzzjoni ta’ dispożizzjonijiet tranżitorji għall-emittenti tal-ewwel darba fis-swieq regolati u fis-swieq tat-tkabbir tal-SME.

Azzjoni 3: Nappoġġaw mezzi għal investiment fit-tul

Il-Kummissjoni se tadotta proposta għal rieżami tar-Regolament ELTIF 5 , sat-tielet trimestru tal-2021, li jibni fuq ir-riżultati ta’ konsultazzjoni pubblika mnedija fl-2020 u ta’ valutazzjoni tal-impatt.

Sat-tielet trimestru tal-2021

Ir-rieżami, fost oħrajn, se jħares lejn: (i) il-politika ta’ rimborż u t-tul tal-ħajja ta’ ELTIFs; (ii) il-punt sa fejn l-ELTIFs jiġu kkummerċjalizzati fl-UE; (iii) l-adegwatezza tal-limitazzjonijiet tal-investiment għall-investituri fil-livell tal-konsumatur, u; (iv) il-punt sa fejn jenħtieġ li jiġu aġġornati l-lista ta’ assi u investimenti eliġibbli, kif ukoll ir-regoli ta’ diversifikazzjoni, il-kompożizzjoni tal-portafoll u l-limiti dwar is-self ta’ flus.

Azzjoni 4: Ninkoraġġixxu aktar il-finanzjament fit-tul u ta’ ekwità minn investituri istituzzjonali

A.Bħala parti mir-rieżami ta’ Solvibbiltà II 6 , sat-tielet trimestru tal-2021, il-Kummissjoni se tivvaluta jekk il-qafas legali jistax jiġi emendat biex jippromwovi aktar l-investiment fit-tul minn kumpaniji tal-assigurazzjoni, mingħajr ma jagħmel ħsara lill-istabbiltà finanzjarja u l-protezzjoni tad-detentur tal-polza. 

Sat-tielet trimestru tal-2021

Ir-rieżami ta’ Solvibbiltà II se jivvaluta b’mod partikolari l-adegwatezza tal-kriterji ta’ eliġibbiltà għall-klassi tal-assi ta’ ekwità fit-tul, il-kalkolu tal-marġni ta’ riskju, u l-valutazzjoni tal-obbligazzjonijiet tal-assiguraturi, bil-għan kemm li tiġi evitata mġiba proċiklika mhux dovuta kif ukoll li tiġi riflessa aħjar in-natura fit-tul tan-negozju tal-assigurazzjoni.

B.Fil-ħidma tagħha fl-implimentazzjoni ta’ Basel III, waqt ir-rieżami tar-Regolament 7 /Direttiva 8 dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital (prevista għall-adozzjoni sal-ewwel trimestru tal-2021), il-Kummissjoni se tapplika l-flessibbiltà inkorporata f’Basel III biex tiżgura t-trattament prudenzjali xieraq ta’ investimenti fit-tul u ta’ ekwità tal-SMEs mill-banek.

Sal-ewwel trimestru tal-2021

Ir-rieżami tas-CRR/CRD għandu l-għan li jevita li l-implimentazzjoni ta’ Basel III ikollha impatt mhux dovut fl-investiment tal-banek f’ekwita fit-tul tal-SMEs kif ukoll fl-attività ta’ ġenerazzjoni tas-suq tal-banek u d-ditti tal-investiment.

Azzjoni 5: Nidderieġu l-SMEs lejn fornituri alternattivi ta’ finanzjament

Bil-għan li jiġi ffaċilitat l-aċċess għal finanzjament għall-SMEs, sar-raba’ trimestru tal-2021, il-Kummissjoni se tanalizza l-merti u l-fattibbiltà tal-istabbiliment ta’ skema ta’ riferiment li tirrikjedi li l-banek jidderieġu lill-SMEs li l-applikazzjoni ta’ kreditu tagħhom ikunu rrifjutaw lill-fornituri ta’ finanzjament alternattiv.

Sar-raba’ trimestru tal-2021

Il-valutazzjoni tal-fattibbiltà se tanalizza l-effettività tal-iskemi eżistenti ta’ riferiment tal-banek. Il-Kummissjoni se tesplora wkoll il-merti li l-pjattaformi ta’ finanzjament alternattivi jintalbu b’mod reċiproku jirreferu l-SMEs rrifjutati lill-banek, u jekk l-ambitu ta’ skema ta’ riferiment ikunx jeħtieġ li jiġi estiż biex jinkludi fornituri ta’ finanzjament ta’ ekwità, pjattaformi ta’ tqabbil u ċentri ta’ konsulenza speċjalizzati.

Azzjoni 6: Ngħinu lill-banek isellfu aktar lill-ekonomija reali

Sabiex jiżdied is-suq tat-titolizzazzjoni fl-UE, sar-raba’ trimestru tal-2021, il-Kummissjoni se twettaq rieżami komprensiv tal-qafas tat-titolizzazzjoni 9 tal-UE kemm għat-titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzata (STS) kif ukoll għal dawk li mhumiex STS 10 .

Sar-raba’ trimestru tal-2021

Ir-rieżami se jkollu l-għan li jsaħħaħ ir-rwol tat-titolizzazzjoni bħala strument disponibbli għall-banek biex jgħinhom jipprovdu finanzjament sostenibbli u stabbli għall-ekonomija reali f’ambjent ta’ wara l-COVID-19, b’enfasi partikolari fuq l-SMEs u t-tranżizzjoni ekoloġika. Se tingħata attenzjoni partikolari lill-kapaċità tal-qafas attwali biex jirrifletti b’mod adegwat il-livell ta’ riskju effettiv kemm ta’ strumenti tat-titolizzazzjoni STS kif ukoll ta’ dawk li mhumiex STS, inklużi l-adegwatezza tar-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni, il-proċess għar-rikonoxximent tat-trasferiment ta’ riskju sinifikanti u t-trattament prudenzjali tat-titolizzazzjoni sintetika u fi flus, filwaqt li tiġi ppreservata l-istabbiltà finanzjarja tal-UE.

II.Nagħmlu lill-UE post aktar sikur għall-individwi biex ifaddlu u jinvestu fit-tul

Azzjoni 7: Nagħtu s-setgħa liċ-ċittadini permezz tal-litteriżmu finanzjarju

A.Sabiex tippromwovi fehim kondiviż tal-kompetenza finanzjarja fost l-awtoritajiet pubbliċi u l-korpi privati u tipprovdi bażi għall-iżvilupp ta’ kompetenza finanzjarja f’diversi applikazzjonijiet u kuntesti, il-Kummissjoni se twettaq valutazzjoni tal-fattibbiltà għall-iżvilupp ta’ qafas iddedikat ta’ kompetenza finanzjarja tal-UE sat-tieni trimestru tal-2021, li jibni fuq oqfsa eżistenti rilevanti.

Sat-tieni trimestru tal-2021

Din il-miżura tfittex li tipprovdi bażi kunċettwali komuni għall-awtoritajiet pubbliċi u l-korpi privati tal-UE biex jiżviluppaw politiki u applikazzjonijiet u materjali tat-tagħlim li għandhom l-għan li jżidu l-kompetenza finanzjarja tal-individwi. Din se tibni fuq oqfsa eżistenti rilevanti u se tirrispetta l-prinċipju tas-sussidjarjetà.

B.Il-Kummissjoni se tivvaluta jekk huwiex xieraq li testendi l-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 6 tad-Direttiva dwar Kreditu Ipotekarju 11 għal-leġiżlazzjoni settorjali rilevanti - id-Direttiva dwar is-Swieq fl-Istrumenti Finanzjarji 12 (MiFID, Markets in Financial Instruments Directive), id-Direttiva dwar id-Distribuzzjoni tal-Assigurazzjoni 13 (IDD, Insurance Distribution Directive), ir-Regolament dwar Prodott tal-Pensjoni Personali pan-Ewropew 14 (PEPP, Pan-European Personal Pension Product), id-Direttiva dwar l-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli 15 (UCITS, Undertakings for the Collective Investment in Transferable Securities), ir-Regolament dwar il-Prodott Aggregat ta’ Investiment għall-Konsumaturi bbażat fuq l-Assigurazzjoni 16 (PRIIPs, Packaged Retail and Insurance-Based Investment Products). Se tagħmel dan bil-ħsieb li tipproponi, jekk tkun appoġġata minn valutazzjoni tal-impatt pożittiva, leġiżlazzjoni omnibus orizzontali li tirrikjedi li l-Istati Membri jippromwovu miżuri ta’ tagħlim formali, mhux formali u/jew informali li jappoġġaw l-edukazzjoni finanzjarja tal-konsumaturi, b’mod partikolari fir-rigward tal-investiment responsabbli.

Fl-ewwel trimestru tal-2022

Din il-miżura tfittex li tibni fuq il-preċedent legali stabbilit fid-Direttiva dwar il-Kreditu Ipotekarju billi tirrikjedi li l-Istati Membri jippromwovu miżuri ta’ tagħlim li jappoġġaw l-edukazzjoni finanzjarja tal-konsumaturi fir-rigward ta’ investiment responsabbli f’atti leġiżlattivi settorjali oħra (MiFID II, IDD, PEPP, UCITS, PRIIPs), fejn tkun appoġġata minn valutazzjoni tal-impatt pożittiva u b’rispett sħiħ għall-prinċipju tas-sussidjarjetà.

 

Azzjoni 8: Nibnu l-fiduċja tal-investituri fil-livell tal-konsumatur fis-swieq kapitali

 

A.Il-Kummissjoni se tivvaluta r-regoli applikabbli fil-qasam tal-inċitamenti u d-divulgazzjoni u, fejn meħtieġ, tipproponi li temenda l-qafas legali eżistenti sabiex tiżgura li l-investituri fil-livell tal-konsumatur jirċievu pariri ġusti u adegwati kif ukoll informazzjoni ċara u komparabbli dwar il-prodott.

Sal-ewwel trimestru tal-2022

Fil-qasam tad-distribuzzjoni, il-valutazzjoni se tqis fost l-oħrajn miżuri possibbli biex: (i) tallinja l-istandards tal-protezzjoni tal-investituri fl-IDD ma’ dawk applikabbli skont il-MiFID II; (ii) titlob lid-distributuri jinfurmaw lill-klijenti dwar l-eżistenza ta’ prodotti ta’ partijiet terzi; (iii) ittejjeb it-trasparenza tal-inċitamenti għall-klijenti, u; (iv) tintroduċi rekwiżiti speċifiċi ta’ rappurtar għad-distributuri ta’ prodotti għall-konsumatur biex jippermettu skrutinju superviżorju. Fil-qasam tad-divulgazzjoni, se tingħata attenzjoni partikolari għat-titjib tal-involviment tal-konsumaturi, l-konsenja diġitali u l-interazzjoni ma’ informazzjoni ewlenija li tippermetti tqabbil, interazzjoni u personalizzazzjoni. Din l-azzjoni jenħtieġ li tinkludi titjib fid-divulgazzjoni ta’ informazzjoni relatata mas-sostenibbiltà, li jaċċellera l-adozzjoni ta’ prodotti sostenibbli mill-investituri fil-livell tal-konsumatur. Il-Kummissjoni se tlesti l-valutazzjoni sal-ewwel trimestru tal-2022.

Il-Kummissjoni mbagħad se tippreżenta l-emendi leġiżlattivi meħtieġa biex tindirizza kwalunkwe kunflitt ta’ interess li jirriżulta mill-ħlas ta’ inċitament lid-distributuri, kif ukoll id-dgħufijiet tal-qafas ta’ divulgazzjoni attwali, b’mod partikolari biex tfittex allinjament aħjar tal-IDD, l-MiFID II u l-PRIIPs. Meta jkunu appoġġati minn valutazzjoni tal-impatt pożittiv, dawn l-emendi se jiġu inklużi fl-IDD, l-MiFID II u l-PRIIPs.

B.Il-Kummissjoni se tippreżenta proposta leġiżlattiva biex temenda l-MiFID II sar-raba’ trimestru tal-2021/sal-ewwel trimestru tal-2022 biex tnaqqas il-piż amministrattiv u r-rekwiżiti ta’ informazzjoni għal subsett ta’ investituri fil-livell tal-konsumatur. Dan se jinvolvi r-rieżami tal-kategorizzazzjoni eżistenti tal-investituri f'investituri fil-livell tal-konsumatur u investituri professjonali jew l-introduzzjoni ta’ kategorija ġdida ta’ investituri kwalifikati.

Sar-raba’ trimestru tal-2021/sal-ewwel trimestru tal-2022

Din il-miżura għandha l-għan li ttejjeb il-kategorizzazzjoni tal-investituri fil-qafas tal-MiFID II bil-ħsieb li jitnaqqas il-piż amministrattiv tal-kumpaniji kif ukoll li jittaffew is-salvagwardji mhux meħtieġa u r-rekwiżiti ta’ informazzjoni għal subsett ta’ investituri li bħalissa huma kklassifikati bħala investituri fil-livell tal-konsumatur, għalkemm dawn għandhom għarfien tajjeb tas-swieq u l-prodotti finanzjarji. Din tkun soġġetta għal valutazzjoni tal-impatt.

C.Soġġett għal valutazzjoni tal-impatt pożittiva mwettqa fil-kuntest tar-rieżamijiet tal-IDD sal-ewwel trimestru tal-2023 u tal-MiFID II sar-raba’ trimestru tal-2021, il-Kummissjoni se tintroduċi rekwiżit għall-konsulenti biex jiksbu ċertifikat li japprova li l-livell ta’ għarfien u kwalifiki tagħhom huwa biżżejjed biex jaċċessaw il-professjoni, u juri li huma għandhom livell adegwat ta’ edukazzjoni kontinwa. Dan għandu l-għan li jżomm livell sodisfaċenti ta’ prestazzjoni tal-konsulent.

Barra minn hekk, sal-ewwel trimestru tal-2022, il-Kummissjoni se tivvaluta l-fattibbiltà tal-istabbiliment ta’ tikketta pan-Ewropea għall-konsulenti finanzjarji, li tista’ tintuża għall-konformità tar-rekwiżit li jinkiseb ċertifikat.

Sal-ewwel trimestru tal-2023

Sar-raba’ trimestru tal-2021

Sal-ewwel trimestru tal-2022

Dawn il-miżuri se jiżguraw kundizzjonijiet ekwi ta’ kompetizzjoni fost il-konsulenti u jtejbu aktar il-kwalità tal-pariri finanzjarji fl-UE, inkluż fir-rigward tas-sostenibbiltà.

Azzjoni 9: Nappoġġaw in-nies fl-irtirar tagħhom

A.Sabiex jissaħħaħ il-monitoraġġ tas-sitwazzjoni attwali fir-rigward tal-adegwatezza tal-pensjonijiet fl-Istati Membri, il-Kummissjoni se tfittex li tidentifika d-data u l-metodoloġija rilevanti għall-iżvilupp ta’ dashboards tal-pensjonijiet b’indikaturi.

B.Sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess għal informazzjoni individwalizzata dwar il-pensjonijiet u jkun hemm sensibilizzazzjoni tan-nies fir-rigward tal-introjtu tal-irtirar futur tagħhom, il-Kummissjoni se tfittex li tiżviluppa l-aħjar prattiki għall-istabbiliment tas-sistemi ta’ traċċar nazzjonali.

Sar-raba’ trimestru tal-2021

Sar-raba’ trimestru tal-2021

Il-Kummissjoni se tibgħat sejħa għal parir lill-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA, European Insurance and Occupational Pensions Authority) sar-raba’ trimestru tal-2020 biex (i) tidentifika d-data li l-fornituri tal-pensjonijiet okkupazzjonali jenħtieġ li jirrapportaw biex jagħmluha possibbli li jiġu żviluppati dashboards tal-pensjonijiet b’indikaturi u (ii) tfittex l-input tagħha dwar l-iżvilupp tal-aħjar prattiki għall-istabbiliment tas-sistemi ta’ traċċar nazzjonali. L-iskadenza biex tirċievi l-parir tekniku tal-EIOPA se tiġi stabbilita fir-raba’ trimestru tal-2021.

C.Il-Kummissjoni se tniedi studju biex tanalizza prattiki ta’ awtoreġistrazzjoni u tista’ tanalizza prattiki oħra biex tistimula l-parteċipazzjoni fi skemi ta’ pensjoni okkupazzjonali, fil-ħsieb li jiġu żviluppati l-aħjar prattiki għal dawn is-sistemi madwar l-Istati Membri.

Fit-tielet trimestru tal-2020

Fit-tielet trimestru tal-2020, il-Kummissjoni se tniedi studju estern biex tanalizza l-prattiċi eżistenti ta’ awtoreġistrazzjoni fi skemi ta’ pensjoni okkupazzjonali, bil-ħsieb li jiġu żviluppati l-aħjar prattiki tal-UE. Awtoreġistrazzjoni hija mekkaniżmu li permezz tiegħu dawk li jfaddlu jiġu awtomatikament irreġistrati fi skema ta’ tfaddil għall-irtirar, sakemm ma jagħżlux li ma jipparteċipawx b’mod attiv.

III.Nintegraw s-swieq kapitali nazzjonali f’suq uniku ġenwin

Azzjoni 10: Innaqsu l-piż assoċjat mat-taxxa fl-investiment transfruntier

Sabiex jiġu mnaqqsa l-kostijiet relatati mat-taxxa għall-investituri transfruntiera u jiġu evitati l-frodi tat-taxxa, il-Kummissjoni se tippreżenta inizjattiva leġiżlattiva sar-raba’ trimestru tal-2022, soġġetta għal valutazzjoni tal-impatt pożittiva u f’konsultazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, kif ukoll tesplora modi addizzjonali biex tintroduċi sistema komuni, standardizzata u mifruxa mal-UE kollha għall-ħelsien mit-taxxa minn ras il-għajn.

Sar-raba’ trimestru tal-2022

Din il-ħidma se tqis il-proġett għall-ħelsien mit-taxxa u għat-tisħiħ tal-konformità 17 (TRACE, treaty relief and compliance enhancement) tal-OECD u inizjattivi oħra tal-UE, bħall-Kodiċi ta’ Kondotta dwar it-taxxa minn ras il-għajn.  18

Azzjoni 11: Nagħmlu l-eżitu tal-investiment transfruntier aktar prevedibbli fir-rigward tal-proċedimenti ta’ insolvenza

A.Sabiex l-eżiti tal-proċedimenti ta’ insolvenza jsiru aktar prevedibbli, il-Kummissjoni se tieħu inizjattiva leġiżlattiva jew mhux leġiżlattiva għall-armonizzazzjoni minima jew għal aktar konverġenza f’oqsma mmirati ta’ insolvenza ewlenija mhux bankarja sa nofs l-2022.

Sat-tieni trimestru tal-2022

L-inizjattiva għal strument leġiżlattiv jew mhux leġiżlattiv tista’ tinkludi definizzjoni ta’ skattaturi għal proċedimenti ta’ insolvenza, il-gradazzjoni ta’ pretensjonijiet (ibbilanċjar tal-interessi ta’ tipi differenti ta’ kredituri, li jinkludu kredituri garantiti/mhux garantiti f’insolvenza) u elementi ewlenin oħra bħal azzjonijiet ta’ evitar jew traċċar tal-assi. Se tqis ir-riżultati ta’ konsultazzjoni pubblika kif ukoll il-pariri minn grupp ta’ esperti u d-diskussjonijiet mal-Istati Membri. Se tkun appoġġata wkoll minn valutazzjoni tal-impatt.

B.Sabiex jivvalutaw b’mod regolari l-effettività tas-sistemi nazzjonali ta’ insolvenza tas-self, il-Kummissjoni u l-EBA se janalizzaw il-possibbiltà li jagħmlu emendi legali għall-oqfsa ta’ rapportar sal-ewwel trimestru tal-2021. Dan jista’ jwassal għal emendi legali fir-raba’ trimestru tal-2022.

Sal-ewwel trimestru tal-2021

Fir-raba’ trimestru tal-2022

Filwaqt li jibnu fuq l-esperjenza mill-valutazzjoni komparattiva tal-oqsma nazzjonali tal-infurzar tas-self 19 (inkluża l-insolvenza) imwettqa skont l-ewwel pjan ta’ azzjoni tas-CMU, il-Kummissjoni u l-EBA se janalizzaw il-possibbiltà li jagħmlu emendi legali lill-oqfsa ta’ rapportar. Dan jippermetti lill-EBA taġġorna regolarment lill-Kummissjoni dwar l-effettività tal-infurzar tas-self fl-Istati Membri, mingħajr ma żżid b’mod sproporzjonat il-piż tar-rapportar. Fejn xieraq, jiġu proposti emendi leġiżlattivi possibbli fir-raba’ trimestru tal-2022.

Azzjoni 12: Niffaċilitaw l-involviment tal-azzjonisti

Biex tiffaċilita l-involviment tal-investituri, b’mod partikolari fil-fruntieri, il-Kummissjoni se tivvaluta: (i) il-possibbiltà li tiġi introdotta definizzjoni armonizzata mal-UE kollha ta’ “azzjonist”, u; (ii) jekk ir-regoli li jirregolaw l-interazzjoni bejn l-investituri, l-intermedjarji u l-emittenti fir-rigward tal-eżerċizzju tad-drittijiet tal-vot u l-ipproċessar tal-azzjoni korporattiva jistgħux jiġu ċċarati u armonizzati u kif. Il-Kummissjoni se teżamina wkoll l-ostakli nazzjonali possibbli għall-użu ta’ teknoloġiji diġitali ġodda f’dan il-qasam.

Sat-tielet trimestru tal-2023

Sar-raba’ trimestru tal-2021

Din il-valutazzjoni se titwettaq bħala parti mill-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tal-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Azzjonisti 2 20 (SRD 2), li għandha tiġi ppubblikata sat-tielet trimestru tal-2023. F’dan l-istadju, u wara li jitqiesu kif xieraq l-iżviluppi tas-suq wara li s-SRD 2 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tiegħu 21 jidħlu fis-seħħ f’Settembru 2020, il-Kummissjoni tippjana li tinvestiga b’mod partikolari dan li ġej:

·l-attribuzzjoni u l-evidenza tal-intitolamenti u d-data tar-rekord,

·il-konferma tal-intitolament u l-obbligu ta’ rikonċiljazzjoni,

·is-sekwenza tad-dati u l-iskadenzi,

·kwalunkwe rekwiżit nazzjonali addizzjonali (b’mod partikolari, ir-rekwiżiti ta’ prokura biex jiġu eżerċitati d-drittijiet tal-vot), u

·il-komunikazzjoni bejn l-emittenti u d-depożitorji ċentrali tat-titoli (CSDs, central securities depositories) fir-rigward taż-żmien, il-kontenut u l-format.

Attenzjoni partikolari se tingħata lil kunsiderazzjonijiet ta’ effettività u effiċjenza, kif ukoll lil aspetti ta’ ċertezza legali.

Il-Kummissjoni se tinvestiga wkoll, sar-raba’ trimestru tal-2021, jekk hemmx ostakli regolatorji nazzjonali għall-użu tat-teknoloġiji diġitali ġodda li jistgħu jagħmlu l-komunikazzjoni bejn l-emittenti u l-azzjonisti aktar effiċjenti u jiffaċilitaw l-identifikazzjoni tal-azzjonisti mill-emittenti jew il-parteċipazzjoni u l-votazzjoni mill-azzjonisti fil-laqgħat ġenerali.

Azzjoni 13: Niżviluppaw is-servizzi tas-saldu transfruntier

Biex ittejjeb il-provvista transfruntiera ta’ servizzi ta’ saldu fl-UE mingħajr ma jkun hemm impatt negattiv fuq l-istabbiltà finanzjarja, il-Kummissjoni se tirrieżamina r-regoli li jkopru firxa wiesgħa ta’ suġġetti, fosthom: (i) il-provvista transfruntiera tas-servizzi mis-CSDs fuq il-bażi ta’ passaport tas-CSD u (ii) il-proċeduri u l-kundizzjonijiet li permezz tagħhom is-CSDs ġew awtorizzati jaħtru istituzzjoni ta’ kreditu jew li huma stess jipprovdu servizzi anċillari ta’ tip bankarju.

Sar-raba’ trimestru tal-2021

Dan se jinkiseb permezz ta’ rieżami mmirat tar-Regolament dwar id-Depożitorji Ċentrali tat-Titoli 22 , li għandu jitwettaq sar-raba’ trimestru tal-2021. Tali rieżami hu meħtieġ skont ir-Regolament u jkun appoġġat minn valutazzjoni tal-impatt.

Qabel ma tadotta l-proposta leġiżlattiva, sar-raba’ trimestru tal-2020, il-Kummissjoni se tippreżenta rapport dwar ir-Regolament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Dan ir-rapport se jirrifletti konsultazzjoni wiesgħa mal-partijiet ikkonċernati kollha, inklużi l-Istati Membri u l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA).

Azzjoni 14: Tape konsolidat

Sabiex tinħoloq perspettiva ta’ kummerċ integrat madwar l-UE u tittejjeb il-kompetizzjoni bejn iċ-ċentri tan-negozjar, il-Kummissjoni se tipproponi bidliet leġiżlattivi li se jappoġġaw l-istabbiliment ta’ tape konsolidat effettiv u komprensiv ta’ wara n-negozju għal ekwità u strumenti finanzjarji simili għal ekwità.

 

Sar-raba’ trimestru tal-2021

Il-Kummissjoni se tiżgura li l-kopertura tat-tape tkun komprensiva u li l-kwalità tad-data tkun adegwata biex it-tape jipprovdi valur miżjud għall-parteċipanti fis-suq, filwaqt li jitqiesu l-kostijiet tal-istabbiliment u tal-każ tal-użu.

Azzjoni 15: Protezzjoni u Faċilitazzjoni tal-Investiment

Il-Kummissjoni se tipproponi li ssaħħaħ il-protezzjoni tal-investiment u l-qafas ta’ faċilitazzjoni fl-UE.

Sat-tieni trimestru tal-2021

L-azzjoni se tkun strutturata abbażi ta’ tliet pilastri:

(I)regoli sostantivi biex tiġi żgurata protezzjoni konsistenti u prevedibbli tal-investimenti intra-UE;

(II)infurzar aħjar ta’ dawn ir-regoli, li għandu jiġi żgurat billi tittejjeb l-effettività tal-mekkaniżmi għas-soluzzjoni ta’ tilwim fil-livell nazzjonali u/jew tal-UE filwaqt li jiġi garantit l-aċċess għall-qrati nazzjonali;

(III)miżuri speċifiċi ta’ faċilitazzjoni tal-investiment, pereżempju, il-konsolidazzjoni ta’ informazzjoni dwar id-drittijiet u l-opportunitajiet għall-investituri f’punt ta’ aċċess uniku (pereżempju fil-portal InvestEU 23 ) u l-promozzjoni ta’ mekkaniżmi għas-soluzzjoni ta’ problemi preventivi mill-partijiet ikkonċernati, kif ukoll soluzzjoni bonarja ta’ tilwim.

Azzjoni 16: Superviżjoni

Il-Kummissjoni se taħdem lejn ġabra unika ta’ regoli mtejba għas-swieq kapitali billi tivvaluta l-ħtieġa għall-armonizzazzjoni ulterjuri tar-regoli tal-UE u tissorvelja l-progress lejn konverġenza superviżorja. Se tqis dak li nkiseb fir-raba’ trimestru tal-2021 u tikkunsidra li tipproponi miżuri għal koordinazzjoni superviżorja aktar b’saħħitha jew superviżjoni diretta mill-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (ESAs, European Supervisory Authorities).

Il-Kummissjoni qed tivvaluta wkoll bir-reqqa l-implikazzjonijiet tal-każ ta’ Wirecard għar-regolamentazzjoni u s-superviżjoni tas-swieq kapitali tal-UE u se taġixxi minnufih u b’mod deċiżiv biex tindirizza kwalunkwe nuqqas li jiġi identifikat fil-qafas legali tal-UE.

Fir-raba’ trimestru tal-2021

B’rispett sħiħ għall-prinċipju tas-sussidjarjetà, il-Kummissjoni se tivvaluta b’mod sistematiku jekk armonizzazzjoni ulterjuri tar-regoli tal-UE hijiex ġustifikata. Ġabra unika tar-regoli mtejba u superviżjoni effettiva jassiguraw kundizzjonijiet ekwi għall-atturi tas-suq u jikkontribwixxu għal kompetizzjoni ġusta bejniethom. 

Fir-rieżamijiet leġiżlattivi settorjali li jmiss, il-Kummissjoni se tirrifletti wkoll dwar l-effettività tas-setgħat ta’ konverġenza tal-ESAs biex jiġu identifikati lakuni jew oqsma possibbli fejn setgħat imsaħħa jgħinu fil-promozzjoni tas-CMU. Se tqis ukoll jekk is-setgħat ta’ konverġenza humiex qed jintużaw b’mod effettiv taħt il-governanza eżistenti. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni se timmonitorja bir-reqqa jekk sarx biżżejjed progress dwar il-konverġenza superviżorja biex is-CMU tirnexxi. F’każ li jkun hemm indikazzjonijiet li l-istruttura superviżorja mhijiex adegwata għal-livell mixtieq ta’ integrazzjoni tas-suq, koordinazzjoni superviżorja aktar b’saħħitha jew superviżjoni diretta mill-ESAs se jiġu meqjusa f’rieżamijiet futuri, u huma mistennija sa tmiem l-2021.

Il-Kummissjoni qed tivvaluta wkoll bir-reqqa l-implikazzjonijiet tal-każ ta’ Wirecard għar-regolamentazzjoni u s-superviżjoni tas-suq kapitali tal-UE. Se tqis il-konklużjonijiet tal-investigazzjonijiet li għaddejjin bħalissa. Fid-dawl tal-informazzjoni disponibbli għall-Kummissjoni f’dan l-istadju, il-kollass ta’ Wirecard iqajjem mistoqsijiet dwar l-effettività tal-governanza korporattiva, l-awditjar statutorju estern u s-superviżjoni tal-informazzjoni finanzjarja ta’ Wirecard.

(1)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, “Il-Patt Ekoloġiku Ewropew”, COM/2019/640 final.

(2)

  https://eftg.eu/

(3)

https://e-justice.europa.eu/content_business_registers_at_european_level-105-mt.do

(4)

B’mod partikolari d-Direttiva dwar it-Trasparenza (id-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 2004 dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta' trasparenza f'dak li għandu x’jaqsam ma’ informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat u li temenda d-Direttiva 2001/34/KE) u d-Direttiva dwar ir-Rappurtar Mhux Finanzjarju (id-Direttiva 2014/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2014 li temenda d-Direttiva 2013/34/UE fir-rigward tad-divulgazzjoni ta’ informazzjoni mhux finanzjarja u dwar id-diversità minn ċerti impriżi u gruppi kbar).

(5)

Ir-Regolament (UE) 2015/760 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2015 dwar il-Fondi ta’ Investiment Ewropej fuq Terminu Twil.

(6)

Id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-Assigurazzjoni u tar-Riassigurazzjoni.

(7)

Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012, Test b’rilevanza għaż-ŻEE.

(8)

Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE.

(9)

Ir-Regolament (UE) 2017/2402 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 li jistabbilixxi qafas ġenerali għat-titolizzazzjoni u li joħloq qafas speċifiku għal titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzata, u li jemenda d-Direttivi 2009/65/KE, 2009/138/KE u 2011/61/UE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 648/2012.

(10)

Minbarra t-tisħiħ tas-suq tat-titolizzazzjoni, il-Kummissjoni se tkompli tivvaluta l-possibbiltà li tintroduċi strument ta’ rikors doppju msemmi Noti Garantiti Ewropej. Kif stabbilit fid-Direttiva (UE) 2019/2162 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2019 dwar il-ħruġ ta’ bonds koperti u s-superviżjoni pubblika ta’ bonds koperti, il-Kummissjoni se tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sat-8 ta’ Lulju 2024.

(11)

Id-Direttiva 2014/17/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Frar 2014 dwar kuntratti ta’ kreditu għall-konsumaturi marbutin ma’ proprjetà immobbli residenzjali u li temenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010.

(12)

Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE.

(13)

Id-Direttiva (UE) 2016/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Jannar 2016 dwar id-distribuzzjoni tal-assigurazzjoni.

(14)

Ir-Regolament (UE) 2019/1238 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar Prodott tal-Pensjoni Personali pan-Ewropew.

(15)

Id-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal- impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli.

(16)

Ir-Regolament (UE) Nru 1286/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Novembru 2014 dwar dokumenti bl-informazzjoni ewlenija għal prodotti aggregati ta’ investiment għall-konsumaturi bbażati fuq l-assigurazzjoni.

(17)

 http://www.oecd.org/ctp/exchange-of-tax-information/treaty-relief-and-compliance-enhancement-trace.htm

(18)

https://ec.europa.eu/taxation_customs/sites/taxation/files/code_of_conduct_on_witholding_tax.pdf

(19)

 https://ec.europa.eu/info/publications/191203-study-loan-enforcement-laws_en

(20)

Id-Direttiva (UE) 2017/828 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2017 li temenda d-Direttiva 2007/36/KE rigward l-inkoraġġiment ta’ involviment fit-tul tal-azzjonisti.

(21)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1212 tat-3 ta’ Settembru 2018.

(22)

Ir-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar titjib fis-saldu tat-titoli fl-Unjoni Ewropea u dwar depożitorji ċentrali tat-titoli u li jemenda d-Direttivi 98/26/KE u 2014/65/UE u r-Regolament (UE) Nru 236/2012.

(23)

https://ec.europa.eu/eipp/desktop/mt/index.html