Brussell, 20.5.2020

COM(2020) 520 final

Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-Awstrija tal-2020 u li tagħti l-opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-Awstrija tal-2020


Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-Awstrija tal-2020 u li tagħti l-opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-Awstrija tal-2020

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)Fis-17 ta’ Novembru 2019, il-Kummissjoni adottat l-Istrateġija Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli, li tat bidu għas-Semestru Ewropew tal-2020 għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Hija ħadet kont debitu tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, iddikjarat mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni fis-17 ta’ Novembru 2017. Fis-17 ta’ Diċembru 2019, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija, li fih hija ma identifikatx lill-Awstrija bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru kellha titwettaq analiżi fil-fond. Fl-istess data, il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-Żona tal-Euro.

(2)Ir-rapport tal-pajjiż tal-2020 għall-Awstrija 2 ġie ppubblikat fis-26 ta’ Frar 2020. Huwa vvaluta l-progress tal-Awstrija biex tindirizza r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill fid-9 ta’ Lulju 2019 3 , is-segwitu mogħti lir-rakkomandazzjonijiet adottati fis-snin preċedenti u l-progress tal-Awstrija lejn il-miri nazzjonali tagħha tal-Ewropa 2020.

(3)Fil-11 ta’ Marzu 2020, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa uffiċjalment iddikjarat it-tifqigħa tal-COVID-19 bħala pandemija dinjija. Din hija emerġenza serja tas-saħħa pubblika għaċ-ċittadini, għas-soċjetajiet u għall-ekonomiji. Qiegħda tqiegħed is-sistemi tas-saħħa nazzjonali taħt pressjoni qawwija, tfixkel il-ktajjen tal-provvista globali, tikkawża volatilità fis-swieq finanzjarji, tiskatta xokkijiet fid-domanda tal-konsumatur u qed ikollha effetti negattivi f’diversi setturi. Qiegħda thedded l-impjiegi tan-nies, l-introjtu tagħhom u n-negozju tal-kumpaniji. Hija tat xokk ekonomiku kbir li diġà qed ikollu riperkussjonijiet serji fl-Unjoni Ewropea. Fit-13 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni 4 li tappella għal rispons ekonomiku kkoordinat għall-kriżi, li jinvolvi lill-atturi kollha fil-livell nazzjonali u tal-Unjoni.

(4)Diversi Stati Membri ddikjaraw stat ta’ emerġenza jew introduċew miżuri ta’ emerġenza. Kull miżura ta’ emerġenza jenħtieġ li tkun strettament proporzjonata, meħtieġa, limitata fiż-żmien, u konformi mal-istandards Ewropej u internazzjonali. Jenħtieġ li tkun suġġetta għal sorveljanza demokratika u stħarriġ ġudizzjarju indipendenti.

(5)Fl-20 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar l-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir 5 . Il-klawżola, kif stipulata fl-Artikoli 5(1), 6(3), 9(1) u 10(3) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97 u l-Artikoli 3(5) u 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97, tiffaċilita l-koordinazzjoni tal-politiki baġitarji fi żminijiet ta’ tnaqqis serju fir-ritmu ekonomiku. Fil-Komunikazzjoni tagħha, il-Kummissjoni għarrfet lill-Kunsill bil-fehma tagħha li, minħabba t-tnaqqis qawwi mistenni fir-ritmu ekonomiku, li jirriżulta mit-tifqigħa tal-COVID-19, il-kundizzjonijiet attwali jippermettu l-attivazzjoni tal-klawżola. Fit-23 ta’ Marzu 2020, il-Ministri tal-Finanzi tal-Istati Membri qablu mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni. L-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali tippermetti tluq temporanju mill-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fi żmien medju, sakemm dan ma jipperikolax is-sostenibbiltà fiskali fi żmien medju. Għall-parti korrettiva, il-Kunsill jista’ jiddeċiedi wkoll, b’rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, li jadotta trajettorja fiskali riveduta. Il-klawżola liberatorja ġenerali ma tissospendix il-proċeduri tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Dan jippermetti li l-Istati Membri jiddevjaw mir-rekwiżiti baġitarji li normalment japplikaw filwaqt li jippermetti lill-Kummissjoni u lill-Kunsill iwettqu l-miżuri ta’ koordinazzjoni tal-politika meħtieġa fil-qafas tal-Patt.

(6)Huwa meħtieġ li titkompla l-azzjoni biex tiġi limitata u kkontrollata l-firxa tal-pandemija, tissaħħaħ ir-reżiljenza tas-sistemi nazzjonali tas-saħħa, jittaffew il-konsegwenzi soċjoekonomiċi permezz ta’ miżuri ta’ appoġġ għan-negozju u għall-unitajiet domestiċi u biex jiġu żgurati kundizzjonijiet adegwati tas-saħħa u s-sigurtà fil-post tax-xogħol bil-ħsieb li terġa’ tibda l-attività ekonomika. L-Unjoni jenħtieġ li tuża b’mod sħiħ id-diversi għodod li għandha għad-dispożizzjoni tagħha biex tappoġġa l-isforzi tal-Istati Membri f’dawn l-oqsma. B’mod parallel, l-Istati Membri u l-Unjoni jenħtieġ li jaħdmu flimkien biex iħejju l-miżuri meħtieġa biex nerġgħu lura għal funzjonament normali tas-soċjetajiet u l-ekonomiji tagħna u għal tkabbir sostenibbli, li jintegraw fost l-oħrajn it-tranżizzjoni ekoloġika u t-trasformazzjoni diġitali, u li jieħdu t-tagħlimiet kollha mill-kriżi.

(7)Il-kriżi tal-COVID-19 enfasizzat il-flessibbiltà li s-suq uniku joffri sabiex nadattaw għal sitwazzjonijiet straordinarji. Madankollu, sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni rapida u bla xkiel għall-fażi ta’ rkupru u l-moviment liberu tal-merkanzija, tas-servizzi u tal-ħaddiema, miżuri eċċezzjonali li jwaqqfu lis-suq uniku milli jiffunzjona b’mod normali jridu jitneħħew malli ma jibqgħux indispensabbli. Il-kriżi attwali wriet il-ħtieġa għal pjanijiet b’saħħithom ta’ tħejjija għall-kriżijiet fis-settur tas-saħħa b’mod partikolari, li jinkludu b’mod partikolari strateġiji ta’ xiri mtejba, ktajjen tal-provvista diversifikati u riżervi strateġiċi ta’ provvisti essenzjali. Dawn huma elementi ewlenin għall-iżvilupp ta’ pjanijiet usa’ ta’ tħejjija għall-kriżijiet.

(8)Il-leġiżlatur tal-Unjoni diġà emenda l-oqfsa leġiżlattivi rilevanti 6 biex jippermetti lill-Istati Membri jimmobilizzaw ir-riżorsi mhux użati kollha mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej sabiex ikunu jistgħu jindirizzaw l-effetti eċċezzjonali tal-pandemija tal-COVID-19. Dawn l-emendi se jipprovdu flessibbiltà addizzjonali, kif ukoll proċeduri simplifikati. Biex jittaffew il-pressjonijiet tal-flussi tal-flus, l-Istati Membri jistgħu jibbenefikaw ukoll minn rata ta’ kofinanzjament ta’ 100 % mill-baġit tal-Unjoni fis-sena kontabilistika 2020-2021. l-Awstrija hija mħeġġa biex tagħmel użu sħiħ minn dawn il-possibbiltajiet biex tgħin lill-individwi u lis-setturi l-aktar milquta mill-isfidi.

(9)Il-konsegwenzi soċjoekonomiċi tal-pandemija x’aktarx li jkunu mqassma b’mod irregolari madwar ir-reġjuni minħabba xejriet differenti ta’ speċjalizzazzjoni b’mod partikolari f’reġjuni li jiddependu b’mod sinifikanti fuq it-turiżmu. Dan jinvolvi r-riskju li fl-Awstrija d-disparitajiet reġjonali jkomplu jikbru. Flimkien mar-riskju ta’ treġġigħ lura temporanju tal-proċess ta’ konverġenza bejn l-Istati Membri, is-sitwazzjoni attwali titlob risponsi ta’ politika mmirati.

(10)Fl-14 ta’ April 2020, l-Awstrija ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tagħha tal-2020 u, fit-30 ta’ April 2020, ippreżentat il-Programm ta’ Stabbiltà tagħha tal-2020. Sabiex jitqiesu r-rabtiet ta’ bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess waqt.

(11)Bħalissa l-Awstrija qiegħda fil-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir u hija soġġetta għar-regola tad-dejn.

(12)Fl-aġġornament tekniku tiegħu għall-Programm ta’ Stabbiltà tal-2020, il-Gvern qed jippjana li l-bilanċ nominali jiddeterjora minn surplus ta’ 0,7 % tal-PDG fl-2019 għal defiċit ta’ 8,0 % tal-PDG fl-2020. Huwa pprojettat li fl-2021 id-defiċit jonqos għal 1,9 % tal-PDG. Wara li naqas għal-livell ta’ 70,4 % tal-PDG fl-2019, il-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-amministrazzjoni pubblika huwa mistenni li jiżdied għal 81,4 % fl-2020 skont il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2020. Il-perspettiva makroekonomika u fiskali hija affettwata minn inċertezza kbira minħabba l-pandemija tal-COVID-19.

(13)B’rispons għall-pandemija tal-COVID-19, u bħala parti minn approċċ koordinat tal-UE, l-Awstrija adottat miżuri baġitarji biex iżżid il-kapaċità tas-sistema tas-saħħa tagħha, trażżan il-pandemija, u tipprovdi għajnuna lil dawk l-individwi u s-setturi li huma milquta b’mod partikolari. Skont il-Programmi ta’ Stabbiltà tal-2020, dawn il-miżuri baġitarji kienu jammontaw għal 5,0 % tal-PDG. Il-miżuri jinkludu t-tisħiħ tas-servizzi tal-kura tas-saħħa, l-għajnuna ta’ emerġenza għal kumpaniji li jinsabu f’diffikultà u l-arranġamenti tax-xogħol għal żmien qasir. Barra minn hekk, l-Awstrija ħabbret miżuri li, filwaqt li ma għandhomx impatt baġitarju dirett, se jikkontribwixxu biex jappoġġaw il-likwidità għall-impriżi, li l-Programm ta’ Stabbiltà tal-2020 jikkalkula li jammontaw għal 5,0 % tal-PDG. Dawn il-miżuri jinkludu posponimenti tat-taxxa għal taxxi fuq id-dħul personali u korporattivi (2,6 % tal-PDG) u garanziji fuq is-self (2,4 % tal-PDG). Kollox ma’ kollox, il-miżuri li ħadet l-Awstrija huma konformi mal-linji gwida stabbiliti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar rispons ekonomiku koordinat għat-tifqigħa tal-COVID-19. L-implimentazzjoni sħiħa ta’ dawn il-miżuri, segwita minn riorjentament tal-politiki fiskali biex jinkisbu pożizzjonijiet fiskali prudenti ta’ żmien medju meta jkunu jippermettu l-kundizzjonijiet ekonomiċi, se tikkontribwixxi biex fiż-żmien medju tinżamm is-sostenibbiltà fiskali.

(14)Fuq il-bażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2020 tal-Kummissjoni b’politiki mhux mibdula, il-bilanċ tal-amministrazzjoni pubblika tal-Awstrija huwa mbassar li jkun ta’ -6,1 % tal-PDG fl-2020 u ta’ -1,9 % fl-2021. Il-proporzjon tad-dejn tal-amministrazzjoni pubblika huwa mbassar li jilħaq it-78,8 % tal-PDG fl-2020 u l-75,8 % fl-2021.

(15)Fl-20 ta’ Mejju 2020, il-Kummissjoni ħarġet rapport imħejji skont l-Artikolu 126(3) tat-Trattat minħabba l-ksur ippjanat mill-Awstrija tal-limitu tad-defiċit ta’ 3 % tal-PDG fl-2020. B’mod ġenerali, l-analiżi tissuġġerixxi li l-kriterju tad-defiċit kif definit fit-Trattat u fir-Regolament (KE) Nru 1467/1997 mhuwiex issodisfat.

(16)Il-Gvern Awstrijak ħa miżuri bla preċedent biex jikkontrolla l-firxa tal-COVID-19. Huwa introduċa regoli stretti ta’ kwarantina u ta’ tbegħid soċjali u għamel disponibbli fondi sostanzjali biex is-sistema tas-saħħa tixtri tagħmir u provvisti, issaħħaħ il-kapaċità tal-laboratorji, u ssaħħaħ il-kapaċità tal-persunal. Il-kura tas-saħħa primarja sabet ruħha taħt pressjoni eċċezzjonali minn żieda bla preċedent fil-ħtieġa ta’ telekonsultazzjonijiet, appuntamenti mediċi u talbiet għal żjarat fid-djar. It-tifqigħa rapida tal-COVID-19 affettwat b’mod qawwi l-ekonomija tal-Awstrija. Miżuri ta’ trażżin nazzjonali u internazzjonali kontra l-virus laqtu kemm in-naħa tad-domanda kif ukoll dik tal-provvista, u dan wassal għal tnaqqis fuq bażi wiesgħa. Għalhekk il-PDG huwa pprojettat li jonqos b’5½ % fl-2020, aktar milli matul il-kriżi ekonomika u finanzjarja fl-2008-2009. Minħabba t-tnaqqis relattivament rapidu fl-infezzjonijiet ġodda, l-Awstrija kienet wieħed mill-ewwel pajjiżi Ewropej li ħabbru rilassament tal-miżuri ta’ trażżin, minn nofs April. Sabiex tiġi evitata ħsara ekonomika fit-tul u biex jittaffew l-impatti soċjali u fuq l-impjiegi tal-kriżi, il-gvern adotta pakkett komprensiv ta’ miżuri biex jappoġġa l-ekonomija Awstrijaka (attwalment EUR 43 biljun, madwar 10 % tal-PDG). Il-pakkett jinkludi skema ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar (Kurzarbeit), fejn is-sigħat tax-xogħol jistgħu jitnaqqsu b’sa 90 % bħala medja fuq perjodu partikolari u min iħaddem jiġi rimborżat 80 % sa 90 % tal-aħħar dħul nett tal-impjegat, skont l-aħħar dħul gross. Is-sett komprensiv ta’ miżuri għan-negozji għandu l-għan li jipprevjeni problemi ta’ likwidità b’mod temporanju u jipprovdi appoġġ dirett speċjalment lil intrapriżi u industriji milquta ħażin b’attenzjoni partikolari fuq intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SME). Dawn jinkludu trasferimenti, appoġġ ta’ likwidità permezz ta’ self, garanziji, injezzjonijiet ta’ ekwità u differimenti tat-taxxa. Fil-proċess tat-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri jeħtieġ li titqies ir-reżiljenza tas-settur bankarju. 

(17)Sa issa, is-sistema tas-saħħa Awstrijaka ffaċċjat b’suċċess il-pandemija tal-COVID-19. L-espansjoni tas-servizzi tal-kura tas-saħħa primarja u ambulatorja b’enfasi fuq il-promozzjoni tas-saħħa u l-prevenzjoni tal-mard jgħinu biex titjieb aktar is-saħħa tal-popolazzjoni. Filwaqt li jinżammu standards ta’ kwalità għolja, il-kosteffiċjenza tista’ tiġi miżjuda permezz ta’ akkwist pubbliku aktar effettiv u mediċini ġeneriċi. Barra minn hekk, is-sistema tal-kura fit-tul tal-Awstrija qed tiffaċċja sfidi strutturali u fiskali, li sa issa ma ġewx indirizzati bir-reqqa. Is-sistema tipprovdi servizzi komparattivament ta’ kwalità għolja, iżda qed tiffaċċja sfidi ta’ persunal, li qed isiru saħansitra aktar perċepibbli u evidenti fil-kriżi attwali. Is-settur tal-kura fit-tul jiddependi ħafna fuq il-kura pprovduta minn ħaddiema minn Stati Membri oħra, li jindika l-ħtieġa li jiġi żgurat il-fluss liberu tal-ħaddiema transfruntiera. Barra minn hekk, remunerazzjoni adegwata tista’ tgħin biex tagħmel ix-xogħol tal-infermiera aktar attraenti.

(18)Il-politika tat-taxxa għandha rwol importanti fl-appoġġ tal-unitajiet domestiċi u tan-negozji matul it-trażżin u se tkun kruċjali fit-trawwim tal-irkupru ekonomiku wara l-kriżi. It-taħlita tat-taxxa tal-Awstrija hija kkaratterizzata minn piż kbir fuq ix-xogħol, filwaqt li l-potenzjal tad-dħul mit-taxxi relatati mal-ġid u t-taxxi ambjentali għadu fil-biċċa l-kbira mhux sfruttat u t-taxxi fuq il-konsum jistgħu jsiru aktar effiċjenti. Ir-riformi tat-taxxa jistgħu jgħinu biex iċaqilqu t-taħlita tat-taxxa lejn sorsi li huma inqas detrimentali għat-tkabbir inklużiv u sostenibbli, u jipprovdu bażi solida għall-irkupru. B’mod partikolari, it-taxxi mhux użati b’mod suffiċjenti fuq l-alkoħol u t-tabakk, it-tniġġis u l-konsum tar-riżorsi jimplikaw effetti ta’ direzzjoni u potenzjal ta’ dħul mhux użati. Il-livell inugwali, iżda ġeneralment baxx ta’ tassazzjoni fuq l-enerġija jimmina l-effiċjenza u l-effikaċja tagħha bħala għodda ta’ politika biex jiġi inċentivat il-konsum li huwa ta’ benefiċċju għall-ambjent. B’mod partikolari, it-tassazzjoni konsistenti tal-emissjonijiet tas-CO2 tagħmel is-sorsi tal-enerġija li ma jagħmlux ħsara lill-klima aktar kompetittivi u tipprovdi spazju fiskali biex jitnaqqsu taxxi li jikkawżaw aktar distorsjoni. Taxxi ogħla fuq l-enerġija relatata mas-CO2 jgħinu biex jiġu internalizzati l-ispejjeż soċjali tat-tniġġis, biex il-konsumaturi jkunu jistgħu jiddependu aktar fuq sorsi rinnovabbli u biex l-investituri jitħeġġu jinvestu f’teknoloġiji li ma jagħmlux ħsara lill-klima. Fl-aħħar nett, użu akbar ta’ taxxi relatati mal-ġid jista’ jagħmel is-sistema tat-taxxa aktar ġusta, speċjalment minħabba l-inugwaljanza għolja fil-ġid persistenti tal-Awstrija. B’mod partikolari, it-taxxi rikorrenti fuq il-proprjetà u fuq il-wirt taw prova li huma relattivament favorevoli għat-tkabbir u progressivi u jenħtieġ li ma jiġux traskurati f’dak li jirrigwarda l-ġenerazzjoni tad-dħul mit-taxxa biex jiġu restawrati l-finanzi pubbliċi.

(19)Filwaqt li l-Awstrija kellha prestazzjoni tajba fit-Tabella tal-Valutazzjoni Soċjali li tappoġġa l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, in-nuqqasijiet fil-kopertura jistgħu jfissru nuqqas ta’ protezzjoni tal-introjtu għall-gruppi vulnerabbli matul il-kriżi tal-COVID-19 u jistgħu jirrikjedu miżuri addizzjonali. Filwaqt li l-qgħad fost iż-żgħażagħ qed jiżdied, il-persuni qiegħda, il-persuni qiegħda fit-tul, il-ħaddiema mhux standard u l-persuni mwielda barra mill-pajjiż huma partikolarment fir-riskju tal-faqar. Politiki attivi tas-suq tax-xogħol li jipprovdu opportunitajiet ta’ tagħlim tul il-ħajja u titjib tal-ħiliet se jibqgħu ta’ importanza kruċjali. L-istudenti żvantaġġati, inklużi studenti b’diżabilità, isofru b’mod partikolari f’ċirkostanzi li jeħtieġu tagħlim mill-bogħod. Filwaqt li madwar 10 % tal-istudenti taħt il-15-il sena ma għandhomx aċċess għal ambjent ta’ tagħlim virtwali, il-gvern tal-Awstrija, b’reazzjoni għall-kriżi tal-COVID-19, ħa miżuri ta’ mitigazzjoni billi pprovda kompjuters lill-istudenti f’riskju. Madankollu, hemm ir-riskju li l-inugwaljanzi diġà eżistenti fil-kisba edukattiva, marbuta mal-isfondi soċjoekonomiċi u tal-migrazzjoni, jiġu aggravati. Strateġija ta’ rkupru li ttejjeb l-aċċess għall-edukazzjoni u l-kura inklużivi u ta’ kwalità tajba tat-tfal iż-żgħar li ntwera li jirrimedjaw għall-iżvantaġġi soċjali, tipproduċi benefiċċji soċjoekonomiċi fi żmien medju u twil u tipprovdi opportunitajiet għan-nisa biex ikollhom aċċess sħiħ għas-suq tax-xogħol. Ir-rata kumplessiva tal-impjieg tan-nisa kienet għolja qabel il-kriżi, iżda kważi nofshom kienu jaħdmu part-time (marbuta ma’ sigħat qosra tal-ftuħ tal-iskejjel u tal-faċilitajiet tal-kura tat-tfal) u dan ikkawża distakk mhux aġġustat sinifikanti bejn il-pagi tal-irġiel u dawk tan-nisa.

(20)L-effikaċja tal-miżuri ta’ appoġġ tal-COVID-19 biex jiġu megħjuna d-ditti taħt pressjoni, il-preservazzjoni tal-ambjenti tan-negozju, u l-evitar tal-insolvenzi jiddependu fuq l-implimentazzjoni rapida u mhux burokratika tagħhom mill-awtoritajiet pubbliċi u l-intermedjarji. Negozji ġodda u negozji li qed jespandu jistgħu jeħtieġu appoġġ speċifiku, pereż. fil-forma ta’ istituzzjonijiet pubbliċi li jixtru ishma ta’ ekwità u inċentivi għal fondi ta’ kapital ta’ riskju biex jinvestu aktar f’dawn id-ditti. Dan biex jissaħħu dawk il-kumpaniji li huma vitali għall-irkupru iżda wkoll biex jiġi evitat il-bejgħ bl-għaġla ta’ ditti Ewropej strateġikament importanti. Minbarra appoġġ ta’ finanzjament, ditti taħt pressjoni, b’mod partikolari dawk iżgħar, jeħtieġu ambjent ta’ negozju li jappoġġahom. Il-piż amministrattiv u d-densità regolatorja jimponu spejjeż li l-kumpaniji issa jistgħu jaffordjaw inqas minn qatt qabel. L-isforzi biex jitnaqqsu l-piżijiet mhux meħtieġa u jiġu pprovduti servizzi pubbliċi diġitali effiċjenti huma mezz effettiv biex in-negozji jingħataw appoġġ b’mod immedjat u tanġibbli mingħajr ma jintefa’ piż fuq il-kontribwent. Il-qafas tal-insolvenza jenħtieġ li jkun immirat lejn il-prevenzjoni iżda wkoll lejn ix-xoljiment rapidu u l-għoti tat-“tieni opportunità”. Networks għas-soluzzjoni tat-tilwim, bħas-SOLVIT, jgħinu lill-kumpaniji fi żminijiet ta’ tfixkil għas-suq uniku u jeħtieġu riżorsi adegwati.

(21)Biex jitrawwem l-irkupru ekonomiku, se jkun importanti li l-proġetti ta’ investiment pubbliku maturi jiġu implimentati minn qabel u li jiġi promoss l-investiment privat, inkluż permezz ta’ riformi rilevanti. Dan l-investiment se jkun l-aktar effettiv meta jiffoka fuq l-innovazzjoni, id-diġitalizzazzjoni u t-tranżizzjoni ekoloġika sabiex tiżdied il-produttività u tiġi żgurata l-kompetittività sostenibbli. L-intensità tar-riċerka u l-iżvilupp (RuŻ) tal-Awstrija kienet waħda mill-ogħla fl-Unjoni iżda l-pajjiż waqa’ lura meta mqabbel mal-mexxejja tal-innovazzjoni f’termini ta’ eżiti tal-innovazzjoni. Issa li ħafna baġits tar-riċerka tan-negozji jinsabu taħt pressjoni, huwa saħansitra aktar importanti li l-isforzi tar-RuŻ tal-Awstrija jiġu tradotti fi xjenza eċċellenti u f’innovazzjoni avvanzata, li jinżamm l-investiment pubbliku fir-riċerka bażika, u li jiġi żgurat finanzjament ta’ ekwità għal negozji li qed jespandu innovattivi. Id-diġitalizzazzjoni tibqa’ essenzjali għall-ftuħ tal-ekonomija u għat-tħejjija għan-“normalità l-ġdida” wara l-lockdown. Id-diffużjoni dgħajfa tat-teknoloġiji diġitali u l-mudelli kummerċjali fost kumpaniji iżgħar tirrappreżenta ostaklu għat-tkabbir tal-produttività. Filwaqt li l-ħiliet diġitali tal-Awstrijaċi huma b’mod ġenerali ogħla mill-medja tal-UE, ma hemmx biżżejjed studenti li jiggradwaw fl-informatika biex jimlew il-pożizzjonijiet kollha disponibbli. Livelli ogħla ta’ kummerċ elettroniku, xogħol mid-dar u gvern elettroniku (pereżempju) se jeħtieġu aktar investiment fl-infrastruttura (inkluż il-5G u l-broadband rurali), fit-tagħmir u fil-ħiliet.

(22)It-trasformazzjoni tal-Awstrija f’ekonomija newtrali għall-klima se teħtieġ investiment privat u pubbliku kbir fit-tul. Il-pjan nazzjonali tal-enerġija u l-klima tal-Awstrija jidentifika sfidi sinifikanti biex tintlaħaq il-mira tiegħu għall-2030 għal emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra li mhumiex koperti mill-iskema għall-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet tal-Unjoni. It-titjib tal-produttività tar-riżorsi huwa mutur ewlieni għal tkabbir futur filwaqt li jimminimizza l-impatti fuq l-ambjent. It-tnaqqis tal-emissjonijiet relatati mat-trasport huwa essenzjali biex jintlaħqu l-istandards tal-kwalità tal-arja u l-miri tal-klima. Il-frontloading u t-twettiq ta’ investimenti ġodda biex jappoġġaw it-tranżizzjoni ekoloġika se jgħinu biex jinħolqu impjiegi ekoloġiċi ġodda u tingħata spinta lill-ekonomija hekk kif toħroġ mill-modalità tal-ġestjoni tal-kriżijiet. L-investimenti fl-ekoinnovazzjoni jwasslu għat-tkabbir tal-produttività filwaqt li jnaqqsu l-impronta ekoloġika tal-Awstrija. L-ipprogrammar tal-Fond ta’ Tranżizzjoni Ġusta għall-perjodu 2021-2027 jista’ jgħin lill-Awstrija tindirizza wħud mill-isfidi ppreżentati mit-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima, b’mod partikolari fit-territorji koperti mill-Anness D tar-rapport tal-pajjiż. Dan jippermetti lill-Awstrija tagħmel l-aħjar użu minn dan il-fond.

(23)Filwaqt li r-rakkomandazzjonijiet attwali jiffukaw fuq l-indirizzar tal-impatti soċjoekonomiċi tal-pandemija u fuq l-iffaċilitar tal-irkupru ekonomiku, ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019 adottati mill-Kunsill fid-9 ta’ Lulju 2019 koprew ukoll riformi li huma essenzjali biex jiġu indirizzati l-isfidi strutturali fi żmien medju sa twil. Dawk ir-rakkomandazzjonijiet jibqgħu pertinenti u se jkomplu jiġu mmonitorjati matul iċ-ċiklu annwali tas-Semestru Ewropew tas-sena d-dieħla. Dan japplika wkoll għal rakkomandazzjonijiet rigward politiki ekonomiċi relatati mal-investiment. Ir-rakkomandazzjonijiet tal-aħħar jenħtieġ li jitqiesu għall-ipprogrammar strateġiku tal-finanzjament tal-politika ta’ koeżjoni ta’ wara l-2020, inkluż għal miżuri ta’ mitigazzjoni u strateġiji ta’ ħruġ fir-rigward tal-kriżi attwali.

(24)Is-Semestru Ewropew jipprovdi l-qafas għal koordinazzjoni kontinwa tal-politika ekonomika u tal-impjiegi fl-Unjoni, li tista’ tikkontribwixxi għal ekonomija sostenibbli. L-Istati Membri evalwaw il-progress fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (Sustainable Development Goals, SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma tal-2020 tagħhom. Billi tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tar-rakkomandazzjonijiet ta’ hawn taħt, l-Awstrija se tikkontribwixxi għall-progress lejn l-SDGs u għall-isforz komuni biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà kompetittiva fl-Unjoni.

(25)Il-koordinazzjoni mill-qrib bejn l-ekonomiji fl-unjoni ekonomika u monetarja hija kruċjali biex jinkiseb irkupru rapidu mill-impatt ekonomiku tal-COVID-19. Bħala Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro – u b’kunsiderazzjoni tal-gwida politika mill-Grupp tal-Euro – l-Awstrija jenħtieġ li tiżgura li l-politiki tagħha jibqgħu konsistenti mar-rakkomandazzjonijiet taż-żona tal-euro u kkoordinati ma’ dawk tal-Istati Membri l-oħra taż-Żona tal-Euro.

(26)Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew tal-2020, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tal-Awstrija u ppubblikatha fir-rapport speċifiku għall-pajjiż tal-2020. Hija vvalutat ukoll il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2020 u l-Programm ta’ Riforma Nazzjonali tal-2020 u s-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-Awstrija fi snin preċedenti. Hija mhux biss qieset ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fl-Awstrija imma qieset ukoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-Unjoni, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni billi jingħata kontribut fil-livell tal-Unjoni għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri.

(27)Fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Stabbiltà tal-2020 u l-opinjoni tiegħu hija riflessa b’mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) ta’ hawn taħt,

B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Awstrija tieħu azzjoni fl-2020 u l-2021 biex:

1.F’konformità mal-klawżola liberatorja ġenerali, tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tindirizza b’mod effettiv il-pandemija, issostni l-ekonomija u tappoġġa l-irkupru sussegwenti. Meta l-kundizzjonijiet ekonomiċi jippermettu, issegwi politiki fiskali mmirati biex tikseb pożizzjonijiet fiskali prudenti fi żmien medju u tiżgura s-sostenibbiltà tad-dejn, filwaqt li ttejjeb l-investiment. Ittejjeb ukoll ir-reżiljenza tas-sistema tas-saħħa billi ssaħħaħ is-saħħa pubblika u l-kura primarja.

2.Tiżgura aċċess ugwali għall-edukazzjoni u żżid it-tagħlim diġitali.

3.Tiżgura implimentazzjoni effettiva ta’ miżuri ta’ likwidità u ta’ appoġġ, b’mod partikolari għal intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, u tnaqqas il-piż amministrattiv u regolatorju. Tavvanza l-proġetti maturi ta’ investiment pubbliku u l-promozzjoni tal-investiment privat biex jitrawwem l-irkupru ekonomiku. Tiffoka l-investiment fuq it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, b’mod partikolari fuq l-innovazzjoni, it-trasport sostenibbli, il-produzzjoni u l-użu ndaf u effiċjenti tal-enerġija.

4.Tagħmel it-taħlita tat-taxxa waħda aktar effiċjenti u li tappoġġa aktar it-tkabbir inklużiv u sostenibbli.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.
(2)    SWD(2020) 519 final.
(3)    ĠU C 301, 5.9.2019, p. 117.
(4)    COM(2020) 112 final.
(5)    COM(2020) 123 final.
(6)

   Ir-Regolament (UE) 2020/460 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Marzu 2020 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013 u (UE) Nru 508/2014 fir-rigward ta’ miżuri speċifiċi biex jiġu mmobilizzati investimenti fis-sistemi tal-kura tas-saħħa tal-Istati Membri u f’setturi oħra tal-ekonomiji tagħhom b’reazzjoni għat-tifqigħa COVID‐19 (Inizjattiva ta’ Investiment b’Reazzjoni għall-Coronavirus) (ĠU L 99, 31.3.2020, p. 5) u r-Regolament (UE) 2020/558 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2020 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1301/2013 u (UE) Nru 1303/2013 rigward miżuri speċifiċi biex tingħata flessibbiltà eċċezzjonali għall-użu tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej b’reazzjoni għat-tifqigħa ta’ COVID-19 (ĠU L 130, 24.4.2020, p. 1).