Brussell, 4.9.2020

COM(2020) 499 final

2020/0256(NLE)

Proposta għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar approċċ ikkoordinat għar-restrizzjoni tal-moviment liberu b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19

(Test b'rilevanza għaż-ZEE)


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Id-dritt taċ-ċittadini tal-UE li jiċċaqalqu u jgħixu liberament fl-Unjoni Ewropea huwa wieħed mill-aktar kisbiet apprezzati tal-Unjoni, u mutur importanti tal-ekonomija tagħha.

Biex jillimitaw it-tixrid tat-tifqigħa tal-COVID-19, l-Istati Membri 1 adottaw diversi miżuri, li wħud minnhom kellhom impatt fuq id-dritt taċ-ċittadini li jiċċaqalqu liberament madwar l-Unjoni Ewropea. Dawn il-miżuri spiss kienu jinkludu restrizzjonijiet fuq id-dħul fi Stat Membru ieħor jew rekwiżiti speċifiċi oħrajn (bħal li jagħmlu l-kwarantina) applikabbli għall-vjaġġaturi transfruntiera, inklużi dawk li jiċċaqalqu għal finijiet ekonomiċi, bħall-ħaddiema u l-intraprendituri.

Filwaqt li l-miżuri kienu maħsubin biex jissalvagwardjaw is-saħħa u l-benessri taċ-ċittadini, huma kellhom konsegwenzi serji għal-libertà ta’ moviment fl-Unjoni, b’effetti indiretti fuq is-suq intern. Ir-ritorn tal-libertà ta’ moviment, filwaqt li tiġi protetta s-saħħa pubblika, huwa prijorità, kemm jekk għal raġunijiet ta’ xogħol, ta’ familja, jew ta’ divertiment. Jenħtieġ li l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-moviment liberu, ikkonferiti direttament mit-Trattati liċ-ċittadini tal-Unjoni, jibqa’ possibbli filwaqt li tiġi limitata l-introduzzjoni mill-ġdid tal-virus f’żoni fejn ikun ġie taħt kontroll.

Mindu faqqgħet il-pandemija, il-Kummissjoni ħadmet mill-qrib mal-Istati Membri biex tiżgura r-ritorn gradwali tal-moviment liberu. F’Marzu 2020, il-Kummissjoni ħarġet Linji gwida għal miżuri ta’ ġestjoni tal-fruntieri biex tiġi protetta s-saħħa u tiġi żgurata d-disponibbiltà tal-oġġetti u tas-servizzi essenzjali 2 u Linji Gwida rigward l-eżerċitar tal-moviment liberu tal-ħaddiema 3 matul it-tifqigħa tal-COVID-19, li fihom gwida dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema transfruntiera, il-ħaddiema staġonali u l-persuni li jaħdmu għal rashom li jeżerċitaw okkupazzjonijiet kritiċi .

Fit-13 ta’ Mejju 2020, il-Kummissjoni adottat, bħala parti minn pakkett ta’ linji gwida u rakkomandazzjonijiet biex jgħinu lill-Istati Membri jneħħu gradwalment ir-restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu, Komunikazzjoni lejn approċċ gradwali u kkoordinat għar-ritorn tal-libertà ta’ moviment u t-tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri interni 4 , b’referenza wkoll għall-flessibbiltà li jiġu introdotti mill-ġdid ċerti miżuri jekk ikun meħtieġ mis-sitwazzjoni epidemjoloġika.

Fil-11 ta’ Ġunju 2020, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill dwar it-tielet valutazzjoni tal-applikazzjoni tar-restrizzjoni temporanja fuq l-ivvjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE 5 , li fiha ħeġġet bil-qawwa lill-Istati Membri biex jiffinalizzaw il-proċess tat-tneħħija tar-restrizzjonijiet għall-moviment liberu fl-UE malli s-sitwazzjoni epidemjoloġika tippermetti.

Fil-15 ta’ Lulju 2020, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-istat ta' tħejjija tal-UE fuq medda qasira ta' żmien fil-qasam tas-saħħa għal tifqigħat tal-COVID-19 6 .

Fis-7 ta’ Awwissu 2020, is-servizzi tal-Kummissjoni bagħtu ittra amministrattiva lill-Istati Membri, li fiha fakkru fil-prinċipji applikabbli għar-restrizzjonijiet u l-limitazzjonijiet għall-moviment liberu biex id-deċiżjonijiet possibbli dwar restrizzjonijiet relatati mal-pandemiji għall-moviment liberu jkunu infurmati. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kull limitazzjoni għal dan id-dritt trid tkun meħtieġa u tissodisfa ġenwinament l-objettivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertà tal-oħrajn. L-ittra kellha wkoll l-għan li tippromwovi l-koordinazzjoni u tiżgura ċ-ċarezza u l-prevedibbiltà għaċ-ċittadini u n-negozji.

Għad hemm bżonn ta’ progress ulterjuri u sforzi ta’ koordinament addizzjonali fost l-Istati Membri. Meta wieħed iqis l-evoluzzjoni tal-pandemija, xi Stati Membri żammew jew introduċew mill-ġdid ċerti restrizzjonijiet għall-moviment liberu fl-UE. Il-miżuri unilaterali rriżultaw f’perturbazzjonijiet sinifikanti. Filwaqt li l-projbizzjonijiet fuq id-dħul sadanittant, fil-biċċa l-kbira tagħhom, tneħħew, in-negozji u ċ-ċittadini għadhom qed iħabbtu wiċċhom ma’ firxa wiesgħa ta’ miżuri diverġenti, li spiss jiġu adottati fi żmien qasir ħafna, ikunu bbażati fuq kriterji differenti ħafna, jew ma jkunux ikkoordinati biżżejjed ma’ Stati Membri oħrajn. Dan irriżulta f’livell għoli ta’ inċertezza kemm għaċ-ċittadini kif ukoll għan-negozji.

Fid-dawl tat-tagħlimiet meħuda mill-istadji bikrin tal-pandemija, hemm bżonn ta’ approċċ ikkoordinat tajjeb, prevedibbli u trasparenti għall-adozzjoni tar-restrizzjonijiet fuq il-libertà tal-moviment. Il-prevenzjoni tat-tixrid tal-virus, is-salvagwardja tas-saħħa taċ-ċittadini kif ukoll iż-żamma tal-moviment liberu fl-Unjoni, taħt kundizzjonijiet sikuri, huma kruċjali għall-isforzi biex l-ekonomija tal-UE tinbena mill-ġdid b’mod sikur u biex jiġi żgurat funzjonament bla xkiel tas-suq intern. Hija meħtieġa attenzjoni speċjali biex tiġi żgurata attività ekonomika transfruntiera mingħajr restrizzjonijiet.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Din ir-rakkomandazzjoni sservi biex timplimenta d-dispożizzjonijiet eżistenti relatati mar-restrizzjonijiet tal-libertà tal-moviment għal raġunijiet ta’ saħħa pubblika.

Konsistenza ma' politiki oħra tal-Unjoni

Din ir-rakkomandazzjoni hija konformi ma’ politiki oħra tal-Unjoni, fosthom dawk li jirrigwardaw is-saħħa pubblika u l-kontrolli fil-fruntieri interni.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b’mod partikolari l-Artikoli 21(2), 46, 52(2), 168(6) u 292.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

L-Artikolu 292 TFUE jippermetti lill-Kunsill jadotta rakkomandazzjonijiet. Skont din id-dispożizzjoni, il-Kunsill għandu jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni fil-każijiet kollha meta t-Trattati jipprovdu li għandu jadotta atti fuq proposta mill-Kummissjoni.

Dan japplika fis-sitwazzjoni attwali, peress li meħtieġ approċċ konsistenti biex jiġu evitati aktar perturbazzjonijiet ikkawżati minn miżuri unilaterali u mhux ikkoordinati biżżejjed li jirrestrinġu l-moviment liberu fl-Unjoni. L-Artikolu 21(1) TFUE jistipula li kull ċittadin tal-Unjoni għandu d-dritt li jmur minn post għal ieħor u li joqgħod liberament fit-territorju tal-Istati Membri, salvi l-limitazzjonijiet u l-kondizzjonijiet stabbiliti fit-Trattati u d-dispożizzjonijiet meħuda sabiex dan jitwettaq. Jekk ikun meħtieġ li tittieħed azzjoni mill-Unjoni biex jintlaħaq dan l-objettiv, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, jistgħu jadottaw dispożizzjonijiet bil-ħsieb li jiffaċilitaw l-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet.

Skont l-Artikolu 46 TFUE, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja u wara li jikkonsultaw mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, għandhom joħorġu direttivi jew jagħmlu regolamenti li jistipulaw l-miżuri li jkunu meħtieġa sabiex iġibu l-libertà tal-moviment tal-ħaddiema, kif definit fl-Artikolu 45.

Skont l-Artikolu 49(1) TFUE, ir-restrizzjonijiet għal-libertà tal-istabbiliment għandhom ikunu pprojbiti. Skont l-Artikolu 56(1) TFUE, ir-restrizzjonijiet fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi fl-Unjoni għandhom ikunu pprojbiti wkoll. Dan jinkludi restrizzjonijiet fuq il-libertà li wieħed jirċievi servizzi fi Stat Membru ieħor.

Bis-saħħa tal-Artikolu 52(2) TFUE, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja u wara konsultazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, għandhom joħorġu direttivi għall-koordinazzjoni tad-dispożizzjonijiet maħsuba biex jipprovdu miżuri speċjali rigward l-eżerċizzju tal-libertà tal-istabbiliment adottati għal raġunijiet ta’ politika pubblika, sigurtà pubblika u saħħa pubblika. Skont l-Artikolu 62 TFUE, dik id-dispożizzjoni tapplika bl-istess mod għas-servizzi.

Skont l-Artikolu 168(6), il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, jista’ jadotta wkoll rakkomandazzjonijiet għall-finijiet li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki u l-attivitajiet kollha tal-Unjoni.

Proporzjonalità

L-adozzjoni ta’ miżuri unilaterali jew mhux ikkoordinati x’aktarx twassal għal restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu li jkunu inkonsistenti u frammentati, u dan jirriżulta f’inċertezza għaċ-ċittadini tal-Unjoni meta jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom tal-UE. Il-proposta ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ u proporzjonat biex jintlaħaq l-objettiv maħsub.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX-POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex-post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

mhux applikabbli.

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Il-proposta tqis id-diskussjonijiet li saru f’intervalli regolari mal-Istati Membri minn mindu ġew implimentati l-ewwel restrizzjonijiet temporanji, l-informazzjoni disponibbli dwar is-sitwazzjoni epidemjoloġika li qed tevolvi, l-evidenza xjentifika disponibbli rilevanti u r-rispons dirett miċ-ċittadini tal-Unjoni, inkluż fil-kuntest tal-bosta ittri indirizzati lill-Kummissjoni Ewropea.

Valutazzjoni tal-impatt

mhux applikabbli.

Drittijiet fundamentali

Il-libertà tal-moviment hija dritt fundamentali minqux fl-Artikolu 45 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet f’dawk il-każijiet biss fejn ikun meħtieġ u fejn ġenwinament jintlaħqu l-objettivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet tal-oħrajn. L-Artikolu 21 tal-Karta jipprojbixxi r-restrizzjoni abbażi ta’ nazzjonalità fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattati.

F’konformità mad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 7 , id-drittijiet tal-moviment liberu jistgħu jiġu ristretti biex jipproteġu ċerti interessi pubbliċi, jiġifieri l-protezzjoni tas-saħħa pubblika, il-politika pubblika u s-sigurtà pubblika. Tali limitazzjonijiet iridu jiġu applikati f’konformità mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-UE, b’mod partikolari l-proporzjonalità u n-nondiskriminazzjoni kif ukoll ir-rispett għad-drittijiet fundamentali. Jenħtieġ li l-miżuri jkunu bbażati fuq kunsiderazzjonijiet tas-saħħa pubblika u għalhekk ma jistgħux jestendu lil hinn minn dak li huwa strettament meħtieġ biex jissalvagwardjaw l-interess pubbliku li ġġustifika l-adozzjoni tagħhom.

Kull limitazzjoni għad-dritt tal-moviment liberu tal-ħaddiema fl-Unjoni li tkun iġġustifikata għal raġunijiet ta’ politika pubblika, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika trid tkun meħtieġa, proporzjonata u bbażata fuq kriterji oġġettivi u nondiskriminatorji. Kull limitazzjoni trid tkun adatta biex tiżgura l-ksib tal-objettiv li mixtieq jintlaħaq; u ma tkunx tmur lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex dak l-għan jintlaħaq.

Din ir-Rakkomandazzjoni ma għandhiex tinftiehem bħala li tiffaċilita jew tinkoraġġixxi l-adozzjoni ta’ restrizzjonijiet għall-moviment liberu stabbiliti matul il-pandemija. Pjuttost, l-għan hu li tipprovdi approċċ ikkoordinat fil-każ li Stat Membru jiddeċiedi li jintroduċi tali restrizzjonijiet. Id-deċiżjoni dwar jekk għandhomx jiġu introdotti restrizzjonijiet għall-moviment liberu tibqa’ r-responsabbiltà tal-Istati Membri, li jridu jaġixxu f’konformità mad-dritt tal-Unjoni. Bl-istess mod, l-Istati Membri jżommu l-flessibbiltà li ma jintroduċux restrizzjonijiet anki jekk il-kriterji u l-limiti stabbiliti f’din ir-Rakkomandazzjoni jintlaħqu.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Xejn

5.ELEMENTI OĦRA

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Approċċ ikkoordinat fost l-Istati Membri jeħtieġ sforzi konġunti fuq erba’ punti ewlenin: l-applikazzjoni ta’ kriterji u limiti komuni fid-deċiżjoni dwar jekk għandhomx jiġu introdotti restrizzjonijiet għall-moviment liberu, l-immappjar ta’ kriterji komuni bl-użu ta’ kodiċi tal-kuluri maqbul, l-adozzjoni ta’ approċċ komuni fir-rigward tal-miżuri applikati għal persuni li jiċċaqalqu lejn u minn żoni identifikati bħala ta’ riskju ogħla, u li l-pubbliku jingħata informazzjoni ċara, komprensiva u f’waqtha dwar kwalunkwe restrizzjoni u rekwiżiti akkumpanjanti.

Sabiex jiġi żgurat li l-proċess ikun maniġevoli u trasparenti, il-proposta tiffoka fuq tliet kriterji, jiġifieri r-rata kumulattiva fuq 14-il jum tan-notifiki tal-każijiet ta’ COVID-19, ir-rata ta’ testijiet b’riżultat pożittiv, u r-rata tal-ittestjar. Jenħtieġ li dawn il-kriterji mbagħad jiġu applikati għaż-żoni differenti, idealment għar-reġjuni tal-Istati Membri. Jenħtieġ li jkunu biss iż-żoni b’rata ta’ ttestjar ta’ aktar minn 250 test tal-COVID-19 għal kull 100 000 abitant li jiġu vvalutati skont dawn il-kriterji, biex jiġi żgurat li jkun hemm data robusta biżżejjed.

Bl-użu ta’ dawn il-kriterji, ir-restrizzjonijiet jistgħu jiġu applikati, jekk jiġu applikati, għal reġjuni b’rata kumulattiva fuq 14-il jum tan-notifiki tal-każijiet ta’ COVID-19 ta’ 50 jew iktar u b’rata ta’ testijiet b’riżultat pożittiv ta’ 3% jew aktar. Ir-restrizzjonijiet jistgħu jiġu applikati għal reġjuni fejn ir-rata kumulattiva fuq 14-il jum tan-notifiki tal-każijiet ta’ COVID-19 tkun aktar minn 150 għal kull 100 000 abitant anki jekk ir-rata ta’ testijiet b’riżultat pożittiv tkun inqas minn 3%. Il-kriterji u l-limiti stabbiliti huma bbażati fuq diskussjonijiet estensivi mal-Istati Membri u fuq id-data pprovduta minnhom.

Bl-użu tad-data pprovduta mill-Istati Membri, iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) se jipproduċi mapep aġġornati regolarment, imqassmin skont ir-reġjuni, li jindikaw jekk il-limiti deskritti hawn fuq intlaħqux f’żona partikolari.

Meta la jintlaħaq il-livell limitu tar-rata kumulattiva fuq 14-il jum tan-notifiki tal-każijiet ta’ COVID-19 u lanqas ma jintlaħaq il-livell limitu għar-rata ta’ testijiet b’riżultat pożittiv, jenħtieġ li r-reġjun ikun immarkat bħala “aħdar”. Meta jintlaħaq wieħed biss mil-livelli limitu, jenħtieġ li r-reġjuni jkunu mmarkati bħala “oranġjo”. Meta jintlaħqu ż-żewġ livelli limitu, jenħtieġ li r-reġjun jiġi mmarkat bħala “aħmar”. Meta ma jkunx hemm biżżejjed data disponibbli jew ir-rata tal-ittestjar ma tintlaħaqx, jenħtieġ li r-reġjun jiġi mmarkat bħala “griż”.

Jenħtieġ li l-mapep żviluppati mill-ECDC jiffaċilitaw approċċ ikkoordinat għall-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Istati Membri stess, u jiżguraw li kwalunkwe deċiżjoni meħuda mill-Istati Membri tkun konsistenti u kkoordinata sew.

Pereżempju, l-Istati Membri jistgħu, bl-użu ta’ dawn il-kriterji u livelli limitu, japplikaw restrizzjonijiet minn żona

(a)b’rata kumulattiva fuq 14-il jum tan-notifiki tal-każijiet ta’ COVID-19 ta’ 70 u rata ta’ testijiet b’riżultat pożittiv ta’ 5.5% (“żona ħamra”); jew

(b)b’rata kumulattiva fuq 14-il jum tan-notifiki tal-każijiet ta’ COVID-19 ta’ 175 għal kull 100 000 abitant, irrispettivament mir-rata ta’ testijiet b’riżultat pożittiv (“żona ħamra”).

B’kuntrast ma’ dan, jenħtieġ li l-Istati Membri ma japplikawx restrizzjonijiet fuq il-moviment minn żona

(c)b’rata kumulattiva fuq 14-il jum tan-notifiki tal-każijiet ta’ COVID-19 ta’ 20 u rata ta’ testijiet b’riżultat pożittiv ta’ 2.5% (“żona ħadra”);

(d)b’rata kumulattiva fuq 14-il jum tan-notifiki tal-każijiet ta’ COVID-19 ta’ 55 u rata ta’ testijiet b’riżultat pożittiv ta’ 1.5% (“żona oranġjo”, jistgħu japplikaw il-preżentazzjoni ta’ formoli tal-lokalizzazzjoni tal-passiġġieri jew l-ittestjar);

(e)b’rata kumulattiva fuq 14-il jum tan-notifiki tal-każijiet ta’ COVID-19 ta’ 20 u rata ta’ testijiet b’riżultat pożittiv ta’ 4.5% (“żona oranġjo”, jistgħu japplikaw il-preżentazzjoni ta’ formoli tal-lokalizzazzjoni tal-passiġġieri jew l-ittestjar).

Jenħtieġ li mbagħad din il-mappa sservi bħala l-bażi għall-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Istati Membri, li jkunu kkoordinati, kemm jista’ jkun, skont kronoloġija maqbula:

(a)Kull ġimgħa: iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard jippubblika verżjoni aġġornata tal-mappa bil-kodiċi tal-kuluri.

(b)Il-Ħamis: L-Istati Membri li jkunu beħsiebhom japplikaw restrizzjonijiet għal persuni li jivvjaġġaw minn żona kklassifikata bħala “ħamra” jew “griża” jinfurmaw lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħhom.

(c)It-Tnejn: jenħtieġ li l-miżuri notifikati minn Stat Membru jidħlu fis-seħħ, ħlief minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali.

Jekk tiġi segwita din il-kronoloġija tkun żgurata l-koordinazzjoni fost l-Istati Membri u tiżdied il-prevedibbiltà, iċ-ċertezza tad-dritt u l-konformità li jkunu ta’ benefiċċju għaċ-ċittadini u n-negozji.

2020/0256 (NLE)

Proposta għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar approċċ ikkoordinat għar-restrizzjoni tal-moviment liberu b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19

(Test b'rilevanza għaż-ZEE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 21(2), l-Artikolu 46, l-Artikolu 52(2), l-Artikolu 168(6) u l-ewwel u t-tieni sentenza tal-Artikolu 292 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Iċ-ċittadinanza tal-Unjoni tagħti lil kull ċittadin tal-Unjoni d-dritt tal-moviment liberu.

(2)Skont l-Artikolu 21(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), kull ċittadin tal-Unjoni għandu d-dritt li jmur minn post għal ieħor u li joqgħod liberament fit-territorju tal-Istati Membri, salvi l-limitazzjonijiet u l-kondizzjonijiet stabbiliti fit-Trattati u d-dispożizzjonijiet meħuda sabiex dan jitwettaq. Id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 8 tagħti effett lil dak id-dritt. L-Artikolu 45 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-Karta) jipprevedi wkoll libertà ta' moviment u ta' residenza.

(3)Skont l-Artikolu 45(1) TFUE, għandu jkun żgurat il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni. Il-kisba ta’ dan l-objettiv tinvolvi d-dritt tal-ħaddiema tal-Istati Membri li jiċċaqalqu liberament fl-Unjoni sabiex iwettqu attivitajiet bħala persuni impjegati soġġetti għal kwalunkwe limitazzjoni ġustifikata għal raġunijiet ta’ politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika.

(4)Skont l-Artikolu 49(1) TFUE, ir-restrizzjonijiet għal-libertà tal-istabbiliment ta’ ċittadini ta’ Stat Membru fi Stat Membru ieħor għandhom ikunu pprojbiti.

(5)Skont l-Artikolu 56(1) TFUE, ir-restrizzjonijiet fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi fl-Unjoni għandhom ikunu pprojbiti wkoll. Dan jinkludi d-dritt tal-fornituri tas-servizzi li jaqsmu l-fruntiera sabiex jipprovdu servizzi u d-dritt tar-riċevituri tas-servizz li jivvjaġġaw lejn il-pajjiż tal-fornitur tas-servizz sabiex jirċievu s-servizz. Il-kisba ta’ dawn l-objettivi tiġġustifika l-koordinazzjoni ta’ miżuri li l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw li jadottaw għal raġunijiet ta’ saħħa pubblika fir-rigward ta’ persuni li mhumiex ċittadini.

(6)Skont l-Artikolu 168(1) TFUE, fid-definizzjonijiet u fl-implimentazzjoni tal-politiki u l-attivitajiet kollha tal-Unjoni jrid jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem.

(7)Fit-30 ta’ Jannar 2020, id-Direttur Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) iddikjara emerġenza tas-saħħa pubblika ta' rilevanza internazzjonali minħabba t-tifqigħa globali ta’ coronavirus ġdid, li tikkawża l-marda tal-Coronavirus 2019 (COVID-19). Fil-11 ta’ Marzu 2020, id-WHO għamlet il-valutazzjoni li l-COVID-19 tista’ tiġi kkaratterizzata bħala pandemija.

(8)Biex jillimitaw it-tixrid tal-virus, l-Istati Membri adottaw diversi miżuri, li wħud minnhom kellhom impatt fuq id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni li jiċċaqalqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri, bħal restrizzjonijiet fuq id-dħul jew rekwiżiti għal vjaġġaturi transfruntiera biex jagħmlu l-kwarantina.

(9)Fit-13 ta’ Frar 2020, il-Kunsill adotta l-Konklużjonijiet dwar il-COVID-19 9 li fihom ħeġġeġ lill-Istati Membri jaġixxu flimkien, f’kooperazzjoni mal-Kummissjoni, b’mod proporzjonat u xieraq biex tiġi żviluppata koordinazzjoni mill-qrib u msaħħa bejn l-Istati Membri biex tiġi żgurata l-effikaċja tal-miżuri kollha, inkluż, jekk ikun meħtieġ, miżuri rigward l-ivvjaġġar, filwaqt li jiġi ssalvagwardjat il-moviment liberu fl-Unjoni, biex tiġi żgurata l-aħjar protezzjoni tas-saħħa pubblika.

(10)Fl-10 ta’ Marzu 2020, il-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern tal-Unjoni Ewropea enfasizzaw il-bżonn ta’ approċċ Ewropew konġunt fir-rigward tal-COVID-19.

(11)Fis-16 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni adottat Linji gwida għal miżuri ta’ ġestjoni tal-fruntieri biex tiġi protetta s-saħħa u tiġi żgurata d-disponibbiltà tal-oġġetti u tas-servizzi essenzjali 10 . Fis-17 ta’ Marzu 2020, il-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern tal-Unjoni Ewropea approvaw dawn il-Linji Gwida.

(12)Fit-30 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni adottat Linji Gwida rigward l-eżerċitar tal-moviment liberu tal-ħaddiema 11 matul it-tifqigħa tal-COVID-19 biex tiżgura li l-ħaddiema mobbli u l-persuni li jaħdmu għal rashom fl-Unjoni, b’mod partikolari dawk f’okkupazzjonijiet kritiċi fil-ġlieda kontra l-pandemija, ikunu jistgħu jaslu sal-post tax-xogħol tagħhom.

(13)Fil-15 ta’ April 2020, il-President tal-Kummissjoni Ewropea u l-President tal-Kunsill Ewropew stabbilew “Pjan Direzzjonali Ewropew konġunt għat-tneħħija tal-miżuri ta’ konteniment tal-COVID-19” 12 , li skontu jenħtieġ li r-restrizzjonijiet għall-moviment liberu jitneħħew ladarba s-sitwazzjoni epidemjoloġika tikkonverġi b’mod suffiċjenti u r-regoli tat-tbegħid soċjali jiġu applikati b’mod wiesa’ u responsabbli.

(14)Fis-7 ta’ Mejju 2020, il-Kummissjoni adottat Gwida dwar il-moviment liberu tal-professjonisti fil-kura medika u l-armonizzazzjoni minima tat-taħriġ fir-rigward tal-miżuri ta’ emerġenza tal-COVID-19 — rakkomandazzjonijiet rigward id-Direttiva 2005/36/KE 13 biex tgħin lill-Istati Membri jindirizzaw in-nuqqas ta’ persunal.

(15)Fit-13 ta’ Mejju 2020, il-Kummissjoni adottat, bħala parti minn pakkett ta’ linji gwida u rakkomandazzjonijiet, Komunikazzjoni lejn approċċ gradwali u kkoordinat għar-ritorn tal-libertà ta’ moviment u t-tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri interni 14 . Il-Komunikazzjoni tipproponi approċċ ikkoordinat u gradwali li jenħtieġ li jibda billi jitneħħew ir-restrizzjonijiet bejn iż-żoni jew l-Istati Membri b’sitwazzjonijiet epidemjoloġiċi simili biżżejjed. Jenħtieġ li l-approċċ ikun flessibbli u jkun jinkludi l-possibbiltà li jerġgħu jiddaħħlu ċerti miżuri jekk is-sitwazzjoni epidemjoloġika tkun titlob hekk. Skont il-Komunikazzjoni, jenħtieġ li l-Istati Membri jaġixxu abbażi ta’ kriterji epidemjoloġiċi, il-kapaċità li japplikaw miżuri ta’ konteniment matul il-vjaġġ kollu, u kunsiderazzjonijiet ekonomiċi u soċjali.

(16)Fil-11 ta’ Ġunju 2020, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill dwar it-tielet valutazzjoni tal-applikazzjoni tar-restrizzjoni temporanja fuq l-ivvjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE 15 , li fiha ħeġġet bil-qawwa lill-Istati Membri biex jiffinalizzaw il-proċess tat-tneħħija tar-restrizzjonijiet għall-moviment liberu fl-Unjoni.

(17)Fis-16 ta’ Lulju 2020, il-Kummissjoni adottat Linji Gwida dwar il-ħaddiema staġonali fl-UE fil-kuntest tat-tifqigħa tal-COVID-19 16 , li fihom tipprovdi gwida lill-awtoritajiet nazzjonali, l-ispettorati tax-xogħol u s-sħab soċjali biex jiggarantixxu d-drittijiet, is-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema staġonali, u biex jiżguraw li l-ħaddiema staġonali jkunu konxji mid-drittijiet tagħhom.

(18)Biex jiġi ffaċilitat il-fluss bla xkiel tal-merkanzija fl-Unjoni, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Korsiji Ħodor permezz tal-Linji gwida għal miżuri ta’ ġestjoni tal-fruntieri biex tiġi protetta s-saħħa u tiġi żgurata d-disponibbiltà tal-oġġetti u tas-servizzi essenzjali 17 , il-Linji Gwida dwar l-iffaċilitar tal-Operazzjonijiet tal-Merkanzija bl-Ajru waqt it-tifqigħa tal-COVID-19 18 , u l-Linji gwida dwar il-ħarsien tas-saħħa tal-baħħara, tal-passiġġieri u ta’ persuni oħrajn li jkunu jinsabu abbord il-bastimenti u dwar ir-ripatrijazzjoni u l-arranġamenti tal-ivvjaġġar tagħhom 19 .

(19)Fid-dawl tat-tnaqqis fl-għadd ta’ każijiet tal-COVID-19 madwar l-Unjoni matul ix-xhur ta’ Ġunju u Lulju 2020, ħafna Stati Membri neħħew ir-restrizzjonijiet għall-moviment liberu imposti matul l-ewwel mewġa ta’ infezzjonijiet.

(20)Hekk kif l-għadd ta’ każijiet tal-COVID-19 beda jiżdied fil-parti l-kbira tal-Unjoni f’Awwissu 2020, xi Stati Membri bdew idaħħlu mill-ġdid ir-restrizzjonijiet għall-moviment liberu.

(21)Ir-restrizzjonijiet għall-moviment liberu tal-persuni fl-Unjoni stabbiliti biex jillimitaw it-tixrid tal-COVID-19 jenħtieġ li jkunu bbażati fuq raġunijiet speċifiċi u limitati ta’ interess pubbliku, jiġifieri l-protezzjoni tas-saħħa pubblika. Jenħtieġ li dawn jiġu applikati f’konformità mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-UE, b’mod partikolari l-proporzjonalità u n-nondiskriminazzjoni. Din ir-Rakkomandazzjoni maħsuba biex tiffaċilita l-applikazzjoni ta’ dawn il-prinċipji, b’mod ikkoordinat, għas-sitwazzjoni eċċezzjonali kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19. Għalhekk, jenħtieġ li l-mekkaniżmi stabbiliti b’din ir-Rakkomandazzjoni jkunu limitati strettament fil-kamp ta' applikazzjoni u fiż-żmien għar-restrizzjonijiet adottati b’reazzjoni għal din il-pandemija.

(22)Miżuri unilaterali f’dan il-qasam għandhom il-potenzjal li jikkawżaw perturbazzjonijiet sinifikanti peress li n-negozji u ċ-ċittadini qed iħabbtu wiċċhom ma’ firxa wiesgħa ta’ miżuri diverġenti u li jinbidlu malajr. Dan huwa partikolarment dannuż f’sitwazzjoni fejn l-ekonomija Ewropea diġà ġiet affettwata b’mod sinifikanti mill-virus.

(23)Din ir-Rakkomandazzjoni tfittex li tiżgura koordinazzjoni akbar fost l-Istati Membri li jikkunsidraw l-adozzjoni ta’ miżuri li jirrestrinġu l-moviment liberu għal raġunijiet ta’ saħħa pubblika. Hemm bżonn ta’ approċċ ikkoordinat fost l-Istati Membri biex jitnaqqas l-impatt tar-restrizzjonijiet fuq iċ-ċittadini tal-Unjoni u l-ekonomija, filwaqt li jissaħħu t-trasparenza u l-prevedibbiltà, filwaqt li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem .

(24)Approċċ ikkoordinat fost l-Istati Membri jeħtieġ sforzi konġunti fuq il-punti ewlenin li ġejjin: l-applikazzjoni ta’ kriterji u livelli limitu komuni meta jiġi deċiż jekk għandhomx jiġu introdotti restrizzjonijiet għall-moviment liberu, immappjar tar-riskju ta’ trażmissjoni tal-COVID-19 abbażi ta’ kodiċi tal-kuluri maqbul, u approċċ ikkoordinat fir-rigward tal-miżuri, jekk ikun hemm, li jistgħu jiġu applikati b’mod xieraq għall-persuni li jiċċaqalqu bejn iż-żoni, skont il-livell tar-riskju ta’ trażmissjoni f’dawk iż-żoni.

(25)Sitt xhur wara l-kriżi, hemm aktar informazzjoni dwar l-aktar miżuri effettivi li jridu jittieħdu, abbażi ta’ skambji regolari bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni. Il-kriterji u l-livelli limitu stabbiliti f’din ir-Rakkomandazzjoni huma bbażati fuq id-data pprovduta mill-Istati Membri.

(26)Fid-dawl tas-sitwazzjoni epidemjoloġika li qed tevolvi, jenħtieġ li l-Kummissjoni, appoġġata miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard, tivvaluta b’mod regolari l-kriterji, il-ħtiġijiet tad-data u l-livelli limitu stabbiliti f’din ir-Rakkomandazzjoni, inkluż jekk iridux jitqiesu kriterji oħra, bħar-rati ta’ ospitalizzazzjoni jew ir-rati ta’ okkupanza tal-unità tal-kura intensiva.

(27)Jenħtieġ li l-Istati Membri japplikaw sett ikkoordinat ta’ indikaturi u metodoloġija għall-klassifikazzjoni epidemjoloġika taż-żoni u r-reġjuni. Biex jillimitaw ir-restrizzjonijiet għal dak li jkun strettament meħtieġ, jenħtieġ li l-Istati Membri, kemm jista’ jkun, jimmiraw li jillimitaw ir-restrizzjonijiet, b’mod nondiskriminatorju, għall-persuni li jkunu ġejjin minn żoni jew reġjuni speċifiċi milquta b’mod partikolari minflok it-territorju kollu ta’ Stat Membru.

(28)Jenħtieġ li din ir-Rakkomandazzjoni ma tinftehimx bħala li tiffaċilita jew tħeġġeġ l-adozzjoni ta’ restrizzjonijiet għall-moviment liberu stabbiliti b’reazzjoni għall-pandemija, iżda pjuttost tfittex li tipprovdi approċċ ikkoordinat f’każ li Stat Membru jiddeċiedi li jintroduċi tali restrizzjonijiet. Id-deċiżjoni dwar jekk għandhomx jiġu introdotti restrizzjonijiet għall-moviment liberu tibqa’ r-responsabbiltà tal-Istati Membri, li jridu jaġixxu f’konformità mar-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni. Bl-istess mod, l-Istati Membri jżommu l-flessibbiltà li ma jintroduċux restrizzjonijiet anki jekk il-kriterji u l-limiti stabbiliti f’din ir-Rakkomandazzjoni jintlaħqu.

(29)Jenħtieġ li r-restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu jkunu kkunsidrati biss meta l-Istati Membri jkollhom biżżejjed evidenza biex jiġġustifikaw tali restrizzjonijiet f’termini tal-benefiċċju tagħhom għas-saħħa pubblika u jkollhom raġunijiet validi biex jemmnu li r-restrizzjonijiet ikunu effettivi.

(30)Jenħtieġ li l-mapep li jindikaw l-istatus tal-kriterji komuni għar-reġjuni tal-UE jkunu ppubblikati u aġġornati kull ġimgħa miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard, bl-użu tad-data pprovduta mill-Istati Membri.

(31)Biex titjieb il-koordinazzjoni fost l-Istati Membri u tiżdied il-prevedibbiltà għall-pubbliku, jenħtieġ li l-Istati Membri jużaw kronoloġija maqbula meta jikkunsidraw li jimponu restrizzjonijiet fuq il-libertà tal-moviment minħabba t-tifqigħa tal-COVID-19.

(32)Biex tiġi llimitata l-perturbazzjoni lis-suq intern u l-ħajja familjari waqt li tkun għaddejja l-pandemija, il-vjaġġaturi b’funzjoni jew ħtieġa essenzjali, bħall-ħaddiema jew il-persuni li jaħdmu għal rashom li jeżerċitaw okkupazzjonijiet kritiċi, il-ħaddiema transfruntiera, il-ħaddiema tat-trasport jew il-fornituri tas-servizzi tat-trasport, il-baħħara, u l-persuni li jivvjaġġaw għal raġunijiet imperattivi tan-negozju jew tal-familja, inklużi l-membri tal-familji transfruntiera li jivvjaġġaw fuq bażi regolari, jenħtieġ li ma jkunux obbligati jagħmlu l-kwarantina.

(33)Informazzjoni ċara, f’waqtha u komprensiva għall-pubbliku hija kruċjali biex jiġu llimitati l-impatti ta’ kwalunkwe restrizzjoni fis-seħħ fuq il-moviment liberu, u tiżgura prevedibbiltà, ċertezza tad-dritt u konformità miċ-ċittadini,

ADOTTA DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

Prinċipji Ġenerali

1.Kull restrizzjoni għall-moviment liberu tal-persuni fl-Unjoni stabbiliti biex tillimita t-tixrid tal-COVID-19 jenħtieġ li tkun ibbażata fuq raġunijiet speċifiċi u limitati ta’ interess pubbliku, jiġifieri l-protezzjoni tas-saħħa pubblika. Huwa neċessarju li dawn il-limitazzjonijiet jiġu applikati f’konformità mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-proporzjonalità u n-nondiskriminazzjoni. Għalhekk, jenħtieġ li kwalunkwe miżura li tittieħed testendi lil hinn minn dak li huwa strettament meħtieġ biex tiġi salvagwardjata s-saħħa pubblika.

2.Jenħtieġ li kwalunkwe restrizzjoni titneħħa hekk kif is-sitwazzjoni epidemjoloġika tippermetti.

3.Ma jista’ jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni bejn l-Istati Membri, pereżempju billi jiġu applikati regoli aktar ġenerużi għall-ivvjaġġar lejn u minn Stat Membru ġar meta mqabbel mal-ivvjaġġar lejn u minn Stati Membri oħra fl-istess sitwazzjoni epidemjoloġika.

4.Ir-restrizzjonijiet ma jistgħux ikunu bbażati fuq in-nazzjonalità tal-persuna kkonċernata, iżda jenħtieġ li jkunu bbażati fuq fejn kienet il-persuna matul l-14-il jum ta’ qabel il-wasla.

5.Jenħtieġ li l-Istati Membri jilqgħu dejjem liċ-ċittadini tagħhom stess u liċ-ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom residenti fit-territorju tagħhom, u jenħtieġ li jiffaċilitaw it-tranżitu rapidu minn ġot-territorji tagħhom.

6.Jenħtieġ li l-Istati Membri jagħtu attenzjoni partikolari lill-ispeċifiċitajiet tar-reġjuni transfruntiera u lill-ħtieġa ta’ kooperazzjoni fil-livell lokali u reġjonali.

7.Jenħtieġ li l-Istati Membri jiskambjaw regolarment l-informazzjoni dwar il-kwistjonijiet kollha koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din ir-rakkomandazzjoni.

Kriterji komuni

8.Jenħtieġ li l-Istati Membri jqisu l-kriterji li ġejjin meta jikkunsidraw li jirrestrinġu l-moviment liberu b’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19:

(a)ir-“rata kumulattiva fuq 14-il jum tan-notifiki tal-każijiet ta’ COVID-19”, jiġifieri, l-għadd totali ta’ każijiet ta’ COVID-19 ġodda nnotifikati għal kull 100 000 abitant f’żona partikolari fl-aħħar 14-il jum;

(b)ir-“rata ta’ testijiet b’riżultat pożittiv”, jiġifieri, il-perċentwal tat-testijiet b’riżultat pożittiv minn fost it-testijiet kollha għall-infezzjoni tal-COVID-19 imwettqa f’żona partikolari matul l-aħħar ġimgħa;

(c)ir-“rata tal-ittestjar”, jiġifieri, l-għadd ta’ testijiet għall-infezzjoni tal-COVID-19 għal kull 100 000 abitant imwettqa f’żona partikolari matul l-aħħar ġimgħa.

Data dwar il-kriterji komuni

9.Biex jiġi żgurat li tkun disponibbli data komprensiva u komparabbli, jenħtieġ li l-Istati Membri, fuq bażi ta’ kull ġimgħa, jipprovdu d-data dwar il-kriterji msemmijin fil-punt 8 liċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard.

Jenħtieġ ukoll li l-Istati Membri jipprovdu din id-data fil-livell reġjonali biex jiżguraw li kwalunkwe miżura tkun tista’ tiġi mmirata lejn dawk ir-reġjuni fejn tkun strettament meħtieġa.

Livelli limitu komuni meta jiġu kkunsidrati r-restrizzjonijiet tal-moviment liberu

10.Jenħtieġ li l-Istati Membri ma jirrestrinġux il-moviment liberu tal-persuni li jivvjaġġaw lejn jew minn Stat Membru ieħor

(a)b’rata kumulattiva fuq 14-il jum tan-notifiki tal-każijiet ta’ COVID-19 ta’ inqas minn 50 każ ġdid ta’ COVID-19 għal kull 100 000 abitant; jew

(b)b’rata ta’ testijiet b’riżultat pożittiv tat-testijiet għall-infezzjoni tal-COVID-19 ta’ inqas minn 3%;

dment li l-Istat Membru kkonċernat ikollu rata ta’ ttestjar ta’ kull ġimgħa ta’ aktar minn 250 test għall-infezzjoni tal-COVID-19 għal kull 100 000 abitant.

Bħala eċċezzjoni, fl-Istati Membri fejn ir-rata kumulattiva fuq 14-il jum tan-notifiki tal-każijiet ta’ COVID-19 tkun ogħla minn 150 għal kull 100 000 abitant, jenħtieġ li l-kriterju fl-ittra (b) ma japplikax.

11.Jenħtieġ li l-Istati Membri jqisu d-distribuzzjoni reġjonali tal-każijiet fi Stati Membri oħrajn. Kull meta jkun possibbli, jenħtieġ li r-restrizzjonijiet għall-moviment liberu jiġu ċirkoskritti fid-dawl tas-sitwazzjoni tar-reġjuni affettwati tal-Istat Membru kkonċernat. Għal dan il-għan, jenħtieġ li l-livelli limitu msemmijin fil-punt 10 jiġu applikati għal-livell reġjonali, mingħajr ma jiġi llimitat il-moviment liberu lejn jew minn reġjuni oħra ta’ dak l-Istat Membru li jilħqu l-livelli limitu.

Immappjar taż-żoni ta’ riskju meta jiġu kkunsidrati r-restrizzjonijiet tal-moviment liberu

12.Abbażi tad-data pprovduta mill-Istati Membri, jenħtieġ li ċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard għandu jippubblika mappa tal-pajjiżi tal-UE/ŻEE 20 , imqassma skont ir-reġjuni, sabiex jappoġġa t-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Istati Membri. F’din il-mappa, jenħtieġ li ż-żoni jiġu mmarkati bil-kuluri li ġejjin:

(a)bl-aħdar, jekk ir-rata kumulattiva fuq 14-il jum tan-notifiki tal-każijiet ta’ COVID-19 tkun inqas minn 25 u r-rata ta’ testijiet b’riżultat pożittiv tat-testijiet għall-infezzjoni tal-COVID-19 tkun inqas minn 3%;

(b)bl-oranġjo, jekk ir-rata kumulattiva fuq 14-il jum tan-notifiki tal-każijiet ta’ COVID-19 tkun inqas minn 50 imma r-rata ta’ testijiet b’riżultat pożittiv tat-testijiet għall-infezzjoni tal-COVID-19 tkun ta’ 3% jew aktar, jew, jekk ir-rata kumulattiva fuq 14-il jum tan-notifiki tal-każijiet ta’ COVID-19 tkun minn 25 sa 150 iżda r-rata ta’ testijiet b’riżultat pożittiv tat-testijiet għall-infezzjoni tal-COVID-19 tkun inqas minn 3%;

(c)bl-aħmar, jekk ir-rata kumulattiva fuq 14-il jum tan-notifiki tal-każijiet ta’ COVID-19 tkun ta’ 50 jew aktar u r-rata ta’ testijiet b’riżultat pożittiv tat-testijiet għall-infezzjoni tal-COVID-19 tkun ta’ 3% jew aktar, jew jekk ir-rata kumulattiva fuq 14-il jum tan-notifiki tal-każijiet ta’ COVID-19 tkun aktar minn 150 għal kull 100 000 abitant;

(d)bil-griż, jekk ma jkunx hemm biżżejjed informazzjoni biex jiġu vvalutati l-kriterji fil-punt 10 jew jekk ir-rata tal-ittestjar tkun 250 test għall-infezzjoni tal-COVID-19 jew inqas għal kull 100 000 abitant. Jenħtieġ li jintużaw sfumaturi differenti tal-griż biex issir distinzjoni bejn iż-żewġ każijiet.

13.Kull ġimgħa, jenħtieġ li ċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard jippubblika verżjoni aġġornata tal-mappa.

Koordinazzjoni bejn l-Istati Membri u kronoloġija komuni

14.L-Istati Membri li beħsiebhom japplikaw restrizzjonijiet fuq il-persuni li jivvjaġġaw lejn jew minn żona kklassifikata bħala “ħamra” jew “griża” skont il-punt 12(c) u (d), abbażi tal-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tagħhom stess, jenħtieġ li jinfurmaw lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħhom nhar ta’ Ħamis.

Għal dan l-għan, jenħtieġ li l-Istati Membri jużaw in-network stabbilit tar-Rispons Politiku Integrat f’Sitwazzjonijiet ta’ Kriżi (IPCR). Jenħtieġ li l-punti ta’ kuntatt tal-IPCR jiżguraw li l-informazzjoni tingħadda lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom mingħajr dewmien.

Ħlief għal ċirkostanzi eċċezzjonali, jenħtieġ li l-miżuri kkomunikati minn Stat Membru skont dan il-punt jidħlu fis-seħħ it-Tnejn tal-ġimgħa ta’ wara.

15.Meta jikkunsidraw japplikawx xi restrizzjonijiet, jenħtieġ li l-Istati Membri jqisu wkoll is-sitwazzjoni epidemjoloġika fit-territorju tagħhom stess, inklużi l-politiki tal-ittestjar, l-għadd ta’ testijiet imwettqa u r-rata ta’ testijiet b’riżultat pożittiv, u indikaturi epidemjoloġiċi oħrajn.

16.Jenħtieġ li l-Istati Membri ma jimponu l-ebda restrizzjoni fuq persuni li jivvjaġġaw lejn jew minn żona kklassifikata bħala “ħamra” skont il-punt 12(c) li tinsab fi Stat Membru ieħor jekk ma jimponux l-istess restrizzjonijiet fuq iż-żoni kklassifikati bħala “ħomor” skont il-punt 12(c) li jkunu jinsabu fit-territorju tagħhom stess.

17.Jenħtieġ li l-Istati Membri jinfurmaw minnufih lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bit-tneħħija ta’ kwalunkwe miżura restrittiva introdotta qabel, li jenħtieġ li tidħol fis-seħħ malajr kemm jista’ jkun.

Jenħtieġ li r-restrizzjonijiet għall-moviment liberu jitneħħew meta żona terġa’ tiġi kklassifikata bħala “oranġjo” jew “ħadra” skont il-punt 12, dment li jkunu għaddew mill-inqas 14-il jum mill-introduzzjoni tagħhom.

18.Sa mhux aktar tard minn sebat ijiem wara l-adozzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, jenħtieġ li l-Istati Membri jneħħu gradwalment ir-restrizzjonijiet applikati fuq iż-żoni li ma jkunux ikklassifikati bħala “ħomor” jew “griżi” skont il-punt 12 qabel l-adozzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni.

Qafas komuni fir-rigward tal-miżuri possibbli għall-vjaġġaturi li jkunu ġejjin minn żoni ta’ riskju ogħla

19.Jenħtieġ li l-Istati Membri ma jirrifjutawx id-dħul ta’ persuni li jivvjaġġaw minn Stati Membri oħrajn.

L-Istati Membri li jintroduċu restrizzjonijiet għall-moviment liberu, abbażi tal-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tagħhom stess, jistgħu jirrikjedu li l-persuni li jivvjaġġaw minn żona kklassifikata bħala “ħamra” jew “griża” skont il-punt 12(c) u (d)

(a)jagħmlu l-kwarantina; jew

(b)jagħmlu test għall-infezzjoni tal-COVID-19 wara l-wasla.

Kull meta jkun possibbli, jenħtieġ li l-possibbiltà li jsiru t-testijiet għall-infezzjoni tal-COVID-19 minflok il-kwarantina tkun l-għażla ppreferuta.

Jenħtieġ li l-vjaġġaturi jingħataw l-għażla li jissostitwixxu t-test imsemmi fl-ittra (b) b’test għall-infezzjoni tal-COVID-19 imwettaq qabel it-tluq.

20.Jenħtieġ li l-Istati Membri jirrikonoxxu b’mod reċiproku r-riżultati tat-testijiet għall-infezzjoni tal-COVID-19 imwettqa fi Stati Membri oħrajn minn korpi tas-saħħa ċċertifikati.

21.Jenħtieġ li l-vjaġġaturi b’funzjoni jew ħtieġa essenzjali ma jkunux meħtieġa jagħmlu l-kwarantina, b’mod partikolari:

(a)Il-ħaddiema jew persuni li jaħdmu għal rashom li jeżerċitaw okkupazzjonijiet kritiċi, ħaddiema transfruntiera u stazzjonati kif ukoll ħaddiema staġonali kif imsemmi fil-Linji Gwida rigward l-eżerċitar tal-moviment liberu tal-ħaddiema 21 matul it-tifqigħa tal-COVID-19;

(b)ħaddiema tat-trasport jew fornituri ta’ servizzi tat-trasport, inklużi sewwieqa ta’ vetturi tal-merkanzija li jġorru oġġetti għall-użu fit-territorju kif ukoll dawk li sempliċiment jgħaddu bi tranżitu;

(c)tfal tal-iskola, studenti u trainees li jivvjaġġaw barra mill-pajjiż fuq bażi ta’ kuljum;

(d)persuni li jivvjaġġaw għal raġunijiet imperattivi ta’ familja jew negozju;

(e)diplomatiċi, persunal ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali u persuni mistiedna minn organizzazzjonijiet internazzjonali li l-preżenza fiżika tagħhom hija meħtieġa għall-funzjonament tajjeb ta’ dawn l-organizzazzjonijiet, persunal militari u ħaddiema tal-għajnuna umanitarja u persunal tal-protezzjoni ċivili fil-qadi tal-funzjonijiet tagħhom;

(f)passiġġieri fi tranżitu;

(g)baħħara;

(h)ġurnalisti, fil-qadi ta’ dmirijiethom.

22.L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li persuni li jaslu minn żona kklassifikata bħala “ħamra”, “oranġjo” jew “griża” skont il-punt 12(c), (b) u (d) jippreżentaw formoli tal-lokalizzazzjoni tal-passiġġieri, b’mod partikolari dawk li jaslu bl-ajruplan, f’konformità mar-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-data. Kull meta jkun possibbli, jenħtieġ li tintuża għażla diġitali għall-informazzjoni tal-lokalizzazzjoni tal-passiġġieri sabiex jiġi ssimplifikat l-ipproċessar, filwaqt li jiġi żgurat aċċess ugwali għaċ-ċittadini kollha.

23.Meta jkun iġġustifikat, l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw li jirrakkomandaw li persuni li jivvjaġġaw minn żona kklassifikata bħala “oranġjo” skont il-punt 12(b) jagħmlu tal-inqas it-test għall-infezzjoni tal-COVID-19 qabel it-tluq jew mal-wasla.

24.Kwalunkwe miżura applikata għall-persuni li jaslu minn żona kklassifikata bħala “ħamra”, “oranġjo” jew “griża” skont il-punt 12(c), (b) u (d) ma tistax tkun diskriminatorja, jiġifieri, jenħtieġ li tapplika bl-istess mod għaċ-ċittadini tal-Istat Membru kkonċernat li jirritornaw.

25.Jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li kwalunkwe rekwiżit formali impost fuq iċ-ċittadini u n-negozji jipprovdi benefiċċju konkret għall-isforzi tas-saħħa pubblika biex tiġi miġġielda l-pandemija u ma joħloqx piż amministrattiv żejjed u bla bżonn.

26.Jekk persuna tiżviluppa s-sintomi mal-wasla fid-destinazzjoni tagħha, ikun jenħtieġ li l-ittestjar, id-dijanjożi, l-iżolament u t-traċċar tal-kuntatti jsiru skont il-prattika lokali, u d-dħul ma jiġix irrifjutat. Jenħtieġ li l-informazzjoni dwar każijiet misjuba mal-wasla tiġi kondiviża immedjatament mal-awtoritajiet tas-saħħa pubblika tal-pajjiżi li l-persuna kkonċernata kienet qed tirrisjedi fihom matul l-14-il jum preċedenti għall-finijiet tat-traċċar tal-kuntatti, bl-użu tas-Sistema ta' Twissija Bikrija u ta' Reazzjoni.

27.Jenħtieġ li r-restrizzjonijiet ma jiħdux il-forma ta’ projbizzjonijiet fuq l-operat ta’ ċerti servizzi tat-trasport.

Komunikazzjoni u informazzjoni lill-pubbliku

28.Jenħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu informazzjoni ċara, komprensiva u f’waqtha lill-partijiet ikkonċernati rilevanti u lill-pubbliku ġenerali dwar kwalunkwe restrizzjoni għall-moviment liberu, kwalunkwe rekwiżit ta’ akkumpanjament (pereżempju testijiet negattivi għall-infezzjoni tal-COVID-19 jew formoli tal-lokalizzazzjoni tal-passiġġieri), kif ukoll dwar il-miżuri applikati għall-vjaġġaturi li jivvjaġġaw minn żoni ta’ riskju ogħla.

B’mod partikolari, jenħtieġ li l-Istati Membri, jinfurmaw malajr kemm jista’ jkun lill-pubbliku bi kwalunkwe restrizzjoni ġdida introdotta jew imneħħija, ikkomunikata lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni skont il-punti 14 u 17.

Jenħtieġ li din l-informazzjoni tkun disponibbli wkoll fuq il-pjattaforma web “Re-open EU”, li jenħtieġ li tinkludi kontroreferenza għall-mappa ppubblikata regolarment miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard skont il-punti 12 u 13.

Jenħtieġ li s-sustanza tal-miżuri, il-kamp ta’ applikazzjoni ġeografika tagħhom u l-kategoriji ta’ persuni li l-miżuri japplikaw għalihom jiġu deskritti b’mod ċar.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Ir-referenza għall-Istati Membri tinkludi l-Istati Membri kollha marbuta bl-acquis dwar il-moviment liberu, kif ukoll pajjiżi terzi marbuta bir-regoli dwar il-moviment liberu (jiġifieri l-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja abbażi tal-Ftehim ŻEE, l-Iżvizzera abbażi tal-Ftehim dwar il-Moviment Liberu tal-Persuni u r-Renju Unit matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni stabbilit sal-31 ta’ Diċembru 2020 abbażi tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika).
(2)    ĠU C 86I , 16.3.2020, p. 1.
(3)    ĠU C 102I , 30.3.2020, p. 12.
(4)    ĠU C 169, 15.5.2020, p. 30
(5)     https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:52020DC0399  
(6)     https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:52020DC0318  
(7)    Id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE.” (ĠU L 158, 30.4.2004, p. 77).
(8)    Id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE.” (ĠU L 158, 30.4.2004, p. 77).
(9)    ĠU C 57, 20.2.2020, p. 4.
(10)    ĠU C 86I , 16.3.2020, p. 1.
(11)    ĠU C 102I , 30.3.2020, p. 12.
(12)     https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/communication_-_a_european_roadmap_to_lifting_coronavirus_containment_measures_0.pdf  
(13)    ĠU C 156, 8.5.2020, p. 1.
(14)    ĠU C 169, 15.5.2020, p. 30
(15)     https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:52020DC0399  
(16)    ĠU C 235I , 17.7.2020, p. 1.
(17)    ĠU C 96I, 24.3.2020, p. 1.
(18)    ĠU C 100I, 27.3.2020, p. 1.
(19)    ĠU C 119, 14.4.2020, p. 1
(20)    F’konformità mal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, ĠU L 29, 31.1.2020, p. 7 (“Ftehim dwar il-Ħruġ”), dan jirreferi ugwalment għar-Renju Unit matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni msemmi fl-Artikolu 127(1) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ.
(21)    ĠU C 102I , 30.3.2020, p. 12.