IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 27.5.2020
COM(2020) 442 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
Il-baġit tal-UE jmexxi l-pjan ta' rkupru għall-Ewropa
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 27.5.2020
COM(2020) 442 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
Il-baġit tal-UE jmexxi l-pjan ta' rkupru għall-Ewropa
IL-BAĠIT TAL-UE JMEXXI L-PJAN TA’ RKUPRU GĦALL-EWROPA
1.Baġit tal-UE ambizzjuż u innovattiv għall-irkupru Ewropew
Il-Kummissjoni ppreżentat pjan determinat u komprensiv għall-irkupru Ewropew 1 . Il-pjan huwa msejjes fuq is-solidarjetà u l-ġustizzja, u għandu l-għeruq tiegħu fil-prinċipji u l-valuri kondiviżi tal-Unjoni. Il-pjan jistipula kif l-ekonomija Ewropeja għandha titqajjem, kif tingħata spinta lit-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u kif tista’ ssir aktar ġusta, aktar reżiljenti u aktar sostenibbli għall-ġenerazzjonijiet futuri.
Il-pandemija tal-COVID-19 affettwat kull rokna tal-Unjoni u tad-dinja. Madankollu, l-impatti ekonomiċi u soċjali tal-pandemija jvarjaw konsiderevolment bejn l-Istati Membri, kif tvarja wkoll il-kapaċità tagħhom li jassorbu l-iskoss u jirrispondu għalih. Dan jhedded li jinħolqu diverġenzi dannużi bejn l-ekonomiji tal-Istati Membri u jitfa’ pressjoni qawwija fuq is-suq uniku. L-Ewropa teħtieġ rispons koordinat li jsir malajr, li jkun ambizzjuż u li jkun immirat fejn l-iktar li huwa meħtieġ.
L-implimentazzjoni tal-pjan ta’ rkupru se tkun teħtieġ investiment pubbliku u privat massiv. Hija meħtieġa azzjoni b'saħħitha biex tindirizza dawn il-ħtiġijiet biex tingħalaq id-diskrepanza fl-investiment pubbliku u privat ta’ mill-inqas EUR 1,5 triljun, biex tissewwa l-ħsara immedjata ekonomika u soċjali kkawżata mill-pandemija, u biex l-Unjoni taqbad sew it-triq lejn irkupru sostenibbli u reżiljenti 2 .
Il-Kummissjoni qed tipproponi li jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tal-baġit tal-Unjoni biex jiġi mmobbilizzat l-investiment u jsir appoġġ finanzjarju minn qabel fl-ewwel snin kruċjali tal-irkupru. Dawn il-proposti huma bbażati fuq:
ØStrument Ewropew għall-Irkupru ta’ emerġenza (“Next Generation EU”) li jammonta għal EUR 750 biljun 3 . Dan se jagħti spinta temporanja lill-baġit tal-UE b’finanzjament ġdid miġbur fis-swieq finanzjarji. Il-fondi miġbura se jiġu mgħoddija minn programmi tal-UE biex jirfdu l-miżuri immedjati meħtieġa għall-ħarsien tal-għajxien tan-nies, biex l-ekonomija titreġġa’ lura fuq saqajha, u biex jitrawwem tkabbir sostenibbli u reżiljenti.
Øqafas finanzjarju pluriennali msaħħaħ għall-2021 – 2027. Il-Kummissjoni qed tipproponi li toħloq għodod ġodda u ssaħħaħ programmi ewlenin billi tuża Next Generation EU biex tgħaddi l-investiment malajr fejn hu l-aktar meħtieġ, issaħħaħ is-suq uniku, iżżid il-kooperazzjoni f’oqsma bħas-saħħa u u l-ġestjoni tal-kriżijiet, u tattrezza l-Unjoni b’baġit fit-tul biex jixpruna t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali u tinbena ekonomija aktar ġusta u reżiljenti.
Flimkien mat-tlett ixbieki ta’ sikurezza importanti għall-ħaddiema, in-negozji u s-sovrani approvati mill-Kunsill Ewropew fit-23 ta’ April u li ammontaw għal pakkett b’valur ta’ EUR 540 biljun, dawn il-miżuri eċċezzjonali meħudin fil-livell tal-UE se jilħqu EUR 1 290 biljun ta’ appoġġ immirat u fornut minn qabel għall-appoġġ għall-irkupru Ewropew 4 . Meta jiġu applikati estimi konservattivi tal-effett ta’ ingranaġġ tal-qafas finanzjarju pluriennali u ta’ Next Generation EU, l-investiment totali li jista’ jiġi ġġenerat minn dan il-pakkett ta’ miżuri jammonta għal EUR 3,1 triljun.
Dawn il-miżuri jagħtu risposta deċiżiva għall-appelli tal-Parlament Ewropew għal “pakkett massiv ta' rkupru u rikostruzzjoni għal investiment li jappoġġa l-ekonomija Ewropea wara l-kriżi, [...] li jiddaħħal fil-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) l-ġdid” 5 u tal-Mexxejja għal fond ta’ rkupru “kbir biżżejjed, immirat lejn is-setturi u l-partijiet ġeografiċi tal-Ewropa l-aktar milquta, u ddedikat lejn l-indirizzar ta’ din il-kriżi bla preċedent” 6 .
Dan il-fehim kondiviż jipprovdi l-bażi għal ftehim rapidu u komprensiv bejn l-istituzzjonijiet. Il-Kummissjoni tappella għal kooperazzjoni mill-qrib ħafna bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar l-elementi kollha ta’ dan il-pjan ta’ rkupru u tistedinhom biex ta’ kull sena jagħmlu rieżami tal-infiq iffinanzjat bi dħul assenjat estern permezz ta’ Next Generation EU. Il-prinċipji ta’ tali rieżami jistgħu jiġu stipulati f’dikjarazzjoni interistituzzjonali. Ftehim rapidu dwar il-Ġenerazzjoni li jmiss tal-UE u baġit fit-tul ambizzjuż ikunu dikjarazzjoni qawwija ta’ solidarjetà u determinazzjoni Ewropej fi żmien li fih hemm wisq x’nistgħu nitilfu.
Il-baġit fit-tul tal-UE, bi spinta minn Next Generation EU, qiegħed f’pożizzjoni unika biex imexxi l-irkupru Ewropew. Il-baġit tal-UE jipprovdi qafas trasparenti u fdat għall-programm ta’ investiment massiv li għandna quddiemna, ankrat fil-metodu Komunitarju tal-governanza u t-teħid ta’ deċiżjonijiet. Il-baġit tal-UE huwa mutur ippruvat tal-investiment, il-koeżjoni u s-solidarjetà, u jsaħħaħ is-suq uniku tal-Ewropa.
Fl-aħħar ġimgħat, il-Kummissjoni użat il-flessibbiltà kollha li kien għad fadal fil-baġit attwali tal-UE biex kull euro li kien hemm disponibbli jingħadda biex jiġu salvati l-ħajjiet u jiġi mħares l-għajxien tan-nies. Il-miżuri wrew is-saħħa li għandu l-baġit tal-UE biex jipprovdi appoġġ sostanzjali u fil-ħin lill-Istati Membri fi kriżi. Il-miżuri eżawrew ukoll il-flessibbiltà kollha li kien għad fadal fil-baġit attwali tal-UE, li enfasizzat il-ħtieġa urġenti li jiġu introdotti miżuri ġodda biex imexxu l-fażijiet kruċjali li jmiss tal-irkupru.
Il-bażijiet fundamentali tal-proposti tal-Kummissjoni għal baġit fit-tul modern u flessibbli adattat strettament għall-prijoritajiet tal-Unjoni għadhom validi llum. Il-Kummissjoni issa qed tipproponi li dawn il-proposti jiġu adattati u msaħħin biex imexxu l-irkupru tal-Ewropa. Billi nibnu fuq il-progress konsiderevoli li diġà sar fil-Parlament Ewropew u fil-Kunsill se noħolqu l-aħjar kundizzjonijiet possibbli għal ftehim f’waqtu.
It-tranżizzjonijiet tewmin lejn Ewropa ekoloġika u diġitali għadhom l-isfidi li jiddefinixxu din il-ġenerazzjoni. Dan huwa rifless fil-proposti tal-Kummissjoni. L-investiment f’ mewġa ta’ rinnovazzjoni fuq skala kbira, fl-enerġija rinnovabbli u f’soluzzjonijiet tal-idroġenu nadif, fit-trasport nadif, fl-ikel sostenibbli u f’ekonomija ċirkolari intelliġenti għandu potenzjal enormi biex l-ekonomija tal-Ewropa tibda tikber. Jenħtieġ li l-appoġġ ikun konsistenti mal-objettivi klimatiċi u ambjentali tal-Unjoni. L-investiment fl-infrastruttura u l-ħiliet diġitali se jgħin biex tingħata spinta lill-kompetittività u lis-sovranità teknoloġika. L-investiment fir-reżiljenza għal sfidi futuri għas-saħħa u fl-awtonomija strateġika se jgħinu biex l-Unjoni tkun imħejjija aħjar għal kriżijiet futuri.
Next Generation EU se jagħti lill-baġit tal-UE l-qawwa addizzjonali neċessarja biex jirrispondi b’mod deċiżiv għall-aktar sfidi urġenti. Dan se jkun strument ta’ emerġenza ta’ darba, implimentat għal perjodu temporanju u użat biss għal miżuri ta’ rispons u rkupru fil-każ ta’ kriżi. Il-fondi se jingħaddew mill-baġit tal-UE lill-Istati Membri biex jappoġġaw il-prijoritajiet ta’ investiment u riforma, u se jintużaw biex isaħħu programmi finanzjarji essenzjali għall-irkupru, bid-data ta’ tmiem tal-31 ta’ Diċembru 2024 . Il-ġbir ta’ finanzjament fis-swieq finanzjarji se jgħin biex il-kostijiet finanzjarji jinfirxu maż-żmien, sabiex b’hekk l-Istati Membri ma jkollhomx għalfejn jagħmlu kontribuzzjonijiet addizzjonali sinifikanti għall-baġit tal-UE fil-perjodu 2021–2027. Il-Kummissjoni se tipproponi wkoll riżorsi proprji ġodda li jistgħu jgħinu biex jiffinanzjaw ir-ripagament tal-finanzjament mis-suq li jinġabar taħt Next Generation EU.
It-tnedija ta’ Next Generation EU malajr se tkun vitali biex tinqaleb il-folja tal-kriżi ekonomika. Barra minn hekk, sabiex il-fondi jsiru disponibbli malajr kemm jista’ jkun biex jirrispondu għall-aktar ħtiġijiet urġenti, il-Kummissjoni tipproponi li temenda l-qafas finanzjarju pluriennali attwali 2014-2020 biex tagħmel EUR 11,5 biljun f’finanzjament disponibbli mill-2020 stess. Dan il-finanzjament addizzjonali jsir disponibbli għal REACT-EU, l-Istrument ta’ Appoġġ għas-Solvenza u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli, li jirrifletti l-urġenza ta’ dawn il-ħtiġijiet.
2.Kif se jintuża Next Generation EU?
Kull programm u kull euro f’dan il-pakkett se jintużaw biex jindirizzaw l-aktar ħtiġijiet ta’ rkupru kruċjali, kif identifikat fil-valutazzjoni tal-ħtiġijiet tal-Kummissjoni. Dawn il-proposti jiffukaw fuq fejn il-baġit tal-UE jista’ jagħmel l-akbar differenza, billi jikkomplementaw u jamplifikaw ix-xogħol essenzjali li għaddej fl-Istati Membri.
Il-pakkett huwa mibni fuq tliet pilastri: għodod biex jappoġġaw l-isforzi tal-Istati Membri biex jirkupraw, isewwu u joħorġu aktar b’saħħithom mill-kriżi; miżuri biex jagħtu spinta lill-investiment privat u għall-appoġġ ta’ kumpaniji f’diffikultà; u t-tisħiħ tal-programmi ewlenin tal-UE biex jittieħdu t-tagħlimiet mill-kriżi u s-suq uniku jsir aktar b’saħħtu u reżiljenti.
1)Nappoġġaw lill-Istati Membri biex jirkupraw, isewwu, u joħorġu aktar b’saħħithom mill-kriżi
ØFaċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza ġdida
Il-baġit tal-UE jista’ jipprovdi appoġġ qawwi għall-prijoritajiet tal-investiment u r-riforma identifikati permezz tas-Semestru Ewropew, aktar kruċjali minn qatt qabel fi żmien li fih il-baġits nazzjonali qegħdin taħt pressjoni.
Fiċ-ċentru tal-pjan ta’ rkupru se jkun hemm Faċilità ġdida għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Il-mira tal-faċilità se tkun li tappoġġa l-investiment u r-riformi essenzjali għal irkupru dejjiemi, biex tittejjeb ir-reżiljenza ekonomika u soċjali tal-Istati Membri, u biex jiġu appoġġati t-tranżizzjonijiet ekonomiċi u diġitali. Se tkun disponibbli għall-Istati Membri kollha, iżda l-appoġġ se jkun ikkonċentrat fil-partijiet tal-Unjoni l-aktar milquta u li fihom hemm l-akbar ħtieġa relatata mar-reżiljenza. Dan se jgħin biex jiġu miġġielda d-diverġenzi li qed jikbru bejn l-Istati Membri u biex inħejju l-ekonomiji tagħna għall-ġejjieni.
Il-faċilità se toffri appoġġ finanzjarju fuq skala kbira għall-investimenti u r-riformi li jagħmlu l-ekonomiji tal-Istati Membri aktar reżiljenti. B’mod kruċjali, se tiżgura li dawn l-investimenti u r-riformi jiffukaw fuq l-isfidi u l-ħtiġijiet ta’ investiment relatati mat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Se tgħin lill-Istati Membri jindirizzaw sfidi ekonomiċi u soċjali li huma saħansitra aktar kritiċi kaġun tal-kriżi, f’bosta oqsma bħal dawk soċjali, tal-impjiegi, tal-ħiliet, tal-edukazzjoni, tar-riċerka u tal-innovazzjoni u tas-saħħa, iżda wkoll f’oqsma relatati mal-ambjent tan-negozju, inkluż l-amministrazzjoni pubblika u s-settur finanzjarju. Il-Kummissjoni se toffri appoġġ tekniku estensiv biex tiżgura li l-fondi jintużaw bl-aħjar mod possibbli.
Il-faċilità għandha baġit propost ta’ EUR 560 biljun biex jgħin fil-finanzjament ta’ rkupru u reżiljenza tal-Istati Membri. Se tkun mgħammra b’faċilità tal-għotjiet b’valur sa EUR 310 biljun u se tkun kapaċi twassal sa EUR 250 biljun f’self.
Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza se tkun integrata sew fis-Semestru Ewropew. L-Istati Membri se jħejju pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza bħala parti mill-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma tagħhom. Dawn il-pjanijiet se jistipulaw il-prijoritajiet tal-investiment u r-riforma u l-pakketti tal-investiment relatati li għandhom jiġu ffinanzjati taħt il-faċilità, u l-appoġġ se jingħata f’pagamenti skont il-progress li jkun sar u fuq il-bażi ta’ parametri referenzjarji predefiniti.
ØREACT-EU - inżidu l-appoġġ ta’ koeżjoni għall-Istati Membri
Il-Kummissjoni qed tipproponi inizjattiva REACT-EU ġdida biex iżżid l-appoġġ biex l-Istati Membri jagħmlu l-ekonomiji tagħhom aktar reżiljenti u sostenibbli fil-fażi tat-tiswija tal-kriżi. Dan se jgħin biex tiċkien id-diskrepanza bejn il-miżuri tal-ewwel rispons u l-irkupru aktar fit-tul.
Permezz ta’ REACT-EU, il-Kummissjoni qed tipproponi li tipprovdi EUR 55 biljun ta’ finanzjament addizzjonali tal-politika ta’ koeżjoni minn issa sal-2022, EUR 50 biljun minn Next Generation EU fl-2021 u l-2022, u EUR 5 biljun diġà fl-2020 billi tadatta l-qafas finanzjarju attwali. Dan se jkun ibbażat fuq ir-regoli attwali tal-koeżjoni, inkluża l-flessibilità eċċezzjonali introdotta permezz tal-Inizjattivi ta’ Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus. Skont dawn il-proposti, bejn l-2020 u l-2022 se jiġi pprovdut finanzjament addizzjonali għall-programmi ta’ koeżjoni attwali kif ukoll għall-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn, biex b’hekk il-finanzjament għall-miżuri ewlenin ta’ tiswija wara l-kriżi u l-appoġġ għall-persuni l-aktar fil-bżonn ikun jista’ jkompli mingħajr interruzzjoni.
Il-finanzjament addizzjonali se jiġi allokat skont is-severità tal-impatti ekonomiċi u soċjali tal-kriżi, inkluż il-livell ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ u l-prosperità relattiva tal-Istati Membri . L-impenji addizzjonali se jiġu implimentati permezz tal-emendi għall-programmi jew programmi ġodda ddedikati ppreżentati mill-Istati Membri u adottati mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni se taħdem mill-qrib mal-Istati Membri biex jimmaniġjaw dan il-proċess b’aktar mod rapidu u effiċjenti possibbli.
Il-finanzjament se jappoġġa l-azzjonijiet ta’ tiswija tal-kriżi fl-aktar setturi importanti għal irkupru ekoloġiku, diġitali u reżiljenti. Dan se jinkludi investiment biex jissewwew is-swieq tax-xogħol, inluż permezz ta’ sussidji għar-reklutaġġ, skemi ta’ xogħol b'ħinijiet iqsar, appoġġ għas-sistemi tas-saħħa, u l-provvediment ta’ kapital operatorju għall-intrapriżi żgħar u medji. L-appoġġ se jkun disponibbli f’setturi ekonomiċi differenti, inkluż fit-turiżmu u l-kultura, u għall-investimenti essenzjali fit-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u b’hekk isaħħaħ l-investiment diġà ppjanat skont il-programmi ta’ koeżjoni futuri. Parti minn dawn ir-riżorsi addizzjonali jistgħu jintużaw ukoll biex jgħinu lin-nies li qed isofru mill-privazzjoni materjali u alimentari.
ØIl-politika ta' koeżjoni għasservizz tal-irkupru ekonomiku għal kulħadd
Lil hinn mir-rispons immedjat għall-kriżi, il-politika ta' koeżjoni se tkun kruċjali biex niżguraw irkupru bbilanċjat fit-tul, biex jiġu evitati assimetriji u diverġenzi fit-tkabbir bejn l-Istati Membri u fi ħdanhom.
Għaldaqstant huwa essenzjali għall-prijoritajiet strateġiċi tal-Unjoni li l-programmi ta’ koeżjoni l-ġodda jiġu varati fl-1 ta’ Jannar 2021, b’mod parallel mal-fondi addizzjonali li jkunu saru disponibbli għall-programmi attwali sa tmiem l-2022. Dawn il-proposti ġew imfassla biex jagħtu l-appoġġ massimu għall-prijoritajiet tal-lum.
Il-Kummissjoni issa qed taġġusta l-proposti tagħha għall-programmi futuri tal-politika ta’ koeżjoni biex jagħtu appoġġ aktar b’saħħtu għall-investimenti ta’ rkupru, pereżempju fir-reżiljenza tas-sistemi nazzjonali tas-saħħa, f’setturi bħat-turiżmu u l-kultura, fl-appoġġ għall-intrapriżi żgħar u medji, f’miżuri għall-impjieg taż-żgħażagħ, fl-edukazzjoni u l-ħiliet, u miżuri li jikkumbattu l-faqar fost it-tfal.
Iż-żgħażagħ aktarx li se jintlaqtu partikolarment ħażin mill-kriżi, u għalhekk jenħtieġ li l-Istati Membri b’livelli ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ ogħla mill-medja tal-UE jipprogrammaw mill-inqas 15 % tar-riżorsi tal-Fond Soċjali Ewropew Plus tagħhom b'ġestjoni kondiviża biex jappoġġaw liż-żgħażagħ. Fid-dawl tal-impatt li l-kriżi aktarx ikollha fuq il-persuni l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà, il-Kummissjoni tipproponi wkoll li mill-inqas 5 % tan-nefqa totali skont il-Fond Soċjali Ewropew Plus jenħtieġ li tintuża biex tgħin biex it-tfal jinħarġu mill-faqar.
Se tiġi pprovduta assistenza teknika biex l-Istati Membri jimmassimizzaw il-benefiċċji kombinati tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni l-ġodda u l-programmi attwali taħt REACT-EU.
Il-proposti riveduti jipprevedu wkoll flessibbiltà akbar għat-trasferimenti bejn il-fondi u jintroduċu provvedimenti ġodda biex jiġu attivati f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza. Biex jiġi żgurat li jkun hemm biżżejjed appoġġ lill-Istati Membri u lir-reġjuni l-aktar fil-bżonn, il-proposti riveduti tal-Kummissjoni jipprevedu wkoll rieżami tal-allokazzjonijiet tal-koeżjoni nazzjonali fl-2024, huma u jitqiesu l-istatistiċi li kienu disponibbli l-aħħar. Dan ir-rieżami se jwassal biss għal aġġustamenti ’l fuq ta’ sa EUR 10 biljun għall-Istati Membri kollha.
ØAppoġġ għal tranżizzjoni ġusta
L-irkupru u l-prosperità futura tal-Ewropa se jiddependu fuq il-passi li nieħdu issa biex inħejju għat-tranżizzjoni għal ekonomija newtrali għall-klima, effiċjenti fir-riżorsi u ċirkolari. Dan it-tibdil se jaffettwa lill-Ewropej kollha iżda l-piż tal-aġġustament se jkun itqal għal xi setturi u reġjuni minn oħrajn. Bħala parti mill-pakkett ta’ rkupru, il-Kummissjoni qed tipproponi li tuża Next Generation EU biex tipprovdi assistenza finanzjarja biex takkumpanja t-trasformazzjoni tal-ekonomija Ewropea u biex tiżgura li ħadd ma jitħalla lura.
B’mod partikolari, il-Kummissjoni qed tipproponi li tipprovdi finanzjament addizzjonali sostanzjali ta’ EUR 30 biljun għall-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, biex it-total jiġi ta’ EUR 40 biljun. Dan il-finanzjament se jintuża biex jittaffew l-impatti soċjo-ekonomiċi tat-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika fir-reġjuni l-aktar affettwati, billi pereżempju jappoġġa t-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema, jgħin lill-SMEs joħolqu opportunitajiet ekonomiċi ġodda, u b’investiment fit-tranżizzjoni lejn l-enerġija nadifa u fl-ekonomija ċirkolari. Aktar finanzjament għall-InvestEU se jfisser ukoll li t-tieni pilastru tal-Mekkaniżmu ta' Tranżizzjoni Ġusta se jissaħħaħ. Il-Kummissjoni qed tagħmel ukoll proposti biex tistabbilixxi l-faċilità ta' self għas-settur pubbliku li tifforma t-tielet pilastru tal-Mekkaniżmu ta' Tranżizzjoni Ġusta. Dan se jiġi appoġġat minn EUR 1,5 biljun mill-baġit tal-UE 7 u EUR 10 biljun f’self mill-Bank Ewropew tal-Investiment. Meħudin flimkien, it-tliet pilastri tal-Mekkaniżmu ta' Tranżizzjoni Ġusta huma mistennija li jimmobilizzaw sa EUR 150 biljun f’investimenti biex jiżguraw li ħadd ma jitħalla lura fit-tranżizzjoni ekoloġika.
Iż-żoni rurali se jkollhom rwol vitali x’jaqdu biex jimplimentaw it-tranżizzjoni ekoloġika u biex jintlaħqu l-miri klimatiċi u ambjentali ambizzjużi tal-Ewropa. Il-Kummissjoni qed tipproponi li jissaħħaħ il-baġit għall-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali b’EUR 15 biljun biex jappoġġa lill-bdiewa u liż-żoni rurali biex jagħmlu t-tibdil strutturali meħtieġ għall-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, u b’mod partikolari biex tappoġġa l-kisba tal-miri ambizzjużi fl-istrateġiji tal-bijodiversità u “Mill-Għalqa sal-Platt”.
2)Inqajmu l-ekonomija u ngħinu biex l-investiment privat jerġa’ jibda jiċċaqlaq
ØNoħolqu salvawom ta’ likwidità u solvenza għal kumpaniji taħt pressjoni
L-abbiltà tal-ekonomiji Ewropej li jirritornaw għat-tkabbir tiddependi fuq ir-reżiljenza u l-adattabilità tas-settur privat. B’riżultat tal-kriżi, kumpaniji li normalment huma vijabbli qed jesperjenzaw problemi serji ta’ likwidità u solvenza. L-istimi tal-Kummissjoni juru li f’xenarju negattiv, bejn 35 % u 50 % tal-kumpaniji b’aktar minn 20 impjegat jistgħu jesperjenzaw nuqqasijiet ta’ finanzjament sa tmiem is-sena. Il-ħtiġijiet ta’ tiswija tal-ekwità għal din is-sena biss jistgħu jkunu bejn EUR 720 biljun u EUR 1,2 triljun. Bi kriżi ta’ dan id-daqs quddiemna, l-appoġġ li bħalissa qed jiġi pprovdut mill-Istati Membri mhuwiex se jkun biżżejjed. Barra minn hekk, l-abbiltà tal-Istati Membri li jappoġġaw lill-kumpaniji tagħhom tvarja ħafna. Għaldaqstant, hija meħtieġa azzjoni urġenti biex tgħin dawn il-kumpaniji jgħaddu minn din il-kriżi, u jiġi evitat ċirku vizzjuż ta’ ħsara ekonomika u fallimenti ta’ kumpaniji, u titwitta triq għal irkupru f'saħħtu fis-suq uniku.
Il-Kummissjoni għalhekk qed tipproponi Strument ta’ Appoġġ għas-Solvenza ġdid biex jgħin fil-mobilizzazzjoni ta’ riżorsi privati biex jipprovdu appoġġ urġenti lil kumpaniji Ewropej li normalment ikunu vijabbli biex jindirizzaw tħassib ta’ likwidità u ta’ solvenza. L-istrument se jkun temporanju u mmirat unikament u strettament biex jiġi indirizzat l-impatt ekonomiku tal-pandemija. Se jgħin biex jiġu evitati defiċits massivi ta’ kapital u inadempjenzi possibbli ta’ kumpaniji li normalment ikunu vijabbli u l-ħsara ekonomika kbira li dawn jikkawżaw. Dawn il-miżuri b’azzjoni rapida se jiġu kkomplementati minn appoġġ aktar fit-tul taħt programmi bħal InvestEU, il-politika ta' koeżjoni u l-programm għas-suq uniku.
L-istrument temporanju l-ġdid se jinħoloq taħt il-FEIS. Se jimmobilizza l-investiment privat f’kumpaniji li għaddejjin mill-inkwiet billi jipprovdi garanziji parzjali kontra t-telf. Bi provvediment fil-baġit tal-UE ta’ EUR 5 biljun mill-qafas finanzjarju attwali fl-2020 biex jiżgura bidu rapidu u EUR 26 biljun addizzjonali minn Next Generation EU, il-baġit tal-Unjoni se jipprovdi garanzija ta’ madwar EUR 75 biljun lill-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment, li se jiżgura twettiq rapidu fuq il-post. L-istrument se jkollu l-mira ta’ livell ta’ investiment ta’ EUR 300 biljun f’appoġġ għas-solvenza.
Il-garanzija se tiġi kalibrata biex tiżgura li l-investimenti jiġu mmirati lil dawk il-kumpaniji li għandhom l-akbar ħtieġa ta’ kapital fl-Istati Membri u s-setturi kollha, b’enfasi partikolari fuq l-Istati Membri li huma anqas kapaċi jintervjenu permezz tal-għajnuna mill-istat u fuq l-Istati Membri u s-setturi li fihom l-effetti ekonomiċi tal-COVID-19 kienu l-aktar serji. Dan huwa essenzjali biex jinżammu kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni fis-suq uniku u biex jiġi evitat li jkomplu jikbru d-diverġenzi ekonomiċi dannużi fl-Unjoni. Jenħtieġ li titqies bir-reqqa s-sitwazzjoni kapitali tal-istituzzjonijiet li jimplimentaw l-Istrument ta’ Appoġġ għas-Solvenza.
Barra minn hekk, bħala miżura komplementari, il-kapital tal-Fond Ewropew tal-Investiment se jiżdied biex jipprovdi appoġġ lil firxa wiesgħa ta’ intrapriżi żgħar u medji, inkluż permezz tal-implimentazzjoni tal-Istrument ta’ Appoġġ għas-Solvenza. Dan se jkompli jżid mal-bini ta’ pakkett komprensiv għall-irkupru Ewropew, ukoll flimkien mal-miżuri miftiehma mill-Kunsill Ewropew f’April. Iż-żieda kapitali li se tasal sa EUR 1,5 biljun se tiġi ffinanzjata kemm taħt il-qafas finanzjarju pluriennali preżenti kif ukoll dak li jmiss.
ØKapaċità tal-investiment u awtonomija strateġika msaħħa
L-investiment privat se jintlaqat ħafna mill-kriżi: l-analiżi tal-Kummissjoni tissuġġerixxi li l-investiment tas-settur privat jista’ jonqos b’aktar minn EUR 1 triljun fl-2020–2021. Biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet ta’ investiment tal-ekonomija Ewropea se jkun hemm bżonn azzjoni urġenti biex din ix-xejra titreġġa’ lura u tqiegħed il-kundizzjonijiet meħtieġa għal irkupru mmexxi mill-investiment. Dan l-investiment huwa partikolarment kruċjali għas-suċċess tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali tal-Ewropa, fejn il-Kummissjoni tistma li l-ħtiġijiet tal-investiment jammontaw għal mill-inqas EUR 1,2 triljun fl-istess perjodu. L-investiment fis-setturi u t-teknoloġiji ewlenin, mill-5G sal-intelliġenza artifiċjali, mill-idroġenu nadif għall-enerġija rinnovabbli offshore, huwa l-muftieħ għall-ġejjieni tal-Ewropa.
Il-programm InvestEU huwa uniku f’kemm jista’ jimmobilizza l-investiment u jappoġġa l-politiki tal-Unjoni tul l-irkupru minn kriżi ekonomika profonda. Dan ġie muri sew mill-esperjenza fl-implimentazzjoni tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi u l-istrumenti finanzjarji wara l-kriżi finanzjarja li għaddiet.
Il-Kummissjoni għaldaqstant qed tipproponi li InvestEU tissaħħaħ għal livell ta’ EUR 15,3 biljun għall-erba’ twieqi ta’ politika diġà maqbula mill-koleġiżlaturi. Dan jista’ jiskatta investiment ta’ aktar minn EUR 240 biljun.
L-InvestEU se jipprovdi appoġġ kruċjali għal kumpaniji fil-fażi tal-irkupru u jiżgura enfasi qawwija fost l-investituri fuq il-prijoritajiet ta’ politika fi żmien medju u fit-tul, b’mod partikolari l-Patt Ekoloġiku Ewropew u d-diġitalizzazzjoni. Se jżid il-kapaċità ta’ teħid ta’ riskji tal-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Banek Promozzjonali Nazzjonali b’appoġġ għall-irkupru ekonomiku. Billi jimmobilizza investiment privat sinifikanti, se jikkomplementa l-appoġġ immedjat ipprovdut tul il-fażi tat-tiswija tal-kriżi mill-Istrument ta’ Appoġġ għas-Solvenza u REACT-EU, u l-finanzjament skont il-qafas futur mill-politika ta’ koeżjoni u programmi oħrajn.
Ninvestu fl-awtonomija strateġika: Faċilità għall-Investiment Strateġiku ġdida
Karatteristika ewlenija tal-InvestEU se tkun faċilità ġdida biex iżżid ir-reżiljenza tal-Ewropa billi tinbena l-awtonomija strateġika fi ktajjen tal-valur essenzjali fil-livell Ewropew.
Se tinħoloq Faċilità għall-Investiment Strateġiku bħala tieqa addizzjonali taħt InvestEU. Din il-faċilità se tappoġġa proġetti li jikkontribwixxu għall-bini ta’ ktajjen tal-valur b'saħħithom u reżiljenti madwar l-UE u jsaħħu l-awtonomija tas-suq uniku tal-Unjoni, filwaqt li żżomm il-ftuħ tagħha għall-kompetizzjoni u l-kummerċ f’konformità mar-regoli tagħha. Dan se jsaħħaħ ir-reżiljenza tal-ekonomija tal-Unjoni filwaqt li tipprovdi r-riżorsi għal kumpaniji strateġikament importanti biex jiffjorixxu u jikbru fl-UE. L-appoġġ mill-Istati Membri għal dawn il-proġetti aktarx li mhux se jkun biżżejjed u d-dimensjoni transfruntiera qawwija tfisser li approċċ koordinat Ewropew se jkun essenzjali għas-suċċess.
Bi provvediment ta’ EUR 15-il biljun minn Next Generation EU, il-faċilità l-ġdida tipprovdi garanzija tal-UE ta’ EUR 31,5 biljun u tista’ tiġġenera investimenti li jaslu sa EUR 150 biljun biex jinċentivizzaw it-tmexxija industrijali Ewropea f’setturi strateġiċi u ktajjen tal-valur ewlenin, inklużi dawk li huma kruċjali għat-tranżizzjonijiet tewmin ekoloġiċi u diġitali. It-tieqa se tiżgura li tali investimenti jisfruttaw għalkollox il-potenzjal tas-suq uniku, bil-garanzija tal-UE tappoġġa kumpaniji minn madwar l-ekonomija Ewropea u ssir strument qawwi għall-irkupru.
3)Nitgħallmu mill-kriżi u nindirizzaw l-isfidi strateġiċi tal-Ewropa
ØProgrammi ġodda u msaħħa biex tinbena r-reżiljenza u tissaħħaħ il-kooperazzjoni
Next Generation EU se jipprovdi tisħiħ immirat għal programmi ewlenin li jmexxu t-tkabbir u l-kapaċità tal-Ewropa li tirreżisti u tegħleb kriżijiet futuri. Dawn iż-żidiet huma addizzjonali għall-proposti inizjali tal-Kummissjoni għall-qafas futur, li jibqgħu bażi ġusta u bbilanċjata għal ftehim.
Programm ġdid għat-tisħiħ tas-sigurtà u l-kooperazzjoni fil-qasam tas-saħħa.
Il-kriżi wriet li l-finanzjament għas-saħħa għandu jingħata prijorità ogħla fil-qafas finanzjarju futur. Il-Kummissjoni qed tipproponi programm ambizzjuż u indipendenti l-UE għas-Saħħa li jipprovdi appoġġ dedikat għall-isfidi tas-saħħa li ġejjin kif identifikat fil-valutazzjoni tal-ħtiġijiet. Skont din il-proposta, il-finanzjament għall-programm il-ġdid se jammonta għal EUR 9,4 biljun, tisħiħ kbir meta mqabbel mal-proposti preċedenti taħt il-Fond Soċjali Ewropew Plus.
Il-programm il-ġdid se jgħin biex jiġi żgurat li l-Unjoni tkun mgħammra bil-kapaċitajiet kritiċi li tirreaġixxi malajr għall-kriżijiet tas-saħħa futuri u bl-iskala meħtieġa. Il-programm se jkollu l-għan li joħloq qafas komprensiv għall-prevenzjoni, it-tħejjija u r-rispons għall-kriżijiet tas-saħħa fl-UE, li jikkumplimenta u jsaħħaħ l-isforzi fuq livell nazzjonali u l-appoġġ reġjonali għas-sistemi tal-kura tas-saħħa taħt il-politika ta’ koeżjoni.
L-ewwel parti tal-programm se tindirizza s-sigurtà tas-saħħa u t-tħejjija għall-kriżijiet. Se tappoġġa l-investimenti f’infrastruttura tas-saħħa kritika, għodda, strutturi, proċessi, u kapaċità tal-laboratorji, inklużi għodod għas-sorveljanza, l-immudellar, it-tbassir, il-prevenzjoni u l-ġestjoni ta’ tifqigħat. Se tappoġġa l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu għall-iżvilupp, l-akkwist u l-ġestjoni ta’ prodotti rilevanti għall-kriżijiet tas-saħħa bħall-mediċini - inkluż it-tilqim - u t-trattamenti, is-sustanzi intermedji tagħhom, l-ingredjenti farmaċewtiċi attivi u l-materja prima; apparat mediku u tagħmir mediku bħal ventilaturi, ilbies u tagħmir protettiv, materjali u għodod dijanjostiċi. Dan se jgħin biex jinħoloq qafas ġdid ta’ komunikazzjoni tar-riskju fl-UE li jkopri l-fażijiet kollha ta’ kriżi.
It-tieni parti se tappoġġa viżjoni aktar fit-tul għat-titjib tal-eżiti tas-saħħa permezz ta’ sistemi tas-saħħa effiċjenti u inklużivi fl-Istati Membri, permezz ta’ prevenzjoni u sorveljanza aħjar tal-mard, il-promozzjoni tas-saħħa, l-aċċess, id-dijanjożi u t-trattament, u l-kollaborazzjoni transfruntiera fis-saħħa. Pereżempju, il-programm se jappoġġa l-bini ta’ kapaċità fl-Istati Membri, jiffinanzja programmi ta’ taħriġ għall-persunal mediku u tal-kura tas-saħħa, u jinvesti fit-trasformazzjoni diġitali tas-settur tal-kura tas-saħħa u l-iskjerament ta’ infrastrutturi diġitali interoperabbli, inkluż għar-riċerka u l-kondiviżjoni tad-data.
Il-programm se jkun imfassal u implimentat b’rispett sħiħ għad-diviżjoni tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri f’dan il-qasam. Dan se jorbot mal-appoġġ rilevanti pprovdut permezz ta' programmi oħra tal-UE u jistabbilixxi modi ġodda biex jiġu implimentati azzjonijiet konġunti u tiġi żgurata d-disponibbiltà ta’ kontromiżuri u riżorsi mediċi f’każ ta’ theddid kbir għas-saħħa. Se jaħdem ma’ rescEU msaħħaħ, li huwa ffukat fuq il-kapaċitajiet ta’ rispons dirett għall-kriżijiet, il-ħażniet, l-iskjerament u d-dispaċċ ta’ tagħmir u persunal f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza, billi jiġu pprovduti l-kontribuzzjonijiet tas-saħħa meħtieġa.
It-tisħiħ tal-kapaċità ta’ rispons tal-mekkaniżmu ta’ protezzjoni ċivili tal-Unjoni.
Lezzjoni ċara mill-pandemija hija li l-Ewropa trid tkun kapaċi tirreaġixxi aktar malajr u b’mod flessibbli fi kriżijiet transfruntieri serji minħabba l-iskala tat-tfixkil potenzjali għall-ekonomiji u s-soċjetajiet tagħna. Għaldaqstant il-Kummissjoni qed tipproponi li ssaħħaħ lil rescEU, il-mekkaniżmu tal-protezzjoni ċivili tal-Unjoni. Dan se jagħmel lil rescEU aktar flessibbli u jżid il-kapaċità tal-Unjoni li taġixxi b’mod unitarju fil-livell tal-UE.
L-allokazzjoni finanzjarja se tiżdied għal EUR 3,1 biljun, li tiffinanzja investimenti fl-infrastruttura ta’ rispons, fil-kapaċità tat-trasport u f’timijiet ta’ appoġġ ta’ emerġenza. Ir-rescEU aġġornat se jagħti lill-Unjoni l-kapaċità u l-infrastruttura loġistika meħtieġa biex tipprovdi għal tipi differenti ta’ emerġenza, inklużi dawk b’komponent mediku, li jikkumplimentaw il-programm il-ġdid l-UE għas-Saħħa. Il-proposta se tissimplifika wkoll u żżid il-flessibbiltà tal-kapaċitajiet operazzjonali. Dan se jiżgura rispons tal-UE aktar f’waqtu u effettiv fil-futur għal emerġenzi fuq skala kbira.
Orizzont Ewropa – ninvestu fl-innovazzjoni u t-tħejjija għall-futur
Orizzont Ewropa se jammonta għal EUR 94,4 biljun biex jiżdied l-appoġġ Ewropew għall-attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni relatati mas-saħħa u l-klima. Dan se jikkontribwixxi għal tħejjija msaħħa biex jiġu indirizzati b’mod effettiv u rapidu l-emerġenzi u l-investiment f’soluzzjonijiet xprunati mix-xjenza, li jikkumplimentaw il-finanzjament operazzjonali pprovdut bil-programm il-ġdid l-UE għas-Saħħa u rescEU.
Fil-qasam tas-saħħa, it-tisħiħ se jintuża biex jiżdied l-isforz tar-riċerka għal sfidi bħalma huma l-pandemija tal-Coronavirus, l-estensjoni tal-provi kliniċi, il-miżuri protettivi innovattivi, il-viroloġija, it-tilqim, it-trattamenti u d-dijanjostiċi, u t-traduzzjoni tas-sejbiet tar-riċerka f’miżuri ta’ politika tas-saħħa pubblika.
Qed jiġi propost ukoll li jiżdiedu r-riżorsi għar-riċerka u l-innovazzjoni f’oqsma relatati mal-klima. Dan se jsaħħaħ l-appoġġ għall-kompetittività tal-industrija tal-UE f’setturi ekonomiċi relatati u jippromwovi rkupru konsistenti mal-għanijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. It-tisħiħ se jipprovdi mezzi addizzjonali għal innovazzjonijiet emerġenti u rivoluzzjonarji minn intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, negozji ġodda, u kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja.
Flimkien mas-sħab globali tagħna fi żmien ta’ kriżi.
Il-pandemija hija sfida dinjija. Mingħajr rispons dinji, kull pajjiż u reġjun fid-dinja, inkluża l-Unjoni, se jibqa’ vulnerabbli. L-UE trid tkompli turi solidarjetà mas-sħab tagħha madwar id-dinja fil-ġlieda kontra l-COVID-19.
Il-Kummissjoni tipproponi li tistabbilixxi l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali għal EUR 86 biljun, permezz ta’ Garanzija għall-Azzjoni Esterna ġdida, u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli biex jiġu appoġġati s-sħab – b’mod partikolari fil-Balkani tal-Punent, il-Viċinat u fil-bqija tal-Afrika – fl-isforzi tagħhom biex jiġġieldu u jirkupraw mill-impatt tal-pandemija, f’kooperazzjoni mas-sħab internazzjonali bħalma huma l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, in-Nazzjonijiet Uniti u l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa. Aġġustament immirat għall-qafas finanzjarju attwali se jippermetti li EUR 1 biljun ta’ appoġġ addizzjonali jkunu diġà disponibbli fl-2020.
L-appoġġ se jipprovdi likwidità lil intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, jippreserva l-investimenti fi proġetti tal-enerġija rinnovabbli, u jżid il-kapaċità ta’ finanzjament f’muniti lokali f’pajjiżi sħab biex jissaħħu s-sistemi tal-kura tas-saħħa, inkluż l-istat ta’ tħejjija, u biex tinbena l-kapaċità ta’ manifattura għal tilqim, trattamenti u dijanjostika relatati mal-COVID‑19. Dan l-appoġġ akbar se jkun immirat ukoll lejn l-aktar pajjiżi u reġjuni vulnerabbli, filwaqt li jindirizza l-konsegwenzi soċjali u ekonomiċi severi tal-pandemija.
Il-Kummissjoni tipproponi wkoll EUR 5 biljun addizzjonali biex issaħħaħ l-istrument tal-għajnuna umanitarja, li jirrifletti l-ħtiġijiet umanitarji li qed jikbru fl-aktar partijiet vulnerabbli tad-dinja. L-impatt tal-pandemija u l-effett ekonomiku, pereżempju t-telf ta’ dħul minħabba l-kollass taż-żejt u l-prezzijiet tal-materja prima u t-tnaqqis drastiku fir-rimessi, qed iżidu l-ħtiġijiet eżistenti, u dan jagħmilha aktar importanti li l-Unjoni tkun mgħammra biex turi solidarjetà mal-bqija tad-dinja.
ØNgħammru programmi oħra għall-bini ta’ reżiljenza u twettiq ta’ prijoritajiet strateġiċi
Il-qafas finanzjarju għall-2021-2027 propost mill-Kummissjoni fl-2018, kif imsaħħaħ mill-Mekkaniżmu ta’ Tranżizzjoni Ġusta u l-bidliet proposti llum, jibqa’ l-punt ta’ referenza essenzjali għall-fażi finali tan-negozjati. L-arkitettura proposta, il-livell ta’ appoġġ, il-bilanċ bejn il-prijoritajiet, u l-karatteristiċi ewlenin bħall-mira ta’ mill-inqas 25 % tan-nefqa li tikkontribwixxi għall-azzjoni klimatika, u l-miżuri li jappoġġaw l-ugwaljanza bejn is-sessi u n-nondiskriminazzjoni huma kollha meħtieġa għal pakkett ta’ rkupru bbilanċjat. Il-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament dwar il-protezzjoni tal-baġit tal-UE kontra nuqqasijiet ġeneralizzati fl-istat tad-dritt hija karatteristika ewlenija oħra. Barra minn hekk, miżuri b’saħħithom għall-protezzjoni tal-baġit kontra l-frodi u l-irregolaritajiet huma fis-seħħ u l-Kummissjoni se ssaħħaħhom aktar. L-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) se jeżerċitaw is-setgħat ta’ kontroll u investigazzjoni tagħhom.
Madankollu, il-kriżi wriet b’mod ċar li f’diversi oqsma ewlenin il-livelli ta’ appoġġ diskussi mill-Mexxejja fi Frar mhux se jkunu biżżejjed. Minbarra t-tisħiħ iffinanzjat taħt Next Generation EU, huwa għalhekk imperattiv li jissaħħu programmi oħra biex ikunu jistgħu jwettqu r-rwol sħiħ tagħhom biex l-Unjoni ssir aktar reżiljenti u biex jiġu indirizzati l-isfidi li żdiedu minħabba l-pandemija u l-konsegwenzi tagħha.
Dawn jinkludu:
ØInsaħħu d-difiżi tal-Unjoni u nappoġġaw it-tranżizzjoni diġitali billi ngħammru l-Programm Ewropa Diġitali b’baġit totali ta’ EUR 8,2 biljun.
ØNinvestu f’infrastruttura tat-trasport aġġornata u bi prestazzjoni għolja biex jiġu ffaċilitati l-konnessjonijiet transfruntiera, bħalma huma Rail Baltica, permezz ta’ EUR 1,5 biljun addizzjonali għall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa.
ØNoħolqu l-kundizzjonijiet għal irkupru tas-suq uniku li jaħdem tajjeb billi nżommu l-baġits proposti għall-Programm tas-Suq Uniku u għal programmi li jappoġġaw il-kooperazzjoni fl-oqsma tat-tassazzjoni u tad-dwana fil-livell ta’ EUR 3,7 biljun, EUR 239 miljun u EUR 843 miljun rispettivament.
ØNinvestu fiż-żgħażagħ permezz ta’ EUR 3,4 biljun addizzjonali għall-Erasmus Plus, biex b’hekk it-total jinġieb għal EUR 24,6 biljun, kif ukoll fis-setturi kulturali u kreattivi permezz ta’ żieda tal-Ewropa Kreattiva sa livell ta’ EUR 1,5 biljun.
ØInsaħħu r-reżiljenza tas-setturi agroalimentari u tas-sajd u l-provvediment tal-kamp ta’ applikazzjoni meħtieġ għall-ġestjoni tal-kriżi permezz ta’ EUR 4 biljun addizzjonali għall-Politika Agrikola Komuni u ta’ EUR 500 miljun għall-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd.
ØInsaħħu l-kooperazzjoni dwar il-protezzjoni tal-fruntieri esterni u l-migrazzjoni u l-politika dwar l-ażil billi jissaħħaħ il-Fond għall-Migrazzjoni u l-Ażil u l-Fond għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri biex jintlaħaq livell ta’ EUR 22 biljun.
ØNiżguraw appoġġ b’saħħtu għall-awtonomija strateġika u s-sigurtà Ewropea billi nżidu l-Fond għas-Sigurtà Interna għal EUR 2,2 biljun u nsaħħu l-Fond Ewropew għad-Difiża għal livell ta’ EUR 8 biljun.
ØNappoġġaw lis-sħab tagħna fil-Balkani tal-Punent billi ntellgħu l-assistenza ta’ qabel l-adeżjoni tal-Unjoni għal livell ta’ EUR 12,9 biljun.
B’dawn l-aġġustamenti mmirati, l-Unjoni se jkollha qafas finanzjarju fit-tul allinjat aħjar mal-prijoritajiet u l-ambizzjonijiet tagħha u mfassal biex jibni r-reżiljenza u l-awtonomija strateġika tal-Unjoni fiż-żmien medju u fit-tul. Għaldaqstant, il-Kummissjoni qed tipproponi emendi mmirati għall-proposta tagħha tal-2018 għall-qafas finanzjarju li jmiss li jinkorpora r-riżultati tan-negozjati sa issa, għall-proposta tagħha għal Mekkaniżmu ta’ Tranżizzjoni Ġusta 8 , u r-rinforzi diskussi hawn fuq. Il-ħarsa ġenerali sħiħa programm programm tal-qafas finanzjarju pluriennali li tinkorpora Next Generation EU hija ppreżentata fl-Anness
ØGħodod ta’ emerġenza aktar flessibbli
Lil hinn mill-programmi individwali, il-kriżi enfasizzat kemm huwa importanti li l-Unjoni tkun tista’ tirreaġixxi malajr u b’mod flessibbli biex tistabbilixxi rispons Ewropew ikkoordinat. Dan imbagħad jeħtieġ baġit tal-UE aktar flessibbli. Il-konsegwenzi kbar tal-kriżi tas-saħħa malajr eżawrew il-flessibilità tal-baġit attwali. Baġit aktar flessibbli u aġili huwa meħtieġ għall-futur, li jista’ jinkiseb biss permezz ta’ strumenti speċjali mfassla tajjeb.
Għaldaqstant, il-Kummissjoni tipproponi li jissaħħu l-flessibbiltà u l-għodod ta’ emerġenza li jistgħu jimmobilizzaw ir-riżorsi fil-livell ta’ skala biex jiġu indirizzati sfidi mhux previsti, bħall-Fond ta’ Solidarjetà tal-UE, li jipprovdi appoġġ lill-Istati Membri u r-reġjuni milquta minn diżastri fuq skala kbira, u l-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, li jappoġġa lill-ħaddiema li jitilfu l-impjieg tagħhom bħala riżultat ta’ avvenimenti ta’ ristrutturar kbar.
Riżerva ta’ Solidarjetà u Għajnuna ta’ Emerġenza msaħħa b’mod sinifikanti se ssaħħaħ l-azzjoni tal-UE b’reazzjoni għall-aspetti kollha tal-kriżi tas-saħħa, kif ukoll emerġenzi oħra. Il-fondi jistgħu jiġu allokati biex jipprovdu appoġġ ta’ emerġenza kif u meta meħtieġ permezz ta’ strumenti tal-UE bħall-għajnuna umanitarja, l-Istrument ta’ Appoġġ ta’ Emerġenza, il-Programm tas-Suq Uniku, bil-miżuri veterinarji u fitosanitarji ta’ emerġenza tiegħu, jew il-Fond għall-Ażil u l-Migrazzjoni.
Flimkien, dawn l-istrumenti jipprovdu sa EUR 21 biljun f’finanzjament ta’ emerġenza addizzjonali matul il-perjodu 2021-2027 meta mqabbla mal-proposti tal-Kummissjoni tat-2 ta’ Mejju 2018.
3.Kif nagħmluha realtà: Next Generation EU
Il-biċċa l-kbira tal-miżuri ta’ rkupru proposti se jiġu mħaddma minn strument ta’ rkupru temporanju ġdid Next Generation EU b’qawwa finanzjarja ta’ EUR 750 biljun. L-istrument se jkun mekkaniżmu ta’ emerġenza eċċezzjonali u temporanju. Il-finanzjament se jkun possibbli permezz tad-Deċiżjoni dwar ir-Riżorsi Proprji, li se tippermetti lill-Kummissjoni biex tissellef sa EUR 750 biljun f’isem l-Unjoni, għal miżuri matul il-perjodu 2021-2024.
Biex tipprovdi l-kapaċità baġitarja meħtieġa biex jiġu akkomodati r-responsabbiltajiet potenzjali relatati mal-finanzjament ta’ Next Generation EU u skont ir-rekwiżiti ta’ dixxiplina baġitarja, id-Deċiżjoni riveduta dwar ir-Riżorsi Proprji se tinkludi żieda eċċezzjonali u temporanja tal-limiti massimi tar-riżorsi proprji għall-impenji u l-pagamenti b’0,6 % tal-introjtu nazzjonali gross tal-UE. L-espansjoni tal-limiti massimi se tintuża biss għall-fini li jiġu indirizzati l-ħtiġijiet ta’ kriżi tal-COVID 19 u limitata għat-tul meħtieġ biex jiġu koperti dawn l-obbligazzjonijiet.
L-iskala ta’ Next Generation EU u t-tfassil tiegħu jirriflettu l-kobor u l-urġenza tal-isfidi li qed tiffaċċja l-Unjoni. Il-ħtiġijiet ta’ finanzjament għal investimenti urġenti li jqumu wara l-kriżi huma bla preċedent. Rispons deċiżiv u straordinarju fil-livell tal-Unjoni huwa għalhekk meħtieġ. In-natura mingħajr preċedent ta’ din l-operazzjoni u l-ammont eċċezzjonali ta’ dawk il-fondi jeħtieġu li jankraw fis-sistema tar-riżorsi proprji, li hija approvata mill-Istati Membri kollha skont ir-rekwiżiti kostituzzjonali tagħhom.
Appoġġ addizzjonali ffinanzjat permezz ta’ kontribuzzjonijiet nazzjonali miżjuda immedjatament wara l-kriżi jkompli jżid il-pressjoni fuq il-baġits nazzjonali. F’dawn iċ-ċirkustanzi straordinarji, huwa kompletament iġġustifikat li jintuża mekkaniżmu ta’ finanzjament li jipprovdi spinta ta’ nfiq sinifikanti u f’waqtha mingħajr ma jiżdiedu d-djun nazzjonali, bħala espressjoni ta’ solidarjetà fi skala proporzjonata mal-kriżi.
Is-self se jibni fuq ir-rekord b’saħħtu tal-Unjoni tal-użu ta’ strumenti bbażati fuq is-suq biex jiġu appoġġati l-investiment u r-riformi fl-Istati Membri. L-Unjoni se tissellef fuq il-bażi tas-swieq finanzjarji b’kundizzjonijiet li jirriflettu l-klassifikazzjoni tal-kreditu għolja ħafna tagħha u tidderieġi dawn il-fondi malajr sa fejn ikunu l-aktar meħtieġa.
Għal dan il-għan, il-Kummissjoni se toħroġ bonds b’maturitajiet differenti fis-swieq kapitali, billi tagħmel l-aħjar użu mill-kapaċità ta’ dawn is-swieq biex jassorbu tali bonds filwaqt li tiżgura l-inqas kost medju tas-self. Strateġija ta’ finanzjament diversifikata bħal din tippermetti lill-Kummissjoni twettaq operazzjonijiet ta’ self b’mod l-aktar adattat għall-iskala tal-operazzjonijiet u l-ambjent prevalenti tas-suq.
EUR 500 biljun mill-fondi allokati permezz ta’ Next Generation EU se jintużaw biex jiffinanzjaw il-komponent ta’ għotja tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u jsaħħu l-programmi ewlenin oħra ta’ kriżi u rkupru. Il-bqija tal-finanzjament mobilizzat permezz tal-istrument ta’ EUR 250 biljun se jsir disponibbli għall-Istati Membri fil-forma ta’ self permezz tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza.
Il-fondi miġbura se jitħallsu lura wara l-2027 u sa mhux aktar tard mill-2058. Dan se jgħin biex tittaffa l-pressjoni fuq il-baġits tal-Istati Membri fi żmien meta l-finanzi pubbliċi huma taħt pressjoni qawwija, filwaqt li jiġi żgurat li l-obbligi kollha li jirriżultaw minn dan il-ħruġ ta’ dejn se jiġu onorati minn baġits futuri tal-UE. Biex tiffaċilita l-ħlas lura tal-finanzi tas-suq miġbura u tgħin aktar tnaqqas il-pressjoni fuq il-baġits nazzjonali, il-Kummissjoni se tipproponi riżorsi proprji ġodda addizzjonali fi stadju aktar tard tal-perjodu finanzjarju.
B’ħarsitha lejn il-futur: nirriformaw is-sistema tar-riżorsi proprji
Il-kuntest ekonomiku ġdid u l-ġestjoni sostenibbli tal-ħlas lura ta’ fondi miġbura taħt Next Generation EU isaħħu l-każ għar-riforma fundamentali ta’ kif jiġi ffinanzjat il-baġit tal-UE.
Il-Kummissjoni tibqa’ tal-fehma li l-eliminazzjoni gradwali tat-tnaqqisiet kollha se jagħmel il-qafas finanzjarju pluriennali aktar ibbilanċjat. Madankollu, f’din is-sitwazzjoni, minħabba l-impatt ekonomiku tal-pandemija COVID-19, l-eliminazzjoni gradwali tat-tnaqqisiet ikun jinvolvi żidiet sproporzjonati ta’ kontribuzzjonijiet għal ċerti Stati Membri fl-2021-2027. Biex dan jiġi evitat, it-tnaqqisiet attwali jistgħu jitneħħew gradwalment fuq perjodu ta’ żmien ħafna itwal minn dak previst mill-Kummissjoni fil-proposta tagħha fl-2018.
Riżorsi proprji ġodda jikkumplimentaw ir-riżorsi proprji tradizzjonali, riżorsa proprja bbażata fuq it-taxxa fuq il-valur miżjud u kontribuzzjonijiet nazzjonali, kif ukoll riżorsi proprji ġodda bbażati fuq l-iskart mill-imballaġġ tal-plastik mhux riċiklat. Se jibnu fuq il-prijoritajiet u l-politiki tal-UE bil-għan li jindirizzaw it-tibdil fil-klima, iżda wkoll tassazzjoni ġusta f’dinja globalizzata.
Il-Kummissjoni hija impenjata li tagħti riżultati skont il-Patt Ekoloġiku. F’dan il-kuntest, ir-riżorsi proprji ekoloġiċi jistgħu jikkontribwixxu għall-isforz ta’ rkupru, filwaqt li jappoġġaw it-tranżizzjoni ekoloġika tal-ekonomija u s-soċjetà Ewropea. L-għażliet jistgħu jinkludu riżorsa proprja bbażata fuq is-Sistema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet inkluża l-estensjoni possibbli tagħha għas-setturi marittimi u tal-avjazzjoni, u mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntiera.
Riżorsa proprja bbażata fuq is-Sistema għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet kif diskussa fil-Kunsill Ewropew f’Frar 2020 tippermetti lill-Istati Membri jżommu l-istess ammont ta’ dħul li rċevew mill-irkant tul perjodu reċenti. Kull dħul iġġenerat mis-Sistema Ewropea għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet li jaqbeż dan il-massimu jmur għall-baġit tal-UE. Riżorsi proprji bħal dawn jistgħu jiġġeneraw dħul għall-baġit tal-UE ta’ madwar EUR 10 biljun, skont l-evoluzzjoni tal-prezz tal-karbonju u l-estensjoni tas-sistema għal setturi oħra.
Fl-istess ħin, se jkun importanti li jiġi żgurat li l-kumpaniji tal-UE jikkompetu ma’ kumpaniji mhux tal-UE b’kundizzjonijiet ekwi. Mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju għall-fruntiera jgħin biex tiġi evitata r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju, li jdgħajjef l-isforzi tal-UE lejn tranżizzjoni lejn soċjetà newtrali f’termini ta’ emissjonijiet tal-karbonju. Mekkaniżmu ta’ aġġustament tal-karbonju fil-fruntiera jista’ jġib dħul addizzjonali li jvarja minn madwar EUR 5 biljun sa EUR 14-il biljun, skont il-kamp ta’ applikazzjoni u d-disinn.
Il-kumpaniji li jieħdu benefiċċji kbar mis-suq uniku tal-UE u li se jissopravivu l-kriżi, anki bis-saħħa tal-appoġġ dirett u indirett tal-UE u dak nazzjonali, jistgħu jikkontribwixxu biex terġa’ tinbena fil-fażi ta’ rkupru. Dan jista’ jinkludi riżorsa proprja bbażata fuq operazzjonijiet ta’ intrapriżi li, skont id-disinn tiegħu, jistgħu jrendu madwar EUR 10 biljun fis-sena.
Taxxa diġitali tkun tibni fuq il-ħidma tal-OECD fuq it-tassazzjoni korporattiva ta’ preżenza diġitali sinifikanti; il-Kummissjoni tappoġġa attivament id-diskussjonijiet immexxija mill-OECD u l-G20 u tinsab lesta biex taġixxi jekk ma jintlaħaq l-ebda ftehim globali. Taxxa diġitali applikata fuq kumpaniji b’fatturat ta’ aktar minn EUR 750 miljun tista’ tiġġenera sa EUR 1,3 biljun fis-sena għall-baġit tal-UE.
Dawn ir-riżorsi proprji ġodda jistgħu jgħinu biex jiffinanzjaw ir-ripagament u l-interess fuq il-finanzjament tas-suq miġbur taħt Next Generation EU. Jekk jiġu introdotti sal-2024, il-kontribuzzjonijiet nazzjonali tal-Istati Membri għall-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027 jistgħu jonqsu bħala sehem mill-ekonomija tagħhom meta mqabbla mal-pagamenti tagħhom fl-2020.
Il-flussi ta’ dħul u ta’ pagament kollha bbażati fuq Next Generation EU se jkunu addizzjonali għall-approprjazzjonijiet allokati matul il-proċedura baġitarja annwali, u għaldaqstant mhux se jkollhom impatt fuq il-bilanċ baġitarju. Dawn il-flussi, inkluż l-imgħax imħallas, se jintwerew b’mod distint fil-baġit biex juru l-karattru temporanju u eċċezzjonali tagħhom u biex jipprovdu trasparenza sħiħa 9 .
Barra minn hekk, l-impatt ekonomiku tal-pandemija tal-Coronavirus jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat biżżejjed spazju fiskali għall-Unjoni f’każijiet ta’ xokkijiet ekonomiċi li jwasslu għal tnaqqis fl-introjtu nazzjonali gross. Sabiex jiġi ppreservat marġni suffiċjenti skont il-limiti massimi tar-riżorsi proprji għall-Unjoni biex tkopri l-obbligi finanzjarji u l-obbligazzjonijiet kontinġenti tagħha li jkunu dovuti f’sena partikolari, anki taħt l-aktar żviluppi ekonomiċi negattivi, il-Kummissjoni tipproponi li żżid il-limiti massimi tar-riżorsi proprji fuq bażi permanenti għal 1,46 % tal-introjtu nazzjonali gross tal-UE għall-impenji u għal 1,40 % għall-pagamenti.
4.Konklużjoni – it-triq lejn ftehim rapidu dwar baġit ambizzjuż għall-irkupru Ewropew
F’dan iż-żmien ta’ tbatija u inċertezza straordinarja, l-Unjoni teħtieġ aktar minn qatt qabel li turi li hija lesta u disposta li taġixxi b’mod deċiżiv u tfassal triq lejn ġejjieni aħjar. Ftehim dwar pjan ambizzjuż ta’ rkupru bil-baġit tal-UE fil-qalba tiegħu se jagħti lill-Unjoni l-aħjar ċans ta’ suċċess possibbli.
Next Generation EU se jisfrutta l-potenzjal sħiħ tal-baġit tal-UE biex jagħti spinta lill-ekonomija u jsaħħaħ is-sostenibbiltà, ir-reżiljenza u l-awtonomija strateġika tal-Ewropa. Jibni fuq l-esperjenza tal-Unjoni li tuża l-finanzjament tas-suq u jespandih biex jikseb l-iskala ta’ appoġġ li hija meħtieġa b’mod urġenti fiċ-ċirkostanzi tal-lum.
Qafas finanzjarju pluriennali msaħħaħ għall-2021-2027 se jiggwida lill-Unjoni lura mill-kriżi lejn il-mogħdija tal-irkupru fit-tul, billi jipprovdi finanzjament essenzjali għal ħtiġijiet immedjati u għal investimenti fit-tul fit-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali.
Is-suċċess tal-pjan ta’ rkupru se jiddependi mhux biss fuq l-iskala u l-ambizzjoni tagħha, iżda wkoll fuq il-ħeffa tal-azzjoni u l-abbiltà li tiġi aġġustata r-reazzjoni fid-dawl tal-iżviluppi. Hemm bżonn urġenti ta’ appoġġ finanzjarju f’ħafna partijiet tal-Unjoni biex in-negozji jibqgħu f’wiċċ l-ilma u jiġu appoġġati dawk li l-aktar għandhom bżonn. Fadal ukoll ftit żmien biex jintlaħaq qbil dwar il-qafas fit-tul – iżda għadu mhux tard wisq. Ftehim rapidu se jippermetti li l-programmi msaħħa jiġu mnedija fil-ħin.
Il-Kummissjoni tikkondividi d-determinazzjoni tal-Parlament Ewropew li jiżgura li jkun hemm tranżizzjoni bla xkiel għall-qafas fit-tul il-ġdid. Madankollu, l-estensjoni tal-qafas attwali mhuwiex sostitut għal ftehim komprensiv dwar baġit fit-tul ġdid u modern. Dan huwa l-uniku mod biex l-Unjoni tiġi mgħammra bil-programmi u l-għodod ġodda li se jkunu essenzjali biex jitwettaq il-pjan ta’ rkupru. Għaldaqstant jenħtieġ li l-fokus sħiħ u indiviż tal-ħidma interistituzzjonali fil-ġimgħat li ġejjin ikun fuq il-finalizzazzjoni ta’ Next Generation EU u l-qafas fit-tul il-ġdid.
Il-Kummissjoni Ewropea tistieden lill-Kunsill Ewropew u lill-koleġiżlaturi biex jeżaminaw malajr dawn il-proposti, bil-ħsieb li jintlaħaq qbil politiku fil-livell tal-Kunsill Ewropew sa Lulju.
Deċiżjoni bikrija dwar il-proposta biex jiġi emendat il-qafas attwali se tippermetti finanzjament addizzjonali li għandu jsir immedjatament disponibbli għal REACT-EU, l-Istrument ta’ Appoġġ tas-Solvenza u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli, li jirrifletti l-urġenza ta’ dawn il-ħtiġijiet.
Il-Kummissjoni imbagħad se taħdem mill-qrib mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill biex tiffinalizza ftehim dwar il-qafas futur fit-tul u l-programmi settorjali li jakkumpanjawha. It-tlestija ta’ dan ix-xogħol fil-bidu tal-ħarifa tfisser li l-baġit il-ġdid fit-tul jista’ jkun operattiv u jmexxi l-irkupru tal-Ewropa fl-1 ta’ Jannar 2021.
Azzjoni issa se turi li l-Unjoni hija lesta li tagħmel dak kollu li hu meħtieġ biex l-ekonomija terġa’ lura fi triqtha, biex tipproteġi l-għajxien tal-Ewropej kollha, u biex tinvesti fit-tranżizzjoni fit-tul tal-Ewropa għal futur aktar ġust, aktar ekoloġiku u diġitali.
EUR biljuni, prezzijiet tal-2018
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 27.5.2020
COM(2020) 442 final
ANNESSI
tal-
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
Il-baġit tal-UE jmexxi l-pjan ta’ rkupru għall-Ewropa
![]()
FAĊILITÀ GĦALL-IRKUPRU U R-REŻILJENZA
|
|
![]() |
Objettiv: Appoġġ għal investimenti u riformi biex l-ekonomiji tal-UE jsiru aktar reżiljenti u jitrawwem it-tkabbir sostenibbli |
![]() |
Mekkaniżmu: Għotjiet u self |
Ħtiġijiet tal-kriżi u impatt mistenni
ØIl-kriżi tal-COVID-19 se taffettwa serjament l-Istati Membri kollha. Madankollu, l-impatt u l-konsegwenzi tal-kriżi se jvarjaw bejn l-Istati Membri. L-għan tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza se jkun li tittejjeb ir-reżiljenza tal-ekonomiji tal-Istati Membri, jittaffa l-impatt ekonomiku u soċjali tal-kriżi u jiġi appoġġat l-irkupru, filwaqt li jitrawmu tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u b’hekk tiġi evitata l-kriżi li timmina l-konverġenza bejn l-Istati Membri.
ØL-impatt fi żmien medju tal-kriżi tal-COVID-19 se jiddependi b’mod kritiku fuq kemm idumu u fuq is-severità tal-miżuri ta' lockdown, il-kompożizzjoni tal-output u l-miżuri tal-politika ekonomika meħuda biex itaffu l-impatt immedjat tal-kriżi. Il-konsegwenzi fuq żmien medju u twil tal-kriżi se jiddependu fuq kemm l-ekonomiji tal-Istati Membri jirkupraw mill-Kriżi, li min-naħa l-oħra jiddependu fuq ir-reżiljenza tal-ekonomiji tagħhom u l-abilità li jieħdu miżuri adegwati. Fid-dawl ta’ pożizzjonijiet fiskali inizjali inekwi u rati ta’ infezzjoni differenti sew u l-grad tal-emerġenza tas-saħħa pubblika, hemm riskju reali li l-kriżi tal-COVID-19 se twassal għal twessigħ ulterjuri tad-diverġenzi fl-UE. Dan ikollu impatt ekonomiku, soċjali u politiku negattiv għoli u mhux sostenibbli - jekk ma jkunx indirizzat.
ØIl-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza se toffri appoġġ finanzjarju fuq skala kbira għall-investimenti u r-riformi, anki fil-qasam tat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, li jagħmlu l-ekonomiji aktar reżiljenti, u mħejjija aħjar għall-futur. Se tgħin lill-Istati Membri jindirizzaw l-isfidi li qegħdin jiffaċċaw, b’mod saħansitra aktar kritiku wara l-kriżi. B’mod kruċjali, se tiżgura wkoll li dawn l-investimenti u r-riformi jiffokaw fuq l-isfidi u l-ħtiġijiet ta’ investiment relatati mat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u b’hekk jiġi żgurat irkupru sostenibbli. B’hekk, il-Faċilità se tirreaġixxi kontra tendenzi possibbli li jitwarrab investiment fit-tul fit-trasformazzjoni ekoloġika u diġitali tal-ekonomiji tagħna fis-segwitu tal-kriżi. Il-Faċilità se tkun akkumpanjata mill-offerta ta’ appoġġ tekniku sinifikanti.
Implimentazzjoni
ØIl-Faċilità se jkollha qawwa sinifikanti u se tkun programm ewlieni ta’ Next Generation EU bħala parti mill-qafas finanzjarju pluriennali rivedut. Se tipprovdi kemm għotjiet kif ukoll self biex jiġu ffinanzjati ħtiġijiet ta’ investiment u ta’ riforma.
ØIl-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza se tkun inkorporata fis-Semestru Ewropew. L-Istati Membri se jippreżentaw pjanijiet nazzjonali ta’ Rkupru u Reżiljenza bħala parti mill-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma. Dawn il-pjanijiet se jkun fihom l-aġenda ta’ investiment u riforma tagħhom għas-snin li ġejjin, kif ukoll il-pakketti ta’ investiment u riforma li għandhom ikunu ffinanzjati permezz tal-Faċilità. Il-Kummissjoni se tivvaluta l-pjanijiet fuq il-bażi tal-impatt tagħhom fuq ir-reżiljenza ekonomika u soċjali tas-sostenibbiltà kompetittiva, it-tkabbir sostenibbli, u t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali tal-Istati Membri.
ØL-allokazzjoni tar-riżorsi se tkun espressjoni tal-objettiv tal-istrument: li tiffaċilita rkupru dejjiemi, ittejjeb ir-reżiljenza tal-ekonomiji tal-UE u tnaqqas id-diverġenzi ekonomiċi bejn l-Istati Membri. L-ebda kofinanzjament nazzjonali mhu se jkun meħtieġ.
Kumplimentarjetà mal-UE u politiki nazzjonali
ØIl-Faċilità se tkun parti mis-Semestru Ewropew. Investimenti ppreżentati permezz tal-pjanijiet ta’ Rkupru u Reżiljenza jenħtieġ li jkunu koerenti mal-istrateġiji fit-tul tal-Unjoni, partikolarment il-Patt Ekoloġiku Ewropew u t-trasformazzjoni diġitali, mal-pjanijiet nazzjonali dwar l-enerġija u l-klima tal-Istati Membri, kif ukoll mal-pjanijiet ta’ Tranżizzjoni Ġusta fejn ikunu rilevanti.
ØIl-Faċilità se tkun kumplimentari għall-assistenza ta’ rkupru għall-koeżjoni (REACT-EU), li se tiffoka fuq l-azzjonijiet ta’ riabilitazzjoni għall-kriżi fi żmien qasir relatati mas-swieq tax-xogħol, il-kura tas-saħħa u l-SMEs (appoġġ għal-likwidità u s-solvenza), u investimenti essenzjali fit-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali biex tipprovdi appoġġ immedjat u dirett lill-ekonomiji tal-Istati Membri. Il-Faċilità għall-Ikupru u r-Reżiljenza se tappoġġa investimenti u riformi li se jkollhom impatt dejjiemi fuq il-produttività u r-reżiljenza tal-ekonomiji tal-Istati Membri.
ØFil-pjanijiet tagħhom ta’ rkupru u reżiljenza l-Istati Membri se jindikaw finanzjament ippjanat jew eżistenti permezz ta' politiki oħra tal-Unjoni u kif se tkun żgurata l-kumplimentarjetà bejn dawn l-investimenti. Deċiżjonijiet biex ikun ipprovdut appoġġ finanzjarju lil Stat Membru mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza se tikkunsidra l-miżuri ffinanzjati minn fondi u programmi oħra tal-Unjoni, biex b’hekk ikun evitat finanzjament doppju. Fl-aħħar nett, investimenti u riformi li se jibbenefikaw mill-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza se jkunu identifikati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, biex b’hekk tkun żgurata l-addizzjonalità u jkun iffaċilitat il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tagħhom.
Aspetti Finali
L-envelop finanzjarju tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza mobilizzat minn Next Generation EU se jkun ta’ EUR 560 biljun li minnhom EUR 310 biljun għal għotjiet u EUR 250 biljun għal self.
![]() ASSISTENZA TA’ RKUPRU GĦALL-KOEŻJONI
U T-TERRITORJI TAL-EWROPA (REACT -EU)
|
|
![]() |
Objettiv: Investiment f’azzjonijiet ta’ riabilitazzjoni għall-kriżi fuq żmien qasir |
![]() |
Mekkaniżmu: Prinċipalment għotjiet |
Ħtiġijiet tal-kriżi u impatt mistenni
ØIl-politika ta’ koeżjoni se tkun kruċjali biex tiżgura rkupru bbilanċjat, waqt li tevita li jikbru l-assimetriji u d-diverġenzi bejn l-Istati Membri u fihom. Se tipprovdi appoġġ lill-Istati Membri u lir-reġjuni l-aktar milquta mit-tifqigħa tal-COVID-19. L-inizjattiva l-ġdida REACT-EU għandha l-għan li żżid l-appoġġ lill-Istati Membri, waqt li xxejjen il-lakuna bejn il-miżuri tal-ewwel rispons u l-irkupru fuq żmien twil.
ØREACT-EU se tipprovdi finanzjament addizzjonali għall-aktar setturi importanti li jassistu l-azzjonijiet ta’ riabilitazzjoni għall-kriżi li se jkunu neċessarji biex jinbena l-pedament għal irkupru ekoloġiku, diġitali u reżiljenti.
ØDan se jinvolvi investiment biex jirriabilità s-swieq tax-xogħol, anki permezz ta’ sussidji tal-impjiegi, skemi ta’ xogħol għal żmien qasir u miżuri għall-impjieg taż-żgħażagħ, appoġġ għas-sistemi tal-kura tas-saħħa u provvediment ta’ appoġġ essenzjali ta’ likwidità għall-kapital operatorju għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju. Tali appoġġ se jkun disponibbli għas-setturi ekonomiċi kollha, anki għas-setturi tat-turiżmu u tal-kultura li ntlaqtu ħażin ħafna; minħabba li dawn jifformaw parti kbira ta’ xi ekonomiji tal-UE l-aktar milquta mill-kriżi tal-COVID-19, REACT-EU jista’ wkoll jibbilanċja xejriet ta’ diverġenzi li qegħdin jiżdiedu fl-Unjoni.
ØL-appoġġ addizzjonali jista’ jintuża biex isir investiment fil-Patt Ekoloġiku Ewropew u fit-tranżizzjoni diġitali bħala parti mill-miżuri ta’ riabilitazzjoni tal-kriżi, biex isaħħaħ l-investiment sinifikanti f’dawk l-oqsma li diġà qiegħed isir u huwa ppjanat permezz ta’ programmi ta’ koeżjoni.
ØIt-tifqigħa tal-COVID-19 qiegħed ikollha wkoll impatt qawwi fuq l-aktar vulnerabbli tas-soċjetà tagħna. Għalhekk, parti mir-riżorsi addizzjonali tista’ tintuża wkoll biex tappoġġa persuni li jbatu minn privazzjoni alimentari u materjali.
Implimentazzjoni
ØIl-programmi ta’ koeżjoni tal-2014-2020 qabdu sew. Huma adattabbli u flessibbli, b’mod partikolari wara emendi bħala parti mill-pakketti tal-Inizjattiva ta' Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus. Se jkomplu jappoġġaw il-kostijiet għal proġetti eliġibbli sa tmiem l-2023.
ØTaħt REACT-EU, il-programm ta’ koeżjoni kurrenti se jirċievi appoġġ addizzjonali għall-miżuri ewlenin ta’ riabilitazzjoni għall-kriżi., fl-2020, fl-2021 u fl-2022. L-impenji addizzjonali se jkunu implimentati permezz tal-emendi tal-programm jew programm ġdid dedikat ippreżentat mill-Istati Membri u adottat mill-Kummissjoni.
ØIr-riżorsi addizzjonali se jkunu allokati fuq il-bażi tal-gravità tal-impatti ekonomiċi u soċjali tal-kriżi u tal-prosperità relattiva tal-Istati Membri. Il-flessibilità addizzjonali provduta permezz l-Inizjattiva ta' Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus se tkompli. Dan jinkludi proċeduri simplifikati, il-possibilità li jkunu trasferiti r-riżorsi bejn il-fondi u l-kategoriji tar-reġjuni, u laxkar tar-regoli dwar il-kofinanzjament - biex b’hekk jippermetti l-iffinanzjar sħiħ mill-baġit tal-UE.
Kumplimentarjetà mal-UE u politiki nazzjonali
ØREACT-EU se tkun komplementari għall-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u għall-appoġġ eżistenti tal-politika ta’ koeżjoni. Hija se tiffoka fuq l-azzjonijiet ta’ riabilitazzjoni għall-kriżi fi żmien qasir relatati mas-swieq tax-xogħol, il-kura tas-saħħa u l-SMEs (appoġġ ta’ likwidità għall-kapital operatorju), u investimenti essenzjali fit-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali biex tipprovdi appoġġ immedjat u dirett lill-ekonomiji tal-Istati Membri, waqt li l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza se tappoġġa investimenti u riformi li se jkollhom impatt dejjiemi fuq il-produttività u r-reżiljenza tal-ekonomiji tal-Istati Membri.
ØREACT-UE se tkun ukoll komplementari għall-proposti għall-programmi futuri tal-politika ta’ koeżjoni għall-2021-2027. Dawn il-proposti qegħdin ikunu aġġustati biex jagħtu appoġġ aktar b’saħħtu lill-investimenti f’oqsma bħar-reżiljenza tas-sistemi nazzjonali tal-kura tas-saħħa, f’setturi bħat-turiżmu u l-kultura, jew f’miżuri għall-impjieg taż-żgħażagħ, edukazzjoni u ħiliet u miżuri li jikkombattu l-faqar fost it-tfal. Huma se jiżguraw ukoll appoġġ xieraq għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju. Se jipprovdu aktar flessibilità għat-trasferimenti bejn il-fondi u jintroduċu provvedimenti ġodda biex jippermettu reazzjoni rapida f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza. Rieżami ta’ allokazzjonijiet ta’ koeżjoni nazzjonali fl-2024 se jiżguraw appoġġ addizzjonali xieraq lill-Istati Membri u lir-reġjuni l-aktar fil-bżonn, waqt li jikkunsidraw l-aħħar statistika nazzjonali u reġjonali disponibbli .
Aspetti Finali
ØIr-Riżorsi ta’ REACT-EU se jkunu EUR 55 biljun li għandhom ikunu impenjati fl-2020, fl-2021 u fl-2022.
![]() INVEST EU
(INKLUŻA FAĊILITÀ TA' INVESTIMENT STRATEĠIKU)
|
|
![]() |
Objettiv: L-immobilizzar tal-investiment biex jappoġġa l-irkupru u t-tkabbir fuq żmien twil, inkluża faċilità ġdida biex tippromwovi l-investimenti f’katini tal-valur Ewropej Strateġiċi |
![]() |
Mekkaniżmu: Proviżjonament għall-garanzija tal-baġit |
Ħtiġijiet tal-kriżi u impatt mistenni
ØIl-Programm InvestEU huwa unikament xieraq biex jipprovdi finanzjament ta’ emerġenza u biex jappoġġa politiki tal-Unjoni fi rkupru minn kriżi ekonomika profonda. Dan ħareġ mill-esperjenza bl-implimentazzjoni tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi u tal-istrumenti finanzjarji — il-prekursuri ta’ InvestEU — fid-dawl tal-kriżi finanzjarja preċedenti.
ØFil-kriżi attwali, l-allokazzjoni tas-suq tar-riżorsi finanzjarji mhix kompletament effiċjenti u ir-riskju perċepit ifixkel il-fluss ta’ investiment privat b’mod sinifikanti. Inċertezza profonda bħalissa tikkomprometti l-kwalità tal-informazzjoni tas-swieq finanzjarji u l-abilità tal-mutwanti li jivvalutaw il-vijabilità tal-kumpaniji u tal-proġetti ta’ investiment. Jekk ma tkunx ikkontrollata, din tista’ toħloq averżjoni mifruxa għar-riskju lejn il-proġetti ta’ investiment privat u tikkontribwixxi għal “kriżi tal-kreditu”. F’tali ċirkostanzi, il-fattur ewlieni ta’ InvestEU li jneħħi r-riskju mill-proġetti biex idaħħal finanzjament privat huwa partikolarment ta’ valur u jenħtieġ li jkun sfruttat.
ØIl-programm InvestEU imsaħħaħ ikun jista’ jipprovdi appoġġ kruċjali lill-kumpaniji fil-fażi ta’ rkupru u fl-istess waqt jiżgura li l-investituri jiffukaw sew fuq il-prijoritajiet fuq żmien medju u twil tal-Unjoni bħall-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-isfida tad-diġitalizzazzjoni. Se jżid il-kapaċità għat-teħid tar-riskju tal-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment u tal-Banek Promozzjonali Nazzjonali b’appoġġ għall-irkupru ekonomiku.
ØIl-programm se jissaħħaħ ulterjorment permezz ta’ Faċilità ta' Investiment Strateġiku li se tiffoka fuq il-bini ta’ katini tal-valur reżiljenti skont l-aġenda strateġika tal-Unjoni u l-istrateġija industrijali l-ġdida preżentata mill-Kummissjoni. Tali proġetti jistgħu jinkludu Proġetti Importanti ta’ Interess Ewropew Komuni jew proġetti b’karatteristiċi simili, pereżempju fl-industrija farmaċewtika.
ØFaċilità bħal din hija ta’ importanza partikolari fis-sitwazzjoni ta’ wara l-kriżi, minħabba li ċerti Stati Membri jaf ma jkollhomx il-mezzi finanzjarji biex jappoġġaw tali proġetti b’għajnuna mill-Istat nazzjonali, u ħafna proġetti huma transfruntiera u jeħtieġu approċċ Ewropew. Il-faċilità l-ġdida se tgħin biex jingħelbu dawn id-diffikultajiet.
Implimentazzjoni
ØIl-karatteristiċi ta’ erba’ sezzjonijiet tal-politika ta’ InvestEU diġà ġew miftehma mill-koleġiżlaturi, iżda l-qawwa finanzjarja tagħhom se tiżdied. Il-kapaċità tal-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment u sħab oħra inkarigati mill-implimentazzjoni li jipprovdu finanzjament se tiżdied bl-istess mod.
ØIl-Faċilità ta' Investiment Strateġiku l-ġdida se tkun il-ħames settur tal-fond InvestEU bħala parti importanti tal-pakkett ta’ rkupru. Il-Faċilità se tappoġġa l-ħolqien u l-iżvilupp ta’ katini tal-valur b’saħħithom u reżiljenti madwar l-UE. Billi tiffoka fuq il-katini tal-valur, il-Faċilità se ssaħħaħ l-awtonomija strateġika tal-ekonomija tal-Unjoni waqt li tipprovdi riżorsi mill-UE biex korporattivi li huma strateġikament importanti jirnexxu u jikbru. Il-Faċilità se tiffoka fuq korporattivi stabbiliti u li joperaw fl-Unjoni Ewropea li l-attivitajiet tagħhom huma ta’ importanza strateġika u li jaqgħu taħt oqsma bħall-infrastruttura u teknoloġija kritika u provvedimenti kritiċi tal-kura tas-saħħa. Barra minn hekk, se tappoġġa katini tal-valur strateġiċi pereżempju fis-saħħa intelliġenti, l-internet tal-oġġetti industrijali, l-industrija b’emissjonijiet baxxi tas-CO2 u ċ-ċibersigurtà. Operazzjonijiet bħal dawn jistgħu jkunu fihom infushom aktar riskjużi fl-ambjent tan-negozju ta’ wara il-COVID fid-dawl li l-promoturi huma aktar esposti għar-riskju tad-domanda u l-forniment. Investimenti fit-tul għaldaqstant se jkollhom rwol kruċjali biex isaħħu l-kumpaniji li jimplimentaw proġetti ta’ importanza strateġika għolja.
Kumplimentarjetà mal-UE u politiki nazzjonali
ØIl-Faċilità ta’ Investiment Strateġiku se tkun komplementari għall-Istrument ta’ Appoġġ għas-Solvenza fil-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi. L-Istrument ta’ Appoġġ għas-Solvenza huwa strument immedjat u temporanju maħsub biex jipprovdi appoġġ għall-ħtiġijiet ta’ solvenza tal-kumpaniji l-aktar affettwati mill-kriżi tal-COVID-19, bil-għan li jibnu mill-ġdid il-pożizzjoni kapitali tagħhom bħala miżura ta' rispons għall-kriżi.
ØIl-Faċilità ta' Investiment Strateġiku se tħares aktar ’il quddiem bl-approċċ tagħha, billi tgħin fil-bini tas-swieq wara l-kriżi, billi tiffoka fuq l-appoġġ tal-proġetti rilevanti biex tinkiseb awtonomija strateġika f’katina tal-valur ewlenin fis-suq uniku billi tappoġġa l-iskalar tal-proġetti bbażati fl-UE permezz ta’ investimenti transfruntiera.
Aspetti Finali
ØIl-kontibuzzjoni finanzjarja addizzjonali minn Next Generation EU ta’ EUR 15,3-il biljun għas-setturi ta’ politika eżistenti u EUR 15-il biljun għas-settur tal-Faċilità ta’ Investiment Strateġiku biljun se jwassal l-allokazzjoni totali ta’ InvestEU għal livell ta’ EUR 30,3 biljun. Dan jippermetti livell ta’ garanzija ta’ EUR 72 biljun, li jippermetti livell ta’ investiment kumplessiv sa EUR 400 biljun.
![]()
STRUMENT TA’ APPOĠĠ GĦAS-SOLVENZA
|
|
![]() |
Objettiv: L-immobilizzar ta’ investiment privat biex jipprovdi appoġġ għas-solvenza lill-kumpaniji vijabbli milquta mill-kriżi |
![]() |
Mekkaniżmu: Proviżjonament għall-garanzija tal-baġit |
Ħtiġijiet tal-kriżi u impatt mistenni
ØBħalissa, il-kumpaniji qegħdin jirċievu appoġġ ta’ likwidità sostanzjali biex jgħinhom jgħaddu fil-perjodu ta’ kriżi, prinċipalment permezz tal-baġits nazzjonali taħt l-appoġġ temporanju tal-għajnuna mill-Istat lill-ekonomija fil-kuntest tal-COVID-19. Madankollu, b’konsegwenza tal-kriżi, aktar u aktar kumpaniji li kieku kienu jkunu vijabbli se jiffaċċaw problemi ta’ solvenza u l-appoġġ ta’ likwidità mhux se jkun biżżejjed. Dan huwa parzjalment relatat mal-fatt li l-appoġġ ta’ likwidità tipikament jikkonsisti f’self, li jista’ jdgħajjef ulterjorment il-karta bilanċjali korporattivi moinħabba li ħafna kumpaniji raw żieda stabbli fl-ingranaġġ fis-snin riċenti. Dan ifisser li n-negozji tal-UE daħlu għall-kriżi f’qagħda finanzjarja relattivament dgħajfa u x’aktarx li jaraw deterjorament rapidu tal-qligħ tal-kumpanija u l-pożizzjonijiet ta’ ekwità hekk kif tiżviluppa r-reċessjoni.
ØStimi inizjali jindikaw li, f’każ li x-xenarju ekonomiku ta’ referenza mit-Tbassir tar-Rebbiegħa jimmaterjalizzaw, it-telf totali li għandu jkun imġarrab mill-kumpaniji li għandhom aktar minn 20 impjegat jista’ jammonta għal EUR 720 biljun sa tmiem is-sena. Dan it-telf jiżdied għal madwar EUR 1,2 triljun fix-xenarju ta’ kriżi. Il-kumpaniji jistgħu parzjalment ikopru t-telf imġarrab billi joqogħdu fuq l-assi likwidi u l-kapital operatorju, iżda f’ħafna każijiet dwar il-bafers mhux se jkunu suffiċjenti. L-estimi juru li bejn 35 % u 50 % tal-kumpaniji b’aktar minn 20 impjegat jistgħu jesperjenzaw defiċit ta’ kapital operatorju sa tmiem is-sena, skont jekk ix-xenarju ċentrali jew ix-xenarju ta’ kriżi jsirux realtà. Dan ifisser li sa 260 000 kumpanija Ewropea li jimpjegaw madwar 35 miljun impjegat jistgħu jesperjenzaw nuqqas ta’ finanzjament fil-każ tax-xenarju avvers. B’mod ġenerali, il-biċċa l-kbira tal-ekosistemi industrijali Ewropej jiddependu fuq ktajjen ta’ provvista kumplessi mifruxa madwar l-Istati Membri fis-Suq Uniku. Jekk ma jiġux indirizzati, dan id-defiċit ta’ kapital jista’ jwassal għal perjodu twil ta’ investiment aktar baxx u qgħad ogħla. L-impatt tad-defiċit ta’ kapital se jkun inugwali bejn is-setturi, l-ekosistemi industrijali u l-Istati Membri, li jwassal għal diverġenzi fis-Suq Uniku, u ħsara dejjiema lill-potenzjal produttiv tagħna u lill-kapaċità li nirkupraw mir-reċessjoni.
ØL-Istrument ta’ Appoġġ għas-Solvenza huwa strument ġdid u temporanju maħluq bħala parti mill-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi biex jevita għadd kbir ta’ defiċit ta’ kapital u inadempjenzi possibbli ta’ kumpaniji li f’sitwazzjonijiet oħra kienu jkunu vijabbli minħabba l-kriżi tal-COVID-19. Se jgħin biex jimmobilizza r-riżorsi privati biex jappoġġaw kumpaniji Ewropej vijabbli biex jindirizzaw tħassib ta’ insolvenza. Se jkun temporanju, immirat biss u strettament biex jindirizza l-impatt tal-COVID-19.
ØF’xi Stati Membri, l-Istat se jkollu l-kapaċità li jidħol biex jappoġġa dawk il-kumpaniji. F’oħrajn, il-kapaċità għall-appoġġ mill-Istat se tkun aktar limitata. L-effetti ekonomiċi tal-pandemija tal-COVID-19kienu wkoll differenti madwar l-Istati Membri. Jekk ma jkunux indirizzati, tali differenzi jwasslu għal distorsjoni permanenti tal-kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni u twessigħ akbar tad-diverġenzi ekonomiċi fl-Unjoni. L-Istrument ta’ Appoġġ għas-Solvenza se jibbilanċja tali distorsjonijiet u jappoġġa l-funzjonament bla intoppi tas-suq uniku.
Implimentazzjoni
ØL-Istrument ta’ Appoġġ għas-Solvenza se jipprovdi garanzija tal-Unjoni lill-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment biex jimmobilizza kapital biex jappoġġa kumpaniji eliġibbli li jkunu sofrew impatt negattiv mill-kriżi tal-COVID-19.
ØFilwaqt li jiġi żgurat li l-Istati Membri u s-setturi kollha jistgħu jibbenefikaw mill-garanzija tal-Unjoni, l-użu tal-garanzija tal-Unjoni se jkun indirizzat lejn l-Istati Membri u s-setturi li ntlaqtu l-aktar ekonomikament mill-kriżi tal-COVID-19, u lill-kumpaniji fl-Istati Membri fejn id-disponibbiltà tal-appoġġ għas-solvenza mill-Istat huwa aktar limitat.
ØIl-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment se juża l-garanzija tal-Unjoni biex inaqqas ir-riskju għall-investituri privati li jinvestu f’kumpaniji eliġibbli billi jipprovdi garanziji jew finanzjament għall-istrumenti ta’ investiment (fondi ġestiti privatament jew Veikolu bi Skop Speċjali) li huma ġestiti b’kundizzjonijiet kummerċjali, b’hekk jimmobilizza riżorsi privati biex jappoġġaw tali korporattivi. Dan se jippermetti lill-kumpaniji eliġibbli jfittxu kapital ġdid minn investituri privati, biex b’hekk isaħħu l-bażi tal-kapital tagħhom u jindirizzaw ir-riskji għas-solvenza tagħhom. Sistema intermedjata bħal din tiżgura li l-maniġers indipendenti tal-istrumenti ta’ investiment biss se jiddeċiedu dwar liema kumpaniji se jkunu appoġġati. L-involviment tas-settur privat bħala investituri potenzjali se jippermetti forniment aktar immirat ta’ kapital lil kumpaniji li huma ġenwinament vijabbli.
Kumplimentarjetà mal-UE u politiki nazzjonali
ØL-Istrument ta’ Appoġġ għas-Solvenza huwa komplement immedjat u temporanju għal settur msaħħaħ tal-SMEs f’InvestEU, pakkett ta’ koeżjoni miżjud immirat lejn l-SMEs u l-Fond ta’ Garanzija tal-COVID-19 li qed jiġi stabbilit mill-Bank Ewropew tal-Investiment, kif ukoll għall-Faċilità ta’ Investiment Strateġiku taħt InvestEU.
ØL-istrument jikkomplementa l-politiki nazzjonali li għadd limitat ta’ Stati Membri qed jistabbilixxu, filwaqt li jiżgura li jkun hemm disponibbli appoġġ ta’ solvenza madwar l-Unjoni. Il-kundizzjonijiet tal-istrumenti jenħtieġ li jkunu konsistenti mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat biex jiżguraw kundizzjonijiet ekwi u jiffaċilitaw kombinazzjonijiet possibbli ma’ appoġġ ipprovdut direttament mill-Istati Membri, filwaqt li tingħata kunsiderazzjoni xierqa għan-natura Ewropea tal-istrument u għall-ġestjoni kummerċjali tal-fondi.
Aspetti Finali
Pakkett finanzjarju ta’ EUR 31 biljun se jżid il-garanzija tal-UE fil-qafas finanzjarju kurrenti b’EUR 66 biljun. Din il-garanzija se tippermetti l-immobilizzar ta’ madwar EUR 300 biljun, diġà mill-2020.
![]()
PROGRAMM L-UE GĦAS-SAĦĦA
|
|
![]() |
Objettiv: Investimenti fis-sigurtà tas-saħħa u r-reżiljenza tas-sistemi tas-saħħa |
![]() |
Mekkaniżmu: Għotjiet u akkwist |
Ħtiġijiet tal-kriżi u impatt mistenni
ØIl-programm indipendenti u ambizzjuż l-UE għas-Saħħa se jirrifletti t-tagħlimiet meħuda mill-kriżi tal-COVID-19 u minn programmi tas-saħħa preċedenti. Dan jista’ jgħin biex jinbnew jew jinbnew mill-ġdid kapaċitajiet ta’ trattament u tagħmir u provvisti tal-mediċina, u b’hekk jingħata appoġġ għall-isfidi tas-saħħa li ġejjin. Il-programm il-ġdid se jkun għodda ewlenija li tgħin biex l-Ewropa tarma ruħha kontra theddid għas-saħħa fil-futur.
ØSe jimmira li joħloq qafas komprensiv biex jiġu indirizzati tali theddidiet għas-saħħa, jorbot mal-programmi rilevanti kollha tal-UE relatati mas-saħħa u jistabbilixxi modi ġodda biex jiġu implimentati azzjonijiet u biex jiżgura d-disponibbiltà ta’ kontromiżuri u riżorsi mediċi f’każ ta’ theddid maġġuri għas-saħħa.
ØL-ewwel linja tal-programm se tindirizza s-sigurtà tas-saħħa. Se tipprovdi qafas b’saħħtu, legalment sod u finanzjarjament mgħammar tajjeb għall-prevenzjoni, it-tħejjija u r-rispons għall-kriżijiet tas-saħħa fl-UE. Qafas bħal dan se jsaħħaħ il-kapaċità tal-UE għall-ippjanar ta’ kontinġenza li jabilita lill-Istati Membri biex flimkien jiffaċċaw theddid komuni tas-saħħa, b’mod partikolari mat-theddid transfruntier (inklużi dawk minn barra l-UE), fejn l-intervent tal-UE jista’ jżid valur tanġibbli.
ØIt-tieni linja se tappoġġa viżjoni fit-tul “Saħħa Waħda” għat-titjib tal-eżiti tas-saħħa permezz ta’ sistemi tas-saħħa effiċjenti u inklużivi fl-Istati Membri kollha, permezz ta’ prevenzjoni u sorveljanza aħjar tal-mard, il-promozzjoni tas-saħħa, l-aċċess, id-dijanjożi u t-trattament, kif ukoll il-kollaborazzjoni transfruntiera fis-saħħa.
ØIl-programm il-ġdid se jindirizza wkoll il-mard li ma jitteħidx. Huma wrew li huma determinant b’saħħtu tal-mortalità minn COVID-19.
ØBarra minn hekk, inizjattivi speċifiċi ambizzjużi jistgħu pereżempju jiffukaw fuq l-eradikazzjoni ta’ mard speċifiku, bħat-tnaqqis ta’ każijiet tal-kanċer ċervikali u l-influwenza staġonali. Dawn jgħinu biex tiġi evitata ħsara li tista’ tiġi evitata u spejjeż li jistgħu jiġu evitati, u biex jitnaqqsu l-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa.
Implimentazzjoni
ØIl-programm se jibni fuq il-ħidma li għaddejja, bħan-Networks ta’ Referenza Ewropej għal mard rari u l-prevenzjoni tal-kriżijiet, it-tħejjija u l-ġestjoni, biex jiġu żgurati massa kritika u ekonomiji ta’ skala suffiċjenti. Dan se jappoġġa l-konverġenza ’l fuq, jippromwovi l-prevenzjoni, l-integrazzjoni tal-kura u l-aċċess ugwali għall-kura tas-saħħa.
ØIl-programm se jiżgura investimenti sostnuti fl-istrutturi u l-għodod meħtieġa għal appoġġ operazzjonali fl-UE biex jiġu indirizzati l-kriżijiet tas-saħħa, l-indirizzar tal-prevenzjoni, it-tħejjija u r-rispons, u l-appoġġ għal koordinazzjoni transsettorjali ġenwina fil-livell tal-UE. Il-ħidma se titwettaq b’kollaborazzjoni mill-qrib mal-ECDC, l-EMA, l-EFSA jew l-ECHA, gruppi ta’ esperti u laboratorji ta’ referenza tal-UE kif ukoll ma’ korpi internazzjonali bħall-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa.
ØFuq il-bażi tal-parir xjentifiku, il-programm l-UE għas-Saħħa se jiżgura l-akkwist strateġiku għal oġġetti bħal bijoċidi (diżinfettanti), reaġenti għall-ittestjar, tagħmir protettiv, mediċini essenzjali, tagħmir mediku, reaġenti dijanjostiċi (pereż. appoġġ għat-teħid tan-nifs, CT scanners) u oġġetti rilevanti oħra (bħal materjal ta’ injezzjoni u faxex sterili). Se jkollu l-għan li jistabbilixxi provvista f’waqtha ta’ kontromiżuri xierqa għal mard ewlieni li jittieħed, disponibbli meta meħtieġ għall-Istati Membri. Il-programm se jipprovdi wkoll inċentivi għall-iżvilupp, il-produzzjoni u l-użu ta’ vaċċini fl-Unjoni u biex titnieda mill-ġdid il-produzzjoni tal-UE ta’ mediċini u ta’ ingredjenti farmaċewtiċi / prekursuri attivi.
ØIl-programm il-ġdid se jappoġġa l-isforzi tar-rescEU biex jissaħħaħ il-Korp Mediku Ewropew billi jissussidja gruppi ta’ esperti permanenti. Filwaqt li jibni fuq l-esperjenza mill-qasam veterinarju, se jissussidja esperti tas-saħħa u l-loġistika u, fejn rilevanti, persunal mediku li jista’ jiġi attivat fi kwalunkwe mument u jintbagħtu madwar l-UE biex jipprovdi pariri u għarfien espert. It-timijiet se jkunu appoġġati b’tagħmir (pereż. laboratorji mobbli).
ØIl-programm se jappoġġa wkoll il-koordinazzjoni bejn l-infrastrutturi tal-kura tas-saħħa u l-kapaċità tal-laboratorji mediċi u veterinarji madwar l-Unjoni, fosthom it-tħejjijiet għall-istabbiliment ta’ infrastruttura Ewropea għall-iskambju ta’ informazzjoni dwar possibbiltajiet ta’ kura kritika. Il-programm se jistabbilixxi sistema sempliċi biex tappoġġa l-akkwist konġunt transfruntier ta’ prodotti, għodod u servizzi li juru valur miżjud ċar tal-UE għall-kollaborazzjoni tas-sistemi tas-saħħa.
ØIl-programm l-UE għas-Saħħa se jgħin biex jitwarrab finanzjament għal interventi ewlenin fis-Saħħa elettronika flimkien ma’ finanzjament fil-Programm Ewropa Diġitali, inkluż l-appoġġ tal-użu ta’ data għall-kura tas-saħħa, ir-riċerka u t-tfassil tal-politika (fil-kuntest tal-Ispazju tad-Data Ewropea dwar is-Saħħa) permezz ta’ clouds jew infrastrutturi oħra u teknoloġiji intensivi tad-data bħal għodod ta’ intelliġenza artifiċjali. Se jappoġġa l-użu akbar tat-telesaħħa, inkluż l-użu u t-tisħiħ tal-mudell tat-telemediċina ta’ Networks ta’ Referenza Ewropej. Se jgħin biex jiġu żviluppati punti ta’ riferiment Ewropej u soluzzjonijiet transnazzjonali.
ØIl-programm se jgħin fil-prevenzjoni ta’ mard, anki permezz ta’ appoġġ lill-Istati Membri fil-politiki tagħhom u fuq il-bażi tal-gwida teknika u għażliet politiċi b’saħħithom, dwar il-prevenzjoni u l-promozzjoni ta’ stil ta’ ħajja tajjeb għas-saħħa. Se jgħin fil-ġbir u l-kondiviżjoni xierqa ta’ sorsi ta’ data u intelligence disponibbli fis-servizzi, l-aġenziji tal-UE kif ukoll korpi nazzjonali u internazzjonali relatati mas-saħħa u jippromwovi l-aħjar prattiki bbażati fuq l-evidenza fil-prevenzjoni u l-ġestjoni ta’ mard.
ØL-azzjoni fuq il-prevenzjoni se tkun ibbażata fuq approċċ veru ta’ “Saħħa Waħda” għall-mard u se tinkludi l-bini ta’ għarfien u fehim tal-evoluzzjoni taż-żoonożi, u żoonożi potenzjali.
ØIl-programm se jappoġġa azzjonijiet li jtejbu l-prevenzjoni u l-kontroll tal-infezzjonijiet, li jittestjaw malajr u b’mod korrett għall-infezzjonijiet u li jiddijanjostikaw l-infezzjonijiet, li jittrattaw lill-pazjenti bl-użu tal-antimikrobiċi xierqa u li jnaqqsu l-użu mhux xieraq u perikoluż tal-antimikrobiċi fl-oqsma kollha. Komponent internazzjonali se jiżgura li l-politika tas-saħħa Ewropea tkun marbuta ma’ żviluppi internazzjonali u tikkomplementa b’mod utli l-azzjonijiet dwar kwistjonijiet ta’ tħassib reġjonali u globali.
Kumplimentarjetà mal-UE u politiki nazzjonali
ØIl-prinċipju ewlieni se jkun li l-programm il-ġdid se jkun il-katalizzatur għal approċċi ġodda mill-aħjar prattiki jew soluzzjonijiet innovattivi, jew riżultati ta’ proġetti ta’ riċerka billi jgħinhom jagħmlu proġetti pilota u jittestjawhom fil-livell tal-popolazzjoni suxxettibbli qabel l-introduzzjoni fuq skala sħiħa. Il-programm il-ġdid se jinteraġixxi wkoll mal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Filwaqt li l-Faċilità se tipprovdi inċentivi għal riformi ġodda, il-programm il-ġdid programm l-UE għas-Saħħa jista’ jappoġġa l-koordinazzjoni tal-implimentazzjoni madwar l-Istati Membri.
ØIl-programm il-ġdid se jkollu l-għan li jikseb eżiti li huma direttament iffukati fuq is-saħħa. B’hekk, se joħloq sinerġiji u se jgħin biex is-saħħa tiġi integrata fi programmi oħra tal-UE bħall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, Orizzont Ewropa, il-Programm Ewropa Diġitali, il-Programm tas-Suq Uniku u l-politika agrikola komuni. B’mod partikolari, il-programm il-ġdid se jaħdem ma’ rescEU, li huwa ffukat fuq kapaċitajiet diretti għar-rispons għall-kriżijiet, il-bini ta’ riżervi, l-iskjerament u t-tqassim ta’ tagħmir u persunal f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza u jkun komplementari għalih, billi jipprovdi l-kontribuzzjonijiet tas-saħħa meħtieġa.
ØIl-programm il-ġdid se jaħdem mal-Istati Membri, filwaqt li jirrispetta t-tqassim tal-kompetenzi stabbilit fl-Artikolu 168 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u jibni fuq mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni eżistenti, billi jiffoka fuq aspetti strateġiċi u transfruntiera.
ØIl-komplementarjetà mal-outputs tal-aġenziji kkonċernati se tibbenefika minn investimenti minn dan il-programm, b’mod partikolari fid-dawl tat-trasferiment tal-aħjar prattiki, protokolli għas-sorveljanza jew programmi għall-bini tal-kapaċità.
ØIl-programm il-ġdid se jappoġġa wkoll l-isforzi komuni tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha fl-iżgurar tad-disponibbiltà ta’ riżorsi mediċi (mediċini, vaċċini, riżorsi umani, tagħmir), f’kollaborazzjoni mill-qrib mal-programm futur rescEU.
Aspetti Finali
ØIl-pakkett finanzjarju addizzjonali mmobilizzat minn Next Generation EU se jkun ta’ EUR 7,7 biljuni.
![]() IL-MEKKANIŻMU TAL-UNJONI GĦALL-PROTEZZJONI ĊIVILI / rescEU |
|
![]() |
Objettiv: It-tisħiħ tal-kapaċità ta’ rispons tal-mekkaniżmu tal-Unjoni għall-protezzjoni ċivili |
![]() |
Mekkaniżmu: Għotjiet u akkwist |
Ħtiġijiet tal-kriżi u impatt mistenni
ØIl-kapaċitajiet tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili / rescEU se jippermettu lill-UE u lill-Istati Membri jkunu mħejjija aħjar u kapaċi jirreaġixxu malajr u b’mod flessibbli fi kriżijiet, b’mod partikolari dawk b’impatt qawwi fid-dawl tat-tfixkil potenzjali tal-ekonomiji u s-soċjetajiet tagħna, kif jidher ċar fl-emerġenza tal-COVID-19. Għalkemm relattivament rari, emerġenzi u katastrofi fuq skala kbira jistgħu jikkawżaw ħsara serja u fit-tul għall-ekonomiji u s-soċjetajiet tagħna, u għalhekk jeħtieġu livell ferm akbar ta’ ppjanar u tħejjija.
ØFuq il-bażi tat-tagħlimiet meħuda mill-kriżi, il-kapaċitajiet estiżi ta’ rescEU jenħtieġ li jippermettu lill-UE tiżviluppa u takkwista kapaċità ta’ ħażna flimkien ma’ kapaċità ta’ dispaċċ rilevanti (bħal faċilitajiet ta’ mħażen, mezzi ta’ trasport u sostenn loġistiku ġenerali).
ØL-iżgurar ta’ rispons kumplessiv effettiv tal-UE għal emerġenzi fuq skala kbira, rescEU jeħtieġ flessibbiltà massima u kapaċità reali li wieħed jaġixxi fil-livell tal-UE, inkluża l-flessibbiltà baġitarja u operazzjonali u r-razzjonalizzazzjoni, f’sitwazzjonijiet meta l-Istati Membri ma jkunux jistgħu jagħmlu dan.
ØIl-programm aġġornat se jagħti wkoll lill-Unjoni kapaċitajiet u infrastruttura loġistika profiċjenti li tista’ tipprovdi għal tipi differenti ta’ emerġenza, inklużi dawk b’komponent ta’ emerġenza medika. Dan jinvolvi mekkaniżmi li jippermettu lill-UE:
·Takkwista, tikri, tieħu b’lokazzjoni u taħżen kapaċitajiet identifikati ta’ rescEU;
·Iddaħħal prodotti u persunal minn barra l-UE u tiskjerahom fl-UE;
·Tittrasporta malajr kemm jista’ jkun prodotti u persunal minn diversi punti madwar l-UE għal punti oħra fejn il-prodotti u l-persunal huma meħtieġa. Għarfien espert li jista’ jkun skjerat internazzjonalment għal kull tip ta’ diżastru (inklużi “esperti mediċi pronti” – tobba speċjalisti, infermiera, epidemjologi, intensivisti u timijiet mediċi ta’ emerġenza integrati mgħammra sew);
·Tittrasferixxi malajr vittmi ta’ diżastri/pazjenti għal fejn ikunu jistgħu jirċievu l-kura b’mod l-aktar effiċjenti meta l-kapaċitajiet lokali u nazzjonali ma jkunux jistgħu jlaħħqu. Infrastruttura bħal din se tinkludi sistema ta’ faċilitajiet ta’ kura disponibbli madwar l-Istati Membri.
ØIl-mekkaniżmu se jinkludi sistema ta’ komunikazzjoni diretta u mtejba li tkun aċċessibbli għall-Istati Membri kollha, sabiex l-assi rilevanti jkunu jistgħu jiġu attivati fi żmien qasir fi kwalunkwe mument.
ØIl-komponent tat-tħejjija u tar-rispons internazzjonali se jittejjeb ukoll sabiex il-kapaċitajiet ikunu jistgħu jintużaw ukoll barra mill-UE.
Implimentazzjoni
ØL-UE se tkun tista’ takkwista direttament, tiffinanzja u tistabbilixxi kapaċitajiet strateġiċi adegwati ta’ rescEU, il-ħżin loġistiku u t-trasport loġistiku, kif ukoll infrastruttura ta’ ġestjoni ta’ informazzjoni ta’ emerġenza interkonnessa li tkun tista’ tkopri kwalunkwe tip ta’ emerġenza, li tista’ tintuża taħt l-awspiċji ta’ rescEU. Dawn il-kapaċitajiet strateġiċi se jkunu supplimentari għal dawk tal-Istati Membri. Jenħtieġ li jkunu lokalizzati fit-territorji ta’ bosta Stati Membri tal-UE b’tali mod li jiżguraw l-aktar kopertura ġeografika effettiva f’rispons għal emerġenza. Il-baġit tal-UE jġarrab kostijiet ta’ dħul/ħruġ/trasport kif ukoll kostijiet ta’ ħżin u finanzjarji.
ØJenħtieġ li l-Kummissjoni tkun tista’ takkwista, tikri jew tieħu b’lokazzjoni kapaċità loġistika u ta’ trasport (kapaċità ta’ trasport bl-ajru/trasport bi skopijiet multipli). Dan jippermetti lill-UE tirreaġixxi għal kwalunkwe tip ta’ sitwazzjoni ta’ emerġenza fl-UE u f’pajjiżi terzi (inkluża dik medika: it-trasferiment ta’ vittmi ta’ diżastri, pazjenti, tobba, Timijiet Mediċi Ewropej, ripatrijazzjonijiet, kif ukoll kwalunkwe tip ta’ merkanzija relatata ma’ rispons ta’ emerġenza). Il-ħżin tal-assistenza u l-kapaċità tat-trasport jenħtieġ li jkunu interkonnessi b’mod strateġiku biex iżidu l-veloċità tal-forniment u jiżguraw il-funzjonament tajjeb tal-katina tal-provvista.
ØIl-proċeduri amministrattivi se jinżammu minimi sabiex jitnaqqas il-piż u d-dewmien fl-iskjerament, li huwa kruċjali f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza.
ØIl-mekkaniżmu rescEU se jkollu dispożizzjonijiet li jippermettu flessibbiltà baġitarja, fosthom programmazzjoni pluriennali għal komponent ta’ prevenzjoni u tħejjija u l-iżgurar ta’ disponibbiltà immedjata u flessibbiltà ta’ fondi għal rispons . Kif intwera b’mod ċar mill-kriżi tal-COVID-19, l-emerġenzi huma min-natura tagħhom imprevedibbli u mhux mifruxa b’mod ugwali tul perjodu ta’ programmazzjoni; iżda meta sseħħ emerġenza, il-ħeffa tar-rispons hija essenzjali.
Kumplimentarjetà mal-UE u politiki nazzjonali
ØIl-mekkaniżmu msaħħaħ tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili / rescEU se jkun fil-qalba ta’ approċċ ta’ ġestjoni ta’ emerġenza aktar integrat. Permezz taċ-Ċentru Ewropew ta’ Ġestjoni tal-Emerġenza tagħha, se jkun il-punt uniku ta’ servizz operazzjonali li jiġġestixxi l-kapaċitajiet strateġiċi tal-UE u li jipprovdi rispons rapidu u effettiv għal kull tip ta’ kriżi fuq skala kbira.
ØSe jservi lill-Istati Membri kollha f’setturi differenti, b’tipi differenti ta’ kapaċitajiet strateġiċi ta’ rescEU, skont is-sitwazzjoni ta’ kriżi. Jenħtieġ li l-kapaċitajiet loġistiċi proprji tiegħu jkunu suffiċjenti għat-trasferiment ta’ merkanzija, persunal mediku u pazjenti sal-grad meħtieġ minn kwalunkwe Stat f’diffikultà, li jwassal b’mod f’waqtu valur miżjud tal-UE tanġibbli.
ØSe tiġi żgurata l-komplementarjetà tal-komponent rescEU tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili, u b’mod partikolari l-ħażna ta’ emerġenza tiegħu, ma’ azzjonijiet oħra ta’ tħejjija ffinanzjati mill-UE. Se jkun ibbażat fuq kriterji speċifiċi, bħall-kategoriji ta’ oġġetti koperti (qasam speċjalizzat, ħtiġijiet ġeneriċi, oġġetti tajbin għall-persuni tal-ewwel rispons, eċċ.).
Aspetti Finali
ØIl-pakkett finanzjarju addizzjonali mmobilizzat minn Next Generation EU għal rescEU se jkun ta’ EUR 2 biljuni.