IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 7.8.2020
COM(2020) 359 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-eżerċizzju tas-setgħa li tadotta atti delegati mogħtija lill-Kummissjoni skont ir-Regolament (UE) 2015/758 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2015 li jikkonċerna rekwiżiti għall-approvazzjoni skont it-tip għall-iskjerament tas-sistema eCall immuntata fil-vettura bbażata fuq is-servizz 112
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-eżerċizzju tas-setgħa li tadotta atti delegati mogħtija lill-Kummissjoni skont ir-Regolament (UE) 2015/758 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2015 li jikkonċerna rekwiżiti għall-approvazzjoni skont it-tip għall-iskjerament tas-sistema eCall immuntata fil-vettura bbażata fuq is-servizz 112
1.INTRODUZZJONI
Ir-Regolament (UE) 2015/758 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-approvazzjoni skont it-tip għall-iskjerament tas-sistema eCall immuntata fil-vettura bbażata fuq is-servizz 112. Mill-31 ta’ Marzu 2018, huwa jordna li l-mudelli ġodda kollha tal-karozzi u l-vannijiet tal-passiġġieri jkunu mgħammra b’sistema li f’każ ta’ ħabta gravi tintbagħat awtomatikament informazzjoni u tniedi telefonata lejn l-eqreb servizz ta’ emerġenza nazzjonali (in-numru ta’ emerġenza Ewropew 112). Dan se jnaqqas b’mod sinifikanti l-ħin ta’ reazzjoni għas-salvataġġ u se jgħin biex isalva l-ħajjiet tan-nies. Mindu r-Regolament beda japplika sentejn ilu, aktar minn miljun vettura bil-mutur ġdida mgħammra b’eCall iddaħħlu fis-servizz fit-toroq tal-UE u dan in-numru mistenni jiżdied b’rata mgħaġġla fis-snin li ġejjin.
Sabiex jinkisbu l-objettivi tiegħu, ir-Regolament (UE) 2015/758 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati f’għadd ta’ kwistjonijiet elenkati fl-Artikolu 8(2) u soġġetti għall-kundizzjonijiet stipulati f’dan l-Artikolu, f’konformità mal-Artikolu 290 tat-TFUE.
2.BAŻI ĠURIDIKA
L-Artikolu 2(2), l-Artikolu 5(8) u (9), u l-Artikolu 6(12) tar-Regolament (UE) 2015/758 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jagħtu s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati skont il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 8.
L-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) 2015/758 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati dwar il-kwistjonijiet elenkati fih għal perjodu ta’ ħames snin mit-8 ta’ Ġunju 2015. Barra minn hekk, huwa jimponi l-obbligu fuq il-Kummissjoni li tħejji rapport fir-rigward tad-delega tas-setgħat sa mhux iktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ ħames snin.
Is-setgħat delegati għandhom jiġu estiżi b’mod taċitu għal perjodu ta’ durata identika, dment li l-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jopponux din l-estensjoni sa mhux aktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.
Is-setgħa tal-adozzjoni ta’ atti delegati tista’ tiġi revokata f’kull mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega tas-setgħat speċifikata f’ dik id-deċiżjoni. Din għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fiha u ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ (l-Artikolu 8(3) tar-Regolament (UE) 2015/758).
Ir-Regolament (UE) 2015/758 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni li tadotta atti delegati li jikkonċernaw il-materji li ġejjin:
a)li jiġu identifikati klassijiet ta’ vetturi tal-kategoriji M1 u N1 li ma jistgħux ikunu mgħammra b’mekkaniżmu adattat ta’ skattar tal-eCall għal raġunijiet tekniċi (l-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) 2015/758);
b)li jiġu stabbiliti r-rekwiżiti tekniċi dettaljati u t-testijiet għall-approvazzjoni tat-tip tal-KE ta’ vetturi fir-rigward tas-sistemi eCall tagħhom immuntati fil-vetturi bbażati fuq in-numru 112 u l-approvazzjoni tat-tip tal-KE ta’ sistemi eCall immuntati fil-vetturi bbażati fuq in-numru 112, komponenti u unitajiet tekniċi separati (l-Artikolu 5(8) tar-Regolament (UE) 2015/758);
c)li jiġu aġġornati l-verżjonijiet tal-istandards meta tiġi adottata verżjoni ġdida (l-Artikolu 5(9) tar-Regolament (UE) 2015/758);
d)li jiġu stabbiliti r-rekwiżiti tekniċi dettaljati u l-proċeduri tal-ittestjar għall-applikazzjoni tar-regoli dwar l-ipproċessar tad-data personali u biex jiġi żgurat li ma jkun hemm l-ebda skambju ta’ data personali bejn is-sistema eCall immuntata fil-vettura bbażata fuq in-numru 112 u s-sistemi ta’ terzi persuni (l-Artikolu 6(12) tar-Regolament (UE) 2015/758).
Hekk kif il-Kummissjoni tadotta att delegat, għandha tinnotifikah lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fl-istess waqt (l-Artikolu 8(4) tar-Regolament (UE) 2015/758).
Skont l-Artikolu 8(5) tar-Regolament (UE) 2015/758, att delegat adottat skont l-Artikolu 2(2), l-Artikolu 5(8) u (9), u l-Artikolu 6(12) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perjodu ta’ xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.
3.EŻEĊIZZJU TAD-DELEGA
3.1.
Atti delegati adottati
Fil-perjodu ta’ referenza, il-Kummissjoni eżerċitat is-setgħat delegati billi adottat l-att li ġej li jkopri l-erba’ kwistjonijiet elenkati fit-taqsima 2 hawn fuq:
Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/79 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi dettaljati u proċeduri ta’ ttestjar għall-approvazzjoni KE għat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward tas-sistemi eCall tagħhom immuntati fil-vetturi bbażati fuq is-servizz 112, ta’ unitajiet u komponenti tekniċi separati tal-eCall immuntati fil-vetturi bbażati fuq is-servizz 112 u li jissupplimenta u jemenda r-Regolament (UE) 2015/758 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-eżenzjonijiet u l-istandards applikabbli, ġie adottat fit-12 ta’ Settembru 2016.
3.2.Konsultazzjoni qabel l-adozzjoni
Il-Kummissjoni kkonsultat lil esperti maħtura mill-Istati Membri u lil partijiet ikkonċernati rilevanti (fis-Sottogrupp dwar l-eCall tal-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Vetturi bil-Mutur), permezz ta’ laqgħat apposta ma’ esperti regolari u konsultazzjonijiet bil-miktub, fit-tħejjija tal-att delegat. Id-dokumenti rilevanti għal dawn il-konsultazzjonijiet intbagħtu fl-istess ħin lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
Saru konsultazzjonijiet estensivi ma’ esperti mill-uffiċċju tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data fit-tħejjija tal-att delegat. Il-Kummissjoni attendiet laqgħat tal-kumitati ewlenin u assoċjati fil-Parlament Ewropew biex ikun hemm aktar skambju ta’ fehmiet dwar l-abbozz tal-att. Matul it-tħejjija tal-verżjonijiet finali tal-att delegat, ġew ikkunsidrati l-osservazzjonijiet ippreżentati f’dawn l-iskambji.
3.3.Ebda oġġezzjoni għall-atti delegati
Skont l-Artikolu 8(5) tar-Regolament (UE) 2015/758, il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jistgħu joġġezzjonaw għal att delegat skont l-Artikolu 2(2), l-Artikolu 5(8) u (9), u l-Artikolu 6(12) fi żmien xahrejn mid-data tan-notifika tal-att, li jistgħu jiġu estiżi b’xahrejn oħra fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.
La l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma oġġezzjonaw għall-att delegat msemmi fit-taqsima 3.1. ta’ hawn fuq, u għalhekk, l-att delegat ġie ppubblikat u daħal fis-seħħ fi tmiem il-perjodu ta’ oġġezzjoni.
4.KONKLUŻJONI
Il-Kummissjoni jidhrilha li eżerċitat is-setgħat delegati mogħtija lilha fil-limiti stabbiliti u fir-rigward tal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2015/758. Il-Kummissjoni tara l-ħtieġa li testendi s-setgħat peress li fil-futur se jkunu meħtieġa aktar atti delegati, fost affarijiet oħra biex tiġi aġġornata l-verżjoni tal-istandards imsemmija fl-Artikolu 5(8) tar-Regolament (UE) 2015/758 u biex jiġu adattati l-proċeduri tal-ittestjar stabbiliti fl-Annessi tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/79 għall-iżviluppi tat-teknoloġija. B’dan ir-rapport, il-Kummissjoni tikkonforma mar-rekwiżit ta’ rappurtar skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament (UE) 2015/1017. Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jieħdu nota ta’ dan ir-Rapport.