Brussell, 9.7.2020

COM(2020) 324 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Inlestu għall-bidliet



Komunikazzjoni dwar l-istat tat-tlestija fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni



bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit


Inlestu għall-bidliet

Komunikazzjoni dwar l-istat tat-tlestija fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit

I.    INTRODUZZJONI    

II.    BIDLIET LI JSEĦĦU FI KWALUNKWE XENARJU    

A.    Kummerċ ta’ oġġetti    

A.1. Formalitajiet, kontrolli u kontrolli doganali    

A.2. Regoli doganali u fiskali għall-importazzjoni u l-esportazzjoni ta’ oġġetti (tariffi, VAT, sisa)    

A.3. Ċertifikati u awtorizzazzjonijiet ta’ prodotti, rekwiżiti ta’ stabbiliment, tikkettar u immarkar    

Eżempji ta’ konformità settorjali    

B.    Kummerċ tas-servizzi    

B.1. Servizzi finanzjarji    

B.2. Servizzi tat-trasport    

B.3. Servizzi awdjoviżivi    

B.4. Ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali    

C.    Enerġija    

D.    Ivvjaġġar u turiżmu    

Kontrolli fuq persuni    

Liċenzi tas-sewqan    

Ir-roaming    

Drittijiet tal-passiġġieri    

E.    Il-koordinazzjoni tal-mobilità u tas-sigurtà soċjali    

F.    Id-dritt tal-kumpaniji u d-dritt ċivili    

F.1. Kumpaniji rreġistrati fir-Renju Unit    

F.2. Għażla kuntrattwali tal-ġuriżdizzjoni    

G.    Aspetti oħra: id-data, id-drittijiet diġitali u d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali    

G.1. Il-proprjetà intellettwali    

G.2. Trasferimenti u protezzjoni tad-data    

G.3. Isem tad-dominju .eu    

H.    Ftehimiet internazzjonali tal-Unjoni Ewropea    

III.    It-tħejjija għal kwalunkwe xenarju    

KAXXA: Il-Ftehim dwar il-Ħruġ, inkluż il-Protokoll dwar l-Irlanda u l-Irlanda ta’ Fuq    

IV.    Konklużjoni: it-tlestija hija essenzjali    

I. INTRODUZZJONI 

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq (“Ir-Renju Unit” jew “UK”) ħareġ mill-Unjoni Ewropea (“UE”) u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (“Euratom”) – minn hawn ’il quddiem b’mod kollettiv imsejħin “l-Unjoni” – fl-1 ta’ Frar 2020. Il-Ftehim dwar il-Ħruġ 1 li ġie konkluż bejn l-Unjoni u r-Renju Unit daħal fis-seħħ f'din id-data, żgura t-tluq ordnat tar-Renju Unit u pprovda ċertezza tad-dritt f’oqsma importanti, inklużi d-drittijiet taċ-ċittadini, is-saldu finanzjarju u l-evitar ta’ fruntiera fiżika fuq il-gżira tal-Irlanda (ara l-Kaxxa fil-parti III).

Bħala pajjiż terz, ir-Renju Unit m’għadux jipparteċipa fit-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Unjoni. Mhuwiex rappreżentat fl-istituzzjonijiet tal-UE, l-aġenziji tal-UE, l-uffiċċji jew korpi oħra tal-Unjoni.

Madankollu, skont il-Ftehim dwar il-Ħruġ, id-dritt tal-Unjoni jibqa’ japplika għar-Renju Unit u fih 2 għal “perjodu ta’ tranżizzjoni” li jdum sal-31 ta’ Diċembru 2020 3 .

Matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni, ir-Renju Unit jibqa’ jipparteċipa fis-Suq Uniku tal-UE u fl-Unjoni Doganali, biex jibbenefika minn politiki u programmi tal-Unjoni, u għandu jkompli jirrispetta l-obbligi tal-ftehimiet internazzjonali, li l-Unjoni hija parti fihom. Dan il-perjodu tat-tranżizzjoni, għalhekk, joffri perjodu ta’ kontinwità, li l-Unjoni qed tuża biex:

1.tiżgura li l-miżuri u l-arranġamenti meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar il-Ħruġ jiddaħħlu fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2021;

2.tinnegozja ftehim dwar sħubija ġdida mar-Renju Unit, u;

3.tiżgura l-istat tat-tlestija għal meta jintemm il-perjodu ta’ tranżizzjoni fl-1 ta’ Jannar 2021, meta r-Renju Unit la se jibqa jipparteċipa fis-Suq Uniku tal-UE u tal-Unjoni Doganali, la fil-politiki u l-programmi tal-Unjoni, 4 u lanqas mhu se jibbenefika mill-ftehimiet internazzjonali tal-Unjoni. Din l-għażla ġiet ikkonfermata mill-gvern tar-Renju Unit fl-approċċ tiegħu għan-negozjati dwar ir-relazzjoni futura mal-Unjoni Ewropea, ippubblikata fis-27 ta’ Frar 2020 kif ukoll f’dikjarazzjonijiet sussegwenti mill-gvern tar-Renju Unit 5 .

Fir-rigward tan-negozjati dwar sħubija ġdida mar-Renju Unit, is-sitwazzjoni straordinarja li tirriżulta mill-pandemija tal-coronavirus kienet tfisser li, apparti l-ewwel rawnd ta’ negozjati, it-tliet rawnds sussegwenti kellhom issiru permezz ta’ vidjokonferenza. Għall-istess raġuni, iż-żmien li għadda bejn l-ewwel u t-tieni rawnd kien itwal milli kien maħsub oriġinarjament.

S’issa n-negozjati ftit li xejn urew progress. Id-diskussjonijiet issa ġew intensifikati matul is-sajf, bir-rawnds tan-negozjati u/jew sessjonijiet speċjalizzati skedati kull ġimgħa mid-29 ta’ Ġunju 2020.

Il-Kummissjoni se tkompli tinnegozja abbażi tal-mandat mogħti lilha mill-Kunsill fi Frar 2020 u bl-appoġġament tal-Parlament Ewropew. Is-servizzi tal-Kummissjoni ppubblikaw abbozz ta’ test legali dettaljat 6 skont dan il-mandat. L-objettiv tagħna huwa li nikkonkludu, sa tmiem l-2020, sħubija ambizzjuża li tkopri wkoll l-oqsma li sar qbil dwarhom mar-Renju Unit fid-Dikjarazzjoni Politika 7 . Dik id-dikjarazzjoni ġiet approvata mill-mexxejja kollha tal-UE u mill-Prim Ministru Johnson fis-17 ta’ Ottubru 2019.

Minkejja dan, anki jekk sa tmiem l-2020, l-Unjoni Ewropea u r-Renju unit jikkonkludu sħubija ambizzjuża li tkopri l-oqsma kollha miftiehma fid-Dikjarazzjoni Politika, ftehim bħal dan jista’ joħloq relazzjoni li tkun differenti ħafna mill-parteċipazzjoni tar-Renju Unit fis-Suq Uniku tal-UE 8 u fl-Unjoni Doganali, u fiż-żona tal-VAT u tad-dazju tas-sisa.

Inevitabbilment, il-fatt li r-Renju Unit mhux se jibqa’ jipparteċipa fil-politiki tal-Unjoni sa tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni se joħloq ostakli għall-kummerċ fil-prodotti u s-servizzi u għall-mobilità u l-iskambji transfruntiera li ma jeżistux illum. Dan se jseħħ fiż-żewġ direzzjonijiet, jiġifieri mir-Renju Unit lejn l-Unjoni, kif ukoll mill-Unjoni lejn ir-Renju Unit. L-amministrazzjonijiet pubbliċi, in-negozji, iċ-ċittadini u l-partijiet ikkonċernati fuq iż-żewġ naħat se jiġu affettwati u għalhekk iridu jħejju ruħhom.

L-għażliet magħmula mill-gvern tar-Renju Unit dwar ir-relazzjoni futura u dwar li ma jiġix estiż il-perjodu ta’ tranżizzjoni jfissru li dawn l-interruzzjonijiet inevitabbli se jseħħu mill-1 ta’ Jannar 2021 u jirriskjaw li jżidu l-pressjoni li n-negozji diġà għandhom minħabba t-tifqigħa tal-COVID-19.

Huwa essenzjali li l-partijiet ikkonċernati kollha jkunu konxji ta’ dan, u li jiżguraw li dawn ikunu lesti għal dawn il-bidliet wiesa’ u estensivi, li se jirriżultaw fi kwalunkwe xenarju, irrispettivament mill-eżitu tan-negozjati bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit. Ma hemm l-ebda lok għall-kompjaċenza jew il-posponiment tal-miżuri għall-istat tat-tlestija u tal-miżuri tal-adattament b’antiċipazzjoni li ftehim jista’ jiżgura l-kontinwità, minħabba li numru kbir ta’ bidliet se jkunu inevitabbli.

Din il-Komunikazzjoni bl-ebda mod ma tfittex li tippreġudika r-riżultat tan-negozjati, u lanqas ma tfittex li teżamina l-implikazzjonijiet eventwali ta’ nuqqas ta’ ftehim dwar sħubija futura. Minflok, għandha l-għan li tenfasizza l-oqsma ewlenin li fihom bidla se tkun inevitabbli u li tiffaċilita l-istat tat-tlestija u t-tħejjijiet taċ-ċittadini, l-amministrazzjonijiet pubbliċi, in-negozji u l-partijiet ikkonċernati l-oħra kollha għal dawn l-interruzzjonijiet inevitabbli.

B’mod partikolari, in-negozji għandhom jikkunsidraw li jirrevedu l-pjanijiet tat-tħejjija eżistenti tagħhom. Għalkemm dawn kienu mfassla għar-riskju tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni mingħajr ftehim dwar il-ħruġ - xenarju li ma seħħx - parti minn dik il-ħidma xorta se tibqa’ rilevanti ħafna għall-bidliet fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni.

F’dan l-ispirtu, il-Kummissjoni qed tirrevedi wkoll il-ġabra kollha ta’ 102 avviż lill-partijiet ikkonċernati li ppubblikat matul il-fażi tan-negozjati dwar il-ħruġ, li l-biċċa l-kbira tagħhom għadhom rilevanti għal tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni. S’issa, 51 minn dawn l-avviżi ġew aġġornati biex jirriflettu l-bidliet li se jseħħu fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni, u aġġornamenti oħrajn se jiġu ppubblikati dalwaqt. Hemm lista tagħhom fl-Anness I ta’ din il-Komunikazzjoni.

II.BIDLIET LI JSEĦĦU FI KWALUNKWE XENARJU

Din it-taqsima tipprovdi ħarsa ġenerali lejn l-oqsma ewlenin ta’ bidla li se jseħħu fi kwalunkwe każ minn tmiem il-perjodu tat-tranżizzjoni, kemm jekk ikun hemm ftehim dwar sħubija futura bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit u kemm jekk le.

Il-bidliet deskritti hawnhekk se jirriżultaw awtomatikament mill-fatt li, mill-1 ta’ Jannar 2021, il-perjodu ta’ tranżizzjoni li jippermetti l-parteċipazzjoni temporanja tar-Renju Unit fis-Suq Uniku tal-UE u fl-Unjoni Doganali se jispiċċa, u b’hekk jintemm il-moviment liberu tal-persuni, il-prodotti u s-servizzi. It-tluq mis-Suq Uniku u l-Unjoni Doganali se jwassal għal ostakli addizzjonali għall-kummerċ u għall-mobbiltà transfruntiera tal-persuni, u se jkunu meħtieġa aġġustamenti kemm min-naħa tal-Unjoni kif ukoll min-naħa tar-Renju Unit. Billi jitlaq mill-Unjoni, ir-Renju Unit qed jitlaq ukoll mill-ftehimiet internazzjonali kollha tal-Unjoni, awtomatikament u bil-liġi.

Jekk għadhom ma għamlux dan, l-amministrazzjonijiet pubbliċi, in-negozji u ċ-ċittadini fl-Unjoni għandhom, b’mod urġenti, jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa għall-istat tat-tlestija biex iħejju għal dawn il-bidliet bil-ħsieb li jimminimizzaw kemm jista’ jkun l-ispejjeż tat-tfixkil.

A.Kummerċ ta’ oġġetti 9  

Il-bidliet deskritti fis-subsezzjonijiet mhumiex se japplikaw fir-rigward tal-kummerċ bejn l-UE u l-Irlanda ta’ Fuq, fejn il-Protokoll dwar l-Irlanda u l-Irlanda ta’ Fuq, li huwa parti integrali mill-Ftehim dwar il-Ħruġ, se japplika minn tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni, flimkien ma’ kwalunkwe ftehim dwar sħubija futura 10 .

F’konformità ma’ dak il-Protokoll, ir-regoli tal-Unjoni relatati mal-oġġetti (inklużi r-regoli fiskali, jiġifieri t-tassazzjoni indiretta u r-regoli mhux fiskali) u l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni se jkomplu japplikaw ukoll għall-Irlanda ta’ Fuq (ara l-Kaxxa fil-Parti III għal aktar informazzjoni).

A.1. Formalitajiet, kontrolli u kontrolli doganali

Matul il-perjodu tat-tranżizzjoni, ir-Renju Unit huwa parti mis-Suq Uniku tal-UE u l-Unjoni Doganali. Għalhekk, bħalissa ma hemm l-ebda formalità doganali għal oġġetti li jiġu mċaqalqa bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni.

Mill-1 ta’ Jannar 2021, ir-Renju Unit mhux se jibqa’ parti mill-Unjoni Doganali tal-UE. Għalhekk, il-formalitajiet doganali meħtieġa skont id-dritt tal-Unjoni se japplikaw għall-oġġetti kollha li jidħlu fit-territorju doganali tal-Unjoni mir-Renju Unit, jew li jitilqu dak it-territorju doganali biex imorru r-Renju Unit.

Dan se jseħħ anke jekk tiġi stabbilita żona ta’ kummerċ ħieles ambizzjuża mar-Renju Unit, li tipprovdi għal tariffi żero u kwoti żero fuq oġġetti, b’kooperazzjoni doganali u regolatorja.

Min-naħa tal-UE, l-awtoritajiet doganali se jwettqu kontrolli abbażi tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, skont is-sistema komuni bbażata fuq ir-riskju applikata għal kwalunkwe fruntiera esterna oħra tal-Unjoni fir-rigward tal-moviment ta’ oġġetti f’relazzjonijiet ma’ pajjiżi terzi. Dawn il-kontrolli x’aktarx iwasslu għal żieda fil-piżijiet amministrattivi għan-negozji u ħinijiet itwal ta’ konsenja fil-katini tal-provvista loġistika.

Mill-1 ta’ Jannar 2021, in-negozji tal-UE li jixtiequ jimportaw mir-Renju Unit jew jesportaw lejn ir-Renju Unit se jkollhom jiżguraw li jkollhom numru tar-Reġistrazzjoni u tal-Identifikazzjoni tal-Operaturi Ekonomiċi (EORI, Economic Operators Registration and Identification) 11 sabiex jgħaddu minn formalitajiet doganali. Barra minn hekk, numri EORI maħruġa mir-Renju Unit mhux se jibqgħu validi fl-Unjoni. In-negozji bbażati fir-Renju Unit li jixtiequ jimportaw fl-Unjoni jeħtieġ li jirċievu numru EORI tal-UE jew jaħtru rappreżentant doganali tal-Unjoni fejn applikabbli. Barra minn hekk, mill-1 ta’ Jannar 2021, l-awtorizzazzjonijiet tal-Operatur Ekonomiċi Awtorizzati jew awtorizzazzjonijiet oħra maħruġa mir-Renju Unit mhux se jibqgħu validi fl-Unjoni. Jekk l-operaturi ekonomiċi jixtiequ jiksbu awtorizzazzjonijiet tal-UE, jeħtieġ li japplikaw għalihom fi Stat Membru tal-UE.

Pariri lin-negozji u lill-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri

In-negozji tal-UE għandhom jiffamiljarizzaw ruħhom mal-formalitajiet u l-proċeduri għan-negozju mar-Renju Unit bħala pajjiż terz mill-1 ta’ Jannar 2021. Dawn għandhom iqisu wkoll l-obbligi amministrattivi u l-perjodi ta’ żmien potenzjalment itwal li jirriżultaw minn dawn il-formalitajiet u l-proċeduri. Dan jista’ jinvolvi bidliet sinifikanti fl-organizzazzjoni tal-ktajjen tal-provvista eżistenti. In-negozji huma responsabbli mill-valutazzjoni tal-azzjonijiet meħtieġa fid-dawl ta’ dawn il-bidliet, fl-isfond tas-sitwazzjoni individwali tagħhom.

L-amministraturi tal-Istati Membri tal-UE ħejjew il-punti ewlenin tal-passaġġ tal-fruntieri u żviluppaw soluzzjonijiet biex tiġi żgurata l-applikazzjoni tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni f’dan il-kuntest. Jekk meħtieġ, dawn għandhom ikomplu jimplimentaw u jirfinaw dawn l-għażliet, u jkomplu bl-isforzi tagħhom biex iqajmu kuxjenza fost in-negozji, b’mod partikolari billi jimmiraw partikolarment lejn l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) 12 .

A.2. Regoli doganali u fiskali għall-importazzjoni u l-esportazzjoni ta’ oġġetti (tariffi, VAT, sisa)

Matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni, ir-Renju Unit huwa parti mill-Unjoni Doganali tal-UE u parti mit-territorju tal-VAT u s-sisa tal-UE.

Għaldaqstant, l-ebda tariffa jew kwota ma hija applikata fuq oġġetti nnegozjati bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit , u ma hemmx bżonn li tintwera l-oriġini tal-merkanzija nnegozjata.

Barra minn hekk, ir-reġim applikat għat-taxxi (VAT, dazji tas-sisa) huwa dak applikat għall-kummerċ intra-Unjoni, li jfisser li m’hemmx bżonn ta’ kontrolli rispettiva fil-fruntiera bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni.

Mill-1 ta’ Jannar 2021, l-istatus tal-oriġini tal-oġġetti nnegozjati se jkollu jintwera sabiex huma jkunu intitolati għal trattament preferenzjali skont ftehim futur eventwali bejn l-UE u r-Renju Unit. L-oġġetti li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-oriġini se jkunu soġġetti għal dazji doganali anki jekk ikun hemm fis-seħħ ftehim kummerċjali mingħajr kwota, b’kwota żero bejn l-UE u r-Renju Unit. Il-kummerċ bejn l-UE u s-sħab preferenzjali tagħha se jiġi affettwat ukoll, peress li l-kontenut tar-Renju Unit (f’termini kemm ta’ materjal kif ukoll ta’ operazzjonijiet tal-ipproċessar) se jsir “mhux oriġinarju” f’arranġamenti kummerċjali preferenzjali tal-Unjoni għad-determinazzjoni tal-oriġini preferenzjali tal-oġġetti li jinkorporaw il-kontenut imsemmi tar-Renju Unit. Fil-prattika, dan jinvolvi l-ħtieġa li l-esportaturi tal-UE jerġgħu jivvalutaw il-katini ta’ provvista tagħhom. Jista’ jkun li jkollhom jirrilokaw il-produzzjoni jew jibdlu l-fornituri għal ċerti inputs sabiex ikomplu jibbenefikaw minn arranġamenti kummerċjali preferenzjali tal-Unjoni mas-sħab preferenzjali attwali tal-Unjoni. L-importaturi tal-Unjoni li jitolbu trattament preferenzjali fl-UE se jkollhom bżonn jiżguraw ukoll li l-esportatur ta’ pajjiż terz ikun jista’ jagħti prova li l-oġġetti huma konformi mar-rekwiżiti dwar l-oriġini preferenzjali wara tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni. Jenħtieġ li jiġi nnutat li, sabiex jinżamm l-istatus ta’ oriġini preferenzjali tagħhom, l-oġġetti se jkunu jeħtieġu jissodisfaw id-dispożizzjonijiet relatati mat-trasport dirett/nuqqas ta’ manipulazzjoni inklużi fil-ftehimiet preferenzjali tal-UE jekk jgħaddu mit-territorju tar-Renju Unit jew jieqfu fih.

Barra minn hekk, it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud (VAT) se tkun dovuta mal-importazzjoni tal-oġġetti li jiddaħħlu fit-territorju tal-VAT tal-Unjoni Ewropea mir-Renju Unit, bir-rata li tapplika għall-provvisti tal-istess oġġetti fl-Unjoni. L-oġġetti esportati mill-Unjoni lejn ir-Renju Unit se jkunu eżentati mill-VAT jekk jintbagħtu jew jiġu trasportati lejn ir-Renju Unit, kif ikun il-każ għal kwalunkwe destinazzjoni barra mill-Unjoni Ewropea. F’sitwazzjonijiet bħal dawn, il-fornitur tal-oġġetti esportati jrid ikun kapaċi jagħti prova li l-oġġetti telqu mill-Unjoni.

Bħal kwalunkwe importazzjoni minn pajjiżi terzi fl-Unjoni, id-dazji tas-sisa għal oġġetti soġġetti għas-sisa (xorb alkoħoliku, prodotti tat-tabakk, eċċ.) se jkunu dovuti mal-importazzjoni fl-Unjoni, u pagabbli meta l-oġġetti jitqiegħdu fis-suq. Fil-futur, l-importazzjonijiet mir-Renju Unit jistgħu jkunu soġġetti wkoll għal miżuri antidumping, kumpensatorji jew ta’ salvagwardja fil-qafas tal-politika ta’ difiża kummerċjali tal-Unjoni Ewropea.

Pariri lin-negozji u lill-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri

In-negozjanti jridu jkunu kapaċi juru l-istatus tal-oriġini tal-oġġetti nnegozjati sabiex dawn ikunu intitolati għal trattament preferenzjali skont ftehim futur bejn l-UE u r-Renju Unit. L-oġġetti li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-oriġini mhux se jibbenefikaw minn dawk il-ftehimiet kummerċjali preferenzjali.

In-negozji tal-UE għandhom ikunu lesti wkoll li jibdew jittrattaw kwalunkwe kontenut tar-Renju Unit (inputs u proċessi) bħala “mhux oriġinarji” fil-kuntest tan-negozju mal-pajjiżi sħab preferenzjali attwali tal-Unjoni, sabiex ikun żgurat li l-esportazzjonijiet tagħhom ikunu jistgħu jkomplu jibbenefikaw mit-trattament preferenzjali mogħti mill-Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles tal-Unjoni, f’kull każ minn tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni 13 . Il-kontenut tar-Renju Unit inkorporat f’oġġetti miksuba f’pajjiżi terzi li l-Unjoni jkollha arranġamenti kummerċjali preferenzjali magħhom u li jiġu importati fl-Unjoni ukoll se jkun “mhux oriġinarju”. Ir-Renju Unit, għalhekk, se jkun pajjiż terz għall-fini tar-regola tat-trasport dirett/tan-nuqqas ta’ manipulazzjoni u n-negozji għandhom jadattaw il-loġistika tagħhom skont dan.

Barra minn hekk, in-negozji tal-UE għandhom jiffamiljarizzaw ruħhom mal-proċeduri rilevanti tal-VAT u jħejju għall-applikazzjoni tagħhom. Huma għandhom iqisu żieda fl-obbligi amministrattivi u dewmien potenzjali fejn rilevanti. Dan jista’ jinvolvi bidliet sinifikanti fl-organizzazzjoni tal-ktajjen tal-provvista u l-proċessi tal-kontabilità eżistenti.

L-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri tal-UE għandhom iħejju għall-piż addizzjonali li jinħoloq minn dawn il-bidliet, kemm f’termini ta’ persunal u ta’ taħriġ, u jżidu s-sensibilizzazzjoni, filwaqt li jkunu mmirati b’mod partikolari lejn intrapriżi żgħar u medji.

A.3. Ċertifikati u awtorizzazzjonijiet ta’ prodotti, rekwiżiti ta’ stabbiliment, tikkettar u immarkar

Matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni, ir-Renju Unit jieħu sehem fis-Suq Uniku, inkluż fis-Suq Uniku għall-oġġetti. L-oġġetti jistgħu jiġu nnegozjati liberament bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit mingħajr ma jkunu soġġetti għal kontrolli grazzi għall-eżistenza ta’ qafas regolatorju uniku tal-Unjoni għat-tqegħid fis-suq ta’ oġġetti, inklużi regoli tekniċi armonizati, standards tas-sikurezza u ambjentali, u rikonoxximent reċiproku. L-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE, bħall-aġenziji tal-UE, jissorveljaw il-funzjonament tajjeb ta’ dan il-qafas.

Mill-1 ta’ Jannar 2021, l-Unjoni u r-Renju Unit se jkunu żewġ spazji regolatorji u legali separati.

Dan ifisser li l-prodotti kollha esportati mill-Unjoni lejn ir-Renju Unit se jkollhom jikkonformaw mar-regoli u mal-istandards tar-Renju Unit u se jkunu soġġetti għal kwalunkwe verifika ta’ konformità regolatorja u kwalunkwe kontroll tal-importazzjonijiet applikabbli. Bl-istess mod, il-prodotti kollha importati mir-Renju Unit lejn l-Unjoni se jkollhom jikkonformaw mar-regoli u l-istandards tal-Unjoni u se jkunu soġġetti għall-verifiki kollha tal-konformità regolatorja u għall-kontrolli fuq l-importazzjonijiet għall-finijiet tas-sikurezza, tas-saħħa u finijiet oħra tal-politika pubblika.

In-negozji tal-UE li attwalment jiddistribwixxu prodotti li ġejjin mir-Renju Unit se jsiru esportaturi jew importaturi għall-prodotti li jqiegħdu fis-suq tal-Unjoni. Dan ifisser li jridu jikkonformaw mal-obbligi ta’ esportatur jew importatur skont ir-regoli tal-Unjoni applikabbli.

Fir-rigward tal-awtorizzazzjoni u ċ-ċertifikazzjoin tal-prodotti, min-naħa tal-Unjoni:

·Iċ-ċertifikati jew l-awtorizzazzjonijiet maħruġa mill-awtoritajiet tar-Renju Unit jew minn korpi bbażati fir-Renju Unit mhux se jibqgħu validi għat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti fis-suq tal-Unjoni. Dan ifisser, pereżempju, li vettura bil-mutur b’approvazzjoni tat-tip maħruġa mir-Renju Unit ma tistax tibqa’ titqiegħed fis-suq tal-Unjoni. Meta l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tkun teħtieġ ċertifikazzjoni minn Korp Notifikat tal-UE – eżempju għal xi tagħmir mediku, makkinarju, tagħmir ta’ protezzjoni personali jew prodotti għall-bini - il-prodotti ċertifikati minn korpi bbażati fir-Renju Unit mhux se jibqgħu jitħallew jitqiegħdu fis-suq tal-Unjoni.

·Meta l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni teħtieġ reġistrazzjoni ta’ prodotti f’bażijiet tad-data, jista’ jkun li dan ikollu jsir minn importatur fl-Unjoni jew rappreżentant awtorizzat tal-manifattur tar-Renju Unit 14 .

·Meta l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tipprevedi rekwiżit li jridu jkunu stabbiliti fl-Unjoni għal ċertu operaturi ekonomiċi jew persuni fiżiċi jew ġuridiċi (eż. rappreżentanti awtorizzati ta’ manifatturi ta’ pajjiż terz jew “persuni responsabbli” għal konformità regolatorja), l-istabbiliment fir-Renju Unit ma jibqax jiġi rikonoxxut fl-Unjoni. Dan ifisser li se tkun meħtieġa rilokazzjoni tar-rappreżentant awtorizzat/il-persuna responsabbli mir-Renju Unit lejn l-Unjoni, jew ikollhom jinħatru rappreżentant awtorizzat /persuna responsabbli ġodda li jkunu stabbiliti fl-Unjoni Ewropea.

·L-immarkar jew it-tikettar tal-oġġetti mqiegħda fis-suq tal-Unjoni, li jirreferu għal korpi jew persuni stabbiliti fir-Renju Unit, mhux se jibqa’ konformi mar-rekwiżiti tat-tikkettar tal-Unjoni.

Fl-aħħar nett, ir-regoli tal-Unjoni li jipprojbixxu jew jirrestrinġu ċerti importazzjonijiet/esportazzjonijiet ta’ oġġetti 15  għal raġunijiet ta’ politika pubblika bħall-protezzjoni tas-saħħa, is-sikurezza u l-ambjent se japplikaw għal negozju mar-Renju Unit, bħal fi kwalunkwe pajjiż terz.

Eżempji ta’ konformità settorjali

Prodotti kimiċi

Mill-1 ta’ Jannar 2021, ir-regoli tal-Unjoni dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH) 16 mhux se jibqgħu japplikaw fir-Renju Unit.

Ir-reġistrazzjonijiet miżmuma mill-manifatturi u mill-produtturi stabbiliti fir-Renju Unit mhux se jibqgħu validi fl-Unjoni Ewropea. Dawk l-entitajiet se jkollhom jiżguraw li s-sustanzi tagħhom jiġu rreġistrati ma’ manifattur jew importatur fl-Unjoni Ewropea jew jaħtru “Rappreżentant Uniku” fl-Unjoni Ewropea bħala reġistrant għas-sustanza.

L-utenti downstream se jkollhom jivverifikaw jew is-sustanzi li jużaw humiex irreġistrati ma’ reġistrant stabbilit fl-Unjoni Ewropea. Jekk dan mhuwiex il-każ, jenħtieġ li huma:

·jadattaw il-katina ta’ provvista tagħhom skont dan (jiġifieri jidentifikaw fornitur alternattiv);

·jivverifikaw jekk ir-reġistrant tar-Renju Unit li jittrattaw miegħu hux bi ħsiebu jaħtar “Rappreżentant Uniku” fl-Unjoni Ewropea; jew

·jirreġistraw is-sustanza fil-kapaċità tal-importatur.

Il-prodotti tas-saħħa (tagħmir mediku u prodotti mediċinali għal użu mill-bniedem jew veterinarju)

Mill-1 ta’ Jannar 2021, ir-Renju Unit se joħroġ mis-sistema regolatorja tal-Unjoni għal prodotti mediċinali u tagħmir mediku.

Għalhekk:

·id-detenturi tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq jeħtieġ li jkunu stabbiliti fl-Unjoni Ewropea;

·l-ittestjar u s-siti ta’ ħruġ tal-lottijiet jeħtieġ li jkunu jinsabu fl-Unjoni Ewropea;

·il-persuni kkwalifikati responsabbli għall-farmakoviġilanza u għall-ħruġ tal-lottijiet (inklużi prodotti mediċinali fil-fażi ta’ investigazzjoni) jeħtieġ li jkunu stabbiliti fl-Unjoni Ewropea;

·kwalunkwe prova klinika awtorizzata fl-Unjoni jeħtieġ li jkollha sponsor jew rappreżentant legali stabbilit fl-Unjoni Ewropea;

·i-informazzjoni u t-tikkettar iridu jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-Unjoni, inkluż fir-rigward tal-kotikkettar tal-mediċini skont it-termini tal-awtorizzazzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni mogħtija fir-Renju Unit;

·iċ-ċertifikazzjoni tat-tagħmir mediku se jkollha titwettaq minn korpi notifikati stabbiliti fl-Unjoni Ewropea.

Pariri lin-negozji u lill-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri

In-negozji tal-UE li jqiegħdu oġġetti fis-suq tar-Renju Unit se jkollhom jiżguraw li jikkonformaw mar-regoli kollha rilevanti tar-Renju Unit mill-1 ta’ Jannar 2021.

Fir-rigward tal-proċessi tal-awtorizzazzjoni u taċ-ċertifikazzjoni, filwaqt li l-miżuri preparatorji kien imisshom ittieħdu fl-2019, in-negozji tal-UE għandhom jerġgħu jivverifikaw il-konformità ħafna qabel l-1 ta’ Jannar 2021.

L-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri tal-UE għandhom iżidu s-sensibilizzazzjoni, u jimmiraw b’mod partikolari lejn l-impriżi żgħar u ta’ daqs medju b’mod partikolari.

B.Kummerċ tas-servizzi

Matul il-perjodu tat-tranżizzjoni, ir-Renju Unit jipparteċipa fis-suq uniku tal-UE, inkluż is-Suq Uniku għas-servizzi. Għalhekk, in-negozji tar-Renju Unit jibbenefikaw mil-libertà tal-istabbiliment u mill-possibbiltà li jipprovdu servizzi fi kwalunkwe Stat Membru tal-UE. Huma jibbenefikaw minn ambjent regolatorju u superviżorju komuni, li jfassal il-miżuri eventwali li jistgħu jadottaw l-awtoritajiet nazzjonali. Dan l-ambjent jippermetti wkoll lill-fornituri tas-servizzi jibbenefikaw minn sistema avvanzata tar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali.

Barra minn hekk, f’ċerti oqsma regolati fil-livell tal-Unjoni, l-iskambju transfruntier ta’ servizzi jibbenefika mill-approċċ tal-pajjiż ta’ oriġini jew mill-kunċett ta’ “passaportar”, li jimplika li l-awtorizzazzjoni maħruġa minn Stat Membru wieħed abbażi tar-regoli tal-Unjoni tkun biżżejjed għall-aċċess għas-Suq Uniku tal-UE kollu minħabba l-armonizzazzjoni tal-istandards, ir-regoli tekniċi u l-oqfsa regolatorji u superviżorji. Dawn il-prinċipji jirfdu l-moviment liberu ta’ ċerti servizzi bejn il-pajjiżi tal-UE, pereżempju fl-oqsma finanzjarji, awdjoviżivi jew tat-trasport.

Mill-1 ta’ Jannar 2021, il-libertà tal-istabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi, kif previsti mit-trattati tal-Unjoni, mhux se jkunu ta’ benefiċċju aktar għall-individwi u n-negozji mir-Renju Unit li joperaw fl-Unjoni Ewropea jew l-individwi u n-negozji tal-UE li joperaw fir-Renju Unit.

L-awtorizzazzjonijiet mogħtija mill-awtoritajiet tar-Renju Unit taħt il-qafas tas-Suq Uniku tal-UE mhux se jibqgħu validi fl-Unjoni mill-1 ta’ Jannar 2021. Dan għandu rilevanza partikolari għall-oqsma tas-servizzi finanzjarji, it-trasport, il-midja awdjoviżiva u s-servizzi tal-enerġija.

Sabiex ikollhom aċċess għas-suq tal-Unjoni, il-fornituri tas-servizzi tar-Renju Unit u l-professjonisti stabbiliti fir-Renju Unit se jkollhom bżonn juru konformità ma’ kwalunkwe regola, proċedura u/jew awtorizzazzjoni li tikkundizzjona l-provvista ta’ servizzi fl-Unjoni Ewropea minn barranin u/jew kumpaniji stabbiliti barra mill-Unjoni 17 . Dawk ir-rekwiżiti jistgħu jiġu stabbiliti fil-liġi tal-Unjoni jew, aktar ta’ spiss, f’reġimi nazzjonali, iżda se jiġu kkundizzjonati mill-impenji meħuda mill-Unjoni Ewropea taħt il-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, kif ukoll fi ħdan il-ftehim dwar ir-relazzjoni futura mar-Renju Unit.

B’mod simili, il-fornituri tas-servizzi tal-UE u l-professjonisti stabbiliti fl-Unjoni u li joperaw fir-Renju Unit se jkollhom bżonn juru konformità mar-regoli kollha rilevanti tar-Renju Unit.

B.1. Servizzi finanzjarji

Matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni, ir-Renju Unit jieħu sehem fis-Suq Uniku tal-UE, inkluż fis-Suq Uniku għas-servizzi finanzjarji. Għalhekk, attwalment, is-servizzi finanzjarji jistgħu jiġu pprovduti mir-Renju Unit lejn l-UE b’awtorizzazzjoni unika jew “passaport”, maħruġa mill-awtoritajiet tar-Renju Unit, għal kull qasam ta’ servizzi finanzjarji rilevanti. L-operaturi tal-Unjoni jistgħu jużaw il-“passaporti” tal-istat tagħhom biex jipprovdu servizzi finanzjarji lejn ir-Renju Unit u fih.

Mill-1 ta’ Jannar 2021, l-awtorizzazzjonijiet biex jiġu pprovduti servizzi mir-Renju Unit lejn l-UE kollha mhux se jibqgħu japplikaw. Il-provvista ta’ servizzi finanzjarji mir-Renju Unit lejn l-UE se tkun possibbli soġġett għar-regoli tal-pajjiż terz rilevanti tal-Istat Membru kkonċernat. In-negozji, banek jew investituri li attwalment jiddependu fuq dawn is-servizzi għandhom ikunu konxji ta’ din il-bidla u jħejju ruħhom b’mod xieraq. Il-fornituri tas-servizzi finanzjarji tal-UE b’operazzjonijiet fir-Renju Unit għandhom iħejju ruħhom ukoll biex jirrispettaw ir-regoli kollha rilevanti tar-Renju Unit. 

Skont l-oqfsa tal-ekwivalenza previsti f’ċerti atti legali tal-Unjoni, l-Unjoni Ewropea għandha l-possibbiltà li tiffaċilita l-interazzjonijiet speċifiċi bejn l-Unjoni u s-sistemi finanzjarji tar-Renju Unit billi tirrikonoxxi li r-reġimi regolatorji u superviżorji rilevanti tar-Renju Unit huma ekwivalenti għal-leġislazzjoni u r-rekwiżiti korrispondenti tal-Unjoni. Huwa biss għadd limitat ta’ dawn l-ekwivalenzi li jippermetti lid-ditti tal-pajjiżi terzi jipprovdu s-servizzi tagħhom lill-klijenti tal-UE. Eżempji jinkludu l-oqsma tad-depożitorju ċentrali tat-titoli, u kontropartijiet tal-ikklerjar ċentrali (CCPs). Speċifikament għad-ditti tal-investiment, se jidħol fis-seħħ qafas tal-ekwivalenza ġdid u mtejjeb f’nofs l-2021. Fil-biċċa l-kbira tal-oqsma, bħal dawk tal-assigurazzjoni, tas-self bankarju kummerċjali jew tat-teħid ta’ depożiti, l-ekwivalenza ma tippermettix lid-ditti ta’ pajjiżi terzi jipprovdu servizzi lejn l-UE, iżda tipprovdi ħelsien prudenzjali jew ta’ rapportar lid-ditti tal-UE.

Id-deċiżjonijiet dwar l-ekwivalenza tal-Unjoni ma jirreplikawx il-benefiċċji tas-Suq Uniku għar-Renju Unit peress li l-obbligi u s-salvagwardji tal-ekosistema tas-Suq uniku tal-UE se jieqfu japplikaw fir-Renju Unit. Id-deċiżjonijiet dwar l-ekwivalenza jistgħu jiġu rtirati unilateralment fi kwalunkwe ħin, b’mod partikolari jekk l-oqfsa tal-pajjiżi terzi jiddevjaw u l-kundizzjonijiet għall-ekwivalenza ma jibqgħux issodisfati.

Peress li l-oqfsa tal-ekwivalenza tal-Unjoni huma unilaterali, la l-valutazzjonijiet tal-ekwivalenza u lanqas id-deċiżjonijiet eventwali għall-għoti tal-ekwivalenza ma huma parti min-negozjati mar-Renju Unit. L-interkonnessjoni attwali bejn l-UE u s-suq tar-Renju Unit tirrikjedi li l-Kummissjoni, meta tivvaluta l-ekwivalenza, tkun partikolarment konxja tar-riskji għall-UE f’termini ta’ stabbiltà finanzjarja, trasparenza tas-suq, integrità tas-suq, protezzjoni tal-investituri u kundizzjonijiet ekwi. Barra minn hekk, l-intenzjoni ddikkjarata mill-gvern tar-Renju Unit li jiddevja mill-oqfsa regolatorji u superviżorji tal-Unjoni fil-qasam tas-servizzi finanzjarji wara l-perjodu ta’ tranżizzjoni teħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta l-ekwivalenza tar-Renju Unit f’kull qasam minn issa ’l quddiem.

Id-Dikjarazzjoni Politika dwar ir-relazzjoni futura 18 tgħid li kemm l-Unjoni Ewropea kif ukoll ir-Renju Unit se jipprovaw jikkonkludu l-valutazzjonijiet ta’ ekwivalenza rispettivi tagħhom qabel l-aħħar ta’ Ġunju 2020 19 . Il-Kummissjoni kkondividiet mar-Renju Unit kwestjonarji li jkopru 28 qasam ta’ ekwivalenza. Sa tmiem Ġunju, ġew irritornati biss 4 kwestjonarji. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni ma setgħetx tikkonkludi l-valutazzjonijiet tal-ekwivalenza tagħha sa tmiem Ġunju. Il-Kummissjoni se tkompli l-valutazzjonijiet abbażi ta’ aktar tweġibiet li qed tirċievi bħalissa. Il-valutazzjonijiet jistgħu jwasslu, f’kull qasam, għal deċiżjonijiet dwar l-ekwivalenza jew nuqqas ta’ ekwivalenza. Il-Kummissjoni se tieħu deċiżjonijiet abbażi ta’ valutazzjoni komprensiva, inkluż l-interess tal-UE.

F’għadd ta’ oqsma, il-Kummissjoni ma bdietx valutazzjoni, jew minħabba li d-deċiżjonijiet dwar l-ekwivalenza diġà ngħataw 20 jew minħabba li, pereżempju, il-qafas legali tal-UE għadu mhux kompletament fis-seħħ. Fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar 21 , il-Kummissjoni mhijiex se tadotta deċiżjoni ta’ ekwivalenza fi żmien qasir jew medju.

Fuq il-bażi tal-analiżi mwettqa mill-Bank Ċentrali Ewropew, il-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni u l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej, u tat-tħejjija meħuda mid-ditti tas-servizzi finanzjarji, il-Kummissjoni identifikat qasam wieħed biss li jista’ jippreżenta riskji għall-istabbiltà finanzjarja, jiġifieri l-kontropartijiet ċentrali tal-ikklerjar (CCPs) tad-derivattivi. Għalhekk, fuq żmien qasir u sabiex jiġu indirizzati r-riskji eventwali għall-istabbiltà finanzjarja, il-Kummissjoni qed tqis l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ekwivalenza b’limitu ta’ żmien għar-Renju Unit f’dan il-qasam.

Deċiżjoni fi żmien limitat tippermetti lis-CCPs ibbażati fl-UE jkomplu jiżviluppaw il-kapaċità tagħhom li jikklerjaw negozji rilevanti fil-perjodu qasir u medju u lill-membri tal-ikklerjar tal-UE li jieħdu u jimplimentaw il-passi meħtieġa, inkluż billi jnaqqsu l-esponiment sistemiku tagħhom għall-infrastrutturi tas-suq tar-Renju Unit.

Sabiex issaħħaħ is-superviżjoni u r-regolamentazzjoni tal-attivitajiet tal-ikklerjar li huma ta’ importanza sistemika għall-Unjoni, attwalment l-UE qed timplimenta r-Regolament EMIR 2.2. Il-Kummissjoni qed tadotta l-miżuri ta’ implimentazzjoni li se jiddeterminaw il-grad ta’ riskju sistemiku ta’ CCPs ta’ pajjiż terz u l-miżuri meħtieġa biex tissaħħaħ is-superviżjoni ta’ tali CCPs, kif ukoll il-ħtieġa eventwali ta’ miżuri ulterjuri biex jimmitigaw dawk ir-riskji.

Pariri lin-negozji u lill-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri

L-operaturi tal-assigurazzjoni, il-banek, id-ditti tal-investiment, iċ-ċentri tan-negozjar u fornituri oħrajn ta’ servizzi finanzjarji għandhom jiffinalizzaw u jimplimentaw il-miżuri preparatorji tagħhom mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2020 biex ikunu lesti għall-bidliet li se jseħħu taħt ix-xenarji kollha, inkluż meta l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit ma jkunux ħadu deċiżjoni dwar l-ekwivalenza fil-qasam tagħhom.

In-negozji tal-Unjoni, banek jew investituri li attwalment jiddependu fuq il-fornituri tas-servizzi tar-Renju Unit għandhom jikkunsidraw kif dan jista’ jaffettwa l-operazzjonijiet tagħhom u jieħdu l-passi meħtieġa kollha biex iħejju għax-xenarji kollha possibbli. Il-fornituri tas-servizzi finanzjarji tal-UE b’operazzjonijiet fir-Renju Unit għandhom iħejju ruħhom ukoll biex jirrispettaw ir-regoli kollha rilevanti tar-Renju Unit. Il-membri tal-ikklerjar tal-UE ta’ CCPs tar-Renju Unit u l-klijenti tagħhom għandhom jieħdu passi attivi biex iħejju għax-xenarji kollha, inkluż billi jnaqqsu l-esponiment sistematiku tagħhom għall-infrastrutturi tas-suq tar-Renju Unit.

L-UE u s-superviżuri u r-regolaturi nazzjonali se jkollhom ikomplu bid-djalogu tagħhom mal-partijiet ikkonċernati bil-għan li jiżguraw li l-azzjonijiet kollha meħtieġa għat-tlestija jittieħdu sa tmiem l-2020.

B.2. Servizzi tat-trasport

Matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni, ir-Renju Unit jieħu sehem fis-Suq Uniku, inkluż is-Suq Uniku għas-servizzi tat-trasport. Għalhekk, attwalment, is-servizzi tat-trasport, is-servizzi tat-trasport bl-ajru, u s-servizzi tat-trasport bit-triq jistgħu jitwettqu fl-Unjoni Ewropea kollha b’liċenzja waħda, maħruġa minn Stat Membru wieħed. Dan jibbenefika wkoll lill-operaturi tal-UE fir-Renju Unit matul il-perjodu tat-tranżizzjoni.

Mill-1 ta’ Jannar 2021, il-kumpaniji tar-Renju Unit mhux se jkunu jistgħu jwettqu servizzi tat-trasport fl-Unjoni bħala parti mis-Suq Uniku. Il-possibiltajiet u l-kundizzjonijiet għall-UE u l-operaturi tat-trasport tar-Renju Unit li jwettqu servizzi bejn l-Unjoni Ewropew u r-Renju Unit se jiddependu fil-biċċa l-kbira fuq in-negozjati dwar ir-relazzjoni futura bejn l-UE u r-Renju Unit fil-qasam tat-trasport.

Madankollu, fi kwalunkwe każ, mill-1 ta’ Jannar 2021, il-liċenzji maħruġa għal impriżi tal-ferroviji mir-Renju Unit mhux se jibqgħu validi fl-Unjoni Ewropea, u ċ-ċertifikati u l-liċenzji maħruġa fir-Renju Unit biex jitħarrġu s-sewwieqa mhux se jibqgħu validi għall-operat ta’ lokomottivi u ferroviji fis-sistema tal-ferroviji tal-UE.

L-impriżi ferrovjarji mill-Unjoni Ewropea jew mir-Renju Unit li jipprovdu servizzi transfruntiera bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea se jkollhom jikkonformaw mar-rekwiżiti legali applikabbli kemm fl-Unjoni Ewropea kif ukoll fir-Renju Unit. Dan jirrigwarda l-liċenzja u ċ-ċertifikat ta’ sikurezza għall-impriża ferrovjarja, l-awtorizzazzjoni tal-materjal mobbli u l-persunal (sewwieqa tal-ferroviji). Il-partijiet interessati kkonċernati, għalhekk, għandhom jiżguraw li jkollhom liċenzji validi fl-Unjoni Ewropea għas-setturi tas-servizzi transfruntiera li jinsabu fit-territorju tal-Unjoni Ewropea, u liċenzji validi fir-Renju Unit għat-taqsimiet tas-servizzi transfruntiera li jinsabu fit-territorju tar-Renju Unit.

Fi kwalunkwe każ, mill-1 ta’ Jannar 2021, trasportaturi tal-ajru li għandhom liċenzji operattivi mogħtija mill-awtorità tal-ħruġ tal-liċenzji tar-Renju Unit għall-ġarr kummerċjali bl-ajru ta’ passiġġieri, posta u/jew merkanzija, mhux se jkunu jistgħu jipprovdu aktar servizzi tat-trasport bl-ajru fi ħdan l-Unjoni Ewropea.

It-trasportaturi tal-ajru tal-UE u d-detenturi taċ-ċertifikati tas-sikurezza tal-avjazzjoni se jkollhom jiżguraw u jżommu konformità mar-rekwiżiti tal-Unjoni, inklużi r-rekwiżiti tal-linji tal-ajru dwar il-post prinċipali tan-negozju u s-sjieda u l-kontroll tal-maġġoranza tal-UE, kif ukoll mal-acquis tal-Unjoni dwar is-sikurezza tal-avjazzjoni.

Fl-aħħar nett, fi kwalunkwe każ, mill-1 ta’ Jannar 2021, l-operaturi tat-trasport bit-triq li huma stabbiliti fir-Renju Unit mhux se jibqa’ jkollhom liċenzja Komunitarja. Huma, għalhekk, mhux se jibqgħu jibbenefikaw mid-drittijiet ta’ aċċess awtomatiku għas-Suq Uniku li tinvolvi tali liċenzja, jiġifieri d-dritt tal-operaturi tal-UE li jwettqu vjaġġi u li jġorru oġġetti madwar l-Unjoni.

Id-drittijiet tal-aċċess li l-operaturi tal-UE u l-operaturi tar-Renju Unit se jkollhom għas-swieq rispettivi ta’ xulxin se jiddependu fuq l-eżitu tan-negozjati bejn l-UE u r-Renju Unit. Jekk ma jkunx hemm ftehim, il-kwoti limitati diġà disponibbli taħt il-mekkaniżmu tal-Konferenza Ewropea tal-Ministri tat-Trasport (ECMT) se jkunu disponibbli għall-operaturi tal-UE biex iwettqu vjaġġi lejn ir-Renju Unit, u għall-operaturi tar-Renju Unit biex iwettqu vjaġġi lejn l-UE.

Pariri lin-negozji u lill-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri

In-negozji kollha tat-trasport li jwettqu operazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit iridu jiżguraw konformità rispettivament mar-rekwiżiti ta’ ċertifikazzjoni tal-UE u tar-Renju Unit mill-1 ta’ Jannar 2021.

Id-drittijiet ta’ aċċess għat-trasport bl-ajru u bit-triq bejn l-Unjoni u r-Renju Unit se jiddependu ħafna fuq l-eżitu tan-negozjati mar-Renju Unit.

Fi kwalunkwe każ, l-operaturi tat-trasport se jiġu affettwati mill-bidliet fil-formalitajiet meħtieġa meta wieħed ikun qed jaqsam il-fruntiera bejn ir-Renju Unit u l-UE 22 . Lill hinn mir-regoli tat-trasport speċifiċi, l-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri tal-UE għandhom iżidu s-sensibilizzazzjoni, immirata partikolarment lejn l-SMEs, dwar kif il-formalitajiet fil-fruntieri se jaffettwaw l-operaturi tat-trasport u tal-loġistika, kif ukoll passiġġieri u ħaddiema transfruntiera. Dan jinkludi wkoll kontrolli fuq il-fruntieri fuq persuni – li jimplika l-verifika tar-rekwiżiti ta’ dħul u ta’ soġġorn, l-istampar tal-passaporti u r-rekwiżiti tal-viża jekk applikabbli.

B.3. Servizzi awdjoviżivi

Matul il-perjodu tat-tranżizzjoni, ir-Renju Unit jieħu sehem fis-Suq Uniku għal servizzi awdjoviżivi. Għalhekk, attwalment, japplika l-prinċipju tal-pajjiż ta’ oriġini, fejn kwalunkwe fornitur ta’ servizz li huwa stabbilit fi Stat Membru u konformi mar-regoli tal-regolatur nazzjonali tal-istat jibbenefika mir-regola dwar il-libertà ta’ akkoljenza u jkun kapaċi jxandar il-kontenut lil kwalunkwe Stat Membru ieħor mingħajr ma jkollu għalfejn ifittex approvazzjoni minn dak l-Istat Membru.

Mill-1 ta’ Jannar 2021, in-negozji stabbiliti fir-Renju Unit mhux se jibqgħu jibbenefikaw mill-prinċipju tal-pajjiż ta’ oriġini tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva.

Riżultat ta’ dan, il-fornituri tas-servizzi tal-media awdjoviżiva bbażati fir-Renju Unit se jkollhom bżonn jikkonformaw ma’ kull wieħed mir-regoli tal-Istat Membru rilevanti li fih jixtiequ jipprovdu s-servizzi tagħhom.

Pariri lin-negozji u lill-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri

Il-fornituri tas-servizzi tal-media awdjoviżiva stabbiliti fir-Renju Unit u li jipprovdu servizzi tal-media awdjoviżiva lill-Unjoni Ewropea għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw konformità ma’ kull wieħed mir-reġimi nazzjonali fejn biħsiebhom jipprovdu servizzi. Il-fornituri tal-UE li jixtiequ jipprovdu servizzi fir-Renju Unit se jkollhom jobdu r-regoli tar-Renju Unit.

B.4. Ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali

Matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni, ir-Renju Unit jieħu sehem fis-Suq Uniku tal-UE, fejn jibbenefikaw mil-libertà ta’ stabbiliment, mill-moviment liberu tal-persuni u mill-provvista ta’ servizzi b’xejn. Għalhekk, attwalment, iċ-ċittadini tar-Renju Unit u ċ-ċittadini tal-UE li għandhom kwalifika fir-Renju Unit jibbenefikaw minn reġim ta’ rikonoxximent simplifikat – f’xi każijiet awtomatiku f’pajjiżi oħra tal-UE, li jippermetti lill-professjonisti bħal tobba, infermiera, dentisti, spiżjara, veterinarji, avukati, periti jew inġiniera jiċċaqilqu u jipprovdu servizzi fl-Unjoni Ewropea u fir-Renju Unit matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni.

Mill-1 ta’ Jannar 2021, ir-Renju Unit mhux se jibqa’ kopert mir-regoli tal-Unjoni dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali, u r-rikonoxximent tal-kwalifiki miksuba fl-Istati Membri tal-UE mir-Renju Unit se jkunu kwistjoni ta’ liġi tar-Renju Unit.

Iċ-ċittadini tar-Renju Unit, irrispettivament minn fejn ikunu kisbu l-kwalifiki tagħhom, u ċ-ċittadini tal-UE bi kwalifiki miksuba fir-Renju Unit se jkollhom bżonn li jkunu rikonoxxuti fl-Istat Membru rilevanti abbażi tar-regoli ta’ dak il-pajjiż għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi u/jew kwalifiki ta’ pajjiż terz minn tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni 23 .

Pariri lil persuni, negozji u amministrazzjonijiet tal-Istati Membri

Il-persuni kkonċernati għandhom ifittxu li jiksbu rikonoxximent tal-kwalifika tar-Renju Unit tagħhom fl-Unjoni Ewropea qabel l-1 ta’ Jannar 2021 sabiex ikunu mħejjija għat-tmiem tal-perjodu tat-tranżizzjoni. Id-deċiżjonijiet tan-negozji għandhom iqisu li minn Jannar 2021, wara tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni, tali rikonoxximent se jsir fl-Istat Membru rilevanti fuq il-bażi tar-regoli ta’ dak il-pajjiż għaċ-ċittadini ta’ pajjiż terz u/jew il-kwalifiki ta’ pajjiż terz.

C.Enerġija

Matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni, ir-Renju Unit jieħu sehem fis-suq integrat tal-enerġija tal-Unjoni. Għalhekk, in-negozjar bejn l-UE u r-Renju Unit ta’ prodotti tal-enerġija permezz ta’ interkonnetturi tal-elettriku u tal-gass huwa attwalment ġestit permezz ta’ pjattaformi speċjalizzati tal-Unjoni.

Mill-1 ta’ Jannar 2021, għalkemm l-interkonnetturi tal-elettriku u tal-gass naturalment xorta jistgħu jintużaw, ir-Renju Unit mhux se jibqa’ jipparteċipa fil-pjattformi speċjalizzati tal-Unjoni. Minflok, se jintużaw soluzzjonijiet alternattivi biex jinnegozjaw l-elettriku fuq l-interkonnetturi mal-Gran Brittanja 24 . Dawn għandhom jippermettu l-kummerċ tal-elettriku jkompli, għalkemm mhux bl-istess livell ta’ effiċjenza bħal fis-Suq Uniku llum.

Pariri lin-negozji u lill-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri

In-negozji u l-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri għandhom iqisu li, minn Jannar 2021, l-iskambji fuq l-interkonnetturi tal-elettriku mal-Gran Brittanja mhux se jiġu mmaniġġjati permezz tal-pjattaformi tal-Unjoni u se jsiru fluss tal-enerġija ta’ pajjiż terz. Il-partijiet interessati kkonċernati għandhom iqisu l-miżuri meħtieġa biex jadattaw għall-ambjenti regolatorju l-ġdid.

D.Ivvjaġġar u turiżmu

Kontrolli fuq persuni 25

Matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni, iċ-ċittadini tar-Renju Unit jiġu ttrattati bħala ċittadini tal-Unjoni. Għalhekk, bħalissa ċ-ċittadini tar-Renju Unit jibbenefikaw mill-moviment liberu meta jidħlu fl-Unjoni Ewropea u ż-żona Schengen.

Mill-1 ta’ Jannar 2021, iċ-ċittadini tar-Renju Unit li jivvjaġġaw lejn l-Unjoni Ewropea u ż-żona Schengen se jiġu trattati bħala ċittadini ta’ pajjiżi terzi, u għalhekk huma soġġetti għal kontrolli bir-reqqa fil-fruntiera taż-żona Schengen. Dan ifisser li s-soġġorn maħsub fit-territorju tal-Istati Membri tal-UE ma jistax ikollu tul ta’ żmien ta’ aktar minn 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum, u ċ-ċittadini tar-Renju Unit se jkollhom jissodisfaw il-kundizzjonijiet tad-dħul għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Apparti hekk, ma jistgħu jibqgħux jużaw il-korsiji tal-UE/ŻEE/CH riżervati għal persuni li jgawdu mid-dritt ta’ moviment liberu meta jaqsmu l-fruntiera.

Ir-rekwiżiti tal-viża

Matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni, iċ-ċittadini tar-Renju Unit jiġu ttrattati bħala ċittadini tal-Unjoni. Għalhekk, mhuma soġġetti għal ebda rekwiżit ta’ viża fl-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari meta jaqsmu l-fruntieri ta’ Schengen.

Miżuri leġiżlattivi reċenti tal-UE dwar l-istat ta’ tħejjija żguraw li, mill-1 ta’ Jannar 2021, iċ-ċittadini tar-Renju Unit se jibqgħu eżentati mir-rekwiżit li jkunu fil-pussess ta’ viżi meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Unjoni Ewropea għal soġġorni għal żmien qasir (sa 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum). Din l-eżenzjoni mill-viża ma tipprovdix għad-dritt ta’ xogħol fl-Unjoni u hija soġġetta għall-mekkaniżmu ta’ reċiproċità li japplika għal pajjiżi terzi, jiġifieri tista’ tiġi sospiża jekk iċ-ċittadini tal-Unjoni ma jibqgħux jingħataw aċċess mingħajr viża għar-Renju Unit għal soġġorni qosra.

Ir-regoli tal-viża se jinbidlu wkoll għal ċerti ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu fir-Renju Unit meta jivvjaġġaw lejn l-Unjoni. Pereżempju, mill-1 ta’ Jannar 2021, id-dokumenti ta’ residenza tar-Renju Unit mhux se jibqgħu jeżentaw lid-detentur mir-rekwiżiti tal-viża għal tranżitu fl-ajruport fl-Unjoni, u l-istudenti tal-iskola residenti fir-Renju Unit mhux se jibqgħu jibbenefikaw awtomatikament minn aċċess mingħajr viża għall-Unjoni meta jmorru fuq ħarġiet tal-iskola.

Ivvjaġġar b’annimali domestiċi

Matul il-perjodu tat-tranżizzjoni, is-sidien tal-annimali domestiċi li jkunu residenti fir-Renju Unit jistgħu jużaw il-“passaport tal-UE għall-annimali domestiċi” biex jiffaċilitaw l-ivvjaġġar fl-Unjoni Ewropea bl-annimali domestiċi tagħhom.

Mill-1 ta’ Jannar 2021, passaport tal-UE għall-annimali domestiċi maħruġ lil sid ta’ annimal domestiku li jkun residenti fir-Renju Unit mhux se jibqa’ dokument validu għall-ivvjaġġar b’annimali domestiċi mir-Renju Unit għal kwalunkwe wieħed mill-Istati Membri tal-UE. Ir-rekwiżiti għal annimali domestiċi li jakkumpanjaw lil dawk li jkunu qed jivvjaġġaw mir-Renju Unit fil-futur se jiġu stabbiliti mill-Unjoni.

Liċenzi tas-sewqan

Matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni, tapplika l-liġi tal-Unjoni dwar ir-rikonoxximent tal-liċenzji tas-sewqan fl-Unjoni Ewropea. Għalhekk, attwalment, id-detenturi ta’ liċenzji tas-sewqan maħruġa fir-Renju Unit jistgħu jkomplu jsuqu fl-UE mingħajr dokumentazzjoni addizzjonali.

Mill-1 ta’ Jannar 2021, il-liċenzji tas-sewqan maħruġa mir-Renju Unit mhux se jibqgħu jibbenefikaw mir-rikonoxximent reċiproku skont il-liġi tal-Unjoni. Ir-rikonoxximent tal-liċenzji tas-sewqan maħruġa mir-Renju Unit se jiġu regolati fil-livell tal-Istati Membri. Fi Stati Membri li huma Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Ġinevra tal-1949 dwar it-Traffiku fit-Toroq, din il-Konvenzjoni se tapplika. Għal iktar informazzjoni għandha tiġi kkonsultata l-awtorità responsabbli tal-Istati Membri rispettivi.

Ir-roaming

Matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni, il-liġi tal-Unjoni dwar ir-roaming tapplika fir-rigward tar-Renju Unit. Għalhekk, attwalment, ir-regolament li jiżgura roaming mingħajr imposti addizzjonali japplika fir-rigward tar-Renju Unit u fih.

Mill-1 ta’ Jannar 2021, l-aċċess għar-Renju Unit għal konsumaturi tar-Renju Unit għal Roaming daqslikieku f’pajjiżek fl-Unjoni Ewropea mhux se jibqa’ garantit bil-liġi tal-Unjoni; lanqas ma jiġi garantit li l-konsumaturi tal-Unjoni jivvjaġġaw lejn ir-Renju Unit.

Kemm l-operaturi mobbli tar-Renju Unit kif ukoll dawk tal-UE, għalhekk, se jkunu jistgħu japplikaw ħlas addizzjonali fuq il-klijenti tar-roaming.

Drittijiet tal-passiġġieri

Matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni, il-liġi tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-passiġġieri bl-ajru, bil-ferrovija, bil-karozza tal-linja, bil-kowċ u bil-vapur, inkluża l-assistenza għal passiġġieri b’diżabbiltà jew mobilità mnaqqsa, ikomplu japplikaw għall-passiġġieri li jitilqu mir-Renju Unit lejn Stat Membru tal-UE, irrispettivament minn jekk it-trasportatur ikunx fir-Renju Unit jew trasportatur tal-Unjoni.

Mill-1 ta’ Jannar 2021, il-livell ta’ protezzjoni tal-passiġġieri li jivvjaġġaw bejn l-UE u r-Renju Unit se jiġi affettwat. Skont il-mod tat-trasport, il-passiġġieri ma jistgħux jibqgħu protetti bid-drittijiet tal-passiġġieri tal-passiġġieri tal-UE meta jivvjaġġaw lejn ir-Renju Unit jew minnu.

Pariri lil persuni, negozji u amministrazzjonijiet tal-Istati Membri

Meta jkunu qed jivvjaġġaw lejn u mir-Renju Unit, il-persuni li jkunu qed jivvjaġġaw għandhom iqisu l-bidliet relatati mal-kontrolli fuq il-fruntieri, mar-rekwiżiti ta’ viża, mal-passaporti ta’ annimali domestiċi, mal-liċenzji tas-sewqan u mat-tariffi tar-roaming.

In-negozji li jipprovdu servizzi tal-ivvjaġġar jenħtieġ li jiffamiljarizzaw ruħhom mal-bidliet, u jista’ jkun li jkollhom bżonn jadattaw il-proċessi skont dan.

L-awtoritajiet nazzjonali jridu jiżguraw li jkun hemm biżżejjed persunal disponibbli fil-punti ta’ qsim tal-fruntieri, u jekk ikun meħtieġ, jadattaw l-infrastruttura. Għandhom jiżguraw ukoll li l-passiġġieri u l-vjaġġaturi jkunu infurmati tajjeb dwar kwalunkwe bidla fid-drittijiet u l-obbligi tagħhom.

E.Il-koordinazzjoni tal-mobilità u tas-sigurtà soċjali

Matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni, iċ-ċittadini tar-Renju Unit ikomplu jibbenefikaw mill-moviment liberu tal-persuni fl-Unjoni. Iċ-ċittadini tal-UE għadhom jistgħu jużaw ukoll id-drittijiet tal-moviment liberu biex imorru u jaħdmu, jistudjaw, jibdew negozju jew jgħixu fir-Renju Unit. Ir-regoli tal-Unjoni dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali japplikaw ukoll u – skont it-termini tal-Ftehim dwar il-Ħruġ – ikomplu japplikaw, anki wara tmiem il-perjodu tat-tranżizzjoni, għal persuni li kienu f’sitwazzjoni transfruntiera li tinvolvi r-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea qabel tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni. Il-Ftehim dwar il-Ħruġ jipproteġi wkoll id-drittijiet ta’ residenza u d-drittijiet ta’ xogħol ta’ ċittadini tal-UE li jirrisjedu legalment fir-Renju Unit u ċittadini tal-UE li jirrisjedu legaliment fi Stat Membru tal-UE wara tmiem il-perjodu tat-tranżizzjoni u l-membri tal-familji tagħhom 26 .

Mill-1 ta’ Jannar 2021, il-moviment liberu bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit se jintemm. Dan se jkollu riperkussjonijiet fuq il-faċilità tal-mobilità għaċ-ċittadini kollha tal-UE li mhumiex benefiċjarji tal-Ftehim dwar il-Ħruġ u li jixtiequ jibqgħu fir-Renju Unit għal perjodi itwal, kemm jekk huma studenti, ħaddiema, persuni rtirati jew il-membri tal-familja tagħhom. Il-movimenti kollha tagħhom lejn ir-Renju Unit se jkunu rregolati mil-liġijiet dwar l-immigrazzjoni tar-Renju Unit. Il-Kumpaniji tar-Renju Unit li jixtiequ jirreklutaw ċittadini tal-UE jistgħu jsegwu regoli tal-UE li ma japplikawx illum skont ir-reġim tal-Unjoni. Il-movimenti kollha lejn l-UE ta’ ċittadini tar-Renju Unit li mhumiex benefiċjarji tal-Ftehim dwar il-Ħruġ se jkunu rregolati mir-regoli dwar il-migrazzjoni tal-Unjoni u tal-Istati Membri. Il-kumpaniji tal-UE li jixtiequ jirreklutaw iċ-ċittadini tar-Renju Unit se jkollhom isegwu r-regoli rilevanti għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi tal-Unjoni u l-Istati Membri rispettivi tagħhom.

Għal dawk iċ-ċittadini tal-UE li jeżerċitaw xi forma ta’ mobbiltà skont ir-reġim il-ġdid tar-Renju Unit, il-koordinazzjoni attwali tas-sistemi tas-sigurtà soċjali prevista mir-regolamenti tal-Unjoni mhux se tibqa’ tapplika. L-istess jgħodd għal ċittadini tar-Renju Unit fl-UE, sakemm ma jkunux koperti minn regoli speċifiċi tal-Unjoni relatati ma’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Mhux se jkun hemm l-istess protezzjoni ta’ sigurtà soċjali transfruntiera bħal taħt ir-regoli attwali tal-Unjoni, peress li r-regoli tal-Unjoni mhux se jibqgħu japplikaw. Anki f’każ ta’ ftehim ta’ sħubija futur mar-Renju Unit, ċerti drittijiet ta’ sigurtà soċjali biss setgħu potenzjalment jiġu żgurati. It-termini eżatti li se japplikaw jiddependu fuq l-eżitu tan-negozjati bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit dwar is-sħubija futura, pereżempju dwar l-ispejjeż tal-kura tas-saħħa jew id-drittijiet tal-pensjoni.

F.Id-dritt tal-kumpaniji u d-dritt ċivili

F.1. Kumpaniji rreġistrati fir-Renju Unit

Matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni, ir-Renju Unit jieħu sehem fis-Suq Uniku, li jinkludi l-libertà fundamentali ta’ stabbiliment. Għalhekk, bħalissa, kumpanija tista’ tiġi rreġistrata fir-Renju Unit filwaqt li jkollha l-amministrazzjoni ċentrali tagħha jew il-post prinċipali tan-negozju fi Stat Membru tal-UE.

Mill-1 ta’ Jannar 2021, il-kumpaniji inkorporati fir-Renju Unit se jkunu kumpaniji ta’ pajjiżi terzi u mhux se jkunu awtomatikament rikonoxxuti skont l-Artikolu 54 tat-TFUE. Ir-rikonoxximent tagħhom se jsir soġġett għal-liġi nazzjonali għal kumpaniji inkorporati ta’ pajjiżi terzi.

Fergħat fl-Istati Membri tal-UE ta’ kumpaniji inkorporati fir-Renju Unit se jkunu fergħat ta’ kumpaniji ta’ pajjiżi terzi. Il-kumpaniji sussidjarji tal-kumpaniji tar-Renju Unit fl-Unjoni huma, fil-prinċipju, kumpaniji tal-UE u se jkomplu jkunu koperti mil-leġiżlazzjoni rilevanti kollha tal-Unjoni u nazzjonali.

Pariri lin-negozji u lill-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri

F’każ li kumpaniji inkorporati fir-Renju Unit jixtiequ jsiru kumpaniji tal-UE, għandhom jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jinkorporaw fi Stat Membru tal-UE.

F.2. Għażla kuntrattwali tal-ġuriżdizzjoni

Matul il-perjodu tat-tranżizzjoni, ir-Renju Unit jieħu sehem f’elementi taż-żona ġudizzjarja ċivili Ewropea 27 . Għalhekk, attwalment, sentenzi kemm f’materji ċivili kif ukoll kummerċjali li jingħataw minn qorti tar-Renju Unit huma infurzabbli malajr fl-Unjoni Ewropea. Fil-prattika, il-kuntratti kummerċjali spiss jistabbilixxu l-ġuriżdizzjoni tar-Renju Unit għal litigazzjoni.

Mill-1 ta’ Jannar 2021, ir-regoli tal-Unjoni li jiffaċilitaw ir-rikonoxximent u l-infurzar transkonfinali tas-sentenzi fl-UE u fir-Renju Unit matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni mhux se jibqgħu japplikaw 28 . Jekk ir-Renju Unit jaderixxi mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-2005 dwar Ftehimiet dwar l-Għażla tal-Forum b’mod separat wara tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni, din il-Konvenzjoni tapplika biss għar-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi mogħtija minn qrati indikati fi ftehimiet esklussivi dwar l-għażla tal-forum li ġew konklużi wara li r-Renju Unit ikun sar parti minn dik il-Konvenzjoni. Għalhekk, għalissa, ir-rikonoxximent u l-infurzar tas-sentenzi tar-Renju Unit se jkunu rregolati mir-regoli nazzjonali tal-Istat Membru fejn jintalab ir-rikonoxximent/l-eżekuzzjoni.

Pariri lin-negozji u lill-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri

In-negozji kollha jingħataw il-parir li jikkunsidraw din is-sitwazzjoni meta jivvalutaw l-għażliet kuntrattwali ta’ ġuriżdizzjoni internazzjonali.

In-negozji għandhom ikunu konxji li s-sentenzi mogħtija minn qorti tar-Renju Unit jistgħu ma jkunux aktar infurzabbli malajr fl-Unjoni Ewropea meta mqabbla mas-sitwazzjoni tal-lum.

G.Aspetti oħra: id-data, id-drittijiet diġitali u d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali

G.1. Il-proprjetà intellettwali

Matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni, ir-Renju Unit jieħu sehem fis-Suq Uniku tal-UE. Għalhekk, attwalment, detentur ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali, bħal trademark tal-Unjoni Ewropea, ma jistax jinvoka tali trademark biex jopponi l-konsenja tal-merkanzija mir-Renju Unit lejn l-Unjoni Ewropea, sakemm il-merkanzija tkun tqiegħdet fuq is-suq tar-Renju Unit taħt dik it-trademark mid-detentur tad-dritt jew bil-kunsens tiegħu (“prinċipju ta’ eżawriment” tad-drittijiet mogħtija mid-dritt ta’ proprjetà intellettwali), u viċi versa.

Mill-1 ta’ Jannar 2021, in-negozjanti fl-Unjoni Ewropea ma jistgħux jibqgħu jinvokaw l-eżawriment fil-konfront tad-detenturi tad-drittijiet meta jixtru prodotti mir-Renju Unit.

Pariri lin-negozji u lill-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri

In-negozji involuti f’kummerċ parallel mir-Renju Unit għandhom jerġgħu jżuru l-arranġamenti kummerċjali tagħhom.

Barra minn hekk, mill-1 ta’ Jannar 2021, filwaqt li d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tal-UE eżistenti (trademarks tal-UE, disinji Komunitarji, drittijiet Komunitarji ta’ varjetajiet ta’ pjanti u indikazzjonijiet ġeografiċi) jibqgħu protetti skont il-Ftehim dwar il-Ħruġ, kwalunkwe dritt unitarju ġdid tal-UE se jkollu kamp ta’ applikazzjoni territorjali mnaqqas minħabba li mhux se jibqa’ jkollhom effett fir-Renju Unit 29 .

Pariri lin-negozji u lill-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri

Il-partijiet ikkonċernati għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw il-protezzjoni fir-Renju Unit ta’ drittijiet ta’ proprjetà intellettwali futuri, fejn rilevanti.

G.2. Trasferimenti u protezzjoni tad-data

Matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni, ir-Renju Unit huwa marbut mill-leġiżlazzjoni tal-protezzjoni tad-data tal-Unjoni. Għalhekk, bħalissa, id-data personali tista’ tiġi trażmessa mill-Unjoni Ewropea lir-Renju Unit mingħajr restrizzjonijiet.

Mill-1 ta’ Jannar 2021, it-trasferimenti ta’ data personali lejn ir-Renju Unit jistgħu jkomplu, iżda se jkollhom jikkonformaw ma’ regoli u salvagwardji speċifiċi tal-Unjoni relatati mat-trasferiment ta’ data personali lil pajjiżi terzi, kif stabbilit fir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR) 30 jew fid-Direttiva dwar l-Infurzar tal-Liġi 31 .

B’mod partikolari, il-Kapitolu V tal-GDPR jipprevedi għadd ta’ għodod li jiżguraw li, meta tiġi trasferita data personali lil pajjiżi terzi, il-livell ta’ protezzjoni ta’ persuni fiżiċi garantiti fi ħdan l-Unjoni, ma jiġix imminat. Fost dawk l-għodod, l-Unjoni Ewropea tista’ tadotta deċiżjoni unilaterali “ta’ adegwatezza”, abbażi tal-Artikolu 45 tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data, jekk tqis li l-pajjiż terz joffri livell adegwat ta’ protezzjoni tad-data.

Kif enfasizzat fid-Dikjarazzjoni Politika, 32 l-UE se tuża l-aħjar sforzi tagħha biex tikkonkludi l-valutazzjoni tar-reġim tar-Renju Unit sa tmiem l-2020 bil-ħsieb li possibbilment tiġi adottata deċiżjoni jekk ir-Renju Unit jissodisfa l-kundizzjonijiet applikabbli. Il-Kummissjoni bħalissa qed twettaq din il-valutazzjoni u organizzat għadd ta’ laqgħat tekniċi mar-Renju Unit biex tiġbor l-informazzjoni sabiex tinforma l-proċess. Min-naħa tar-Renju Unit, l-Att dwar il-Protezzjoni tad-Data tiegħu kkonferixxa l-adegwatezza lill-Istati Membri tal-UE sa tmiem l-2024, bil-ħtieġa li jerġa’ jiġi eżaminat sa dik id-data.

Pariri lin-negozji u lill-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri

In-negozji u l-amministrazzjonijiet pubbliċi għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jiżguraw il-konformità ta’ kwalunkwe trasferiment ta’ data personali lejn ir-Renju Unit mad-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data, irrispettivament mix-xenarju fejn se tittieħed deċiżjoni ta’ adegwatezza tal-UE fir-rigward tar-Renju Unit. Il-konformità tista’ tinkiseb billi jkun hemm fis-seħħ salvagwardji xierqa kif previst mir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data, inklużi regoli korporattivi vinkolanti, jew permezz ta’ derogi speċifiċi.

G.3. Isem tad-dominju .eu

Matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni, il-liġi tal-Unjoni dwar l-ismijiet tad-dominju tal-ogħla livell.eu tapplika fir-rigward tar-Renju Unit. In-negozji stabbiliti fir-Renju Unit u ċ-ċittadini u r-residenti tar-Renju Unit jibqgħu eliġibbli biex jirreġistraw u jżommu isem tad-dominju tad-.eu.

Mill-1 ta’ Jannar 2021, in-negozji li huma stabbiliti fir-Renju Unit, iżda mhux fl-Unjoni Ewropea, u r-residenti tar-Renju Unit li mhumiex ċittadini tal-UE mhux se jibqgħu eliġibbli biex jirreġistraw jew biex ikollhom ismijiet ta’ dominji .eu.

Jekk dawn il-persuni ma jkunux jistgħu juru li huma għadhom eliġibbli biex ikunu detenturi ta’ ismijiet tad-dominju .eu, l-ismijiet tad-dominju tagħhom se jiġu rtirati 33 wara tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni. Madankollu, iċ-ċittadini tal-UE li jgħixu fir-Renju Unit se jkunu jistgħu jżommu l-ismijiet tad-dominji, jew jirreġistraw oħrajn ġodda, anki wara li jintemm il-perjodu ta’ tranżizzjoni.

H.Ftehimiet internazzjonali tal-Unjoni Ewropea

Matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni, ir-Renju Unit jibqa’ marbut bi ftehimiet internazzjonali konklużi mill-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, l-Unjoni Ewropea informat lis-sħab internazzjonali tagħha li r-Renju Unit huwa ttrattat, matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni, bħala Stat Membru, għall-finijiet ta’ dawk il-ftehimiet.

Mill-1 ta’ Jannar 2021, ir-Renju Unit mhux se jibqa’ kopert mill-ftehimiet konkużi mill-Unjoni, mill-Istati Membri li jaġġixxu f’isem l-Unjoni, jew mill-Unjoni u l-Istati Membri tagħha b’mod konġunt. L-Unjoni Ewropea informat lis-sħab internazzjonali tagħha dwar il-konsegwenzi tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni permezz ta’ “Note Verbale” mibgħuta wara l-iffirmar tal-Ftehim dwar il-Ħruġ 34 .

B’ konsegwenza ta’ dan, ir-Renju Unit, inklużi ċ-ċittadini tar-Renju Unit u l-operaturi ekonomiċi, mhux se jkunu jistgħu jibqgħu jibbenefikaw minn diversi mijiet ta’ ftehimiet internazzjonali tal-Unjoni bħall-Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles, il-ftehimiet ta’ rikonoxximent reċiproku, il-ftehimiet veterinarji jew il-ftehimiet bilaterali relatati mat-trasport bl-ajru jew mas-sikurezza tal-avjazzjoni. In-negozji stabbiliti fl-Unjoni se jkomplu jibbenefikaw mill-ftehimiet internazzjonali kollha eżistenti tal-Unjoni.

Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-istatus tar-Renju Unit fir-rigward tal-ftehimiet multilaterali li jkun parti fihom għan-nom tiegħu stess. Pereżempju, ir-Renju Unit se jibqa’ membru tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ għan-nom tiegħu stess u se jkun kopert mill-ftehimiet rilevanti tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ fir-rigward b’mod partikolari tal-koċċessjonijiet u l-impenji tiegħu rigward il-kummerċ fl-oġġetti, servizzi jew drittijiet ta’ proprjetà intellettwali.


III. It-tħejjija għal kwalunkwe xenarju

Il-bidliet deskritti fil-parti II ta’ din il-Komunikazzjoni se jseħħu fi kwalunkwe każ, kemm jekk l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit jaqblu dwar sħubija ġdida ambizzjuża sal-31 ta’ Diċembru 2020, u kemm jekk le.

Madankollu huwa ċar li jekk ma jintlaħaqx ftehim, dan iwassal għal tfixkil li jkun aktar estensiv mill-bidliet deskritti fil-parti II. F’każ li ma jintlaħaq l-ebda ftehim, it-tariffi tan-“Nazzjon l-Aktar Iffavorit” ta’ kull naħa jkunu japplikaw għall-esportazzjonijiet minn naħa l-oħra; jiġifieri oġġetti importati mir-Renju Unit lejn l-Unjoni jkunu imposti t-“Tariffa Doganali Komuni” tal-UE, filwaqt li oġġetti importati mill-Unjoni fir-Renju Unit ikunu soġġetti għal tariffi tar-Renju Unit 35 .

Din il-Komunikazzjoni ma tfittixx li tippreġudika l-eżitu tan-negozjati li għaddejjin bħalissa bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit. F’dan ir-rigward, l-enfasi ewlenija tagħha hija fuq kwistjonijiet li bħalissa mhumiex qed jiġu nnegozjati. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi li dan iħalli inċertezza konsiderevoli għall-amministrazzjonijiet pubbliċi, iċ-ċittadini, in-negozji u partijiet ikkonċernati oħra fl-ekonomija u s-soċjetà. Eżempju ta’ tali inċertezza huwa dak li se jiġri bil-parteċipazzjoni possibbli tar-Renju Unit f’Erasmus+ u f’Orizzont Ewropa minn Jannar 2021. Huwa biss ir-riżultat ta’ negozjati li jkunu għadhom għaddejjin li jistgħu jneħħu din l-inċertezza.

Il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ ftehim dwar sħubija ġdida sal-31 ta’ Diċembru 2020 ikunu sinifikanti. Madankollu, il-Kummissjoni tinnota li x-xenarju ta’ “ebda ftehim” fuq ir-relazzjoni futura jkun differenti mix-xenarju ta’ “ebda ftehim” matul in-negozjati dwar il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea, u dan għal diversi raġunijiet:

1.L-ewwel nett, il-Ftehim dwar il-Ħruġ jipprovdi ċertezza legali f’għadd ta’ oqsma importanti fejn il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni ħoloq inċertezza. Dan jinkludi l-protezzjoni tad-drittijiet taċ-ċittadini, is-saldu finanzjarju, l-istabbiliment ta’ soluzzjoni operattiva legali biex tiġi evitata fruntiera fiżika fuq il-gżira tal-Irlanda, il-protezzjoni kontinwa tal-istokk tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali unitarji tal-UE (inklużi l-indikazzjonijiet ġeografiċi eżistenti), u dispożizzjonijiet għall-istralċ ordnat tal-proċeduri kollha li għaddejjin bejn l-UE u r-Renju Unit (ara l-Kaxxa). 

2.It-tieni nett, il-perjodu ta’ tranżizzjoni stabbilit fil-Ftehim dwar il-Ħruġ jipprovdi lill-partijiet ikkonċernati b’ħin addizzjonali, għalkemm limitat, ħin biex iħejju ruħhom għal kwalunkwe xenarju, inkluż wieħed fejn ma jkunx hemm qbil dwar sħubija futura fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2021.

3.It-tielet, għadd limitat ta’ miżuri leġiżlattivi tal-Unjoni adottati fl-2019 fid-dawl ta’ tħejjija għal kwalunkwe xenarju f’termini tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE, se jibqgħu fis-seħħ jew isiru applikabbli fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni. Dawn jinkludu, pereżempju, l-elenkar tar-Renju Unit bħala pajjiż terz li ċ-ċittadini tiegħu huma eżentati mir-rekwiżit tal-viża għal soġġorni għal żmien qasir, kif ukoll it-tqassim tal-kwoti tar-rata tariffarja tad-WTO (TRQs) bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit.  

Filwaqt li tqis dak kollu li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja mill-qrib is-sitwazzjoni u se tagħmel ħilitha biex tħares l-interessi tal-Unjoni Ewropea, taċ-ċittadini tagħha u tal-ekonomija tagħha fi kwalunkwe xenarju.

KAXXA: Il-Ftehim dwar il-Ħruġ, inkluż il-Protokoll dwar l-Irlanda u l-Irlanda ta’ Fuq

Il-Ftehim dwar il-Ħruġ konkluż bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2020.

Huwa jinkludi dispożizzjonijiet dettaljati li għandhom l-għan li jillimitaw l-impatt tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea u s-Suq Uniku tagħha u l-Unjoni Doganali, b’mod partikolari fl-oqsma li ġejjin:

Id-drittijiet taċ-ċittadini: Il-Ftehim dwar il-Ħruġ jipproteġi d-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE li jirrisjedu legalment skont id-dritt tal-Unjoni fir-Renju Unit fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni, kif ukoll taċ-ċittadini tar-Renju Unit li jirrisjedu legalment skont id-dritt tal-Unjoni f’wieħed mill-Istati Membri tal-UE fl-istess ħin, u tal-membri tal-familja tagħhom, biex ikomplu jgħixu, jistudjaw u jaħdmu fl-Istat ospitanti rispettiv tagħhom 36 .

Saldu finanzjarju: Il-Ftehim dwar il-Ħruġ jipprevedi li r-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea se jonoraw l-obbligi finanzjarji kollha li ħadu meta r-Renju Unit kien membru tal-Unjoni Ewropea, anki għal impenji li jwasslu għan-nefqa attwali li tokkorri wara l-2020 37 . 

Protokoll dwar l-Irlanda u l-Irlanda ta’ Fuq: Il-Protokoll dwar l-Irlanda u l-Irlanda ta’ Fuq se jsir applikabbli fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni u jirrappreżenta soluzzjoni stabbli li se tkompli tapplika flimkien ma’ kwalunkwe ftehim dwar is-sħubija futura, soġġett għall-kunsens futur tal-Assemblea tal-Irlanda ta’ Fuq għall-applikazzjoni kontinwa tiegħu.

Dan jipprovdi soluzzjoni legalment operattiva li tevita fruntiera fiżika fuq il-gżira tal-Irlanda, tipproteġi l-ekonomija tal-gżejjer kollha u l-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira (Belfast) fid-dimensjonijiet kollha tagħha, u tissalvagwardja l-integrità tas-Suq Uniku tal-UE kif ukoll tas-suq intern tar-Renju Unit.

F’konformità ma’ dan il-Protokoll, l-Irlanda ta’ Fuq se tibqa’ allinjata ma’ sett limitat ta’ regoli tal-Unjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-oġġetti, u l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, ir-regoli tal-VAT u s-sisa se japplikaw għall-oġġetti kollha li jidħlu jew jitilqu mill-Irlanda ta’ Fuq. Dan jevita kwalunkwe verifika doganali u kontrolli fuq il-gżira tal-Irlanda.

Il-verifiki u l-kontrolli se jsiru fuq oġġetti li jidħlu fl-Irlanda ta’ Fuq mill-bqija tar-Renju Unit, pereżempju fuq prodotti tal-ikel u annimali ħajjin biex tiġi żgurata l-konformità mar-rekwiżiti sanitarji u fitosanitarji (“SPS”). L-oġġetti kollha li jidħlu jew jitilqu mill-Irlanda ta’ Fuq iridu jikkonformaw bis-sħiħ mar-regoli u l-istandards rilevanti tal-Unjoni

Id-dazji doganali tal-UE se japplikaw għal oġġetti li jidħlu fl-Irlanda ta’ Fuq sakemm il-Kumitat Konġunt ma jistabbilixxix qafas ta’ kundizzjonijiet li fihom dawn l-oġġetti jitqiesu li mhumiex f’riskju li jidħlu fis-suq uniku tal-UE. Abbażi ta’ tali qafas, l-ebda dazji doganali ma jitħallsu jekk ikun jista’ jintwera li l-oġġetti li jidħlu fl-Irlanda ta’ Fuq mill-bqija tar-Renju Unit ma jkunux f’riskju li jidħlu fis-Suq Uniku tal-UE.

Il-formalitajiet u l-proċeduri doganali tal-Unjoni se japplikaw għal oġġetti li jiddaħħlu fl-Irlanda ta’ Fuq minn barra l-UE jew li jiġu esportati mill-Irlanda ta’ Fuq.

Ir-regoli tal-UE dwar il-VAT u s-sisa japplikaw għal oġġetti li jidħlu (jew joħorġu) mill-Irlanda ta’ Fuq minn (jew lejn) il-bqija tar-Renju Unit.

Kwistjonijiet marbuta mas-separazzjoni: Il-Ftehim dwar il-Ħruġ jiżgura wkoll stralċ ordnat tal-arranġamenti eżistenti fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jkunu għaddejjin fiż-żmien tal-ħruġ:

·huwa jippermetti li l-merkanzija mqiegħda fis-suq qabel tmiem il-perjodu tat-tranżizzjoni jibqgħu jsiru disponibbli fis-suq tal-UE jew tar-Renju Unit sakemm jaslu għand l-utent finali tagħhom, mingħajr ħtieġa ta’ ċertifikazzjoni mill-ġdid, tikkettar mill-ġded jew modifiki tal-prodott;

·huwa jipprevedi proċessi għall-ġestjoni u t-terminazzjoni ta’ movimenti fi ħdan l-Unjoni ta’ oġġetti, proċeduri doganali li għadhom għaddejjin kif ukoll kwistjonijiet tal-VAT u tas-sisa;

·huwa jipproteġi d-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, inkluż l-istokk eżistenti ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi tal-UE;

·huwa jkopri l-proċeduri ta’ akkwist pubbliku li jkunu għaddejjin fil-mument ta’ tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni u jiggarantixxi d-drittijiet ta’ dawk ikkonċernati mill-proċeduri skont il-liġi tal-Unjoni;

·huwa jinkludi dispożizzjonijiet għall-istralċ ta’ kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali.

·huwa jinkludi dispożizzjonijiet għall-istralċ ta’ proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji (eż. għajnuna mill-istat u każijiet ta’ ksur);

·huwa jindirizza l-użu ta’ data u informazzjoni skambjati qabel tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni u jiżgura li d-data ttrasferita qabel tmiem il-perjodu tat-tranżizzjoni tibqa’ protetta skont il-prinċipji u d-dispożizzjonijiet previsti mil-liġi tal-Unjoni;

·huwa jipprovdi għall-iskonnessjoni tar-Renju Unit minn networks, sistemi ta’ informazzjoni u bażijiet ta’ data stabbiliti abbażi tal-liġi tal-Unjoni fi tmiem il-perjodu tat-tranżizzjoni, b’mod partikolari dawk in-networks li huma aċċessibbli biss għall-Istati Membri tal-Unjoni jew għall-pajjiżi assoċjati ta’ Schengen;

·huwa jittratta l-kooperazzjoni ġudizzjarja li għadha għaddejja dwar kwistjonijiet kummerċjali sabiex jiġi żgurat li wieħed ikun jista’ joqgħod fuq sentenzi tal-qorti;

·huwa jindirizza l-kwistjonijiet kollha relatati mat-tluq tar-Renju Unit mill-Euratom.

Fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, ġie stabbilit il-Kumitat Konġunt, li jissorvelja l-applikazzjoni tal-Ftehim dwar il-Ħruġ. Huwa kopresedut mill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Maroš Šefčovič u mill-Kanċillier tad-Dukat ta’ Lancaster tar-Renju Unit, l-Onorevoli Michael Gove u ltaqa’ darbtejn (permezz ta’ telekonferenza), fit-30 ta’ Marzu u fit-12 ta’ Ġunju 2020. Il-Kumitati Speċjalizzati dwar Ġibiltà, dwar id-Drittijiet taċ-Ċittadini, dwar id-Dispożizzjonijiet Finanzjarji, dwar iż-Żoni ta’ Bażi Sovana f’Ċipru u dwar il-Protokoll dwar l-Irlanda / l-Irlanda ta’ Fuq bdew ħidmiethom.



IV.Konklużjoni: it-tlestija hija essenzjali

L-Unjoni Ewropea se tagħmel l-almu tagħha biex tilħaq ftehim futur ambizzjuż mar-Renju Unit.

Madankollu, din il-Komunikazzjoni turi li, anki fil-każ tal-aktar sħubija futura ambizzjuża – abbażi tad-direttivi ta’ negozjati tal-Unjoni Ewropea għal sħubija ġdida mar-Renju Unit, 38 adottati fil-25 ta’ Frar 2020, u abbażi tal-abbozz tat-test dwar il-Ftehim dwar is-Sħubija Ġdida bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit, 39 ippubblikat fis-17 ta’ Marzu 2020 – se jkun hemm bidliet u konsegwenzi estensivi u awtomatiċi għaċ-ċittadini, il-konsumaturi, in-negozji, l-amministrazzjonijiet pubbliċi, l-investituri, l-istudenti u r-riċerkaturi mill-1 ta’ Jannar 2021.

Dawn il-bidliet huma inevitabbli – ikun x’ikun l-eżitu tan-negozjati li għaddejjin – minħabba d-deċiżjoni tar-Renju Unit li joħroġ mill-Unjoni Ewropea, mis-Suq Uniku tagħha u mill-Unjoni Doganali. Il-moviment liberu ta’ persuni, oġġetti u servizzi kif previst mil-liġi tal-Unjoni ma jibqax japplika fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni. Dan se jkollu effetti fuq firxa wiesgħa b’mod partikolari għall-kummerċ transfruntier tal-prodotti u s-servizzi, kif ukoll għall-mobbiltà tan-nies.

Għalhekk, il-Kummissjoni tappella lill-amministrazzjonijiet pubbliċi, liċ-ċittadini, lin-negozji u lil partijiet ikkonċernati oħra biex jiżguraw li jkunu lesti għal dawn il-bidliet inevitabbli. In-nuqqas li jittieħdu miżuri ta’ tħejjija se jżid l-impatt negattiv u l-ispejjeż għall-operazzjonijiet tagħhom fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni.

Fl-aħħar mill-aħħar, huwa f’idejn in-negozji u l-partijiet ikkonċernati l-oħrajn li jwettqu l-valutazzjoni tar-riskju tagħhom stess u jimplimentaw l-azzjonijiet ta’ tħejjija tagħhom stess fid-dawl tas-sitwazzjoni individwali tagħhom, iżda l-ebda wieħed ma għandu jissottovaluta l-isfidi loġistiċi li se jseħħu mill-1 ta’ Jannar 2021, minbarra l-bidliet legali deskritti f’din il-Komunikazzjoni.

Il-Kummissjoni tappella lill-Istati Membri biex ikomplu l-attivitajiet nazzjonali tal-komunikazzjoni u s-sensibilizzazzjoni li jinkoraġġixxu lill-amministrazzjonijiet pubbliċi, liċ-ċittadini, lin-negozji u lill-partijiet ikkonċernati biex jieħdu l-miżuri meħtieġa għall-istat tat-tlestija. Jeħtieġ li dawn l-isforzi jiġu adattati għas-sitwazzjoni tal-partijiet ikkonċernati fl-Istati Membri individwali. Matul ix-xhur li ġejjin il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri kollha sabiex tirrevedi l-istat tat-tlestija tagħhom għall-aspetti kollha, u tiffaċilita l-isforzi ta’ sensibilizzazzjoni mill-amministrazzjonijiet pubbliċi lejn il-partijiet ikkonċernati.

Il-partijiet ikkonċernati huma mistiedna wkoll jikkonsultaw l-avviżi li ġew ippubblikati matul in-negozjati dwar l-Artikolu 50 mar-Renju Unit u biex jikkonsultaw il-paġni web dwar l-istat ta’ tħejjija tal-Kummissjoni għal aktar aġġornamenti tal-avviżi ta’ tħejjija preċedenti. Il-Kummissjoni se taħdem mal-assoċjazzjonijiet rilevanti kollha tal-partijiet interessati biex tiġbed l-attenzjoni tagħhom għal din l-informazzjoni.

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tappella lill-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi, tan-negozji u tal-kummerċ kollha, kemm dawk nazzjonali kif ukoll dawk Ewropej, biex jiżguraw li l-membri tagħhom ikunu kompletament konxji mill-bidliet li se jseħħu irrispettivament mir-relazzjoni futura mar-Renju Unit.



Anness 1: Lista ta’ Avviżi Aġġornati dwar l-Istat tat-Tlestija għal tmiem it-tranżizzjoni

Id-59 avviż dwar l-istat tat-tlestija ġew ippubblikati mis-16 ta’ Marzu 2020 bil-ħsieb li jiġu apoġġati t-tħejjijiet tal-partijiet ikkonċernati għal tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni. Dawn jinsabu hawn: https://ec.europa.eu/info/european-union-and-united-kingdom-forging-new-partnership/future-partnership/getting-ready-end-transition-period  

Il-lista se tkompli tiġi aġġornata fuq bażi regolari hekk kif isiru disponibbli avviżi ġodda.

·It-trasport bl-ajru

·It-tnissil tal-annimali (żooteknika)

·It-trasport ta’ annimali.

·L-immaniġġjar tal-assi

·Is-servizzi tal-midja awdjoviżiva

·L-avjazzjoni u s-sigurtà marittima

·Is-sikurezza tal-avjazzjoni

·Is-servizzi bankarji u ta’ pagament

·Il-prodotti bijoċidali

·Il-kimiċi (REACH)

·Il-provi kliniċi

·Id-dritt soċjetarju

·Il-protezzjoni tal-konsumatur u drittijiet tal-passiġġieri

·Id-drittijiet tal-awtur

·Il-prodotti kożmetiċi

·L-aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu

·Il-protezzjoni tad-data

·Il-kummerċ elettroniku

·Il-firma elettronika (l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi)

·Il-komunikazzjoni elettronika, inkluż ir-roaming

·Is-sistema għall-iskambju tal-emissjonijiet

·L-ismijiet tad-dominju .eu

·L-ekotikketta tal-UE

·Il-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet

·Id-dazji tas-sisa

·Il-protezzjoni tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali

·L-għalf

·Il-liġi dwar l-Ikel

·L-organiżmi ġenetikament modifikati

·L-imblukkar ġeografiku

·L-indikazzjonijiet ġeografiċi

·Il-prattika tajba tal-laboratorju (GLP)

·Il-prodotti industrijali

·“Speċijiet aljeni invażivi”

·It-trasport marittimu

·Il-prodotti mediċinali (l-użu uman, veterinarju)

·Il-moviment ta’ annimali ħajjin

·L-ilmijiet minerali naturali

·Ix-xiri online u l-kunsinna sussegwenti tal-pakketti

·Produzzjoni organika

·Is-saħħa tal-pjanti

·Il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti

·Il-materjal riproduttiv tal-pjanti

·Id-drittijiet fuq varjetajiet ta’ pjanti

·Il-projbizzjonijiet u r-restrizzjonijiet tal-importazzjoni/esportazzjoni (inklużi liċenzji tal-importazzjoni/esportazzjoni)

·Il-protezzjoni tal-annimali waqt il-qatla

·L-oġġetti pirotekniċi

·It-trasport bil-ferrovija

·Id-dgħajjes li jintużaw għar-rikreazzjoni u l-opri tal-baħar personali

·Is-sigurtà tan-networks u tas-sistemi tal-informazzjoni

·Ir-riċiklaġġ tal-vapuri

·Is-sustanzi tal-oriġini umana (demm, tessuti u ċelluli, organi)

·Iċ-ċertifikati supplimentari ta’ protezzjoni għal prodotti mediċinali u prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti

·Il-prodotti tat-tabakk

·It-trademarks u d-diżinji

·Apparat ta’ pressjoni li jista’ jinġarr

·Value Added Tax (VAT – Oġġetti)

·Value Added Tax (VAT – Servizzi)

·Il-vjeġġi tal-iskart



   

(1)

Il-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, ĠU L 29, 31.1.2020, p. 7 (“Ftehim dwar il-Ħruġ”).

(2)

Soġġett għal ċerti eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 127 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, li minnhom l-ebda waħda ma hija rilevanti fil-kuntest ta’ din il-Komunikazzjoni.

(3)

Skont l-Artikolu 132(1) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, kien ikun possibbli li dan il-perjodu ta’ tranżizzjoni jiġi estiż darba, b’sena jew sentejn permezz ta’ deċiżjoni konġunta mill-Unjoni Ewropea u mir-Renju Unit qabel l-1 ta’ Lulju 2020. Ir-Renju Unit irrifjuta kwalunkwe deċiżjoni bħal din, li jfisser li, b’awtomatiċità legali, il-perjodu ta’ tranżizzjoni se jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2020.

(4)

Minbarra dawk koperti mill-Artikolu 138 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ u d-Dikjarazzjoni Politika (Peace Plus).

(5)

HM Governement, “The Future Relationship with the Union: The UK’s Approach to Negotiations’ (Ir-relazzjoni futura mal-Unjoni: L-Approċċ tar-Renju Unit għan-Negozjati), is-27 ta’ Frar 2020.

(6)

L-abbozz tat-test tal-Ftehim dwar is-Sħubija l-Ġdida bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit, ippubblikat fis-17 ta’ Marzu 2020, ara: https://ec.europa.eu/info/publications/draft-text-agreement-new-partnership-united-kingdom_en

(7)

Test rivedut tad-Dikjarazzjoni Politika li tistabbilixxi l-qafas għar-relazzjoni futura bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit kif miftiehma fil-livell tan-negozjaturi fis-17 ta’ Ottubru 2019, ĠU C34, 31 ta’ Jannar 2020, 1–16.

(8)

B’mod partikolari, ftehim ta’ kummerċ ħieles ma jipprovdix għal kunċetti tas-suq intern (fil-qasam tal-prodotti u s-servizzi) bħar-rikonoxximent reċiproku, il- “prinċipju tal-pajjiż ta’ oriġini”, u l-armonizzazzjoni. Bi ftehim ta’ kummerċ ħieles hemm formalitajiet u kontrolli doganali, inklużi dawk li jikkonċernaw l-oriġini tal-merkanzija u l-input tagħha, kif ukoll projbizzjonijiet u restrizzjonijiet fuq l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet.

(9)

Il-Ftehim dwar il-Ħruġ jippermetti li l-oġġetti mqiegħda fis-suq qabel tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni jibqgħu jkunu disponibbli fis-suq tal-UE jew tar-Renju Unit sakemm jaslu għand l-utent finali, mingħajr il-ħtieġa ta’ ċertifikazzjoni mill-ġdid, tikkettar mill-ġdid jew modifiki tal-prodott.

(10)

Soġġett għall-kunsens, erba’ snin wara tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni, mill-Assemblea Leġiżlattiva tal-Irlanda ta’ Fuq għall-applikazzjoni kontinwa tal-Protokoll.

(11)

In-numri EORI huma numri ta’ identifikazzjoni li n-negozji u l-persuni kollha li jixtiequ jagħmlu kummerċ barra mill-UE jridu jużaw għall-identifikazzjoni fil-proċeduri u l-formalitajiet doganali kollha u b’mod aktar ġenerali meta jiskambjaw informazzjoni ma’ amministrazzjonijiet doganali.

(12)

Matul il-fażi tal-ħruġ tar-Renju Unit, il-Kummissjoni u l-awtoritajiet doganali nazzjonali diġà għamlu disponibbli għadd sinifikanti ta’ avviżi informattivi dettaljati dwar kif se jiġu operati l-fruntieri doganali l-ġodda bejn l-Unjoni u r-Renju Unit.

(13)

Id-dikjarazzjonijiet tal-fornitur, inklużi d-dikjarazzjonijiet tal-fornitur fuq żmien twil se jkollhom jiġu adattati skont dan.

(14)

Pereżempju fil-każ tal-Bażi tad-Data Ewropea tal-Prodotti għat-Tikkettar tal-Enerġija (EPREL).

(15)

Eżempji jinkludu skart, armi tan-nar, “oġġetti b’użu doppju”, eżemplari ta’ speċijiet fil-periklu, u ċerti sustanzi kimiċi perikolużi.

(16)

Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.

(17)

Inklużi rekwiżiti dwar l-immigrazzjoni u l-viża, fejn applikabbli.

(18)

Ara l-Parti IV dwar is-“Servizzi Finanzjarji” tat-Test Rivedut tad-Dikjarazzjoni Politika li tistabbilixxi l-qafas għar-relazzjoni futura bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit kif miftiehem fil-livell tan-negozjaturi fl-17 ta’ Ottubru 2019, ĠU C34, 31 ta’ Jannar 2020, 1–16.

(19)

COM (2019) 349 final. Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, Ekwivalenza fil-qasam tas-servizzi finanzjarji

(20)

Oqsma li fihom diġà ngħatat deċiżjoni:

- Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 dwar id-derivattivi OTC, il-kontropartijiet ċentrali u r-repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (EMIR), kif emendat; Art. 1(6) - Eżenzjoni tal-banek ċentrali u tal-korpi pubbliċi

- Ir-Regolament (UE)2015/2365 dwar it-trasparenza ta’ tranżazzjonijiet ta’ finanzjament tat-titoli u l-użu mill-ġdid(SFTR); Art. 2(4) - Eżenzjoni tal-banek ċentrali

- Ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji (MIFIR); Art. 1(9) - Eżenzjoni tal-banek ċentrali

- Ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 dwar l-abbuż minn informazzjoni privileġġata u l-manipulazzjoni tas-suq (Regolament dwar l-Abbuż tas-Suq); Art .6(5) - Eżenzjoni tal-banek ċentrali u l-korpi pubbliċi

(21)

- Id-Direttiva 2004/109/KE - Id-Direttiva dwar it-Trasparenza - Standards Kontabilistiċi; Art. 23(4)[l-ewwel subparagrafu, il-punt (ii)] - Rekwiżiti ġenerali ta’ trasparenza

- Id-Direttiva 2006/43/KE dwar il-verifiki statutorji tal-kontijiet annwali u tal-kontijiet konsolidati (Awditjar statutorju); L-Artikolu 45(6) - L-ekwivalenza mal-istandards internazzjonali tal-awditjar tal-istandards u r-rekwiżiti fil-pajjiż terz

- Ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji (MIFIR); Art. 33(2) - Derivattivi: eżekuzzjoni tal-kummerċ u l-obbligi tal-ikklerjar; Art. 38(3) - Aċċess għal ċentri tan-negozjar ta’ pajjiżi terzi u CCPs; Art. 47(1) - Ditti tal-investiment li jipprovdu servizzi tal-investiment lil klijenti professjonali tal-UE u kontropartijiet eliġibbli

– Id-Direttiva 2014/65 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE(MiFID 2 – riformulazzjoni; Art. 25(4)[a] - Swieq regolati għall-finijiet ta’ distribuzzjoni iktar faċli fl-UE ta’ ċerti strumenti finanzjarji

– Ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 dwar l-abbuż minn informazzjoni privileġġata u manipulazzjoni tas-suq (Regolament dwar l-abbuż tas-suq MAR); Art. 6(6) - Eżenzjoni għall-attivitajiet ta’ politika dwar it-tibdil fil-klima

– Ir-Regolament (UE) Nru 236/2012 dwar bejgħ bin-nieqes u ċerti aspetti tas-Swaps ta’ Inadempjenza tal-Kreditu (SSR);

Art. 17(2) - Eżenzjoni għall-attivitajiet ta’ ġenerazzjoni tas-suq

– Ir-Regolament (UE) 2017/1129 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Ġunju 2017 dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall-kummerċ f'suq regolat, u li jħassar id-Direttiva 2003/71/KE; Art. 29(3) - Regoli ta’ prospett

(22)

Bl-eċċezzjoni tal-Irlanda ta’ Fuq li, skont il-Protokoll dwar l-Irlanda u l-Irlanda ta’ Fuq, se tibqa’ allinjata ma’ sett limitat ta’ regoli tal-Unjoni sabiex jiġu evitati l-kontrolli doganali u l-kontrolli fuq il-gżira tal-Irlanda.

(23)

Madankollu, persuni li jaqgħu taħt il-kamp tal-applikazzjoni tal-Parti Tnejn tal-Ftehim dwar il-Ħruġ se jibbenefikaw mill-applikazzjoni tar-regoli tas-Suq Uniku tal-UE fir-rigward tal-proċeduri għar-rikonoxximent li jkunu għadhom għaddejjin fil-31 ta’ Diċembru 2020.

(24)

Dan ma japplikax għall-interkonnetturi tal-elettriku bejn l-Irlanda ta’ Fuq u l-Irlanda, peress li skont l-Artikolu 9 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, l-Irlanda ta’ Fuq se tkompli tipparteċipa fis-Suq Uniku Integrat tal-Elettriku fil-gżira kollha tal-Irlanda.

(25)

Din it-taqsima (kontrolli fuq persuni) ma tapplikax għal vjaġġi bejn ir-Renju Unit u l-Irlanda, peress li, skont il-Protokoll dwar l-Irlanda u l-Irlanda ta’ Fuq, ir-Renju Unit u l-Irlanda jistgħu jkomplu jagħmlu arranġamenti bejniethom dwar il-moviment ta’ persuni bejn it-territorji tagħhom (“Iż-Żona Komuni għall-Ivvjaġġar”), filwaqt li jirrispettaw bis-sħiħ id-drittijiet tal-persuni fiżiċi mogħtija mil-liġi tal-Unjoni.

(26)

Ċittadini tal-Unjoni, minbarra dawk b’ċittadinanza Irlandiża, jeħtieġ li japplikaw biex jiksbu status “stabbilit” jew “li jippreċedi l-istatus ta’ stabbilit” skont l-iskema għall-Kisba tal-Istatus ta’ Stabbilit.

(27)

Filwaqt li r-Renju Unit qed ikompli japplika l-politika tal-Unjoni tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni matul il-perjodu ta’ tranżizzjoni, huwa gawda d-dritt ta’ nonparteċipazzjoni f’dan il-qasam u qatt ma għażel li jipparteċipa fl-istrumenti kollha fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali.

(28)

Ta’ min jinnota wkoll li, mill-1 ta’ Jannar 2021, il-pjattaforma tal-UE għas-Soluzzjoni Onlajn għat-Tilwim (ODR) mhux se tkun disponibbli aktar għas-soluzzjoni extraġudizzjarja tat-tilwim bejn il-konsumaturi li jirrisjedu fl-Unjoni Ewropea u n-negozjanti stabbiliti fir-Renju Unit.

(29)

Id-drittijiet unitarji eżistenti huma salvagwardjati fir-Renju Unit skont l-Artikoli 54 u 57 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ billi jiġu kkonvertiti fi drittijiet tar-Renju Unit.

(30)

 Ir-Regolament (UE) 2016/679,
https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?qid=1594051658864&uri=CELEX:32016R0679

(31)

Id-Direttiva (l-Unjoni) 2016/680, https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A32016L0680  

(32)

Ara l-Parti I.B dwar “Protezzjoni tad-data” tat-Test Rivedut tad-Dikjarazzjoni Politika li tistabbilixxi l-qafas għar-relazzjoni futura bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit kif miftiehem fil-livell tan-negozjaturi fl-17 ta’ Ottubru 2019, ĠU C34, 31 ta’ Jannar 2020, 1–16.

(33)

Isem ta’ dominju rtirat mhux aktar funzjonijiet. Ma jkunx jista’ jappoġġja aktar kwalunkwe servizz attiv, bħal siti web jew emails.

(34)

  https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/model-note-verbale-international-partners_en.pdf  

(35)

Ir-Renju Unit ippubblika informazzjoni dwar it-Tariffa Globali l-ġdida tiegħu tar-Renju Unit li tkun applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2021 anki għal oġġetti tal-UE f’każ li ma jkun hemm l-ebda ftehim dwar ir-relazzjonijiet futuri bejn l-UE u r-Renju Unit. https://www.gov.uk/guidance/uk-tariffs-from-1-january-2021

(36)

Għal informazzjoni dettaljata, ara n-Nota ta’ Gwida tal-Kummissjoni (2020/C 173/01) dwar il-Parti II tal-Ftehim dwar il-Ħruġ

https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:52020XC0520(05)&from=MT  

(37)

L-Artikolu 138 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ jipprevedi li, fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-programmi u l-attivitajiet tal-Unjoni mwettqa skont il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014–2020 jew il-perspettivi finanzjarji preċedenti, il-liġi tal-Unjoni applikabbli tkompli tapplika għar-Renju Unit wara l-31 ta’ Diċembru 2020 sal-għeluq ta’ dawk il-programmi u l-attivitajiet tal-Unjoni. Il-parteċipazzjoni tar-Renju Unit fi programmi futuri tiddependi fuq il-ftehim ta’ sħubija ġdida sakemm il-programm ma jippermettix eċċezzjonalment il-parteċipazzjoni tal-pajjiżi terzi u l-entitajiet tagħhom mingħajr il-ħtieġa ta’ ftehim.

(38)

  https://www.consilium.europa.eu/media/42736/st05870-ad01re03-en20.pdf

(39)

L-abbozz tat-test tal-Ftehim dwar is-Sħubija l-Ġdida bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit, ippubblikat fis-17 ta’ Marzu 2020, ara: https://ec.europa.eu/info/publications/draft-text-agreement-new-partnership-united-kingdom_en