Brussell, 15.7.2020

COM(2020) 318 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

L-istat ta' tħejjija tal-UE fuq medda qasira ta' żmien fil-qasam tas-saħħa għal tifqigħat tal-COVID-19


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

L-istat ta’ tħejjija tal-UE fuq medda qasira ta’ żmien fil-qasam tas-saħħa għal tifqigħat tal-COVID-19

I.INTRODUZZJONI

Il-pandemija tal-COVID-19, li ġabet magħha waħda mill-agħar kriżijiet fl-istorja reċenti, teħtieġ viġilanza kontinwa u azzjoni koordinata.

Għalkemm għad hemm ħafna li mhux magħruf, qed jinkiseb għarfien sinifikanti dwar il-marda nnifisha, it-trażmissjoni, il-prevenzjoni u t-trattament tagħha. L-Istati Membri, appoġġati mill-Kummissjoni u l-Aġenziji tal-UE, qed iżidu l-kapaċità ta’ ttestjar tagħhom, itejbu s-sorveljanza u jsaħħu l-kapaċità tas-sistema tas-saħħa, pereżempju permezz ta’ żieda fl-unitajiet ta’ sodod ta’ kura intensiva jew kontromiżuri mediċi msaħħa. L-UE u l-Istati Membri tagħha introduċew miżuri biex itaffu l-impatti soċjali u ekonomiċi, bħaż-żamma tal-funzjonament tas-suq intern, l-assistenza lis-settur tat-trasport u t-turiżmu, il-protezzjoni tal-impjiegi u l-appoġġ ta’ servizzi ta’ kura medika għal gruppi vulnerabbli. L-Istati Membri qegħdin dejjem aktar jikkoordinaw ir-rispons tagħhom. Il-miżuri tas-saħħa pubblika għenu biex tiġi stabbilizzata s-sitwazzjoni u jġibu l-għadd ta’ infezzjonijiet ġodda għal livell maniġġabbli mis-sistemi tas-saħħa. Dan ippermetta t-tneħħija progressiva ta’ ħafna restrizzjonijiet imposti matul l-aħħar xhur u t-tkomplija tal-biċċa l-kbira tal-attivitajiet.

Madankollu, il-virus għadu jiċċirkola madwar id-dinja. Tifqigħat reġjonali madwar l-UE u għadd dejjem jikber ta’ każijiet ġodda ta’ kuljum madwar id-dinja jsaħħu l-fatt li l-pandemija se tispiċċa biss ladarba tkun taħt kontroll kullimkien. Il-mard infettiv bħall-COVID-19 ta’ spiss jiġi f’mewġiet u qed jitfaċċaw tifqigħat lokalizzati ġodda madwar l-Ewropa u f'kontinenti oħra.

Filwaqt li titgħallem mill-istadji preċedenti tal-pandemija, l-Ewropa għandha tuża dan il-perjodu ta’ rati ta’ trażmissjoni aktar baxxi biex issaħħaħ l-istat ta’ tħejjija tagħha u tikkoordina l-kapaċità ta’ rispons biex tiġġieled kontra tifqigħat oħra tal-COVID-19. M'għandniex żmien x'naħlu biex niżguraw li jkollna fis-seħħ miżuri bbażati fuq ix-xjenza u li jkunu ġew ittestjati biex inkunu nafu kemm jifilħu f'każ ta' kriżi ħalli jiggarantixxu implimentazzjoni adegwata.

Din il-Komunikazzjoni għandha l-għan li tiżgura l-istat ta’ tħejjija tal-UE fuq medda qasira ta' żmien fil-qasam tas-saħħaf’każ ta’ aktar tifqigħat tal-COVID-19 fl-Ewropa. Tiġbed l-attenzjoni b’mod partikolari għall-ħtieġa li jitnaqqas il-piż tal-influwenza staġjonali 2020/2021, sabiex tonqos il-pressjoni addizzjonali fuq is-sistemi tas-saħħa jekk din tikkoinċidi ma’ tifqigħa oħra tal-COVID-19. Għal kull qasam, din il-Komunikazzjoni hija bbażata fuq it-tagħlimiet ewlenin, pożittivi u negattivi, u tiddeskrivi l-miżuri ewlenin li għandhom jittieħdu fix-xhur li ġejjin. Dan ser jirrikjedi koordinazzjoni u skambju ta’ informazzjoni b’saħħithom fl-Istati Membri u l-komunitajiet kif ukoll bejniethom, kif ukoll impenn li jiġu implimentati dawn il-miżuri, li huma kompetenza nazzjonali. Sabiex nimxu 'l quddiem, se jkompli jiġi mfittex li jintlaħaq ftehim dwar approċċi komuni b'rabta mal-miżuri tas-saħħa fi ħdan il-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa 1 (HSC) kif ukoll f’fora oħra bħar-Reazzjoni Politika Integrata għall-Kriżijiet (IPCR).

L-esperjenza wriet li l-koordinazzjoni tal-azzjonijiet mal-ġirien u fil-livell tal-UE hija vitali. Il-konteniment u l-ġestjoni ta’ kwalunkwe tifqigħa ġdida ser jeħtieġu wkoll kooperazzjoni u appoġġ kontinwi lill-viċinat immedjat tal-UE u lil hinn minnu. Għalhekk, fejn xieraq u fattibbli, il-Kummissjoni se tassoċja l-Balkani tal-Punent, il-pajjiżi tal-Viċinat u pajjiżi sħab oħra mal-azzjonijiet proposti f’dan id-dokument.

II.Titjib tal-istat ta’ tħejjija — tagħlimiet meħuda u azzjonijiet fuq medda qasira ta’ żmien

1.L-ittestjar, it-traċċar tal-kuntatti u s-sorveljanza tas-saħħa pubblika 2

Kapaċità suffiċjenti ta’ ttestjar hija aspett essenzjali għat-tħejjija u r-rispons għall-COVID-19 3 . Mingħajr ittestjar adegwat, ma hemm l-ebda detezzjoni bikrija ta’ individwi potenzjalment infettivi u l-da viżibbiltà dwar ir-rati ta’ infezzjoni u t-trażmissjoni fi ħdan il-komunitajiet. Huwa prerekwiżit li jkun hemm traċċar tal-kuntatti adegwat.

Madankollu, matul dawn l-aħħar ftit xhur, l-Ewropa kienet qed tbati minn nuqqas ta’ testijiet u ta' materjali għall-ittestjar, ta' persunal tal-laboratorju mħarreġ u ta' xi provvisti ta’ tagħmir tal-laboratorju, filwaqt li l-UE hija waħda mill-akbar produtturi ta’ xi wħud minn dan it-tagħmir. Barra minn hekk, il-politiki u l-metodoloġiji tal-ittestjar ivarjaw ħafna bejn il-pajjiżi u l-kapaċitajiet ta’ traċċar tal-kuntatt nazzjonali ħafna drabi kienu maħkuma minn trażmissjonijiet fil-komunità fuq skala kbira 4 .

Tifqigħat lokalizzati — rispons lokali u nazzjonali

Wara bosta ġimgħat ta’ tneħħija ta’ miżuri restrittivi ħafna, issa qed nosservaw żieda ġdida ta’ każijiet irrappurtati f’diversi Stati Membri, b’għadd ta’ tifqigħat lokalizzati f’kuntesti speċifiċi u t-trażmissjoni komunitarja għadha qed tiġi rrappurtata fil-parti l-kbira tal-pajjiżi tal-UE/taż-ŻEE. It-tifqigħat ta’ dan l-aħħar juru li t-tifqigħat lokali jridu jiġu immedjatament ikkontrollati biex tiġi evitata trażmissjoni akbar fil-komunità. Sabiex isir dan, l-ittestjar u l-lokalizzazzjoni immedjatament skalati għandhom jiġu implimentati fiż-żona kkonċernata. Imbagħad jeħtieġ jiġu implimentati miżuri ta’ mitigazzjoni lokali, bħall-iżolament.

Għandha tiġi skjerata minnufih il-kapaċità neċessarja li tista’ tinkiseb kemm fil-livell lokali kif ukoll f’dak nazzjonali. L-importanza tal-kapaċità lokali u tal-għarfien lokali trid tiġi rikonoxxuta sabiex jiġi żgurat rispons speċifiku u mfassal apposta. Is-segmentar ta’ attivitajiet speċifiċi li jirrikjedu għarfien lokali għall-aħjar effiċjenza, bħalma huma t-traċċar tal-kuntatti, u dawk li jistgħu jiġu żviluppati mingħajr għarfien lokali speċifiku, bħall-forniment ta’ laboratorji mobbli jew l-attivar tekniku tat-testijiet tal-RT-PCR, se jkunu kruċjali biex jingħata l-aħjar rispons għal dawn it-tifqigħat. Approċċ bħal dan jeħtieġ koordinazzjoni u kondiviżjoni ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet lokali u nazzjonali.

.

Fl-aħħar nett, peress li l-miżuri ta’ konteniment qed jitneħħew b’mod gradwali 5 , huma meħtieġa testijiet, traċċar tal-kuntatti u sorveljanza tas-saħħa pubblika, peress li dawn jippermettu l-kontroll ta’ tifqigħat lokalizzati. L-iskalabbiltà rapida tagħhom hija kruċjali biex tlaħħaq ma’ progressjoni possibbli fil-pandemija u biex tevita li terġa’ ddaħħal miżuri stretti ta’ konfinament. Dawn l-attivitajiet iridu jitfasslu speċifikament għal gruppi vulnerabbli u f’kuntesti b’densità għolja u kapaċità limitata għal distanza fiżika. Pass ewlieni fit-tħejjija huwa għalhekk l-identifikazzjoni sistematika ta’ postijiet u popolazzjonijiet vulnerabbli fl-Istati Membri kollha.

a)Ittestjar

Il-kapaċitajiet tal-laboratorji għall-ittestjar tal-infezzjoni tal-COVID-19 żdiedu 6 , flimkien ma’ żviluppi fl-ittestjar fil-postijiet fejn tingħata l-kura, l-istampar 3D ta’ tagħmir ta’ ttestjar u metodi ta’ ttestjar ġodda. Il-Kummissjoni nediet akkwist konġunt mal-Istati Membri, b’baġit massimu ta’ aktar minn EUR 350,000,000 għall-provvisti tal-laboratorju. 7 . Hemm bżonn li tiżdied il-kapaċità tal-laboratorji, il-persunal imħarreġ u l-innovazzjoni fl-Istati Membri kollha biex tiġi żgurata sistema li tippermetti skalabbiltà, riżultati robusti u rispons lokalizzat tal-iskjerament rapidu.

Issa li l-Istati Membri żiedu l-kapaċità ta’ ttestjar tagħhom f’konformità mal-gwida tal-ECDC, huma għandhom jiżguraw li jistgħu jżidu malajr il-kopertura tal-ittestjar għal pazjenti bi ftit sintomi u persuni li jkunu ġew f’kuntatt ma’ każijiet pożittivi. 8 . Huwa importanti wkoll li l-Istati Membri jkomplu jimmonitorjaw il-volum ta’ testijiet li jkunu saru u r-riżultati tagħhom matul iż-żmien. L-ittestjar irid ikun jista’ jiġi implimentat malajr ukoll permezz ta’ strateġiji deċentralizzati biex jgħinu fil-kontroll ta’ raggruppamenti lokalizzati. Fl-aħħar nett, l-Istati Membri jeħtieġ jiżguraw li l-espansjoni tal-kapaċità ta’ ttestjar għall-COVID-19 ma tkunx għad-detriment ta’ programmi oħra ta’ sorveljanza (eż. għall-influwenza).

b)Traċċar tal-kuntatti

L-akkoppjament ta’ approċċi standard ta’ traċċar tal-kuntatti ma’ applikazzjonijiet mobbli interoperabbli (“apps”) jista’ jsaħħaħ il-kapaċità li jitwaqqfu ktajjen ġodda ta’ trażmissjoni u jipprevjeni t-tixrid fil-komunità 9 filwaqt li jinżammu l-prinċipji tal-protezzjoni tad-data kif deskritti fil-leġiżlazzjoni rilevanti 10 . Disa’ Stati Membri diġà nedew apps għat-traċċar tal-kuntatti u għat-twissija. Ħdax oħra għandhom il-ħsieb li jniedu applikazzjoni fil-futur qrib. Wara l-adozzjoni tar-Rakkomandazzjoni 11 dwar it-teknoloġija u d-data biex tiġi miġġielda l-kriżi tal-COVID-19 u noħorġu minnha, ġew żviluppati soluzzjonijiet tal-UE u sett ta’ għodod komuni 12 biex jiffaċilitaw l-interoperabbiltà ta’ apps nazzjonali 13 filwaqt li jissalvagwardjaw il-privatezza u l-protezzjoni tad-data. 14 . L-interoperabbiltà bejn l-apps nazzjonali kollha għandha tkun realtà, b’tali mod li l-vjaġġaturi u l-ħaddiema jkunu jistgħu jkomplu jiċċaqalqu b’mod kunfidenti bejn il-fruntieri tal-UE. Illum il-Kummissjoni emendat 15 in-Network tas-Servizzi tas-Saħħa Elettroniċi (eHealth) sabiex tipprovdi l-modalitajiet għat-tħaddim ta’ infrastruttura sigura tal-IT li tappoġġja l-interoperabbiltà l-apps tat-traċċar tal-kuntatti u ta’ twissija madwar l-UE. Is-Sistema ta’ Twissija u ta’ Reazzjoni Bikrija (EWRS) tiżgura l-kondiviżjoni sigura u effettiva ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet tas-saħħa tal-Istati Membri. Barra minn hekk, miżuri ta’ tħejjija 16 fil-punti ta’ dħul fl-UE 17 , bħall-ajruporti internazzjonali, il-portijiet, l-istazzjonijiet ferrovjarji internazzjonali jew il-punti ta' qsim ta’ fruntieri fuq l-art, jeħtieġ li jiġu implimentati u jistgħu jkomplu jappoġġaw l-isforzi ta’ traċċar tal-kuntatti, u għal darb’oħra jgħinu biex jiżguraw il-libertà tal-moviment madwar l-UE.

c)Sorveljanza

Is-sorveljanza tas-saħħa pubblika għandha ssir abbażi tal-parametri li ġejjin: L-intensità u l-firxa ġeografika; Il-bidliet ta’ varjant ta’ razza virali permezz ta’ klassifikazzjoni molekulari 18 ; It-tifqigħat nosokomjali 19 ; Il-bidliet fil-gruppi ta’ riskju inklużi l-konnessjonijiet għal esponiment ambjentali; Is-sindromi ta’ mard respiratorju; L-immunità tal-popolazzjoni speċifika skont l-età; is-sitwazzjoni fl-istituzzjonijiet ta’ kura residenzjali; jew l-impatt fuq is-sistemi tal-kura tas-saħħa.

Dan irid jippermetti l-individwazzjoni tal-hotspots fi stadju bikri. Għalhekk, l-Istati Membri jeħtieġ li jikkondividu data epidemjoloġika standardizzata u f’waqtha fil-livell sottonazzjonali, inklużi d-data dwar il-kura fl-isptar u l-okkupazzjoni tal-kura intensiva. L-akkumulazzjoni ta’ tali data, inkluż permezz ta epidemjoloġija diġitali li tiddependi fuq analiżi tal-midja u l-midja soċjali, tgħin biex tiġi traċċata l-pandemija u tippermetti l-immudellar preċiż tal-firxa tal-marda.

Qasam ta’ Azzjoni L-ittestjar, it-traċċar tal-kuntatti u s-sorveljanza tas-saħħa pubblika

Kronoloġija

ØIt-twettiq ta' testijiet tal-istress nazzjonali bbażati fuq ix-xenarju għal sistemi ta’ traċċar tal-kuntatti, il-kapaċitajiet ta’ ttestjar u l-iskjerament tal-ittestjar (l-Istati Membri)

Peress li qed jiġu identifikati tifqigħat lokalizzati li x’aktarx se jkomplu għaddejjin, dawn it-testijiet tal-istress għandhom jitwettqu fuq livell lokali, abbażi ta’ xenarji speċifiċi, bħal avvenimenti ta’ persuna li xxerred il-marda fost ħafna nies, tifqigħat f’setturi partikolari bħal f’biċċeriji, f'ambjenti edukattivi u fi djar residenzjali li aktar tard jafu jinfirxu f’oqsma oħra ta’ attività. Lezzjonijiet mitgħallma u l-aħjar prattiki biex ikun kondiviż l-eżerċizzju postali.

Minn Lulju sa Settembru

Ittestjar

ØTiġi żgurata d-disponibbiltà tal-kapaċità meħtieġa għall-ittestjar permezz tal-ippjanar tad-domanda u r-R&Ż (l-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea)

Dan għandu jiffaċilita l-abbiltà li tiżdied il-kapaċità, jekk ikun meħtieġ.

Għadu għaddej

ØPermezz tal-HSC, il-ftehim fil-livell tal-UE għal strateġiji u metodoloġiji tal-ittestjar allinjati (il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri)

Il-Ftehim li jrid jintlaħaq permezz tal-HSC b’dikjarazzjoni bil-miktub.

Minn Lulju sa Settembru

Traċċar tal-kuntatti

ØTitlesta l-implimentazzjoni tal-apps ta’ traċċar tal-kuntatti interoperabbli (l-Istati Membri, il-Kummissjoni Ewropea u l-ECDC)

Segwitu għal-Linji Gwida għall-Istati Membri għall-interoperabbiltà u l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet xierqa għall-interoperabbiltà transfruntiera tal-apps; Żvilupp kontinwu tal-EWRS sabiex tiġi ffaċilitata l-kondiviżjoni tal-informazzjoni.

Minn Lulju sa Settembru

ØL-iżvilupp ta’ mekkaniżmi tal-UE għal Formoli tal-Postijiet tal-Passiġġieri komuni diġitalizzati għas-setturi rilevanti tat-trasport (eż. Azzjoni Konġunta Gateways Tajbin għas-Saħħa bl-appoġġ tal-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea — EASA)

Għadu għaddej

Sorveljanza tas-saħħa pubblika

ØGwida għal investigazzjonijiet speċifiċi ta’ tifqigħat, eż. f’kuntesti nosokomjali, avvenimenti ta’ “tixrid” potenzjali (eż. laqgħat tal-massa), u konfigurazzjonijiet oħra ta’ okkupazzjoni speċjali (ECDC)

Dan jgħin biex itejjeb il-fehim u s-sorveljanza tad-dinamika epidemjoloġika.

Awwissu

ØKampanja ta’ kampjunar fl-ilmijiet tal-iskart, valutazzjoni tar-riżultati u konnessjoni mad-data epidemjoloġika (il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri)

Din għandha l-għan li ssegwi l-preżenza tal-virus f’ilma urban mormi. 20 . 

Għadha għaddejja

ØTissaħħaħ is-sistema ta’ sorveljanza primarja bbażata fuq il-popolazzjoni tal-kura primarja sentinella u tas-sorveljanza fl-isptarijiet (l-ECDC u l-Istati Membri)

L-ECDC se taħdem mal-Istati Membri biex tagħti pariri dwar l-aħjar prattiki biex tgħin issaħħaħ is-sistemi eżistenti li jappoġġaw is-sorveljanza fil-livell nazzjonali.

Minn Lulju sa Settembru

ØAssistenza teknika għad-disinn, it-twettiq u l-analiżi tar-riżultati mill-istudji dwar is-seroprevalenza 21 sabiex tiġi promossa l-komparabbiltà fil-livell tal-UE (ECDC, il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri)

Minn Lulju sa Settembru

ØTiġi żgurata l-kondiviżjoni madwar l-UE kollha ta’ data klinika, epidemjoloġika u viroloġika permezz tal-pjattaforma ta’ kondiviżjoni tad-data dwar COVID-19 tal-UE (il-Kummissjoni Ewropea, l-ECDC u l-Istati Membri)

Għadu għaddej

ØIl-ħolqien ta’ reġistru fil-livell tal-UE għall-prevenzjoni u t-tnaqqis tar-riskji epidemjoloġiċi, inklużi d-determinanti tas-saħħa ambjentali (Kummissjoni Ewropea)

Dan se jkun komplementari għal pjattaformi oħra u jiżgura aċċess miftuħ u interoperabbiltà ta’ pjattaformi ta’ data li fihom data tal-COVID-19.

Ottubru

2.Kontromiżuri mediċi: funzjonament bla xkiel tas-suq uniku u aċċess għal tagħmir personali protettiv, mediċini u apparat mediku

Il-kriżi tal-COVID-19 affettwat b’mod negattiv il-kummerċ ma’ pajjiżi terzi, il-moviment liberu tal-merkanzija fi ħdan l-UE, u l-funzjonament bla xkiel tas-suq uniku. B’mod partikolari, l-aċċess għal tagħmir personali protettiv, mediċini u apparat mediku kien nuqqas kbir madwar l-UE fl-ewwel ftit taż-żmien tal-pandemija. Hekk kif il-kriżi aggravat, il-ktajjen ta’ provvista globali ma setgħux ilaħħqu mad-domanda li żdiedet. Kien hemm interruzzjoni tal-produzzjoni fil-lokalitajiet li kienu l-aktar milquta. L-introduzzjoni ta’ projbizzjonijiet tal-esportazzjoni minn awtoritajiet nazzjonali u pajjiżi terzi, kif ukoll problemi bit-trasport internazzjonali ta’ oġġetti, konġestjonijiet fil-valutazzjoni tal-konformità, kif ukoll il-prevalenza ta’ prodotti mhux konformi, mhux sikuri u foloz, kompla aggrava l-iskarsezzi. Deher ċar li tellieqa globali għall-provvisti swiet fi prezz għoli għal prodotti li f’xi każijiet kienu ta’ kwalità inferjuri. Kienet imfixkla jew imdewma wkoll is-solidarjetà kkordinata fil-livell tal-UE permezz tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (UCPM), minħabba li l-pajjiżi kollha ffaċċjaw l-istess tip ta’ nuqqas fl-istess ħin  22 . Barra minn hekk, is-suq tal-merkanzija kummerċjali ġie mfixkel u l-aċċess għall-għażliet tat-trasport sar inċert.

Ġew introdotti firxa ta’ miżuri biex jingħelbu dawn l-isfidi. Dawn kienu jinkludu konverżjonijiet tal-industrija, monitoraġġ tal-iskarsezzi mal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini, appoġġ lil inizjattivi tal-industrija li jottimizzaw il-produzzjoni u l-provvista ta’ mediċini essenzjali 23 , awtorizzazzjonijiet tal-esportazzjoni 24 u involviment ma’ pajjiżi terzi kif ukoll standards liberament disponibbli 25 . Barra minn hekk, il-Kummissjoni nediet akkwisti konġunti 26 , li kienu kkostitwiti minn riżervi strateġiċi (rescEU), żiedet il-kooperazzjoni u l-kontrolli tal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq u tas-sikurezza biex tiżgura li fis-Suq Uniku jiġi offrut biss tagħmir protettiv sikur u ġiet mitluba gwida ġdida dwar l-għata tal-wiċċ fil-komunità lill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN) 27 .

Barra minn hekk, il-Kummissjoni adottat linji gwida dwar ir-restrizzjonijiet 28 fuq l-esportazzjoni u fuq il-provvista ottimali u razzjonali ta’ mediċini biex jiġu evitati l-iskarsezzi matul it-tifqigħa tal-COVID-19 29 , u ħadmet b’mod attiv biex jitneħħew ir-restrizzjonijiet nazzjonali fuq l-esportazzjoni u ostakli oħra għall-moviment liberu ta’ tagħmir mediku u prodotti mediċinali. Il-Kummissjoni adottat ukoll deċiżjoni 30 li tawtorizza lill-Istati Membri affettwati mill-pandemija tal-coronavirus biex jissospendu temporanjament id-dazji doganali u l-VAT fuq it-tagħmir protettiv, il-kits tal-ittestjar jew it-tagħmir mediku bħall-ventilaturi. B'dan, it-tagħmir mediku li jeħtieġu t-tobba, l-infermiera u l-pazjenti, sar ħafna aktar aċċessibbli.

Sabiex jiġi żgurat il-fluss liberu tal-merkanzija fi ħdan l-UE, il-Kummissjoni ħadmet b’mod attiv biex tneħħi r-restrizzjonijiet nazzjonali fuq l-esportazzjoni. It-Task Force dwar l-Infurzar tas-Suq Uniku (SMET) bdiet tilħaq l-għan immedjat li tindirizza r-restrizzjonijiet għall-moviment liberu tal-merkanzija, inklużi l-provvisti mediċi.

Il-protezzjoni tal-integrità tas-suq uniku, bħala waħda mill-assi ewlenin tagħna għall-irkupru, tibqa’ waħda mill-prijoritajiet tal-Kummissjoni. Ostakli mhux ġustifikati għall-moviment liberu tal-merkanzija, b’mod partikolari t-tagħmir mediku u l-mediċini, ser ikomplu jiġu sfidati b’mod attiv mill-Kummissjoni, bl-użu tal-għodod kollha disponibbli, inkluż il-proċeduri ta’ ksur.

Il-Kummissjoni tfakkar fl-obbligu tal-Istati Membri li jinnotifikaw abbozzi ta’ regolamenti tekniċi nazzjonali qabel ma dawn jiġu attwalment adottati sabiex il-Kummissjoni u Stati Membri oħra jirreaġixxu. Jekk ikun hemm bżonn, bħall-proliferazzjoni għall-għarrieda ta’ ostakli kif rajna matul il-kriżi tal-COVID-19, l-SMET jeħtieġ jintuża bħala mekkaniżmu ta’ urġenza biex jikkoordina rispons xieraq.

L-esperjenza miksuba mill-implimentazzjoni tal-Istrument għall-Appoġġ ta’ Emerġenza (ESI) “pakkett ta’ mobbiltà” 31 , tista’ sservi bħala bażi għall-iżvilupp ta’ rispons koordinat tal-UE għal tnaqqis possibbli futur fil-kapaċità tat-trasport tal-merkanzija globali u reġjonali.

Il-Kummissjoni stabbiliet ukoll mekkaniżmu ta’ ċentru ta’ kklerjar, il-Kamra tal-Ikklerjar għat-tagħmir mediku użat għall-COVID-19 (CCH), li jservi ta’ pjattaforma għall-iskambju u l-valutazzjoni mal-Istati Membri dwar id-domanda u l-provvista ta’ kontromiżuri mediċi ewlenin rigward il-COVID-19, kif ukoll il-monitoraġġ u l-għajnuna biex titjieb il-kapaċità tal-industrija tal-UE. 32 . Inħolqot pjattaforma online ta’ ġbir ta’ informazzjoni dwar il-provvista u d-domanda biex jiġi ffaċilitat it-tqabbil bejn il-provvista u d-domanda bejn l-Istati Membri li jesprimu l-ħtiġijiet u l-kumpaniji li joffru tagħmir mediku. Minkejja xi titjib, ma hemm l-ebda indikazzjoni li l-iskarsezzi tat-tagħmir mediku ġew kompletament riżolti. L-ECDC u ċ-Ċentru Konġunt ta’ Riċerka (JRC), qed jappoġġaw it-tbassir u l-immudellar.

Madankollu, jeħtieġ li jkun hemm aktar tħejjija għal żidiet kbar possibbli fil-każijiet fil-futur. L-Istati Membri huma mistiedna jistabbilixxu urġentement ħarsa ġenerali ċara dwar il-ħtiġijiet tagħhom għal provvisti mediċi, kapaċitajiet nazzjonali ta’ produzzjoni u riżervi ta’ tagħmir essenzjali. Għaddejjin attivitajiet ta’ akkwist fil-livell tal-UE biex tiġi żgurata d-disponibbiltà ta’ Tagħmir Protettiv Personali, ventilaturi, apparat tal-laboratorju u mediċini kritiċi tal-ICU (ara l-Anness), kif ukoll aċċess għat-terapiji meta dawn jirċievu awtorizzazzjonijiet tas-suq mill-Aġenzija Medika Ewropea, u appoġġ għall-produzzjoni u l-użu ta’ vaċċini potenzjali ta’ suċċess. Kuntratti ta’ qafas tal-akkwist tal-UE kbar jipprovdu appoġġ għall-ħidma ta’ tħejjija lill-Istati Membri. L-Istati Membri huma mħeġġa jużaw il-possibbiltajiet li jixtru tagħmir mediku skont il-kuntratti attwali. Se jkun ukoll importanti li jiġi żgurat li jkun hemm miżuri fis-seħħ li jiggarantixxu li Tagħmir Protettiv Personali adegwat jilħaq is-settur kritiku tal-kura soċjali ta’ appoġġ li jipprovdi servizzi essenzjali għal persuni anzjani u persuni b’diżabbiltà.

L-Istati Membri huma wkoll mistiedna jidentifikaw possibbiltajiet għall-kapaċità ta’ produzzjoni flessibbli u l-konverżjoni tal-produzzjoni fit-territorju tagħhom. Il-Kummissjoni lesta tappoġġa lill-Istati Membri fir-rikonverżjoni industrijali u t-twaqqif ta’ pjanijiet għal kapaċità ta’ produzzjoni flessibbli.

Barra minn hekk, ir-riċerka u l-innovazzjoni huma kkonċentrati fuq l-iżvilupp ta’ kontromiżuri mediċi u jipprovdu l-bażi ta’ evidenza għall-iżvilupp u l-ħolqien ta’ standards komuni meħtieġa għal prodotti essenzjali (eż. testijiet dijanjostiċi, data dwar is-saħħa, approvazzjonijiet ta’ prodotti, akkwist pubbliku konġunt ta’ innovazzjoni, u żvilupp ta’ linji gwida kliniċi). Dan jeħtieġ li jinżamm u jiġi kkoordinat u jista’ jiġi appoġġat ukoll billi jiġi żgurat li l-organizzazzjonijiet ta’ riċerka Ewropej rilevanti jibqgħu operattivi fil-każ ta’ aktar tifqigħat.

Kif enfasizzat mill-Istrateġija tal-UE għall-vaċċini tal-COVID-19 tas-17 ta’ Ġunju 2020, soluzzjoni permanenti għall-kriżi attwali x’aktarx li tasal permezz tal-iżvilupp u l-użu ta’ vaċċin effettiv u sikur kontra l-virus. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni Ewropea bħalissa qed tinnegozja ma’ produtturi tal-vaċċini f’isem l-Istati Membri bil-ħsieb li jintlaħaq qbil dwar Ftehimiet ta’ Xiri bil-Quddiem. Dan se jkun strumentali biex titreġġa’ lura l-ħajja ekonomika u soċjali lejn in-normalità fl-Ewropa u fid-dinja.

 

Qasam ta’ Azzjoni il-forniment ta’ tagħmir protettiv personali, mediċini u apparat mediku

Kronoloġija

ØJiġi ppreservat il-moviment liberu tal-merkanzija, u b’mod partikolari tal-provvisti mediċi essenzjali fl-UE (l-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea) 33

Għadu għaddej

ØL-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-UE dwar il-vaċċini (ESI — il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri)

Il-Kummissjoni se tidħol fi ftehimiet ma’ produtturi individwali tal-vaċċini f’isem l-Istati Membri, bid-dritt li jixtru vaċċini garantiti bi Ftehimiet ta’ Xiri bil-Quddiem.

Għadha għaddejja

ØL-istabbiliment ta’ ħarsa ġenerali lejn il-ħtiġijiet għal provvisti mediċi, kapaċitajiet nazzjonali ta’ produzzjoni u riżervi ta’ tagħmir essenzjali, immappjar tal-kapaċitajiet ta’ produzzjoni/possibbiltajiet ta’ konverżjoni flessibbli (Stati Membri)

Minn Lulju sa Settembru

ØTorganizza skambju tal-aħjar prattiki fost l-Istati Membri dwar l-użu mill-ġdid, l-adattament u ż-żieda tal-linji ta’ produzzjoni għall-produzzjoni ta’ provvisti mediċi (il-Kummissjoni Ewropea)

Settembru/Ottubru

ØTiżgura l-aċċess għat-terapiji COVID-19 li bħalissa jinsabu fi provi kliniċi permezz ta’ ftehimiet ta’ provvista ma’ kumpaniji farmaċewtiċi (il-Kummissjoni Ewropea)

Minn Lulju sa Settembru

ØAppoġġ għal approċċ koordinat tal-UE għall-ippjanar u l-implimentazzjoni ta’ provi kliniċi fuq skala kbira tal-COVID-19 fl-Ewropa (il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri)

Għadu għaddej

ØSkambju bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri dwar il-proċessi ta’ akkwist nazzjonali u l-punti ta’ konġestjoni (l-Istati Membri & l-Kummissjoni Ewropea)

Għadu għaddej

ØAppoġġ għal aċċess ekwu u l-użu ta’ kontromiżuri mediċi meħtieġa:

-Kuntratti li għaddejjin bħalissa taħt akkwisti konġunti (PPE, ventilaturi, tagħmir tal-laboratorju, mediċini tal-ICU) (Stati Membri)

-Akkwisti Konġunti ġodda (il-Kummissjoni Ewropea) 34  

-Akkwisti pubbliċi ta’ emerġenza tal-Kummissjoni għall-Istati Membri (ESI) 35

-Ħażniet strateġiċi tal-UE (rescEU) 36 u pjanijiet ta’ skjerament li jkopru l-Unjoni

-Trasport ta’ provvisti mediċi lejn l-UE (ESI)

Għadu għaddej

ØMonitoraġġ tal-aċċess, id-disponibbiltà u r-riskji ta’ skarsezzi ta’ kontromiżuri mediċi u tal-ingredjenti u l-komponenti ewlenin tagħhom (il-Kummissjoni Ewropea, l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini u l-Istati Membri)

ØTiżdied il-kapaċità u jitħaffu ċ-ċertifikazzjoni u l-valutazzjoni tal-konformità tal-prodotti li għandhom jitqiegħdu fis-suq filwaqt li jiġu żgurati s-sikurezza, il-preċiżjoni u l-konformità mal-istandards tal-UE (l-Istati Membri)

Għadu għaddej

ØL-Istati Membri għandhom jagħmlu użu sħiħ mill-istrumenti eżistenti bħall-Ftehim ta’ Akkwist Konġunt għax-xiri u r-riżervar ta’ tagħmir mediku essenzjali, u jiżguraw inizjattivi ta’ riżervi nazzjonali kkoordinati (l-Istati Membri)

Minn Lulju sa Settembru

ØL-awtoritajiet doganali u dawk tas-sorveljanza tas-suq jiżguraw li t-tagħmir mediku u protettiv personali li jkun konformi biss jilħaq is-suq tal-UE (azzjonijiet konġunti mal-Istati Membri)

Għadu għaddej

ØGwida dwar apparat mediku u ta’ protezzjoni personali li jista’ jerġa’ jintuża (ECDC)

Lulju

3.Kapaċità ta’ żieda f’daqqa ita' ħaddiema tal-kura tas-saħħa

Il-pandemija tal-COVID-19 kellha impatt qawwi fuq il-ħaddiema tal-kura tas-saħħa li kienu qed jieħdu ħsieb il-pazjenti tal-COVID-19, spiss taħt livelli għoljin ta’ stress għal perjodi ta’ żmien sostnuti. Dawn mhumiex biss vulnerabbli għall-kontaġju minħabba ż-żieda fl-esponiment tagħhom għall-virus, iżda ħafna drabi huma meħtieġa wkoll li jaħdmu f’kuntest ta’ skarsezza ta’ tagħmir protettiv personali xieraq. In-nuqqasijiet ta’ kapaċitajiet fl-unitajiet tal-kura intensiva u ta’ ħaddiema tal-kura tas-saħħa speċjalizzati biex jittrattaw pazjenti tal-COVID-19 kienu mifruxa wkoll. Fil-biċċa l-kbira tal-UE, is-soluzzjonijiet nazzjonali għan-nuqqas ta’ sodod tal-unitajiet ta’ kura intensiva wrew li huma fattibbli. Madankollu, waħda mil-lezzjonijiet ewlenin li tgħallimna kienet li, filwaqt li l-infrastruttura fiżika tista’ tiġi estiża, l-aktar ħtieġa urġenti saret id-disponibbiltà ta’ persunal tal-kura tas-saħħa li kien kompetenti fl-unitajiet ta’ kura intensiva. F’xi każijiet, issejħu riservisti tas-servizz tal-kura tas-saħħa u studenti mediċi u, fejn kien hemm bżonn, ingħata taħriġ rapidu. Il-Kummissjoni appoġġat ukoll network ta’ tobba Ewropej li jippermettu lill-professjonisti fil-qasam tal-kura tas-saħħa jiskambjaw informazzjoni u jtejbu l-ġestjoni tagħhom ta’ pazjenti bil-COVID-19. Madankollu, din ir-riallokazzjoni ta’ riżorsi xi drabi wasslet biex pazjenti b’kundizzjonijiet oħra ma setgħetx tingħatalhom il-kura.

Provvista transfruntiera persunal tal-kura tas-saħħa u trasferiment tal-pazjenti

Matul l-ewwel tifqigħa fl-Ewropa, ċerti żoni ġew affettwati b’mod sinifikanti aktar minn oħrajn. F’xi każijiet, il-kapaċitajiet lokali kienu f’diffikultà, u ġew megħjuna b’appoġġ transfruntier Ewropew permezz ta’ persunal speċjalizzat fil-kura tas-saħħa kif ukoll permezz tat-trasferiment ta’ pazjenti tal-COVID-19. Pereżempju, permezz ta' kofinanzjament taħt il-UCPM tal-UE, ir-Rumanija u n-Norveġja bagħtu tobba u infermiera lejn it-Tramuntana tal-Italja, u f’termini ta’ pazjenti, sitt (6) Stati Membri kienu involuti fi trasferimenti trasnfruntier ta’ pazjenti tal-COVID-19.

Abbażi tal-ewwel lezzjonijiet li ttieħdu, jeħtieġ jiġu stabbiliti strateġiji nazzjonali biex tiġi mmassimizzata l-kapaċità ħalli s-sistemi tas-saħħa jirnexxilhom ilaħħqu. Madankollu, f’ċerti każijiet, huwa essenzjali li jkun hemm appoġġ minn Stati Membri ġirien u tal-UE. Bħala tali, il-Kummissjoni saħħet il-mekkaniżmi ta’ solidarjetà billi allokat fondi ESI ddedikati u timplimenta mekkaniżmi speċifiċi biex tappoġġja t-trasferiment transfruntier ta’ pazjenti u t-trasport ta’ timijiet mediċi.

Huwa essenzjali li jinżamm aċċess rapidu għall-kapaċitajiet tas-saħħa pubblika li jiżdiedu f’salt mingħajr ma jiġu ttraskurati oqsma oħra ta’ kura tas-saħħa 37 . Barra minn hekk, huwa essenzjali wkoll li jiġi żgurat li, f’sitwazzjonijiet ta’ skarsezza kritika, il-prijoritizzazzjoni (jew “triage”) tal-provvediment tal-kura tas-saħħa ssir fuq il-bażi ta’ gwida strettament ibbażata fuq kriterji mediċi. Barra minn hekk, abbażi tal-esperjenza tat-trasferiment tal-pazjenti bejn il-fruntieri u l-ħtieġa għal kapaċità supplimentari ta’ ħaddiema fil-kura tas-saħħa meta l-livelli nazzjonali ma jkunux jistgħu jlaħħqu 38 , il-Kummissjoni diġà attivat appoġġ finanzjarju permezz tal-Istrument għall-Appoġġ ta’ Emerġenza għat-trasport ta’ persunal mediku u pazjenti bejn l-Istati Membri. Barra minn hekk, il-UCPM jikkoordina l-iskjerament ta’ timijiet u tagħmir mediku ta’ emerġenza għall-pajjiżi li jagħmlu talba.

Qasam ta’ Azzjoni kapaċità ta’ żieda f’salt ta' ħaddiema fil-kura tas-saħħa

Kronoloġija

ØL-iffinanzjar u l-organizzazzjoni tat-trasport ta’ persunal u timijiet mediċi fl-UE u bejn l-Istati Membri u t-trasferiment tal-pazjenti bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi (ESI — il-Kummissjoni Ewropea)

Għadu għaddej

ØLinji gwida għall-ottimizzazzjoni tal-ispazju tal-isptarijiet, inkluż it-tneħħija tal-iżolament u l-iskarikar ta’ pazjenti li fiequ klinikament, iżda li għadhom pożittivi għall-COVID-19 (ECDC)

Lulju

ØNetwork Ewropew online ta’ tobba u żvilupp ta’ moduli ta’ taħriġ dwar il-COVID-19 għall-professjonisti tas-saħħa (inkluż permezz ta’ akkademja virtwali) fi sħubija ma’ federazzjonijiet Ewropej, bħas-Soċjetà Ewropea tal-Mediċina tal-Kura Intensiva (l-Istati Membri, l-ECDC, il-Kummissjoni Ewropea)

Dan jinkludi taħriġ prattiku u informazzjoni, bħal kif wieħed jilbes u jinża’ t-tagħmir ta’ protezzjoni personali u jista’ jiġi estiż għal moduli ta’ taħriġ dwar il-kura intensiva.

Għadu għaddej

4.Kontromiżuri mhux farmaċewtiċi

Fl-Istati Membri u fil-pajjiżi terzi ġew implimentati għadd ta’ kontromiżuri mhux farmaċewtiċi, bħar-restrizzjoni tal-moviment, it-tbegħid soċjali, l-użu ta’ maskri tal-wiċċ fil-pubbliku u kontrolli fil-fruntieri 39 . Dawn il-miżuri ħafna drabi kienu meħtieġa biex inaqqsu l-firxa tal-virus u salvaw għexieren ta’ eluf ta’ ħajjiet, iżda rriżultaw fi spiża soċjali u ekonomika għolja. Ir-restrizzjoni tal-moviment u l-miżuri bħall-għeluq ta’ spazji pubbliċi ħalliet konsegwenzi soċjali u ekonomiċi negattivi u bla preċedent fuq is-soċjetajiet (eż. l-aċċess għall-post tax-xogħol tal-ħaddiema transfruntieri, is-separazzjoni tal-familji, l-aċċess għall-edukazzjoni, il-waqfien u t-tfixkil f’għadd ta’ setturi ekonomiċi u effetti soċjali bħall-iżolament) u l-ekonomiji tal-UE billi ġie mfixkel il-funzjonament tas-suq uniku. Huma affettwaw b’mod negattiv ukoll is-suq uniku għall-prodotti, b’hekk irrestrinġew il-moviment liberu tagħhom u l-katini ta’ provvista fl-UE kollha u lil hinn minnha. Kellhom ukoll konsegwenzi serji għal-libertà tal-moviment fl-UE u l-funzjonament u l-integrità taż-żona Schengen. Barra minn hekk, l-użu esponenzjali tat-teknoloġija għall-attivitajiet ta’ kuljum bħall-komunikazzjoni, il-wasla ta’ informazzjoni, ix-xiri, ix-xogħol u t-tagħlim jirrappreżentaw sfida għal dawk kollha li għandhom aċċess limitat jew l-ebda aċċess għal servizzi rilevanti tal-ICT.

Fid-dawl ta’ dan l-impatt ekonomiku u soċjali, huwa fl-interess ta' kulħadd li jiġu evitati miżuri ta’ lockdown fuq skala kbira f’każ ta’ aktar tifqigħat u li jiġi indirizzat l-impatt fuq setturi differenti, inkluż it-trasport u t-turiżmu 40 . Pjuttost, ir-rispons għandu jkun li jkun hemm kontromiżuri mhux mediċi mmirati u lokalizzati, u li jkunu infurmati minn riċerka u evidenza. Id-data dwar il-mobbiltà aggregata u anonimizzata se tgħin, għax tippermetti valutazzjoni tal-effettività ta’ tali miżuri. Ladarba tiġi kkompilata, din tista’ tipprovdi l-bażi għall-ippjanar tax-xenarju ta’ evoluzzjonijiet ulterjuri ta’ tifqigħat oħra u l-miżuri korrispondenti mhux farmaċewtiċi li jridu jiġu introdotti. L-iżgurar li l-postijiet tax-xogħol huma sikuri huwa strumentali għall-kontinwità tax-xogħol u l-attivitajiet ekonomiċi, bħal ma huwa l-provvediment tas-servizzi għall-kura tat-tfal u l-edukazzjoni għat-tfal biex jippermettu bilanċ kontinwu tal-ħajja tax-xogħol għall-ġenituri kollha. Għandhom jiġu stabbiliti miżuri preventivi u protettivi bbażati fuq regoli tal-UE dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol u gwida speċifika 41 sabiex tiġi protetta s-saħħa tal-ħaddiema u jiġi evitat it-tixrid tal-virus fuq il-post tax-xogħol. B’mod partikolari, l-obbligu tal-impjegatur li jwettaq valutazzjoni tar-riskji aġġornata u miżuri preventivi adattati għall-kuntest li qed jinbidel huwa essenzjali f’konformità mal-qafas ġuridiku.

L-istabbiliment mill-ġdid ta’ restrizzjonijiet ineffettivi u l-kontrolli interni fil-fruntieri tal-UE għandhom jiġu evitati milli jkomplu għaddejjin. Kwalunkwe miżura li timplika restrizzjonijiet fuq il-moviment ta’ persuni fi ħdan l-UE għandha tintuża biss f’sitwazzjonijiet strettament meħtieġa. Tali miżuri restrittivi biex jiġu indirizzati r-riskji għas-saħħa pubblika għandhom ikunu kkoordinati u proporzjonati u mhux diskriminatorji. Il-kontrolli temporanji fil-fruntieri jistgħu jintużaw biss f’ċirkostanzi eċċezzjonali biex jipprovdu rispons għal sitwazzjonijiet li jaffettwaw b’mod serju l-ordni pubbliku jew is-sigurtà interna u, bħala l-aħħar miżura, għandhom idumu biss sakemm jippersistu ċ-ċirkostanzi straordinarji.

Ir-restrizzjonijiet fit-territorji tal-Istati Membri mhux bilfors ikunu akkumpanjati minn restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u kontrolli fil-fruntieri interni. Jekk madankollu jiġu introdotti kontrolli fil-fruntieri, dan għandu jsir f’konsultazzjoni mal-Istati Membri l-oħra, bl-użu ta’ kanali eżistenti u f’konformità mar-regoli eżistenti, filwaqt li l-moviment liberu tal-merkanzija, tal-ħaddiema li jeżerċitaw professjonijiet kritiċi u tal-ħaddiema tat-trasport essenzjali għandu jiġi dejjem issalvagwardjat. Il-korsiji ħodor 42 u l-gwida eżistenti dwar il-miżuri tal-ġestjoni tal-fruntieri 43 , it-trasport merkantili bl-ajru 44 , kif ukoll il-moviment liberu tal-ħaddiema 45 u l-bidliet fl-ekwipaġġ 46 , jeħtieġ jiġu implimentati minnufih. It-Task Force dwar l-Infurzar tas-Suq Uniku se tkompli timmonitorja u tindirizza kwalunkwe ostaklu mhux ġustifikat għall-moviment liberu tal-merkanzija. Fir-rigward tat-tkomplija tat-trasport tal-passiġġieri, il-linji gwida dwar is-servizzi tat-trasport 47 u d-drittijiet tal-passiġġieri 48 jibqgħu rilevanti u għandhom jiġu applikati skont is-sitwazzjoni epidemjoloġika. Ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE huma taħt valutazzjoni kontinwa. Huwa essenzjali li kwalunkwe tneħħija progressiva tar-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar lejn l-UE ssir b’koordinazzjoni sħiħa bejn l-Istati Membri tal-UE.

Qasam ta’ Azzjoni Miżuri mhux farmaċewtiċi

Kronoloġija

ØSkambju f’waqtu tal-informazzjoni tal-Istati Membri dwar l-effettività tal-miżuri u kwalunkwe introduzzjonijiet mill-ġdid bħala reazzjoni għal tifqigħat sekondarji

Sit web u database għad-dħul tad-data se jiġu ospitati mill-JRC u se jiġu ppopolati mill-JRC u l-ECDC b’kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri u se jkunu disponibbli għall-użu fl-immudellar, il-valutazzjoni tar-riskju u l-monitoraġġ tas-sitwazzjoni fl-Istati Membri.

Minn Lulju sa Settembru

ØManwal tal-UE dwar l-interventi mhux farmaċewtiċi kontra l-COVID-19 (ECDC u JRC)

Il-ġbir tal-aħjar prattiki u gwida xjentifika infurmati b’riżultati ta’ mmudellar biex jgħinu lill-Istati Membri bil-kalibrar ta’ miżuri tas-saħħa pubblika (inkluż laqgħat tal-massa) abbażi ta’ parametri, kriterji u skattaturi differenti.

Awwissu

ØKondiviżjoni ta’ informazzjoni u tal-aħjar prattiki relatati ma’ qsim tal-fruntieri interni u esterni biex jiġu limitati l-konsegwenzi negattivi għal-libertà tal-moviment ta’ persuni u oġġetti (il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri)

Għadha għaddejja

5.Appoġġ għal gruppi vulnerabbli

Ċerti gruppi huma aktar vulnerabbli għall-virus minn oħrajn. Dan jirrigwarda tliet kategoriji: (1) medikament vulnerabbli — bħall-anzjani u dawk b’kundizzjonijiet tas-saħħa sottostanti (eż. pressjoni għolja, dijabete, obeżità, eċċ.); u (2) soċjalment marġinalizzati — bħal dawk li jirrisjedu jew jaħdmu f’ċerti kuntesti fiżiċi suxxettibbli għal densità għolja u fejn diffiċli jinżamm it-begħid soċjali jew bli għandhom baġit finanzjarju mnaqqas għall-miżuri protettivi (bħan-nies fil-faqar) kif ukoll (3) professjonijiet li jinvolvu prossimità aktar mill-qrib għal każijiet ikkonfermati jew suspettati tal-COVID-19. Madwar nofs l-imwiet kollha f’xi Stati Membri kienu fost l-anzjani, b’mod partikolari fid-djar tal-kura. Barra minn hekk, il-kriżi tal-COVID-19 enfasizzat u aggravat l-inugwaljanzi eżistenti, inklużi żieda fil-każijiet ta’ vjolenza domestika, u peress li din laqtet b’mod sproporzjonat lill-komunitajiet marġinalizzati tas-soċjetà tagħna. Jenħtieġ li tifqigħat oħra ma jwasslux għall-espansjoni tad-diverġenzi soċjoekonomiċi fis-soċjetajiet Ewropej. Minħabba l-firxa ta’ gruppi differenti, il-miżuri għall-protezzjoni tas-saħħa rispettiva tagħhom jeħtieġ għalhekk jiġu adattati għal kull speċifiċità, peress li f’kull każ se jkun hemm ħtiġijiet u rekwiżiti differenti. Dan jinkludi wkoll il-ħtiġijiet tagħhom fir-rigward tal-appoġġ tas-saħħa mentali, li jindirizza pereżempju l-iżolament u s-solitudni. 

Ċirkustanzi speċifiċi jeħtieġu miżuri speċifiċi. Is-sitwazzjoni tal-ħaddiema fil-kura tas-saħħa, ħaddiema f’ambjenti ta’ kura fit-tul u ħaddiema oħra tal-ewwel linja, kif ukoll gruppi u kuntesti vulnerabbli bħal djar residenzjali, ser jeħtieġu monitoraġġ kontinwu u adegwat permezz ta’ ttestjar regolari sabiex jiġi evitat aktar tixrid tal-virus f’dawn iċ-ċirkustanzi. Barra minn hekk, tifqigħat f’ambjenti bħall-biċċeriji, il-minjieri, 49 ċerti żoni bl-arja kundizzjonata, jeħtieġu l-iskjerament immedjat ta’ kapaċitajiet ta’ kontroll ta’ tifqigħat biex jiġi żgurat li tali tifqigħat jibqgħu lokalizzati. Komunitajiet ta’ ħaddiema migranti jew staġjonali jeħtieġu wkoll attenzjoni speċifika.

Qasam ta’ Azzjoni Appoġġ għall-gruppi vulnerabbli

Kronoloġija

ØIfasslu u jimplimentaw testijiet b’densità għolja speċifika u strateġiji ta’ ttestjar ta’ livell baxx għal gruppi u ċirkustanzi vulnerabbli (l-Istati Membri u l-ECDC)

Lulju sa Awwissu

ØKondiviżjoni tal-aħjar prattiki fl-appoġġ għall-prevenzjoni, l-ittestjar u l-kura tal-COVID-19 fi gruppi soċjalment vulnerabbli u marġinalizzati u fi gruppi medikalment vulnerabbli (il-Kummissjoni Ewropea u l-ECDC)

Minn Lulju sa Settembru

ØIl-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki u l-għoti ta’ appoġġ psikoloġiku u tas-saħħa mentali lil gruppi vulnerabbli suxxettibbli għall-COVID-19 (il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri)

Minn Lulju sa Settembru

ØL-għoti ta’ taħriġ speċifiku online lill-persunal fuq quddiem nett li jaħdem ma’ gruppi vulnerabbli (ECDC)

Minn Lulju sa Settembru

6.It-tnaqqis tal-piż tal-influwenza staġjonali

Kull sena, l-influwenza staġjonali toħloq piż fuq is-sistemi tas-saħħa 50 . Tifqigħat simultanji ta’ influwenza staġjonali u tal-COVID-19, ipoġġu pressjoni konsiderevoli fuq is-sistemi tas-saħħa. Għalhekk, attivitajiet li jnaqqsu l-piż tal-influwenza staġjonali — li jkopru, pereżempju, sorveljanza akbar, ittestjar, aċċess għall-vaċċini u dijanjosi differenzjali — jeħtieġu kunsiderazzjoni immedjata.

Qasam ta’ Azzjoni Mitigazzjoni tal-influwenza staġjonali

Kronoloġija

ØŻieda fil-kopertura tat-vaċċinazzjoni tal-influwenza: bidu antiċipat għal kampanji ta’ vaċċinazzjoni u twessigħ tal-gruppi fil-mira (Stati Membri)

L-Istati Membri għandhom jikkunsidraw l-antiċipazzjoni ta’ kampanji ta’ vaċċinazzjoni u t-twessigħ tal-gruppi fil-mira.

Minn Lulju sa Settembru

ØJiġu żgurati akkwisti nazzjonali addizzjonali għall-vaċċini tal-influwenza (eż. permezz tal-produzzjoni eċċessiva tal-provvista) (l-Istati Membri)

Minn Lulju sa Settembru

ØGwida xjentifika għal infrastruttura tal-vaċċinazzjoni għall-influwenza staġjonali f’ċirkustanza ta’ tifqigħa tal-COVID-19 (ECDC)

Lulju

ØTħejjija ta’ infrastrutturi għall-vaċċinazzjoni adattati għall-influwenza staġjonali f’ambjent ta’ tifqigħatal-COVID-19 (eż. provvediment għal adozzjoni ta’ tilqim potenzjalment iktar mifrux kontra l-influwenza staġjonali) (Stati Membri)

Minn Lulju sa Settembru

ØL-iskambju tal-aħjar prattiki fil-programmi nazzjonali ta’ immunizzazzjoni għall-influwenza (il-Kummissjoni Ewropea u l-ECDC)

Dan jista’ jinkludi pjanijiet adattati għall-vaċċinazzjoni kontra l-influwenza staġjonali f’tifqigħa tal-COVID-19, jantiċipa d-domanda tal-popolazzjoni u jiżgura l-vaċċinazzjoni f’każ ta’ konfinament.

Minn Lulju sa Settembru

ØŻieda fil-kopertura tal-vaċċinazzjoni permezz ta’ kampanji ta’ sensibilizzazzjoni mmirati fuq il-postijiet tax-xogħol (EU-OSHA)

Settembru/Ottubru

ØLinji gwida għall-ġestjoni klinika u protokoll ta’ trattament għad-dijanjożi differenzjali u l-ġestjoni tal-influwenza u tal-COVID-19 (ECDC)

Lulju

III.KONKLUŻJONI

L-UE għandha tiżgura li tkun lesta għal żieda ġdida possibbli ta’ każijiet tal-COVID-19. Dan jirrikjedi azzjoni fuq perjodu qasir ta’ żmien u azzjoni kkoordinata b’mod qawwi biex jissaħħu l-oqsma ewlenin ta’ tħejjija u rispons. L-identifikazzjoni bikrija tal-każijiet u rispons rapidu biex jiġi evitat aktar tixrid, flimkien ma’ miżuri speċifiċi li jipproteġu lil dawk li huma l-aktar vulnerabbli fis-soċjetajiet tagħna, bħalissa huma l-aħjar mod biex nevitaw li jerġgħu jiddaħħlu restrizzjonijiet fuq skala kbira bħalma huma l-lockdowns. Filwaqt li tibni fuq il-ħidma li għaddejja bħalissa fl-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-Aġenziji tal-UE, din il-Komunikazzjoni stabbiliet l-azzjonijiet meħtieġa li għandhom jittieħdu.

Dawn l-isforzi għandhom ikunu sostnuti minn evidenza robusta u sforzi estensivi ta’ komunikazzjoni pubblika. Il-prevenzjoni ta’ mewġa ġdida ta’ każijiet tiddependi ħafna fuq l-imġiba individwali u l-aderenza mar-rakkomandazzjonijiet tas-saħħa pubblika. Viġilanza sostnuta minn kulħadd hija essenzjali biex jiġi żgurat li l-qofol tal-prekawzjonijiet bażiċi individwali jibqa’ dejjem fis-seħħ. Dan, min-naħa tiegħu, jiddependi mill-aċċettazzjoni u l-fehim tal-pubbliku tan-natura msejsa fuq is-sod u l-importanza ta’ dawn il-miżuri. Il-monitoraġġ tal-grad ta’ aċċettazzjoni soċjali u l-indirizzar ta’ tħassib soċjetali bikri ser ikunu fattur determinanti tal-iżviluppi futuri. Dawn l-isforzi ta’ komunikazzjoni jinvolvu wkoll rispons sistematiku u immedjat għad-diżinformazzjoni dwar il-pandemija tal-coronavirus 51 , filwaqt li għandhom isiru wkoll aktar sforzi biex tissaħħaħ ir-reżiljenza ċibernetika tal-infrastruttura tas-saħħa ewlenija. F’każ li Stat Membru jintroduċi mill-ġdid miżuri ta’ emerġenza, dawn għandhom jitfasslu b’mod imrażżan u limitat li ma jostakolax l-istat tad-dritt u d-demokrazija parlamentari.

Il-virus ma jiqafx mal-fruntieri tal-UE u huwa għalhekk li l-UE u l-Istati Membri tagħha qed jipprovdu aktar minn EUR 36 biljun f’għajnuna ta’ emerġenza, pontijiet għall-għajnuna umanitarja u appoġġ fit-tul lil pajjiżi terzi fil-bżonn. Hija waqqfet ukoll Pont tal-Għajnuna Umanitarja tal-UE biex iżżomm rabtiet ta’ trasport vitali għall-ħaddiema u l-provvisti umanitarji u ta’ emerġenza fil-qasam tas-saħħa.

Għalhekk, l-isforzi għandhom ikomplu b’koordinazzjoni ma’ atturi globali oħra, inklużi n-NU u d-WHO, biex jiġi żgurat ir-rispons internazzjonali meħtieġ għal din it-theddida globali għas-saħħa, inkluż l-aċċess ekwu għal vaċċin tal-COVID-19. Dan jeħtieġ jimxi id f’id mal-isforzi biex jiġu indirizzati l-impatti soċjoekonomiċi ta’ din il-kriżi, li jheddu li jħottu l-progress li sar fil-kisba tal-SDGs kif ukoll l-investiment fir-reżiljenza tal-pajjiżi sħab, b’mod partikolari permezz ta’ tisħiħ tas-sistema tas-saħħa, li b’hekk jirfed l-irkupru globali 52 . Dan huwa l-uniku mod biex tintemm il-kriżi pandemika attwali fl-UE u globalment.

Aktar minn kull sena oħra, trid tingħata attenzjoni biex jitnaqqas l-impatt tal-influwenza staġjonali tal-2020/2021 u jridu jiddaħħlu fis-seħħ attivitajiet minn issa biex dan ix-xenarju jittaffa. L-effetti kkombinati ta’ tifqigħat simultanji tal-COVID-19 li jaħbtu ma’ staġun qawwi tal-influwenza jistgħu jkomplu jagħfsu fuq il-limiti tas-sistemi tal-kura tas-saħħa tagħna.

Il-Kummissjoni Ewropea se tkompli taħdem id f’id mal-Istati Membri fil-ġlieda kontra l-COVID-19. Flimkien, ser inkomplu niffinanzjaw ir-riċerka biex jitbassru l-firxa u l-riżurġenza u biex jiġi appoġġat l-iżvilupp tal-kontromiżuri mediċi meħtieġa. Se nippromwovu wkoll l-identifikazzjoni u t-tixrid ta’ prattiki lokali tajbin. Permezz ta’ pjan ta’ rkupru ambizzjuż appoġġat minn baġit ġdid fit-tul għall-2021-27 u l-istrument tal-UE tal-Ġenerazzjoni li Jmiss, l-Ewropa se tinvesti wkoll biex tiżgura l-irkupru u r-reżiljenza tagħha kontra tifqigħat futuri possibbli tal-COVID-19, tappoġġa bidliet strutturali fis-sistemi tal-kura tas-saħħa u ssaħħaħ is-sistemi u l-kapaċitajiet ta’ ġestjoni tal-kriżijiet tal-Unjoni. L-Ewropa se tieħu t-tagħlimiet mill-kriżi tal-COVID-19 biex tiżgura li tkun aktar b’saħħitha, aktar magħquda u mgħammra aħjar biex taffronta kriżijiet futuri.

(1)

Id-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013 dwar theddid transkonfinali serju għas-saħħa u li tħassar id-Deċiżjoni Nru 2119/98/KE. ĠU L 293, 5.11.2013, p. 1–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

(2)

Traċċar tal-kuntatti għall-COVID-19: evidenza attwali, alternattivi għal espansjoni u valutazzjoni tar-riżorsi meħtieġa: https://www.ecdc.europa.eu/sites/default/files/documents/COVID-19-Contract-tracing-scale-up.pdf

(3)

Kif diġà deskritt fil-Pjan Direzzjonali Konġunt Ewropew lejn it-tneħħija tal-miżuri ta’ konteniment tal-COVID-19

(4)

 Dan tkabbar aktar bl-isfidi tal-iskalar ’il fuq tal-attivitajiet tat-traċċar tal-kuntatti billi, pereżempju, intużaw soluzzjonijiet bħall-użu ta’ persunal mhux mediku u l-adozzjoni ta’ software online

(5)

Kif diġà deskritt fil-Pjan Direzzjonali Konġunt Ewropew lejn it-tneħħija tal-miżuri ta’ konteniment tal-COVID-19

(6)

Id-data dwar l-għadd ta’ testijiet tal-RT-PCR imwettqa minn pajjiż issir kull ġimgħa mill-awtoritajiet nazzjonali tas-saħħa pubblika tal-UE/taż-ŻEE lis-Sistema Ewropea ta’ Sorveljanza (TESSy)

(7)

Aktar informazzjoni dwar akkwisti konġunti tista’ tinstab fl-anness

(8)

https://www.ecdc.europa.eu/en/publications-data/rapid-risk-assessment-coronavirus-disease-2019-covid-19-pandemic-tenth-update

(9)

https://ec.europa.eu/health/sites/health/files/ehealth/docs/covid-19_apps_en.pdf

(10)

Ir-Regolament (UE) 2016/679 (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) fil-verżjoni attwali tal-ĠU L 119, 04.05.2016; cor. ĠU L 127, 23.5.2018

(11)

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2296 tat-8 ta’ April 2020 dwar sett tal-għodod komuni tal-Unjoni għall-użu tat-teknoloġija u tad-data biex niġġieldu u noħorġu mill-kriżi tal-COVID-19, b’mod partikolari dwar l-applikazzjonijiet mobbli u l-użu ta’ data anonimizzata dwar il-mobbiltà

(12) https://ec.europa.eu/health/sites/health/files/ehealth/docs/covid-19_apps_en.pdf
(13)

Abbażi tal-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà, qed tiġi implimentata soluzzjoni interoperabbli għall-apps fl-hekk imsejħa arkitettura “deċentralizzata”, fejn il-kalkolu tar-riskju ta’ infezzjoni jseħħ fuq l-apparat u bħalissa għaddejja ħidma għall-interoperabbiltà ma’ sistemi “ċentralizzati”, fejn il-kalkoli tar-riskju jseħħu fuq il-backend server tal-awtorità tas-saħħa.

(14)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni għal Gwida dwar l-Applikazzjonijiet li jappoġġaw il-ġlieda kontra l-pandemija tal-COVID 19 b’rabta mal-protezzjoni tad-data, 2020/C 124 I/01 C/2020/2523. ĠU C 124I , 17.4.2020, p. 1–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV) u l-Linji Gwida 04/2020 tal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar l-użu ta’ data ta’ lokalizzazzjoni u għodod ta’ traċċar tal-kuntatt fil-kuntest tat-tifqigħa COVID-19, Adottata fil-21 ta’ April 2020

(15)

 Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1023 tal-15 ta’ Lulju 2020 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1765 fir-rigward tal-iskambju transfruntier ta’ data bejn l-applikazzjonijiet nazzjonali għall-apparati mobbli għat-traċċar tal-kuntatti u għat-twissija fir-rigward tal-ġlieda kontra l-pandemija tal-COVID-19 ĠU L 227 I, 16. 07.2020, p. 1.

(16)

Dan jirreferi fost l-oħrajn għall-miżuri li jirrigwardaw it-trasport imsemmija fit-taqsima 4 ta’ din il-Komunikazzjoni, bħall-implimentazzjoni tal-linji gwida dwar is-servizzi tat-trasport, kif ukoll il-gwida maħruġa mill-protokolli tal-Azzjoni Konġunta tal-Istati Membri b’Gateways Tajbin għas-Saħħa (https://www.healthygateways.eu/), il-protokolli tal-EASA/ECDC ( https://www.easa.europa.eu/sites/default/files/dfu/EASA-ECDC_COVID-19_Operational%20guidelines%20for%20management%20of%20passengers_v2.pdf ) u l-ħidma ta’ Aġenziji oħra rilevanti tal-UE, inkluż ħidmet l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA) u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji (ERA)

(17)

Ir-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa (IHR) jiddefinixxu punt ta’ dħul bħala “passaġġ għal dħul jew ħruġ internazzjonali ta’ vjaġġaturi, bagalji, merkanzija, kontejners, trasferimenti, merkanzija u pakketti postali, kif ukoll aġenziji u żoni li jipprovdu servizzi lilhom mad-dħul jew mal-ħruġ”

(18)

It-tipizzazzjoni molekulari hija mod kif jiġu sekwenzati u identifikati varjanti ta’ razez speċifiċi tal-virus. L-integrazzjoni ta’ tipizzazzjoni molekulari f’sorveljanza epidemjoloġika hija strument importanti għall-monitoraġġ u l-kontroll tal-pandemija. Din tgħin biex jiġi segwit kif il-virus fil-fatt jinfirex u jiġu identifikati evoluzzjonijiet possibbli matul iż-żmien.

(19)

Infezzjoni fil-faċilitajiet mediċi u tal-kura tas-saħħa

(20)

Diversi Stati Membri ħadu l-inizjattiva biex jimmonitorjaw il-preżenza ta’ residwi tal-COVID-19 fl-ilmijiet tal-iskart tagħhom. Il-JRC flimkien mad-DĠ ENV u bl-involviment ta’ DĠ SANTE ħadu l-inizjattiva biex jitnieda Studju Ġeneriku pan-Ewropew li jiġbor flimkien l-istudji ta’ referenza nazzjonali u reġjonali ewlieni f’approċċ uniku.

(21)

Studji bħal dawn għandhom l-għan li jiġbru informazzjoni dwar ir-rati ta’ infezzjonijiet fost il-popolazzjonijiet.

(22)

Taħt il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili, l-UE tappoġġa l-koordinazzjoni u tikkofinanzja l-Istati Membri tal-UE u sitt Stati Parteċipanti addizzjonali fl-għoti ta’ assistenza lil pajjiżi li jitolbu assistenza mill-UE. Mit-23 ta’ Ġunju, l-ERCC irċieva 47 talba għal assistenza, relatati mal-pandemija tal-COVID-19, fir-rigward ta’ oġġetti mediċi u PPEs. Minn dawn it-talbiet, 16 biss ġew issodisfati parzjalment.

(23)

L-industrija farmaċewtika għandha rwol importanti biex jingħeleb ir-riskju ta’ skarsezzi ta’ prodotti u servizzi essenzjali li jirriżultaw minn tifqigħat tal-COVID-19 fl-UE. Iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali u l-isfidi li jirriżultaw minnhom jistgħu jikkawżaw il-ħtieġa għal impriżi li jikkooperaw ma’ xulxin sabiex jegħlbu, jew mill-inqas itaffu, l-effetti tal-kriżi għall-benefiċċju aħħari taċ-ċittadini. Fit-8 ta’ April 2020, il-Kummissjoni adottat il-Komunikazzjoni Qafas Temporanju għall-valutazzjoni ta’ kwistjonijiet dwar l-antitrust relatati mal-kooperazzjoni kummerċjali b’reazzjoni għal sitwazzjonijiet ta’ urġenza li jirriżultaw mit-tifqigħa attwali tal-COVID-19 (“Qafas Temporanju”, ĠU C 116I, 8.4.2020, p. 7–10). Din tistabbilixxi l-kriterji ewlenin li l-Kummissjoni se tapplika meta tivvaluta skont ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE l-proġetti ta’ kooperazzjoni li għandhom l-għan li jindirizzaw l-iskarsezza ta’ provvista ta’ prodotti u servizzi essenzjali waqt it-tifqigħa tal-coronavirus. Il-Qafas Temporanju jipprevedi wkoll il-possibbiltà li l-kumpaniji jingħataw garanzija bil-miktub (permezz ta’ “ittri ta’ garanzija” ad hoc) dwar proġetti speċifiċi ta’ kooperazzjoni li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. Fuq il-bażi tal-Qafas Temporanju, il-Kummissjoni fit-8 ta’ April 2020 ħarġet ittra ta’ garanzija lil “Medicines for Europe”, assoċjazzjoni ta’ manifatturi farmaċewtiċi, u kumpaniji parteċipanti b’rabta ma’ proġett ta’ kooperazzjoni volontarja li jindirizza r-riskju ta’ skarsezza ta’ mediċini kritiċi għall-isptarijiet għat-trattament tal-pazjenti tal-coronavirus ( https://ec.europa.eu/competition/antitrust/medicines_for_europe_comfort_letter.pdf ).

(24)

 IR-REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/568 tat-23 ta’ April 2020 li jagħmel l-esportazzjoni ta’ ċerti prodotti soġġetta għall-produzzjoni ta’ awtorizzazzjoni ta’ esportazzjoni

(25)

Ipprovduti temporanjament mis-CEN u s-CENELEC, fuq talba tal-Kummissjoni, għal maskri tal-wiċċ, ingwanti, ilbies mediċi u protettivi u ventilaturi respiratorji, biex jiġu appoġġati l-produzzjoni u t-tqegħid fis-suq ta’ provvista essenzjali.

(26)

 L-akkwisti konġunti tal-UE jkopru tagħmir ta’ protezzjoni personali, ventilaturi u mediċini tal-ICU — hemm aktar informazzjoni disponibbli fl-anness

(27)

F’Mejju 2020, il-Kummissjoni Ewropea talbet lis-CEN jiżviluppa speċifikazzjonijiet tekniċi dwar l-għoti tal-wiċċ fil-komunità. Fis-17 ta’ Ġunju 2020, ġie rilaxxat il-Ftehim tal-Workshop tas-CEN CWA 17553 dwar “Community face coverings - Guide to minimum requirements, methods of testing and use”.

(28)

Il-linji gwida stabbiliti fl-Anness 2 tal-Komunikazzjoni dwar ir-rispons ekonomiku kkoordinat għat-tifqigħa tal-COVID-19: COM(2020) 112 tat-13.3.2020

(29)

C (2020) 2272 tat-8.4.2020.

(30)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/491 tat-3 ta’ April 2020 dwar l-eżenzjoni mid-dazji ta’ importazzjoni u l-eżenzjoni mill-VAT fuq l-importazzjoni mogħtija għall-oġġetti meħtieġa biex jiġu miġġielda l-effetti tat-tifqigħa tal-COVID-19 matul l-2020. Il-miżura tapplika sal-31 ta’ Lulju, iżda probabbilment se tiġi estiża sal-31 ta’ Ottubru 2020 peress li l-Istati Membri għadhom qed jirrappurtaw skarsezzi f’dawn il-prodotti.

(31)

Dan jagħmel fondi disponibbli biex jiġu ttrasportati provvisti mediċi vitali lejn u fi ħdan l-UE u li jappoġġaw it-trasport ta’ persunal mediku u ta’ pazjenti bejn l-Istati Membri

(32)

Il-Kamra tal-Ikklerjar tal-Kummissjoni tirrapporta skarsezzi kontinwi relatati ma’ ġagagi/beritti/għata taż-żraben, maskri kirurġiċi/mediċi, maskri FFP (it-tipi kollha), ingwanti mediċi, aċċessorji tal-ventilaturi, tubi endotrakeali, testijiet tal-PCR, testijiet ta’ antiġeni, tagħmir tat-testijiet (magni tal-laboratorju, eċċ.); reaġenti. oġġetti konsumabbli tal-laboratorju, swabs, mediċini anestetiċi/sedattivi, rilassanti tal-muskoli, antibijotiċi & analġeżiċi/kortikosterojdi.

(33)

Il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja l-miżuri nazzjonali meħuda mill-Istati Membri u tassisti lill-Istati Membri sabiex jipprevjenu kwalunkwe ostaklu mhux meħtieġ għall-moviment liberu tal-merkanzija bl-użu ta’ għodod disponibbli bħat-Task Force dwar l-Infurzar tas-Suq Uniku, id-Direttiva dwar it-Trasparenza tas-Suq Uniku (id-Direttiva 2015/1535 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tar-relazzjonijiet tekniċi). 

(34)

Akkwisti konġunti addizzjonali jistgħu jitniedu biex ikopru, pereżempju, mediċini u terapewtiċi għal kull unità ta’ kura intensiva.

(35)

Mill-baġit tal-Istrument għall-Appoġġ ta’ Emerġenza, EUR 100 miljun huma allokati għax-xiri ta’ materjal relatat mal-kura tas-saħħa.

(36)

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/414 tad-19 ta’ Marzu 2020 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/570 fir-rigward tal-kapaċitajiet tar-rescEU ta’ kumulazzjoni ta’ riżerva medika (notifikata bid-dokument C(2020) 1827). Din tippermetti l-ħżin ta’ kontromiżuri mediċi bħal vaċċini u terapiji, provvisti tal-laboratorju, tagħmir mediku ta’ kura intensiva jew tagħmir ta’ protezzjoni personali li għandu l-għan li jiġġieled kontra theddid transkonfinali serju għas-saħħa.  

(37)

Dan jinkludi kapaċitajiet suffiċjenti għal strutturi ta’ sptarijiet alternattivi (eż. strutturi tal-kura primarja għall-ġestjoni tal-pazjenti barra mill-isptarijiet) u sodod ta’ kura intensiva, kif ukoll biżżejjed persunal imħarreġ fil-kura tas-saħħa f’ambjent primarju, fi sptar, f’kura terzjarja u f’kura fid-dar u b’alternanza ta’ persunal fil-kura tas-saħħa biex tittaffa l-għeja tal-persunal.

(38)

Pereżempju, meta jkun ġie eżawrit livell nazzjonali ta’ ppjanar għal skambji ta’ persunal tal-kura tas-saħħa u trasferiment ta’ pazjenti.

(39)

Il-Kummissjoni u l-ECDC ħadmu mal-Istati Membri biex jappoġġaw it-tneħħija gradwali u f’fażijiet ta’ dawn il-miżuri kif ukoll it-tneħħija koordinata tar-restrizzjoni temporanja fuq l-ivvjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE. Saret valutazzjoni epidemjoloġika regolarment permezz tal-Valutazzjonijiet tar-Riskju Rapidi tal-ECDC.

(40)

Il-Kummissjoni ressqet pakkett ta’ linji gwida u rakkomandazzjonijiet biex tappoġġja lill-Istati Membri, b’ħarsa speċifika lejn itt-turiżmu u t-trasport : https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/QANDA_20_870

(41)

Postijiet tax-Xogħol li Jġibu ’l Quddiem is-Saħħa Jwaqqfu l-Pandemija: COVID-19: Riżorsi għall-postijiet tax-xogħol. (https://osha.europa.eu/mt/themes/covid-19-resources-workplace)

(42)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Korsiji Ħodor skont il-Linji Gwida għall-miżuri ta’ ġestjoni tal-fruntieri biex tiġi protetta s-saħħa u tiġi żgurata d-disponibbiltà tal-oġġetti u tas-servizzi essenzjali, ĠU C 96I , 24.3.2020, p. 1.

(43)

COVID-19: Linji gwida għal miżuri ta' ġestjoni tal-fruntieri li jipproteġu s-saħħa u li jiżguraw id-disponibbiltà ta' oġġetti u servizzi essenzjali, ĠU C 86I,16.3.2020, p.1.

(44)

Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar Linji Gwida tal-Kummissjoni Ewropea: L-iffaċilitar tal-Operazzjonijiet tal-Merkanzija bl-Ajru waqt it-tifqigħa tal-COVID-19, ĠU C 100I, 27.3.2020, p. 1.

(45)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COVID-19 Linji Gwida rigward l-eżerċitar tal-moviment liberu tal-ħaddiema, ĠU C 102I, 30.3.2020, p. 12.

(46)

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Linji gwida dwar il-ħarsien tas-saħħa tal-baħħara, tal-passiġġieri u ta’ persuni oħrajn li jkunu jinsabu abbord il-bastimenti u dwar ir-ripatrijazzjoni u l-arranġamenti tal-ivvjaġġar tagħhom, ĠU C 119, 14.4.2020, p. 1.

(47)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Linji gwida rigward ir-restawr progressiv tas-servizzi tat-trasport u tal-konnettività – COVID-19, ĠU C 169, 15.5.2020, p. 17.

(48)

Avviż tal-Kummissjoni Linji Gwida Interpretattivi rigward ir-regolamenti tal-UE dwar id-drittijiet tal-passiġġieri fil-kuntest tas-sitwazzjoni li qed tiżviluppa b’rabta mal-COVID-19, ĠU C 89I, 18.3.2020, p. 1.; Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/648 tat-13 ta’ Mejju 2020 dwar vouchers offruti lill-passiġġieri u lill-vjaġġaturi bħala alternattiva għar-rimborż ta’ pakketti tal-ivvjaġġar u servizzi tat-trasport ikkanċellati fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19, ĠU L 151, 14.5.2020, p. 10.

(49)

Dawn huma eżempji oħra attwali ta’ ċirkustanzi fejn seħħu tifqigħat li iżda ma jxejnux il-possibbiltà ta’ riskju ta’ aktar tifqigħat f’ċirkustanzi oħra.

(50)

B’madwar 40.000 mewta fl-istaġun 2018/19 fl-UE.

(51)

KOMUNIKAZZJONI KONĠUNTA LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI — Nindirizzaw id-diżinformazzjoni dwar il-COVID-19 - X’inhuma l-fatti

COM/2020/8 final

(52)

Il-Kummissjoni Ewropea pprovdiet appoġġ addizzjonali għall-kollaborazzjoni internazzjonali b’rispons għall-COVID-19, fost oħrajn permezz ta’ appoġġ għall-appell tad-WHO għal kollaborazzjoni globali għal żvilupp aċċellerat, produzzjoni u Aċċess globali ekwu għall-Għodod tal-COVID-19 — l-Aċċeleratur ACT, b’mod partikolari permezz tal-Kummissjoni u s-sħab globali li jagħtu bidu għar-rispons Globali kontra l-Coronavirus (kampanja globali ta’ impenji)


Brussell, 15.7.2020

COM(2020) 318 final

ANNESS

tal-

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

L-istat ta' tħejjija tal-UE fuq medda qasira ta' żmien fil-qasam tas-saħħa għal tifqigħat tal-COVID-19


ANNESS  
.  
ĦARSA ĠENERALI — L-AKKWIST KONĠUNT

Il-Ftehim ta’ l-Akkwist Konġunt — Bażi Ġuridika u Objettivi

Fl-10 ta’ April 2014, il-Kummissjoni adottat il-Ftehim dwar l-Akkwist Konġunt (JPA) 1 għall-istituzzjonijiet tal-UE, flimkien mal-Istati li ngħaqdu mal-JPA, biex jixtru: Vaċċini; Antivirali u kontromiżuri Mediċi għal theddid transkonfinali serju għas-saħħa. Minn April 2020 il-JPA ffirmawh is-27 pajjiż tal-UE, ir-Renju Unit, it-tliet (3) pajjiżi taż-ŻEE (in-Norveġja, l-Iżlanda u l-Liechtenstein) u l-Albanija, il-Bosnja-Ħerzegovina, il-Montenegro, is-Serbja, il-Maċedonja ta’ Fuq u l-Kosovo 2 wkoll 3 . Dawn il-pajjiżi jistgħu jieħdu sehem fi kwalunkwe proċedura ta’ akkwist konġunt futura. Il-Ftehim dwar l-Akkwist Konġunt ġie ffirmat minn 37 sieħeb u jkopri 537 miljun persuna. Il-mekkaniżmu tal-akkwist konġunt ġie stabbilit bl-objettiv li jitjieb l-istat ta’ tħejjija tal-Istati Membri biex jirrispondu għal sitwazzjonijiet ta’ emerġenza, jiġifieri biex jiġu stabbiliti stokkijiet ta’ kontromiżuri mediċi qabel ma sseħħ sitwazzjoni ta’ emerġenza. Dan ma kienx primarjament imfassal bħala għodda li għandha tintuża waqt sitwazzjoni ta’ emerġenza. Iċ-ċirkostanzi attwali jenfasizzaw ir-rilevanza tal-istat tat-tħejjija filwaqt li jqiegħdu pressjoni enormi fuq il-mekkaniżmu. Madankollu, l-istrumenti, anke jekk taħt pressjoni, diġà bdew, jagħtu prova tal-utlitità tagħhom.

Modalitajiet prattiċi & Veloċità tal-implimentazzjoni tal-Akkwisti Konġunti relatati ma’ COVID-19

Fil-kuntest ta’ COVID-19, il-proċedura nnegozjata tintuża għal raġunijiet ta’ urġenza estrema. Dan ifisser li l-offerenti potenzjali jiġu identifikati permezz ta’ analiżi tas-suq u l-kumpaniji mistiedna biss jistgħu jitfgħu offerta. Ladarba tingħata l-offerta, l-Istati Membri parteċipanti jirċievu l-kwantità totali tal-miżuri ordnati jew riżervati. Madankollu, ir-rata ta’ twassil tiddependi fuq il-kapaċità ta’ produzzjoni tal-manifatturi u l-kriterji ta’ allokazzjoni applikabbli. L-allokazzjoni finali tal-ammonti disponibbli ta’ kontromiżuri mediċi tiġi allokata mill-kumitat ta’ direzzjoni speċifiku. Il-Kummissjoni fuq l-inizjattiva tagħha pproponiet numru ta’ miżuri ta’ eċċezzjoni biex tħaffef il-proċessi. Il-proċessi jitnaqqsu biż-żmien meħtieġ għall-Istati Membri interessati kollha biex ilestu s-sottomissjoni tal-ħtiġijiet u permezz tar-reattività tal-kumpaniji/tas-suq.

Akkwisti Konġunti attwali relatati ma’ COVID-19

Tnedew ħames akkwisti konġunti ta’ proċeduri ta’ akkwist li jkopru t-tagħmir ta’ protezzjoni personali, il-ventilaturi u t-tagħmir tal-laboratorju. Għall-ewwel akkwist fuq il-PPE, l-Istati Membri setgħu jordnaw l-ingwanti mill-bidu ta’ April ’l quddiem. Mill-bidu ta’ Mejju, l-Istati Membri setgħu wkoll jordnaw il-coveralls. Għat-tieni akkwist fuq il-PPE, l-Istati Membri setgħu jordnaw il-maskri tal-għajnejn (goggles), l-ilqugħ tal-wiċċ (shields) u l-maskri mill-bidu ta’ April. Għat-tielet akkwist, għall-ventilaturi, l-Istati Membri jistgħu jordnaw sa mill-15 ta’ April. Għar-raba’ akkwist konġunt fuq it-tagħmir tal-laboratorju, l-Istati Membri diġà għandhom il-possibbiltà li jordnaw sa minn Mejju. Għall-ħames akkwist konġunt fuq il-mediċini tal-ICU tnediet offerta fis-17 ta’ Ġunju.

Il-kuntratti għat-tagħmir ta’ protezzjoni personali u għall-ventilaturi u t-tagħmir tal-laboratorju se jipprovdu lill-Istati Membri b’limitu massimu tal-baġit ta’ aktar minn EUR 3.3 biljun ta’ provvisti kritiċi li jistgħu jakkwistaw matul sena (1) waħda 4 .

Akkwisti konġunti oħrajn jistgħu jitnedew fi kwalunkwe waqt jekk ifeġġ il-bżonn. Biex jitnedew, jenħtieġu mill-inqas erba’ Stati Membri u l-Kummissjoni.

(1)

Id-dispożizzjonijiet għall-JPA huma inklużi fl-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 1082/2013/UE .

(2)

Dan l-isem huwa mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u huwa konformi mal-UNSCR 1244/1999 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.

(3)

Wara s-sejħa tal-Kunsill Ewropew tat-26 ta’ Marzu 2020 biex jinfetaħ il-Ftehim ta’ Akkwist Konġunt għall-Balkani tal-Punent, bdew id-diskussjonijiet mas-sitt sħab ikkonċernati. Xi pajjiżi għadhom ma lestewx il-proċeduri ta’ approvazzjoni nazzjonali tagħhom. Sakemm jinnotifikaw lill-Kummissjoni billi jissottomettu l-Anness II, m’għandhomx jitqiesu għall-iskop li jintlaħqu ftehim komuni, maġġoranza kwalifikata jew maġġoranza sempliċi skont il-Ftehim.

(4)

 (Jistgħu jseħħu aġġustamenti għal-limiti massimi hekk kif jiġu negozjati aktar kuntratti.)