IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 9.7.2020
COM(2020) 302 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
Rapport tal-2019 dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni
{SWD(2020) 126 final}
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI
Rapport tal-2019 dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni
1. Introduzzjoni
Is-sena 2019 immarkat il-bidu ta’ terminu ġdid għall-Unjoni Ewropea. Wara l-elezzjonijiet li saru f’Mejju, li kellhom l-ogħla numru ta’ votanti globali mill-1994 (50,66 %), il-Parlament Ewropew ta l-approvazzjoni tiegħu lill-Kummissjoni Ewropea l-ġdida fuq il-bażi tal-prijoritajiet li ġew deskritti fil-Linji Gwida Politiċi tal-President eletta Ursula von der Leyen.L-ittra ta’ missjoni indirizzata lil Margrethe Vestager, Viċi President Eżekuttiv għal Ewropa xierqa għall-Era Diġitali, tenfasizza l-ħtieġa li “niżguraw li l-politika u r-regoli tagħna dwar il-kompetizzjoni jkunu adatti għall-ekonomija moderna, jiġu infurzati b’mod vigoruż u jikkontribwixxu għal industrija Ewropea b’saħħitha, kemm internament kif ukoll fix-xena globali”.
Is-sisien tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-UE huma rilevanti llum daqs kemm kienu meta ġie ffirmat it-Trattat ta’ Ruma aktar minn 60 sena ilu. Ir-regoli tal-kompetizzjoni Ewropej jippermettu lin-negozji ta’ kull daqs ikollhom ċans ġust li jikkompetu u jgħinu lill-konsumaturi Ewropej jiksbu ftehim ġust fis-suq intern. L-infurzar tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE jgħin biex jinħolqu swieq miftuħa u kompetittivi li jagħmlu lill-kumpaniji Ewropej aktar effiċjenti, innovattivi u kapaċi jikkompetu fuq skala globali. Fl-2019, il-politika tal-kompetizzjoni u l-azzjonijiet ta’ infurzar tal-Kummissjoni komplew jimmiraw lejn imġiba u miżuri antikompetittivi fi swieq li huma importanti għaċ-ċittadini u għan-negozji fl-UE, bħas-settur tat-telekomunikazzjoni u dak diġitali, l-enerġija u l-ambjent, il-manifattura, is-servizzi finanzjarji, it-tassazzjoni, l-agrikoltura u l-ikel u t-trasport.
Fl-istess ħin, huwa importanti li l-qafas tal-kompetizzjoni tal-UE jibqa’ adattat għal dinja li qed tinbidel b’mod mgħaġġel, billi kontinwament jadatta għall-ekonomija moderna li hija ekoloġika u diġitali. B’mod partikolari, il-politika tal-kompetizzjoni Ewropea trid tindirizza sfidi ġodda marbuta mal-użu ta’ data, algoritmi u swieq li jinbidlu malajr f’ambjent dejjem aktar diġitali, kif ukoll issaħħaħ in-netwerks ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri u l-Kummissjoni biex tappoġġa l-kompetizzjoni ġusta fis-suq uniku. Fl-istess ħin, bħalissa qed isiru evalwazzjonijiet tar-regoli rilevanti dwar l-għajnuna mill-Istat, inklużi l-linji gwida dwar l-ambjent u l-enerġija, li se jiġu riveduti wkoll biex ikunu jirriflettu l-għanijiet ta’ politika tal-Patt Ekoloġiku Ewropew.
F’April 2019, il-Kummissjoni ppubblikat ir-Rapport “Il-politika tal-kompetizzjoni għall-era diġitali”, minn tliet Konsulenti Speċjali indipendenti, maħsub biex jipprovdi kontribut għall-proċess ta’ riflessjoni kontinwu tal-Kummissjoni dwar kif il-politika tal-kompetizzjoni tista’ taqdi bl-aħjar mod lill-konsumaturi Ewropej f’dinja diġitali li qed tinbidel malajr. Ir-rapport janalizza l-karatteristiċi ewlenin tal-ekonomija diġitali – ir-redditi estremi fuq l-iskala tas-servizzi diġitali, l-esternalitajiet tan-netwerk u r-rwol tad-data – li taw lok għal parteċipanti diġitali eżistenti kbar.
Fl-2019, sabiex jiġi żgurat li d-dritt tal-kompetizzjoni jibqa’ adattat għall-iskop tiegħu, il-Kummissjoni wettqet eżerċizzji ta’ evalwazzjoni wiesgħa, bl-għan li tivvaluta l-funzjonament tar-regoli tal-kompetizzjoni sabiex tipprovdi bażi għad-deċiżjonijiet dwar il-ħtieġa għat-titjib tal-kapaċità tagħha li tindirizza ħafna minn dawn l-isfidi u biex ittejjeb l-effettività tal-infurzar tagħha. Ir-rieżami jkopri r-regolamenti dwar l-antitrust li se jiskadu fil-mandat il-ġdid u l-linji gwida rispettivi, għadd ta’ regoli u gwida dwar l-għajnuna mill-Istat, u l-evalwazzjoni li tinsab għaddejja ta’ ċerti regoli dwar il-kontroll tal-fużjonijiet. Fi tmiem is-sena, il-Viċi President Eżekuttiv Vestager ħabbret ukoll it-tnedija tar-rieżami tal-Avviż dwar id-Definizzjoni tas-Swieq.
Il-politika tal-kompetizzjoni għandha wkoll sehem sinifikanti fil-politika industrijali moderna tal-UE, bl-għan li l-kumpaniji Ewropej isiru aktar innovattivi u, għalhekk, ikunu aktar kompetittivi fuq skala internazzjonali. Ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat jappoġġaw dan l-objettiv fejn ikun hemm fallimenti tas-suq u ħtieġa li jissaħħu l-ktajjen tal-valur. F’Diċembru 2018 u f’Diċembru 2019, il-Kummissjoni sabet li żewġ proġetti nnotifikati b’mod konġunt minn għadd ta’ Stati Membri fl-oqsma prijoritarji Ewropej tal-mikroelettronika u l-batteriji, rispettivament, kienu konformi mar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat u jikkontribwixxu għal interess Ewropew komuni. L-Istati Membri parteċipanti se jipprovdu sa EUR 5 biljun f’finanzjament għal dawn iż-żewġ proġetti flimkien, li flimkien għandhom l-għan li jisfruttaw EUR 11-il biljun addizzjonali f’investimenti privati.
Il-politika tal-kompetizzjoni tal-UE hija implimentata permezz tal-infurzar ta’ regoli bbażati fuq it-Trattat, imsejsa fuq analiżi ekonomika rigoruża u proċess ġust bir-reqqa. Għalhekk, in-nondiskriminazzjoni, l-infurzar trasparenti u prevedibbli, id-dritt li tinstema’, kif ukoll il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità, huma kollha prinċipji u standards ewlenin, li l-Kummissjoni timplimenta fil-prattika tal-infurzar tagħha u li hija tippromwovi mad-dinja kollha.
Il-Kummissjoni taħdem id f’id mal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri u mal-qrati nazzjonali biex tinforza r-regoli tal-kompetizzjoni Ewropej. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni tikkoopera b’mod attiv mal-fora internazzjonali rilevanti u ma’ aġenziji tal-kompetizzjoni madwar id-dinja biex tiżviluppa kundizzjonijiet ekwi tassew globali. Fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, il-Kummissjoni wettqet negozjati dwar il-kummerċ elettroniku u s-servizzi tat-telekomunikazzjoni, kif ukoll dwar it-titjib tar-regoli internazzjonali dwar is-sussidji.
Ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE jappoġġaw it-tkabbir u l-iżvilupp ta’ kumpaniji Ewropej b’saħħithom, kemm jekk huma intrapriżi kbar, kif ukoll jekk huma żgħar jew ta’ daqs medju. Madankollu, fil-livell globali, id-ditti Ewropej jiffaċċjaw għadd ta’ sfidi fir-rigward tal-kundizzjonijiet ekwi. Għodod oħrajn għajr il-liġi tal-kompetizzjoni huma aktar adatti biex jindirizzaw dawn l-isfidi. Ir-riflessjoni li tinsab għaddejja tal-Kummissjoni tinkludi l-punt sa fejn is-sett ta’ għodod eżistenti tal-UE jistgħu jindirizzaw l-effetti distorsivi ta’ sussidji barranin u sjieda statali u liema (kombinazzjoni ta’) strumenti addizzjonali jistgħu jkunu meħtieġa.
Dan ir-rapport huwa sommarju mhux eżawrjenti tal-attivitajiet imwettqa mill-Kummissjoni fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni matul is-sena 2019 (il-Parti I). Bħala tali, dan ir-rapport ma jkoprix l-azzjonijiet tal-Kummissjoni biex tappoġġa l-ekonomija tal-UE fil-kuntest tat-tifqigħa tal-COVID-19. Informazzjoni addizzjonali u aktar dettaljata dwar l-attivitajiet deskritti fir-rapport tista’ tinstab fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjah (il-Parti II) u fuq is-sit web tad-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni
.
2. It-tisħiħ ulterjuri tal-effikaċja tal-politika tal-kompetizzjoni u l-infurzar tal-UE
Fl-2019, il-Kummissjoni tat bidu għal evalwazzjoni komprensiva u rieżami tar-regoli tal-kompetizzjoni u l-linji gwida tagħha sabiex tivvaluta kemm dawn għadhom adatti għall-iskop tagħhom. .
Il-Kummissjoni tniedi “kontroll tal-idoneità” tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat
F’Mejju 2012, il-Kummissjoni nediet pakkett kbir ta’ riformi, imsejjaħ il-Modernizzazzjoni tal-Għajnuna mill-Istat, li rriżulta fir-reviżjoni mill-2013 ta’ għadd kbir ta’ regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. Dan il-pakkett ta’ riformi komprensiv ippermetta lill-Istati Membri jimplimentaw malajr miżuri ta’ għajnuna mill-Istat li jrawmu l-investiment, it-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi.
F’Jannar 2019, il-Kummissjoni nediet proċess immirat biex jevalwa r-regoli taħt il-pakkett ta’ Modernizzazzjoni tal-Għajnuna mill-Istat f’konformità mal-Linji Gwida tal-Kummissjoni għal Regolamentazzjoni Aħjar u, konsegwentement, jestendi l-validità ta’ dawk ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat li altrimenti jiskadu sa tmiem l-2020. L-evalwazzjoni tieħu l-forma ta’ “kontroll tal-idoneità”, u se tħejji għal reviżjoni tal-linji gwida rilevanti fid-dawl tal-objettivi ta’ politika tal-Patt Ekoloġiku Ewropew.
Il-“kontroll tal-idoneità” tal-pakkett ta’ modernizzazzjoni tal-għajnuna mill-Istat, il-linji gwida dwar il-ferroviji u l-assigurazzjoni tal-kreditu għall-esportazzjoni fuq perjodu ta’ żmien qasir
L-għan tal-“kontroll tal-idoneità” huwa li jiġu analizzati r-rilevanza, l-effikaċja, l-effiċjenza, il-koerenza u l-valur miżjud tal-UE ta’ dawn ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, filwaqt li fl-istess ħin tiġi pprovduta bażi għad-deċiżjonijiet mill-Kummissjoni rigward l-estensjoni ulterjuri potenzjali jew possibbilment l-aġġornament tar-regoli.
Il-“kontroll tal-idoneità” jkopri żewġ Regolamenti u disa’ Linji Gwida, kif ġej:
- ir-Regolament għall-Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa u r-Regolament de minimis,
- il-Linji Gwida dwar l-għajnuna Reġjonali,
- il-Qafas ta’ Riċerka u Żvilupp,
- il-Komunikazzjoni tal-IPCEI,
- il-Linji Gwida dwar il-Finanzjament tar-Riskju,
- il-Linji Gwida dwar l-Ajruporti u l-Avjazzjoni,
- il-Linji Gwida dwar l-Ambjent u l-Enerġija, kif ukoll
- il-Linji Gwida dwar is-Salvataġġ u r-Ristrutturar.
Barra minn hekk, il-Linji Gwida dwar il-Ferroviji u l-Komunikazzjoni dwar il-Kreditu għall-Esportazzjoni fuq perjodu ta’ żmien qasir, li ma fformawx parti mill-pakkett ta’ Modernizzazzjoni tal-Għajnuna mill-Istat tal-2012, huma inklużi wkoll fil-“kontroll tal-idoneità” li jinsab għaddej.
L-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati oħrajn kellhom l-opportunità li jipprovdu l-kontribut u l-kummenti tagħhom għall-“kontroll tal-idoneità” waqt konsultazzjoni pubblika, permezz ta’ diversi kwestjonarji. Il-konsultazzjoni ntemmet f’Lulju 2019, bl-eċċezzjoni tal-kwestjonarju tal-IPCEI, li kien miftuħ sal-aħħar ta’ Ottubru. Bħalissa qegħdin isiru wkoll serje ta’ studji.
Barra minn hekk, fi Frar 2019, il-Kummissjoni nediet konsultazzjonijiet pubbliċi biex tevalwa u tħejji r-reviżjoni tal-Linji Gwida eżistenti dwar ċerti miżuri ta’ għajnuna mill-Istat fil-kuntest tal-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra wara l-2012 (il-Linji Gwida tal-ETS). Il-Linji Gwida tal-ETS, li ġew adottati fl-2012 u li huma bbażati fuq l-Iskema tal-UE għall-Iskambju ta’ Kwoti tal-Emissjonijiet ta’ Gassijiet Serra tal-2005, stabbilixxew il-kundizzjonijiet li taħthom l-Istati Membri jistgħu jikkumpensaw lil xi kumpaniji f’ċerti setturi b’konsum għoli tal-elettriku għal parti mill-ispejjeż ogħla tal-elettriku li jirriżultaw mill-iskema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet tal-UE fil-perjodu 2013-2020. Meta jiskadu fil-31 ta’ Diċembru 2020, il-Linji Gwida tal-ETS tal-2012 se jiġu aġġornati biex jiġi żgurat li dawn jiġu adattati għall-iskema l-ġdida għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet tal-UE għall-perjodu 2021-2030.
Fl-aħħar nett, f’Ġunju 2019, il-Kummissjoni nediet evalwazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għas-Servizzi tas-saħħa u s-Servizzi soċjali ta’ Interess Ekonomiku Ġenerali (SGEI) u tar-Regolament de minimis dwar is-SGEI, li jiskadu f’Diċembru 2020. Bħala parti minn din l-evalwazzjoni, bejn Lulju u Diċembru 2019 twettqu konsultazzjoni pubblika u konsultazzjoni mmirata, li se jiġu kkunsidrati kif xieraq fl-eżerċizzju ta’ evalwazzjoni.
Il-Kummissjoni teżamina x-xejriet ġodda tas-suq fil-qasam tal-ftehim ta’ provvista vertikali u tal-ftehim ta’ kooperazzjoni orizzontali
Fl-2019, il-Kummissjoni bdiet l-evalwazzjoni tar-regoli li jeżentaw ċerti ftehimiet orizzontali
mir-regoli tal-kompetizzjoni ġenerali tal-UE. Ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE dwar ftehimiet orizzontali jinkludu żewġ Regolamenti ta’ Eżenzjoni ta’ Kategorija għal ftehimiet ta’ kooperazzjoni orizzontali li jeżentaw, rispettivament, ċerti ftehimiet ta’ riċerka u żvilupp, kif ukoll ftehimiet ta’ speċjalizzazzjoni mill-Artikolu 101 tat-TFUE. Il-Linji Gwida ta’ akkumpanjament dwar il-ftehimiet ta’ kooperazzjoni orizzontali (Linji Gwida Orizzontali) jipprovdu aktar gwida biex jgħinu lill-kumpaniji fl-isforzi tagħhom biex jidħlu fi ftehimiet ta’ kooperazzjoni konformi mal-liġi tal-kompetizzjoni, filwaqt li jagħtu wkoll rakkomandazzjonijiet dettaljati dwar suġġetti bħall-valutazzjoni kompetittiva ta’ skambji ta’ informazzjoni, xiri konġunt, kummerċjalizzazzjoni konġunta u standardizzazzjoni. Iż-żewġ Regolamenti ta’ Eżenzjoni ta’ Kategorija Orizzontali (Horizontal Block Exemption Regulations - HBERs) se jiskadu fil-31 ta’ Diċembru 2022. Filwaqt li l-Linji Gwida Orizzontali ma għandhomx data ta’ skadenza, huma se jiġu evalwati flimkien mal-HBERs.
Il-Kummissjoni għamlet progress konsiderevoli fl-evalwazzjoni tagħha tar-Regolament ta’ Eżenzjoni ta’ Kategorija Vertikali (Vertical Block Exemption Regulation - VBER)
u tal-Linji Gwida ta’ akkumpanjament dwar ir-Restrizzjonijiet Vertikali. Il-Kummissjoni nediet l-evalwazzjoni f’Ottubru 2018, fid-dawl tal-iskadenza tal-VBER fil-31 ta’ Mejju 2022. Fi Frar 2019, il-Kummissjoni nediet konsultazzjoni pubblika ta’ tliet xhur mal-partijiet ikkonċernati, segwita minn studju li sar f’Awwissu 2019 dwar ix-xejriet tas-suq fuq il-mudelli u l-istrateġiji tad-distribuzzjoni. Barra minn hekk, f’Novembru 2019, il-Kummissjoni organizzat sessjoni ta’ ħidma ta’ evalwazzjoni bil-parteċipazzjoni attiva tal-partijiet ikkonċernati, fejn iddiskutiet aktar fil-fond dwar oqsma ta’ interess partikolari għall-evalwazzjoni tal-VBER, b’enfasi fuq kif ir-regoli jkunu ta’ benefiċċju għall-konsumaturi.
Fi Frar 2019, il-Kummissjoni ppubblikat il-pjan direzzjonali ta’ evalwazzjoni tar-Regolament ta’ Eżenzjoni ta’ Kategorija għall-Vetturi bil-Mutur (Motor Vehicle Block Exemption Regulation - MVBER). Il-pjan direzzjonali wassal għal konsultazzjoni online ta’ erba’ ġimgħat mal-partijiet ikkonċernati. Barra minn hekk, ġie kkummissjonat studju biex jippermetti fehim aħjar ta’ kif il-kundizzjonijiet tas-suq evolvew fis-settur tal-vetturi bil-mutur matul l-aħħar għaxar snin. L-MVBER jiskadi f’Mejju 2023.
L-iskop ta’ dawn l-evalwazzjonijiet huwa li jippermettu lill-Kummissjoni tiddeċiedi jekk għandhiex tħalli r-regoli jiskadu, testendi l-ħajja tagħhom, jew tirrevedihom.
It-titjib tal-programm ta’ klemenza tal-UE
Sabiex ittejjeb aktar l-effikaċja tal-proċeduri tagħha, f’Marzu 2019, il-Kummissjoni nediet l-għodda online tagħha ta’ klemenza elettronika (“eLeniency”)
. Skont il-programm ta’ klemenza tal-UE, il-kumpaniji jew l-avukati tagħhom diġà jistgħu jissottomettu d-dikjarazzjonijiet ta’ klemenza tagħhom lill-Kummissjoni bil-posta elettronika f’kaxxa postali funzjonali jew permezz tal-proċedura orali. L-għodda ta’ klemenza elettronika (eLeniency) toffri t-tielet għażla biex id-dikjarazzjonijiet ta’ klemenza jiġu sottomessi online, bħala parti mill-applikazzjonijiet għall-klemenza (sabiex tingħata immunità minn multi jew għal tnaqqis ta’ multi), bħala parti mill-proċeduri ta’ saldu ta’ kartell, jew bħala parti mill-kooperazzjoni f’każijiet mhux relatati ma’ kartell. Għalhekk, hija tnaqqas l-ispejjeż u l-piż għall-kumpaniji u r-rappreżentanti legali tagħhom involuti fi proċedimenti bħal dawn, bl-istess garanziji jkunu applikabbli f’termini tal-kunfidenzjalità u l-protezzjoni legali. Sa mit-tnedija tagħha, il-Kummissjoni rċeviet għadd kbir ta’ dikjarazzjonijiet u dokumenti permezz ta’ eLeniency.
Tkompli l-ġlieda kontra l-kartelli
L-aċċess għal prodotti ta’ input bi prezzijiet adegwati huwa essenzjali f’era ta’ kompetizzjoni globali. Il-kartelli spiss ikunu jikkonċernaw prodotti intermedji, li jistgħu jkunu inputs vitali għall-industrija, u b’hekk jistgħu jaffettwaw kemm il-kompetittività tal-industrija Ewropea kif ukoll il-konsumaturi. L-infurzar tal-kompetizzjoni fl-2019 kompla jżomm dawn il-kartelli fil-mira tiegħu.
F’Marzu 2019, il-Kummissjoni mmultat lil Autoliv u TRW
, produtturi ta’ tagħmir għas-sikurezza tal-karozzi, EUR 368 miljun talli kisru r-regoli tal-UE dwar l-antitrust billi ħadu sehem f’żewġ kartelli għall-provvista ta’ ċinturini tas-sikurezza tal-karozzi, airbags u roti tal-istering għall-produtturi tal-karozzi Ewropej Volkswagen Group u BMW Group, rispettivament. It-tielet parteċipant fil-kollużjoni, Takata, ma ġiex immultat, minħabba li rċieva immunità sħiħa talli żvela ż-żewġ kartelli lill-Kummissjoni, f’konformità mal-proċedura ta’ klemenza tal-UE. Il-kumpaniji kollha rrikonoxxew l-involviment tagħhom fil-kartelli u qablu li jsolvu l-każ. Din id-deċiżjoni dwar il-kartell hija parti minn serje ta’ investigazzjonijiet kbar dwar kollużjonijiet fis-settur tal-parts tal-karozzi. Il-Kummissjoni diġà mmultat lil fornituri ta’ berings awtomobilistiċi, sistemi ta’ wajers miġburin fil-karozzi, fowm flessibbli użat (inter alia) fis-sedili tal-karozzi, ħiters tal-ipparkjar fil-karozzi u t-trakkijiet, alternaturi u starters, sistemi ta’ kundizzjonar tal-arja u tkessiħ tal-magna, sistemi tad-dawl, sistemi tas-sikurezza tal-okkupanti, u spark plaggs u sistemi tal-ibbrejkjar. Id-deċiżjoni tal-2019 iġġib l-ammont totali ta’ multi tal-Kummissjoni għall-kartelli f’dan is-settur għal EUR 2,15 biljun.
L-infurzar ta’ obbligi proċedurali fil-kontroll tal-fużjonijiet
Il-kontroll tal-fużjonijiet tal-UE jikkontribwixxi biex jiżgura li l-kumpaniji kollha li joperaw fis-swieq Ewropej ikunu kapaċi jikkompetu skont termini ġusti u ugwali, bi tranżazzjonijiet proposti li jistgħu jfixklu l-kompetizzjoni jkunu soġġetti għal skrutinju mill-qrib mill-Kummissjoni. Fl-2019, il-Kummissjoni kompliet tagħmel sforzi sinifikanti biex tinforza l-obbligi proċedurali skont ir-Regolament tal-UE dwar l-Għaqdiet
.
F’April 2019, il-Kummissjoni imponiet multa ta’ EUR 52 miljun fuq General Electric (GE)
talli pprovdiet informazzjoni skorretta matul ir-rieżami tal-akkwiżizzjoni tagħha ta’ LM Wind. Skont ir-Regolament tal-UE dwar l-Għaqdiet, il-Kummissjoni tista’ timponi multi sa 1 % tal-fatturat aggregat tal-kumpaniji, li intenzjonalment jew b’negliġenza jipprovdu informazzjoni skorretta jew qarrieqa lill-Kummissjoni. Din id-deċiżjoni dwar l-għoti ta’ multi ma kellha l-ebda impatt fuq l-approvazzjoni mill-Kummissjoni tat-tranżazzjoni skont ir-regoli tal-UE dwar il-fużjonijiet, li kienet ibbażata fuq informazzjoni rettifikata mit-tieni notifika.
Barra minn hekk, f’Ġunju 2019, il-Kummissjoni mmultat lil Canon
, il-manifattur ta’ immaġini u prodotti ottiċi li huwa bbażat fil-Ġappun, is-somma ta’ EUR 28 miljun talli implimenta parzjalment l-akkwiżizzjoni tiegħu ta’ Toshiba Medical Systems Corporation qabel in-notifika u l-approvazzjoni mill-Kummissjoni (l-hekk imsejjaħ “aġir qabel il-waqt”). Ir-regoli tal-UE dwar il-fużjonijiet jirrikjedu li l-kumpaniji li tkun qed issirilhom il-fużjoni jinnotifikaw il-fużjonijiet ippjanati b’dimensjoni tal-UE għal rieżami mill-Kummissjoni qabel l-implimentazzjoni tagħhom u li ma jimplimentawhomx qabel ma jiġu nnotifikati u approvati mill-Kummissjoni.
3. L-indirizzar ta’ sfidi ġodda fl-isfera diġitali, tat-telekomunikazzjoni u tal-midja
Permezz tal-inizjattiva politika tagħha “Ewropa xierqa għall-era diġitali”, il-President tal-Kummissjoni ddefinixxiet il-qasam diġitali bħala waħda mill-prijoritajiet ewlenin tagħha għall-mandat attwali tal-Kummissjoni. Il-politika tal-kompetizzjoni għandha rwol essenzjali u integrali biex jinkiseb Suq Uniku għas-servizzi diġitali li jiffunzjona sewwa.
F’April 2019, il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport “Il-politika tal-kompetizzjoni għall-era diġitali” kif imwassal mit-tliet Konsulenti Speċjali indipendenti dwar l-isfidi futuri tad-diġitalizzazzjoni għall-politika tal-kompetizzjoni.
Ir-Rapport dwar “Il-politika tal-kompetizzjoni għall-era diġitali”
Fir-rapport tagħhom, it-tliet Konsulenti Speċjali: (i) jidentifikaw dak li jaraw bħala l-karatteristiċi speċifiċi ewlenin tas-swieq diġitali; (ii) jipprovdu l-fehmiet tagħhom dwar l-għanijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-UE fl-era diġitali; u (iii) jiddiskutu l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni għall-pjattaformi u d-data diġitali, kif ukoll ir-rwol tal-kontroll tal-fużjonijiet fil-preservazzjoni tal-kompetizzjoni u l-innovazzjoni.
It-tliet Konsulenti Speċjali qiesu li l-qafas bażiku tad-dritt tal-kompetizzjoni huwa sod u flessibbli biżżejjed biex jipproteġi l-kompetizzjoni fl-era diġitali. Huma rrakkomandaw ukoll li jenħtieġ li l-karatteristiċi speċifiċi tal-pjattaformi, l-ekosistemi diġitali, u l-ekonomija tad-data jiġu kkunsidrati aħjar mill-infurzaturi u r-regolaturi tal-kompetizzjoni sabiex jiġi evitat li ċerta mġiba antikompetittiva sseħħ jew tibqa’ ma tiġix ikkastigata. Barra minn hekk, il-Konsulenti Speċjali huma tal-opinjoni li s-swieq diġitali jeħtieġu enfasi addizzjonali fuq it-teoriji tal-ħsara u l-identifikazzjoni ta’ strateġiji antikompetittivi. Fir-rigward tal-aċċess għad-data, skont l-awturi, regolament speċifiku għas-settur jista’ jipprovdi soluzzjonijiet li jkunu aktar effettivi. Bl-istess mod, ir-rapport fih analiżi u suġġerimenti speċifiċi dwar kwistjonijiet ta’ kontroll tal-fużjonijiet, kemm minn perspettiva ġuriżdizzjonali kif ukoll minn dik sostantiva.
Flimkien mas-sejħa għal kontribuzzjonijiet pubbliċi mis-7 ta’ Lulju sat-30 ta’ Settembru 2018, u l-konferenza “Insawru l-politika tal-kompetizzjoni fl-era tad-diġitalizzazzjoni”, li saret fi Brussell fis-17 ta’ Jannar 2019, ir-rapport huwa maħsub biex jipprovdi kontribut għall-proċess ta’ riflessjoni attwali tal-Kummissjoni dwar kif il-politika tal-kompetizzjoni tista’ taqdi bl-aħjar mod lill-konsumaturi Ewropej f’dinja li qed tinbidel malajr.
Fid-9 ta’ Diċembru 2019, il-Viċi President Eżekuttiv Vestager ħabbret ir-rieżami ppjanat tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar id-definizzjoni tas-suq rilevanti għall-finijiet tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Komunità (“Avviż dwar id-Definizzjoni tas-Suq”), li jipprovdi gwida dwar kif il-Kummissjoni tapplika l-kunċett ta’ prodott u suq ġeografiku rilevanti fl-infurzar kontinwu tagħha tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-UE. Ir-raġuni ewlenija għat-tnedija ta’ dan ir-rieżami hija li jiġi żgurat li l-Avviż ikun jirrifletti kif il-prattika tal-Kummissjoni fid-definizzjoni tas-swieq evolviet matul l-aħħar għoxrin sena u li hija adatta għal dinja li qed tinbidel malajr u li qed issir dejjem aktar diġitali. L-għan tar-rieżami huwa li tingħata gwida li tkun preċiża u aġġornata, u li jiġi stabbilit approċċ ċar u konsistenti kemm għall-każijiet tal-antitrust kif ukoll għal dawk tal-fużjonijiet f’industriji differenti, b’mod li jkun faċilment aċċessibbli.
L-infurzar tal-antitrust: skrutinju mtejjeb fis-swieq diġitali
L-era diġitali rat iż-żieda ta’ pjattaformi online, li xi wħud minnhom saru fornituri ewlenin tat-teknoloġija. Id-deċiżjonijiet minn pjattaformi li jgawdu saħħa fis-suq jistgħu jinfluwenzaw ħafna swieq oħrajn, li n-negozji tagħhom jiddependu fuq dawn il-pjattaformi biex jikkonnettjaw mal-klijenti tagħhom. Pereżempju, il-pjattaformi jistgħu jaġixxu bħala ospitanti u regolaturi tas-suq billi jistabbilixxu r-regoli b’mod li jżommu s-swieq miftuħa għall-kompetizzjoni u, jekk jintużaw b’mod abbużiv, ir-rwol doppju tagħhom jista’ jkun problematiku u jagħmel ħsara lill-kompetizzjoni. Sabiex jiġi żgurat li s-swieq fl-Ewropa jaqdu lin-nies u sabiex jinħolqu gradi ogħla ta’ trasparenza u ġustizzja, f’Lulju 2019 ġew adottati regoli ġodda tal-UE dwar it-trasparenza għall-utenti tan-negozju fuq
il-pjattaformi. Minbarra l-infurzar tal-kompetizzjoni, dawn l-għodod regolatorji komplementari se jaqdu bl-istess mod lill-konsumaturi u joħolqu gradi ogħla ta’ trasparenza u ġustizzja.
Fl-20 ta’ Marzu 2019, il-Kummissjoni mmultat lil Google
EUR 1,49 biljun talli abbużat mid-dominanza tagħha fis-suq, bi ksur tar-regoli tal-UE dwar l-antitrust.
Il-każ ta’ “Google AdSense”: il-protezzjoni tal-kompetizzjoni fir-reklamar waqt it-tiftix online
Il-Kummissjoni mmultat lil Google EUR 1 494 459 000 talli abbużat mid-dominanza tagħha fis-suq billi imponiet għadd ta’ klawżoli restrittivi f’kuntratti ma’ siti web ta’ partijiet terzi. Din l-imġiba ħażina damet għal aktar minn 10 snin u ċaħħdet lir-rivali ta’ Google milli jqiegħdu r-reklami tat-tiftix tagħhom fuq dawn is-siti web.
Google kienet bil-bosta l-aktar parteċipanta b’saħħitha fl-intermedjazzjoni tar-reklamar tat-tiftix online fiż-Żona Ekonomika Ewropea, b’sehem mis-suq ta’ aktar minn 70 % mill-2006 sal-2016. Permezz ta’ “AdSense” għat-Tfittxija, Google tiffunzjona bħala intermedjarja bejn dawk li jirreklamaw u s-sidien tas-siti web tal-pubblikaturi.
L-investigazzjoni tal-Kummissjoni sabet li:
- Mill-2006, Google bdiet tinkludi klawżoli ta’ esklussività fil-kuntratti tagħha, biex b’hekk tipprojbixxi lill-pubblikaturi milli jqiegħdu kwalunkwe reklami tat-tiftix mingħand kompetituri fuq il-paġni tar-riżultati tat-tfittxija tagħhom.
- Minn Marzu 2009, Google bdiet tissostitwixxi gradwalment il-klawżoli ta’ esklussività bl-hekk imsejħa klawżoli ta’ “Premium Placement”. B’riżultat ta’ dan, il-kompetituri ta’ Google ma tħallewx iqiegħdu r-reklami tat-tiftix tagħhom fl-aktar partijiet imfittxija fuq il-paġni tar-riżultati tat-tiftix tas-siti web.
- Minn Marzu 2009, Google inkludiet ukoll klawżoli li jirrikjedu li l-pubblikaturi jitolbu approvazzjoni bil-miktub minn Google qabel jagħmlu xi bidliet fil-mod ta’ kif jintwera kwalunkwe reklam ta’ rivali. Dan ippermetta lil Google tikkontrolla kemm jistgħu jkunu attraenti r-reklami tat-tiftix f’kompetizzjoni.
Google waqqfet il-prattiki illegali ftit xhur wara li l-Kummissjoni ħarġet Dikjarazzjoni ta’ Oġġezzjonijiet dwar dan il-każ, f’Lulju 2016. .
Il-prattiki ta’ Google jammontaw għal abbuż tal-pożizzjoni dominanti ta’ Google fis-suq tal-intermedjazzjoni tar-reklamar tat-tiftix online billi jimpedixxu l-kompetizzjoni fuq il-merti. Bl-istess mod, l-imġiba ta’ Google ċaħħdet lill-konsumaturi Ewropej mill-benefiċċji ta’ kompetizzjoni effettiva fis-suq tar-reklamar tat-tiftix nline.
Bħala tali, id-dominanza fis-suq mhijiex illegali skont ir-regoli tal-UE dwar l-antitrust, madankollu, il-kumpaniji dominanti għandhom responsabbiltà speċjali li ma jabbużawx mill-pożizzjoni b’saħħitha tagħhom fis-suq billi jirrestrinġu l-kompetizzjoni, fis-suq fejn huma dominanti jew fi swieq separati.
Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tirrikjedi li Google, bħala minimu, twaqqaf l-imġiba illegali tagħha, sal-punt li ma tkunx għamlet hekk diġà, u li toqgħod lura milli tieħu kwalunkwe miżura li jkollha l-istess għan jew effett, jew inkella wieħed ekwivalenti. Google tista’ wkoll tiffaċċja azzjonijiet ċivili għad-danni
li jistgħu jinġiebu quddiem il-qrati tal-Istati Membri minn kwalunkwe persuna jew negozju affettwati mill-imġiba antikompetittiva tagħha.
Aktar kmieni, f’Ġunju 2017, il-Kummissjoni kienet immultat lil Google EUR 2,42 biljun talli abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha bħala magna tat-tfittxija billi tat vantaġġ illegali lis-servizz tax-Xiri ta’ tqabbil
tagħha stess; u f’Lulju 2018, il-Kummissjoni kienet immultat lil Google EUR 4,34 biljun għal prattiki illegali rigward apparat mobbli Android
biex issaħħaħ id-dominanza tal-magna tat-tiftix ta’ Google. Inkluż il-każ ta’ Marzu 2019, fejn il-Kummissjoni Ewropea imponiet fuq Google multi tal-antitrust li jammontaw għal EUR 8,25 biljun.
Fis-17 ta’ Lulju 2019, il-Kummissjoni fetħet investigazzjoni formali dwar l-antitrust biex tivvaluta jekk l-użu minn Amazon
ta’ data sensittiva mingħand bejjiegħa bl-imnut indipendenti li jbigħu fis-suq tagħha huwiex qed jikser ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE. Meta tipprovdi suq għal bejjiegħa indipendenti, Amazon kontinwament tiġbor data dwar l-attività fuq il-pjattaforma tagħha. Abbażi tal-ġbir ta’ informazzjoni preliminari tal-Kummissjoni, Amazon tidher li tuża informazzjoni kompetittivament sensittiva dwar il-bejjiegħa tas-suq, il-prodotti u t-tranżazzjonijiet tagħhom fis-suq. Il-Kummissjoni qed tinvestiga l-ftehimiet standard bejn Amazon u l-bejjiegħa tas-suq, li jippermettu li n-negozju bl-imnut ta’ Amazon janalizza u juża data ta’ bejjiegħa terzi, aggregata mid-data disponibbli għas-suq ta’ Amazon.
Ir-regoli tal-UE dwar l-antitrust li jipproteġu l-kompetizzjoni tal-prezzijiet u għażla aħjar għall-konsumaturi fil-qasam tal-kummerċ elettroniku
Is-suq tal-kummerċ online li qed jikber b’ritmu mgħaġġel kien jiswa aktar minn EUR 600 biljun fl-Ewropa fl-2019, b’aktar minn nofs l-Ewropej jixtru online. Il-kummerċ elettroniku joħloq possibbiltajiet sinifikanti għall-konsumaturi, li jistgħu jkollhom aċċess għal għażla usa’ ta’ prodotti u servizzi u jkunu jistgħu jqabblu l-prezzijiet madwar l-Ewropa, kif ukoll għan-negozji, li jistgħu jinnegozjaw fis-Suq Uniku ta’ aktar minn 500 miljun persuna billi jużaw sit web uniku bħala l-vetrina tal-ħanut tagħhom.
Ir-riżultati tal-inkjesta settorjali tal-Kummissjoni dwar il-kummerċ elettroniku, li ġew ippubblikati fl-10 ta’ Mejju 2017
bħala parti mill-istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali tal-Kummissjoni, urew żieda fl-użu ta’ restrizzjonijiet kuntrattwali għal kontroll aħjar tad-distribuzzjoni tal-prodotti. L-infurzar effettiv tal-kompetizzjoni f’dan il-qasam huwa għalhekk importanti ħafna.
Fis-7 ta’ Marzu 2019, il-Kummissjoni għamlet l-impenji offruti minn Disney, NBCUniversal, Sony Pictures, Warner Bros. u Sky
legalment vinkolanti skont ir-regoli tal-UE dwar l-antitrust. Dawn l-impenji jindirizzaw it-tħassib tal-Kummissjoni rigward ċerti klawżoli f’dawn il-kuntratti ta’ liċenzjar tal-films għat-televiżjoni bi ħlas ma’ Sky UK rigward l-imblukkar ġeografiku.
Fil-5 ta’ April 2019, il-Kummissjoni indirizzat Dikjarazzjoni ta’ Oġġezzjonijiet dwar ftehimiet bilaterali potenzjalment illegali lil Valve, proprjetarja tal-akbar pjattaforma tal-logħob tal-kompjuter tad-dinja msejħa Steam, u lil ħames pubblikaturi tal-logħob tal-kompjuter, Bandai Namco, Capcom, Focus Home, Koch Media u ZeniMax
. Il-Kummissjoni esprimiet tħassib li Valve u l-ħames pubblikaturi tal-logħob tal-kompjuter qablu, bi ksur tar-regoli tal-UE dwar l-antitrust, li jużaw għodod ta’ attivazzjoni għall-imblukkar ġeografiku biex jipprevjenu l-bejgħ transfruntier. Barra minn hekk, il-Kummissjoni esprimiet tħassib li erbgħa mill-pubblikaturi tal-logħob setgħu kisru r-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE billi inkludew restrizzjonijiet kuntrattwali fuq l-esportazzjoni fil-ftehimiet tagħhom ma’ għadd ta’ distributuri minbarra Valve.
Infurzar tal-antitrust fis-settur tat-telekomunikazzjoni
Fit-18 ta’Lulju 2019, il-Kummissjoni mmultat lil Qualcomm
EUR 242 miljun talli abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq, permezz ta’ pprezzar predatorju, fis-suq dinji għal chipsets li jikkonformaw mas-Sistema Universali tat-Telekomunikazzjoni Mobbli (UTMS), l-istandard tat-tielet ġenerazzjoni (3G), bi ksur tar-regoli tal-UE dwar l-antitrust. Id-deċiżjoni stabbilixxiet li bejn nofs l-2009 u nofs l-2011, Qualcomm forniet ċerti kwantitajiet ta’ tlieta miċ-chipsets tal-UMTS tagħha lil tnejn mill-klijenti ewlenin tagħha, Huawei u ZTE, b’inqas mill-kost, bl-għan li tisforza lill-kompetitriċi tagħha Icera toħroġ mis-suq. Icera kienet kumpanija ġdida bbażata fir-Renju Unit u l-kompetitriċi ewlenija ta’ Qualcomm f’dak iż-żmien fis-segment tal-aktar teknoloġija avvanzata tas-suq taċ-chipsets tal-UMTS. Il-multa tirrappreżenta 1,27 % tal-fatturat ta’ Qualcomm fl-2018 u għandha wkoll l-għan li tiskoraġġixxi lill-parteċipanti tas-suq milli jwettqu prattiki antikompetittivi bħal dawn fil-ġejjieni.
Fis-7 ta’ Awwissu 2019, il-Kummissjoni adottat Dikjarazzjoni ta’ Oġġezzjonijiet kontra l-akbar żewġ operaturi fiċ-Ċekja, O2/CETIN u T-Mobile
fir-rigward ta’ ftehim dwar il-kondiviżjoni tan-netwerk bejn il-partijiet. Il-Kummissjoni qieset b’mod preliminari li dan l-arranġament speċifiku ta’ kondiviżjoni tan-netwerk huwa antikompetittiv minħabba li x’aktarx ineħħi l-inċentivi taż-żewġ operaturi mobbli biex itejbu n-netwerks u s-servizzi tagħhom għall-benefiċċju tal-konsumaturi. L-analiżi preliminari tal-Kummissjoni kienet konformi mal-prinċipji applikati mill-Korp ta’ Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) fil-pożizzjoni komuni tiegħu dwar il-kondiviżjoni tal-infrastruttura mobbli tat-13 ta’ Ġunju 2019
.
Fis-16 ta’ Ottubru 2019, il-Kummissjoni ordnat lil Broadcom
, il-fornitur ewlieni fid-dinja ta’ chipsets użati għal kaxxi tad-dekowder tat-televiżjoni u għal modems, biex ma tibqax tapplika ċerti dispożizzjonijiet li jinsabu fil-ftehimiet ma’ sitta mill-klijenti ewlenin tagħha. Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni kkonkludiet li, mal-ewwel daqqa t’għajn, Broadcom abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha fis-swieq tas-sistemi fuq ċippa għal (i) kaxxi tad-dekowder tat-televiżjoni, (ii) modems tal-fibra, u (iii) modems ta’ xDSL billi daħal fi ftehimiet ma’ manifatturi ta’ kaxxi tad-dekowder tat-televiżjoni u modems li fihom dispożizzjonijiet li jwasslu għall-esklussività. Barra minn hekk, hija kkonkludiet li x’aktarx kienet timmaterjalizza ħsara serja u irreparabbli għall-kompetizzjoni fin-nuqqas ta’ miżuri interim. Il-Kummissjoni kkonkludiet li kien hemm bżonn ta’ intervent urġenti biex jiġi evitat li l-kompetituri jiġu emarġinati jew sfurzati joħorġu mis-suq. Il-miżuri interim japplikaw għal tliet snin, jew sad-data tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni finali dwar is-sustanza tal-imġiba ta’ Broadcom, jew sal-għeluq tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni dwar dik l-imġiba, skont liema minnhom jiġi l-ewwel. L-investigazzjoni sostantiva dwar il-każ għadha għaddejja. Il-miżuri interim huma waħda mill-għodod disponibbli għall-Kummissjoni bir-Regolament 1/2003, iżda ma ntużawx fl-aħħar 18-il sena qabel dan il-każ.
Permezz ta’ deċiżjoni dwar il-miżuri interim, il-Kummissjoni tista’ timponi fuq kumpanija ordni ta’ waqfien u ebda tkomplija minn imġiba waqt li tkun għadha għaddejja investigazzjoni. Miżuri interim jistgħu jiġu imposti għaż-żmien li ddum għaddejja investigazzjoni sabiex jiġi evitat li l-allegata mġiba antikompetittiva tikkawża ħsara serja u irreparabbli lis-suq, li ma tkunx tista’ tiġi rrimedjata permezz tal-adozzjoni tal-miżura finali f’investigazzjoni tal-Kummissjoni. Il-miżuri interim ġeneralment jitqiesu bħala miżuri eċċezzjonali, minħabba l-piż impost fuq kumpanija li tkun għadha ma nstabitx li qed tikser ir-regoli eżistenti. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, deċiżjoni ta’ projbizzjoni b’ordni ta’ waqfien u ebda tkomplija jew rimedji hija biżżejjed biex jerġgħu jiġu stabbiliti mill-ġdid il-kundizzjonijiet kompetittivi.
Rieżami tal-fużjonijiet fis-setturi tat-telekomunikazzjoni u tal-midja
Fis-settur tat-telekomunikazzjoni, fil-15 ta’ Lulju 2019, il-Kummissjoni approvat l-akkwiżizzjoni ta’ DNA minn Telenor
. DNA tipprovdi servizzi ta’ komunikazzjoni mobbli u fissa, servizzi tal-internet broadband u servizzi ta’ distribuzzjoni tat-televiżjoni fil-Finlandja, filwaqt li Telenor hija attiva f’servizzi ta’ telekomunikazzjoni mobbli u fissa u servizzi ta’ distribuzzjoni tat-televiżjoni fir-reġjun Nordiku. Kien hemm sovrapożizzjonijiet limitati ħafna bejn l-attivitajiet tal-kumpaniji u wara l-fużjoni jifdal għadd ta’ parteċipanti b’saħħithom. Barra minn hekk, fit-18 ta’ Lulju 2019 il-Kummissjoni approvat, wara investigazzjoni fil-fond, l-akkwiżizzjoni minn Vodafone tan-negozju tal-kejbil ta’ Liberty Global fiċ-Ċekja, fil-Ġermanja, fl-Ungerija u fir-Rumanija
. L-approvazzjoni hija kondizzjonali fuq il-konformità sħiħa ma’ pakkett ta’ impenji offrut minn Vodafone.
Fis-settur tal-midja, fit-12 ta’ Novembru 2019, il-Kummissjoni awtorizzat l-akkwiżizzjoni minn Telia ta’ Bonnier Broadcasting
. Wara investigazzjoni fil-fond, il-Kummissjoni kellha tħassib li t-tranżazzjoni kienet se tnaqqas b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni fil-Finlandja u fl-Iżvezja. L-approvazzjoni hija kondizzjonali fuq il-konformità sħiħa mal-impenji offruti minn Telia.
L-infurzar tal-għajnuna mill-Istat fin-netwerks tal-broadband
L-infrastruttura diġitali hija xprunatur ewlieni tad-diġitalizzazzjoni, għalhekk, huwa essenzjali li l-infrastruttura tal-broadband xierqa tkun tista’ tissodisfa ħtiġijiet ġodda għal veloċitajiet, kapaċitajiet u kwalità diġitali għoljin ħafna. Il-“Komunikazzjoni dwar il-Gigabits” tal-Kummissjoni
tal-2016 tidentifika netwerks ta’ kapaċità għolja ħafna bħala waħda mill-prijoritajiet strateġiċi tagħha. Il-finanzjament pubbliku huwa meħtieġ bl-istess mod biex jiġi żgurat li ż-żoni rurali, remoti u żoni oħrajn li mhumiex moqdijin tajjeb ikunu jistgħu jibbenefikaw mit-teknoloġiji l-ġodda, sabiex b’hekk l-ebda żona jew ċittadin ma jitħallew lura. Fl-istess ħin, l-investiment privat jenħtieġ li ma jiġix eskluż u d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni jridu jkunu limitati għal minimu.
Fl-2019, il-Kummissjoni approvat diversi skemi tal-broadband skont ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat. Dawn kienu jikkonċernaw, fil-Greċja, skema ta’ vawċers ta’ EUR 50 miljun għal servizzi tal-broadband aktar veloċi
; fl-Irlanda, EUR 2,6 biljun f’appoġġ pubbliku għall-Pjan Nazzjonali Irlandiż tal-Broadband
; fi Spanja, skema ta’ EUR 400 miljun għal netwerks tal-broadband b’veloċità għolja ħafna; u fil-Ġermanja, l-approvazzjoni fil-Bavarja ta’ skema għal netwerks tal-broadband b’kapaċità għolja ħafna, wara proġett pilota preċedenti tal-gigabits li jinvolvi sitt muniċipalitajiet tal-Bavarja u approvat mill-Kummissjoni f’Diċembru 2018
.
4. Politika tal-kompetizzjoni li tappoġġa l-objettivi tal-UE rigward l-ambjent u l-enerġija b’emissjonijiet baxxi ta’ karbonju
F’Diċembru 2019, il-Kummissjoni adottat il-Komunikazzjoni dwar “Il-Patt Ekoloġiku Ewropew”, li tiddeskrivi l-inizjattivi ta’ politika biex jinkisbu emissjonijiet ta’ gassijiet serra żero netti sal-2050 u biex jiġu indirizzati l-isfidi relatati mal-ambjent
. Il-politika tal-kompetizzjoni, bħall-politiki l-oħrajn kollha tal-Kummissjoni, se tikkontribwixxi biex jintlaħqu dawn l-objettivi ambizzjużi. Tabilħaqq, matul l-2019, il-Kummissjoni nediet il-“kontroll tal-idoneità” li jkopri l-Linji Gwida dwar l-Ambjent u l-Enerġija u kompliet l-evalwazzjoni tal-Linji Gwida tagħha dwar ċerti miżuri ta’ għajnuna mill-Istat fil-kuntest tal-iskema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra wara l-2012 (il-Linji Gwida tal-ETS) bi tħejjija għar-reviżjoni tagħhom sabiex jiġi żgurat li dawn ikunu adattati għall-iskema l-ġdida tal-UE għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet għas-snin 2021-2030. Il-“kontroll tal-idoneità” li jinsab għaddej tal-pakkett ta’ modernizzazzjoni tal-għajnuna mill-Istat se jħejji għal reviżjoni tal-linji gwida rilevanti fid-dawl tal-objettivi ta’ politika tal-Patt Ekoloġiku Ewropew sal-2021.
Għajnuna mill-Istat li ssostni l-ambizzjoni tal-UE ta’ “tniġġis żero” u l-effiċjenza fir-riżorsi
Fl-2019, il-Kummissjoni approvat EUR 195 miljun ta’ appoġġ pubbliku addizzjonali sa tmiem l-2022 għall-karozzi tal-linja elettriċi u l-infrastruttura tal-iċċarġjar fil-Ġermanja. Barra minn hekk, il-Kummissjoni approvat EUR 430 miljun f’appoġġ pubbliku biex jiġu mmodifikati l-vetturi li jaħdmu bid-diżil li jintużaw f’muniċipalitajiet fejn il-limiti għall-emissjonijiet ta’ NOX inqabżu fl-2017. Iż-żewġ tipi ta’ miżuri huma konformi mal-għanijiet ambjentali tal-UE, kif ukoll mal-Istrateġija Ewropea għal mobbiltà b’emissjonijiet baxxi, u l-appoġġ tagħha għat-tranżizzjoni lejn vetturi b’emissjonijiet żero fil-bliet u għall-ħolqien ta’ suq għal dawn il-vetturi.
Il-Kummissjoni approvat ukoll skema Ċeka li tipprovdi għajnuna lil installazzjonijiet li jiġġeneraw l-elettriku mis-sħana mitlufa u mill-gassijiet tal-minjieri. L-iskema tikkontribwixxi għall-effiċjenza fir-riżorsi billi tnaqqas il-konsum tas-sorsi tal-enerġija primarja użati għall-produzzjoni tal-elettriku.
Fil-25 ta’ Novembru 2019, il-Kummissjoni approvat EUR 93,8 miljun maħsuba biex jappoġġaw il-kostruzzjoni u l-operat ta’ impjant ta’ koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja fil-Bulgarija
. L-impjant se jipproduċi sħana u elettriku bl-użu ta’ fjuwil derivat minn skart muniċipali mhux riċiklabbli.
Fit-28 ta’ Jannar 2019, il-Kummissjoni approvat għajnuna għall-investiment ta’ EUR 36 miljun lill-kumpanija kimika LG Chem
għal impjant ġdid tal-batteriji tal-vetturi elettriċi fil-Polonja. L-impjant il-ġdid huwa mistenni li jipprovdi batteriji għal aktar minn 80 000 vettura elettrika fis-sena u joħloq aktar minn 700 impjieg dirett, u b’hekk jikkontribwixxi għall-iżvilupp tar-reġjun ta’ Dolnoślaskie, filwaqt li jippreserva l-kompetizzjoni. Dan il-proġett ma setax jitwettaq mingħajr finanzjament pubbliku.
Għajnuna mill-Istat b’appoġġ għall-enerġija rinnovabbli
L-għan tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat huwa li jimmassimizza l-benefiċċji ambjentali, soċjali u ekonomiċi minn fondi pubbliċi limitati, billi jimminimizza l-ispejjeż għall-Istat, għall-industrija u għall-konsumaturi, billi jiżgura li l-flus pubbliċi ma jeskludux l-infiq privat, kif ukoll billi jikkontribwixxi għal kundizzjonijiet ekwi fis-Suq Uniku. Fl-2019, il-Kummissjoni kompliet tapprova skemi ta’ għajnuna mill-Istat li jippermettu lill-Istati Membri jilħqu l-miri tagħhom tal-effiċjenza enerġetika u jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju f’konformità mal-objettivi ambjentali tal-UE.
Fl-14 ta’ Ġunju 2019, il-Kummissjoni approvat appoġġ ta’ EUR 5,4 biljun għall-produzzjoni tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli fl-Italja
, biex tgħinha tilħaq il-miri tagħha rigward l-enerġija rinnovabbli. L-iskema se tappoġġa l-produzzjoni tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli, bħall-enerġija mir-riħ fuq l-art, l-enerġija solari fotovoltajka, l-enerġija idroelettrika u l-gassijiet tad-drenaġġ u se tkun applikabbli sal-2021.
Fis-26 ta’ Lulju 2019, il-Kummissjoni approvat appoġġ għal sitt parks eoliċi lil hinn mill-kosta fi Franza
. Il-kostruzzjoni għandha tibda din is-sena u dawn mistennija li jibdew joperaw mill-2022. Il-miżuri ta’ appoġġ se jgħinu lil Franza ssaħħaħ is-sehem tagħha tal-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli biex tilħaq il-miri tagħha dwar il-klima, f’konformità mal-objettivi ambjentali tal-UE
.
Ir-regolament u l-politika tal-kompetizzjoni jaħdmu id f’id biex jiżguraw is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija għaċ-ċittadini u n-negozji Ewropej
Il-mekkaniżmi ta’ kapaċità huma miżuri meħuda mill-Istati Membri biex jiżguraw li l-provvista tal-elettriku tkun tista’ tlaħħaq mad-domanda fuq terminu medju u twil. Huma maħsuba biex jimlew il-lakuni tal-kapaċità mistennija u jiżguraw is-sigurtà tal-provvista. Huwa importanti li d-disinn tal-mekkaniżmi ta’ kapaċità jevita d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni, minħabba li altrimenti dawn jistgħu jwasslu għal prezzijiet ogħla tal-elettriku għall-konsumaturi, jagħtu vantaġġi żejda lil ċerti operaturi tal-enerġija jew ifixklu l-flussi tal-elettriku bejn il-fruntieri tal-UE.
Fl-istess ħin, il-mekkaniżmi ta’ kapaċità ma jistgħux jissostitwixxu r-riformi tas-suq tal-elettriku fil-livell nazzjonali u f’dak Ewropew. Ir-Regolament il-ġdid dwar is-suq tal-elettriku
jirrikjedi li l-Istati Membri li jkunu qed jippjanaw li jintroduċu mekkaniżmi ta’ kapaċità jippreżentaw pjan ta’ riforma tas-suq biex jindirizzaw il-fallimenti regolatorji u fallimenti oħrajn li jimminaw l-inċentivi ta’ investiment fis-settur tal-elettriku. Ir-Regolament se jipprevjeni wkoll il-kapaċità ta’ ġenerazzjoni b’emissjonijiet għoljin milli tipparteċipa fil-mekkaniżmi ta’ kapaċità.
Fl-2019, il-Kummissjoni ħarġet żewġ deċiżjonijiet relatati mal-mekkaniżmi ta’ kapaċità fl-Italja
u fil-Gran Brittanja (wara investigazzjoni fil-fond)
, li diġà jqisu d-dispożizzjonijiet tar-regolament tas-suq tal-elettriku dwar il-mekkaniżmi ta’ kapaċità.
L-investigazzjoni ta’ kartelli potenzjali li jfixklu l-użu ta’ teknoloġiji innovattivi
Il-Linji Gwida tal-Kummissjoni dwar ftehimiet ta’ kooperazzjoni orizzontali jispjegaw, fost l-oħrajn, il-forom ta’ kooperazzjoni bejn kumpaniji li għandhom l-għan li jtejbu l-kwalità tal-prodott u l-innovazzjoni, u li ma jqajmux tħassib skont il-liġi tal-kompetizzjoni tal-UE. Huwa illegali li l-kumpaniji jaqblu li joħonqu l-kompetizzjoni fuq il-kwalità u l-innovazzjoni. Fil-5 ta’ April 2019, il-Kummissjoni bagħtet Dikjarazzjoni ta’ Oġġezzjonijiet lil BMW, Daimler u Volkswagen Group (Volkswagen, Audi, Porsche)
, fejn informathom bil-fehma preliminari tagħha li huma kisru r-regoli tal-UE dwar l-antitrust mill-2006 sal-2014 permezz ta’ kollużjoni biex jirrestrinġu l-kompetizzjoni fuq l-iżvilupp ta’ teknoloġija maħsuba biex tnaddaf l-emissjonijiet tal-karozzi tal-passiġġieri li jaħdmu bil-petrol u bid-diżil. Il-fehma preliminari tal-Kummissjoni hija li l-imġiba tal-manifatturi tal-karozzi kellha l-għan li tirrestrinġi l-kompetizzjoni fuq l-innovazzjoni għal żewġ sistemi ta’ tindif tal-emissjonijiet, u setgħet ċaħħdet lill-konsumaturi l-opportunità li jixtru karozzi li jniġġsu inqas, minkejja li t-teknoloġija hija disponibbli għall-manifatturi.
5. Il-protezzjoni tal-kompetizzjoni fis-settur tal-manifattura
L-infurzar tal-kompetizzjoni fis-settur tal-manifattura jiżgura li d-ditti jkunu jistgħu jikkompetu skont termini ġusti u ugwali fis-Suq Uniku. Barra minn hekk, l-infurzar tal-għajnuna mill-Istat jidderieġi l-finanzjament pubbliku lejn ir-riċerka, it-taħriġ u l-effiċjenza enerġetika. Huma biss il-kumpaniji innovattivi bi pjanijiet ta’ negozju sostenibbli li jistgħu jipprovdu prodotti u servizzi intelliġenti bi prezzijiet kompetittivi għall-konsumaturi u n-negozji tal-UE. It-titjib tal-effiċjenza u l-kompetittività fit-tul tan-negozji tal-UE fis-Suq Uniku jagħmel lil dawn il-kumpaniji tajbin biex jikkompetu fis-suq globali.
Deċiżjonijiet dwar il-fużjonijiet u investigazzjonijiet fl-industriji bażiċi b’ostakoli kbar għad-dħul
Il-kontroll tal-fużjonijiet tal-UE jikkontribwixxi biex jiġi żgurat li l-kumpaniji attivi fis-Suq Uniku jkunu jistgħu jikkompetu skont termini ġusti u ugwali. It-tranżazzjonijiet innotifikati li jistgħu jfixklu l-kompetizzjoni b’mod sinifikanti huma soġġetti għal skrutinju mill-qrib mill-Kummissjoni. Fil-valutazzjoni tagħha, il-Kummissjoni tqis l-effiċjenzi li jirriżultaw mill-fużjonijiet, li jista’ jkollhom impatt pożittiv fuq l-ispejjeż, l-innovazzjoni u aspetti oħrajn, diment li dawn l-effiċjenzi jkunu verifikabbli, speċifiċi għall-fużjoni u li x’aktarx jiġu mgħoddija lill-konsumaturi. F’każ li jkun hemm tħassib rigward il-kompetizzjoni, il-kumpaniji li jiġu amalgamati għandhom il-possibbiltà li jwarrbu tali tħassib billi joffru impenji. Jekk ma jinstabux impenji adegwati u suffiċjenti, jew ma jintlaħaqx qbil dwarhom, il-Kummissjoni tipprojbixxi t-tranżazzjoni. Matul dawn l-aħħar għaxar snin, il-Kummissjoni approvat aktar minn 3000 fużjoni, li minnhom aktar minn 90 % ġew approvati bla kundizzjoni. Biex wieħed iqabbel, matul l-istess perjodu, il-Kummissjoni mblokkat biss għaxar fużjonijiet, tlieta minnhom fl-2019.
L-industriji bażiċi tal-manifattura u tal-oġġetti tal-konsum komplew jikkostitwixxu sehem sostanzjali tal-infurzar tal-kompetizzjoni tal-Kummissjoni fl-2019.
Fis-6 ta’ Frar 2019, il-Kummissjoni pprojbixxiet l-akkwiżizzjoni proposta ta’ Alstom minn Siemens
skont ir-Regolament tal-UE dwar l-Għaqdiet. Siemens u Alstom, it-tnejn li huma kumpaniji ewlenin fl-industrija tal-ferroviji, ma offrewx rimedji suffiċjenti biex jindirizzaw it-tħassib tal-Kummissjoni fuq bażi fit-tul.
Il-fużjoni Siemens/Alstom: il-protezzjoni tal-operaturi ferrovjarji u tal-passiġġieri
Il-ferroviji u t-tagħmir tas-sinjalar li jiggwidahom huma essenzjali għat-trasport fl-Ewropa. Siemens (il-Ġermanja) u Alstom (Franza) huma t-tnejn mexxejja globali fit-trasportazzjoni bil-ferrovija, u t-tranżazzjoni proposta kienet tikkombina l-akbar żewġ fornituri tal-vetturi ferrovjarji (ferroviji) u tas-soluzzjonijiet ta’ sinjalar fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) mhux biss f’termini tad-daqs tal-operazzjonijiet ikkombinati, iżda wkoll f’termini tal-impronta ġeografika tagħhom. Iż-żewġ kumpaniji għandhom ukoll pożizzjonijiet ewlenin globalment.
Fil-valutazzjoni fil-fond tagħha, il-Kummissjoni qieset li, mingħajr rimedji suffiċjenti, il-fużjoni kienet tkun ta’ ħsara għall-kompetizzjoni f’diversi swieq għas-sistemi ta’ sinjalar tal-ferroviji u fis-suq għall-ferroviji b’veloċità għolja ħafna. Hija kienet toħloq il-mexxej tas-suq mhux ikkontestat f’diversi swieq ta’ sinjalar tal-ferroviji u parteċipant dominanti fis-settur tal-ferroviji b’veloċità għolja ħafna fiż-ŻEE. Fis-swieq rilevanti kollha li fihom ġie identifikat tħassib rigward il-kompetizzjoni, il-pressjoni kompetittiva mill-kompetituri li fadal ma kinitx tkun biżżejjed biex tiżgura kompetizzjoni effettiva. Bħala parti mill-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni kkunsidrat ukoll bir-reqqa l-pajsaġġ kompetittiv fil-bqija tad-dinja, u qieset li d-dħul fiż-ŻEE ta’ kompetituri ġodda, inklużi fornituri Ċiniżi potenzjali, fis-suq tal-vetturi ferrovjarji b’veloċità għolja ħafna jew fis-swieq ta’ soluzzjonijiet tas-sinjalar, li għalihom ġie identifikat tħassib rigward il-kompetizzjoni, x’aktarx li ma jseħħx fil-futur qrib.
Siemens u Alstom offrew rimedji li ma kinux biżżejjed biex isolvu t-tħassib tal-Kummissjoni rigward il-kompetizzjoni. Il-parteċipanti fis-suq ikkonsultati mill-Kummissjoni biex jindikaw il-fehmiet tagħhom dwar ir-rimedji proposti pprovdew rispons negattiv, li jikkonferma l-valutazzjoni tal-Kummissjoni.
Fin-nuqqas ta’ rimedji adegwati li indirizzaw it-tħassib tagħha rigward il-kompetizzjoni għas-suq tal-vetturi ferrovjarji b’veloċità għolja ħafna u għas-swieq ta’ sinjalar tal-ferroviji, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-fużjoni kienet twassal għal prezzijiet ogħla, inqas għażla għall-fornituri u inqas prodotti innovattivi, għad-detriment tal-operaturi ferrovjarji, tal-amministraturi tal-infrastruttura ferrovjarja u, fl-aħħar mill-aħħar, tal-miljuni ta’ Ewropej li jużaw it-trasportazzjoni bil-ferrovija kuljum għax-xogħol jew għad-divertiment. Għalhekk, hija pprojbixxiet it-tranżazzjoni proposta.
Fis-6 ta’ Frar 2019, il-Kummissjoni pprojbixxiet ukoll, skont ir-Regolament tal-UE dwar l-Għaqdiet, l-akkwiżizzjoni proposta minn Wieland ta’ Aurubis Rolled Products u s-sehem ta’ Aurubis fi Schwermetall.
It-tħassib tal-Kummissjoni kien jinkludi l-kompetizzjoni mnaqqsa u l-prezzijiet miżjuda għall-prodotti tar-ram irromblati użati mill-manifatturi Ewropej. Numru kbir ta’ klijenti industrijali Ewropej esprimew ukoll tħassib kemm rigward l-aċċess għal pre-rolled strip minn Schwermetall, kif ukoll rigward iż-żidiet fil-prezzijiet għal prodotti rromblati. Wieland u Aurubis kienu tnejn mill-akbar tliet produtturi ta’ prodotti tar-ram irromblati fl-Ewropa. Kieku l-fużjoni tagħhom għaddiet, Wieland kienet issir il-parteċipanta dominanti fis-suq għall-prodotti tar-ram irromblati, b’sehem mis-suq fl-Ewropa ta’ aktar minn 50 %, u b’kompetitur wieħed biss ieħor, b’sehem mis-suq ta’ aktar minn 10 %. Billi Wieland ma kinitx disposta li tindirizza b’mod effettiv it-tħassib espress, il-Kummissjoni pprojbixxiet it-tranżazzjoni proposta.
Fl-industrija tal-plastik, wara investigazzjoni fil-fond, fit-18 ta’ Jannar 2019, il-Kummissjoni approvat l-akkwiżizzjoni tan-negozju tal-poliamide (najlon) ta’ Solvay minn BASF
, soġġetta għall-iżvestiment tal-biċċa l-kbira tal-assi rilevanti ta’ Solvay fiż-ŻEE. Il-Kummissjoni identifikat ir-riskju li t-tranżazzjoni kif innotifikata x’aktarx li kienet twassal għal prezzijiet ogħla u/jew inqas input disponibbli fil-katina tal-valur kollha tan-najlon 6.6, kif ukoll prezzijiet ogħla għall-klijenti finali. Il-prodotti tan-najlon 6.6 jinkludu plastik speċjalizzat użat fl-industriji tal-karozzi, tal-elettronika jew tal-kostruzzjoni. Dawn spiss jintużaw bħala sostituti għal partijiet tal-metall itqal u biex jiġġeneraw iffrankar tal-enerġija. Fil-25 ta’ Novembru 2019, il-Kummissjoni approvat ix-xiri tan-negozju żvestit minn Domo Chemicals
.
Fil-11 ta’ Ġunju 2019, il-Kummissjoni pprojbixxiet, skont ir-Regolament tal-UE dwar l-Għaqdiet, l-impriża konġunta proposta bejn Tata Steel u ThyssenKrupp
, li kienet tikkombina l-attivitajiet tal-azzar bil-karbonju ċatt u tal-azzar elettriku ta’ ThyssenKrupp u Tata Steel fiż-ŻEE. ThyssenKrupp, it-tieni l-akbar produttur tal-azzar bil-karbonju ċatt fiż-ŻEE, u Tata Steel, it-tielet l-akbar, huma wkoll produtturi sinifikanti tal-azzar miksi bil-metall u tal-azzar laminat għal applikazzjonijiet tal-imballaġġ u tal-azzar bil-karbonju ċatt galvanizzat għall-industrija tal-karozzi. It-tħassib tal-Kummissjoni ħares lejn il-kompetizzjoni mnaqqsa (inqas għażla għall-klijenti tal-azzar) u l-prezzijiet miżjuda għal tipi differenti ta’ azzar. Il-partijiet ma offrewx rimedji adegwati biex jindirizzaw dan it-tħassib. Il-Kummissjoni talbet ukoll il-fehmiet tal-parteċipanti fis-suq dwar ir-rimedji proposti, u r-rispons tagħhom kien negattiv. B’riżultat ta’ dan, il-Kummissjoni pprojbixxiet it-tranżazzjoni proposta.
Fl-1 ta’ Ottubru 2019, wara investigazzjoni fil-fond, il-Kummissjoni approvat l-akkwiżizzjoni tal-parteċipanta fis-settur tal-aluminju Aleris mir-rivali Novelis, soġġetta għal xi kundizzjonijiet. Il-Kummissjoni kienet imħassba li t-tranżazzjoni kienet tirriżulta fi prezzijiet ogħla għall-klijenti Ewropej ta’ folji tal-karozzerija tal-aluminju, li jintużaw fil-manifattura tal-karozzi wkoll bl-għan li jitnaqqsu l-konsum tal-fjuwil u l-emissjonijiet. Sabiex jindirizzaw it-tħassib tal-Kummissjoni, il-kumpaniji offrew li jiżvestu n-negozju kollu tal-karozzerija tal-aluminju ta’ Aleris fl-Ewropa, inkluż l-impjant tal-produzzjoni tagħha fil-Belġju. L-iżvestiment jinkludi l-assi tar-riċerka u l-iżvilupp, kif ukoll finanzjament għal investiment biex tkompli ttejjeb il-kapaċitajiet tagħha. Billi l-iżvestiment propost ineħħi s-sovrapożizzjoni kollha li nħolqot mit-tranżazzjoni fil-karozzeriji tal-aluminju fl-Ewropa, il-Kummissjoni kkonkludiet li t-tranżazzjoni, kif immodifikata mill-impenji, ma tibqax tqajjem tħassib rigward il-kompetizzjoni. L-approvazzjoni hija kondizzjonali fuq il-konformità sħiħa mal-impenji.
Il-Kummissjoni fetħet ukoll investigazzjonijiet fil-fond dwar diversi fużjonijiet proposti fis-settur tal-manifattura. Il-ftuħ ta’ investigazzjonijiet fil-fond ma jippreġudikax l-eżiti tagħhom. Fl-4 ta’ Ottubru 2019, il-Kummissjoni fetħet investigazzjoni fil-fond biex tivvaluta l-ħolqien propost ta’ żewġ impriżi konġunti mill-manifatturi tal-inġenji tal-ajru Boeing u Embraer, skont ir-Regolament tal-UE dwar l-Għaqdiet. It-tħassib tal-Kummissjoni kien li t-tranżazzjoni tista’ tirriżulta fi prezzijiet ogħla u inqas għażla fir-rigward tal-inġenji tal-ajru kummerċjali.
Barra minn hekk, fit-30 ta’ Ottubru 2019, il-Kummissjoni fetħet investigazzjoni fil-fond biex tiddetermina jekk huwiex probabbli li l-akkwiżizzjoni proposta ta’ Chantiers de l’Atlantique minn Fincantieri tnaqqas b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni effettiva. Iż-żewġ kumpaniji tal-bini tal-bastimenti huma mexxejja globali f’suq li huwa diġà kkonċentrat u b’restrizzjonijiet fuq il-kapaċità.
Barra minn hekk, fis-17 ta’ Diċembru 2019, il-Kummissjoni fetħet investigazzjoni fil-fond biex tivvaluta l-akkwiżizzjoni proposta ta’ Daewoo Shipbuilding & Marine Engineering CO., Ltd (DSME) minn grupp ieħor tal-bini tal-bastimenti, Hyundai Heavy Industries Holdings (HHIH), skont ir-Regolament tal-UE dwar l-Għaqdiet. Il-Kummissjoni hija mħassba li l-għaqda tista’ tnaqqas il-kompetizzjoni f’diversi swieq globali tal-bini tal-bastimenti tal-merkanzija. Il-bini tal-bastimenti tal-merkanzija huwa industrija importanti għall-UE. Il-kumpaniji tat-tbaħħir Ewropej huma klijenti ewlenin ta’ DSME u HHIH u jirrappreżentaw 30 % tad-domanda dinjija għall-bastimenti tal-merkanzija.
Ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat jikkontribwixxu biex tingħata spinta lill-innovazzjoni
F’Ġunju 2014, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar Proġetti Importanti ta’ Interess Ewropew Komuni (IPCEI), li tistabbilixxi kriterji li abbażi tagħhom l-Istati Membri jistgħu jappoġġaw proġetti transnazzjonali ta’ sinifikat strateġiku għall-UE
. Il-Komunikazzjoni tiċċara r-regoli ta’ kompatibbiltà sabiex tiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fuq proġetti li jagħtu kontribut ċar għat-tkabbir ekonomiku, għas-sostenibbiltà, għall-impjiegi u għall-kompetittività tal-UE. Il-qafas jeħtieġ ukoll impenji biex jiġi żgurat it-tixrid estensiv ta’ għarfien ġdid madwar l-UE kollha, kif ukoll valutazzjoni dettaljata tal-kompetizzjoni biex tiġi minimizzata kwalunkwe distorsjoni bla bżonn. Il-qafas tal-IPCEI jikkomplementa regoli oħrajn dwar l-għajnuna mill-Istat, bħar-Regolament għall-Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa (GBER)
u l-Qafas ta’ Riċerka, Żvilupp u Innovazzjoni, li wkoll jippermettu l-appoġġ għal proġetti innovattivi, filwaqt li jiżguraw li d-distorsjonijiet potenzjali tal-kompetizzjoni jkunu limitati.
F’Diċembru 2018, il-Kummissjoni sabet li proġett integrat innotifikat b’mod konġunt minn Franza, mill-Ġermanja, mill-Italja u mir-Renju Unit għar-riċerka u l-innovazzjoni fil-mikroelettronika, teknoloġija abilitanti ewlenija, huwa konformi mar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat u jikkontribwixxi għal interess Ewropew komuni. L-erba’ Stati Membri għandhom jipprovdu sa EUR 1,75 biljun f’finanzjament għal dan il-proġett, li għandu l-għan li jisfrutta EUR 6 biljun addizzjonali f’investiment privat.
F’Diċembru 2019, it-tieni proġett, li jikkonċerna l-batteriji, segwa l-ewwel proġett tal-IPCEI. Il-produzzjoni tal-batteriji hija ta’ interess strateġiku għall-ekonomija u s-soċjetà Ewropea minħabba l-potenzjal tagħha f’termini ta’ mobilità nadifa, enerġija, sostenibbiltà u kompetittività.
Proġetti Importanti ta’ Interess Ewropew Komuni: appoġġ għas-segmenti kollha tal-katina tal-valur tal-batteriji
F’Diċembru 2019, il-Kummissjoni approvat it-tieni Proġett Importanti ta’ Interess Ewropew Komuni nnotifikat b’mod konġunt mill-Belġju, mill-Finlandja, minn Franza, mill-Ġermanja, mill-Italja, mill-Polonja u mill-Iżvezja maħsub biex jappoġġa r-riċerka u l-innovazzjoni fil-qasam prijoritarju Ewropew komuni tal-batteriji. Fis-snin li ġejjin, is-seba’ Stati Membri se jipprovdu madwar EUR 3,2 biljun f’finanzjament, li huma mistennija li jwasslu għal EUR 5 biljun addizzjonali f’investimenti privati.
It-tlestija tal-proġett globali hija ppjanata għall-2031 (bi skedi ta’ żmien differenti għal kull sottoproġett). Il-proġett se jinvolvi 17-il parteċipant dirett, l-aktar atturi industrijali, inklużi intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs).
Il-proġett huwa parti mill-“Alleanza Ewropea tal-Batteriji” bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri interessati u l-atturi industrijali li adottaw Pjan ta’ Azzjoni Strateġika dwar il-Batteriji f’Mejju 2018.
6. L-iżgurar ta’ kundizzjonijiet ekwi fil-qasam tat-tassazzjoni
Is-salvagwardja ta’ kundizzjonijiet ekwi għall-kumpaniji sabiex jikkompetu fuq il-mertu, anki f’dak li għandu x’jaqsam mat-tassazzjoni, iżżid il-fiduċja fis-Suq Uniku. L-Istati Membri ma jistgħux jagħtu benefiċċji tat-taxxa lil gruppi multinazzjonali li mhumiex disponibbli għal kumpaniji oħrajn (ħafna drabi negozji lokali), billi dan ifixkel serjament il-kompetizzjoni. Barra minn hekk, dan iċaħħad lill-karus pubbliku u lill-kontribwenti tal-UE minn fondi tant meħtieġa għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, il-bini tal-infrastruttura u l-investiment fl-innovazzjoni.
Fl-24 ta’ Settembru 2019, il-Qorti Ġenerali tat l-ewwel sentenzi tagħha dwar id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li fihom sabet li d-deċiżjonijiet tat-taxxa mogħtija lil Starbucks
u Fiat
kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat. Fis-sentenza ta’ Fiat, il-Qorti Ġenerali kkonfermat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta’ Ottubru 2015, fejn qablet li l-Kummissjoni kienet applikat ir-regoli tagħha dwar l-għajnuna mill-Istat b’mod korrett biex tivvaluta jekk kienx hemm vantaġġ illegali u ma kinitx qed tfittex li tarmonizza r-regoli tat-taxxa fil-blokk kollu. Il-Qorti Ġenerali qablet ukoll mas-sejba tal-Kummissjoni li d-deċiżjoni tat-taxxa tal-Lussemburgu kienet selettiva, u b’hekk ma kinitx disponibbli għall-kumpaniji kollha. Fis-sentenza ta’ Starbucks, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta’ Ottubru 2015 u kkonkludiet li l-Kummissjoni ma setgħetx turi l-eżistenza ta’ vantaġġ favur il-kumpanija. Fiż-żewġ każijiet, il-Qorti Ġenerali approvat l-approċċ tal-Kummissjoni fl-użu tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat f’każijiet ta’ taxxa.
Il-Kummissjoni tkompli l-ġlieda tagħha kontra l-benefiċċji selettivi fuq it-taxxa
Fl-2019, il-Kummissjoni kompliet tagħti ħarsa lejn miżuri ta’ ppjanar aggressiv tat-taxxa skont ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat, filwaqt li tivvaluta jekk dawn jirriżultawx f’għajnuna illegali mill-Istat.
Fit-2 ta’ April 2019, il-Kummissjoni kkonkludiet li r-Renju Unit ta benefiċċji illegali fuq it-taxxa lil ċerti kumpaniji multinazzjonali billi tahom eżenzjoni minn sett ta’ regoli kontra l-evitar tat-taxxa magħrufa bħala regoli dwar il-Kumpaniji Kkontrollati minn Barra l-Pajjiż
(Controlled Foreign Company - CFC).
Fl-10 ta’ Jannar 2019, il-Kummissjoni fetħet investigazzjoni fil-fond biex teżamina jekk id-deċiżjonijiet tat-taxxa mogħtija min-Netherlands lil Nike
setgħux jagħtu lill-kumpanija vantaġġ inġust fuq il-kompetituri tagħha, bi ksur tar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat. L-investigazzjoni formali tal-Kummissjoni tikkonċerna t-trattament tat-taxxa fin-Netherlands ta’ żewġ kumpaniji tal-grupp Nike. Mill-2006 sal-2015, l-awtoritajiet tat-taxxa Netherlandiżi ħarġu deċiżjonijiet tat-taxxa, li approvaw metodu biex jiġu kkalkolati r-royalties. B’riżultat ta’ dan, dawn il-kumpaniji tal-grupp kienu ntaxxati biss fuq marġini operattiv limitat ibbażat fuq il-bejgħ. Il-Kummissjoni hija mħassba li l-ħlasijiet tar-royalties approvati mid-deċiżjonijiet jistgħu ma jirriflettux ir-realtà ekonomika. Dawn jidhru li huma ogħla minn dak li kumpaniji indipendenti li jinnegozjaw skont it-termini tas-suq kienu jaqblu fuqu bejniethom f’konformità mal-prinċipju ta’ distakkament.
Fis-16 ta’ Settembru 2019, wara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali li tannulla d-deċiżjoni dwar il-Profitt Eċċessiv Belġjan
minħabba li d-deċiżjonijiet tat-taxxa kellhom jiġu vvalutati individwalment skont ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni fetħet investigazzjonijiet fil-fond separati dwar 39 deċiżjoni tat-taxxa rigward “profitt eċċessiv” mogħtija mill-Belġju lil kumpaniji multinazzjonali
. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni appellat is-sentenza tal-Qorti Ġenerali lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea biex tfittex aktar ċarezza dwar l-eżistenza ta’ skema ta’ għajnuna. Il-proċedimenti għadhom għaddejjin.
7. Nagħmlu s-settur finanzjarju aktar reżiljenti fil-kuntest tal-Unjoni Bankarja
L-istabbilizzazzjoni ġenerali tas-settur finanzjarju Ewropew, mill-kriżi finanzjarja, u l-implimentazzjoni li tinsab għaddejja tal-qafas regolatorju tal-Unjoni Bankarja komplew inaqqsu l-għadd ta’ każijiet ta’ għajnuna mill-Istat fis-settur finanzjarju.
Fil-5 ta’ Diċembru 2019, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni li tikkonkludi li r-rikapitalizzazzjoni tal-bank Ġermaniż Norddeutsche Landesbank – Girozentrale (NordLB)
kienet konformi mas-suq. Il-miżuri kienu jinvolvu investiment dirett ta’ EUR 2,8 biljun u investimenti biex jitwettqu l-bidliet strutturali meħtieġa, kif ukoll tnaqqis fin-numru tal-impjegati, sabiex jiġi żgurat li NordLB ikompli jopera bi profitt fis-suq. Il-Kummissjoni sabet li l-Istat irċieva remunerazzjoni konformi ma’ dak li operatur privat jaċċetta wkoll f’ċirkostanzi simili. Għalhekk, il-miżuri twettqu skont it-termini tas-suq u mingħajr għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tar-regoli tal-UE. Il-Bank Ċentrali Ewropew, bħala s-superviżur responsabbli, ta l-approvazzjoni tiegħu għall-pjan fid-29 ta’ Novembru 2019. F’approċċ simili, fid-29 ta’ Ottubru 2019, il-Kummissjoni kienet sabet li l-pjanijiet tar-Rumanija li tinjetta EUR 200 miljun ta’ kapital fis-CEC Bank kienu se jitwettqu skont it-termini tas-suq u, għalhekk, ma jinvolvu l-ebda għajnuna mill-Istat favur il-bank skont it-tifsira tar-regoli tal-UE.
Madankollu, minkejja t-titjib tar-reżiljenza tas-settur bankarju tal-UE, xi partijiet għadhom jiffaċċjaw kwistjonijiet ta’ legat, bħal-livell ta’ self improduttiv (non-performing loans - NPL), li għadu għoli f’xi Stati Membri. Fl-2019, il-Kummissjoni approvat l-Iskema Ellenika għall-Protezzjoni tal-Assi (magħrufa wkoll bħala “Hercules”)
, immirata biex tindirizza s-self improduttiv fil-Greċja, bħala ħielsa minn għajnuna mill-Istat. Din l-iskema hija eżempju ta’ kif l-Istati Membri jistgħu jgħinu lill-banek inaddfu l-karti bilanċjali tagħhom mingħajr ma jagħtu għajnuna jew ifixklu l-kompetizzjoni.
Inkomplu niżguraw kompetizzjoni ġusta fis-swieq tas-servizzi finanzjarji għall-benefiċċju kemm tal-konsumaturi kif ukoll tan-negozji
It-trasformazzjoni diġitali qed taffettwa s-servizzi finanzjarji daqs kemm qed taffettwa industriji oħrajn fl-Ewropa. It-teknoloġiji diġitali joffru lin-negozji possibbiltajiet ġodda biex jaqdu lill-klijenti aħjar, u b’servizzi li jiswew inqas. Sabiex jisfruttaw bis-sħiħ il-potenzjal tad-diġitalizzazzjoni, il-kumpaniji tat-teknoloġija finanzjarja se jkollhom opportunità reali biex jikkompetu u se jkun meħtieġ li l-oqfsa regolatorji jiżguraw li jkunu jistgħu jinkisbu kundizzjonijiet ekwi fost il-fornituri kollha tas-servizzi finanzjarji.
Fl-2019, l-infurzar tar-regoli tal-kompetizzjoni fis-settur finanzjarju baqa’ kruċjali biex tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta u fl-istess ħin tiġi protetta l-istabbiltà finanzjarja. Fit-22 ta’ Jannar 2019, il-Kummissjoni mmultat l-skema tal-kards ta’ Mastercard
EUR 570 miljun talli fixklet l-aċċess tan-negozjanti għas-servizzi ta’ ħlas transfruntier bil-kard, bi ksur tar-regoli tal-UE dwar l-antitrust.
Mastercard II: il-promozzjoni ta’ kompetizzjoni b’saħħitha fis-settur tal-pagamenti
Il-Mastercard hija t-tieni l-akbar skema ta’ kards fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) f’termini tan-numru ta’ kards tal-konsumatur u l-valur tat-tranżazzjonijiet. Il-pagamenti bil-kard għandhom rwol ewlieni fis-Suq Uniku, bil-konsumaturi u n-negozji Ewropej jagħmlu aktar minn nofs il-pagamenti mhux fi flus kontanti tagħhom permezz tal-kards. Meta konsumatur juża kard ta’ debitu jew ta’ kreditu f’ħanut jew online, il-bank tal-bejjiegħ bl-imnut iħallas tariffa msejħa “tariffa tal-interkambju” lill-bank tad-detentur tal-kard. Il-bank tal-bejjiegħ bl-imnut jgħaddi din it-tariffa lill-bejjiegħ bl-imnut li jinkludiha, bħal kwalunkwe spiża oħra, fil-prezzijiet finali għall-konsumaturi kollha.
L-investigazzjoni tal-Kummissjoni sabet li r-regoli transfruntieri ta’ Mastercard obbligaw lill-banek tal-bejjiegħa bl-imnut biex japplikaw it-tariffi tal-interkambju tal-pajjiż fejn kien jinsab il-bejjiegħ bl-imnut. Dawn ir-regoli wasslu biex il-bejjiegħa bl-imnut iħallsu aktar f’servizzi bankarji biex jirċievu pagamenti bil-kard milli kieku kienu ħielsa li jixtru servizzi bi prezzijiet aktar baxxi. Bl-istess mod, ir-regoli transfruntieri wasslu għal prezzijiet ogħla għall-bejjiegħa bl-imnut u għall-konsumaturi, kompetizzjoni transfruntiera limitata u segmentazzjoni artifiċjali tas-Suq Uniku.
Il-Kummissjoni kkonkludiet li, sad-9 ta’ Diċembru 2015, ir-regoli transfruntieri tal-Mastercard kienu qed jiksru r-regoli tal-UE dwar l-antitrust, billi dawn illimitaw il-possibbiltà li n-negozjanti jibbenefikaw minn kundizzjonijiet aħjar offruti minn banek stabbiliti xi mkien ieħor fis-Suq Uniku. Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni ddeċidiet li timponi multa ta’ EUR 570 miljun fuq Mastercard.
Fid-9 ta’ Diċembru 2015, ir-Regolament dwar it-Tariffa tal-Interkambju (Interchange Fee Regulation - IFR)
kien introduċa limiti għat-tariffi tal-interkambju, li qabel kienu varjaw b’mod konsiderevoli minn pajjiż għal ieħor fiż-ŻEE. Il-Kummissjoni bħalissa qed tivvaluta l-implimentazzjoni tal-IFR tal-2015 u kkummissjonat studju f’dan ir-rigward. Il-Kummissjoni kkonkludiet investigazzjonijiet separati dwar l-antitrust fuq it-tariffi tal-interkambju multilaterali (multilateral interchange fees - MIFs) ta’ Mastercard, Visa Inc. u Visa International applikati għal tranżazzjonijiet fiż-ŻEE magħmula b’kards ta’ debitu u ta’ kreditu tal-konsumatur maħruġa barra miż-ŻEE (MIFs interreġjonali). L-IFR ma llimitax dawn il-MIFs, li kienu jirrappreżentaw piż sinifikanti fuq in-negozjanti Ewropej u żiedu l-prezzijiet tal-bejgħ bl-imnut għall-konsumaturi kollha. Fl-2014, wara l-impenji ta’ Visa Europe, il-proċedimenti dwarha ngħalqu
. Fl-2019, Mastercard, Visa Inc. u Visa International, kull waħda separatament, offrew impenji li għandhom inaqqsu l-MIFs interreġjonali b’medja ta’ 40 %, f’konformità mal-limiti massimi vinkolanti, jew taħthom. Fid-29 ta’ April 2019, il-Kummissjoni adottat żewġ deċiżjonijiet li jagħmlu lil dawn l-impenji legalment vinkolanti skont ir-regoli tal-UE dwar l-antitrust
.
Barra minn hekk, fis-16 ta’ Mejju 2019, il-Kummissjoni, f’żewġ deċiżjonijiet ta’ saldu, immultat lil ħames banek talli ħadu sehem f’żewġ kartelli fis-Suq tal-Kambju Spot (FOREX)
għal 11-il munita ewlenin. L-ewwel deċiżjoni (l-hekk imsejjaħ kartell “Forex – Three-Way Banana Split”) imponiet multa totali ta’ EUR 811 miljun fuq Barclays, the Royal Bank of Scotland (RBS), Citigroup u JPMorgan. Il-ksur beda fit-18 ta’ Diċembru 2007 u ntemm fil-31 ta’ Jannar 2013. It-tieni deċiżjoni (l-hekk imsejjaħ kartell “Forex-Essex Express”) imponiet multa totali ta’ ftit inqas minn EUR 258 miljun fuq Barclays, RBS u MUFG Bank (dak li qabel kien il-Bank of Tokyo-Mitsubishi). Il-ksur beda fl-14 ta’ Diċembru 2009 u ntemm fil-31 ta’ Lulju 2012. L-Union Bank of Switzerland (UBS) kien destinatarju taż-żewġ deċiżjonijiet, iżda ma kienx immultat minħabba li żvela l-eżistenza tal-kartelli lill-Kummissjoni.
Fl-2019, il-Kummissjoni kompliet tissorvelja mill-qrib is-settur tal-kreditu, u ppubblikat rapport
dwar is-sindakazzjoni tas-self tal-UE, inkluż kif jissawru u joperaw dawn is-sindakati, u l-impatt tagħhom fuq il-kompetizzjoni fis-swieq tal-kreditu. Is-self sindakat huwa strument importanti fil-finanzjament ta’ proġetti kbar ta’ infrastruttura u innovazzjoni.
Fis-settur tal-assigurazzjoni, il-Kummissjoni fetħet investigazzjoni formali dwar l-antitrust fil-konfront ta’ Insurance Ireland
f’Mejju 2019, bl-għan li tivvaluta jekk il-kumpaniji li xtaqu joffru s-servizzi tagħhom fis-suq Irlandiż tal-assigurazzjoni tal-vetturi twaqqfux inġustament milli jaċċessaw ġabra ta’ data amministrata minn Insurance Ireland għall-kumpaniji membri tagħha. Jekk jiġu pprovati, il-prattiki li qed jiġu investigati jistgħu jiksru r-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE u jistgħu jwasslu għal għażla mnaqqsa u prezzijiet inqas kompetittivi għax-xufiera Irlandiżi fir-rigward tal-poloz tal-assigurazzjoni tal-vetturi. Il-ftuħ tal-investigazzjoni formali jsegwi l-ispezzjonijiet imwettqa f’Lulju 2017 fis-suq Irlandiż tal-assigurazzjoni tal-vetturi bil-mutur.
8. L-iżgurar ta’ kompetizzjoni ġusta fis-setturi tal-ikel, tal-konsumatur u tas-saħħa
Is-Suq Uniku fetaħ il-possibbiltajiet għall-bejjiegħa bl-imnut u għall-konsumaturi biex jixtru madwar l-Ewropa varjetà akbar ta’ prodotti bi prezzijiet orħos. Meta l-kumpaniji jirrestrinġu lin-negozjanti milli jbigħu prodotti ta’ merchandising b’mod transfruntier u online fis-Suq Uniku tal-UE, dan iwassal għal inqas għażla u prezzijiet ogħla għall-konsumaturi. Ir-regoli tal-kompetizzjoni Ewropej minquxa fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE
jipprojbixxu ftehimiet bejn il-kumpaniji li jimpedixxu, jirrestrinġu jew ifixklu l-kompetizzjoni fis-Suq Uniku tal-UE.
L-infurzar tal-antitrust fi prodotti għall-konsumatur transfruntier
Fl-2019, il-Kummissjoni skrutinizzat mill-qrib diversi każijiet ta’ detenturi tal-liċenzji li ma tħallewx ibigħu prodotti liċenzjati f’pajjiż differenti, bi ksur tar-regoli tal-UE dwar l-antitrust.
Fit-13 ta’ Mejju 2019, il-Kummissjoni mmultat lil Anheuser-Busch InBev NV/SA (AB InBev)
EUR 200,4 miljun talli rrestrinġiet il-bejgħ tal-birra madwar l-Istati Membri ġirien tal-UE, bi ksur tar-regoli tal-UE dwar l-antitrust.
It-tkomplija tal-ġlieda kontra l-prattiki antikompetittivi transfruntieri fis-Suq Uniku
AB InBev hija l-akbar birrerija tad-dinja. L-aktar marka tal-birra popolari tagħha fil-Belġju hija Jupiler, li tirrappreżenta madwar 40 % tas-suq tal-birra Belġjan totali f’termini ta’ volum ta’ bejgħ. AB InBev tbigħ ukoll il-birra Jupiler fi Stati Membri oħrajn tal-UE, inklużi n-Netherlands u Franza.
Fl-investigazzjoni tagħha miftuħa f’Ġunju 2016, il-Kummissjoni sabet li, fin-Netherlands, AB InBev tbigħ il-birra Jupiler lill-bejjiegħa bl-imnut u lill-bejjiegħa bl-ingrossa bi prezzijiet aktar baxxi milli fil-Belġju minħabba kompetizzjoni akbar. Il-Kummissjoni kkonkludiet ukoll li AB InBev hija dominanti fis-suq tal-birra Belġjan u li AB InBev abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq fil-Belġju billi rrestrinġiet il-possibbiltà li s-supermarkets u l-bejjiegħa bl-ingrossa jixtru l-birra Jupiler bi prezzijiet aktar baxxi fin-Netherlands u li jimportawha fil-Belġju. Għalhekk, il-bejgħ transfruntier fis-Suq Uniku kien ristrett, u l-konsumaturi fil-Belġju kellhom iħallsu aktar għall-birra Jupiler.
Il-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE dam għaddej mid-9 ta’ Frar 2009 sal-31 ta’ Ottubru 2016 u l-multa imposta mill-Kummissjoni fuq AB InBev tammonta għal EUR 200 409 000. Bl-istess mod, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni għamlet ir-rimedju, li jiżgura li AB InBev tipprovdi informazzjoni obbligatorja dwar l-ikel kemm bil-Franċiż kif ukoll bl-Olandiż fuq l-imballaġġ tal-prodotti tagħha, legalment vinkolanti għall-ħames snin li ġejjin. Il-Kummissjoni ddeċidiet li tnaqqas il-multa ta’ AB InBev bi 15 % fid-dawl tar-rikonoxximent tal-ksur ta’ AB InBev u tal-implimentazzjoni minnha ta’ rimedji li għandhom l-għan li jiffavorixxu l-kummerċ transfruntieri tal-prodotti tagħha.
Bħala tali, id-dominanza fis-suq mhijiex illegali skont ir-regoli tal-UE dwar l-antitrust. Madankollu, kumpaniji dominanti għandhom responsabbiltà speċjali li ma jabbużawx mis-saħħa tagħhom fis-suq billi jirrestrinġu l-kompetizzjoni, fis-suq fejn huma dominanti jew fi swieq separati.
Fil-25 ta’ Marzu 2019, il-Kummissjoni mmultat lil Nike
EUR 12,5 miljun talli pprojbixxiet lin-negozjanti milli jbigħu prodotti ta’ merchandising liċenzjati, prodotti ta’ merchandising ta’ wħud mill-aktar klabbs u federazzjonijiet tal-futbol magħrufa tal-Ewropa, lil pajjiżi oħrajn fiż-ŻEE. Fl-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni sabet li l-ftehimiet mhux esklussivi ta’ liċenzjar u ta’ distribuzzjoni ta’ Nike kisru r-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE, fost l-oħrajn, minħabba klawżoli li jipprojbixxu espliċitament il-bejgħ attiv u passiv, online u offline lil pajjiżi taż-ŻEE li mhumiex speċifikament allokati lid-detenturi tal-liċenzji. Nike infurzat ukoll ċerti miżuri biex timplimenta indirettament dawk ir-restrizzjonijiet fuq il-bejgħ, pereżempju billi thedded lid-detenturi tal-liċenzji biex itemmu l-kuntratt tagħhom u billi twettaq verifiki biex tiżgura l-konformità mar-restrizzjonijiet. B’mod simili, fid-9 ta’ Lulju 2019, Sanrio
ġiet immultata EUR 6,2 miljun biex tirrestrinġi lin-negozjanti milli jbigħu prodotti ta’ merchandising liċenzjati lil pajjiżi oħrajn fiż-ŻEE. Din ir-restrizzjoni kienet tikkonċerna prodotti b’karattri li huma proprjetà ta’ Sanrio, bħal Hello Kitty. B’mod partikolari, Sanrio llimitat il-lingwi li setgħu jużaw id-detenturi tal-liċenzji fuq il-prodotti ta’ merchandising. Il-prattiki illegali ta’ Sanrio damu għaddejjin madwar 11-il sena. Sanrio u Nike kisbu tnaqqis ta’ 40 % kull waħda tal-multi tagħhom minħabba li, minbarra li rrikonoxxew il-ksur rispettiv tagħhom, huma kkooperaw ħafna mal-Kummissjoni, lil hinn mill-obbligu legali tagħhom li jagħmlu dan. Bl-istess mod, il-Kummissjoni għamlet it-tielet investigazzjoni, li kienet tikkonċerna l-prattiki tal-liċenzjar ta’ Universal Studios, il-proprjetarju ta’, fost l-oħrajn, id-drittijiet għas-serje tal-films Minions u Jurassic World.
Fis-27 ta’ Settembru 2019, il-Kummissjoni mmultat lil Coroos u Groupe CECAB
total ta’ EUR 31,6 miljun talli kisru r-regoli tal-UE dwar l-antitrust. Bonduelle ma ġietx immultata billi hija żvelat l-eżistenza tal-kartell lill-Kummissjoni. Bonduelle, Coroos u Groupe CECAB ipparteċipaw għal aktar minn 13-il sena f’kartell għall-provvista ta’ ċerti tipi ta’ ħxejjex fil-laned lil bejjiegħa bl-imnut u/jew kumpaniji tas-servizzi tal-ikel fiż-ŻEE. Il-kumpaniji ffissaw il-prezzijiet, qablu fuq l-ishma tas-suq u l-kwoti tal-volum, allokaw klijenti u swieq, ikkoordinaw ir-risposti tagħhom għall-offerti u skambjaw informazzjoni kummerċjalment sensittiva. Il-ksur kopra ż-ŻEE kollha u dam mid-19 ta’ Jannar 2000 sal-11 ta’ Ġunju 2013 għal Bonduelle, u sal-1 ta’ Ottubru 2013 għal Coroos u Groupe CECAB. It-tliet kumpaniji ammettew l-involviment tagħhom fil-kartell u qablu li jsolvu l-każ.
Barra minn hekk, f’Novembru 2019, il-Kummissjoni fetħet investigazzjoni formali dwar l-antitrust biex tivvaluta jekk tnejn mill-akbar gruppi ta’ bejjiegħa bl-imnut Franċiżi, Casino Guichard-Perrachon (magħruf bħala “Casino”) u Les Mousquetaires (magħruf bħala “Intermarché”)
, kinux ikkoordinaw l-imġiba tagħhom fis-suq, bi ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE. L-investigazzjoni hija parti mill-isforzi tal-Kummissjoni biex tiżgura li l-bejgħ bl-imnut modern tal-merċa jkun ta’ benefiċċju għall-konsumaturi.
Politika tal-kompetizzjoni li tikkontribwixxi għal prodotti farmaċewtiċi affordabbli u innovattivi
Fit-28 ta’ Jannar 2019, il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport “L-infurzar tal-kompetizzjoni fis-settur farmaċewtiku (2009-2017) – L-awtoritajiet tal-kompetizzjoni Ewropej jaħdmu flimkien għal mediċini affordabbli u innovattivi”
. Ir-rapport jipprovdi ħarsa ġenerali komprensiva u eżempji ta’ kif il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni tat-28 Stat Membru infurzaw ir-regoli tal-UE dwar l-antitrust u l-fużjonijiet fis-settur farmaċewtiku fil-perjodu bejn l-2009 u l-2017. Ir-rapport sab li l-infurzar tal-kompetizzjoni tal-UE għen biex jinżamm il-livell ta’ innovazzjoni fis-settur permezz ta’ intervent kontra prattiki li setgħu fixklu l-inċentivi għall-innovazzjoni.
Fl-2019, il-Kummissjoni kompliet bil-proċedimenti f’żewġ każijiet fejn qed tinvestiga ditti suspettati li jipprevjenu jew inaqqsu l-aċċess tal-konsumaturi għal mediċini effettivi, innovattivi u affordabbli. L-ewwel każ jikkonċerna l-hekk imsejħa prattiki ta’ ħlas għad-dewmien li jxekklu d-dħul fis-suq ta’ modafinil ġeneriku
, mediċina għal disturb fl-irqad. Il-Kummissjoni għandha l-għan li tikkonkludi din l-investigazzjoni matul l-2020. It-tieni każ jikkonċerna l-proċedimenti formali tal-antitrust tal-Kummissjoni li għaddejjin kontra Aspen Pharma
għal abbuż suspettat tal-pożizzjoni dominanti tagħha fis-suq. Il-Kummissjoni qed tinvestiga l-allegazzjonijiet li Aspen Pharma setgħet imponiet prezzijiet inġusti u eċċessivi għal firxa ta’ mediċini kontra l-kanċer fil-pajjiżi kollha fiż-ŻEE, minbarra l-Italja
. Il-Kummissjoni għandha l-għan li tikkonkludi dan il-każ fl-2020.
9. It-trasport u s-servizzi postali
Il-kompetittività tas-settur tat-trasport u tas-settur tas-servizzi postali hija importanti għal Suq Uniku li jiffunzjona tajjeb, b’effetti konsegwenzjali ta’ benefiċċju għal setturi oħrajn f’ekonomija Ewropea integrata fis-swieq globali. F’dawn is-setturi, il-kompetizzjoni hija partikolarment essenzjali għall-benefiċċju tal-konsumaturi, it-tkabbir u l-impjiegi.
Għajnuna mill-Istat fis-settur tat-trasport li tikkontribwixxi għall-prevenzjoni ta’ distorsjonijiet tal-kompetizzjoni
Fit-2 ta’ Awwissu 2019, il-Kummissjoni sabet li l-ftehimiet ta’ kummerċjalizzazzjoni konklużi bejn l-Assoċjazzjoni lokali għall-Promozzjoni tal-Flussi Turistiċi u Ekonomiċi (APFTE) u Ryanair
, fl-ajruport ta’ Montpellier, huma illegali skont ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat. Bejn l-2010 u l-2017, l-APFTE kkonkludiet diversi ftehimiet ta’ kummerċjalizzazzjoni ma’ Ryanair u mas-sussidjarja tagħha Airport Marketing Services (AMS), li abbażi tagħhom il-kumpanija tal-ajru u s-sussidjarja tagħha rċevew pagamenti bi skambju għall-promozzjoni ta’ Montpellier u taż-żona tal-madwar bħala destinazzjoni turistika fuq is-sit web ta’ Ryanair. Dawn il-pagamenti taw vantaġġ selettiv lil Ryanair fuq il-kompetituri tagħha. Franza issa trid tirkupra l-għajnuna illegali mill-Istat fl-ammont ta’ EUR 8,5 miljun mingħand Ryanair. Il-Kummissjoni bħalissa qed tinvestiga aktar ftehimiet bejn l-awtoritajiet pubbliċi u l-linji tal-ajru fl-ajruporti reġjonali ta’ Girona u Reus
fi Spanja.
Fit-28 ta’ Frar 2019, il-Kummissjoni fetħet investigazzjoni fil-fond biex tivvaluta jekk l-appoġġ pubbliku Daniż u Żvediż għall-konnessjoni fissa tat-trasport bil-ferrovija u bit-triq ta’ Øresund
kienx konformi mar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat. Barra minn hekk, f’Ġunju 2019, il-Kummissjoni fetħet investigazzjoni fil-fond biex tiddetermina jekk il-mudell ta’ finanzjament pubbliku tal-konnessjoni fissa tat-trasport bil-ferrovija u bit-triq tal-Fehmarn Belt
bejn id-Danimarka u l-Ġermanja kienx konformi mar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat. Iż-żewġ investigazzjonijiet fil-fond isegwu l-annullament mill-Qorti Ġenerali ta’ deċiżjonijiet preċedenti tal-Kummissjoni li japprovaw l-appoġġi rispettivi.
Fis-16 ta’ Diċembru 2019, il-Kummissjoni approvat, skont ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat, ħames skemi ta’ appoġġ għat-trasport marittimu f’Ċipru, fid-Danimarka, fl-Estonja, fil-Polonja u fl-Iżvezja
. L-iskemi jinkoraġġixxu r-reġistrazzjoni tal-bastimenti fl-Ewropa u jikkontribwixxu għall-kompetittività globali tas-settur mingħajr distorsjoni bla bżonn tal-kompetizzjoni.
Għajnuna mill-Istat lis-servizzi postali: iż-żamma ta’ kundizzjonijiet ekwi
Il-kontroll tal-għajnuna mill-Istat fis-settur postali jiżgura li fejn fornitur ta’ servizz postali, tipikament wieħed eżistenti, ikun fdat b’obbligu ta’ servizz pubbliku li jqum ħafna flus, kwalunkwe kumpens imħallas lill-fornitur ma jfixkilx il-kompetizzjoni bejn l-operaturi postali eżistenti u dawk ġodda.
Fit-22 ta’ Lulju 2019, il-Kummissjoni approvat kumpens għal servizz pubbliku fl-ammont ta’ EUR 171,74 miljun mogħti mill-Italja lil Poste Italiane
għad-distribuzzjoni, b’tariffi mnaqqsin, ta’ ġurnali u pubblikazzjonijiet ta’ pubblikaturi tal-kotba u organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ għall-perjodu 2017-2019.
Barra minn hekk, fl-14 ta’ Ġunju 2019, il-Kummissjoni fetħet investigazzjoni fil-fond biex tivvaluta jekk l-injezzjonijiet ta’ kapital mogħtija mid-Danimarka u mill-Iżvezja lil PostNord u minn PostNord lil Post Danmark humiex konformi mar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat
. Post Danmark huwa l-operatur postali nazzjonali fid-Danimarka u sussidjarju kollu kemm hu proprjetà ta’ PostNord, li min-naħa tiegħu huwa proprjetà tal-Istat Daniż (40 %) u tal-Istat Żvediż (60 %).
10. Ngħaqqdu l-forzi fit-trawwim ta’ kultura ta’ kompetizzjoni Ewropea u globali
Hekk kif is-swieq dinjija qed ikomplu jintegraw u aktar u aktar kumpaniji jiddependu fuq ktajjen ta’ valur globali, l-aġenziji tal-kompetizzjoni għandhom iżidu l-kollaborazzjoni tagħhom u jaqblu dwar standards u proċeduri komuni aktar minn qatt qabel. L-infurzar effettiv tar-regoli tal-kompetizzjoni jiddependi dejjem aktar fuq il-kooperazzjoni ma’ awtoritajiet tal-infurzar oħrajn.
Il-Kummissjoni kompliet tkun minn ta’ quddiem fil-kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam tal-kompetizzjoni, kemm fil-livell multilaterali kif ukoll f’dak bilaterali. Fl-2019, il-Kummissjoni kompliet tinvolvi ruħha b’mod attiv f’fora internazzjonali relatati mal-kompetizzjoni bħall-Kumitat għall-Kompetizzjoni tal-OECD, in-Netwerk Internazzjonali dwar il-Kompetizzjoni (ICN), il-Bank Dinji u l-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp (UNCTAD). Il-Kummissjoni tibqa’ impenjata li trawwem kultura ta’ kompetizzjoni estensiva, kif ukoll li tippromwovi kundizzjonijiet ekwi globali fejn il-kumpaniji jkunu jistgħu jikkompetu fuq il-merti tagħhom. Fl-2019, il-Kummissjoni kompliet bl-isforzi tagħha biex ittejjeb ir-regoli internazzjonali għas-sussidji. Ir-riforma tar-regoli dwar is-sussidju hija waħda mill-prijoritajiet ewlenin tal-UE għall-modernizzazzjoni tar-regoli kummerċjali tad-WTO. Hija kkontribwixxiet ukoll għal fehim komuni li ntlaħaq mal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-pajjiżi tal-G7 fir-rigward tal-isfidi mqajma mill-ekonomija diġitali għall-analiżi tal-kompetizzjoni.
Fil-livell bilaterali, il-Kummissjoni għandha l-għan li tinkludi dispożizzjonijiet dwar il-kompetizzjoni u l-kontroll tal-għajnuna mill-Istat meta tinnegozja Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles (Free Trade Agreements - FTAs). Fl-2019, il-Kummissjoni kompliet in-negozjati tal-FTA mal-Awstralja, mal-Azerbajġan, maċ-Ċilì, mal-Indoneżja, ma’ New Zealand, mat-Tuneżija u mal-Użbekistan, u kkonkludiet in-negozjati mal-Kirgiżistan u mal-Mercosur.
Fl-2019, il-Kummissjoni kompliet ukoll il-kooperazzjoni fil-politika tal-kompetizzjoni u f’każijiet maċ-Ċina u kkonfermat mill-ġdid it-Termini ta’ Referenza tad-Djalogu dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni bejn l-UE u ċ-Ċina
u l-Memorandum ta’ Qbil dwar djalogu fil-qasam tar-reġim ta’ kontroll tal-għajnuna mill-Istat u s-Sistema ta’ Rieżami tal-Kompetizzjoni Ġusta
. In-negozjati tal-Kummissjoni dwar Ftehim ta’ Investiment Komprensiv maċ-Ċina għadhom għaddejjin.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni kompliet il-kooperazzjoni teknika tagħha dwar il-politika tal-kompetizzjoni u l-infurzar mal-imsieħba kummerċjali ewlenin tal-Unjoni Ewropea li magħhom il-Kummissjoni ffirmat Memoranda ta’ Qbil. Fir-rigward tal-pajjiżi ġirien, fl-2019 il-Kummissjoni kienet involuta fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-acquis tal-kompetizzjoni tal-UE f’pajjiżi bħall-Ukrajna.
Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni kompliet tissorvelja l-konformità tal-pajjiżi kandidati għall-adeżjoni mal-UE mal-impenji tagħhom fir-rigward tal-politika tal-kompetizzjoni skont il-ftehimiet ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni.
Kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni fin-Netwerk Ewropew għall-Kompetizzjoni
Mill-2004, il-Kummissjoni Ewropea u l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni fl-Istati Membri kollha tal-UE kkooperaw ma’ xulxin permezz tan-Netwerk Ewropew għall-Kompetizzjoni (NEK). L-għan tan-NEK huwa li jibni qafas ġuridiku effettiv biex tiġi infurzata l-liġi tal-kompetizzjoni Ewropea kontra kumpaniji li jwettqu prattiki tan-negozju transfruntier li jirrestrinġu l-kompetizzjoni.
Fl-2019, il-Kummissjoni kompliet tiżgura l-applikazzjoni koerenti tal-Artikoli 101 u 102 permezz tan-NEK. Tnejn mill-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni ta’ sostenn ewlenin fir-Regolament 1/2003 huma l-obbligu fuq l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni li jinformaw lill-Kummissjoni dwar investigazzjoni ġdida fl-istadju tal-ewwel miżura formali ta’ investigazzjoni u li jikkonsultaw lill-Kummissjoni dwar id-deċiżjonijiet previsti. Fl-2019, ġew imnedija 138 investigazzjoni ġdida fin-netwerk u ġew sottomessi 95 deċiżjoni prevista, meta mqabbla ma’ 165 investigazzjoni ġdida u 75 deċiżjoni prevista fl-2018. Dawn iċ-ċifri jinkludu l-investigazzjonijiet u d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, rispettivament.
Minbarra dawn il-mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni stabbiliti fir-Regolament 1/2003, linji ta’ ħidma oħrajn ta’ kooperazzjoni fin-NEK jiggarantixxu bl-istess mod infurzar koerenti tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE. In-netwerk jiltaqa’ regolarment biex jiddiskuti każijiet fl-istadji bikrija, kwistjonijiet ta’ politika, kif ukoll kwistjonijiet ta’ importanza strateġika. Fl-2019, ġew organizzati 28 laqgħa bejn il-gruppi ta’ ħidma orizzontali u s-sottogruppi speċifiċi għas-settur, fejn l-uffiċjali tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni skambjaw il-fehmiet tagħhom.
Iż-żamma ta’ djalogu interistituzzjonali regolari u kostruttiv
Il-Parlament Ewropew (PE), il-Kunsill u ż-żewġ kumitati konsultattivi, bir-rwoli speċifiċi tagħhom fir-rigward taċ-ċittadini u l-partijiet ikkonċernati Ewropej, huma msieħba ewlenin fid-djalogu dwar il-politika tal-kompetizzjoni.
B’reazzjoni għar-rapport tal-Parlament dwar ir-Rapport Annwali dwar il-Kompetizzjoni tal-2017 (ir-rapporteur M. Reimon), il-Kummissjoni enfasizzat il-każijiet dwar deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa, il-konferenza dwar il-kompetizzjoni fl-era diġitali, it-tħassib ambjentali, l-appoġġ għall-industriji Ewropej, u l-kompetizzjoni bħala wieħed mill-prinċipji gwida tas-Suq Intern.
Ir-risposta tal-Kummissjoni għar-Riżoluzzjoni tal-PE dwar il-politika tal-kompetizzjoni, adottata fit-31 ta’ Jannar 2019, ġiet stabbilita fir-risposta bil-miktub tagħha mibgħuta fit-3 ta’ Lulju. Il-Kummissjoni laqgħet, b’mod partikolari, l-appoġġ tal-PE għal politika tal-kompetizzjoni b’saħħitha u effettiva, inkluż l-appoġġ tagħha għat-tisħiħ tal-kapaċità tal-Awtoritajiet Nazzjonali tal-Kompetizzjoni li tiżgura infurzar aktar effettiv tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-UE permezz tal-hekk imsejħa Direttiva NEK+, u li tiżgura riżorsi suffiċjenti u għodod adegwati għall-Kummissjoni biex timmira l-investigazzjonijiet tagħha u tlestihom malajr, anki b’konnessjoni man-negozjati dwar il-Programm tas-Suq Uniku fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss. Fl-2019, il-Kummissarju Vestager għamlet bosta dehriet fil-Parlament. Fi Frar, il-Kummissarju Vestager dehret quddiem il-Kumitat Speċjali tal-PE dwar it-Tassazzjoni, u attendiet ukoll sessjoni bil-bibien magħluqin tal-grupp ta’ ħidma tal-Unjoni Bankarja tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tal-PE, biex titkellem dwar il-każijiet ta’ għajnuna mill-Istat ta’ Banca Carige u Nord LB, flimkien mal-Viċi President Dombrovskis.
F’Marzu, il-Kummissarju Vestager ipparteċipat fid-Djalogu Strutturali mal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tal-PE, fejn hija nnotat l-appoġġ tal-PE għall-ħidma tal-Kummissjoni fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni, bħala għodda ewlenija biex jitwassal Suq Uniku miftuħ għall-benefiċċju taċ-ċittadini.
Minbarra l-laqgħat bilaterali bejn il-Kummissarju u l-Membri tal-Parlament Ewropew (MPE) individwali, is-servizzi tal-Kummissjoni tad-DĠ għall-Kompetizzjoni taw preżentazzjonijiet tekniċi lill-MPE u lill-persunal tagħhom.
F’Diċembru, bħala parti miċ-ċiklu tar-Rapport Annwali dwar il-Kompetizzjoni 2018, l-Aġent Direttur Ġenerali tad-DĠ għall-Kompetizzjoni pparteċipa fid-diskussjonijiet fil-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tal-PE wara l-preżentazzjoni tal-abbozz ta’ rapport mir-rapporteur Yon-Courtin. Il-Kummissjoni ħadmet ukoll flimkien maż-żewġ kumitati konsultattivi matul is-sena.
Fis-16 ta’ Mejju 2019, il-Kummissarju Vestager ġiet mistiedna għall-543 sessjoni plenarja tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE), għal skambju ta’ fehmiet mal-membri tiegħu dwar l-isfidi tal-politika tal-kompetizzjoni għall-Kummissjoni l-ġdida u l-PE l-ġdid, b’mod partikolari fil-kuntest tal-ekonomija diġitali u l-iżvilupp sostenibbli. Il-Kummissarju Vestager irreferiet għall-isfidi għaċ-ċiklu istituzzjonali l-ġdid, bħal teknoloġiji u innovazzjonijiet ġodda, id-dinamika tat-tkabbir ekonomiku, tassazzjoni effettiva, l-ekonomija ekoloġika, kif ukoll politika dwar it-tibdil fil-klima li tħares ’il quddiem.
Taħt il-Presidenza Rumena tal-Kunsill, fl-ewwel nofs tal-2019, il-Kummissarju Vestager ġiet mistiedna għal dibattitu waqt l-ikla ta’ nofsinhar dwar il-politika industrijali mal-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (Coreper) fit-13 ta’ Marzu. Fl-istess jum, il-Presidenza ppresediet Grupp ta’ Ħidma dwar il-Kompetizzjoni ta’ ġurnata sħiħa, li kien opportunità għad-DĠ għall-Kompetizzjoni biex jagħti tagħrif tekniku lill-attachés tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri fuq firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet li jikkonċernaw il-politika tal-kompetizzjoni. Il-laqgħa ddiskutiet suġġetti li jvarjaw minn sfidi diġitali u l-politika industrijali permezz ta’ kompetizzjoni fis-setturi agrikoli u farmaċewtiċi, il-“kontroll tal-idoneità” u r-reviżjoni tar-Regolament għall-Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa, u żviluppi reċenti dwar ftehimiet ta’ kooperazzjoni mal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni Kanadiżi u Ġappuniżi.
Din ġiet segwita fis-6 ta’ Mejju b’aġġornament dwar bosta minn dawn is-suġġetti, b’enfasi fuq il-kisbiet fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ proġetti importanti ta’ interess Ewropew komuni; ir-Rapport Finali tal-Konsulenti Speċjali dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni għall-Era Diġitali; u r-riżultati tal-Ewrobarometru flimkien mal-perċezzjonijiet taċ-ċittadini dwar il-kompetizzjoni. Fi Frar, fil-Kumitat Speċjali għall-Agrikoltura tal-Kunsill, il-Kummissjoni, irrappreżentata mid-DĠ għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali u d-DĠ għall-Kompetizzjoni, ippreżentat is-sejbiet ewlenin tar-rapport dwar l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni għas-settur agrikolu, skont l-Artikolu 225(d) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 (ir-Regolament dwar l-OKS). Taħt il-Presidenza Finlandiża tal-Kunsill, fit-tieni nofs tal-2019, ir-rappreżentanti tad-DĠ għall-Kompetizzjoni ħadu sehem fid-diskussjonijiet tal-Grupp ta’ Livell Għoli dwar il-Kompetittività u t-Tkabbir dwar is-suġġett “Approċċ olistiku għall-aġenda tal-UE: l-interkonnessjonijiet bejn il-politiki Industrijali u tas-Suq Uniku, inklużi s-servizzi” u taw aġġornament dwar “Id-data u l-politika tal-kompetizzjoni relatati mal-ekonomija tal-pjattaforma”.