Brussell, 11.3.2020

COM(2020) 98 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Pjan ta' Azzjoni ġdid dwar l-Ekonomija Ċirkolari






Għal Ewropea aktar nadifa u kompetittiva


Werrej

1.INTRODUZZJONI

2.Qafas ta’ Politika għall-Prodotti Sostenibbli

2.1.It-tfassil ta’ prodotti sostenibbli

2.2.L-għoti tas-setgħa lill-konsumaturi u lix-xerrejja pubbliċi

2.3.Iċ-ċirkolarità fil-proċessi tal-produzzjoni

3.Il-Ktajjen Ewlenin tal-Valur tal-Prodotti

3.1.L-elettronika u l-ICT

3.2.Batteriji u vetturi

3.3.L-imballaġġ

3.4.Il-plastik9

3.5.It-tessuti10

3.6.Il-kostruzzjoni u l-bini11

3.7.L-ikel, l-ilma u n-nutrijenti12

4.INQAS SKART, AKTAR VALUR13

4.1.Politika msaħħa dwar l-iskart b’appoġġ għall-prevenzjoni tal-iskart u ċ-ċirkolarità13

4.2.It-titjib taċ-ċirkolarità f’ambjent mingħajr tossiċità14

4.3.Il-ħolqien ta’ suq tal-UE li jiffunzjona sewwa għall-materja prima sekondarja14

4.4.L-indirizzar tal-esportazzjonijiet tal-iskart mill-UE15

5.Nagħmlu ċ-ċirkolarità taħdem għan-nies, għar-reġjuni u għall-bliet16

6.AZZJONIJIET TRAŻVERSALI16

6.1.Iċ-ċirkolarità bħala prerekwiżit għan-newtralità klimatika16

6.2.Ikollna l-ekonomija t-tajba17

6.3.Nixprunaw it-tranżizzjoni permezz tar-riċerka, l-innovazzjoni u d-diġitalizzazzjoni18

7.IMMEXXU L-ISFORZI FUQ LIVELL GLOBALI18

8.IL-MONITORAĠĠ TAL-PROGRESS19

9.Konklużjoni20



1.INTRODUZZJONI 

Pjaneta waħda biss għandna, imma sal-2050, id-dinja se tkun qed tikkonsma daqslikieku kellna tlieta 1 . Il-konsum globali ta’ materjali bħall-bijomassa, il-fjuwils fossili, il-metalli u l-minerali mistenni jirdoppja fl-erbgħin sena li ġejjin 2 u l-ġenerazzjoni annwali tal-iskart hija pproġettata li tiżdied b’70 % sal-2050 3 .

Minħabba li nofs l-emissjonijiet totali tal-gassijiet serra u aktar minn 90 % tat-telf tal-bijodiversità u l-istress tal-ilma jiġu mill-estrazzjoni u l-ipproċessar tar-riżorsi, il-Patt Ekoloġiku Ewropew 4 nieda strateġija miftiehma għal ekonomija newtrali għall-klima, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u kompetittiva. Iż-żieda fl-ekonomija ċirkolari minn dawk li huma fuq quddiem nett għall-atturi ekonomiċi ewlenin ser tkun il-forza deċiżiva sabiex tinkiseb in-newtralità klimatika sal-2050 u tkabbir ekonomiku diżakkopjat mill-użu tar-riżorsi, filwaqt li tiżgura l-kompetittività fit-tul tal-UE u li ħadd ma jitħalla l-art.

Biex tissodisfa din l-ambizzjoni, l-UE teħtieġ li tħaffef it-tranżizzjoni lejn mudell ta’ tkabbir riġenerattiv li jagħti lura lejn il-pjaneta aktar milli tieħu, isir progress biex il-konsum tar-riżorsi tagħha jinżamm fil-limiti tal-pjaneta, u għalhekk tagħmel ħilitha biex tnaqqas l-impronta materjali tagħha u tirdoppja r-rata tal-użu tal-materjal ċirkolari tagħha fid-deċennju li ġej.

Għan-negozji , il-ħidma flimkien dwar il-ħolqien ta’ qafas għal prodotti sostenibbli se tipprovdi opportunitajiet ġodda fl-UE u lil hinn minnha. Din it-tranżizzjoni progressiva, iżda irriversibbli, għal sistema ekonomika sostenibbli hija parti indispensabbli mill-istrateġija industrijali l-ġdida tal-UE. Studju riċenti jistma li l-applikazzjoni tal-prinċipji tal-ekonomija ċirkolari madwar l-ekonomija tal-UE għandha l-potenzjal li żżid il-PDG tal-UE b’0.5 % addizzjonali sal-2030 billi toħloq madwar 700 000 impjieg ġdid 5 . Hemm każ ċar ta’ negozju għall-kumpaniji individwali wkoll: peress li d-ditti tal-manifattura fl-UE jonfqu medja ta’ madwar 40 % fuq materjali, mudelli ta’ ċirkwit magħluq jistgħu jżidu l-profittabbiltà tagħhom, filwaqt li jagħtuhom kenn minn varjazzjonijiet fil-prezz tar-riżorsi.

Filwaqt li tibni fuq is-Suq Uniku u l-potenzjal tat-teknoloġiji diġitali, l-ekonomija ċirkolari tista’ ssaħħaħ il-bażi industrijali tal-UE, filwaqt li trawwem il-ħolqien tan-negozju u l-intraprenditorija fost l-SMEs. Il-mudelli nnovattivi tan-negozju bbażati fuq relazzjoni eqreb mal-konsumaturi, il-personalizzazzjoni tal-massa, il-kondiviżjoni u l-ekonomija kollaborattiva, u mħaddma minn teknoloġiji diġitali, bħall-internet tal-oġġetti, il-big data, il-blockchain u l-intelliġenza artifiċjali mhux biss se jħaffu ċ-ċirkolarità imma se jiddimaterjalizzaw l-ekonomija tagħna u jsawru Ewropa anqas dipendenti fuq materjali primarji.

Għaċ-ċittadini, l-ekonomija ċirkolari se tipprovdi prodotti ta’ kwalità għolja, funzjonali u sikuri, li huma effiċjenti u affordabbli, idumu jservu aktar u li huma maħsuba għal użu mill-ġdid, tiswija u riċiklaġġ ta’ kwalità għolja. Firxa sħiħa ġdida ta’ servizzi sostenibbli, mudelli ta’ prodotti daqslikieku kienu servizzi u soluzzjonijiet diġitali ser iġibu magħhom kwalità ta’ ħajja aħjar, impjiegi innovattivi u għarfien u ħiliet imtejba.

Dan il-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Ekonomija Ċirkolari jipprovdi aġenda orjentata lejn il-futur biex tinkiseb Ewropa aktar nadifa u kompetittiva f’ħolqien konġunt mal-atturi ekonomiċi, il-konsumaturi, iċ-ċittadini u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Huwa għandu l-għan li jħaffef il-bidla trasformattiva meħtieġa mill-Patt Ekoloġiku Ewropew, filwaqt li jibni fuq l-azzjonijiet tal-ekonomija ċirkolari implimentati mill-2015 6 . Dan il-pjan se jiżgura li l-qafas regolatorju jiġi ssimplifikat u jsir adatt għal futur sostenibbli, li l-opportunitajiet il-ġodda mit-tranżizzjoni jiġu massimizzati, filwaqt li jiġu minimizzati l-piżijiet fuq in-nies u n-negozji. 

Il-pjan jippreżenta sett ta’ inizjattivi interrelatati biex jiġi stabbilit qafas b’saħħtu u koerenti ta’ politika dwar il-prodotti li jwassal biex il-prodotti, is-servizzi u l-mudelli tan-negozju jsiru sostenibbli u biex ix-xejriet tal-konsum jiġu trasformati b’tali mod li l-ewwel nett ma jiġi prodott l-ebda skart. Dan il-qafas ta’ politika dwar il-prodotti se jiġi introdott progressivament, filwaqt li ktajjen ta’ valur tal-prodotti ewlenin se jiġu indirizzati bħala kwistjoni ta’ prijorità. Ser jiġu implimentati aktar miżuri biex jitnaqqas l-iskart u jiġi żgurat li l-UE jkollha suq intern li jiffunzjona sewwa għall-materja prima sekondarja ta’ kwalità għolja. Il-kapaċità tal-UE li tieħu r-responsabbiltà għall-iskart tagħha ser tissaħħaħ ukoll.

L-Ewropa mhux se tikseb bidla trasformattiva waħedha. L-UE ser tkompli turi t-triq lejn ekonomija ċirkolari fil-livell globali 7 u tuża l-influwenza, l-għarfien espert u r-riżorsi finanzjarji tagħha biex timplimenta l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli għall-2030. Dan il-pjan għandu l-għan ukoll li jiżgura li l-ekonomija ċirkolari taħdem għan-nies, ir-reġjuni u l-bliet, tikkontribwixxi bis-sħiħ għan-newtralità tal-klima u tisfrutta l-potenzjal tar-riċerka, l-innovazzjoni u d-diġitalizzazzjoni. Jipprevedi żviluppi ulterjuri għal-qafas ta’ monitoraġġ sod li jikkontribwixxi għall-kejl tal-benesseri lil hinn mill-PDG.

2.Qafas ta’ Politika għall-Prodotti Sostenibbli

2.1.It-tfassil ta’ prodotti sostenibbli

Filwaqt li sa 80 % tal-impatti ambjentali tal-prodotti jiġu ddeterminati fil-fażi tad-disinn 8 , ix-xejra lineari tal-prinċipju “ħu-uża-armi” ma tipprovdix lill-produtturi b’biżżejjed inċentivi biex jagħmlu l-prodotti tagħhom aktar ċirkolari. Ħafna prodotti jitkissru malajr wisq, ma jistgħux jerġgħu jintużaw, jissewwew jew jiġu rriċiklati kif ġieb u laħaq, u ħafna minnhom huma maħsuba biex jintużaw darba biss. Fl-istess ħin, is-Suq Uniku jagħti lill-UE l-massa kritika li tippermettilha tistabbilixxi standards globali f’oqsma relatati mas-sostenibbiltà tal-prodotti u tinfluwenza d-disinn tal-prodotti u l-ġestjoni tal-katina tal-valur madwar id-dinja.

L-inizjattivi u l-leġiżlazzjoni tal-UE diġà jindirizzaw sa ċertu punt aspetti ta’ sostenibbiltà tal-prodotti, jew fuq bażi obbligatorja inkella volontarja. B’mod partikolari, id-Direttiva dwar l-Ekodisinn 9 tirregola b’suċċess l-effiċjenza fl-enerġija u xi karatteristiċi taċ-ċirkolarità tal-prodotti relatati mal-enerġija. Fl-istess ħin, strumenti bħall-Ekotikketta 10 tal-UE jew il-kriterji tal-akkwist pubbliku ekoloġiku (APE) 11 tal-UE għandhom ambitu usa’ iżda naqqsu l-impatt minħabba l-limitazzjonijiet tal-approċċi volontarji. Fil-fatt, ma hemm l-ebda sett komprensiv ta’ rekwiżiti li jiżguraw li l-prodotti kollha li jitqiegħdu fis-suq tal-UE jsiru dejjem aktar sostenibbli u jkunu jifilħu għat-test taċ-ċirkolarità.

Sabiex il-prodotti jkunu adatti għal ekonomija newtrali għall-klima, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u ċirkolari, inaqqsu l-iskart u jiżguraw li l-prestazzjoni ta’ dawk li jkunu fuq quddiem fis-sostenibbiltà progressivament issir in-norma, il-Kummissjoni se tipproponi inizjattiva leġiżlattiva ta’ politika dwar il-prodotti sostenibbli.

Il-qofol ta’ din l-inizjattiva leġiżlattiva se jkun li d-Direttiva dwar l-Ekodisinn titwessa’ lil hinn mill-prodotti relatati mal-enerġija sabiex il-qafas tal-Ekodisinn ikun applikabbli għall-aktar firxa wiesgħa ta’ prodotti possibbli u jwassal għaċ-ċirkolarità.

Bħala parti minn din l-inizjattiva leġiżlattiva, u, fejn xieraq, permezz ta’ proposti leġiżlattivi komplementari, il-Kummissjoni se tikkunsidra li tistabbilixxi prinċipji ta’ sostenibbiltà u modi xierqa oħra biex tirregola l-aspetti li ġejjin:

·it-titjib tad-durabilità, tal-possibbiltajiet ta’ użu mill-ġdid, ta’ titjib tal-kwalità u ta’ tiswija, li jindirizzaw il-preżenza ta’ sustanzi kimiċi perikolużi fil-prodotti, u li jżidu l-effiċjenza enerġetika u tar-riżorsi tagħhom;

·iż-żieda tal-kontenut riċiklat fil-prodotti, filwaqt li jiġu żgurati l-prestazzjoni u s-sikurezza tagħhom;

·l-iffaċilitar tal-manifattura mill-ġdid u r-riċiklaġġ ta’ kwalità għolja;

·It-tnaqqis tal-karbonju u l-impronta ambjentali;

·It-trażżin ta’ prodotti li jintużaw darba u jintremew u l-ġlieda kontra il-prodotti li f’kemm ilna ngħidu ma jkunux għadhom utli;

·L-introduzzjoni ta’ projbizzjoni tal-qerda ta’ oġġetti mhux mibjugħa li jkunu għadhom tajbin;

·L-inċentivar ta’ prodotti daqslikieku kienu servizzi jew mudelli oħra li bihom il-prodott jibqa’ jappartjeni għall-produttur jew il-produttur jibqa’ responsabbli mill-prestazzjoni tal-prodott sa tmiem iċ-ċiklu tal-ħajja tiegħu;

·Il-mobilizzazzjoni tal-potenzjal tad-diġitalizzazzjoni tal-informazzjoni dwar il-prodotti inklużi soluzzjonijiet bħal passaporti diġitali, ittaggjar u marki tal-ilma;

·premjazzjoni lil prodotti abbażi tal-prestazzjoni tas-sostenibbiltà differenti tagħhom, inkluż billi l-livelli ta’ prestazzjoni għolja jintrabtu ma’ inċentivi .

Ser tingħata prijorità lill-indirizzar tal-gruppi ta’ prodotti identifikati fil-kuntest tal-ktajjen ta’ valur li jinsabu f’dan il-Pjan ta’ Azzjoni, bħall-elettronika, l-ICT u t-tessuti iżda wkoll l-għamara u l-prodotti intermedjarji b’impatt għoli bħall-azzar, is-siment u s-sustanzi kimiċi. Gruppi ta’ prodotti oħrajn se jiġu identifikati abbażi tal-impatt ambjentali u l-potenzjal ta’ ċirkolarità tagħhom.

Din l-inizjattiva leġiżlattiva u kull approċċ komplimentari regolatorju jew volontarju se jiġu żviluppati b’mod li jtejbu l-koerenza ma’ strumenti eżistenti li jirregolaw il-prodotti tul diversi fażijiet taċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom. Hija l-intenzjoni tal-Kummissjoni li l-prinċipji tas-sostenibbiltà tal-prodotti se jiggwidaw politika usa’ u żviluppi leġiżlattivi fil-futur. Il-Kummissjoni se żżid ukoll l-effikaċja tal-qafas tal-Ekodisinn attwali għall-prodotti relatati mal-enerġija, inkluż billi tadotta u timplimenta malajr Pjan ta’ Ħidma ġdid dwar l-Ekodisinn u t-Tikkettar tal-Enerġija 2020–2024 għal gruppi ta’ prodotti individwali.

Ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Ekodisinn kif ukoll aktar ħidma fuq gruppi ta’ prodotti speċifiċi, fil-qafas tal-Ekodisinn jew fil-kuntest ta’ strumenti oħra, se tibni, fejn xieraq, fuq il-kriterji u r-regoli stabbiliti skont ir-Regolament dwar l-Ekotikketta tal-UE, l-approċċ dwar l-impronta ambjentali tal-prodotti 12 u l-kriterji tal-UE għall-APE . Il-Kummissjoni se tikkunsidra l-introduzzjoni ta’ rekwiżiti obbligatorji biex tiżdied is-sostenibbiltà mhux biss tal-prodotti, iżda wkoll tas-servizzi. Il-possibbiltà li jiġu introdotti rekwiżiti marbuta mal-aspetti ambjentali u soċjali tul il-katina tal-valur, mill-produzzjoni permezz tal-użu sa tmiem iċ-ċiklu tal-ħajja, se tiġi vvalutata bir-reqqa wkoll, inkluż fil-kuntest tar-regoli tad-WTO. Pereżempju, l-iżgurar tal-aċċessibbiltà ta’ ċerti prodotti u servizzi 13 flimkien mal-kontribut għall-inklużjoni soċjali jista’ jkollu l-benefiċċji miżjuda ta’ żieda fid-durabbiltà tal-prodott u fl-użu mill-ġdid tiegħu.

Barra minn hekk, biex tappoġġja l-applikazzjoni effettiva u effiċjenti tal-qafas il-ġdid tal-prodott sostenibbli, il-Kummissjoni se:

·tistabbilixxi Spazju tad-Data Ewropew għall-Applikazzjonijiet Ċirkolari Intelliġenti 14 b’data dwar il-ktajjen ta’ valur u l-informazzjoni dwar il-prodott;

·Iżżid l-isforzi, b’kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali, dwar l-infurzar ta’ rekwiżiti ta’ sostenibbiltà applikabbli għal prodotti mqiegħda fis-suq tal-UE, b’mod partikolari permezz ta’ spezzjonijiet miftiehma u azzjonijiet ta’ sorveljanza tas-suq.

2.2.L-għoti tas-setgħa lill-konsumaturi u lix-xerrejja pubbliċi

L-għoti tas-setgħa lill-konsumaturi huwa element ewlieni tal-qafas ta’ politika dwar il-prodotti sostenibbli. Sabiex tissaħħaħ il-parteċipazzjoni tal-konsumaturi fl-ekonomija ċirkolari, il-Kummissjoni se tipproponi reviżjoni tal-liġi tal-UE dwar il-konsumatur biex tiżgura li l-konsumaturi jirċievu informazzjoni affidabbli u rilevanti dwar il-prodotti fil-post tal-bejgħ, inkluż dwar it-tul tal-ħajja tagħhom u dwar id-disponibbiltà ta’ servizzi ta’ tiswija, spareparts u manwali ta’ tiswija. Il-Kummissjoni se tikkunsidra wkoll proposti biex tkompli tissaħħaħ il-protezzjoni tal-konsumatur kontra l-ħasil ekoloġiku u l-obsolenza prematura, tistabbilixxi rekwiżiti minimi għal tikketti/logos ta’ sostenibbiltà u għal għodod ta’ informazzjoni.

15 F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni se taħdem biex tistabbilixxi “dritt għat-tiswija” ġdid u se tikkunsidra drittijiet materjali orizzontali ġodda għall-konsumaturi pereżempju fir-rigward ta’ garanziji estiżi, id-disponibbiltà ta’ spareparts jew l-aċċess għat-tiswija u, fil-każ tal-ICT u l-elettronika, għas-servizzi ta’ aġġornament. Rigward ir-rwol li l-garanziji jista’ jkollhom fil-provvista ta’ aktar prodotti ċirkolari, il-Kummissjoni se tesplora wkoll bidliet possibbli fil-kuntest tar-rieżami tad-Direttiva 2019/771.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ser tesiġi li l-kumpaniji jissostanzjaw l-asserzjonijiet ambjentali tagħhom billi jużaw il-metodi tal-Impronta Ambjentali tal-Prodotti u tal-Organizzazzjonijiet. Il-Kummissjoni se tittestja l-integrazzjoni ta’ dawn il-metodi fl-Ekotikketta tal-UE u tinkludi b’mod aktar sistematiku d-durabbiltà, ir-riċiklabbiltà u l-kontenut riċiklat fil-kriterji tal-Ekotikketta tal-UE.

Il-kapaċità tal-akkwist tal-awtoritajiet pubbliċi, li tirrappreżenta 14 % tal-PDG tal-UE, tista’ sservi bħala xprunatur b’saħħtu biex tingħata spinta lid-domanda għal prodotti sostenibbli. Il-Kummissjoni ser tipproponi kriterji ekoloġiċi obbligatorji minimi għall-akkwist pubbliku fil-leġiżlazzjoni settorjali u ser tintroduċi gradwalment rapportar obbligatorju biex timmonitorja l-adozzjoni tal-Akkwist Pubbliku Ekoloġiku (APE) mingħajr ma toħloq xi piż amministrattiv mhux ġustifikat għax-xerrejja pubbliċi. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tkompli tappoġġja l-bini tal-kapaċità bi gwida, taħriġ u disseminazzjoni ta’ prattiki tajba u tħeġġeġ lix-xerrejja pubbliċi biex jieħdu sehem f’inizjattiva “Xerrejja Pubbliċi għall-Klima u l-Ambjent”, li se tiffaċilita l-iskambji fost ix-xerrejja impenjati għall-implimentazzjoni tal-APE.

2.3.Iċ-ċirkolarità fil-proċessi tal-produzzjoni

Iċ-ċirkolarità hija parti essenzjali minn trasformazzjoni usa’ tal-industrija lejn in-newtralità klimatika u l-kompetittività fit-tul. Hija tista’ twassal għal iffrankar sostanzjali tal-materjali tul il-ktajjen tal-valur u l-proċessi tal-produzzjoni, tiġġenera valur żejjed u tisfrutta opportunitajiet ekonomiċi. F’sinerġija mal-għanijiet stipulati fl-Istrateġija Industrijali 16 , il-Kummissjoni ser tippermetti ċirkolarità akbar fl-industrija billi:

·Tivvaluta l-għażliet biex tkompli tippromwovi ċ-ċirkolarità fil-proċessi industrijali fil-kuntest tar-rieżami tad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali 17 , inkluża l-integrazzjoni tal-prattiki tal-ekonomija ċirkolari fid-dokumenti ta’ referenza li jmiss tal-Aqwa Tekniki Disponibbli;

·tiffaċilita s-simbjożi industrijali billi tiżviluppa sistema ta’ rapportar u ċertifikazzjoni mmexxija mill-industrija, filwaqt li tippermetti l-implimentazzjoni ta’ simbjożi teknoloġika;

·tappoġġja is-settur sostenibbli u ċirkolari b’bażi bijoloġika permezz tal-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Bijoekonomija 18 ;

·tippromwovi l-użu ta’ teknoloġiji diġitali għall-insegwiment, it-traċċar u l-immappjar tar-riżorsi;

·tippromwovi l-adozzjoni ta’ teknoloġiji ekoloġiċi permezz ta’ sistema ta’ verifika solida billi tirreġistra l-iskema ta’ Verifika tat-Teknoloġija Ambjentali tal-UE bħala marka ta’ ċertifikazzjoni tal-UE.

19 L-Istrateġija l-ġdida għall-SMEs se trawwem il-kollaborazzjoni industrijali ċirkolari fost l-SMEs li jibnu fuq it-taħriġ, il-pariri taħt in-Netwerk Enterprise Europe dwar il-kollaborazzjoni bejn ir-raggruppamenti, u dwar it-trasferiment tal-għarfien permezz taċ-Ċentru Ewropew tal-Għarfien dwar l-Effiċjenza fir-Riżorsi.

3.Il-Ktajjen Ewlenin tal-Valur tal-Prodotti 

L-isfida tas-sostenibbiltà maħluqa mill-ktajjen tal-valur ewlenin teħtieġ azzjoni urġenti, komprensiva u kkoordinata, inkluża ħidma bbażata fuq il-prinċipji tal-politika dwar il-prodotti sostenibbli deskritti fit-taqsima 2. Dawk l-azzjonijiet se jikkontribwixxu għar-rispons għall-emerġenza klimatika u se jikkontribwixxu għall-Istrateġija Industrijali tal-UE, kif ukoll għall-bijodiversità li jmiss, mir-Razzett sal-Mejda, u għall-istrateġiji tal-foresti. Bħala parti mill-governanza tal-azzjonijiet settorjali, il-Kummissjoni se tikkoopera mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati fil-ktajjen tal-valur biex tidentifika l-ostakli għall-espansjoni tas-swieq għall-prodotti ċirkolari u modi biex jiġu indirizzati dawk l-ostakli.

3.1.L-elettronika u l-ICT 

Madankollu, it-tagħmir elettriku u elettroniku qed ikompli jkun wieħed mill-flussi tal-iskart li qed jikbru l-aktar malajr fl-UE, bir-rati attwali ta’ tkabbir annwali ta’ 2 %. Huwa stmat li inqas minn 40 % tal-iskart elettroniku jiġi riċiklat fl-UE 20 . Meta l-prodotti kompletament jew parzjalment funzjonali jintremew minħabba li ma jkunux jistgħu jissewwew, il-batterija ma tkunx tista’ tinbidel, is-softwer ma jibqax appoġġjat, jew meta l-materjali inkorporati f’dan it-tagħmir ma jiġux irkuprati, il-valur jintilef. Madwar tnejn minn kull tliet Ewropej jixtiequ jkomplu jużaw il-mezzi diġitali attwali tagħhom għal żmien itwal, sakemm il-prestazzjoni ma tiġix affettwata b’mod sinifikanti 21 .

Sabiex tindirizza dawn l-isfidi, il-Kummissjoni ser tippreżenta “Inizjattiva tal-Elettronika Ċirkolari” li timmobilizza l-istrumenti eżistenti u ġodda biex tinkorpora ċ-ċirkolarità fl-elettronika mqiegħda fis-suq tal-UE. F’konformità mal-qafas ta’ politika l-ġdid dwar il-prodotti sostenibbli, din l-inizjattiva ser tippromwovi ħajja itwal tal-prodotti, inklużi, fost l-oħrajn, l-azzjonijiet li ġejjin:

·Miżuri regolatorji għall-elettronika u l-ICT, bħal telefons ċellulari, tablets u laptops skont id-Direttiva dwar l-Ekodisinn, sabiex dawn l-apparati jkunu ddisinjati għall-effiċjenza enerġetika u d-durabbiltà, il-possibbiltà ta’ tiswija, il-possibbiltà ta’ ammeljorament, il-manutenzjoni, l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ. Il-pjan ta’ Ħidma dwar l-Ekodisinn li ġej se jistabbilixxi aktar dettalji dwar dan. Printers u oġġetti konsumibbli bħal cartridges ikunu koperti wkoll, sakemm is-settur ma jilħaqx ftehim volontarju ambizzjuż fis-sitt xhur li ġejjin;

·enfasi fuq l-elettronika u l-ICT bħala settur ta’ prijorità għall-implimentazzjoni tad-“dritt għat-tiswija”, inkluż id-dritt li jiġi aġġornat is-softwer obsolet;

·miżuri regolatorji fuq iċ-ċarġers għat-telefowns ċellulari u apparat simili, inkluż dwar il-durabbiltà tal-kejbils u l-introduzzjoni ta’ ċarġer komuni, u inċentivi biex ix-xiri ta’ ċarġers jiġi separati mix-xiri ta’ apparat ġdid;

·It-titjib tal-ġbir u t-trattament tal-iskart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku 22 inkluż permezz tal-esplorazzjoni ta’ għażliet għal skema ta’ teħid lura madwar l-UE kollha għar-ritorn jew il-bejgħ lura ta’ telefons ċellulari, tablets u ċarġers qodma;

·Ir-rieżami tar-regoli tal-UE dwar ir-restrizzjonijiet ta’ sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku 23 u l-għoti ta’ gwida biex tittejjeb il-koerenza mal-leġiżlazzjoni rilevanti, pereżempju, ir-REACH 24 u l-Ekodisinn.

3.2.Batteriji u vetturi

Il-batteriji u l-vetturi sostenibbli jirfdu l-mobbiltà tal-ġejjieni. Sabiex isir progress malajr fl-iżgurar tas-sostenibbiltà tal-katina tal-valur tal-batteriji emerġenti għall-elettromobbiltà u fit-tisħiħ tal-potenzjal ċirkolari tal-batteriji kollha, din is-sena l-Kummissjoni ser tipproponi qafas regolatorju ġdid għall-batteriji. Din il-proposta leġiżlattiva ser tibni fuq il-ħidma tal-Alleanza tal-Batteriji 25 u fuq l-evalwazzjoni tad-Direttiva dwar il-Batteriji u tista’ tinkludi l-azzjonijiet li ġejjin:

·ir-regoli dwar il-kontenut irriċiklat u miżuri maħsuba biex itejbu r-rati tal-ġbir u r-riċiklaġġ tal-batteriji kollha, jiżguraw l-irkupru ta’ materjali ta’ valur u jipprovdu gwida lill-konsumaturi;

·L-indirizzar tal-batteriji li ma jistgħux jiġu ċċarġjati mill-ġdid bl-għan li jitwaqqaf gradwalment u b’mod progressiv l-użu usa’ tagħhom fejn jeżistu alternattivi;

·Rekwiżiti ta’ sostenibbiltà għall-batteriji biex jindirizzaw, pereżempju, l-impronta tal-karbonju tal-manifattura tal-batteriji, l-akkwist etiku ta’ materja prima u l-faċilitazzjoni tal-użu mill-ġdid, l-għoti ta’ skop ġdid u r-riċiklaġġ.

Ir-reviżjoni tar-regoli dwar il-vetturi li ma għadhomx jintużaw 26 ser ikollha l-għan li tippromwovi mudelli tan-negozju aktar ċirkolari billi torbot il-kwistjonijiet tad-disinn mat-trattament fi tmiem il-ħajja tagħhom, filwaqt li tqis ir-regoli dwar il-kontenut irriċiklat obbligatorju għal ċerti materjali ta’ komponenti u ttejjeb l-effiċjenza tar-riċiklaġġ. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ser tikkunsidra l-aktar miżuri effettivi biex tiżgura l-ġbir u t-trattament ambjentalment korrett taż-żjut għar-rimi.

Minn perspettiva usa’, l-Istrateġija Komprensiva Ewropea dwar il-Mobilità Sostenibbli u Intelliġenti li jmiss ser tfittex li ttejjeb is-sinerġiji mat-tranżizzjoni tal-ekonomija ċirkolari, b’mod partikolari billi jiġu applikati soluzzjonijiet ta’ prodotti b’servizz biex jitnaqqas il-konsum ta’ materjal verġni, jiġu ottimizzati l-infrastruttura u l-użu tal-vetturi, jiżdiedu r-rati ta’ okkupazzjoni u l-fatturi ta’ tagħbija u jiġu eliminati l-iskart u t-tniġġis.

3.3.L-imballaġġ

L-ammont ta’ materjali użati għall-imballaġġ qed jiżdied kontinwament u, fl-2017, l-iskart mill-imballaġġ fl-Ewropa laħaq – 173 kg għal kull abitant, l-ogħla livell li qatt intlaħaq. Sabiex jiġi żgurat li l-imballaġġ kollu fis-suq tal-UE jkun jista’ jerġa’ jintuża jew jiġi rriċiklat b’mod ekonomikament vijabbli sal-2030, il-Kummissjoni ser tirrevedi d-Direttiva 94/62/KE 27 biex issaħħaħ ir-rekwiżiti essenzjali obbligatorji għall-imballaġġ li għandu jkun permess fis-suq tal-UE, titlob lill-Organizzazzjonijiet Ewropej għall-Istandardizzazzjoni biex jipprovdu dettalji tekniċi u tikkunsidra miżuri oħrajn, b’enfasi fuq:

·It-tnaqqis tal-imballaġġ (eċċessiv) u tal-iskart mill-imballaġġ, inkluż permezz tal-iffissar ta’ miri u miżuri oħrajn għall-prevenzjoni tal-iskart;

·spinta lid-disinn għall-użu mill-ġdid u r-riċiklabbiltà tal-imballaġġ, inkluż billi jitqiesu r-restrizzjonijiet fuq l-użu ta’ ċerti materjali ta’ imballaġġ għal ċerti applikazzjonijiet, b’mod partikolari fejn prodotti jew sistemi alternattivi li jistgħu jerġgħu jintużaw huma possibbli jew oġġetti tal-konsum jistgħu jiġu mmaniġġjati b’mod sikur mingħajr imballaġġ;

·Il-kunsiderazzjoni tat-tnaqqis tal-kumplessità tal-materjali tal-imballaġġ, inkluż għadd ta’ materjali u l-polimeri użati.

Bħala parti mill-inizjattiva biex jiġu armonizzati s-sistemi ta’ ġbir separati msemmija fil-kapitolu 4.1, il-Kummissjoni ser tivvaluta l-fattibbiltà tal-introduzzjoni ta’ tikkettar madwar l-UE li jiffaċilita s-separazzjoni korretta tal-iskart mill-imballaġġ fis-sors.

Il-Kummissjoni se tistabbilixxi wkoll regoli għar-riċiklaġġ sikur f’materjali li jiġu f’kuntatt mal-ikel ta’ materjali tal-plastik għajr il-PET.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ser tissorvelja u tappoġġja strettament l-implimentazzjoni tar-rekwiżiti tad-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb biex tagħmel l-ilma tal-vit tajjeb għax-xorb aċċessibbli f’postijiet pubbliċi, li ser inaqqsu kemm id-dipendenza fuq l-ilma bbottiljat kif ukoll l-iskart mill-imballaġġ.

3.4.Il-plastik

L-Istrateġija tal-UE għall-Plastiks fl-Ekonomija Ċirkolari 28 nediet sett komprensiv ta’ inizjattivi li jirrispondu għal sfida ta’ tħassib pubbliku serju. Madankollu, peress li l-konsum tal-plastiks mistenni jirdoppja fl-20 sena li ġejjin, il-Kummissjoni se tieħu aktar miżuri mmirati biex tindirizza l-isfidi ta’ sostenibbiltà ppreżentati minn dan il-materjal li jinsab kullimkien u se tkompli tippromwovi approċċ miftiehem biex jiġi indirizzat it-tniġġis tal-plastik fil-livell globali kif stabbilit fit-taqsima 7.

Sabiex jiżdied l-użu tal-plastik riċiklat u jingħata kontribut għall-użu aktar sostenibbli tal-plastik, il-Kummissjoni se tistabbilixxi rekwiżiti obbligatorji għall-kontenut irriċiklat u għall-miżuri għat-tnaqqis tal-iskart għall-prodotti ewlenin bħall-imballaġġ, il-materjali tal-kostruzzjoni u l-vetturi, filwaqt li tqis ukoll l-attivitajiet tal-Alleanza Ċirkolari dwar il-Plastik.

Il-Kummissjoni ser tindirizza l-preżenza tal-mikroplastik fl-ambjent billi:

·Tirrestrinġi l-mikroplastik miżjud intenzjonalment, abbażi tal-opinjoni tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi;

·l-iżvilupp ta’ miżuri ta’ tikkettar, ta’ standardizzazzjoni, ta’ ċertifikazzjoni u regolatorji dwar ir-rilaxx mhux intenzjonat tal-mikroplastiċi, inklużi miżuri biex jiżdied il-qbid ta’ mikroplastiċi fl-istadji rilevanti kollha taċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodotti;

·aktar żvilupp u metodi ta’ armonizzazzjoni għall-kejl tal-mikroplastiċi rilaxxati b’mod mhux intenzjonat, speċjalment minn tajers u tessuti, u t-twassil ta’ data armonizzata dwar il-konċentrazzjonijiet ta’ mikroplastiks fl-ilma baħar.

·jiġu eliminati d-diskrepanzi dwar l-għarfien xjentifiku relatat mar-riskju u l-okkorrenza ta’ mikroplastiċi fl-ambjent, fl-ilma tax-xorb u fl-ikel.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tindirizza l-isfidi tas-sostenibbiltà emerġenti billi tiżviluppa qafas ta’ politika dwar :

·L-akkwist, it-tikkettar u l-użu ta’ plastik b’bażi bijoloġika, abbażi tal-valutazzjoni ta’ fejn l-użu ta’ materja prima b’bażi bijoloġika jirriżulta f’benefiċċji ambjentali ġenwini, li jmorru lil hinn mit-tnaqqis fl-użu tar-riżorsi fossili;

·L-użu ta’ plastik bijodegradabbli jew kompostabbli, abbażi tal-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet fejn dan l-użu jista’ jkun ta’ benefiċċju għall-ambjent, kif ukoll tal-kriterji għal tali applikazzjonijiet. Dan ser jiżgura li prodott li jkun ittikkettat bħala “bijodegradabbli” jew “kompostabbli” ma jiżgwidax lill-konsumaturi f’għażliet ta’ rimi li jikkawżaw tniġġis tal-plastik minħabba kundizzjonijiet ambjentali mhux xierqa jew żmien insuffiċjenti għad-degradazzjoni.

Il-Kummissjoni ser tiżgura l-implimentazzjoni f’waqtha tad-Direttiva l-ġdida dwar il-prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss 29 u l-irkaptu tas-sajd biex tiġi indirizzata l-problema tat-tniġġis tal-plastik fil-baħar, filwaqt li jiġi ssalvagwardjat is-suq uniku tal-UE, b’mod partikolari fir-rigward ta’:

·Interpretazzjoni armonizzata tal-prodotti koperti mid-Direttiva;

·It-tikkettar ta’ prodotti bħat-tabakk, it-tazzi tax-xorb u l-wet wipes u l-iżgurar tal-introduzzjoni ta’ tappijiet marbutin mal-fliexken għall-prevenzjoni tal-iskart;

·L-iżvilupp għall-ewwel darba ta’ regoli dwar il-kejl tal-kontenut irriċiklat fil-prodotti.

3.5.It-tessuti

It-tessuti huma r-raba’ kategorija bl-ogħla pressjoni għall-użu ta’ materja prima primarja u l-ilma, wara l-ikel, l-akkomodazzjoni u t-trasport, u l-ħames fuq l-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra 30 . Huwa stmat li inqas minn 1 % tat-tessuti kollha madwar id-dinja jiġu rriċiklati f’tessuti ġodda 31 . Is-settur tat-tessuti tal-UE, fil-biċċa l-kbira tiegħu magħmul minn SMEs, beda jirkupra wara perjodu twil ta’ ristrutturar, għalkemm 60 % tal-ħwejjeġ mibjugħa fl-UE, skont il-valur tagħhom, jiġu prodotti f’pajjiżi terzi.

Fid-dawl tal-kumplessità tal-katina tal-valur tat-tessuti, biex twieġeb għal dawn l-isfidi l-Kummissjoni se tipproponi Strateġija komprensiva tal-UE għat-tessuti, ibbażata fuq l-input mill-industrija u partijiet ikkonċernati oħra. L-istrateġija ser ikollha l-għan li ssaħħaħ il-kompetittività industrijali u l-innovazzjoni fis-settur, tagħti spinta lis-suq tal-UE għal tessuti sostenibbli u ċirkolari, inkluż is-suq għall-użu mill-ġdid tat-tessuti, u tixpruna mudelli ta’ negozju ġodda. Dan ser jinkiseb permezz ta’ sett komprensiv ta’ miżuri, inklużi:

·l-applikazzjoni għat-tessuti, fejn xieraq, tal-qafas sostenibbli ġdid ta’ prodotti sostenibbli, kif stabbilit fit-taqsima 2, inklużi l-iżvilupp ta’ miżuri ta’ ekodisinn li jiżguraw li l-prodotti tessili huma adatti għaċ-ċirkolarità, l-iżgurar tal-użu ta’ materja prima sekondarja u l-preżenza ta’ sustanzi kimiċi perikolużi, u li n-negozji u l-konsumaturi privati jkollhom is-setgħa li jagħżlu tessuti sostenibbli u jkollhom aċċess faċli għas-servizzi ta’ użu mill-ġdid u tiswija;

·It-titjib tal-ambjent tan-negozju u regolatorju għal tessuti sostenibbli u ċirkolari fl-UE, b’mod partikolari billi jiġu pprovduti inċentivi u appoġġ għall-prodotti bħala mudelli ta’ servizz, materjali ċirkolari u proċessi ta’ produzzjoni, u billi tiżdied it-trasparenza permezz ta’ kooperazzjoni internazzjonali;

·Gwida biex jinkisbu livelli għoljin ta’ ġbir separat ta’ skart tat-tessuti, li l-Istati Membri jridu jiżguraw sal-2025;

·It-tisħiħ tas-separazzjoni, l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ tat-tessuti, inkluż permezz tal-innovazzjoni, l-inkoraġġiment ta’ applikazzjonijiet industrijali u miżuri regolatorji, bħar-responsabbiltà estiża tal-produtturi.

3.6.Il-kostruzzjoni u l-bini 

L-ambjent mibni għandu impatt sinifikanti fuq ħafna setturi tal-ekonomija, fuq l-impjiegi lokali u l-kwalità tal-ħajja. Dan jeħtieġ ammonti kbar ta’ riżorsi u jammonta għal madwar 50 % tal-materjal estratt kollu. Is-settur tal-kostruzzjoni huwa responsabbli għal aktar minn 35 % tal-ġenerazzjoni totali tal-iskart tal-UE 32 . L-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra mill-estrazzjoni tal-materjal, mill-manifattura ta’ prodotti għall-bini, mill-kostruzzjoni u mir-rinnovazzjoni tal-bini huma stmati għal 5-12 % tal-emissjonijiet totali tal-gassijiet b’effett ta’ serra nazzjonali 33 . Effiċjenza materjali akbar tista’ tiffranka 80 % ta’ dawk l-emissjonijiet 34 .

Sabiex tisfrutta dan il-potenzjal fiż-żieda fl-effiċjenza tal-materjali u fit-tnaqqis tal-impatti klimatiċi il-Kummissjoni ser tniedi Strateġija komprensiva ġdida għal Ambjent Mibni Sostenibbli. L-Istrateġija ser tiżgura l-koerenza fl-oqsma ta’ politika rilevanti bħall-effiċjenza enerġetika, l-immaniġġjar tal-iskart mill-kostruzzjoni, id-diġitalizzazzjoni u l-ħiliet. Hija ser tippromwovi l-prinċipji taċ-ċirkolarità matul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja tal-bini billi:

·Tindirizza l-prestazzjoni tas-sostenibbiltà tal-prodotti għall-bini fil-kuntest tar-reviżjoni tar-Regolament dwar il-Prodotti għall-Bini 35 , inkluża l-possibbiltà li jiġu introdotti rekwiżiti ta’ kontenut irriċiklat għal ċerti prodotti għall-bini, filwaqt li jitqiesu s-sikurezza u l-funzjonalità tagħhom;

·Il-promozzjoni ta’ miżuri li jtejbu d-durabbiltà u l-adattabbiltà tal-assi mibnija skont il-prinċipji tal-ekonomija ċirkolari għad-disinn tal-bini 36 u l-iżvilupp tal-ġurnali ta’ abbord diġitali għall-bini

·L-użu ta’ Livell(i) 37 biex jiġu integrati l-valutazzjoni taċ-ċiklu tal-ħajja fl-akkwist pubbliku u l-qafas ta’ finanzjament sostenibbli tal-UE u l-esplorazzjoni tal-adegwatezza tal-istabbiliment ta’ miri ta’ tnaqqis tal-karbonju ;

·Tikkunsidra reviżjoni tal-miri tal-irkupru tal-materjali stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-UE għall-iskart mill-kostruzzjoni u t-twaqqigħ u l-frazzjonijiet speċifiċi għall-materjali tiegħu; 

·Tippromwovi inizjattivi għat-tnaqqis tal-issiġillar tal-ħamrija, ir-riabilitazzjoni ta’ artijiet abbandunati jew ikkontaminati u l-użu sikur, sostenibbli u ċirkolari ta’ ħamrija skavata.

Barra minn hekk, l-inizjattiva “Rinnovazzjoni Wave” imħabbra fil-Ftehim Ekoloġiku Ewropew biex twassal għal titjib sinifikanti fl-effiċjenza enerġetika fl-UE se tiġi implimentata f’konformità mal-prinċipji tal-ekonomija ċirkolari, b’mod partikolari l-prestazzjoni tul iċ-ċiklu tal-ħajja ottimizzat, u l-istennija tal-għomor itwal tal-bini tal-assi. Bħala parti mir-reviżjoni tal-miri ta’ rkupru għall-iskart tal-kostruzzjoni u d-demolizzjoni, il-Kummissjoni se tagħti attenzjoni speċjali għall-materjali ta’ iżolament, li jiġġeneraw fluss ta’ skart li qed jikber.

3.7.L-ikel, l-ilma u n-nutrijenti

L-ekonomija ċirkolari tista’ tnaqqas b’mod sinifikanti l-impatti negattivi tal-estrazzjoni u l-użu tar-riżorsi fuq l-ambjent u tikkontribwixxi għar-restawr tal-bijodiversità u tal-kapital naturali fl-Ewropa. Ir-riżorsi bijoloġiċi huma kontribut ewlieni għall-ekonomija tal-UE u se jkollhom rwol saħansitra aktar importanti fil-futur. Il-Kummissjoni se timmira li tiżgura s-sostenibbiltà ta’ materjali b’bażi bijoloġika rinnovabbli, inkluż permezz ta’ azzjonijiet li jsegwu l-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Bijoekonomija.

Filwaqt li l-katina tal-valur tal-ikel hija responsabbli għall-pressjonijiet importanti tar-riżorsi u tal-ambjent, huwa stmat li 20 % tal-ikel totali li jiġi prodott jispiċċa jintilef jew jinħela fl-UE. Għalhekk, f’konformità mal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli u bħala parti mir-reviżjoni tad-Direttiva 2008/98/KE 38 msemmija fit-taqsima 4.1, il-Kummissjoni se tipproponi mira dwar it-tnaqqis tal-ħela tal-ikel, bħala azzjoni ewlenija taħt l-istrateġija li jmiss tal-UE, li se tindirizza b’mod komprensiv il-katina tal-valur tal-ikel.

Il-Kummissjoni ser tikkunsidra wkoll miżuri maħsuba biex iżidu s-sostenibbiltà tad-distribuzzjoni u l-konsum tal-ikel. Taħt l-inizjattiva ta’ prodotti sostenibbli, il-Kummissjoni se tniedi l-ħidma analitika biex tiddetermina l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ inizjattiva leġiżlattiva dwar l-użu mill-ġdid biex tissostitwixxi l-imballaġġ, l-oġġetti ta’ fuq il-mejda u l-pożati bi prodotti li jistgħu jerġgħu jintużaw fis-servizzi tal-ikel.

Ir-Regolament il-ġdid dwar l-Użu mill-Ġdid tal-Ilma ser jinkoraġġixxi approċċi ċirkolari għall-użu mill-ġdid tal-ilma fl-agrikoltura. Il-Kummissjoni ser tiffaċilita l-użu mill-ġdid tal-ilma u l-effiċjenza tal-ilma, inkluż fil-proċessi industrijali.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ser tiżviluppa Pjan Integrat għall-Ġestjoni tan-Nutrijenti, bl-għan li tiżgura s-sostenibbiltà fl-applikazzjoni u l-irkupru tan-nutrijenti. Il-Kummissjoni se tikkunsidra wkoll li tirrevedi d-direttivi dwar it-trattament tal-ilma mormi u l-ħama tad-drenaġġ u se tivvaluta l-mezzi naturali ta’ tneħħija ta’ nutrijenti bħall-alka .

4.INQAS SKART, AKTAR VALUR 

4.1.Politika msaħħa dwar l-iskart b’appoġġ għall-prevenzjoni tal-iskart u ċ-ċirkolarità

Minkejja l-isforzi fil-livell nazzjonali u f’dak tal-UE, il-ġenerazzjoni tal-iskart mhijiex qed tonqos. Il-ġenerazzjoni tal-iskart mill-attivitajiet ekonomiċi kollha fl-UE tammonta għal 2.5 biljun tunnellata fis-sena jew 5 tunnellati, capita, filwaqt li kull ċittadin jipproduċi kważi nofs tunnellata skart muniċipali fis-sena. Id-diżakkoppjar attwali tal-ġenerazzjoni tal-iskart mit-tkabbir ekonomiku ser jeħtieġ sforz konsiderevoli tul il-katina kollha tal-valur u f’kull dar.

L-implimentazzjoni tal-politika dwar il-prodotti sostenibbli u t-traduzzjoni tagħha f’leġiżlazzjoni speċifika (ara t-taqsimiet 2 u 3) se jkunu essenzjali biex isir progress fil-prevenzjoni tal-iskart. Barra minn hekk, jeħtieġ li aħna nibnu fuq, insaħħu aktar u nimplimentaw aħjar il-liġijiet tal-UE dwar l-iskart.

Il-liġijiet tal-UE dwar l-iskart, appoġġjati mill-finanzjament tal-UE, wasslu għal titjib kbir fl-immaniġġjar tal-iskart mis-snin 70 sal-lum. Madankollu, jeħtieġ li dawn jiġu mmodernizzati kontinwament biex isiru addattati għall-ekonomija ċirkolari u l-era diġitali. Kif imfisser fit-taqsima 3, ir-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-batteriji, l-imballaġġ, il-vetturi li ma għadhomx jintużaw u s-sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettroniku ser tiġi riveduta biex tiffoka b’mod partikolari fuq il-prevenzjoni tal-iskart, iż-żieda fil-kontenut irriċiklat, il-promozzjoni ta’ flussi ta’ skart aktar sikuri u aktar nodfa, u l-iżgurar ta’ riċiklaġġ ta’ kwalità għolja.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ser tressaq miri għat-tnaqqis tal-iskart għal flussi speċifiċi bħala parti minn sett usa’ ta’ miżuri dwar il-prevenzjoni tal-iskart fil-kuntest tad-Direttiva 2008/98/KE. Il-Kummissjoni ser ittejjeb ukoll l-implimentazzjoni tar-rekwiżiti li ġew adottati riċentament għal skemi ta’ responsabbiltà estiża tal-produtturi, tipprovdi inċentivi u tinkoraġġixxi l-kondiviżjoni ta’ informazzjoni u prattiki tajbin fir-riċiklaġġ tal-iskart. Dan kollu għandu jservi l-għan li titnaqqas b’mod sinifikanti l-ġenerazzjoni tal-iskart, billi l-ammont ta’ skart muniċipali residwu (mhux irriċiklat) jitnaqqas bin-nofs sal-2030.

Ir-riċiklaġġ ta’ kwalità għolja jiddependi fuq ġbir separat effettiv tal-iskart. Sabiex tgħin liċ-ċittadini, lin-negozji u lill-awtoritajiet pubbliċi jisseparaw aħjar l-iskart, il-Kummissjoni ser tipproponi li tarmonizza s-sistemi separati tal-ġbir tal-iskart. B’mod partikolari, din il-proposta se tindirizza l-aktar kombinazzjonijiet effettivi ta’ mudelli ta’ ġbir separat, id-densità u l-aċċessibbiltà ta’ punti ta’ ġbir separati, inkluż fi spazji pubbliċi, filwaqt li jitqiesu l-kundizzjonijiet reġjonali u lokali li jvarjaw minn reġjuni urbani għal dawk ultraperiferiċi. Aspetti oħra li jiffaċilitaw l-involviment tal-konsumatur ser jiġu kkunsidrati wkoll, bħal kuluri komuni tal-kontenituri, simboli armonizzati għal tipi ta’ skart ewlenin, tikketti tal-prodotti, kampanji ta’ informazzjoni u strumenti ekonomiċi. Din tfittex ukoll l-istandardizzazzjoni u l-użu ta’ sistemi ta’ ġestjoni tal-kwalità biex tiġi żgurata l-kwalità tal-iskart miġbur iddestinat għall-użu fi prodotti, u b’mod partikolari bħala materjal li jiġi f’kuntatt mal-ikel.

Huma meħtieġa sforzi addizzjonali biex jappoġġjaw lill-Istati Membri fl-immaniġġjar tal-iskart. Nofs l-Istati Membri jinsabu f’riskju li ma jikkonformawx mal-mira tal-2020 li jirriċiklaw 50 % tal-iskart muniċipali. Sabiex tixpruna r-riformi tal-politika, il-Kummissjoni ser torganizza skambji ta’ livell għoli dwar l-ekonomija ċirkolari u l-iskart u ser iżżid il-kooperazzjoni mal-Istati Membri, mar-reġjuni u mal-bliet biex isir l-aħjar użu mill-fondi tal-UE. Meta jkun meħtieġ, il-Kummissjoni tuża wkoll is-setgħat ta’ infurzar tagħha.

4.2.It-titjib taċ-ċirkolarità f’ambjent mingħajr tossiċità

Il-politika u l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-sustanzi kimiċi, b’mod partikolari REACH, jinkoraġġixxu tranżizzjoni għal sustanzi kimiċi sikuri fid-disinn u s-sostituzzjoni progressiva ta’ sustanzi perikolużi biex jitħarsu aħjar iċ-ċittadini u l-ambjent. Madankollu, is-sikurezza tal-materja prima sekondarja xorta tista’ tiġi kompromessa, pereżempju, meta s-sustanzi pprojbiti jippersistu f’materja prima għar-riċiklaġġ. Biex tiżdied il-fiduċja fl-użu ta’ materja prima sekondarja, il-Kummissjoni se:

·tappoġġja l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet għal separazzjoni tal-iskart ta’ kwalità għolja u għat-tneħħija ta’ kontaminanti mill-iskart, inklużi dawk li jirriżultaw minn kontaminazzjoni inċidentali;

·tiżviluppa metodoloġiji biex tiġi minimizzata l-preżenza ta’ sustanzi li joħolqu problemi ta’ saħħa jew lill-ambjent f’materjali riċiklati u f’oġġetti magħmula minnhom;

·tikkoopera mal-industrija biex tiżviluppa b’mod progressiv sistemi armonizzati għar-rintraċċar u l-ġestjoni tal-informazzjoni dwar is-sustanzi li jkunu identifikati bħala tali li joħolqu tħassib u għal sustanzi relevanti oħra, b’mod partikolari dawk li jħallu effetti kroniċi 39 , u li tidentifika dawk is-sustanzai fl-iskart, f’sinerġija mal-miżuri skont il-qafas ta’ politika dwar il-prodotti sostenibbli u l-bażi ta’ data tal-ECHA dwar oġġetti li fihom sustanzi ta’ tħassib serju ħafna;

·Tipproponi li temenda l-annessi għar-Regolament dwar Pollutanti Organiċi Persistenti, f’konformità mal-aħħar progress xjentifiku u tekniku u l-obbligi internazzjonali skont il-Konvenzjoni ta’ Stokkolma;

·Ittejjeb il-klassifikazzjoni u l-immaniġġjar tal-iskart perikoluż sabiex il-flussi tar-riċiklaġġ jinżammu nodfa, inkluż permezz ta’ allinjament ulterjuri mal-klassifikazzjoni tas-sustanzi u t-taħlitiet kimiċi, meta jkun meħtieġ.

L-Istrateġija għas-Sostenibbiltà tas-Sustanzi Kimiċi li jmiss ser tindirizza ulterjorment l-interfaċċja bejn il-leġiżlazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi, il-prodotti u l-iskart u ssaħħaħ is-sinerġiji mal-ekonomija ċirkolari.

4.3.Il-ħolqien ta’ suq tal-UE li jiffunzjona sewwa għall-materja prima sekondarja

Il-materja prima sekondarja qed tiffaċċa għadd ta’ sfidi f’kompetizzjoni ma’ materja prima primarja għal raġunijiet mhux relatati biss mas-sikurezza tagħhom, iżda wkoll mal-prestazzjoni, id-disponibbiltà u l-kost tagħhom. Għadd ta’ azzjonijiet previsti f’dan il-Pjan, b’mod partikolari l-introduzzjoni ta’ rekwiżiti għall-kontenut riċiklat fil-prodotti, se jikkontribwixxu għall-prevenzjoni ta’ diskrepanza bejn il-provvista u d-domanda ta’ materja prima sekondarja u se jiżguraw l-espansjoni bla xkiel tas-settur tar-riċiklaġġ fl-UE. Barra minn hekk, biex jiġi stabbilit suq intern li jiffunzjona tajjeb għall-materja prima sekondarja, il-Kummissjoni se:

·tivvaluta l-ambitu ta’ żvilupp ulterjuri għall-kriterji mal-UE kollha dwar l-istatus ta’ tmiem l-iskart-fil-każ ta’ ċerti flussi tal-iskart abbażi tal-monitoraġġ tal-applikazzjoni mill-Istati Membri tar-regoli riveduti dwar l-istatus ta’ tmiem l-iskart u tal-prodotti sekondarji, u tappoġġja inizjattivi transkonfinali għall-kooperazzjoni biex jiġu armonizzati l-kriterji nazzjonali tal-istatus ta’ tmiem l-iskart u l-prodotti sekondarji;

·issaħħaħ ir-rwol tal-istandardizzazzjoni abbażi tal-valutazzjoni kontinwa tax-xogħol ta’ standardizzazzjoni eżistenti fil-livelli nazzjonali, Ewropej u internazzjonali;

·tagħmel użu f’waqtu mir-restrizzjonijiet fuq l-użu ta’ sustanzi ta’ tħassib serju ħafna f’oġġetti għal każijiet fejn l-użu tas-sustanza jkun soġġett għal rekwiżit ta’ awtorizzazzjoni, filwaqt li tkompli ttejjeb l-infurzar fil-fruntieri;

·tistma l-fattibbiltà tal-istabbiliment ta’ osservatorju tas-suq għal materjali sekondarji ewlenin.

4.4.L-indirizzar tal-esportazzjonijiet tal-iskart mill-UE

Is-suq globali għall-iskart għaddej minn bidliet konsiderevoli. Fl-aħħar għaxar snin, miljuni ta’ tunnellati ta’ skart Ewropew ġew esportati lejn pajjiżi terzi, ħafna drabi mingħajr kunsiderazzjoni suffiċjenti ta’ trattament xieraq. F’ħafna każijiet, l-esportazzjonijiet tal-iskart jirriżultaw kemm f’impatti negattivi fuq l-ambjent kif ukoll fuq is-saħħa fil-pajjiżi ta’ destinazzjoni, u f’telf ta’ riżorsi u ta’ opportunitajiet ekonomiċi għall-industrija tar-riċiklaġġ fl-UE. Ir-restrizzjonijiet reċenti fuq l-importazzjoni introdotti minn xi pajjiżi terzi esponew id-dipendenza żejda tal-UE fuq it-trattament tal-iskart f’pajjiż barrani, iżda dawn immobilizzaw ukoll lill-industrija tar-riċiklaġġ biex iżżid il-kapaċità tagħha u żżid il-valur tagħha għall-iskart fl-UE.

Fid-dawl ta’ dawn l-iżviluppi, u meta jitqies li l-vjeġġi illegali ta’ skart jibqgħu sors ta’ tħassib, il-Kummissjoni se tieħu azzjoni bil-għan li tiżgura li l-UE ma tesportax l-isfidi tagħha dwar l-iskart lejn pajjiżi terzi. Azzjonijiet dwar id-disinn tal-prodott, il-kwalità u s-sikurezza ta’ materjali sekondarji u li jtejbu s-swieq tagħhom se jikkontribwixxu biex jagħmlu “riċiklat fl-UE” parametru referenzjarju għal materjali sekondarji ta’ kwalità.

L-iffaċilitar tat-tħejjija għall-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ tal-iskart fl-UE se jkun imsaħħaħ permezz ta’ reviżjoni bir-reqqa tar-regoli tal-UE dwar il-vjeġġi tal-iskart 40 . Ir-rieżami ser ikollu wkoll l-għan li jirrestrinġi l-esportazzjonijiet tal-iskart li jikkawża impatti negattivi fuq l-ambjent u s-saħħa f’pajjiżi terzi billi jiffoka fuq il-pajjiżi tad-destinazzjoni, il-flussi ta’ skart problematiċi u t-tipi ta’ operazzjonijiet ta’ skart, u l-infurzar biex jiġu miġġielda l-vjeġġi illegali. Il-Kummissjoni ser tappoġġja wkoll miżuri ma’ pajjiżi terzi f’livelli multilaterali, reġjonali u bilaterali biex tissielet ir-reati ambjentali speċjalment fl-oqsma tal-esportazzjonijiet illegali u t-traffikar illiċitu, u ssaħħaħ il-kontrolli tal-vjeġġi tal-iskart u ttejjeb l-immaniġġjar sostenibbli tal-iskart f’dawn il-pajjiżi.

5.Nagħmlu ċ-ċirkolarità taħdem għan-nies, għar-reġjuni u għall-bliet 

Mill-2012 sal-2018, l-għadd ta’ impjiegi marbuta mal-ekonomija ċirkolari fl-UE kiber b’5 % biex laħaq madwar 4 miljuni 41 . Iċ-ċirkolarità tista’ tkun mistennija li jkollha effett nett pożittiv fuq il-ħolqien tal-impjiegi sakemm il-ħaddiema jiksbu l-ħiliet meħtieġa f’ekonomija ċirkolari. Il-potenzjal tal-ekonomija soċjali, li hija pijunier fil-ħolqien tal-impjiegi marbuta mal-ekonomija ċirkolari, se jkun xprunat aktar mill-benefiċċji reċiproki tal-appoġġ għat-tranżizzjoni ekoloġika u t-tisħiħ tal-inklużjoni soċjali, b’mod partikolari taħt il-Pjan ta’ Azzjoni biex jiġi implimentat il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali 42 .

Il-Kummissjoni se tiżgura li l-istrumenti tagħha li jappoġġaw il-ħiliet u l-ħolqien tal-impjiegi wkoll jikkontribwixxu biex titħaffef it-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari, inkluż fil-kuntest tal-aġġornament tal-Aġenda tagħha għall-Ħiliet, it-tnedija ta’ Patt għall-Ħiliet bi sħubiji bejn diversi partijiet ikkonċernati fuq skala kbira, u l-Pjan ta’ Azzjoni għall-Ekonomija Soċjali. It-tisħiħ ulterjuri tal-investiment fis-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja, kif ukoll l-innovazzjoni soċjali u mudelli kummerċjali innovattivi taħt il-Fond Soċjali Ewropew Plus.

Il-Kummissjoni se tisfrutta wkoll il-potenzjal tal-istrumenti u l-fondi ta’ finanzjament tal-UE biex tappoġġa l-investimenti meħtieġa fil-livell reġjonali u tiżgura li r-reġjuni kollha jibbenefikaw mit-tranżizzjoni. Il-fondi tal-politika ta’ koeżjoni, flimkien mas-sensibilizzazzjoni, il-kooperazzjoni u l-bini tal-kapaċità, ser jgħinu lir-reġjuni jimplimentaw strateġiji tal-ekonomija ċirkolari u jsaħħu n-nisġa industrijali u l-ktajjen tal-valur tagħhom. Ser jitfasslu soluzzjonijiet tal-ekonomija ċirkolari għar-reġjuni ultraperiferiċi u l-gżejjer, minħabba d-dipendenza tagħhom fuq l-importazzjonijiet tar-riżorsi, il-ġenerazzjoni għolja tal-iskart li ġejja mit-turiżmu u l-esportazzjonijiet tal-iskart. Il-Mekkaniżmu ta’ Tranżizzjoni Ġusta 43 propost bħala parti mill-Pjan ta’ Investiment Ewropew għal Patt Ekoloġiku Sostenibbli se jkun jista’ jappoġġa proġetti li jiffukaw fuq l-ekonomija ċirkolari.

L-Inizjattiva Urbana Ewropea proposta u l-Inizjattiva ta’ Sfida għall-Bliet Intelliġenti u l-bliet u r-reġjuni Ċirkolari ser jipprovdu assistenza ewlenija lill-bliet. L-ekonomija ċirkolari ser tkun fost l-oqsma prijoritarji tal-Ftehim dwar il-Bliet Ekoloġiċi.

Il-Pjattaforma Ewropea tal-Partijiet Ikkonċernati tal-Ekonomija Ċirkolari ser tkompli tkun il-post fejn il-partijiet ikkonċernati jistgħu jiskambjaw l-informazzjoni.

6.AZZJONIJIET TRAŻVERSALI

6.1.Iċ-ċirkolarità bħala prerekwiżit għan-newtralità klimatika

Sabiex tintlaħaq in-newtralità klimatika, jeħtieġ li jiġu intensifikati s-sinerġiji bejn iċ-ċirkolarità u n-newtralità klimatika. Il-Kummissjoni ser:

·tanalizza kif jista’ jitkejjel b’mod sistematiku l-impatt taċ-ċirkolarità fuq il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għaliha;

·ittejjeb l-istrumenti tal-immudellar biex jinħatfu l-benefiċċji tal-ekonomija ċirkolari għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet li jikkawżaw l-effett serra fil-livelli nazzjonali u tal-UE;

·issaħħaħ ir-rwol taċ-ċirkolarità fir-reviżjonijiet futuri tal-Pjanijiet Nazzjonali tal-Istati Membri dwar l-Enerġija u l-Klima u f’politiki oħrajn dwar il-klima.

Flimkien mat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra, il-kisba tan-newtralità klimatika se tirrikjedi wkoll li l-karbonju jitneħħa mill-atmosfera, jintuża fl-ekonomija tagħna mingħajr ma jiġi rilaxxat, u jinħażen għal perjodi itwal ta’ żmien. Din it-tneħħija tal-karbonju tista’ tissejjes fuq in-natura, inkluż permezz tar-restawr tal-ekosistemi, il-protezzjoni tal-foresti u l-ġestjoni sostenibbli, l-afforestazzjoni u s-sekwestru tal-karbonju mill-art agrikola, jew inkella abbażi ta’ ċirkolarità akbar, pereżempju, permezz ta’ ħażna fit-tul fil-kostruzzjoni tal-injam, l-użu mill-ġdid u l-ħażna tal-karbonju fi prodotti bħall-mineralizzazzjoni fil-materjal tal-bini.

Biex jiġi inċentivat l-użu tat-tneħħija tal-karbonju u ż-żieda fiċ-ċirkolarità tal-karbonju, b’rispett sħiħ tal-objettivi tal-bijodiversità, il-Kummissjoni se tesplora l-iżvilupp ta’ qafas regolatorju għaċ-ċertifikazzjoni ta’ assorbimenti tal-karbonju abbażi tal-kontabbiltà tal-karbonju robusta u trasparenti għall-monitoraġġ u l-verifika tal-awtentiċità tal-ġarr tal-karbonju.

6.2.Ikollna l-ekonomija t-tajba

L-aċċellerazzjoni tat-tranżizzjoni ekoloġika teħtieġ miżuri preċiżi iżda deċiżivi biex l-ekonomija titmexxa lejn produzzjoni u xejriet ta’ konsum aktar sostenibbli. Il-Kummissjoni diġà mbarkat fuq sensiela ta’ inizjattivi f'dan ir-rigward, inkluż l-integrazzjoni tal-objettiv tal-ekonomija ċirkolari skont ir-Regolament dwar it-Tassonomija tal-UE 44 u t-twettiq ta’ ħidma preparatorja dwar il-kriterji tal-Ekotikketta tal-UE għall-prodotti finanzjarji. Il-Pjattaforma ta’ Appoġġ għall-Finanzi tal-Ekonomija Ċirkolari ser tkompli toffri gwida lill-promoturi tal-proġetti dwar l-inċentivi ċirkolari, il-bini tal-kapaċità u l-ġestjoni tar-riskju. Strumenti finanzjarji tal-UE, bħal garanziji tal-SMEs taħt il-qafas attwali u InvestEU mill-2021, jimmobilizzaw finanzjament privat b’appoġġ għall-ekonomija ċirkolari. Il-Kummissjoni pproponiet ukoll riżorsa proprja ġdida bbażata fuq l-ammont ta’ skart mill-imballaġġ tal-plastik mhux irriċiklat bħala kontribut għall-baġit tal-UE. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ser:

·ittejjeb id-divulgazzjoni tad-data ambjentali mill-kumpaniji fir-rieżami li jmiss tad-direttiva dwar ir-rapportar mhux finanzjarju;

·tappoġġja inizjattiva mmexxija min-negozju biex jiġu żviluppati prinċipji tal-kontabbiltà ambjentali li jikkomplementaw id-data finanzjarja b’data dwar il-prestazzjoni tal-ekonomija ċirkolari;

·Trawwem l-integrazzjoni tal-kriterji tas-sostenibbiltà fl-istrateġiji tan-negozju, billi ttejjeb il-qafas ta’ governanza korporattiva;

·tirrifletti l-objettivi marbuta mal-ekonomija ċirkolari bħala parti mill-iffukar mill-ġdid tas-Semestru Ewropew u fil-kuntest tar-reviżjoni li jmiss tal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat fil-qasam tal-ambjent u l-enerġija;

·tkompli tinkoraġġixxi l-applikazzjoni usa’ fl-Istati Membri ta’ strumenti ekonomiċi mfassla sewwa, bħat-tassazzjoni ambjentali, inklużi t-taxxi fuq il-landfills u l-inċinerazzjoni, kif ukoll tippermetti lill-Istati Membri jużaw ir-rati tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) biex jippromwovu attivitajiet ta’ ekonomija ċirkolari li jkunu mmirati lejn il-konsumaturi finali (eż. tiswija) 45 .

6.3.Nixprunaw it-tranżizzjoni permezz tar-riċerka, l-innovazzjoni u d-diġitalizzazzjoni

In-negozji Ewropej huma fuq quddiem nett fl-innovazzjonijiet ċirkolari. Il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, permezz tal-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti, LIFE u Orizzont Ewropa ser jużaw l-istrumenti tagħhom biex jikkomplementaw il-finanzjament privat għall-innovazzjoni u jappoġġjaw iċ-ċiklu sħiħ tal-innovazzjoni biex iwasslu soluzzjonijiet għas-suq. Orizzont Ewropa ser jappoġġja l-iżvilupp ta’ indikaturi u data, materjali u prodotti ġodda, is-sostituzzjoni u l-eliminazzjoni ta’ sustanzi perikolużi, mudelli ta’ negozju ċirkolari, u teknoloġiji ġodda ta’ produzzjoni u riċiklaġġ, inkluża l-esplorazzjoni tal-potenzjal tar-riċiklaġġ kimiku, filwaqt li jitqies ir-rwol tal-għodod diġitali biex jinkisbu għanijiet ċirkolari. Barra minn hekk, l-Azzjonijiet Marie Sklodowska Curie jistgħu jappoġġaw l-iżvilupp ta’ ħiliet, taħriġ u mobilità tar-riċerkaturi f’dan il-qasam.

It-teknoloġiji diġitali jistgħu jsegwu l-vjaġġi ta’ prodotti, komponenti u materjali u jagħmlu d-data li tirriżulta aċċessibbli b’mod sigur. L-ispazju tad-data Ewropew għall-applikazzjonijiet ċirkolari intelliġenti msemmija fit-taqsima 2 se jipprovdi l-arkitettura u s-sistema ta’ governanza biex jiġu xprunati l-applikazzjonijiet u s-servizzi bħall-passaporti tal-prodotti, l-immappjar tar-riżorsi u l-informazzjoni għall-konsumatur.

L-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija se jikkoordina inizjattivi ta’ innovazzjoni dwar l-ekonomija ċirkolari b’kollaborazzjoni mal-universitajiet, l-organizzazzjonijiet ta’ riċerka, l-industrija u l-SMEs fi ħdan il-Komunitajiet ta’ Għarfien u Innovazzjoni.

Ir-reġim għall-proprjetà intellettwali jeħtieġ li jkun addattat għall-era diġitali u għat-tranżizzjoni ekoloġika u jappoġġja l-kompetittività tan-negozji tal-UE. Il-Kummissjoni ser tipproponi Strateġija dwar il-Proprjetà Intellettwali biex tiżgura li l-proprjetà intellettwali tibqa’ fattur abilitanti ewlieni għall-ekonomija ċirkolari u l-ħolqien ta’ mudelli ta’ negozju ġodda.

7.IMMEXXU L-ISFORZI FUQ LIVELL GLOBALI

L-Ewropa tista’ tirnexxi biss jekk l-isforzi tagħha jixprunaw ukoll it-tranżizzjoni globali għal ekonomija ċirkolari, newtrali għall-klima u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi. Hemm bżonn dejjem akbar li jiġu avvanzati d-diskussjonijiet dwar id-definizzjoni ta’ “Spazju ta’ Operazzjoni Sigur” fejn l-użu ta’ diversi riżorsi naturali ma jaqbiżx ċerti limiti lokali, reġjonali jew globali u l-impatti ambjentali jibqgħu fi ħdan il-limiti tal-pjaneta.

Għall-pajjiżi b’perspettiva ta’ adeżjoni mal-UE, l-eqreb ġirien tagħna fin-Nofsinhar u fil-Lvant, l-ekonomiji emerġenti u l-imsieħba ewlenin madwar id-dinja, il-mudelli sostenibbli l-ġodda ser jiftħu opportunitajiet, filwaqt li jsaħħu r-rabtiet man-negozji Ewropej 46 .

Sabiex tappoġġja tranżizzjoni globali lejn ekonomija ċirkolari, il-Kummissjoni ser:

·tibni fuq l-Istrateġija Ewropea dwar il-Plastik, tmexxi l-isforzi fil-livell internazzjonali biex tilħaq ftehim globali dwar il-plastik, u tħeġġeġ l-adozzjoni tal-approċċ tal-ekonomija ċirkolari tal-UE dwar il-plastik;

·tipproponi Alleanza Globali għall-Ekonomija Ċirkolari biex tidentifika l-lakuni fl-għarfien u l-governanza fl-avvanz ta’ ekonomija ċirkolari globali u tmexxi ’l quddiem inizjattivi ta’ sħubija, inkluż ma’ ekonomiji ewlenin;

·tesplora l-fattibbiltà tad-definizzjoni ta’ “Spazju Operattiv Sikur” għall-użu tar-riżorsi naturali u tikkunsidra li jibdew diskussjonijiet dwar ftehim internazzjonali dwar il-ġestjoni tar-riżorsi naturali;

·issawwar sħubija aktar b’saħħitha mal-Afrika biex timmassimizza l-benefiċċji tat-tranżizzjoni ekoloġika u l-ekonomija ċirkolari;

·tiżgura li l-Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles jirriflettu l-objettivi msaħħa tal-ekonomija ċirkolari;

·tkompli tappoġġja l-ekonomija ċirkolari fil-proċess ta’ adeżjoni mal-Balkani tal-Punent, fil-kuntest tad-djalogi ta’ politika, fil-fora u fil-ftehimiet ambjentali bilaterali, reġjonali u multilaterali tal-UE, filwaqt li timmobilizza l-assistenza ta’ qabel l-adeżjoni u l-programmi ta’ viċinat, żvilupp u kooperazzjoni internazzjonali, inkluża l-Pjattaforma Internazzjonali dwar il-Finanzi Sostenibbli;

·iżżid l-attivitajiet ta’ komunikazzjoni, inkluż permezz tad-diplomazija Ewropea dwar il-Patt Ekoloġiku u l-missjonijiet tal-Ekonomija Ċirkolari, u ssir ħidma mal-Istati Membri tal-UE biex jittejbu l-koordinazzjoni u l-isforzi konġunti għal ekonomija ċirkolari globali.

8.IL-MONITORAĠĠ TAL-PROGRESS 

F’konformità mal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Istrateġija Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli għall-2020 47 , il-Kummissjoni ser issaħħaħ il-monitoraġġ tal-pjanijiet u l-miżuri nazzjonali biex titħaffef it-tranżizzjoni għal ekonomija ċirkolari bħala parti mill-iffokar mill-ġdid tal-proċess tas-Semestru Ewropew lejn l-integrazzjoni ta’ dimensjoni ta’ sostenibbiltà aktar b’saħħitha.

Il-Kummissjoni ser taġġorna l-Qafas ta’ Monitoraġġ għall-Ekonomija Ċirkolari 48 . Abbażi tal-istatistika Ewropea kemm jista’ jkun, l-indikaturi ġodda ser iqisu l-oqsma ta’ fokus f’dan il-pjan ta’ azzjoni u l-interkonnessjonijiet bejn iċ-ċirkolarità, in-newtralità tal-karbonju u l-ambizzjoni ta’ tniġġis żero. Fl-istess waqt, il-proġetti taħt Orizzont Ewropa u d-data ta’ Copernicus ser itejbu l-metrika taċ-ċirkolarità f’diversi livelli li għadhom mhumiex riflessi fl-istatistika uffiċjali.

Se jissawru aktar ukoll indikaturi dwar l-użu tar-riżorsi, inkluż il-konsum u l-impronti materjali li jqisu l-konsum materjali u l-impatti ambjentali assoċjati mal-mudelli ta’ produzzjoni u ta’ konsum tagħna, u dawn se jkunu marbuta mal-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-progress lejn id-diżakkoppjament tat-tkabbir ekonomiku mill-użu tar-riżorsi u l-impatti tiegħu fl-UE u lil hinn minnha.

9.Konklużjoni 

It-tranżizzjoni tal-Ewropa lejn l-ekonomija ċirkolari ser tkun sistemika, profonda u trasformattiva. Xi drabi ser tkun ta’ tfixkil, u għalhekk għandha tkun ġusta. Se tirrikjedi allinjament u kooperazzjoni tal-partijiet ikkonċernati kollha fil-livelli kollha - tal-UE, nazzjonali, reġjonali u lokali, u internazzjonali.

Għalhekk, il-Kummissjoni tistieden lill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE biex japprovaw dan il-Pjan ta’ Azzjoni u jikkontribwixxu b’mod attiv għall-implimentazzjoni tiegħu, u tħeġġeġ lill-Istati Membri jadottaw jew jaġġornaw l-istrateġiji, il-pjanijiet u l-miżuri tal-ekonomija ċirkolari nazzjonali tagħhom fid-dawl tal-ambizzjoni tagħha. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ser tirrakkomanda li l-ekonomija ċirkolari tkun fost is-suġġetti għad-diskussjoni dwar il-ġejjieni tal-Ewropa u tema regolari tad-djalogu maċ-ċittadini.

(1)      https://www.un.org/sustainabledevelopment/sustainable-consumption-production/
(2)      OECD (2018), Global Material Resources Outlook to 2060.
(3)      Il-Bank Dinji (2018), What a Waste 2.0: A Global Snapshot of Solid Waste Management to 2050.
(4)      COM (2019) 640 final.
(5)      Cambridge Econometrics, Trinomics, and ICF (2018), Impacts of circular economy policies on the labour market.
(6)      COM (2015) 614 final.
(7)      SWD(2020) 100.
(8)       https://op.europa.eu/en/publication-detail/-/publication/4d42d597-4f92-4498-8e1d-857cc157e6db
(9)

     Id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għall-iffissar ta' rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija (Test b'relevanza għaż-ŻEEĠU L 285, 31.10.2009, p. 10.

(10)

     Ir-Regolament (KE) Nru 66/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar skema ta’ Ekotikketta tal-UE, ĠU L 27, 30.1.2010, p. 1.

(11)       https://ec.europa.eu/environment/gpp/eu_gpp_criteria_en.htm
(12)       https://ec.europa.eu/environment/eussd/smgp/PEFCR_OEFSR_en.htm  
(13)      Ir-Regolament (KE) Nru 2019/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar skema ta’ Ekotikketta tal-UE, ĠU L 151, 7.6.2010, p. 70.
(14)      COM (2020) 67 final.
(15)      Ir-Regolament (KE) Nru 2019/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar skema ta’ Ekotikketta tal-UE, ĠU L 136, 22.5.2010, p. 28.
(16)      SWD(2020) 102.
(17)      Id-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) (ĠU L 334, 17.12.2010, p. 17.
(18)      COM(2018) 763 final.
(19)      SWD(2020) 103.
(20)       https://ec.europa.eu/eurostat/tgm/table.do?tab=table&init=1&language=en&pcode=t2020_rt130&plugin=1  
(21)      Ewrobarometru Speċjali 503, Jannar 2020.
(22)      Id-Direttiva 2012/19/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar skart ta’ tagħmir elettriku u elettroniku (WEEE) (ĠU L 197, 24.7.2012, p. 38.
(23)      Id-Direttiva 2011/65/UE dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta’ ċerti sustanzi perikolużi fit-tagħmir elettriku u elettroniku (Ġurnal Uffiċjali L 305, 21.11.2011, p. 8.
(24) Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta’ Sustanzi Kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.
(25)      Id-Direttiva 2006/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Settembru 2006 dwar batteriji u akkumulaturi u skart ta' batteriji u ta' akkumulaturi u li tħassar id-Direttiva 91/157/KEE, ĠU L 266, 26.9.2006, p. 1.
(26)      Ir-Regolament (KE) Nru 53/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar skema ta’ Ekotikketta tal-UE, ĠU L 269, 21.10.2000, p. 34.
(27)      Id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 94/62/KE tal-20 ta’ Diċembru 1994 dwar l-imballaġġ u l-iskart mill-imballaġġ, ĠU L 365, 31.12.1994, p. 10.
(28)      COM (2018) 28 final.
(29)      Id-Direttiva (UE) 2019/904 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Ġunju 2019 dwar it-tnaqqis tal-impatt ta’ ċerti prodotti tal-plastik fuq l-ambjent (ĠU L 155, 12.6.2019, p. 1.
(30)      Rapport ta’ Informazzjoni tal-EEA ta’ Novembru 2019.
(31)      Ellen McArthur Foundation (2017), A new Textiles Economy
(32)      Data tal-Eurostat għall-2016.
(33)       https://www.boverket.se/sv/byggande/hallbart-byggande-och-forvaltning/miljoindikatorer---aktuell-status/vaxthusgaser/
(34)      Hertwich, E., Lifset, R., Pauliuk, S., Heeren, N., IRP, (2020), Resource Efficiency and Climate Change: Material Efficiency Strategies for a Low-Carbon Future.
(35)      Ir-Regolament (UE) Nru 305/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad- 9 ta’ Marzu 2011 li jistabbilixxi kondizzjonijiet armonizzati għall-kumerċjalizzazzjoni tal-prodotti għall-bini u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 89/106/KEE (ĠU L 88, 4.4.2011, p. 5.
(36)       https://ec.europa.eu/docsroom/documents/39984  
(37)       https://ec.europa.eu/environment/eussd/buildings.htm
(38)      Ir-Regolament (KE) Nru 98/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar skema ta’ Ekotikketta tal-UE, ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3.
(39)      Kif identifikati skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006, ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1.
(40)      Ir-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 14 ta’ Ġunju 2006 dwar vjeġġi ta’ skart (ĠU L 190, 12.7.2006, p. 1.
(41)     https://ec.europa.eu/eurostat/tgm/refreshTableAction.do?tab=table&plugin=1&pcode=cei_cie010&language=en
(42)      COM(2020) 14 final
(43)       https://ec.europa.eu/commission/presscorner/detail/mt/fs_20_39  
(44)       Is-sistema ta’ klassifikazzjoni tal-UE għal attivitajiet ambjentalment sostenibbli:   https://eur-lex.europa.eu/legal-content/en/HIS/?uri=CELEX%3A52018PC0353
(45)      Soġġetti għar-riżultat tal-proċedura leġiżlattiva li għaddejja bħalissa.
(46)      SWD(2020) 100.
(47)      COM (2019) 650 final.
(48)       https://ec.europa.eu/eurostat/web/circular-economy/indicators/monitoring-framework  

Brussell, 11.3.2020

COM(2020) 98 final

ANNESS

mal-

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Pjan ta' Azzjoni ġdid dwar l-Ekonomija Ċirkolari













Għal Ewropa aktar nadifa u kompetittiva


ANNESS

Azzjonijiet ewlenin

Data

QAFAS TA’ POLITIKA SOSTENIBBLI GĦALL-PRODOTTI

Proposta leġislattiva għal inizjattiva rigward il-politika għal prodotti sostenibbli 

2021

Proposta leġiżlattiva li tagħti s-setgħa lill-konsumaturi fit-tranżizzjoni ekoloġika 

2020

Miżuri leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi li jistabbilixxu “dritt għat-tiswija” ġdid

2021

Proposta leġislattiva dwar is-sostanzjar ta’ talbiet ekoloġiċi 

2020

L-introduzzjoni ta’ kriterji u miri obbligatorji tal-APE fil-leġiżlazzjoni settorjali u l-introduzzjoni gradwali ta’ rappurtar obbligatorju dwar il-GPP

mill-2021

Rieżami tad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali, inkluża l-integrazzjoni ta’ prattiki tal-ekonomija ċirkolari fid-dokumenti ta’ referenza dwar l-Aqwa Tekniki Disponibbli

mill-2021

Tnedija ta’ sistema ta’ rapportar u ċertifikazzjoni ta’ simbjożi industrijali mmexxija mill-industrija 

2022

KTAJJEN TAL-VALUR TA’ PRODOTTI EWLENIN

Inizjattiva dwar l-Elettronika Ċirkolari , soluzzjoni għall-iċċarġjar komuni, u sistemi ta’ ppremjar biex jiġu ritornati apparati qodma

2020/2021

Rieżami tad-Direttiva dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta’ ċerti sustanzi perikolużi f’tagħmir elettriku u elettroniku u gwida biex jiġu ċċarati r-rabtiet tagħha mar-rekwiżiti tar-REACH u l-Ekodisinn

2021

Proposta għal qafas regolatorju ġdid għall-batteriji 

2020

Reviżjoni tar-regoli dwar vetturi li m’għadhomx jintużaw

2021

Reviżjoni tar-regoli dwar it-trattament xieraq taż-żjut għar-rimi

2022

Rieżami biex jissaħħu r-rekwiżiti essenzjali għall-imballaġġ u t-tnaqqis tal-imballaġġ eċċessiv u l-iskart mill-imballaġġ

2021

Rekwiżiti obbligatorji dwar il-kontenut ta’ plastik riċiklat u miżuri għat-tnaqqis tal-iskart tal-plastik għal prodotti ewlenin bħall-imballaġġ, il-materjali tal-kostruzzjoni u l-vetturi

2021/2022

Restrizzjoni ta’ mikroplastiċi miżjuda intenzjonalment u miżuri dwar ir-rilaxx mhux intenzjonat ta’ mikroplastiċi

2021

Qafas ta’ politika għall-plastik b’bażi bijoloġika u għall-plastik b’karatteristiċi bijodegradabbli

2021

L-istrateġija tal-UE għat-Tessuti

2021

Strateġija għal Ambjent Mibni Sostenibbli

2021

Inizjattiva dwar is-sostituzzjoni tal-imballaġġi, l-oġġetti ta’ fuq il-mejda u l-pożati li jintużaw darba u jintremew minn prodotti li jistgħu jerġgħu jintużaw fis-servizzi tal-ikel

2021

INQAS SKART, AKTAR VALUR

Miri tat-tnaqqis tal-iskart għal flussi speċifiċi u miżuri oħra dwar il-prevenzjoni tal-iskart

2022

Mudell armonizzat madwar l-UE għall-ġbir separat tal-iskart u t-tikkettar biex jiġi ffaċilitat il-ġbir separat tal-iskart

2022

Il-metodoloġiji biex tiġi ttraċċata u minimizzata l-preżenza ta’ sustanzi ta’ tħassib f’materjali riċiklati u f’oġġetti magħmulin minnhom

2021

Stabbiliment ta’ sistemi ta’ informazzjoni armonizzati għall-preżenza ta’ sustanzi ta’ tħassib

2021

Jingħata skop għall-iżvilupp ta’ aktar kriterji madwar l-UE kollha tal-istadju tat-tmiem tal-iskart u tal-prodotti sekondarji

2021

Reviżjoni tar-regoli dwar il-vjeġġi tal-iskart

2021

Nagħmlu l-ekonomija ċirkolari taħdem għan-nies, ir-reġjuni u l-bliet

L-appoġġ għat-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari permezz tal-Aġenda għall-Ħiliet, il-Pjan ta’ Azzjoni għal Ekonomija Soċjali, il-Patt għall-Ħiliet u l-Fond Soċjali Ewropew Plus li jmiss. 

mill-2020

Appoġġ għat-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari permezz ta’ fondi tal-politika ta’ Koeżjoni, il-Mekkaniżmu ta’ Tranżizzjoni Ġusta u inizjattivi urbani

mill-2020

AZZJONIJIET TRASVERSALI

It-titjib tal-kejl, l-immudellar u l-għodod tal-politika biex jinkisbu s-sinerġiji bejn l-ekonomija ċirkolari u l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih fil-livell tal-UE u dak nazzjonali

mill-2020

Qafas regolatorju għaċ-ċertifikazzjoni tal-assorbimenti tal-karbonju

2023

Riflessjoni tal-objettivi tal-ekonomija ċirkolari fir-reviżjoni tal-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat fil-qasam tal-ambjent u l-enerġija 

2021

L-integrazzjoni tal-objettivi tal-ekonomija ċirkolari fil-kuntest tar-regoli dwar ir-rappurtar mhux finanzjarju, u inizjattivai dwar il-governanza korporattiva sostenibbli u l-kontabbiltà ambjentali

2020/2021

Sforzi ewlenin fil-livell globali

Sforzi ewlenin lejn l-ilħuq ta’ ftehim globali dwar il-plastik

mill-2020

Il-proposta għal Alleanza Globali għall-Ekonomija Ċirkolari u l-bidu ta’ diskussjonijiet dwar ftehim internazzjonali dwar il-ġestjoni tar-riżorsi naturali

mill-2021

Integrazzjoni tal-objettivi tal-ekonomija ċirkolari fi ftehimiet ta’ kummerċ ħieles, fi proċessi u ftehimiet bilaterali, reġjonali u multilaterali oħra, u fi strumenti ta’ finanzjament tal-politika esterna tal-UE

mill-2020

MONITORAĠĠ TAL-PROGRESS

Jiġi aġġornat il-Qafas ta’ Monitoraġġ tal-Ekonomija Ċirkolari biex jiġu riflessi l-prijoritajiet politiċi ġodda u jiġu żviluppati aktar indikaturi dwar l-użu tar-riżorsi, inkluż il-konsum u l-impronti materjali

2021