Brussell, 19.2.2020

COM(2020) 67 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Insawru l-futur diġitali tal-Ewropa


Insawru l-futur diġitali tal-Ewropa

1.Introduzzjoni

It-teknoloġiji diġitali qed ibiddlu mill-qiegħ il-ħajja tagħna ta’ kuljum, il-mod kif naħdmu u nagħmlu n-negozju, u l-mod kif in-nies jivvjaġġaw, jikkomunikaw u jirrelataw flimkien. Il-komunikazzjoni diġitali, l-interazzjoni mal-midja soċjali, il-kummerċ elettroniku u l-intrapriżi diġitali qed jittrasformaw id-dinja tagħna b’mod kostanti. Dawn qed jiġġeneraw ammont dejjem akbar ta’ data li, jekk tinġabar u tintuża, tista’ twassal għal mezzi u livelli totalment ġodda ta’ ħolqien tal-valur. Din hija trasformazzjoni fundamentali daqs dik ikkawżata mir-rivoluzzjoni industrijali.

Fil-linji gwida politiċi tagħha, il-President tal-Kummissjoni von der Leyen enfasizzat il-ħtieġa li l-Ewropa tmexxi t-tranżizzjoni lejn pjaneta b’saħħitha u dinja diġitali ġdida. Din l-isfida doppja tat-trasformazzjoni ekoloġika u diġitali trid timxi id f’id. Kif stabbilit fil-Patt Ekoloġiku Ewropew, din teħtieġ bidla immedjata fid-direzzjoni lejn soluzzjonijiet aktar sostenibbli li jkunu aktar effiċjenti fir-riżorsi, ċirkolari u newtrali għall-klima. Din teħtieġ li kull ċittadin, kull impjegat, kull persuna tan-negozju jkollha opportunità ġusta, kull fejn tgħix, li taħsad il-benefiċċji tas-soċjetà dejjem aktar diġitalizzata tagħna.

Soluzzjonijiet diġitali bħas-sistemi tal-komunikazzjoni, l-intelliġenza artifiċjali jew it-teknoloġiji kwantistiċi jistgħu jarrikkixxu ħajjitna b’diversi modi. Iżda minbarra l-benefiċċji, it-teknoloġiji diġitali għandhom ir-riskji u l-kostijiet tagħhom. Iċ-ċittadini m’għadhomx iħossuhom fil-kontroll fuq dak li jiġri mid-data personali tagħhom u qed jitgħabbew iżżejjed dejjem aktar b’solleċitazzjonijiet artifiċjali tal-attenzjoni tagħhom. U l-attivitajiet ċibernetiċi malizzjużi jistgħu jheddu l-benesseri personali tagħna jew ifixklu l-infrastrutturi kritiċi tagħna.

Din it-trasformazzjoni sostantiva tas-soċjetà titlob riflessjoni profonda fil-livelli kollha tas-soċjetà dwar kif l-Ewropa tista’ tegħleb dawn ir-riskji u l-isfidi bl-aħjar mod u tkompli tegħlibhom. Din se tkun teħtieġ sforz enormi, iżda l-Ewropa bla dubju għandha l-mezzi biex twassal dan il-ġejjieni diġitali għal kulħadd.

2.Il-viżjoni u l-għanijiet tagħna

Il-Kummissjoni trid soċjetà Ewropea li taħdem b’soluzzjonijiet diġitali msejsa fuq il-valuri komuni tagħna, u li jarrikkixxu l-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna: in-nies irid ikollhom l-opportunità li jiżviluppaw personalment, li jagħżlu liberament u b’mod sikur, li jinvolvu ruħhom fis-soċjetà u dan irrispettivament mill-età, mill-ġeneru jew mill-isfond professjonali tagħhom. In-negozji jeħtieġu qafas li jippermettilhom jiftħu, ikabbru, jiġbru u jużaw id-data bejniethom, jinnovaw u jikkompetu jew jikkooperaw b’mod ġust. U l-Ewropa jeħtieġ ikollha għażla u ssegwi t-trasformazzjoni diġitali bil-mod tagħha stess.

Għal sovranità teknoloġika Ewropea, qabelxejn irridu niżguraw l-integrità u r-reżiljenza tal-infrastruttura tad-data, tan-netwerks u tal-komunikazzjonijiet tagħna. Din teħtieġ il-ħolqien ta’ kundizzjonijiet tajbin biex l-Ewropa tiżviluppa u tuża l-kapaċitajiet ewlenin tagħha stess, u b’hekk titnaqqas id-dipendenza tagħna fuq partijiet oħra tad-dinja fir-rigward tal-aktar teknoloġiji kruċjali. B’dawn il-kapaċitajiet tissaħħaħ l-abbiltà tal-Ewropa li tiddefinixxi r-regoli u l-valuri tagħha stess fl-era diġitali. Is-sovranità teknoloġika Ewropea mhijiex definita kontra xi ħadd iżda tiffoka fuq il-bżonnijiet taċ-ċittadini Ewropej u tal-mudell soċjali Ewropew. L-UE se tibqa’ miftuħa għal kull min ikun lest isegwi r-regoli Ewropej u jilħaq l-istandards Ewropej, irrispettivament minn fejn ikun bbażat.

Jenħtieġ li ċ-ċittadini jingħataw is-setgħa li jieħdu deċiżjonijiet aħjar abbażi tat-tagħrif miksub minn data mhux personali. U d-data jenħtieġ tkun disponibbli għal kulħadd – kemm jekk tkun entità pubblika jew privata, kbira jew żgħira, negozju ġdid jew ġgant. Dan se jgħin lis-soċjetà tisfrutta l-innovazzjoni u l-kompetizzjoni bl-aqwa mod u tiżgura li kulħadd jibbenefika minn dividend diġitali. Jenħtieġ li din l-Ewropa diġitali tirrifletti l-aqwa kwalitajiet tal-Ewropa – il-ftuħ, il-ġustizzja, id-diversità, id-demokrazija u l-kunfidenza

Għall-ħames snin li ġejjin, il-Kummissjoni se tiffoka fuq tliet għanijiet ewlenin biex tiżgura li s-soluzzjonijiet diġitali jgħinu lill-Ewropa taqbad triqitha lejn trasformazzjoni diġitali li taħdem għall-benefiċċju tan-nies b’rispett lejn il-valuri tagħna. Dan se jqiegħed ukoll lill-Ewropa f’pożizzjoni ta’ trendsetter fid-dibattitu globali.

·Teknoloġija li taħdem għan-nies: L-iżvilupp, il-varar u l-użu ta’ teknoloġija li tagħmel differenza reali fil-ħajja ta’ kuljum tan-nies. Ekonomija b’saħħitha u kompetittiva li tiżviluppa u ssawwar it-teknoloġija b’mod li jirrispetta l-valuri Ewropej.

·Ekonomija ġusta u kompetittiva: Suq uniku bla intoppi, fejn kumpaniji ta’ kull daqs u f’kull settur ikunu jistgħu jikkompetu b’termini ugwali, u jkunu jistgħu jiżviluppaw, jikkummerċjalizzaw u jużaw teknoloġiji, prodotti u servizzi diġitali fuq skala li ssaħħaħ il-produttività u l-kompetittività globali tagħhom, u l-konsumaturi jistgħu jkunu kunfidenti li d-drittijiet tagħhom jiġu rispettati.

·Soċjetà miftuħa, demokratika u sostenibbli: Ambjent affidabbli li fih iċ-ċittadini jħossuhom imsaħħa fil-mod kif jaġixxu u jinteraġixxu, inkluż fir-rigward tad-data li jipprovdu kemm online kif ukoll offline. Rotta Ewropea għal trasformazzjoni diġitali li ssaħħaħ il-valuri demokratiċi tagħna, tirrispetta d-drittijiet fundamentali tagħna u tikkontribwixxi għal ekonomija sostenibbli, newtrali għall-klima u effiċjenti fir-riżorsi.

Biex l-Ewropa tinfluwenza tassew il-mod kif is-soluzzjonijiet diġitali jiġu żviluppati u użati fuq skala globali, jeħtieġ li minnha nnifisha tkun attur diġitali b’saħħtu, indipendenti u bi skop. Sabiex tikseb dan, hemm bżonn qafas ċar li jippromwovi interazzjonijiet affidabbli u li jaħdmu b’mod diġitali bejn is-soċjetà, kemm għan-nies kif ukoll għan-negozji. Mingħajr din l-enfasi fuq il-fiduċja, il-proċess vitali tat-trasformazzjoni diġitali ma jistax jirnexxi.

Il-ħolqien ta’ Ewropa lesta għall-era diġitali hija puzzle kumplessa b’ħafna biċċiet interkonnessi; bħal f’kull puzzle, ma tkunx tista’ tara l-istampa kollha qabel ma tgħaqqad il-biċċiet kollha flimkien. It-taqsimiet li ġejjin se jiddeskrivu kif il-Kummissjoni beħsiebha tgħaqqad din il-puzzle u tibdel il-viżjoni tagħha f’realtà.

A.Teknoloġija li taħdem għan-nies

L-Ewropa għandha storja twila u ta’ suċċess fit-teknoloġija u fil-kreattività. L-Ewropa tkun l-aktar b’saħħitha meta taġixxi flimkien u tgħaqqad il-forzi tagħha bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha; meta tinvolvi r-reġjuni u l-muniċipalitajiet, l-akkademja, is-soċjetà ċivili, l-istituzzjonijiet finanzjarji, in-negozji u l-intrapriżi soċjali. Hemm bżonn li l-Ewropa tgħaqqad l-investimenti tagħha fir-riċerka u fl-innovazzjoni, taqsam l-esperjenzi tagħha u tikkoopera bejn il-pajjiżi. Il-ftehimiet riċenti biex ikun hemm ħidma flimkien f’oqsma bħas-supercomputing u l-mikroelettronika wrew li l-kollaborazzjoni tista’ tkun effettiva ħafna. Se jsegwu inizjattivi simili fl-oqsma ewlenin tal-mewġa li jmiss ta’ teknoloġiji innovattivi. Il-promozzjoni tat-trasformazzjoni diġitali tal-amministrazzjonijiet pubbliċi madwar l-Ewropa hija kruċjali wkoll f’dan ir-rigward.

L-Ewropa trid tinvesti aktar fil-kapaċitajiet strateġiċi li jippermettulna niżviluppaw u nużaw soluzzjonijiet diġitali fuq skala kbira u biex nistinkaw għal interoperabbiltà f’infrastrutturi diġitali ewlenin, bħan-netwerks 5G (u 6G) estensivi tal-futur u t-teknoloġija profonda 1 . Biex nieħdu biss eżempju wieħed: il-konnettività hija l-aktar element fundamentali tat-trasformazzjoni diġitali. Hija propju dak li jippermetti l-fluss tad-data, il-kollaborazzjoni tan-nies kull fejn ikunu, u l-konnessjoni ta’ aktar oġġetti mal-internet, u b’hekk tittrasforma l-manifattura, il-mobbiltà u l-katini loġistiċi. Il-konnettività tal-Gigabits 2 ,li taħdem b’infrastrutturi siguri tal-fibra u tal-5G, hija vitali jekk irridu nisfruttaw il-potenzjal tat-tkabbir diġitali tal-Ewropa. Għal dan il-għan, huma meħtieġa investimenti adegwati fil-livelli tal-UE, nazzjonali u reġjonali biex jintlaħqu l-objettivi tal-konnettività tal-UE għall-2025., 3  

Il-Qafas Finanzjarju Pluriennali l-ġdid tal-UE se jikkontribwixxi għal dawn l-objettivi. L-għan huwa li tinkiseb aktar kapaċità strateġika fejn hi l-aktar importanti u li din tkun aħjar – permezz ta’ programmi ta’ finanzjament immirati 4 , u li jsir użu mill-garanzija InvestEU u mill-fondi strutturali u ta’ żvilupp rurali 5 . Dan il-finanzjament pubbliku jrid jintuża biex jiġġenera l-investiment privat, għax flimkien biss nistgħu neliminaw il-lakuni tal-investiment. L-Unjoni tas-Swieq Kapitali se tiffaċilita l-aċċess lill-kumpaniji innovattivi u tat-teknoloġiji avvanzati għal finanzjamenti bbażati fuq is-suq madwar l-UE kollha. Għalhekk, jeħtieġ niżguraw li jkun hemm firxa wiesgħa ta’ ekwità privata u pubblika disponibbli biex tiġi ffinanzjata l-innovazzjoni diġitali.

Jeħtieġ li l-Ewropa tinvesti fil-konnettività, fit-teknoloġija profonda u fil-kapital uman, kif ukoll fl-infrastrutturi intelliġenti tal-enerġija u tat-trasport. Għall-infrastruttura diġitali u għan-netwerks biss, l-UE għandha diskrepanza fl-investiment ta’ EUR 65 biljun fis-sena 6 . L-implimentazzjoni tar-riformi u ż-żieda fl-investimenti fir-Riċerka u l-Iżvilupp u fil-varar teknoloġiku jistgħu jrendu 14 % ta’ tkabbir addizzjonali kumulattiv tal-PDG sal-2030. Jekk nieħdu azzjoni malajr (pereżempju billi nżidu l-investimenti u nadottaw miżuri sal-2022 minflok sal-2025) dan iwassal għal żieda addizzjonali ta’ 3,2 % fil-PDG u ħolqien ta’ impjiegi pożittiv sal-2030 7 . Din hija spinta soċjoekonomika li l-Ewropa ma tistax titlef.

Madankollu, l-investiment fl-innovazzjoni huwa biss parti minn din il-kwistjoni. Trasformazzjoni diġitali reali trid tibda miċ-ċittadini u n-negozji Ewropej meta jafdaw li l-applikazzjonijiet u l-prodotti tagħhom huma siguri. Aktar ma nkunu interkonnessi, aktar inkunu vulnerabbli għall-attivitajiet ċibernetiċi malizzjużi. Biex nindirizzaw din it-theddida li dejjem qed tikber, jeħtieġ naħdmu flimkien f’kull stadju: nistabbilixxu regoli konsistenti għall-kumpaniji u mekkaniżmi aktar b’saħħithom għal kondiviżjoni proattiva tal-informazzjoni; niżguraw kooperazzjoni operattiva bejn l-Istati Membri, u bejn l-UE u l-Istati Membri; nibnu sinerġiji bejn ir-reżiljenza ċibernetika ċivili u d-dimensjonijiet tal-infurzar tal-liġi u tad-difiża taċ-ċibersigurtà 8 ; niżguraw li l-infurzar tal-liġi u l-awtoritajiet ġudizzjarji jkunu jistgħu jaħdmu b’mod effettiv billi niżviluppaw għodod ġodda li jintużaw kontra l-kriminali ċibernetiċi; u fl-aħħar iżda mhux l-inqas, irridu nissensibilizzaw liċ-ċittadini tal-UE dwar iċ-ċibersigurtà 9 .

Is-sens ta’ sikurezza u sigurtà mhuwiex biss kwistjoni ta’ ċibersigurtà. Iċ-ċittadini jeħtieġ ikunu kapaċi jafdaw lit-teknoloġija nnifisha, kif ukoll il-mod kif tintuża. Dan huwa partikolarment importanti fir-rigward tal-kwistjoni tal-intelliġenza artifiċjali. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni Ewropea qed tippreżenta White Paper dwar il-ħolqien ta’ ekosistemi ta’ eċċellenza u ta’ fiduċja fil-qasam tal-Intelliġenza Artifiċjali, abbażi tal-valuri Ewropej.

It-titjib tal-edukazzjoni u tal-ħiliet huwa parti ewlenija tal-viżjoni globali għat-trasformazzjoni diġitali fl-Ewropa. Il-kumpaniji Ewropej jeħtieġu impjegati li jkunu midħla tat-teknoloġija diġitali biex jirnexxu fis-suq globali mmexxi mit-teknoloġija. Min-naħa tagħhom, il-ħaddiema jeħtieġu kompetenzi diġitali biex jirnexxu fis-suq tax-xogħol, li qed isir dejjem aktar diġitalizzat u li qed jinbidel malajr 10 . Jista’ jkun hemm u jrid ikun hemm aktar nisa li jkollhom karrieri sodisfaċenti fit-teknoloġija, u jeħtieġ li t-teknoloġija Ewropea tibbenefika mill-ħiliet u mill-kompetenzi tan-nisa.

Madankollu, il-ħtieġa tal-ħiliet diġitali tmur ferm lil hinn mis-suq tal-impjiegi. Peress li t-teknoloġiji diġitali jidħlu fil-ħajja professjonali u privata tagħna, li wieħed ikollu mill-inqas litteriżmu u ħiliet diġitali bażiċi saret prekundizzjoni għall-parteċipazzjoni effettiva fis-soċjetà tal-lum.

Hekk kif jiġu awtonomizzati aktar proċessi, id-diġitalizzazzjoni se twassal għal bidliet lil hinn mis-settur tat-teknoloġija. Għadd kbir ta’ okkupazzjonijiet se jiġu trasformati kompletament. It-tranżizzjoni diġitali trid tkun ekwa u ġusta u tinkoraġġixxi lin-nisa biex jieħdu sehem sħiħ. Is-sħab soċjali għandhom rwol kruċjali f’dan il-kuntest. Fl-istess ħin, il-promozzjoni tal-innovazzjoni u d-diffużjoni teknoloġika huma prerekwiżiti għal kwalità ta’ ħajja tajba, għal opportunitajiet tax-xogħol u għall-eliminazzjoni tad-distakki eżistenti fil-parteċipazzjoni, b’mod partikolari fiż-żoni rurali u remoti li qed iġarrbu tixjiħ u tnaqqis fil-popolazzjoni.

Qed jitfaċċaw ukoll sfidi ġodda fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol. L-għadd dejjem jikber ta’ pjattaformi online ħoloq opportunitajiet ġodda biex in-nies jaqilgħu l-għajxien tagħhom, jew biex jidħlu jew jibqgħu fis-suq tax-xogħol. Fl-istess ħin, ħoloq għadd ta’ kwistjonijiet ġodda b’rabta mal-protezzjonijiet legali tal-persuni li għalkemm m’għandhomx status ta’ ħaddiem xorta jbatu minn uħud mill-vulnerabbiltajiet tagħhom. Għalhekk, il-Kummissjoni se tipproponi qafas imsaħħaħ għall-ħaddiema tal-pjattaformi.

Azzjonijiet ewlenin

- White Paper dwar l-Intelliġenza Artifiċjali li tistabbilixxi l-alternattivi għall-qafas leġiżlattiv għal Intelliġenza Artifiċjali affidabbli, (adottata flimkien ma’ din il-Komunikazzjoni), b’segwitu dwar is-sikurezza, ir-responsabbiltà, id-drittijiet fundamentali u d-data (Q4 2020).

- Il-bini u l-varar ta’ kapaċitajiet diġitali konġunti avvanzati fl-oqsma tal-Intelliġenza Artifiċjali, taċ-ċibersigurtà, tas-supercomputing, tal-computing kwantistiku, tal-komunikazzjoni kwantistika u tal-blockchain. Strateġiji Ewropej dwar il-kwantum u l-blockchain (Q2 2020) kif ukoll Regolament rivedut tal-EuroHPC 11 dwar is-supercomputing

- L-aċċellerazzjoni tal-investimenti fil-konnettività tal-Gigabits tal-Ewropa, permezz tar-reviżjoni tad-Direttiva dwar it-Tnaqqis tal-Ispiża tal-Broadband 12 , Pjan ta’ Azzjoni aġġornat dwar il-5G u s-6G u Programm ġdid tal-Politika tal-Ispettru tar-Radju (2021). Se jiġu introdotti kurituri 5G għal mobbiltà konnessa u awtomatizzata, li jinkludu kurituri ferrovjarji (2021-2030) (2021-2023).

- Strateġija Ewropea dwar iċ-ċibersigurtà, li tinkludi l-istabbiliment ta’ Unità taċ-Ċibersigurtà konġunta, Rieżami tad-Direttiva dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u tas-Sistemi tal-Informazzjoni (NIS) 13 u li tagħti spinta lis-suq uniku għaċ-ċibersigurtà.

- Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali biex tingħata spinta lill-litteriżmu u lill-kompetenzi diġitali fil-livelli kollha tal-edukazzjoni (Q2 2020).

- Aġenda għall-Ħiliet imsaħħa biex jissaħħu l-ħiliet diġitali fis-soċjetà kollha u Garanzija għaż-Żgħażagħ imsaħħa li tpoġġi enfasi qawwi fuq il-ħiliet diġitali fit-tranżizzjonijiet bikrija tal-karriera (Q2 2020).

- Inizjattiva biex jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema tal-pjattaformi (2021).

- Strateġija ta’ interoperabbiltà msaħħa tal-gvernijiet tal-UE biex jiġu żgurati koordinazzjoni u standards komuni għal flussi u servizzi tad-data siguri u mingħajr fruntieri fis-settur pubbliku. (2021)

B.Ekonomija ġusta u kompetittiva

F’dinja li kull ma’ jmur qed tiċkien, fejn it-teknoloġija qed tikseb dejjem aktar importanza, jeħtieġ li l-Ewropa tkompli taġixxi u tiddeċiedi b’mod indipendenti u tnaqqas id-dipendenza żejda fuq soluzzjonijiet diġitali maħluqa bnadi oħra.

Għall-iżvilupp ta’ bosta prodotti u servizzi, hemm bżonn li d-data tkun disponibbli faċilment u b’mod wiesa’, li tkun faċilment aċċessibbli u sempliċi biex tintuża u tiġi pproċessata. Id-data saret fattur ewlieni tal-produzzjoni, u l-valur li toħloq irid jinqasam lura mas-soċjetà kollha li tipparteċipa fil-forniment tad-data. Għalhekk, jeħtiġilna nibnu suq uniku Ewropew ġenwin tad-data – spazju Ewropew tad-data bbażat fuq ir-regoli u l-valuri Ewropej.

Bosta kumpaniji Ewropej – u b’mod partikolari l-SMEs – damu ma adottaw soluzzjonijiet diġitali, u għalhekk għadhom ma bbenefikawx minnhom u tilfu opportunitajiet biex jespandu. Il-Kummissjoni se taħdem biex tindirizza din il-kwistjoni permezz ta’ Strateġija Industrijali ġdida tal-UE li tistabbilixxi azzjonijiet li jiffaċilitaw it-tranżizzjoni lejn industrija tal-UE aktar diġitali, nadifa, ċirkolari u kompetittiva fuq livell globali. Din se tinkludi wkoll strateġija għall-SMEs, parti vitali mill-ekonomija Ewropea, li ta’ spiss tkun imxekkla min-nuqqas ta’ ħiliet disponibbli u minn nuqqas ta’ aċċess għall-finanzi u għas-swieq.

Sabiex jiftħu u jikbru fl-Ewropa, l-SMEs jeħtieġu suq uniku bla intoppi, u mingħajr it-tfixkil ta’ regolamenti lokali jew nazzjonali diverġenti li, b’mod partikolari, iżidu l-piżijiet amministrattivi għal kumpaniji iżgħar. Jeħtieġu regoli ċari u proporzjonati li jiġu infurzati b’mod effettiv u uniformi madwar l-UE, li jipprovdulhom suq domestiku b’saħħtu immens li minnu jvaraw lilhom infushom fix-xena dinjija.

Fl-era diġitali, l-iżgurar ta’ kundizzjonijiet ekwi għan-negozji kbar u żgħar huwa aktar importanti minn qatt qabel. Dan jissuġġerixxi li r-regoli li japplikaw offline – mir-regoli tal-kompetizzjoni u tas-suq uniku, tal-protezzjoni tal-konsumatur, tal-proprjetà intellettwali, tat-tassazzjoni u tad-drittijiet tal-ħaddiema – jenħtieġ japplikaw ukoll online. Il-konsumaturi jeħtieġ ikunu jistgħu jafdaw il-prodotti u s-servizzi diġitali daqs kemm jafdaw kull prodott u servizz ieħor. Jeħtieġ li tingħata attenzjoni lill-aktar konsumaturi vulnerabbli u li jiġi żgurat l-infurzar tal-liġijiet dwar is-sikurezza, anke fir-rigward tal-prodotti li joriġinaw minn pajjiżi terzi. Hemm xi pjattaformi li kisbu skala sinifikanti li effettivament tippermettilhom jaġixxu bħala gwardjani privati tas-swieq, tal-klijenti u tal-informazzjoni. Irridu niżguraw li r-rwol sistemiku ta’ ċerti pjattaformi online u s-saħħa fis-suq li jiksbu ma jpoġġux il-ġustizzja u l-ftuħ tas-swieq tagħna f’periklu.

Fir-rigward tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-UE b’mod speċifiku, is-sisien tagħha huma rilevanti għall-industriji diġitali daqs kemm huma rilevanti għall-industriji tradizzjonali. Il-liġi tal-kompetizzjoni tal-UE serviet lill-Ewropa sew billi kkontribwiet għal ambjent ekwu fejn is-swieq iservu lill-konsumaturi. Fl-istess ħin, huwa importanti li r-regoli tal-kompetizzjoni jibqgħu adattati għal dinja li qed tinbidel malajr, li qed issir dejjem aktar diġitali u li trid issir aktar ekoloġika. B’dan il-ħsieb, bħalissa l-Kummissjoni qed tirrifletti dwar l-effettività tal-mod kif jiġu applikati r-regoli attwali, pereżempju fir-rigward tar-rimedji tal-antitrust, u qed twettaq ukoll evalwazzjoni u rieżami tar-regoli nfushom sabiex tiżgura li dawn jissodisfaw l-isfidi diġitali u ekoloġiċi tal-lum.

Diġà qed jitwettqu rieżamijiet tar-regoli li jirregolaw il-ftehimiet orizzontali u vertikali u tal-avviż tad-definizzjoni tas-swieq, kif ukoll kontroll tal-“idoneità” ta’ diversi linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat. Fost il-kwistjonijiet ewlenin għall-futur diġitali tal-Ewropa hemm l-aċċess għad-data, il-ġbir u l-kondiviżjoni tad-data, u l-bilanċ bejn il-kummerċ online u offline. Ir-rieżami tal-avviż tad-definizzjoni tas-swieq se jqis ukoll mudelli ta’ negozju diġitali ġodda – bħas-servizzi “mingħajr ħlas” li l-utenti jaċċessaw meta jipprovdu d-data tagħhom – u l-implikazzjonijiet tagħhom għar-restrizzjonijiet kompetittivi. Il-kontroll tal-idoneità li qed isir tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2014 dwar il-Proġetti Importanti ta’ Interess Ewropew Komuni (IPCEI) huwa mfassal biex jiġi vvalutat jekk huwiex meħtieġ aġġornament biex jiġu ċċarati aktar il-kundizzjonijiet li skonthom ikunu jistgħu jitkomplew b’mod effettiv il-proġetti ewlenin immexxija mill-Istati Membri f’setturi strateġiċi ewlenin għall-futur diġitali u ekoloġiku tal-Ewropa.

Il-Kummissjoni qed tippjana wkoll li tniedi inkjesta settorjali li jkollha enfasi qawwija fuq dawn is-swieq ġodda u emerġenti li qed isawru l-ekonomija u s-soċjetà tagħna.

Madankollu, il-politika tal-kompetizzjoni waħedha ma tistax tindirizza l-problemi sistemiċi kollha li jistgħu jinqalgħu fl-ekonomija tal-pjattaformi. Abbażi tal-loġika tas-suq uniku, jistgħu jkunu meħtieġa regoli addizzjonali biex jiġu żgurati l-kontestabbiltà, il-ġustizzja u l-innovazzjoni u l-possibbiltà tad-dħul fis-suq, kif ukoll l-eżistenza ta’ interessi pubbliċi li jmorru lil hinn mill-kompetizzjoni jew mill-kunsiderazzjonijiet ekonomiċi.

L-iżgurar tal-ġustizzja fl-ekonomija diġitali hija sfida ewlenija. Fid-dinja diġitali mingħajr fruntieri, għadd żgħir ta’ kumpaniji bl-akbar sehem mis-suq jiksbu l-maġġoranza tal-profitti fuq il-valur li jinħoloq f’ekonomija bbażata fuq id-data. Dawk il-profitti ta’ spiss ma jiġux intaxxati fil-post fejn jiġu ġġenerati minħabba regoli tat-taxxa korporattiva antikwati, u dan ifixkel il-kompetizzjoni. Huwa għalhekk li l-Kummissjoni se tfittex li tindirizza l-isfidi tat-taxxa li jirriżultaw mid-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija.

Azzjonijiet ewlenin

- Strateġija Ewropea għad-Data biex l-Ewropa ssir mexxejja globali fl-ekonomija aġli mil-lat ta’ data (Frar 2020), li tħabbar qafas leġiżlattiv għall-governanza tad-data (Q4 2020) u l-possibbiltà ta’ Att dwar id-Data (2021).

- Valutazzjoni u rieżami kontinwu tal-idoneità tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE għall-era diġitali (2020-2023), u t-tnedija ta’ inkjesta settorjali (2020).

- Fil-kuntest tal-pakkett tal-Att dwar is-Servizzi Diġitali, il-Kummissjoni se tesplora aktar ir-regoli ex ante biex tiżgura li s-swieq ikkaratterizzati minn pjattaformi kbar li għandhom effetti sinifikanti tan-netwerk u li jaġixxu bħala gwardjani, jibqgħu ġusti u kontestabbli għall-innovaturi, għan-negozji u għall-parteċipanti ġodda fis-suq. (Q4 2020).

-

- Proposta ta’ Pakkett dwar l-Istrateġija Industrijali li jippreżenta firxa ta’ azzjonijiet li jiffaċilitaw it-trasformazzjoni lejn industriji tal-UE nodfa, ċirkolari, diġitali u kompetittivi globalment, li jinkludu lill-SMEs u t-tisħiħ tar-regoli tas-suq uniku.

- Il-ħolqien ta’ qafas li jippermetti Finanzi Diġitali konvenjenti, kompetittivi u siguri, li jinkludi proposti leġiżlattivi dwar il-kriptoassi, u dwar ir-reżiljenza diġitali, operazzjonali u ċibernetika fis-settur finanzjarju, u strateġija għal suq integrat tal-pagamenti tal-UE li jappoġġa s-servizzi u s-soluzzjonijiet tal-pagamenti diġitali pan-Ewropej (Q3 2020);

- Komunikazzjoni dwar it-Tassazzjoni tal-Intrapriżi għas-seklu 21, li tqis il-progress li sar fil-kuntest tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) fl-indirizzar tal-isfidi tat-taxxa li jirriżultaw mid-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija.

- It-twettiq ta’ Aġenda tal-Konsumatur ġdida, li tagħti s-setgħa lill-konsumaturi biex jagħmlu għażliet infurmati u jkollhom rwol attiv fit-trasformazzjoni diġitali (Q4 2020).

C.Soċjetà miftuħa, demokratika u sostenibbli

In-nies għandhom dritt għal teknoloġija li jistgħu jafdaw. Dak li huwa illegali offline jrid ukoll ikun illegali online. Filwaqt li ma nistgħux inbassru l-futur tat-teknoloġija diġitali, il-valuri u r-regoli etiċi Ewropej u n-normi soċjali u ambjentali jridu japplikaw ukoll fl-ispazju diġitali.

F’dawn l-aħħar snin, l-Ewropa wittiet it-triq lejn internet miftuħ, ġust, inklużiv u li jiffoka fuq in-nies permezz tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data li jistabbilixxi l-istandards u r-regoli tiegħu għall-kooperazzjoni bejn il-pjattaformi u n-negozji. Sabiex tipproteġi lid-demokraziji Ewropej u l-valuri li jirfduhom, il-Kummissjoni se tkompli tiżviluppa u timplimenta regoli innovattivi u proporzjonati għal soċjetà diġitali affidabbli. Soċjetà diġitali bħal din jenħtieġ tkun kompletament inklużiva, ġusta u aċċessibbli għal kulħadd.

F’dan il-kuntest, huwa essenzjali li jissaħħu u jiġu mmodernizzati r-regoli applikabbli għas-servizzi diġitali madwar l-UE, filwaqt li jiġu ċċarati r-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-pjattaformi online. Il-bejgħ ta’ oġġetti illeċiti, perikolużi jew foloz, u d-disseminazzjoni tal-kontenut illegali jridu jiġu indirizzati b’mod effettiv online daqs kemm jiġu indirizzati offline.

Li jkun hemm fiduċja fid-dinja online jfisser ukoll li l-konsumaturi jkollhom aktar kontroll u responsabbiltà għad-data u l-identità tagħhom. Huma meħtieġa regoli aktar ċari dwar it-trasparenza, l-imġiba u r-responsabbiltà ta’ dawk li jaġixxu bħala l-gwardjani tal-informazzjoni u tal-fluss tad-data, kif ukoll infurzar effettiv tar-regoli eżistenti. Jenħtieġ ukoll li n-nies ikunu jistgħu jikkontrollaw l-identità tagħhom online, meta tkun meħtieġa l-awtentikazzjoni biex ikollhom aċċess għas-servizzi online. Hija meħtieġa identità elettronika (eID) pubblika aċċettata universalment sabiex il-konsumaturi jkollhom aċċess għad-data tagħhom u jużaw il-prodotti u s-servizzi li jridu b’mod sigur mingħajr ma jkollhom jużaw pjattaformi mhux relatati u jikkondividu d-data magħhom bla bżonn. L-Ewropej jistgħu jibbenefikaw ukoll mill-użu tad-data biex itejbu t-teħid tad-deċiżjonijiet pubbliċi kif ukoll dawk privati.

F’dinja fejn il-biċċa l-kbira tad-dibattiti pubbliċi u tar-reklamar politiku bdew isiru online, irridu wkoll inkunu lesti naġixxu biex niddefendu d-demokraziji tagħna bil-qawwa. Iċ-ċittadini jridu tweġibiet sinifikanti li jindirizzaw it-tentattivi ta’ manipulazzjoni tal-ispazju tal-informazzjoni, ta’ spiss permezz ta’ kampanji ta’ diżinformazzjoni mmirati u kkoordinati. L-Ewropa teħtieġ aktar trasparenza fil-modi ta’ kif l-informazzjoni tiġi kondiviża u ġestita fuq l-internet. Midja ta’ kwalità affidabbli hija essenzjali għad-demokrazija u għad-diversità kulturali. Fid-dawl ta’ dan, il-Kummissjoni se tippreżenta Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għad-Demokrazija u pjan ta’ azzjoni speċifiku għas-settur tal-midja u dak awdjoviżiv.

Il-komponent diġitali se jkun kruċjali wkoll biex jintlaħqu l-ambizzjonijiet tal-Patt Ekoloġiku Ewropew 14 u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli 15 . Bħala faċilitaturi b’saħħithom tat-tranżizzjoni lejn is-sostenibbiltà, is-soluzzjonijiet diġitali jistgħu javvanzaw l-ekonomija ċirkolari, jappoġġaw id-dekarbonizzazzjoni tas-setturi kollha u jnaqqsu l-impronta ambjentali u soċjali tal-prodotti li jitqiegħdu fis-suq tal-UE. Pereżempju, is-setturi ewlenin bħall-agrikoltura ta’ preċiżjoni, it-trasport u l-enerġija jistgħu jibbenefikaw immens mis-soluzzjonijiet diġitali biex jilħqu l-objettivi ambizzjużi tas-sostenibbiltà tal-Patt Ekoloġiku Ewropew.

Is-soluzzjonijiet diġitali, u d-data b’mod partikolari, se jippermettu wkoll approċċ ta’ ċiklu tal-ħajja integrat b’mod sħiħ, mit-tfassil permezz tal-għażla tal-provvista tal-enerġija, tal-materja prima u ta’ elementi kontributuri oħra, sal-prodotti finali u mbagħad sal-istadju ta’ tmiem il-ħajja. Pereżempju, jekk insegwu fejn u meta l-elettriku huwa l-aktar meħtieġ nistgħu nżidu l-effiċjenza enerġetika u nużaw inqas fjuwils fossili.

Madankollu, huwa ċar ukoll li s-settur tal-ICT jeħtieġ jgħaddi wkoll mit-trasformazzjoni ekoloġika tiegħu. L-impronta ambjentali ta’ dan is-settur hija sinifikanti, u hija stmata għal bejn il-5 u d-9 % tal-użu tal-elettriku totali tad-dinja u għal aktar minn 2 % tal-emissjonijiet kollha 16 . Iċ-ċentri tad-data u tat-telekomunikazzjonijiet jeħtieġ isiru aktar effiċjenti fl-enerġija, jużaw mill-ġdid l-enerġija mill-iskart u jużaw aktar sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. Dawn jistgħu u jenħtieġ isiru newtrali għall-klima sal-2030.

Huwa importanti wkoll il-mod kif it-tagħmir tal-ICT jitfassal, jinxtara, jiġi kkunsmat u riċiklat. Lil hinn mir-rekwiżiti tal-effiċjenza enerġetika tal-Ekodisinn, it-tagħmir tal-ICT irid isir ċirkolari għalkollox – imfassal biex iservi aktar, biex tkun tista’ ssirlu manutenzjoni kif suppost, biex ikun jista’ jinkludi materjal riċiklat u biex ikun jista’ jiġi żarmat u riċiklat faċilment.

Is-setgħa tad-data hija essenzjali wkoll fis-settur tas-saħħa. Ir-reġistri tas-saħħa diġitalizzati, li jinġabru fi spazju Ewropew tad-data dwar is-saħħa, jistgħu jwasslu għal trattament aħjar ta’ kundizzjonijiet kroniċi maġġuri, inkluż il-kanċer u l-mard rari, iżda wkoll għall-aċċess ugwali għal servizzi tas-saħħa ta’ kwalità għolja għaċ-ċittadini kollha.

Azzjonijiet ewlenin

 

- Regoli ġodda u riveduti li japprofondixxu s-Suq Intern għas-Servizzi Diġitali, billi jżidu u jarmonizzaw ir-responsabbiltajiet tal-pjattaformi online u tal-fornituri tas-servizzi tal-informazzjoni u jsaħħu s-sorveljanza fuq il-politiki tal-kontenut tal-pjattaformi fl-UE. (Q4 2020, bħala parti mill-pakkett tal-Att dwar is-Servizzi Diġitali).

- Reviżjoni tar-Regolament eIDAS biex tittejjeb l-effettività tiegħu, jiġu estiżi l-benefiċċji tiegħu għas-settur privat u jiġu promossi identitajiet diġitali fdati għall-Ewropej kollha (Q4 2020).

-

- Pjan ta’ Azzjoni medjatiku u awdjoviżiv li jappoġġa t-trasformazzjoni diġitali u l-kompetittività tas-settur awdjoviżiv u tal-midja, biex jiġi stimulat l-aċċess għal kontenut ta’ kwalità u l-pluraliżmu tal-midja (Q4 2020)

- Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għad-Demokrazija li jtejjeb ir-reżiljenza tas-sistemi demokratiċi tagħna, li jappoġġa l-pluraliżmu tal-midja u jindirizza t-theddid ta’ intervent estern fl-elezzjonijiet Ewropej (Q4 2020).

-    L-inizjattiva “Destinazzjoni d-Dinja”, għall-iżvilupp ta’ mudell diġitali tad-Dinja (“Tewmi Diġitali tad-Dinja”) li jtejjeb il-kapaċitajiet ta’ tbassir u ta’ ġestjoni tal-kriżijiet ambjentali tal-Ewropa (Żmien: mill-2021).

-    Inizjattiva tal-apparat elettroniku ċirkolari, li timmobilizza l-istrumenti eżistenti u ġodda f’konformità mal-qafas ta’ politika għall-prodotti sostenibbli tal-pjan ta’ azzjoni għall-ekonomija ċirkolari li jmiss, sabiex jiġi żgurat li l-apparati jiġu mfassla bil-ħsieb tad-durabbiltà, il-manutenzjoni, iż-żarmar, l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ, u inkluż id-dritt għal tiswija jew aġġornament biex jiġi estiż iċ-ċiklu tal-ħajja tal-apparati elettroniċi u jiġi evitat li jsiru obsoleti qabel iż-żmien (2021).

- Inizjattivi biex jinkisbu ċentri tad-data newtrali għall-klima, li jkunu effiċjenti ħafna fl-użu tal-enerġija u sostenibbli sa mhux aktar tard mill-2030 u miżuri ta’ trasparenza għall-operaturi tat-telekomunikazzjoni dwar l-impronta ambjentali tagħhom.

- Il-promozzjoni ta’ reġistri elettroniċi tas-saħħa bbażati fuq format ta’ skambju Ewropew komuni biex iċ-ċittadini Ewropej jingħataw aċċess sigur għad-data dwar is-saħħa madwar l-UE u għall-iskambju tagħha. Spazju Ewropew tad-data dwar is-saħħa li jtejjeb l-aċċessibbiltà għad-data dwar is-saħħa f’termini ta’ sikurezza u sigurtà u jippermetti riċerka, dijanjożi u trattamenti mmirati u aktar malajr (mill-2022).

3.Id-dimensjoni internazzjonali – l-Ewropa bħala attur globali

Il-mudell Ewropew kien ta’ ispirazzjoni għal diversi sħab oħra madwar id-dinja huma u jfittxu jindirizzaw l-isfidi ta’ politika, u dan jenħtieġ ma jkunx differenti f’dak li għandu x’jaqsam mal-aspett diġitali.

F’termini ġeopolitiċi, jenħtieġ li l-UE tisfrutta s-setgħa regolatorja, il-kapaċitajiet industrijali u teknoloġiċi msaħħa, il-qawwiet diplomatiċi u l-istrumenti finanzjarji esterni tagħha biex timbotta l-approċċ Ewropew u ssawwar l-interazzjonijiet globali. Dan jinkludi l-ħidma li saret skont il-ftehimiet ta’ assoċjazzjoni u tal-kummerċ, kif ukoll il-ftehimiet milħuqa f’korpi internazzjonali bħan-Nazzjonijiet Uniti, l-OECD, l-ISO u l-G20 bl-appoġġ tal-Istati Membri tal-UE.

Preżenza diġitali b’saħħitha fil-politika tat-tkabbir, tal-viċinat u tal-iżvilupp tal-UE se tippermetti t-tkabbir u tixpruna l-iżvilupp sostenibbli, inkluż l-użu ta’ ICT ekoloġika fil-pajjiżi u fir-reġjuni sħab, bi qbil mal-impenn tal-Ewropa għall-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli. Il-konklużjonijiet tat-Task Force dwar l-Ekonomija Diġitali tal-Unjoni Afrikana u tal-UE se jirfdu l-appoġġ għat-trasformazzjoni diġitali fl-Afrika, inkluż il-ħolqien ta’ Suq Diġitali Uniku Afrikan hekk kif isir disponibbli l-finanzjament permezz tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali l-ġdid tal-UE.

Bosta pajjiżi madwar id-dinja allinjaw il-leġiżlazzjoni tagħhom mas-sistema b’saħħitha tal-protezzjoni tad-data tal-UE. Biex jerġa’ jkollha dan is-suċċess, l-UE jenħtieġ tippromwovi b’mod attiv il-mudell tagħha ta’ internet globali sikur u miftuħ.

F’termini ta’ standards, is-sħab kummerċjali tagħna ngħaqdu mal-proċess immexxi mill-UE li stabbilixxa b’suċċess l-istandards globali għall-5G u għall-Internet tal-Oġġetti. L-Ewropa issa trid tkun mexxejja fil-proċess tal-adozzjoni u tal-istandardizzazzjoni tal-ġenerazzjoni teknoloġika l-ġdida: il-blockchain, is-supercomputing, it-teknoloġiji kwantistiċi, l-algoritmi u l-għodod li jippermettu l-kondiviżjoni tad-data u l-użu tad-data 17 . 

Fir-rigward tal-kummerċ u tal-investiment, il-Kummissjoni se tkompli tindirizza r-restrizzjonijiet mhux ġustifikati għall-kumpaniji Ewropej f’pajjiżi terzi, bħar-rekwiżiti ta’ lokalizzazzjoni tad-data, u se tħabrek biex tilħaq għanijiet ambizzjużi f’termini ta’ aċċess għas-suq, ir-rispett tal-proprjetà intellettwali, ir-riċerka u l-iżvilupp, u l-programmi tal-istandardizzazzjoni. Id-diskussjonijiet li għaddejjin dwar il-bini ta’ alleanza tad-data affidabbli ma’ sħab tal-istess fehma tagħna, li jaqsmu l-valuri u l-istandards għoljin tagħna, jistgħu jtejbu l-flussi tad-data u l-ġabra tad-data ta’ kwalità għolja disponibbli.

L-UE hija l-aktar reġjun miftuħ għall-kummerċ u għall-investiment fid-dinja u se tibqa’ dan, dment li kull min jiġi hawnhekk għan-negozju jaċċetta u jirrispetta r-regoli tagħna. Il-Kummissjoni se tuża l-istrumenti kollha għad-dispożizzjoni tagħha biex tiżgura li kulħadd jirrispetta l-leġiżlazzjoni tal-UE u r-regoli internazzjonali biex jinżamm ambjent ekwu fis-settur diġitali. Se tipproponi wkoll regoli ġodda fejn meħtieġ, bħax-xogħol li għaddej bħalissa biex jiġi żviluppat strument legali li jindirizza l-effetti distorsivi tas-sussidji barrani fis-suq intern.

L-Istrateġija Globali għall-Kooperazzjoni Diġitali se tippreżenta approċċ Ewropew għat-trasformazzjoni diġitali li jibni fuq l-istorja twila u ta’ suċċess tagħna fl-oqsma tat-teknoloġija, tal-innovazzjoni u tal-inġenwità, li jkun ibbażat fuq il-valuri Ewropej, inkluż dak tal-ftuħ, u se twassalhom fuq ix-xena internazzjonali u tinvolvi lis-sħab tagħna. Din se tirrifletti wkoll fuq l-ħidma tal-UE fl-Afrika u fi bnadi oħra fir-rigward tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli, “Digital4Development” u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet.

L-Ewropa tinsab fuq quddiem nett fl-indirizzar tal-interferenzi manipulattivi fl-ispazju tal-informazzjoni tagħha u żviluppat approċċi u strumenti importanti. Se tkompli taħdem mill-qrib mas-sħab internazzjonali tagħha, bħall-G7, biex jinstabu approċċi komuni bil-ħsieb li jiġu żviluppati normi u standards internazzjonali.

Azzjonijiet ewlenin

- Strateġija Globali għall-Kooperazzjoni Diġitali (2021).

- White Paper dwar strument għas-sussidji barranin (Q2 2020).

- Ċentru Diġitali għall-Iżvilupp li se jibni u jikkonsolida approċċ għall-UE kollha kemm hi li jippromwovi l-valuri tal-UE u jimmobilizza l-Istati Membri tal-UE u l-industrija tal-UE, l-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili (CSOs), l-istituzzjonijiet finanzjarji, l-għarfien espert u t-teknoloġiji fid-diġitalizzazzjoni.

- Strateġija għall-istandardizzazzjoni, li tippermetti l-varar ta’ teknoloġiji interoperabbli li jirrispettaw ir-regoli tal-Ewropa, u li tippromwovi l-approċċ u l-interessi tal-Ewropa fix-xena globali (Q3 2020).

- Immappjar tal-opportunitajiet u pjan ta’ azzjoni għall-promozzjoni tal-approċċ Ewropew fir-relazzjonijiet bilaterali u fil-fora multilaterali (Q2 2020).

4.Konklużjoni

It-teknoloġiji diġitali, avvanzati kemm huma avvanzati, jibqgħu biss għodod. Ma jistgħux isolvu l-problemi kollha tagħna. Minkejja dan, qed jagħmlu possibbli affarijiet li sa ġenerazzjoni ilu lanqas biss konna nimmaġinawhom. Is-suċċess tal-Istrateġija Diġitali tal-Ewropa se jitkejjel f’kemm inkunu kapaċi nħaddmu dawn l-għodod biex inwettqu beni pubbliċi għaċ-ċittadini Ewropej.

L-ekonomija aġli mil-lat ta’ data u l-potenzjal trasformattiv enormi tagħha se jaffettwawna lkoll u l-Ewropa tinsab lesta biex taħtaf bis-sħiħ il-vantaġġi li se ġġib magħha. Madankollu, sabiex din it-trasformazzjoni diġitali tirnexxi bis-sħiħ, jeħtieġ noħolqu l-oqfsa t-tajba biex niżguraw teknoloġija affidabbli u biex nagħtu lin-negozji l-fiduċja, il-kompetenzi u l-mezzi biex jiddiġitalizzaw. Il-koordinazzjoni tal-isforzi bejn l-UE, l-Istati Membri, ir-reġjuni, is-soċjetà ċivili u s-settur privat hija essenzjali biex niksbu dan u nsaħħu t-tmexxija diġitali tal-Ewropa.

L-Ewropa tista’ tkun il-mexxejja ta’ din it-trasformazzjoni diġitali u tistabbilixxi l-istandards globali fir-rigward tal-iżvilupp teknoloġiku. Aktar importanti minn hekk, tista’ tagħmel dan filwaqt li tiżgura l-inklużjoni u r-rispett ta’ kull bniedem. It-trasformazzjoni diġitali tista’ taħdem biss jekk taħdem għal kulħadd u mhux biss għal ftit. Dan se jkun tassew proġett Ewropew – soċjetà diġitali bbażata fuq il-valuri Ewropej u r-regoli Ewropej – li jista’ tassew jispira lill-bqija tad-dinja.

(1)

Is-supercomputing, it-teknoloġiji kwantistiċi, il-blockchain u l-kapaċitajiet tal-cloud siguri u pan-Ewropej

(2)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Konnettività għal Suq Uniku Diġitali Kompetittiv – Lejn Soċjetà Ewropea tal-Gigabits”, COM/2016/0587 final.

(3)

Dawn l-objettivi jeħtieġu li l-familji Ewropej kollha, rurali jew urbani, ikollhom konnettività tal-internet ta’ mill-inqas “100 Mbps, li tista’ tiġi aġġornata għal veloċità bil-Gigabits”. Dan jirrifletti l-aspettattiva tal-Kummissjoni li, kulma jmur f’dan id-deċennju, l-unitajiet domestiċi se jkunu jeħtieġu dejjem aktar il-veloċitajiet ta’ 1 Gbps. Dan jaqbel mal-osservazzjoni tal-Kummissjoni li t-talbiet tal-kapaċità tan-netwerk qed jikbru b’mod esponenzjali u li hemm bżonn jiġu żgurati investimenti sostenibbli f’netwerks li kapaċi joffru veloċitajiet tal-Gigabits simetriċi (jiġifieri għall-upload u għad-download) biex ikunu adegwati għall-ekonomija Ewropea tad-data wara l-2025. Il-muturi soċjoekonomiċi ewlenin kollha, bħall-iskejjel, l-isptarijiet u n-negozji jenħtieġ jibbenefikaw diġà mill-konnettività tal-Gigabits b’veloċitajiet ta’ upload u download indaqs sa mhux aktar tard mill-2025.

(4)

Il-Programm Ewropa Diġitali (DEP), il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE 2), Orizzont Ewropa, il-Programm Spazjali.

(5)

Il-FEŻR, il-FAEŻR.

(6)

 Restoring EU competitiveness, (Inreġġgħu lura l-kompetittività tal-UE), il-BEI, 2016. Ir-Rapport tal-BEI dwar l-Investiment 2019/20, Accelerating Europe’s Transformation, (Inħaffu t-Trasformazzjoni tal-Ewropa), jikkonferma li huwa meħtieġ investiment pubbliku fuq skala kbira biex tiġi appoġġata d-diġitalizzazzjoni tal-infrastruttura.

(7)

 Shaping the digital transformation (Insawru t-trasformazzjoni diġitali), Studju mwettaq għall-Kummissjoni Ewropea, McKinsey Global Institute (li għandu jiġi ppubblikat fit-tieni kwart tal-2020)

(8)

Is-sett ta’ għodod tal-UE għas-sigurtà tal-5G li ġie ppubblikat riċentement jikkostitwixxi pass importanti għax jistabbilixxi sett ta’ miżuri robusti u komprensivi għal approċċ koordinat tal-UE biex ikollna netwerks 5G siguri.

(9)

It-tisħiħ taċ-ċibersigurtà se jkun kontribut ewlieni lejn il-bini ta’ Unjoni tas-Sigurtà ġenwina u effettiva.

(10)

Aktar minn 90 % tal-impjiegi diġà jitolbu mill-anqas ħiliet diġitali bażiċi, iżda 43 % taċ-ċittadini Ewropej u aktar minn terz tal-forza tax-xogħol tal-UE huma neqsin minnhom.

(11)

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 2018/1488 tat-28 ta’ Settembru 2018.

(12)

Id-Direttiva 2014/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014.

(13)

Id-Direttiva (UE) 2016/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Lulju 2016

(14)

Il-Patt Ekoloġiku Ewropew, COM(2019) 640 final, il-11 ta’ Diċembru 2019: https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/european-green-deal-communication_en.pdf

(15)

L-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDG) huma ġabra ta’ 17-il għan globali mfassla biex ikunu “pjan ta’ azzjoni għall-kisba ta’ futur aħjar u aktar sostenibbli għal kulħadd”. Dawn ġew stabbiliti mill-Assemblea Ġenerali tan-NU, bħala parti mir-Riżoluzzjoni tan-NU 70/1, fl-2015: https://www.un.org/sustainabledevelopment/sustainable-development-goals/ .

(16)

 Il-Forum Dinji dwar l-Enerġija: https://www.enerdata.net/publications/executive-briefing/expected-world-energy-consumption-increase-from-digitalization.html .

(17)

Pereżempju, l-użu tal-istandard tal-fatturar elettroniku tal-UE fl-Awstralja, fi New Zealand u f’Singapore, kien ta’ suċċess, qed jaġixxi bħala faċilitatur tal-kummerċ għan-negozji tal-UE u qed jiġi kkunsidrat għall-użu fil-livell internazzjonali.